Proposta għal regolament tal-Parlament ewropew u tal-Kunsill ta’ […] li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2004/2003 dwar ir-regolamenti li jirregolaw il-partiti politiċi fil-livell Ewropew u r-regoli għall-finanzjament tagħhom /* KUMM/2007/0364 finali - COD 2007/0130 */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 27.6.2007 KUMM(2007) 364 finali 2007/0130 (COD) Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL ta’ […] li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2004/2003 dwar ir-regolamenti li jirregolaw il-partiti politiċi fil-livell Ewropew u r-regoli għall-finanzjament tagħhom (preżentata mill-Kummissjoni) MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA - Ir-raġuni u l-għanijiet tal-proposta L-Artikolu 191 tat-Trattat KE jirrikonoxxi r-rwol kruċjali tal-partiti politiċi fil-livell Ewropew, u jipprovdi l-bażi legali għar-Regolament dwar il-partiti politiċi adottat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fl-2003. Bl-iskop li tissaħħaħ u tiġi ottimizzata l-infrastruttura demokratika ta’ l-Unjoni, din il-proposta timmira li ttejjeb u taġġusta r-Regolament eżistenti fid-dawl ta’ l-esperjenza miksuba f’dawn l-aħħar erba’ snin.[1] Ir-Regolament wera li kien ta’ suċċess billi pprovda l-qafas neċessarju għall-attivitajiet u l-finanzjament tal-partiti politiċi fil-livell Ewropew. In-numru ta’ partiti politiċi fil-livell Ewropew li jirċievu finanzjament permezz tar-Regolament żdied minn tmienja għal total ta’ għaxra, u dan jirrappreżenta spettru tassew wiesa' ta’ forzi politiċi fl-Ewropa. Il-finanzjament huwa pprovdut mil-linja 402 tal-baġit taħt il-Kapitlu 40 tat-Titolu IV, fit-Taqsima I (Parlament) tal-Baġit ta’ l-UE. Minkejja s-suċċess tar-Regolament s’issa, huwa naturali li hemm il-ħtieġa li jiġi aġġustat il-qafas fid-dawl ta’ l-esperjenza. L-għan ta’ din il-proposta huwa għalhekk li jiġi introdott numru limitat ta’ bidliet fir-Regolament (KE) 2004/2003 dwar ir-regolamenti li jirregolaw il-partiti politiċi fil-livell Ewropew u r-regoli dwar il-finanzjament tagħhom, li ġie adottat f’Ġunju 2003. - Il-kuntest ġenerali Il-promozzjoni ta’ sfera pubblika Ewropea biex tistimola parteċipazzjoni informata taċ-ċittadini fil-ħajja demokratika ta’ l-Unjoni jibqa’ għan politiku sod ta’ l-Unjoni Ewropea. Waħda mill-lezzjonijiet importanti li toħroġ mill-promozzjoni tal-Kummissjoni tad-demokrazija, tad-djalogu u tad-dibattitu permezz tal-"Pjan D" hija li hemm kemm domanda kif ukoll opportunità għall-miżuri għat-tisħiħ u l-espansjoni tad-djalogu politiku. Fil- White Paper tagħha dwar il-Politika ta’ Komunikazzjoni Ewropea, il-Kummissjoni enfasizzat ir-rwol importanti tal-partiti politiċi fl-iżvilupp ta’ Sfera Pubblika Ewropea. Il-konsultazzjoni fuq il- White Paper ikkonfermat l-importanza ta’ involviment akbar tal-partiti politiċi fil-livell Ewropew filwaqt li jiġġenera dibattiti pubbliċi transkonfinali madwar l-Ewropa. Dan jista’ wkoll jikkontribwixxi biex jgħin f’żjieda fil-livelli ta’ parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet Ewropej. Bl-istess mod il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "L-elezzjonijiet Ewropej 2004" enfasizzat il-punt li l-partiti politiċi Ewropej jista' wkoll ikollhom rwol fil-promozzjoni ta' partiċipazzjoni msaħħa taċ-ċittadini ta' l-UE fil-proċess demokratiku f'livell Ewropew u nazzjonali2. M’hemm l-ebda triq sempliċi, u ċertament m’hemmx soluzzjoni waħda biss biex