52007PC0260




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 16.5.2007

KUMM(2007) 260 finali

2007/0093 (CNB)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 974/98 fir-rigward ta' l-introduzzjoni ta’ l-euro f'Malta

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. Il-kuntest tal-proposta

Fis-16 ta’ Mejju 2007, il-Kummissjoni adottat proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill skond Artikolu 122(2) tat-Trattat tal-KE, li tindika li Malta tissodisfa l-kundizzjonijiet neċessarji għall-adozzjoni tal-munita unika u li d-deroga ta' Malta għandha titħassar b'effett mill-1 ta' Jannar 2008.

Jekk ikun hemm deċiżjoni pożittiva, il-Kunsill sussegwentement ikollu jieħu l-miżuri neċessarji l-oħra għall-introduzzjoni ta' l-euro f' Malta.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98 dwar l-introduzzjoni ta’ l-euro[1] jirregola l-introduzzjoni inizzjali ta’ l-euro fl-Istati Membri li kienu fl-ewwel mewġa taż-żona ta’ l-euro u fil-Greċja[2]. Dan ir-Regolament kien emendat bir-Regolament (KE) Nru 2169/2005 bi tħejjija għal tkabbir fututr taż-żona ta' l-euro, kif ukoll bir-Regolament (KE) Nru 1647/2006 b'kopriment tas-Slovenja, li adottat l-euro fl-1 ta' Jannar 2007. Fis-16 ta' Mejju 2007, il-Kummissjoni adottat proposta għal emenda tar-Regolament (KE) Nru 974/98 għall-fini tal-kopriment ta' Ċipru, li, soġġetta għat-tħassir tad-deroga favur Ċipru b'effett mill-1 ta' Jannar 2008, sejjer jadotta l-euro f'dik id-data.

Madankollu sabiex Malta tkun koperta bir-Regolament (KE) Nru 974/98, jeħtieġ li ma’ dan ir-Regolament tiżdied referenza għal dan l-Istat Membru. Din il-proposta fiha l-emendi meħtieġa għal dan ir-Regolament.

Il-pjan ta’ bidla ta' Malta jispeċifika li l-hekk imsejjaħ xenarju tal-“ big bang ” għandu jkun applikabbli, jiġifieri li l-adozzjoni ta’ l-euro bħala l-munita ta' Malta u l-introduzzjoni tal-karti tal-flus u l-muniti ta’ l-euro f’dan l-Istat Membru għandhom iseħħu fl-istess waqt.

2. Aspetti ġuridiċi

2.1. Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika għal din il-proposta hija l-Artikolu 123(5) tat-Trattat tal-KE, li jippermetti li jiġu adottati l-miżuri l-oħra neċessarji għall-introduzzjoni ta' l-euro fl-Istat Membru li d-deroga tiegħu tkun tħassret skond Artikolu 122(2) tat-Trattat tal-KE.

Fuq proposta tal-Kummissjoni u wara li jikkonsulta mal-BĊE, il-Kunsill għandu jaġġixxi bl-unanimità ta’ l-Istati Membri mingħajr deroga u ta’ l-Istat Membru kkonċernat.

2.2. Is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità

Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklussiva tal-Komunità. Il-prinċipju tas-sussidjarjetà għalhekk ma japplikax.

Din l-inizjattiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex tikseb l-għan tagħha, u għalhekk, hija konformi mal-prinċipju ta' proporzjonalità.

2.3. L-għażla ta’ l-istrument ġuridiku

Regolament huwa l-uniku strument ġuridiku xieraq biex jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98 dwar l-introduzzjoni ta’ l-euro.

3. Implikazzjonijiet fuq il-bàġit

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni fuq il-baġit tal-Komunità.

4. Kummentarju dwar artikoli individwali

4.1. Artikolu 1

Skond l-Artikolu 1 lit.(a) u l-Artikolu 1a tar-Regolament (KE) Nru 974/98, it-tabella fl-Anness ta’ dak ir-Regolament telenka l-Istati Membri li qed jipparteċipaw u tiddefinixxi d-data ta’ l-adozzjoni ta’ l-euro, id-data tal-bidla tal-flus kontanti, u l-perjodu "ta' tneħħija gradwali", jekk ikun applikabbli, għal dawn l-Istati Membri kollha. Skond Artikolu 1 lit. (i) tar-Regolament (KE) Nru 974/98 il-perjodu ta’ “tneħħija gradwali” jista’ japplika biss fl-Istati Membri fejn id-data ta’ l-adozzjoni ta’ l-euro u l-bidla fil-flus kontanti jseħħu fl-istess jum. Dan ma kienx il-każ fil-ħdax-il Stat Membru li adottaw l-euro fl-1 ta' Jannar 1999, u lanqas f'dak tal Greċja li adottat l-euro fl-1 ta' Jannar 2001. Id-data ta' l-adozzjoni ta' l-euro min-naħa tas-Slovenja u l-bidla fil-flus kontanti seħħew fl-istess jum (l-1 ta' Jannar 2007), iżda dan il-pajjiż għażel li ma jkollux perjodu ta’ “tneħħija gradwali”. Il-pjanijiet tal-bidla ta' Ċipru u Malta jispeċifikaw l-istess data għall-adozzjoni ta' l-euro u għall-bidla fil-lus kontanti (l-1 ta' Jannar 2008), filwaqt li ż-żewġ Stati Membri għażlu li ma jkollhomx perjodu ta’ “tneħħija gradwali”.

