52007PC0393

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar linji ta' gwida tekniċi multijannwali għall-programm ta' riċerka tal-Fond ta' Riċerka għall-Faħam u l-Azzar /* KUMM/2007/0393 finali - CNS 2007/0135 */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 9.7.2007

KUMM(2007) 393 finali

2007/0135 (CNS)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar linji ta' gwida tekniċi multijannwali għall-programm ta' riċerka tal-Fond ta' Riċerka għall-Faħam u l-Azzar

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

INTRODUZZJONI

Il-Protokoll Anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (KE), dwar il-konsegwenzi finanzjarji ta' l-iskadenza tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (KEFA) u dwar il-fond tar-riċerka għall-faħam u l-azzar, għadda l-elementi kollha tal-patrimonju tal-KEFA lill-KE, u attribwixxa lil din ta' l-aħħar ir-riċerka fis-setturi marbuta ma' l-industrija tal-faħam u l-azzar. Id-dħul li rriżulta minn dan il-patrimonju huwa destinat esklussivament għar-riċerka f'dawn is-setturi li ssir barra mill-programm kwadru (ta' qafas).

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2003/78/KE ta' l-1 ta' Frar 2003 li tistabbilixxi l-linji ta' gwida tekniki multijannwali għall-programm ta' Riċerka tal-Fond ta' Riċerka għall-Faħam u l-Azzar[1], tiddefinixxi l-mekkaniżmi għat-tħaddim ta' dan il-programm ta' riċerka.

Il-programm jalloka għajnuniet finanzjarji lil proġetti, miżuri ta' akkumpanjament u azzjonijiet oħra permessi, kif definiti fil-punt 1.5 ta' l-anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2003/78 ta' l-1 ta' Frar 2003 li tistabbilixxi l-linji ta' gwida tal-Fond u li tinkoraġixxi l-kooperazzjoni bejn l-impriżi, iċ-ċentri tar-riċerka u l-universitajiet. Il-programm japplika għall-proċessi ta' produzzjoni, għall-użu u l-iffrankar tar-riżorsi, għat-titjib fuq il-livell ambjentali u għas-sikurezza fuq il-postijiet tax-xogħol fis-setturi marbuta ma' l-industrija tal-faħam u ta' l-azzar.

Il-baġit tal-programm ta' riċerka tal-Fond ta' riċerka tal-faħam u l-azzar żdied fil-medja għall-perjodu 2003-2006 għal madwar 57 miljun euro, maqsuma f'27.2% għall-faħam u 72.8% għall-azzar. Dan il-baġit ġej prinċipalment mill-interessi ġġenerati mill-kapital (madwar 1.6 biljun euro) li baqgħu disponibbli meta fl-2002 skadiet il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar. Il-ġestjoni, kemm finanzjarja, kif ukoll teknika ta' dan il-programm ta' riċerka ġie fdat f'idejn unità li nħolqot għal dan il-għan fl-2003 fi ħdan id-Direttorat Ġenerali għar-Riċerka. Wara tliet snin ta' ħidma, il-ġestjoni tal-Fondi hija effikaċi u r-rendiment tagħha jista' jitqabbel ma' dak ta' attivitajiet oħra tad-DĠ Riċerka. Fl-2006, il-perjodu bejn it-tressiq ta' proposta ta' riċerka u l-iffirmar tal-kuntratt korrispondenti tnaqqas għal 9 xhur. Il-ħlasijiet, min-naħa tagħhom, saru fi żmien medju ta' għaxart ijiem.

L-abbozz ta' Deċiżjoni, mehmuż, huwa maħsub għar-reviżjoni, wara perjodu ta' ħames snin u skond dak li huwa previst fl-Artikolu 2 tagħha, id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2003/78/KE ta' l-1 ta' Frar 2003 li tistabbilixxi l-linji ta' gwida tekniki multijannwali għall-programm ta' Riċerka tal-"Fond ta' Riċerka għal Faħam u l-Azzar" (FRFA).

Din ir-reviżjoni tqis ukoll l-impenn tal-Kummissjoni li tirrevedi d-definizzjoni tat-terminu "azzar" f'konformità mad-dikjarazzjoni Nru 4 li takkumpanja d-Deċiżjoni 2002/234/KEFA tas-27 ta' Frar 2002 tar-rappreżentanti tal-gvernijiet ta' l-Istat Membri magħquda fi ħdan il-Kunsill[2].

Il-proposti ta' reviżjoni ġew diskussi mal-gruppi konsultattivi ta' l-azzar u tal-faħam kif ukoll mal-kumitat tal-programm tal-faħam u ta' l-azzar. Huma jqisu wkoll il-konklużjonijiet tar-rapport ta' segwitu ta' l-esperti indipendenti li dan l-aħħar ġew inkarigati jagħmlu analiżi kritika tat-tħaddim tal-programm kif previst fil-punt 4 ta' l-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2003/78/KE, kif ukoll tal-kummenti li qajjem dan ir-rapport min-naħa tal-gruppi konsultattivi tal-faħam u ta' l-azzar. Ir-riżultati tal-prassi osservati mill-programm kwadru għar-riċerka f'dak li għandu x'jaqsam mal-komunikazzjoni tar-riżultati ta' eżerċizzji ta' segwitu tal-programmi lil partijiet terzi, dan ir-rapport u l-kummentarji li qajjem min-naħa tal-gruppi konsultattivi tal-faħam u ta' l-azzar ġew ippubblikati fuq is-sit tal-Cordis fuq dan l-indirizz: http://www.cordis.lu/coal-steel-rtd/home.html.

L-approċċ ġenerali jikkonsisti fiż-żamma tal-proċeduri li rriżultaw effikaċi u stabbiliti sewwa, filwaqt li jsiru għadd limitat iżda meħtieġ ta' emendi u simplifikazzjonijiet amministrattivi.

ID-DEĊIŻJONI RIVEDUTA

L-applikazzjoni tar-regoli li jinsabu fil-"Gwida Prattika Komuni tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni għall-persuni involuti fl-abbozzar tat-testi leġiżlattivi fi ħdan l-istituzzjonijiet Komunitarji" wasslet għal struttura ġdida u tfassil mill-ġdid tal-programm ta' riċerka tal-Fondi ta' Riċerka tal-Faħam u l-Azzar. Biex tiġi ffaċilitata l-analiżi tat-testi, il-ġustifikazzjonijiet ewlenin għaż-żamma jew l-emendar tal-kontenut tad-Deċiżjoni ta' l-2003 jidhru hawn taħt.

1. TKABBIR BL-ISTATI MEMBRI L-ġODDA TA' L-UNJONI EWROPEA

It-tkabbir ta' l-Unjoni Ewropea għall-Istati Membri l-ġodda jesiġi li jiġu emendati r-regoli li jiggvernaw il-kompożizzjoni tal-kumitati konsultattivi tal-faħam u l-azzar. Il-proposta hi li l-għadd massimu ta' esperti f'dawn il-kumitati konsultattivi, kif stabbilit fid-Deċiżjoni 2003/78/KE, ma jinbidilx minn kif inhu, essenzjalment biex il-laqgħat ma jkomplux jikbru u jogħlew fl-ispejjeż. Għalhekk, l-idea li kull Stat Membru interessat għandu jkollu minimu ta' rappreżentant wieħed trid tispiċċa, u minflokha għandna naħsbu fl-aktar rappreżentazzjoni ġeografika possibbli. Barra minn hekk, it-Trattat ta' Adeżjoni ta' l-Estonja (ĠU L 236 tat-23 ta' Settembru 2003, p. 589) jeħtieġ li t-terminu "faħam" jitwessa' biex jiġi inkluż il-blat żejtni ( oil shale ) (l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni l-ġdida u l-appendiċi A tal-linji ta' gwida tekniċi l-qodma).

2. DħUL FIS-SEħħ TAS-7 PROGRAMM KWADRU

Id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-7 Programm kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta' Riċerka, l-Iżvilupp Teknoloġiku u ta' Dimostrazzjoni (2007-2013), kif ukoll ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jiddefinixxi r-regoli ta' parteċipazzjoni ta' l-impriżi, taċ-ċentri ta' riċerka u ta' l-universitajiet għat-tħaddim tas-seba' Programm kwadru tal-Komunità Ewropea u li jiffissa r-regoli għat-tixrid tar-riżultati tar-riċerka (2007-2013), jinfluwenzaw ir-reviżjoni tal-linji ta' gwida tekniċi multijannwali għall-Programm ta' Riċerka tal-"Fond ta' Riċerka tal-Faħam u ta' l-Azzar". Fil-fatt, il-programm ta' riċerka tal-"Fond ta' Riċerka tal-Faħam u ta' l-Azzar" għandu jikkompleta l-azzjonijiet li ħadu l-Istati Membri fil-kuntest tal-programmi Komunitarji eżistenti, bħal pereżempju l-programm kwadru. Din il-komplementarjetà għandha titqassam fuq livelli differenti, pereżempju t-temi ta' riċerka, it-tip ta' strument involut fil-programmi, il-baġits tagħhom, eċċ.

