52007IP0185

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-10 ta' Mejju 2007 dwar it-tisħiħ tal-leġiżlazzjoni Ewropea fil-qasam ta' l-informazzjoni u tal-konsultazzjoni mal-ħaddiema

Official Journal 076 E , 27/03/2008 P. 0138 - 0140


P6_TA(2007)0185

It-tisħiħ tal-leġiżlazzjoni tal-Komunità fil-qasam ta' l-informazzjoni u tal-konsultazzjoni mal-ħaddiema

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l- 10 ta' Mejju 2007 dwar it-tisħiħ tal-leġiżlazzjoni Ewropea fil-qasam ta' l-informazzjoni u tal-konsultazzjoni mal-ħaddiema

Il-Parlament Ewropew,

- wara li kkunsidra l-Artikolu 136 tat-Trattat KE,

- wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta' Marzu 2002 li tistabilixxi qafas ġenerali għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni mal-ħaddiema fil-Komunità Ewropea [1], id-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE ta' l- 20 ta' Lulju 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri relatati ma' sitwazzjonijiet kollettivi ta' ħaddiema żejda li jkunu f'riskju li jitkeċċew [2], id-Direttiva tal-Kunsill 94/45/KE tat- 22 ta' Settembru 1994 dwar il-ħolqien ta' Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropej jew proċedura fl-impriżi fuq skala Komunitarja u fil-gruppi ta' l-impriżi fuq skala Komunitarja għallgħanijiet ta' tagħrif u ta' konsultazzjoni għall-impjegati [3] u d-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat- 12 ta' Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri relatati mal-ħarsien tad-drittijiet talħaddiema fil-każ ta' trasferimenti ta' intrapriżi, ta' negozji, jew ta' partijiet minn intrapriżi jew negozji [4], dawn kollha jikkonċernaw l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta' l-Istati Membri dwar l-istrumenti ta' djalogu bejn il-maniġment u l-ħaddiema,

- wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l- 4 ta' Settembru 2001 [5] dwar ir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 94/45/KE,

- wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar "Strutturar mill-ġdid u impjieg — li tantiċipa u takkumpanja l-istrutturar mill-ġdid biex jiżviluppa l-impjieg: ir-rwol ta' l-Unjoni Ewropea" (COM(2005)0120),

- wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fl- 14 ta' Diċembru 2005 [6],

- wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal- 15 ta' Marzu 2006 dwar strutturar mill-ġdid u impjieg [7],

- wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-istrutturar mill-ġdid u l-merġers,

- wara li kkunsidra l-istqarrija tal-Kummissjoni lill-Parlament fil- 25 ta' April 2007 dwar it-tisħiħ tal-leġiżlazzjoni tal-Komunità fil-qasam ta' l-informazzjoni u tal-konsultazzjoni mal-ħaddiema

- wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi iż-żieda fl-intrapriżi li jaħdmu fuq livell internazzjonali minħabba l-globalizzazzjoni,

B. billi l-proċess ta' strutturar mill-ġdid, ta' merġers, ta' rilokazzjonijiet, eċċ., li jaffettwa lis-setturi kollha ta' attività u li jwassal għal bidliet fl-istruttura ta' kumpaniji, fil-produzzjoni u l-impjiegi, sar iktar intens;

C. billi diversi każijiet ta' ristrutturar u sitwazzjonijiet kollettivi ta' ħaddiema żejda wrew biċ-ċar problemi possibbli fil-leġiżlazzjoni tal-Komunità dwar id-dritt tal-ħaddiema għall-informazzjoni u għall-konsultazzjoni,

D. billi l-qsim kostruttiv u pożittiv ta' informazzjoni u ta' konsultazzjoni ġenwina ta' l-impjegati hija importanti biex tiġi antiċipata bidla industrijali; billi, barra minn hekk, it-tagħrif u l-konsultazzjoni huma komponenti importanti tal-mudell soċjali Ewropew tagħna,

1. Jistieden lill-Kummissjoni, kif diġà mitluba mill-Parlament f'diversi okkażjonijiet u l-iktar reċenti firriżoluzzjoni msemmija hawn fuq tal- 15 ta' Marzu 2006 biex tieħu inizjattivi bil-ħsieb li tirrevedi u taġġorna l-leġiżlazzjoni tal-Komunità dwar il-konsultazzjoni u l-informazzjoni sabiex ikun żgurat qafas ta' liġi koerenti u effiċjenti, tkun evitata l-inċertezza legali u tittejjeb l-artikolazzjoni tad-djalogu soċjali bejn il-livelli nazzjonali u Ewropej;

2. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta kalendarju għar-reviżjoni u l-modernizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Komunità dwar il-konsultazzjoni u l-informazzjoni, dwar sitwazzjonijiet kollettivi ta' ħaddiema żejda, dwar il-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema fil-każ ta' trasferimenti ta' intrapriżi u, b'mod speċjali, dwar ir-reviżjoni li ilha ġejja għal żmien twil tad-Direttiva 94/45/KE;

3. Jistieden lill-Kummissjoni biex fil-pront tiżgura li jkun hemm implimentazzjoni adegwata fl-Istati Membri rigward l-informazzjoni u l-konsultazzjoni ta' ħaddiema u biex tinnotifika dawk l-Istati Membri fejn id-direttivi dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni ma jkunux implimentati;

4. B'mod partikulari jinnota li d-Direttiva 94/45/KE jew mhix qed tiġi implimentata xejn jew hemm diskrepanzi kbar u mhux ġusti bejn il-metodi ta' kif l-Istati Membri għażlu li jimplimentawha; jistieden lill-Kummissjoni biex tirrapporta malajr u bi sħiħ lill-Parlament u tinnotifika lill-Istati Membri fejn meħtieġ;

5. Ifakkar lill-Kummissjoni dwar il-ħtieġa għal politika industrijali koerenti fil-livell Ewropew, b'kunsiderazzjoni għall-impatt soċjali u ambjentali tagħha; iqis li l-imsieħba soċjali għandhom irwol ewlieni fl-iżvilupp ta' tali politika;

6. Għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni biex ittejjeb aktar il-koordinazzjoni tal-politiki tagħha fl-oqsma varji, inkluż il-qasam ta' l-affarijiet soċjali, ta' l-affarijiet ekonomiċi u monetarji, fl-industrija, u fil-qasam tar-riċerka u ta' l-iżvilupp, u biex tinkoraġġixxi lill-imsieħba soċjali biex jieħdu sehem attiv fl-iżvilupp ta' sett koerenti ta' politiki bl-għan li tinżamm industrija Ewropea b'saħħitha, innovattiva u kompetittiva;

7. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri, u lill-imsieħba soċjali fuq livell Ewropew.

[1] ĠU L 80, 23.3.2002, p. 29.

[2] ĠU L 225, 12.8.1998, p 16.

[3] ĠU L 254, 30. 9. 1994, p. 64.

[4] ĠU L 82, 22.3.2001, p. 16.

[5] ĠU C 72 E, 21.3.2002, p. 68.

[6] ĠU C 65, 17.3.2006, p. 58.

[7] ĠU C 291 E, 30.11.2006, p. 297.

--------------------------------------------------