16.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 44/74


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-kreditu u l-esklużjoni soċjali f'soċjetà għanja”

(2008/C 44/19)

Nhar is-16 ta' Frar 2007, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew idddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizijattiva proprja dwar Il-kreditu u l-esklużjoni soċjali f'soċjetà għanja.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-2 ta' Ottubru 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Pegado Liz.

Matul l-493 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-24 u l-25 ta' Ottubru 2007 (seduta tal-25 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'59 vot favur, l-ebda vot kontra u astensjoni waħda.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Fin-nuqqas ta' kwalunkwe gwida mill-Komunità f'dan il-qasam, l-Istati Membri varji żviluppaw sistemi legali nazzjonali tagħhom stess sabiex individwi u familji ma jitħallewx li jispiċċaw fi stat ta' dejn eċċessiv, sabiex jiġu trattati dawk il-każi, u sabiex jirċievu l-għajnuna ħalli joħorġu minn dik is-sitwazzjoni u sabiex ikollhom l-appoġġ meħtieġ.

1.2

Fid-dawl taż-żieda kontinwa u preokkuppanti ta' dan il-fenomenu f'dawn l-aħħar għexieren ta' snin u meta wieħed iqis b'mod partikolari t-tkabbir ta' l-Unjoni Ewropea u d-deterjorazzjoni riċenti tas-sitwazzjoni fil-kuntest globali, il-KESE — li għal xi żmien ilu jsegwi mill-qrib l-iżviluppi f'dan il-qasam, kif ukoll il-konsegwenzi soċjali tad-dejn eċċessiv, fil-kuntest ta' l-esklużjoni, il-ġustizzja soċjali u l-ostakoli għall-kompletar tas-suq intern — iddeċieda li jiftaħ mill-ġdid id-dibattitu pubbliku dwar din il-kwistjoni mas-soċjetà ċivili u l-istituzzjonijiet Komunitarji l-oħra. L-intenzjoni tal-Kumitat hija li jidentifika u jimplimenta l-miżuri Komunitarji mmirati lejn id-definizzjoni u l-monitoraġġ preċiż u t-trattar tal-problema, fl-aspetti differenti kollha tagħha — soċjali, ekonomiċi u legali.

1.3

Id-diversità tas-sistemi stabiliti fil-pajjiżi li żviluppawhom, mhux biss fl-Ewropa iżda wkoll fil-bqija tad-dinja, flimkien mal-fatt li xi pajjiżi ma għandhomx sistemi simili, qiegħda tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta' nuqqas ta' ugwaljanza fl-opportunitajiet, u qiegħda toħloq fuq naħa waħda l-inġustizzja soċjali u min-naħa l-oħra distorsjoni fil-kompletar tas-suq intern; dan kollu jirrikjedi azzjoni urġenti u proporzjonata mill-Unjoni Ewropea li għaliha teżisti l-bażi legali meħtieġa fil-liġi primarja.

1.4

Din l-opinjoni tirrevedi l-kwistjonijiet ewlenin li joħorġu minn dan il-fenomenu ta' dejn eċċessiv, tiżen is-soluzzjonijiet li tressqu fuq livell nazzjonali, tiddeskrivi d-diffikultajiet u l-iżbalji li nstabu, tevalwa l-iskala globali tal-problema u tirrifletti fuq il-lakuni fl-għarfien u l-metodi użati. L-opinjoni tipprova wkoll tidentifika approċċi u ssib oqsma għal azzjoni possibbli fuq livell Komunitarju.

1.5

L-opinjoni tasal sabiex tissuġġerixxi li jitwaqqaf Osservatorju Ewropew għad-Dejn sabiex jissorvelja l-iżviluppi f'dan il-fenomenu fuq livell Ewropew, u jkun jista' jiffunzjona bħala forum ta' djalogu għall-partijiet interessati kollha, u jipproponi u jikkoordina miżuri għall-prevenzjoni u l-kontroll ta' din il-problema, u mbagħad jevalwa l-impatt ta' dawn il-miżuri.

1.6

Il-Kumitat huwa konxju, madankollu, li passi ta' koordinazzjoni ta' dan it-tip u ta' din il-firxa jistgħu jsiru biss jekk il-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill — fi djalogu mill-qrib mas-soċjetà ċivili organizzata, li tirrappreżenta l-biċċa l-kbira tan-nies involuti fil-kwistjoni (familji, ħaddiema, konsumaturi, istituzzjonijiet finanzjarji, eċċ.) — jiddeċiedu li jagħmlu din il-kwistjoni prijorità għall-azzjoni.

1.7

Għaldaqstant, indikazzjonijiet riċenti dwar il-mod kif taħsibha l-Kummissjoni dwar din il-kwistjoni għandhom jiġu milqugħa u huwa rakkomandat bil-qawwa li s-segwitu meħtieġ jingħata f'termini ta' riċerka bażika, konsultazzjonijiet u proposti leġiżlattivi u kwalunkwe proposti rilevanti oħra, qabel kollox bil-pubblikazzjoni ta' Green Paper li jiddefinixxi u jidentifika d-dettalji tal-kwistjoni u jagħti leħen lill-partijiet kollha kkonċernati, permezz ta' konsultazzjoni pubblika estensiva.

1.8

Barra minn hekk, il-KESE jsejjaħ lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sabiex jiffaċċjaw il-problemi ewlenin li din l-opinjoni tipprova tindirizza f'isem is-soċjetà ċivili u sabiex isiru prijorità fl-aġendi politiċi rispettivi tagħhom.

2.   Daħla

2.1

M'hemmx dubju li l-kreditu ppermetta lin-nies fl-Ewropea biex itejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom u l-aċċess li għandhom għal prodotti u servizzi essenzjali li kieku kienu jsibu diffiċli biex jakkwistaw jew ikunu jifilħu għalihom biss wara żmien twil, bħad-djar tagħhom jew il-mezz ta' trasport. Madankollu, jekk il-kundizzjonijiet li taħthom qiegħed jingħata l-kreditu ma jkunux sostenibbli — jekk jinqalgħu problemi serji ta' mpjieg, jekk il-piż kull xahar tad-dejn jeċċedi proporzjon raġonevoli tad-dħul fix-xahar, jekk isir wisq self jew jekk ma jkunx hemm flus imfaddla li jistgħu jservu ta' għajnuna fiż-żminijiet meta ma jkunx hemm dħul — il-kreditu jista' jwassal għal sitwazzjonijiet ta' dejn eċċessiv.

2.2

Fil-fatt, il-problema tad-dejn eċċessiv u l-konsegwenzi soċjali tiegħu m'hijiex waħda ġdida. Saħansitra wieħed jista' jsib traċċi ta' l-oriġini tagħha fil-perijodu ta' l-Antikità Klassika, speċifikament il-kriżi agrarja li batiet minnha l-Greċja fis-VI seklu QK u l-miżuri ta' Solon (594/593 QK) sabiex l-ewwel jikkanċella d-dejn kollu tas-sidien żgħar tal-biedja li kienu spiċċaw skjavi u mibjugħa, u mbagħad jeħlishom u jintegrahom mill-ġdid fis-soċjetà ta' Ateni u l-ħajja produttiva ta' ċittadini ħielsa (1).

2.3

Madankollu, m'hemmx dubju li f'daż-żmienijiet dan il-fenomenu qed jinfirex iktar u qed jassumi proporzjonijiet inkwetanti In-nies qed isiru aktar konxji li din hija problema soċjali f'soċjetà kkaratterizzata minn kuntrasti kbar, fejn id-diskrepanzi qiegħdin ikomplu jikbru u s-solidarjetà m'għadhiex daqshekk evidenti.

2.4

Huwa fuq dan l-isfond li għandha titqies il-kwistjoni ta' l-esklużjoni bankarja, li jimmarka l-marġinalizzazzjoni ta' dawk li għal raġunijiet varji, jitwaqqfu milli jkollhom aċċess għal servizzi finanzjarji bażiċi (2).

2.5

Din l-opinjoni għandha l-għan li tixħet dawl fuq il-kawżi ewlenin ta' din il-problema, kemm hi kbira, ir-rimedji li l-iktar li jiġu amministrati u r-raġunijiet għalfejn għandha tinsab soluzzjoni fil-livell Komunitarju.

3.   L-iskala tal-problema

3.1   L-esklużjoni soċjali u l-esklużjoni bankarja

3.1.1

Skond il-Eurobarometer Report ta' Frar 2007 (3) madwar 25 % ta' l-Ewropej iħossu li huma fil-periklu li jispiċċaw fqar u 62 % jaħsbu li din hija xi ħaġa li tista' tiġri lil kulħadd, fi kwalunkwe żmien fil-ħajja.

3.1.2

Id-data fir-Rapport Konġunt tal-Kummissjoni Ewropea ta' l-2007 dwar il-Protezzjoni Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali jindika li fl-2004, 16 % taċ-ċittadini ta' l-UE15 kienu qed jgħixu taħt il-linja tal-povertà, li tikkorrispondi għal 60 % tad-dħul medju ta' kull pajjiż (4).

3.1.3

F'termini kwalitattivi, il-faqar jikkorrispondi għal nuqqas jew inadegwatezza ta' riżorsi materjali sabiex individwu jkun jista' jlaħħaq mal-bżonnijiet essenzjali tiegħu; dan huwa l-aspett l-iktar viżibbli ta' l-esklużjoni soċjali, li jimbotta 'l individwu lejn il-marġini tas-soċjetà, u b'hekk tinħoloq sensazzjoni ta' rifjut u ta' awto esklużjoni.

3.1.4

L-iskala u t-tip ta' esklużjoni soċjali jiddipendu, f'kull pajjiż, minn numru ta' varjabbli bħas-sistema tas-sigurtà soċjali, il-mod kif jopera s-suq tax-xogħol, is-sistema tal-ġustizzja u n-netwerks ta' solidarjetà informali. L-immigranti, il-minoritajiet etniċi, l-anzjani, it-tfal ta' taħt il-15-il sena, persuni bi dħul baxx u bi ftit kwalifiki mill-iskola, persuni b'diżabilitajiet u dawk qiegħda huma l-iktar vulnerabbli għall-faqar u l-esklużjoni soċjali.