jintlaħqu l-aspirazzjonijiet demokratiċi u parteċipatorji taċ-ċittadini. Jibqa’ ċar li dawn l-aspirazzjonijiet iridu jiġu promossi minn firxa wiesgħa ħafna ta’ inizjattivi u miżuri, b’valur partikolari fl-inizjattivi mill-qiegħ 'il fuq imbuttat mill-involviment attiv taċ-ċittadini. Huwa importanti li tiġi żgurata l-usa’ parteċipazzjoni possibbli taċ-ċittadini - inklużi mhux l-inqas iż-żgħażagħ - fil-ħajja demokratika ta’ l-Unjoni, biex ikun żgurat li l-ilħna kollha jinstemgħu. Il-livell Ewropew jista’ jgħin biex jistimola u jiffaċilita l-kisba ta’ dawn l-għanijiet. Din kienet u għadha r-raġuni sottostanti għall-istabbiliment tal-partiti politiċi fil-livell Ewropew u dan għandu rwol kruċjali fl-armonizzazzjoni bejn il-politika fil-livell nazzjonali u fil-livell Ewropew u fil-ħolqien ta' spazju li fih il-popli Ewropej jistgħu jsemmgħu leħinhom. 2. EVALWAZZJONI TAR-REGOLAMENT ATTWALI MILL-PARLAMENT EWROPEW skond l-Artikolu 12 tar-Regolament, il-Parlament Ewropew għandu jippubblika rapport li jevalwa l-applikazzjoni tar-Regolament. L-Artikolu 12 iddikjara li r-rapport għandu "…jindika, fejn xieraq, emendi possibbli li jridu jsiru fis-sistema ta’ finanzjament". Il-Parlament Ewropew adotta Riżoluzzjoni billi ħareġ bil-konklużjonijiet tiegħu fit-23 ta’ Marzu 2006.3 Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew identifikat numru ta’ problemi li jikkonċernaw il-funzjoni tar-Regolament u inkludiet rakkomandazzjonijiet għall-emendi li jridu jsiru. Ir-rakkomandazzjonijiet jistgħu jinqasmu fi tliet kategoriji: a) Rakkomandazzjonijiet għar-reviżjoni tad-dispożizzjonijiet finanzjarji tar-regolament sabiex jiġu allinjati mal-bżonnijiet speċjali tal-partiti politiċi fil-livell Ewropew Din il-kategorija tkopri b’mod partikolari l-possibbiltà għall-akkumular ta' riżervi finanzjarji, fuq il-bażi ta' finanzjament li ġej minn sorsi barra mill-Baġit ta' l-UE; it-tħaffif tar-restrizzjonijiet fuq it-trasferiment ta’ finanzjament bejn kategoriji ta’ baġits differenti; l-iżgurar tas-sigurtà finanzjarja meħtieġa għall-ippjanar għat-tul; u l-possibbiltà għat-tmexxija ’l quddiem ta’ ċertu perċentwal ta' approprjazzjonijiet minn sena partikolari għall-ewwel kwart tass-sena li jkun imiss. b) Rakkomandazzjonijiet għall-Kummissjoni biex tissottometti proposti biex tingħata għajnuna lill-fondazzjonijiet politiċi Ewropej li huma affiljati mal-partiti politiċi fil-livell Ewropew Din ir-rakkomandazzjoni tiffoka fuq il-bżonn li jiġi stimolat l-iżvilupp ta’ fondazzjonijiet politiċi Ewropej biex jiġu msaħħa u ffaċilitati l-isforzi tal-partiti politiċi Ewropej biex jippromwovu d-dibattitu u l-informazzjoni politika u b’mod speċifiku titlob lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta dwar kif għandha tgħin lill-fondazzjonijiet politiċi Ewropej. c) Rakkomandazzjonijiet varji għar-reviżjoni ta’ aspetti ulterjuri tar-Regolament li hu konformi mar-rakkomandazzjonijiet ta’ partijiet interessati relevanti Dan jinkludi b’mod speċjali l-problemi li jqumu min-nuqqas ta’ status legali uniformi għall-partijiet politiċi Ewropej. Barra dan, ir-rapport jissolleva n-nuqqas ta’ ċarezza li tikkonċerna r-regoli li jirregolaw il-parteċipazzjoni tal-partiti politiċi fil-livell Ewropew fil-kampanji elettorali. Barra dan, ir-Rapport tal-Parlament jitlob biex l-organizzazzjonijiet politiċi taż-żgħażagħ Ewropej ikunu kkunsidrati f’dan il-kuntest. 