16.5.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
C 120/89 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Moldova: X'inhu r-rwol tas-soċjetà ċivili organizzata?
(2008/C 120/19)
Matul is-sessjoni plenarja tieggħu li nżammet fil-15 ta' Frar 2007, b'konformità ma' l-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda li jħejju opinjoni dwar
Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Moldova: X'inhu r-rwol tas-soċjetà ċivili organizzata?
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-15 ta' Novembru 2007. Ir-rapporteur kienet is-Sinjura Pichenot.
Matul l-440 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-12 u t-13 ta' Diċembru 2007 (seduta tat-12 ta' Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b' 117-il vot favur, 2 voti kontra u astensjoni waħda.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 Il-promozzjoni tar-rwol tas-soċjetà ċivili fir-relazzjonijiet ta' bejn l-UE u l-Moldova
1.1.1 |
Is-sena 2005 kkostitwixxiet mument deċiżiv fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Moldova. Bl-adozzjoni ta' pjan ta' azzjoni UE-Moldova (2005-2008), il-ħolqien ta' delegazzjoni ta' l-UE fil-kapitali u n-nomina ta' rappreżentant għoli fin-negozjati tal-konflitt Tranżnistrijan, il-kondizzjonijiet ta' l-implimentazzjoni tal-ftehim ta' sħubija u tal-kooperazzjoni ġew b'mod ċar rinforzati. F'dan il-kuntest, din l-ewwel opinjoni tal-KESE dwar il-kooperazzjoni ta' bejn l-UE u l-Moldova, għandha l-għan li tippromovi r-rwol tas-soċjetà ċivili fit-tisħiħ ta' din id-dinamika u li tintroduċi aġenda komuni permezz ta' għadd ta' inizjattivi fil-futur qrib. |
1.1.2 |
Kollaborazzjoni rinforzata bejn l-Unjoni Ewropea u l-Moldova ma tistax tissejjes ħlief fuq il-komprensjoni reċiproka ta' valuri komuni, notevolment fil-qasam tar-rispett tal-libertajiet fondamentali, ta' impenn favur soċjetà demokratika miftuħa għal kulħadd, ta' l-aċċettazzjoni tal-prinċipju ta' djalogu bbażat fuq l-indipendenza ta' l-imsieħba tas-soċjetà ċivili. Is-soċjetà ċivili tikkostitwixxi l-muftieħ għall-identità stess tal-Moldova. Hija tistrieħ fuq ir-rikkezza tar-riżorsi umani akkumulati f'art b'konfluwenza interkulturali u lingwistika. Din ir-rikkezza hija vantaġġ konsiderevoli. |
1.1.3 |
Bla dubju, il-Moldova m'għandhiex l-istess esperjenza u lanqas m'għandha tradizzjoni ta' organizzazzjonijiet indipendenti tas-soċjetà ċivili bħalma għandhom pajjiżi oħra membri tal-Komunità ta' Stati Indipendenti. Madankollu, fid-dawl ta' l-iżviluppi li għaddejjin bħalissa, il-Kumitat jemmen li huwa kruċjali li jsiru kuntatti sabiex jiġu identifikati msieħba li huma miftuħin għall-progress fir-rigward tar-rispett ta' valuri komuni. |
1.1.4 |
Il-KESE jfakkar b'insistenza kemm is-suċċess tal-Pjan ta' Azzjoni UE-Moldova (1) fil-qafas tal-politika tal-viċinat huwa marbut mal-kapaċità li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jiġu assoċjati u jingħataw iċ-ċans jipparteċipaw fl-implimentazzjoni tiegħu. Għalhekk huwa mixtieq li l-Kummissjoni tibgħat sinjal ċar billi tipproponi kriterji, proċeduri u strumenti li jippermettu involviment aħjar tas-soċjetà ċivili. Madankollu, il-KESE jilqa' l-isforzi tad-delegazzjoni Ewropea ta' Chisinau għall-attenzjoni li din tagħti lill-għarfien tas-soċjetà ċivili tal-Moldova. Dan għandu jwitti t-triq sabiex ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili jkunu involuti b'mod informali fir-reviżjoni tal-pjan ta' azzjoni li ser issir f'April 2008 u fl-istadji li jmiss ta' sħubija msaħħa. |
1.1.5 |
Il-KESE jirrakkomanda li tinbena relazzjoni soda mas-soċjetà ċivili tal-Moldova fi proċess ta' progress billi tinbeda strutturazzjoni tar-relazzjonijiet tagħna. Għal dan l-għan, għandha tiġi organizzata konferenza fl-2008, li titħejja permezz ta' missjoni preċedenti sabiex jiġu identifikati l-imsieħba li juru x-xewqa li joperaw b'mod trasparenti. Dan l-avveniment, li ser jinkludi atturi lokali u reġjonali, ser jimmira sabiex bil-kooperazzjoni tal-partijiet kolla jitfassal pjan ta' ħidma msejjes fuq il-proposti li jidhru hawn taħt:
Pjan ta' ħidma ta' din ix-xorta jirrikjedi impenn ta' finanzjament ta' l-inizjattivi tas-soċjetà ċivili permezz tal-programmi ta' l-Unjoni Ewropea. |
1.1.6 |
Wara li saret evalwazzjoni tal-konferenza ta' l-2008 mas-soċjetà ċivili tal-Moldova, għandhom jiġu mnedija inizjattivi ġodda. Fi ħdan il-“grupp tal-viċinat” tal-Kumitat, għandu jkun hemm relazzjonijiet imsejsa fuq inizjattiva ta' progress bl-għan li dawn ir-relazzjonijiet jieħdu qies tal-prinċipji li fuqhom huma msejsin il-gvernanza tajba u l-iżvilupp sostenibbli. Fil-qalba ta' din l-istrateġija msejsa fuq l-inċentiv ser ikun hemm il-prinċipji li jinstabu diġà fil-ftehim “SPĠ+” jiġifieri:
|
1.1.7 |
B'hekk l-Unjoni Ewropea tipprovdi inċentiv għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-Moldova sabiex huma jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-istandards Ewropej ta' indipendenza, ta' rappreżentanza u ta' trasparenza. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tibqa' tinkorpora taqsima speċifika f'kull rapport ta' progress tal-PAN, ikkonsagrata għar-rispett tad-drittijiet fondamentali, fosthom il-libertà ta' l-assoċjazzjoni u ta' l-espressjoni u żżid ukoll analiżi tad-dritt trejdjunjinistiku. |