3.1.5

F'ħafna pajjiżi Ewropej, it-tendenzi fl-imġiba tal-konsumaturi jindikaw tnaqqis relattiv fl-infiq fuq prodotti ta' l-ikel, xorb, tabakk, ħwejjeġ u żraben, u żjieda relattiva fl-infiq fuq l-akkomodazzjoni, it-trasport u l-komunikazzjoni, is-servizzi tas-saħħa, il-kultura u prodotti u servizzi oħra bħall-kura tas-saħħa, it-turiżmu u s-servizzi tal-lukandi u tal-catering (5).

3.1.5.1

Din id-distribuzzjoni ġdida fl-infiq fid-djar għandha t-tendenza li tkun riflessa fl-użu tal-kreditu. Fis-sens wiesa' tal-kelma l-kreditu tal-konsumatur, li jinkludi x-xiri kemm ta' prodotti tal-konsumatur kif ukoll l-akkomodazzjoni, daż-żmien huwa marbut mill-qrib ma' xejriet ġodda ta' konsum u jsegwi mill-qrib l-iżviluppi, negattivi u pożittivi, ta' dawn ix-xejriet. B'hekk, iż-żjieda fis-sehem ta' l-infiq fuq servizzi domestiċi, it-trasport u l-ivvjaġġar (6) ta' spiss tinvolvi ħlas bil-kreditu.

3.1.5.2

Fattur ieħor li jinkoraġġixxi ż-żjieda fil-kreditu tal-konsumatur huwa l-fatt li a) m'għadux affettwat minn konnotazzjonijiet negattivi ta' faqar u ħtija fir-rigward tal-mod kif in-nies jgħixu ħajjithom u jimmaniġġjaw in-negozju tagħhom, l-aktar fil-pajjiżi fejn il-maġġoranza tal-popolazzjoni hija kattolika, meta mqabbla ma' popolazzjoni protestanta, u b) sar komuni ħafna, b'mod speċjali fil-bliet il-kbar. Reklamar insistenti u sistematiku minn organizzazzjonijiet finanzjarji li jridu jiġbdu klijenti ġodda qiegħed jinkoraġġixxi aktar nies biex jisselfu. Barra minn hekk, il-kreditu tal-konsumatur jagħti status lill-persuna u li jkun iktar faċli għaliha li taħbi l-oriġini soċjali tagħha, u b'hekk tkun tista' tadotta stil ta' ħajja li hu karatteristiku ta' klassi soċjali ogħla minn tagħha. Għal ħafna familji, il-kreditu huwa mezz komuni kif wieħed jimmaniġġja l-baġit tal-familja (b'mod speċjali bl-użu ta' karti ta' kreditu), fejn ir-riskji huma magħrufa; madankollu, m'hemmx għarfien biżżejjed dwar dawn ir-riskji jew dwar is-soluzzjonijiet effettivi għall-problema, u anke l-iskalatar-riskji għadu ma ġiex ikkwantifikat b'mod xieraq.

3.1.6

Dawn il-fatturi soċjali u kulturali determinanti huma sostnuti wkoll b'dawk ekonomiċi u soċjali bħat-tnaqqis qawwi fir-rati ta' l-interessi f'dawn l-aħħar għaxar snin, il-fatt li n-nies huma inqas imħajrin ifaddlu u r-rati kontinwament baxxi ta' qgħad, flimkien mat-tkabbir ekonomiku (minkejja l-krizi fi tmiem id-disgħinijiet li fuq kollox ma kellhiex proporzjonijiet simili għall-kriżijiet preċedenti). U biex żżid ma dan, waslet id-deregulazzjoni, li tefgħet taħt il-mira tagħha s-suq kollu tal-kreditu minn tmiem is-sebgħinijiet u l-bidu tat-tmenijiet 'il quddiem (7), u tat bidu għal espansjoni mgħaġġla fid-daqs u fl-ammont ta' l-entitajiet li jagħtu kreditu, inklużi wħud li m'humiex suġġetti għal sorveljanza u superviżjoni finanzjarja, flimkien ma' żjieda fil-kompetezzjoni bejniethom, li kollox flimkien wassal għad-depersonalizzazzjoni tar-relazzjoni bejn il-banek u l-klijenti tagħhom.

3.1.7

Dawn il-fatturi flimkien ifissru li s-soċjetà Ewropea qiegħda ssir dejjem iktar dipendenti fuq il-kreditu li jingħata sabiex jintlaħqu l-bżonnijiet ewlenin tan-nies. L-iskala dejjem jikber tad-dejn f'ħafna mill-Istati Membri juri dan biċ-ċar (8).

3.1.8

Jekk is-self isir fuq bażi sostenibbli — meta ma jkunx hemm problemi serji ta' impjieg, meta ma jkunx eċċessiv is-sehem ta' ħlasijiet tad-dejn kull xahar bħala parti mid-dħul disponibbli fix-xahar, meta l-ammont ta' self ma jkunx għoli u meta jkun hemm xi flus imfaddla li jistgħu jkopru perijodi okkażjonali fejn id-dħul jonqos — ikun jista' jgħin lin-nies itejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom, u jippermettilhom aċċess għal prodotti u servizzi essenzjali li mingħajr kreditu ma jkunux jistgħu jakkwistaw, jew forsi biss wara żmien twil, bħal dar jew karozza privata.

3.1.9

Madankollu, dejjem hemm il-possibilità li jinqalgħu problemi fil-ħajja privata jew familjarji, li jfisser li l-impenji finanzjarji ma jkunux jistgħu jintlaħqu f'mument partikolari, u dan huwa riskju li jiffaċċja kull min jiffirma kuntratt ta' kreditu. Għaldaqstant, id-dejn normali u kkontrollat jista' jsir, għal bosta raġunijiet, dejn eċċessiv mhux ikkontrollat.

3.2   Il-kunċett u l-kejl tad-dejn eċċessiv

3.2.1

Id-dejn eċċessiv jirriferi għal sitwazzjonijiet fejn id-debitur ma jkunx kapaċi jħallas id-dejn kollu tiegħu fuq medda ta' żmien twila, jew fejn ikun hemm riskju serju li dan jista' jkun il-każ meta jasal il-waqt li jħallashom (9). Madankollu, it-termini preċiżi għal dan il-kunċett ivarjaw b'mod konsiderevoli minn pajjiż għal pajjiż fl-UE, u d-definizzjoni tiegħu fuq livell Ewropew għad trid tiġi mfissra (10), Għalhekk, hija milqugħa b'sodisfazzjon l-inizjattiva riċenti tal-Kummissjoni Ewropea li tikkummissjona studju dwar dan is-suġġett (11).

3.2.2

Barra mill-fatt li l-kunċett fih innifsu huwa ambigwu u d-definizzjoni tiegħu mhix ċara, jeżistu wkoll ħafna modi differenti kif wieħed jista' jkejjel id-dejn eċċessiv. Għaldaqstant, fi studju kkummissjonat mill-Kummissjoni Ewropea (12), hemm tliet formuli jew mudelli differenti li tfasslu sabiex jitkejjel id-dejn eċċessiv: il-mudell amministrattiv (13), il-mudell suġġettiv (14) u l-mudell oġġettiv (15).

3.2.3

Waħda mid-diffikultajiet ewlenin fl-evalwazzjoni tad-daqs tal-problema tad-dejn eċċessiv fl-Ewropa hija relatata man-nuqqas ta' statistiċi li wieħed jista' joqgħod fuqhom, u l-fatt li huwa impossibbli li jsir paragun bid-data li diġà teżisti, meta wieħed jikkunsidra l-metodi, il-kunċetti u l-perijodi ta' żmien differenti li jiġu applikati. Dan huwa qasam li l-Kummissjoni għandha ttih iktar attenzjoni, u tiżviluppa l-istudji neċessarji bil-għan li tinkiseb u tiġi pproċessata data li wieħed jista' joqgħod fuqha u li hija komparattiva.

4.   Il-kawżi ewlenin tad-dejn eċċessiv

4.1

In-numru kbir ta' studji soċjoloġiċi li saru f'l-Istati Membri varji jindividwaw dawn il-kawżi li ġejjin prinċipali li jwasslu għal dejn eċċessiv:

a)

il-qgħad u t-taħsir tal-kundizzjonijiet tax-xogħol;

b)

bidliet fl-istruttura tal-familji bħala konsegwenza tad-divorzju, il-mewt tar-raġel jew il-mara, tarbija mhux ippjanata, appoġġ mhux mistenni meħtieġ għal anzjani jew persuni morda, il-mard, jew inċident;

c)

tentattiv fallut ta' xogħol għal rasu, l-isfaxxar ta' negozju żgħir tal-familja fejn ingħataw garanziji personali;

d)

kampanji ta' reklamar u pubbliċità li jġiegħlu n-nies jikkonsmaw, li joffru aċċess faċli għall-kreditu u jinkoraġġixxu lin-nies biex jipparteċipaw fil-logħob ta' l-azzard, fis-suq ta' l-ishma u biex itejbu l-istatus tagħhom fis-soċjetà;

e)

rati ogħla ta' l-interessi, li l-effett negattiv tagħhom jinħass l-iktar fis-self fuq medda twila ta' żmien, bħal fil-każ ta' l-ipoteka;

f)

ġestjoni ħażina tal-baġit tad-dar;

g)

il-ħabi apposta mill-klijenti ta' tagħrif li jista' jippermetti lill-istituzzjonijiet finanzjarji jevalwaw il-qagħda finanzjarja tagħhom;

h)

l-użu eċċessiv tal-karti ta' kreditu, it-tip ta' kreditu msejjaħ “revolving credit” u tipi ta' kreditu personali li jingħataw mill-kumpaniji finanzjarji, b'rati għolja ta' l-interessi;

i)

il-kreditu mogħti fis-suq informali, fuq kollox minn persuni bi dħul baxx, b'rati ta' l-interessi użurarji;

j)

il-kreditu li jintuża biex jitħallas self ieħor, u b'hekk il-problema dejjem tikber;

k)

il-fatt li persuni b'diżabilitajiet li huma iżolati soċjalment u persuni b'ħiliet konoxxittivi limitati jistgħu faċilment jiġu sfruttati minn selliefa aggressivi;

l)

in-nuqqas ta' rieda ta' ċerti istituzzjonijiet finanzjarji li jinnegozjaw mill-ġdid il-pagament lura tad-dejn ma' konsumaturi li m'humiex f'qagħda finanzjarja tajba u li jsibu ruħhom f'diffikultajiet finanzjarji.

