16.5.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 120/29


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Ir-rwol tal-Kunsilli Nazzjonali għall-Iżvilupp Sostenibbli

(2008/C 120/07)

Nhar il-25 u s-26 ta' April 2007, b'konformità ma' l-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda li jħejji Opinjoni fuq proprja dwar

Ir-Rwol tal-Kunsilli Nazzjonali għall-Iżvilupp Sostenibbli.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent (l-Osservatorju għall-Iżvilupp Sostenibbli), inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-27 ta' Novembru 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Haken.

Matul l-440 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-12 u t-13 ta' Diċembru 2007 (seduta tat-12 ta' Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'115-il vot favur u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet

1.1

Il-Kunsilli Nazzjonali għall-Iżvilupp Sostenibbli (KNIS) jistgħu jkunu forza b'saħħitha u influwenti fil-qasam ta' l-iżvilupp sostenibbli, billi jistgħu jipprovdu pariri indipendenti u jħeġġu d-djalogu dwar l-iżvilupp sostenibbli mas-soċjetà ċivili u l-partijiet interessati.

1.2

Wara ħarsa ġenerali lejn il-KNIS fl-UE, jidher ċar li l-qagħda hija waħda eteroġenea ħafna. Filwaqt li wħud mill-Istati Membri m'għandhom l-ebda kunsill jew għandhom biss kunsilli inattivi, il-kunsilli li huma attivi jvarjaw ħafna minn xulxin, kemm fir-rigward tal-kompetenza, il-kompożizzjoni, l-indipendenza u r-riżorsi tagħhom kif ukoll fir-rigward ta' l-impatt ta' ħidmithom.

1.3

Fid-dawl ta' l-esperjenzi pożittivi fl-Istati Membri li għandhom KNIS “b'saħħithom”, il-KESE jsejjaħ lill-Istati Membri kollha sabiex isaħħu l-kunsilli tagħhom jew joħolqu kunsilli operattivi u effettivi fejn dawn għadhom ma jeżistux.

1.4

Il-KESE jirrakkomanda li l-KNIS:

għandhom jinkludu rappreżentanti mis-setturi ewlenin kollha tas-soċjetà kkonċernati,

għandu jkollhom livell għoli biżżejjed ta' indipendenza mill-gvern,

għandhom jaqdu rwol importanti fit-tfassil ta' strateġiji għall-iżvilupp sostenibbli u fil-monitoraġġ ta' l-implimentazzjoni tagħhom,

għandhom ikunu ffinanzjati b'mod suffiċjenti sabiex ikunu jistgħu jipprovdu valur miżjud reali għad-dibattiti u l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet,

għandhom jaqsmu l-esperjenza tagħhom bejniethom, jagħmlu skambju ta' l-aħjar prattika u jżommu djalogu miftuħ fost il-kunsilli, partikularment permezz tat-tisħiħ tan-netwerk tal-Kunsilli Konsultattivi Ewropej għall-Ambjent u l-Iżvilupp Sostenibbli (EEAC).

2.   Sfond

2.1

L-iżvilupp sostenibbli jfisser li jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet tal-ġenerazzjoni attwali mingħajr ma tiġi mhedda l-ħila ta' ġenerazzjonijiet futuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom. Dan huwa wieħed mill-għanijiet globali ta' l-UE li jiggvernaw il-politiki u l-azzjonijiet kollha tagħha u huwa msejjes fuq il-prinċipji tad-demokrazija, l-ugwaljanza tal-ġeneru, is-solidarjetà, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet fundamentali, inklużi l-libertà u opportunitajiet indaqs għal kulħadd.

2.2

Fl-1992, b'segwitu tal-Konferenza ta' Rio tan-Nazzjonijiet Uniti, l-iżvilupp sostenibbli sar qasam ta' politika rikonoxxut fid-dinja kollha. L-idea ta' korpi konsultattivi, bħall-KNIS, nibtet ukoll waqt il-Konferenza ta' Rio. L-Aġenda 21, li hija wkoll riżultat tal-Konferenza ta' Rio, tistqarr li strateġija nazzjonali għall-iżvilupp sostenibbli għandha tiġi żviluppata permezz ta' l-iktar parteċipazzjoni wiesgħa possibbli; u fl-2002, ir-rakkomandazzjonijiet ta' Johannesburg għamlu sejħa wkoll għat-twaqqif ta' kunsilli għall-iżvilupp sostenibbli.