3. L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA - L-azzjoni proposta fil-qosor Il-Kummissjoni qieset bir-reqqa r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew meta stabbilixxiet din il-proposta. Għandu jkun enfasizzat il-fatt li l-Parlament innifsu ħa numru ta’ inizjattivi biex jindirizza n-nuqqasijiet identifikati fir-Riżoluzzjoni tal-Parlament, billi fl-ewwel ta’ Frar 2006 emenda d-Deċiżjoni tal-Bureau tad-29 ta’ Marzu 2004 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) 2004/2003.4 Dan jimplika li din il-proposta għall-modifika tar-Regolament ikollha l-għan li tindirizza b’mod esklużiv dawk in-nuqqasijiet li jeħtieġu bidliet fir-Regolament innifsu, u li r-responsabbiltà għalihom ma tistax tittieħed mill-Parlament waħdu. Kif imsemmi hawn fuq il-linja tal-Baġit relevanti hija inkluża fit-taqsima tal-Parlament tal-Baġit ta’ l-UE u l-Parlament huwa l-Uffiċjal ta’ l-Awtorizzazzjoni. Il-modifiki proposti mill-Kummissjoni jistgħu jinqasmu fi tliet punti ewlenin. Dwar il-kwistjoni tat-titjib tad-dispożizzjonijiet finanzjarji li jirregolaw il-finanzjament tal-partiti politiċi fil-livell Ewropew, huwa propost li jiġu mmodifikati d-dispożizzjonijiet f’żewġ ċirkustanzi. L-ewwel, huwa propost li l-partiti politiċi jitħallew imexxu ’l quddiem permezz tad-deroga mir-regola tan-non-profitt stabbilita fl-Artikolu 109 tar-Regolament Finanzjarju ċertu perċentwal (25%) tad-dħul totali minn sena waħda għall-ewwel kwart tas-sena li jkun imiss. Permezz ta’ din id-dispożizzjoni l-partiti jkunu jistgħu jirreaġixxu aħjar għall-prijoritajiet u ċ-ċirkustanzi politiċi li jinbidlu, li l-previżjoni tagħhom hija diffiċli waqt li jkunu qed jitħejjew il-baġits annwali u l-programmi ta’ ħidma tal-partiti. It-tieni, huwa propost li l-partiti politiċi fil-livell Ewropew jitħallew jakkumulaw riżervi finanzjarji billi jfaddlu d-dħul iġġenerat mill-partiti stess li jaqbeż livell ġdid ta’ kofinanzjament minimu mnaqqas ta’ 15 %. L-Artikolu l-ġdid 9(8), li wkoll jikkostitwixxi deroga mir-regola ta’ bla profitt stabbilita fl-Artikolu 109 tar-Regolament Finanzjarju, se jagħti lill-partiti grad akbar ta’ sigurtà finanzjarja u ppjanar, filwaqt li fl-istess ħin jipprovdi lill-partiti b’inċentiv b’saħħtu għat-tisħiħ tar-riżorsi tagħhom stess u għalhekk inaqqas id-dipendenza tagħhom fuq il-finanzjament pubbliku mil-livell Ewropew. Sabiex ikun żgurat bilanċ xieraq, huwa propost li l-partiti jitħallew ifaddlu sa 100 % tad-dħul annwali medju tagħhom. Jekk partit jaqbeż dan il-livell ta’ tfaddil, il-livell ta’ sussidji pubbliċi futuri jitnaqqas skond il-każ. Dwar il-kwistjoni tal-fondazzjonijiet politiċi fil-livell Ewropew il-Kummissjoni tikkonsidra li dawn il-fondazzjonijiet għandhom rwol importanti fit-tisħiħ u l-promozzjoni ta’ l-attivitajiet u l-għanijiet tal-partiti politiċi fil-livell Ewropew. Il-fondazzjonijiet politiċi Ewropej jistgħu jsaħħu u jikkomplementaw l-attivitajiet tal-partiti politiċi billi jwettqu firxa ta’ attivitajiet li jikkontribwixxu għad-dibattitu dwar kwistjoni ta’ politika pubblika Ewropea u l-integrazzjoni Ewropea, inkluż l-aġir tagħhom bħala katalisti għal analiżi, għażliet politiċi u ideat ġodda. Il-fondazzjonijiet politiċi Ewropej jistgħu għalhekk iressqu lejn xulxin lit-tipi kollha ta’ atturi relevanti – inkluż fondazzjonijiet politiċi nazzjonali, u akkademiċi – li għandhom il-potenzjal li jtejbu l-kwalità tad-dibattitu pubbliku u li jiżviluppaw proposti politiċi ġodda u innovattivi. Il-fondazzjonijiet politiċi diġà għandhom