52007PC0108

Proposta għal regolament tal-Kunsill dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-Aġenzija Fornitriċi Euratom /* KUMM/2007/0108 finali - CNS 2007/0042 */


[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 16.3.2007

KUMM(2007) 108 finali

2007/0042 (CNS)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-Aġenzija Fornitriċi Euratom

(preżentata mill-Kummissjoni)

WERREJ

MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI 4

REGOLAMENT TAL-KUNSILL dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-Aġenzija Fornitriċi Euratom 5

TITOLU I - AMBITU 6

TITOLU II - PRINĊIPJI BAĠITARJI 7

KAPITOLU 1: Prinċipji ta' unità u l-eżatezza baġitarja 7

KAPITOLU 2: Prinċipju ta' l-annwalità 8

KAPITOLU 3: Prinċipju ta' l-ekwilibriju 9

KAPITOLU 4: Prinċipju ta' l-unità ta' kontijiet 10

KAPITOLU 5: Prinċipju ta' l-universalità 10

KAPITOLU 6: Prinċipju ta' l-ispeċifikazzjoni 12

KAPITOLU 7: Prinċipju tal-ġestjoni finanzjarja tajba 12

KAPITOLU 8: Prinċipju tat-trasparenza 13

TITOLU III - STABBILIMENT U STRUTTURA TAL-BAĠIT 13

KAPITOLU 1: Stabbiliment tal-baġit 13

KAPITOLU 2: Struttura u preżentazzjoni tal-baġit 14

TITOLU IV—IMPLIMENTAZZJONI TAL-BAĠIT 14

KAPITOLU 1: Dispożizzjonijiet ġenerali 14

KAPITOLU 2: Parteċipanti finanzjarji 15

Taqsima 1: Prinċipju tas-separazzjoni tad-dmirijiet 15

Taqsima 2: Uffiċjal awtorizzanti 15

Taqsima 3: Uffiċjal tal-kontijiet 17

KAPITOLU 3: Responsabbiltà tal-parteċipanti finanzjarji 18

Taqsima 1: Dispożizzjonijiet ġenerali 18

Taqsima 2: Regoli applikabbli b'delega lill-uffiċjali awtorizzanti 18

Taqsima 3: Regoli applikabbli għall-uffiċjali tal-kontijiet 19

KAPITOLU 4: Operazzjonijiet tad-dħul 20

Taqsima 1: Dispożizzjonijiet ġenerali 20

Taqsima 2: Stima ta' l-ammonti li għandhom jinġabru 20

Taqsima 3: Stabbiliment ta' l-ammonti li għandhom jinġabru 20

Taqsima 4: Awtorizzazzjoni ta' l-irkupru 21

Taqsima 5: Irkupru 21

Taqsima 6: Dispożizzjonijiet speċifiċi applikabbli għat-tariffi u imposti 22

KAPITOLU 5: Operazzjonijiet ta' l-infiq 22

Taqsima 1: Impenji ta' l-infiq 22

Taqsima 2: Validazzjoni tan-nefqa 24

Taqsima 3: Awtorizzazzjoni tan-nefqa 24

Taqsima 4: Ħlas tan-nefqa 25

Taqsima 5: Il-limiti taż-żmien għall-operazzjonijiet ta' nfiq 25

KAPITOLU 6: Sistemi tat-teknoloġija ta' informazzjoni 25

KAPITOLU 7: Awditur intern 26

TITOLU V - AKKWIST 27

TITOLU VI – PREŻENTAZZJONI TAL-KONTIJIET U TAL-KONTABBILTÀ 27

KAPITOLU 1: Preżentazzjoni tal-kontijiet 27

KAPITOLU 2: Kontabbiltà 29

Taqsima 1: Dispożizzjonijiet komuni 29

Taqsima 2: Kontijiet ġenerali 30

Taqsima 3: Kontijiet baġitarji 30

KAPITOLU 3: Inventarji tal-proprjetà 31

TITOLU VII – VERIFIKA ESTERNA U KWITTANZA 31

KAPITOLU 1: Verifika esterna 31

KAPITOLU 2: Kwittanza 31

TITOLU VIII – DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻITORJI U FINALI 32

MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

L-Aġenzija Fornitriċi Euratom (hawn taħt imsejħa "l-Aġenzija") hija korp Komunitarju responsabbli li tiżgura provvista ekwa ta' materjali nukleari (minerali, materja prima u materja fissili speċjali). Per se , hi għandha l-jedd esklussiv li tikkonkludi kuntratti dwar il-forniment ta' dawn il-materjali ġejjin minn ġewwa jew minn barra l-Komunità (l-Artikolu 52 Euratom).

L-Aġenzija taqa' taħt is-superviżjoni tal-Kummissjoni (l-Artikolu 53 Euratom). L-Aġenzija għandha personalità ġuridika u awtonomija finanzjarja (l-Artikolu 54 Euratom). Fl-Artikolu 54, it-Trattat jipprovdi li l-istatuti jistgħu jipprevedu tariffa fuq it-tranżazzjonijiet biex tikkumpensa għall-ispejjeż operattivi ta' l-Aġenzija.

Billi ċ-ċirkostanzi nbidlu, l-istatuti ta' l-Aġenzija, li l-abbozz tagħhom tressaq flimkien ma' l-abbozz ta' dan ir-Regolament, se jiġu aġġornati wara d-Deċiżjoni tal-Kunsill. Fl-2002, il-leġiżlatur Komunitarju adotta Regolament Finanzjarju ġdid applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej u skond l-Artikolu 185 tiegħu tħejja regolament finanzjarju ta' qafas għal korpi deċentralizzati. Dawn iż-żewġ Regolamenti mhumiex direttament applikabbli għall-Aġenzija.

Il-Qorti ta' l-Awdituri ilha bosta snin titlob l-adozzjoni ta' regolament finanzjarju għall-Aġenzija li jista' jgħin biex jintlaħaq l-għan tal-ġestjoni finanzjarja xierqa mill-istituzzjonijiet. Meta jitqiesu dawn il-fatturi, jidher li huwa xieraq li l-proposta għal Regolament Finanzjarju għall-Aġenzija jissejjes fuq ir-Regolament Finanzjarju ta' qafas Nru 2343/2002, billi l-kuntest ġuridiku huwa ġeneralment simili. Madankollu, dan il-mudell ġie wkoll adattat biex jitqiesu l-elementi speċjali ta' l-Aġenzija:

1. Billi l-baġit ta' l-Aġenzija huwa żgħir, l-awtorità baġitarja hija l-Kummissjoni, skond l-istatuti ta' l-Aġenzija; madankollu, biex titħares it-trasparenza u l-konsistenza tar-Regolament ta' Qafas għall-korpi Komunitarji l-oħra, l-awtorità kwittanti jsir il-Parlament, fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill;

2. L-Aġenżija tista' tkun koperta mill-eżeriċizzju ta' konsolidament tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni;

3. Ir-Regolament Finanzjarju għall-Aġenzija ma jeħtieġx regoli implimentattivi imma, fin-nuqqas ta' regoli espressament stipulati fiha, jkunu applikabbli d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju ġenerali u tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta' Diċembru 2002 li jistabbilixxu regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej;

4. Minkejja li l-Aġenzija mhix waħda mill-korpi msemmija fl-Artikolu 185 tar-Regolament Finanzjarju ġenerali, il-funzjoni ta' l-verifika interna jitwettaq mis-Servizz ta' Verifika Intern tal-Kummissjoni.

Skond l-Artikolu 8(10) ta' l-istatuti ta' l-Aġenzija, ir-Regolament Finanzjarju għall-Aġenzija għandu jiġi adottat skond l-Artikolu 185 ta' l-imsemmi Regolament.

2007/0042 (CNS)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-Aġenzija Fornitriċi Euratom

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika, u partikolarment l-Artikolu 183 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat Konsultattiv ta' l-Aġenzija u tal-Qorti ta' l-Awdituri,

Billi:

5. L-Aġenzija Fornitriċi Euratom (hawn taħt imsejħa "l-Aġenzija"), li twaqqfet biex twettaq ċerti attivitajiet b'rabta mal-forniment tal-minerali, materja prima u materja fissili speċjali, għandha personalità ġuridika u għaldaqstant l-baġit tagħha maħsub li jkun irregolat b'regoli finanzjarji speċifiċi.

6. Biex tiġi żgurata l-konsistenza tar-regoli finanzjarji ta' l-Aġenzija mar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej[1], huwa xieraq, billi l-Aġenzija tirċievi għotja meħuda mill-baġit Komunitarju, li l-implimentazzjoni u l-kontroll tal-baġit tagħha jkunu bbażati kemm jista' jkun possibli fuq ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tat-23 ta' Diċembru 2002[2] dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, filwaqt li jitqiesu l-elementi speċifiċi ta' l-Aġenzija.

7. L-erba' prinċipji fundamentali tal-liġi baġitarja (l-unità, l-annwalità, l-universalità, u l-ispeċifikazzjoni) u l-prinċipji ta' l-eżattezza baġitarja, l-ekwilibriju, unità tal-kontijiet, ġestjoni finanzjarja tajba u tat-trasparenza jridu jiġu affermati mill-ġdid għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-baġit.

8. Hu meħtieġ li s-setgħat u r-responsabbiltajiet tal-uffiċjal tal-kontijiet, l-awditur intern u l-uffiċjali awtorizzanti jkunu ddefiniti. Dawn ta' l-aħħar għandhom responsabbiltà sħiħa ta' l-operazzjonijiet kollha ta' dħul u nfiq li jsiru taħt l-awtorità tagħhom u għandhom jinżammu responsabbli għall-azzjonijiet tagħhom, anki bi proċedimenti dixxiplinari fejn meħtieġ. Il-funzjoni ta' verifika interna għandha titwettaq mill-awditur intern tal-Kummissjoni.

9. Il-kalendarju biex jiġi stabbilit il-baġit, jiġu ppreżentati l-kontijiet u tingħata l-kwittanza jista', fejn rilevanti, jiġi armonizzat mad-dispożizzjonijiet ekwivalenti tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002. Il-kwittanza għandha tingħata lid-Direttur Ġenerali ta' l-Aġenzija mill-Parlament fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill.

10. Kull taqsima tal-baġit tinkludi pjan ta' stabbiliment. Il-ħaddiema ta' l-Aġenzija għandhom jidhru separatament fil-pjan ta' stabbiliment tal-Kummissjoni.

