52007PC0051

Proposta għal direttiva tal-Parlament ewropew u tal-Kunsill dwar il-ħarsien ta' l-ambjent permezz tal-liġi kriminali {SEK(2007) 160} {SEK(2007) 161} /* KUMM/2007/0051 finali - COD 2007/0022 */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 9.2.2007

KUMM(2007) 51 finali

2007/0022 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-ħarsien ta' l-ambjent permezz tal-liġi kriminali

(preżentata mill-Kummissjoni) {SEK(2007) 160}{SEK(2007) 161}

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA |

110 | Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha Sabiex tiggarantixxi livell għoli ta' ħarsien ta' l-ambjent, liema għan hu rikonoxxut mit-Trattat tal-KE (Artikolu 174 §2 KE), hemm bżonn li tingħeleb il-problema tar-reati kontra l-ambjent li qiegħda dejjem tikber. Din il-proposta tieħu post dik għal Direttiva tal-Parlament u tal-Kunsill dwar il-Ħarsien ta' l-Ambjent permezz tal-Liġi Kriminali (2001/0076(COD)) kif emendata wara l-ewwel qari tal-Parlament Ewropew, sabiex timplimenta konklużjonijiet tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fid-deċiżjoni tagħha tat-13 ta' Settembru 2005 (C-176/03, il-Kummissjoni v il-Kunsill) li annullat id-Deċiżjoni ta' Qafas 2003/80/JHA dwar il-ħarsien ta' l-ambjent permezz tal-liġi kriminali. Skond is-sentenza, il-Komunità tista' tieħu miżuri fir-rigward tal-liġi kriminali ta' l-Istati Membri li fil-fehma tagħha jkunu meħtieġa sabiex tiżgura li r-regoli li tistipula dwar il-ħarsien ta' l-ambjent ikunu effettivi għal kollox. Il-Komunità u l-Istati Membri adottaw diversi atti ta' leġiżlazzjoni bil-għan li jitħares l-ambjent. Madankollu, diversi studji juru[1] li s-sanzjonijiet li hemm bħalissa fl-Istati Membri mhumiex dejjem suffiċjenti sabiex il-politika tal-Komunità dwar il-ħarsien ta' l-ambjent tiġi implimentata effettivament. Sanzjonijiet kriminali għal reati serji kontra l-ambjent mhumiex fis-seħħ fl-Istati Membri kollha, anke jekk għal diversi raġunijiet, l-unika effett suffiċjentament dissważiv jista' jinkiseb permezz ta' pieni kriminali: L-ewwelnett, l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet kriminali tixhed diżapprovazzjoni soċjali ta' natura kwalitattiva differenti meta mqabbla ma' sanzjonijiet amministrattivi jew xi mekkaniżmu ta' ħlas ta' kompens permezz tal-liġi ċivili. It-tieninett, jista' jkun li sanzjonijiet amministrattivi jew sanzjonijiet oħra finanzjarji ma jkunux dissważivi biżżejjed f'każi fejn min jikser il-liġi ma jkollux flus biex iħallas jew, għall-kuntrarju, jkun finanzjarjament b'saħħtu ħafna. F'każi bħal dawn, jistgħu jkunu meħtieġa pieni ta' ħabs. Barra dan, il-mezzi ta' investigazzjoni u ta' prosekuzzjoni kriminali (u ta' assistenza legali bejn l-Istati Membri stess) huma b'saħħithom aktar minn mezzi ta' liġi amministrattiva jew ċivili u jistgħu jtejbu l-effettività ta' dawk il-proċeduri. Finalment, hemm ukoll garanzija addizzjonali ta' imparzjalità għaliex l-awtoritajiet investigattivi, jiġifieri awtoritajiet oħra, barra minn dawk l-awtoritajiet amministrattivi li ħarġu liċenzji jew awtorizzazzjonijiet ta' utilizzazzjoni li ppermettew it-tniġġis, jieħdu sehem fl-investigazzjoni kriminali. Barra mill-fatt li t-tipi ta' sanzjonijiet applikabbli jvarjaw bejn Stat Membru u iehor, hemm ukoll differenzi sinifikanti dwar il-livell ta' sanzjonijiet li jingħataw għal reati simili jew identiċi. Ir-reati kontra l-ambjent spiss ikollhom natura jew impatti transkonfinali. Għalhekk bħalissa, dawk li jiksru l-liġi jistgħu jieħdu vantaġġ mid-differenzi li jeżistu bejn il-leġiżlazzjonijiet ta' l-Istati Membri. Għaldaqstant, hemm bżonn li l-problema tkun indirizzata permezz ta' azzjoni fuq livell Komunitarju. Il-kuntest ġenerali Fl-1998, il-Kunsill ta' l-Ewropa adotta l-Konvenzjoni dwar il-Ħarsien ta' l-Ambjent permezz tal-Liġi Kriminali. Il-Kunsill Ewropew li ltaqa' f'Tampere f'Ottubru 1999 talab li jsir sforz sabiex jinkiseb qbil dwar definizzjonijiet komuni, inkriminazzjonijiet u sanzjonijiet għal numru limitat ta' setturi ta' reati li huma partikolarment rilevanti, inkluż ir-reati kontra l-ambjent. Fi Frar 2000, ir-Renju tad-Danimarka ippreżenta inizjattiva għal Deċiżjoni ta' Qafas sabiex jiġu missielta r-reati serji kontra l-ambjent. Fit-28 ta' Settembru 2000, il-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni qabel li għandu jiġi stabbilit acquis ta' dix-xorta dwar reati kontra l-ambjent. Fit-13 ta' Marzu 2001 il-Kummissjoni adottat proposta għal direttiva dwar il-ħarsien ta' l-ambjent permezz tal-liġi kriminali. L-iskop tad-direttiva mressqa kien li jiżgura applikazzjoni aktar effettiva tal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-ħarsien ta' l-ambjent billi, fost il-Komunità kollha, tiġi stabbilita lista minima ta' reati. Il-Parlament Ewropew adotta r-rapport tiegħu dwar din il-proposta fl-ewwel qari fit-8 ta' April 2002. Fit-30 ta' Settembru 2002 il-Kummissjoni adottat proposta emendata li kienet tinkludi ħafna mill-emendi proposti mill-Parlament Ewropew. Il-Kunsill ma ddiskutiex il-proposta tal-Kummissjoni, iżda minflok, fis-27 ta' Jannar 2003, fuq inizjattiva tad-Danimarka, adotta id-Deċiżjoni ta' Qafas 2003/80/JHA dwar il-ħarsien ta' l-ambjent permezz tal-liġi kriminali. Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja annullat din id-Deċiżjoni ta' Qafas fid-deċiżjoni tagħha tat-13 ta' Settembru 2005 (C-176/03) talli kienet tikser l-Artikolu 47 UE, meta sabet li minħabba l-għan u l-kontenut tagħhom, l-Artikoli 1 sa 7 ta' dik id-Deċiżjoni ta' Qafas għandhom bħala skop ewlieni l-ħarsien ta' l-ambjent u setgħu ġew adottati kif xieraq fuq il-bażi ta' l-Artikolu 175 KE. Fit-30 ta' Novembru 2005 il-Kummisjoni adottat Komunikazzjoni li tispjega fil-qosor l-opinjonijiet tagħha dwar il-konsegwenzi tad-deċiżjoni meħuda fil-każ C-176/03, fosthom il-bżonn li tiġi adottata proposta leġislattiva ġdida dwar ir-reati kontra l-ambjent. Fid-dawl ta' din id-deċiżjoni, hu meħtieġ li tiġi rtirata l-proposta ta' l-2001 għal Direttiva dwar il-Ħarsien ta' l-Ambjent permezz tal-Liġi Kriminali, u li tiġi ppreżentata proposta ġdida li tagħmel dispożizzjoni għall-kontenut ta' l-Artikoli 1 sa 7 tad-Deċiżjoni ta' Qafas li ġiet annullata. Ikun hemm bżonn li ċerti reati jiġu mmodifikati, billi jiġu kkunsidrati żviluppi fil-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar l-ambjent. Barra minn hekk, ġew inklużi xi elementi addizzjonali li huma meqjusa neċessarji sabiex jiġi żgurat ħarsien effettiv ta' l-ambjent, notevolment, it-taqrib ta' sanzjonijiet applikabbli f'każi ta' reati partikularment serji kontra l-ambjent. Bħala tkomplija tal-każ ECJ 176/03, il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tippreżenta, aktar tard fl-2007, proposta għal direttiva li temenda d-Direttiva 2005/35/KE dwar it-tniġġis ikkawżat mill-bastimenti u l-introduzzjoni ta' pieni għall-ksur tagħha. |