1.1.8 |
Fil-fehma tal-KESE, jenħtieġ li l-ewwelnett il-Moldovani għandhom jerġgħu jakkwistaw gradwalment l-għodod u l-kompetenzi mpoġġija għad-dispożizzjoni tagħhom mill-istituzzjonijiet internazzjonali jew Ewropej. Il-KESE jappoġġa l-appell tal-Kunsill ta' l-Ewropa sabiex jingħata appoġġ lis-soċjetà ċivili fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni (prinċipju ta' l-approċċ tal-GRECO (4)). Huwa jsejjaħ għall-kooperazzjoni transkonfinali fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata. |
1.1.9 |
Il-KESE jappoġġa l-inizjattiva tad-donaturi Ewropej u internazzjonali li jkun hemm kooperazzjoni sabiex l-azzjonijiet tagħhom ikunu koerenti. Huwa jirrakkomanda li jittieħdu azzjonijiet prijoritarji fir-rigward tas-servizzi soċjali ta' bażi f'dawn il-programmi ta' tnaqqis tal-faqar u jinsisti notevolment fuq it-titjib tal-kondizzjonijiet ta' ħajja fl-orfanatrofji, ir-roħs fil-prezzijiet tal-mediċini antiretrovirali u l-għajnuna ta' inserzjoni mill-ġdid tal-vittmi tat-traffikar tal-bniedem. |
1.1.10 |
In-nixfa twila tas-sajf ta' l-2007 xeħtet lill-pajjiż f'sitwazzjoni diffiċli kkaġunata minn annata ħażina, li wasslet għall-falliment u dejn eċċessiv. Il-gvern appella għal operazzjoni internazzjonali ta' għajnuna fi prodotti ta' l-ikel u għal appoġġ tekniku mill-FAO. Il-Kumitat huwa tal-fehma li huwa importanti ħafna li jinħolqu rabtiet ma' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili attivi fis-settur agro-alimentari. Bħala miżura għal żmien qasir, il-Kummissjoni Ewropea allokat EUR 3 miljun f'għajnuna umanitarja lill-familji Moldovani li huma l-aktar vulnerabbli. |
1.1.11 |
Il-KESE huwa tal-fehma li huwa partikularment importanti li jkun hemm netwerk u proġetti komuni bejn il-poplu tal-Moldova kollu inklużi l-organizzazzjonijiet ta' l-abitanti tat-Tranżnistrija. Il-Kumitat jinkuraġġixxi lill-UE sabiex tibqa' għaddejja bl-isforzi tagħha bl-iskop li tinstab soluzzjoni għal dan il-kunflitt li tippreżerva l-unità territorjali tagħha u li tkompli l-ħidma tagħha ta' assistenza fil-fruntieri (EUBAM). |
1.1.12 |
Il-KESE jirrakkomanda li jiġu ffaċilitati l-iskambji ta' prattiki demokratiċi bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, billi l-kelliema tal-Moldova jiġu mistiedna jikkonsultaw il-pubblikazzjonijiet tal-KESE li huma disponibbli fuq l-Internet (notevolment bir-Rumen) u x-xogħolijiet tal-KES nazzjonali, li huma disponibbli permezz tal-link KES. Il-KESE jinkuraġġixxi lill-KES nazzjonali ta' l-Istati Membri (b'mod partikulari tar-Rumanija u tal-Bulgarija) u l-AICESIS (5) sabiex jaħdmu flimkien sabiex is-soċjetà tal-Moldova tiġi f'kuntatt ma' l-għodda u l-prattiki tas-soċjetà ċivili Ewropea. |
1.1.13 |
Il-KESE jixtieq li s-soċjetà ċivili tal-Moldova tipparteċipa b'mod aktar effettiv fid-djalogu mal-Balkani tal-Punent u fid-djalogu reġjonali tal-Baħar l-Iswed, notevolment permezz tal-kooperazzjoni interreġjonali u transkonfinali madwar dan l-ispazju strateġiku fil-futur qrib. Il-kooperazzjoni ta' l-Unjoni Ewropea u tal-Moldova tista' titqies fil-qafas ta' kooperazzjoni kkonsolidata mal-pajjiżi ġirien u b'mod partikulari mar-Russja. |
1.2 It-tisħiħ ta' l-appoġġ immirat għall-organizzazzjonijiet bi prospettivi tajbin u organizzazzjonijiet ta' rikonċiljazzjoni
1.2.1 Il-bidu ta' djalogu soċjali kostruttiv
Fid-dawl tad-dgħjufija tar-relazzjonijiet professjonali tagħha, il-KESE jfakkar l-impenn tal-Moldova mhux biss fir-rigward tal-konvenzjonijiet ta' l-ILO iżda wkoll fir-rigward tal-Karta Soċjali tal-Kunsill ta' l-Ewropa u l-mekkaniżmu tiegħu sabiex jitressqu lmenti. Huwa jirrakkomanda li l-ILO joffri assistenza teknika sabiex jiġu ttrattati l-konflitti tax-xogħol permezz ta' ġurisdizzjonijiet speċifiċi.
1.2.2 Il-konkretizzar ta' l-impenn sabiex jiġu mħeġġa l-kuntatti mas-soċjetà Ewropea
IL-KESE jappoġġa bi-sħiħ l-iffinalizzar tal-ftehim dwar il-viżi u l-ammissjoni mill-ġdid li ser jagħti bidu għal sistema ta' ffaċilitar ta' akkwist ta' viżi sabiex jiżdiedu b'mod partikulari l-iskambji taċ-ċittadini li joffru futur bħalma huma l-universitarji, ix-xjentisti, il-ġurnalisti u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili. Hu jirrakkomanda li l-aċċess għall-programmi Komunitarji jkun aktar vast, b'mod partikulari għaż-żgħażagħ permezz ta' Erasmus Mundus. Il-ftehim dwar l-iffaċilitar ta' l-għoti tal-viżi u l-ammissjoni mill-ġdid, li kien iffirmat f'Ottubru 2007 (6), jista' għalhekk jikkontribwixxi sabiex tiġi riżolta l-kwistjoni ta' l-għadd sostanzjali ta' talbiet miċ-ċittadini tal-Moldova li jkunu qegħdin ifittxu li jakkwistaw iċ-ċittadinanza Rumena.
Il-KESE jistieden lill-Gvern tal-Moldova jassoċja lis-soċjetà ċivili fl-avvenimenti Ewropej u internazzjonali (WTO, OSCE, il-Kunsill ta' l-Ewropa u l-Francophonie). Il-KESE jinkuraġġixxi lill-Istati Membri sabiex jirriċerkaw u jiffinanzjaw kuntatti u skambji mas-soċjetà ċivili tal-Moldova (boroż universitarji, ġemellaġġ, kooperazzjoni transkonfinali).
1.2.3 Tiġi kkunsidrata l-prestazzjoni ambjentali
Il-KESE jirrakkomanda li jiġu appoġġati organizzazzjonijiet ambjentali ansjużi li jipproċedu bil-qerda tal-ħażna ta' l-armi u tal-munizzjonijiet mhux adatti għat-trasport, ta' l-iskart militari, ta' radam industrijali u l-purifikazzjoni tat-tniġġis ta' l-ilmijiet.