L-ewwelnett, il-Kummissjoni analizzat il-ħtieġa li tiġi riveduta d-definizzjoni tat-terminu "azzar" f'konformità mad-dikjarazzjoni tagħha li takkumpanja d-Deċiżjoni 2002/234/KEFA. Skond it-temi li jistgħu jiġu ffinanzjati mis-7 Programm kwadru, waslet għall-konklużjoni li din id-definizzjoni m'għandhiex tiġi emendata (l-Artikolu 3(2), li qabel kien fl-Appendiċi A para 2 tal-linji ta' gwida tekniċi multijannwali għall-programm ta' riċerka tal-FRFA).

Barra minn hekk, ċerti miżuri ta' akkumpanjament tal-Fondi (l-organizzazzjoni tal-konferenzi u tal-boroż ta' riċerka), tneħħew peress li diġà huma koperti mis-7 programm kwadru (programm speċifiku "Persunal").

Huwa propost ukoll li r-rwol ta' l-Istati Membri jiġi kkoordinat permezz tal-Kumitat tal-Programm tal-Faħam u ta' l-Azzar sabiex ikun konformi ma' dak iddefinit għall-programmi speċifiċi tas-7 programm kwadru.

L-istess jgħodd għall-perjodiċità tal-monitoraġġ tal-programm FRFA li huwa propost li jiżdied minn 5 għal 7 snin.

Fl-aħħarnett, huwa propost li b'analoġija jintużaw il-mezzi għan-nomina ta' l-esperti, kif definiti fl-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1906/2006 li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni ta' impriżi, ċentri tar-riċerka u universitajiet f'azzjonijiet taħt is-Seba' Programm Kwadru[3].

3. IL-POLITIKI EWROPEJ FIL-QASAM TA' L-ENERġIJA U TA' L-IżVILUPP SOSTENIBBLI

Id-diskussjoni tal-kapijiet ta' l-Istat f'Hampton Court, il-laqgħa għolja Ewropea ta' Marzu 2007, l-adozzjoni mill-Kummissjoni tal- Green Paper dwar l-enerġija fl-ewwel semestru ta' l-2006 u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Enerġija ta' Jannar 2007 jindikaw biċ-ċar is-sigurtà u l-provvista ta' l-enerġija fl-Ewropa, il-kompetittività ta' l-industrija Ewropea u kontroll ta' l-impatti ambjentali tad-diversi politiki Ewropej bħala prijoritajiet politiċi.

Għalhekk, huwa propost li jinżammu l-għanijiet ta' riċerka għall-faħam u l-azzar (li qabel kienu inklużi fl-Appendiċi B u C tal-linji ta' gwida tekniċi tal-programm ta' Riċerka tal-Fond u li issa jinsabu fit-taqsimiet 3 u 4 tad-deċiżjoni l-ġdida (l-Artikoli 4 sa 10)). Fil-fatt, dawn l-għanijiet ta' riċerka jidentifikaw bħala prijoritajiet:

- it-titjib tal-qagħda kompetittiva tal-faħam fil-Komunità;

- il-protezzjoni effikaċi ta' l-ambjent, it-titjib ta' l-użu tal-faħam bħala sors ta' enerġija nadifa, it-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tas-CO2 marbuta ma' l-użu tal-faħam kif ukoll il-qbid u l-ħżin ta' dan il-gass b'effett ta' serra;

- il-ġestjoni tad-dipendenza fuq sorsi esterni ta' provvista ta' l-enerġija;

- it-tnaqqis ta' l-emissjonijiet, it-tnaqqis tal-konsum ta' l-enerġija u ta' l-impatt ambjentali tal-produzzjoni ta' l-azzar;

- il-konservazzjoni tar-riżorsi u l-preżervazzjoni ta' l-ekosistema matul il-produzzjoni ta' l-azzar;

- il-monitoraġġ u l-ħarsien ta' l-ambjent fil-postijiet ta' produzzjoni ta' l-azzar u madwarhom.

Bil-għan li tissaħħaħ il-komplementarjetà bejn il-programm kwadru u l-Fondi tar-Riċerka u/jew li l-finanzjament jiġi kkonċentrat fuq it-temi magħżula, huwa propost li l-Kummissjoni tingħata l-possibbiltà li tiftaħ sejħiet għall-proposti ta' riċerka speċifiċi fil-kuntest ta' dawn l-għanijiet ta' riċerka.

Dawn is-sejħiet speċifiċi se jkunu ddefiniti filwaqt li jitqiesu l-programmi ta' ħidma li se jiġu ppubblikati għas-7 programm kwadru kif ukoll, jekk ikun xieraq, ta' l-aġendi strateġiċi tal-pjattaformi teknoloġiċi li huma rilevanti għall-programm (ESTEP ( European Steel Technology Platform ), ZEP ( Zero Emission Fossil Fuel Power Plants Platform ), SMR ( Sustainable Minerals Resource Platform ), eċċ.).

4. REGOLI ORIZZONTALI

Il-programm kwadru rivedut iqis ir-regoli orizzontali li ġew adottati mill-Kummissjoni u li magħhom għandhom ikunu konformi l-programmi ta' riċerka kollha li tieħu ħsiebhom il-Kummissjoni. Fosthom, dik dwar il-bilanċ bejn is-sessi fi ħdan il-gruppi differenti ta' esperti u l-Kumitati (Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Ġunju 2000) dwar il-bilanċ bejn l-irġiel u n-nisa fi ħdan il-Kumitati u l-gruppi ta' esperti stabbiliti minnha[4]) ġiet introdotta fir-reviżjoni tal-linji ta' gwida tekniċi.

5. ĠESTJONI FINANZJARJA

Bħala segwitu għall-apprezzament pożittiv tal-benefiċjarji tal-programmi ta' riċerka tal-Fond ta' riċerka tal-Faħam u ta' l-Azzar, kif ukoll ta' dak ta' l-esperti inkarigati bis-segwitu tal-Fondi (notevolment il-membri tal-kumitati konsultattivi tal-faħam u ta' l-azzar), huwa propost li jinżammu l-prinċipji ta' bażi li jirregolaw l-aspetti finanzjarji tas-sussidji għar-riċerka.

Pereżempju, huwa propost li tinżamm l-istruttura ta' l-ispejjeż ammissibbli kif definita fil-verżjoni 2003/78/KE tal-linji ta' gwida tekniċi, jiġifieri d-definizzjoni tal-kategoriji ta' spejjeż ammissibbli u l-użu ta' finanzjament b'rata fissa biex jiġu koperti l-ispejjeż indiretti (finanzjament evalwat mill-ġdid għal 35% ta' l-ispejjeż tal-persunal eliġibbli). Simulazzjonijiet, li saru abbażi tal-kuntratti ta' riċerka ffirmati mill-2002 'l hawn urew li ż-żieda proposta minn 30% għal 35% tal-livell tkopri l-ispejjeż ta' l-ivvjaġġjar li tneħħew mil-lista ta' kategoriji ta' l-ispejjeż eliġibbli. Dawn is-simulazzjonijiet bl-istess mod juru li l-ispejjeż indiretti kkalkulati abbażi ta' 35% ta' l-ispejjeż tal-persunal eliġibbli jistgħu jitqabblu ma' dawk li jiġu kkalkulati bl-użu tal-livelli fissi ta' 20% ta' l-ispejjeż diretti totali, ħlief dawk li jaqgħu taħt kuntratt, kif isir għall-programmi ta' riċerka ffinanzjati mis-6 u s-7 programm kwadru.

Abbażi ta' l-esperjenza li nkisbet matul il-ħames snin li ilu jeżisti l-Fond, hija proposta definizzjoni aktar preċiża tal-kategoriji differenti ta' l-ispejjeż operattivi.

Min-naħa l-oħra, biex jiġu ffavoriti l-proposti ta' riċerka marbuta ma' proġetti pilota jew ta' dimostrazzjoni, huwa propost li l-kontribuzzjoni finanzjarja massima tiżdied minn 40% għal 50% ta' l-ispejjeż awtorizzati. Għall-azzjonijiet l-oħra, il-kontribuzzjonijiet finanzjarji massimi jibqgħu kif inhuma.

Id-dispożizzjonijiet l-oħra kollha jibqgħu kif inhuma.

