Proposta għal regolament tal-Kunsill li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b'mod kollettiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjoni ta’ ċertu qamħ ħelu bil-qalba ppreparat jew ippreservat u li joriġina mit-Tajlandja /* KUMM/2007/0271 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 30.5.2007 KUMM(2007) 271 finali Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b'mod kollettiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjoni ta’ ċertu qamħ ħelu bil-qalba ppreparat jew ippreservat u li joriġina mit-Tajlandja (preżentata mill-Kummissjoni) MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA | Ir-raġunijiet għal u l-għanijiet tal-proposta Din il-proposta tikkonċerna l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet iddampjati minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2117/2005 tal-21 ta’ Diċembru 2005 (‘ir-Regolament bażiku’). | Il-kuntest ġenerali Din il-proposta qed issir fil-kuntest ta’ l-implimentazzjoni tar-Regolament bażiku u hija r-riżultat ta’ investigazzjoni li twettqet skond ir-rekwiżiti sostantivi u proċedurali stipulati fir-Regolament bażiku. | Id-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta Mhux applikabbli. | Il-konsistenza ma’ politiki u għanijiet oħrajn ta’ l-Unjoni Mhux applikabbli. | IL-KONSULTAZZJONI MA’ PARTIJIET INTERESSATI U STIMA TA’ L-IMPATT | Il-konsultazzjoni ma’ partijiet interessati | Il-partijiet interessati fil-proċediment diġà kellhom il-possibbiltà li jiddefendu l-interessi tagħhom matul l-investigazzjoni, skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku. | Il-ġbir u l-użu ta' għarfien espert | Ma kien hemm l-ebda ħtieġa ta’ għarfien espert estern. | L-istima ta' l-impatt Din il-proposta hi r-riżultat ta' l-implimentazzjoni tar-Regolament bażiku. Ir-Regolament bażiku ma jipprevedix stima ġenerali ta’ l-impatt iżda fih lista eżawrjenti ta’ kundizzjonijiet li jridu jiġu evalwati. | L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA | It-taqsira ta' l-azzjoni proposta Fit-28 ta’ Marzu 2006, il-Kummissjoni tat bidu għall-proċedura antidumping fir-rigward ta' l-importazzjonijiet ta’ ċertu qamħ ħelu bil-qalba ppreparat jew ippreservat u li joriġina mit-Tajlandja. L-investigazzjoni sabet li l-prodott ikkonċernat kien qiegħed jiġi ddampjat, b’dannu għall-industrija tal-Komunità. Din l-investigazzjoni tat ukoll prova li ma kien hemm l-ebda aspett ta’ interess tal-Komunità li jorbot kontra l-impożizzjoni ta' miżuri antidumping definittivi. Fuq din il-bażi, ġew imposti miżuri proviżorji permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1888/2006. It-tkomplija ta' l-investigazzjoni kkonfermat is-sejbiet proviżorji essenzjali. Għalhekk, ġie ssuġġerit li l-Kunsill jadotta l-proposta mehmuża għal Regolament biex jimponi miżuri definittivi. | Il-bażi legali Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2117/2005 tal-21 ta' Diċembru 2005. | Il-prinċipju tas-sussidjarjetà Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklussiva tal-Komunità. Il-prinċipju tas-sussidjarjetà għalhekk ma japplikax. | Il-prinċipju tal-proporzjonalità Din il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin: | Il-forma ta' azzjoni hi deskritta fir-Regolament imsemmi hawn fuq u ma tħalli l-ebda skop għal deċiżjoni nazzjonali. | Mhijiex meħtieġa indikazzjoni ta' kif jiġi minimizzat u jsir proporzjonali ma' l-għan tal-proposta, il-piż finanzjarju u amministrattiv li jaqa' fuq il-Komunità, il-gvernijiet nazzjonali, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-operaturi ekonomiċi u ċ-ċittadini. | Għażla ta' strumenti | Strument propost: Regolament. | Mezzi oħra ma jkunux adegwati għar-raġuni li ġejja: Mezzi oħra ma jkunux adegwati minħabba li r-Regolament bażiku ma jipprevedix alternattivi oħra. | L-IMPLIKAZZJONI BAġITARJA | Il-proposta m'għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Komunità. | 1. Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b'mod kollettiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjoni ta’ ċertu qamħ ħelu bil-qalba ppreparat jew ippreservat u li joriġina mit-Tajlandja IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea[1] (‘ir-Regolament bażiku’), u b’mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta ppreżentata mill-Kummissjoni wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv, Billi: A. IL-MIŻURI PROVIŻORJI 2. Fit-28 ta’ Marzu 2006, il-Kummissjoni ppubblikat avviż[2] u tat bidu għall-proċedura antidumping fir-rigward ta' l-importazzjonijiet ta’ ċertu qamħ ħelu bil-qalba ppreparat jew ippreservat u li joriġina mit-Tajlandja. Fl-20 ta’ Diċembru 2006, il-Kummissjoni, bir-Regolament (KE) Nru 1888/2006[3] (‘ir-Regolament proviżorju’) imponiet dazju proviżorju antidumping fuq l-importazzjonijiet ta' l-istess prodott. B. Il-PROĊEDURA SUSSEGWENTI 3. Sussegwentement għar-rivelazzjoni tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali, li fuq il-bażi tagħhom kien deċiż li jkunu imposti miżuri proviżorji antidumping , għadd ta' partijiet interessati taw preżentazzjonijiet bil-miktub biex juru l-fehmiet tagħhom dwar is-sejbiet proviżorji. Dawk il-partijiet li talbu, ingħataw l-opportunità li jinstemgħu. Skond l-Artikolu 6(6) tar-Regolament bażiku fid-9 ta' Frar 2007, saret laqgħa fil-bini tal-Kummissjoni bejn produttur esportatur wieħed, Assoċjazzjoni ta' produtturi Tajlandiżi, il-Gvern Tajlandiż u l-produtturi tal-Komunità. Il-laqgħa kienet iddedikata għall-kwistjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tal-Komunità għall-qamħ ħelu. 4. Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika t-tagħrif kollu li qieset ta' ħtieġa għas-sejbiet definittivi. 5. Il-partijiet kollha kienu mgħarrfa bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali, li fuqhom kienet ibbażata l-intenzjoni li tkun irrakkomandata l-impożizzjoni tad-dazji definittivi antidumping fuq importazzjonijiet ta’ ċertu qamħ ħelu bil-qalba ppreparat jew ippreservat u li joriġina mit-Tajlandja u l-ġbir definittiv ta' l-ammonti li ġew żgurati permezz tad-dazju proviżorju. Il-partijiet ingħataw ukoll perjodu li fih setgħu jagħmlu rappreżentazzjonijiet sussegwenti għar-rivelazzjoni tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom ġew imposti l-miżuri. 