2.3

Fl-UE, l-ewwel strateġija għall-iżvilupp sostenibbli ġiet adottata fl-2001 f'Göteborg. Sabiex tinħoloq strateġija aktar effettiva u bi skop usa', fl-2004, il-Kummissjoni nediet proċess ta' reviżjoni, u f'Ġunju 2006 il-Kunsill adotta l-istrateġija mġedda għall-iżvilupp sostenibbli għall-Ewropa ta' wara t-tkabbir (1). Din l-istrateġija mġedda għandha l-għan li sservi sabiex l-Ewropa twettaq l-impenn fit-tul tagħha li tilħaq l-objettiv ta' żvilupp sostenibbli.

2.4

B'segwitu tar-rakkomandazzjonijiet tal-Konklużjonijiet tan-NU u, sussegwentement, dawk ta' l-UE, fis-snin disgħin bdew jitwaqqfu istituzzjonijiet magħrufa bħala KNIS f'għadd ta' pajjiżi, bil-għan li jassiguraw li l-Aġenda 21 tiġi implimentata b'mod effettiv u li l-prinċipji ta' l-iżvilupp sostenibbli jidħlu fil-prattika. Ċerti gvernijiet waqqfu korpi għall-koordinazzjoni inter-ministerjali (eż. il-Kummissjoni Ungeriża għall-Iżvilupp Sostenibbli, 1993), oħrajn għażlu korpi mħallta bħall-Kummissjoni Nazzjonali Finlandiża għall-Iżvilupp Sostenibbli (1993) filwaqt li gvernijiet oħrajn ħolqu kunsilli magħmulin minn rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, bħall-Kunsill Nazzjonali Belġjan (1993) u r-Round Table tar-Renju Unit għall-Iżvilupp Sostenibbli (1994). Wara dan, pajjiżi oħrajn imxew f'din id-direzzjoni, xi wħud mill-korpi ta' qabel ġew irristrutturati u oħrajn, eventwalment, ma tkomplewx.

2.5

L-istrateġija mġedda ta' l-UE għall-iżvilupp sostenibbli tistqarr li “L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li jsaħħu jew, fejn dawn ikunu għadhom ma jeżistux, li jistabbilixxu kunsilli konsultattivi nazzjonali magħmula minn diversi partijiet interessati dwar l-iżvilupp sostenibbli biex jistimulaw dibattitu infurmat, jassistu fit-tħejjija ta' l-SNŻS u/jew jikkontribwixxu għal reviżjonijiet ta' progress nazzjonali u ta' l-UE. Il-Kunsilli nazzjonali għall-iżvilupp sostenibbli huma maħsuba biex iżidu l-involviment tas-soċjetà ċivili fi kwistjonijiet ta' l-iżvilupp sostenibbli u jikkontribwixxu għal rabta aħjar bejn il-linji politiċi u l-livelli ta' politika differenti, ukoll bl-użu tan-network tagħhom ta' Kunsilli Konsultattivi Ambjentali u għal Żvilupp Sostenibbli Ewropej”.

2.6

Illum il-ġurnata, il-KNIS huma stabbiliti b'mod uffiċjali f'għadd ta' Stati Membri: meta wieħed jikkunsidra l-kuntesti storiċi differenti tagħhom, il-KNIS fid-diversi Stati Membri jieħdu varjetà ta' forom madwar l-UE. Teżisti xi forma ta' kunsill għall-iżvilupp sostenibbli jew għall-politika ambjentali f'24 Stat Membru; minn dawn, tmienja għandhom kunsilli speċifiċi għall-iżvilupp sostenibbli, u sitta oħra għandhom kunsilli ambjentali magħmula minn partijiet interessati jew minn esperti li huma attivi wkoll fil-qasam ta' l-iżvilupp sostenibbli. Pajjiżi oħrajn għandhom korpi tal-gvern għall-koordinazzjoni li jissejħu kunsilli, ftit minnhom bl-involviment tas-soċjetà ċivili. Xi wħud minn dawn il-korpi huma inattivi. F'bosta pajjiżi fejn ir-reġjuni għandhom poteri sinifikanti, twaqqfu kunsilli reġjonali b'żieda mal-kunsilli nazzjonali. It-tkabbir b'rata mgħaġġla tal-KNIS juri li għandhom potenzjal u li jistgħu jipprovdu valur miżjud lill-proċessi tat-tfassil ta' politiki u lid-dibattitu fis-soċjetà f'kuntest usa'.