11. L-Aġenzija għandu jkollha aċċess għall-bord imwaqqaf mill-Kummissjoni biex jeżamina irregolaritajiet ħalli tkun titsta' ssir valutazzjoni simili ta' każi identiċi.

12. L-Aġenzija għandha tosserva l-istess rekwiżiti bħall-istituzzjonijiet fl-għoti tal-kuntratti pubbliċi. F'dan ir-rigward, għandha ssir referenza għad-dispożizzjonijet rilevanti tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002.

13. L-Aġenzija tista', biex twettaq l-kompiti li ngħatawlha, tqabbad entitajiet esterni mis-settur privat biss fejn meħtieġ u mhux għal kompiti li jinvolvu xi missjoni tas-servizz pubbliku jew l-użu ta' xi setgħat diskrezzjonali ta' ġudizzju, sabiex ikun garantit li l-Aġenzija tkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tagħha u żżomm ma' l-għanijiet li ngħatat meta twaqqfet.

14. L-Aġenzija għandha tissottometti proġettazzjoni tal-likwidità biex issostni t-talba tagħha għall-ħlas tas-sussidju Komunitarju.

15. Fid-dawl tar-rekwiżiti regolatorji li joħorġu mill-istatuti ta' l-Aġenzija, il-proċedura għall-preżentazzjoni tal-kontijiet għandha tiġi adattata.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

TITOLU I - AMBITU

Artikolu 1

1. Dan ir-Regolament jistipula l-prinċipji u r-regoli bażiċi għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-baġit ta' l-Aġenzija.

2. Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament:

16. "awtorità baġitarja" tfisser il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea.

17. "statuti" tfisser l-istatuti l-ġodda ta' l-Aġenzija adottati bid-Deċiżjoni tal-Kunsill ta' xx xxxxx 200x.

TITOLU II - PRINĊIPJI BAĠITARJI

Artikolu 2

Il-baġit ta' l-Aġenzija għandu jiġi stabbilit u implimentat skond il-prinċipji ta' l-unità u l-eżatezza baġitarja, l-annwalità, l-ekwilibriju, l-unità tal-kontijiet, l-universalità, l-ispeċifikazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja tajba u t-trasparenza kif stipulat f'dan ir-Regolament.

KAPITOLU 1: Prinċipji ta' unità u l-eżatezza baġitarja

Artikolu 3

Il-baġit huwa l-istrument li, għal kull sena finanzjarja, ibassar u jawtorizza d-dħul u l-infiq meqjus meħtieġ għall-Aġenzija.

Artikolu 4

Il-baġit ta' l-Aġenzija għandu jinkludi:

1. dħul proprju li jikkonsisti mill-interessi u d-dħul mill-investimenti tal-kapital u l-bank tagħha u l-kummissjoni fuq it-tranżazzjonijiet kif previst fl-Artikolu 10 ta' l-istatuti;

2. għotja determinata mill-awtorità baġitarja bħala parti mill-baġit ġenerali tal-Komunitajiet;

3. dħul assenjat lill-elementi speċifiċi ta' l-infiq skond l-Artikolu 17(1);

4. in-nefqa amministrattiva ta' l-Aġenzija;

5. regoli finanzjarji speċjali se jiġu adottati biex jippermettu lill-Aġenzija tuża s-self bħala sors baġitarju (skond l-Artikolu VI(3) ta' l-istatuti).

Artikolu 5

1. Ma jsirx dħul jew infiq qabel ma dan jitniżżel taħt intestaura fil-baġit.

2. Approprjazzjoni ma għandhiex tiddaħħal fil-baġit sakemm mhux għal spiża meqjusa meħtieġa.

3. L-ebda nefqa li tkun ogħla mill-approprjazzjonijiet awtorizzati mill-baġit ma tista' tiġi impenjata jew awtorizzata.

4. L-interessi li jrendu l-fondi li huma proprjetà ta' l-Aġenzija għandhom jiddaħħlu fil-baġit bħala dħul.

5. Se jiġu adottati regoli finanzjarji speċjali dwar l-użu ta' kwalunkwe self ikkuntrattat mill-Aġenzija.

KAPITOLU 2: Prinċipju ta' l-annwalità

Artikolu 6

L-approprjazzjonijiet mdaħħlin fil-baġit għandhom ikunu awtorizzati għal sena finanzjarja waħda li tkun tgħodd mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru.

Artikolu 7

1. Il-baġit għandu ikun fih approprjazzjonijiet mhux differenzjati, li jkunu magħmulin minn approprjazzjonijiet għall-impenji u approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet.

2. Approprjazzjonijiet għall-impenji għandhom ikopru l-kost ta' l-impenji ġuridiċi mibdijin tul is-sena finanzjarja attwali.

3. 3. Approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet għandhom ikopru ħlasijiet magħmula biex ikunu onorati impenji ġuridiċi mibdija fis-sena finanzjarja attwali u/jew snin finanzjarji ta' qabel.

4. Approprjazzjonijiet amministrativi ma għandhomx ikunu differenzjati. Infiq amministrattiv ġej minn kuntratti li jkopru perjodi li jestendu għal qabel is-sena finanzjarja, jew skond prassi lokali jew rigward fornitura ta' tagħmir, jitħallsu mill-baġit tas-sena finanzjarja li jkun sar fiha.

Artikolu 8

1. Id-dħul ta' l-Aġenzija msemmija fl-Artikolu 4 għandu jiddaħħal fil-kontijiet tas-sena finanzjarja skond l-ammonti miġbura matul is-sena finanzjarja.

2. Id-dħul ta' l-Aġenzija għandu joħloq ammont ekwivalenti ta' approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet.

3. L-approprjazzjonijiet awtorizzati fil-baġit għal sena jistgħu jintużaw biss biex jagħmlu tajjeb għall-infiq impenjat u mħallas f'dik is-sena finanzjarja, u biex ikopru ammonti dovuti minn impenji minn snin finanzjarji ta' qabel.

4. L-impenji għandhom jiddaħħlu fil-kontijiet skond l-impenji ġuridiċi li jkunu saru sal-31 ta' Diċembru.

5. Ħlasijiet jiddaħħlu fil-kontijiet għal sena finanzjarja skond il-ħlasijiet li għamel l-uffiċjal tal-kontijiet sal-31 ta' Diċembru ta' dik is-sena.

Artikolu 9

1. Approprjazzjonijiet li ma jkunux intużaw sa l-aħħar tas-sena finanzjarja li jkunu ddaħħlu għaliha għandhom jitħassru.

2. Approprjazzjonijiet li jikkorrispondu ma' obbligi kkuntrattati kif xieraq f'għeluq is-sena finanzjarja jinġarru awtomatikament għas-sena finanzjarja ta' wara biss.

3. L-approprjazzjonijiet disponibbli fil-31 ta' Diċembru li jkunu ġejjin mid-dħul assenjat imsemmi fl-Artikolu 17 jinġarru awtomatikament.

L-approprjazzjonijiet disponibbli li jikkorrispondu mad-dħul assenjat li jkun inġarr iridu jintużaw l-ewwel.

Artikolu 10

Meta l-ammonti ma jibqgħux impenjati, minħabba li ma tkunx totalment jew parzjalment seħħet l-implimentazzjoni ta' l-azzjonijiet li għalihom dawn l-ammonti kienu allokati, fi kwalunkwe sena finanzjarja wara dik li l-approprjazzjonijiet ġew impenjati, l-approprjazzjonijiet kkonċernati jitħassru.

Artikolu 11

L-approprjazzjonijiet imdaħħlin fil-baġit jistgħu jiġu impenjati mill-1 ta' Jannar, malli l-baġit ikun definittiv.

KAPITOLU 3: Prinċipju ta' l-ekwilibriju

Artikolu 12

1. Id-dħul mill-baġit u l-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet għandhom jibbilanċjaw lil xulxin.

2. L-approprjazzjonijiet għall-impenji ma jistgħux jaqbżu l-ammont tas-sussidju Komunitarju, id-dħul proprju u kull dħul ieħor imsemmi fl-Artikolu 4.

3 Fondi li jitħallsu lill-Aġenzija għandhom ikunu ta' sussidju biex jibbilanċja, fil-baġit tagħha, li jgħodd bħala prefinanzjament fis-sens ta' l-Artikolu 81(1)(b)(i) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002.

Artikolu 13

1. Jekk il-kont tar-riżultati konsolidati fis-sens ta' l-Artikolu 76 iħalli bilanċ, dan irid jitħallas lura lill-Kummissjoni sakemm jintlaħaq l-ammont tas-sussidju Komunitarju li jkun tħallas matul is-sena.

Id-differenza bejn is-sussidju Komunitarju li jkun iddaħħal fil-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (hawn taħt imsejjaħ "baġit ġenerali") u dak li fil-fatt jinġabar mill-Aġenzija għandha titħassar.

2. Jekk il-kont tal-riżultati konsolidati fis-sens ta' l-Artikolu 76 juri żbilanċ, dan għandu jiddaħħal fil-baġit tas-sena finanzjarja ta' wara.

3. Id-dħul jew l-approprjazzjonijiet għall-ħlas għandhom jiddaħħlu fil-baġit waqt il-proċedura baġitarja bl-ittra tal-proċedura ta' emendar jew, jekk l-implimentazzjoni tal-baġit għadha fis-seħħ, permezz ta' baġit li jemenda.

KAPITOLU 4: Prinċipju ta' l-unità ta' kontijiet

Artikolu 14

Il-baġit għandu jitħejja u jkun implimentat bl-euro u l-kontijiet ikunu ppreżentati bl-euro.

Madankollu, minħabba raġunijiet ta' kontanti, l-uffiċjal tal-kontijiet għandu jkun awtorizzat li jwettaq operazzjonijiet fil-muniti nazzjonali.

Artikolu 15

1. Jekk il-baġit ta' l-Aġenzija ma jiġix adottat fil-bidu tas-sena finanzjarja, ir-regoli li ġejjin għandhom ikunu applikabbli għall-impenji u l-ħlas ta' l-ispejjeż li setgħu kienu mniżżlin taħt intestatura speċifika fil-baġit bħala parti mill-implimentazzjoni ta' l-aħħar baġit adottat kif xieraq.

2. L-impenji jistgħu jsiru għal kull kapitolu sa mhux iktar minn kwart ta' l-approprjazzjonijiet totali awtorizzati fil-kapitolu kkonċernat għas-sena finanzjarja preċedenti, u wieħed minn kull tnax għal kull xahar li jkun għadda.

