52007PC0350(02)




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 21.6.2007

KUMM(2007) 350 finali

2007/0123 (AVC)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar tal-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom u r-Repubblika tal-Montenegro f'isem il-Komunità Ewropea

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL U L-KUMMISSJONI

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, fuq in-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Montenegro, fuq in-naħa l-oħra

(preżentati mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

1. Iż-żewġ proposti mehmużin jikkostitwixxu l-istrumenti legali għall-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, fuq in-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Montenegro, minn hawn 'il quddiem imsemmija Montenegro, fuq in-naħa l-oħra: (i) Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill għall-iffirmar tal-Ftehim; (ii) Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni għall-konklużjoni tal-Ftehim.

2. F' April 2005 il-Kummissjoni ressqet ir-Rapport ta' Vijabbiltà tagħha dwar FSA mas-Serbja u Montenegro[1]. Ir-Rapport ikkonkluda li s-Serbja u Montenegro kienu mħejjija biżżejjed sabiex jinnegozjaw FSA u fit-3 ta' Ottubru 2005 l-Kunsill iddeċieda li jawtorizza lill-Kummissjoni sabiex tinnegozja Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mas-Serbja u Montenegro. In-negozjati għal Ftehim ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mas-Serbja u Montenegro nfetħu fl-10 ta’ Ottubru 2005.

3. Fis-segwitu ta' referendum f'Mejju 2006, fit-3 ta' Ġunju il-Parlament ta' Montenegro adotta Dikjarazzjoni ta' Indipendenza u r-Repubblika tal-Montenegro ħarġet mill-Unjoni Statali tas-Serbja u Montenegro. Konsegwentement, f-24 ta' Lulju 2006 ġew adottati Direttivi ta' Nnegozjar ġodda u n-negozjati tkomplew fil-25 ta' Settembru 2006. Dawn in-negozjati tlestew fl-1 ta' Diċembru 2006 u wara konsultazzjonijiet ma' l-Istati Membri ta' l-UE, ir-riżultati tan-negozjati, il-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni ġie inizjalat f'Podgorica fil-15 ta' Marzu 2007.

4. Il-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jiffoka fuq l-elementi ewlenin li ġejjin:

- dispożizzjoni għal djalogu politiku mal-Montenegro;

- dispożizzjonijiet għal kooperazzjoni reġjonali mtejba, inkluża l-perspettiva tal-ħolqien ta’ żoni ta’ kummerċ ħieles bejn il-pajjiżi tar-reġjun;

- il-perspettiva tal-ħolqien ta' żona ta' kummerċ ħieles bejn il-Komunità u l-Montenegro fi żmien ħames snin minn meta jidħol fis-seħħ dan il-Ftehim;

- dispożizzjonijiet għall-moviment ħieles tal-ħaddiema, il-libertà ta’ stabbiliment, il-forniment ta’ servizzi, ħlasijiet kurrenti u moviment tal-kapital;

- l-impenn min-naħa tal-Montenegro sabiex iqarreb il-leġiżlazzjoni tiegħu lejn dik tal-KE, notevolment f’żoni ewlenin tas-suq intern;

- dispożizzjonijiet għal kooperazzjoni mal-Montenegro f’firxa wiesgħa ta' oqsma, inklużi l-ġustizzja, l-libertà u s-sigurtà.

- dispożizzjoni għall-ħolqien ta' Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni li jissorvelja l-implimentazzjoni tal-Ftehim, ta’ Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u Kumitat Parlamentari ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

5. Il-Kummissjoni titlob lill-Kunsill sabiex jagħti l-approvazzjoni finali tat-test ta' l-FSA, li kienu sar b'konsultazzjoni mill-qrib mal-Kumitat Speċjali stabbilit għal dan il-għan (il-COWEB), u sabiex jibda l-proċeduri ta' l-iffirmar u l-konklużjoni ta' dan il-Ftehim abbażi taż-żewġ proposti mehmuża.

6. Il-proċeduri għall-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim huma differenti għaż-żewġ Komunitajiet Ewropej: (il-Komunità Ewropea u l-Komunità Ewropea Dwar L-Enerġija Atomika):

a) rigward l-iffirmar, l-ewwel inċiż, l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 300 (2) tat-Trattat tal-KE jipprovdi għal Deċiżjoni tal-Kunsill separata rigward l-iffirmar tal-Ftehim f'isem il-Komunità Ewropea; atti simili m’humiex meħtieġa taħt it-Trattat ta’ l-EAEC

b) rigward il-konklużjoni tal-Ftehim:

- Il-Kunsill jikkonkludi l-Ftehim f'isem il-Komunità Ewropea, wara li jirċievi l-kunsens tal-Parlament Ewropew, bis-saħħa ta' l-Artikolu 310 tat-Trattat;

- Il-Kunsill japprova l-Ftehim f’isem il-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika bis-saħħa tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 101 tat-Trattat ta’ l-EAEC u wara l-Ftehim jiġi konkluż mill-Kummissjoni;

7. B’konformità ma’ dan ta’ hawn fuq il-Kummissjoni titlob lill-Kunsill sabiex (i) jiddeċiedi dwar l-iffirmar tal-Ftehim f'isem il-Komunità Ewropea (ii) jikkonkludi il-Ftehim f'isem il-Komunità Ewropea u jagħti l-approvazzjoni tiegħu għal konkluzjoni mill-Euratom.

Ir-ratifika mill-Istati Membri hija prerekwiżit għad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar tal-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom u r-Repubblika tal-Montenegro f'isem il-Komunità Ewropea

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 310 flimkien ma’ l-ewwel sentenza ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 300 (2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[2],

Billi:

(1) In-negozjati mar-Repubblika tal-Montenegro dwar il-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, fuq in-naħa l-waħda, u l-Montenegro, fuq in-naħa l-oħra, ġew konklużi.

(2) Id-dispożizzjonijiet kummerċjali li hemm f’dan il-ftehim huma ta’ natura eċċezzjonali konnessi mal-politika implimentata fi ħdan il-qafas tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u ma jikkostitwixxu, għall-Unjoni Ewropea, ebda preċedent fil-politika kummerċjali tal-Komunità fir-rigward ta’ pajjiżi terzi apparti dawk tal-Balkani tal-Punent.

(3) Soġġett għal konklużjoni possibbli fi stadju aktar tard, il-Ftehim inizjalat fit-15 ta’ Marzu 2007 għandu għalhekk jiġi ffirmat f'isem il-Komunità Ewropea,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu Uniku

Soġġett għall-konklużjoni possibbli fi stadju iktar tard, il-President tal-Kunsill huwa b'hekk awtorizzat jaħtar il-persuni mogħtija s-setgħa li jiffirmaw, fi'isem l-Unjoni Ewropea, il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej, fuq in-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Montenegro, fuq in-naħa l-oħra.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

2007/0123 (AVC)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL U L-KUMMISSJONI

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, fuq in-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Montenegro, fuq in-naħa l-oħra

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidraw t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, partikolarment l-Artikolu 310 tiegħu flimkien ma' l-Artikolu 300 (2), l-ewwel subparagrafu, l-aħħar sentenza, u l-Artikolu 300 (3), it-tieni subparagrafu tiegħu,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika, u partikolarment it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 101 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw il-kunsens tal-Parlament Ewropew[3],

Wara li kkunsidraw l-approvazzjoni tal-Kunsill mogħtija skond l-Artikolu 101 tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika,

Billi

(1) Il-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, fuq in-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Montenegro, fuq in-naħa l-oħra, ġie ffirmat f'isem il-Komunità Ewropea, fi [Brussel/il-Lussemburgu] fil-... 2007, soġġett għall-konklużjoni possibbli f'data iktar tard, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill nru … /KE ta' …[4]

(2) Id-dispożizzjonijiet kummerċjali li hemm f’dan il-ftehim huma ta’ natura eċċezzjonali marbuta mal-politika implimentata fi ħdan il-qafas tal-proċess ta' stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni u ma jikkostitwixxu, għall-Unjoni Ewropea, ebda preċedent fil-politika kummerċjali tal-Komunità fir-rigward ta’ pajjiżi terzi apparti dawk tal-Balkani tal-Punent.

(3) Dan il-Ftehim għandu jiġi approvat,

IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, fuq in-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Montenegro, fuq in-naħa l-oħra, l-Annessi u l-Protokolli annessi miegħu, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet konġunti u d-dikjarazzjoni tal-Komunità mehmuża ma' l-Att Finali, huma b'hekk approvati f'isem il-Komunità Ewropea u l-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika.

It-testi msemmija fl-ewwel paragrafu huma mehmuża ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

1. Il-pożizzjoni li trid tittieħed mill-Komunità fi ħdan il-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u fi ħdan il-Kumitat ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni meta dan ta' l-aħħar jingħata s-setgħa sabiex jaġixxi mill-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandu jiġi ddeterminat mill-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, jew fejn xieraq, mill-Kummissjoni, kull wieħed skond id-dispożizzjonijiet korrispondenti tat-Trattati.

2. 2. Skond l-Artikolu 120 tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, il-President tal-Kunsill għandu jippresiedi fuq il-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Skond ir-Regoli tal-Proċedura tiegħu, rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jippresiedi fuq il-Kumitat ta' l-Istabbilizzazzjoni u l-Assoċjazzjoni.

3. Id-deċiżjoni għall-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u l-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej għandha tittieħed fuq bażi ta' każ b’każ mill-Kunsill u l-Kummissjoni rispettivament.

Artikolu 3

Il-President tal-Kunsill huwa hawnhekk awtorizzat sabiex jinnomina l-persuni li għandhom is-setgħa, f’isem il-Komunità Ewropea, li jiddepożitaw l-att ta' approvazzjoni previst fl-Artikolu 138 tal-Ftehim. Il-President tal-Kummissjoni għandu jiddepożita l-att ta’ approvazzjoni msemmi, f'isem il-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill Għall-Kummissjoni

Il-President Il-President

ANNESS

FTEHIM TA' STABILIZZAZZJONI U ASSOĊJAZZJONI bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom u r-Repubblika tal-Montenegro

FTEHIM TA' STABILIZZAZZJONI U ASSOĊJAZZJONI bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom u r-Repubblika tal-Montenegro

IR-RENJU TAL-BELĠJU,

IR-REPUBBLIKA TAL-BULGARIJA,

IR-REPUBBLIKA ĊEKA,

IR-RENJU TAD-DANIMARKA,

IR-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA,

IR-REPUBBLIKA TA’ L-ESTONJA,

IR-REPUBBLIKA ELLENIKA,

IR-RENJU TA' SPANJA,

IR-REPUBBLIKA FRANĊIŻA,

L-IRLANDA,

IR-REPUBBLIKA TALJANA,

IR-REPUBBLIKA TA’ ĊIPRU,

IR-REPUBBLIKA TAL-LATVJA,

IR-REPUBBLIKA TAL-LITWANJA,

IL-GRAN DUKAT TAL-LUSSEMBURGU,

IR-REPUBBLIKA TA’ L-UNGERIJA,

IR-REPUBBLIKA TA’ MALTA,

IR-RENJU TA' L-OLANDA,

IR-REPUBBLIKA TA' L-AWSTRIJA,

IR-REPUBBLIKA TAL-POLONJA,

IR-REPUBBLIKA PORTUGIŻA,

IR-RUMANIJA,

IR-REPUBBLIKA TAS-SLOVENJA,

IR-REPUBBLIKA SLOVAKKA,

IR-REPUBBLIKA TAL-FINLANDJA,

IR-RENJU TA' L-IŻVEZJA,

IR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRETTANJA U L-IRLANDA TA' FUQ

Il-Partijiet Kontraenti għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika, u t-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea, minn hawn 'il quddiem imsejħa "Stati Membri", u

IL-KOMUNITÀ EWROPEA U L-KOMUNITÀ EWROPEA TA' L-ENERĠIJA ATOMIKA,

minn issa l quddiem imsejħa l-"Komunità",

minn naħa l-waħda, u

R-REPUBBLIKA TAL-MONTENEGRO , minn hawn 'il quddiem imsejħa "Montenegro" fuq in-naħa l-oħra,

Wara l-kunsiderazzjoni tar-rabtiet b'saħħithom bejn il-Partijiet u l-valuri li jaqsmu bejniethom, ix-xewqa tagħhom għat-tisħiħ ta' dak l-irbit u sabiex jistabbilixxu relazzjoni mill-qrib u dejjiema msejsa fuq ir-reċiproċità u l-interess reċiproku, li għandha tippermetti lill-Montenegro sabiex isaħħaħ u jestendi ulterjorment ir-relazzjonijiet tiegħu mal-Komunità u ma' l-Istati Membri.

Wara l-kunsiderazzjoni ta' l-importanza ta' dan il-Ftehim, fil-qafas tal-proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (pSA) mal-pajjiżi tax-Xlokk ta' l-Ewropa, fil-ħolqien u l-konsolidazzjoni ta' ordni Ewropew stabbli bbażat fuq il-kooperazzjoni, li tiegħu l-Ewropa hija l-pedament, kif ukoll fil-qafas tal-Patt ta' Stabbiltà.

Wara l-kunsiderazzjoni tar-rieda ta' l-Unjoni Ewropea sabiex tintegra lill-Montenegro sa l-aktar limitu possibbli fl-attivitajiet politiċi u ekonomiċi ta' l-Ewropea u l-istatus tiegħu bħala kandidat potenzjali għal sħubija fl-UE abbażi tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-ilħuq tal-kriterji ddefiniti mill-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 1993 kif ukoll il-kundizzjonijiet tal-pSa, suġġetti għall-implimentazzjoni b'suċċess ta' dan il-Ftehim, notevolment fir-rigward tal-kooperazzjoni reġjonali.

Wara l-kunsiderazzjoni tal-Patenarjat Ewropew, li jidentifika l-prijoritajiet għal azzjoni għall-appoġġ ta' l-isforzi tal-pajjiż sabiex jersaq eqreb lejn l-Unjoni Ewropea.

Wara li kkunsidrat l-impenn tal-Partijiet sabiex jikkontribwixxu b'kull mezz possibbli lejn l-istabilizzazzjoni politika, ekonomika u istituzzjonali tal-Montenegro kif ukoll fir-reġjun, permezz ta' l-iżvilupp tas-soċjetà ċivili u d-demokratizzazzjoni, il-bini ta' l-istituzzjonijiet u r-riforma ta' l-amministrazzjoni pubblika, l-integrazzjoni tal-kummerċ reġjonali u l-kooperazzjoni ekonomika mtejba, kif ukoll permezz tal-kooperazzjoni f'firxa wiesgħa ta' oqsma, partikolarment fil-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà, u t-tisħiħ tas-sigurtà nazzjonali u reġjonali.

Wara li kkunsidrat l-impenn tal-Partijiet lejn żieda fil-libertajiet politiċi u ekonomiċi bħala l-bażi ta' dan il-ftehim, kif ukoll l-impenn tagħhom għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-Istat tad-dritt, inklużi d-drittijiet tal-persuni li jagħmlu parti minn minoranzi nazzjonali, u l-prinċipji demokratiċi permezz ta' sistemi ta' iktar minn partit wieħed b'elezzjonijiet ħielsa u ġusti.

Wara l-kunsiderazzjoni ta' l-impenn tal-Partijiet lejn l-implimentazzjoni sħiħa tal-prinċipji kollha u d-dispożizzjonijiet tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, notevolment dawk ta' l-Att Finali ta' Ħelsinki, id-dokumenti konklużivi tal-Konferenzi ta' Madrid u Vjenna, il-Karta ta' Pariġi għal Ewropa Ġdida, u l-Patt ta' Stabbilità għax-Xlokk ta' l-Ewropa, sabiex jingħata kontribut lejn l-istabbiltà reġjoanli u l-kooperazzjoni fost il-pajjiżi tar-reġjun.

L-affermazzjoni mill-ġdid tad-dritt tar-ritorn għar-refuġjati u l-persuni spostati internament kollha u għall-ħarsien tal-propjetà tagħhom u drittijiet tal-bniedem oħra relatati.

Wara l-kunsiderazzjoni ta' l-impenn tal-Partijiet lejn il-prinċipji ta' l-ekonomija tas-suq ħieles u għall-iżvilupp sostenibbli kif ukoll għar-rieda tal-Komunità sabiex tikkontribwixxi għar-riformi ekonomiċi fil-Montenegro.

Wara l-kunsidrazzjoni ta' l-impenn tal-Partijiet lejn il-kummerċ ħieles, b'konformità mad-drittijiet u l-obbligi li joħorġu mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO);

Wara l-kunsiderazzjoni tax-xewqa tal-Partijiet sabiex jiżviluppaw ulterjorment id-djalogu politiku regolari dwar kwistjonijiet bilaterali u internazzjonali ta' interess reċiproku, bil-kunsiderazzjoni tal-Politika Barranija u ta' Sigurtà Komuni (PBSK) ta' l-Unjoni Ewropea;

Wara l-kunsidrazzjoni ta' l-impenn tal-Partijiet lejn il-ġlieda tal-kriminalità organizzata u lejn it-tisħiħ tal-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu abbażi tad-dikjarazzjoni maħruġa mill-Konferenza Ewropea fl-20 ta' Ottubru 2001;

Konvinta li l-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni ser joħloq atmosfera ġdida għar-relazzjonijiet ekonomiċi bejniethom u, iktar minn hekk, għall-iżvilupp tan-negozju u l-investiment, fatturi kruċjali għar-ristrutturar u l-immodernizzar ekonomiku;

Bil-ħsieb ta' l-impenn minn naħa tal-Montenegro għall-approssimazznoni tal-leġiżlazzjoni tiegħu ma' dik tal-Komunità fis-setturi rilevanti, u għall-implimentazzjoni effettiva tagħha;

Bil-kunsiderazzjoni tar-rieda tal-Komunità sabiex tipprovdi appoġġ deċiżiv għall-implimentazzjoni tar-riformi u għall-użu ta' l-istrumenti disponibbli kollha ta' kooperazzjoni u għajnuna teknika, finanzjarja u ekonomika fuq bażi komprensiva, indikattiva u multiannwali għal dan il-għan;

B'konferma li d-dispożizzjonijet ta' dan il-ftehim li jaqgħu fl-ambitu tal-Parti III, tat-Titolu IV tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea jorbot lir-Renju Unit u l-Irlanda bħala Partijiet Kontraenti separati, u mhux bħala parti tal-Komunità Ewropea, kemm-il darba r-Renju Unit jew l-Irlanda (kif jista' jkun il-każ) javżaw lill-Montenegro li hu sar marbut bħala parti mill-Komunità Ewropea b'konformità mal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. L-istess japplika għad-Danimarka, skond il-Protokoll anness ma' dawk it-Trattati dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka;

Filwaqt li jiftakru li s- Summit ta' Żagreb, li sejjaħ għall-konsolidazzjoni ulterjuri tar-relazzjonijiet bejn il-pajjiżi tal-proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u l-Unjoni Ewropea kif ukoll il-kooperazzjoni reġjonali mtejba;

Filwaqt li jfakkru li s- Summit ta' Tessalonika saħħaħ il-proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bħala qafas ta' politika għar-relazzjoniijiet ta' l-Unjoni Ewrpea mal-pajjiżi tal-Punent tal-Balkani u enfasizza l-prospett ta' l-integrazzjoni tagħhom ma' l-Unjoni Ewropea abbażi tal-progress individwali fir-riformi u l-mertu;

Filwaqt li jfakkru li l-iffirmar f'Bukarest tal-Ftehim dwar il-Kummerċ Ħieles fl-Ewropa Ċentrali fid-19 ta'Diċembru 2006 bħala mezz ta' titjib ta' l-abbiltà tar-reġjun sabiex jiġbed investimenti u l-prospetti ta' l-integrazzjoni tiegħu fl-ekonomija globali;

Filwaqt li juru x-xewqa li tiġi stabbilita kooperazzjoni kulturali eqreb u l-iżvilupp ta' skambji ta' informazzjoni.

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

1. Qied tiġi stabbilita Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħha, fuq in-naħa l-waħda; u r-Repubblika tal-Montenegro fuq in-naħa l-oħra.

2. L-għanijiet ta' l-Assoċjazzjoni huma:

- li jingħata appoġġ għall-isforzi ta' Montengero għat-tisħiħ tad-demokrazija u l-Istat tad-dritt;

- li jingħata kontribut lejn stabbilità politika, ekonomika u istituzzjonali fil-Montenegro, kif ukoll l-istabilazzazzjoni tar-reġjun;

- li jkun ipprovdut qafas xieraq għad-djalogu politiku, li jippermetti l-iżvilupp ta' relazzjonijiet politiċi eqreb bejn il-Partijiet;

- li jingħata appoġġ lill-isforzi tal-Montenegro għall-iżvilupp tal-kooperazzjoni ekonomika u internazzjonali tiegħu, inkluż permezz ta' l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni tiegħu ma' dik tal-Komunità;

- li jingħata appoġġ għall-isforzi tal-Montenegro sabiex ilesti t-tranżazzjoni għal ekonomija tas-suq li tiffunzjona;

- li ssir promozzjoni ta' relazzjonijiet ekonomiċi armonjużi u l-iżvilupp gradwali ta' żona kummerċjali ħielsa bejn il-Komunità u Montenegro;

- li titrawwem kooperazzjoni reġjonali fl-oqsma kollha koperti minn dan il-Ftehim.

TITOLU IPRINĊIPJI ĠENERALI

Artikolu 2

Rispett għall-prinċipji demokratiċi u għad-drittijiet tal-bniedem kif iddikjarati fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u kif imfissra fl-Att Finali ta' Ħelsinki u fil-Karta ta' Pariġi għal Ewropa Ġdida, rispett għall-prinċipji tal-liġi internazzjonali u għall-istat tad-dritt, kif ukoll għall-prinċipji ta' ekonomija tas-suq kif tidher fid-Dokument tas-CSCE tal-Konferenza ta' Bonn dwar Koperazzjoni Ekonomika, għandhom ikunu s-sisien tal-politika domestika u esterna tal-Partijiet u jikkostitwixxu elementi essenzjali ta' dan il-Ftehim.

Artikolu 3

Il-ġlieda kontra l-proliferazzjoni ta' armi tal-qerda tal-massa u l-mezzi sabiex jitwettqu jikkostitwixxu element essenzjali mill-Ftehim.

Artikolu 4

Il-partijiet kontraenti jaffermaw mill-ġdid l-importanza li jagħtu lejn l-implimentazzjoni ta' l-obbligi internazzjonali, notevolment il-kooperazzjoni sħiħa ma' l-ICTY.

Artikolu 5

Paċi u stabbiltà internazzjonali u reġjonali, l-iżvilupp ta' relazzjonijiet tajbin ta' viċinat, id-drittijiet tal-bniedem u r-rispett u l-ħarsien tal-minornazi huma ċentrali għall-proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni msemmija fil-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea tal-21 ta' Ġunju 1999. Il-konklużjoni u l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim jiġu fi ħdan il-qafas tal-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea tad-29 ta' April 997 u huma bbażati fuq il-merti individwali tal-Montenegro.

Artikolu 6

Il-Montenegro jimpenja ruħu li jkompli jrawwem il-kooperazzjoni u r-relazzjonijiet tajbin ta' viċinanza mal-pajjiżi l-oħra tar-reġjun inkluż livell xieraq ta' konċessjonijiet reċiproċi fir-rigward tal-moviment tal-persuni, tal-prodotti, tal-kapital u tas-servizzi kif ukoll l-iżvilupp ta' proġetti ta' interess komuni, notevolment dawk relatati mal-ġestjoni tal-fruntieri u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus, l-emigrazzjoni illegali u l-ittraffikar, inklużi partikolarment, tal-bnedmin, ta' l-armi żgħar u tad-drogi illegali. Dan l-impenn jikkostitwixxi fattur ewlieni fl-iżvilupp tar-relazzjonijiet u l-kooperazzjoni bejn il-Partijiet u b'hekk jikkontribwixxi għal stabbiltà reġjonali.