Id-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta Minkejja li l-leġiżlazzjoni dwar l-ambjent, f'diversi każi, teħtieġ illi l-Istati Membri jadottaw sanzjonijiet dissważivi, effettivi u proporzjonati għall-ksur tal-liġi dwar l-ambjent, ma hemm ebda dispożizzjonijiet li jġagħlu lill-Istati Membri jistipulaw b'mod speċifiku sanzjonijiet kriminali għal reati serji kontra l-ambjent. |

Il-konsistenza mal-politiki u l-għanijiet l-oħra ta' l-Unjoni Id-Direttiva proposta tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea. B'mod partikulari, l-abbozz ta' din id-Direttiva sar skond il-prinċipji tal-ġustizzja kif stipulati f'Kapitolu VI tal-Karta u għandu l-għan li jippromwovi l-integrazzjoni ta' livell għoli ta' ħarsien ta' l-ambjent fil-politiki Komunitarji bi qbil mal-prinċipju ta' żvilupp sostenibbli kif stipulat fl-Artikolu 37 tal-Karta. |

IL-KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONI TA’ L-IMPATT |

Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati |

Il-problema tar-reati kontra l-ambjent ġiet diskussa għal ħafna snin f'diversi fora internazzjonali u ewropej F'Novembru 2003, il-Kummissjoni organizzat konferenza pubblika dwar ir-reati kontra l-ambjent u sostniet laqgħa ta' ħidma dwar dan is-suġġett, liema laqgħa kienet saret mir-"Royal Institute of International Affairs" ġewwa Londra fl-2002. Laqgħat oħra ta' l-esperti dwar ir-reat speċifiku ta' kummerċ illegali fi speċi pperikolati kienu saru fl-2001 ġewwa Frankfurt u fl-2004 ġewwa Budapest. F'dan il-każ, ma nħassx il-bżonn t'aktar konsultazzjoni mal-partijiet interessati jew li din kienet fattibbli. Mill-annullament tad-Deċiżjoni ta' Qafas 2003/80/JHA mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fit-13 ta' Settembru 2005 baqa' jinħass vojt ġuridiku fil-qasam tar-reati kontra l-ambjent li kien jenħtieġ li jimtela' mill-aktar fis possibbli. |

Il-ġbir u l-użu ta’ għarfien espert |

F'dawn l-aħħar snin, saru numru ta' laqgħat ta' ħidma, konferenzi u laqgħat bejn esperti dwar dan is-suġġett li minnhom ħarġet informazzjoni u kienu ta' għajnuna sabiex tiġi żviluppata din il-proposta. |