2.7

Din l-opinjoni għandha l-għan li tanalizza l-KNIS, il-kompetenza, il-kompożizzjoni, ir-riżorsi u l-metodi ta' tħaddim tagħhom, u fuq kollox il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fihom. Sa ċertu punt, l-opinjoni għandha l-għan ukoll li tħares lejn l-effikaċja tal-KNIS, minkejja li analiżi bħal din dejjem għandha tendenza li tkun soġġettiva. Din l-analiżi hija bbażata b'mod partikulari fuq ir-riċerka mwettqa min-netwerk EEAC (2), ir-riżultati ta' kwestjonarju mibgħut mill-KESE lil bosta punti fokali nazzjonali u KNIS, u lil għadd ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Barra minn dan, saru għadd ta' intervisti mal-KNIS u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili.

3.   Ħarsa ġenerali lill-Kunsilli Nazzjonali għall-Iżvilupp Sostenibbli

3.1

Il-ħarsa ġenerali li ġejja tal-Kunsilli Nazzjonali għall-Iżvilupp Sostenibbli turi qagħda eteroġenea ħafna:

Il-kompetenza tal-kunsilli

3.2

Jistgħu jiġu identifikati erba' kompiti prinċipali tal-KNIS:

L-għoti ta' pariri lill-korpi tal-gvern (billi jassistu fl-iżvilupp ta' istrateġiji għall-iżvilupp sostenibbli u billi joħorġu rapporti dwar politiki speċifiċi),

Il-monitoraġġ tal-progress fl-implimentazzjoni ta' l-istrateġiji għall-iżvilupp sostenibbli jew fl-ilħiq ta' miri speċifiċi u l-ġbid ta' l-attenzjoni għan-nuqqasijiet,

It-tħeġġiġ ta' djalogu u konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili (billi jinvolvu f'ħidmithom lir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili bħala membri tal-kunsill fil-ħidma tal-kunsilli, u billi jrawmu d-djalogu bejniethom u mal-gvern),

Il-komunikazzjoni dwar l-iżvilupp sostenibbli (billi jorganizzaw avvenimenti pubbliċi u jippubblikaw informazzjoni dwar l-iżvilupp sostenibbli fuq l-internet, fil-mezzi tax-xandir, eċċ.).

3.2.1

Dawn l-erba' kompiti m'humiex qegħdin jitwettqu mill-kunsilli fl-Istati Membri kollha. F'xi uħud minn dawn, l-ambitu tagħhom huwa ħafna iktar ristrett u f'oħrajn, minkejja li dawn il-kompiti jkunu ġew assenjati lilhom, m'humiex qegħdin jitwettqu jew qegħdin jitwettqu biss parzjalment. Dan jidher ukoll fil-fatt li ċerti kunsilli rari li jiltaqgħu (darbtejn jew tliet darbiet fis-sena). Oħrajn jiltaqgħu ħafna iktar ta' spiss u għandhom gruppi addizzjonali ta' ħidma (jidher li huwa partikularment effiċjenti li jitwaqqfu gruppi ta' ħidma li jaħdmu fuq proġett reali, iktar milli gruppi fissi li jiffokaw fuq suġġett wieħed). F'ċerti Stati Membri, il-kunsilli għandhom il-possibbilità li jagħtu l-kontribut tagħhom fi stadju bikri lill-istrateġija nazzjonali għall-iżvilupp sostenibbli, filwaqt li fi Stati Membri oħrajn, il-kontribut tagħhom jintalab tard ħafna, meta jintalab. L-għadd ta' rapporti li jinħarġu jvarja minn żero għal għaxra fis-sena. Il-kunsilli li huma stabbiliti sew ikollhom kuntatt regolari mal-partijiet interessati u jorganizzaw avvenimenti pubbliċi jew laqgħat ta' l-esperti fuq bażi regolari.