Artikolu 7

Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-importanza li jagħtu lill-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-implimentazzjoni ta' l-obbligi internazzjonali f'din iż-żona.

Artikolu 8

L-assoċjazzjoni ser titwettaq gradwalment b'mod sħiħ fuq perjodu tranżitorju ta' massimu ta' 5 snin.

Il-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (KSA) ser jirrevedi regolarment, bħala regola fuq bażi annwali, l-implimentazzjoni tal-Ftehim u l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tar-riformi legali, amministrattivi, istutuzzjonali u ekonomiċi min-naħa tal-Montenegro. Din ir-reviżjoni se titwettaq fid-dawl tal-preambolu u skond il-prinċipji ġenerali ta' dan il-Ftehim. Ser tqis kif jixraq il-prijoritajiet stipulati fil-Partenarjat Ewropew rilevanti għal dan il-Ftehim u se tkun koerenti mal-mekkaniżmi stabbiliti taħt il-proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, notevolment ir-rapport ta' progress dwar il-Proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

Abbażi ta' din ir-reviżjoni, il-KSA ser joħroġ rakkomandazzjonijiet u jista' jieħu d-deċiżjonijiet. Meta r-reviżjoni tidentifika diffikultajiet partikolari, dawn jitressqu quddiem il-mekkaniżmi ta' riżoluzzjoni ta' tilwim stabbiliti taħt il-Ftehim.

L-assoċjazzjoni sħiħa ser tiġi realizzata progressivament. Mhux aktar tard minn ħames sena wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim, il-KSA ser jagħmel reviżjoni fid-dettall ta' l-applikazzjoni tal-Ftehim. Abbażi ta' din ir-reviżjoni, il-KSA ser jevalwa l-progress li jkun għamel il-Montenegro u jista' jieħu deċiżjonijiet dwar l-istadji sussegwenti ta' assoċjazzjoni.

Ir-reviżjoni msemmija mhix ser tapplika fuq il-moviment ħieles ta' prodotti (Titolu IV), billi dwar dan ser tiġi prevista skeda speċifika fid-dispożizzjonijiet tal-Ftehim.

Artikolu 9

Il-Ftehim ser ikun kompatibbli bis-sħiħ, kif ukoll implimentat b'mod konsistenti, mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-WTO, partikolarment ma' l-Artikolu XXIV tal-GATT 1994 u l-Artiklu V tal-GATS.

TITOLU II DJALOGU POLITIKU

Artikolu 10

1. Id-djalogu politiku bejn il-Partijiet ser jiġi żviluppat ulterjorment fil-kuntest ta' dan il-Ftehim. Għandu jakkumpanja u jikkonsolida l-approssimazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Montenegro u jikkontribwixxi għall-ħolqien ta' rabtiet mill-qrib ta' solidarjetà u suriet ġodda ta' kooperazzjoni bejn il-Partijiet.

2. Id-djalogu politiku huwa intiż li jippromwovi partikolarment:

- L-integrazzjoni sħiħa tal-Montenegro fil-komunità ta' nazzjonijiet demokratiċi u l-approssimazzjoni gradwali lejn l-Unjoni Ewropea;

- konverġenza dejjem tikber tal-pożizzjonijiet tal-Partijiet dwar kwistjonijiet internazzjonali, inklużi kwistjonijiet dwar il-PESK, anke permezz ta' l-iskambju ta' informazzjoni kif xieraq, dwar dawk il-kwistjonijiet li jolqtu lill-Partijiet b'mod sostanzjali.

- il-kooperazzjoni reġjonali u l-iżvilupp ta' relazzjonijet tajba ta' viċinat;

- il-fehmiet komuni dwar is-sigurtà u l-istabbiltà fl-Ewropa, inkluża l-kooperazzjoni f'oqsma koperti mill-PESK ta' l-Unjoni Ewropea.

3. Il-Partijiet jikkunsidraw li l-proliferazzjoni ta' l-armi tal-qerda tal-massa (WMD) u l-mezzi ta' kif dawn jitwasslu, kemm lil atturi statali u lil oħrajn li m'humiex, hija waħda mill-iktar theddid serju fuq l-istabbiltà u s-sigurtà globali. Għalhekk il-Partijiet jaqblu sabiex jikkoperaw u jikkontribwixxu fil-ġlieda kontra l-proliferazzjoni ta' l-armi tal-qerda tal-massa u l-mezzi ta' kif dawn jitwasslu permezz ta' konverġenza sħiħa, u implimentazzjoni nazzjonali, ta' l-obbligi eżistenti taħt it-Trattati u l-Ftehimiet tad-diżarm internazzjonali u n-nuqqas ta' proliferazzjoni kif ukoll obbligi internazzjonali rilevanti oħra. Il-partijiet jaqblu li din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi element essenzjali ta' dan il-Ftehim u ser tkun parti mid-djalogu politiku li ser jakkumpanja u jikkonsolida dawn l-elementi.

Barra minn hekk, il-partijiet jaqblu li jikkooperaw u jikkontrobwixxu fil-ġlieda kontra l-proliferazzjoni ta' l-armi tal-qerda tal-massa u l-mezzi li bihom jitwasslu:

- jieħdu passi favur l-iffirmar, ir-ratifika, jew is-sħubija, kif xieraq, u jimplimentaw bis-sħiħ strumenti internazzjonali rilevanti oħra;

- jistabbilixxu sistema effettiva ta' kontrolli nazzjonali ta' l-esportazzjoni, li jikkontrollaw l-esportazzjoni kif ukoll it-tranżitu ta' prodotti marbuta mal-WMD, inkluż il-kontroll ta' l-użu tal-WMD dwar teknoloġiji b'użu doppju u b'sanzjonijiet effettivi fuq il-ksur tal-kontrolli ta' l-esportazzjoni.

Id-djalogu politiku dwar din il-kwistjoni tista' sseħħ fuq bażi reġjonali.

Artikolu 11

1. Id-djalogu politiku għandu jseħħ fi ħdan il-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, li ser ikollu r-responsabbiltà ġenerali minn kwalunkwe kwistjoni li l-Partijiet ikunu jixtiequ jressqulu.

2. Fuq it-talba tal-Partijiet, id-djalogu politiku jista' jseħħ ukoll fil-formati li ġejjin:

- laqgħat, fejn meħtieġ, ta' uffiċjali għolja li jirrapreżentaw lill-Montenegro, fuq in-naħa l-waħda, u l-Presidenza tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, is-Segretarju Ġenerali/Ir-Rappreżentant Għoli tal-PESK u l-Kummissjoni, fuq in-naħa l-oħra;

- jittieħed vantaġġ mill-kanali diplomatiċi bejn il-Partijiet, inklużi l-kuntatti xierqa f'pajjiżi terzi u fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti, l-OSCE, il-Kunsill ta' l-Ewropa u fora internazzjonali oħra;

- kwalunkwe mezz ieħor li jista' jagħti kontribut utli għall-ikkonsolidar, l-iżvilupp u t-titjib tad-djalogu, inklużi dawk identifikati fl-aġenda ta' Thessaloniki.

Artikolu 12

Id-djalogu politiku fuq livell parlamentari għandu jseħħ fi ħdan il-qafas tal-Kumitat Parlamentari ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni stabbilit taħt l-Artikolu 125.

Artikolu 13

Id-djalogu politiku jista' jseħħ fi ħdan qafas multilaterali, u bħala djalogu reġjonali li jinkludi pajjiżi oħra mir-reġjun, inkluż il-qafas ta' l-UE – il-forum tal-Punent tal-Balkani.

TITOLU III KOOPERAZZJONI REĠJONALI

Artikolu 14

B'konformità ma' l-impenji tiegħu favur il-paċi u l-istabbiltà internazzjonali u reġjonali, u sabiex jiżviluppa relatazzjonijiet tajba ta' viċinat, il-Montenegro ser jippromwovi attivament il-kooperazzjoni reġjonali. Il-programmi ta' għajnuna tal-Komunità Ewropea jistgħu jappoġġjaw proġetti ta' dimensjonijiet reġjonali jew tanskonfinali permezz tal-programmi tagħha ta' assistenza teknika.

Kull meta l-Montenegro jipprevedi li jinforza mill-ġdid il-kooperazzjoni tiegħu ma' wieħed mill-pajjiżi msemmijin fl-Artikoli 15 sa 17, għandu javża u jikkonsulta lill-Komunità u lill-Istati Membri tagħha skond id-dispożizzjonijet stipulati fit-Titolu X, Dispożizzjonijiet Istituzzjonali, Ġenerali u Finali.

Il-Montenegro għandu jimplimenta bis-sħiħ il-Ftehimiet bilaterali eżistenti nnegozjati skond il-Memorandum ta' Spjegazzjoni dwar l-Iffaċilitar u l-Liberalizzazzjoni tal-Kummerċ iffirmat fi Brussell fis-27 ta' Ġunju 2001 mis-Serbja u l-Montenegro u l-Ftehim tal-Kummerċ Ħieles ta' l-Ewropa Ċentrali ffirmat f'Bukarest fid-19 ta'Diċembru 2006.

Artikolu 15 Kooperazzjoni ma' pajjiżi oħra li ffirmaw Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni

Wara l-iffirmar ta' dan il-ftehim, il-Montenegro ser jiftaħ negozjati ma' pajjiżi oħrajn li diġà ffirmaw Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni sabiex jikkonkludi konvenzjonijiet bilaterali dwar il-kooperazzjoni reġjonali, li l-għan tagħhom hu t-titjib ta' l-ambitu tal-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi kkonċernati.

L-elementi ewlenin ta' dawn il-konvenzjonijiet ser ikunu:

- id-djalogu politiku;

- il-ħolqien ta' żoni ta' kummerċ ħieles, b'konformità mad-dispożizzjonijet rilevanti tal-WTO;

- konċessjonijiet reċiproċi dwar il-moviment tal-ħaddiema, l-istabbiliment, l-għotja ta' servizzi, il-pagamenti kurrenti u movimenti tal-kapital kif ukoll politika oħra relatata mal-moviment tal-persuni fuq livell ekwivalenti għal dak ta' dan il-Ftehim.

- dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni f'oqsma oħra koperti, u oħrajn li m'humiex, minn dan il-Ftehim u notevolment fil-qasam tal-Ġustizzja, il-Libertà u s-Sigurtà.

Dawn il-konvenzjonjiet ser jinkludu dispożizzjonijiet għall-ħolqien tal-mekkaniżmi istituzzjonali neċessarji, kif xieraq.

Dawn il-konvenzjonijiet ser jiġu konklużi fi żmien sentejn mid-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim. Ir-rieda min-naħa tal-Montenegro sabiex jikkonkludi dawn il-konvenzjonijiet ser tkun kundizzjoni għall-iżvilupp ulterjuri tar-relazzjonijiet bejn il-Montenegro u l-Komunità Ewropea.

Il-Montenegro ser jiftaħ negozjati simili mal-bqija tal-pajjiżi tar-reġjun ladarba dawn il-pajjiżi jiffirmaw Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

Artikolu 16 Kooperazzjoni ma' pajjiżi oħra kkonċernati mill-proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni

Il-Montenegro għandu jsegwi kooperazzjoni mal-pajjiżi l-oħra kkonċernati mill-proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni f'xi qasam, jew fl-oqsma kollha ta' kooperazzjoni koperti minn dan il-Ftehim, u notevolment dawk ta' interess komuni. Din il-kooperazzjoni għandha tkun dejjem kompatibbli mal-prinċipji u l-għanijiet ta' dan il-Ftehim.

Artikolu 17 Kooperazzjoni ma' pajjiżi oħra kandidati għal adeżjoni ma' l-UE li m'humiex ikkonċernati mill-PSA

1. Il-Montenegro għandu jrawwem il-kooperazzjoni tiegħu u jikkonkludi konvenzjoni dwar il-kooperazzjoni reġjonali ma' kwalunkwe pajjiż kandidat għall-adeżjoni ma' l-UE fi kwalunkwe qasam ta' kooperazzjoni kopert minn dan il-Ftehim. Dawn il-konvenzjonijiet għandu jkollhom l-għan li gradwalment jikkonverġu r-relazzjonijiet bilaterali bejn il-Montenegro u dan il-pajjiż għall-parti rilevanti tar-relazzjonijiet bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha u dan il-pajjiż.

2. Il-Montenegro għandu jiftaħ negozjati mat-Turkija li stabbilixxiet unjoni doganali mal-Komunità Ewropea, bil-ħsieb li jikkonkludi, fuq bażi vantaġġjuża għaż-żewġ partijiet, Ftehim li jistabbilixxi żona ta' kummerċ ħieles skond l-Artikolu XXIV tal-GATT kif ukoll li jilliberalizza l-istabbiliment u l-forniment ta' servizzi bejniethom fuq livell ekwivalenti ta' dan il-Ftehim skond l-Artikolu V tal-GATS.

Dawn in-negozjati għandhom jinfetħu kemm jista' jkun malajr, bil-ħsieb li jiġi konkluż il-Ftehim imsemmi hawn fuq qabel tmiem il-perjodu tranżitorju li ssir referenza għalih fl-Artikolu 18(1).

TITOLU IVMOVIMENT ĦIELES TAL-PRODOTTI

Artikolu 18

1. Il-Komunità u l-Montenegro għandhom jistabbilixxu gradwalment żona ħielsa fuq perjodu massimu ta' ħames snin li jibda minn meta jidħol fis-seħħ dan il-Ftehim, skond id-disposizzjonijiet ta' dan il-Ftehim u skond dawk ta' GATT ta' l-1994 u tal-WTO. Meta jagħmlu dan huma għandhom jikkunsidraw il-ħtiġiet speċifiċi msemmijin hawn taħt.

2. In-Nomenklatura Magħquda tal-prodotti għandha tiġi applikata għall-klassifikazzjoni ta' prodotti fil-kummerċ bejn il-partijiet.

3. Għall-iskop ta' dan il-Ftehim dazji doganali u ħlasijiet li għandhom effett ekwivalenti għal dazji doganali jinkludu kwalunkwe dazju jew kwalunkwe ħlas imposti b'rabta ma' l-importazzjoni jew esportazzjoni ta' prodott, inkluża kull sura ta' soprataxxa jew ħlas addizzjonali b'rabta ma' din l-importazzjoni jew esportazzjoni, iżda ma jinkludu l-ebda:

- ħlas ekwivalenti għal taxxa interna imposta konsistentement mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2 ta' l-Artikolu III tal-GATT ta' l-1994,

- miżuri ta' antidumping jew miżuri kompensatorji,

- miżati jew ħlasijiet oħra proporzjonali għall-ispejjeż tas-servizzi mogħtija.

4. Għal kull prodott, id-dazju bażiku li fuqu għandu jiġi applikat it-tnaqqis suċċessiv ta' ħlasijiet stabbilit f'dan il-Ftehim għandu jkun:

a) it-Tariffa Doganali Komuni tal-Komunità Ewropea attwalment tapplika erga omnes minn jum l-iffirmar ta' dan il-Ftehim[5]

b) it-tariffa Montenegrina applikata[6].

5. Jekk, wara l-iffirmar ta' dan il-Ftehim, jiġi applikat kwalunkwe tnaqqis tat-tariffa fuq bażi erga omnes , partikolarment tnaqqis li jirriżulta:

a) minn negozjar tat-tariffi fil-WTO jew,

b) fil-każ ta' l-adeżjoni tal-Montenegro fil-WTO jew,

c) minn tnaqqis sussegwenti wara l-adeżjoni tal-Montenegro fil-WTO,

Dawn id-dazji mnaqqsa jissostitwixxu d-dazju bażiku msmmi fil-paragrafu 4 mid-data meta jiġi applikat dan it-tnaqqis.

6. 5. Il-Komunità u l-Montenegro għandhom jikkomunikaw lil xulxin id-dazji bażiċi rispettivi tagħhom u kwalunkwe tibdil fid-dazji.

KAPITOLU IPRODOTTI INDUSTRIALI

Artikolu 19

Definizzjoni

1. Id-disposizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu għandhom japplikaw għal prodotti li joriġinaw fil-Komunità jew fil-Montenegro elenkati fil-Kapitoli minn 25 sa 97 tan-Nomenklatura Magħquda, ħlief għal prodotti li jidhru fil-lista fl-Anness I, § I, (ii) tal-Ftehim dwar l-Agrikoltura.

2. Il-kummerċ bejn il-Partijiet fi prodotti milquta mit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika għandu jitmexxa skond id-disposizzjonijiet ta' dak it-Trattat.

Artikolu 20 Konċessjonijiet Komunitarji fuq prodotti industrijali

1. Id-dazji doganali fuq importazzjoni fil-Komunità u l-ħlasijiet li jkollhom effett ekwivalenti fuq prodotti li joriġinaw mill-Montenegro għandhom jitħassru minn meta jidħol fis-seħħ dan il-Ftehim.

2. Ir-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni fil-Komunità u l-miżuri li jkollhom effett ekwivalenti fuq prodotti industrijali li joriġinaw mill-Montenegro għandhom jitneħħew minn meta jidħol fis-seħħ dan il-Ftehim.

Artikolu 21 Konċessjonijiet Montenegrini fuq prodotti industrijali

1. Id-dazji doganali fuq l-importazzjoni ta' prodotti li joriġinaw mill-Komunità fil-Montenegro, ħlief għal dawk li huma elenkati fl-Anness I, għandhom jitneħħew minn meta jidħol fis-seħħ dan il-Ftehim.

2. Il-ħlasijiet li jkollhom effett ekwivalenti għal dazji doganali fuq l-importazzjoni lejn il-Montenegro ta' prodotti industrijali li joriġinaw mill-Komunità għandhom jitneħħew minn meta jidħol fis-seħħ dan il-Ftehim.

3. Id-dazji doganali fuq l-importazzjoni ta' prodotti li joriginaw mill-Komunità fil-Montenegro, u li huma elenkati fl-Anness I, għandhom jitnaqqsu progressivament u jitneħħew skond l-iskeda indikata.

4. Ir-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq importazzjoni ta' prodotti li joriġinaw mill-Komunità fil-Montenegro u miżuri li jkollhom effett ekwivalenti għandhom jitneħħew minn meta jidħol fis-seħħ dan il-Ftehim.

Artikolu 22 Dazji u restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoniijet

1. Il-Komunità u l-Montenegro għandhom ineħħu kull dazju doganali fuq l-esportazzjoni kif ukoll ħlasijiet li jkollhom effett ekwivalenti fuq il-kummerċ ta' bejniethom minn meta jidħol fis-seħħ dan il-Ftehim.

2. Il-Komunità u l-Montenegro għandhom ineħħu kull restrizzjoni kwantitattiva fuq l-esportazzjoni ta' bejniethom kif ukoll il-miżuri li jkollhom effett ekwivalenti minn meta jidħol fis-seħħ dan il-Ftehim.

Artikolu 23 Tnaqqis iktar mgħaġġel fid-dazji doganali

Il-Montenegro jiddikjara li lest li jnaqqas id-dazji doganali fuq il-kummerċ mal-Komunità b'mod iktar mgħaġġel milli hu msemmi fl-Artikolu 21, jekk is-sitwazzjoni ekonomika ġenerali tiegħu u s-sitwazzjoni fil-qasam ekonomiku kkonċernat ikunu jippermettu.

Il-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandu janalizza s-sitwazzjoni f'dan ir-rigward u jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet rilevanti.

KAPITOLU IIAGRIKOLTURA U SAJD

Article 24 Definizzjoni

1. Id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu għandhom japplikaw fuq il-kummerċ ta' prodotti agrikoli u tas-sajd li joriġinaw fil-Komunità jew fil-Montenegro.

2. It-terminu "prodotti agrikoli u tas-sajd" jirreferi għall-prodotti elenkati fil-Kapitoli 1 sa 24 tan-Nomenklatura Magħquda u l-prodotti elenkati fl-Anness I, §I, (ii) tal-Ftehim tal-WTO dwar l-Agrikoltura.

3. Id-definizzjoni tinkludi l-ħut u prodotti tas-sajd koperti mill-kapitolu 3, l-intesturi 1604 u 1605, u s-sottointestaturi 0511 91, 2301 20 u ex 1902 20 ('għaġina mimlija li fiha iktar minn 20% tal-piż f'hut, krustaċji, molluski jew invertebrati akwatiċi oħrajn').

Article 25 Prodotti agrikoli proċessati

Il-Protokoll 1 jistabbilixxi l-arranġamenti kummerċjali għal prodotti agrikolu proċessati li huma elenkati fih.

Article 26

Konċessjonijiet Komunitarji fuq l-importazzjonijiet ta' prodotti agrikoli li joriġinaw fil-Montenegro

1. Mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim, il-Komunità għandha tneħħi kull restrizzjoni jew miżura kwantitattiva li jkollhom effett ekwivalenti, fuq l-importazzjoni ta' prodotti agrikoli li joriġinaw fil-Montenegro.

2. Mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim, il-Komunità għandha tneħħi d-dazji doganali u l-ħlasijiet li jkollhom effett ekwivalenti , fuq l-importazzjoni ta' prodotti agrikoli li joriġinaw fil-Montenegro ħlief dawk elenkati fl-intestaturi 0102, 0201, 0202, 1701, 1702 u 2204 tan-Nomenklatura Magħquda.

Għall-prodotti koperti mill-Kapitoli 7 u 8 tan-Nomenklatura Magħquda, li għalihom it-Tariffa Doganali Komuni tipprovdi l-applikazzjoni ta' dazji doganali ad valorem u dazju doganali speċifiku, l-eliminazzjoni tapplika biss għall-parti ad valorem tad-dazju.

3. Mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim, il-Komunità għandha tistabbilixxi d-dazji doganali applikabbli fuq l-importazzjonijiet fil-Komunità ta' prodotti ta' " baby beef " imfissra fl-Anness II u li joriġinaw fil-Montenegro għal 20% tad-dazju ad valorem tad-dazju speċifiku kif stabbilit fit-Tariffi Doganali Komuni tal-Komunitajiet Ewropej, fil-limitu ta' kwota ta' tariffa annwali ta' 800 tunnellata f'piż tal-karkassa.

Artikolu 27

Konċessjonijiet Montenegrini fuq prodotti agrikoli

1. Mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim, il-Montenegro għandu jneħħi r-restrizzjonijiet kwantitattivi kollha u miżuri li jkollhom effett ekwivalenti fuq l-importazzjoni ta' prodotti agrikoli li joriġinaw fil-Komunità.

2. Mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim, il-Montenegro għandu:

(a) ineħħi d-dazji doganali applikabbli għall-importazzjoni ta' ċerti prodotti agrikoli li joriginaw fil-Komunità, elenkati fl-Artikolu III(a):

(b) progressivament ineħħi d-dazji doganali applikabbli għall-importazzjoni ta' ċerti prodotti agrikoli li joriġinaw fil-Komunità, elenkati fl-Artikolu III(b) skond l-iskeda indikata għal kull prodott f'dak l-Anness.

(c) progressivament inaqqas id-dazji doganali għal 50% applikabbli għall-importazzjoni ta' ċerti prodotti agrikoli li joriġinaw fil-Komunità, elenkati fl-Artikolu III(c) skond l-iskeda indikata għal kull prodott f'dak l-Anness.