Analiżi soċjoloġika tal-fenomenu tindika li hemm predominanza ta' kawżi passivi, għalkemm għandu jingħad li f'ċerti pajjiżi l-ġestjoni finanzjarja ħażina wkoll kienet fl-oriġini tal-problema (16). Dan jissuġġerixxi li individwi jiffaċċjaw diffikultajiet biex jiġġestixxu il-baġits tagħhom b'mod kawt u sostenibbli (17).

4.2

Normalment, l-esklużjoni finanzjarja hija riflessa fid-diffikultajiet fl-aċċess, jew fin-nuqqas ta' aċċess għas-suq ta' servizzi finanzjarji bażiċi, l-iktar biex wieħed ikun jista' jiftaħ kont kurrenti, biex wieħed juża mezzi ta' ħlas elettroniċi, biex wieħed ikun jista' jagħmel trasferimenti bankarji u jikseb assigurazzjoni għall-protezzjoni tal-kreditu.

4.3

Din l-esklużjoni finanzjarja tinkludi, a fortiori, diffikoltà fl-aċċess jew nuqqas ta' aċċess għal self bi prezz baxx li jippermetti x-xiri ta' prodotti u servizzi essenzjali għall-familja (dar, tagħmir domestiku, trasport, u edukazzjoni), start-up għal persuna li tixtieq taħdem għal rasha, jew il-ġestjoni ta' negozju żgħir ta' persuna waħedha jew negozju ta' familja.

4.4

Daż-żmien, l-aċċess għal kont bankarju u għal ċerti tipi ta' kreditu jew trasferimenti elettroniċi bejn il-kontijiet huma kundizzjonijiet essenzjali sabiex wieħed ikollu aċċess għal prodotti u servizzi essenzjali. L-impjieg, negozju żgħir, dar fejn wieħed jgħix, it-tagħmir tad-dar, it-trasport, l-informazzjoni, anke l-ikel, il-ħwejjeġ u r-rikreazzjoni, jirrikjedu aċċess għall-kreditu u għall-banek — ta' l-aħħar għandhom responsabilità soċjali speċjali sabiex jipprovdu servizz li japprossima ħafna għal servizz pubbliku.

4.5

Hawnhekk tibda tisfoka ruħha l-linja bejn klassi medja li qiegħda tikber u ssir ifqar u dawk li huma għal kollox esklużi, dawk mingħajr dar, it-tallaba u dawk dipendenti mill-karità. Huwa preċiżament meta wieħed jinsab fuq l-għatba tal-faqar li tagħmel sens il-prevenzjoni tad-dejn eċċessiv, flimkien ma' modi kif wieħed għandu jiffaċċjah u jirkupra minnu, sabiex dawk in-nies li qiegħed jgħixu jew jirkupraw soċjalment u ekonomikament, ma jaqgħux għal kollox, u mingħajr ċans li jerġgħu lura, fiċ-ċiklu ta' faqar u esklużjoni soċjali.

5.   Il-prevenzjoni tad-dejn eċċessiv u l-modi kif jista' jiġi trattat

5.1   Prevenzjoni

Fis-sistemi nazzjonali, it-tendenza hija li l-enfasi tkun fuq miżuri ta' prevenzjoni tad-dejn eċċessiv, bħal:

a)

Tagħrif iktar komplet u disponibbli dwar is-servizzi finanzjarji b'mod ġenerali, l-ispejjeż involuti u l-mod kif joperaw.

b)

L-edukazzjoni finanzjarja, li għandha tkun inkluża minn stadju bikri fil-kurrikulu ta' l-iskola u f'oqsma oħra ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ, bħall-proċessi ta' tagħlim tul il-ħajja kollha li tirrifletti l-bżonnijiet u l-kompetenzi ta' l-individwi li għandha l-għan li tgħin, tista' tvarja skond iċ-ċikli tal-ħajja u tkun konformi mal-kultura, is-sistema ta' valuri, il-karatteristiċi soċjodemografiċi u ekonomiċi, l-istandards tal-konsumatur u d-dejn ta' dawk ikkonċernati. Ta' min wieħed jenfasizza l-fatt li f'xi Stati Membri, il-mezzi tax-xandir u b'mod partikolari t-televiżjoni, bir-rwol tiegħu ta' servizz pubbliku, f'kooperazzjoni ma' l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi u l-istituzzjonijiet finanzjarji stess, ixxandar programmi, ġieli fl-iktar ħinijiet popolari, li jixħtu dawl fuq il-kwistjonijiet tal-kreditu u d-dejn eċċessiv. Barra minn hekk, għandhom jintużaw l-istrutturi ta' edukazzjoni ta' l-adulti, li f'xi pajjiżi huma pprovduti miċ-ċentri ta' edukazzjoni tal-familja.

c)

Il-ħolqien jew l-estensjoni ta' netwerks għall-għoti ta' pariri finanzjarji li jgħinu n-nies a) jimmaniġġjaw il-baġit tagħhom b'mod ibbilanċjat, b) jagħżlu l-aħjar għażliet għall-iffinanzjar tax-xiri tagħhom, sabiex ikun żgurat li l-bilanċ tat-tagħrif ma jxaqqlibx favur l-istituzzjonijiet finanzjarji, u c) ifasslu pjanijiet ta' ħlas lura sostenibbli permezz ta' simulazzjonijiet qabel ma jingħata l-kreditu.

d)

Inċentivi għat-tifdil (bħal tnaqqis mit-taxxa u inċentivi soċjali u edukattivi), li għandhom ikunu l-ewwel linja ta' difiża tal-familja meta tiffaċċja diffikultajiet finanzjarji. Inċentivi bħal dawn jistgħu jservu ta' kontrapiż għar-reklamar aggressiv ta' offerti ta' kreditu.

e)

L-użu ta' sistemi ta' klassifika ta' kreditu, kemm jekk ikunu s-sistemi proprji ta' l-istituzzjonijiet ta' kreditu kif ukoll jekk jiġu kkuntrattati lil kumpaniji li jispeċċjalizzaw f'dan il-qasam, sabiex ikunu jistgħu jiġu evalwati ir-riskji ta' kreditu tal-klijenti. Dan jippermetti lis-sellief li jagħmel stima tar-riskju ta' falliment billi jevalwa lista sħiħa ta' varjabbli u billi jistipula limiti oġġettivi għad-dejn individwali u tal-familja (18).

f)

Il-garanzija ta' pensjonijiet xierqa, il-provvediment ta' rtirar kmieni u benefiċċji soċjali oħra għal persuni barra mis-suq tax-xogħol, li huma inkorporati mill-awtoritajiet pubbliċi fi skemi ta' sigurtà soċjali effettivi, bħala kundizzjoni essenzjali għall-iżgurar li dawk li mhumiex kapaċi jkollhom aċċess għal fondi tal-pensjoni privati ma jkunux esklużi mis-soċjetà (19).

g)

L-aċċess għal assigurazzjoni bażika sabiex jinkiseb kreditu bħala mezz kif wieħed ikun protett mir-riskju finanzjarju (20).

h)

Il-kreditu soċjali, il-mikrokreditu u l-kreditu affordabbli

Skemi bħall-mikrokreditu, il-credit unions, il-banek tat-tifdil, il-fondi soċjali Ġermaniżi u Olandiżi, servizzi bankarji mill-uffiċċji tal-posta u l-kreditu soċjali, fost skemi oħrajn, qed jibdew fl-Istati Membri, kollha eżempji li wieħed għandu jżomm f'moħħu għal persuni li qiegħed jiffaċċjaw ir-riskju ta' l-esklużjoni u li qiegħed ifittxu kreditu li jistgħu jaffordjaw. Il-mikrokreditu, per eżempju, għen sabiex jiffinanzja negozji żgħar u persuni li jaħdmu għal rashom, u jippermetti li nies qiegħda jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol u jibdew xi attività ekonomika. Huwa rakkomandat li l-istituzzjonijiet finanzjarji jipprovdu għajnuna speċjalizzata (fit-tmexxija, fil-kontabilità, fil-kummerċ, eċċetra) sabiex il-benefiċċjarji tal-mikrokreditu jirċievu għajnuna kif għandhom imexxu l-attivitajiet tagħhom, prattika li diġà ġiet adottata f'numru ta' każi (21).

i)

Is-self responsabbli, li jesiġi li l-istituzzjonijiet ta' kreditu jagħtu iktar attenzjoni għall-bżonnijiet u s-sitwazzjonijiet tal-persuni individwali li jagħmlu s-self, sabiex jinstab l-iktar strument finanzjarju xieraq skond iċ-ċirkostanzi ta' kull persuna, jew anke li titwaqqaf milli takkwista iktar kreditu meta hemm ir-riskju imminenti ta' dejn eċċessiv. (22)

j)

Arkijvji ta' l-istorja tal-kreditu

L-użu ta' bażi ta' data li jkun fihom l-istorja finanzjarja kompleta tal-klijenti (fajls ta' storja ta' kreditu pożittiva) jew li jkun fihom biss il-problemi ta' ħlas lura (fajls ta' storja ta' kreditu negattiva), jgħin lill-istituzzjonijiet ta' kreditu jaċċertaw il-livell ta' dejn tal-klijenti u sabiex jipprovdu bażi iktar soda li fuqha jistgħu jagħtu self. Dan minkejja r-riskji rikonoxxuti, b'mod partikulari fajls ta' storja ta' kreditu pożittiva, fir-rigward tal-ħarsien tal-privatezza u l-fatt li dawn il-fajls m'humiex effettivi f'sitwazzjonijiet ta' dejn passiv, a) peress li mhuwiex possibbli li wieħed ibassar x'jista' jikkawża sitwazzjoni simili fil-ġejjieni u b) għaliex ma jqisux dejn ieħor mhux finanzjarju (per eżempju, dejn relatat ma' servizzi essenzjali u l-ħlas tat-taxxi).

k)

