52007PC0119

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Istatuti ta' l-Aġenzija Fornitriċi Euratom /* KUMM/2007/0119 finali - CNS 2007/0043 */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 16.3.2007

KUMM(2007) 119 finali

2007/0043 (CNS)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi l-Istatuti ta' l-Aġenzija Fornitriċi Euratom

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

L-Artikolu 54 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika jipprevedi l-ħolqien ta' l-Aġenzija Fornitriċi Euratom (hawn taħt imsejħa l-"Aġenzija"), u jistipula l-kompiti u l-obbligi tagħha biex tiggarantixxi provvista regolari u ekwa ta' materjali nukleari għall-utenti fl-Unjoni Ewropea. L-Istatuti ta' l-Aġenzija jiddataw mill-1958, u fl-1978 l-Aġenzija adottat l-istruzzjonijiet tagħha dwar il-Kontabbiltà.

Wara li tqieset iż-żieda fl-għadd ta' Stati Membri ta' l-Unjoni Ewropea kif ukoll il-ħtieġa li jkunu applikati dispożizzjonijiet finanzjarji moderni għall-Aġenzija u l-ħtieġa biex jiġu ffissati l-voti, għandhom jiġu adottati Statuti ġodda.

L-Istatuti l-ġodda fihom dispożizzjonijiet finanzjarji li huma konformi mar-Regolament Finanzjarju ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej. Fl-istess waqt, abbozz ta' Regolament Finanzjarju tal-Kunsill applikabbli għall-Aġenzija, qed jitressaq flimkien ma' dan l-abbozz tad-Deċiżjoni, għall-adozzjoni abbażi ta' l-Artikolu 183 tat-Trattat ta' l-Euratom. Il-kapital ta' l-Aġenzija u l-possibbiltà, prevista fit-Trattat ta' l-Euratom, biex tkun applikata tariffa fuq it-tranżazzjonijiet, jinżammu.

L-Istatuti l-ġodda ta' l-Aġenzija huma adattati għas-sitwazzjoni tat-tkabbir ta' l-Unjoni Ewropea. Partikolarment, il-daqs tal-Kumitat Konsultattiv ta' l-Aġenzija qed jitbiddel sabiex jittejbu l-ħidma u l-effiċjenza tiegħu.

B'konformità mad-deċiżjoni amministrattiva biex jiġu kkonċentrati l-attivitajiet tal-Kummissjoni li jittrattaw l-implimentazzjoni tat-Trattat ta' l-Euratom fil-Lussemburgu, l-impjegati kollha ta' l-Aġenzija ġew trasferiti minn Brussell għal-Lussemburgu fl-2004. L-Istatuti l-ġodda jirregolarizzaw din is-sitwazzjoni.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill proposta ssarraf f'iffrankar finanzjarju modest fil-baġit Komunitarju minħabba anqas rimborsi lill-membri tal-Kumitat Konsultattiv.

2007/0043 (CNS)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi l-Istatuti ta' l-Aġenzija Fornitriċi Euratom

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika, u partikolarment l-Artikolu 54(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[2],

Billi:

(1) It-Trattat, fil-Kapitolu VI tiegħu, jipprevedi l-ħolqien ta' l-Aġenzija Fornitriċi Euratom (hawn taħt imsejħa l-"Aġenzija"), u jistipula l-kompiti u l-obbligi tagħha biex tiggarantixxi provvista regolari u ekwa ta' materjali nukleari għall-utenti fl-Unjoni Ewropea. L-Istatuti ta' l-Aġenzija ġew adottati fis-6 ta' Novembru 1958. Wara li tqieset iż-żieda fl-għadd ta' Stati Membri kif ukoll il-ħtieġa li jkunu applikati dispożizzjonijiet finanzjarji moderni għall-Aġenzija u l-ħtieġa biex jiġu ffissati l-voti, dawn l-Istatuti għandhom jiġu sostitwiti.

