52007PC0467

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' konsultazzjonijiet mar-Repubblika tal-Gżejjer Fiġi taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Partenarjat AKP-KE u l-Artikolu 37 ta' l-Istrument ta' Kooperazzjoni fl-Iżvilupp /* KUMM/2007/0467 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 10.8.2007

KUMM(2007) 467 finali

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni ta' konsultazzjonijiet mar-Repubblika tal-Gżejjer Fiġi taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Partenarjat AKP-KE u l-Artikolu 37 ta' l-Istrument ta' Kooperazzjoni fl-Iżvilupp

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

Fis-27 ta' Frar 2007 l-Unjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ konsultazzjonijiet mar-Repubblika tal-Gżejjer Fiġi taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Partenarjat ta' l-AKP-UE, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ il-Ftehim ta' Cotonou. Din id-deċiżjoni ttieħdet minħabba li l-kolp ta' stat militari li seħħ fil-Fiġi fil-5 ta' Diċembru 2006 kkostitwixxa vjolazzjoni tat-tliet elementi essenzjali msemmija fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta' Cotonou: id-drittijiet umani, il-prinċipji demokratiċi u t-tmexxija skond il-liġi. Wara kuntatti sostanzjali ta' tħejjija bejn il-partijiet, fit-18 ta' April 2007 bdew konsultazzjonijiet formali taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou u l-Artikolu 37 ta' l-Istrument ta' Żvilupp fil-Kooperazzjoni.

Il-laqgħa kienet kostruttiva u ħarset 'il quddiem, u ppermettiet il-bdil ħieles ta' fehmiet. Attendew tliet rappreżentanti tal-Gvern Proviżorju tal-Fiġi, li kellhom l-opportunità li jippreżentaw il-fehmiet tal-Gvern Proviżorju. Flimkien ma' dan, il-Fiġi ippreżentaw sottomissjoni bil-miktub, li tagħha l-UE ħadet nota. Fil-konsultazzjonijiet ħa sehem ukoll grupp ta' ambaxxaturi mill-pajjiżi ta' l-AKP, flimkien ma' rappreżentanti mis-Segretarjat ta' l-AKP.

Fil-laqgħa, il-Gvern Proviżorju tal-Fiġi ftiehem dwar għadd ta' impenji li jirrigwardaw it-tliet elementi essenzjali. Dawn l-impenji huma:

A. Rispett lejn il-Prinċipji tad-Demokrazija

Impenn Nru 1

Li jseħħu elezzjonijiet parlamentari ħielsa u ġusti fi żmien 24 xahar mill-1 ta' Marzu 2007, soġġett għas-sejbiet tal-valutazzjoni li għandha ssir mill-awdituri indipendenti maħtura mis-Segretarjat tal-Forum tal-Gżejjer Paċifiċi. Il-proċessi li jwasslu għal, u t-twettiq ta' l-elezzjonijiet għandhom ikunu sorveljati b'mod konġunt, adatti u riveduti kif xieraq fuq il-bażi ta' parametri maqbula b'mod konġunt. Dan jimplika b'mod partikulari:

- Li sat-30 ta' Ġunju 2007, il-Gvern Proviżorju jadotta skeda li tistabbilixxi d-dati tat-tlestija tad-diversi passi li għandhom jittieħdu bi tħejjija għall-Elezzjonijiet Parlamentari l-ġodda.

- Li l-iskeda tispeċifika l-ħin taċ-ċensiment, it-tifsil mill-ġdid ta' limiti u r-riforma elettorali;

- Li d-deċiżjoni dwar il-limiti u r-riforma elettorali għandhom jitwettqu skond il-Kostituzzjoni;

- Li jittieħdu miżuri sabiex jiżguraw il-ħidma ta' l-Uffiċċju Elettorali inkluża l-ħatra ta' Sorveljant ta' l-Elezzjonijiet sat-30 ta' Settembru 2007 skond il-Kostituzzjoni;

- Li l-ħatra tal-Viċi-President għandha ssir skond il-Kostituzzjoni;

Impenn Nru 2

Li l-Gvern Proviżorju, meta jadotta inizjattivi u bidliet leġiżlattivi, fiskali u oħrajn ta' politika, għandu jqis il-konsultazzjonijiet mas-soċjetà ċivili u l-partijiet interessati l-oħra kollha.