2. Karatteristiċi ewlenin tas-sitwazzjoni soċjo-ekonomika tal-Moldova
2.1 |
B'PGD għal kull abitant ta' madwar 1 000 dollaru, il-Moldova hija l-aktar pajjiż fqir tal-kontinent Ewropew u l-uniku, li tidher fil-klassi tal-pajjiżi bi dħul baxx tal-Bank Dinji. Il-popolazzjoni tal-Moldova qed tonqos (anqas minn 4 miljuni fl-2004), dan jirriżulta fi tkabbir fir-rata ta' l-imwiet (b'mod partikulari għall-irġiel), f'nuqqas fir-rata tat-twelid u f'influss migratorju importanti. |
2.2 |
Jekk il-faqar kellu livelli drammatiċi mill-1999 sa' l-2005, dan naqas iżda llum il-ġurnata għadu jinsab f'livell għoli li javviċina l-medja ta' 30 %. It-titjib jopera b'mod inugwali, u dan joħloq gruppi b'faqar assolut (2 dollari/kuljum) li l-vittmi tagħhom huma fi proporzjon kbir tfal u xjuħ. Żoni rurali u bliet żgħar għad għandhom rati ta' faqar minn 40 sa 50 % tal-popolazzjoni. |
2.3 |
Għadd kbir ta' tfal jinsabu f'riskju potenzjali li jiġu sfruttati minħabba li ma għandhomx saqaf fuq rashom, minħabba x-xogħol f'età żgħira tat-tfulija, minħabba t-traffikar u l-prostituzzjoni. Dan il-livell ta' faqar żied ukoll b'mod konsiderevoli l-fenomenu msejjaħ ta' “l-orfni soċjali”, ta' tfal li jitpoġġew mill-familji tagħhom f'orfanatrofji billi finanzjarjament ma jistgħux irabbuhom. |
2.4 |
In-nisa huma suġġetti għad-diskriminazzjoni li żdiedet minħabba sitwazzjoni soċjali diffiċli ħafna. Huma qed ibatu minn qgħad għoli, minn nuqqas ta' kwalifiki, minn salarji baxxi u minn xogħol staġunali fl-agrikultura. Huma aktar esposti mill-irġiel għar-riskji tal-faqar b'mod partikulari minħabba nuqqas ta' benefiċċji soċjali (saħħa, edukazzjoni u familja) u minħabba l-livell tal-pensjonijiet. Dawn is-sitwazzjonijiet iwasslu lin-nisa, lill-ommijiet tal-familji, li jaċċettaw proposti illegali jew perikolużi billi jesponu lilhom infushom u jispiċċaw vittmi tat-traffikar tal-bniedem. Il-parti l-kbira ta' dawn il-vittmi huma nisa żgħażagħ li jkunu qed ifittxu x-xogħol. |
2.5 |
Fl-2004, il-Moldova adottat programm ta' tkabbir u ta' ġlieda kontra l-faqar appoġġat mill-Bank Dinji, mill-UNDP u minn donaturi oħrajn. F'Diċembru 2006, id-donaturi tad-diversi istituzzjonijiet finanzjarji u ta' l-UE ħolqu koordinazzjoni, metodu eżemplari sabiex joħolqu koerenza u effiċjenza fl-immaniġġjar tal-kundizzjonalitajiet u impenjaw lilhom infushom li jagħtu EUR 1 biljun f'donazzjonijiet u f'għotjiet għall-erba' snin li jmiss. |
2.6 Suq tax-xogħol fi kriżi
2.6.1 |
Is-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol ħżienet b'mod konsiderevoli fil-Moldova matul is-snin 90, fl-istess waqt li seħħ il-kollass ekonomiku. Wara l-kriżi Russa ta' Awissu 1998, il-livelli ta' impjieg waqgħu u mbagħad reggħu żdiedu fl-2003. Ir-rata ta' qgħad għalhekk għaddiet minn 11 % fl-1999 għal madwar 7,4 % tal-popolazzjoni attiva reġistrata fl-aħħar ta' l-2006. Madwar 35 % tal-popolazzjoni tax-xogħol jeżerċitaw attivitajiet informali (7). |
2.6.2 |
Għalkemm id-dħul reali baqa' jiżdied, is-salarju medju għadu baxx ħafna,u kien jammonta għal USD 129 fl-2006 (8). Madankollu jenħtieġ li jiġu kkunsidrati sorsi oħrajn ta' dħul ta' flus. Minn naħa, proporzjon għoli ta' familji jirċievi flus minn wieħed mill-qraba tagħha li jgħix barra l-pajjiż. Minn naħa l-oħra, għad hemm numru sinifikanti ta' impjiegi li ma jkunux iddikjarati: skond l-entità uffiċjali ta' l-istatistika, aktar minn 200 000 ħaddiem (jiġifieri 15 % tal-popolazzjoni attiva) huma impjegati fl-intrapriżi li mhumiex irreġistrati, filwaqt li 35 % tal-persunal ta' l-intrapriżi magħrufin mhumiex iddikjarati mis-sidien tagħhom (l-aktar fil-kostruzzjoni, l-agrikultura u l-industrija tal-foresti). |
2.6.3 |
Ħafna ċittadini Moldovani ħallew pajjiżhom sabiex jaħdmu f'pajjiżi barranin, il-biċċa l-kbira tagħhom b'mod illegali. Dan l-esodu — li pjuttost jiddependi mill-istaġuni — li huwa stmat li jista' jitla' sa miljun adult jirrappreżenta madwar 30 % tat-total tal-ħaddiema. It-telf fil-kapital uman u t-telf ta' l-aħjar imħuħn-nuqqas ta' kontribuzzjonijiet finanzjarji lill-assigurazzjoni tas-saħħa u s-sigurtà soċjali huma fost il-konsegwenzi negattivi ta' din l-imxija migratorja. Minħabba l-livell ta' faqar, jidher li huwa probabbli li l-migrazzjoni għax-xogħol ser tibqa' realtà fis-snin li ġejjin. |
2.7 Id-dgħjufijiet ta' l-ekonomija tal-Moldova
2.7.1 Ekonomija iżolata fl-isfera ta' l-influwenza Russa
2.7.2 |
Il-kollass serju tal-PGD Moldovan tas-snin 90 kien ir-riżultat ta' kawżi esterni bħat-telfa tas-swieq, id-dipendenza fuq l-enerġija, l-emigrazzjoni ta' ħaddiema kkwalifikati u s-separazzjoni tar-reġjun industrijali tat-Tranżnistrija. |
2.7.3 |
Minkejja li t-tkabbir ħa spinta mill-2000 (sa 6-8 % fis-sena), l-ekonomija għadha vulnerabbli ħafna (tkabbir ta' 4 % fl-2006) u għad hemm il-possibilità li din tiddgħajjef aktar fl-2007. Il-kawża prinċipali ta' dan it-tnaqqis fir-ritmu huwa l-irduppjar tal-prezz tal-gass fl-2006 impost mid-distributur Gazprom. |
2.7.4 |
Irritata minħabba l-orjentazzjoni pro-Ewropea tal-President Moldovan, ir-Russja użat il-fatt tal-projbizzjoni fuq l-esportazzjoni ta' l-inbid Moldovan fis-suq tagħha bħala miżura ta' pressjoni politika. Fl-2006, il-Moldova kienet imċaħħda minn wieħed mis-sorsi prinċipali ta' dħul tagħha mill-esportazzjoni (l-inbid Moldovjan jirrappreżenta 35 % ta' l-esportazzjonijiet li 85 % tiegħu hu fis-suq Russu). |
2.8 Ekonomija ddominata mis-settur agro-alimentari
2.8.1 |
