52007PC0353




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 26.6.2007

KUMM(2007)353 finali

RAKKOMANDAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

dwar l-iffirmar u l-kunsinna ta' ittra lill-Presidenza tal-Komunità ta' l-Andes biex jinbeda "skambju ta' ittri li jara li jemenda l-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Komunità ta' l-Andes iffirmat fl-2003"

1. MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. Fil-15 ta' Diċembru 2003 kien iffirmat f'Ruma l-"Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Komunità ta' l-Andes u l-pajjiżi membri tagħha (il-Bolivja, il-Kolumbja, l-Ekwador, il-Perù u l-Venezwela), min-naħa l-oħra". Sal-lum, dan il-ftehim għadu ma daħalx fis-seħħ minħabba li ma ġiex ratifikat minn ċerti Stati.

2. F'April 2006, il-Venezwela, pajjiż membru tal-Komunità ta' l-Andes, waqt l-iffirmar tal-ftehim imsemmi hawn fuq, iddikkjarat li ser tirtira mill-blokk reġjonali ta' l-Andes. Din l-informazzjoni ġiet uffiċjalment ikkonfermeta mill-Presidenza tal-Komunità ta' l-Andes (ittra tal-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin tal-Bolivja ta' l-20 ta' Novembru 2006) imbagħad mill-Venezwela stess (ittra tal-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin tal-Venezwela tat-18 ta' Diċembru 2006), li fl-istess okkażjoni kkonfermat l-irtirar ta' l-iffirmar tagħha mill-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni ta' l-2003 imsemmi hawn fuq.

3. Fid-dawl ta' dawn id-dokumenti, is-Servizzi legali tal-Kummissjoni u tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea kkonkludew illi l-Venezwela ma baqgħetx iktar firmatarja ta' dan il-ftehim u li jkun xieraq li jiġi emendat formalment permezz ta' skambju ta' ittri. Waqt il-laqgħa tal-Grupp ta' Ħidma Amerika Latina (AMLAT) ta' l-20 ta' Frar 2007, il-Presidenza tal-Kunsill għalhekk talbet lill-Kummissjoni biex tibgħatilha proposta f'dan is-sens.

2. RAKKOMANDAZZJONI

Fid-dawl ta' dan t'hawn fuq, il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-Kunsill biex jiffirma l-abbozz ta' ittra fl-anness u jindirizzaha lill-Presidenza tal-Komunità ta' l-Andes sabiex jinbeda "l-iskambju ta' ittri bejn il-Komunità Ewropea u l-Komunità ta' l-Andes biex jaqblu fuq it-tneħħija tar-referenzi għall-Venezwela fit-test tal-Ftehim".

ANNESS

ABBOZZ TA' ITTRA

BIEX JINBEDA SKAMBJU TA' ITTRI BEJN IL-KOMUNITÀ EWROPEA U L-KOMUNITÀ TA' L-ANDES

DWAR L-IRTIRAR TAL-VENEZWELA MILL-KOMUNITÀ TA' L-ANDES U MILL-FTEHIM TA' DJALOGU POLITIKU U TA' KOOPERAZZJONI FFIRMAT FL-2003

(Ittra lill-Presidenza tal-Komunità ta' l-Andes)

Sur President,

Il-Komunità Ewropea tirringrazzja lill-Presidenza tal-Komunità ta' l-Andes għall-kunsinna ta' l-ittra ta' l-20 ta' Novembru 2006 (referenza GM-419/2006-15949) dwar l-irtirar tal-Venezwela mill-Komunità ta' l-Andes. Aħna ninfurmawk ukoll bil-wasla ta' Nota tal-Ministru tar-Relazzjonijiet Barranin tal-Venezwela tat-18 ta' Diċembru 2006 (referenza Nota 1652) li tikkonferma wkoll l-irtirar tagħha mill-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Komunità ta' l-Andes iffirmat f'Ruma fil-15 ta' Diċembru 2003.

Fid-dawl ta' dawn id-dokumenti u l-istrumenti legali li huma jirreferu għalihom (partikolarment "Proceso 145-AI-200" tat-Tribunal tal-Ġustizzja tal-Komunità ta' l-Andes), il-Komunità Ewropea tikkunsidra li l-Venezwela m'għadhiex parti interessata ta' dan il-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni ffirmat fl-2003.

B'konsegwenza ta' dan, il-Komunità Ewropea tipproponi t-tneħħija tar-referenza għall-Venezwela inklużi f'dan il-Ftehim. Dan jimplika l-emendi li ġejjin:

Fil-Paġna 1 , it-titolu tad-dokument:

"FTEHIM TA' DJALOGU POLITIKU U TA' KOOPERAZZJONI BEJN IL-KOMUNITÀ EWROPEA U L-ISTATI MEMBRI TAGĦHA, MINN NAĦA, U L-KOMUNITÀ TA' L-ANDES U L-PAJJIŻI MEMBRI TAGĦHA (IL-BOLIVJA, IL-KOLUMBJA, L-EKWADOR, IL-PERÙ U L-VENEZWELA), MIN-NAĦA L-OĦRA"

huwa emendat kif ġej:

"FTEHIM TA' DJALOGU POLITIKU U TA' KOOPERAZZJONI BEJN IL-KOMUNITÀ EWROPEA U L-ISTATI MEMBRI TAGĦHA, MINN NAĦA, U L-KOMUNITÀ TA' L-ANDES U L-PAJJIŻI MEMBRI TAGĦHA (IL-BOLIVJA, IL-KOLUMBJA, L-EKWADOR U L-PERÙ), MIN-NAĦA L-OĦRA"

Fil-Paġna 4 , "IR-REPUBBLIKA BOLIVARJANA TAL-VENEZWELA" għandha titneħħa.

Fil-Paġna 65 , l-Artikolu 59:

"Dan il-ftehim japplikka fuq it-territorji fejn it-trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea huwa applikat fil-kundizzjonijiet previsti minn dan it-trattat, minn naħa, u fuq it-territorji tal-Komunità ta' l-Andes u l-pajjiżi membri tagħha (il-Bolivja, il-Kolumbja, l-Ekwador, il-Perù u l-Venezwela), min-naħa l-oħra."

huwa emendat kif ġej:

"Dan il-ftehim japplikka fuq it-territorji fejn it-trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea huwa applikat fil-kundizzjonijiet previsti minn dan it-trattat, minn naħa, u fuq it-territorji tal-Komunità ta' l-Andes u l-pajjiżi membri tagħha (il-Bolivja, il-Kolumbja, l-Ekwador u l-Perù), min-naħa l-oħra."

Inkun nafulek jekk tikkonferma l-qbil tal-Komunità ta' l-Andes dwar dan ta' fuq. F'każ ta' risposta pożittiva, il-Komunità Ewropea tipproponi li dawn l-emendi jiġu miftiehma bil-prinċipju ta' l-iskambju ta' ittri.

Dejjem tiegħek,

Firma:Il-President tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea