52007PC0068

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' Ftehim addizzjonali bejn il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat ta' Liechtenstein li jestendi għall-Prinċipat ta' Liechtenstein il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar kummerċ ta' prodotti agrikoli /* KUMM/2007/0068 finali - ACC 2007/0031 */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 23.2.2007

KUMM(2007) 68 finali

2007/0031 (ACC)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni ta' Ftehim addizzjonali bejn il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat ta' Liechtenstein li jestendi għall-Prinċipat ta' Liechtenstein il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar kummerċ ta' prodotti agrikoli

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. Fir-rigward ta' l-unjoni doganali mal-Konfederazzjoni Żvizzera, il-Prinċipat ta' Liechtenstein talab li l-Ftehim bejn il-komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar kummerċ ta' prodotti agrikoli għandu jkun japplika għalih ukoll.

2. Wara li ttieħdet pożizzjoni posittiva mill-Kumitat Konġunt għall-Agrikoltura u mill-Kumitat Konġunt Veterinarju dwar dak il-Ftehim, inbdew konsultazzjonijiet bejn il-Kummissjoni, il-Gvern tal-Prinċipat ta' Liechtenstein u l-Kunsill Federali Żvizzeru.

3. Il-Ftehim għandu jħaffef ir-relazzjoni triangulari fil-kummerċ ta' prodotti agrikoli bejn Liechtenstein, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Komunità, kemm għal kwistjonijiet ta' tariffi kif ukoll għal kwistjonijiet oħra. Fl-istess waqt, is-sitwazzjoni fir-rigward ta' suġġetti trattati fil-Ftehim dwar iz-Żona Ekonomika Ewropea li japplikaw għal Liechtenstein iżda mhux għall-Konfederazzjoni Żvizzera, għandha tiġi ċċarata permezz ta' Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE, li għandha tiġi adottata f'konformità mal-proċeduri speċifiċi previsti.

4. Għalhekk, il-Kummissjoni tipproponi li l-Kunsill jadotta d-deċiżjoni dwar il-konklużjoni ta' dan il-Ftehim u li fl-istess jum, id-Deċiżjoni korrispondenti tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE tidħol fis-seħħ.

5. L-impatt finanzjarju: Ma hu previst l-ebda impatt sinifikanti.

2007/0031 (ACC)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni ta' Ftehim addizzjonali bejn il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat ta' Liechtenstein li jestendi għall-Prinċipat ta' Liechtenstein il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar kummerċ ta' prodotti agrikoli

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 133 tiegħu, flimkien ma’ l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 300(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1) Il-Komunità, il-Prinċipat ta' Liechtenstein u l-Konfederazzjoni Żvizzera nnegozjaw u inizjalaw ftehim addizzjonali sabiex il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar kummerċ ta' prodotti agrikoli jiġi estiż għall-Prinċipat ta' Liechtenstein.

(2) Huwa fl-interess tal-Komunità li tapprova dak il-ftehim addizzjonali msemmi,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Ftehim addizzjonali bejn il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat ta' Liechtenstein li jestendi għall-Prinċipat ta' Liechtenstein il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar kummerċ ta' prodotti agrikoli b'dan huwa approvat f'isem il-Komunità. It-test tal-Ftehim huwa anness ma’ din id-deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill b'dan huwa awtorizzat jinnomina persuna/i bis-setgħa li tiffirma/jiffirmaw il-Ftehim sabiex torbot/jorbtu lill-Komunità.

Magħmula fi

Għall-Kunsill

Il-President

Proposta għal

FTEHIM ADDIZZJONALI

bejn il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat ta' Liechtenstein li jestendi għall-Prinċipat ta' Liechtenstein il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar kummerċ ta' prodotti agrikoli

Il-Komunità Ewropea (il-Komunità), il-Konfederazzjoni Żvizzera ("l-Iżvizzera") u l-Prinċipat ta' Liechtenstein ("Liechtenstein"),

Billi:

(1) Liechtenstein tifforma unjoni doganali ma' l-Iżvizzera skond it-Trattat tad-29 ta' Marzu 1923 bejn il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat ta' Liechtenstein li jinkorpora lil Liechtenstein fit-territorju doganali Żvizzeru ("Trattat Doganali")[1].

(2) Bis-saħħa tat-Trattat Doganali, il-provvedimenti dwar it-titjib ta' l-aċċess għas-suq mogħti mill-Iżvizzera għal prodotti agrikoli li joriġinaw mil-Komunità li huma is-suġġett tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar kummerċ ta' prodotti agrikoli tal-21 ta' Ġunju 1999[2] ("Ftehim dwar l-Agrikoltura") jgħoddu għal Liechtenstein.

(3) Għall-amministrazzjoni tal-Ftehim dwar l-Agrikoltura u sabiex jiġi żgurat it-tħaddim tajjeb tiegħu, l-Artikolu 6 jistabilixxi Kumitat Konġunt għall-Agrikoltura u l-Artikolu 19 ta' l-Anness 11 jistabilixxi Kumitat Konġunt Veterinarju, fejn it-tnejn li huma jistgħu jimmodifikaw partijiet speċifiċi ta' dak il-Ftehim.

(4) Skond il-Ftehim Addizzjonali li jikkonċerna l-validità, għall-Prinċipat ta' Liechtenstein, tal-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera tat-22 ta' Lulju 1972[3], il-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera tat-22 ta' Lulju 1972[4] japplika għal Liechtenstein: Il-Protokoll Nru 3 jistipula li prodotti minn Liechtenstein huma meqjusa bħala prodotti li joriġinaw mill-Iżvizzera. L-Artikolu Nru 4 tal-Ftehim dwar l-Agrikoltura jistipula li r-regoli ta' oriġini applikabbli taħt l-Annessi 1, 2 u 3 għandhom ikunu kif speċifikati fil-Protokoll Nru 3 msemmi qabel.

(5) Il-provvedimenti kollha tal-Ftehim dwar l-Agrikoltura, inkluż il-modifikazzjonijiet magħmula mill-Kumitati Konġunti tiegħu, għandhom japplikaw għal Liechtenstein. Fl-istess waqt, il-partijiet korrispondenti tal-Ftehim taż-ŻEE, jiġifieri l-Anness I, il-Kapitoli XII u XXVII ta' l-Anness II u il-Protokoll 47 għandhom jiġu sospiżi fir-rigward ta' Liechtenstein, sakemm il-Ftehim dwar l-Agrikoltura jibqa' japplika għal dan il-pajjiż,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

1. Il-Ftehim dwar l-Agrikoltura, inklużi xi modifiki deċiżi mill-Kumitat Konġunt għall-Agrikoltura u mill-Kumitat Konġunt Veterinarju, għandu japplika għal Liechtenstein.

2. L-adattamenti speċifiċi għal Liechtenstein li jikkonċernaw l-Annessi 4 sa 11 tal-Ftehim dwar l-Agrikoltura huma stipulati fl-Anness ta' dan il-Ftehim ("Ftehim Addizzjonali"), li jkun jikkostitwixxi parti integrali minnu.

Artikolu 2

1. Għall-għan ta' l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-Ftehim dwar l-Agrikoltura u mingħajr ma dan jibdel in-natura bilaterali tiegħu, Liechtenstein, sabiex jieħu ħsieb l-interessi tiegħu, ikollu rappreżentant fi ħdan id-delegazzjoniet Żvizzeri tal-Kumitat Konġunt għall-Agrikoltura u tal-Kumitat Konġunt Veterinarju u tal-gruppi ta' ħidma tagħhom.

2. Il-Kumitat Konġunt għall-Agrikoltura jista' jimmodifika l-Anness ta' dan il-Ftehim, skond il-provvedimenti ta' l-Artikoli 6 u 11 tal-Ftehim dwar l-Agrikoltura. Il-Kumitat Konġunt Veterinarju jista' jimmodifika l-Anness ta' dan il-Ftehim fir-rigward ta' dak li jikkonċerna l-Anness 11 tal-Ftehim dwar l-Agrikoltura, skond il-provvedimenti ta' l-Artilkolu 19 ta' dak l-Anness. Dawn il-modifiki jeħtieġu l-approvazzjoni tar-rappreżentant ta' Liechtenstein.

Artikolu 3

Dan il-Ftehim:

- għandhu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-iffirmar tiegħu;

- jista' jiġi tterminat permezz ta' notifika bil-miktub lill-partijiet l-oħra. Dan il-Ftehim għandu jtemm mis-seħħ sena wara d-data ta' din in-notifika;

- ma għandux jibqa' japplika jekk il-Ftehim dwar l-Agrikoltura jew it-Trattat Doganali ma jibqax fis-seħħ.

Artikolu 4

Dan il-Ftehim Addizzjonali huwa mfassal fi tliet kopji bil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Olandiża, Ingliża, Estona, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ungeriża, Taljana, Latvjana, Litwana, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola u Żvediża, b'kull wieħed minn dawk it-testi ugwalment awtentiċi.

Magħmul fi

għall-Komunità Ewropeja

għall-Konfederazzjoni Żvizzera

għall-Prinċipat ta' Liechtenstein

ANNESS għall-Ftehim Addizzjonali

Prinċipju

Il-liġijiet u l-obbligi, il-provvedimenti ġuridiċi, il-listi, l-ismijiet u l-kundizzjoniet stipulati għall-Iżvizzera fil-Ftehim dwar l-Agrikoltura għandhom japplikaw għal Liechtenstein ukoll, suġġetti għall-aġġustamenti u ż-żidiet imsemmija hawn taħt.

Meta jingħataw doveri, responsabiltajiet u poteri lil cantons (reġjuni awtonomi) Żvizzeri, dawn jobbligaw wkoll lill-aġenziji kompetenti tal-gvern ta' Liechtenstein. Għalhekk, fir-rigward ta' suġġetti trattati mill-awtoritajiet ta' l-agrikoltura tal-canton dawn jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta' l-Uffiċċju ta' l-Agrikoltura ("Landwirtschaftsamt"), Dr. Grass-Strasse 10, FL-9490 Vaduz, filwaqt li fir-rigward ta' suġġetti trattati mill-awtoritajiet veterinarji u ta' l-ikel tal-canton dawn jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta' l-Uffiċċju ta' l-Ispezzjoni ta' l-Ikel u ta' l-Affarijiet Veterinarji (OFV) ("Amt für Lebensmittelkontrolle und Veterinärwesen"), Postplatz 2, FL-9494 Schaan.

Barra minn dan, l-organizzazzjonijiet privati li ngħatawlhom kompiti speċifiċi (eż. Korpi ta' spezzjoni u ċertifikazzjoni) għandhom ukoll dawn il-kompiti fir-rispett ta' Liechtenstein, sakemm mhux provdut mod ieħor b'dan li ġej.

Aġġustamenti/żidiet li jikkonċernaw l-Annessi 4-11 tal-Ftehim dwar l-Agrikoltura

L-Anness 4 , Protezzjoni tal-pjanti

L-Anness 5 , Għalf

L-Anness 6 , Settur taż-żrieragħ

L-Anness 7 , Kummerċ ta' prodotti ta' l-inbid

Ismijiet protetti ta' prodotti ta' l-inbid li joriġinaw minn Liechtenstein (skond it-tifsira ta' l-Artikolu 6 ta' l-Anness 7)

Indikazzjonijiet Ġeografiċi

Inbejjed ta' kwalità

- Balzers

- Bendern

- Eschen

- Eschnerberg

- Gamprin

- Mauren

- Ruggell

- Schaan

- Schellenberg

- Triesen

- Vaduz

Inbejjed tal-mejda li jkollhom indikazzjonijiet ġeografiċi

- Liechtensteiner Oberländer Landwein

- Liechtensteiner Unterländer Landwein

Espressjonijiet tradizzjonali

- Ablass

- Appellation d'origine contrôlée

- Auslese Liechtenstein

- Beerenauslese

- Beerle

- Beerli

- Beerliwein

- Eiswein

- Federweiss[5]

