52007PC0290

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar in-non inklużjoni ta' methomyl fl-Anness I tad-direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u l-irtirar ta’ awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom dik is-sustanza /* KUMM/2007/0290 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 8.6.2007

KUMM(2007) 290 finali

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar in-non inklużjoni ta' methomyl fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u l-irtirar ta’ awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom dik is-sustanza

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

L-abbozz anness ta’ proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill jirrigwarda n-non-inklużjoni tal-methomyl bħala sustanza attiva fil-lista pożittiva (Anness I) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u l-irtirar tal-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom dik is-sustanza. Il-proposta għan-non-inklużjoni hija msejsa fuq xi tħassib li qam matul il-valutazzjoni ta' din is-sustanza attiva.

Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE toħloq qafas armonizzat għall-awtorizzazzjoni u t-tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti. Is-sustanzi attivi li jkunu maħsuba għall-użu bħala prodotti għall-ħarsien tal-pjanti jiġu valutati u awtorizzati f’livell Komunitarju, u elenkati fl-Anness I tad-Direttiva. Il-prodotti individwali għall-ħarsien tal-pjanti li jkun fihom sustanzi attivi jiġu valutati u awtorizzati mill-Istati Membri taħt regoli armonizzati.

Id- data mressqa mill-industrija kienet valutata inizjalment minn Stat Membru relatur, f'dan il-każ ir-Renju Unit, li ressaq abbozz ta' rapport ta' valutazzjoni. L- Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà Alimentari ta' l-Ikel organizzat reviżjoni inter pares tal-valutazzjoni inizjali u kienet ipprovdiet lill-Kummissjoni b'konklużjoni ta' valutazzjoni tar-riskju għall-methomyl fit-23 ta' Ġunju 2006.

Matul il-valutazzjoni ta' din is-sustanza attiva, qam xi tħassib. B'mod partikolari, imsejjes fuq it-tagħrif disponibbli, l-esponiment ta' l-operatur ikun jaqbeż l-LEAO (il-livell ta' esponiment aċċettabbli ta' l-operatur) u ma ntweriex li l-esponiment ta' l-operatur u tal-persuni fil-qrib huwa aċċettabbli. Barra minn hekk, rigward l-ekotossikoloġija, hemm tħassib minħabba riskju għoli għall-għasafar u l-mammiferi, għall-organiżmi akkwatiċi, għan-naħal u l-artropodi.

L-abbozz tad-deċiżjoni għal non-inklużjoni tressaq fis-16 ta' Marzu 2007 quddiem il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u Saħħet l-Annimali, fejn:

- 18-il Stat Membru vvota favur (199 vot)

- 7 Stati Membri vvotaw kontra (107 voti)

- 2 Stati Membri astjenew (39 vot)

Il-Kumitat ma ta l-ebda opinjoni. Għalhekk, skond l-Artikolu 19 tad-Direttiva 91/414/KEE u skond l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE, il-Kummissjoni jeħtiġilha tressaq lill-Kunsill proposta rigward il-miżuri li għandhom jittieħdu, filwaqt li l-Kunsill għandu tliet xhur biex jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata.

L-abbozz tad-Deċiżjoni mhuwiex suġġett għad-dritt ta’ l-iskrutinju tal-Parlament Ewropew (Artikolu 8 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE).

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar in-non inklużjoni ta' methomyl fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u l-irtirar ta’ awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom dik is-sustanza

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta' Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti[1], u b'mod partikolari r-raba' subparagrafu ta' l-Artikolu 8(2) tagħha,

Billi:

(1) L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE jistipola li Stat Membru jista’, matul perjodu ta’ 12-il sena min-notifika ta’ dik id-Direttiva, jawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom sustanzi attivi mhux elenkati fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva li diġà jinsabu fis-suq sentejn wara d-data tan-notifika, filwaqt li dawk is-sustanzi jkunu qegħdin jiġu eżaminati bil-mod fil-qafas ta’ programm ta’ ħidma.

(2) Ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 451/2000[2] u (KE) Nru 703/2001[3] jistipulaw ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tat-tieni stadju tal-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE u jistabbilixxu lista ta’ sustanzi attivi li għandhom jiġu vvalutati, bil-għan ta’ l-inklużjoni possibbli tagħhom fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE. Din il-lista tinkludi l-methomyl.

(3) Għall-methomyl, l-effetti fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent ġew valutati skond id-dispożizzjonijiet stipolati fir-Regolamenti (KE) Nru 451/2000 u (KE) Nru 703/2001 għal firxa ta’ użi proposti min-notifikant. Barra minn hekk, dawn ir-Regolamenti jinnominaw lill-Istati Membri relaturi li għandhom jippreżentaw ir-rapporti ta’ valutazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet rilevanti lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà Alimentari (EFSA) skond l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 451/2000. Għall-methomyl, l-Istat Membru relatur kien ir-Renju Unit u kull informazzjoni rilevanti tressqet fit-3 ta’ Mejju 2004.