Id-daqs u l-kompożizzjoni tal-Kunsilli

3.3

Il-KNIS ivarjaw fid-daqs u l-kompożizzjoni; l-għadd ta' membri jvarja minn 15, bħal fil-Ġermanja, sa 78, 81 u 90 bħal fil-Belġju, il-Finlandja u Franza, rispettivament. Il-biċċa l-kbira tal-kunsilli jħaddnu rappreżentanti mis-soċjetà ċivili (il-kummerċ, it-trade unions, l-NGOs u l-istituti ta' riċerka). Oħrajn jinkludu wkoll rappreżentanti minn diversi dipartimenti tal-gvern. F'ċerti każijiet, il-korp tal-gvern għall-koordinazzjoni jissejjaħ 'Kunsill' u jista' jinkludi numru żgħir ta' partijiet interessati. Il-gvernijiet reġjonali u lokali ta' spiss ikunu rappreżentati wkoll. Uħud mir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili lissnu d-dispjaċir tagħhom dwar il-parteċipazzjoni insuffiċjenti tas-soċjetà ċivili fil-kunsill nazzjonali tagħhom u fil-proċessi ta' l-iżvilupp sostenibbli b'mod ġenerali.

Il-livell ta' indipendenza

3.4

Billi jiġu stabbiliti u ffinanzjati mill-gvernijiet, il-kunsilli jiddependu minnhom xi ftit jew wisq. Sabiex ikollhom ir-rispett kemm tal-korpi tal-gvern kif ukoll ta' l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-kunsilli jridu jiksbu livell xieraq ta' indipendenza, u huwa diffiċli li jintlaħaq dan il-bilanċ. Il-proċess ta' l-għażla jvarja iżda ġeneralment, il-gvern jaħtar il-membri tal-kunsill, tipikament fuq il-bażi ta' nominazzjonijiet mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li huma rappreżentati fil-kunsill. Fattur ieħor jikkonċerna l-impjegati tal-kunsill; f'bosta pajjiżi, il-persunal jiġi minn korpi tal-gvern u dan jista' jxekkel l-indipendenza tal-kunsill. Barraminhekk, ċerti kunsilli huma preseduti minn membru tal-gvern.

Riżorsi

3.5

Il-kunsilli għandhom riżorsi inugwali ħafna, fir-rigward kemm tar-riżorsi umani tagħhom kif ukoll tal-baġit disponibbli. Ċerti pajjiżi, fejn is-segretarjat huwa bbażat f'ministeru, għandhom biss amministratur wieħed li, barraminhekk, kultant lanqas jaħdem għall-kunsill fuq bażi ta' full time. In-numru globali tal-persunal ivarja minn inqas minn 1 sa 20. L-ikbar kunsill huwa dak tar-Renju Unit b'58 impjegat. Mhux il-kunsilli kollha għandhom baġit għalihom. Il-baġits ivarjaw minn inqas minn EUR 0,1 miljun sa bejn wieħed u ieħor EUR 1 miljun, bl-eċċezzjoni tal-kunsill tar-Renju Unit li għandu baġit disponibbli ta' EUR 5,5 miljuni.

Impatt

3.6

L-evalwazzjoni ta' l-impatt tal-ħidma tal-kunsilli m'hijiex faċli, iżda jistgħu jinġabru xi konklużjonijiet mill-informazzjoni li rċevejna. Per eżempju, f'bosta pajjiżi fejn il-kunsill għandu mandat qawwi, jidher li għadd kbir tar-rakkomandazzjonijiet li tressqu mill-kunsilli ġew inkorporati fil-politiki tal-gvern, speċjalment fir-rigward ta' l-istrateġija nazzjonali għall-iżvilupp sostenibbli. Ċerti kunsilli, b'mod ċar, għandhom aċċess tajjeb għall-ministeri u d-dipartimenti tal-gvern u jiġu kkonsultati regolarment dwar it-tfassil tal-politiki. Oħrajn jinżammu 'l bogħod. Jista' jingħad ukoll li ċerti kunsilli rnexxielhom ikollhom kuntatt ma' għadd kbir ta' partijiet interessati u ma' pubbliku iktar wiesa' billi rnexxielhom jattiraw ħafna parteċipanti għall-avvenimenti tagħhom, li b'hekk assiguraw involviment qawwi tas-soċjetà ċivili fil-proċessi ta' l-iżvilupp sostenibbli.