Artikolu 28 Protokoll dwar l-Inbid u x-Xarbiet Alkoħoliċi

Il-Protokoll 2 jistabbilixxi l-arranġamenti li japplikaw għall-prodotti ta' inbid u xarbiet alkoħoliċi msemmija fih.

Artikolu 29

Konċessjonijiet għall-ħut u l-prodotti tas-sajd

1. Mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim, il-Komunità għandha tneħħi r-restrizzjonijiet kwantitattivi kollha u l-miżuri li jkollhom effett ekwivalenti fuq importazzjoni ta' ħut u prodotti tas-sajd li joriginaw fil-Montenegro.

2. Minn meta jidħol fis-seħħ dan il-ftehim il-Komunità għandha tneħħi id-dazji doganali u l-miżuri li jkollhom effett ekwivalenti fuq il-ħut u l-prodotti tas-sajd li joriġinaw fil-Montenegro ħlief dawk elenkati fl-Anness IV. Il-prodotti elenkati fl-Anness IV għandhom ikunu soġġetti għad-dispożizzjonijiet stipulati fih.

Artikolu 30

Konċessjonijiet Montenegrini fuq ħut u prodotti tas-sajd

1. Mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim, il-Komunità għandha tneħħi r-restrizzjonijiet kwantitattivi kollha u l-miżuri li jkollhom effett ekwivalenti fuq importazzjoni ta' ħut u prodotti tas-sajd li joriginaw fil-Montenegro.

2. Minn meta jidħol fis-seħħ dan il-ftehim il-Montenegro għandu jneħħi d-dazji doganali u l-miżuri li jkollhom effett ekwivalenti fuq il-ħut u l-prodotti tas-sajd li joriġinaw fil-Komunità ħlief dawk elenkati fl-Anness IV. Il-prodotti elenkati fl-Anness IV għandhom ikunu soġġetti għad-dispożizzjonijiet stipulati fih.

Artikolu 31 Klawsola ta' reviżjoni

Bil-kunsiderazzjoni tal-volum ta' kummerċ fi prodotti agrikoli u tas-sajd bejn il-Partijiet, tas-sensittivitajiet partikolari tagħhom, tar-regoli tal-politika komuni tal-Komunità u tal-politika tal-Montenegro fl-agrikoltura u fis-sajd, tal-funzjoni ta' l-agrikoltura u s-sajd fl-ekonomija tal-Montenegro, u tal-konsegwenzi tan-negozjati fil-kummerċ multilaterali tal-WTO, il-Komunità u l-Montenegro għandhom jeżaminaw fi ħdan il-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, mhux iktar tard minn 3 snin wara d-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim, prodott bi prodott u skond proċess reċiproku ordinat u xieraq, l-opportunitajiet biex jagħtu lil xulxin iktar konċessjonijiet bil-għan li jimplimentaw liberalizzazzjoni ikbar fil-kummerċ ta' prodotti agrikoli u tas-sajd.

Artikolu 32

Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta' dan il-Ftehim, u partikolarment l-Artikolu 41, meqjusa s-sensittività tas-swieq agrikoli u tas-sajd, jekk l-importazzjoni ta' prodotti li joriginaw f'Parti waħda, u li jkunu s-suġġetti ta' konċessjonijiet mogħtija skond l-Artikoli 25-30, tiddisturba serjament lis-swieq jew lill-mekkaniżmi regolatorji domestiċi tagħhom, iż-żewġ partijiet għandhom minnufih jikkonsultaw lil xulxin biex isibu soluzzjoni xierqa. Sakemm tinstab din is-soluzzjoni, il-Parti interessata tista' tieħu l-miżuri xierqa li jidhrilha li jkunu neċessarji.

Artikolu 33

Protezzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi għal prodotti agrikoli u tas-sajd u prodotti ta' l-ikel ħlief inbid u spirti

1. Il-Montenegro għandu jipprovdi għall-protezzjoni ta' l-inidkazzjonijiet ġeografiċi tal-Komunità rreġistrati fil-Komunità taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 ta' l-20 ta' Marzu 2006 kif emendat minn żmien għal żmien, skond it-termini ta' dan l-artikolu. L-indikazzjonijiet ġeografiċi ta' Montenegro għandhom ikunu eliġibbli sabiex jiġu rreġistrati fil-Komunità taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 ta' l-20 ta' Marzu 2006 u l-modifiki sussegwenti.

2. Il-Montenegro għandu jipprojbixxi kwalunkwe użu fit-territorju tiegħu ta' ismijiet protetti fil-Komunità għal prodotti komparabbli li ma jikkonformawx ma' l-ispeċifikazzjoni ta' l-indikazzjoni ġeografika. Dan għandu japplika saħansitra fejn l-oriġini ġeografika vera tal-prodott hija indikata, l-indikazzjoni ġeografika in kwistjoni tintuża f'forma tradotta, l-isem huwa akkumpanjat minn termini bħal "għamla", "tip", "stil", "imitazzjoni", "metodu" jew espressjonijiet oħra ta’ din ix-xorta.

3. Il-Montenegro għandu jirrifjuta r-reġistrazzjoni ta' trademark li l-użu tagħha jikkorrispondi għas-sitwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-artikolu.

4. It- trademarks li l-użu tagħhom jikkorrispondi għas-sitwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-artikolu, li jkunu ġew irreġistrati fil-Montenegro jew stabbiliti permezz ta' l-użu, m'għandhomx jibqgħu jintużaw wata l-1 ta' Jannar 2009. Madankollu, dan m'għandux japplika għal trademarks irreġistrati fil-Montenegro u trademarks stabbiliti permezz ta' l-użu u li huma propjetà ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi, kemm-il darba ma jkunux ta' natura li bi kwalunkwe mod tqarraq bil-pubbliku fir-rigward tal-kwalità, l-ispeċifikazzjoni u l-oriġini ġeografika tal-prodotti.

5. Kwalunkwe użu ta' indikazzjonijiet ġeografiċi protetti skond il-paragrafu 1 ta' dan l-artikolu, bħala termini abitwali fil-lingwaġġ komuni għal dawn il-prodotti fil-Montenegro, għandu jieqaf sa mhux iktar tard mill-1 ta' Jannar 2009.

6. Il-Montenegro għandu jiżgura li l-prodotti esportati mit-territorju tiegħu wara l-1 ta' Jannar 2009 ma jiksrux id-dispożizzjonijiet ta' dan l-artikolu.

7. Il-Montenegro għandu jiżgura l-protezzjoni msemmija fil-paragrafi 1 sa 6 ta' dan l-artikolu kemm b'inizjattiva tiegħu kif ukoll fuq it-talba ta' parti interessata.

KAPITOLU IIIDISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI

Artikolu 34

Ambitu

Id-disposizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu għandhom japplikaw għall-kummerċ tal-prodotti kollha bejn il-Partijiet ħlief fejn jissemma' xorta oħra hawnhekk jew fil-Protokoll 1.

Artikolu 35 Konċessjonijiet imtejba

Id-disposizzjonijiet ta' dan it-Titolu m' għandhom bl-ebda mod jaffettwaw lil kwalunkwe Parti milli tapplika unilateralment miżuri iktar favorevoli.

Artikolu 36 Waqfien

1. Mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim, m'għandhomx jiddaħħlu dazji doganali ġodda fuq importazzjoni jew esportazzjoni, jew ħlasijiet li jkollhom effett ekwivalenti, lanqas m'għandhom jiżdiedu dawk diġà applikati, fil-kummerċ bejn il-Komunità u l-Montenegro.

2. Mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim, m'għandhomx jiddaħħlu restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni, jew miżuri li jkollhom effett ekwivalenti; lanqas dawk eżistenti m'għandhom isiru iktar restrittivi, fil-kummerċ bejn il-Komunità u l-Montenegro.

3. Bla ħsara għall-konċessjonijiet mogħtija bl-Artikoli 26-30, id-disposizzjonijiet tal-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu m'għandhom bl-ebda mod iżommu milli titwettaq il-politika agrikola u dik tas-sajd rispettivi tal-Montenegro u tal-Komunità jew milli jittieħdu miżuri taħt dik il-politika kemm-il darba dawn ma jkollhomx effett fuq il-proċedura ta' l-importazzjoni msemmija fl-Annessi II-V.

Artikolu 37 Projbizzjoni ta' diskriminazzjoni fiskali

1. Il-Komunità u l-Montenegro m'għandhomx idaħħlu, u għandhom ineħħu fejn jeżistu, kwalunkwe miżura jew prattika fiskali interni li, direttament jew indirettament, joħolqu diskriminazzjoni bejn il-prodotti tal-Parti l-waħda u prodotti bħalhom li joriġinaw fit-territorju tal-Parti l-oħra.

2. Prodotti li jkunu esportati għat-territorju ta' waħda mill-Partijiet jistgħu ma jgawdux minn ħlas lura ta' taxxa indiretta interna li tkun qabżet l-ammont ta' taxxa indiretta li jkunu suġġetti għaliha.

Artikolu 38 Dazji ta' natura fiskali

Id-disposizzjonijiet dwar it-tneħħija ta' dazji tad-dwana fuq l-importazzjoni għandhom japplikaw ukoll għal dazji doganali ta' natura fiskali.

Artikolu 39 Unjonijiet doganali, żoni ta' kummerċ ħieles, arranġamenti transkonfinali

1. Dan il-Ftehim għandu jħalli li jinżammu jew jitwaqqfu unjonijiet doganali, żoni ta' kummerċ ħieles jew arranġamenti għal kummerċ bejn il-fruntieri ħlief jekk dawn ibiddlu l-arranġamenti tal-kummerċ imsemmija f'dan il-Ftehim.

2. Matul il-perjodu tranżitorju msemmi fl-Artikolu 21, dan il-Ftehim m'għandux jaffettwa l-implimentazzjoni ta' l-arranġamenti preferenzjali speċifiċi li jirregolaw il-moviment ta' prodotti skond kif stabbiliti f'kull ftehim tal-fruntiera milħuq qabel bejn Stat Membru jew aktar u s-Serbja u l-Montenegro, jew li jirriżultaw mill-Ftehimiet bilaterali speċifikat fit-Titolu III milħuq mill-Montenegro għall-promozzjoni tal-kummerċ reġjonali.

3. Għandhom iseħħu konsultazzjonijiet bejn il-Partijiet fi ħdan il-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni dwar il-Ftehimiet imfissra fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu u, jekk ikun hemm talba, dwar kwistjonijiet ewlenin ohra li jkollhom x'jaqsmu mal-politika rispettiva tagħhom dwar il-kummerċ ma' pajjiżi terzi. Partikolarment jekk pajjiż terz isir membru tal-Komunità, dawn il-konsultazzjonijiet għandhom iseħħu biex ikun assigurat li jitqiesu l-interessi reċiproċi tal-Komunità u tal-Montenegro kif imsemmi f'dan il-Ftehim.

Artikolu 40 Dumping u Sussidji

1. L-ebda dispożizzjoni f'dan il-Ftehim m'għandha tfixkel kwaunkwe mill-Partijiet milli tieħu azzjoni ta' difiża tal-kummerċ skond il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu u l-Artikolu 41.

2. Jekk waħda mill-Partijiet issib li fil-kummerċ mal-Parti l-oħra jkun qed isir dumping u/jew issussidjar kompensatorju skond it-tifsira ta' l-Artikolu WTO ta' GATT 1994, hija tista' tieħu miżuri xierqa kontra din il-prattika skond il-Ftehim dwar l-Implimentazzjoni ta' l-Artikolu VI tal-GATT 1994 jew il-Ftehim dwar is-Sussidji u l-Miżuri Kompensatorji u skond il-leġiżlazzjoni rispettiva relattiva interna tagħha.

Artikolu 41 Klawsoli ta' salvagwardja

1. Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu XIX GATT 1994 u l-Ftehim tal-WTO dwar is-Salvagwardji huma applikabbli bejn iż-żewġ partijiet.

2. Minkejja l-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, fejn kwalunkwe prodott ta' Parti waħda jkun qed jiġi importat fit-territorju tal-Parti l-oħra f'dawn il-kwantitajiet miżjuda u b'kondizzjonijiet li jikkawżaw jew jheddu li jikkawżaw:

- ħsara serja lill-industrija domestika ta' prodotti simili jew li jkunu direttament kompetittivi fit-territorju tal-Parti importatriċi jew

- disturbi serji fi kwalunkwe qasam ta' l-ekonomija jew diffikultajiet li minħabba fihom il-qagħda ekonomika ta' reġjun tal-Parti importatriċi tista' teħżien serjament,

Il-Parti importatriċi tista' tieħu miżuri xierqa ta' salvagwardja bilaterali skond il-kundizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti f'dan l-Artikolu.

3. Il-miżuri ta' salvagwardja bilaterali fuq l-importazzjoni mill-parti l-oħra m'għandhiex taqbeż dak li hu meħtieġ sabiex jiġu rrimedjati l-problemi, kif imfisser fil-paragrafu 2, li jkunu nqalgħu minħabba l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim. Il-miżura ta' salvagwardja adottata għandha tikkonsisti fis-sospensjoni taż-żieda jew fit-tnaqqis tal-marġini ta' preferenza previsti taħt dan il-Ftehim għall-prodott ikkonċernat sa limitu massimu li jikkorrispondi għad-dazju bażiku msemmi fl-Artikolu 18 paragrafu 4 (a) u (b) u l-paragrafu 5 ta' l-istess prodott. Dawn il-miżuri għandhom jinkludu elementi ċari li progressivament iwasslu għat-teħħija tagħhom, sa mhux iktar tard mit-tmiem tal-perjodu stipulat, u m'għndhomx jittieħdu għal perjodu li jaqbeż is-sentejn.

F'ċirkostanzi eċċezzjonali, il-miżuri jistgħu jiġu estiżi għal perjodu ulterjuri ta' mhux iktar minn sentejn. L-ebda miżura ta' salvagwardja bilaterali m'għandha tiġi applikata fuq l-importazzjoni ta' prodott li preċedentement kien soġġett għal din il-miżura għal perjodu ta' mill-inqas 4 snin mill-iskadenza tal-miżura.

4. Fil-każi speċifikati f'dan l-Artikolu, qabel jittieħdu l-miżuri pprovduti fih jew, fil-każi li fuqhom japplika l-paragrafu 5 (b) ta' dan l-Artikolu, kemm jista' jkun malajr, il-Komunità fuq in-naħa l-waħda u l-Montenegro fuq in-naħa l-oħra, għandhom iressqu, quddiem il-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni, l-informazzjoni rilevanti kollha meħtieġa għal analiżi bir-reqqa tas-sitwazzjoni, bl-iskop li tinstab soluzzjoni aċċettabli għall-Partijiet ikkonċernati.

5. Għall-implimentazzjoni tal-paragrafu ta' hawn fuq għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(a) Il-problemi li jinqalgħu mis-sitwazzjoni msemmija f'dan l-Artikolu għandhom immedjatament jintbagħtu sabiex jiġu analizzati mill-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, li jista' jieħu kwalunkwe deċiżjoni meħtieġa sabiex itemm dawn il-problemi.

Jekk il-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jew il-Parti li tesporta ma jkunux ħadu deċiżjoni sabiex itemmu l-problemi, jew ma tintlaħaq l-ebda soluzzjoni sodisfaċenti fi żmien 30 jum minn meta l-kwistjoni titressaq quddiem il-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, il-Parti li timporta tista' tadotta l-miżuri xierqa sabiex tiġi rrimedjata l-problema skond dan l-Artikolu. Fl-għażla tal-miżuri ta' salvagwardja, trid tingħata prijorità lil dawk li l-inqas ifixklu l-funzjonament ta' l-arranġamenti stabbiliti f'dan il-Ftehim. Il-miżuri ta' salvagwardja applikati skond l-Artikolu XIX GATT 1994 u l-Ftehim tal-WTO dwar is-Salvagwardji għandhom iżommu l-livell/marġini ta' preferenza mogħtija taħt dan il-Ftehim.

(b) Fejn ċirkostanzi eċċezzjonali jew kritiċi li jeħtieġu azzjoni immedjata jagħmluha impossibli li jkun hemm informazzjoni jew analiżi minn qabel , skond il-każ, il-Parti kkonċernata tista', fis-sitwazzjonijiet speċifikati f'dan l-Artikolu, tapplika minnufih il-miżuri proviżorji neċessarji sabiex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni u għandha tgħarraf lill-Parti l-oħra dwar dan immedjatament.

Il-miżuri ta' salvagwardja għandhom jiġu nnotifikati minnufih lill-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u għandhom ikunu soġġetti għal konsultazzjonijiet perjodiċi fi ħdan dik l-entità, partikolarment bil-għan li tiġi stabbilita skeda għat-tneħħija tagħhom skond kif jippermettu ċ-ċirkostanzi.

6. Fl-eventwalità li jew il-Komunità fuq in-naħa l-waħda jew il-Montenegro fuq in-naħa l-oħra jissottomettu l-importazzjoni ta' prodotti li jistgħu jikkawżaw il-problemi msemmija f'dan l-Artikolu għal proċedura amministrattiva li l-iskop tagħha jkun il-proviżjoni rapida ta' informazzjoni dwar ix-xejra tal-flussi kummerċjali, il-Parti li tkun issottomettiet għandha tgħarraf b'dan lill-Parti l-oħra.

Artikolu 42 Klawsola ta' nuqqas

1. Fejn il-konformità mad-dispożizzjonijiet ta' dan it-Titolu twassal għal:

(a) nuqqas kritiku, jew it-theddida ta' dan, ta' prodotti ta' l-ikel jew prodotti oħrajn essenzjali għall-Parti li tesporta; jew

(b) l-esportazzjoni mill-ġdid lejn pajjiż terz ta' prodott li fil-konfront tiegħu l-Parti li tesporta żżomm restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-esportazzjoni, dazji fuq l-esportazzjoni jew miżuri jew ħlasijiet li jkollhom effett ekwivalenti, u fejn is-sitwazzjonijiet imsemmija hawn fuq iwasslu, jew probabbilment iwasslu, għal diffikultajiet maġġuri għall-Parti li tesporta.

il-Parti tista' tieħu miżuri xierqa taħt il-kundizzjonijiet u skond il-proċeduri stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2. Fl-għażla tal-miżuri tal-miżuri, trid tingħata prijorità lil dawk li l-inqas ifixklu l-funzjonament ta' l-arranġamenti stabbiliti f'dan il-Ftehim. Dawn il-miżuri m'għandhomx jiġu applikati b'mod li jikkostitwixxi mezz ta' diskriminazzjoni arbitrarja jew inġustifikata fejn ikunu jipprevalu l-istess kundizzjonijiet, jew restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ u għandha titħassar fejn il-kundizzjonijiet ma jkunux jiġġustifikaw iktar iż-żamma tagħhom.

3. Qabel jittieħdu l-miżuri pprovduti fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jew, kemm jista' jkun malajr f'każi li għalihom japplika l-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu, il-Komunità jew il-Montenegro, għandhom jagħtu l-informazzjoni rilevanti kollha lill-Kumitat ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, bil-għan li tinstab soluzzjoni aċċettabbli għall-Partijiet kollha. Il-Partijiet fi ħdan il-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jistgħu jiftiehmu dwar kwalunkwe mezz neċessarju sabiex itemmu d-diffikultajiet. Jekk ma jintlaħaq l-ebda ftehim fi żmien 30 jum minn meta titressaq il-kwistjoni quddiem il-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, il-Parti li tesporta tista' tapplika miżuri taħt dan l-Artikolu dwar l-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat.

4. Fejn ċirkostanzi eċċezzjonali jew kritiċi li jeħtieġu azzjoni immedjata jagħmluha impossibli li jkun hemm informazzjoni jew analiżi minn qabel , skond il-każ, il-Komunità jew il-Montenegro jistgħu japplikaw minnufih il-miżuri proviżorji ta' prekawzjoni sabiex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni u għandhom jgħarrfu lill-Parti l-oħra dwar dan immedjatament.

5. Kwalunkwe miżura applikata skond dan l-Artikolu għandha tiġi nnotifikata minnufih lill-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u għandha tkun soġġetta għal konsultazzjonijiet perjodiċi fi ħdan dik l-entità, partikolarment bil-għan li tiġi stabbilita skeda għat-tneħħija tagħha skond kif jippermettu ċ-ċirkostanzi.

Artikolu 43 Monopolji statali

Fir-rigward ta' kwalunkwe monopolju statali ta' xorta kummerċjali, il-Montenegro għandu jiżgura li, bid-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim, ma' sseħħ l-ebda diskriminazzjoni bejn ċittadini ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea u l-Montenegro dwar il-kundizzjonijiet ta' provvista jew ikkumerċjalizzar tal-prodotti.

Artikolu 44

Regoli ta' l-oriġini

Il-Protokoll 3 jistabbilixxi r-regoli ta' l-oriġini għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dan il-ftehim, ħlief jekk stipulat b'mod ieħor f'dan il-Ftehim.

Artikolu 45 Restrizzjonijiet awtorizzati

Dan il-Ftehim m'għandux jipprekludi l-projbizzjonijiet jew ir-restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta' prodotti fuq il-bażi ta' moralità pubblika, politika pubblika jew sigurtà pubblika; il-protezzjoni tas-saħħa u l-ħajja ta' bnedmin, annimali jew pjanti; il-protezzjoni ta' teżori pubbliċi ta' valur artistiku, storiku jew arkeoloġiku jew il-protezzjoni ta' proprjetà intellettwali, industrijali u kummerċjali, jew regoli relatati mad-deheb u l-fidda. Madanakollu, dawn il-projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet m'għandhomx jikkostitwixxu diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija bejn il-Partijiet.

Artikolu 46

Nuqqas ta' proviżjoni ta' kooperazjoni amministrattiva

1. Il-Partijiet jaqblu li l-kooperazzjoni amministrattiva hija essenzjali għall-implimentazzjoni u l-kontroll tat-trattament preferenzjali mogħti taħt dan it-Titolu u jenfasizzaw l-impenn tagħhom fil-ġlieda kontra l-irregolaritajiet u l-frodi fid-dwana u fi kwistjonijiet relatati.

2. Fejn Parti tagħmel sejba, fuq il-bażi ta' informazzjoni oġġettiva, ta' nuqqas ta' proviżjoni ta' kooperazzjoni amministrattiva u/jew ta' irregolaritajiet jew frodi taħt dan it-Titolu, il-Parti kkonċernata tista' temporanjament tissospendi t-trattament preferenzjali rilevanti tal-prodott(i) kkonċernat(i) skond dan l-Artikolu.

3. Għall-iskop ta' dan l-Artikolu n-nuqqas ta' proviżjoni ta' kooperazzjoni amministrattiva għandha tfisser, inter alia :

a) in-nuqqas imtenni li jiġu rrispettati l-obbligi għall-verifika ta' l-istatus oriġinali tal-prodott(i) kkonċernat(i);

b) ir-rifjut imtenni jew id-dewmien mhux dovut fit-twettiq u/jew il-komunikazzjoni tar-riżultati tal-verifika sussegwenti tal-prova ta' l-oriġini;

c) ir-rifjut imtenni jew id-dewmien mhux dovut għall-kisba ta' l-awtorizzazzjoni sabiex jitwettqu missjonijiet ta' kooperazzjoni amministrattiva għall-verifika ta' l-awtentiċità ta' dokumenti jew ir-reqqa ta' l-informazzjoni rilevanti għall-għotja tat-trattament preferenzjali in kwistjoni.