Dan l-Artikolu jżid lil Malta u d- data rilevanti li ġejja għal dan l-Istat Membru fit-tabella ta’ l-Anness tar-Regolament (KE) Nru 974/98 fl-ordni tal-protokoll.

Stat Membru | Data għall-adozzjoni ta' l-euro | Data tal-bidla fil-flus kontanti | Stat Membru b'perjodu ta’ “tneħħija gradwali” |

"Malta | l-1 ta' Jannar 2008 | l-1 ta' Jannar 2008 | Le” |

4.2. Artikolu 2

Dan l-Artikolu jistabilixxi l-1 ta’ Jannar 2008 bħala d-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament, u jiżgura li se jkun applikabbli f’konformità kronoloġika ta’ l-atti l-oħra tal-Kunsill li għandhom x’jaqsmu ma’ l-adozzjoni ta’ l-euro min-naħa ta' Malta, jiġifieri d-data tat-tħassir tad-deroga u d-data tad-dħul fis-seħħ tar-rata ta’ kambju tal-lira Maltija.

2007/0093 (CNB)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 974/98 fir-rigward ta' l-introduzzjoni ta’ l-euro f'Malta

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 123(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[3],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew[4],

Billi:

(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98 tat-3 ta’ Mejju 1998 dwar l-introduzzjoni ta’ l-euro[5] jipprovdi għas-sostituzzjoni bl-euro tal-valuti ta’ l-Istati Membri li jkunu laħqu l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-munita unika fiż-żmien meta l-Komunità daħlet fit-tielet stadju ta' l-unjoni ekonomika u monetarja.

(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2596/2000[6] emenda r-Regolament (KE) Nru 974/98 biex jipprovdi għas-sostituzzjoni tal-munita tal-Greċja bl-euro.

(3) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2169/2005[7] emenda r-Regolament (KE) Nru 974/98 sabiex iħejji għal introduzzjonijiet sussegwenti ta’ l-euro fl-Istati Membri li għadhom ma adottawx l-euro bħala l-munita unika.

(4) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1647/2006[8] emenda r-Regolament (KE) Nru 974/98 biex jipprovdi għas-sostituzzjoni tal-munita tas-Slovenja bl-euro.

(5) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru xxx/2007[9] emenda r-Regolament (KE) Nru 974/98 biex jipprovdi għas-sostituzzjoni tal-munita ta’ Ċipru bl-euro.

(6) Skond l-Artikolu 4 ta’ l-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ l-2003, Malta hija Stat Membru b’revoka kif definit fl-Artikolu 122 tat-Trattat.

(7) Skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/…/KE ta’ … … 2007 f'konformità ma' l-Artikolu 122(2) tat-Trattat dwar l-adozzjoni min-naħa ta' Malta tal-munita unika fl-1 ta' Jannar 2008[10], Malta tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-munita unika u d-deroga favur Malta għandha titħassar b'seħħ mill-1 ta' Jannar 2008.

(8) L-introduzzjoni ta’ l-euro f'Malta tirrikjedi li d-dispożizzjonijiet eżistenti dwar l-introduzzjoni ta’ l-euro stipulati fir-Regolament (KE) Nru 974/98 jiġu estiżi għal Malta.

(9) Il-pjan ta’ bidla ta' Malta jispeċifika li l-karti tal-flus u l-muniti ta’ l-euro għandhom isiru valuta legali f'dak l-Istat Membru fil-ġurnata ta' l-introduzzjoni ta' l-euro bħala l-munita tiegħu. B’konsegwenza ta’ dan, id-data ta' l-introduzzjoni ta' l-euro u d-data ta' bidla fil-flus kontanti għandha tkun l-1 ta’ Jannar 2008. L-ebda “perjodu ta’ tneħħija gradwali” ma japplika.

(10) Ir-Regolament (KE) Nru 974/98 għandu għaldaqstant jiġi emendat skond dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 974/98 għandu jkun emendat skond l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-1 ta' Jannar 2008.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri f’konformità mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

Anness

Fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 974/98, il-linja li jmiss għandha tiddaħħal bejn l-entrati għal-Lussemburgu u l-Olanda.

Stat Membru | Data għall-adozzjoni ta' l-euro | Data tal-bidla fil-flus kontanti | Stat Membru b'perjodu ta’ “tneħħija gradwali” |

- - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - -

"Malta | l-1 ta' Jannar 2008 | l-1 ta' Jannar 2008 | Le” |

[1] ĠU L 139, 11.5.1998, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1647/2006 tas-7 ta’ Novembru 2006 (ĠU L 309, 9.11.2006, p. 2).

[2] Cf. ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2596/2000 tas-27 ta' Novembru 2000 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98 dwar l-introduzzjoni ta' l-euro (ĠU L 300, 29.11.2000, p, 2).

[3] ĠU C , , p. .

[4] ĠU C , , p. .

[5] ĠU L 139, 11.5.1998, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħart bir-Regolament (KE) Nru xxx/2007 (ĠU L, , p.).

[6] ĠU L 300, 29.11.2000, p. 2.

[7] ĠU L 346, 29.12.2005, p. 1.

[8] ĠU L 309, 9.11.2006, p. 2.

[9] ĠU L , , p. .

[10] ĠU L , , p. .