6. Il-kummenti orali u miktuba ppreżentati mill-partijiet interessati kienu meqjusa u, fejn xieraq, is-sejbiet ġew immodifikati skond dawn. 7. Ta' min jiftakar li l-investigazzjoni ta' dumping u ta' ħsara kopriet il-perjodu mill-1 ta' Jannar 2005 sal-31 ta' Diċembru 2005 ('il-perjodu ta' investigazzjoni' jew 'PI'). Fir-rigward tat-tendenzi rilevanti għall-istima tal-ħsara, il-Kummissjoni analizzat id- data li tkopri l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2002 sal-31 ta' Diċembru 2005 ('il-perjodu meqjus'). Il-perjodu użat għas-sejbiet dwar it-tnaqqis tal-prezzijiet, il-bejgħ taħt il-prezz u t-tneħħija tal-ħsara huwa l-PI msemmi hawn fuq. C. IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI 8. Fin-nuqqas ta' xi kummenti rigward il-prodott ikkonċernat u l-prodott simili, il-premessi (13) sa (15) tar-Regolament proviżorju huma b'dan ikkonfermati. D. DUMPING 1. It-teħid tal-kampjuni u l-eżaminazzjoni individwali 9. Għadd ta' esportaturi u assoċjazzjoni ta' produtturi Tajlandiżi qajmu oġġezzjonijiet għall-istima tat-teħid tal-kampjuni u ta' l-analiżi ta' l-eżami individwali deskritti fil-premessi (16) sa (20) tar-Regolament proviżorju. B'mod partikolari, ġie ddikjarat li l-kampjun ma kienx rappreżentattiv minħabba li l-Kummissjoni ma qisitx fatturi oħra bħad-daqs tal-kumpaniji u l-pożizzjoni ġeografika tagħhom. Barra minn hekk, ġie ddikjarat li l-investigazzjoni ta' aktar kumpaniji mill-erbgħa li ttieћdu bћala kampjun, ma kinitx se tkun ta' piż bla bżonn. 10. Kif spjegat fil-premessi (16) sa (18) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni tqis li sabiex jintlaħaq l-aktar kampjun rappreżentattiv possibbli, filwaqt li jitqiesu l-limiti ta' żmien ta' l-investigazzjoni, kien xieraq li jiġu inklużi erba' kumpaniji biss fil-kampjun minħabba li (i) dan jippermetti l-kopertura ta' volum kbir ta' esportazzjonijiet u li (ii) l-erba' kumpaniji setgħu jiġu investigati fiż-żmien disponibbli. L-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku ma jispeċifika l-ebda limitu li lilhinn minnu l-għadd ta' esportaturi jkun meqjus kbir biżżejjed li jiggarantixxi t-teħid tal-kampjuni, lanqas ma jagħti indikazzjoni preċiża tan-numru xieraq ta' partijiet li għandhom jiġu inklużi fil-kampjun. Dwar dawn ta’ l-aħħar, il-Kummissjoni nfisha għandha tiġġudika x'jista' jiġi investigat fil-limitu ta' żmien partikolari filwaqt li tiżgura li l-kampjun ikun ikopri l-akbar parti possibbli ta' l-esportazzjonijiet imsemmija. F'dan ir-rigward, il-kampjun magħżul kien ikopri 52% tat-total ta’ l-esportazzjonijiet Tajlandiżi matul il-perjodu ta' investigazzjoni, li mil-lat tal-volum huwa meqjus bħala rappreżentattiv ħafna. 11. Skond l-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku, il-kriterju li ġie applikat għall-għażla tal-kampjun kien l-akbar volum rappreżentattiv ta' esportazzjonijiet mit-Tajlandja lejn il-Komunità li jista' jiġi investigat b'mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Fid-dawl tar-rappreżentattività għolja tal-kampjun magħżul f'termini ta' volum, ma kienx meqjus ta' ħtieġa li jkunu eżaminati fatturi oħra bħad-daqs tal-kumpaniji jew il-pożizzjoni ġeografika tagħhom. 12. Kif imsemmi qabel fil-premessa (20) tar-Regolament proviżorju, l-investigazzjoni ta' aktar kumpaniji kienet se tkun ta' piż bla bżonn fuq l-investigazzjoni u żżommha milli titlesta fil-ħin. 13. Id-dikjarazzjonijiet ippreżentati minn xi partijiet dwar il-premessi (16) sa (20) tar-Regolament proviżorju għaldaqstant ma ġewx milqugħa u dawn il-premessi huma b'dan ikkonfermati. 2. Il-valur normali 14. Produttur esportatur wieħed iddikjara li kienu saru għadd ta' żbalji matematiċi fil-kalkolu tal-valur normali. Dawn id-dikjarazzjonijiet ġew iċċekkjati bir-reqqa u nstab li ma kienu saru l-ebda żbalji. 15. Minħabba li m’hemm l-ebda kummenti oħra f'dan ir-rigward, il-premessi (21) sa (32) tar-Regolament provviżorju huma b'dan ikkonfermati. 3. Il-Prezz ta' l-Esportazzjoni 16. Wara l-iżvelar proviżorju, produttur esportatur wieħed ikkontesta l-konklużjonijiet fil-premessa (34) tar-Regolament proviżorju. Din il-parti ddikjarat li kellu jitqies il-bejgħ kollu mill-esportazzjoni tal-kumpanija, inkluż il-bejgħ tal-prodotti manifatturati minn produtturi indipendenti oħra, u mixtrija minnha. Din il-parti ddikjarat li l-prodotti lesti mixtrija mill-kumpanija għandhom jitqiesu parti mill-produzzjoni tagħha minħabba li ġie allegat li dawn ġew immanifatturati fil-qafas ta' sistema tal-ħlas ta' nollijiet. 17. F'dan il-kuntest, ta' min jinnota li l-prodotti mmanifatturati mill-produttur esportatur imsemmi biss jistgħu jitqiesu meta jiġu ddeterminati l-marġini ta' dumping individwali. Jekk produttur esportatur jixtri parti mill-prodott biex dan jerġa' jinbiegħ fil-Komunità huwa jkun f'pożizzjoni simili għal dik ta' aġent jew kummerċjant fir-rigward ta' dan ix-xiri u bejgħ mill-ġdid bħal dan ma jistax jitqies meta jiġi stabbilit il-marġinu ta' dumping individwali tiegħu. 18. Fl-investigazzjoni ġie stabbilit li l-produttur esportatur imsemmi kien qed jixtri minn produtturi oħra parti mill-prodotti mibjugħa fil-Komunità. Instab ukoll li dan l-esportatur dejjem ħallas għal prodotti lesti u li dawn it-tranżazzjonijiet kienu rreġistrati fis-sistema ta’ kontabilità tiegħu bħala xiri tal-prodotti lesti. Ma ġiet ippreżentata l-ebda prova kuntrattwali jew prova oħra (eż. l-hekk imsejjaħ arranġament tal-ħlas ta' nollijiet) li tipprova li l-prodotti kienu mill-bidunett proprjetà tal-produttur esportatur u li l-attività tal-kumpaniji l-oħra kienet limitata għal sempliċi trasformazzjoni tal-prodotti msemmija. 