Għall-iskop ta' dan l-Artikolu, sejba ta' irregolaritajiet jew frodi tista' ssir, inter alia , fejn ikun hemm żieda mgħaġġla, mingħajr spjegazzjoni sodisfaċenti, fl-importazzjoni ta' prodotti li taqbeż il-livell użwali tal-kapaċità ta' produzzjoni u esportazzjoni tal-Parti l-oħra, li tkun marbuta ma' informazzjoni oġġettiva dwar irregolaritajiet jew frodi.4. L-applikazzjoni ta' sospensjoni temporanja ser tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

a) Il-Parti li tkun għamlet is-sejba, fuq il-bażi ta' informazzjoni oġġettiva, ta' nuqqas ta' proviżjoni ta' kooperazzjoni amministrattiva u/jew ta' irregolaritajiet jew frodi għandha mingħajr dewmien dovut tavża lill-Kumitat ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni dwar is-sejbiet tagħha flimkien ma' l-informazzjoni oġġettiva u tibda konsultazzjonijiet fi ħdan il-Kumitat ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, fuq il-bażi ta' l-informazzjoni rilevanti kollha u s-sejbiet oġġettivi, bil-għan li tinstab soluzzjoni aċċettabbli għaż-żewġ Partijiet.

b) Fejn il-Partijiet ikunu bdew konsultazzjonijiet fi ħdan il-Kumitat ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni kif imsemmi iktar 'il fuq u jkunu naqsu milli jaqblu dwar soluzzjoni aċċettabbli fi żmien 3 xhur wara n-notifika, il-parti kkonċernata tista' tissospendi temporanjament it-trattament preferenzjali rilevanti tal-prodott(i) kkonċnernat(i). Sospensjoni temporanja għandha tiġi nnotifikata lill-Kumitat ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mingħajr dewmien dovut.

c) Sospensjoni temporanja taħt dan l-Artikolu għandha tkun limitata għal dak li huwa meħtieġ biex jitħarsu l-interessi finanzjarji tal-Parti kkonċernata. M' għandhomx jaqbżu l-perjodu ta' sitt xhur, li jista' jiġġedded. Is-sospensjonijiet temporanji għandhom jiġu nnotifikati minnufih wara l-adozzjoni tal-Kumitat ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Għandhom ikunu soġġetti għal konsultazzjonijiet perjodiċi fi ħdan il-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni partikolarment bil-għan li jiġu tterminati hekk kif il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ma jibqgħux jgħoddu.

5. Fl-istess żmien tan-notifika lill-Kumitat ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni taħt il-paragrafu 4a) ta' dan l-Artikolu, il-parti kkonċernata għandha tippubblika notifika għall-impurtaturi fil-Ġurnal Uffiċjali tagħha. In-notifika għall-impurtaturi għandha tindika li hemm sejba dwar il-prodott ikkonċernat, fuq il-bażi ta' informazzjoni oġġettiva, ta' nuqqas ta' proviżjoni ta' kooperazzjoni amministrattiva u/jew ta' irregolaritajiet jew frodi.

Artikolu 47

Fil-każ ta' żball mill-awtoritajiet kompetenti fil-ġestjoni xierqa tas-sistema preferenzjali fl-esportazzjoni, u partikolarment fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll 3 għall-ftehim preżenti liema żball iwassal għal konsegwenzi f'termini ta' dazji ta' importazzjoni sabiex jeżamina l-possibbiltajiet li jiġu adottati l-miżuri xierqa kollha bil-għan li tissolva l-problema.

Artikolu 48

L-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim m'għandux ikun ta' ħsara għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Komunità fuq il-Gżejjer Kanarji.

TITOLU VMOVIMENT TAL-ĦADDIEMA, TA' L-ISTABBILIMENT, TAL-PROVIŻJONI TA' SERVIZZI, TAL-KAPITAL

KAPITOLU IMOVIMENT TAL-ĦADDIEMA

Artikolu 49

1. Soġġett għall-kundizzjonijiet u l-modalitajiet applikabbli f'kull Stat Membru:

- it-trattament li jingħata lil ħaddiema li huma ċittadini tal-Montenegro u li huma impjegati legalment fit-territorju ta' Stat Membru għandhom ikunu ħielsa minn kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq iċ-ċittadinanza, fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, ir-remunerazzjoni jew it-tkeċċija, meta mqabbla maċ-ċittadini tagħhom stess.

- il-konjuġi residenti legalment u wlied ħaddiem impjegat legalment fit-territorju ta' Stat Membru, bl-eċċezzjoni ta' ħaddiema staġunali u ta' ħaddiema li jidħlu taħt Ftehimiet skond it-tifsira ta' l-Artikolu 50, kemm-il darba Ftehimiet simili ma jipprovdux mod ieħor, għandu jkollhom aċċess għas-suq tax-xogħol ta' dak l-Istat Membru, matul il-perjodu taż-żjara ta' xogħol awtorizzata ta' dak il-ħaddiem.

2. Il-Montenegro għandu, soġġett għall-kundizzjonijiet f'dik ir-Repubblika, jipprovdi t-trattament imsemmi fil-paragrafu 1 lil ħaddiema li huma ċittadini ta' Stat Membru u li huma impjegati legalment fit-territorju tiegħu kif ukoll lill-konjuġi tagħhom u lil uliedhom li jirrisjedu legalment fil-pajjiż imsemmi.

Artikolu 50

1. Filwaqt li titqies is-sitwazzjoni fis-suq tax-xogħol fl-Istati Membri, skond il-leġiżlazzjoni u l-konformità tagħhom mar-regoli fis-seħħ fl-Istati Membri fiż-żona ta' mobbiltà tal-ħaddiema:

- il-faċilitajiet eżistenti ta' aċċess għall-impjiegi għal ħaddiema mill-Montenegro mogħtija mill-Istati Membri taħt Ftehimiet bilaterali għandhom jinżammu u jekk ikun possibbli jittejbu,

- l-Istati Membri l-oħra għandhom jeżaminaw il-possibbiltà li jilħqu Ftehimiet simili.

2. Wara 3 snin, il-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandu jeżamina l-għoti ta' titjib ieħor, inklużi faċilitajiet għall-aċċess għal taħriġ professjonali, b'konformità mar-regoli u l-proċeduri fis-seħħ fl-Istati Membri, u b'kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni fis-suq tax-xogħol fl-Istati Membri u fil-Komunità.

Artikolu 51

1. Għandhom jiġu stabbilit regoli għall-koordinazzjoni tas-sistemti ta' sigurtà soċjali għal ħaddiema b'ċittadinanza Montenegrina, impjegati legalment fit-territorju ta' Stat Membru, u għall-membri tal-familji tagħhom residenti legalment hemmhekk. Għal dak il-għan, deċiżjoni tal-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, li m'għandha tolqot l-ebda dritt jew obbligu minn Ftehimiet bilaterali fejn dawn jipprovdu għal trattament iktar favorevoli, għandha ddaħħal fis-seħħ id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

- il-perjodi kollha ta' assigurazzjoni, impjieg jew residenza ta' dawn il-ħaddiema fid-diversi Stati Membri għandha tingħaqad għall-iskop ta' pensjonijiet u annwalitajiet fir-rigward ta' età avvanzata, invalidità u mewt u għall-iskop tal-kura medika għal dawn il-ħaddiema u l-membri tal-familja tagħhom;

- kull pensjoni u annwalità fir-rigward ta' età avvanzata, mewt, inċident industrijali jew mard okkupazzjonali, jew ta' invalidità li tirriżulta minn dan, ħlief il-benefiċċji li m'humiex kontributorji, għandhom ikunu trasferibbli liberament skond ir-rata applikata bis-saħħa tal-liġi ta' l-Istat jew Stati Membri debituri;

- il-ħaddiema kkonċernati għandhom jieħdu kull kontribuzzjoni għall-familja għall-membri tal-familja tagħhom kif imfisser iktar 'il fuq;

2. Il-Montenegro għandu jagħti lill-ħaddiema li huma ċittadini ta' Stat Membru u impjegati legalment fit-territorju tagħhom, u lill-membri tal-familja tagħhom residenti legalment hemmhekk, trattament simili għal dak speċifikat fit-tieni u tielet inċiżi tal-paragrafu 1.

KAPITOLU II STABBILIMENT

Artikolu 52

Tifsira

Għall-iskopijiet ta' dan il-Ftehim:

a) "kumpanija Komunitarja" jew "kumpanija Montenegrina" ifissru, rispettivament, kumpanija stabbilita b'konformità mal-liġijiet ta' Stat Membru, jew tal-Montenegro u li jkollha l-uffiċju jew l-amministrazzjoni ċentrali jew il-post prinċipali tan-negozju tagħha rreġistrati fit-territorju tal-Komunità jew tal-Montenegro. Madankollu, jekk il-kumpanija, stabbilita b'konformità mal-liġijiet ta' Stat Membru jew tal-Montenegro, ikollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fit-territorju tal-Komunità jew tal-Montenegro rispettivament, il-kumpanija għandha titqies bħala kumpanija Komunitarja jew Montenegrina jekk il-ħidmiet tagħha jkollhom rabta reali u kontinwa ma' l-ekonomija ta' wieħed mill-Istati Membri jew tal-Montenegro;

b) "Sussidjarja" ta' kumpanija għandha tfisser kumpanija li hija effettivament ikkontrollata mill-ewwel kumpanija;

c) "Fergħa" ta' kumpanija għandha tfisser li l-post tan-negozju mingħajr personalità legali li jkollu d-dehra ta' permanenza, bħall-estensjoni ta' entità prinċipali, jkollu ġestjoni u jkun materjalment mgħammar sabiex jinnegozja kummerċ ma' Partijiet terzi biex dawn ta' l-aħħar, għalkemm ikunu jafu li jekk neċessarju jkun hemm rabta legali ma' l-entità prinċipali, l-uffiċju ewlieni li jkun f'pajjiż barrani, ma jkollhomx għalfejn jinnegozjaw direttament ma' l-entità prinċipali iżda jagħmlu tranżazzjonijiet kummerċjali fil-post ta' negozju li jikkostitwixxi l-estensjoni;

d) "Stabbiliment" ser ifisser

(i) fir-rigward taċ-ċittadini, id-dritt li jwettqu attivitajiet ekonomiċi bħala persuni li jaħdmu għal rashom ( self-employed) , u li jistabbilixxu impriżi, partikolarment kumpaniji, li huma jikkontrollow effettivament. Dawk impjegati għal rashom u l-impriżi ta' negozju taċ-ċittadini m'għandhomx jestendu għat-tfittxija jew impjegar fis-suq tax-xogħol jew li jagħtu d-dritt tad-dħul fis-suq tax-xogħol lil parti oħra. Id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 1 ma japplikawx għal dawk li jaħdmu esklużivament għal rashom (self-employed) .

(ii) fir-rigward ta' kumpaniji Komunitarji jew Montenegrini, id-dritt li jitwettqu attivitajiet ekonomiċi billi jistabbilixxu sussidjarji u fergħat fil-Montenegro jew fil-Komunità rispettivament;

e) "Operazzjonijiet" għandha tfisser it-twettiq ta' attivitajiet ekonomiċi;

f) "Attivitajiet Ekonomiċi" għandha fil-prinċipju tinkludi attivitajiet ta' xejra industrijali, kummerċjali u professjonali u attivitajiet ta' snajja';

g) "ċittadin Komunitarju" u "ċittadin tal-Montenegro" għandhom rispettivament ifissru persuna naturali ċittadina ta' wieħed mill-Istati Membri jew tal-Montenegro rispettivament;

h) fir-rigward tat-trasport marittimu internazzjonali, inklużi operazzjonijiet intermodali li jinvolvu vjaġġ marittimu, iċ-ċittadini ta' Stat Membru jew tal-Montenegro stabbiliti barra mill-Komunità jew mill-Montenegro, u kumpaniji ta' trasport bil-baħar stabbiliti barra mill-Komunità jew mill-Montenegro u kkontrollati minn ċittadini ta' Stat Membru jew minn ċittadini tal-Montenegro, għandhom ukoll ikunu benefiċjarji tad-dispożizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu u l-Kapitolu III, jekk il-bastimenti jkunu rreġistrati f'dak l-Istat Membru jew fil-Montenegro, skond il-leġiżlazzjoni rispettiva tagħhom;

i) "Servizzi finanzjarji" għandhom ifissru dawk l-attivitajiet imfissra fl-Aness VI. Il-Kunsill ta' Stabiizzazzjoni u Assoċjazzjoni jista' jestendi jew jimmodifika l-ambitu ta' dak l-Anness.

Artikolu 53

1. Il-Montenegro għandu jiffaċilita l-istabbiliment ta' operazzjonijiet fuq it-territorju tiegħu minn kumpaniji jew ċittadini Komunitarji. Għal dak il-għan, minn meta jidħol fis-seħħ dan il-Ftehim huma għandhom joffru:

(i) fir-rigward ta' l-istabbiliment ta' kumpaniji Komunitarji fit-territorju tal-Montenegro, trattament mhux inqas favorevoli milli jingħata lil kumpaniji nazzjonali jew lil kwalunkwe kumpanija minn pajjiż terz, skond liema trattament ikun l-aħjar;

(ii) fir-rigward ta' l-istabbiliment ta' sussidjarji u fergħat ta' kumpaniji Komunitarji fit-territorju tal-Montenegro ladarba dawn jiġu stabbiliti, trattament mhux inqas favorevoli milli jingħata lil kumpaniji jew fergħat nazzjonali jew lil kwalunkwe sussidjarja jew fergħa ta' kumpanija minn pajjiż terz, skond liema trattament ikun l-aħjar;

2. Minn meta jidħol fis-seħħ dan il-Ftehim, il-Komunità u l-Istati Membri għandhom joffru:

(i) fir-rigward ta' l-istabbiliment ta' kumpaniji Montenegrini, trattament mhux inqas favorevoli milli jingħata mill-Istati Membri lill-kumpaniji tagħhom jew lil kwalunkwe kumpanija minn pajjiż terz, skond liema trattament ikun l-aħjar;

(ii) fir-rigward ta' l-istabbiliment ta' sussidjarji u fergħat ta' kumpaniji Montenegrini, stabbiliti fit-territorju tagħha, trattament mhux inqas favorevoli milli jingħata mill-Istati Membri lill-kumpaniji jew fergħat tagħhom stess, jew lil kwalunkwe sussidjarja jew fergħa ta' kumpanija minn pajjiż terz, stabbilita fit-territorju tagħhom, skond liema trattament ikun l-aħjar.

3. Il-Partijiet m'għandhomx jadottaw regolamenti jew miżuri ġodda li jiddiskriminaw fir-rigward ta' l-istabbiliment ta' kumpaniji ta' kwalunkwe Parti fit-territorju tagħhom jew fir-rigward ta' l-operazzjoni, ladarba din tiġi stabbilita, b'paragun mal-kumpaniji tagħhom stess.

4. Erba' snin wara d-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim, il-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandu jistabbilixxi l-modalitajiet sabiex jestendi d-dispożizzjonijiet ta' hawn fuq għall-istabbiliment ta' ċittadini Komunitarji jew Montenegrini sabiex iwettqu attivitajiet bħala persuni li jaħdmu għal rashom.

5. Minkejja d-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu:

(a) Is-sussidjarji u l-fergħat ta' kumpaniji Komunitarji għandhom, mid-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim, id-dritt li jużaw u jikru propjetà fil-Montenegro;

(b) Minn meta jidħol fis-seħħ dan il-Ftehim is-sussidjarji u l-fergħat ta' kumpaniji Komunitarji wkoll għandu jkollhom id-dritt li jakkwistaw u jgawdu drittijiet li jkunu sidien ta' propjetà bħall-kumpaniji Montenegrini u fir-rigward ta' kumpaniji Montengrini rispettivament fejn dawn id-drittijiet huma neċessarji għat-twettiq ta' attivitjiet ekonomiċi li għalihom huma stabbiliti.

Artikolu 54

1. Mingħajr ebda ħsara għall-Artikolu 56, ħlief għas-servizzi finanzjarji mfissra fl-Anness VI, il-Partijiet jistgħu jirregolaw l-istabbiliment u l-operazzjoni ta' kumpaniji u ċittadini fit-territorju tagħhom, kemm-il darba dawn ir-regolamenti ma jiddiskriminawx kontra l-kumpaniji u ċ-ċittadini tal-Parti l-oħra b'paragun mal-kumpaniji u ċ-ċittadini tagħhom.

2. Fir-rigward tas-servizzi finanzjarji, minkejja kwalunkwe dispożizzjoni oħra ta' dan il-Ftehim, Parti minnhom ma tistax tiġi ostakolata milli tieħu miżuri għal raġunijiet ta' prudenza, inkluż għall-ħarsien ta' investituri, depożitanti, detenturi ta' poloż jew persuni li għandhom id-dritt għal responsabbiltà fiduċjarja mingħand fornitur ta' servizzi finanzjarji, jew milli tiżgura l-integrità u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja. Dawn il-miżuri m'għandhomx jintużaw bħala mezz sabiex jiġu evitati l-obbligi tal-Parti taħt dan il-Ftehim.

3. L-ebda parti tal-Ftehim m'għandha tinftiehem li tirrikjedi lil Parti sabiex tikxef informazzjoni b'rabta ma' l-affarijiet u l-kontijiet ta' konsumaturi individwali jew kwalunkwe informazzjoni kunfidenzjali jew ta' propjetà fil-pussess ta' entitajiet pubbliċi.

Artikolu 55

1. Mingħajr ebda ħsara għal kwalunkwe dispożizzjoni miġbura fil-Ftehim Multilaterali dwar l-Istabbiliment ta' Żona Komuni Ewropeja għall-Avjazzjoni (ECAA), id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu m'għandhomx japplikaw għas-servizzi ta' trasport bl-ajru, servizzi ta' trasport fuq passaġġi interni ta' l-ilma u servizzi ta' kabotaġġ marittimu.

2. Il-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jista' jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar it-titjib ta' l-istabbiliment u l-operazzjonijiet fiż-żoni koperti mill-paragrafu 1.

Artikolu 56

1. Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 53 u 54 ma jipprekludux l-applikazzjoni, min-naħa ta' Parti minnhom, ta' regoli partikolari li jikkonċernaw l-istabbiliment u l-operazzjoni fit-territorju tagħha ta' fergħat ta' kumpaniji ta' Parti oħra li m'humiex inkorporati fit-territorju ta' l-ewwel Parti, li huma ġustifikati minn differenzi legali jew tekniċi bejn dawn il-fergħat meta mqabbla ma' fergħat ta' kumpaniji inkorporati fit-territorju tagħha jew, fir-rigward tas-servizzi finanzjarji, għal raġunijiet ta' prudenza.

2. Id-differenza fit-trattament mhux ser tmur lilhinn minn dak strettament neċessarju bħala riżultat ta' dawn id-differenzi legali jew tekniċi jew, fir-rigward tas-servizzi finanzjarji, għal raġunijiet ta' prudenza. Artikolu 57

Sabiex jiġu ffaċilitati għaċ-ċittadini Komunitarji u ċ-ċittadini tal-Montenegro t-twettiq u s-segwitu ta' attivitajiet professjonali regolati fil-Montenegro u fil-Komunità rispettivament, il-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandu jeżamina liema passi huma neċessarji għar-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki. Jista’ jieħu l-miżuri kollha li huma meħtieġa għal dak il-għan.

Artikolu 58

1. Kumpanija Komunitarja jew kumpanija Montenegrina stabbiliti fit-territorju tar-Repubblika tal-Montenegro jew fil-Komunità rispettivament għandhom ikun intitolati li jimpjegaw, jew li jimpjegaw permezz ta' waħda mis-sussidjarji jew fergħat tagħha, skond il-leġiżlazzjoni fis-seħħ fit-territorju li jospita l-istabbiliment, fit-territorju tar-Republika tal-Montenegro u tal-Komunità rispettivament, impjegati li huma ċittadini ta' l-Istati Membri jew ċittadini tal-Montenegro rispettivament, kemm-il darba dawn l-impjegati huma persunal ewlieni skond kif definit fil-paragrafu 2 u li huma impjegati esklużivament minn kumpaniji, sussidjarji jew fergħat. Il-permessi ta' residenza u ta' xogħol ta' dawn l-impjegati għandhom ikopru biss il-perjodu ta' dan l-impjegar.

2. Il-persunal ewlieni tal-kumpaniji msemmija iktar 'il fuq, hawnhekk imsemmija "organizzazzjonijiet", huma 'persuni trasferiti fi ħdan l-istess kumpanija" kif imfisser fl-ittra (c) ta' dan il-paragrafu fil-kategoriji li ġejjin, kemm-il darba l-organizzazzjoni hija persuna legali u jekk il-persuni kkonċernati ġew impjegati minnha jew kienu sħab fiha (ħlief azzjonisti bil-maġġoranza ta' l-ishma), mill-inqas matul is-sena li immedjatament tippreċedi dan iċ-ċaqliq.

(a) Persuni li jaħdmu f'kariga għolja fi ħdan organizzazzjoni, li primarjament jamministraw il-ġestjoni ta' l-istabbiliment, u li huma ssorveljati jew ikkontrollati b'mod ġenerali prinċipalment minn bord ta' diretturi jew azzjonisti tal-kumpanija jew l-ekwivalenti tagħhom inkluż:

- id-direzzjoni ta' l-istabbiliment ta' dipartiment jew subdiviżjoni ta' l-istabbiliment;

- is-sorveljanza u l-kontroll tax-xogħol ta' impjegati oħra ta' sorveljanza, ta' professjoni jew ta' ġestjoni;

- li għandhom personalment l-awtorità li jingaġġaw u jkeċċu jew li jirrakkomandaw l-ingaġġar, it-tkeċċija jew azzjonijiet oħra relatati mal-persunal.

(b) Il-persuni li jaħdmu fi ħdan organizzazzjoni u li għandhom għarfien mhux komuni li huwa essenzjali għas-servizz, għat-tagħmir ta' riċerka, għat-tekniki u l-ġestjoni ta' l-istabbiliment. Il-valutazzjoni ta' dan l-għarfien tista' tirrefletti, apparti l-għarfien speċifiku għall-istabbiliment, livell għoli ta' kwalifika dwar tip ta' ħidma jew sengħa li titlob għarfien tekniku speċifiku, inkluża s-sħubija ta' professjoni akkreditata.

(c) 'Persuna trasferita fi ħdan l-istess kumpanija" hija mfissra bħala persuna naturali li taħdem fi ħdan organizzazzjoni fit-territorju ta' parti minnhom, u li tkun temporanjament trasferita fil-kuntest tat-twettiq ta' attivitajiet ekonomiċi fit-territorju tal-parti l-oħra; Il-lokazzjoni ewlenija ta' l-organizzazzjoni kkonċernata għanda tinstab fit-territorju ta' parti minnhom u t-trasferiment għandu jsir lejn stabbiliment (fergħa, sussidjarja) ta' dik l-organizzazzjoni li effettivament twettaq attivitajiet ekonomiċi simili fit-territorju tal-parti l-oħra.