2007/0135 (CNS)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar linji ta' gwida tekniċi multijannwali għall-programm ta' riċerka tal-Fond ta' Riċerka għall-Faħam u l-Azzar

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Protokoll anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar il-konsegwenzi finanzjarji ta' l-iskadenza tat-Trattat tal-KEFA u dwar il-Fond ta' Riċerka għall-Faħam u l-Azzar,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/76/KE ta' l-1 ta' Frar 2003 li tistabbilixxi l-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni tal-Protokoll, anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità (Ewropea), fuq il-konsegwenzi finanzjarji tad-data ta' l-għeluq tat-Trattat tal-KEFA u fuq il-Fond tar-Riċerka tal-Faħam u l-Azzar[5], u b'mod partikolari l-Artikolu 4(3) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[6],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[7],

Billi:

(1) L-introjtu mill-investimenti tal-valur nett ta' l-assi tal-KEFA fil-likwidazzjoni u, kif tintemm il-likwidazzjoni, l-Assi tal-Fond ta' Riċerka għall-Faħam u lAzzar, qed jiġu assenjati lill-Fond ta' Riċerka għall-Faħam u l-Azzar, li hu maħsub esklussivament sabiex jiffinanzja l-proġetti ta' riċerka li ma jaqgħux taħt il-Programm tal-Qafas ta' Riċerka fl-oqsma relatati ma' l-industrija tal-faħam u l-azzar,

(2) Il-Fond ta' Riċerka għall-Faħam u l-Azzar għandu jkun immexxi mill-Kummissjoni skond prinċipji simili għal dawk li jirregolaw il-programmi preċedenti ta' riċerka teknika tal-faħam u l-azzar tal-KEFA u fuq il-bażi ta' linji ta' gwida tekniċi multijannwali li għandhom jikkostitwixxu estensjoni ta' dawk il-programmi tal-KEFA, filwaqt li jipprovdu konċentrazzjoni għolja ta' attivitajiet ta' riċerka u jaċċertaw li dawn jissuplimentaw dawk tal-programm kwadru tal-Komunità għall-iżvilupp tar-riċerka u t-teknoloġija,

(3) Is-Seba' Programm kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta' riċerka, ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimostrazzjoni (2007-2013) li huwa ddefinit fid-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1982/2006/KE tat-18 ta' Diċembru 2006[8] tipprovdi inċentiv għar-reviżjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/78/KE ta' l-1 ta' Frar 2003 li tistabbilixxi l-linji ta' gwida tekniki multijannwali għall-programm ta' Riċerka tal-Fond ta' Riċerka għal Faħam u l-Azzar[9] sabiex jiġi żgurat li l-Fond ta' Riċerka għall-Faħam u l-Azzar ikun komplementari għas-Seba' Programm kwadru fis-setturi marbuta ma' l-industrija tal-faħam u l-azzar,

(4) L-iżvilupp ta' riċerka u teknika jifforma mezz importanti ħafna ta' sostenn għall-għanijiet tal-Komunità għall-enerġija fejn tidħol il-fornitura tal-faħam għall-Komunità, il-bidla tal-faħam b'mod kompetittiv u li ma jagħmilx ħsara għall-ambjent u l-użu tiegħu. Barra minn dan, it-tkabbir tad-dimensjoni internazzjonali tas-suq tal-faħam u l-iskala globali tal-problemi marbuta ma' dan il-qasam ifisser li l-Unjoni Ewropea għandha tassumi rwol prinċipali sabiex tindirizza l-isfidi marbuta mat-tekniki moderni, is-sikurezza fil-minjiera u l-ħarsien ambjentali fuq livell globali billi jkun żgurat it-trasferiment ta' l-għarfien meħtieġ għall-progress teknoloġiku ulterjuri, kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar (saħħa u sikurezza) u protezzjoni ta' l-ambjent aħjar,

(5) Bl-għan ġenerali illi titkattar il-kompetittività u jsir kontribut għall-iżvilupp sostenibbli, l-enfasi ewlenija tar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku hija fuq l-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda jew imtejba biex tiġi ggarantita l-produzzjoni ekonomika, nadifa u sikura ta' l-azzar u ta' prodotti ta' l-azzar, kkaratterizzata minn rendiment dejjem aħjar, addattament xieraq għall-użu, is-sodisfazzjoni tal-klijenti, ħajja itwal tal-prodott, u rkupru u riċiklaġġ ħafif.

(6) L-ordni li fiha l-għanijiet ta' riċerka għall-faħam u l-azzar huma ppreżentati f'din id-Deċiżjoni ma tindikax it-tqassim ta' prijorità bejniethom,

(7) Fil-qafas ta' l-attivitajiet ta' ġestjoni tal-Fond ta' Riċerka għall-Faħam u l-Azzar, il-Kummissjoni għandha tingħata l-għajnuna minn gruppi konsultattivi u tekniċi li jirrappreżentaw firxa wiesgħa ta' interessi industrijali u partijiet interessati oħrajn,

(8) It-tkabbir reċenti li jinkorpora Stati Membri ġodda ma jesiġi l-ebda emendar tal-linji ta' gwida tekniċi adottati fl-1 ta' Frar 2003, notevolment f'dak li jirrigwarda l-kompożizzjoni tal-gruppi konsultattivi u d-definizzjoni tal-faħam,

(9) Skond l-Istqarrija Nru 4 tad-Deċiżjoni tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membru li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill 2002/234/KEFA tas-27 ta' Frar 2002[10], il-Kummissjoni eżaminat mill-ġdid id-definizzjoni ta' "azzar" u waslet għall-konklużjoni li ma hi meħtieġa l-ebda tibdila għal dik id-definizzjoni. Tabilħaqq, ħadid fondut, ħadid maħdum u prodotti tat-trab tal-metall huma kwistjonijiet li diġà huma koperti mis-Seba' Programm kwadru,

(10) L-approċċ ġenerali għar-reviżjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/78/KE huwa li l-proċeduri li tqiesu mill-gruppi ta' assistenza bħala effettivi jinżammu, flimkien ma' għadd limitat iżda meħtieġ ta' emendi u simplifikazzjonijiet amministrattivi sabiex tiġi żgurata l-komplementarjetà mas-Seba' Programm kwadru,

(11) Dawk il-modifiki jinkludu t-tneħħija ta' ċerti miżuri ta' akkumpanjament kif diġà previst fis-Seba' Programm kwadru. Huwa wkoll meħtieġ li l-frekwenza tar-reviżjoni tal-programm u n-nomini ta' l-esperti jiġu allinjati ma' dawk li jintużaw fis-Seba' Programm kwadru,

(12) Ir-regoli dwar il-kompożizzjoni tal-gruppi konsultattivi għandhom jiġu riveduti, notevolment f'dak li jirrigward r-rappreżentazzjoni ta' Stati Membri interessati u l-bilanċ bejn is-sessi[11],

(13) Il-Kummissjoni għandha tingħata l-opportunità li tiftaħ sejħiet apposta fil-kuntest ta' l-għanijiet ta' riċerka definiti f'din id-Deċiżjoni,

(14) Il-kontribuzzjoni finanzjarja massima mill-Fond ta' Riċerka għal proġetti pilota u ta' dimostrazzjoni għandha tiżdied għal 50% ta' l-ispejjeż eliġibbli,

(15) L-approċċ ta' l-ispejjeż eliġibbli għandu jinżamm flimkien ma' definizzjoni aħjar tal-kategoriji ta' l-ispejjeż u perċentwal rivedut għall-kalkolu ta' l-ispejjeż amministrattivi,

(16) Il-Kummissjoni vvalutat mill-ġdid il-linji ta' gwida tekniċi stipulati fid-Deċiżjoni 2003/78/KE u sabet li fid-dawl tal-bidliet meħtieġa huwa xieraq li dik id-Deċiżjoni tiġi ssostitwita,

(17) Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità meħtieġa mad-Deċiżjoni 2003/78/KE, din id-Deċiżjoni għandha tapplika mis-16 ta' Settembru [...]. L-applikanti li jressqu proposti bejn is-16 ta' Settembru u d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni se jiġu mistiedna jerġgħu jippreżentaw il-proposti tagħhom skond din id-Deċiżjoni, u b'hekk ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-kundizzjonijiet aktar favorevoli pprovduti minnha, notevolment f'dak li jirrigwarda l-kontribuzzjoni finanzjarja għall-proġetti pilota u ta' dimostrazzjoni,

(18) Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni[12], għandhom jiġu applikati b'analoġija,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Kapitolu I Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1 Suġġett

Din id-Deċiżjoni tipprovdi għall-adozzjoni ta' Programm ta' Riċerka għall-Fond ta' Riċerka għall-Faħam u l-Azzar u tistabbilixxi l-linji ta' gwida tekniki multijannwali għall-implimentazzjoni ta' dak il-programm.

Kapitolu II Programmi ta' Riċerka

Sezzjoni 1L-Adozzjoni tal-programm ta' Riċerka

Artikolu 2 Adozzjoni

Programm ta' Riċerka għall-Fond ta' Riċerka għall-Faħam u l-Azzar huwa b'dan adottat, u minn issa 'l quddiem jissejjaħ "il-Programm ta' Riċerka".

Il-Programm ta' Riċerka għandu jsostni il-kompettittività ta' l-oqsma tal-Komunità marbuta ma' l-industrija tal-Faħam u l-Azzar. Dan il-programm għandu jkun konsistenti ma' l-għanijiet xjentifiċi, teknoloġiċi u politiċi tal-Komunità, u għandu jikkomplimenta l-attivitajiet fl-Istati Membri u fi ħdan il-programmi eżistenti ta' riċerka tal-Komunità, partikolarment bħalma huwa l-programm kwadru għall-attivitajiet ta' riċerka, teknoloġija, żvilupp u dimostrazzjoni (minn issa 'l quddiem "Il-Programm kwadru għar-Riċerka").

