52007IP0018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-inizjattiva favur moratorju universali għall-piena tal-mewt

Official Journal 250 E , 25/10/2007 P. 0091 - 0092


P6_TA(2007)0018

Moratorju għall-piena tal-mewt

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-inizjattiva favur moratorju universali għall-piena talmewt

Il-Parlament Ewropew,

- wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar moratorju universali għall-piena tal-mewt u partikularment ir-riżoluzzjonijiet tiegħu tat- 23 ta' Ottubru 2003 [1]; tas- 6 ta' Mejju 1999 [2], u tat- 18 ta' Gunju 1998 [3],

- wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet dwar il-moratorju għall-piena kapitali adottata minn korpi varji tan- Nazzjonijiet Uniti, inkluża l-Kummissjoni tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem,

- wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea li jappoġġjaw moratorju universali għall-piena kapitali u d-dikjarazzjoni dwar l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt magħmulha fid- 19 ta' Diċembru 2006 fl-Assemblea Ġenerali tan-NU, li kienet iffirmata minn 85 pajjiż mill-gruppi ġeografiċi kollha,

- wara li kkunsidra l-Linji Gwida dwar il-politika ta' l-UE lejn pajjiżi terzi rigward il-piena tal-mewt tal- Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali tad- 29 ta' Ġunju 1998,

- wara li kkunsidra l-Artikolu 103 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-piena tal-mewt hija kastig krudil u inuman u vjolazzjoni tad-dritt għall-ħajja,

B. billi l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt huwa valur fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea u huwa rekwiżit għal kull pajjiż li jixtieq jissieħeb fl-UE,

C. billi huma inkwetat ħafna li llum f'għadd numeruż ta' pajjiżi għadhom jeżistu, jew reġgħu ġew introdutti, leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jikkontemplaw il-piena għall-mewt u li jippermettu l-eżekuzzjoni ta' eluf ta' bnedmin kull sena,

D. billi, fl-istess ħin, qed ikompli l-progress lejn it-tneħħija tal-piena tal-mewt fid-dinja kollha; billi t-tneħħija totali tal-piena tal-mewt fil-Liberja, fil-Messiku, fil-Filippini u fil-Moldova f'dawn l-aħħar snin u ċċaħda tal-Kungress Peruvjan ta' abbozz ta' liġi li ddaħħal il-piena tal-mewt għal reati marbutin matterroriżmu għandhom jiġu milqugħa,

E. billi l-UE ddeċidiet, fil-qafas tal-Linji Gwida tagħha dwar il-politika ta' l-UE lejn pajjiżi terzi rigward ilpiena tal-mewt, li taħdem fi ħdan korpi internazzjonali favur l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt,

F. billi fid- 9 ta' Jannar 2007 l-Gvern Taljan u l-Kunsill ta' l-Ewropa ddeċidew li jaħdmu flimkien sabiex jiġbru kull appoġġ possibbli għall-inizjattiva preżenti fl-Assemblea Ġenerali tan-NU għal moratorju dinji għall-eżekuzzjonijiet bil-għan li l-piena tal-mewt tiġi abolita kompletament,

G. billi fis- 27 ta' Lulju 2006 l-Kamra tad-Deputati Taljana adottat unanimament riżoluzzjoni li titlob lill- Gvern Taljan: "illi, fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li jmiss, u wara li jiġu kkonsultati limsieħba tiegħu ta' l-UE, mingħajr madankolu ma tkun meħtieġa l-approvazzjoni unanima tagħhom, jippreżenta mozzjoni għal riżoluzzjoni dwar moratorju universali għall-piena tal-mewt sabiex tiġi abolita kompletament il-piena tal-mewt fid-dinja"; billi fit- 22 ta' Jannar 2007 l-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea qabel li l-Presidenza Ġermaniża ta' l-UE tiżen fi New York il-possibiltajiet u lmodalitajiet sabiex jerġgħu jinfetħu d-dibattitu u l-konsiderazzjoni tal-proposta għal moratorju universali għall-piena tal-mewt,

H. filwaqt li jikkundanna l-eżekuzzjoni ta' Saddam Husseim u l-isfruttament mill-mezzi ta' komunikazzjoni tat-tgħalliq tiegħu, kif ukoll il-mod li bih dan sar;

1. Itenni l-pożizzjoni tiegħu, kostanti għal bosta żmien, kontra l-piena tal-mewt fi kwalunkwe każ u ċirkustanza, u jesprimi għal darba oħra l-konvinzjoni tiegħu li l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt tikkontribwixxi għas-sedqa tad-dinjità umana u għall-iżvilupp progressiv tad-drittijiet tal-bniedem;

2. Jitlob sabiex jiġi stabbilit minnufih u bla ebda kundizzjoni moratorju internazzjonali fuq l-eżekuzzjonijiet kapitali bil-ħsieb ta' abolizzjoni universali ta' piena kapitali li dawn jiġu aboliti permezz ta' riżoluzzjoni għal dan l-iskop ta' l-Assemblea Ġenerali attwali tan-NU, li l-implimentazzjoni effettiva tagħha tkun tista' tiġi mmoniterjata mis-Segretarju Ġenerali tan-NU;

3. Isejjaħ lill-Presidenza ta' l-UE sabiex tieħu b'urġenza azzjoni xierqa sabiex tiżgura li din ir-riżoluzzjoni tiġi ppreżentata b'urġenza lill-Assemblea Ġenerali tan-NU; isejjaħ lill-Presidenza ta' l-UE u lill-Kummissjoni sabiex iżommu l-Parlament Ewropew infurmat dwar ir-riżultati li jintlaħqu fl-Assemblea Ġenerali attwali tan-NU dwar moratorju universali għall-piena tal-mewt;

4. Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet ta' l-UE u lill-Istati Membri sabiex jagħmlu l-almu tagħhom kollu, kemm politiku u kemm diplomatiku, sabiex jiżguraw is-suċċess ta' din ir-riżoluzzjoni fi ħdan l-Assemblea Ġenerali attwali tan-Nazzjonijiet Uniti;

5. Jappoġġja bis-sħiħ l-inizjattiva tal-Kamra tad-Deputati u tal-Gvern Taljan li hija appoġġjata mill-Kunsill ta' l-Unjoni, mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Kunsill ta' l-Ewropa;

6. Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Istati Membri kollha ta' l-UE biex jirratifikaw bla dewmien it-Tieni Protokoll Fakultattiv tal-Patt Internazzjonali dwar Drittijiet Civili u Politiċi, bil-għan li l-piena tal-mewt titneħħa kompletament;

7. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Presidenza ta' l-Assemblea Ġenerali tan-NU u lill-Istati Membri tan-NU kollha.

[1] ĠU C 82 E, 1.4.2004, p.609.

[2] ĠU C 279, 1.10.1999, p.421.

[3] ĠU C 210, 6.7.1998, p. 207

--------------------------------------------------