Il-Moldova għadha pajjiż li l-parti l-kbira tiegħu hija rurali. L-industrija agri-alimentari tipprovdi akat minn 30 % tal-PGD (9) u proporzjon sinifikanti ta' esportazzjonijiet (65 %); l-agrikoltura familjali hija fattur prinċipali fl-awto-sufiċjenza tal-bliet u ż-żoni rurali. L-industrija agri-alimentari taqdi wkoll rwol importanti fl-ekonomija. Il-kwalità u l-kwantità tal-ħsad jinfluwenzaw is-setturi ta' l-industriji ħfief kemm fil-ħoloq tal-bidu u kemm ta' l-aħħar fil-katina ekonomika (downstream u upstream) (fertilizzanti kimiċi, fliexken, ippakkjar). |
2.9 Ir-rwol deċiżiv tat-trasferimenti ta' flus minn migranti lill-familji tagħhom
2.9.1 |
Wara din ir-reċessjoni profonda, bil-fors li wieħed jistqarr li l-ftit riżultati ekonomiċi pożittivi li kien hemm ma kinux dovuti għar-rikostruzzjoni ta' l-ekonomija iżda minħabba injezzjoni massiva ta' rimessi (30 % tal-PGD Moldovan) mill-Moldovani li marru jaħdmu f'pajjiżi barranin: Dawn bagħtu EUR 1 biljun f'pajjiżhom fl-2006. |
2.9.2 |
Fin-nuqqas ta' klima li tkun vantaġġuża għall-investiment, dawn l-għajnuniet ma servewx sabiex jiġu ffinanzjati attivitajiet ekonomiċi ġodda. Dan l-influss finanzjarju jġib miegħu prezzijiet għolja fil-bini, domanda qawwija għal prodotti importati u finalment pressjonijiet inflazzjonarji. |
3. Id-demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-gvernanza tajba
3.1 L-iżvilupp uman
3.1.1 |
Fl-2005 l-Moldova kienet tinstab fil-114-il post fuq l-indikatur ta' l-iżvilupp uman tal-UNDP jiġifieri, l-aktar wieħed baxx fl-Ewropa iżda wkoll wieħed mill-aktar baxxi fir-repubbliki li ħarġu minn l-eks Unjoni Sovjetika. |
3.1.2 |
In-nuqqas ta' indipendenza tal-mezzi tax-xandir, ta' rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-problemi fit-tħaddim tas-sistema ġudizzjarja jostakolaw l-inizjattivi taċ-ċittadini Moldovani u l-kapaċità ta' organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili. |
3.1.3 |
L-indipendenza tal-mezzi tax-xandir hija waħda mill-kwistjonijiet ewlenin li saħaq fuqha r-rapport tal-Kunsill ta' l-Ewropa (Settembru 2007) (10). Bla dubju, ir-riforma tal-leġislazzjoni dwar il-libertà tal-kelma hija importanti iżda mhux biżżejjed biex tiggarantixxi dil-libertà fil-prattika. L-imparzjalità u l-etika huma meħtieġa wkoll fil-ġurnaliżmu. Dan ifisser li l-ġurnalisti ma jkunux suġġetti għal pressjoni mill-awtoritajiet politiċi, partikolarment fil-qasam tax-xandir awdjoviżwali. |
3.2 Livell għoli ta' korruzzjoni
3.2.1 |
Il-kriminalità organizzata hija problema kruċjali ta' sigurtà li xxekkel l-istituzzjonijiet u l-investimenti. Id-delitti kommessi huma dannużi ħafna: l-inkuraġġiment ta' l-evażjoni fiskali, il-kuntrabandu u l-korruzzjoni. L-indiċi ta' korruzzjoni fid-dinja fl-2006, stabbilit mit-Transparency International, jagħti lill-Moldova l-marka ta' 3.2 minn 10 (it-88 post) fir-rigward ta' pajjiżi li huma kkunsidrati korrotti ħafna. Iż-żieda żgħira li kien hemm fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-Moldova turi li l-gvern u s-soċjetà ċivili għandhom ir-rieda li jiġġieldu l-korruzzjoni. |
3.3 Il-fraġilità tad-drittijiet demokratiċi fi tradizzjoni ta' poter awtoritarju
3.3.1 |
Il-KESE jitlob lill-awtoritajiet tal-Moldova jqisu l-konklużjonijiet ta' l-osservaturi internazzjonali (tim ta' 100 ruħ mill-OSCE) li assistew għall-elezzjonijiet lokali li saru f'Ġunju 2007, bl-għan li jiġu indirizzati l-oqsma kollha li ma jissodisfawx bis-sħiħ l-istandards ta' l-UE fir-rigward ta' l-elezzjonijiet u sabiex ikun żgurat li l-elezzjonijiet parlamentari ta' l-2009 jkunu aktar demokratiċi. |
3.3.2 |
Ir-rapporti tal-Kunsill ta' l-Ewropa jinkuraġġixxu lill-Moldova sabiex issegwi l-isforzi tagħha, notevolment fil-qasam ta' l-indipendenza u l-effikaċja tal-ġustizzja, il-pluraliżmu tal-mezzi tax-xandir u t-tisħiħ tad-demokrazija lokali. Il-Moldova bbenefikat mill-assistenza ta' l-Inizjattiva Ewropea għad-demokrazija u għad-drittijiet tal-bniedem (EIDHR) fil-qafas tal-proġetti reġjonali għas-snin 2002-2004 u mill-2007 'l hawn. L-EIDHR appoġġa inizjattivi mis-soċjetà ċivili għall-promozzjoni tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem. |
3.4 It-Tranżnistrija, sfida ġeopolitika tal-viċinat
3.4.1 |
It-Tranżnistrija li tiddependi mill-appoġġ tar-Russja u tal-preżenza ta' kontinġent mill-armata Russa, tibqa' għajn ta' tensjoni u ta' nuqqas ta' siġurtà mal-fruntieri ta' l-UE u tikkostitwixxi parti mit-taħbila tal-moħħ ġeopolitika tar-reġjun. |
3.4.2 |
It-tfittxija ta' soluzzjoni politika għas-separazzjoni tat-Tranżnistrija tikkostitwixxi wkoll prijorità fil-pjan ta' azzjoni ta' l-UE. Din uriet aktar interess f'din il-kontroversja, bi tħejjija għall-adeżjoni tar-Rumanija u l-Bulgarija, liema fatt ipoġġi lill-Moldova fuq il-fruntiera ma' l-UE. L-involviment ta' l-UE f'din il-kwistjoni fl-2005 ssaħħaħ bin-nomina ta' Rappreżentant Speċjali (is-Sur Kalman Mizsei minn Marzu 2007) bħala osservatur fil-qafas tan-negozjati b'format imsejjaħ 5+2. Attwalment, in-negozjati waqfu. |
3.4.3 |
Barraminhekk, din iż-żona hija meqjusa bħala fulkru ta' kriminalità organizzata (traffikar ta' armi, ta' materjal strateġiku, money laundering, droga u t-traffikar tal-bnedmin) li huwa ta' profitt kemm għall-organizzazzjonijiet kriminali lokali kif ukoll għal dawk mir-Russja, l-Ukraina u pajjiżi oħra. |
3.5 Missjoni ta' l-UE ta' Assistenza fil-Fruntiera bejn il-Moldova u l-Ukraina (EUBAM)
3.5.1 |