(2) L-Istatuti l-ġodda għandhom jinkludu dispożizzjonijiet finanzjarji li huma konformi mar-Regolament Finanzjarju ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej. Fl-istess waqt ir-regolamenti finanzjarji l-ġodda applikabbli għall-Aġenzija għandhom jiġu adottati skond l-Artikolu 183 tat-Trattat, li hu wkoll konformi mar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej[3]. Il-kapital ta' l-Aġenzija u l-possibbiltà, prevista fit-Trattat ta' l-Euratom, biex tkun applikata tariffa fuq it-tranżazzjonijiet, għandhom jinżammu.

(3) L-Istatuti l-ġodda ta' l-Aġenzija għandhom jiġu adattati għas-sitwazzjoni tat-tkabbir ta' l-Unjoni Ewropea. Partikolarment, il-daqs tal-Kumitat Konsultattiv ta' l-Aġenzija għandu jitbiddel sabiex jittejbu l-ħidma u l-effiċjenza tiegħu.

IDDEĊIDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-Istatuti ta' l-Aġenzija Fornitriċi Euratom, qed jiġu adottati, kif stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 2

L-Istatuti ta' l-Aġenzija Fornitriċi Euratom tas-6 ta' Novembru 1958[4] qed jiġu revokati.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fi […] jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil- Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea .

Magħmula fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

ANNESS

Abbozz ta' l-Istatuti ta' l-Aġenzija Fornitriċi Euratom

Kapitolu 1 – Struttura u ħidma interna

Artikolu 1 – Għanijiet u kompiti

1. L-Aġenzija Fornitriċi Euratom (hawn taħt imsejħa l-"Aġenzija") għandha:

a) twettaq il-kompetenzi mogħtija lilha mit-Trattat;

b) twettaq il-kompiti l-oħra mogħtija lilha mill-Kummissjoni.

2. L-Aġenzija tista' wkoll tibni ħażna ta' materjali nukleari, skond it-Trattat.

Artikolu 2 – Status ġuridiku u sede

1. L-Aġenzija għandha personalità ġuridika skond l-Artikolu 54 tat-Trattat. L-Aġenzija għandha tkun rikonoxxuta bħala istituzzjoni bi status ta' interess pubbliku, u għandha topera fuq bażi mingħajr skop ta' lukru.

2. Il-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej japplika għall-Aġenzija, id-Direttur Ġenerali tagħha u għall-impjegati tagħha.

3. L-Aġenzija għandu jkollha s-sede tagħha f'wieħed mill-postijiet tas-servizzi tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni f'dan ir-rigward.

4. Tista’ fuq l-inizjattiva tagħha tieħu kull miżura oħra rigward l-organizzazzjoni interna tagħha li tkun meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tagħha kemm ġewwa u kif ukoll barra mill-Komunità.

Artikolu 3 - Dmirijiet u setgħat tad-Direttur Ġenerali

1. Id-Direttur Ġenerali għandu jinħatar mill-Kummissjoni.

2. Id-Direttur Ġenerali għandu jirrappreżenta lill-Aġenzija. Hu jista' jiddelega s-setgħat tiegħu lil ħaddieħor. Ir-regoli għad-delega tas-setgħat tiegħu għandhom jiġu stipulati f'dokumenti interni ta' l-Aġenzija.

3. Id-Direttur Ġenerali għandu jkun responsabbli:

- mit-twettiq tad-dritt esklussiv ta' l-Aġenzija li tikkonkludi kuntratti ta' forniment ta' materjali nukleari u d-dritt tagħha ta' għażla;

- mill-amministrazzjoni ta' kuljum ta' l-Aġenzija;

- mill-ġestjoni tar-riżorsi ta' l-Aġenzija;

- mit-tħejjija ta' l-abbozz tad-dikjarazzjoni ta' l-estimi tad-dħul u l-infiq ta' l-Aġenzija, u l-eżekuzzjoni tal-baġit tagħha;

- mill-affarijiet kollha tal-persunal.

4. Kull sena d-Direttur Ġenerali għandu jgħaddi lill-Kummissjoni rapport li jkopri l-attivitajiet ta' l-Aġenzija tul is-sena preċedenti u programm ta' ħidma għas-sena sussegwenti.

Artikolu 4 – Id-Direttur Ġenerali u l-Persunal

1. Id-Direttur Ġenerali u l-persunal ta' l-Aġenzija għandhom ikunu uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej regolati bir-regolamenti tal-Persunal ta’ l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u bir-regoli adottati flimkien ma' l-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej bil-ħsieb li jiġu applikati dawn ir-Regolamenti tal-Persunal. L-uffiċjali għandhom jinħatru u l-pagi tagħhom jitħallsu mill-Kummissjoni.