rwol importanti fis-sistemi politiċi nazzjonali f’ħafna Stati Membri, inter alia minħabba l-possibbiltajiet għall-fondazzjonijiet politiċi biex iwettqu attivitajiet differenti u aktar attivitajiet għat-tu, mill-partiti politiċi fil-livell Ewropew, li għal raġunijiet ovvji jagħmlu aktar enfasi li jirreaġixxu għall-politika ta’ kuljum ta’ l-Unjoni. Fost l-attivitajiet li l-fondazzjonijiet politiċi jistgħu jwettqu, il-prinċipali huma dawn li ġejjin: - l-osservazzjoni, l-analiżi u l-kontribuzzjoni għad-dibattitu dwar kwistjonijiet ta’ politika pubblika Ewropea u l-proċess ta’ l-integrazzjoni Ewropea; - l-għajnuna fis-seminars Ewropej, fit-taħriġ, fil-konferenzi u fl-istudji dwar kwistjonijiet bħal dawn bejn il-partijiet interessati ewlenin; - il-ħolqien ta’ qafas għall-fondazzjonijiet politiċi nazzjonali u l-akkademiċi biex jaħdmu flimkien fil-livell Ewropew, inkluż l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u rappreżentanti oħra tas-soċjetà ċivili. Billi l-fondazzjonijiet politiċi huma affiljati mill-qrib mal-partiti politiċi Ewropej, huwa propost li huma jridu jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom għall-finanzjament mill-partit politiku fil-livell Ewropew li huma konnessi miegħu. (ara l-Artikolu l-ġdid 4(4). Sabiex tkun żgurata t-trasparenza – u b’konformità mal-prinċipju ta’ bbaġitjar ibbażat fuq l-attivitajiet – l-approprjazzjonijiet għall-fondazzjonijiet politiċi fil-livell Ewropew jistgħu jiġu stabbiliti bħala linja tal-baġit separata taħt il-Kapitlu 40 tat-Titolu IV, fit-Taqsima I (Parlament) tal-Baġit ta’ l-UE. Fl-aħħarnett, qiegħed jiġi propost biex jiġi stabbilit b’mod ċar li l-approprjazzjonijiet li jiġu mill-baġit ta' l-UE jistgħu wkoll jintużaw għall-finanzjament tal-kampanji mmexxija mill-partiti politiċi fil-livell Ewropew fil-kuntest ta' l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, sakemm dan ma jikkostitwixxix finanzjament dirett jew indirett tal-partiti politiċi nazzjonali jew il-kandidati tagħhom. Din l-emenda ssegwi b’mod loġiku mill-fatt li – b’mod konformi mar-Regolament eżistenti – il-partiti politiċi fil-livell Ewropew iridu jkunu pparteċipaw fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew jew ikunu esprimew l-intenzjoni li jagħmlu hekk. 2007/0130 (COD) Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL ta’ […] li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2004/2003 dwar ir-regolamenti li jirregolaw il-partiti politiċi fil-livell Ewropew u r-regoli dwar il-finanzjament tagħhom IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 191 ta’ dan, Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni5, B’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat6, Billi: (1) L-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) 2004/2003 jistipula li l-Parlament Ewropew għandu jippubblika rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolament, inkluż – fejn xieraq – emendi possibbli li jridu jsiru fis-sistema ta’ finanzjament. (2) Fir-Riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Marzu 2006 dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2004/20037, il-Parlament Ewropew ikkonsidra li r-Regolament għandu jittejjeb fuq numru ta’ punti fid-dawl ta’ l-esperjenza miksuba mid-dħul tiegħu fis-seħħ fl-2003. (3) Id-dispożizzjonijiet li jipprovdu għajnuna finanzjarja għall-fondazzjonijiet politiċi fil-livell Ewropew għandhom jiġu stabbiliti fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament, bħala