L-awto-regolamentazzjoni u l-ko-regolamentazzjoni, li jġiegħlu lill-istituzzjonijiet finanzjarji jistabbilixxu Kodiċi ta' Kondotta, speċifikament fi sħubija ma' organizzazzjonijiet tal-ħarsien tal-konsumatur, jistgħu jgħinu sabiex jimpedixxu wħud mill-prattiki abbużivi u sabiex jiżviluppaw kuxjenza soċjali ikbar min-naħa ta' l-istituzzjonijiet ta' kreditu. Din it-tip ta' miżura hija utili sabiex ittejjeb is-sorveljanza ta' l-attivitajiet ta' l-aġenziji li jiġbru d-dejn (debt collection agencies), għaliex jgħin biex jirregola l-mod kif jiġu trattati d-debituri, flimkien ma' qafas leġislattiv implimentat b'mod effettiv.

l)

Il-prevenzjoni ta' prattiki ta' kreditu abbużivi

Xi awtoritajiet nazzjonali, organizzazzjonijiet tal-ħarsien tal-konsumatur u NGOs oħra, kif ukoll l-istituzzjonijiet ta' kreditu nfushom ftiehmu dwar regoli u proċeduri li jimpedixxu l-użu ta' numru ta' prattiki predatorji u użurarji li jheddu l-iktar membri żvantaġġati tas-soċjetà. Dawn il-prattiki jinkludu, per eżempju, rati ta' l-interessi għoljin immens fuq kreditu mogħti fuq it-telefown jew it-telefown ċellulari, kuntratti ta' kreditu li l-klijent ma jkunx mgħarraf bihom, marbuta ma' kuntratti għal xiri jew bejgħ speċifiku, jew mal-provvediment ta' servizzi, l-għoti ta' kreditu sabiex jiġu akkwistati ishma fis-suq ta' l-istokks, li xi drabi jinvolvi ishma maħruġa mill-istess bank li qiegħed joffri s-self, klawsoli penali ħorox ħafna, karti ta' kreditu u karti tal-ħwienet li jipprovdu aċċess faċli għall-kreditu, l-esiġenza ta' garanziji reali u fl-istess ħin garanziji personali (kollaterali) għal kuntratti ta' kreditu tal-konsumatur ta' valur baxx, tagħrif li mhuwiex komplet jew preċiż u reklamar immirat lejn iż-żgħażagħ. Barra mill-aspetti tal-provvediment responsabbli tal-kreditu li huma ta' benefiċċju, miżuri ta' dan it-tip inaqqsu d-distorzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq u jippromovu r-responsabbilità soċjali fost l-istituzzjonijiet ta' kreditu.

m)

Il-monitoraġġ ta' reklami għall-kreditu

Għalkemm ir-reklamar huwa strateġija leġittima għall-promozzjoni ta' prodotti finanzjarji, il-mod kif dawn il-prodotti huma rreklamati jitlob monitoraġġ mill-qrib mill-awtoritajiet pubbliċi. Il-kontenut, il-mekkaniżmi u t-tekniki tar-reklamar għandhom jaqgħu taħt regolamentazzjoni stretta u armonizzata li ma tippermettix li l-konsumaturi jaslu biex jaħsbu li l-kreditu ma jinvolvix riskji u li huwa faċilment aċċessibli u li huwa b'xejn. Għandhom jitħeġġu wkoll, f'dan il-qasam, skemi għall-awto-regolamentazzjoni u l-ko-regolamentazzjoni u l-prattika kummerċjali tajba. Dawn is-skemi għandhom jippermettu min qiegħed jissellef ikun kompletament ċar dwar il-kundizzjonijiet tas-self u jagħtu lis-selliefa responsabilità partikolari lejn il-persuni li, minħabba diżabilitajiet mentali, ma jkunux f'pożizzjoni li jifhmu l-konsegwenzi meta jidħlu fi ftehima dwar dejn.

5.2   It-trattament tad-debituri u l-irkupru tad-dejn

L-iktar żewġ mudelli komuni għat-trattament tad-debituri li fallew u għall-irkupru tad-dejn huma:

5.2.1

Il-mudell bidu mill-ġdid , li oriġina fl-Amerika ta' Fuq u li ġie adottat f'xi pajjiżi Ewropej huwa msejjes fuq il-prinċipji li jiġu likwidati immedjatament l-assi mhux eżentati tad-debitur u jitħassar id-dejn kollu li ma tħallasx, barra minn dak li ma jistax jitħassar legalment. Dan il-mudell jissejjes fuq il-kunċett tar-responsabilità limitata tad-debitur, fuq ir-riskju maqsum mal-kredituri, fuq il-ħtieġa li d-debitur jirritorna kemm jista' jkun malajr għall-attività ekonomika u għall-konsum, u fuq il-bżonn li l-individwu fallut ma jiġix stigmatizzat (23).

5.2.2

Il-mudell edukazzjoni mill-ġdid, użata f'xi pajjiżi Ewropej huwa msejjes fuq l-idea li d-debitur falla u għandu jsib l-għajnuna, iżda m'għandux jiġi eżonerat mid-dmir tiegħu li jilħaq l-obbligi tiegħu (pacta sunt servanda). Dan il-mudell, imsejjes fuq l-idea tal-“kolpabilità” ta' l-individwu fallut — kemm jekk il-falliment irriżulta minn nuqqas ta' ppjanar kif ukoll jekk minn negliġenza pura — jikkonċentra fuq it-tfassil mill-ġdid mal-kredituri tal-kundizzjonijiet li jirregolaw id-dejn, bil-għan li jsir qbil dwar il-pjan ġenerali ta' ħlas lura. Dan il-pjan jista' jiġi negozjat permezz tal-qrati jew barra mill-qorti; l-importanti huwa r-rwol li jaqdu s-servizzi konsultattivi u ta' medjazzjoni dwar id-dejn (24).

6.   Għalfejn huwa meħtieġ approċċ fil-livell Komunitarju

6.1   Sfond

6.1.1

Din mhix l-ewwel darba li l-kwistjoni tad-dejn eċċessiv qed tiġi indirizzata fl-istituzzjonjiet ta' l-UE fil-livell Komunitarju jew anke minn perspettiva Komunitarja. Fit-13 ta' Lulju 1992, fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-prijoritajiet futuri għall-iżvilupp tal-politika dwar il-ħarsien tal-konsumatur, il-Kunsill għall-ewwel darba kkunsidra li jistudja d-dejn eċċessiv bħala prijorità. Minn dak iż-żmien 'il hawn, għalkemm jidher biċ-ċar li fi Stati Membri varji l-importanza tal-fenomenu tad-dejn eċċessiv kiber, bir-riżultat li ħafna minnhom adottaw miżuri leġislattivi u amministrattivi speċifiċi biex jiffaċċjaw il-problema, il-kwistjoni ta' approċċ fuq livell Komunitarju donnha ntesiet.

F'Mejju 1999, il-KESE ddeċieda li jiftaħ mill-ġdid id-dibattitu dwar il-kwistjoni, l-ewwel billi jfassal rapport ta' informazzjoni dwar “Id-dejn fost il-familji”, segwit fl-2002 minn opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar l-istess suġġett; il-qarrej huwa mitlub jirriferi għall-kummenti u r-rakkomandazzjonjiet inklużi f'dawn id-dokumenti (25).

6.1.2

Fil-fatt, waqt li dawn id-dokumenti kienu qiegħed jitfasslu mill-Kumitat, il-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur tal-Lussemburgu tat-13 ta' April 2000 reġa' ta ħarsa lejn din il-kwistjoni u ġibed l-attenzjoni tal-Kummissjoni u ta' l-Istati Membri għall-bżonn li jkun hemm armonizzazzjoni Komunitarja f'dan il-qasam. Bħala segwitu għal dan, il-Kunsill adotta r-Riżoluzzjoni tiegħu dwar il-kreditu u d-dejn tal-konsumatur (26), fejn, waqt li rrimarka dwar il-ħeffa li biha qiegħed jikber dan il-fenomenu, ħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tieħu passi sabiex timla l-lakuni fl-informazzjoni li jeżistu dwar l-iskala reali tad-dejn eċċessiv fl-Ewropa u sabiex teżamina bir-reqqa l-possibilità ta' miżuri ta' armonizzazzjoni li jimpedixxu u jiffaċċjaw sitwazzjonijiet ta' dejn eċċessiv (27).

6.1.3

Wieħed għandu jjinnota li sal-lum il-Kummissjoni għadha ma wetqitx il-mandat tagħha mill-Kunsill. Semmiet biss fil-qosor il-kwistjoni tal-forniment responsabbli tal-kreditu (28) fil-proposta inizjali tagħha għar-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Kreditu tal-Konsumatur (2002) (29). Madankollu, dawn ir-referenzi ma dehrux fil-verżjoni finali (2005) (30), li kienet ikkonfermata taħt il-Presidenza Ġermaniża (31). Din is-sitwazzjoni tissuġġerixxi li fil-qasam tal-kreditu tal-konsumatur, il-Kummissjoni qiegħed issibha diffiċli li tadotta miżuri ġodda sabiex twaqqaf, jew ta' l-inqas tiffaċċja d-dejn eċċessiv (32).

6.1.4

Madankollu, xi referenzi riċenti f'xi dokumenti tal-Kummissjoni, għalkemm ftit u rari, u anke fi stqarrijiet tal-President tal-Kummissjoni, jidhru li jesprimu l-possibilità ta' bidla sabiex tingħata iktar attenzjoni lil dan il-fenomenu (33).

6.1.5

Minħabba l-importanza tagħha, għandha ssir referenza partikolari għar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa adottata mill-Ministri tal-Ġustizzja Ewropej fit-8 ta' April 2005, dwar “is-sejbien ta' soluzzjonijiet legali għal problemi ta' dejn fis-soċjetà tal-kreditu (34), li, waqt li tesprimi tħassib dwar “l-aċċess faċli għall-kreditu li f'xi każijiet jista' jwassal għal familji b'dejn eċċessiv u b'hekk tinħoloq l-esklużjoni soċjali ta' l-individwi u l-familji tagħhom”, tħejji t-triq b'mod ċar għal “strument xieraq li jiddefinixxi miżuri leġislattivi u amministrattivi, u jipproponi rimedji prattiċi (35).

6.1.6

Barra minn hekk, jidher li qed tqum kuxjenza ġdid dwar il-problema permezz ta' studji akkademiċi riċenti (36) u studji oħrajn mitluba b'mod speċifiku mill-Kummissjoni (37), peress li kienet is-suġġett ta' xi dikjarazzjonijiet pubbliċi minn Kapijiet ta' Stat u ministri ta' xi Stati Membri (38).