Ir-relazzjonijiet ta' bejn l-Ukraina u l-Moldova, li huwa mdawwar bit-territorju Ukrain, huma kkumplikati minħabba l-konflitt tat-Tranżnistrija u r-relazzjonijiet bejn ir-Russja u l-UE, li jwassal biex din is-sitwazzjoni tiġi deskritta bħala “t-taħwida” Moldovana. Il-Moldova kienet kemm post ta' mogħdija u ta' ħruġ ta' traffikar billi l-fruntieri tal-Moldova ma kinux imgħassa tajjeb u joffru ħruġ lejn il-Baħar l-Iswed mill-port ta' Odessa. |
3.5.2 |
Il-missjoni ta' assistenza u ta' sorveljanza tal-fruntieri (EUBAM), imnedija mill-UE f'Diċembru 2005, ikkostitwixxiet pass deċiżiv għall-istabbilizzazzjoni tal-pajjiż u għall-ġlieda kontra l-kuntrabandu fuq talba konġunta tal-Presidenti ta' l-Ukraina u tal-Moldova. Madwar mitt uffiċjal tad-dwana u għassiesa mal-fruntieri minn 17-il pajjiż ta' l-UE qed josservaw u jassistu fil-ħidma tal-kollegi Moldovani u Ukraini tagħhom u b'hekk qed jitfgħu pressjoni sinifikanti fuq il-gvern li pproklama lilu nnifsu fit-Tranżnistrija. Din il-missjoni tikkonċentra l-isforzi tagħha fuq persuni u żoni li huma f'riskju u kellha xi suċċessi reali. |
3.5.3 |
F'Novembru 2006, din il-missjoni ġiet msaħħa b'sistema awtomatizzata ta' skambju ta' informazzjoni sabiex tissaħħaħ l-effikaċja ta' dan il-kontroll tal-fruntiera. Din il-missjoni għadha kif ġiet estiża sa Novembru 2009. Il-KESE jittama li jibqa' jsir l-isforz meħtieġ sabiex il-fruntiera jkollha s-sigurtà neċessarja. |
4. Ħarsa ġenerali lejn is-soċjetà ċivili tal-Moldova u l-ħidma tagħha
4.1 Ir-rimarki prinċipali tal-missjoni tal-KESE fl-2004
4.1.1 |
F'dan il-kuntest politikament u ekonomikament diffiċli, iċ-ċirkostanzi ma kinux vantaġġużi għall-attivitajiet tas-soċjetà ċivili. In-numru ta' rġiel jew ta' nisa potenzjalment disponibbli għal ħidma fl-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell lokali naqas ferm, notevolment minħabba l-emigrazzjoni, speċjalment fost iż-żgħażagħ adulti li għandhom livell tajjeb ta' edukazzjoni. Ir-relazzjonijiet bejniethom u l-entitajiet statali kienu biss sporadiċi. Iċ-ċentralizzazzjoni ta' l-istrutturi amministrattivi fixklet l-iżvilupp tal-movimenti soċjali. B'mod ġenerali, il-paternaliżmu li huwa ankrat fis-soċjetà, jagħti lill-Istat ir-responsabbiltà prinċipali tal-benesseri tal-popolazzjoni. Il-funzjoni presidenzjali tirrappreżenta l-volontà tal-maġġoranza tal-popolazzjoni li titmexxa minn bniedem b'saħħtu. |
4.1.2 |
Minn barra l-istatus tal-partiti politiċi, il-kostituzzjoni ma tagħmel l-ebda referenza għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jew tad-dritt li jinżammu l-laqgħat. Madankollu, jidher kemm id-dritt li “jitwaqqfu trejdjunjins u li jissieħbu fihom” (Artikolu 42) kif ukoll l-għarfien tal-libertà ta' assoċjazzjoni (Artikolu 40). Il-kundizzjonijiet għall-ħolqien ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi tjiebu bil-“liġi dwar il-korpi pubbliċi u l-fondazzjonijiet” (1997). Fil-prattika, wieħed jista' josserva trikkib bejn, fuq naħa, il-personalitajiet li jaħdmu għall-Istat u l-partiti fil-gvern u, fuq in-naħa oħra, korpi li jirrappreżentaw l-interessi ekonomiċi jew politiċi. |
4.1.3 |
Fil-fehma ta' l-osservaturi, b'mod partikulari mill-Kunsill ta' l-Ewropa (11), il-leġislazzjoni dwar is-sitema ġudizzjarja kienet riformata sabiex jiġi żgurat rispett tal-liġi inġenerali u s-soċjetà ċivili b'mod partikulari. Madankollu, il-Moldova għadha s-suġġett ta' proċedura ta' monitoraġġ tal-Kunsill ta' l-Ewropa, li hija intiża prinċipalment li tiggarantixxi l-indipendenza tal-korp ġudizzjarju. |
4.2 Aġġornament dwar l-istat tas-soċjetà ċivili fl-2007 skond studji minn esperti (12)
4.2.1 |
Skond diversi sorsi, wieħed jinnota żieda impressjonanti taċ-ċifra globali ta' l-NGOs. In-numru żdied minn madwar 3 000 fl-2004, skond l-estimi ta' studju tal-KESE, għal aktar minn 7 000 fl-2007 (13), għalkemm l-istudju jippreċiża li 54 % tan-numru totali ma jistgħux ikunu kkuntattjati. Skond dawn il-kalkoli attwalment hemm anqas minn 20 % mill-organizzazzjonijiet irreġistrati li huma attivi. Barra minn hekk, wieħed jinnota żieda sostanzjali fl-NGOs fil-livell lokali u reġjonali, inkluż fir-reġjun tat-Tranżnistrija. |
4.2.2 |
Il-konċentrazzjoni ġeografika ta' l-NGOs madwar il-belt kapitali Chisinau għadha predominanti, għalkemm qiegħda tonqos f'termini relattivi: Matul l-aħħar 4 snin, 67 % ta' l-NGOs irreġistrati ġew installati fil-livell nazzjonali u 82 % fil-livell lokali (14) L-oqsma ta' l-attivitajiet ta' l-NGOs jikkonċernaw il-kategoriji kollha tas-soċjetà Moldovana, iżda l-attivitajiet prijoritarji tagħhom huma spiss iggwidati minn donaturi esterni. |
4.2.3 |
Apparentement minn dejjem kien hemm ftit li xejn relazzjonijiet bejn l-organizzazzjonijiet trejdjunjinistiċi u ta' min iħaddem ma' l-NGOs b'interessi diversi.Dan hu minħabba nuqqas ta' għarfien u nuqqas ta' fiduċja reċiproka.Eċċezzjoni waħda li ħarġet fid-deher fit-Tranżnistrija bl-iffaċċjar ta' relazzjonijiet bejn xi NGOs u grupp ta' negozjanti. |
4.2.4 |
Id-dħul fis-seħħ tal-pjan ta' azzjoni fl-2005 bejn l-UE u l-Moldova nieda sforz ġdid mis-soċjetà ċivili, b'mod partikulari fl-ambitu ta' l-assoċjazzjonijiet, għat-twettiq ta' proġetti multipliċi minkejja n-nuqqas ta' konsultazzjoni fil-preparazzjoni ta' dan il-pjan. |
5. Tibdil fl-istruttura ta' l-imsieħba soċjali
5.1 Preżentazzjoni ta' l-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem
5.1.1 |