Il-ħlasijiet jistgħu jsiru ta' kull xahar għal kull kapitolu sa mhux iktar minn wieħed minn kull tnax ta' l-approprjazzjonijiet awtorizzati fil-kapitolu kkonċernat għas-sena finanzjarja preċedenti.

Il-limitu ta' l-approprjazzjonijiet previst fl-estimi tad-dħul u l-infiq ma jistax jinqabeż.

3. Fuq talba tad-Direttur Ġenerali, jekk ikun meħtieġ mill-kontinwità ta' l-azzjoni mill-Aġenzija u l-bżonnijiet ta' ġestjoni, il-Kummissjoni tista' proviżorjament tawtorizza fl-istess ħin żewġ partijiet jew iktar minn kull tnax, kemm għal impenji kif ukoll għal ħlasijiet, barra minn dawk li huma awtomatikament disponibbli bid-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 u 2.

Il-partijiet minn tnax l-oħrajn ikunu awtorizzati bis-sħiħ u ma għandhomx jinqasmu.

KAPITOLU 5: Prinċipju ta' l-universalità

Artikolu 16

Id-dħul totali għandu jagħmel tajjeb għat-total ta' l-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet, bla ħsara għall-Artikolu 17. Id-dħul u l-infiq kollu għandu jiddaħħal kollu mingħajr ma wieħed jaġġusta lill-ieħor, bla ħsara għall-Artikolu 19.

Artikolu 17

1. L-elementi ta' dħul li ġejjin għandhom jintużaw biex jiġu ffinanzjati oġġetti speċifiċi ta' nfiq:

18. id-dħul allokat għall-għan speċifiku, bħad-dħul minn donazzjonijiet, sussidji, rigali u legati;

19. sottoskrizzjonijiet kapitali addizzjonali mill-Istati Membri jekk tali fondi jingħataw jew ikunu mmirati għal attivitajiet jew infiq speċifiċi ta' l-Aġenzija, u jekk il-Kunsill hekk jiddeċiedi.

2. L-elementi kollha ta' dħul fis-sens tal-paragrafu 1 għandhom ikopru l-infiq dirett jew indirett li jsir mill-attività jew għan ikkonċernati.

3. Il-baġit ikollu intestaturi biex jakkomoda l-kategorji tad-dħul assenjat imsemmi fil-paragrafu 1 u kull fejn jista' jkun għandu juri l-ammont.

Artikolu 18

1. Id-Direttur Ġenerali jista' jilqa' kull donazzjoni li ssir lill-Aġenzija, bħalma huma għotjiet, rigali u legati.

2. Aċċettazzjoni ta' donazzjonijiet li jistgħu jinvolvu xi spiża finanzjarja għandhom ikunu soġġetti għall-awtorizzazzjoni minn qabel mill-Kummissjoni, li għandha tiddeċiedi fi żmien xahrejn mid-data li titressaq quddiemha t-talba. Jekk il-Kummissjoni tonqos milli tieħu deċiżjoni f'dak il-perjodu, id-donazzjoni għandha titqies milqugħa.

Artikolu 19

1. L-ammonti li jistgħu jittnaqqsu minn talbiet għall-ħlas, fatturi jew rendikonti, li mbagħad għandhom jgħaddu għall-ħlas ta' l-ammont nett, huma:

20. penali imposti lill-partijiet fil-kuntratti, inklużi kuntratti ta' akkwist;

21. aġġustamenti għal ammonti li tħallsu żejda, li jistgħu jsiru bi tnaqqis dirett minn ħlas ġdid ta' l-istess tip lill-istess persuna li għandha titħallas taħt il-kapitolu, l-artikolu u s-sena finanzjarja li fiha sar il-ħlas żejjed, u li kkawża ħlas interim jew ħlas ta' debiti.

Skontijiet, rifużjonijiet u ribassi fuq fatturi u talbiet għall-ħlas ma għandhomx ikunu rreġistrati bħala dħul ta' l-Aġenzija.

2. Il-kost tal-prodotti jew tas-servizzi pprovduti mill-Aġenzija għandu jinqata' mill-baġit bl-ammont sħiħ qabel it-taxxa, fejn dawn ikunu jinkludu t-taxxa rifuża:

22. jew mill-Istati Membri skond il-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej;

23. jew minn Stat Membru jew pajjiż mhux membru abbażi ta' ftehimiet rilevanti oħrajn.

Kwalunkwe taxxa nazzjonali li trid titħallas temporanjament mill-Aġenzija skond l-ewwel sottoparagrafu għandha tiddaħħal f'kont ta' sospiża sakemm tiġi rifuża mill-Istat ikkonċernat.

3. Kwalunkwe żbilanċ għandu jiddaħħal fil-baġit bħala nfiq.

4. Jistgħu isiru aġġustamenti għal differenzi ta' skambju li jsir waqt l-implimentazzjoni tal-baġit. Il-qligħ jew telf finali għandu jkunu inklużi fil-bilanċ għas-sena.

KAPITOLU 6: Prinċipju ta' l-ispeċifikazzjoni

Artikolu 20

L-approprjazzjonijiet fl-intier tagħhom għandhom jkunu allokati għal skopijiet speċifiċi bit-titolu u l-kapitolu; il-kapitoli għandhom jerġgħu jinqasmu f'artikoli u elementi.

Artikolu 21

1. Id-Direttur Ġenerali jista' jagħmel trasferimenti minn artikolu għal ieħor f'kull kapitolu. Hu għandu jinforma lill-Kummissjoni b'dan minnufih.

2. Id-Direttur Ġeneali jista' jagħmel trasferimenti minn titolu għal ieħor u minn kapitolu għal ieħor sa limitu ta' 10% ta' l-approprjazzjonijiet għas-sena finanzjarja. Iktar minn dan il-limitu, jista' jressaq proposta lill-Kummissjoni għal trasferimenti ta' approprjazzjonijiet minn titolu għall-ieħor jew minn kapitolu għall-ieħor fi ħdan titolu. Il-Kummissjoni għandha jkollha xahar biex topponi tali trasferimenti; wara dan il-limitu ta' żmien, it-trasferimenti jitqiesu bħala adottati.

3. Proposti għal trasferimenti u trasferimenti li jkunu saru skond dan l-Artikolu għandhom jkollhom magħhom dokumenti ta' sostenn xierqa u ddettaljati li juru l-implimentazzjoni ta' approprjazzjonijiet u estimi tar-rekwiżiti sat-tmiem tas-sena finanzjarja, għall-intestaturi li jridu jkunu kkreditati u għal dawk li jridu jsiru l-approprjazzjonijiet minnhom.

Artikolu 22

1. Approprjazzjonijiet jistgħu jkunu ttrasferiti biss f'intestaturi tal-baġit li għalihom il-baġit għandu approprjazzjonijiet awtorizzati jew għandu partita promemorja (p.m.).

2. Approprjazzjonijiet li jikkorrispondu mad-dħul assenjat jistgħu jkunu ttrasferiti biss jekk jintużaw għall-għan li għalih kien assenjat id-dħul.

KAPITOLU 7: Prinċipju tal-ġestjoni finanzjarja tajba

Artikolu 23

1. Approprjazzjonijiet baġitarji għandhom jintużaw skond il-prinċipju ta' ġestjoni finanzjarja tajba, jiġifieri, skond il-prinċipji ta' ekonomija, effiċjenza u effikaċja.

2. Il-prinċipju ta' l-ekonomija jeħtieġ li r-riżorsi li tuża l-Aġenzija għall-attivitajiet tagħha għandhom ikunu disponibbli fi żmien xieraq, fi kwantitajiet u kwalità xierqa u bl-aħjar prezz.

3. Il-prinċipju ta’ l-effiċjenza huwa marbut ma' l-aqwa relazzjoni bejn ir-riżorsi użati u r-riżultati miksuba.

4. Il-prinċipju ta’ l-effikaċja huwa marbut ma' l-ilħuq ta' l-għanijiet speċifiċi mfassla u li jikseb ir-riżultati maħsuba.

KAPITOLU 8: Prinċipju tat-trasparenza

Artikolu 24

Il-baġit għandu jkun stabbilit u implimentat u l-kontijiet ikunu ppreżentati b'konformità mal-prinċipju tat-trasparenza.

Il-baġit u l-baġits li jemendaw, kif adottati definittivament, għandhom ikunu ppubblikati fuq is-sit elettroniku ta' l-Aġenzija.

TITOLU III - STABBILIMENT U STRUTTURA TAL-BAĠIT

KAPITOLU 1: Stabbiliment tal-baġit

Artikolu 25

1. Il-baġit preliminari għandu jitfassal mid-Direttur Ġenerali skond l-istatuti ta' l-Aġenzija.

2. Wara li jieħu l-opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv, id-Direttur Ġenerali ta' l-Aġenzija għandu jibgħat lill-Kummissjoni stima tad-dħul u l-infiq ta' l-Aġenzija kif ukoll il-programm ta' ħidma tagħha sal-31 ta' Marzu ta' kull sena.

3. L-estimi għandhom jinkludu pjan ta' stabbiliment li jiffissa l-għadd ta' karigi permanenti u temporanji fl-Aġenzija[3].

4. Bħala parti mill-proċedura biex ikun adottat il-baġit ġenerali, il-Kummissjoni għandha tqis l-estimi ta' l-Aġenzija sabiex tiddetermina l-ammont ta' sussidju għall-Aġenzija u l-għadd ta' impjegati li hi tqis li l-Aġenzija teħtieġ.

5. L-awtorità baġitarja għandha tadotta l-pjan ta' stabbiliment ta' l-Aġenzija u kull emenda sussegwenti li ssirlu.

6. Il-baġit u l-pjan ta' stabbiliment għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni wara l-adozzjoni finali tal-baġit ġenerali li jistipula l-ammont tas-sussidju u l-pjan ta' stabbiliment u, fejn meħtieġ, għandu jiġi aġġustat skond il-ħtieġa.

Artikolu 26

Kwalunkwe emenda fil-baġit, inkluż il-pjan ta' stabbiliment, għandha tkun is-suġġett ta' baġit li jemenda adottat bl-istess proċedura tal-baġit inizjali.

KAPITOLU 2: Struttura u preżentazzjoni tal-baġit

Artikolu 27

Il-baġit għandu jkun magħmul minn rendikont ta' dħul u rendikont ta' nfiq.