3. Id-dħul u l-preżenza temporanja fit-territorju Komunitarju jew fil-Montenegro ta' ċittadini Montengrini u ċittadini Komunitarji rispettivament għandhom jiġu approvati, meta dawn ir-rappreżentanti tal-kumpaniji huma persuni li jokkupaw kariga għolja, kif imfisser fil-paragrafu 2(a) iktar 'il fuq, fi ħdan kumpanija, u huma responsabbli mill-istabbiliment ta' sussidjarja Komunitarja jew fergħa ta' kumpanija Montenegrina jew ta' sussidjarja jew fergħa Montenegrina ta' kumpanija Komunitarja fi Stat Membru jew fir-Repubblika tal-Montenegro rispettivament, meta:

- dawk ir-rappreżentanti m'humiex involuti f'bejgħ dirett jew fl-għoti ta' servizzi, u ma jirċevux remunerazzjoni minn sors li jinsab fit-territorju li jospita l-istabbiliment, u;

- il-kumpanija għandha l-post prinċipali tan-negozju tagħha barra mill-Komunità jew mill-Montenegro, rispettivament, u m'għandha l-ebda rappreżentant, uffiċċju, fergħa jew sussidjarja f'dak l-Istat Membru jew fil-Montenegro rispettivament.

KAPITOLU III

GĦOTI TA' SERVIZZIARTIKOLU 59

1. Il-Komunità u l-Montenegro jimpenjaw ruħhom, b'konformità mad-dispożizzjonijiet li ġejjin, sabiex tieħu l-passi neċessarji sabiex progressivament tippermetti l-għoti ta' servizzi minn kumpaniji Komuntarji, kumpaniji Montenegrini jew minn ċittadini Komunitarji jew minn ċittadini Montenegrini li huma stabbiliti fit-territorju ta' Parti li mhix l-istess waħda tal-persuna li għaliha huma intiżi s-servizzi.

2. B'konformità mal-proċess ta' liberalizzazzjoni msemmi fil-paragrafu 1, il-Partijiet għandhom jippermettu l-moviment temporanju ta' persuni naturali li jagħtu s-servizz jew li huma impjegati bħala persunal ewlieni mal-fornitur ta' servizz kif imfisser fl-Artikolu 58, inklużi persuni naturali li huma rappreżentanti ta' kumpanija Komunitarja jew Montenegrina jew nazzjonali u li jixitequ dħul temporanju għall-iskop tan-negozjar għall-bejgħ ta' servizzi jew li jidħlu fi ftehimiet sabiex ibiegħu servizzi f'isem dak il-fornitur ta' servizzi, fejn dawk ir-rappreżentanti ma jkunux involuti fil-bejgħ dirett lill-pubbliku ġenerali jew fl-għoti tas-servizzi nfushom.

3. Wara 4 snin, il-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex progressivament jimplimenta d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1. Għandu jiġi kkunsidrat il-progress miksub mill-Partijiet fl-approssimazzjoni tal-liġijiet tagħhom.

Artikolu 60

1. Il-Partijiet m'għandhom jieħdu l-ebda miżura jew azzjoni li twassal sabiex il-kundizzjonijiet ta' l-għoti ta' servizzi minn ċittadini jew kumpaniji Komunitarji jew Montenegrini li huma stabbiliti f'parti li mhix dik tal-persuna destinatarja tas-servizzi jkunu aktar ristrettivi b'mod sinifikanti meta mqabbel mas-sitwazzjoni eżistenti fil-jum qabel id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim.

2. Jekk Parti minnhom hi tal-fehma li l-miżuri introdotti mill-Parti l-oħra minn meta jidħol fis-seħħ il-Ftehim iwasslu għal sitwazzjoni aktar restrittiva b'mod sinifikanti fir-rigward ta' l-għoti ta' servizzi meta mqabbel mas-sitwazzjoni eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim, din l-ewwel Parti tista' titlob lill-Parti l-oħra sabiex tibda konsultazzjonijiet.

Artikolu 61

Fir-rigward ta' l-għoti ta' sevizzi tat-trasport bejn il-Komunità u l-Montenegro, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

1. Fir-rigward ta' trasport fuq l-art, il-Protokoll 4 jistabbilixxi r-regoli applikabbli għar-relazzjoni bejn il-Partijiet għall-iżgurar, partikolarment, ta' traffiku ħieles ta' tanżitu fuq it-toroq madwar il-Montenegro u l-Komunità kollha, l-applikazzjoni effettiva tal-prinċipju tan-nuqqas ta' diskriminazzjoni u l-armonizzazzjoni progressiva tal-leġiżlazzjoni dwar it-trasport tal-Montenegro ma' dik tal-Komunità.

2. Fir-rigward tat-trasport marittimu internazzjonali, il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li japplikaw b'mod effettiv il-prinċipju ta' aċċess ħieles għas-swieq marittimi internazzjonali fuq bażi kummerċjali, u li jirrispettaw l-obbligi internazzjonali u Ewropej fil-qasam ta' l-istandards tas-sikurezza, tas-sigurtà u dawk ambjentali.

Il-Partijiet jaffermaw l-impenn tagħhom għal ambjent kompetittiv ħieles bħala fattur essenzjali tat-trasport marittimu internazzjonali.

3. Fl-applikazzjoni tal-prinċipji tal-paragrafu 2, il-Partijiet għandhom:

(a) ma jinkludux klawżoli dwar qsim ta' merkazija ( cargo-sharing clauses) fi ftehimiet bilaterali ġejjiena ma' pajjiżi terzi;

(b) minn meta jidħol fis-seħħ dan il-Ftehim ineħħu kwalunkwe miżura unilaterali u ostakli amministrattivi, teknikċi u oħrajn b'effetti restrittivi jew diskriminatorji fuq l-għoti ħieles ta' servizzi fit-trasport marittimu interazzjonali.

(c) Kull Parti għandha tagħti, inter alia , trattament mhux inqas favorevoli għall-bastimenti operati minn ċittadini jew kumpaniji tal-Parti l-oħra minn dak mogħti lill-bastimenti tal-Parti nnifisha fir-rigward ta' l-aċċess għall-portijiet miftuħa għall-kummerċ internazzjonali, l-użu ta' l-infrastruttura u ta' servizzi awżiljarji marittimi tal-portijiet, kif ukoll fir-rigward ta' tariffi u ħlasijiet, faċilitajiet tad-dwana u l-assenjazzjoni ta' rmiġġ u ta' faċilitajiet ta' tagħbija u ħatt.

4. Bil-għan ta' l-iżgurar ta' żvilupp ikkoordinat u liberalizzazzjoni progressiva tat-trasport bejn il-Partijiet adatti għall-ħtiġiet kummerċjali reċiproċi tagħhom, il-kundizzjonijiet ta' l-aċċess tas-suq reċiproku fit-trasport bl-ajru għandu jiġi indirizzat permezz tal-Ftehim Multilaterali dwar l-Istabbiliment ta' Żona Ewropea Komuni għall-Avjazzjoni (ECAA).

5. Qabel jintlaħaq il-ftehim imsemmi fil-paragrafu 4, il-Partijiet m'għandhom jieħdu l-ebda miżura jew azzjoni li huma iktar restrittivi jew diskriminatorji meta mqabbla mas-sitwazzjoni eżistenti qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim.

6. Il-Montenegro għandu jadatta l-leġiżlazzjoni tiegħu, inklużi r-regoli amministrattivi, tekniċi u oħrajn, għal dawk Komunitarji eżistenti fi kwalunkwe żmien fil-qasam tat-trasport ta' l-ajru, marittimu, passaġġi interni ta' l-ilma u fuq l-art kemm-il darba jservu għal għanijiet ta' liberalizzazzjoni u aċċess reċiproku għas-swieq tal-Partijiet u għall-iffaċilitar tal-moviment ta' passiġġieri u ta' prodotti.

7. B'konformità mal-progress komuni fil-kisba ta' l-għanijiet ta' dan il-Kapitolu, il-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandu jeżamina l-kundizzjonijiet neċessarji għal titjib fil-libertà għall-għoti ta' servizzi ta' trasport bl-ajru, fuq l-art u b'passaġġi interni ta' l-ilma.

KAPITOLU IVPAGAMENTI KURRENTI U MOVIMENT TAL-KAPITAL

Artikolu 62

Il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jawtorizzaw, f'munita liberament konvertibbli, skond id-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu VIII ta' l-Artikoli tal-Ftehim tal-Fond Monetarju Internazzjonali, kwalunkwe pagament u trasferimenti fil-kont kurrenti ta' bilanċ ta' pagamenti bejn il-Komunità u l-Montenegro.

Artikolu 63

1. Fir-rigward ta' tranżazzjonijiet fuq il-kont kapitali u finanzjarju tal-bilanċ tal-pagamenti, minn meta jidħol fis-seħħ dan il-Ftehim, il-Partijiet għandhom jiżguraw il-moviment ħieles ta' kapital relatat ma' investimenti diretti f'kumpaniji ffurmati skond il-liġijiet tal-pajjiż ospitanti u investimenti magħmula skond id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II tat-Titolu V, u l-likwidazzjoni jew ir-ripatrijazzjoni ta' dawn l-investimenti u kwalunkwe profitt li joħroġ minnhom.

2. Fir-rigward ta' tranżazzjonijiet fuq il-kont kapitali u finanzjarju tal-bilanċ tal-pagamenti, minn meta jidħol fis-seħħ dan il-Ftehim, il-Partijiet għandhom jiżguraw il-moviment ħieles ta' kapital b'rabta ma' krediti relatati ma' tranżazzjonijiet kummerċjali jew ma' l-għoti ta' servizzi li fihom jipparteċipa resident ta' waħda mill-Partijiet, u għal għoti b'self u krediti finanzjarji, b'maturità itwal minn sena.

3. Minn meta jidħol fis-seħħ dan il-Ftehim, il-Montenegro għandu jikkonċedi trattament nazzjonali liċ-ċittadini ta' l-UE li jakkwsitaw proprjetà fit-territorju tiegħu.

4. Minn meta jidħol fis-seħħ dan il-Ftehim, il-Komunità u l-Montenegro għandhom jiżguraw ukoll il-moviment ħieles ta' kapital relatat ma' investiment ta' portafoll u għoti b'self u krediti finanzajrju b'maturità iqsar minn sena.

5. Mingħajr ebda ħsara għall-paragrafu 1, il-Partijiet m'għandhom jintroduċu l-ebda restrizzjoni ġdida dwar il-moviment ta' kapital u pagamenti kurrenti bejn residenti Komunitarji u Montenegrini u m'għandhomx jirrestrinġu l-arranġamenti eżistenti.

6. Mingħajr ebda ħsara għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 62 u ta' dan l-Artikolu, fejn, f'ċirkostanzi eċċezzjonali, il-movimenti ta' kapital bejn il-Komunità u l-Montenegro jikkawżaw, jew jheddu li jikkawżaw, diffikultajiet serji għall-ħidma tal-politika dwar ir-rata tal-kambju jew għall-politika monetarja fil-Komunità jew fil-Montenegro, il-Komunità u l-Montenegro, rispettivament, jistgħu jieħdu miżuri ta' salvagwardja fir-rigward tal-movimenti tal-kapital bejn il-Komunità u l-Montnenegro għal perjodu li ma jaqbiżx is-6 xhur jekk dawn il-miżuri jkunu strettament neċessarji.

7. L-ebda parti tal-Ftehim m'għandha tinfitiehem li tillimita d-drittijiet ta' l-operaturi ekonomiċi tal-Partijiet milli jgwadu minn trattament aktar favorevoli li jista' jkun previst fi kwalunkwe Ftehim bilaterali jew multilaterali li jinvolvi l-Partijiet ta' dan il-Ftehim.

8. Il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin bil-għan li jiffaċilitaw il-moviment ta' kapital bejn il-Komunità u l-Montenegro sabiex jippromwovu l-għanijiet ta' dan il-Ftehim.

Artikolu 64

1. Matul l-ewwel sena wara d-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim, il-Komunità u l-Montenegro għandhom jieħdu miżuri li jippermettu l-ħolqien tal-kundizzjonijiet neċessarji għall-applikazzjoni gradwali ulterjuri tar-regoli Komunitarji dwar il-moviment ħieles tal-kapital.

2. Sa tmiem it- tieni sena mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim, il-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandu jiddettermina l-modalitajiet għall-applikazzjoni sħiħa tar-regoli Komunitarji dwar il-moviment ta' kapital fil-Montenegro.

KAPITOLU VDISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 65

1. Id-dispożizzjonijiet ta' dan it-Titolu għandhom jiġu applikati skond limitazzjonijiet ġustifikati fuq il-bażi ta' ordni pubbliku, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika.

2. M'għandhomx japplikaw għal attivitajiet li fit-territorju ta' kwalunkwe waħda mill-Partijiet huma marbuta, anke okkażjonalment, ma' l-eżerċizzju ta' l-awtorità uffiċjali.

Artikolu 66

Għall-iskopijiet ta' dan it-Titlolu, l-ebda parti minn dan il-Ftehim m'għandha tostakola lill-Partijiet milli japplikaw il-liġijiet u r-regolamenti tagħhom fir-rigward tad-dħul u s-soġġorn, l-impjiegi, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, l-istabbiliment ta' persuna naturali u l-għoti ta' servizzi, notevolment fir-rigward ta' l-għoti, it-tiġdid jew ir-rifjut ta' permess ta' residenza, kemm-il darba meta jsir dan ma japplikawhomx b'tali manjiera li tħassar jew iddgħajjef il-benefiċċji li jakkumulaw għal kwalunkwe Parti taħt it-termini ta' dispożizzjoni speċifika ta' dan il-Ftehim. Din id-dispożizzjoni m'għandha tkun ta' l-ebda ħsara għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 65.

Artikolu 67

Il-kumpaniji li huma kkontrollati minn kumpaniji Montenegrini jew minn ċittadini Montenegrini jew Komunitarji, jew li huma esklussivament propjetà konġunta tagħhom, għandhom ikunu koperti mid-dispożizzjonijiet ta' dan it-Titolu wkoll. Artikolu 68

1. It-trattament ta' Nazzjon Privileġġat mogħti skond id-dispożizzjonijiet ta' dan it-Titolu m'għandux japplika għall-vantaġġi fiskali li l-Partijiet jipprovdu jew ser jipprovdu fil-ġejjieni fuq il-bażi tal-Ftehimiet imfassla sabiex jiġu evitati t-taxxa doppja jew arranġamenti fiskali oħra.

2. L-ebda dispożizzjoni minn dan it-Titolu m'għandha tiġi interpretata sabiex tiġi ostakolata l-adozzjoni jew it-tisħiħ, min-naħa tal-Partijiet, ta' kwalunkwe miżura bil-għan li ma jitħallsux jew jiġu evitati t-taxxi skond id-dispożizzjonijiet fiskali tal-Ftehim sabiex jiġu evitati t-taxxa doppja u arranġamenti fiskali oħra jew il-leġiżlazzjoni fiskali domestika.

3. L-ebda dispożizzjoni minn dan it-Titolu m'għandha tiġi interpretata sabiex tostakola lill-Istati Membri u lill-Montenegro milli japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni fiskali tagġhom, milli ssir distinzjoni bejn min iħallas it-taxxa abbażi tas-sitwazzjoni differenti tagħhom, partikolarment fir-rigward tal-post tar-residenza tagħhom.

Artikolu 69

1. Il-Partijiet għandhom jagħmlu kull sforz possibbli sabiex jevitaw l-impożizzjoni ta' miżuri restrittivi, inklużi miżuri relatati ma' l-importi, għal skopijiet ta' bilanċ ta' pagamenti. Il-Parti li tadotta dawn il-miżuri għandha mill-aktar fis tibgħat skeda għat-tneħħija tagħhom lill-Parti l-oħra.

2. Meta Stat Membru ta' l-Unjoni Ewropea jew aktar jew il-Montenegro jsibu ruħhom f'diffikultajiet serji dwar bilanċ ta' ħlasijiet, jew ikun hemm theddida imminenti ta' dan, il-Komunità jew il-Montenegro jistgħu, skond il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim tal-WTO, jadottaw miżuri restrittivi, inklużi miżuri dwar l-importazzjoni, li jkunu għal żmien limitat u li ma jmorrux 'il hinn minn dak strettament meħtieġ biex jinstab rimedju għall-qagħda tal-bilanċ tal-ħlasijiet. Il-Komunità u l-Montenegro għandhom jgħarrfu lill-Parti l-oħra minnufih.

3. Kwalunkwe miżura restrittiva m'għandhiex tapplika għal trasferimenti relatati ma' investiment u partikolarment għal ripatrijazzjoni ta' ammonti investiti jew investiti mill-ġdid jew għal kull xorta ta' dħul li ġej minnhom.

Artikolu 70

Id-dispożizzjonijiet ta' dan it-Titolu għandhom jiġu aġġustati progressivament, speċjalment fid-dawl tar-rekwiżiti li joħorġu mill-Artikolu V tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS).

Artikolu 71

Id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim m'għandhomx ikunu ta' ħsara għall-applikazzjoni, min-naħa ta' kwalunkwe Parti, tal-miżuri neċessarji għall-prevenzjoni ta' l-evazjoni tal-miżuri tagħha fir-rigward ta' l-aċċess għas-swieq tagħha minn pajjiżi terzi permezz tad-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim.

TITOLU VI APPROSSIMAZZJONI TAL-LIĠIJIET, INFURZAR TAL-LIĠI U REGOLI TAL-KOMPETIZZJONI

Artikolu 72

1. Il-Partijiet għandhom jirrikonoxxu l-importanza ta' l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti fil-Montenegro lejn dik tal-Komunità u ta' l-implimentazzjoni effettiva tagħha. Il-Montenegro għandu jagħmel kull sforz sabiex jiżgura li l-liġijiet eżistenti u l-leġiżlazzjoni ġejjiena tiegħu gradwalment isiru kompatibbli ma' l- acquis tal-Komunità. Il-Montenegro ser jiżgura li l-leġiżlazzjoni eżistenti u ġejjiena tiġi implimentata u infurzata b'mod xieraq.

2. L-approssimazzjoni ser tibda mid-data ta' l-iffirmar ta' dan il-Ftehim, u gradwalment ser testendi għall-elementi kollha ta' l- acquis Komunitarju msemmija f'dan il-Ftehim sa tmiem il-perjodu tranżitorju definit fl-Artikolu 8 ta' dan il-Ftehim.

3. Fi stadju bikri l-approssimazzjoni għandha tiffoka fuq l-elementi fundamentali ta' l- acquis tas-Suq Intern, inkluża l-leġiżlazzjoni tas-settur finanzjarju, il-Ġustizzja, il-Libertà u s-Sigurtà kif ukoll l-oqsma relatati mal-kummerċ. Fi stadju sussegwenti, il-Montenegro ser jiffoka fuq il-bqija tal-partijiet ta' l- acquis .

L-approssimazzjoni ser titwettaq fuq il-bażi ta' programm li għandu jinftiehem bejn il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u l-Montenegro.

4. Il-Montenegro għandu wkoll jiddefinixxi, bi ftehim mal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, il-modalitajiet għall-monitoraġġ ta' l-implimentazzjoni ta' l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni u ta' azzjonijiet ta' infurzar tal-liġi li għandhom jittieħdu.

Artikolu 73 Kompetizzjoni u disposizzjonijiet ekonomiċi oħra

1. Dawn li gejjin m'humiex kompatibbli mal-funzjonament xieraq tal-Ftehim, kemm-il darba jolqtu l-kummerċ bejn il-Komunità u l-Montenegro:

(i) kull ftehim bejn impriżi, deċiżjonijiet ta' assoċjazzjonijiet ta' impriżi u prattika konġunta bejn impriżi li l-għan jew l-effett tagħhom huwa li jostakolaw, jirrestrinġu jew jiddeformaw il-kompetizzjoni;

(ii) abbuż minn impriża waħda jew iktar ta' pożizzjoni dominanti fit-territorji tal-Komunità jew tal-Montenegro kollha kemm huma jew f'parti sostanzjali minnhom;

(iii) kull għajnuna Statali li tiddeforma l-kompetizzjoni billi tiffavorixxi lil ċerti impriżi jew ċerti prodotti.

2. Kull prattika kuntrarja għal dan l-Artikolu għandha tkun ivvalutata skond kriterji li joħorġu mill-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli fil-Komunità, partikolarment ta' l-Artikoli 81, 82, 86 u 87 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u strumenti ta' interpretazzjoni adottati mill-istituzzjonijiet Komunitarji.

3. Il-Partijiet għandhom jassiguraw li jkun hemm entità pubblika b'funzjoni indipendenti li jkollha s-setgħat meħtieġa għall-applikazzjoni sħiħa tal-paragrafu 1(i) u (ii) ta' dan l-Artikolu, dwar impriżi privati u pubbliċi u impriżi li jkunu ngħatawlhom drittijiet speċjali.

4. Il-Montenegro għandu jistabbilixxi awtorità operattiva indipendenti li jkollha s-setgħat meħtieġa għall-applikazzjoni sħiħa tal-paragrafu 1(iii) ta' dan l-Artikolu fi żmien sena mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim. Din l-awtorità għandu jkollha, inter alia , is-setgħat li tawtorizza skemi ta' għajnuna Statali u għoti ta' għajnuna individwali skond il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, kif ukoll is-setgħat biex tordna l-irkupru ta' għajnuna Statali mogħtija bi ksur tal-liġi.

5. Il-Komunità fuq in-naħa l-waħda u l-Montenegro fuq in-naħa l-oħra għandhom jiżguraw trasparenza fil-qasam ta' l-għajnuna Statali, i nter alia billi jipprovdu rapport annwali regolari lill-Partijiet l-oħra, li jsegwi l-metodoloġija u l-preżentazzjoni ta' l-istħarriġ Komunitarju dwar l-għajnuna Statali. Fuq talba ta' Parti minnhom, il-Parti l-oħra għandha tipprovdi tagħrif dwar każi individwali partikolari ta' għajnuna statali.

6. Il-Montenegro għandu jistabbilixxi inventarju komprensiv ta' skemi ta' għajnuna qabel l-istabbiliment ta' l-awtorità msemmija fil-paragrafu 4 u għandu jikkonverġi dawn l-iskemi ta' għajnuna mal-kriterji msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu fi żmien perjodu ta' mhux iktar minn 4 snin wara d-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim.

7. (a) Għall-iskopijiet ta' l-applikazzjoni tal-paragrafu 1(iii), il-Partijiet jirrikonoxxu li matul l-ewwel ħames snin wara d-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim, kwalunkwe għajnuna pubblika mogħtija mill-Montenegro għandha tiġi vvalutata b'kunsiderazzjoni tal-fatt li l-Montenegro ser jitqies bħala żona identika għal dawk iż-żoni Komunitarji mfissra fl-Artikolu 87(3) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

(b) Fi żmien 4 snin mid-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim, il-Montenegro għandu jressaq quddiem il-Kumissjoni tal-Komunitajiet Ewropej iċ-ċifri tal-PGD għal kull ras armonizzati fuq il-livell ta' NUTS II. L-awtorità msemmija fil-paragrafu 4 u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej imbagħad għandhom jevalwaw flimkien l-eliġibbiltà tar-reġjuni tal-Montenegro kif ukoll l-intensitajiet massimi ta' għajnuna fir-rigward tagħhom sabiex ifasslu pjan għall-għajnuna reġjonali msejjes fuq il-linji gwida Komunitarji rilevanti.

8. Kif xieraq, il-Protokoll 5 jistabbilixxi r-regoli dwar l-għajnuna statali għall-industrija ta' l-azzar. Il-protokoll jistabbilixxi r-regoli applikabbli fil-każ li tingħata għajnuna ta' ristrutturar lill-industrija ta' l-azzar. Huwa jenfasizza x-xejra eċċezzjonali ta' din l-għajnuna u l-fatt li l-għajnuna tkun għal żmien limitat u tkun marbuta mal-kapċità ta' tnaqqis fi ħdan il-qafas tal-programmi ta' vijabbiltà.