Il-valutazzjoni ta’ l-impatt Waqt il-valutazzjoni ta' l-impatt kienu kkunsidrati diversi alternattivi: il-possibiltà li ma tittieħed ebda azzjoni f'livell ta' l-UE, il-possibiltà li tittejjeb il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri permezz ta' inizjattivi volontarji, il-possibiltà ta' armonizzazzjoni sħiħa tal-liġijiet kriminali dwar ir-reati kontra l-ambjent u finalment it-taqrib limitat tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar ir-reati kontra l-ambjent fl-Istati Membri. In-nuqqas ta' azzjoni jew l-azzjoni mhux obbligatorja minn naħa tal-leġiżlatur Komunitarju ma jiksbu ebda impatt pożittiv fuq il-livell ta' ħarsien ta' l-ambjent u ma jsolvux id-diffikultajiet eżistenti fil-ġlieda kontra l-kriminalità kontra l-ambjent, li ħafna minnhom ġejjin mid-differenzi li hemm bejn il-leġiżlazzjonijiet ta' l-Istati Membri. Armonizzazzjoni sħiħa tal-liġijiet kriminali dwar ir-reati kontra l-ambjent tmur lil hinn milli hemm bżonn u ma tagħrafx il-fatt li l-liġi kriminali nazzjonali għadha influwenzata ħafna mill-valuri kulturali rispettivi ta' kull Stat Membru, li allura titlob ċerta flessibbiltà fl-implimentazzjoni tagħha. Għal taqrib limitat, ġew ikkunsidrati tliet miżuri possibbli: armonizzazzjoni ta' lista ta' reati serji, armonizzazzjoni ta' l-ambitu ta' responsabbiltà ta' persuni ġuridiċi, u taqrib tal-livelli ta' sanzjonijiet għal reati mwettqa taħt ċirkustanzi aggravanti. Fit-tliet każi li huma, l-impatt possibbli fuq il-livell ta' ħarsien ta' l-ambjent kif ukoll il-kooperazzjoni ġudizzjali u bejn il-pulizija ġew stmati pożittivament ħafna, filwaqt li l-ispejjeż tal-kumpaniji u l-piż fuq l-awtoritajiet pubbliċi mhux meqjus li jkunu sinifikanti. |

Ir-Rapport dwar il-Valutazzjoni ta' l-Impatt hu disponibbli fl-indirizz http://ec.europa.eu/governance/impact/index_en.htm. |

L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA |

Is-sinteżi ta’ l-azzjoni proposta Id-direttiva proposta tistabilixxi lista minima ta' reati serji kontra l-ambjent illi għandhom jiġu meqjusa bħala kriminali fi ħdan il-Komunità kollha meta dawn jiġu mwettqa' b'mod intenzjonali jew għall-inqas b'negliġenza serja. Il-parteċipazzjoni u l-istigazzjoni ta' attivitajiet ta' dan it-tip għandhom jiġu daqstant ieħor ikkunsidrati bħala reat kriminali. L-ambitu ta' responsabbiltà ta' persuni ġuridiċi hu definit fid-dettal. Ir-reati għandhom jiġu kkastigati b'sanzjonijiet kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi għal persuni naturali, filwaqt li sanzjonijiet kriminali jew mhux kriminali għandhom japplikaw għal persuni ġuridiċi. Għal reati mwettqa taħt ċirkustanzi aggravanti, bħal fil-każ fejn jiġi kkawżat riżultat partikularment serju jew fil-każ ta' involviment ta' xi organizzazzjoni kriminali, il-livell minimu ta' sanzjonijiet massimi għal persuni naturali u persuni ġuridiċi jiġi soġġett għal taqrib, ukoll. |

Il-bażi legali Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva għandhom x'jaqsmu mal-ħarsien ta' l-ambjent. Konsegwentament, il-bażi ġuridika magħżula hija l-Artikolu 175(1) tat-Trattat tal-KE. |

Il-prinċipju tas-sussidjarjetà Il-prinċipju tas-sussidjarjetà japplika safejn il-proposta ma taqax fil-kompetenza esklussiva tal-Komunità. |

L-għanijiet tal-proposta ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri għar-raġunijiet li ġejjin. |

Sanzjonijiet aktar ibsin fl-Istati Membri individwali ma jsolvux il-problema b'mod effettiv għaliex dawk li jwettqu dawn ir-reati jkunu jistgħu faċilment jevitaw lil dawn l-Istati Membri u joperaw minn pajjiżi li jkollhom leġiżlazzjoni inqas iebsa. |

L-azzjoni Komunitarja se tilħaq aħjar l-għanijiet tal-proposta għar-raġunijiet li ġejjin: |

Il-proposta għandha tipprovdi għal standard minimu f' livell Komunitarju dwar elementi li jikkostitwixxu reati kriminali serji kontra l-ambjent, għal ambitu simili ta' responsabbiltà ta' persuni ġuridiċi kif ukoll għal livelli ta' pieni f'każi ta' reati partikularment serji kontra l-ambjent. Dan għandu jiżgura li każi serji ta' reati kontra l-ambjent jiġu trattati bl-istess mod fl-Istati Membri kollha u li dawk li jwettqu dawn ir-reati ma jkunux jistgħu japprofittaw mid-differenzi li hemm fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Għandha wkoll tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri f'każi li jkollhom implikazzjonijiet transkonfinali. |

Hemm bżonn li l-politika Komunitarja għal ħarsien ta' l-ambjent tiġi implimentata bis-sħiħ fi ħdan il-Komunità kollha. Għal din ir-raġuni, hemm bżonn li jitqarrbu is-sanzjonijiet. Normalment, ir-reati kontra l-ambjent ikollhom implikazzjonijiet transkonfinali, peress li spiss jinvolvu attivitajiet transkonfinali u spiss ikollhom effetti transkonfinali bħar-riżultat ta' tniġġis ta' l-ambjent. |

Id-direttiva proposta tistipula livell minimu ta' armonizzazzjoni fir-rigward ta' l-attivitajiet li għandhom jiġu kkunsidrati bħala reati kriminali biss u tqarreb il-livelli minimi ta' pieni li għandhom japplikaw fil-każi l-aktar serji meta r-reat jikkawża riżultat partikularment serju jew meta jkun imwettaq taħt ċirkustanzi aggravanti. |

Il-proposta għaldaqstant tikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. |