Artikolu 28

Il-baġit għandu juri:

1) fir-rendikont tad-dħul:

24. id-dħul stmat ta' l-Aġenzija għas-sena finanzjarja kkonċernata;

25. id-dħul stmat għas-sena finanzjarja preċedenti u d-dħul għas-sena n-2;

26. kummenti xierqa dwar kull intestatura tad-dħul;

2) fir-rendikont ta' l-infiq:

27. l-approprjazzjonijiet għall-impenji għas-sena finanzjarja kkonċernata;

28. l-approprjazzjonijiet għall-impenji għas-sena finanzjarja preċedenti u l-infiq impenjat tul is-sena finanzjarja n-2;

29. il-kummenti xierqa fuq kull sottotaqsima;

Artikolu 29

Il-pjan ta' stabbiliment imsemmi fl-Artikolu 25 għandu juri, ħdejn l-għadd tal-karigi awrtorizzati għas-sena finanzjarja, l-għadd awtorizzat għas-sena preċedenti u l-għadd ta' karigi li effettivament imtlew.

Dan għandu jkun il-limitu assolut għall-Aġenzija; m'għandha ssir ebda ħatra aktar mil-limitu stipulat.

TITOLU IV—IMPLIMENTAZZJONI TAL-BAĠIT

KAPITOLU 1: Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 30

Id-Direttur Ġenerali għandu jwettaq id-dmirijiet ta' l-uffiċjal awtorizzanti. Fir-responsabbiltà tiegħu, li jimplimenta d-dħul u l-infiq tal-baġit skond ir-regoli finanzjarji ta' l-Aġenzija fid-dipartimenti taħt l-awtorità tiegħu u fil-limiti ta' l-approprjazzjonijiet allokati.

Artikolu 31

Id-Direttur Ġenerali jista' jiddelega s-setgħat ta' l-implimentazzjoni tal-baġit lill-impjegati ta' l-Aġenzija koperti bir-regoli u r-regolamenti applikabbli għall-uffiċjali u impjegati oħrajn tal-Komunitajiet Ewropej. Dawk inkarigati jistgħu jaġixxu biss fil-limiti tas-setgħat mogħtija espressament lilhom.

Artikolu 32

1. Il-parteċipanti finanzjarji kollha fl-ambitu tal-Kapitolu 2 ta' dan it-Titolu m'għandhom jitħallew jieħdu ebda miżura ta' implimentazzjoni tal-baġit li tista' ddaħħal l-interessi tagħhom f'kunflitt ma' dawk ta' l-Aġenzija. F'każ bħal dan, il-parteċipant ikkonċernat għandu jiċċaħħad milli jieħu tali miżuri u jirreferi l-każ lill-awtorità kompetenti.

2. Hemm kunflitt ta' interess fejn t-twettiq imparzjali u oġġettiv tal-funzjonijiet ta' parteċipant fl-implimentazzjoni tal-baġit jew awditur intern jiġi preġudikat għall-raġunijiet li jinvolvu l-familja, l-ħajja emozzjonali, politika jew affinità nazzjonali, l-interess ekonomiku jew kwalunkwe interess ieħor komuni mal-benefiċjarju.

3. L-awtorità kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun s-superjur dirett ta' l-impjegat ikkonċernat. Jekk l-impjegat ikun d-Direttur Ġenerali, l-awtorità kompetenti tkun il-Kummissjoni.

Artikolu 33

Fejn ikun meħtieġ, il-kompiti ta' perizja teknika u l-kompiti amministrattivi, preparatorju u anċillari li ma jinvolvux l-eżerċizzju ta' setgħa pubblika u lanqas l-użu ta' setgħat diskrezzjonali ta' ġudizzju jistgħu jingħataw b'kuntratt lil entitajiet jew korpi esterni mis-settur privat.

KAPITOLU 2: Parteċipanti finanzjarji

Taqsima 1: Prinċipju tas-separazzjoni tad-dmirijiet

Artikolu 34

Id-dmirijiet ta' l-uffiċjal awtorizzanti u l-uffiċjal tal-kontijiet għandhom ikunu separati u reċiprokament inkompatibbli.

Taqsima 2: Uffiċjal awtorizzanti

Artikolu 35

1. L-uffiċjal awtorizzanti għandu jkun responsabbli mill-implimentazzjoni tad-dħul u l-infiq skond il-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja tajba u mill-iżgurar tal-konformità mar-rekwiżiti tal-legalità u r-regolarità.

2. Biex jiġi implimentat il-baġit, l-uffiċjal awtorizzanti għandu jagħmel impenji baġitarji u impenji ġuridiċi, jivvalida l-infiq u jawtorizza l-ħlasijiet u għandu jkun responsabbli mill-preliminari għall-implimentazzjoni ta' l-approprjazzjonijiet.

3. L-implimentazzjoni tad-dħul għandha tinkludi t-tfassil ta' l-istimi ta' l-ammonti li għandhom jinġabru, l-istipular ta' l-intitolamenti li għandhom jiġu rkuprati, l-ħruġ ta' l-ordnijiet ta' l-irkupru u l-ħruġ tan-noti ta' debitu. Dan għandu jinvolvi li jkunu stabbiliti l-intitolamenti fejn ikun xieraq.

4. Bħala uffiċjal awtorizzanti ta' l-Aġenzija, id-Direttur Ġenerali għandu jieħu ħsieb li jkun hemm struttura ta' l-organizzazzjoni u s-sistemi ta' ġestjoni u kontroll intern u proċeduri xierqa għat-twettieq tal-kompiti ta' l-Aġenzija. Dawn għanhom ikunu adattati b'mod raġonevoli mill-istandards tal-Kummissjoni dwar il-kontrolli interni, filwaqt li jitqiesu l-livelli baxxi ta' riskju marbuta mal-ġestjoni ta' l-ambjent u n-natura tal-miżuri ffinanzjati mill-Aġenzija.

5. Qabel ma tranżizzjoni tiġi awtorizzata, l-aspetti operattivi u finanzjarji għandhom jiġu verifikati minn uffiċjali li ma jkunux l-uffiċjal li nidihom. It-tnedija u l-verifika ex ante ta' operazzjoni għandhom ikunu funzjonijiet separati.

6. L-uffiċjal awtorizzanti għandu jikkonserva d-dokumenti ta' sostenn b'rabta ma' l-operazzjonijiet mwettqa matul perjodu ta' ħames snin mid-data tad-deċiżjoni meta ngħatat kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit.

Artikolu 36

1. It-tnedija ta' operazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 35(5) għandha tinftiehem li tirreferi għall-operazzjonijiet kollha li huma preparatorji għall-adozzjoni ta' l-atti li jimplimentaw l-baġit mill-uffiċjal awtorizzanti responsabbli msemmi fl-Artikoli 30 u 31.

2. Verifika ex ante ta' operazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 35(5) għandha tinftiehem li tirreferi għall-verifiki ex ante mqabbda mill-uffiċjal awtorizzanti responsabbli sabiex jiġu verifikati l-aspetti operattivi u finanzjarji.

3. Kull operazzjoni għandha tkun soġġetta ta' lanqas għal verifika ex ante . L-għan ta' din il-verifika għandha tkun biex tiżgura li:

30. l-infiq sar kif suppost u jikkonforma mad-dispożizzjonijiet rilevanti;

31. jiġi applikat il-prinċipju ta' ġestjoni finanzjarja tajba msemmi fl-Artikolu 23.

4. L-uffiċjali jew l-impjegati l-oħra responsabbli mill-funzjonijiet ta' verifika msemmija fil-paragrafu 2 m'humiex l-istess li jwettqu l-kompiti tat-tnedija msemmija fil-paragrafu 1 u ma jaqgħux taħt ir-responsabbiltà tagħhom.

5. L-impjegati kollha responsabbli mill-iskrutinju tal-ġestjoni ta' l-operazzjonijiet finanzjarji għandu jkollhom il-ħiliet professjonali neċessarji u għandhom iħarsu kodiċi speċifiku bbażat fuq standards stipulati mill-Kummissjoni għad-dipartimenti tagħha.

Artikolu 37

Id-Direttur Ġenerali għandu jirrapporta lill-Kummissjoni dwar ir-rendiment ta' dmirijietu bħala l-uffiċjal awtorizzanti fil-forma ta' rapport annwali ta' l-attivitajiet (hawn taħt imsejjaħ "ir-rapport ta' l-uffiċjal awtorizzanti"), flimkien ma' tagħrif finanzjarju u ta' ġestjoni.

Ir-rapport għandu jkopri r-riżultati ta' l-operazzjonijiet tiegħu b'riferenza għal sett ta' miri, ir-riskji marbuta ma' dawk l-operazzjonijiet, l-użu li sar mir-riżorsi pprovduti u t-tħaddim tas-sistema ta' kontoll intern. L-awditur intern fl-ambitu tat-tifsira ta' l-Artikolu 66 għandu jqis r-rapport ta' ħidma annwali u kwalunkwe informazzjoni oħra identifikata.

Artikolu 38

Kwalunkwe impjegat involut fil-ġestjoni finanzjarja u ta' kontroll tat-tranżazzjonijiet li jqis li deċiżjoni li s-superjur tiegħu jqabbdu biex jimplimenta jew japprova hija illegali, irregolari jew tmur kontra l-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja tajba jew regoli professjonali li hu meħtieġ li jħares, għandu jinforma bil-miktub lid-Direttur Ġenerali u, jekk dan ta' l-aħħar jonqos milli jieħu azzjoni f'perjodu raġonevoli, lill-bord imsemmi fl-Artikolu 43(4). F'każ ta' kwalunkwe attività illegali, frodi jew korruzzjoni li tista' tippreġudika l-interessi tal-Komunità, għandu jinforma lill-awtoritajiet jew korpi maħtura mil-leġiżlazzjoni applikabbli.

Artikolu 39

Fejn is-setgħat ta' l-implimentazzjoni tal-baġit jiġu delegati skond l-Artikolu 31, l-Artikoli 35(1), (2) u (3) għandhom ikunu applikabbli mutatis mutandis għall-uffiċjali awtorizzanti permezz ta' delega.