Evalwazzjoni

3.7

Il-KNIS jistgħu jkunu forza b'saħħitha u influwenti għall-iżvilupp sostenibbli. Dawn jistgħu jipprovdu pariri indipendenti u għarfien ta' firxa kbira; jinsabu f'pożizzjoni li jrawmu d-djalogu mas-soċjetà ċivili u mal-partijiet interessati; jistgħu jaqdu rwol importanti fil-monitoraġġ tal-progress lejn għanijiet ta' sostenibilità iktar fit-tul, u jaqdu funzjoni ta' stimolu meta jonqos il-progress.

3.8

Filwaqt li xi Stati Membri m'għandhom l-ebda kunsill jew għandhom biss kunsilli inattivi, dawk li huma attivi jvarjaw ħafna minn xulxin fir-rigward tal-kompetenza, il-kompożizzjoni, l-indipendenza u r-riżorsi tagħhom kif ukoll fir-rigward ta' l-impatt ta' ħidmithom. Dan huwa r-riżultat ta' fatturi diversi: id-daqs u l-organizzazzjoni politika tal-pajjiż, ir-rwol li jingħata mill-Gvern lill-politiki għall-iżvilupp sostenibbli, it-tradizzjoni ta' parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, l-eżistenza ta' korpi oħrajn li jkopru parzjalment il-kompetenza ta' kunsill, ir-rieda tal-gvern li jaċċetta pariri minn korp ieħor, eċċ.

3.9

Il-potenzjal sħiħ tal-KNIS m'huwiex qiegħed jiġi sfruttat fl-Istati Membri kollha. F'xi wħud minnhom, il-kunsilli jitwaqqfu iktar bħala speċi ta' “vetrina” milli bħala sforz għal kontribut siewi mis-soċjetà ċivili. Madankollu, hemm għadd ta' pajjiżi b'kunsilli stabbiliti sew li jaqdu r-rwol tagħhom u għandhom impatt ġenwin.

3.10

Il-biċċa l-kbira tal-kunsilli ma jidhrux li għandhom riżorsi biżżejjed sabiex jaqdu l-kompiti assenjati lilhom. Il-ġbir ta' l-evidenza, l-analiżi tal-politiki u l-impatti tagħhom, l-organizzazzjoni ta' laqgħat tal-kunsilli u l-proċessi għall-parteċipazzjoni tal-pubbliku, it-tfassil ta' rapporti b'argumenti sodi u ta' awtorità u l-promozzjoni attiva tagħhom mal-gvern u oħrajn kollha huma kompiti li jeħtieġu ammont sinifikanti ta' ħaddiema u fondi.

3.11

F'xi Stati Membri, il-gvern jidher li għandu rwol b'saħħtu ħafna, per eżempju fir-rigward tal-ħatra tal-membri tal-kunsill, in-numru ta' rappreżentanti tal-gvern fuq il-kunsill u l-persunal li jaħdem għall-kunsill. F'każijiet bħal dawn, hemm ċertu riskju li l-fehma tal-Gvern tiddomina l-ħidma tal-kunsill, u li b'hekk titnaqqas il-probabbilità li l-kunsill ikun jista' jaqdi rwol sinifikanti sabiex jgħin lill-gvernijiet imorru lilhinn mill-kunsiderazzjonijiet politiċi fuq perijodu qasir u jersqu lejn għanijiet ta' sostenibilità aktar fit-tul.

3.12

Il-KNIS kellhom taħlita ta' esperjenzi fil-promozzjoni tal-parteċipazzjoni mas-soċjetà ċivili fil-kwistjonijiet ta' l-iżvilupp sostenibbli. Il-Kunsilli madwar l-Ewropa jista' jkollhom ħafna x'jitgħallmu minn xulxin dwar l-iżvilupp tal-prattika tajba f'dan ir-rigward.

3.13

Għal ħafna kwistjonijiet ta' żvilupp sostenibbli, il-kompetenzi huma maqsumin bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri. Iżda l-biċċa l-kbira tal-kunsilli għandhom kapaċità limitata li jiffokaw fuq l-aspetti Ewropej jew li jeżerċitaw influwenza fi Brussell. Huma indirizzaw din il-kwistjoni parzjalment billi ħolqu l-EEAC, netwerk li qiegħed iservi ta' vuċi dejjem iktar sinifikanti għal l-iżvilupp sostenibbli fl-Ewropa.