Il-koordinament, il-komplimentarjetà u s-sinerġija għandhom jiġu mħeġġa bejn dawn il-programmi, u għandu jitħeġġeġ ukoll l-iskambju ta' l-informazzjoni bejn il-proġetti ffinanzjati taħt dan il-programm u dawk li huma ffinanzjati taħt il-Programm kwadru għar-Riċerka.

Il-Programm ta' Riċerka għandu jappoġġa l-attivitajiet ta' riċerka mmirati lejn l-għanijiet iddefiniti għall-faħam fis-Sezzjoni 3 u għall-azzar fis-Sezzjoni 4.

SEZZJONI 2 DEFINIZZJONIJIET TAL-KLIEM "FAħAM" U "AZZAR"

Artikolu 3 Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta' din id-Deċiżjoni, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

1. "faħam" tfisser kwalunkwe waħda milli ġejjin:

2. antraċite (faħam iebes), li jinkludi dak ta' livell għoli u ta' livell medju "A" (faħam sub-bituminuż) kif definit fis-Sistema internazzjonali ta' kodifikazzjoni tal-faħam tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-NU;

3. briketts ta' l-antraċite;

4. kokk u semi-kokk idderivat mill-antraċite;

5. "linjite", li tinkludi faħam "Ċ" (jew orto-linjiti) ta' livell baxx u faħam "B" (jew meta-linjiti) ta' livell baxx kif definiti fil-kodifikazzjoni ta' hawn fuq;

6. briketts tal-linjite;

7. kokk u semi-kokk dderivat mil-linjite;

8. blat żejtni.

9. "azzar" tfisser kwalunkwe waħda milli ġejjin:

10. materja prima għall-produzzjoni tal-ħadid u l-azzar, bħall-mineral tal-ħadid, ħadid b'konsistenza baxxa ( sponge iron ), u ħadid skreppjat;

11. ħadid mhux raffinat (inkluż metall sħun) u ligi tal-ħadid;

12. prodotti mhux raffinati u semi-raffinati tal-ħadid, azzar ordinarju jew azzar speċjali (inklużi prodotti maħsuba għal aktar minn użu wieħed jew iffurmar mill-ġdid bir-rollers) bħalma huwa azzar likwidu ffundat permezz ta' ffundar kontinwu, jew b'mod ieħor, u prodotti semi-rfinati bħalma huma kastvalli, ingotti, vireg tal-ħadid, blokok u strippi;

13. prodotti tal-ħadid irfinati bis-sħana, azzar ordinarju jew speċjali (prodotti b'kisja jew mingħajrha, minbarra azzar fondut, azzar maħdum u prodotti metallurġiċi f'forma ta' trab), bħal binarji, pjanċi ( sheet piling ), forom strutturali, vireg, vireg tal-wajer, pjanċi u pjanċi universali, stripep u pjanċi u tubi tondi u kwadri;

14. prodotti tal-ħadid lesti, azzar ordinarju jew speċjali (b'kisja jew mingħajrha) bħal stripep u pjanċi rolljati mingħajr sħana u pjanċi elettriċi;

15. prodotti fl-ewwel fażi ta' l-ipproċessar ta' l-azzar li jistgħu itejbu l-kompettitività tal-prodotti tal-ħadid u ta' l-azzar msemmija hawn fuq, bħal prodotti f'forma ta' tubi, prodotti miġbuda u b'finitura, prodotti rroljati u ffurmati mingħajr sħana.

SEZZJONI 3 GħANIJIET TA' RIċERKA GħALL-FAħAM

Artikolu 4 It-titjib tal-pożizzjoni kompetittiva tal-faħam tal-Komunità

1. L-għan huwa li jitnaqqsu l-ispejjeż totali tal-produzzjoni tal-faħam mill-mini tat-tħaffir, titjieb il-kwalità tal-prodotti u jitnaqqsu l-ispejjeż ta' l-użu tal-faħam. Il-proġetti ta' riċerka għandhom jinkludu l-katina kollha tal-produzzjoni tal-faħam, kif ġej:

(a) metodi moderni sabiex jkunu eżaminati d-depożiti;

(b) ippjanar integrat tal-minjieri;

(c) teknoloġiji tat-tħaffir għall-faħam li huma effiċjenti ħafna, u fil-biċċa l-kbira awtomatizzati, skond il-karatteristiċi ġeografiċi tad-depożiti Ewropej ta' antraċite;

(d) teknoloġiji xierqa ta' sostenn;

(e) sistemi ta' trasport;

(f) servizzi ta' provvista ta' l-elettriku, u sistemi ta' komunikazzjoni u informazzjoni, trażmissjoni, kontroll u kontroll tal-proċess;

(g) tekniki ta' preparazzjoni tal-faħam, għal bżonnijiet tas-suq tal-konsumatur;

(h) konverżjoni fil-faħam;

(i) kombustjoni tal-faħam.

2. Il-proġetti ta' riċerka għandu ikollhom ukoll l-għan li jilħqu progress xjentifiku u teknoloġiku sabiex nifhmu aħjar l-imġiba u l-kontroll tad-depożiti f'relazzjoni mal-pressjoni tal-blat, l-emissjonijiet tal-gass, ir-riskju ta' splużjonijiet, il-ventilazzjoni u l-fatturi l-oħra kollha li jolqtu operazzjonijiet ta' tħaffir tal-minjieri. Il-proġetti ta' riċerka li għandhom dawn l-għanijiet għandhom jippreżentaw il-prospett tar-riżultati applikabbli kemm fiż-żmien qasir kif ukoll f'dak medju lill-parti sostanzjali tal-produzzjoni fil-Komunità.

Għandha tingħata preferenza lill-proġetti li jippromwovu ta' l-anqas waħda minn dawn li ġejjin:

16. integrazzjoni ta' tekniki individwali f'sistemi u metodi u l-iżvilupp ta' metodi ta' tħaffir integrati;

17. tnaqqis sostanzjali tan-nefqa tal-produzzjoni;

18. benefiċċji f'termini tas-sikurezza tal-mini u l-ambjent.

Artikolu 5 Is-saħħa u s-sikurezza fil-minjieri

Il-proġetti li jkopru l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 4(a-f) għandhom ikunu akkumpanjati wkoll minn sforzi xierqa fil-qasam tas-sikurezza tal-minjieri kif ukoll fil-kontroll tal-gass, il-ventilazzjoni u l-arja kkondizzjonata bil-għan li jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol ta' taħt l-art flimkien mas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol.

Artikolu 6 Protezzjoni effiċjenti ta' l-ambjent u titjib fl-użu tal-faħam bħala sors ta' enerġija nadifa

Proġetti ta' riċerka b'dan l-għan għandhom ifittxu li jiminimizzaw l-impatt ta' l-operazzjonijiet ta' tħaffir u ta' l-użu tal-faħam fil-Komunità fl-atmosfera, fl-ilma u wiċċ l-art fil-qafas ta' l-istrateġija integrata ta' ġestjoni tat-tniġġis. Peress li l-industrija tal-faħam tal-Komunità għaddejja minn ristrutturar kontinwu, ir-riċerka għandha tkun diretta wkoll lejn il-minimizzar ta' l-impatt ambjentali tal-mini ta' taħt l-art li se jkollhom jagħlqu.

Għandha tingħata preferenza lill-proġetti li jipprevedu ta' l-anqas waħda minn dawn li ġejjin:

19. tnaqqis ta' l-emissjonijiet mill-użu tal-faħam, inklużi l-qbid u l-ħżin tad-CO2;

20. tnaqqis ta' l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra, b'mod partikolari l-metanu, mid-depożiti tal-faħam;

21. it-tqegħid lura fil-mini ta' l-iskart mit-tħaffir, l-irmied tal-faħam ( fly ash ) u prodotti prodotti għat-tneħħija tal-kubrit fejn relevanti, b'forom oħra ta' skart;

22. ir-rinnovar tal-miżbliet u l-użu industrjali ta' residwi mill-produzzjoni u l-konsum tal-faħam;

23. il-protezzjoni ta' l-ilma tal-pjan u t-tisfija ta' l-ilma mill-minjieri;

24. it-tnaqqis fl-impatt ambejntali ta' installazzjonijiet li jużaw prinċipalment faħam u linjite tal-Komunità;

25. il-protezzjoni ta' installazzjonijiet fuq wiċċ l-art kontra l-effetti ta' sfrundar ta' l-art għall-medda l-qasira u dik twila.

Artikolu 7 Il-ġestjoni tad-dipendenza fuq provvisti esterni ta' l-enerġija

Il-proġetti ta' riċerka b'dan il-għan għandhom ikunu marbuta mal-prospetti ta' provvista ta' enerġija fil-medda t-twila u għandhom jikkonċernaw ir-rinnovar –f'termini ekonomiċi, ambjentali u marbuta ma' l-enerġija– ta' depożiti ta' faħam li ma jistgħux jkunu estratti ekonomikament b'tekniki ta' tħaffir konvenzjonali. Il-proġetti jistgħu jinkludu studji, id-definizzjoni ta' strateġiji, riċerka fundamentali jew applikata, u t-testjar ta' teknoloġiji innovattivi li joffru prospetti għall-iżvilupp tar-riżorsi tal-faħam tal-Komunità.