Taqsima 3: Uffiċjal tal-kontijiet

Artikolu 40

1. Il-Kummissjoni għandha taħtar uffiċjal tal-kontijiet, kopert mir-Regolamenti tal-Persunal ta’ l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, li għandu jkun responsabbli mill-Aġenzija sabiex:

32. jimplimenta l-ħlasijiet kif xieraq, jiġbor id-dħul u jirkupra l-ammonti stabbiliti li għandhom jinġabru;

33. jipprepara u jippreżenta l-kontijiet skond it-Titolu VII;

34. iżomm il-kontijiet skond it-Titolu VII;

35. jimplimenta, b'konformità mat-Titolu VII, ir-regoli u l-metodi tal-kontabbiltà u l-iskeda tal-kontijiet skond id-dispożizzjonijiet adottati mill-uffiċjal tal-kontijiet tal-Kummissjoni;

36. jistabbilixxi u jivvalida sistemi tal-kontabbiltà u fejn xieraq jivvalida sistemi stabbiliti mill-uffiċjal awtorizzanti li jipprovdu u jiġġustifikaw l-informazzjoni dwar il-kontijiet.

37. jiġġestixxi l-fondi.

2. L-uffiċjal tal-kontijiet għandu jikseb mingħand l-uffiċjal awtorizzanti, li għandu jiggarantixxi l-affidabbiltà tagħha, l-informazzjoni kollha neċessarja għall-produzzjoni tal-kontijiet li jagħtu stampa veritiera u ġusta ta' l-assi ta' l-Aġenzija u l-implimentazzjoni tal-baġit.

3. L-uffiċjal tal-kontijiet biss għandu jkollu s-setgħa li jiġġestixxi l-flejjes u assi oħrajn. Għandu jkun responsabbli mill-faċilitajiet taż-żamma sikura tagħhom.

4. L-uffiċjal tal-kontijiet jista' jiddelega ċerti kompiti lil impjegat taħtu koperti mir-Regolamenti tal-Persunal, fejn dan ikun indispensabbli għat-twettiq ta' dmirijietu.

5. L-istrument tad-delega għandu jistipula l-kompiti mgħoddija lil persuna delegata u d-drittijiet u l-obbliga tagħha.

KAPITOLU 3: Responsabbiltà tal-parteċipanti finanzjarji

Taqsima 1: Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 41

1. Mingħajr ħsara għal kwalunkwe azzjoni dixxiplinari, l-awtorità li ħatret lill-uffiċjali awtorizzanti b'delega tista' fi kwalunkwe waqt tirtira d-delega tagħhom temporanjament jew definittivament.

2. Mingħajr ħsara għal kwalunkwe azzjoni dixxiplinari, il-Kummissjoni tista' fi kwalunkwe waqt tissospendi temporanjament jew definittivament lill-uffiċjal tal-kontijiet minn dmirijietu. F'dan il-każ, il-Kummissjoni għandha taħtar uffiċjal interim tal-kontijiet.

Artikolu 42

1. Id-dispożizzjonijiet ta' dan il-kapitolu qed isiru mingħajr ħsara għar-responsabbiltà taħt id-dritt kriminali li l-uffiċjal awtorizzanti u l-persuni msemmija fl-Artikolu 41 jistgħu jġibu fuqhom skond kif provdut fil-liġi nazzjonali applikabbli u fid-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar il-ħarsien ta' l-interessi Komunitarji finanzjarji u dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-Komunitajiet jew ta' l-Istati Membri.

2. Kull uffiċjal awtorizzanti jew uffiċjal tal-kontijiet għandu jkun soġġett għall-azzjoni dixxiplinari u ħlas ta' kumpens kif provdut fir-Regolamenti tal-Persunal, mingħajr ħsara għall-Artikolu 43 jew 44. Fil-każ ta' attività illegali, frodi jew korruzzjoni li tista' tagħmel ħsara lill-interessi tal-Komunità, il-kwistjoni titressaq quddiem l-awtoritajiet u korpi maħtura mil-leġiżlazzjoni applikabbli.

Taqsima 2: Regoli applikabbli b'delega lill-uffiċjali awtorizzanti

Artikolu 43

1. L-uffiċjal awtorizzanti għandu jkun soġġett għall-ħlas ta' kumpens kif stipulat fir-Regolamenti tal-Persunal. B'dan il-mod, jista' jinħtieġ li jagħmel tajjeb, bis-sħiħ jew parzjalment, għal kwalunkwe ħsara li ġarrbu l-Komunitajiet b'riżultat ta' mġiba ħażina serja min-naħa tiegħu matul jew b'rabta mat-twettiq ta' dmirijietu, partikolarment jekk hu jiddetermina l-intitolamenti li għandhom jiġu rkuprati jew joħroġ l-ordnijiet għall-irkupru, jimpenja l-infiq jew jiffirma ordni ta' ħlas mingħajr konformità ma' dan ir-Regolament Finanzjarju u r-regoli implimentattivi tiegħu.

L-istess għandu japplika meta, permezz ta' mġiba ħażina serja, jonqos li jfassal dokument li jistabilixxi ammont li għandu jinġabar, jew jonqos li joħroġ ordni ta' rkupru, jew mingħajr raġuni valida, joħroġha tard, jew fejn jonqos li joħroġ ordni tal-ħlas jew joħroġha tard b'mod li l-Aġenzija tispiċċa soġġetta għal proċedimenti ċivili minn partijiet terzi.

2. Uffiċjal awtorizzanti ddelegat li jqis li deċiżjoni li huwa fir-responsabbiltà li jieħu hija irregolari jew kuntrarja għall-prinċipji tal-ġestjoni finanzjarja tajba għandu jinforma bil-miktub lill-awtorità li tiddelega. Jekk l-awtorità li tiddelega mbagħad tagħti struzzjoni motivata bil-miktub lill-uffiċjal awtorizzanti ddelegat sabiex jimplimenta d-deċiżjoni inkwistjoni, l-uffiċjal għandu jimplimentaha u ma jistax jinżamm responsabbli għaliha; għandu jwettaq l-istruzzjoni, sakemm ma tkunx qed tikser il-liġi kriminali jew l-istandards ta' sikurezza rilevanti.

3. Fil-każ tad-delega, l-uffiċjal awtorizzanti għandu jkompli jkun responsabbli għall-effikaċja tas-sistemi interni tal-ġestjoni u l-kontroll eżistenti u għall-għażla ta' l-uffiċjal awtorizzanti ddelegat.

4. Il-bord imwaqqaf mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 66(4) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 biex jiddetermina jekk twettqitx xi irregolarità finanzjarja u, fejn applikabbli, x'għandhom ikunu l-konsegwenzi, għandu jeżerċita l-istess setgħat fir-rigward ta' l-Aġenzija bl-istess mod kif jagħmel fir-rigward tad-dipartimenti tal-Kummissjoni.

Abbażi ta' l-opinjoni tal-bord, id-Direttur Ġenerali għandu jiddeċiedi jekk jiftaħx proċedimenti dixxiplinari jew proċedimenti għall-ħlas ta' kumpens. Jekk il-bord jidentifika problemi sistematiċi, għandu jibgħat rapport bir-rakkomandazzjonijiet lill-uffiċjal awtorizzanti u lill-awditur intern tal-Kummissjoni. Jekk l-opinjoni jkollha implikazzjonijiet li jinvolvu lid-Direttur Ġenerali, il-bord għandu jibgħatha lill-awditur intern u lill-Kummissjoni.

5. Kwalunkwe impjegat jista' jintalab li jagħmel tajjeb, bis-sħiħ jew parzjalment, għall-ħsara mġarrba mill-Aġenzija b'riżultat ta' mġiba ħażina serja minnu matul jew b'rabta mat-twettiq ta' dmirijietu.

L-awtorità li taħtar għandha tieħu deċiżjoni motivata, wara li ttemm il-formalitajiet stipulati fir-Regolamenti tal-Persunal fir-rigward tal-kwistjonijiet dixxiplinari.

Taqsima 3: Regoli applikabbli għall-uffiċjali tal-kontijiet

Artikolu 44

Uffiċjal tal-kontijiet jista' jkun soġġett għall-azzjoni dixxiplinari u ħlas ta' kumpens, kif stipulat fir-Regolamenti tal-Persunal għall-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, partikolarment meta:

1. jitlef jew jikkawża ħsara lil flejjes, assi u dokumenti li jkun qed iżomm jew jikkawża t-telf jew li jiġrilhom ħsara minħabba n-negliġenza tiegħu;

2. ibiddel il-kontijiet bankarji jew kontijiet postali ġiro mingħajr ma jgħarraf lill-uffiċjal awtorizzanti minn qabel;

3. jirkupra jew iħallas ammonti li mhumiex f'konformità ma' l-ordnijiet korrispondenti tal-ħlas jew irkupru;

4. jonqos milli jiġbor id-dħul dovut.

KAPITOLU 4: Operazzjonijiet tad-dħul

Taqsima 1: Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 45

L-Aġenzija għandha tippreżenta lill-Kummissjoni talbiet għall-ħlas tas-sussidju Komunitarju kollu jew parti minnu, issustanzjati bi proġettazzjoni tal-likwidità, skond it-termini u intervalli maqbula mal-Kummissjoni.

Artikolu 46

Il-fondi mħallsa lill-Aġenzija mill-Kummissjoni permezz ta' sussidju għandhom jipproduċu interessi għall-benefiċċju tal-baġit ġenerali.

Taqsima 2: Stima ta' l-ammonti li għandhom jinġabru

Artikolu 47

Stima ta' l-ammonti li għandhom jinġabru għandha ssir minn qabel mill-uffiċjal awtorizzanti responsabbli fir-rigward ta' kwalunkwe miżura jew sitwazzjoni li tista' tikkawża jew tbiddel ammont dovut lill-Aġenzija.

Taqsima 3: Stabbiliment ta' l-ammonti li għandhom jinġabru

Artikolu 48

1. Li jiġi stabbilit l-ammont li għandu jinġabar huwa l-att li bih l-uffiċjal awtorizzanti jew l-uffiċjal awtorizzanti ddelegat:

38. jivverifika li d-debitu jeżisti;

39. jiddetermina jew jivverifika r-realtà u l-ammont tad-debitu;

40. jivverifika l-kundizzjonijiet li bihom id-debitu huwa dovut.

2. Kull ammont li għandu jinġabar meqjus aċċertat, ta' ammont fiss u dovut għandu jiġi stabbilit b'ordni ta' rkupru mogħtija lill-uffiċjal tal-kontijiet, akkumpanjata b'nota ta' debitu mibgħuta lid-debitur. Iż-żewġ dokumenti għandhom jitfasslu u jintbagħtu lill-uffiċjal awtorizzanti responsabbli.

3. Mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet stipulati fir-regoli, il-kuntratt u l-ftehim applikabbli, kwalunkwe debitu mhux mħallas lura sad-data stipulata fin-nota ta' debitu għandu jipproduċi interessi skond ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti (KE, Euratom) Nru 1605/2002.

4. F'każijiet sustanzjati kif xieraq, ċerti elementi tad-dħul ta' rutina jistgħu jkunu stabbilit proviżorjament.

L-istabbiliment proviżorju għandu jkopri l-irkupru ta' bosta ammonti individwali li ma jeħtiġux għalhekk li jiġu stabbiliti individwalment.

Qabel tmiem is-sena finanzjarja, l-uffiċjal awtorizzanti għandu jemenda l-ammonti stabbiliti proviżorjament biex jiżgura li jikkorrispondu għall-ammonti stabbiliti li għandhom effettivament jinġabru.

Taqsima 4: Awtorizzazzjoni ta' l-irkupru

Artikolu 49

L-awtorizzazzjoni ta' l-irkupru huwa l-att li bih l-uffiċjal awtorizzanti responsabbli jordna lill-uffiċjal tal-kontijiet, bil-ħruġ ta' ordni ta' rkupru, biex jirkupra ammont li għandu jinġabar li hu stabbilixxa.

Taqsima 5: Irkupru

Artikolu 50

1. Ammonti mħallsa bi żball għanhom jiġu rkuprati.

2. L-uffiċjal tal-kontijiet jieħu azzjoni fuq ordnijiet ta' rkupru għal ammonti li għandhom jinġabru stabbiliti kif xieraq mill-uffiċjal awtorizzanti responsabbli. Hu għandu jaġixxi b'diliġenza debita biex jiżgura li l-Aġenzija tirċievi d-dħul u għandu jara li jitħarsu d-drittijiet tagħha.

3. Meta l-uffiċjal awtorizzanti responsaabbli qed jippjana li jirrinunzja għall-irkupru ta' ammont stabbilit li għandu jinġabar, għandu jiżgura li r-rinunzja hija regolari u tħares il-prinċipju tal-ġestjoni finanzjarja tajba.

Tali rinunzja għandha ssir b'deċiżjoni mill-uffiċjal awtorizzanti, li għandha tkun sustanzjata. L-uffiċjal awtorizzanti jista' ma jiddelegax tali deċiżjoni.

Id-deċiżjoni tar-rinunzja għandha tiddikjara x'azzjoni ttieħdet biex tiżgura rkupru sikur u l-punti tad-dritt u l-fatt li fuqha ġiet bbażata.

4. L-uffiċjal awtorizzanti responsabbli għandu jħassar ammont stabbilit li għandu jinġabar meta s-sejba ta' żball minħabba li punt tad-dritt jew fatt turi li l-ammont ma ġiex stabbilit sewwa. Tali tħassir għandu jsir b'deċiżjoni mill-uffiċjal awtorizzanti responsabbli u għandu jkun sustanzjat kif xieraq.

5. L-uffiċjal awtorizzanti responsabbli għandu jżid jew inaqqas l-ammont ta' debitu stabbilit meta s-sejba ta' żball fattwali teħtieġ l-aġġustament ta' l-ammont tad-debitu, sakemm din il-korrezzjoni ma tinvolvix it-telf ta' l-intitolament stabbilit ta' l-Aġenzija. Tali aġġustament għandu jsir b'deċiżjoni mill-uffiċjal awtorizzanti responsabbli u għandu jkun sustanzjat kif xieraq.

Artikolu 51

Meta jseħħ effettivament l-irkupru tas-somma dovuta, l-uffiċjal tal-kontijiet għandu jdaħħal partita fil-kontijiet u għandu jinforma lill-uffiċjal awtorizzanti responsabbli.

Artikolu 52

1. Jekk l-irkupru effetiv ma jseħħx sad-data stipulata fin-nota ta' debitu, l-uffiċjal tal-kontijiet għandu jinforma lill-uffiċjal awtorizzanti responsabbli u immedjatament iniedi, wara li jinforma lid-debitur, il-proċedura biex jiġi jseħħ l-irkupru b'kull mezz disponibbli bil-liġi, inkluż, fejn xieraq, bi qtugħ kontra pretensjonijiet u, fejn ma jkunx possibli, b'irkupru infurzat.

2. L-uffiċjal tal-kontijiet għandu jirkupra l-ammonti billi jaqtagħhom kontra pretensjonijiet li l-Aġenzija għandha ma' kwalunkwe debitur li jkollu pretensjoni lejn l-Aġenzija li tkun aċċertata, ta' ammont fiss u dovut, sakemm il-qtugħ ikun ġuridikament possibli.

Artikolu 53

L-uffiċjal tal-kontijiet, b'kollaborazzjoni ta' l-uffiċjal awtorizzat responsabbli, jista' jippermetti biss żmien addizzjonali għall-ħlas meta ssir talba bil-miktub mid-debitur, b'indikazzjoni debita tar-raġunijiet, sakemm jinżammu ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

1. id-debitur jidħol għall-ħlas ta' interessi bir-rata speċifikata fir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 għall-perjodu addizzjonali permess, jibda mid-data stipulata sa meta kellu jsir il-ħlas oriġinarjament.

2. sabiex jitħarsu d-drittijiet ta' l-Aġenzija, id-debitur jipprovdi garanzija finanzjarja li tkopri kemm is-somma prinċipali u l-interessi.

Taqsima 6: Dispożizzjonijiet speċifiċi applikabbli għat-tariffi u imposti

Artikolu 54

Id-Direttur Ġenerali għandu jadotta dispożizzjonijiet speċifiċi applikabbli għat-tariffi u imposti

KAPITOLU 5: Operazzjonijiet ta' l-infiq

Artikolu 55

Kull element ta' nfiq għandu jkun impenjat, ivvalidat, awtorizzat u mħallas.

Taqsima 1: Impenji ta' l-infiq

Artikolu 56

1. Il-baġit impenjat huwa l-operazzjoni li tirriżerva l-approporjazzjonijiet meħtieġa biex ikopru l-ħlasijiet sussegwenti biex jiġi onorat l-impenn ġuridiku.

2. L-impenn ġuridiku huwa l-att li bih l-uffiċjal awtorizzanti responsabbli jidħol fi jew jistabbilixxi obbligu li jirriżulta fi spiża għall-baġit.

L-impenji baġitarji u l-impenjn ġuridiċi għandhom jiġu adottati mill-istess uffiċjal awtorizzanti, ħlief f'każijiet sustanzjati kif xieraq previsti fir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002.

3. L-impenn baġitarju għandu jkun individwali meta l-benefiċjarju u l-ammont tan-nefqa jkunu magħrufa.

4. L-impenn baġitarju għandu jkun kumplessiv meta ta' lanqas wieħed mill-elementi meħtieġa biex ikunu identifikati l-impenji individwali jkun għadu mhux magħruf.

5. L-impenn baġitarju għandu jkun proviżorju meta jkun maħsub biex ikopri nefqa amminitrattiva ta' rutina u meta jew l-ammont inkella l-benefiċjarji finali ma jkunux magħrufa fiċ-ċert.

L-impenji baġitarji proviżorji għandhom jiġu implimentati jew bil-konklużjoni ta' wieħed jew aktar mill-impenji ġuridiċi individwali li joħolqu intitolament għal ħlasijiet sussegwenti, inkella, f'każijiet eċċezzjonali marbuta man-nefqa tal-ġestjoni tar-riżorsi umani, direttament permezz ta' ħlasijiet.

Artikolu 57

1. Fir-rigward ta' kwalunkwe miżura li tista' tagħti lok għal nefqa li tittieħed mill-baġit, l-uffiċjal awtorizzanti responsabbli jrid l-ewwel jagħmel impenn baġitarju qabel ma jidħol f'obbligu ġuridiku ma' partijiet terzi.

2. Impenji ġurdiċi individwali marbuta ma' impenji baġitarji individwali jew proviżorji għandhom jiġu konklużi sal-31 ta' Diċembru tas-sena n.

Fi tmiem il-perjodi msemmija fl-ewwel sottoparagrafu, il-bilanċ mhux użat ta' dawn l-impenji baġitarji għandhom jitneħħew minn impenji mill-uffiċjal awtorizzanti responsabbli.

3. L-impenji ġuridiċi magħmula għal azzjonijiet li jestendu fuq aktar minn sena finanzjarja waħda u l-impenji baġitarji korrispondenti għandhom, ħlief fil-każ tan-nefqa tal-persunal, għandu jkollhom data finali għall-implimentazzjoni ffissata konformi mal-prinċipju tal-ġestjoni finanzjarja tajba.

Kull parti ta' tali impenji li ma twettqux sa sitt xhur wara dik id-data finali għandhom jitneħħew minn impenji skond l-Artikolu 10.

Artikolu 58

Meta jiġi adottat impenn baġitarju, l-uffiċjal awtorizzanti responsabbli għandu jiżgura li:

1. in-nefqa nqatgħet mill-intestatura t-tajba fil-baġit;

2. l-approprjazzjonijiet huma disponibbli;

3. in-nefqa tikkonforma mad-dispożizzjonijiet applikabbli, partikolarment dawk ta' l-istatuti u r-regoli ta' l-Aġenzija u l-atti kollha adottati in segwitu għalihom.

4. tħares il-prinċipju tal-ġestjoni finanzjarja tajba.

Taqsima 2: Validazzjoni tan-nefqa

Artikolu 59

Validazzjoni tan-nefqa huwa l-att li bih l-uffiċjal awtorizzanti responsabbli:

1. jivverifika l-eżistenza ta' l-intitolament tal-kreditur;

2. jivverifika l-kundizzjonijiet li bihom il-ħlas huwa dovut;

3. jiddetermina jew jivverifika r-realtà u l-ammont tal-pretensjoni.

Artikolu 60

1. Il-validazzjoni ta' kull nefqa għandha tkun ibbażata fuq dokumenti ta' sostenn li jikkonfermaw l-intitolament tal-kreditur, abbażi ta' rendikont tas-servizzi effettivament fornuti, provvisti effettivament ikkonsenjati jew effettivament imwettqa, jew abbażi ta' dokumenti oħra li jiġġustifikaw il-ħlas.

2. Id-deċiżjoni li tivvalida n-nefqa għandha tiġi espressa bl-iffirmar ta' nota "mgħoddi għall-ħlas" mill-uffiċjal awtorizzanti responsabbli.