2. Id-Direttur Ġenerali u l-persunal ta’ l-Aġenzija għandu jkollhom l-awtorizzazzjoni għal aċċess skond l-Artikolu 194 tat-Trattat fir-rigward ta’ kwalunkwe fatt, informazzjoni, tagħrif, dokument jew materja, bla ħsara għal sistema ta’ gradazzjoni ta’ sigurtà, li jiġi fil-pussess tagħhom jew ikun komunikat lilhom.

Artikolu 5 – Sorveljanza mill-Kummmissjoni

1. L-Aġenzija għandha tkun taħt is-sorveljanza tal-Kummissjoni, li għandha tagħtiha direttivi u li għandha d-dritt tal-veto fuq id-deċiżjonijiet tagħha.

2. Id-dritt tal-veto għandu jiskadi wara perjodu ta’ għaxart ijiem tax-xogħol wara deċiżjoni ta’ l-Aġenzija, sakemm f’dak il-perjodu ma tkunx saret riżerva mill-Kummissjoni jew ir-rappreżentant tagħha. Il-Kummissjoni jew ir-rappreżentant tagħha jistgħu jirrinunzjaw għad-dritt li jagħmlu din ir-riżerva qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu.

3. Meta riżerva tkun saret mill-Kummissjoni jew ir-rappreżentant tagħha fiż-żmien preskritt fil-paragrafu precedenti, il-Kummissjoni għandha tadotta pożizzjoni definittiva fi żmien ta’ mhux aktar minn għaxart ijiem tax-xogħol mid-data li fiha tkun saret ir-riżerva.

4. Id-dispożizzjonijiet għal dan l-Artikolu m'għandhom bl-ebda mod itellfu milli jiġi applikat l-Artikolu 53 tat-Trattat.

5. Kull att ta’ l-Aġenzija li hemm riferenza għalih fl-Artikolu 53 tat-Trattat jista’ jkun riferut lill-Kummissjoni mill-parti kkonċernata fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol minn meta tasal in-notifika, jew, fin-nuqqas ta’ notifika, fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol wara l-pubblikazzjoni. Fin-nuqqas ta’ notifika u pubblikazzjoni, il-perjodu għandu jiddekorri mill-jum li fih il-parti kkonċernata ssir taf dwar l-att.

Kapitolu 2 - Dispożizzjonijiet finanzjarji

Artikolu 6 – Organizzazzjoni finanzjarja

1. L-Aġenzija għandha jkollha awtonomija finanzjarja. Għandha topera skond ir-regoli kummerċjali fil-qasam tal-kompetenza tagħha.

2. L-Aġenzija għandha tkun f’kull waqt intitolata li tittrasferixxi l-assi li jkollha fl-euro f'munita oħra sabiex tkun tista' twettaq l-operazzjonijiet finanzjarji u kummerċjali li jkunu jaqblu ma' l-għanijiet kif definiti fit-Trattat u li jkunu konsistenti ma’ dawn l-Istatuti.

L-Aġenzija għandha, sa fejn possibbli, tevita li tagħmel dawn it-trasferimenti jekk ikollha kontanti jew assi likwidi fil-munita meħtieġa.

L-Aġenzija tista' twettaq operazzjonijiet finanzjarji b'rabta ma' l-ilħuq ta' l-għanijiet tagħha b'fondi li ma tkunx teħtieġhom immedjatament biex tirrispetta l-obbligazzjonijiet li jkollha.

3. L-Aġenzija ngħatat is-setgħa biex tikkuntratta, għan-nom tal-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika u fil-limiti stipulati mill-Kunsill, self, li d-dħul minnu jiġi allokat biex jitwettqu l-kompiti tagħha.

4. L-obbligazzjonijiet li tidħol għalihom l-Aġenzija skond dawn l-Istatuti huma garantiti mill-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika.