Sa mill-1999, il-Kamra tal-Kummerċ u ta' l-Industrija (CCI), li għandha rabta mal-Eurochambres, hija l-aktar rappreżentant importanti ta' l-intrapriżi. Hija tirrappreżenta aktar minn 1 500 intrapriża tas-setturi kollha. Is-CCI tal-Moldova ma għadhiex toħroġ ċertifikati ta' oriġini għall-prodotti kkummerċjalizzati lejn is-CIS filwaqt li l-kontroll ta' l-esportazzjonijiet lejn l-UE issa għaddiet f'idejn id-dwana sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mis-SPĠ (Sistema ta' Preferenzi Ġeneralizzati). Din qiegħda tinbidel prinċipalment f'kamra tal-kummerċ għas-servizz ta' l-intrapriżi. Is-CCI tappoġġa l-esportazzjoni tal-prodotti Moldovani u t-twaqqif ta' intrapriżi konġunti ma' intrapriżi barranin. Hija toffri ħafna servizzi lill-intrapriżi (15). Is-CCI tagħmel parti mir-rappreżentanza uffiċjali fi ħdan l-ILO u għandha ċentru ta' informazzjoni Ewropew. Is-Sur Tarlev, il-Prim Ministru sa mill-2001, qabel kellu kariga mportanti fi ħdan is-CCI tal-Moldova. L-SMEs b'inqas minn 30 impjegat iffurmaw assoċjazzjoni separata b'rabtiet mill-qrib mas-CCI, mil-lat ta' organizzazzjoni u finanzjarju. |
5.1.2 |
Attwalment, teżisti “Konfederazzjoni Nazzjonali ta' Min Iħaddem” li tagħmel parti wkoll mir-rappreżentazzjoni Moldova fil-konferenzi internazzjonali ta' l-ILO u li tirrappreżenta lil min iħaddem fil-laqgħat soċjali msejħa mill-Presidenza Moldova. Fl-2006, il-gvern ippermetta t-tnaqqis fiskali tal-kontribuzzjonijiet ta' min iħaddem lill-organizzazzjonijiet tagħhom billi wieġeb b'mod pożittiv għal ilment imressaq lill-ILO. |
5.1.3 |
L-imsieħba soċjali kkonkludew tliet konvenzjonijiet kollettivi ġodda fil-livell nazzjonali u ħdax-il konvenzjoni kollettivi settorjali u lokali. L-effett veru tagħhom għadu limitat għad-djalogu soċjali billi s-CCI, anki jekk hija rikonoxxuta mill-OIE, għadha qabel kollox kamra tal-kummerċ għas-servizz ta' l-intrapriżi. |
5.2 Żviluppi fis-sitwazzjoni tat-trejdunjins
5.2.1 |
Sa l-2000, il-ħaddiema fil-Moldova kienu rappreżentati mill-Federazzjoni Ġenerali tat-Trejdjunjins tar-Repubblika tal-Moldova, Federazzjoni unitarja mwaqqfa fl-1990 msejsa fuq il-mudell tat-trejdjunjins ta' l-Unjoni Sovjetika. Din l-istruttura ngħatat l-isem ta' Konfederazzjoni fl-2000, biex b'hekk saret il-Konfederazzjoni tat-Trejdjunjins tar-Repubblika tal-Moldova (CSRM). Tensjonijiet interni dehru fi ħdan din l-organizzazzjoni, li rriżultaw f'oppożizzjonijiet bejn l-agrikoltura, l-industrija u s-servizzi, bejn il-popolazzjoni li titkellem bil-Moldovan u dik li titkellem bir-Russu, bejn il-grupp lemini nazzjonali u l-Partit Komunista. Fl-2000, ċertu numru ta' federazzjonijiet professjonali — 14-il federazzjoni industrijali, flimkien ma' dawk tal-kultura u ta' l-amministrazzjoni pubblika — ħallew is-CSRM, u waqqfu konfederazzjoni ġdida, is-CSL SOLIDARITATEA. Wara r-riżenja tad-diriġenti tas-CSRM, l-organizzazzjoni sabet kap ġdid, Petru Chiriac. Minkejja li kien hemm tentattiv ta' medjazzjoni mill-Konfederazzjoni Internazzjonali tat-Trejdjunjins (l-eks CISL) — li s-CSRM kienet membru tagħha mill-1997, sforzi sabiex isseħħ riunifikazzjoni sfaw fix-xejn. Il-kawżi ta' dan kienu diversi: konflitti minħabba nuqqas ta' qbil bejn individwi, konflitti dwar il-qsim tal-patrimonju trejdjunjinistiku u fuq kollox differenzi ta' sensibilitajiet politiċi bejn is-CSRM li hija aktar viċin tal-partijiet li jitkellmu bil-Moldovan, tal-lemin, kristjani-demokratiċi u demokratiċi u Solidaritatea li affirmaw lilhom infushom mill-bidunett li kienu viċin tal-Partit Komunista, iddominat minn dawk li jitkellmu bir-Russu. |
5.2.2 |
Id-diviżjoni trejdjunjinistika kkumplikat ruħha fl-2001, bis-suċċess elettorali tal-Partit Komunista u l-elezzjoni tal-kap tagħhom, Vladimir Voronin, fil-presidenza tar-Repubblika. L-għażla, minn Solidaritatea ta' attitudni ta' kooperazzjoni li timmira li tiġbor progressi soċjali u l-impenn tas-CSRM b'aktar azzjonijiet industrijali u aktar kritika, ħolqu tensjoni bejn l-awtorità u ż-żewġ organizzazzjonijiet trejdjunjinistiċi. Il-gvern, megħjun mill-kuntatti fil-livell tal-Partit Komunista u ta' l-amministrazzjoni, għażel li jipprivileġġa b'mod sistematiku lil Solidaritatea u li jdgħajjef lis-CSRM. |
5.2.3 |
L-indħil ripetut u sistematiku ta' l-awtoritajiet pubbliċi wasslu lis-CSRM, li kienet appoġġata f'dan mill-Konfederazzjoni Internazzjonali tat-Trejdunjins (International Trade Union Confederation l-eks ICFTU), u mill-federazzjonijiet professjonali (IUF u PSI) sabiex tippreżenta f'Jannar 2004 lment minħabba ksur tal-libertà ta' assoċjazzjoni lill-Kumitat tal-Libertà ta' Assoċjazzjoni (Committee on Freedom of Association CFA) ta' l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO). Fir-rapport intermedjarju ta' l-2006, is-CFA talab li jsir stħarriġ indipendenti dwar id-diversi fatti ta' interferenza msemmija minn dawk li ressqu l-ilment; huwa nnota wkoll li l-Moldova ma għandhiex mekkaniżmu li jippermetti li jiġu ssanzjonati b'mod dissważiv id-diversi każijiet ta' ksur tal-liġijiet trejdjunjinistiċi u għalhekk jassigura r-rispett tan-normi internazzjonali f'dan il-qasam. Ġiet organizzata missjoni tal-Bureau ta' l-ILO fl-2005. L-ICFTU ġibdet l-attenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar is-sitwazzjoni fil-pajjiż billi ppreżentat rapport kritiku, fl-2005, fil-qafas tas-SPĠ mogħtija lil dan il-pajjiż. S'issa, ma ttieħdet ebda miżura mill-Gvern tal-Moldova, la sabiex jirregola l-leġislazzjoni u lanqas sabiex jikkonforma mar-rakkomandazzjonijiet tas-CFA. Minkejja d-diversi fatti rreġistrati fl-ilment imressaq quddiem is-CFA, l-awtoritajiet tal-Moldova kkunsidraw li. Bażikament, is-sitwazzjoni hija waħda ta' rivalità bejn żewġ organizzazzjonijiet trejdjunjinistiċi. |