Il-prinċipju tal-proporzjonalità Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin: |

L-azzjoni magħżula hija direttiva, li tippermetti lill-Istati Membri livell għoli ta' flessibbiltà fl-implimentazzjoni tagħha. Skond l-Artikolu 176 KE, l-Istati Membri huma liberi li jżommu jew jintroduċu miżuri aktar stretti minn dawk previsti fid-direttiva. Per eżempju, jistgħu jistabilixxu reati addizzjonali, jestendu l-livell ta' ħtija kriminali għal dak ta' negliġenza sempliċi u/jew iżidu tipi addizzjonali u livelli ogħla ta' pieni. |

L-implimentazzjoni tad-direttiva mhix ta' piż finanzjarju jew amministrattiv sinifikanti għaliex il-liġi kriminali u l-istrutturi ġuridiċi diġà jeżistu fl-Istati Membri. Xi ftit ta' piż addizzjonali għall-Istati Membri jista' jirriżulta minn żieda potenzjali ta' prosekuzzjonijiet u proċeduri kriminali, iżda fl-istess waqt, l-effett deterrenti ta' sanzjonijiet ogħla għandu jwassal għal tnaqqis fin-numru ta' reati mwettqa u għaldaqstant, fit-tul, inaqqas in-numru ta' proċeduri kriminali. |

L-għażla ta’ l-istrumenti |

L-istrument propost: Direttiva. |

Mezzi oħra mhumiex tajba biżżejjed għar-raġunijiet li ġejjin: Direttiva hi l-istrument xieraq għal din l-azzjoni: din tistipula standard minimu obbligatorju għall-ħarsien ta' l-ambjent permezz tal-liġi kriminali iżda tippermetti flessibbiltà lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tagħhom tad-direttiva fil-leġiżlazzjoni kriminali nazzjonali. |

L-IMPLIKAZZJONI GħALL-BAġIT |

Din il-proposta m’għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Komunità. |

INFORMAZZJONI ADDIZZJONALI |

Tabella ta’ korrelazzjoni L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva, kif ukoll tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva. |

Iż-Żona Ekonomika Ewropea Din il-proposta tolqot kwistjoni rilevanti għaż-ŻEE, u għalhekk għandha testendi għaż-Żona Ekonomika Ewropea. |