Artikolu 7 – Dħul u nfiq

1. Estimi tad-dħul u l-infiq kollu ta' l-Aġenzija għandhom jitħejjew għal kull sena finanzjarja u għandhom jintwerew fil-baġit ta' l-Aġenzija. Is-sena finanzjarja għandha tikkorrispondi mas-sena kalendarja.

2. Għandu jkun hemm bilanċ fil-baġit bejn id-dħul u l-ħruġ.

3. Id-dħul ta' l-Aġenzija għandu jikkonsisti minn kontribuzzjoni mill-Komunità, interessi mill-kontijiet bankarji u dħul mill-kapital tagħha u investimenti bankarji, u fejn meħtieġ, tariffa kif prevista fl-Artikolu 54 tat-Trattat u self.

4. L-infiq ta' l-Aġenzija għandu jkun magħmul mill-ispejjeż amministrattivi tal-persunal tagħha u tal-Kumitat Konsultattiv, kif ukoll spejjeż li jirriżultaw minn kuntratti konklużi ma' terzi persuni.

5. Kull sena d-Direttur Ġenerali għandu jipproduċi stima tad-dħul u l-infiq għall-Aġenzija għas-sena finanzjarja sussegwenti. Din l-istima, li għandha tinkludi abbozz ta' pjan ta' stabbiliment, għandha tintbagħat lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu wara li tinkiseb l-opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv.

6. Abbażi ta’ l-estimi, il-Kummissjoni għandha ddaħħal fl-abbozz preliminari tal-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea, l-estimi li tqis neċessarji għall-pjan ta' stabbiliment u l-ammont tas-sussidju li jrid jitħallas mill-baġit ġenerali.

7. Fil-qafas tal-proċedura baġitarja, l-awtorità baġitarja għandha tawtorizza l-approprjazzjonijiet għas-sussidju ta' l-Aġenzija u għandha tadotta l-pjan ta' stabbiliment ta' l-Aġenzija, li għandu jidher separat mill-pjan ta' stabbiliment tal-Kummissjoni.

8. Il-baġit għandu jiġi adottat mill-Kummissjoni. Għandu jkun finali wara l-adozzjoni finali tal-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea. Fejn xieraq, għandu jkun aġġustat kif xieraq. Il-baġit ta' l-Aġenzija għandhu jiġi ppubblikat fuq is-sit elettroniku tagħha.

9. Kwalunkwe tibdil fil-pjan ta' stabbiliment u fil-baġit ta' l-Aġenzija għandu jkun is-suġġett ta' baġit li jemenda addottat bl-istess proċedura tal-baġit inizjali. Tibdil fil-pjan ta' stabbiliment jitressqu lill-awtorità baġitarja. Il-baġits li jemendaw jintbagħtu bħala informazzjoni lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

Artikolu 8 – Twettiq tal-baġit, kontroll finanzjarju u regoli finanzjarji

1. Id-Direttur Ġenerali għandu jimplimenta l-baġit ta' l-Aġenzija.

2. Wara kull sena finanzjarja l-uffiċjal tal-kontijiet ta' l-Aġenzija għandu jissottometti l-kontijiet proviżorji ta' l-Aġenzija:

a) sa mhux aktar tard mill-1 ta' Marzu lill-Kontabbilist tal-Kummissjoni, għal skopijiet ta' konsolidament, u

b) sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu wara l-għeluq ta' kull sena finanzjarja lill-Qorti ta' l-Awdituri.

3. Mal-wasla ta' l-osservazzjonijiet tal-Qorti ta' l-Awdituri dwar il-kontijiet proviżorji ta' l-Aġenzija, id-Direttur Ġenerali għandu jfassal il-kontijiet finali ta' l-Aġenzija taħt ir-responsabbiltà tiegħu u jibgħathom lill-Kumitat Konsultattiv għal opinjoni.

4. Il-Kumitat Konsultattiv ta' l-Aġenzija għandu jagħti opinjoni dwar il-kontijiet finali ta' l-Aġenzija.

5. Id-Direttur Ġenerali għandu, sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju wara kull sena finanzjarja, jibgħat il-kontijiet finali lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti ta’ l-Awdituri, flimkien ma’ l-opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv.