9. Fir-rigward tal-prodotti msemmija fil-Kapitolu II tat-Titolu IV;

- il-paragrafu 1 (iii) m'għandux japplika;

- kwalunkwe prattika kuntrarja għall-paragrafu 1(i) għandha tiġi vvalutata skond il-kriterji stabbiliti mill-Komunità skond l-Artikoli 36 u 37 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u strumenti Komunitarji speċifiċi adottati fuq din il-bażi.

10. Jekk waħda mill-partijiet jidhrilha li prattika partikolari hija inkompatibbli ma' dak imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, hija tista' tieħu miżuri xierqa wara konsultazzjonijiet mal-Kumitat ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jew wara tletin jum tax-xogħol wara li r-riferiment għall-konsultazzjoni.L-ebda parti f'dan l-Artikolu m'għandha tkun ta' ħsara jew tolqot bi kwalunkwe mod, it-teħid, mill-Komunità jew mill-Montenegro, ta' miżuri kompensatorji konformi ma' l-Artikoli rilevanti tal-GATT 1994 u l-Ftehim tal-WTO dwar Sussidji u Miżuri Kompensatorji u l-leġiżlazzjoni interna rilevanti rispettiva.

Artikolu 74 Impriżi pubbliċi

Sa tmiem it-tielet sena wara d-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim il-Montenegro għandu japplika l-prinċipji stabbiliti fit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, b'referenza partikolari għall-Artikolu 86, għall-impriżi pubbliċi u l-impriżi li jkunu ngħataw drittijiet speċjali u esklużivi.

Id-drittijiet speċjali ta' l-impriżi pubbliċi matul il-perjodu tranżitorju m'għandhomx jinkludu l-possibbiltà li jiġu imposti restrizzjonijiet kwantitattivi jew miżuri b'effett ekwivalenti għall-importazzjonijiet Komunitarji fil-Montenegro.

Artikolu 75 Proprjetà intelletwali, industrijali u kummerċjali

1. Skond id-disposizzjonijiet ta' dan l-Artikolu u ta' l-Anness VII, il-Partijiet jikkonfermaw kemm huwa importanti li jkun assigurat il-ħarsien xieraq u effettiv u t-tisħiħ tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, industrijali u kummerċjali.

2. Fir-rigward tar-rikonoxximent u l-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, industrijali u kummerċjali, malli jidħol fis-seħħ dan il-Ftehim il-Partijiet għandhom jagħtu lill-kumpaniji u liċ-ċittadini ta' xulxin trattament mhux inqas favorevoli minn dak li jagħtu lil kwalunkwe pajjiż terz taħt ftehimiet bilaterali.

3. Il-Montenegro għandu jieħu l-miżuri neċessarji biex jiggarantixxi, mhux iktar tard minn tliet snin mid-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim, livell ta' protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali, industrijali u kummerċjali simili għal dik eżistenti fil-Komunità, inklużi mezzi effettivi għall-infurzar ta' dawn id-drittijiet.

4. Il-Montenegro għandu jaċċetta, fi żmien il-perjodu msemmi iktar 'il-fuq, il-konvenzjonijiet multilaterali dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, industrijali u kummerċjali msemmija fl-Anness VII. Il-Kumitat ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jista' jiddeċiedi li jobbliga lill-Montenegro jaċċetta l-Konvenzjonijiet multilaterali speċifiċi f'dan il-qasam.

5. Jekk ikun hemm problemi fil-qasam tal-proprjetà intelletwali, industrijali u kummerċjali li jolqtu l-kundizzjonijiet tal-kummerċ, dawn għandhom jitressqu minnufih quddiem il-Kumitat ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, fuq talba ta' kwalunkwe Parti, bl-għan li tintlaħaq soluzzjoni sodisfaċenti għaż-żewg naħat.

Artikolu 76 Akkwist pubbliku

1. Il-Komunità u l-Montenegro jikkunsidraw li l-liberalizzazzjoni ta' l-għoti ta' kuntratti pubbliċi fuq il-bażi tan-nuqqas ta' diskriminazzjoni u r-reċiproċità, partikolarment skond ir-regoli tal-WTO, bħala għan mixtieq.

2. Minn meta jidħol fis-seħħ dan il-Ftehim, il-kumpaniji Montenegrini, irrelvanti mill-fatt jekk humiex stabbiliti fil-Komunità jew le, għandhom jingħataw aċċess għal proċeduri ta' għotja ta' kuntratti fil-Komunità skond ir-regoli Komunitarji ta' akkwist taħt trattament mhux inqas favorevoli minn dak mogħti lil kumpaniji Komunitarji.Id-dispożizzjonijiet ta' hawn fuq japplikaw ukoll għal kuntratti fis-settur tas-servizzi ladarba l-gvern tal-Montenegro jadotta l-leġiżlazzjoni li tintroduċi r-regoli Komunitarji f'dan il-qasam. Minn żmien għal żmien il-Komunità għandha teżamina jekk il-Montenegro jkunx fil-fatt introduċa din il-leġiżlazzjoni.

3. Minn meta jidħol fis-seħħ dan il-Ftehim, il-kumpaniji Komunitarji stabbiliti fil-Montenegro taħt id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II tat-Titolu V għandhom jingħataw aċċess għal proċeduri ta' għoti ta' kuntratti fil-Montenegro taħt trattament mhux inqas favorevoli minn dak mogħti lil kumpaniji Montenegrini.

4. Minn meta jidħol fis-seħħ dan il-ftehim, il-kumpaniji Komunitarji li m'humiex stabbiliti fil-Montenegro għandhom jingħataw aċċess għal proċeduri ta' għotja ta' kuntratti fil-Montenegro taħt trattament mhux inqas favorevoli minn dak mogħti lil kumpaniji Montenegrini.

5. Minn żmien għal żmien il-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandu jeżamina l-possibbiltà li l-Montenegro jintroduċi aċċess għal proċeduri ta' għoti ta' kuntratti fil-Montenegro għall-kumpaniji Komunitarji kollha. Kull sena l-Montenegro għandu jirrapporta lill-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni dwar il-miżuri li jkun ħa sabiex isaħħaħ it-trasparenza u jipprovdi analiżi ġudizzjarja effettiva tad-deċiżjonijiet fil-qasam ta' l-akkwist pubbliku.

6. Fir-rigward ta' l-istabbiliment, l-operazzjonijiet, u l-għoti ta' servizzi bejn il-Komunità u l-Montenegro, kif ukoll dwar l-impjiegi u l-moviment tal-ħaddiema marbuta mat-twettiq tal-kuntratti pubbliċi, huma applikabbli d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 49-64.

Artikolu 77 Valutazzjoni ta' l-istandardizzazzjoni, tal-metroloġija, ta' l-akkreditazzjoni u tal-konformità

1. Il-Montnenegro għandu jieħdu kull miżura neċessarja sabiex gradwalment jikseb il-konformità mar-regolamenti tekniċi Komunitarji u mal-proċeduri Ewropej tal-valutazzjoni ta' l-istandardizzazzjoni, il-metroloġija, l-akkreditazzjoni u l-konformità.

2. Għal dan il-għan, il-Partijiet għandhom:

- jippromwovu l-użu tar-regolamenti tekniċi Komunitarji, standards Ewropej u proċeduri tal-valutazzjoni tal-konformità

- jipprovdu għajnuna għat-trawwim ta' l-iżvilupp ta' infrastruttura ta' kwalità: valutazzjoni ta' l-istandardizzazzjoni, tal-metroloġija, ta' l-akkreditazzjoni u tal-konformità;

- jippromwovu l-parteċipazzjoni tal-Montenegro fil-ħidma ta' organizzazzjonijiet relatati ma' l-istandards, il-valutazzjoni tal-konformità, il-metroloġija u funzjonijiet simili (eż. CEN, CENELEC, ETSI, EA, WELMEC, EUROMET eċċ).

- Fejn xieraq, jikkonkludi Ftehim dwar il-Valutazzjoni tal-Konformità u l-Aċċettazzjoni ta' Prodotti Industrijali ladarba l-qafas u l-proċeduri leġiżlattivi tal-Montenegro jkunu biżżejjed konformi ma' dawk Komunitarji u jinkiseb l-għarfien xieraq.

Artikolu 78 Protezzjoni tal-konsumatur

Il-Partijiet għandhom jikkooperaw sabiex jikkonverġu l-istandards tal-protezzjoni tal-konsumatur tal-Montenegro ma' dawk Komunitarji. Il-Protezzjoni effettiva tal-konsumatur hija neċessarja biex ikun żgurat li l-ekonomija tas-suq tiffunzjona sew, u din il-protezzjoni ser tiddpenedi fuq l-iżvilupp ta' infrastruttura amministrattiva li tiżgura s-sorveljanza tas-suq u l-infurzar tal-liġi f'dan il-qasam.

Għal dan il-għan, u għall-finijiet ta' l-interessi komuni tagħhom, il-Partijiet għandhom jinkoraġixxu u jiżguraw:

- politika ta' protezzjoni attiva tal-konsumatur, skond il-liġi tal-Komunità, inklużi ż-żieda ta' l-informazzjoni u l-iżvilupp ta' organizzazzjonijiet indipendenti;

- l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur tal-Montenegro ma' dik fis-seħħ fil-komunità.

- il-protezzjoni effettiva u legali tal-konsumatur sabiex tittejjeb il-kwalità tal-prodotti tal-komsumatur u jinżammu standards xierqa ta' sikurezza.

- il-monitoraġġ tar-regoli mill-awtoritajiet kompetenti u l-għoti ta' aċċess għall-ġustizzja meta jinqalgħu il-kwistjonijiet;

- l-iskambju ta' informazzjoni dwar prodotti perikolużi.

Artikolu 79 Kundizzjonijiet tax-xogħol u opportunitajiet indaqs

Il-Montenegro għandu progressivament jarmonizza l-leġiżlazzjoni tiegħu ma' dik tal-Komunità fl-oqsma tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, notevolment dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, u l-opportunitajiet indaqs.

TITOLU VIIĠUSTIZZJA, LIBERTÀ U SIGURTÀ

Artikolu 80 Tisħiħ ta' l-istituzzjonijiet u ta' stat tad-dritt

Fil-kooperazzjoni tagħhom dwar il-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà, il-Partijiet għandhom jagħtu importanza partikolari għall-konsolidazzjoni ta' l-istat tad-dritt, it-tisħiħ ta' l-istituzzjonijiet fil-livelli kollha fl-oqsma ta' l-amministrazzjoni b'mod ġenerali u l-infurzar tal-liġi u l-amministrazzjoni tal-ġustizzja b'mod partikolari. Notevolment, il-kooperazzjoni ser ikollha l-għan li ssaħħaħ l-indipendenza tal-ġudikatura u t-titjib ta' l-effiċjenza tagħha, it-titjib tal-funzjonament tal-pulizija u ta' entitajiet oħra ta' l-infurzar tal-liġi, fl-għoti ta' taħriġ xieraq u fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata.

Artikolu 81 Protezzjoni tad-data personali

Malli jidħol fis-seħħ dan il-Ftehim, il-Montenegro għandu jarmonizza l-leġiżlazzjoni tiegħu fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali mal-liġi tal-Komunità u ma' leġiżlazzjoni oħra Ewropea u internazzjonali dwar il-privatezza. Il-Montenegro ser jistabbilixxi entità ta' sorveljanza waħda, jew iżjed, b'riżorsi finanzjarji u umani suffiċjenti sabiex jissorvelja u jiggarantixxi t-tisħiħ tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad- data personali b'mod effiċjenti. Il-Partijiet ser jikkooperaw sabiex jinkiseb dan il-għan.

Artikolu 82 Viża, ġestjoni tal-fruntieri, ażil u emigrazzjoni

Il-Partijiet għandhom jikkooperaw fl-oqsma tal-viża, tal-kontroll tal-fruntieri, ta' l-ażil u ta' l-emigrazzjoni u għandhom jistabbilixxu qafas għall-kooperazzjoni, inkluża dik fuq livell reġjonali, f'dawn l-oqsma, b'kunsiderazzjoni u permezz ta' użu sħiħ ta' inizjattivi eżistenti oħra f'dan il-qasam kif xieraq.

Il-kooperazzjoni fil-kwistjonijiet elenkati hawn fuq ser ikunu msejsa fuq konsultazzjonijiet reċiproċi u koordinazzjoni mill-qrib bejn il-Partijiet u għandha tinkludi għajnuna teknika u amministrattiva għal:

- l-iskambju ta' informazzjoni dwar leġiżlazzjoni u prattiċi;

- l-abbuzzar ta' leġiżlazzjoni;

- it-tisħiħ ta' l-effiċjenza ta' l-istituzzjonijiet;

- it-taħriġ tal-persunal;

- is-sigurtà tad-dokumenti ta' l-ivvjaġġar u l-iskoperta ta' dokumenti foloz;

- il-ġestjoni tal-fruntieri;

Il-kooperazzjoni ser tiffoka partikolarment fuq:

- il-qasam ta' l-ażil dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali sabiex tkun konformi ma' l-istandards tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra ta' l-1951 u mal-Protokoll ta' New York ta' l-1967 biex b'hekk ikun żgurat li l-prinċipju ta' "non-refoulment" , kif ukoll drittijiet oħra ta' min ifittex ażil u għar-refuġjati jiġu rrispettati.

- il-qasam ta' l-emigrazzjoni legali, dwar regoli u drittijiet tad-dħul u l-istatus tal-persuna li tiddaħħal. Fir-rigward ta' l-emigrazzjoni, il-partijiet jaqblu dwar it-trattament ġust taċ-ċittadini ta' pajjżi oħra li jirrisjedu legalment fit-territorji tagħhom u dwar il-promozzjoni ta' politika ta' integrazzjoni sabiex id-drittijiet u l-obbligi tagħhom ikunu komparabbli ma' dawk taċ-ċittadini tagħhom.

Artikolu 83 Prevenzjoni u kontroll ta' l-immigrazzjoni illegali; dħul mill-ġdid

Il-Partijiet għandhom jikkooperaw għall-prevenzjoni u l-kontroll ta' l-immigrazzjoni illegali. Għalhekk, il-Montenegro u l-Istati Membri jaqblu li jdaħħlu mill-ġdid kwalunkwe ċittadini illegali fit-territorju tagħhom u l-Partijiet jaqblu wkoll (sabiex jiftiehmu( u jimplimentaw bis-sħiħ ftehim ta' dħul mill-ġdid, inkluż l-obbligu għad-dħul mill-ġdid taċ-ċittadini ta' pajjiżi oħra u ta' ċittadini mingħajr stat.

L-Istati Membri u l-Montenegro ser jipprovdu liċ-ċittadini tagħhom b'dokumenti xierqa ta' identità u ser jestendulhom il-faċilitajiet amministrattivi neċessarji għal dawn il-finijiet.

Il-proċeduri speċifiċi għall-għan tad-dħul mill-ġdid taċ-ċittadini, taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi u tal-persuni mingħajr stat huma stipulati fil-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Montenegro dwar id-dħul mill-ġdid ta' persuni mingħajr awtorizzazzjoni ta' residenza.

Il-Montenegro jaqbel li jikkonkludi ftehimiet ta' dħul mill-ġdid mal-pajjiżi fil-proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u jimpenja ruħu li jieħu kwalunkwe miżura neċessarja sabiex jiżgura l-implimentazzjoni flessibbli u rapida tal-ftehimiet kollha dwar id-dħul mill-ġdid imsemmija f'dan l-artikolu.

Il-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandu jistabbilixxi sforzi konġunti oħra li jistgħu jsiru għall-prevenzjoni u l-kontroll ta' l-immigrazzjoni illegali, inklużi n-netwerks tat-traffikar u ta' l-immigrazzjoni illegali.

Artikolu 84 Ħasil ta' flus u ffinanzjar tat-terroriżmu

1. Il-Partijiet għandhom jikkooperaw sabiex jostakolaw l-użu tas-sistemi finanzjarji tagħhom għall-ħasil ta' flus minn attivitajiet kriminali in ġenerali u partikolarment offiżi dwar drogi, kif ukoll għall-għan ta' l-iffinanzjar tat-terroriżmu.

2. Il-kooperazzjoni f'dan il-qasam tista' tinkludi l-għajnuna amministrattiva u teknika bil-għan ta' l-iżvilupp ta' l-implimentazzjoni tar-regolamenti u ta' l-iffunzjonar effiċjenti ta' l-istandards u l-mekkaniżmi xierqa għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u ta' l-iffinanzjar tat-terroriżmu ekwivalenti għal dawk adottati mill-Komunità u mill-fora internazzjonali f'dan il-qasam, partikolarment it-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja (FATF).

Artikolu 85 Kooperazzjoni dwar drogi illegali

1. Fi ħdan is-setgħat u l-kompetenzi rispettivi tagħhom, il-Partijiet għandhom jikkooperaw għall-iżgurar ta' strateġija bbilanċjata u integrata fir-rigward ta' kwistjonijiet dwar drogi. Il-politika u l-azzjonijiet dwar id-drogi għandu jkollhom l-għan li jsaħħu l-istrutturi għall-ġlieda kontra d-drogi, it-tnaqqis tal-forniment, it-traffikar ta' u d-domanda għal drogi illegali, it-trattament tal-konsegwenzi soċjali u fuq is-saħħa u kif ukoll li jkun hemm kontroll iktar effettiv tal-prekursuri.

2. Il-Partijiet għandhom jiftiehmu dwar il-metodi neċessarji ta' kooperazzjoni għall-ksib ta' dawn l-għanijiet. L-azzjonijiet għandhom ikunu msejsa fuq prinċipji miftiehma skond l-Istrateġija Ewropea dwar id-Drogi.

Artikolu 86 Prevenzjoni u ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u attivitajiet illegali oħrajn

Il-Partijiet għandhom jikkooperaw dwar il-ġlieda kontra u l-prevenzjoni ta' attivitajiet kriminali u illegali, organizzati jew m'humiex, bħal:

- il-kuntrabandu u t-traffikar ta' bnedmin;

- attivitajiet ekonomiċi illegali, partikolarment l-iffalsifikar ta' mezzi tal-ħlas kemm fi flus u oħrajn li m'humiex, tranżazzjonijiet illegali fuq prodotti bħall-iskart industrijali, materjal radjoattiv u tranżazzjonijiet li jinvolvu prodotti illegali, iffalsifikati jew ta' piraterija;

- il-korruzzjoni, kemm fis-settur privat kif ukoll f'dak pubbliku, partikolarment b'rabta ma' prattiċi amministrattivi b'nuqqas ta' trasparenza;

- il-frodi fiskali

- is-serq ta' l-identità

- it-traffikar illegali ta' drogi u sustanzi psikotropiċi;

- it-traffikar illegali ta' armi;

- l-iffalsifikar ta' dokumenti;

- il-kuntrabandu u t-traffiku illegali ta' prodotti inklużi l-karozzi;

- iċ-ċiberkriminalità

Fir-rigward ta' l-iffalsifikar tal-flus, il-Montenegro għandu jikkoopera mill-qrib mal-Komunità Ewropea fil-ġlieda kontra l-iffalsifikar tal-karti tal-flus Fuq il-livell tal-prevenzjoni, il-Montenegro għandu jkollu l-għan li jimplimenta miżuri li huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti fil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Komunità, u li jaderixxi ma' kwalunkwe konvenzjoni internazzjonali relata mal-qasam tal-liġi. Il-Montenegro għandu jgawdi mill-appoġġ Komunitarju għall-iskambju, l-għajnuna u t-taħriġ fil-protezzjoni kontra l-iffalsifikar tal-flus.

Ser issir il-promozzjoni għall-kooperazzjoni u l-konverġenza reġjonali ma' standards rikonoxxuti fil-ġlieda kontra l-kriminalità

Artikolu 87 Ġlieda kontra t-terroriżmu

B'konformità mal-konvenzjonijiet internazzjonali li magħhom jaderixxu, u l-liġijiet u r-regolamenti rispettivi tagħhom, il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw sabiex jostakolaw u joħonqu atti ta' terroriżmu u l-iffinanzjar tagħhom:

- fil-qafas ta' l-implimentazzjoni sħiħa tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1373 (2001) u riżoluzzjonijiet, konvenzjonijiet internazzjonali u strumenti rilevanti oħra tan-NU;

- permezz ta' l-iskambju ta' informazzjoni dwar gruppi terroristiċi u n-netwerks li jappoġġjawhom skond il-liġi internazzjonali u nazzjonali;

- permezz ta' l-iskambju ta' esperjenzji fir-rigward tal-mezzi u l-metodi għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u f'oqsma tekniċi u t-taħriġ, u permezz ta' l-iskambju ta' esperjenza fir-rigward tal-prevenzjoni tat-terroriżmu.

TITOLU VIIIPOLITIKA TA' KOOPERAZZJONI

Artikolu 88

1. Il-Komunità u l-Montenegro għandhom jistabbilixxu kooperazzjoni mill-qrib bil-għan li jikkontribwixxu għall-iżvilupp u t-tkabbir potenzjali tal-Montenegro. Din il-kooperazzjoni għandha ssaħħaħ ir-rabtiet ekonomiċi eżistenti fuq l-iktar bażi wiesgħa possibbli, għall-benefiċċju taż-żewġ Partijiet.

2. Il-politika u miżuri oħra ser jitfasslu b'mod li jwasslu għal żvilupp ekonomiku sostenibbli u soċjali fil-Montenegro. Din il-politika għandha tiżgura li l-kunsiderazzjonijiet ambjentali jiġu inkorporati bis-sħiħ sa mill-bidunett u li jkunu marbuta mar-rekwiżiti ta' żvilupp soċjali armonjuż.

3. Il-politika ta' kooperazzjoni għandha tiġi integrata f'qafas reġjonali ta' kooperazzjoni. Għandha tingħata attenzjoni speċjali għal miżuri li jistgħu jrawmu kooperazzjoni bejn il-Montenegro u l-pajjiżi ġirien tiegħu inkluż l-Istati Membri, biex b'hekk jingħata kontribut għall-istabbiltà reġjonali. Il-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandu jiddefinixxi l-prijoritajiet bejn l-oqsma ta' politika ta' kooperazzjoni, kif ukoll fihom, deskritti hawnhekk skond il-Partenarjat Ewropew.

Artikolu 89 Politika ekonomika u kummerċjali

Il-Komunità u l-Montenegro għandhom jiffaċilitaw il-proċess tar-riformi ekonomiċi permezz tal-kooperazzjoni għat-titjib ta' l-ispjegazzjoni ta' l-elementi fundamentali ta' l-ekonomiji rispettivi tagħhom u l-formulazzjoni u l-implimentazzjoni ta' politika ekonomika fl-ekonomiji tas-suq.

Għalhekk, il-Komunità u l-Montenegro għandhom jikkooperaw biex:

- l-iskambu ta' informazzjoni dwar il-prestazzjoni u l-prospetti makroekonomiċi u dwar l-istrateġiji ta' żvilupp;

- l-analiżi konġunta ta' kwistjonijiet ekonomiċi ta' interess reċiproku, inkluż l-inkwadrar tal-politika ekonomika u l-istrumenti għall-implimentazzjoni tagħha;

- il-promozzjoni ta' kooperazzjoni usa' bil-għan li jitħaffu l-influss ta' l-għarfien u l-aċċess għal teknoloġiji oħra.

Il-Montenegro għandu jagħmel ħiltu biex jistabbilixxi ekonomija tas-suq li tiffunzjona u sabiex gradwalment iqarreb il-politika tiegħu mal-politika orjentata lejn l-istabbiltà ta' l-Unjoni Ekonomika u Monetarja Ewropea. Fuq talba ta' l-awtoritajiet tal-Montenegro, il-Komunità għandha tipprovdi għajnuna mfassla għall-appoġġ ta' l-isforzi tal-Montenegro f'dan ir-rigward.