- Grand Cru Liechtenstein

- Kretzer

- Landwein

- Sélection Liechtenstein

- Strohwein

- Süssdruck

- Trockenbeerenauslese

- Weissherbst

L-Anness 8 , Dwar ir-rikonoxximent reċiproku u l-protezzjoni ta' l-ismijiet ta' xorb alkoħoliku u ta' xorb aromatiku bbażat fuq l-inbid

Ismijiet protetti ta' spirti li joriġinaw minn Liechtenstein (skond it-tifsira ta' l-Artikolu 4 ta' l-Anness 8)

Spirtu tal-karfa ta' l-għeneb magħsur

- Balzner Marc

- Benderer Marc

- Eschner Marc

- Eschnerberger Marc

- Gampriner Marc

- Maurer Marc

- Ruggeller Marc

- Schaaner Marc

- Schellenberger Marc

- Triesner Marc

- Vaduzer Marc.

L-Anness 9 , Prodotti agrikoli u oġġetti ta' l-ikel imkabbra b'mod organiku

L-Anness 10 , Rikonoxximent ta' kontrolli ta' konformità għall-frott u l-ħaxix frisk suġġetti għall-istandards kummerċjali

L-Anness 11 , Miżuri ta' saħħa ta' l-annimali u miżuri żootekniċi applikabbli għall-kummerċ ta' annimali ħajjin u ta' prodotti ta' l-annimali

Is-sistema TRACES

Il-Kummissjoni, b'kooperazzjoni ma' l-Uffiċċju ta' l-Ispezzjoni ta' l-Ikel u ta' l-Affarijiet Veterinarji (OFV, "Amt für Lebensmittelkontrolle und Veterinärwesen") għandha tintegra lil Liechtenstein fis-sistema TRACES, skond id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/292/KE tat-30 ta' Marzu 2004[6].

Regoli għal annimali mibgħuta biex jirgħu f’żoni fil-fruntiera

Ir-Regoli għal annimali mibgħuta biex jirgħu fil-fruntiera stabbiliti fl-Appendiċi 5 ta' l-Anness 11 tal-Ftehim dwar l-Agrikoltura, Kapitolu 1, punt III, għandhom japplikaw mutatis mutandis, għal Liechtenstein.

Għal Liechtenstein, il-partijiet li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/672/KE ta' l-20 ta' Awissu 2001[7] li jistipula regoli speċjali applikabbli għall-movimenti ta' annimali bovini meta mqiegħda jirgħu fis-sajf fl-oqsma tal-muntanji u li hemm referenza għalihom fl-Anness korrispondenti għandhom ikunu: Liechtenstein

Leġiżlazzjoni

Fil-każ ta' Liechtenstein, il-liġi ta' Liechtenstein dwar il-benessri ta' l-annimali (TschG) ta' l-20 ta' Diċembru 1988, LGB1. 1989 Nru. 3, LR 455.0 u l-Ordinanza ta' Liechtenstein dwar il-benessri ta' l-annimali (TschV) tat-12 ta' Ġunju 1990, LGBl. 1990 Nru. 33, LR 455.01 għandhom jissostitwixxu l-Ordinanza dwar il-benessri ta' l-annimali (SR 455.1) stipulata għall-Iżvizzera fl-Appendiċi 5, Kapitolu 3 III. Benessri ta' l-Annimali, punt 1.

[1] LGBl. 1923 Nru. 24; SR 0.631.112.514.

[2] ĠU KE L 114, 30.4.2002, p. 132.

[3] ĠU KE L 300, 31.12.1972, p. 281.

[4] ĠU KE L 300, 31.12.1972, p. 189.

[5] Mingħajr preġudizzju għall-użu ta' l-espressjoni tradizzjonali Germaniża “Federweißer” li tfisser għeneb magħsur qabel ma jeħmer u jsir inbid, li jkun parzjalment iffermentat u maħsub għall-konsum uman dirett, kif previst fil-Paragrafu 34c tar-Regolament dwar l-Inbid Germaniż u fl-Artikoli 12(1)(b) u 14(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 753/2002, kif emendat.

[6] ĠU UE L94, 31.3.2004, p. 63.

[7] ĠU KE L235, 4.9.2001, p. 23.