(4) Ir-rapport ta' valutazzjoni saritlu reviżjoni inter pares mill-Istati Membri u l-EFSA u kien ippreżentat lill-Kummissjoni fit-23 ta' Ġunju 2006 fil-format ta' konklużjoni ta' l-EFSA fir-rigward tar-reviżjoni inter pares tal-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċidi tas-sustanza attiva methomyl[4]. Dan ir-rapport kien revedut mill-Istati Membri u l-Kummissjoni fi ħdan il-Kumitat Permanenti tal-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali.

(5) Matul il-valutazzjoni ta' din is-sustanza attiva, qam xi tħassib. B'mod partikolari, imsejjes fuq it-tagħrif disponibbli, l-esponiment ta' l-operatur ikun jaqbeż l-LEAO (il-livell ta' esponiment aċċettabbli ta' l-operatur) u ma ntweriex li l-esponiment ta' l-operatur u tal-persuni fil-qrib huwa aċċettabbli. Barra minn hekk, rigward l-ekotossikoloġija, hemm tħassib minħabba f'riskju għoli għall-għasafar u l-mammiferi, għall-organiżmi akkwatiċi, għan-naħal u l-artropodi.

(6) Il-Kummissjoni stiednet lin-notifikant sabiex jippreżenta l-kummenti tiegħu dwar ir-riżultati tar-reviżjoni inter pares u dwar jekk kienx beħsiebu jkompli jappoġġja is-sustanza jew le. In-notifikant ippreżenta l-kummenti tiegħu li ġew eżaminati bir-reqqa. Madankollu, minkejja l-argumenti mressqa, t-tħassib imsemmi hawn fuq baqa' mhux solvut, u valutazzjonijiet li saru abbażi tat-tagħrif ippreżentat u vvalutat matul il-laqgħat ta' esperti ta' l-EFSA ma wrewx li wieħed jista' jistenna li, fil-kondizzjonijiet proposti ta' użu, prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom il-methomyl jissodisfaw b'mod ġenerali r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva 91/414/KEE.

(7) Għalhekk, il-methomyl m’għandux ikun inkluż fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE.

(8) Għandhom jittieħdu miżuri biex jiżguraw li l-awtorizzazzjonijiet mogħtija għall-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li jkun fihom il-methomyl jiġu rtirati fi żmien perjodu preskritt u ma jiġux imġedda u li ma jingħatawx awtorizzazzjonijiet ġodda għal prodotti bħal dawn.

(9) Kull perjodu ta' konċessjoni mogħti minn Stat Membru għar-rimi, il-ħażna, it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-ħażniet eżistenti ta' prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom il-methomyl, għandu jkun limitat għal perjodu ta' tnax-il xahar biex jippermetti li l-ħażniet eżistenti jkunu użati fi staġun ieħor tat-tkabbir, li jiżgura li l-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom il-methomyl jistgħu jibqgħu jinkisbu mill-bdiewa sa 18-il xahar wara l-adozzjoni ta' din id-Deċizjoni.

(10) Din id-deċiżjoni hija bla ħsara għat-tressiq ta' applikazzjoni għall-methomyl skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 6 (2) tad-Direttiva 91/414/KEE fid-dawl ta’ inklużjoni possibbli fl-Anness I tagħha.

(11) Il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina ta’ l-Ikel u s-Saħħa ta’ l-Annimali ma tax opinjoni fil-limitu taż-żmien stabbilit mill-President tiegħu.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-methomyl mhux se jiġi inkluż bħala sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a) awtorizzazzjonijiet għal ħarsien tal-pjanti li fihom il-methomyl ikunu irtirati sa [... NIŻŻEL ID-DATA SITT XHUR MID-DATA TA' L-ADOZZJONI TA' DIN ID-DEĊIŻJONI] ;

(b) l-ebda awtorizzazzjoni għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom il-methomyl m’hi se tingħata jew tiġġedded mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Kull perjodu ta’ konċessjoni mogħti mill-Istati Membri skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4(6) tad-Direttiva 91/414/KEE, għandu jkun qasir kemm jista’ jkun u għandu jiskadi mhux aktar tard minn [... NIZZEL ID-DATA 18-IL XAHAR MILL-ADOZZJONI TA DIN ID-DEĊIŻJONI] .

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hi ndirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

[1] ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/.../KE (ĠU L ..., ... 2007, p. ...).

[2] ĠU L 55, 29.2.2000, p. 25. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1044/2003 (ĠU L 151, 19.6.2003, p. 32).

[3] ĠU L 98, 7.4.2001, p. 6.

[4] EFSA Scientific Report (2006) 83, 1-73, Conclusion regarding the peer review of pesticide risk assessment of methomyl.