4.   Rakkomandazzjonijiet

4.1

Fid-dawl ta' l-esperjenzi pożittivi fl-Istati Membri bi KNIS “b'saħħithom”, il-KESE jsejjaħ lill-Istati Membri kollha sabiex isaħħu l-kunsilli tagħhom jew joħolqu kunsilli b'saħħithom fejn dawn għadhom ma jeżistux.

4.2

Il-kompożizzjoni, il-mandat u l-funzjonijiet tal-KNIS ser ivarjaw minn pajjiż għal ieħor skond iċ-ċirkostanzi lokali u l-istrutturi politiċi. Il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri jagħtu attenzjoni kbira lir-rakkomandazzjonijiet ġenerali li ġejjin dwar l-aspetti ewlenin tal-kunsilli.

4.2.1

Sħubija: Il-KNIS ikollhom iktar awtorità u kredibilità jekk jinkludu rappreżentanti mis-setturi kollha ewlenin tas-soċjetà li għandhom x'jaqsmu ma' kwistjonijiet ta' l-iżvilupp sostenibbli. Iktar ma tkun wiesgħa l-bażi ta' rappreżentazzjoni, iktar ma togħla l-probabbilità li jinstabu soluzzjonijiet li jintlaqgħu minn pubbliku wiesa'.

4.2.2

Mandat u viżjoni: Sabiex tinkiseb is-sostenibilità, jeħtieġ li l-persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet jiżviluppaw viżjoni fuq perijodu fit-tul u li jqisu l-bżonnijiet tal-ġenerazzjonijiet futuri u tad-dinja kollha kemm hi kif ukoll kunsiderazzjonijiet politiċi fuq perijodu qasir u ta' tul medju. Il-KNIS jistgħu jaqdu rwol importanti fl-artikulazzjoni ta' dik il-viżjoni fuq perijodu fit-tul. Sabiex jaqdu dan ir-rwol b'mod effettiv għandhom bżonn membri b'viżjoni, awtorità u rispett fis-soċjetà, kapaċi li jieħdu fehma indipendenti u li jisfidaw politiki u prattiki eżistenti.

4.2.3

Indipendenza: Il-KNIS ikunu jistgħu jeżerċitaw influwenza iktar qawwija fid-direzzjoni ta' iktar żvilupp sostenibbli jekk ikollhom biżżejjed indipendenza mill-gvern, u kienu kapaċi jittrattaw kwistjonijiet politiċi diffiċli meta jkun hemm ċertu livell ta' kunflitt bejn l-objettivi politiċi fuq perijodu qasir u l-ħtiġijiet tas-sostenibilità fuq perijodu iktar fit-tul.

4.2.4

Skop: Il-KNIS, sa minn stadju bikri, għandhom jaqdu rwol importanti fl-iżvilupp ta' l-istrateġiji għall-iżvilupp sostenibbli (u strateġiji relatati) u fil-monitoraġġ ta' l-implimentazzjoni tagħhom. Dan jinkludi medda wiesgħa ta' kwistjonijiet ta' sostenibilità, per eżempju l-bidla fil-klima, il-politiki ta' l-enerġija u t-trasport, il-bijodiversità, il-kwistjonijiet rurali u agrikoli, u l-ġestjoni globali ta' l-ekonomija b'mod sostenibbli. Il-KNIS għandhom tendenza li jkunu l-iktar produttivi kemm-il darba jkunu jistgħu jwieġbu għat-talbiet tal-gvern li jistudjaw kwistjonijiet partikulari kif ukoll jittrattaw minn jeddhom oqsma oħra li jaħsbu li huma importanti.

4.2.5

Aċċess għall-informazzjoni: Sabiex jaħdmu sew, il-KNIS jeħtieġu l-kapaċità li jiġbru l-evidenza mir-riżorsi kollha rilevanti u b'mod partikulari li jkollhom aċċess tajjeb għall-informazzjoni tal-gvern u l-pjanijiet tal-gvern.