6. Il-kontijiet finali għandhom jiġu ppubblikati fuq is-sit elettroniku ta' l-Aġenzija.

7. Id-Direttur Ġenerali ta' l-Aġenzija għandu jibgħat lill-Qorti ta' l-Awdituri tweġiba għall-osservazzjonijiet tagħha sa mhux aktar tard mit-30 ta' Settembru.

8. Fuq it-talba tal-Parlament Ewropew, id-Direttur Ġenerali għandu jgħaddilu kull informazzjoni meħtieġa biex tiġi applikata mingħajr diffikultajiet il-proċedura tal-kwittanza għas-sena finanzjarja inkwistjoni.

9. Il-Parlament Ewropew, fuq rakkomandazzjoni tal-Kunsill li jkun qed jaġġixxi b’maġġoranza kwalifikata, għandu, qabel it-30 ta' April tas-sena N + 2, jagħti kwittanza lid-Direttur Ġenerali fir-rigward ta' l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena N.

10. Ir-regolament finanzjarju applikabbli għall-Aġenzija għandu jiġi adottat skond l-Artikolu 183 tat-Trattat.

Artikolu 9 - Kapital

1. Il-Kumitat ta' l-Aġenzija għandu jkun EUR 5 824 000.

2. Il-kapital għandu jkun sottoskritt kif ġej:

Il-Belġju | EUR | 192 000 |

Il-Bulgarija | EUR | 96 000 |

Ir-Repubblika Ċeka | EUR | 192 000 |

Id-Danimarka | EUR | 96 000 |

Il-Ġermanja | EUR | 672 000 |

L-Estonja | EUR | 32 000 |

Il-Greċja | EUR | 192 000 |

Spanja | EUR | 416 000 |

Franza | EUR | 672 000 |

L-Irlanda | EUR | 32 000 |

L-Italja | EUR | 672 000 |

Ċipru | EUR | 32 000 |

Il-Latvja | EUR | 32 000 |

Il-Litwanja | EUR | 32 000 |

Il-Lussemburgu | EUR | - |

L-Ungerija | EUR | 192 000 |

Malta | EUR | - |

L-Olanda | EUR | 192 000 |

L-Awstrija | EUR | 96 000 |

Il-Polonja | EUR | 416 000 |

Il-Portugall | EUR | 192 000 |

Ir-Rumanija | EUR | 288 000 |

Is-Slovenja | EUR | 32 000 |

Is-Slovakkja | EUR | 96 000 |

Il-Finlandja | EUR | 96 000 |

L-Isvezja | EUR | 192 000 |

Ir-Renju Unit | EUR | 672 000 |

3. Ħlas parzjali ta' 10% tal-kapital għandu jitħallas fi żmien l-adeżjoni ta' Stat Membru fil-Komunità. Barra minn hekk, ħlasijiet parzjali ulterjuri tal-kapital jistgħu jintalbu b'deċizjoni tal-Kunsill li jaġixxi permezz ta’ maġġoranza kwalifikata fuq proposta mingħand il-Kummissjoni. L-ammont tal-ħlasijiet parzjali mitluba għandhom jitħallsu lill-Aġenzija fi żmien tletin jum wara dik id-deċiżjoni.

4. Il-parteċipazzjoni fil-kapital m'għandhiex tagħti intitolament għal dividend jew interessi. Għandha tagħti d-dritt ta’ ħlas lura ta’ l-ammont nominali tal-ħlasijiet parzjali tal-kapitali mħallas fil-każ biss ta' stralċ ta' l-Aġenzija.

5. Il-ħlasijiet kollha għandhom isiru fl-euro.

Artikolu 10 - Spejjeż

1. L-Aġenzija tista', skond l-Artikolu 54 tat-Trattat, tiġbor imposta fuq it-tranżazzjonijiet li fihom l-Aġenzija tipparteċipa billi teżerċita d-dritt tagħha ta’ għazla jew id-dritt esklussiv tagħha li tiffinalizza kuntratti ta’ forniment. Id-dħul minn tali imposta għandu jintuża biss biex jagħmel tajjeb għall-ispejjeż operattivi.

Id-dispożizzjonijiet dwar din l-imposta għandhom jiġu stipulati f'deċiżjoni implimentattiva.