Għandha tingħata preferenza lill-proġetti li jintegraw tekniki komplimentarji bħalma huma l-assorbiment tal-metanu jew dijossidu tal-karbonju, metanu estratt mis-sodda tal-faħam, u l-vaporizzazzjoni tal-faħam ta' taħt l-art.

SEZZJONI 4 GħANIJIET TA' RIċERKA GħALL-AZZAR

Artikolu 8 Tekniki ġodda u mtejba fil-produzzjoni u l-finitura ta' l-azzar

Ir-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku għandhom ikunu mmirati lejn it-titjib tal-proċessi ta' produzzjoni ta' l-azzar bil-għan li tittejjeb il-kwalità tal-prodott u tiżdied il-produttività. It-tnaqqis ta' l-emissjonijiet, il-konsum ta' l-enerġija u l-impatt ambjentali kif ukoll it-titjib ta' l-użu tal-materja prima u l-konservazzjoni tar-riżorsi għandhom jifformaw parti integrali mit-titjib li qed jiġi mfittex. Il-proġetti ta' riċerka għandhom jindirizzaw wieħed jew aktar mill-oqsma li ġejjin:

(a) proċessi ġodda u mtejba għar-riduzzjoni tal-minerali tal-ħadid;

(b) proċessi u operazzjonijiet ta' ħdim tal-ħadid;

(c) proċessi tal-forn ta' l-elettriku ( arc furnace );

(d) proċessi tal-produzzjoni ta' l-azzar;

(e) tekniki sekondarji tal-metallurġija;

(f) tekniki ta' ffundar kontinwu u ta' ffundar raffinat ( near net shape casting ) bl-użu jew mingħajr l-użu ta' rrolljar dirett;

(g) tekniki ta' rrolljar, tal-finitura u tal-kisi;

(h) tekniki ta' rrolljar bis-sħana jew mingħajr sħana, pickling u proċessi ta' finitura;

(i) proċessi ta' strumentazzjoni, kontroll u awtomazzjoni;

(j) il-manutenzjoni u l-affidabbiltà tal-linji ta' produzzjoni.

Artikolu 9 L-RTD u l-utilizzazzjoni ta' l-azzar

L-RTD immirat lejn l-utilizazzjoni ta' l-azzar huwa essenzali sabiex jintlaħqu l-ħtiġijiet futuri ta' l-utenti ta' l-azzar u sabiex jinħolqu opportunitajiet ta' swieq ġodda. Il-proġetti ta' riċerka għandhom jindirizzaw wieħed jew aktar mill-oqsma li ġejjin:

(a) tipi ġodda ta' azzar għall-applikazzjoni b'rekwiżiti għolja;

(b) karatteristiċi ta' l-azzar li jindirizzaw il-bżonnijiet mekkaniċi f'temperaturi għoljin jew baxxi bħal saħħa u durabilità, reżistenza għall-użu, ttikil, żamma tal-forma, korrużjoni, u reżistenza kontra l-ksur;

(c) tiżdied il-ħajja tas-servizz tal-prodott, b'mod partikolari billi tiġi żviluppata r-reżistenza ta' l-azzar u ta' l-istrutturi ta' l-azzar għas-sħana u għall-korrużjoni;

(d) komposti li fihom l-azzar u strutturi f'saffi;

(e) mudelli għal simulazzjoni ta' previżjoni fuq mikrostrutturi u kwalitajiet mekkaniċi;

(f) metodi għas-sikurezza u d-disinjar strutturali, b'mod partikolari fir-rigward tar-reżistenza għan-nar u t-terremoti;

(g) tekniċi marbuta ma' l-iffurmar, il-welding u t-twaħħil ta' l-azzar u materjali oħra;

(h) standardizzar ta' metodi ta' testjar u valutazzjoni.

Artikolu 10 Konservazzjoni ta' riżorsi u żvilupp tal-kondizzjonijiet tax-xogħol

Kemm fil-produzjoni ta' l-azzar kif ukoll fl-użu tiegħu, il-konservazzjoni tar-riżorsi, il-preżervazzjoni ta' l-ekosistema u kwistjonijiet ta' sikurezza għandhom ikunu parti integrali mix-xogħol ta' RTD. Il-proġetti ta' riċerka għandhom jindirizzaw wieħed jew aktar mill-oqsma li ġejjin:

(a) tekniki sabiex jiġi riċiklat azzar li m'għadux jintuża minn sorsi differenti u klassifikazzjoni ta' skrepp ta' l-azzar;

(b) kategoriji ta' azzar u disinn ta' strutturi mibnija sabiex jiffaċilitaw il-ġbir ta' l-azzar skreppjat u l-konverżjoni tiegħu f'azzar li jista' jintuża;

(c) kontroll u protezzjoni ta' l-ambjent fil-post tax-xogħol u madwaru;

(d) restawr ta' siti tal-produzzjoni ta' l-azzar;

(e) titjib tal-kondizjonijiet tax-xogħol u l-kwalità tal-ħajja fuq il-post tax-xogħol;

(f) metodi ergonomiċi;

(g) saħħa u sikurezza fuq il-post tax-xogħol;

(h) tnaqqis ta' l-esponiment għall-emissjonijiet fuq ix-xogħol.

Kapitolu III Linji ta' gwida tekniċi multijannwali

Sezzjoni 1Parteċipazzjoni

Artikolu 11 Stati Membri

Kwalunkwe impriża, korp pubbliku, organizzazzjoni ta' riċerka jew stabbiliment ta' l-edukazzjoni għolja jew sekondarja, jew kwalunkwe entità legali, fosthom persuni naturali li huma stabbiliti fit-territorju ta' Stat Membru, jista' jipparteċipa fil-programm u japplika għall-assistenza finanzjarja, sakemm ikollu l-intenzjoni li jwettaq attività ta' l-RTD jew li jista' jagħti kontribut sostanzjali għal din l-attività.

Artikolu 12 Il-pajjiżi kandidati

Kwalunkwe impriża, korp pubbliku, organizzazzjoni ta' riċerka jew stabbiliment ta' l-edukazzjoni għolja jew sekondarja, jew kwalunkwe entità legali, fosthom persuni naturali li huma stabbiliti fit-territorju fil-pajjiżi kandidati, huwa intitolat sabiex jipparteċipa mingħajr ma jirċievi kwalunkwe kontribuzzjoni finanzjarja taħt il-Programm ta' Riċerka, sakemm ma jkunx ipprovdut mod ieħor taħt il-Ftehimiet Ewropej rilevanti u fil-protokolli addizzjonali tagħhom, u fid-deċiżjonijiet tal-Kunsilli ta' Assoċjazzjoni varji.

Artikolu 13 Pajjiżi terzi

Kwalunkwe impriża, korp pubbliku, organizzazzjoni ta' riċerka jew stabbiliment ta' l-edukazzjoni għolja jew sekondarja, jew kwalunkwe entità legali, fosthom persuni naturali minn pajjiżi terzi, huwa intitolat sabiex jipparteċipa fuq il-bażi ta' proġetti individwali mingħajr ma jirċievi kontribuzzjoni finanzjarja taħt il-Programm ta' Riċerka, sakemm din il-parteċipazzjoni tkun fl-interess tal-Komunità.

SEZZJONI 2 ATTIVITAJIET ELIġIBBLI

Artikolu 14 Proġetti ta' riċerka

Proġett ta' riċerka għandu jkun maħsub biex ikopri xogħol investigattiv jew esperimentali bil-għan li jinkiseb aktar għarfien sabiex tiġi ffaċilitata l-kisba ta' għanijiet prattiċi speċifiċi bħall-ħolqien jew l-iżvilupp ta' prodotti, proċessi ta' produzzjoni jew servizzi.

Artikolu 15 Proġetti pilota

Proġett pilota huwa kkaratterizzat mill-kostruzzjoni, l-operazzjoni u l-iżvilupp ta' installazzjoni jew parti sinifikanti ta' installazzjoni fuq skala xierqa u bl-użu ta' komponenti kbar biżżejjed sabiex jiġi eżaminat il-potenzjal biex dawn ir-riżultati teoretiċi u mil-laboratorju jitqiegħdu fil-prattika u/jew tittejjeb l-affidabbiltà tad-dejta teknika u ekonomika meħtieġa biex isir progress għall-istadju tad-dimostrazzjoni, u ċerti każijiet għall-istadju industrijali u/jew kummerċjali.