3. F'sistema mhux kompjuterizzata, in-nota "mgħoddi għall-ħlas" għandha tkun forma ta' timbru li jinkorpora l-firma ta' l-uffiċjal awtorizzanti responsabbli. F'sistema kompjuterizzata, in-nota "mgħoddi għall-ħlas" għandha tkun forma ta' validazzjoni bl-użu tal- password ta' l-uffiċjal awtorizzanti responsabbli.

Taqsima 3: Awtorizzazzjoni tan-nefqa

Artikolu 61

1. L-awtorizzazzjoni ta' n-nefqa huwa l-att li bih l-uffiċjal awtorizzanti responsabbli jordna lill-uffiċjal tal-kontijiet, bil-ħruġ ta' ordni ta' ħlas, biex iħallas element tan-nefqa li hu vvalida.

2. L-ordni tal-ħlas għandha tkun datata u ffirmata mill-uffiċjal awtorizzanti responsabbli, imbagħad mibgħuta lill-uffiċjal tal-kontijiet. Id-dokumenti ta' sostenn għandhom jinżammu mill-uffiċjal awtorizzanti responsabbli skond l-Artikolu 35(6).

3. Fejn xieraq, l-ordni tal-ħlas mibgħuta lill-uffiċjal tal-kontijiet għandha tkun akkumpanjata minn dokument li jiċċertifika li l-provvista ddaħħlet fl-inventarji msemmija fl-Artikolu 85(1).

Taqsima 4: Ħlas tan-nefqa

Artikolu 62

1. Il-ħlas għandu jsir abbażi tal-preżentazzjoni tal-prova li l-azzjoni rilevanti twettqet skond id-dispożizzjonijiet ta' l-att bażiku skond it-tifsira ta' l-Artikolu 49 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 u l-kuntratt, u għandu jkopri waħda mill-operazzjonijiet li ġejjin:

41. il-ħlas ta' l-ammont sħiħ dovut;

42. il-ħlas ta' l-ammont dovut skond kwalunkwe minn dawn li ġejjin:

43. prefinanzjament, li jista' jinqasam f'għadd ta' ħlasijiet,

44. ħlas interim wieħed jew aktar;

45. il-ħlas tal-bilanċ ta' l-ammont dovut.

Il-prefinanzjament għandu jinqata' bħala sħiħ jew parzjali mill-ħlasijiet interim.

Il-ħlasijiet kollha ta' prefinanzjament jew interim għandhom jinqatgħu mill-ħlas tal-bilanċi.

2. Għandha ssir distinzjoni fil-kontijiet bejn it-tipi differenti tal-ħlasijiet imsemmija fil-paragrafu 1 meta jkunu qed isiru.

Artikolu 63

Il-ħlas ta' nefqa għandu jsir mill-uffiċjal tal-kontjiet fil-limiti tal-fondi disponibbli.

Taqsima 5: Il-limiti taż-żmien għall-operazzjonijiet ta' nfiq

Artikolu 64

Il-validazzjoni, l-awtorizzazzjoni u l-ħlas ta' nefqa għandu jsir fil-limiti ta' żmien speċifikati fi, u skond id-dispożizzjonijiet tar-regoli għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002.

KAPITOLU 6: Sistemi tat-teknoloġija ta' informazzjoni

Artikolu 65

Meta operazzjonijiet tad-dħul u l-infiq ikunu ġestiti permezz ta' sistemi kompjuterizzati, id-dokumenti jistgħu jiġu ffirmati permezz ta' proċedura kompjuterizzata jew elettronika.

KAPITOLU 7: Awditur intern

Artikolu 66

1. L-Aġenzija għandha jkollha funzjoni ta' verifika interna li għandha titwettaq f'konformità ma' l-istandards internazzjonali rilevanti.

2. L-awditur intern tal-Kummissjoni għandu jeżerċita l-istess setgħat fir-rigward ta' l-Aġenzija bħal ma jagħmel mad-dipartimenti tal-Kummissjoni.

Artikolu 67

1. L-awditur intern għandu javża lill-Aġenzija f'każijiet ta' riskju, billi joħroġ opinjonijiet indipendenti dwar il-kwalità tas-sistemi tal-ġestjoni u l-kontroll u billi jagħti rakkomandazzjonijiet għat-titjib fil-kundizzjonijiet ta' l-implimentazzjoni ta' l-operazzjonijiet u l-promozzjoni ta' ġestjoni finanzjarja tajba.

Għandu jkun responsabbli:

46. mill-valutazzjoni ta' l-idoneità u l-effikaċja tas-sistemi ta' ġestjoni interna u l-prestazzjoni tad-dipartimenti fil-programmi u azzjonijiet implimentattivi b'referenza għar-riskji marbuta magħhom;

47. mill-valutazzjoni ta' l-idoneità u l-kwalità tas-sistemi ta' kontroll intern applikabbli għal kull operazzjoni baġitarja implimentattiva.

2. L-awditur intern għandu jwettaq dmirijietu b'attenzjoni għall-attivitajiet u d-dipartimenti kollha ta' l-Aġenzija. Għandu jkollu aċċess sħiħ u bla limiti għall-informazzjoni meħtieġa biex iwettaq dmirijietu.

3. L-awditur intern għandu jirrapporta s-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu lill-Kummissjoni u lid-Direttur Ġenerali. Dawn għandhom jiżguraw li ttieħdet azzjoni fuq ir-rakkomandazzjonijiet li joħorġu mill-verifiki.

4. L-awditur intern għandu jissottomentti lill-Aġenzija rapport annwali tal-verifika interna li jistipula, fost l-oħrajn, l-għadd u t-tip ta' verifiki interni mwettqa, ir-rakkomandazzjonijiet magħmula u l-azzjoni li ttieħdet dwar dawn ir-rakkomandazzjonijiet. Ir-rapport annwali għandu wkoll isemmi kwalunkwe problema sistemika misjuba mill-bord speċjalizzat imwaqqaf bl-Artikolu 66(4) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002.

5. Ir-rapport ta' ħidma annwali mfassal mid-Direttur Ġenerali u mibgħut lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni għandu jinkludi sommarju tal-verifika interna mwettaq mill-awditur intern, ir-rakkomandazzjonijiet magħmula u l-azzjonijiet meħuda fuq dawn ir-rakkomandazzjonijiet.

Artikolu 68

Ir-responsabbiltà ta' l-awditur intern għall-azzjoni meħuda fit-twettiq ta' dmirijietu għandha tkun determinata skond l-Artikolu 87 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002.

TITOLU V - AKKWIST

Artikolu 69

Fir-rigward ta' l-akkwist, id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 u r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament għandhom japplikaw.

TITOLU VI – PREŻENTAZZJONI TAL-KONTIJIET U TAL-KONTABBILTÀ

KAPITOLU 1: Preżentazzjoni tal-kontijiet

Artikolu 70

Il-kontijiet annwali ta' l-Aġenzija għandhom jinkludu:

(a) ir-rapporti finanzjarji ta' l-Aġenzija;

(b) ir-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit ta' l-Aġenzija.

Il-kontijiet ta' l-Aġenzija għandha tkun akkumpanjata minn rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja tul is-sena.

Artikolu 71

Il-kontijiet għandhom jikkonformaw mar-regoli u għandhom ikunu preċiżi u komprensivi u jippreżentaw stampa veritiera u ġusta:

(a) fir-rigward tar-rapporti finanzjarji, ta' l-assi u l-obbligazzjonijiet, spejjeż u dħul, intitolamenti u impenji mhux inklużi fl-assi u l-obbligazzjonijiet, u l-likwidità;

(b) fir-rigward tar-rapporti dwar l-implentazzjoni baġitarja, ta' l-operazzjonijiet tad-dħul u l-infiq.

Artikolu 72

Ir-rapporti finanzjarji għandhom jitfasslu skond il-prinċipji tal-kontabbiltà ġeneralment aċċettati speċifikati fir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002, partikolarment:

(a) il-prinċipju ta' kunsiderazzjoni kostanti;

(b) il-prudenza;

(c) il-konsistenza tal-metodi tal-kontabbiltà;

(d) il-komparabbiltà ta' l-informazzjoni;

(e) il-materjalità;

(f) li ma jsirx qtugħ;

(g) dak li hu fattibbli kontra dak li jidher;

(h) il-kontabbiltà bbażata fuq id-dovuti.

Artikolu 73

1. Skond il-prinċipju tal-kontabbiltà bbażata fuq id-dovuti, ir-rapporti finanzjarji għandhom juru l-ispejjeż u d-dħul għas-sena finanzjarja, irrispettivament mid-data tal-ħlas jew tal-ġbir.

2. Il-valur ta' l-assi u l-obbligazzjonijiet għandu jkun determinat skond ir-regoli tal-valorizzazzjoni stipulati fil-metodi tal-kontijiet previsti fl-Artikolu 132 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002.

Artikolu 74

1. Ir-rapporti finanzjarji għandhom jiġu ppreżentati fl-euro u għandhom jinkludu:

48. il-karta tal-bilanċi u l-kont tar-riżultat ekonomiku, li jirrappreżentaw l-assi u l-obbligazzjonijiet u s-sitwazzjoni finanzjarja u r-riżultat ekonomiku fil-31 ta' Diċembru tas-sena preċedenti; għandhom ikunu ppreżentati skond l-istruttura stipulata bid-Direttiva tal-Kunsill dwar il-kontijiet annwali ta' ċerti tipi ta' kumpaniji, imma titqies in-natura ta' l-attivitajiet ta' l-Aġenzija;

49. it-tabella tal-likwidità li turi l-ammonti miġbura u mqassma tul is-sena u l-pożizzjoni finali tal-fondi;

50. ir-rapport dwar tibdil fil-kapital li jippreżenta fid-dettall iż-żidiet u t-tnaqqis tul is-sena f'kull element tal-kontijiet kapitali.

2. L-anness għar-rapporti finanzjarji għandu jissuplimenta u jikkummenta dwar l-informazzjoni ppreżentata fir-rapporti msemmija fil-paragrafu 1 u għandu jipprovdi informazzjoni addizzjonali rekwiżita skond il-prassi tal-kontabbiltà aċċettata internazzjonalment fejn tali informazzjoni tkun rilevanti għall-attivitajiet ta' l-Aġenzija.

Artikolu 75

Ir-rapporti dwar l-implimentazzjoni baġitarja għandhom ikunu ppreżentati f'euro. Dawn għandhom jinkludu:

51. il-kont tar-riżultati baġitarji, li juri l-operazzjonijiet baġitarji kollha għas-sena f'termini ta' dħul u nfiq; l-istruttura li fiha jkunu ppreżentati għandha tkun l-istess bħal dik tal-baġit innifsu;

52. l-anness għall-kont tar-riżultati baġitarji, li għandu jissuplimenta u jikkummenta dwar l-informazzjoni mogħtija f'dak il-kont.