fondazzjonijiet politiċi fil-livell Ewropew affiljati mal-partiti politiċi fil-livell Ewropew jistgħu permezz ta’ l-attivitajiet tagħhom jgħinu u jsaħħu l-għanijiet tal-partiti politiċi Ewropej b’mod speċjali f’termini ta’ kontribuzzjoni għad-dibattitu dwar kwistjonijiet ta’ politika pubblika Ewropea u l-integrazzjoni Ewropea, inkluż l-aġir tagħhom bħala katalisti għal analiżi, għażliet politiċi u ideat ġodda. (4) Il-fatt li tiġi żgurata l-usa’ parteċipazzjoni possibbli taċ-ċittadini fil-ħajja demokratika ta’ l-Unjoni jibqa’ għan importanti. F’dan il-kuntest l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ jista' jkollhom rwol speċjali fit-tkattir ta’ l-interess għall-għarfien dwar is-sistema politika ta’ l-Unjoni fost iż-żgħażagħ, billi b’mod attiv jippromwovu l-parteċipazzjoni tagħhom fl-attivitajiet demokratiċi fil-livell Ewropew. (5) Ir-regoli li jirregolaw l-iffinanzjar tal-partiti politiċi fil-livell Ewropew għandhom jiġu adattati biex jitqiesu aħjar il-kundizzjonijiet speċjali li fihom il-partiti politiċi joperaw, inkluż it-tibdil ta’ aġendi u sfidi politiċi li joħolqu impatti baġitarji li l-partiti politiċi ma jkunux jistgħu jipprevedu meta jfasslu l-baġits u l-programmi ta’ ħidma annwali tagħhom. Għal dan il-għan għandu jiġi introdott aċċess limitat biex il-finanzjament jitmexxa ’l quddiem minn sena waħda għall-ewwel kwart tas-sena li jkun imiss. (6) Sabiex iżidu l-kapaċitajiet ta’ ppjanar finanzjarju fit-tul tal-partiti, biex iqisu l-ħtiġiet varji ta’ finanzjament minn sena għall-oħra, u biex isaħħu l-inċentivi tal-partiti biex ma jiddependux biss mill-finanzjament pubbliku, il-partiti politiċi fil-livell Ewropew għandhom jitħallew jistabbilixxu riżervi finanzjarji limitati ibbażati fuq ir-riżorsi tagħhom stess iġġenerati minn sorsi oħra barra l-baġit ta’ l-Unjoni Ewropea. (7) Sabiex joħolqu kundizzjonijiet biex jamministraw il-finanzjament tal-partiti politiċi fil-livell Ewropew, filwaqt li jinkoraġġixxu lil ta’ qabel biex jiżguraw ippjanar finanzjarju fit-tul xieraq, il-ħtiġiet ta’ kofinanzjament minimi għandhom jiġu aġġustati. (8) Bil-viżjoni li tkompli tissaħħaħ u tiġi promossa n-natura Ewropea ta’ l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew għandu jkun stabbilit b'mod ċar li l-approprjazzjonijiet ġejjin mill-baġit ta' l-UE jistgħu wkoll jintużaw biex jiġu ffinanzjati kampanji mmexxija mill-partiti politiċi fil-livell Ewropew fil-kuntest ta' l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, sakemm dan ma jikkostitwixxix finanzjament dirett jew indirett tal-partiti politiċi nazzjonali jew il-kandidati tagħhom. ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 Ir-Regolament (KE) Nru 2004/2003 huwa emendat kif ġej: (1) Fl-Artikolu 2, il-punt 4 li ġej hu miżjud: "4. "Il-fondazzjonijiet politiċi fil-livell Ewropew" tfisser entità jew netwerk ta’ entitajiet li għandu personalità legali fi Stat Membru, huwa affiljat ma’ partit politiku fil-livell Ewropew u li permezz ta’ l-attivitajiet tiegħu jsaħħaħ u jikkomplementa l-għanijiet tal-partit politiku Ewropew billi jwettaq, b’mod partikolari, il-kompiti li ġejjin: - l-osservazzjoni, l-analiżi u l-kontribuzzjoni għad-dibattitu dwar kwistjonijiet ta’ politika pubblika Ewropea u l-proċess ta’ l-integrazzjoni Ewropea; - l-għajnuna fis-seminars Ewropej, fit-taħriġ, fil-konferenzi u fl-istudji dwar kwistjonijiet bħal dawn bejn il-partijiet interessati ewlenin, inkluż