Il-kooperazzjoni ser ukoll ikollha l-għan tat-tisħiħ ta' l-istat tad-dritt fil-qasam tan-negozju permezz ta' qafas legali stabbli u mhux diskriminatorju relatat man-negozju.

Il-kooperazzjoni f'dan il-qasam ser tinkludi l-iskambju ta' informazzjoni dwar il-prinċipji u l-funzjonament ta' l-Unjoni Ekonomika u Monetarja Ewropea.

Article 90 Kooperazzjoni fl-statistika

Il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet għandha primarjament tiffoka fuq oqsma ta' prijorità relatati ma' l- acquis Komunitarju fil-qasam ta' l-istatistika, inklużi fl-oqsma ekonomiċi, kummerċjali, monetarji u finanzjarji. Notevolment għandu jkollha l-għan ta' l-iżvilupp ta' sistemi effiċjenti u sostenibbli ta' l-istatistika li tkun kapaċi tipprovdi data affidabbli, oġġettiva u preċiża neċessarja għall-ippjanar u l-monitoraġġ tal-proċess ta' tranżizzjoni u riforma fil-Montenegro. Għandha wkoll tippermetti sabiex l-Uffiċju ta' l-Istatistika tal-Montenegro jkun kapaċi jaqdi aħjar il-ħtiġiet tal-konsumaturi fil-pajjiz (kemm fis-settur ta' l-amministrazzjoni pubblika kif ukoll f'dak privat). Is-sistema ta' l-istatistika għandha tirrispetta l-prinċipji fundamentali dwar l-istatistika maħruġa min-NU, il-Kodiċi ta' Prattika Ewropew dwar l-Istatistika u l-istipulazzjonijiet tal-liġi Ewropea dwar l-Istatistika u tersaq lejn l- acquis Komunitarju. Il-Partijiet għandhom jikkooperaw b'mod partikolari sabiex jiżguraw il-kunfidenzjalità tad- data individwali, biex progressivament iżidu l-ġbir tad- data u t-trażmissjoni tagħha lis-Sistema Ewropea dwar l-Istatistika u, biex isir skambju ta' informazzjoni dwar il-metodi, it-trasferiment ta' l-għarfien u t-taħriġ.

Artikolu 91 Servizzi bankarji, ta' l-assigurazzjoni u servizzi finanzjarji oħra

Il-kooperazzjoni bejn il-Montenegro u l-Komunità għandha tiffoka fuq oqsma prijoritajri b'rabta ma' l- acquis Komunitarju fil-oqsma tas-servizzi bankarji, ta' l-assigurazzjoni u dawk finanzjarji. Il-Partijiet ser jikkooperaw bil-għan li jistabbilixxu u jiżviluppaw qafas xieraq għall-inkoraġġiment tas-setturi tas-servizzi bankarji, ta' l-assigurazzjoni u finanzjarji fil-Montenegro imsejjes fuq il-prattiċi ta' kompetizzjoni ġusta u li jiżgura l-ambjent ekwi meħtieġ.

Artikolu 92 Kooperazzjoni dwar il-kontroll intern u l-verifika esterna

Il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet għandha tiffoka fuq oqsma prijoritarji li huma relatati ma’ l- acquis tal-Komunità fl-oqsma tal-kontroll pubbliku intern tal-finanzi (PIFC) u tal-verifiki esterni. Il-Partijiet għandhom partikolarment, permezz tat-tħejjija u l-adozzjoni tar-regolamentazzjoni rilevanti, jikkooperaw bil-għan li jiġi żviluppat Kontrol Intern tal-Finanzi Pubbliċi (PIFC) trasparenti, effiċjenti u ekonomiku (inklużi l-ġestjoni u l-kontroll finanzjarji u sistema ta' verifika interna li tuffunzjona b'manjiera indipendenti) u ta' sistemi indipendenti ta' verifika esterna fil-Montenegro, b'konformità ma' standards u metodoloġija aċċettati internazzjonalment u l-aħjar prattiċi ta' l-UE. Il-kooperazzjoni għandha tiffoka fuq il-bini ta' kapaċità ta' l-istituzzjoni Suprema tal-Verifika fil-Montenegro. Sabiex jitwettqu r-responsabbiltajiet ta' koordinazzjoni u armonizzazzjoni li joriġinaw mir-rekwżiti msemmija hawn fuq, il-kooperazzjoni għandha tiffoka fuq il-ħolqien u t-tisħiħ ta' unitajiet ċentrali ta' l-armonizzazzjoni għall-ġestjoni u l-kontroll finanzjarju u għall-Verifika Interna.

Artikolu 93 Inkoraġġiment u Protezzjoni ta’ l-Investiment

Il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet, fl-ambitu tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, fil-qasam ta’ l-inkoraġġiment u tal-protezzjoni ta’ l-investiment għandu jkollha l-għan li tagħti lok għal klima favorevoli għall-investiment privat, kemm domestiku kif ukoll barrani, li huwa daqshekk essenzjali biex l-ekonomija u l-industrija fil-Montenegro jingħataw ħajja mill-ġdid. L-għan partikolari tal-kooperazzjoni għandu jkun li l-Montenegro jtejjeb il-qafas legali li jiffavorixxi u jipproteġi l-investiment.

Artikolu 94 Kooperazzjoni industrijali

Il-kooperazzjoni għandu jkollha l-għan li tippromwovi l-immodernizzar u r-ristrutturar ta' l-industrija u ta' setturi individwali fil-Montenegro. Għandha wkoll tkopri l-kooperazzjoni industrijali bejn l-operaturi ekonomiċi, bil-għan li s-settur privat jissaħħaħ taħt kundizzjonijiet li jiżguraw il-protezzjoni ta' l-ambjent.

L-inizjattivi tal-kooperazzjoni industrijali se jirriflettu l-prijoritajiet li ġew iddeterminati miż-żewġ Partijiet. Ser jikkunsidraw l-aspetti reġjonali ta’ l-iżvilupp industrijali, fejn jippromwovu partenarjati tranżnazzjonali fejn ikun rilevanti. L-inizjattivi għandhom ifittxu b’mod partikolari li jistabbilixxu qafas xieraq għall-impriżi, itejbu l-għarfien ta’ l-amministrazzjoni u jippromwovu s-swieq, it-trasparenza tas-swieq u l-ambjent kummerċjali. Għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-ħolqien ta' attivitajiet ta' promozzjoni ta' l-esportazzjoni effiċjenti fil-Montenegro.

Il-kooperazzjoni ser tikkunsidra b’mod xieraq l- acquis Komunitarju fil-qasam tal-politika industrijali.

Artikolu 95 Intrapriżi ta' daqs żgħir u medju

Il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet għandu jkollha l-għan li tiżviluppa u ssaħħaħ l-impriżi ta' daqs żgħir u medju tas-settur privat (SMEs), l-istabbiliment ta' impriżi ġodda f'oqsma ta' potenzjal għat-tkabbir u l-kooperazzjoni bejn l-SMEs fil-Komunità u fil-Montenegro.

Il-kooperazzjoni għandha tikkunsidra l-oqsma prijoritarji relatati ma' l- acquis Komunitarji fil-qasam ta' l-SMEs, kif ukoll ta' l-għaxar linji gwida mnaqqxa fil-Karta Ewropea dwar l-Intrapriżi Żgħar.

Artikolu 96 Turiżmu

Il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet fil-qasam tat-turiżmu ser ikollha l-għan li ssaħħaħ il-fluss ta’ informazzjoni dwar it-turiżmu (permezz ta’ netwerks internazzjonali, databanks , eċċ.); li tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta' infrastruttura li twassal għal investiment fis-settur tat-turiżmu, il-parteċipazzjoni tal-Montenegro f'organizzazzjonijiet importanti Ewropej tat-turiżmu. Għandu wkoll ikollha l-għan li tanalizza l-opportunitajiet għal operazzjonijiet konġunti u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn impriżi u esperti fit-turiżmu u gvernijiet u l-aġenziji kompetenti tagħhom fil-qasam tat-turiżmu, kif ukoll it-trasferiment ta' l-għarfien (permezz ta' taħriġ, skambji u seminars). Il-kooperazzjoni ser tikkunsidra l- acquis Komunitarju relatat ma’ dan is-settur

Il-kooperazzjoni tista’ tiġi integrata f’qafas reġjonali ta’ kooperazzjoni.

Artikolu 97 Agrikoltura u s-settur agroindustrijali

Il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet ser tiġi żviluppata fl-oqsma prijoritarji kollha relatati ma’ l- acquis Komunitarju fil-qasam ta’ l-agrikoltura, kif ukoll fis-settur veterinarju u dak fitosanitarju. Notevolment, il-kooperazzjoni ser ikollha l-għan li timmodernizza u tirristruttura s-settur agrikolu u dak agroindustrijali, partikolarment sabiex jinkisbu r-rekwiżiti sanitarji tal-Komunità, għat-titjib tal-ġestjoni ta' l-ilma u ta' l-iżvilupp rurali kif ukoll l-iżvilupp tas-settur tal-forestrija fil-Montenegro u għall-appoġġ ta' l-approssimazzjoni gradwali tal-leġiżlazzjoni u l-prattiċi Montenegrini mar-regoli u l-istandards tal-Komunità.

Artikolu 98 Sajd

Il-Partijiet se jesploraw il-possibbiltà li jidentifikaw oqsma ta’ benefiċċju reċiproku ta’ interess komun fis-settur tas-sajd. Il-kooperazzjoni ser tikkunsidra b’mod xieraq l-oqsma prijoritarji li għandhom x’jaqsmu ma’ l- acquis tal-Komunità fil-qasam tas-sajd, li jinkludu r-rispett ta’ l-obbligi internazzjonali li jikkonċernaw ir-regoli ta’ ġestjoni u ta’ ħarsien tar-riżorsi tas-sajd ta’ l-Organizzazzjoni ta’ l-Industriji tas-Sajd Internazzjonali u Reġjonali.

Artikolu 99 Id-dwana

Il-Partijiet għandhom jistabbilixxu kooperazzjoni f’dan il-qasam sabiex jiggarantixxu konformità mad-dispożizzjonijiet li għandhom ikunu adottati fil-qasam tan-negozju u sabiex tinkiseb l-approssimazzjoni tas-sistema doganali tal-Montenegro għal dik tal-Komunità, biex b’hekk jgħinu sabiex titħejja t-triq għall-miżuri ta’ liberalizzazzjoni li huma ppjanati taħt il-Ftehim ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u għall-approssimazzjoni gradwali tal-leġiżlazzjoni doganali Montenegrina għall- acquis .

Il-kooperazzjoni ser tikkunsidra b’mod xieraq l-oqsma prijoritarji li għandhom x’jaqsmu ma’ l- acquis tal-Komunità fil-qasam tad-dwana.

Il-Protokoll 6 jistabbilixxi r-regoli dwar assistenza amministrattiva reċiproka bejn il-Partijiet fil-qasam tad-dwana.

Artikolu 100 Tassazzjoni

Il-Partijiet għandhom jistabbilixxu kooperazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni li tinkludi miżuri li għandhom l-għan li jirriformaw ulterjorment is-sistema fiskali u li jirristrutturaw l-amministrazzjoni tat-taxxi, sabiex tiġi żgurata l-effikaċja tal-ġbir tat-taxxa u tal-ġlieda kontra l-frodi fiskali.

Il-kooperazzjoin se tikkunsidra b’mod xieraq l-oqsma prijoritarji li huma relatati ma’ l- acquis tal-Komunità fil-qasam tat-tassazzjoni u fil-ġlieda kontra kompetizzjoni dannuża fit-taxxi. It-tneħħija ta' kompetizzjoni dannuża fit-taxxi għandha titwettaq fuq il-bażi tal-prinċipji tal-Kodiċi ta' Kondotta għat-tassazzjoni kumerċjali miftiehma mill-Kunsill fl-1 ta' Diċembru 1997.

Il-kooperazzjoni għandha titħejja wkoll għat-tisħiħ tat-trasparenza u għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u sabiex tinkludi l-iskambju ta' informazzjoni ma' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea fi sforz sabiex jiġi ffaċilitat l-infurzar ta' miżuri li jostakolaw il-frodi, l-evażjoni u n-nuqqas ta’ ħlas tat-taxxi. Il-Montenegro għandu wkoll jilħaq in-netwerk ta' ftehimiet bilaterali ma' l-Istati Membri skond l-aħħar aġġornament tal-Konvenzjoni dwar il-Mudell tat-taxxa fuq id-Dħul u l-Kapital ta' l-OECD kif ukoll fuq il-bażi tal-Ftehim Mudell dwar l-Iskambju ta' l-Informazzjoni dwar Kwistjonijiet Fiskali ta' l-OECD, kemm-il darba l-Istati Membri li jagħmlu t-talba jkunu japplikawhom.

Artikolu 101 Kooperazzjoni soċjali

Fir-rigward ta' l-impjiegi, il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet għandha tiffoka notevolment fuq titjib fis-servizzi tas-sejbien ta' l-impjiegi u ta' konsulenza għall-karriera, filwaqt li tipprovdi miżuri alternattivi u tippromwovi l-iżvilupp lokali sabiex tingħata għajnuna għar-ristrutturar tas-suq industrijali u dak tax-xogħol. Għandha tinkludi miżuri oħra bħall-studji, l-issekondar ta' esperti u ħidmiet ta' informazzjoni u ta' taħriġ.

Il-Partijiet għandhom jikkooperaw sabiex jiffaċilitaw ir-riforma tal-politika tal-Montenegro dwar l-impjiegi, fil-kuntest ta’ riforma u integrazzjoni ekonomika msaħħa. Il-kooperazzjoni se tfittex ukoll li tappoġġja l-adattament tas-sistema tas-sigurtà soċjali Montenegrina għar-rekwiżiti ekonomiċi u soċjali l-ġodda, u se tinvolvi l-aġġustament tal-leġiżlazzjoni Montenegrina dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-opportunitajiet indaqs bejn in-nisa u l-irġiel, għal persuni b'diżabbiltà u għal persuni li jagħmlu parti minn minoranzi kif ukoll it-titjib tal-livell ta’ ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema, fejn il-livell ta’ ħarsien li hemm fil-Komunità jittieħed bħala referenza. Il-Montenegro għandu jiżgura l-aderenza u l-implimentazzjoni effettiva tal-konvenzjonijiet fundamentali ta' l-ILO.

Il-kooperazzjoni ser tikkunsidra b’mod xieraq l-oqsma prijoritarji li huma relatati ma’ l- acquis tal-Komunità f’dan il-qasam.

Artikolu 102 Edukazzjoni u taħriġ

Il-Partijiet għandhom jikkooperaw bl-għan li jgħollu l-livell ta’ l-edukazzjoni ġenerali u ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali fil-Montenegro, kif ukoll il-politika dwar iż-żgħażagħ u tax-xogħol taż-żgħażagħ, flimkien ma' l-edukazzjoni informali. Waħda mill-prijoritajiet għas-sistemi ta’ edukazzjoni ogħla għandha tkun il-kisba ta’ l-għanijiet tad-Dikjarazzjoni ta’ Bolonja.

Il-Partijiet għandhom jikkooperaw ukoll ma’ l-għan li jkun żgurat li l-aċċess għal-livelli kollha ta’ l-edukazzjoni u tat-taħriġ fil-Montenegro ikun ħieles mid-diskriminazzjoni minħabba sess, kulur, oriġini etnika jew reliġjon.

Il-programmi u l-istrumenti Komunitarji rilevanti se jikkontribwixxu għall-aġġornament ta’ l-istrutturi u ta’ l-attivitajiet edukattivi u ta’ taħriġ fil-Montenegro.

Il-kooperazzjoni ser tikkunsidra b’mod xieraq l-oqsma prijoritarji li huma relatati ma’ l- acquis tal-Komunità f’dan il-qasam.

Artikolu 103 Kooperazzjoni kulturali

Il-Partijiet jimpenjaw irwieħhom li jinkoraġġixxu l-kooperazzjoni kulturali. Din il-kooperazzjoni sservi inter alia sabiex tkabbar il-ftehim u l-istima bejn l-individwi, il-komunitajiet u l-popli. Barra minn hekk, il-Partijiet jimpenjaw irwieħhom li jikkooperaw sabiex jinkoraġixxu d-diversità kulturali, speċjalment fil-qafas tal-Konvenzjoni ta’ l-UNESCO dwar il-ħarsien u l-promozzjoni tad-diversità fl-espressjonijiet kulturali.

Artikolu 104 Kooperazzjoni fil-qasam awdjoviżiv

Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jippromwovu l-industrija awdjoviżiva fl-Ewropa u jinkoraġġixxu l-koproduzzjoni fl-oqsma taċ-ċinema u tat-televiżjoni.

Il-kooperazzjoni tista’ tinkludi, inter alia , programmi u faċilitajiet għat-taħriġ ta’ ġurnalisti u ta’ professjonisti oħra tal-medja, kif ukoll assistenza teknika lill-medja, pubbliċi u privati, sabiex jiġu msaħħa l-indipendenza, il-professjonaliżmu u r-rabtiet tagħhom mal-midja Ewropej.

Il-Montenegro ser jikkonverġi l-politika tiegħu dwar ir-regolamentar ta’ l-aspetti tal-kontenut tax-xandir transkonfinali ma’ dawk tal-KE u se jarmonizza l-leġiżlazzjoni tiegħu ma’ l- acquis ta’ l-UE. Il-Montenegro se jagħti attenzjoni partikolari lill-kwistjonijiet b'rabta ma’ l-akkwist tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali għall-programmi u għax-xandir bis-satellita, bil-kejbil u bil-frekwenzi terrestri.

Artikolu 105 Soċjetà ta' l-informazzjoni

Il-kooperazzjoni għandha tiġi żviluppata fl-oqsma li huma relatati ma’ l- acquis tal-Komunità fir-rigward ta’ l-informazzjoni. Se tappoġġja prinċipalment il-konverġenza gradwali tal-politika u tal-leġiżlazzjoni min-naħa tal-Montenegro f’dan is-settur ma’ dawk tal-Komunità.

Il-Partijiet għandhom jikkooperaw ukoll sabiex jiżviluppaw aktar is-Soċjetà ta’ l-Informazzjoni fil-Montenegro. L-għanijiet globali se jkunu li titħejja s-soċjetà kollha għall-era diġitali, li jiġu attirati l-investimenti u tiġi żgurata l-interoperabbiltà tan-netwerks u tas-servizzi.

Artikolu 106 Netwerks u Servizzi tal-Komunikazzjoni Elettronika

Il-kooperazzjoni ser tiffoka primarjament fuq l-oqsma prijoritarji relatati ma’ l-acquis tal-Komunità f’dan il-qasam.

Partikolarment, il-Partijiet għandhom isaħħu l-kooperazzjoni fil-qasam tan-netwerks tal-komunikazzjoni elettronika u tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika, bl-għan aħħari jkun l-adozzjoni, min-naħa tal-Montenegro, ta’ l- acquis tal-Komunità tas-settur 3 snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 107 Informazzjoni u komunikazzjoni

Il-Komunità u l-Montenegro għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jistimolaw l-iskambju reċiproku ta’ informazzjoni. Ser tingħata prijorità lill-programmi li huma mmirati sabiex jipprovdu lill-pubbliku ġenerali b’informazzjoni bażika dwar il-Komunità u lill-gruppi professjonali fil-Montenegro b’informazzjoni aktar speċjalizzata.

Artikolu 108 Trasport

Il-kooperazzjoni bejn il-Partjiet għandha tiffoka fuq l-oqsma prijoritarji li huma relatati ma’ l-acquis tal-Komunità fil-qasam tat-trasport.

Il-kooperazzjoni tista' b'mod speċjali tiffoka fuq ir-ristrutturar u l-immodernizzar tal-modi ta' trasport Montengrini, għat-titjib tal-moviment ħieles ta' passiġġieri u prodotti, għat-tisħiħ ta' l-aċċess tas-suq u l-faċilitajiet tat-trasport, inklużi l-portijiet u l-ajruporti. Barra minn hekk, il-kooperazzjoni tista' tappoġġja l-iżvilupp ta' infrastrutturi multimodali fir-rigward tan-netwerks Tranżewropej ewlenin, notevolment għat-tisħiħ ta' l-irbit reġjonali fl-Ewropa tax-Xlokk skond l-MoU dwar l-iżvilupp tan-Netwerk ta' Qofol għat-Trasport Reġjonali. L-għan ta' din il-kooperazzjoni għandu jkun il-kisba ta' standards operattivi kumparabbli ma' dawk fil-Komunità kif ukoll l-iżvilupp ta' sistema ta' trasport fil-Montenegro li tkun kompatibbli u konformi mas-sistema tal-Komunità u t-titjib tal-protezzjoni ta' l-ambjent fit-trasport.

Artikolu 109 Enerġija

Il-kooperazzjoni se tiffoka fuq oqsma prijoritarji li huma relatati ma’ l- acquis tal-Komunità fil-qasam ta’ l-ambjent. Għandha tkun imsejsa fuq it-Trattat Komunitarju dwar l-Enerġija, u ser tiġi żviluppata bl-għan ta' l-integrazzjoni tal-Montenegro fis-swieq ta' l-enerġija Ewropej. Il-kooperazzjoni tista' partikolarment tinkludi:

- l-ifformular u l-ippjanar ta' politika ta' l-enerġija, inklużi l-immodernizzar ta' l-infrastruttura, it-titjib u d-diversifikazzjoni tal-forniment u t-titjib ta' l-aċċess għas-suq ta' l-enerġija, flimkien ma' l-iffaċilitar tat-tranżitu, it-trażmissjoni u d-distribuzzjoni u r-ristrutturar ta' interkonnessjonijiet ta' l-elettriku ta' importanza reġjonali ma' pajjiżi ġirien;

- il-promozzjoni ta' l-iffrankar ta' l-enerġija, l-effiċjenza ta' l-enerġija, l-enerġija rinnovabbli u l-analiżi ta' l-impatt ambjentali kkawżat mill-produzzjoni u l-konsum ta' l-enerġija;

- l-ifformular ta' kundizzjonijiet ta' qafas għar-ristrutturar ta' kumpaniji ta' l-enerġija u l-kooperazzjoni bejn l-impriżi f'dan is-settur.

Artikolu 110

Sigurtà nukleari

Il-Partijiet ser jikkooperaw fil-qasam tas-sigurtà u s-salvagwardji nukleari. Il-kooperazzjoni għandha tkopri s-suġġetti li ġejjin:

- l-aġġornament tal-liġijiet u r-regolamenti tal-Partijiet dwar il-protezzjoni mir-radjazzjoni, is-sigurtà nukleari u l-kontabbiltà u l-kontroll ta' meterjali nukleari kif ukoll it-tisħiħ ta' l-awtoritajiet superviżorji u tar-riżorsi tagħhom;

- l-inkoraġġiment tal-promozzjoni ta' Ftehimiet bejn l-Istati Membri, jew il-Euratom u l-Montenegro dwar in-notifika bikrija u l-iskambju ta' informazzjoni f'każi ta' inċidenti nukleari u dwar it-tħejjija f'każ ta' emerġenza u dwar kwistjonijiet dwar is-sigurtà nukleari b'mod ġenerali, fejn xieraq;

- ir-responsabbiltà ċivili fil-qasam nukleari.