Spjegazzjoni dettaljata tal-proposta 1. Id-definizzjoni ta' reati Id-definizzjoni ta' reati tikkorrispondi l-biċċa l-kbira mad-definizzjonijiet stipulati fid-Deċiżjoni ta' Qasam 2003/80/JHA filwaqt li tikkunsidra xi emendi li l-Parlament Ewropew għamel lill-proposta oriġinali għal direttiva u aċċettati mill-Kummissjoni wara l-ewwel qari. Il-maġġoranza tar-reati jiddependu mir-riżultat li jħallu dawn l-attivitajiet, jiġifieri li huma jikkawżaw jew aktarx jikkawżaw ħsara serja lil persuni jew lill-ambjent. Ir-reati kollha barra wieħed jrid ikollhom twettiq "illegali", fejn "illegali" hi definita bħala ksur ta' leġiżlazzjoni tal-Komunità jew ta' l-Istati Membri, ta' regolamenti amministrattivi jew ta' deċiżjonijiet meħuda minn awtorità kompetenti bil-għan li jiġi mħares l-ambjent. Fil-każ ta' l-uniku reat awtonomu, l-Artikolu 3 (a), ir-riżultat, jiġifieri l-mewt jew feriti serji lil persuna, tant hu serju li din il-kondizzjoni meħtieġa ta' illegalità ma tibqax meħtieġa aktar sabiex jiġi ġġustifikat bħala reat kriminali. B'kuntrast mad-Deċiżjoni ta' Qafas, ir-reati jirreferu għal "materjal" minflok "sustanza" (l-Artikolu 3 (a) u (b)) minħabba li dan hu terminu aktar komprensiv. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kienet diġà rrifjutat emenda tal-Parlament Ewropew lill-proposta oriġinali għad-Direttiva. Bi qbil mal-proposta oriġinali, ġie miżjud reat addizzjonali fir-rigward tat-taħsir illegali u sinifikanti ta' abitat protett. Barra minn hekk, ġie inkluż reat speċjali fir-rigward tal-ġarr illegali ta' skart, li jikkunsidra l-leġiżlazzjoni ġdida tal-Komunità. Il-ġarr illegali ta' skart għandu jiġi kkunsidrat bħala reat kriminali f'każi serji biss, jiġifieri meta jsir fi kwantitajiet li ma jkunux negliġibbli u għall-qligħ. Diversi reati jinkludu termini relattivament vagi bħal "ħsara sostanzjali" jew "ferita serja". Dawk it-termini mhumiex definiti u l-istima tagħhom titħalla f'idejn l-Istat Membru sabiex tiġi nterpretata skond it-tradizzjonijiet u s-sistemi legali tiegħu. L-imġiba deskritta għandha tiġi kkunsidrata bħala reat kriminali meta tkun twettqet b'mod intenzjonali jew ta' l-anqas b'negliġenza serja, inkluż it-twettiq bħala parteċipant jew bħala provokatur. 2. Ir-responsabbilta ta' persuni ġuridiċi Kif iddikjarat fid-Deċiżjoni ta' Qafas, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuni ġuridiċi jistgħu jinżammu responsabbli għal reati mwettqa għall-benefiċċju tagħhom minn ċerti persuni li jaġixxu f'isimhom jew meta n-nuqqas ta' sorveljanza jew kontroll ippermetta lil dawk il-persuni jaġixxu. Mhux speċifikat jekk ir-responsabbiltà ta' persuni ġuridiċi għandiex tkun dik kriminali. Għalhekk, l-Istati Membri li fil-liġi nazzjonali tagħhom ma jirrikonoxxux ir-resposabbiltà kriminali ta' persuni ġuridiċi ma humiex obbligati li jibdlu s-sistema nazzjonali tagħhom. 3. Is-sanzjonijiet Is-sanzjonijiet li jiġu applikati kontra reati kontra l-ambjent għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi, kemm għal persuni naturali kif ukoll għal persuni ġuridiċi. Barra minn din il-kondizzjoni, id-differenzi sinifikanti eżistenti bejn is-sanzjonijiet fil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta' l-Istati Membri jeħtieġu li jkun previst, ta' l-anqas f'każi partikularment serji, taqrib tal-livelli ta' pieni li jkun jikkorrispondi mas-serjetà tar-reat. Mingħajr dan it-taqrib, dawk li jwettqu dawn ir-reati jistgħu jieħdu vantaġġ minn lakuni fil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta' l-Istati Membri. Iċ-ċirkustanzi aggravanti li t-taqrib ta' pieni hu previst għalihom huma r-riżultat partikularment serju ta' xi reat, bħal mewt jew feriti serji lil xi persuna jew ħsara sostenzjali lill-ambjent, jew it-twettiq ta' reat fi ħdan is-sistema ta' organizzazzjoni kriminali. Ġeneralment, dawk iċ-ċirkustanzi huma diġà kkunsidrati bħala partikularment serji fil-liġijiet kriminali nazzjonali ta' l-Istati Membri u diġà gew previsti fi strumenti oħra ta' l-UE. Fir-rigward ta' priġunerija, it-taqrib propost fuq skala ta' tliet stadji jikkorrispondi mad-deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni tal-25-26 ta' April 2002. L-iskali jiddependu mill-element mentali (negliġenza serja jew intenzjoni) u miċ-ċirkustanzi aggravanti rispettivi. Is-sistema ta' multi għal persuni ġuridiċi taħdem f'forma ta' tliet stadji wkoll u tikkorrispondi ma' dik li l-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Affarajiet Interni żviluppa għal sentenzi ta' ħabs. Il-firxa ta' l-ammont tal-pieni għal persuni ġuridiċi hi l-istess bħal dik li sar qbil dwarha mill-Kunsill fid-Deċiżjoni ta' Qafas 2005/667/JHA dwar tniġġis ikkawżat mill-bastimenti. Sanzjonijiet alternattivi huma ssuġġeriti kemm għal persuni naturali kif ukoll għal persuni ġuridiċi. F'ħafna każi, dawn is-sanzjonijiet jistgħu jkunu aktar effettivi minn priġunerija jew multi u jinkludu l-obbligu li l-ambjent jiġi restitwit, it-tqegħid taħt sorveljanza ġudizzjali, il-projbizzjoni li wieħed jieħu sehem f'attivitajiet kummerċjali jew il-pubblikazzjoni ta' deċiżjonijiet ġudizzjali. Anke jekk f'ħafna każi l-konfiska ta' oġġetti relatati mar-reat tkun għodda essenzjali, l-inklużjoni ta' dispożizzjoni speċifika ma kienetx ikkunsidrata meħtieġa, peress li l-parti l-kbira ta' reati serji kontra l-ambjent jiġu koperti mill-ambitu tad-Deċiżjoni ta' Qafas 2005/212/JHA dwar il-Konfiska ta' Qligħ, Mezzi u Proprjetà li huma konnessi ma' reati. 4. Il-Perjodu ta' Implimentazzjoni Il-perjodu ta' implimentazzjoni għall-Istati Membri hu ta' [18] -il xahar, b'kunsiderazzjoni li notevolment l-Artikoli 3, 4, u 6 fil-biċċa l-kbira jagħmlu dispożizzjoni għall-kontenut ta' l-Artikoli 2 u 6 tad-Deċiżjoni ta' Qasam 2003/80/JHA li ġiet annullata. Il-perjodu ta' implimentazzjoni għal din id-Deċiżjoni ta' Qafas intemm fis-27 ta' Jannar 2005 sabiex l-Istati Membri jkunu diġà għamlu ħafna mix-xogħol ta' implimentazzjoni li hemm bżonn isir għal din id-Direttiva. |

1. 2007/0022 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-ħarsien ta' l-ambjent permezz tal-liġi kriminali

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 175(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni[2],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[3],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[4],

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat[5],

Billi:

(1) Skond l-Artikolu 174(2) tat-Trattat, il-politika tal-Komunità dwar l-ambjent għandha timmira għal livell għoli ta' ħarsien.

(2) Il-Komunità hija mħassba biż-żieda fir-reati kontra l-ambjent u l-effetti tagħhom, li b'mod dejjem jiżdied jinfirxu lil hemm mill-fruntieri ta' l-Istati li fihom ikunu mwettqa r-reati. Dawn ir-reati joħolqu theddida lill-ambjent u għalhekk jenħtieġu reazzjoni xierqa.

(3) L-esperjenza wriet li s-sistemi eżistenti ta' sanzjonijiet ma kienux biżżejjed sabiex tinkiseb osservanza sħiħa tal-liġijiet għall-ħarsien ta' l-ambjent. Din l-osservanza tista' u għandha tiġi msaħħa permezz ta' l-applikazzjoni ta' sanzjonijiet kriminali, li jixhdu diżapprovazzjoni soċjali ta' natura kwalitattiva differenti meta mqabbla ma' sanzjonijiet amministrattivi jew xi mekkaniżmu ta' ħlas ta' kompens permezz tal-liġi ċivili.

(4) Ir-regoli komuni dwar sanzjonijiet kriminali jippermettu li jintużaw metodi aktar effettivi ta' investigazzjoni u ta' għajnuna fi ħdan u bejn l-Istati Membri minn dawk possibbli permezz ta' kooperazzjoni amministrattiva.