Kapitolu 3 - Kumitat Konsultattiv

Artikolu 11 - Kompożizzjoni tal-Kumitat Konsultattiv

1. Il-Kumitat Konsultattiv (hawn taħt imsejjaħ il-'Kumitat') għandu jkun kompost minn membru wieħed għal kull Stat Membru li ma jkollux attivitajiet taċ-ċellola tal-fjuwil nukleari u żewġ membri għal kull Stat Membru li jkollu attivitajiet taċ-ċellola tal-fjuwil nukleari. Madankollu, Stat Membru jista' jagħżel li ma jipparteċipax fih. Kull membru jista' jkollu sostitut tiegħu li jipparteċipa fil-laqgħat tal-Kumitat apparti l-membru sħiħ, imma dan ma jkunx jista' jivvota jekk il-membru sħiħ ikun preżenti. Jekk membru jirriżenja jew ma jkunx jista’ jwettaq dmirijietu, għandu jinħatar suċċessur għaż-żmien li fadal fil-kariga.

Il-membri tal-kumitat u s-sostituti tagħhom għandhom jinħatru mill-Istat Membru rispettiv tagħhom abbażi tal-livell ta' esperjenza rilevanti jew għarfien espert fil-qasam taċ-ċellola ta' fjuwil nukleri jew tal-ġenerazzjoni ta' l-enerġija nukleari. It-tul taż-żmien tal-kariga huwa ta' tliet snin. Il-mandat tal-membri jista' jiġġedded darba biss.

Artikolu 12 - Presidenza tal-Kumitat

1. Il-Kumitat għandu jaħtar President u żewġ Viċi-Presidenti minn fost il-membri tiegħu. Dawn l-uffiċjali eżekuttivi għandhom jirrappreżentaw naħat differenti ta' l-industrija, kemm tal-produtturi kif ukoll ta' l-utenti L-aktar Viċi-President anzjan mit-tnejn jieħdu l-pożizzjoni tal-President meta dan ma jkunx jista' jaqdi dmirijietu.

2. Iż-żmien tal-kariga tal-Presidenti u tal-Viċi-Presidenti għandu jkun tliet snin. Il-mandat tal-ħatra m'għandux ikun jiġġeded, u l-presidenza għandha talterna bejn in-naħat differenti ta' l-industrija. Il-mandat tal-President jew ta' Viċi Presidenti għandu jintemm awtomatikament, jekk il-mandat tal-ħatra tiegħu bħala membru tal-Kumitat jispiċċa mingħajr ma jerġa' jiġġeded.

Artikolu 13 - Termini ta' referenza għall-Kumitat

1. Il-Kumitat għandu jassisti l-Aġenzija fit-twettiq tal-kompiti tagħha permezz ta’ opinjonijiet u informazzjoni. Għandu jservi ta' rabta bejn l-Aġenzija u kemm il-produtturi kif ukoll l-utenti fl-industrija nukleari.

2. Il-Kumitat jista' jiġi kkonsultat fuq kull kwistjoni fil-kompetenza ta' l-Aġenzija bil-fomm waqt il-laqgħat tiegħu jew bil-kitba bejn tali laqgħat. Il-Kumitat jista’ wkoll joħroġ opinjonijiet rigward kull kwistjoni fuq l-inizjativa ta’ mhux inqas minn terz tal-membri tiegħu.

3. Il-Kumitat għandu jiġi kkonsultat qabel id-Direttur Ġenerali jieħu kwalunkwe deċiżjoni rigward il-kwistjonijiet li ġejjin:

(a) ir-regoli li għandhom jiġu segwiti biex ikun hemm bilanċ bejn il-provvista u d-domanda (l-Artikolu 60(6) tat-Trattat);

(b) il-kapital ta' l-Aġenzija; iż-żieda jew tnaqqis tiegħu, jew aktar sottoskrizzjoni tal-kapital (l-Artikolu 54(4) tat-Trattat);

(c) meta tiġi applikata imposta fuq tranżazzjonijiet, maħsuba biex tagħmel tajjeb għall-ispejjeż ta’ l-Aġenzija (l-Artikolu 54(5) tat-Trattat);

(d) il-kundizzjonijiet applikabbli għall-bini ta' ħażniet kummerċjali mill-Aġenzija (l-Artikolu 72(1) tat-Trattat);

(e) ir-regolament finanzjarju tal-baġit annwali, tal-kontijiet, ir-rapport dwar is-suq u l-programm ta' ħidma ta' l-Aġenzija.