B. Tmexxija skond il-Liġi

Impenn Nru 1

Li l-Gvern Proviżorju għandu juża l-aħjar sforzi sabiex iwaqqaf dikjarazzjonijiet minn aġenziji ta' sigurtà maħsuba biex jintimidaw.

Impenn Nru 2

Li l-Gvern Proviżorju jħares il-Kostituzzjoni ta' l-1997, u jiggarantixxi l-ħidma normali u indipendenti ta' l-istituzzjonijiet Kostituzzjonali bħall-Kummissjoni tal-Fiġi għad-Drittijiet Umani, il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku, u l-Kummissjoni ta' l-Uffiċċji Kostituzzjonali. L-indipendenza sostanzjali u l-ħidma tal-Kunsill il-Kbir tal-Kapijiet ikunu preservati.

Impenn Nru 3

Li l-indipendenza tal-ġudikatura tkun rispettata bis-sħiħ, li titħalla taħdem liberament u li d-deċiżjonijiet tagħha jkunu rispettati mill-partijiet kollha in kwistjoni, partikolarment:

- Li l-Gvern Proviżorju jimpenja ruħu sabiex it-tribunal skond is-Sezzjoni 138 (3) tal-Kostituzzjoni jinħatar sal-15 ta' Lulju 2007;

- Li kwalunkwe ħatra u/jew tneħħija ta' ġudikanti minn issa 'l quddiem isseħħ f'konformità stretta mad-dispożizzjonijiet u r-regoli proċedurali tal-Kostituzzjoni;

Li ma jseħħ l-ebda każ, ikun xi jkun, ta' interferenza mill-militar u l-pulizija jew mill-Gvern Proviżorju mal-proċess ġudizzjarju, inkluż ir-rispett sħiħ għall-professjoni legali.

Impenn Nru 4

Li l-proċeduri kriminali kollha marbuta mal-korruzzjoni jkunu indirizzati permezz tal-mezzi ġudizzjarji xierqa u li kwalunkwe korpi oħrajn li jistgħu jitwaqqfu sabiex jinvestigaw każijiet allegati ta' korruzzjoni joperaw fil-limiti kostituzzjonali.

C. Drittijiet u Libertajiet Fundamentali tal-Bniedem

Impenn Nru 1

Il-Gvern Proviżorju jieħu l-passi kollha meħtieġa sabiex jiffaċilita l-investigazzjoni jew l-indirizzar ta' l-allegazzjonijiet kollha ta' ksur tad-drittijiet umani skond il-proċeduri u l-fora varji taħt il-liġijiet tal-Gżejjer Fiġi.

Impenn Nru 2

Il-Gvern Proviżorju għandu l-ħsieb li jneħħi r-Regolamenti ta' Emerġenza Pubblika f'Mejju 2007, soġġett għal kwalunkwe theddidiet għas-sigurtà nazzjonali, l-ordni pubblika jew is-sikurezza.

Impenn Nru 3

Il-Gvern Proviżorju hu impenjat li jiżgura li l-Kummissjoni tad-Drittijiet Umani fil-Fiġi taħdem b'indipendenza sħiħa u skond il-Kostituzzjoni.

Impenn Nru 4

Li l-libertà ta' l-espressjoni u l-libertà tal-midja, fil-forom kollha tagħha jkunu rispettati bis-sħiħ kif previst fil-Kostituzzjoni.

D. Segwiment ta' l-Impenji

Impenn Nru 1

Li l-Gvern Proviżorju jimpenja ruħu li jżomm djalogu regolari sabiex jippermetti l-verifika tal-progress imwettaq u jagħti lir-rappreżentanti/l-awtoritajiet ta' l-UE/il-KE aċċess sħiħ għall-informazzjoni fuq il-materji kollha marbuta mad-drittijiet umani, ir-ristorazzjoni fil-paċi tad-demokrazija u t-tmexxija skond il-liġi fil-Fiġi.

Impenn Nru 2

Li l-Gvern Proviżorju jikkoopera bis-sħiħ ma' missjonijiet eventwali mill-UE u l-KE għall-valutazzjoni u s-sorveljanza tal-progress.