(5) L-impożizzjoni ta' sanzjonijiet tiġi fdata f'idejn awtoritajiet ġudizzjarji, minflok f'idejn awtoritajiet amministrattivi, r-responsabbiltà għall-investigazzjoni u l-infurzar tal-ħarsien tar-regolamenti dwar l-ambjent taqa' fuq awtoritajiet li huma indipendenti minn dawk li joħorġu liċenzji ta' utilizzazzjoni u awtorizzazzjonijiet.

(6) Sabiex jinkiseb ħarsien ta' l-ambjent effettiv, hemm bzonn partikulari ta' sanzjonijiet aktar dissważivi għal attivitajiet li jagħmlu ħsara lill-ambjent, li tipikament jikkaġunaw jew aktarx li jikkaġunaw ħsara sostanzjali fl-arja, inkluż l-istratosfera, l-ħamrija, l-ilma, l-annimali jew il-pjanti, inkluż lil-konservazzjoni ta' l-ispeċi.

(7) In-nuqqas ta' ħarsien ta' l-obbligu ġuridiku li tittieħed azzjoni jista' jkollu l-istess effett bħal imġieba attiva u għalhekk għandu jiġi soġġett għal sanzjonijiet xierqa, ukoll.

(8) Għaldaqstant, din it-tip ta' mġieba, meta tkun imwettqa b'intenzjoni jew b'negliġenza serja, għandha titqies bħala reat kriminali fost il-Komunità kollha.

(9) Sabiex jinkiseb ħarsien ta' l-ambjent effettiv, il-parteċipazzjoni u l-istigazzjoni ta' dawn it-tip ta' attivitajiet għandu jitqies bħala reat kriminali wkoll.

(10) Attivitajiet li jagħmlu ħsara lill-ambjent għandhom ikunu kkastigati b'sanzjonijiet kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi, li għandhom japplikaw ukoll għal persuni ġuridiċi fost il-Komunità kollha, għaliex fil-biċċa kbira tagħhom, ir-reati kontra l-ambjent huma mwettqa fl-interess ta' persuni ġuridiċi jew għall-benefiċċju tagħhom.

(11) Barra minn hekk, id-differenzi sinifikanti bejn is-sanzjonijiet fil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta' l-Istati Membri jeħtieġu li jkun previst, taħt ċerti ċirkustanzi, taqrib ta' dawk il-livelli li jikkorrispondi mas-serjetà tar-reat.

(12) Dan it-taqrib hu partikularment importanti f'każi meta r-reati jkollhom riżultati serji jew meta r-reati jitwettqu fi ħdan is-sistema ta' organizzazzjoni kriminali li għandhom rwol sinifikanti fir-reati kontra l-ambjent.

(13) Peress li din id-Direttiva tiddisponi għal regoli minimi, l-Istati Membri huma liberi li jadottaw jew iżommu dispożizzjonijiet aktar stretti għall-ħarsien effettiv tal-liġi kriminali għall-ħarsien ta' l-ambjent.

(14) L-Istati Membri għandhom jipprovdu informazzjoni lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, sabiex din tkun tista' tistma l-effett ta' din id-Direttiva.

(15) Peress li l-għanijiet ta' l-azzjoni li għandha tittieħed, jiġifieri li jiġi żgurat ħarsien ta' l-ambjent aktar effettiv, ma jistgħux jinkisbu b' mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jistgħu, għalhekk, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Komunità, il-Komunità tista' tadotta miżuri, bi qbil mal-prinċipju ta' sussidarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat. B'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalita, kif stipulat f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu dawk il-għanijiet.

(16) Dan l-att jirrispetta drittijiet u prinċipji fundamentali kif rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-drittijiet fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea.

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1 Is-suġġett

Din id-Direttiva tistabilixxi miżuri fir-rigward tal-liġi kriminali sabiex l-ambjent jiġi mħares b'mod aktar effettiv.

Artikolu 2 Definizzjonijiet

Għall-iskop ta' din id-Direttiva

(a) "illegali" tfisser ksur ta' leġiżlazzjoni jew liġi Komunitarja , regolament amministrattiv jew deċiżjoni meħuda minn awtorità kompetenti fi Stat Membru li jkollhom l-għan tal-ħarsien ta' l-ambjent.

(b) "persuna ġuridika" tfisser kull entità ġuridika li jkollha dan l-istatus taħt il-liġijiet nazzjonali applikabbli, għajr għall-Istati jew il-korpi l-oħra pubbliċi huma u jaġixxu fl-eżerċizzju tal-poteri sovrani tagħhom u għal organizzazzjonijiet pubbliċi internazzjonali.

Artikolu 3 Ir-reati

L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-imġiba li ġejja tikkostitwixxi reat kriminali, meta tkun twettqet b'mod intenzjonali jew ta' l-anqas b'negliġenza serja:

(a) ir-rimi, l-emissjoni jew l-introduzzjoni ta' kwantità ta' materjali jew ta' radjazzjoni jonizzanti fl-arja, fil-ħamrija jew fl-ilma, li jikkaġunaw il-mewt jew feriti serji lil kwalunkwe persuna;

(b) Ir-rimi, l-emissjoni jew l-introduzzjoni illegali ta' kwantità ta' materjali jew radjazzjoni jonizzanti fl-arja, fil-ħamrija jew fl-ilma li jikkawżaw, jew x'aktarx li jikkawżaw il-mewt jew feriti serji lil kwalunkwe persuna jew ħsara sostanzjali lill-kwalità ta' l-arja, tal-ħamrija, ta' l-ilma, ta' l-annimali jew tal-pjanti;

(c) it-trattament illegali, nkluż ir-rimi u l-ħażna, it-trasport, l-esportazzjoni jew l-importazzjoni illegali ta' l-iskart, inkluż l-iskart perikoluż, li jikkaġuna jew li x'aktarx jikkaġuna l-mewt jew feriti serji lil kwalunkwe persuna, jew ħsara sostanzjali lill-kwalità ta' l-arja, tal-ħamrija, ta' l-ilma, ta' l-annimali jew tal-pjanti;

