52007PC0445

Proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2100/94 fir-rigward tal-jedd li tkun ippreżentata applikazzjoni għad-dritt ta' varjetajiet ta' pjanti fil-Komunità /* KUMM/2007/0445 finali - CNS 2007/0161 */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 25.7.2007

KUMM(2007) 445 finali

2007/0161 (CNS)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2100/94 fir-rigward tal-jedd li tkun ippreżentata applikazzjoni għad-dritt ta' varjetajiet ta' pjanti fil-Komunità

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

L-Artikolu 12 tar-Regolament Komunitarju dwar id-drittijiet ta' varjetà ta' pjanti jistipula l-kondizzjonijiet għall-jedd biex tkun reġistrata applikazzjoni ta' dritt ta' varjetajiet ta' pjanti fil-Komunità. Skond din id-dispożizzjoni, dawk li jkabbru l-pjanti biss mill-pajjiżi li huma membri ta' l-Għaqda Internazzjonali għall-Protezzjoni ta' Varjetajiet Ġodda ta' Pjanti (UPOV), għandhom il-jedd japplikaw għad-dritt ta' varjetajiet ta' pjanti fil-Komunità (CPVR) skond l-istess regoli għal applikanti minn Stat Membru.

Għal applikanti oħra, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jekk għandhomx jedd li jirreġistraw applikazzjoni. Skond l-Artikolu 12(1)(b) tar-Regolament, din id-deċiżjoni tista' tkun soġġetta għal ħtiġijiet reċiproċi u ekwivalenti. Id-dispożizzjoni tistipula li d-Deċiżjoni tal-Kummisjsoni tista' tiddependi jekk il-pajjiż konċernat,

( jiflaħx joffri protezzjoni lill-varjetajiet ta' l-istess klassifikazzjoni botanika,

( jiflaħx joffri din il-protezzjoni liċ-ċittadini ta' l-Istati Membri kollha,

( u jekk il-livell ta' protezzjoni mogħti jikkorrispondix mal-protezzjoni provduta mir-Regolament (KE) 2100/94.

L-għan ta' l-emenda proposta

Biex tħeffef il-kummerċ u ġġib f'konformità d-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta' liġi oħra Komunitarja, jidher li hemm bżonn li jkun emendat ir-Regolament 2100/94 biex il-kondizzjonijiet għall-jedd biex tkun reġistrata applikazzjoni għas-CPVR ikunu ssimplifikati u tkun introdotta sistema waħda ta' applikazzjoni għall-applikanti kollha.

L-impatt potenzjali ta' l-emenda

It-tneħħija tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 12(1)(a) u 12(1)(b) se tikkontribwixxi għas-simplikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja.

Sa mit-twaqqif tiegħu fl-1994 l-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti rċieva 27 317-il applikazzjoni għal Drittijiet ta' Varjetajiet ta' Pjanti fil-Komunità (is-sitwazzjoni fit-28 Frar 2007). 4 693 applikazzjoni (17.1 %) oriġinaw minn pajjiżi mhux membri ta' l-UE. Matul il-perjodu kollu 89 applikazzjoni biss waslu mingħand applikanti ta' pajjiżi terzi li ma kienux membri ta' l-UPOV li jeħtieġu deċiżjoni tal-Kummissjoni skond l-Artikolu 12(1)(b).

Għalhekk, meta wieħed iqis l-esperjenza ta' tnax-il sena bl-implimentazzjoni tar-Regolament u n-numru u s-sitwazzjoni tal-pajjiżi li mhumiex membri ta' l-UPOV, din il-proposta mhux se jkollha impatt notevoli fuq intrapriżi żgħar jew ta' daqs medju fl-Istati Membri.

Il-proposta m'għandha l-ebda implikazzjonijiet finanzjarji għall-baġit Komunitarju.

2007/0161 (CNS)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2100/94 fir-rigward tal-jedd li tkun ippreżentata applikazzjoni għad-dritt ta' varjetajiet ta' pjanti fil-Komunità

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 308 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[2],

Billi:

(1) Ir-Regolament (KE) Nru 2100/94 tas-27 ta' Lulju 1994 dwar id-drittijiet ta' varjetajiet ta' pjanti fil-Komunità[3] joħloq sistema Komunitarja għall-varjetajiet tal-pjanti li tippermetti l-għoti tad-dritt ta' varjetajiet ta' pjanti fil-Komunità (CPVR), validi fil-Komunità kollha.

(2) Fl-interess li jitħaffef il-kummerċ huwa xieraq li s-CPVR ikun aċċessibbli faċilment. Għalhekk, il-kondizzjonijiet għall-jedd ta' reġistrazzjoni ta' applikazzjoni għas-CPVR għandu jkun issimplifikat u għandha tkun introdotta sistema ta' applikazzjoni waħda għall-applikanti kollha.

(3) Ir-Regolament (KE) Nru 2100/94 għandu għaldaqstant jiġi emendat skond dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 2100/94 huwa emendat kif ġej:

(1) L-Artikolu 12 jinbidel b'dan li ġej:

Artikolu 12 Jedd biex tkun reġistrata applikazzjoni għad-dritt tal-varjetajiet ta' pjanti fil-Komunità

Applikazzjoni għad-dritt ta' varjetajiet ta' pjanti fil-Komunità tista' tkun reġistrata minn kull persuna naturali jew legali, jew kull korp li jikkwalifika bħala persuna legali skond il-liġi applikabbli għal dak il-korp .

Applikazzjoni tista' ssir solidalment minn żewġ persuni bħal dawk jew aktar."

(2) Fl-Artikolu 41(2) il-kliem “12 (1) (b),” jitħassru.

(3) L-Artikolu 52(4) huwa sostitwit b'li ġej:

"4. Il-paragrafi 2 u 3 għandhom japplikaw ukoll fir-rispett ta' applikazzonijiet preċedenti li kienu reġistrati fi Stat Membru ieħor."

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil -Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea .

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

[1] ĠU C […], […], p. […].

[2] ĠU C […], […], p. […].

[3] ĠU L 227, 1.9.1994, p. 1. Regolament l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 873/2004 (ĠU L 162, 30.4.2004, p. 38).