19. Wara l-iżvelar definittiv, il-produttur esportatur imsemmi tenna d-dikjarazzjoni tiegħu, filwaqt li enfasizza li għandu jitqies bħala ko-produttur tal-prodott mixtri mingħand produtturi oħra. Madankollu, billi l-proprjetà tal-prodotti manifatturati minn partijiet oħra ġiet trasferita lill-produttur esportatur ikkonċernat biss wara t-tlestija tal-proċess ta' manifattura, kif joħroġ ċar mill-fatturi tax-xiri, hu kkonfermat li dan il-produttur esportatur ma jistax jitqies bħala l-produttur, jew il-ko-produttur, tal-prodott mixtri għall-bejgħ mill-ġdid. 20. Fid-dawl ta' dan kollu, id-dikjarazzjoni tal-produttur esportatur mhijiex milqugħa u l-premessi (33) u (34) tar-Regolament proviżorju huma b'dan ikkonfermati. 21. Assoċjazzjoni ta' l-importaturi ddikjarat li kellu jsir aġġustament skond l-Artikolu 2(10)(k) tar-Regolament bażiku biex jitqies li l-għargħar qawwi fit-Tajlandja kien wassal biex il-prezzijiet ta' l-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat ikunu komparattivament baxxi meta mqabbla maż-żieda fin-nefqa tal-materja prima, il-qamħ ħelu, wara l-għargħar. F'dan ir-rigward, ta' min jinnota li d-dikjarazzjoni ma saret mill-ebda wieħed mill-produtturi esportaturi nfushom, u lanqas ma ġiet kwantifikata. Madankollu, l-għargħar huwa relattivament komuni fit-Tajlandja u ma jistax jitqies bħala fatt imprevedibbli meta jiġu nnegozjati l-kuntratti u b'mod partikolari l-prezzijiet ta' l-esportazzjoni. Fl-aħħarnett, l-analiżi turi li l-effett possibbli, jekk hemm, ta' l-għargħar fuq il-prezz tal-materja prima (qamħ ħelu) kien ikun limitat biss għall-aħħar kwart tal-PI meta, il-maġġoranza vasta tax-xiri ta' materja prima mill-produtturi esportaturi tkun saret qabel dan il-perjodu. Għalhekk, it-talba għal aġġustament m'hijiex milqugħa. 4. Tqabbil 22. Wara l-iżvelar proviżorju, għadd ta' produtturi esportaturi ddikjaraw li kellhom isiru ċerti konċessjonijiet fuq il-bejgħ domestiku (marbuta l-aktar ma' maneġġjar, tagħbija u spejjeż anċillari u spejjeż ta' kreditu) fil-kalkolu tad- dumping . Dawn id-dikjarazzjonijiet ġew eżaminati u fil-każ ta' kumpanija waħda nstab li kellha tassew tingħata konċessjoni addizzjonali. Wara dan l-aġġustament, il-marġinu ta' dumping għal din il-kumpanija naqas minn 4,3 % għal 3,1 %. 23. Billi d- data tal-kumpanija msemmija fil-premessa 0 hawn fuq kienet użata fil-kalkolu tal-valur normali ta' kumpanija oħra, kif spjegat fil-premessi (29) u (31) tar-Regolament proviżorju, il-marġinu ta' dumping tal-kumpanija ta' l-aħħar naqas ukoll minn 11,2 % għal 11,1 % bħala riżultat tal-konċessjonijiet mogħtija. 24. Fin-nuqqas ta' xi kummenti oħra f’dan ir-rigward, u minbarra l-bdil imsemmi hawn fuq, il-premessi (35) u (36) tar-Regolament proviżorju huma b’dan ikkonfermati. 5. Il-marġini ta' dumping 25. Fid-dawl ta' l-aġġustament imsemmi hawn fuq, l-ammont ta' dumping finalment iddeterminat, espress bħala perċentwali tas-CIF nett, prezz ħieles fil-fruntiera Komunitarja, qabel id-dazju, huwa kif ġej: Il-kumpanija | Il-marġini ta' dumping | Karn Corn | 3,1 % | Malee Sampran | 17,5 % | River Kwai | 15,0 % | Sun Sweet | 11,1 % | 26. Għall-pajjiżi li kkoperaw iżda ma ntgħażlux fil-kampjun, il-marġinu ta' dumping ġie stabbilit fuq il-bażi tal-marġini ta’ dumping b'medja b'piż differenzjat tal-kumpaniji magħżula fil-kampjun, skond l-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku. Il-marġini ta’ dumping b'medja b'piż differenzjat, espress bħala perċentwali tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Komunità, dazju mhux imħallas, kien ta' 12.9 %. 27. Fin-nuqqas ta' xi kummenti, il-premessa (40) tar-Regolament proviżorju hija b'dan ikkonfermata. E. IL-ĦSARA 28. Waħda mill-partijiet interessati sostniet li l-istrateġija segwita mill-Kummissjoni fir-rigward tal-mezzi differenti ta' bejgħ u deskritta fil-premessi (50) u (51) tar-Regolament proviżorju, m'hijiex konformi mar-Regolament bażiku u mal-Ftehim tad-WTO Antidumping [4], minħabba li allegatament hija, "maħsuba biex tirrifletti b'mod artifiċjali ħsara ikbar u ma tistax titqies bħala korretta u lanqas oġġettiva u imparzjali". B'sostenn għat-talba tagħha, il-parti li ressqet l-ilment għamlet referenza għar-rapport tal-Korp ta' Appell tad-WTO ta' l-24.7.2001[5] fejn jintqal li "l-awtoritajiet li jinvestigaw m'humiex intitolati li jmexxu l-investigazzjoni tagħhom b'mod li r-riżultat tat-tiftix ta' fatti jew tal-proċess ta' evalwazzjoni, x'aktarx iwassal biex tkun iddeterminata l-ħsara li saret lill-industrija domestika" (il-paragrafu 196 tal-KA). 29. L-ewwelnett, l-eżistenza taż-żewġ mezzi differenti ta' bejgħ deskritti mill-Kummissjoni fil-premessi (50) u (51) tar-Regolament proviżorju, flimkien ma' l-implikazzjonijiet li jiġu wara f'termini ta' l-ispejjeż tal-bejgħ u l-prezzijiet tal-bejgħ, m'hijiex ikkontestata mill-ebda parti interessata ta' din il-proċedura, u lanqas mill-parti li ressqet l-ilment. It-tieninett, lanqas huwa kkontestat il-fatt, stabbilit ukoll fil-premessa (51) tar-Regolament proviżorju, li l-importazzjonijiet kollha mill-esportaturi Tajlandiżi li kkoperaw għandhom x'jaqsmu mal-mezzi ta' bejgħ ta' prodotti bil-marka tal-bejjiegħ bl-imnut. Anzi, dan ġie rikonoxxut mill-parti li ressqet l-ilment: " Għandu jiġi mfakkar li l-bejgħ Tajlandiż lill-bejjiegħa bl-imnut fl-Ewropa qiegħed isir bil-marka kummerċjali tal-bejjiegħa bl-imnut ". 30. Barra minn hekk, ta' min jinnota wkoll li l-KA jistqarr fil-paragrafu 204 li "jista' jkun ferm pertinenti li jeżaminaw partijiet, setturi jew segmenti ta' l-industrija domestika." Għalhekk kien xieraq li ssir distinzjoni bejn iż-żewġ mezzi separati ta' bejgħ, għal ċerti indikaturi ta' ħsara kif xieraq, biex tkun żgurata l-evalwazzjoni ġusta tal-ħsara mġarrba mill-industrija tal-Komunità, u jkun stabbilit jekk l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping mit-Tajlandja kellhomx impatt dirett fuq il-ħsara mġarrba mill-industrija tal-Komunità. Id-determinazzjoni tal-ħsara kopriet b'mod sistematiku ż-żewġ mezzi ta' bejgħ flimkien, u barra minn hekk, analizzat b'mod separat, fejn xieraq, il-bejgħ bil-marka tal-bejjiegħ bl-imnut. 