l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u rappreżentanti oħra tas-soċjetà ċivili; - il-ħolqien ta’ qafas għall-fondazzjonijiet politiċi nazzjonali, għall-akkademiċi u atturi relevanti oħra biex jaħdmu flimkien fil-livell Ewropew.” (2) L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej: It-tieni u t-tielet paragrafi li ġejjin huma miżjuda wara l-punt (d): Fondazzjoni politika fil-livell Ewropew għandha tissodisfa l-kondizzjonijiet li ġejjin: (a) trid tkun affiljata ma’ wieħed mill-partiti politiċi fil-livell Ewropew rikonoxxut skond l-Artikolu 3, kif ċertifikat minn dan ta’ l-aħħar; (b) trid tosserva, b’mod partikolari fil-programm tagħha u fl-attivitajiet tagħha, il-prinċipji li fuqhom l-Unjoni Ewropea hija stabbilita, jiġifieri l-prinċipji tal-libertà, tad-demokrazija, tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u ta' l-istat tad-dritt. Fi ħdan il-qafas ta’ dan ir-Regolament, kull partit politiku u fondazzjoni fil-livell Ewropew għandhom ir-responsabbiltà li jfissru l-modalitajiet speċifiċi għar-relazzjoni ta' bejniethom, inkluż grad xieraq ta’ separazzjoni bejn il-ġestjoni ta’ kuljum kif ukoll l-istrutturi regolatorji tal-fondazzjoni politika fil-livell Ewropew min-naħa l-waħda, u min-naħa l-oħra l-partit politiku fil-livell Ewropew li miegħu dik ta’ qabel hija affiljata." (3) Fl-Artikolu 4, il-paragrafi 4, 5, 6, u 7 li ġejjin huma miżjuda: "4. Fondazzjoni politika fil-livell Ewropew tista’ tapplika għal finanzjament minn partit politiku fil-livell Ewropew li miegħu hija affiljata. 5. Finanzjament għal fondazzjoni politika fil-livell Ewropew għandu jiġi allokat fuq il-bażi ta’ l-affiljazzjoni ta’ dik ta’ qabel ma’ partit politiku fil-livell Ewropew, billi jiġu applikati d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 10(1). L-Artikolu 9 għandu japplika għall-fondi hekk allokati. 6. Finanzjament allokat għal fondazzjoni politika fil-livell Ewropew jista’ jintuża biss għall-iffinanzjar ta’ l-attivitajiet ta’ dik ta’ qabel skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 2(4). 7. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 u 3 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-fondazzjonijiet politiċi fil-livell Ewropew meta jiġu assessjati l-applikazzjonijiet għal finanzjament mill-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea." (4) Fl-Artikolu 5, il-paragrafi 4, 5, u 6 li ġejjin huma miżjuda: "4. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-fondazzjonijiet politiċi fil-livell Ewropew. 5. Jekk il-partit politiku fil-livell Ewropew li miegħu fondazzjoni politika fil-livell Ewropew hija affiljata jitlef l-istatus tiegħu, il-fondazzjoni politika fil-livell Ewropew in kwistjoni għandha tiġi eskluża mill-finanzjament taħt dan ir-Regolament. 6. Jekk il-Parlament Ewropew isib li xi waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(c) m’għadhiex tkun sodisfatta, il-fondazzjoni politika fil-livell Ewropew in kwistjoni għandha tiġi eskluża mill-finanzjament taħt dan ir-Regolament." (5) L-Artikolu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej: "Artikolu 6 L-obbligi marbuta mal-finanzjament 1. Partit politiku fil-livell Ewropew kif ukoll fondazzjoni politika fil-livell Ewropew għandhom: (a) jippubblikaw kull sena l-introjtu u l-infiq tagħhom u prospett ta’ l-attiv u l-passiv tagħhom; (b) jiddikjaraw l-għejun tal-finanzjament tagħhom billi jipprovdu lista tad-donaturi u tad-donazzjonijiet