5.2.4 |
Fil-fatti, l-awtoritajiet sejħu b'mod aktar u aktar miftuħ — id-diskors tal-President Voronin fil-kungress ta' Solidaritatea (fl-2005) — għat-twaqqif mill-ġdid ta' trejdjunjin ċentrali unika. Mill-2005-2006, il-bilanċ ta' poter bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet beda jixxaqleb gradwalment (fl-2001, is-CSRM kellha 450 000 membru, Solidaritatea 200 000). Fl-2006 kienet ħaġa ċara li Solidaritatea kienet saret l-akbar organizzazzjoni. F'Ġunju 2007, kungress unifika mill-ġdid iż-żewġ organizzazzjonijiet. Il-Konfederazzjoni Internazzjonali tat-Trejdunjins (ITUC) diġà għarrfithom li ma kinitx lesta tittrasferixxi l-affiljazzjoni tas-CSRM fl-organizzazzjoni l-ġdida riunifikata. Jenħtieġ li l-ewwel turi l-indipendenza tagħha fir-rigward ta' l-awtoritajiet pubbliċi u turi b'mod ċar l-impenn tagħha favur il-prinċipji tal-libertà ta' assoċjazzjoni u tal-libertà tan-negozjar kollettiv. |
6. Ħarsa ġenerali lejn l-assoċjazzjonijiet u l-NGOs
6.1 It-tagħlimiet prinċipali mil-istudju tal-KESE ta' l-2004
6.1.1 |
In-numru ta' l-NGOs irreġistrati fil-livell lokali u nazzjonali fil-Moldova tala' għal madwar 2 800 mill-indipendenza — li seħħet fl-1991 — 'l hawn. Għadd ta' NGOs irreġistrati fir-reġistru ta' l-Istat, notevolment dawk imwaqqfa minn atturi ekonomiċi jew mill-awtoritajiet, kellhom iwettqu missjoni proviżorja fil-bidu tal-perijodu ta' transizzjoni. Minħabba f'hekk, huma ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala atturi indipendenti tas-soċjetà ċivili. Jenħtieġ ukoll jiġu kkunsidrati l-organizzazzjonijiet li mexxew dimostrtazzjonijiet kbar flimkien ma' l-oppożizzjoni kontra l-Gvern Komunista sa mill-2001. Bħal f'pajjiżi oħra li għaddejjin minn perijodu ta' tranżizzjoni, l-attivitajiet ta' l-NGOs jikkonċentraw fuq il-belt kapitali tal-pajjiż, sabiex jippruvaw jeżerċitaw influwenza fuq il-mexxejja attwali. Fil-kuntest politiku, qed tiżdied l-interferenza li qed iġarrbu l-NGOs, notevolment fl-oqsma l-ġodda ta' attivitajiet tagħhom li huma l-politika taż-żgħażagħ, il-protezzjoni tal-konsumaturi u l-ambjent. Fit-Tranżnistrija, l-attivitajiet tagħhom huma mxekkla minħabba kontroll politiku strett. |
6.1.2 |
Xi donaturi ewlenin (Soros, USAID, Eurasia, Hebo, British Peace Building) li huma involuti fl-oqsma ta' l-edukazzjoni, il-kultura u d-drittijiet tal-bniedem. |
6.1.3 |
L-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, li l-bażi ta' reklutaġġ tagħhom qed tonqos minħabba ż-żieda fl-emigrazzjoni, qed jappellaw lill-gvern tagħhom għal politika favur l-Ewropa li ma tkunx biss deklamatorja. Huma jixtiequ li l-UE toffrilhom il-possibbiltà li jipparteċipaw fi programmi ta' skambji. Fl-opinjoni tal-parti l-kbira tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, fil-ġejjieni, il-programmi Komunitarji ta' għajnuna, ma għandhomx jiġu negozjati u eżegwiti mhux biss mal-gvern (bħalma kien il-każ għat-TACIS), iżda wkoll mar-rappreżentanti ta' l-NGOs attivi. |
6.2 L-osservazzjonijiet dwar l-iżvilupp reċenti tan-netwerk assoċjattiv skond l-istudji ta' l-esperti
6.2.1 |
Matul l-aħħar elezzjonijiet fl-2005, madwar 200 NGO iffurmat għall-ewwel darba koalizzjoni magħquda u indipendenti li implimentat kampanja ta' osservazzjoni nazzjonali. Din il-“Koalizzjoni Ċivili 2005” (16) viżibbli u influwenti ħafna fil-mezzi tax-xandir reġgħet dehret fl-elezzjonijiet ta' l-2007 u kkontribwixxiet fiż-żieda tal-kredibilità ta' l-NGOs fost il-popolazzjoni. |
6.2.2 |
Jeżistu tliet kategoriji ta' NGOs fil-Moldova. L-ewwel kategorija tiġbor fiha organizzazzjonijiet kbar mgħammra tajjeb u magħrufin sew, stabbiliti fil-belt kapitali u li jagħmlu parti minn netwerks internazzjonali (17). It-tieni kategorija tiġbor fiha numru kbir ta' NGOs anqas żviluppati u ta' spiss dawn ikunu “one man shows”, b' kapaċità operattiva limitata u fi bżonn ta' finanzjament. It-tielet grupp huwa ffurmat minn ftit NGOs operati mill-gvern, imsejħa “GONGOs”(government-operated NGOs) li, bħal f'pajjiżi oħra huma mwaqqfa u ffinanzjati totalment mill-gvernijiet tagħhom. |
6.2.3 |
Fit-Tranżnistrija, il-grupp tal-GONGOs huwa omnipreżenti peress li r-reġim ta' Smirnow għad għandu bżonn ta' alleati fis-soċjetà ċivili sabiex jappoġġa l-istrateġija tiegħu u jibqa' fil-poter. Studju reċenti li sar minn NGO Ċeka jsemmi wkoll żewġ kategoriji oħra fost id-900 NGO fit-Tranżnistrija, jiġifieri kemm organizzazzjonijiet tradizzjonali bħal movimenti tal-ħaddiema, tan-nisa u taż-żgħażagħ kif ukoll NGOs żgħar miftuħa għall-kuntatti ma' Chisinau, u ma' netwerks internazzjonali (18). Xi wħud jagħżlu li jirreġistraw lilhom infushom ma' l-awtoritajiet Moldovi u b'hekk ikollhom aċċess għall-għajnuna Ewropea. |
6.3 Mekkaniżmi attwali għal konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili u negozjar ma' l-imsieħba soċjali
6.3.1 |
Mill-2005 'l hawn, diversi ministeri tal-gvern bdew, jew saħħew, id-djalogu ma' parti mis-soċjetà ċivili, b'dawn il-modi: laqgħa konsultattiva fix-xahar fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Integrazzjoni Ewropea u konferenza nazzjonali f'April 2006 li fformulat 18-il konklużjoni sabiex tittejjeb il-kollaborazzjoni bejn il-gvern u s-soċjetà ċivili. Simultanjament ministeri oħrajn, notevolment dak tal-Ġustizzja, ta' l-Agrikoltura u dak tal-Finanzi kellhom kuntatti regolari ma' elementi mis-soċjetà ċivili. Hemm diversi proġetti għaddejjin, partikularment mal-UNPD sabiex jiġu ffaċilitati l-proċessi ta' reġistrazzjoni u sabiex tittejjeb is-sitwazzjoni finanzjarja prekarja ta' bosta NGOs. |