31. Madankollu, l-KA fil-paragrafu 204 ssokta jgħid li "[…] meta l-awtoritajiet li jinvestigaw jagħmlu eżami ta' parti waħda ta' l-industrija domestika, huma għandhom, fil-prinċipju, jeżaminaw, bl-istess mod, il-partijiet l-oħra kollha li jiffurmaw l-industrija, kif ukoll jeżaminaw l-industrija kollha kemm hi ." Is-servizzi tal-Kummissjoni, għalhekk ikkumplimentaw l-analiżi tagħhom tal-ħsara fir-rigward tat-tliet indikaturi ta' ħsara li kienu analizzati b'mod separat fir-Regolament proviżorju, skond il-mezzi ta' bejgħ ta' prodotti bil-marka tal-bejjiegħ bl-imnut. Dawn it-tliet indikaturi huma l-volum ta' bejgħ (il-premessa (56) tar-Regolament proviżorju), il-prezz tal-bejgħ (il-premessa (63) tar-Regolament proviżorju) u l-qligħ (il-premessa (66) tar-Regolament proviżorju). Dawn it-tliet indikaturi ġew eżaminati f'analiżi speċifika tal-ħsara dwar il-mezz ta' bejgħ ta' prodotti bil-marka tal-produttur. 32. Kif stabbilit skond il-premessa (51) tar-Regolament proviżorju, il-bejgħ ta' l-industrija tal-Komunità bil-marka tal-bejjiegħ bl-imnut kien jirrappreżenta madwar 63% tal-bejgħ totali ta' l-industrija tal-Komunità (il-marka tal-produttur u l-marka tal-bejjiegħ bl-imnut) matul il-perjodu ta' investigazzjoni. B'konsegwenza, il-bejgħ bil-marka tal-produttur kien jirrappreżenta 37 % tat-total. 33. Il-volum ta' bejgħ mill-industrija tal-Komunità ta' prodotti bil-marka tal-produttur fis-suq Komunitarju l-ewwel naqas b'1 % fl-2003, żdied b'6 punti perċentwali fl-2004, u naqas b'6 punti perċentwali fil-PI. Matul il-PI, il-volum ta' bejgħ bil-marka tal-produttur kien kważi fl-istess livell li kien fl-2002, jiġifieri ftit 'il fuq minn 68 000 tunnellata. 34. Fir-rigward ta' l-industrija tal-Komunità, il-prezzijiet ta' unità għall-bejgħ lil konsumaturi indipendenti ta' prodotti bil-marka tal-produttur baqgħu prattikament fissi matul il-perjodu kkonċernat. Minn livell ta' 1 380 EUR/tunnellata fl-2002, dawn żdiedu bi 2 % fl-2003, naqsu b'2 punti perċentwali fl-2004, qabel ma naqsu kemm kemm b'punt perċentwali 1 fil-PI, meta laħqu livell ta' 1 361 EUR/tunnellata. 35. Matul il-perjodu kkonċernat, il-qligħ mil-bejgħ ta' l-industrija tal-Komunità ta' prodotti bil-marka tal-produttur, espress bħala perċentwali tal-bejgħ nett, naqas b'mod gradwali minn kważi 30 % fl-2002 għal 29 % fl-2003, għal madwar 27 % fl-2004 u finalment għal madwar 24 % fil-PI. 2002 | 2003 | 2004 | PI | Volum ta' bejgħ fil-KE (marka tal-produttur) lil konsumaturi indipendenti (tunnellata) | 68 778 | 68 002 | 72 387 | 68 193 | Indiċi (2002=100) | 100 | 99 | 105 | 99 | Il-prezz ta' l-Unità fis-suq tal-KE ( marka tal-produttur) (EUR/tunnellata) | 1 380 | 1 405 | 1 386 | 1 361 | Indiċi (2002=100) | 100 | 102 | 100 | 99 | Il-qligħ mill-bejgħ tal-KE għal indipendenti (marka tal-produttur) (% tal-bejgħ nett) | 29,7% | 29,0% | 27,4% | 23,6% | Indiċi (2002=100) | 100 | 98 | 92 | 79 | Sors: Investigazzjoni | 36. Għalhekk huwa nnutat li l-bejgħ ta' prodotti bil-marka tal-produtturi baqa' relattivament fiss kemm f'termini tal-kwantitajiet mibjugħa kif ukoll tal-prezzijiet matul il-perjodu kkonċernat. Bil-maqlub, il-qligħ minn dan il-bejgħ tnaqqar b'mod gradwali matul l-istess perjodu. Din l-istampa tikkuntrasta ma' l-istampa ċara ta' ħsara stabbilita fir-Regolament proviżorju fir-rigward tal-bejgħ kollu meħud flimkien, kif ukoll tal-bejgħ bil-marka tal-bejjiegħ bl-imnut. Madankollu, jidher ċar li l-impatt ta' l-importazzjonijiet mit-Tajlandja jinħass l-aktar fejn huma kkonċentrati l-importazzjonijiet tagħhom, jiġifieri l-prodotti bil-marka tal-bejjiegħ bl-imnut. 37. Bħala kumpliment għal dan, l-eżaminazzjoni mwettqa mis-servizzi tal-Kummissjoni hija konsistenti mar-Regolament bażiku u tissodisfa l-obbligu ta' oġġettività stabbilit fl-Artikolu 3.11 tal-Ftehim Antidumping tad-WTO minħabba li l-indikaturi ta' ħsara elenkati fl-Artikolu 3.4 tal-Ftehim antidumping tad-WTO ġew eżaminati b'distinzjoni u mingħajr distinzjoni ta' l-ebda mezzi ta' bejgħ, fejn dan kien meqjus xieraq fir-rigward ta' l-ispeċifitajiet tal-każ partikolari. Għaldaqstant id-dikjarazzjoni msemmija hawn fuq m'hijiex milqugħa. 38. Minħabba li ma kien hemm l-ebda kummenti f’dan ir-rigward, il-premessi (41) sa (76) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati. F. IL-KAWŻALITÀ 1. Il-prassi ta' negozju restrittivi 39. Bosta partijiet interessati ddikjaraw li l-industrija tal-Komunità kienet involuta fi prassi ta' negozju restrittiva, li allegatament hija kkaratterizzata, b'mod partikolari, mill-iffissar tal-prezzijiet fis-suq Komunitarju għal qamħ ħelu. B'sostenn għal dan, waħda minn dawn il-partijiet interessati indikat li: (i) hija ġibdet espressament l-attenzjoni tal-Kummissjoni għal din il-kwistjoni fil-preżentazzjoni tagħha datata l-21 ta' Ġunju 2006; (ii) wieħed mill-bejjiegħa bl-imnut Ewopej qajjem tħassib simili fi preżentazzjoni datata s-17 ta' Mejju 2006; u finalment (iii) fl-1 ta' Diċembru 2006 din il-parti ppreżentat żewġ e-mails mill-President ta' l-Assoċjazzjoni li tressaq l-ilmenti msemmija fil-premessa (1) tar-Regolament proviżorju. F'waħda minn dawn l- e-mails , datati t-13 ta' April 2005, il-President ta' l-Assoċjazzjoni li tressaq l-ilmenti allegatament jgħarraf lill-Kap Eżekuttiv ta' kumpanija ta' l-esportazzjoni Tajlandiża li l-proċessuri ta' l-Ewropa tal-Punent kienu qablu fuq il-prezzijiet għal tliet preżentazzjonijiet tal-prodott simili. 40. Għalhekk il-partijiet interessati msemmija hawn fuq talbu lill-Kummissjoni biex ittemm b'mod immedjat il-proċedura preżenti, fuq il-bażi ta' nuqqas ta' kawżalità bejn l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping u l-qagħda ħażina ta' l-industrija tal-Komunità, billi l-livell ta' prezzijiet ipprattikati mill-industrija tal-Komunità ma jkunux affidabbli u jogħlew b'mod artifiċjali minħabba l-imġiba allegatament mhux kompetittiva ta' l-industrija tal-Komunità. Waħda mill-partijiet għamlet referenza espliċita kemm għall-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku kif ukoll għall-każ Mukand [6], biex titlob lill-Kummissjoni tevalwa l-impatt potenzjali fuq il-qagħda ħażina ta l-industrija tal-Komunità li tirriżulta mill-imġiba allegatament mhux kompetittiva msemmija hawn fuq, qabel kull konklużjoni dwar il-kawżalità. 