4.2.6

Il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-kwistjonijiet ta' l-iżvilupp sostenibbli: Wieħed mir-rwoli importanti ta' KNIS huwa li jżidu l-għarfien tal-pubbliku. Dawn jista' jkollhom rwol prezzjuż billi jgħinu lill-awtoritajiet rilevanti sabiex jinkorporaw il-perspettiva ta' l-iżvilupp sostenibbli fl-edukazzjoni formali u informali. Jistgħu jippromovu fehim usa' ta' dawn il-kwistjonijiet fil-mezzi tax-xandir. Il-pubblikazzjoni ta' rapporti annwali dwar “l-istat tas-sostenibilità” mill-KNIS tista' tiġbed aktar attenzjoni għal dan is-suġġett u trawwem dibattitu pubbliku.

4.2.7

Riżorsi: Il-KESE jsejjaħ lill-Istati Membri sabiex jassiguraw biżżejjed fondi għall-KNIS ħalli jkunu jistgħu jaqdu dmirijiethom u jipprovdu valur miżjud ġenwin għad-dibattiti u l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar il-kwistjonijiet tas-sostenibilità.

4.2.8

Impenn Ewropew: Il-Kumitat iħeġġeġ lill-KNIS sabiex jaqsmu l-esperjenza tagħhom bejniethom, jagħmlu skambju ta' l-aħjar prattika u jżommu djalogu miftuħ fost il-kunsilli, partikularment permezz tat-tisħiħ tan-netwerk EEAC. Dan joħloq vuċi Ewropea b'saħħitha għall-iżvilupp sostenibbli.

4.3

Il-KESE jirrakkomanda wkoll li l-KNIS ifittxu jiżviluppaw il-ħila tagħhom għall-impenn individwali u kollettiva ma' l-Istituzzjonijiet Ewropej dwar l-aspetti Ewropej tal-politika ta' l-iżvilupp sostenibbli mill-perspettiva tas-soċjetà ċivili. Il-KESE (u speċifikament l-Osservatorju għall-Iżvilupp Sostenibbli) jista' jaqdi rwol utli hawnhekk fl-iffaċilitar ta' impenn iktar b'saħħtu mill-KNIS fil-kwistjonijiet Ewoprej tas-sostenibilità. Il-KESE jista' jfittex li jkollu djalogu regolari ma' l-EEAC u l-membri tiegħu dwar il-kwistjonijiet li jqumu. Jista' jfittex li jappoġġja l-istudji komparattivi madwar l-UE dwar kwistjonijiet bħal dawn, u li jiffokaw b'mod partikulari fuq il-kontribut u r-rwol tas-soċjetà ċivili. Jista' jfittex ukoll li jenfasizza u jxerred eżempji ta' l-aħjar prattika.

4.4

Il-KESE jenfasizza li l-parteċipazzjoni ta' pubbliku wiesa' fil-kwistjonijiet ta' żvilupp sostenibbli, minbarra l-attivitajiet tal-kunsilli nazzjonali, hija essenzjali wkoll. Għaldaqstant, isejjaħ lill-gvernijiet fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex jinkludu lir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili fid-deċiżjonijiet kollha ta' politika b'aspett sinifikanti ta' sostenibilità. Ma jeżistu l-ebda linji gwida li jwaqqfu l-istandards minimi għall-prattika tajba ta' sforzi għall-involviment tal-pubbliku. Sabiex jappoġġja l-proċess ta' parteċipazzjoni, il-KESE jirrakkomanda t-twettiq ta' analiżi komparattivi (benchmarking) regolari jew li jiġu ppremjati l-aħjar prattiki. Il-KNIS għandhom ukoll jassiguraw li jaħdmu mill-qrib ma' organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet oħrajn li jittrattaw l-iżvilupp sostenibbli fl-Istat Membru tagħhom, fosthom il-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali, fejn dawn jeżistu.

4.5

Bħala konklużjoni, il-KESE josserva li l-ħidma tal-KNIS tista' tagħti frott biss jekk il-gvernijiet ikunu lesti jisimgħu u jaċċettaw il-parir tagħhom u jekk jieħdu miżuri konkreti sabiex imexxu l-politiki nazzjonali lejn approċċ iktar sostenibbli, fosthom l-allokazzjoni ta' finanzjar adegwat.

Brussell, it-12 ta' Diċembru 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  L-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli ta' l-UE, Konklużjonijiet tal-Kunsill, is-26 ta' Ġunju 2006.

(2)  Ara l-lista ta' sorsi fi tmiem id-dokument.