Artikolu 76

L-uffiċjal tal-kontijiet għandu jibgħat il-kontijiet proviżorji ta' l-Aġenzija, flimkien mar-rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja tul is-sena msemmija fl-Artikolu 71 ta' dan ir-Regolament:

1. lill-uffiċjal tal-kontijiet tal-Kummissarju sa l-1 ta' Marzu tas-sena sussegwenti sabiex l-uffiċjal tal-kontijiet tal-Kummissjoni jkun jista' jikkonsolida l-kontijiet kif previst fl-Artikolu 128 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002;

2. lill-Qorti ta' l-Awdituri sal-31 ta' Marzu tas-sena sussegwenti.

Artikolu 77

1. Il-Qorti ta' l-Awdituri għandha tagħmel l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-kontijiet proviżorji ta' l-Aġenzija sal-15 ta' Ġunju.

2. Meta jirċievi l-osservazzjonijiet tal-Qorti ta' l-Awdituri dwar il-kontijiet proviżjorji ta' l-Aġenzija, id-Direttur Ġenerali għandu jfassal il-kontijiet finali ta' l-Aġenzija, skond ir-responsabbiltà tiegħu, u jibgħathom lill-Kumitat Konsultattiv ta' l-Aġenzija, li għandu jagħti opinjoni dwar dawn il-kontijiet.

3. Id-Direttur Ġenerali għandu, sa l-1 ta' Lulju tas-sena finanzjarja sussegwenti, jibgħat il-kontijiet finali, flimkien ma' l-opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Qorti ta' l-Awdituri.

4. Il-kontijiet finali għandhom jiġu ppubblikati fuq is-sit elettroniku ta' l-Aġenzija.

5. Sat-30 ta' Settembru, id-Direttur Ġenerali għandu jibgħat lill-Qorti ta' l-Awdituri tweġiba għall-osservazzjonijiet li saru fir-rapport annwali tagħha.

KAPITOLU 2: Kontabbiltà

Taqsima 1: Dispożizzjonijiet komuni

Artikolu 78

1. Is-sistema tal-kontabbiltà ta' l-Aġenzija hija s-sistema li sservi biex torganizza l-informazzjoni baġitarja u finanzjarja b'tali mod li ċ-ċifri jiddaħlu, jinħażnu u jiġu rreġistrati.

2. Il-kontijiet għandhom jikkonsistu f'kontijiet ġenerali u kontijiet baġitarji. Dawn il-kontijiet għandhom jinżammu fl-euro abbażi tas-sena kalendarja.

3. Iċ-ċifri fil-kontijiet ġenerali u fil-kontijiet baġitarji għandhom jiġu adottati fl-għeluq tas-sena finanzjarja sabiex il-kontijiet imsemmija fil-Kapitolu 1 jkunu jistgħu jitfasslu.

4. Minkejja l-paragrafi 2 u 3, l-uffiċjal awtorizzanti jista' jżomm kontijiet analitiċi.

Artikolu 79

Ir-regoli tal-kontabbiltà u l-iskeda tal-kontijiet li għandha tintuża mill-Aġenzija għandha tiġi adottata mill-uffiċjal tal-kontijiet tal-Kummissjoni skond l-Artikolu 133 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002.

Taqsima 2: Kontijiet ġenerali

Artikolu 80

Il-kontijiet ġenerali għandhom jirreġistraw, f'ordni kronoloġika bl-użu tal-metodu tal-partita doppja, l-avvenimenti u l-operazzjonijiet kollha li jolqtu s-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja u l-assi u l-obbligazzjonijiet ta' l-Aġenzija.

Artikolu 81

1. Il-movimenti fil-kontijiet u l-bilanċi għandhom jiddaħħlu fil-kotba tal-kontijiet.

2. Il-partiti kollha tal-kontabbiltà, inkluż l-aġġustamenti għall-kontijiet, għandhom jiġu bbażati fuq dokumenti ta' sostenn, li għalihom ikunu jirreferu.

3. Is-sistema tal-kontabbiltà għandha tkun tali li żżomm sekwenza tal-partiti kollha ta' kontabbiltà.

Artikolu 82

L-uffiċjal tal-kontijiet ta' l-Aġenzija għandu, wara l-għeluq tas-sena finanzjarja u sal-jum tal-preżentazzjoni tal-kontijiet finali, jagħmel kull aġġustament li, mingħajr ma jinvolvi t-tqassim jew il-ġbir tal-fondi ta' dik is-sena, huma meħtieġa għal preżentazzjoni veritiera u ġusta tal-kontijiet b'konformità mar-regoli.

Taqsima 3: Kontijiet baġitarji

Artikolu 83

1. Il-kontijiet baġitarji għandhom jipprovdu rendikont dettaljat ta' l-implimentazzjoni baġitarja.

2. Għall-għanijiet li jiġi applikat il-paragrafu 1, il-kontijiet baġitarji għandhom jirreġistraw l-operazzjonijiet baġitarji kollha tad-dħul u l-infiq previsti fit-Titolu IV ta' dan ir-Regolament.

KAPITOLU 3: Inventarji tal-proprjetà

Artikolu 84

1. L-Aġenzija għandha żżomm inventarji li juru l-kwantità u l-valur ta' l-assi tanġibli, intanġibbli u finanzjarji kollha tal-Komunità skond il-mudell imfassal mill-uffiċjal tal-kontijiet tal-Kummissjoni.

L-Aġenzija għandha tivverifika li l-entrati fl-inventarju jikkorrispondu mas-sitwazzjoni effettiva.

2. Il-bejgħ ta' proprjetà mobbli għandha tkun reklamata kif xieraq.

TITOLU VII – VERIFIKA ESTERNA U KWITTANZA

KAPITOLU 1: Verifika esterna

Artikolu 85

Il-Qorti ta' l-Awdituri għandha tiskrutinizza l-kontijiet ta' l-Aġenzija skond l-Artikolu 160c tat-Trattat ta' l-Euratom.

Artikolu 86

1. L-Aġenzija għandha tibgħat lill-Qorit ta' l-Awdituri l-baġit, kif adottat definittivament. Għandha tinforma lill-Qorti ta' l-Awdituri, minnufih, bid-deċiżjonijiet u l-atti kollha adottati skond l-Artikolu 24.

2. Il-Qorti ta' l-Awdituri għandha tkun infurmata fil-ħatra ta' l-uffiċjali awtorizzanti u l-uffiċjali tal-kontijiet u bid-deċiżjonijiet ta' delega skond l-Artikoli 31 u 40.

Artikolu 87

L-iskrutinju mwettaq mill-Qorti ta' l-Awdituri għandu jkun irregolat bl-Artikoli 139 sa 144 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002.

KAPITOLU 2: Kwittanza

Artikolu 88

1. Il-Parlament Ewropew, fuq rakkomandazzjoni tal-Kunsill, għandu, qabel it-30 ta' April tas-sena n+2, jagħti kwittanza lid-Direttur Ġenerali ta' l-Aġenzija fir-rigward ta' l-implimentazzjoni tal-baġit tas-sena n.

2. Jekk id-data prevista fil-paragrafu 1 ma tkunx tista' tinżamm, il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill għandu jinforma lid-Direttur Ġenerali bir-raġunijiet għall-posponiment.

3. Jekk il-Parlament Ewropew jipposponi d-deċiżjoni biex jagħti kwittanza, id-Direttur Ġenerali għandu jagħmel kull sforz biex jieħu miżuri, minnufih, biex ineħħi jew jiffaċilita t-tneħħija ta' l-ostakli għal dik id-deċiżjoni.

Artikolu 89

1. Id-deċiżjoni tal-kwittanza għandha tkopri l-kontijiet tad-dħul u l-infiq kollu ta' l-Aġenzija, il-bilanċ li jirriżulta u l-assi u l-obbligazzjonijiet ta' l-Aġenzija murija fil-karta tal-bilanċi.

2. Bil-ħsieb li tingħata l-kwittanza, il-Parlament Ewropew għandu, wara li l-Kunsill ikun għamel l-istess, jeżamina l-kontijiet u r-rapporti finanzjarji ta' l-Aġenzija. Għandu jeżamina wkoll ir-rapport annwali maħruġ mill-Qorti ta' l-Awdituri, flimkien mat-tweġibiet tad-Direttur Ġenerali ta' l-Aġenzija, kwalunkwe rapport speċjali rilevanti mill-Qorti ta' l-Awdituri fir-rigward tas-sena finanzjarja inkwistjoni u d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni tal-Qorti ta' l-Awdituri dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet fil-kontijiet.

3. Fuq it-talba tal-Parlament Ewropew, id-Direttur Ġenerali għandu jgħaddilu l-informazzjoni meħtieġa biex tiġi applikata mingħajr diffikultajiet il-proċedura tal-kwittanza għas-sena finanzjarja inkwistjoni, skond l-Artikolu 146(3) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002.

Artikolu 90

1. Id-Direttur Ġenerali għandu jieħu l-passi kollha xierqa biex jaġixxi fuq l-osservazzjonijiet li joħorġu mad-deċiżjoni tal-kwittanza mill-Parlament Ewropew, u fuq il-kummenti li jakkumpanjaw ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill għall-għoti tal-kwittanza.

2. Fuq it-talba tal-Parlament Ewropew jew il-Kunsill, id-Direttur Ġenerali għandu jirrapporta dwar il-miżuri meħuda fid-dawl ta' dawn l-osservazzjonijiet u l-kummenti. Hu għandu jibgħat kopja tar-rapport lill-Kummissjoni u lill-Qorti ta' l-Awdituri.

TITOLU VIII – DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻITORJI U FINALI

Artikolu 91

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandu jkollhom is-setgħa li jiksbu kull informazzjoni jew spjegazzjoni neċessarja dwar kwistjonijiet baġitarji fl-oqsma tal-kompetenza tagħhom.

Artikolu 92

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, […]

Għall-Kunsill

Il-President

[…]

[1] ĠU L 248, 16. 9.2002, p.1.

[2] ĠU L 357, 31. 12.2002, p.72.

[3] Skond l-Artikolu 30 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002, l-impjegati ta' l-Aġenzija jidhru separatament fil-pjan ta' stabbiliment tal-Kummissjoni.