Artikolu 16 Proġetti ta' dimostrazzjoni

Proġett ta' dimostrazzjoni għandu jkun karatterizzat mill-kostruzzjoni u/jew l-operat ta' istallazzjoni fuq skala industriali jew parti sinifikanti ta' istallazzjoni fuq skala industrijali bil-għan li jgħaqqad flimkien id-dejta teknika u ekonomika kollha sabiex imbagħad it-teknoloġija tiġi sfruttata industrijalment u/jew kummerċjalment b'riskju minimu.

Artikolu 17 Miżuri ta' akkumpanjament

Miżuri ta' akkumpanjament għandhom jirrigwardaw il-promozzjoni ta' l-użu ta' l-għarfien miksub jew l-organizzazzjoni ta' gruppi ta' ħidma jew konferenzi apposta fir-rigward tal-proġetti jew il-prijoritajiet tal-programm.

Artikolu 18 Azzjonijiet ta' appoġġ u ta' tħejjija

Azzjonijiet ta' appoġġ u ta' tħejjija huma dawk xierqa għat-tmexxija soda u effettiva tal-Programm ta' Riċerka, bħalma huma l-valutazzjoni u l-għażla tal-proposti kif jissemmew fl-Artikoli 27 u 28, il-monitoraġġ perjodiku u l-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 38, l-istudji, l-ikkombinar jew in-netwerking ta' proġetti relatati ffinanzjati taħt il-programm.

Il-Kummissjoni tista', fejn tqis li jkun xieraq, taħtar esperti independenti u bi kwalifiki għolja biex jgħinu fl-azzjonijiet ta' appoġġ u tħejjija.

SEZZJONI 3 ĠESTJONI TAL-PROGRAMM

Artikolu 19 Ġestjoni

Il-Programm għandu jkun mmexxi mill-Kummissjoni. Il-Kumitat għall-Faħam u l-Azzar, il-Gruppi Konsultattivi tal-Faħam u l-Azzar u l-Gruppi Tekniċi għall-Faħam u l-Azzar għandhom jgħinuha.

Artikolu 20 L-istabbiliment tal-Gruppi Konsultattivi għall-Faħam u l-Azzar

Il-Gruppi Konsultattivi għall-Faħam u l-Azzar (minn issa 'l quddiem "Il-Gruppi Konsultattivi") għandhom ikunu gruppi tekniċi indipendenti għall-konsultazzjoni.

Artikolu 21 Il-kompiti tal-Gruppi Konsultattivi għall-Faħam u l-Azzar

Għall-oqsma ta' RTD fil-faħam u l-azzar rispettivament, kull Grupp Konsultattiv għandu jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar:

26. l-iżvilupp globali tal-Programm ta' Riċerka, il-pakkett ta' informazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 25 u linji ta' gwida futuri;

27. il-konsistenza u d-duplikazzjoni possibbli ma' programmi RTD oħra kemm fil-livell Komunitarju u dak nazzjonali;

28. l-istabbiliment ta' prinċipji ta' gwida għall-kontroll tal-proġetti RTD;

29. ix-xogħol li qed isir taħt proġetti speċifiċi;

30. l-għanijiet ta' riċerka tal-Programm ta' Riċerka elenkati fis-Sezzjonijiet 3 u 4;

31. l-għanijiet prijoritarji annwali elenkati fil-Pakkett ta' Informazzjoni u, fejn xieraq, l-għanijiet prijoritarji għal sejħiet iddedikati kif jissemma fl-Artikolu 25;

32. il-preparazzjoni ta' manwal għall-evalwazzjoni u l-għażla ta' azzjonijiet RTD, kif imsemmija fl-Artikoli 27 u 28;

33. il-valutazzjoni ta' proposti għall-azzjonijiet RTD u l-prijorità li għandha tingħata lil dawk il-proposti, filwaqt li jitqiesu l-fondi disponibbli;

34. l-għadd, il-kompetenzi u l-istruttura tal-Gruppi Tekniċi msemmija fl-Artikolu 24;

35. it-tfassil ta' sejħiet għall-proposti apposta kif jissemmew fl-Artikolu 25;

36. miżuri oħra meta jintalbu jagħmlu dan mill-Kummissjoni.

Artikolu 22 Il-kompożizzjoni tal-Gruppi Konsultattivi għall-Faħam u l-Azzar

Kull Grupp Konsultattiv għandu jkun kompost skond it-tabelli murija fl-Anness. Il-membri għandhom jinħatru mill-Kummissjoni biex iservu fil-kapaċità personali għal perjodu ta' 42 xahar. Il-ħatriet jistgħu jiġu irtirati.

Il-Kummisjoni għandha tikkunsidra proposti għall-ħatriet li tkun irċeviethom:

(a) mill-Istati Membri;

(b) minn entitajiet imsemmija fit-tabelli fl-Anness;

(c) bħala risposta għal sejħa għall-applikazzjonijiet ta' inklużjoni fuq lista ta' riżerva.

Il-Kummissjoni għandha tiżgura, fi ħdan kull Grupp Konsultattiv, firxa bbilanċjata ta' għarfien espert u l-usa' rappreżentazzjoni ġeografika possibbli.

Il-membri għandhom ikunu attivi fl-oqsma kkonċernati u għandhom ikunu konxji mill-prioritajiet industrijali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni, hi u taħtar il-membri tal-Gruppi Konsultattivi, għandha tipprova ssib bilanċ bejn is-sessi.

Artikolu 23 Il-laqgħat tal-Gruppi Konsultattivi għall-Faħam u l-Azzar

Il-laqgħat tal-Gruppi Konsultattivi għandhom ikunu organizzati u ppreseduti mill-Kummissjoni, li għandha tipprovdi wkoll is-segretarjat.

Jekk hemm il-ħtieġa, il-President jista' jitlob lill-membri biex jieħdu vot. Kull membru għandu d-dritt għal vot wieħed. Fejn xieraq, il-President jista' jistieden esperti viżitaturi jew osservaturi sabiex jieħdu sehem fil-laqgħat. L-esperti viżitaturi u l-osservaturi m'għandu jkollhom l-ebda dritt għall-vot.

Jekk hemm il-ħtieġa (eż. sabiex jipprovdu pariri dwar oqsma relevanti għas-setturi tal-faħam u l-azzar), iż-żewġ Gruppi Konsultattivi għandhom jiltaqgħu f'laqgħat konġunti.

Artikolu 24 L-istabbiliment u l-kompiti tal-Gruppi Tekniċi għall-Faħam u l-Azzar

Il-Gruppi Tekniċi tal-Faħam u l-Azzar għandhom jagħtu pariri lill-Kummissjoni fil-monitoraġġ tar-riċerka u tal-proġetti pilota jew ta' dimostrazzjoni u, fejn meħtieġ, fid-definizzjoni ta' l-għanijiet prijoritarji tal-Programm ta' Riċerka.

Il-Memberi għandhom jiġu maħtura mill-Kummissjoni u għandhom jiġu mill-oqsma marbuta ma' l-industrija tal-faħam u l-azzar, organizzazzjonijiet ta' riċerka jew mill-industrija li tużahom, sakemm dawn għandhom responsabbiltajiet għall-istrateġija ta' riċerka, amministrazzjoni jew produzzjoni.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni, hi u taħtar il-membri tal-Gruppi Tekniċi, għandha tipprova ssib bilanċ bejn is-sessi.

Il-laqgħat tal-Gruppi Tekniċi għandhom, kull meta jkun possibbli, isiru f'postijiet magħżula b'tali mod li l-monitoraġġ tal-proġetti u l-valutazzjoni tar-riżultati jiġu żgurati bl-aħjar mod.

SEZZJONI 4 L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM TA' RIċERKA

Artikolu 25 Is-sejħa għall-proposti

1. B'dan hija mnedija sejħa miftuħa u kontinwa għall-proposti. Sakemm mhux speċifikat mod ieħor, il-15 ta' Settembru ta' kull sena għandu jkun id-data ta' l-għeluq għat-tressiq tal-proposti għall-evalwazzjoni.

2. Meta l-Kummissjoni tiddeċiedi, skond l-Artikolu 41(d) u (e), li temenda d-data ta' l-għeluq imsemmija fil-paragrafu 1 għat-tressiq tal-proposti, jew li tniedi sejħiet għall-proposti apposta, hi għandha tippubblika dik l-informazzjoni fil- Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea .

Is-sejħiet għall-proposti apposta għandhom jindikaw id-dati u l-modalitajiet għat-tressiq, fosthom jekk għandhom isiru fi stadju wieħed inkella tnejn, u għall-evalwazzjoni tal-proposti, il-prijoritajiet, it-tip ta' proġetti eliġibbli kif jissemmew fl-Artikoli 14 sa 18, fejn meħtieġ, u l-finanzjament previst.

3. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi pakkett ta' informazzjoni dwar il-programm, bir-regoli tal-parteċipazzjoni, il-metodi ta' amministrazzjoni tal-proposti u l-proġetti, il-formoli ta' applikazzjoni, ir-regoli ta' kif għandhom jitressqu l-proposti, kampjuni tal-ftehimiet dwar l-għotjiet, l-ispejjeż eliġibbli, il-kontribuzzjoni finanzjarja massima permessa, il-metodi ta' ħlas u l-għanijiet prijoritarji annwali tal-Programm ta' Riċerka.

Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-pakkett ta' informazzjoni fuq is-Servizz Komunitarju għall-Informazzjoni dwar ir-Riċerka u l-Iżvilupp (CORDIS) jew sit korrispondenti.

L-applikazzjonijiet għandhom jitressqu lill-Kummissjoni skond ir-regoli stipulati fil-pakkett ta' informazzjoni, li l-Kummissjoni tista' tipprovdi kopja stampata tiegħu meta din tintalab.

Artikolu 26 Il-kontenut tal-proposti

Il-proposti għandhom jikkonċernaw l-għanijiet ta' riċerka stipulati fis-Sezzjonijiet 3 u 4 tal-Kapitolu II u, fejn applikabbli, għall-għanijiet prijoritarji elenkati fil-Pakkett ta' Informazzjoni skond l-Artikolu 25(3) jew għall-għanijiet prijoritarji ddefiniti għas-sejħiet għall-proposti apposta msemmija fl-Artikolu 25(2).

Kull proposta għandu jkollha deskrizzjoni dettaljata tal-proġett propost kif ukoll l-informazzjoni kollha dwar l-għanijiet, sħubiji, inkluż ir-rwol preċiż ta' kull soċju, l-istruttura ta' ġestjoni, riżultati mistennija, applikazzjonijiet mistennija kif ukoll valutazzjoni tal-benefiċji industrijali, ekonomiċi, soċjali u ambjentali mistennija.

In-nefqa totali proposta kif ukoll it-tqassim tagħha jridu jkunu realistiċi u effettivi, u l-proġett se jkun mistenni jipproduċi proporzjon favorevoli bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji.

Artikolu 27 Evalwazzjoni tal-proposti

Il-Kummissjoni għandha taċċerta stima kunfidenzali, ġusta u ekwitabbli tal-proposti.

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u tippubblika manwal għall-valutazzjoni u l-għażla ta' azzjonijiet RTD.

Artikolu 28 Għażla tal-proposti u monitoraġġ tal-proġetti

1. Il-Kummissjoni għandha tirreġistra l-proposti li tirċievi u għandha tivverifika l-eliġibbiltà tagħhom.

2. Il-proposti għandhom jiġu evalwati mill-Kummissjoni bl-assistenza ta' esperti indipendenti.

3. Il-Kummissjoni għandha tagħmel lista tal-proposti adottati skond il-mertu. Il-lista skond il-mertu tista' tkun diskussa mill-Grupp Konsultattiv rilevanti.

4. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-għażla ta' proġetti u l-allokazzjoni ta' fondi. Fejn l-ammont stmat tal-kontribuzzjoni Komunitarja taħt il-Programm ta' Riċerka jkun ta' EUR 0.6 miljun jew atkar, għandu japplika l-Artikolu 41(a).

5. Il-Kummissjoni għandha, bl-għajnuna tal-gruppi tekniċi msemmija fl-Artikolu 24, tikkontrolla l-proġetti u l-attivitajiet ta' riċerka.

Artikolu 29 Il-ftehimiet ta' l-għotjiet

Proġetti bbażati fuq proposti, miżuri u azzjonijiet magħżula skond l-Artikoli 14 sa 18 għandhom ikunu s-suġġett ta' ftehim ta' għotja. Il-ftehimiet dwar l-għotjiet għandhom ikunu bbażati fuq mudelli ta' ftehimiet ta' għotjiet imħejjija mill-Kummissjoni, wara li titqies, fejn xieraq, in-natura ta' l-attivitajiet ikkonċernati.

Il-ftehimiet ta' l-għotjiet għandhom jiddefinixxu l-kontribuzzjoni finanzjarja allokata taħt il-programm fuq il-bażi ta' l-ispejjeż eliġibbli li jikkonċernaw ir-rappurtar dwar in-nefqa u l-għeluq tal-kontijiet u ċertifikati dwar dikjarazzjonijiet finanzjarji. Barra minn hekk, għandhom jipprovdu għal dispożizzjonijiet dwar it-tixrid u l-użu tad-drittijiet ta' aċċess.

Artikolu 30 Kontribuzzjoni finanzjarja

Il-Programm ta' Riċerka għandu jkun ibbażat fuq ftehimiet ta' għotjiet RTD bl-ispejjeż maqsuma. Il-kontribuzzjoni finanzjarja totali, li tinkludi kwalunkwe finanzjament addizzjonali ieħor għandha tikkonforma mar-regoli applikabbli dwar l-għajnuna mill-Istat.

Il-kuntratti pubbliċi għandhom jintużaw ukoll għall-provvista ta' assi mobbli jew immobbli, l-eżekuzzjoni ta' xogħlijiet jew il-provvista ta' servizzi li huma meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' l-azzjonijiet ta' appoġġ u ta' tħejjija.

Mingħajr preġudizzju għall-ewwel paragrafu, il-kontribuzzjoni finanzjarja totali massima, espressa bħala perċentwal ta' l-ispejjeż eliġibbli ddefiniti fl-Artikoli 31 sa 35, għandha tkun:

għal proġetti ta' riċerka | sa limitu ta' 60% |

għal proġetti pilota u ta' dimostrazzjoni | sa limitu ta' 50% |

għal miżuri ta' akkumpanjament, appoġġ u azzjonijiet ta' tħejjija | sa limitu ta' 100% |

37. Artikolu 31 Spejjeż eliġibbli

1. L-ispejjeż eliġibbli għandhom jikkonsistu fi:

38. spejjeż għall-apparat;

39. spejjeż għall-persunal;

40. spejjeż operattivi;

41. spejjeż indiretti.

2. L-ispejjeż eliġibbli għandhom ikunu biss l-ispejjeż reali li jirriżultaw mill-eżekuzzjoni tal-proġett skond it-termini tal-ftehim ta' l-għotja. Benefiċjarji, benefiċjarji assoċjati u sub-benefiċjarji m'għandhomx ikunu intitolati jitolbu rati kummerċjali jew ikkwotati minn qabel.

Artikolu 32 Spejjeż għall-apparat

In-nefqa għax-xiri jew kiri ta' apparat marbut direttament ma' l-eżekuzzjoni tal-proġett għandha tiġi mniżżla bħala spejjeż diretti. L-ispejjeż eliġibbli għall-kiri ta' l-apparat m'għandhomx jaqbżu kwalunkwe spejjeż eliġibbli għax-xiri tiegħu.

Artikolu 33 Spejjeż għall-persunal

L-ispejjeż tas-sigħat reali allokati esklussivament għal proġett minn persunal xjentifiku, postgradwat jew tekniku kif ukoll l-ispejjeż għat-tħaddim ta' ħaddiema manwali direttament mill-benefiċjarju huma allokabbli. Kwalunkwe nefqa għal persunal addizzjonali, eż. boroż ta' studju, għandu jkollha l-approvazzjoni bil-miktub minn qabel mill-Kummissjoni. Is-sigħat ta' xogħol allokati għandhom ikunu reġistrati u ċċertifikati.

Artikolu 34 Spejjeż operattivi

L-ispejjeż operattivi marbuta direttament ma' l-eżekuzzjoni tal-proġett għandhom ikunu limitati esklussivament għall-ispejjeż ta':

42. materja prima;

43. konsumabbli;

44. enerġija;

45. it-trasport tal-materja prima, il-konsumabbli, l-apparat, il-prodotti, feedstock jew fjuwil;

46. il-manutenzjoni, it-tiswija, l-alterazzjoni jew it-trasformazzjoni ta' apparat diġà eżistenti;

47. servizzi ta' l-informatika u servizzi speċifiċi oħra;

48. il-kiri ta' l-apparat;

49. analiżijiet u testijiet;

50. l-organizzazzjoni ta' workshops apposta;

51. ċertifikat dwar stqarrijiet finanzjarji u garanzija bankarja;

52. il-protezzjoni tat-tagħrif;

53. assistenza minn partijtiet terzi;

Artikolu 35 Spejjeż indiretti

Kwalunkwe spejjeż oħrajn bħal spejjeż amministrattivi jew spejjeż ġenerali li jistgħu jirriżultaw b'konnessjoni mal-proġett u li m'humiex identifikati speċifikament fil-kategoriji preċedenti, fosthom spejjeż ta' l-ivvjaġġar u ta' sussistenza, għandhom ikunu koperti b'rata fissa li tammonta għal 35% ta' l-ispejjeż eliġibbli għall-persunal kif imsemmija fl-Artikolu 33.

SEZZJONI 5 VALUTAZZJONI U MONITORAġġ TA' L-ATTIVITAJIET TA' RIċERKA

Artikolu 36 Rapporti tekniċi

Għall-proġetti ta' riċerka, pilota u dimostrattivi, kif imsemmija fl-Artikoli 14, 15 u 16, għandhom jitħejjew rapporti perjodiċi mill-benefiċjarju jew il-benefiċjarji. Dawn ir-rapporti għandhom jintużaw għad-deskrizzjoni tal-progress tekniku li jkun sar.