6.2   Il-possibilitajiet, il-ħtieġa u l-opportunità għal azzjoni fil-livell Komunitarju

6.2.1

Il-KESE ilu jargumenta u issa qiegħed itenni li l-azzjoni fil-livell Komunitarju mhux biss hija possibbli u mixtieqa, iżda saħansitra hija neċessarja u anke urġenti.

6.2.2

Il-KESE mhuwiex konxju li, skond it-termini tat-Trattat u sakemm jiġi adottat it-test kostituzzjonali (39), l-aspetti purament soċjali tad-dejn eċċessiv bħala kawża ta' l-esklużjoni soċjali ma jaqgħux taħt il-mandat speċifiku ta' l-UE.

6.2.2.1

Minkejja dan, dispożizzjonijiet varji tat-Trattati dwar l-Unjoni Ewropea u li jistabbilixxu l-Komunità Ewropea jistipulaw kemm poteri maqsuma kif ukoll azzjonijiet u miżuri bħala appoġġ u inkorraġġiment għall-politiki ta' l-Istati Membri f'dan il-qasam (40), li huwa d-dmir tal-Kummissjoni li tassigura u tiżviluppa.

6.2.2.2

Barra minn hekk, hemm xi oqsma fejn tista' ssir azzjoni potenzjali fil-livell Komunitarju li issa huma koperti mit-tielet pilastru, u jaqgħu taħt il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet ġudizzjarji (41).

6.2.2.3

Fl-aħħar nett, huwa l-kompletar tas-suq intern innifsu, li issa huwa mmirat b'mod ċar lejn il-pubbliku ġenerali u l-konsumatur (42), li jirrikjedi u jeħtieġ l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti relatati mad-dejn eċċessiv, u r-reperkussjonijiet soċjali, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tiegħu fil-livell Komunitarju, bħala mezz kif jitwaqqfu distorzjonijiet fil-kompetizzjoni u ostakoli fl-operat bla xkiel tas-suq.

6.3   L-oqsma ewlenin ta' attività fil-livell Komunitarju

6.3.1   Kunċett wieħed ta' dejn eċċessiv

6.3.1.1

Il-passi lejn l-armonizzazzjoni qabel xejn għandhom jinvolvu d-definizzjoni tal-kunċett u l-parametri kwalitattivi u kwantitattivi tal-fenomenu sabiex jinkiseb it-tagħrif sħiħ dwar iċ-ċirkostanzi soċjali li jservu ta' bażi għal din il-problema, kif ukoll l-osservazzjoni tagħhom, f'termini identiċi madwar l-Ewropa — u idealment, madwar id-dinja — imsejsa fuq il-ġbir u l-ipproċċessar ta' data statistika komparabbli, li għandha tgħin fid-definizzjoni ta' qafas ekonomiku sabiex id-data tiġi kkwantifikata.

6.3.1.2

Fuq din il-bażi ta' definizzjoni kunċettwali u metodoloġika, il-Kummissjoni għandha tissponsorja studju li jkopri ż-żona Komunitarja kollha, u b'hekk jikkontribwixxi għal evalwazzjoni ta' l-aspetti ekonomiċi u soċjali tad-dejn eċċessiv (43).

6.3.2   Prevenzjoni u trażżin

6.3.2.1

Il-Kummissjoni għandha tfassal leġislazzjoni indipendenti u armonizzata għal miżuri li jimpedixxu, jillimitaw, u jippjanaw sabiex irażżnu l-impatt ta' dan il-fenomenu.

Għandu jkun hemm, b'mod parikulari, liġijiet dwar:

a)

informazzjoni eżawrenti prekuntrattwali u kuntrattwali u segwitu għal wara l-bejgħ;

b)

responsabilità konġunta fil-forniment tal-kreditu, ibbażata fuq i) l-aċċettazzjoni mill-applikant ta' l-obbligu li jgħarraf lill-fornitur ta' kreditu mingħajr ma jagħti informazzjoni li mhijiex vera dwar is-sitwazzjoni tiegħu/tagħha u ii) l-aċċettazjoni mill-fornitur ta' l-obbligu tiegħu li jagħmel kull ma' jista' biex iwettaq evalwazzjoni preċiża u jagħti lill-applikant pariri tajbin (44);

c)

il-possibilità ta' trasferimenti ta' kreditu mingħajr ħlas;

d)

il-monitoraġġ tar-reklamar, il-publiċità u l-komunikazzonijiet kummerċjali dwar il-kreditu tal-konsumatur;

e)

parametri għal “klassifika tal-kreditu” u projbizzjoni fuq deċiżjonijiet li jsiru permezz ta' sistema awtomatika;

f)

il-garanzija ta' servizz bankarju bażiku u li l-kontijiet bankarji jkunu universali u trasferibbli u li l-kontijiet ikunu aċċessibbli permezz ta' mezz elettroniku (karti ta' debitu);

g)

id-definizzjoni ta' parametri għall-mikrokreditu u tipi oħra ta' kreditu soċjali u l-promozzjoni ta' istituzzjonijiet finanzjarji “alternattivi” immirati b'mod speċifiku lejn dawn is-setturi;

h)

l-identifikazzjoni u l-penalizzazzjoni ta' prattiki kummerċjali mhux ġusti u ta' klawsoli abbużivi relatati b'mod speċifiku mal-forniment tal-kreditu;

i)

id-dritt li wieħed jirtira minn kuntratt;

j)

id-delimitazzjoni tar-rekwiżit għal garanziji kollaterali personali;

k)

regoli dwar kummissjonijiet;

l)

regolamenti dwar is-sensar ta' kreditu;

m)

it-tisħiħ tas-setgħat u l-miżuri superviżorji disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għas-servizzi finanzjarji f'dan il-qasam;

n)

it-twaqqif ta' parametri għad-definizzjoni ta' dak kollu li huwa meqjus bħala użura; u

o)

iż-żieda ta' dispożizzjoni fid-Direttiva dwar il-Kreditu lill-Komsumatur li tobbliga lill-banek iwieġbu għall-ilment sa data ta' skadenza speċifikat.

Barra minn hekk, fuq medda twila ta' żmien, għandhom jitfasslu liġijiet dwar dawn l-aspetti li ġejjin:

a)

skema ta' l-assigurazzjoni soċjali standard;

b)

il-garanzija ta' skemi sostenibbli għal pensjonijiet u l-użu tagħhom bħala n-norma fl-I stati Membri kollha (definizzjoni possibbli tat-“28 skema”);

c)

id-definizzjoni ta' sistema ta' arkivji uniċi ta' l-istorja tal-kreditu ta' l-individwu li tirrispetta bis-sħiħ ir-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data personali u tistipula min jista' jkollu aċċess għall-fajl u r-raġuni għalfejn hija meħtieġa l-informazzjoni (limitata għall-għoti tal-kreditu).

6.3.2.2

Fl-istess waqt, il-Kummissjoni għandha tinkoraġġixxi prattika tajba f'dan il-qasam, tippromovi l-adozzjoni ta' Kodiċi ta' Kondotta Ewropej, f'sistema ta' awto-regolamentazzjoni jew ko-regolamentazzjoni, bħala parti minn sistema legali definita tajjeb, implimentata b'mod effettiv u li kapaċi timponi ruħha.

6.3.2.3

Il-Kummissjoni għandha wkoll, bħala inizjattiva tagħha stess jew f'kooperazzjoni ma' l-Istati Membri, tistabbilixxi programmi ta' tagħrif speċifiċi, miżuri edukattivi ffokati fuq l-aspetti prattiċi ta' l-użu ta' kreditu u proġetti għall-għoti ta' appoġġ u konsultazzjoni f'dan il-qasam, bl-użu ta' l-istrumenti ta' proġetti pilota, li kellhom riżultati pożittivi ħafna f'oqsma oħra (45).

6.3.2.4

Fl-aħħar nett, il-KESE jissuġġerixxi li jitwaqqaf Osservatorju Ewropew għad-Dejn li jkun jaħdem flimkien mal-korpijiet nazzjonali li diġà jeżistu u ma' oħrajn stabbiliti fl-Istati Membri, sabiex isir forum ta' djalogu bejn il-partijiet kollha kkonċernati, u jiġu analizzati l-iżviluppi f'dan il-fenomenu fuq livell Ewropew u jiġi propost u pprovdut appoġġ għall-inizjattivi ta' prevenzjoni l-iktar xierqa, u sussegwentement jiġi evalwat l-impatt tagħhom. Il-KESE, issa stess, qiegħed joffri li jospita dan l-osservatorju fi ħdan il-qafas istituzzjonali tiegħu, għallinqas sakemm isir korp indipendenti.

6.3.3   It-trattament tad-debituri u l-irkupru ta' l-assi

6.3.3.1

Meta wieħed iqis it-tipi diversi ta' sistemi stabbiliti fuq livell nazzjonali, b'oriġini, prinċipji u metodi differenti (46), l-isforzi tal-Kummissjoni għandhom jibqgħu ffokati l-ewwel nett mhux fuq tentattivi biex tkun żgurata l-armonizzazzjoni, iżda minflok fuq definizzjoni ta' qafas ta' referenza u lista ta' prinċipji fundamentali li għandhom jiġu garantiti mis-sistemi legali proċedurali kollha li jkopru l-prosekuzzjoni għal dejn mhux imħallas jew l-irkupru tad-dejn minn individwi, li jinkoraġġixxu l-adozzjoni ta' dawn il-prinċipji u jiġi inforzat l-għarfien tagħhom.