Artikolu 111 Ambjent

Il-Partijiet għandhom jiżviluppaw u jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom fil-qasam ambjentali bir-responsabbiltà vitali li titwaqqaf id-degradazzjoni ulterjuri u jibda jsir titjib fis-sitwazzjoni ambjentali bl-għan ta' żvilupp sostenibbli.

Il-Partijiet għandhom partikolarment jistabbilixxu kooperazzjoni bl-għan tat-tisħiħ ta' l-istrutturi u l-proċeduri amministrattivi għall-iżgurar ta' ppjanar strateġiku ta' kwistjonijiet ambjentali u l-koordinazzjoni bejn l-atturi rilevanti u ser jiffokaw fuq il-konverġenza tal-leġiżlazzjoni tal-Montenegro ma' dik ta' l- acquis tal-Komunità. Il-kooperazzjoni għandha tinkludi wkoll l-iżvilupp ta' strateġiji sabiex jitnaqqas b'mod sinifikanti it-tniġġis lokali, reġjonali, u t-tniġġis transkonfinali ta' l-arja u ta' l-ilma, sabiex jiġi stabbilit qafas għall-produzzjoni u l-konsum effiċjenti, nadif, sostenibbli u rinnovabbli ta' l-enerġija, u sabiex jitwettqu valutazzjoni ambjentali ta' l-impatt u valutazzjoni strateġika ta' l-impatt. Se tingħata attenzjoni speċjali lir-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Protokoll ta' Kyoto.

Artikolu 112 Kooperazzjoni fir-riċerka u fl-iżvilupp teknoloġiku

Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu l-kooperazzjoni fir-riċerka xjentifika ċivili u fl-iżvilupp teknoloġiku (RTD) fuq il-bażi ta’ benefiċċju reċiproku u b'kunsiderazzjoni tad-disponibilità tar-riżorsi, aċċess adegwat għall-programmi rispettivi tagħhom, bla ħsara għal-livelli xierqa ta’ protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali, industrijali u kummerċjali (IPR).

Il-kooperazzjoni ser tikkunsidra b’mod xieraq l-oqsma prijoritarji li huma relatati ma’ l- acquis tal-Komunità fil-qasam tar-riċerka u ta’ l-iżvilupp tekniku.

Artikolu 113 Żvilupp reġjonali u lokali

Il-Partijiet se jfittxu li jsaħħu l-kooperazzjoni għall-iżvilupp reġjonali u lokali, bil-għan li jingħata kontribut għall-iżvilupp ekonomiku u sabiex jitnaqqsu l-iżbilanċi reġjonali. Se tingħata attenzjoni speċifika għall-kooperazzjoni transkonfinali, tranżnazzjonali u interreġjonali.

Il-kooperazzjoni ser tikkunsidra b’mod xieraq l-oqsma prijoritarji li huma relatati ma’ l- acquis tal-Komunità fil-qasam ta’ l-iżvilupp reġjonali.

Artikolu 114 Amministrazzjoni pubblika

Il-kooperazzjoni għandu jkollha l-għan li tiżgura l-iżvilupp ta’ amministrazzjoni pubblika li tkun effiċjenti u li tagħti kont ta’ għemilha fil-Montenegro, notevolment sabiex tagħti appoġġ għall-implimentazzjoni ta’ l-istat tad-dritt, il-funzjonament xieraq ta’ l-istituzzjonijiet Statali għall-benefiċċju tal-popolazzjoni Montenegrina kollha u l-iżvilupp mingħajr problemi tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Montenegro.

Il-kooperazzjoni f’dan il-qasam se tiffoka prinċipalment fuq il-bini ta’ l-istituzzjonijiet, li jinkludu l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ proċeduri ta’ reklutaġġ trasparenti u imparzjali, fuq il-ġestjoni tar-riżorsi umani, l-iżvilupp tal-karrieri fis-servizz ċivili, it-taħriġ kontinwu u l-promozzjoni ta’ l-etika fi ħdan l-amministrazzjoni pubblika. Il-kooperazzjoni ser tkopri l-livelli kollha ta' l-amministrazzjoni, flimkien ma' l-amministrazzjoni lokali.

IT-TITOLU IX KOOPERAZZJONI FINANZJARJA

Artikolu 115

Sabiex jinkisbu l-għanijiet ta’ dan il-Ftehim u skond l-Artikoli 5, 116 u 118, il-Montenegro jista’ jirċievi għajnuna finanzjarja mill-Komunità fis-sura ta’ għotjiet u self, inkluż self mill-Bank Ewropew ta’ l-Investiment. L-għajnuna Komunitarja tiddependi fuq progress ulterjuri fil-ħidma lejn il-kriterji politiċi ta' Kopenħagen u partikolarment progress fil-kisba tal-prijoritajiet tal-Partenarjat Ewropew. Ser jiġu kkunsidrati wkoll ir-riżultati ta' l-analiżi annwali tal-pajjiżi tal-proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, partikolarment fir-rigward ta' l-impenn tal-benefiċjarji sabiex iwettqu riformi demokratiċi, ekonomiċi u istituzzjonali u ta' konklużjonijiet oħra tal-Kunsill, partikolarment fir-rigward ta' programmi ta' aġġustament. L-għajnuna mogħtija lill-Montenegro se tkun immirata lejn il-ħtiġiet li ġew osservati, il-prijoritajiet magħżula, il-kapaċità ta’ assorbiment u ta’ rimborż, u l-miżuri li ttieħdu sabiex tiġi riformata u ristrutturata l-ekonomija.

Artikolu 116

L-assistenza finanzjarja, fis-sura ta’ għotjiet, se tkun koperta mill-miżuri operattivi previsti fir-Regolament tal-Kunsill rilevanti fi ħdan qafas multiannwali indikattiv u bbażata fiq programmi annwali ta' azzjoni li ġew stabbiliti mill-Komunità wara konsultazzjonijiet mal-Montenegro.

L-għajnuna finanzjarja tista’ tkopri s-setturi kollha tal-kooperazzjoni, b’attenzjoni partikolari lejn il-Ġustizzja, il-Libertà u s-Sigurtà, lejn l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni u lejn l-iżvilupp ekonomiku u l-protezzjoni ambjentali.

Artikolu 117

Fuq it-talba tal-Montenegro u f’każ ta’ ħtiġiet speċjali, il-Komunità tista’ teżamina, f’koordinazzjoni ma’ l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, il-possibbiltà li tingħata għajnuna makrofinanzjarja fuq bażi eċċezzjonali bla ħsara għal ċerti kondizzjonijiet u b'kunsiderazzjoni għad-disponibilità tar-riżorsi finanzjarji kollha. L-għajnuna għandha tingħata jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti fil-kuntest ta’ programm miftiehem bejn il-Montenegro u l-IMF.

Artikolu 118

Sabiex jippermettu l-aħjar użu tar-riżorsi disponibbli, il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-kontribuzzjonijiet Komunitarji jsiru f’koordinazzjoni mill-qrib ma’ dawk minn sorsi oħra bħalma huma l-Istati Membri, pajjiżi oħra u istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali.

Għal dan il-għan, il-Partijiet għandhom jiskambjaw b’mod regolari informazzjoni dwar is-sorsi kollha ta’ għajnuna.

TITOLU XDISPOŻIZZJONIJIET ISTITUZZJONALI, ĠENERALI U FINALI

Artikolu 119

B’dan huwa stabbilit Kunsill ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni li għandu jissorvelja l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim. Għandu jiltaqa’ fuq livell xieraq f’intervalli regolari u meta ċ-ċirkostanzi jeħtieġu dan. Għandu jeżamina kwalunkwe kwistjoni ewlenija li tinqala’ fi ħdan il-qafas ta’ dan il-Ftehim u kwalunkwe kwistjoni bilaterali jew internazzjonali oħra ta’ interess reċiproku.

Artikolu 120

1. Il-Kunsill ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandu jikkonsisti mill-membri tal-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea u minn membri tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, fuq naħa waħda, u minn membri tal-Gvern tal-Montenegro fuq in-naħa l-oħra.

2. Il-Kunsill ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandu jistabbilixxi r-regoli tiegħu ta’ proċedura.

3. Il-membri tal-Kunsill ta’ Stabilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni jistgħu jirranġaw li jkunu rrappreżentati, skond il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti fir-regoli ta’ proċedura tal-Kunsill.

4. Il-Kunsill ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandu jkun ippresedut darba minn rappreżentant tal-Komunità Ewropea u d-darba ta’ wara minn rappreżentant tal-Montenegro, skond id-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti fir-regoli tiegħu ta’ proċedura.

5. Fi kwistjonijiet li jikkonċernawh, il-Bank Ewropew ta’ l-Investiment għandu jieħu sehem, bħala osservatur, fil-ħidma tal-Kunsill ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

Artikolu 121

Sabiex jinkisbu l-għanijiet ta’ dan il-Ftehim, il-Kunsill ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandu jkollu s-setgħa li jieħu deċiżjonijiet fl-ambitu ta’ dan il-Ftehim fil-każi previsti fih. Id-deċiżjonijiet meħuda għandhom jorbtu liż-żewġ Partijiet, li għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jimplimentaw id-deċiżjonijiet li jkunu ttieħdu. Il-Kunsill ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jista’ jagħmel ukoll rakkomdanzzjonijiet xierqa. Għandu jfassal id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu bi ftehim bejn il-Partijiet.

Artikolu 122

1. Il-Kunsill ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandu jkun megħjun fit-twettiq ta’ dmirijietu minn Kumitat ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, li jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea u minn rappreżentanti tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, fuq naħa l-waħda, u minn rappreżentanti tal-Montenegro fuq in-naħa l-oħra.

2. Fir-regoli tiegħu ta' proċedura, il-Kunsill ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandu jiddetermina d-dmirijiet tal-Kumitat ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, li għandhom jinkludu t-tħejjija tal-laqgħat tal-Kunsill ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, u għandu jiddetermina kif se jaħdem il-Kumitat.

3. Il-Kunsill ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jista’ jiddelega lill-Kumitat ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni kwalunkwe waħda mis-setgħat tiegħu. F’dan il-każ, il-Kumitat ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu skond il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 121.

Artikolu 123

Il-Kumitat ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jista’ joħloq sottokumitati. Qabel tmiem l-ewwel sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, il-Kumitat ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni se jwaqqaf is-sottokumitati meħtieġa għall-implimentazzjoni adegwata tal-Ftehim.

Ser jiġi stabbilit sottokumitat responsabbli mill-kwistjonijiet dwar migrazzjoni.

Artikolu 124

Il-Kunsill ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jista’ jiddeċiedi li jistabbilixxi kumitati jew entitajiet speċjali oħra li jistgħu jgħinuh iwettaq dmirijietu. Fir-regoli tal-proċedura tiegħu, il-Kunsill ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandu jiddetermina l-kompożizzjoni u d-dmirjiet ta’ kumitati jew korpi ta’ din ix-xorta u kif għandhom jaħdmu.

Artikolu 125

B’dan qed jiġi stabbilit Kumitat Parlamentari ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Għandu jkun forum għall-Membri tal-Parlament tal-Montenegro u tal-Parlament Ewropew sabiex jiltaqgħu u jiskambjaw il-fehmiet. Għandu jiltaqa’ f’intervalli li għandhom ikunu ddeterminati minnu stess.

Il-Kumitat Parlamentari ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandu jikkonsiti minn membri tal-Parlament Ewropew fuq in-naħa l-waħda u minn membri tal-Parlament tal-Montenegro fuq in-naħa l-oħra.

Il-Kumitat Parlamentari ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandu jistabbilixxi r-regoli tiegħu ta’ proċedura.

Il-Kumitat Parlamentari ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandu jkun ippresedut darba mill-Parlament Ewropew u d-darba ta’ wara mill-Parlament tal-Montenegro, skond id-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti fir-regoli tiegħu ta' proċedura.

Artikolu 126

Fl-ambitu ta’ dan il-Ftehim, kull Parti timpenja ruħha li tiżgura li l-persuni naturali u legali tal-Parti l-oħra jkollhom aċċess ħieles minn diskriminazzjoni fejn għandhom x’jaqsmu ċ-ċittadini tagħha għall-qrati kompetenti u għall-korpi amministrattivi tal-Partijiet sabiex jiddefendu d-drittijiet individwali u d-drittijiet tal-proprjetà tagħhom.

Artikolu 127

Xejn f’dan il-Ftehim m’għandu jwaqqaf lil Parti milli tieħu kwalunkwe miżura:

(a) li tikkunsidra bħala neċessarja sabiex tostakola li tinkixef informazzjoni li tmur kontra l-interessi essenzjali tas-sigurtà tagħha;

(b) li għandha x’taqsma mal-produzzjoni jew mal-kummerċ fl-armi, fil-munizzjon jew fil-materjali tal-gwerra jew ma’ riċerka, żvilupp jew produzzjoni indispensabbli minħabba d-difiża, sakemm miżuri ta’ din ix-xorta ma jfixklux il-kondizzjonijiet għall-kompetizzjoni fejn għandhom x’jaqsmu l-prodotti li mhumiex intenzjonati għal finijiet speċifikament militari;

(ċ) li tikkunsidra bħala essenzjali għas-sikurezza tagħha fil-każ ta’ inkwiet intern serju li jaffetwa ż-żamma tal-liġi u ta’ l-ordni, fi żmien ta’ gwerra jew ta’ tensjoni internazzjonali serja li tikkostitwixxi theddida ta’ gwerra jew sabiex jitwettqu obbligi li tkun aċċettat ħalli jinżammu l-paċi u s-sigurtà internazzjonali.

Artikolu 128

1. Fl-oqsma li huma koperti minn dan il-Ftehim u mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dispożizzjoni speċjali huma inklużi fihom:

- l-arranġamenti applikati mill-Montenegro fejn għandha x’taqsam il-Komunità m’għandhom jagħtu lok għall-ebda diskriminazzjoni bejn l-Istati Membri, iċ-ċittadini, il-kumpaniji jew id-ditti tagħhom;

- l-arranġamenti applikati mill-Komunità fejn għandu x’jaqsam il-Montenegro m’għandhom jagħtu lok għall-ebda diskriminazzjoni bejn iċ-ċittadini, il-kumpaniji jew id-ditti Montenegrini.

2. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 għandhom ikunu bla ebda ħsara għad-dritt tal-Partijiet li japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni fiskali tagħhom għal dawk li jħallsu t-taxxi li mhumiex f’sitwazzjonijiet identiċi fejn għandu x’jaqsam il-post ta’ residenza tagħhom.

Artikolu 129

1. Il-Partijiet għandhom jieħdu kwalunkwe miżura ġenerali jew speċifika li hija meħtieġa sabiex ikunu ssodisfati l-obbligi tagħhom taħt dan il-Ftehim. Għandhom jaraw li l-għanijiet li huma stabbiliti f’dan il-Ftehim jintlaħqu.

2. Il-Partijiet jaqblu li jikkonsultaw minnufih permezz ta’ kanali xierqa fuq it-talba ta’ kwalunkwe waħda mill-Partijiet sabiex tiġi diskussa kwalunkwe kwistjoni li tikkonċerna l-interpretazzjoni jew l-implimentazzjoni ta’ dan l-Ftehim u aspetti rilevanti oħra tar-relazzjonijiet bejn il-Partijiet.

3. Kull Parti għandha tirreferi lill-Kunsill ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni kwalunkwe tilwima li jkollha x’taqsam ma’ l-applikazzjoni jew ma’ l-interpretazzjoni ta’ dan il-Ftehim. F'dak il-każ, għandhom japplikaw l-Artikolu 130 jew il-Protokoll Nru 7, skond il-każ.

Il-Kunsill ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jista’ jsib soluzzjoni għat-tilwima permezz ta’ deċiżjoni li torbot.

4. Jekk kwalunkwe waħda mill-Partijiet tqis li l-Parti l-oħra ma rnexxilhiex tissodisfa obbligu taħt dan il-Ftehim, tista’ tieħu miżuri xierqa. Qabel ma tagħmel dan, ħlief f’każi ta’ urġenza speċjali, għandha tipprovdi lill-Kunsill ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bl-informazzjoni kollha rilevanti li hija meħtieġa għal eżami bir-reqqa tas-sitwazzjoni sabiex tinstab soluzzjoni aċċettabbli għaż-żewġ Partijiet.

Fl-għażla tal-miżuri, trid tingħata prijorità lil dawk li l-inqas ifixklu l-funzjonament ta’ dan il-Ftehim. Dawn il-miżuri għandhom jiġu nnotifikati minnufih lill-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u għandhom ikunu soġġetti għal konsultazzjoni, jekk il-Parti l-oħra titlob dan, fi ħdan il-Kumitat ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jew minn kwalunkwe entità oħra stabbilita fuq il-bażi ta' l-Artikoli 123 jew 124.

5. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2, 3 u 4 bl-ebda mod m'għandhom jaffettwaw jew ikunu ta' ħsara għall-Artikoli 32, 40, 41, 42, 46 u l-Protokoll 3 (Id-definizzjoni tal-kunċett ta' prodotti u metodi li joriġinaw minn kooperazzjoni amministrattiva).

Artikolu 130

1. Meta tinqala' tilwima bejn il-Partijiet fir-rigward ta' l-interpertazzjoni u l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim, kwalunkwe Parti għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra u lill-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni talba formali sabiex il-kwistjoni tat-tilwima tiġi solvuta.

Fejn Parti minnhom tikkunsidra li xi miżura adottata mill-Parti l-oħra, jew in-nuqqas ta' azzjoni ta' Parti minnhom, tikkostitwixxi ksur ta' l-obbligi tagħha taħt dan il-Ftehim, it-talba formali għas-soluzzjoni tat-tilwima għandha tagħti r-raġunijiet għal din l-opinjoni u tindika, skond il-każ, li l-Parti tista' tadotta miżuri kif previst fl-Artikolu 129, il-paragrafu 4.

2. Il-Partijiet għandhom jagħmlu kull sforz sabiex isolvu t-tilwima permezz ta' konsultazzjonijiet bona fide fi ħdan il-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u entitajiet oħra kif previst fil-paragrafu 3, bil-għan li tinstab soluzzjoni aċċettabli għaż-żewġ naħat mill-aktar fis possibbli.

3. Il-Partijiet għandhom jipprovdu lill-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bl-informazzjoni neċessarja rilevanti għal analiżi dettaljata tas-sitwazzjoni.

Kemm-il darba t-tilwima ma tissolviex, din tiġi diskussa f'kull laqgħa tal-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, sakemm ma tinfetaħx proċedura ta' arbitraġġ kif previst fil-Protokoll 7. It-tilwima titqies bħala solvuta meta l-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazjoni jieħu deċiżjoni li torbot sabiex isolvi l-kwistjoni kif previst fl-Artikolu 129, il-paragrafu 3, jew meta t-tilwima tiġi ddikjarata ineżistenti.

Il-konsultazzjonijiet dwar tilwima jistgħu jsiru fi kwalunkwe laqgħa tal-Kumitat ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jew fi kwalunkwe kumitat jew entità stabbilita fuq il-bażi ta' l-Artikoli 123 jew 124, kif miftiehem bejn il-Partijiet jew fuq it-talba ta' kwalunkwe Parti minnhom. Il-konsultazzjonijiet jistgħu jsiru wkoll bil-miktub.

L-informazzjoni kollha żvelata matul il-konsultazzjoni għandha tibqa' kunfidenzjali.

4. Għal kwistjonijet li jaqgħu fl-ambitu tal-Protokoll 7, jekk il-Partijiet ma jirnexxilhomx isolvu t-tilwima fi żmien xahrejn wara l-bidu tal-proċedura għas-soluzzjoni tat-tilwima skond il-paragrafu 1, kwalunkwe Parti minnhom tista' tfittex soluzzjoni għat-tilwima permezz ta' arbitraġġ skond dak il-Protokoll.

Artikolu 131

Sakemm ma jinkisbux drittijiet ekwivalenti għall-individwi u għall-operaturi ekonomiċi taħt dan il-Ftehim, dan il-Ftehim m’għandux jaffetwa d-drittijiet li ġew żgurati lilhom permezz ta’ ftehimiet eżistenti li jorbtu lil Stat Membru wieħed jew aktar fuq in-naħa l-waħda u lill-Montenegro fuq in-naħa l-oħra.

Artikolu 132

Il-Protokoll 8 jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tal-Montenegro fi programmi Komuntarji.

Il-Protokolli 1, 2, 3, 4, 5, 6, 7 u 8 u l-Annessi I sa VII għandhom jagħmlu parti integrali minn dan il-Ftehim.

Artikolu 133

Dan il-Ftehim għandu jintlaħaq għal perjodu miftuħ.

Kwalunkwe waħda mill-Partijiet tista’ tiddenunzja dan il-Ftehim billi tinnotifika lill-Parti l-oħra. Dan il-Ftehim jintemm sitt xhur wara d-data tan-notifika.

Kwalunkwe Parti tista' tissospendi l-Ftehim, b'effett immedjat, fil-każ li l-Parti l-oħra ma tirrispettax waħda mill-elementi essenzjali ta' dan il-Ftehim.

Artikolu 134

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, it-terminu “Partijiet” għandu jfisser il-Komunità, jew l-Istati Membri tagħha, jew il-Komunità u l-Istati Membri tagħha, skond is-setgħat rispettivi tagħhom, fuq naħa waħda, u r-Repubblika tal-Montenegro fuq in-naħa l-oħra.

Artikolu 135

Dan il-Ftehim għandu japplika, fuq in-naħa l-waħda, għat-territorji fejn jiġu applikati t-Trattati li jistabbilixxu l-Komunità Ewropea u l-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika u skond il-kundizzjonijiet li huma stabbiliti f’dawk it-Trattati, u għat-territorju tal-Montenegro fuq in-naħa l-oħra.

Artikolu 136

Is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea għandu jkun id-depożitarju tal-Ftehim.

Artikolu 137

Dan il-Ftehim huwa magħmul doppju fiż-żewġ lingwi uffiċjali tal-Partijiet, u ż-żewġ testi huma ugwalment awtentiċi.

Artikolu 138

Il-Partijiet għandhom japprovaw dan il-Ftehim skond il-proċeduri tagħhom.

Dan il-Ftehim għandu jidhol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data li fiha l-Partijiet jinnotifikaw lil xulxin li ttieħdu l-proċeduri msemmija fl-ewwel paragrafu.

Artikolu 139 Il-Ftehim Interim

Fil-każ li, sakemm jitwettqu l-proċeduri neċessarji għad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, id-dispożizzjonijiet ta’ ċerti partijiet minn dan il-Ftehim, b’mod partikolari dawk b'rabta mal-moviment ħieles tal-prodotti kif ukoll id-dispożizzjonijiet rilevanti dwar it-Trasport, jiddaħħalu fis-seħħ permezz ta’ Ftehimiet Temporanji bejn il-Komunità u l-Montenegro, il-Partijiet jaqblu li, f’ċirkostanzi ta’ din ix-xorta għall-fini tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 73, 74, 75, 73 u 74 tat-Titolu IV ta’ dan il-Ftehim, il-Protokolli 1, 2, 3, 4, u 6, u d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Protokoll 5, mehmuża mal-Ftehim, it-terminu “id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim” ifisser id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim Temporanju rilevanti fir-rigward ta' l-obbligi li jinsabu fid-dispożizzjonijiet li jissemmew aktar ’il fuq.

[1] COM(2005) 476 finali tat-12 ta’ April 2005.

[2] ĠU C , , p. .

[3] ĠU C , , p. .

[4] ĠU C , , p. .

[5] Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (ĠU L 256, 7.9.1987, p.1) kif emendat kull sena

[6] Ġurnal Uffiċjali tal-Montenegro Nru 75/05