Impenn Nru 3

Li l-Gvern Proviżorju jibgħat rapporti ta' progress kull tliet (3) xhur mit-30 ta' Ġunju 2007 dwar l-elementi essenzjali tal-Ftehim ta' Cotonou u l-impenji.

Hu nnutat li ċerti kwistjonijiet jistgħu jiġu indirizzati b'mod effettiv biss permezz ta' approċċ pragmatiku li jagħraf ir-realtajiet preżenti u jħares bir-reqqa lejn il-ġejjieni.

________

Jekk kemm-il darba l-Gvern Proviżorju jħares dawn l-impenji, id-demokrazija kostituzzjonali terġa' tinġieb f'postha mhux aktar tard mill-1 ta' Marzu 2009. Taħt dawn il-kundizzjonijiet, il-forzi armati jerġgħu lura għar-rwol li għandhom taħt il-Kostituzzjoni, u joqogħdu lura minn kwalunkwe involviment illegali fil-politika tal-pajjiż.

Fl-ispirtu ta' Partenarjat li fuqu hu mibni l-Ftehim ta' Cotonou, u fid-dawl ta' l-impenji importanti mwettqa mill-Fiġi, u għalhekk ir-riżultat pożittiv tal-konsultazzjonijiet, l-UE esprimiet ir-rieda tagħha li tappoġġja l-proċess ta' tranżizzjoni. B'mod partikolari, l-UE se tkompli u tħaffef id-djalogu mal-Gvern Proviżorju tal-Fiġi sabiex tiżgura r-ritorn mill-aktar fis possibbli tar-rispett sħiħ għad-drittijiet umani, id-demokrazija u t-tmexxija skond il-liġi, li mingħajrhom in-normalizzazzjoni sħiħa tal-kooperazzjoni mal-Fiġi ma tkunx possibbli. Id-djalogu jseħħ bl-għan li jikkontribwixxi għat-twaqqif ta' ordni politiku demokratiku b'saħħtu, li jindirizza l-problema tal-"kultura ta' kolpi ta' stat" fil-Fiġi sabiex iġib id-demokrazija u l-istabbiltà li jinħtieġu fil-pajjiż biex titħares id-dinjità umana u l-kundizzjonijiet tajbin għall-iżvilupp sostenibbli. L-UE ssaħħaħ ukoll id-djalogu u l-kooperazzjoni mal-Forum tal-Gżejjer tal-Paċifiku kif ukoll il-pajjiżi membri tiegħu dwar il-Fiġi. Il-Forum tal-Gżejjer tal-Paċifiku għandu rwol ewlieni x'jaqdi fl-indirizzar tal-kriżi tal-Fiġi.

L-UE ddikjarat li lesta sabiex issegwi l-iżviluppi mill-qrib ħafna, fuq il-bażi ta' l-impenji ta' sorveljanza u verifika mittieħda mill-Fiġi. L-UE tivverifika l-progress lejn l-implimentazzjoni ta' l-impenji. F'dan il-kuntest hu importanti b'mod partikolari li l-miżuri bikrin jittieħdu sabiex jiżguraw li jsiru elezzjonijiet kredibbli mhux aktar tard mill-1 ta' Marzu 2009.

Fl-għeluq tal-konsultazzjonijiet, fid-dawl tar-riżultat pożittiv tad-djalogu s'issa, il-Kummissjoni tipproponi li jkunu adottati miżuri xierqa skond l-Artikolu 96 (2)(c) tal-Ftehim ta' Cotonou u l-Artikolu 37 ta' l-Istrument ta' Kooperazzjoni fl-Iżvilupp, kif stabbilit fid-deċiżjoni mehmuża.

Il-miżuri huma proposti bil-ħsieb li jkun appoġġjat il-proċess ta' tranżizzjoni, li hu magħruf li wassal għal xi riżultati pożittivi, filwaqt li jimmotivaw lill-Gvern Proviżorju sabiex iwettaq progress sod fir-rigward ta' l-elementi essenzjali tal-Ftehim ta' Cotonou.

Isir djalogu politiku mtejjeb ma' l-awtoritajiet tal-Fiġi fil-perjodu ta' sorveljanza sabiex ikun evalwat il-progress dwar l-elementi essenzjali tal-Ftehim ta' Cotonou.

Jekk titħaffef l-implimentazzjoni ta' l-impenji, jew, għall-kuntrarju, tnaqqas il-pass, tieqaf jew tmur lura, l-UE żżomm id-dritt li taġġusta l-miżuri xierqa permezz ta' deċiżjoni ġdida tal-Kunsill li temenda lil dik proposta hawnhekk.

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, u skond l-Artikoli 3 u 37 ta' l-Istrument għall-Kooperazzjoni fl-Iżvilupp u l-Artikoli 9 u 96 tal-Ftehim ta' Cotonou, il-Kummissjoni tipproponi li l-Kunsill jikkonkludi l-konsultazzjonijiet mar-Repubblika tal-Gżejjer Fiġi u jadotta d-Deċiżjoni mehmuża.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni ta' konsultazzjonijiet mar-Repubblika tal-Gżejjer Fiġi taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Partenarjat AKP-KE u l-Artikolu 37 ta' l-Istrument ta' Kooperazzjoni fl-Iżvilupp

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE ffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000[1] u l-Ftehim rivedut iffirmat fil-Lussemburgu fil-25 ta' Ġunju 2005[2], u b'mod partikolari l-Artikolu 96 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Intern dwar miżuri li għandhom jittieħdu u proċeduri li għandhom ikunu segwiti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Partenarjat AKP-KE[3], u b'mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istrument għall-Kooperazzjoni fl-Iżvilupp[4], u b'mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1) L-elementi essenzjali msemmija fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta' Cotonou ġewmiksura.

(2) Il-valuri msemmija fl-Artikolu 3 ta' l-Istrument għall-Kooperazzjoni fl-Iżvilupp ġew miksura.

(3) Fit-18 ta' April 2007, skond l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou u l-Artikolu 37 ta' l-Istrument għall-Kooperazzjoni fl-Iżvilupp, bdew konsultazzjonijiet formali mal-pajjiżi ta' l-AKP u r-Repubblika tal-Gżejjer Fiġi li fihom l-awtoritajiet tal-Fiġi għamlu impenji speċifiċi sabiex jirrimedjaw il-problemi identifikati mill-Unjoni Ewropea u jimplimentawhom.

(4) Ittieħdu xi miżuri sostantivi fir-rigward ta' wħud mill-impenji msemmija hawn fuq; madanakollu ħafna impenji importanti li jirrigwardaw l-elementi essenzjali tal-Ftehim ta' Cotonou u l-Istrument għall-Kooperazzjoni fl-Iżvilupp għadhom iridu jkunu implimentati,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Konsultazzjonijiet mar-Repubblika tal-Gżejjer Fiġi taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou u l-Artikolu 37 ta' l-Istrument għall-Kooperazzjoni fl-Iżvilupp huma konklużi.

Artikolu 2

Il-miżuri xierqa stabbiliti fl-ittra annessa huma hawnhekk adottati bħala miżuri xierqa taħt l-Artikolu 96(2)(c) tal-Ftehim ta' Cotonou u l-Artikolu 37 ta' l-Istrument għall-Kooperazzjoni fl-Iżvilupp.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' l-adozzjoni tagħha. Għandha tiġi pubblikata fil- Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea .

Għandha tkun valida għal 24 xahar mid-data ta' l-adozzjoni tagħha mill-Kunsill. Għandha tkun riveduta regolarment mill-inqas darba kull sitt xhur.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

ANNESS

Abbozz ta' ittra

H.E. Ratu Josefa ILOILOIl-President tar-Repubblika tal-Gżejjer FiġiSuvaFiġi

Eċċellenza,

L-Unjoni Ewropea tagħti importanza kbira lid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 9 tal-Ftehim ta' Cotonou u l-Artikolu 3 ta' l-Istrument ta' Kooperazzjoni fl-Iżvilupp. Is-sħubija AKP-KE hija bbażata fuq ir-rispett lejn id-drittijiet umani, il-prinċipji demokratiċi u t-tmexxija skond il-liġi. Dawn huma elementi essenzjali tal-Ftehim ta' Cotonou, u huma s-sies tar-relazzjonijiet ta’ bejnietna.

Fil-11 ta' Diċembru 2006 l-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea kkundanna l-kolp ta' stat militari fil-Fiġi.

Taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou, u meta jitqies li l-kolp ta' stat militari li seħħ fil-5 ta' Diċembru 2006 kkostitwixxa ksur ta' l-elementi essenzjali msemmija fl-Artikolu 9 ta' dak il-Ftehim, l-UE stiednet lill-Fiġi għal konsultazzjonijiet sabiex, kif previst fil-Ftehim, tkun eżaminata bis-sħiħ is-sitwazzjoni u jittieħdu passi biex tkun rimedjata fejn meħtieġ.

Il-parti formali ta' dawn il-konsultazzjonijiet bdiet fi Brussell fit-18 ta' April 2007. Il-Gvern Proviżorju tal-Fiġi għamel preżentazzjoni bbażata fuq sottomissjoni datata t-18 ta' April 2007 dwar ir-raġunijiet għall-kolp ta' stat militari fil-5 ta' Diċembru 2006, dwar żviluppi fil-qagħda tal-pajjiż sa minn dakinhar, u dwar il-programm tal-Gvern Proviżorju għall-perjodu ta' tranżizzjoni.

L-UE ħadet nota tas-sottomissjoni tal-Gvern Proviżorju fit-18 ta' April 2007 lill-UE.

Min-naħa tagħha, l-UE kienet kuntenta li l-Gvern Proviżorju kkonferma għadd ta' impenji ewlenin fir-rigward tad-drittijiet umani u l-libertajiet fundamentali, ir-rispett għall-prinċipji demokratiċi u t-tmexxija skond il-liġi, kif innutat hawn taħt, u l-passi pożittivi proposti dwar l-implimentazzjoni tagħhom. Il-Fiġi qablet ukoll dwar kooperazzjoni mill-qrib fir-rigward tas-sorveljanza u l-verifika ta' l-impenji.

Il-parti l-kbira ta' l-impenji mwettqa fil-kuntest tal-konsultazzjonijiet tkun implimentata fuq perjodu estiż, u konsegwentement hu meħtieġ li matul iż-żmien tkun sorveljata u verifikata mill-qrib l-implimentazzjoni tagħhom. L-UE tisħaq li, wara l-elezzjonijiet ġenerali kredibbli, imwettqa fil-Fiġi f'Mejju 2006 u fid-dawl tas-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Missjoni ta' Sorveljanza Elettorali ta' l-UE, u notevolment ir-rapport finali mill-Osservatur Ewlieni ta' l-UE, il-MPE Istvan Szent-Ivanyi, l-UE hi tal-fehma li jistgħu jsiru elezzjonijiet ġodda u kredibbli fi żmien l-iskadenza miftiehma tat-28 ta' Frar 2009.

L-UE tisħaq dwar l-importanza ta' konformità bikrija u sħiħa ma' l-impenji miftiehma mniżżla fl-anness.

L-UE tinnota li l-Gvern Proviżorju, skond l-impenji miftiehma, neħħa r-Regolamenti ta' Emerġenza Pubblika fil-31 ta' Mejju 2007 u aċċetta s-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet ta' l-esperti elettorali indipendenti tal-Forum tal-Gżejjer Paċifiċi fid-19 ta' Ġunju 2007.

Fl-ispirtu ta' sħubija li jinsab fil-bażi tal-Ftehim ta' Cotonou, u fid-dawl tar-riżultat pożittiv tal-konsultazzjonijiet, l-UE esprimiet ir-rieda tagħha li tappoġġja l-implimentazzjoni ta' l-impenji tal-Fiġi.

L-UE adottat il-miżuri xierqa li ġejjin taħt l-Artikolu 96(2)(ċ) tal-Ftehim rivedut ta' Cotonou u l-Artikolu 37 ta' l-Istrument għall-Kooperazzjoni fl-Iżvilupp.

- l-għajnuna umanitarja kif ukoll l-appoġġ dirett għas-soċjetà ċivili jistgħu jkomplu;

- l-attivitajiet ta' kooperazzjoni li qed jitwettqu u/jew jitħejjew, b'mod partikolari taħt it-tmien u d-disa' EDF jistgħu jkomplu;

- ir-Reviżjoni ta' Tmiem-it-terminu tad-disa' EDF tista' ssir;

- L-attivitajiet ta' kooperazzjoni, li għandhom jgħinu sabiex tirritorna d-demokrazija u titjieb it-tmexxija, jistgħu jsiru, ħlief f'ċirkustanzi tassew eċċezzjonali;