41. Fir-rigward tal-punti (i) u (ii) fil-premessa (38), huwa nnutat li ż-żewġ preżentazzjonijiet jikkonsistu sempliċiment fi ftit allegazzjonijiet mhux issostanzjati. Fil-preżentazzjoni msemmija fil-punt (i), il-parti li ressqet l-ilment kienet indikat hija nfisha li "aktar tagħrif u prova, rigward dawn l-abbużi, li jikkostitwixxu vjolazzjonijiet serji tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-KE, se jingħataw meta jkun il-waqt." Il-parti kkonċernata sussegwentement bagħtet l- e-mails imsemmija fil-premessa (38) hawn fuq. 42. Hekk kif irċevew dawk l- e-mails , is-servizzi tal-Kummissjoni li jieħdu ħsieb il-kwistjonijiet ta' antidumping stiednu b'mod immedjat lill-parti li għamlet l-ilment biex tressaq l-istess materjal lis-servizzi tal-Kummissjoni li jieħdu ħsieb il-kwistjonijiet ta' kompetizzjoni. Barra minn hekk, fid-dawl ta' l-eżistenza ta' dawn l- e-mails u b'mod partikolari minħabba li l-President ta' l-Assoċjazzjoni li tressaq l-ilmenti rrikonoxxa li huwa kien l-awtur tal-messaġġi, is-servizzi tal-Kummissjoni li jieħdu ħsieb il-kwistjonijiet ta' antidumping , eżaminaw mill-qrib il-prezzijiet ipprattikati mill-produtturi differenti tal-Komunità. 43. Il-President ċaħad bil-qawwa li l-industrija tal-Komunità qatt laħqet qbil jew applikat xi prezzijiet ta' 'referenza' kif issuġġerit fl- e-mail . Billi fil-qafas tal-proċedura preżenti antidumping , is-servizzi tal-Kummissjoni jiddisponu minn tagħrif iddettaljat dwar prezzijiet għal kull mudell fuq bażi ta’ tranżazzjoni-bi-tranżazzjoni, mill-produtturi kollha tal-Komunità li kkoperaw, kien ivverifikat jekk jistax jiġi identifikat xi allinjament ta' prezzijiet. 44. F'din l-investigazzjoni dwar l- antidumping ma nstabet l-ebda prova ta' allinjament ta' prezzijiet effettiv fost il-produtturi tal-Komunità li kkoperaw. Barra minn hekk, il-prezzijiet attwali, fil-maġġoranza kbira tagħhom, kienu ferm anqas mill-prezzijiet ta' 'referenza' msemmija fl- e-mail hawn fuq datata t-13 ta' April 2005 45. Għalhekk, f'din l-investigazzjoni dwar l- antidumping l-istituzzjonijiet tal-Komunità ma sabu l-ebda prova li l-prezzijiet ta' l-importazzjonijiet iddampjati mill-pajjiż ikkonċernat kienu inqas minn dawk ta' l-industrija tal-Komunità prinċipalment minħabba livell artifiċjali ta' prezzijiet li joħroġ minn imġiba mhux kompetittiva. 46. Ġie osservat ukoll li l-Kummissjoni ma ħarġet l-ebda deċiżjoni finali li tistabbilixxi li l-industrija tal-Komunità kienet ipprattikat kartell. 47. B'konsegwenza tal-punti kollha msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-investigazzjoni attwali dwar l- antidumping ma sabet l-ebda prova li l-prezzijiet ta' l-industrija tal-Komunità u l-indikaturi ta' ħsara kienu ġew affettwati minn imġiba mhux kompetittiva jew minn prassi ta' negozju restrittiva. Għaldaqstant din id-dikjarazzjoni m'hijiex milqugħa. 2. L-impatt tal-kundizzjonijiet tat-temp 48. Bosta partijiet interessati ddikjaraw li fl-eżaminazzjoni ta' kawżalità għandu jiġi ttrattat l-impatt li jirriżulta minn kundizzjonijiet tat-temp. B'mod aktar preċiż, dawn il-partijiet għamlu referenza għal: (i) il-mewġa ta' sħana fis-sajf ta' l-2003; u (ii) l-għargħar li laqat lill-Ungerija matul il-perjodu bejn Mejju u Awissu 2005. 49. Ġie eżaminat b'attenzjoni jekk il-mewġa ta' sħana ta' l-2003 fl-Ewropa (id-dikjarazzjoni (i) hawn fuq) u l-għargħar li laqat lill-Ungerija fl-2005 (id-dikjarazzjoni (ii) hawn fuq) setgħux kellhom impatt fuq il-qagħda negattiva ta' l-industrija tal-Komunità. 50. Instab li l-mewġa ta' sħana ta' l-2003 u l-għargħar ta' l-2005 ma kellhom prattikament l-ebda impatt fuq il-kwantità maħsuda ta' qamħ ħelu fuq livell globali, Komunitarju u industrijali. Tabilħaqq, id- data miksuba mill-produtturi tal-Komunità fil-qafas ta' l-investigazzjoni turi ċifri stabbli ħafna għall-produzzjoni (f'tunnellati ta' qamħ ħelu maħsud għal kull ettaru) matul il-perjodu kollu kkonċernat. Huwa mfakkar ukoll li l-Kummissjoni kienet sabet, kif deskritt fil-premessi (86) u (87) tar-Regolament proviżorju, li l-ispiża ta' produzzjoni għal kull unità ta' l-industrija tal-Komunità kienet għoliet sempliċiment b'5 % matul il-perjodu mill-2002 sal-PI, l-aktar minħabba ż-żieda fil-prezz ta' l-azzar (billi l-bott huwa l-aktar element ta' spiża importanti). Fuq il-bażi ta' dawn l-elementi, id-dikjarazzjonijiet (i) u (ii) imsemmija hawn fuq ma ġewx milqugħa. 51. Għalhekk jitqies li l-kundizzjonijiet tat-temp ma setgħux jaqtgħu r-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping u l-ħsara li laqtet l-industrija tal-Komunità. 52. Fin-nuqqas ta' xi kummenti oħra fir-rigward tal-kawżalità, il-premessi (77) sa (99) tar-Regolament proviżorju huma b'dan ikkonfermati. G. L-INTERESS TAL-KOMUNITÀ 53. Fin-nuqqas ta' xi tagħrif ġdid u ssostanzjat fir-rigward ta' l-interess tal-Komunità, il-premessi (100) sa (118) tar-Regolament proviżorju huma hawnhekk ikkonfermati. H. MIŻURI DEFINITTIVI 54. Bosta partijiet interessati ddikjaraw li: (i) li l-Kummissjoni għandha tiċċara aktar il-mod kif ikkalkulat il-qligħ ta' 14 % li jista' jinkiseb fin-nuqqas ta' importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping , kif imsemmi fil-premessa (121) tar-Regolament proviżorju; u (ii) l-qligħ ta' 14 % imsemmi qabel kien għoli wisq.Fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta' l-aħħar, kienet saret referenza għal proċeduri riċenti ta' salvagwardja u antidumping marbuta ma' prodotti agrikoli pproċessati bl-istess mod bħal frott taċ-ċitru ppreservat[7] u frawli ffriżat[8], fejn kienu użati marġini ta' qligħ ta' 6,8 % u 6,5 % rispettivament. F'dan il-kuntest, parti interessata oħra ddikjarat (iii) li l-qligħ ta' 14 % kien baxx wisq, u għandu jiġi stabbilit għal 17 % biex jirrifletti l-qligħ miksub fl-2002 fuq il-bejgħ ta' prodotti bil-marka tal-bejjiegħ bl-imnut. 55. Fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet (i) u (iii) imsemmija hawn fuq, il-premessa (121) tar-Regolament proviżorju tispjega li l-qligħ ta' 21,4 % miksub fl-2002 fuq il-bejgħ ta' prodotti bil-marka tal-produttur kif ukoll tal-bejjiegħ bl-imnut kien ġie aġġustat għal 14 % biex jirrifletti d-differenza bejn il-firxa ta' marki kummerċjali ta' l-industrija tal-Komunità meta mqabbla ma' dik ta' l-importazzjonijiet mit-Tajlandja. Il-Kummissjoni tosserva li, kif hu indikat fil-premessa (66) tar-Regolament proviżorju, il-qligħ mill-bejgħ skond il-mezzi ta' bejgħ ta' prodotti bil-marka tal-bejjiegħ bl-imnut kien ta' 17,0 % u 11,1 % fl-2002 u fl-2003 rispettivament, jiġifieri meta l-volum ta' importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping ikun l-aktar baxx. Il-Kummissjoni tqis li hu raġonevoli li tittieħed il-medja ta' dawn iż-żewġ rati ta' qligħ, li tammonta għal 14 %. 56. Fir-rigward tad-dikjarazzjoni (ii) msemmija hawn fuq, huwa meqjus li l-qligħ fin-nuqqas ta' importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping għandu, kemm jista' jkun, jirrifletti l-ispeċifitajiet attwali ta' l-industrija tal-Komunità involuta. Fin-nuqqas ta' dan it-tagħrif biss tista' titqies ir-rilevanza tad- data minn industriji oħra li jappartjenu għall-istess settur wiesa'. Din l-istrateġija, li l-Kummissjoni tapplika b'mod konsistenti, ġiet milqugħa mill-Qorti ta' Prim'Istanza fil-każ EFMA[9]. 57. Id-dikjarazzjonijiet (i) (ii) u (iii) m'humiex għaldaqstant milqugħa u hija kkonfermata s-sejba li jista' jinkiseb qligħ ta' 14 % fin-nuqqas ta' importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping . 58. Fid-dawl tal-konklużjonijiet milħuqa rigward dumping , dannu, ikkawżar u interess tal-Komunità, u skond l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, dazji antidumping definittivi għandhom jiġu imposti fil-livell ta’ marġini ta' dumping misjub, imma mhux aktar għolja mill-marġini ta' dannu ppreżentati fil-premessa (123) tar-Regolament proviżorju u kkonfermat fil-Regolament preżenti. Minħabba l-livell għoli ta' koperazzjoni, id-dazju għall-kumpaniji li fadal, li ma kkoperawx fl-investigazzjoni, huwa stabbilit fil-livell ta' l-ogħla dazju li għandu jiġi impost fuq il-kumpaniji li kkoperaw fl-investigazzjoni.kif ippreżentat fil-premessa 126 tar-Regolament proviżorju. Għaldaqstant, id-dazju residwu huwa stabbilit għar-rata ta' 12,9 %. 59. Id-dazji definittivi għandhom għalhekk ikunu kif ġej: Il-kumpanija | Marġini ta’ ħsara | Il-marġini ta' dumping | Dazju antidumping | Karn Corn | 31,3 % | 3,1 % | 3,1 % | Malee Sampran | 12,8 % | 17,5 % | 12,8 % | River Kwai | 12,8 % | 15,0 % | 12,8 % | Sun Sweet | 18,6 % | 11,1 % | 11,1 % | Esportaturi li kkoperaw iżda mhumiex inklużi fil-kampjun | 17,7 % | 12,9 % | 12,9 % | Il-kumpaniji l-oħra kollha | 31,3 % | 17,5 % | 12,9 % | I. IMPENJI 60. Sussegwentement għall-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji għadd ta' produtturi esportaturi li kkoperaw esprimew interess li joffru impenji fuq il-prezzijiet. Madankollu wara l-iżvelar definittiv (bl-eċċezzjoni taż-żewġ kumpaniji msemmija fil-premessa (60)), huma naqsu milli jippreżentaw offerti ta' impenji fil-limitu ta' żmien stipulat fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament bażiku. 61. Produttur esportatur li kkopera naqas milli jippreżenta offerta ta' impenn issostanzjata biżżejjed fl-iskadenzi stabbiliti fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament bażiku. Għaldaqstant il-Kummissjoni ma setgħet tilqa' l-ebda impenn fuq il-prezz min-naħa ta' dan l-esportatur. Madankollu, il-Kunsill, fid-dawl tal-kumplessità tal-kwistjoni għall-operatur ekonomiku kkonċernat u għal produtturi esportaturi oħrajn li kkoperaw li jinsabu f'qagħda simili (l-industrija frammentata, il-produtturi esportaturi li jinsabu f'pajjiż li qed jiżviluppa u li spiss joperaw bħala kummerċjanti u produtturi esportaturi u dan iwassal biex il-formulazzjoni ta' offerta ta' impenn aċċettabbli ssir aktar kumplessa) kif ukoll tal-livell għoli ta' koperazzjoni matul l-investigazzjoni jqis li dawn il-produtturi esportaturi għandhom jitħallew b'mod eċċezzjonali jispiċċaw l-offerti ta' impenn tagħhom wara d-data ta' skadenza msemmija hawn fuq, iżda fi żmien għaxart ijiem kalendarji mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-regolament. Il-Kummissjoni tista' tipproponi emenda għal dan ir-regolament kif meħtieġ. 62. Sussegwentement għall-iżvelar definittiv żewġ produtturi esportaturi li kkoperaw offrew impenji fuq il-prezzijiet raġonevoli flimkien ma' limitu kwantitattiv massimu skond l-Artikoli 8(1) u 8(2) tar-Regolament bażiku. Huma offrew li jbiegħu l-prodott ikkonċernat fi ħdan limitu kwantitattiv massimu daqs jew ogħla mil-livelli ta' prezzijiet li jeliminaw l-effetti ħżiena tad- dumping . L-importazzjonijiet li jaqbżu l-limitu kwantitattiv massimu se jkunu suġġetti għal dazji antidumping. Il-kumpaniji se jipprovdu wkoll lill-Kumissjoni tagħrif regolari u dettaljat dwar l-esportazzjonijiet tagħhom lejn il-Komunità, li jfisser li l-impenji jistgħu jiġu ssorveljati b'mod effettiv mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, l-istruttura ta' bejgħ ta' dawn il-kumpaniji hija tali li l-Kummissjoni tqis li r-riskju li l-impenn miftiehem ma jiġix irrispettat huwa limitat. 63. Il-Kummissjoni, permezz tad-Deċiżjoni [DAĦĦAL][10] aċċettat l-offerti ta’ impenji msemmija hawn fuq. Id-Deċiżjoni ssemmi f’aktar dettall ir-raġunijiet għaliex ġew aċċettati dawn l-impenji. 