li jkun irċieva kull donatur, minbarra d-donazzjonijiet ta’ mhux iżjed minn EUR 500 M’għandhomx jaċċettaw: (a) donazzjonijiet anonimi, (b) donazzjonijiet mill-baġit ta’ gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew, (c) donazzjonijiet minn xi intrapriża li fuqha l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jeżerċitaw direttament jew indirettament influwenza dominanti bis-saħħa tal-fatt li huma l-proprjetarji tagħha, li huma jipparteċipaw fiha finanzjarjament, jew bis-saħħa tar-regoli li jirregolawha, (d) donazzjonajiet ta’ aktar minn EUR 12 000 kull sena għal kull donatur mingħand xi persuna naturali jew legali li m’hijiex xi intrapriża msemmija f'c) u mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 2 u 3. 2. Kontribuzzjonijiet lil partit politiku fil-livell Ewropew minn partiti politiċi nazzjonali li huma membri ta’ partit politiku fil-livell Ewropew huma ammissibbli. Ma’ jistgħux ikunu ta’ aktar minn 40 % tal-baġit ta’ kull sena ta’ dak il-partit. 3. Kontribuzzjonijiet lil fondazzjoni politika fil-livell Ewropew minn fondazzjonijiet politiċi nazzjonali, li huma membri ta’ fondazzjoni politika fil-livell Ewropew, kif ukoll minn partiti politiċi fil-livell Ewropew, huma ammissibbli. Ma’ jistgħux ikunu ta’ aktar minn 40 % tal-baġit ta’ kull sena ta’ dik il-fondazzjoni". (6) L-Artikolu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej: "Artikolu 7 Projbizzjoni ta’ finanzjament 1. Il-finanzjament ta’ partiti politiċi fil-livell Ewropew mill-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea jew minn kwalunkwe sors ieħor ma jistax jintuża għall-finanzjament dirett jew indirett ta’ partiti politiċi oħra, u b’mod partikolari partiti nazzjonali, li jkomplu jiġu ggvernati minn regoli nazzjonali. 2. Il-finanzjament ta’ fondazzjonijiet politiċi fil-livell Ewropew mill-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea ma jistax jintuża għall-finanzjament dirett jew indirett ta’ partiti politiċi kemm fil-livell Ewropew kif ukoll fil-livell nazzjonali jew ta’ fondazzjonijiet fil-livell nazzjonali". (7) Flok l-Artikolu 8 jidħol dan li ġej: "Artikolu 8 Natura ta' l-ispiża Bla ħsara għall-finanzjament tal-fondazzjonijiet politiċi, approprjazzjonijiet irċevuti mill-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea skond dan ir-Regolament jistgħu jintużaw biss biex jitħallsu l-ispejjeż li għandhom x’jaqsmu direttament ma’ l-għanijiet stipulati fil-programm politiku msemmi fl-Artikolu 4(2) (b)." Din l-ispiża gġandha tinkludi l-ispiża amministrattiva u l-ispiża marbuta ma' għajnuna teknika, laqgħat, riċerka, avvenimenti transkonfinali, studji, informazzjoni u pubblikazzjonijiet. Din l-ispiża tista' tinkludi wkoll l-iffinanzjar ta' kampanji elettorali mmexxija mill-partiti politiċi fil-livell Ewropew fil-kuntest ta' l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, li fihom jipparteċipaw kif meħtieġ fl-Artikolu 3(d). Skond l-Artikolu 7. dawn l-approprijazzjonijiet m'għandhomx jikkostitwixxu finanzjament dirett jew indirett ta’ partiti politiċi nazzjonali jew il-kandidati tagħhom.” (8) L-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej: (a) Il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej: “1. L-approprjazzjonijiet għall-finanzjament ta’ partiti politiċi fil-livell Ewropew kif ukoll ta’ fondazzjonijiet politiċi fil-livell Ewropew għandhom ikunu determinati taħt il-proċedura tal-baġit ta’ kull sena u għandhom jiġu