- l-implimentazzjoni tar-riforma fiz-zokkor li takkompanja l-miżuri għall-2006 tista' ssir. Il-ftehim ta' finanzjament ġie ffirmat fil-livell tekniku mill-Fiġi fid-19 ta' Ġunju 2007. Hu nnotat li l-ftehim ta' finanzjament jinkludi klawżola ta' sospensjoni;

- l-aċċettazzjoni mill-Gvern Proviżorju fid-19 ta' Ġunju 2007 tar-rapport tas-7 ta' Ġunju 2007 mill-esperti elettorali indipendenti tal-Forum tal-Gżejjer Paċifiċi hu skond l-Impenn Nru 1 miftiehem fit-18 ta' April 2007 bejn il-Gvern Proviżorju u l-UE. Konsegwentement, it-tħejjija u l-iffirmar eventwali tal-programm indikattiv multi-annwali għar-riforma fiz-zokkor li jakkompanjaw il-miżuri għall-2008-2010 jistgħu jsiru;

- il-finalizzazzjoni, l-iffirmar fil-livell tekniku u l-implimentazzjoni tal-Karta ta' Strateġija għall-Pajjiżi u l-Programm Indikattiv Nazzjonali għall-għaxar EDF b'pakkett finanzjarju indikattiv, kif ukoll l-allokazzjoni possibbli ta' tranche ta' inċentiv sa 25% ta' din is-somma, ikunu soġġetti għall-ħarsien ta' l-impenji mwettqa fir-rigward tad-drittijiet umani u t-tmexxija skond il-liġi; notevolment, li l-Gvern Proviżorju jħares il-Kostituzzjoni; li tkun rispettata bis-sħiħ l-indipendenza tal-ġudikatura; li l-allegazzjonijiet kollha ta' ksur ta' drittijiet umani jkunu investigati jew indirizzati skond il-proċeduri u l-fora varji taħt il-liġijiet tal-Gżejjer Fiġi u li l-Gvern Proviżorju għandu jagħmel l-aħjar sforzi sabiex iwaqqaf dikjarazzjonijiet minn aġenziji ta' sigurtà maħsuba biex jintimidaw;

- l-allokazzjoni għal zokkor għall-2007 tkun nulla;

- l-allokazzjoni għal zokkor għall-2008 ssir disponibbli soġġetta għal evidenza ta' tħejjija kredibbli u f'waqtha skond l-impenji miftiehma; notevolment fir-rigward taċ-ċensiment, it-tifsil mill-ġdid tal-limiti u r-riforma elettorali skond il-Kostituzzjoni; li jittieħdu miżuri sabiex jiżguraw il-ħidma ta' l-Uffiċċju Elettorali inkluża l-ħatra ta' Sorveljant ta' l-Elezzjonijiet sat-30 ta' Settembru 2007 skond il-Kostituzzjoni;

- l-allokazzjoni għal zokkor għall-2009 ssir disponibbli soġġetta għall-eżistenza ta' gvern leġittimu;

- l-allokazzjoni għal zokkor għall-2010 tiddependi fuq il-progress imwettaq fl-implimentazzjoni taz-zokkor għall-2009 u l-kontinwazzjoni tal-proċess demokratiku;

- appoġġ addizzjonali għat-tħejjija u l-implimentazzjoni ta' impenji ewlenin, b'mod partikolari b'appoġġ għat-tħejjija u/jew it-twettiq ta' elezzjonijiet, jistgħu jitqiesu bħala lil hinn minn dak deskritt f'din l-ittra;

- il-kooperazzjoni reġjonali, u l-parteċipazzjoni tal-Fiġi fiha, mhumiex effettwati;

- il-kooperazzjoni mal-Bank Ewropew ta' l-Investiment u ċ-Ċentru għall-Iżvilupp ta' Intrapriżi jistgħu jkomplu, soġġetti għat-tlestija f'waqtha ta' l-impenji mittieħda.

Is-segwiment ta' l-impenji jkun skond l-impenji dwar is-sorveljanza f'termini ta' djalogu regolari, kooperazzjoni ma' missjonijiet u rappurtar, kif imsemmi fl-anness.