(d) il-tħaddim illegali ta' impjant li fih titwettaq attività perikoluża jew li fih jinħażnu jew jintużaw sustanzi jew preparazzjonijiet perikolużi u li, barra mill-impjant jikkaġuna jew x'aktarx li jikkaġuna l-mewt jew feriti serji lil kwalunkwe persuna, jew ħsara sostanzjali lill-kwalità ta' l-arja, tal-ħamrija, ta' l-ilma, ta' l-annimali jew tal-pjanti;

(e) Il-ġarr illegali ta' skart kif definit fl-Artikolu 2(35) tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[6] għal qligħ u fi kwantità li mhix negliġibbli, kemm jekk il-ġarr isir f'operazzjoni waħda kif ukoll f'diversi operazzjonijiet li jidhru konnessi;

(f) il-fabbrikazzjoni, it-trattament, il-ħażna, l-użu, t-trasport, l-esportazzjoni jew l-importazzjoni illegali ta' materjali nukleari jew ta' sustanzi radjoattivi oħra perikolużi, li jikkaġunaw jew li x'aktarx jikkaġunaw il-mewt jew feriti serji lil kwalunkwe persuna, jew ħsara sostanzjali lill-kwalità ta' l-arja, tal-ħamrija, ta' l-ilma, ta' l-annimali jew tal-pjanti;

(g) il-pussess, it-teħid, il-ħsara, il-qtil jew il-kummerċ illegali ta', jew ta' kampjuni ta', speċji protetti tal-fawna u flora selvaġġi jew ta' partijiet jew tnissil tagħhom;

(h) it-taħsir illegali u sinifikanti ta' abitat protett;

(i) il-kummerċ illegali f'sustanzi li jnaqqsu l-ożonu jew l-użu illegali tagħhom.

Artikolu 4 Il-parteċipazzjoni u l-istigazzjoni

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-parteċipazzjoni fl-imġiba referita fl-Artikolu 3 jew l-istigazzjoni tagħha jikkostitwixxu reat kriminali.

Artikolu 5 Is-sanzjonijiet

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-twettiq tar-reati referiti fl-Artikoli 3 u 4 jkun ikkastigat b'sanzjonijiet kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-twettiq tar-reati referiti fl-Artikolu 3 (b) sa (h) jkun ikkastigat b'massimu ta' mill-inqas bejn sena u tliet snin ta' priġunerija meta r-reat jitwettaq b'negliġenza serja u jikkaġuna ħsara sostanzjali lill-arja, lill-ħamrija, l-ilma, l-annimali jew l-pjanti.

3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-twettiq tar-reati li ġejjin ikun ikkastigat b'massimu ta' mill-inqas bejn sentejn u ħames snin ta' priġunerija:

(a) ir-reat referit fl-Artikolu 3(a), fejn ir-reat jiġi mwettaq b'negliġenza serja;

(b) ir-reati referiti fl-Artikolu 3 (b) sa (f), fejn ir-reat jiġi mwettaq b'negliġenza serja u jikkaġuna l-mewt ta' jew feriti serji lil xi persuna;

(c) ir-reati referiti fl-Artikolu 3 (b) sa (h) fejn ir-reat jiġi mwettaq b'mod intenzjonali u jikkaġuna ħsara sostanzjali lill-arja, lill-ħamrija, l-annimali jew l-pjanti;

(d) ir-reati referiti fl-Artikolu 3, fejn ir-reat jiġi mwettaq fi ħdan is-sistema ta' organizzazzjoni kriminali fis-sens tad-Deċiżjoni ta' Qafas [… dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata][7]

4. l-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-twettiq tar-reati li ġejjin ikun ikkastigat b'massimu ta' mill-inqas bejn ħames snin u għaxar snin ta' priġunerija:

(a) ir-reat referit fl-Artikolu 3 (a), fejn ir-reat jiġi mwettaq b'mod intenzjonali;

(b) ir-reati referiti fl-Artikolu 3 (b) sa (f), fejn ir-reat jiġi mwettaq b'mod intenzjonali u jikkaġuna l-mewt ta' jew feriti serji lil xi persuna;

5. Mas-sanzjonijiet kriminali previsti f'dan l-Artikolu jistgħu jiżdiedu sanzjonijiet jew miżuri oħra, b'mod partikulari:

(a) l-iskwalifika ta' persuna naturali milli jingaġġa f'attività li teħtieġ awtorizzazzjoni jew l-approvazzjoni uffiċjali, jew it-twaqqif, il-ġestjoni jew id-direzzjoni ta' kumpanija jew fondazzjoni, meta l-fatti li jkunu wasslu għall-kundanna tiegħu juru riskju ovvju illi tista' terga' tiġi segwita l-istess tip ta' attività kriminali;

(b) il-pubblikazzjoni ta' deċiżjoni ġudizzjali fir-rigward ta' kundanna jew ta' xi sanzjonijiet jew ta' miżuri applikati;

(c) l-obbligu li l-ambjent jiġi restitwit.

Artikolu 6 Responsabbilta ta' persuni ġuridiċi

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi persuni ġuridiċi jkunu jistgħu jiġu miżmuma responsabbli għal reati riferiti fl-Artikolu 3 fejn dawn ir-reati jiġu mwettqa għall-benefiċċju tagħhom minn kull persuna, hija u taġixxi jew individwalment jew bħala parti minn organu tal-persuna ġuridika, li jkollha pożizzjoni ta' tmexxija fi ħdan il-persuna ġuridika, imsejsa fuq:

(a) prokura tal-persuna ġuridika, jew

(b) awtorità li tieħu deċiżjonijiet f'isem il-persuna ġuridika, jew

(c) awtorità li teżerċita kontroll fi ħdan il-persuna ġuridika.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll illi persuni ġuridiċi jkunu jistgħu jiġu miżmuma responsabbli għall-involviment tagħhom bħala aċċessorji jew istigaturi fit-twettiq tar-reati referiti fl-Artikolu 3.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll illi persuna ġuridika tista' tiġi miżmuma responsabbli fejn in-nuqqas ta' sorveljanza jew ta' kontroll, minn persuna referita fil-paragrafu 1, ikun għamel possibli it-twettiq ta' reat referit fl-Artikolu 3 għall-benefiċċju ta' dik il-persuna ġuridika minn persuna li taqa' taħt l-awtorità tagħha.