6.3.3.2

Il-prinċipji fundamentali l-iktar importanti huma:

soluzzjonijiet immedjati aċċessibbli għall-partijiet ikkonċernati bi prezz baxx jew b'xejn, li ma jostakolawx l-aċċess għall-kreditu u li ma jagħtux isem ħażin lid-debituri u l-familji tagħhom;

miżuri li jqisu l-interessi leġittimi tal-kredituri, iżda wkoll ir-responsabilitajiet tagħhom fir-rigward tad-dejn tal-familji;

soluzzjonijiet li jiffavorixxu l-kunsens u l-konklużjoni ta' ftehimiet volontarji dwar ħlas barra mill-qorti li jippermettu li jkun iktar faċli għad-debituri li jżommu, meta possibbli, l-assi essenzjali għall-benessri tal-familji tagħhom, bħad-dar;

miżuri flessibbli li jippermettu lid-debituri li jagħżlu, fil-każijiet l-iktar serji, li jillikwidaw l-assi tagħhom, u jinħafru d-djun mhux imħallsa waqt li titqies is-sitwazzjoni ta' partijiet terzi li kienu ta' garanzija għad-debituri;

monitoraġġ speċjalizzat tad-debituri matul il-proċess ta' l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' ħlas wara l-falliment, sabiex ma jerġgħux jiġru l-istess problemi, u d-debituri ikollhom l-għajnuna biex ibiddlu l-imġiba tagħhom fir-rigward tal-konsum u d-dejn, sabiex ikunu tassew jistgħu jibdew mill-ġdid.

6.3.3.3

Dan ix-xogħol kollu għandu, madankollu, jinfetaħ sabiex ikunu involuti l-partijiet kollha flimkien mar-rappreżentanti tagħhom. Għaldaqstant, hemm is-suġġeriment li ssir konsultazzjoni pubblika minn qabel permezz tal-pubblikazzjoni ta' Green Paper li tiddefinixxi t-termini tal-kwistjoni, sabiex tiġi kkwantifikata fil-livell Ewropew, li tanalizza l-mezzi u s-sistemi differenti għall-prevenzjoni, il-monitoraġġ u r-rimedju ta' sitwazzjonijiet ta' dejn eċċessiv u tikkonkludi b'sommarju li jinkludi indikazzjoni ta' l-azzjoni integrata fil-livell Komunitarju bejn id-Direttorati Ġenerali varji involuti kif ukoll li jinvolvi l-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-Istati Membri varji u fil-livell Komunitarju (47).

7.   Seduta pubblika

7.1

Fil-25 ta' Lulju il-KESE kellu seduta pubblika dwar is-suġġett ta' din l-opinjoni, fejn attendew parteċipanti mistednin li huma speċjalisti f'dan il-qasam.

7.2

Fuq il-bażi ta' l-opinjonijiet espressi waqt sessjoni fejn l-attendenza kienet tajba ħafna, u li pproduċa numru ta' studji mill-iktar utili, wieħed jista' jqis li kien hemm appoġġ konsiderevoli għall-għanijiet ta' din l-opinjoni, li tadotta ħafna mis-suġġerimenti li saru waqt is-seduta.

Brussell, il-25 ta' Ottubru 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Aristotelu irrefera għal din il-problema fit-trattat tiegħu dwar il-“Kostituzzjoni ta' Ateni”, (fil-parti 6 b'mod partikulari, fejn jgħid: “Malli beda jmexxi Solon ħeles il-poplu għal dejjem, billi ipprojbixxa kull self fuq ir-sigurtà tad-debitur: u barra minn hekk fassal liġijiet li permezz tagħhom ikkanċella d-dejn kollu, kemm dak pubbliku kif ukoll dak privat. Din il-miżura hija magħrufa bħala s-Seisachtheia, peress li permezz tagħha l-poplu ħeles mill-piż li kellu fuqu” [traduzzjoni ħielsa għall-Malti mit-traduzzjoni għall-Ingliż ta' Sir Frederick G. Kenyon] u li l-mod kif sab “identità” għal sitwazzjonijiet influwenzat il-kontribut interessanti ħafna ta' Udo Reifner intitolat “Skjav għall-kiri — il-Liġi Kuntrattwali Ewropea fis-Soċjetà ta' Kreditu” waqt il-konferenza dwar il-liġi privata u l-kulturi varji ta' l-Ewropa, li saret fl-Università ta' Ħelsinki fis-27 ta' Awissu 2006. Wieħed għandu jinnota li sas-seklu XX f'ħafna pajjiżi Ewropej kienet għadha teżisti l-priġunerija għad-debituri.

(2)  Dwar dan is-suġġett, ara l-kontribuzzjoni riċenti ta' Georges Gloukoviezoff intitolata “From Financial Exclusion to Overindebtedness: The Paradox of Difficulties for People on Low Incomes?” fil-pubblikazzjoni “New Frontiers in Banking Services”, Luisa Anferloni, Maria Debora Braga u Emanuele Maria Carluccio, Springer.

(3)  Cf. Special Eurobarometer 273, European Social Reality, 2007.

(4)  Rapport Konġunt 2007 dwar il-Protezzjoni Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali, addottat mill-Kunsill fit-22.2.2007, (COM(2007) 13 finali tad-19.1.2007).

(5)  Cf. Eurostat — Les nouveaux consommateurs (The new consumers), Larrousse 1998.

(6)  Waqt li jenħtieġ li titqies ukoll id-differenza konsiderevoli fin-natura tagħhom, anke fil-kuntest tad-drittijiet fundamentali.

(7)  Fil-pajjiżi l-ġodda li ssieħbu dan ġara biss fid-90ijiet.

(8)  Cf. Id-data fil-Bullettin nru 144, Diċembru 2005 tal-Bank ta' Franza. URL:

http://www.banque-france.fr/fr/publications/telechar/bulletin/etu144_1.pdf.

(9)  Id-definizzjoni eżemplari ta' Udo Reifner tgħid: “Id-dejn eċċessiv ifisser li, oġġettivament, wieħed ma jkunx jista' jħallas; fi kliem iktar preċiżi, id-dħul rilevanti wara t-tnaqqis ta' l-ispejjeż għall-għajxien ma jkunx iktar suffiċjenti biex ikopri l-ħlas lura tad-djun meta jasal il-waqt li jitħallsu” (minn “Consumer Lending and Over Indebtedness among German Households”).

(10)  Il-kunċett ta' dejn eċċessiv li jsejjes l-inizjattivi leġiżlattivi differenti ħafna joriġina qabel kollox mir-regoli legali li jistipulaw il-kundizzjonijiet ta' aċċess għal kwalunkwe proċedura ta' strutturar mill-ġdid tad-dejn, kemm jekk tkun ġudizzjarja kif ukoll jekk ma tkunx. B'hekk, per eżempju, il-liġi Franċiża tippermetti aċċess għal debituri li jaġixxu b'intenzjoni tajba li jidhru biċ-ċar li m'humiex kapaċi jlaħħqu mad-djun professjonali tagħhom kollha li jridu jħallsu jew li se jkollhom iħallsu (Artikolu L 331-2 tal-Code de la Consommation). Bl-istess mod, il-liġi Finlandiża (1993) tikkunsidra d-debituri f'sitwazzjoni ta' dejn eċċessiv jew ta' falliment meta ma jkunux f'pożizzjoni li jħallsu d-dejn tagħhom meta jasal il-waqt,, meta jkun hemm sitwazzjoni permanenti u mhux biss waħda aċċidentali jew temporanja. Pajjiżi oħrajn, madankollu, jillimitaw id-definizzjoni tagħhom għal lista ta' rekwiżiti proċedurali u personali għal aċċess għal skemi li jieħdu ħsieb id-dejn eċċessiv, mingħajr ma jieħdu r-riskju li jagħtu definizzjoni tad-dejn eċċessiv. Din hi l-qagħda fil-liġi Belġjana (Liġi tal-5 ta' Lulju 1998, emendata mil-Liġi tad-19 ta' April 2002) u l-liġi ta' l-Amerika ta' Fuq (Bankruptcy Code, riveduta fl-2005).

(11)  “Common operational European definition of over-indebtedness (Contract n.o VC/2006/0308, of 19.12.2006)”, iffinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea, DĠ Impjiegi, Affarijiet Soċjali u Opportunitajiet Ugwali u mmexxi mill-Osservajtorju Ewropew tat-Tifdil.

(12)  “Studju tal-Problema tad-Dejn tal-Konsumatur: Aspetti Statistiċi (kuntratt nru B5-1000/00/000197)”, mill-OCR Macro għad-DĠ SANCO.

(13)  Il-mudell amministrattiv: il-kejl tad-dejn eċċessiv jingħata mill-istatistiki uffiċjali li jirriferu għal proċeduri formali għall-iffaċċjar ta' dawn il-każi. Din l-għażla tħalli barra parti minn dak li fil-fatt jiġri, peress li mhux id-debituri kollha li jinsabu f'diffikultajiet jirrikorru għall-proċeduri uffiċjali u legali. Barra minn hekk, il-varjetà ta' soluzzjonijiet legali fis-seħħ fil-pajjiżi diversi Ewropej tagħmilha impossibbli li jsir paragun preċiż bejniethom.

(14)  Il-mudell suġġettiv huwa msejjes fuq il-perċezzjonijiet ta' l-individwi jew tal-familji dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom. Familji jikkunsidraw lilhom infushom b'dejn eċċessiv meta jiddikjaraw li għandhom diffikultajiet kbar biex iħallsu d-djun kollha tagħhom jew meta ma jkunux kapaċi jagħmlu dan. Il-kriterju użat f'dan il-mudell huwa diffiċli li jsir fil-prattika, u b'hekk jikkomprometti l-kumparabilità tad-data. Numru qed jiżdied ta' nies qed jiġbdu l-attenzjoni għall-fatt li l-ġudizzju tan-nies qiegħed ikun sfukat minn wisq ottimiżmu, stima wisq baxxa tar-riskji u 'skontijiet iperboliċi' (hyperbolic discount) meta jevalwaw is-sostenibilità finanzjarja u meta jkunu qed jiddeċiedu jekk għandhomx jirrikorru għall-kreditu biex iħallsu l-kontijiet.

(15)  Il-mudell oġġettiv juża s-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tal-familji biex titkejjel l-inabilità li jitħallas id-dejn, per eżempju r-relazzjoni bejn id-dejn totali u s-salarju bażiku jew bejn id-dejn totali u s-salarju bażiku u l-assi flimkien. Din hi l-formula li tintuża ġeneralment mill-istituzzjonijiet finanzjarji kif ukoll minn xi sistemi legali nazzjonali. Għalkemm huwa mudell li fih il-problemi tiegħu, bħal kif għandu wieħed ikun jaf sa liema punt l-imġiba, l-onestà u l-intenzjonijiet tajba tad-debitur għandu jkollhom influwenza fuq l-aċċess għal sistema ta' ħlas u għat-tneħħija tad-dejn, dan huwa l-kriterju li jippermetti li jsir paragun u li jista' jipprovdi bażi għat-tfassil ta' kunċett legali komuni ta' dejn eċċessiv.