4. Id-Direttur Ġenerali jista’, jekk ikun meħtieġ, jistipula perjodu li fih il-Kumitat ikollu jissottometti l-opinjoni tiegħu; Dan il-perjodu ma għandux jkun iqsar minn għaxart ijiem mid-data li fiha l-komunikazzjoni għal dan il-għan tkun intbagħtet lill-membri tal-Kumitat.

5. Jekk l-opinjoni tal-Kumitat ma tkunx tista' tinkiseb f'dan il-perjodu, id-Direttur Ġenerali jista' jieħu d-deċiżjoni.

6. Id-deċiżjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tad-Direttur Ġenerali u li huma marbuta ma' kwistjonijiet speċifikati f’dan l-Artikolu ma għandhomx jittieħdu sakemm ma jkunux għaddew għaxart ijiem tax-xogħol minn meta ngħatat l-opinjoni tal-Kumitat, jekk dawk id-deċiżjonijiet ma jaqblux ma’ dik l-opinjoni.

7. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tal-proċedura dwar il-kwistjonijiet kollha li m'humiex previsti fl-Istatuti attwali.

Artikolu 14 - Laqgħat tal-Kumitat

1. Il-Kumitat għandu jiltaqa' fis-sede ta' l-Aġenzija:

(a) normalment darbtejn fis-sena;

(b) fuq it-talba tad-Direttur Ġenerali ta' l-Aġenzija;

(c) fuq it-talba bil-miktub ta’ mhux inqas minn terz tal-membri tal-Kumitat, li tispeċifika l-punti li għandhom jidhru fl-aġenda.

2. Il-laqgħat tal-Kumitat jeħtieġu kworum tal-maġġoranza tal-membri tiegħu. L-opinjonijiet jistgħu jingħataw jekk ikunu approvati minn maġġoranza tal-membri preżenti jew rappreżentati.

3. Kull membru tal-Kumitat ghandu jkollu vot wieħed. Fil-każ li membru u s-sostitut tiegħu ma jkunux jistgħu jattendu, il-membru sħiħ jista’ jaħtar bil-miktub membru ieħor li jivvota f'ismu. L-ebda membru ma jista’ jaħtar aktar minn membru wieħed ieħor biex jivvota f'ismu.

4. Id-Direttur Ġenerali jew persuna maħtura biex tirrappreżentah għandhom jattendu għal-laqgħat tal-Kumitat iżda ma għandhomx id-dritt tal-vot. Il-persuni l-oħra li m'humiex mill-persunal ta' l-Aġenzija jistgħu jipparteċipaw fil-laqgħat bil-qbil biss tal-membri kollha preżenti u bla ħsara għall-obbligu skond il-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu.

5. Il-membri tal-Kumitat għandhom ikunu marbuta bis-segretezza skond l-Artikolu 194 tat-Trattat fir-rigward ta’ kull fatt, informazzjoni, tagħrif, dokument jew oġġett, bla ħsara għal sistema ta’ gradazzjoni ta’ sigurtà, li jiġi fil-pussess tagħhom jew ikun komunikat lilhom fil-kapaċità tagħhom bħala membri tal-Kumitat.

6. Is-segretarjat għall-Kumitat għandu jkun provdut mill-Aġenzija.

7. L-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar ta' membru tal-Kumitat għandhom jiġu rimborsati mill-Aġenzija.

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 15 – Kapaċità ġuridika ta' l-Aġenzija

F'kull wieħed mill-Istati Membri, l-Aġenzija għandu jkollha l-kapaċità ġuridika l-aktar wiesgħa li tista' tingħata lil persuni ġuridiċi li jaqgħu taħt il-liġijiet tagħhom. B'mod partikolari tista', takkwista jew tiddisponi minn proprjetà mobbli u immobbli u tista' tkun parti fi proċeduri ġuridiċi.

[1] ĠU C [...], p. [...].

[2] ĠU C [...], p. [...].

[3] ĠU L 248, 16. 9.2002, p.1.

[4] ĠU 27, 6.12.1958, p 534-540.