implimentati skond ir-Regolament Finanzjarju (Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002*) u r-Regoli ta’ Implimentazzjoni tiegħu applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002**). Il-proċeduri ta’ implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament huma stabbiliti mill-Uffiċjal ta’ l-Awtorizzazzjoni.” (b) Il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej: “3. Il-kontroll tal-finanzjament mogħti skond dan ir-Regolament għandu jiġi eżerċitat skond ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 u r-Regolament (KE, Euratom) Nru 234/2002. Għandu jiġi eżerċitat ukoll kontroll fuq il-bażi ta’ ċertifikazzjoni ta’ kull sena permezz ta’ verifika esterna u indipendenti. Din iċ-ċertifikazzjoni għandha tintbagħat fi żmien sitt xhur mit-tmiem tas-sena finanzjarja kkonċernata, lill-Parlament Ewropew. (c) Jiżdiedu l-paragrafi 7, 8 u 9 li ġejjin: "7. Jekk partit politiku fil-livell Ewropew ikollu eċċess ta’ dħul fuq in-nefqa fit-tmiem ta’ sena finanzjarja li għaliha jkun irċieva għotja operattiva, parti minn dak l-eċċess ’il fuq minn 25% tad-dħul totali għal dik is-sena jista’, b’deroga għar-regola ta’ bla profitt stabbilita fl-Artikolu 109 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1995/2006, jitmexxa ’l quddiem għas-sena li jkun imiss bil-kundizzjoni li jrid jintuża qabel it-tmiem ta’ l-ewwel kwart ta’ dik is-sena li jmiss. 8. Għall-finijiet ta’ verifika tar-regola ta’ bla profitt, ir-riżorsi tiegħu stess, b’mod partikolari donazzjonijiet u ħlas għas-sħubija miġbura fl-operazzjonijiet annwali ta’ partit politiku fil-livell Ewropew, li jaqbżu l-15% ta’ l-ispejjeż eliġibbli biex jinġarru mill-benefiċjarju m’għandhomx jiġu meqjusa 9. Id-dispożizzjonijiet ta’ paragrafu 8 m’għandhomx japplikaw jekk ir-riżervi finanzjarji ta’ partit politiku fil-livell Ewropew jaqbżu l-100 % tad-dħul annwali medju ta’ dak ta’ qabel." ___________________ * ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1. ** ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1. (9) Fl-Artikolu 10, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej: "2. Il-finanzjament imħallas mill-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea m’għandux ikun ta’ aktar minn 85% tal-baġit ta’ partit jew fondazzjoni politika fil-livell Ewropew. Il-piż tal-prova għandu jibqa’ fuq il-partit politiku relevanti fil-livell Ewropew. (10) L-Artikolu 12 huwa sostitwit b’dan li ġej: " Artikolu 12 L-evalwazzjoni Il-Parlament Ewropew għandu jjippubblika rapport mhux aktar tard mill-15 ta' Frar 2011 dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u ta’ l-attivitajiet iffinanzjati. Ir-rapport għandu jindika, fejn xieraq, emendi li jistgħu jsiru fis-sistema ta’ finanzjament". Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fi jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil- Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea . Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill Il-President Il-President [1] ĠU L 297, 15.11.2003, p. 1 2 COM (2006) 790. L-elezzjonijiet Ewropej 2004: ir-rapport tal-Kummissjoni dwar il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea fl-Istat Membru ta' residenza (id-Direttiva 93/109/KE) u dwar l-arranġamenti elettorali (id-Deċiżjoni 76/787/KE kif emendata bid-Deċiżjoni 2002/772/KE, Euratom) 3 ĠU C 292E, 01.12.2006 p. 127 4 ĠU C 150, 28.6.2006; p. 9. 5 ĠU C , , p. . 6 ĠU C , , p. . 7 ĠU C 292E, 1.12.2006, p. 6.