(16)  Ċifri tal-Bank ta' Franza għall-2004 jestimaw li 73 % tal-każi ta' dejn eċċessiv li tressqu lill-Kummissjoni għad-Dejn Eċċessiv joriġinaw minn kawżi passivi.

(17)  Ara r-Rapport ta' Informazzjoni tal-KESE tas-26.6.2000 dwar Id-Dejn Eċċessiv fost il-Familji, rapporteur Is-Sur Altaíde Ferreira, fejn is-suġġett ġie eżaminat b'mod estensiv.

(18)  Fil-waqt li dan huwa strument ta' ġestjoni tar-riskju importanti għall-istituzzjonijiet finanzjarji, hemm bżonn ta' aktar trasparenza fis-sistemi ta' klassifika u sabiex dawn ikunu kkombinati ma' mezzi suġġettivi ta' analiżi sabiex tkun tista' ssir evalwazzjoni preċiża u realistika tal-kapaċità tad-debitur li jħallas lura u sabiex id-deċiżjonijiet ma jkunux ibbażati biss fuq mudelli awtomatiċi. Hemm ukoll il-ħtieġa għall-monitoraġġ tal-varjabbli tal-mudell matematiku mill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti. Barra minn hekk, għandha tingħata konsiderazzjoni lill-possibilità li d-debituri jingħataw aċċess għar-rapporti ta' kreditu tagħhom, kif isir f'pajjiżi bħall-Istati Uniti u r-Renju Unit, sabiex l-individwi jkunu jistgħu jaraw kif jistgħu itejbu l-credit rating tagħhom.

(19)  Barra minn hekk, huwa essenzjali li jitwaqqfu prattiki finanzjarji li jipprovaw jużaw b'mod mhux xieraq il-pensjonijiet tal-membri tas-soċjetà l-iktar dipendenti, billi jużaw il-pensjonijiet bħala garanziji għal self li jkun għoli b'mod mhux proporzjonat meta mqabbel mal-mezzi li jkollha l-persuna biex tħallsu lura. Fil-Brażil, per eżempju, ġie stabbilit fl-2004 tip ta' kreditu li jimmira lejn l-anzjani, magħruf bħala “crédito consignado” [self kontra d-dħul]. Dan it-tip ta' kreditu speċjali jitnaqqas mill-pensjonijiet mis-sors, sa massimu ta' 30 % tal-valur totali tal-pensjoni. Il-fatt li r-rati ta' l-interessi offerti huma iktar baxxi minn dawk disponibbli fis-suq jippermetti li l-anzjani jkollhom aċċess għal kreditu; madankollu jidher li dan qed joħloq diffikultajiet finanzjarji għall-persuni bl-iktar pensjonijiet baxxi, li mhux qed jirnexxielhom iħallsu lura ħlasijiet oħra u mhux qed ikollhom riżorsi suffiċjenti biex jilħqu mal-bżonnijiet bażiċi tagħhom.

(20)  L-assigurazzjoni taqdi rwol ambivalenti fir-rigward ta' l-esklużjoni soċjali. L-assigurazzjoni fuq il-ħajja obbligatorja tista' teskludi mis-suq tal-kreditu nies li għandhom problemi ta' saħħa, iżda polza ta' l-assigurazzjoni fuq il-ħajja tista' tħares persuna li timrad f'daqqa milli titlef l-assi assigurati tagħha u b'hekk tispiċċa fqira u eskluża.

(21)  Fi Franza u l-Belġju, il-mikrokreditu lill-konsumatur (magħruf bħala mikrokreditu soċjali) qed jintuża fi skema sperimentali minn numru ta' netwerks bankarji, fi sħubija ma' organizzazzjonijiet soċjali. Sal-lum, l-esperiment kellu suċċess raġonevoli, iżda għadu kmieni wisq biex issir evalwazzjoni definittiva. Fil-każ tal-Belġju ta' min isemmi l-esperjenza tal-Credal, kooperattiva tal-kreditu soċjali fil-Belġju, maħluqa bis-saħħa ta' sħubija pubblika/privata bejn il-gvern reġjonali tal-Wallonja u numru ta' istituzzjonijiet finanzjarji.

(22)  Ara per eżempju il-“Protocollo sullo sviluppo sostensibile e compatibile del system bancario” iffirmat fis-16 ta' Ġunju 2004 f'Ruma bejn l-“Associazone Bancaria Italiana” u l-“Federazione Autonoma Lavatori del Credito e del Risparmio Italiani (Falcri)”, il-“Federazione Italiana Bancari e Assicurativi (Fiba-Cisl)”, il-“Federazione Italiana Sindacale Lavoratori Assicurazioni e Credito (Fisac-Cgil)”, il-“Uil Cridito, Esattorie e Assicurazioni (Uil C.A.)”.

(23)  Għal deskrizzjoni kritika ddettaljata ta' dan il-mudell, ara x-xogħol ta' Karen Gross, li hija magħrufa sew fl-Ewropa, b'mod partikulari l-pubblikazzjoni tagħha “Failure and Forgiveness. Rebalancing the bankruptcy system”, New Haven, Yale University Press (1997).

(24)  Xi sistemi legali, bħal dawk ta' Franza u l-Belġju, irriformaw il-liġijiet tagħhom dwar il-ġestjoni tad-dejn eċċessiv ta' l-individwi sabiex jiġu inkorporati soluzzjonijiet alternattivi bbażati fuq il-likwidazzjoni ta' l-assi. Fil-każi l-iktar serji, fejn il-pjan ta' ħlas lura ma' joffrix soluzzjoni, il-likwidazzjoni hija possibbli, segwita mill-maħfra tad-dejn. Madankollu, b'differenza mil-liġi ta' l-Istati Uniti, il-maħfra tad-dejn qatt ma jkun immedjat. Id-debitur irid jgħaddi minn perijodu ta' prova, fejn irid ifaddal parti mid-dħul tiegħu biex iħallas id-dejn li fadallu jħallas. Huwa biss wara dan il-perijodu u biss jekk id-debitur ikun wera imġieba onesta u li għandu intenzjonijiet tajba, li d-dejn tiegħu jkun jista' jitħassar. B'mod eċċezzjonali, fi Franza, dejn jista' jitħassar malli jibdew il-proċeduri fil-qorti, jekk l-imħallef jaħseb li m'hemmx tama li l-qagħda ta' l-individwu titjieb, anke jekk din il-proċedura ma tantx intużat s'issa.

(25)  Dawn id-dokumenti tfasslu t-tnejn li huma mill-membru preċedenti tal-Kumitat Manuel Ataide Ferreira.

(26)  Riżoluzzjoni tas-26 ta' Novembru 2001, ĠU C 364, l-20 ta' Diċembru 2001.

(27)  Il-minuti tal-Kunsill ta' l-Affarijiet tal-Konsumatur tas-26 ta' Novembru 2001 jistqarru li l-Ministri kkunsidraw, fost osservazzjonijiet u rakkomandazzjonijiet oħra, li “differenzi fit-trattament preventiv, soċjali, legali u ekonomiku tad-dejn eċċessiv bejn l-Istati Membri jistgħu joħolqu differenzi konsiderevoli kemm bejn il-konsumaturi Ewropej kif ukoll bejn il-fornituri ta' kreditu” u għaldaqstant (…) “għandu jiġi kkunsidrat fil-livell Komunitarju li l-miżuri għall-promozzjoni ta' l-iżvilupp ta' kreditu transkonfinali jiġu kkumplimentati minn miżuri għall-prevenzjoni tad-dejn eċċessiv matul iċ-ċiklu ta' kreditu”.

(28)  F'termini li huma dubjużi ħafna, kif stqarr il-KESE fl-opinjoni tiegħu dwar din il-proposta (CES 918/2003, is-17 ta' Lulju 2003): rapporteur, is-Sur Pegado Liz Ara wkoll “La presencia del sobreendeudamiento en la propuesta de directiva sobre el credito e los consumidores” [“Id-dejn eċċessiv, id-direttiva proposta dwar il-kreditu għall-konsumatur”] ta' Manuel Angel, Lopes Sanchez, fil-pubblikazzjoni “Liber Amicorum Jean Calais Auloy”, p. 62.

(29)  COM(2002) 443 finali, il-11 ta' Settembru 2002.

(30)  COM(2005) 483 finali/2, it-23 ta' Novembru 2005.

(31)  Madankollu, ikun tajjeb li jissemmew xi inizjattivi għal dibattitu pubbliku dwar din il-kwistjoni promossi minn istituzzjonijiet Komunitarji differenti, inkluża l-Kummissjoni. Dawn jinkludu: seduta pubblika, li saret fi Stokkolma fit-18 ta' Ġunju 2000 bl-appoġġ tal-Presidenza Svediża; konferenza ewlenija li saret fit-2 ta' Lulju 2001, b'kooperazzjoni mal-Consiglio Nazionale dei Consumatori e degli Utenti [Kunsill Nazzjonali tal-Konsumaturi u l-Utenti] (CNCU), dwar “Ir-regoli tal-kompetizzjoni fl-UE u s-sistemi bankarji f'kunflitt”, fejn id-Direttur tad-Direttorat tas-Servizzi Finanzjarji, DĠ SANCO, ippreżenta l-approċċi adottati fil-proposta għal direttiva ġdida dwar il-kreditu tal-konsumatur u l-problemi tad-dejn eċċessiv fil-livell Komunitarju; fl-4 ta' Lulju 2001,id-DĠ SANCO ħa l-inizjattiva li jorganizza seduta fi Brussell ta' l-esperti mill-gvernijiet sabiex jiġu diskussi l-bidliet proposti fid-direttiva tal-kreditu tal-konsumatur, fejn ġew enfasizzati aspetti varji dwar kif jista' jitwaqqaf id-dejn eċċessiv; tul il-presidenza Belġjana sar seminar importanti fi Charleroi, fit-13 u l-14 ta' Novembru 2001, dwar it-tema “Il-kreditu tal-konsumatur u l-armonizzazzjoni Komunitarja”, fejn il-Ministru Belġjan ta' l-Ekonomija u r-Riċerka Xjentifika b'mod partikulari semma l-aspetti soċjali u ekonomiċi tal-kwistjoni u enfasizza r-rabta ma' l-iżvilupp ta' servizzi finanzjarji u l-kummerċ transkonfinali fis-suq intern. Espert tal-Kummissjoni Ewropea ta preżentazzjoni dwar il-linji gwida wiesa' għar-reviżjoni tad-direttiva tal-kreditu tal-konsumatur, fejn ċertu tħassib dwar informazzjoni lill-konsumatur jirrelataw mal-prevenzjoni tad-dejn eċċessiv; u l-“Konferenza dwar id-dejn eċċessiv tal-konsumatur: mekkaniżmi ta' ħarsien fl-Ewropa”, promossa mill-PSOE [Partit Soċjalista tal-Ħaddiema ta' Spanja] u mill-Grupp Soċjalista fil-PE, f'Madrid fid-29 ta' Novembru 2002.