Barra minn hekk, l-UE tistenna li l-Fiġi jikkoopera bis-sħiħ mal-Forum tal-Gżejjer tal-Paċifiku dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet mill-Grupp ta' Persuni Eminenti, kif approvat mill-Ministri ta' l-Affarijiet Barranin tal-Forum fil-laqgħa tagħhom f'Vanuatu fis-16 ta' Marzu 2007.

L-Unjoni Ewropea tkompli ssegwi s-sitwazzjoni fil-Fiġi mill-qrib. Taħt l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Cotonou, isir djalogu politiku mtejjeb mal-Fiġi sabiex ikun żgurat ir-rispett lejn id-drittijiet umani, ir-ristorazzjoni tad-demokrazija u r-rispett għat-tmexxija skond il-liġi.

Jekk ikun hemm lajma, falliment jew rigress fl-implimentazzjoni ta' l-impenji mittieħda mill-Gvern Proviżorju, l-UE żżomm id-dritt li taġġusta l-miżuri xierqa.

L-UE tisħaq li l-privileġġi tal-Fiġi fil-kooperazzjoni tiegħu ma' l-UE jiddependu fuq ir-rispett għall-elementi essenzjali tal-Ftehim ta' Cotonou u għall-valuri msemmija fl-Istrument għall-Kooperazzjoni fl-Iżvilupp. Sabiex l-UE tiġi konvinta li l-gvern proviżorju hu mħejji bis-sħiħ sabiex isegwi l-impenji mittieħda, hu essenzjali li jsir progress bikri u sostanzjali fit-twettiq ta' l-impenji miftiehma.

Dejjem tiegħek,

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kummissjoni

Għall-Kunsill

ANNESS GĦALL-ANNESS

IMPENJI MIFTIEHMA MAR-REPUBBLIKA TAL-GŻEJJER FIĠI

A. Ir-Rispett lejn il-Prinċipji tad-Demokrazija

Impenn Nru 1

Li jseħħu elezzjonijiet parlamentari ħielsa u ġusti fi żmien 24 xahar mill-1 ta' Marzu 2007, soġġett għas-sejbiet tal-valutazzjoni li għandha ssir mill-awdituri indipendenti maħtura mis-Segretarjat tal-Forum tal-Gżejjer Paċifiċi. Il-proċessi li jwasslu għal, u t-twettiq ta', l-elezzjonijiet għandhom ikunu sorveljati b'mod konġunt, adatti u riveduti kif xieraq fuq il-bażi ta' parametri maqbula b'mod konġunt. Dan jimplika b'mod partikulari:

- Li sat-30 ta' Ġunju 2007 il-Gvern Proviżorju jadotta skeda li tistabbilixxi d-dati tat-tlestija tad-diversi passi li għandhom jittieħdu bi tħejjija għall-Elezzjonijiet Parlamentari l-ġodda.

- Li l-iskeda tispeċifika l-ħin taċ-ċensiment, it-tifsil mill-ġdid ta' limiti u r-riforma elettorali;

- Id-deċiżjoni dwar limiti u r-riforma elettorali għandhom jitwettqu skond il-Kostituzzjoni;

- Li jittieħdu miżuri sabiex tiġi żgurata l-ħidma ta' l-Uffiċċju Elettorali inkluża l-ħatra ta' Sorveljant ta' l-Elezzjonijiet sat-30 ta' Settembru 2007 skond il-Kostituzzjoni;

- Li l-ħatra tal-Viċi-President għandha ssir skond il-Kostituzzjoni;

Impenn Nru 2

Li l-Gvern Proviżorju, meta jadotta inizjattivi u bidliet leġiżlattivi, fiskali u oħrajn ta' politika, għandu jqis il-konsultazzjonijiet mas-soċjetà ċivili u l-partijiet interessati l-oħra kollha.

B. Tmexxija skond il-Liġi

Impenn Nru 1

Li l-Gvern Proviżorju għandu juża l-aħjar sforzi sabiex iwaqqaf dikjarazzjonijiet minn aġenziji ta' sigurtà maħsuba biex jintimidaw.

Impenn Nru 2

Li l-Gvern Proviżorju jħares il-Kostituzzjoni ta' l-1997, u jiggarantixxi l-ħidma normali u indipendenti ta' l-istituzzjonijiet Kostituzzjonali bħall-Kummissjoni tal-Fiġi għad-Drittijiet Umani, il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku, u l-Kummissjoni ta' l-Uffiċċji Kostituzzjonali. L-indipendenza sostanzjali u l-ħidma tal-Kunsill il-Kbir tal-Kapijiet ikunu preżervati.