6.3.2 |
Il-Parlament tal-Moldova, fuq insistenza ta' Marian Lupu, implimenta mill-2006 kunċett ta' kooperazzjoni bejn il-parlament u s-soċjetà ċivili, b' għanijiet ambiżjużi ħafna, u li jipproponi sensiela ta' mekkaniżmi u ta' forom ta' kooperazzjoni bħalma hija “konsultazzjoni permanenti on-line”, laqgħat ad hoc jew seduti pubbliċi mal-kummissjonijiet parlamentari, u konferenza annwali. |
6.3.3 |
Minn sentejn 'l hawn diversi NGOs għamlu l-almu tagħhom sabiex jipparteċipaw b'mod konkret fl-implimentazzjoni ta' pjan ta' azzjoni ma' l-UE f'diversi oqsma ta' azzjoni, imħeġġin notevolment mll-esperjenzi pożittivi tal-ġirien Rumeni u Ukraini tagħhom. Dan il-proċess kien imħeġġeġ ukoll mill-Parlament Ewropew li adotta rapport f' Mejju 2007. |
6.3.4 |
Fir-rigward tar-relazzjonijiet professjonali, mhix sorpriża li d-djalogu soċjali fil-Moldova huwa proċess li miexi bil-mod ħafna. Kienet teżisti “Kummissjoni Repubblikana għan-Negozjar Kollettiv” li kienet tiffunzjona aktar bħala lok ta' informazzjoni dwar id-deċiżjonijiet meħudin xi mkien ieħor milli bħala spazju veru ta' konsultazzjoni u ta' djalogu. L-imsieħba ma kellhomx kontroll fuq l-aġenda ta' din il-Kummissjoni — għalhekk ma kienx possibbli la li jiġi diskuss l-ilment lanqas is-segwiti għar-rakkomandazzjoni tas-CFA. Il-Kummissjoni ma kellhiex segretarjat u lanqas ma kellha strutturi deċentralizzati reġjonali jew strutturali. Barraminhekk, nirrimarkaw li s-CGSRM kienet żviluppat programmi differenti ta' kooperazzjoni mal-konfederazzjoni tat-Tranżnistrija bl-appoġġ ta' l-eks ICFTU u ta' L-organizzazzjonijiet trejdjunjinistiċi Ewropej. |
6.3.5 |
Fl-2006, ġiet adottata liġi dwar l-organizzazzjoni u t-tħaddim ta' kummissjoni nazzjonali ta' ftehim kollettiv b'sotto-kummissjonijiet settorjali u territorjali. Tnax mit-18-il membru tal-kummissjoni nazzjonali jiġu nnominati mill-imsieħba soċjali. |
Bħala konklużjoni ta' dak li ngħad, għadu kmieni wisq biex jiġi vvalutat kif jiffunzjonaw fir-realtà l-mekkaniżmi reċenti ta' konsultazzjoni u ta' negozjar jew l-effikaċja ta' din il-kooperazzjoni mibdija mill-gvern. Dan jitkejjel maż-żmien abbażi ta' prinċipji u ta' metodi li jkunu ddefiniti b'mod ċar.
Fid-dawl ta' l-iżviluppi attwali fir-relazzjonijiet ta' bejn l-UE u l-Moldova, u meta jitqies il-fatt li dal-forom ġodda ta' djalogu soċjali u ċivili qegħdin fi stadju bikri, il-KESE jawgura li jkun jista' jibni kuntatti mas-soċjetà ċivili tal-Moldova.
Il-Kumitat jirrakkomanda li tinżamm konferenza sa mill-2008 sabiex il-kuntatt inizjali mas-soċjetà ċivili jikkoinċidi mat-tħejjija ta' qafas ġdid bejn l-UE u l-Moldova.
Brussell, it-12 ta' Diċembru 2007.
Il-President
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Dimitris DIMITRIADIS
(1) Ara Appendiċi B.
(2) L-opinjoni tal-KESE dwar Il-proposta għal Regolament tal-Kunsill li tapplika skema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2006 sal-31 ta' Diċembru 2008, rapporteur: is-Sur Pezzini, adottata fid-9 u l-10 ta' Frar 2005 (ĠU C 221, 8.9.2005, p. 15).
(3) Il-lista tinsab fl-Appendiċi.
(4) Il-Kunsill ta' l-Ewropa: Grupp ta' Stati kontra l-Korruzzjoni.
(5) AICESIS (l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali u ta' l-Istituzzjonijiet Simili).
(6) Dawn il-ftehimiet humamistennija li jkunu ratifikati qabel l-aħħar ta' l-2007.
(7) Statistika ta' l-awtoritajiet pubbliċi tal-Moldova.
(8) Statistika ta' l-awtoritajiet pubbliċi tal-Moldova.
(9) Statistika ta' l-awtoritajiet pubbliċi tal-Moldova.
(10) Rapport tal-Kumitat fi ħdan il-Kunsill ta' l-Ewropa dwar Ir-rispett ta' l-obbligi u l-impenji mill-Moldova, Settembru 2007.
(11) (Kunsill ta' l-Ewropa, 14 ta' Settembru 2007) Rispett ta' l-obbligi u l-impenji mill-Moldova.
(12) Studji dwar is-soċjetà ċivili tal-Moldova: L-Unjoni Ewropea u s-Soċjetà Ċivili tal-Moldova — il-konklużjonijiet tal-konferenza ta' l-AETI/ECAS li nżammet f'Ġunju 2006; It-tisħiħ tad-djalogu bejn il-gvern u s-soċjetà ċivili tal-Moldova dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni ta' l-UE u l-Moldova, il-konklużjonijiet tal-konferenza ta' l-Eurasia Foundation, il-Ministru Moldovan ta' l-Affarijiet Barranin u l-US Aid, April 2006; It-tisħiħ tas-settur ta' l-NGOs fiż-żona ta' konflitt tal-Moldova, IMAC, Frar 2007;Studju dwar l-iżviluppta' l-NGOs fil-Moldova għat-tlaqqigħ tad-donaturi, proġett tal-UNDP (United Nations Development Programme), Mejju 2007; Studju dwar l-NGOs li huma attivi fil-qasam soċjali tal-Moldova, proġett ta' l-UE, TRANSTEC, Mejju — Ġunju 2006; Iż-żieda fis-sostenibbiltà finanzjarja ta' l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-Moldova, UNDP & SOROS, 2005. Sondaġġ dwar l-iżvilupp ta' l-NGOs fil-Moldova; Rapport ta' segwirtu tal-Kunsill ta' l-Ewropa, Settembru 2007; Pajjiżi fi transizzjoni 2007: Moldova, CEPS; George Dura u Nio Popescu 2007; Is-sitwazzjoni fit-Tranżnistrija, People in Need, CZ, Novembru 2006.;
(13) Studju tal-UNDP, Mejju 2007.
(14) Studju tal-UNDP, 2007, p. 3.
(15) Nota ta' informazzjoni tas-CCI, Mejju 2007.
(16) Rapport ta' valutazzjoni tal-fondazzjoni Eurasia (Ottubru 2005).
(17) Ara l-eżempji kkwotati fir-rapport NGO Scores for Moldova, 2005, ippubblikat mill-US AID.
(18) Ondrej Soukop, NGO People in need, Praga 2007.