(32)  B'mod kurjuż, f'testi oħrajn, bħall-Proposta tal-Kummissjoni dwar is-SEPA (Single European Payments Area) kien espress ċertu tħassib fir-rigward tal-prevenzjoni tad-dejn eċċessiv.

(33)  Ara b'mod partikulari l-istħarriġ tal-Eurobarometer ippubblikat lejn l-aħħar ta' l-2006, il-Komunikazzjoni intitolata “Aġenda taċ-ċittadini” adottata mill-Kunsill f'Lulju 2006 u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-Rapport Konġunt dwar il-Protezzjoni Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali 2007 (COM(2007) 13 finali, tad-19 ta' Jannar 2007).

(34)  Adottata waqt is-26 Konferenza ta' Ministri tal-Ġustizzja Ewropej tal-Kunsill ta' l-Ewropa, li saret f'Ħelsinki fis-7 u t-8 ta' April 2005.

(35)  Bħala segwitu għar-“Rapport dwar Soluzzjonijiet Legali għal Problemi ta' Dejn f'Soċjetajiet tal-Kreditu” mill-Bureau tal-Kumitat Ewropew għal Kooperazzjoni Legali tal-Kunsill ta' l-Ewropa, tal-11 ta' Ottubru 2005 (CDCJ-BU(2005) 11 rev.).

(36)  Id-dinja akkademika tidher li hija interessata b'mod partikulari fil-problema tal-kreditu tal-konsumatur u d-dejn eċċessiv, kif intwera biċ-ċar fil-laqgħa xjentifika li saret riċentement f'Berlin bejn il-25 u t-28 ta' Lulju mill-Assoċjazzjoni tal-Liġi u s-Soċjetà, fejn ipparteċipa grupp ta' riċerkaturi mill-Ewropa, l-Amerika (kemm ta' Fuq kif ukoll t'Isfel), l-Asja u l-Awstralja, li matul 8 sessjonijiet iddiskutew dwar l-aspetti varji relatati ma' din il-kwistjoni.

(37)  Ara “Id-dejn tal-konsumatur u l-Liġi tal-Konsumatur fl-Unjoni Ewropea”, Udo Reifner, Johanna Kiesilaien, Nik Huls u Helga Springeneer (Kuntratt Nru. B5-1000/02/000353, għad-DĠ SANCO Settembru 2003); “Studju tal-problema tad-dejn tal-konsumatur: Aspetti statistiċi”, ORC Macro (Kuntratt Nru B5-1000/00/000197, għad-DĠ SANCO, 2001); “Il-Konsum tal-kreditu u l-akkumulazzjoni tad-dejn fost konsumaturi bi dħul baxx: Konsegwenzi ewlenin u strateġiji ta' intervenzjoni” Deirdre O'Loughlin (Nov. 2006); “L-esklużjoni u r-rabtiet tagħha mal-finanzi: l-esklużjoni bankarja ta' individwi” Rapport prodott miċ-Ċentru Walras, Georges Gloukoviezoff; “EC Consumer Law Compendium: Comparative Analysis”, (kuntratt Nru 17.020100/04/389299) imfassla minn Hans Schulte-Nölke, ta' l-Università ta' Bielefeld għall-Kummissjoni Ewropea; “Financial education & better access to adequate financial services”, minn ASB Schuldnerberatungen (Awstrija), f'kooperazzjoni mal- GP-Forschungsgruppe: Institut für Grundlagen-und Programmforschung (Ġermanja), l-Assoċjazzjoni għall-Promozzjoni ta' l-Edukazzjoni Finanzjarja SKEF (Polonja) u L' Observatoire du Crédit et de l'Endettement (Belġju) — il-proġett kien ko-finanzjat mid-DĠ Impjieg u Affarijiet Soċjali (Settembru 2005-Settembru 2007).

(38)  Ara, per eżempju, diskorsi riċenti ta' Tony Blair, Stephen Timms u Ruth Kelly f'Settembru 2006.

(39)  Fil-fatt, l-Artikolu I(3) ta' l-abbozz tat-Trattat Kostituzzjonali jiddikjara li waħda mill-miri ta' l-Unjoni hija li “tiġġieled kontra l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni u … tippromovi l-ġustizzja u l-protezzjoni soċjali …”.

(40)  Għandha titpoġġa enfasi partikulari fuq il-kunċetti mfissra fl-Artikoli 2 u 34 tat-Trattat UE u l-Artikoli 2, 3, 136, 137 i 153 tat-Trattat ta' Ruma, kif emendat mit-Trattat ta' Amsterdam. Għandha tingħata attenzjoni wkoll lill-metodu miftuħ integrat ta' koordinazzjoni (OMC) introdott fl-2006, li huwa mmirat li jsaħħaħ il-kapaċità ta' l-UE li tappoġġja l-isforzi ta' l-Istati Membri biex jiżguraw iktar koeżjoni soċjali fl-Ewropa.

(41)  Ara l-Artikoli 65 u 67 tat-Trattat u r-rwol diġà estensiv tal-miżuri adottati sabiex tiġi definita żona ġudizzjarja Ewropea.

(42)  Kif jintwera biċ-ċar fir-rapport intermedjarju eċċellenti dwar il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta' l-2007, fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Suq wieħed għaċ-ċittadini” (COM(2007) 60 finali, il-21 ta' Frar 2007), u f'diskorsi u intervisti varji mogħtija mill-President tal-Kummissjoni nnifsu.

(43)  Data dwar is-sitwazzjoni fl-Ewropa hija kemmxejn skaduta, u tirriferi għall-istudju ppubblikat fl-2001 mill-OCR Macro, kif imsemmi fuq. Madankollu, bosta Stati Membri jirrikonoxxu li n-numru ta' familji affettwati mid-dejn eċċessiv żdied b'mod sinifikanti f'dawn l-aħħar snin. Data dwar is-sitwazzjoni fil-Ġermanja tindika li fl-1989, 3.5 % tal-familji biss esperjenzaw diffikultajiet finanzjarji serji, waqt li fl-2005, 8.1 % tal-familji Ġermaniżi kellhom dejn eċċessiv (Fi Franza, in-numru ta' każijiet imressqa quddiem il-Kummissjoni Franċiża għad-Dejn Eċċessiv żdied b'rata ta' 6 % fis-sena bejn l-2005 u l-2005, meta tressqu 866 213-il każ. Fl-Iskozja, ukoll fl-2004, iktar minn 3 000 każ ta' falliminet ġie ddikjarat. Fl-Isvezja, minkejja l-fatt li r-rata ta' tkabbir ekonomiku annwali hija waħda mill-ogħla fl-UE, in-numru ta' każijiet ta' dejn eċċessiv żdied fl-2005 bi 13.6 % meta mqabbla ma' l-2004 u bi 30.7 % meta mqabbla ma' l-2003. Jidher li l-Belġju huwa l-eċċezzjoni, fejn sistema mfassla sew u implimentata tajjeb tidher li qed ikollha effett pożittiv, bl-għajnuna ta' bidliet riċenti fil-leġislazzjoni (id-Digriet Legali u Reali ta' l-1 ta' April 2007, li jemenda l-Liġi ta' l-24 ta' Marzu 2003 u d-Digriet Reali tas-7 ta' Settembru 2003, dwar servizzi bankarji bażiċi). Fl-Istati Uniti, fl-2005, iktar minn 1 600 000 każ ta' falliment ġie ddikjarat. Fl-Awstralja, 81 % tal-każijiet ta' falliment imressqa quddiemil-qrati fl-2005/2006 kienu jikkonċernaw individwi. Fl-2006, 106 629 każ ta' falliment (likwidazzjoni jew proposti) tressaq quddiem il-qrati tal-Kanada.

(44)  Eżempji tajbin ta' dan jinkludu t-Taqsimiet 79 sa 81 ta' l-Att ta' Kreditu Nazzjonali ta' l-Afrika t'Isfel Nru 34/2005.

(45)  Per eżempju, hemm każijiet ta' proġetti ta' medjazzjoni u ta' riżoluzzjoni mhux ġudizzjarja għal tilwim mal-konsumatur li ħejjew it-triq għal netwerks differenti attwalment stabbiliti fl-Ewropa; wieħed mill-iktar rilevanti għal din il-kwistjoni huwa “Consumar DebtNet”, stabbilit fl-1994 u li attwalment qiegħed jitfassal mill-ġdid taħt l-isem “European Consumer Debt Net (ECDN)”.

(46)  Barra minn hekk, xi Stati Membri bħall-Portugall, għad m'għandhomx sistema adegwata għal dan il-għan.

(47)  Fil-fatt, ir-rapport ta' informazzjoni tal-KESE ta' l-2000 imsemmi aktar fuq ikkonkluda billi rrakkomanda li l-Kummissjoni “tagħmel l-ewwel pass f'din id-direzzjoni billi tipprepara immedjatament Green Paper dwar Id-Dejn Eċċessiv fost Familji fl-Ewropa, li jinkorpora r-riċerka disponibbli dwar il-problema, jipprovdi stampa aġġornata ta' l-arranġamenti legali u data statistika mill-Istati Membri u l-pajjiżi applikanti, b'ħidma lejn definizzjoni unika tad-dejn eċċessiv, u definizzjoni ta' l-approċċ preferut tagħha sabiex jintlaħqu l-objettivi identifikati fir-rapport ta' informazzjoni attwali”. (Ir-rapport mhux tradott għall-Malti).