Impenn Nru 3

Li l-indipendenza tal-ġudikatura tkun rispettata bis-sħiħ, li titħalla taħdem liberament u li d-deċiżjonijiet tagħha jkunu rispettati mill-partijiet kollha in kwistjoni, partikolarment:

- Li l-Gvern Proviżorju jimpenja ruħu sabiex it-tribunal skond is-Sezzjoni 138 (3) tal-Kostituzzjoni jinħatar sal-15 ta' Lulju 2007;

- Li kwalunkwe ħatra u/jew tneħħija ta' ġudikanti minn issa 'l quddiem iseħħu f'konformità stretta mad-dispożizzjonijiet u r-regoli proċedurali tal-Kostituzzjoni;

- Li ma jseħħ l-ebda każ, ikun xi jkun, ta' interferenza mill-militar u l-pulizija jew mill-Gvern Proviżorju mal-proċess ġudizzjarju, inkluż ir-rispett sħiħ għall-professjoni legali.

Impenn Nru 4

Li l-proċeduri kriminali kollha marbuta mal-korruzzjoni jkunu indirizzati permezz tal-mezzi ġudizzjarji xierqa u li kwalunkwe korpi oħrajn li jistgħu jitwaqqfu sabiex jinvestigaw każijiet allegati ta' korruzzjoni joperaw fil-limiti kostituzzjonali.

C. Drittijiet u Libertajiet Fundamentali tal-Bniedem

Impenn Nru 1

Il-Gvern Proviżorju jieħu l-passi kollha meħtieġa sabiex jiffaċilita l-investigazzjoni jew l-indirizzar ta' l-allegazzjonijiet kollha ta' ksur tad-drittijiet umani skond il-proċeduri u l-fora varji taħt il-liġijiet tal-Gżejjer Fiġi.

Impenn Nru 2

Il-Gvern Proviżorju għandu l-ħsieb li jneħħi r-Regolamenti ta' Emerġenza Pubblika f'Mejju 2007, soġġett għal kwalunkwe theddidiet għas-sigurtà nazzjonali, l-ordni pubblika jew is-sikurezza.

Impenn Nru 3

Il-Gvern Proviżorju hu impenjat li jiżgura li l-Kummissjoni ta' Drittijiet Umani fil-Fiġi taħdem b'indipendenza sħiħa u skond il-Kostituzzjoni.

Impenn Nru 4

Li l-libertà ta' l-espressjoni u l-libetà tal-midja, fil-forom kollha tagħha jkunu rispettati bis-sħiħ kif previst fil-Kostituzzjoni.

D. Segwiment ta' l-Impenji

Impenn Nru 1

Li l-Gvern Proviżorju jimpenja ruħu li jżomm djalogu regolari sabiex jippermetti l-verifika tal-progress imwettaq u jagħti lir-rappreżentanti/l-awtoritajiet ta' l-UE/il-KE aċċess sħiħ għall-informazzjoni fuq il-materji kollha marbuta mad-drittijiet umani, ir-ristorazzjoni fil-paċi tad-demokrazija u t-tmexxija skond il-liġi fil-Fiġi.

Impenn Nru 2

Li l-Gvern Proviżorju jikkoopera bis-sħiħ ma' missjonijiet eventwali mill-UE u l-KE għall-valutazzjoni u s-sorveljanza tal-progress.

Impenn Nru 3

Li l-Gvern Proviżorju jibgħat rapporti ta' progress kull tliet (3) xhur mit-30 ta' Ġunju 2007 dwar l-elementi essenzjali tal-Ftehim ta' Cotonou u l-impenji.

Hu nnutat li ċerti kwistjonijiet jistgħu jiġu indirizzati b'mod effettiv biss permezz ta' approċċ pragmatiku li jagħraf ir-realtajiet preżenti u jħares bir-reqqa lejn il-ġejjieni.

[1] ĠU L 317, 15.12.2000, p.3.

[2] ĠU L 287, 28.10.2005, p. 4.

[3] ĠU L 317, 15.12.2000, p.376.

[4] ĠU L 378, 27.12.2006, p.41.