3. Ir-responsabbiltà ta' persuna ġuridika skond il-paragrafi 1 u 2 ma għandhiex teskludi l-proċedimenti kriminali kontra l-persuni naturali li jkunu l-awturi, l-istigaturi jew l-aċċessorji fir-reati riferiti fl-Artikolu 3.

Artikolu 7 Is-sanzjonijiet għall-persuni ġuridiċi

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi persuna ġuridika li tkun miżmuma responsabbli għal reat skond l-Artikolu 6 tiġi kkastigata b'sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi, li għandhom jinkludu multi kriminali jew multi mhux kriminali.

2. Il-multi previsti fil-paragrafu 1 għandhom ikunu:

(a) ta' massimu ta' mill-inqas bejn EUR 300 000 u EUR 500 000 f'każi fejn reat referit fl-Artikolu 3 (b) sa (h) jiġi mwettaq b'negliġenza serja u jikkaġuna ħsara sostanzjali lill-arja, lil-ħamrija, lill-ilma, lill-annimali jew lil-pjanti.

(b) ta' massimu ta' mill-inqas bejn EUR 500 000 u EUR 750 000 f'każi fejn:

i) Ir-reat referit fl-Artikolu 3 (a) jiġi mwettaq b'negliġenza serja, jew

(ii) reat referit fl-Artikolu 3 (b) sa (h):

- tiġi mwettqa b'negliġenza serja u tikkaġuna l-mewt ta' jew feriti serji lil persuna, jew

- tiġi mwettqa b'mod intenzjonali u tikkaġuna ħsara sostanzjali lill-arja, lil-ħamrija jew lill-ilma jew lill-annimali jew lil-pjanti, jew

(iii) reat referit fl-Artikolu 3 jiġi mwettaq b'mod intenzjonali fi ħdan is-sistema ta' organizzazzjoni kriminali fis-sens tad-Deċiżjoni ta' Qafas [… dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata];

(c) ta' massimu ta' mill-inqas bejn EUR 750 000 u EUR 1 500 000 f'każi fejn:

(i) reat referit fl-Artikolu 3 (a) jiġi mwettaq b'mod intenzjonali, jew

(ii) reat referit fl-Artikolu 3 (b) sa (f) jiġi mwettaq b'mod intenzjonali u jikkaġuna l-mewt ta' jew feriti serji lil xi persuna.

L-Istati Membri jistgħu japplikaw sistema li permezz tagħha il-multa tkun proporzjonata mal-fatturat tal-persuna ġuridika, mal-vantaġġ finanzjarju miksub jew previst bit-twettiq tar-reat, jew ma' kwalunkwe valur ieħor li jindika s-sitwazzjoni finanzjarja tal-persuna ġuridika, sakemm din is-sistema tkun tippermetti multi massimi, li jkunu mill-inqas ekwivalenti għall-minimu tal-multi massimi. L-Istati Membri li jimplimentaw din id-Direttiva skond sistema bħal din għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni li bi ħsiebhom jagħmlu hekk.

3. L-Istati Membri li fihom ma gietx adottata l-Euro għandhom japplikaw ir-rata ta' kambju bejn l-Euro u l-valuta tagħhom kif ippubblikat fil- Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea fil-[…].

4. Mas-sanzjonijiet previsti f'dan l-Artikolu jistgħu jiżdiedu sanzjonijiet jew miżuri oħra, b'mod partikulari:

(a) l-obbligu li l-ambjent jiġi restitwit;

(b) l-esklużjoni mill-intitolament għal benefiċċji jew għajnuna pubbliċi;

(c) l-iskwalifika temporanja jew permanenti mill-prattika ta' attivitajiet industrijali jew kummerċjali;

(d) it-tqegħid taħt sorveljanza ġudizzjarja;

(e) ordni ġudizzjali għal stralċ;

(f) l-obbligu li jiġu adottati miżuri speċifiċi sabiex jiġu eliminati l-konsegwenzi tal-kondotta bħal dik li fuqha kienet imsejsa r-responsabbiltà kriminali;

(g) il-pubblikazzjoni ta' deċiżjoni ġudizzjali fir-rigward ta' kundanna jew ta' xi sanzjonijiet jew ta' miżuri applikati.

Artikolu 8 Ir-rappurtaġġ

Sa mhux aktar tard minn ... ,u kull tliet snien minn dakinhar, l-Istati Membri għandhom jgħaddu informazzjoni lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva fil-forma ta' rapport.

Fuq il-bażi ta' dawk ir-rapporti, il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 9 It-traspożizzjoni

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji u amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn […]. Għandhom jikkomunikaw fil-pront lill-Kummissjoni t-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet u tabella ta' korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, għandu jkollhom riferenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'din ir-riferenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabilixxu kif trid issir din ir-riferenza.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 10 Id-dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak li fih tiġi pubblikata fil- Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea .

Artikolu 11 Id-destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

[1] L-aktar studji importanti jinstabu fuq is-sit elettroniku tad-DĠ għall-ambjent li jitratta dwar ir-reati kontra l-ambjent, http://ec.europa.eu/environment/crime/index.htm#studies.

[2] ĠU C […], […], p. […].

[3] ĠU C […], […], p. […].

[4] ĠU C […], […], p. […].

[5] ĠU C […], […], p. […].

[6] ĠU L 190, 12.7.2006, p. 1.

[7] ĠU L […], […], p. […].