Kif jitlesta x-xogħol, għandu jsir rapport finali li jkun fih eżami ta' l-impatt u ta' l-isfruttar, li għandu jiġi pprovdut mill-benefiċjarju jew il-benefiċjarji. Dan ir-rapport għandu jkun ippubblikat mill-Kummissjoni f'verżjoni sħiħa jew fil-qosor, skond ir-rilevanza strateġika tal-proġett, u wara l-konsultazzjoni, jekk tkun meħtieġa, tal-Grupp Konsultattiv rilevanti.

Il-Kummissjoni tista' tesiġi li l-benefiċjarju jew il-benefiċjarji jipprovdu rapporti finali dwar il-miżuri ta' akkumpanjament imsemmija fl-Artikolu 17 kif ukoll dwar l-azzjonijiet ta' appoġġ u dawk preparatorji msemmija fl-Artikolu 18, u tista' tiddeċiedi li tippubblikahom.

Artikolu 37 Reviżjoni annwali

Il-Kummissjoni għandha tagħmel reviżjoni annwali ta' l-attivitajiet li jaqgħu taħt il-Programm ta' Riċerka kif ukoll tal-progress tax-xogħol ta' RTD. Ir-rapport li jkun fih din ir-reviżjoni għandu jgħaddi għand il-Kumitat.

Il-Kummissjoni tista', fejn tqis li jkun xieraq, taħtar esperti independenti u bi kwalifiki għolja biex jgħinu fir-reviżjoni annwali.

Artikolu 38 Il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-programm

1. Il-Kummissjoni għandha twettaq eżerċizzju ta' monitoraġġ tal-Programm ta' Riċerka, li għandu jinkludi valutazzjoni tal-benefiċċji mistennija. Rapport dwar dan l-eżerċizzju għandu jsir sa' l-aħħar ta' l-2013, u min hemm ‘il quddiem kull seba' snin. Dawn ir-rapporti għandhom jiġu ppubblikati permezz tas-Servizz Komunitarju għall-Informazzjoni dwar ir-Riċerka u l-Iżvilupp (CORDIS) jew sit korrispondenti.

2. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-Programm ta' Riċerka meta jitlestew il-proġetti ffinanzjati matul kull perjodu ta' seba' snin. Għandhom jiġu vvalutati wkoll il-benefiċċji li qed jagħti l-RTD lis-soċjetà u lis-setturi relevanti. Ir-rapport ta' valutazzjoni għandu jiġi ppublikat.

3. Fil-monitoraġġ u l-valutazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2, il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn bordijiet ta' esperti bi kwalifiki għolja maħtura mill-Kummissjoni.

Artikolu 39 Il-ħatra ta' esperti indipendenti u bi kwalifiki għolja

Għall-ħtir ta' l-esperti indipendenti u bi kwalifiki għolja msemmija fl-Artikoli 18, 28(2) u 38, id-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 14 u 17 tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1906/2006[13] għandhom japplikaw b'analoġija.

Kapitolu IV Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 40 Ir-reviżjoni tal-linji ta' gwida tekniċi multijannwali

Il-linji ta' gwida tekniċi multijannwali stipulati fil-Kapitolu III għandhom ikunu riveduti kull seba' snin, u l-ewwel perjodu jiskadi fil-31 ta' Diċembru 2014. Għal dan il-għan, u sa mhux aktar tard mill-ewwel sitt xhur ta' l-aħħar sena ta' kull perjodu ta' seba' snin, il-Kummissjoni għandha terġa' teżamina l-operat u l-effettività tal-linji ta' gwida tekniki u għandha tipproponi kwalunkwe emenda xierqa.

Jekk il-Kummissjoni tara l-ħtieġa, din għandha terġa' teżamina u tressaq proposti għal kwalunkwe emendi xierqa lill-Kunsill qabel ma jiskadi l-perjodu ta' seba' snin.

Artikolu 41 Miżuri ta' implimentazzjoni

Il-Kummissjoni għandha, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 42(2), tadotta l-miżuri ta' implimentazzjoni li ġejjin:

(a) l-approvazzjoni ta' l-azzjonijiet ta' finanzjament meta l-ammont stmat tal-kontribuzzjoni tal-Komunità taħt dan il-programm huwa ta' 0.6 miljun euro jew aktar;

(b) l-abbozz ta' termini ta' riferenza għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-programm imsemmi fl-Artikolu 38;

(c) emendi għas-Sezzjonijiet 3 u 4 tal-Kapitolu II;

(d) tibdiliet għad-data ta' l-għeluq imsemmija fl-Artikolu 25;

(e) it-tfassil ta' sejħiet għall-proposti apposta;

(f) kwalunkwe kwistjoni oħra marbuta mal-programm.

Artikolu 42 Il-Kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat tal-Faħam u l-Azzar, minn issa 'l quddiem "il-Kumitat".

2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, b'analoġija għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 4(3) ta' dik id-Deċiżjoni għandu jkun ta' tliet xhur.

3. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu.

Artikolu 43 Revokar u miżuri tranżizzjonali

[fil-każ ta' adozzjoni qabel il-15 ta' Ġunju 2008:]

[Id-Deċiżjoni 2003/78/KE hija revokata. Madankollu, id-Deċiżjoni 2003/78/KE għandha tibqa' tapplika sal-31 ta' Diċembru 2008 għall-finanzjament ta' azzjonijiet li jirriżultaw mill-proposti mressqa sal-15 ta' Settembru 2007."]

[fil-każ ta' adozzjoni wara l-15 ta' Ġunju 2008:]

["Id-Deċiżjoni 2003/78/KE hija revokata. Madankollu, id-Deċiżjoni 2003/78/KE għandha tibqa' tapplika sal-31 ta' Diċembru 2009 għall-finanzjament ta' azzjonijiet li jirriżultaw mill-proposti mressqa sal-15 ta' Settembru 2008."]

Artikolu 44

Applikabbiltà

["Din id-Deċiżjoni għandha tgħodd mis-16 ta' Settembru 2007."]

[jew]

["Din id-Deċiżjoni għandha tgħodd mis-16 ta' Settembru 2008."]

Artikolu 45 Destinatarji

Dan id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, […]

Għall-Kunsill

Il-President

[…]

ANNESS

Il-kompożizzjoni tal-Grupp Konsultattiv dwar il-Faħam imsemmi fl-Artikolu 23:

Membri | Total massimu |

a) Minn produtturi tal-faħam/federazzjonijiet ta' riċerka jew ċentri nazzjonali relatati | 8 |

b) Minn organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-produtturi tal-faħam fuq livell Ewropew | 2 |

c) Minn utenti tal-faħam jew ċentri ta' riċerka relatati | 8 |

d) Minn organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-utenti tal-faħam fuq livell Ewropew | 2 |

e) Minn organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-ħaddiema | 2 |

f) Minn organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-fornituri tat-tagħmir | 2 |

24 |

Il-membri għandu jkollhom għarfien vast u kompetenza individwali f'wieħed jew aktar minn dawn l-oqsma li ġejjin: it-tħaffir u l-użu tal-faħam, aspetti ambjentali u soċjali, inklużi aspetti ta' sikurezza.

Il-kompożizzjoni tal-Grupp Konsultattiv dwar l-azzar imsemmi fl-Artikolu 23:

Membri | Total massimu |

a) Minn industriji ta' l-azzar/federazzjonijiet nazzjonali jew ċentri ta' riċerka relatati | 21 |

b) Minn organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-produtturi fuq livell Ewropew | 2 |

c) Minn organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-ħaddiema | 2 |

d) Minn organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw industriji ta' l-ipproċessar jew utenti ta' l-azzar f'tarf il-katina kummerċjali (downstream) | 5 |

30 |

Il-membri għandu jkollhom għarfien vast u kompetenza personali f'wieħed jew aktar minn dawn l-oqsma li ġejjin: materja prima; il-ħidma tal-ħadid; ħidma ta' l-azzar; ffundar kontinwu; rolljar bis-sħana jew mingħajr sħana; il-finitura u/jew it-trattament tas-superfiċje ta' l-azzar; żvilupp ta' gradi u/jew prodotti ta' l-azzar; użi jew proprjetajiet ta' l-azzar; punti ambjentali u soċjali, li jinkludu s-saħħa u s-sigurtà.[pic][pic][pic][pic][pic][pic]

[1] ĠU L 29, 5.2.2003, p. 28

[2] ĠU L 79, 22.3.2002, p. 60

[3] ĠU C 391, 30.12.2006, p. 7.

[4] ĠU L 154, 27.6.2000, p. 34.

[5] ĠU L 29, 05.02.2003, p. 22.

[6] ĠU C […], […], p. […].

[7] ĠU C […], […], p. […].

[8] ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1.

[9] ĠU L 29, 5.2.2003, p. 28.

[10] ĠU L 79, 22.03.2002, p. 42.

[11] ĠU L 154, 27.6.2000, p. 34.

[12] ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).

[13] ĠU L 391, 30.12.2006, p. 6.