64. Biex il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tad-dwana jkunu jistgħu jissorveljaw b'mod effettiv il-konformità tal-kumpaniji ma' l-impenji, meta t-talba għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa tiġi ppreżentata lill-awtorità tad-dwana rilevanti, l-eżenzjoni mid-dazju antidumping tkun bil-kundizzjoni li (i) tiġi ppreżentata fattura ta' l-impenn, li hija fattura kummerċjali b’ta’ l-inqas il-punti mniżżla u d-dikjarazzjoni stipulata fl-Anness II; (ii) il-fatt li l-prodotti importati jiġu manifatturati, mibgħuta u mogħnija b'fattura direttament mill-kumpaniji msemmija lill-ewwel konsumatur indipendenti fil-Komunità; u (iii) il-fatt li l-prodotti ddikjarati u ppreżentati lid-dwana jaqblu preċiżament mad-deskrizzjoni tal-fattura ta’ impenn. Meta l-kundizzjonijiet t’hawn fuq ma jintlaħqux, jiġi impost id-dazju antidumping xieraq fil-ħin li tiġi aċċettata d-dikjarazzjoni għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa. 65. Kull meta l-Kummissjoni tirtira, skond l-Artikolu 8(9) tar-Regolament bażiku, l-aċċettazzjoni tagħha ta’ l-impenji wara xi ksur billi tirreferi għal tranżazzjonijiet partikolari u tiddikjara bħala invalidi l-fatturi ta’ impenji rilevanti, jiġi impost dejn tad-dwana fil-ħin li tiġi aċċettata d-dikjarazzjoni għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa ta’ dawn it-tranżazzjonijiet. 66. L-importaturi għandhom ikunu konxji li d-dejn ta’ dwana jista' jiġi impost, bħala riskju normali ta’ kummerċ, fil-ħin li tiġi aċċettata d-dikjarazzjoni għar-rilaxx fiċ-ċirkolazzjoni ħielsa kif deskritta fil-premessi (60) u (61) anke jekk l-impenn mill-manifattur li qed jixtru mingħandu, direttament jew indirettament, ġie aċċettat mill-Kummissjoni. 67. Skond l-Artikolu 14(7) tar-Regolament bażiku, l-awtoritajiet tad-dwana għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni kull meta jinstabu indikazzjonijiet ta’ xi ksur ta’ l-impenji. 68. Minħabba r-raġunijiet imsemmija hawn fuq l-impenji offruti mill-produtturi esportaturi Tajlandiżi huma għalhekk meqjusa aċċettabbli mill-Kummissjoni u l-kumpaniji kkonċernati ġew infurmati bil-fatti, il-kunsiderazzjonijiet u l-obbligazzjonijiet essenzjali li fuqhom hija bbażata l-aċċettazzjoni. 69. Fil-każ ta' xi ksur jew irtirar ta' l-impenji jew fil-każ ta' l-irtirar ta' aċċettazzjoni ta' l-impenn min-naħa tal-Kummissjoni, id-dazju antidumping li kien impost mill-Kunsill, skond l-Artikolu 9(4) għandu japplika awtomatikament permezz ta' l-Artikolu 8(9) tar-Regolament bażiku. J. ĠBIR DEFINITTIV TAD-DAZJU PROVIŻORJU 70. Fid-dawl tal-kobor tal-marġini tad- dumping misjub għall-produtturi esportaturi fit-Tajlandja u minħabba l-livell ta' ħsara kkawżat lill-industrija tal-Komunità, jeħtieġ li l-ammonti żgurati permezz tad-dazju proviżorju antidumping impost mir-Regolament proviżorju jinġabru b'mod definittiv sa l-ammont tad-dazji definittivi imposti. 71. Ir-rati tad-dazju antidumping ta’ kumpanija individwali li ġew speċifikati f’dan ir-Regolament kienu stabbiliti fuq il-bażi tas-sejbiet ta’ l-investigazzjoni preżenti. Gћalhekk, dawn jirriflettu l-qagħda ta’ dawn il-kumpaniji li nstabet matul l-investigazzjoni. Dawn ir-rati ta' dazju (kuntrarju għad-dazju fil-pajjiż kollu applikabbli għall-'kumpaniji l-oħra kollha') huma għalhekk applikabbli esklussivament għal importazzjonijiet ta' prodotti li joriġinaw mill-pajjiż ikkonċernat u manifatturati mill-kumpaniji u għalhekk mill-entitajiet legali speċifiċi msemmija. Il-prodotti importati manifatturati minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux imsemmija speċifikament fil-parti operattiva ta' dan ir-Regolament bl-isem u l-indirizz, inklużi l-entitajiet relatati ma' dawk imsemmija speċifikament, ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn ir-rati u għandhom ikunu suġġetti għar-rata tad-dazju applikabbli għall-'kumpaniji l-oħra kollha'. 72. Kull talba għall-applikazzjoni ta' rati ta' dazju antidumping ta' dawn il-kumpaniji individwali (eż. wara bidla fl-isem ta' l-entità jew wara t-twaqqif ta' entitajiet ta' produzzjoni jew bejgħ ġodda) għandha tkun indirizzata lill-Kummissjoni flimkien mat-tagħrif kollu rilevanti, b'mod partikolari, kull modifika għall-attivitajiet tal-kumpanija marbuta mal-produzzjoni, bejgħ domestiku u bejgħ bl-esportazzjoni assoċjat per eżempju ma' dik il-bidla fl-isem jew dik il-bidla fl-entitajiet ta' produzzjoni u bejgħ. Jekk xieraq, ir-Regolament għandu għalhekk jiġi emendat b'aġġornament tal-lista tal-kumpaniji li jibbenefikaw minn dazji individwali, ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 1. Qed jiġi impost dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' qamħ ħelu ( Zea mays var. saccharata ) bil-qalba ppreparat jew ippreservat permezz tal-ħall jew aċtu aċetiku, mhux iffriżat, li huma ddikjarati fil-kodiċi NM ex 2001 90 30 (Kodiċi TARIC 2001 90 30 10) u qamħ ħelu ( Zea mays var. saccharata ) bil-qalba ppreparat jew ippreservat mhux bil-ħall jew aċtu aċetiku, mhux iffriżat, għajr prodotti bl-intestatura 2006, iddikjarati fil-kodiċi NM ex 2005 80 00 (Il-Kodiċi TARIC 2005 80 00 10), li joriġinaw mit-Tajlandja. 2. Ir-rata tad-dazju antidumping definittiv applikabbli għan-nett, prezz ħieles fil-fruntiera Komunitarja, qabel id-dazju, tal-prodotti deskritti fil-paragrafu 1 u manifatturati mill-kumpaniji mniżżla hawn taħt għandha tkun kif ġej: Il-kumpanija | Dazju antidumping (%) | Kodiċi TARIC addizzjonali | Karn Corn Co, Ltd., 68 Moo 7 Tambol Saentor, Thamaka, Kanchanaburi 71130, it-Tajlandja | 3,1 | A789 | Malee Sampran Public Co, Ltd, Abico Bldg 401/1 Phaholyothin Rd, Lumlookka, Pathumthani 12130, it-Tajlandja | 12,8 | A790 | River Kwai International Food Industry Co, Ltd, 52 Thaniya Plaza, 21st. Floor, Silom Rd, Bangrak, Bangkok 10500, it-Tajlandja | 12,8 | A791 | Sun Sweet Co, Ltd, 9 M 1, Sanpatong, Chiangmai, it-Tajlandja 50120 | 11,1 | A792 | Il-produtturi elenkati fl-Anness I | 12,9 | A793 | Il-kumpaniji l-oħra kollha | 12,9 | A999 | 3. Minkejja l-ewwel subparagrafu, id-dazju antidumping definittiv m'għandux japplika għall-importazzjonijiet rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa skond l-Artikolu 2. 4. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieћor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet dwar id-dazji tad-dwana li huma fis-seħħ. Artikolu 2 1. L-importazzjonijiet iddikjarati għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa li huma mogħnija b'fattura mill-kumpaniji li l-impenji tagħhom ġew aċċettati mill-Kummissjoni u li l-ismijiet tagħhom tniżżlu f’Deċiżjoni tal-Kummissjoni (2007/INSERT/KE), li minn żmien għal żmien jiġu emendati, se jiġu eżentati mid-dazju antidumping impost mill-Artikolu 1, bil-kundizzjoni li: - dawn jiġu manifatturati, mibgħuta u mogħnija b'fattura direttament mill-kumpaniji msemmija lill-ewwel konsumatur indipendenti fil-Komunità; u - dawn l-importazzjonijiet ikollhom fattura ta' impenn li hija fattura kummerċjali b'ta' l-inqas il-punti u d-dikjarazzjoni stipulati fl-Anness II ta' dan ir-Regolament; u - il-prodotti ddikjarati u ppreżentati lid-dwana jikorrispondu preċiżament għad-deskrizzjoni fuq il-fattura ta’ l-impenn. 2. Id-dejn tad-dwana għandu jiġi inkors fil-ħin ta' l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera. - kull meta jiġi stabbilit, fir-rigward ta’ l-importazzjonijiet deskritti f’paragrafu 1, li ma tiġix sodisfatta waħda jew aktar mill-kundizzjonijiet imsemmija f’dak il-paragrafu; jew - meta l-Kummissjoni tirtira l-aċċettazzjoni ta’ l-impenji skond l-Artikolu 8(9) tar-Regolament bażiku f’Regolament jew Deċiżjoni li tirreferi għal tranżazzjonijiet partikolari jew tiddikjara bħala invalidi l-fatturi rilevanti ta’ impenji. Artikolu 3 Se jinġabru b'mod definittiv l-ammonti li ġew żgurati permezz tad-dazji proviżorji antidumping skond ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1888/2006 fuq l-importazzjonijiet ta' qamħ ħelu ( Zea mays var. saccharata ) bil-qalba ppreparat jew ippreservat permezz tal-ħall jew aċtu aċetiku, mhux iffriżat, li huma ddikjarati fil-kodiċi NM ex 2001 90 30 (Kodiċi TARIC 2001 90 30 10) u qamħ ħelu ( Zea mays var. saccharata ) bil-qalba ppreparat jew ippreservat mhux bil-ħall jew aċtu aċetiku, mhux iffriżat, għajr prodotti bl-intestatura 2006, iddikjarati fil-kodiċi NM ex 2005 80 00 (Il-Kodiċi TARIC 2005 80 00 10). L-ammonti żgurati li jaqbżu d-dazji definittivi kif stipulat fl-Artikolu 1(2) se jinħelsu. Artikolu 4 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil- Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea . Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussel, Għall-Kunsill Il-President ANNESS I Il-lista ta' produtturi li kkoperaw imsemmija fl-Artikolu 1(2) skond il-kodiċi TARIC addizzjonaliA793: Isem | Indirizz | Agro-On (Thailand) Co, Ltd. | 50/499-500 Moo 6, Baan Mai, Pakkret, Monthaburi 11120, Thailand | B.N.H. Canning Co, Ltd. | 425/6-7 Sathorn Place Bldg, Klongtonsai, Klongsan, Bangkok 10600, Thailand | Boonsith Enterprise Co, Ltd. | 7/4 M.2, Soi Chomthong 13, Chomthong Rd, Chomthong, Bangkok 10150, Thailand | Erawan Food Public Company Limited | Panjathani Tower 16th floor, 127/21 Nonsee Rd, Chongnonsee, Yannawa, Bangkok 10120, Thailand | Great Oriental Food Products Co, Ltd. | 888/127 Panuch Village, Soi Thanaphol 2, Samsen-Nok, Huaykwang, Bangkok 10310, Thailand | Kuiburi Fruit Canning Co, Ltd. | 236 Krung Thon Muang Kaew Bldg., Sirindhorn Rd., Bangplad, Bangkok 10700, Thailand | Lampang Food Products Co, Ltd. | 22K Building, Soi Sukhumvit 35, Klongton Nua, Wattana, Bangkok 10110, Thailand | O.V. International Import-Export Co, Ltd. | 121/320 Soi Ekachai 66/6, Bangborn, Bangkok 10500, Thailand | Pan Inter Foods Co, Ltd. | 400 Sunphavuth Rd, Bangna, Bangkok 10260, Thailand | Siam Food Products Public Co, Ltd. | 3195/14 Rama IV Rd., Vibulthani Tower 1, 9th Fl., Klong Toey, Bangkok, 10110, Thailand | Viriyah Food Processing Co, Ltd. | 100/48 Vongvanij B Bldg, 18th Fl, Praram 9 Rd., Huay Kwang, Bangkok 10310, Thailand | Vita Food Factory (1989) Ltd. | 89 Arunammarin Rd., Banyikhan, Bangplad, Bangkok 10700, Thailand | ANNESS II L-elementi li ġejjin għandhom jiġu indikati fil-fattura kummerċjali li takkumpanja l-bejgħ tal-kumpanija fil-Komunità ta' prodotti li huma suġġetti għall-impenn: 1. L-Intestatura "FATTURA KUMMERĊJALI LI TAKKUMPANJA L-PRODOTTI SUĠĠETTI GĦALL-IMPENN". 2. L-isem tal-kumpanija li toħroġ il-fattura kummerċjali. 3. In-numru tal-fattura kummerċjali. 4. Id-data tal-ħruġ tal-fattura kummerċjali. 5. Il-Kodiċi addizzjonali TARIC skond liema l-prodotti fuq il-fattura għandhom jiġu rilaxxati mid-dwana fil-fruntiera tal-Komunità. 6. Id-deskrizzjoni eżatta tal-prodotti, li tinkludi: - in-numru tal-kodiċi tal-prodott (NKP) użat għall-għan ta' l-impenn, - deskrizzjoni b'lingwa sempliċi tal-prodotti li jikkorrispondu mal-NKP ikkonċernat, - in-numru tal-kodiċi tal-prodott tal-kumpanija (KPK), - Kodiċi Taric, - kwantità (tingħata f'tunnellati). 7. Id-deskrizzjoni tal-kundizzjonijiet ta' bejgħ, inkluż: - prezz għal kull tunnellata, - il-kundizzjonijiet għall-ħlas applikabbli, - il-kundizzjonijiet għat-tqassim applikabbli, - l-iskont totali u nżul fil-prezz. 8. L-isem tal-kumpanija li tagħmilha ta' importatur fil-Komunità li lilha l-kumpanija toħroġ direttament il-fattura kummerċjali li takkumpanja l-prodotti suġġetti għall-impenn. 9. L-isem ta' l-uffiċjal tal-kumpanija li ħareġ il-fattura kummerċjali u d-dikjarazzjoni ffirmata li ġejja: Jiena, hawn taħt iffirmat, niċċertifika li l-bejgħ għall-esportazzjoni diretta lejn il-Komunità Ewropea tal-prodotti koperti minn din il-fattura qiegħed isir fi ħdan l-ambitu u skond il-kundizzjonijiet ta’ l-Impenn offrut minn [KUMPANIJA], u milqugħa mill-Kummissjoni Ewropea permezz ta' [DEĊIŻJONI 2007/XXXX/KE]. Niddikjara li t-tagħrif mogħti f’din il-fattura huwa sћiћ u korrett.” [1] ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2117/2005 (ĠU L 340, 23.12.2005, p. 17). [2] ĠU C 75, 28.3.2006, p. 6. [3] ĠU L 364, 20.12.2006, p. 68. [4] Il-Ftehim dwar l-Implimentazzjoni ta' l-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ 1994. [5] WT/DS184/AB/R, 23.8.2001, l-Istati Uniti – Il-Miżuri antidumping fuq Ċerti Prodotti ta' l-Azzar Imremblin bis-Sħana mill-Ġappun [6] Il-Każ T-58/99 Mukand u oħrajn v. il-Kunsill [2001] ECR II-2521. [7] Ir-Regolament (KE) Nru 658/2004, ĠU L 104, 8.4.2004, p. 67, (ara l-premessa (115)). [8] Ir-Regolament (KE) Nru 1551/2006, ĠU L 287, 18.10.2006, p. 3, (ara l-premessa (144)). [9] Il-Każ T-210/95 EFMA v Il-Kunsill , [1999] ECR II-3291 (paragrafu 54 et seq .). [10] ĠU L [DAĦĦAL]