27.10.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 256/93


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-impjieg tal-kategoriji ta' prijorità (l-Istrateġija ta' Lisbona)”

(2007/C 256/18)

Fl-14 ta' Settembru 2006 (ikkonfermat fis-26 ta' Ottubru 2006) il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 31 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u fil-qafas ta' xogħolu mibdi skond it-talba tal-Kunsill Ewropew tat-23/24 ta' Marzu 2006, li jfassal rapport ta' informazzjoni dwar: L-impjieg tal-kategoriji ta' prijorità (L-Istrateġija ta' Lisbona).

Fil-15 ta' Marzu 2007, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda b'konformità ma' l-Artikolu 29 punt 2 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li jikkonverti dan ir-rapport ta' informazzjoni f'opinjoni fuq inizjattiva proprja.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Impjieg, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, li kienet inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar dan is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-18 ta' Ġunju 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Greif.

Fl-437 sessjoni plenarja tiegħu tal-11 u t-12 ta' Lulju 2007 (seduta tat-12 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'122 voti favur u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Din l-opinjoni turi li f'termini kwantitattivi l-objettivi ambizzjużi ta' Lisbona fil-qasam ta' l-impjieg twettqu biss sa ċertu punt u b'differenzi ċari minn Stat Membru għal ieħor u dan il-fatt għandu jitqies dejjem. Saħansitra fir-rigward tal-kwalità ta' l-impjieg, l-istampa li toħroġ hija waħda kontradittorja: minn naħa eżempji ferm sodisfaċenti ta' prattika tajba fil-politiki ta' l-impjieg ta' l-Istati Membri individwali, li l-KESE jemmen għandhom ikunu identifikati u evalwati; min-naħa l-oħra jeżistu sitwazzjonijiet madwar l-UE li jqanqlu tħassib:

Minkejja li l-impjiegi full-time għadhom il-forma predominanti ta' l-impjieg madwar l-UE, ħafna mill-impjiegi ġodda maħluqa f'dawn l-aħħar snin — partikularment għan-nisa — kienu part-time. Għad hemm nuqqas ta' impjiegi adattati għall-ħaddiema mdaħħla fl-età. U għaż-żgħażagħ, b'mod partikulari, kien hemm żieda qawwija f'forom ta' impjieg atipiku (mhux konvenzjonali), f'xi każijiet saħansitra mingħajr protezzjoniji legali u soċjali adattata.

Kien hemm ftit li xejn titjib f'opportunitajiet ta' integrazzjoni fis-suq tax-xogħol għall-gruppi żvantaġġati (li jista' jintwera mil-livelli għoljin persistenti tal-qgħad fuq perijodu fit-tul, ir-rata tal-qgħad relattivament għolja fost iż-żgħażagħ u dawk b'nuqqas ta' ħiliet u l-livell baxx ta' okkupazzjoni b'mod partikulari fost il-persuni mdaħħla fl-età). Il-qagħda tas-suq tax-xogħol tal-gruppi li huma soċjalment marġinalizzati tibqa' diffiċli ferm.

1.2

F'dan il-kuntest, il-Kumitat jikkunsidra bħala importanti li, fid-dawl tad-dibattitu li għaddej dwar il-flessigurtà, kwalunkwe definizzjoni ġenerali u l-miżuri kollha disinjati sabiex iżidu l-adattabilità tal-kumpaniji u tal-ħaddiema għandha dejjem tiġi assoċjata ma' livell għoli ta' sigurtà soċjali, politika attiva tas-suq tax-xogħol, edukazzjoni u taħriġ u aċċess għas-servizzi soċjali.

1.3

Il-KESE jsejjaħ sabiex tingħata iktar prominenza lill-punti segwenti fil-kuntest tal-politiki nazzjonali soċjali u ta' l-impjieg immirati lejn il-gruppi ta' prijorità fis-suq tax-xogħol, li għalihom tagħmel referenza din l-opinjoni:

miżuri li jippromovu l-integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol, bl-għan li joffrulhom impjieg inizjali bi prospetti għall-futur;

sforzi akbar li jikkumbattu l-ħafna forom ta' diskriminazzjoni u żvantaġġi li jippersistu fir-rigward ta' età, sess, diżabilità jew oriġini etnika, partikularment f'dak li jikkonċerna l-aċċess għall-edukazzjoni, l-aċċess għas-suq tax-xogħol u l-impjieg kontinwu;

żieda fis-sigurtà ta' l-impjieg u l-prevenzjoni tan-“nassa ta' l-impjieg mingħajr sigurtà”, fost affarijiet oħra billi jiġi żgurat li n-nies qiegħda ma jiġux obbligati jieħdu impjiegi li ma joffru l-ebda sigurtà, billi niġġieldu x-xogħol mhux iddikjarat u billi nħarsu kontra l-isfruttar ta' ħaddiema impjegati fuq kuntratti fuq perijodu qasir;

miżuri sabiex titjieb il-kwalità ta' l-impjiegi u l-ħaddiema jkunu mħarsa mid-diskriminazzjoni;

iktar investiment fil-kwalità ta' l-impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol li jibbenefikaw ħaddiema mdaħħla fl-età;

investiment fl-edukazzjoni inizjali u addizzjonali u t-tagħlim tul il-ħajja u t-tneħħija tad-diskrepanzi li jeżistu bejn il-ħiliet offerti u dawk rikjesti mis-suq tax-xogħol;

miżuri li jimmodernizzaw u jtejbu, fejn neċessarju, il-protezzjoni soċjali marbuta ma' forom ta' l-impjieg li m'humiex konvenzjonali;

it-tnaqqis fis-segmentazzjoni tas-sessi fis-suq tax-xogħol, speċjalment miżuri effettivi għar-rikonċiljar bejn il-karriera u l-familja (b'mod partikulari l-iżvilupp ta' faċilitajiet komprensivi għall-kura tat-tfal u forom varji ta' appoġġ għal dawk li għandhom bżonn il-kura u l-familji tagħhom, inklużi faċilitajiet ta' kura li jkunu disponibbli 24 siegħa kuljum);

it-tneħħija ta' ostakli li jiffaċċaw persuni b'obbligazzjonijiet ta' kura meta (jerġgħu) jidħlu fis-suq u jfittxu li jibqgħu fl-impjieg (u inċentivi għal iktar parteċipazzjoni tal-missirijiet li għandhom responsabilitajiet ta' kura)

l-iżvilupp ta' inċentivi u appoġġ adattati għall-kumpaniji sabiex jimpjegaw iktar żgħażagħ u ħaddiema mdaħħla fl-età li qegħdin jesperjenzaw diffikultajiet partikulari fit-tfittxija ta' l-impjieg.

1.4

Hemm bżonn ta' miżuri speċjali għall-gruppi esklużi soċjalment:

l-iżvilupp ta' swieq tax-xogħol transizzjonali b'inċentivi adattati għall-kumpaniji sabiex jieħdu iktar ħaddiema, b'appoġġ simultanju għall-ħaddiema sabiex jegħlbu l-problemi li huma s-sors ta' l-esklużjoni soċjali tagħhom (jeħtieġ li nilqgħu kontra vantaġġi mhux mixtieqa u distorsjonijiet tal-kompetizzjoni);

inizjattivi għal impjieg mingħajr qligħ, speċjalment fl-ekonomija soċjali, għandhom rwol partikulari x'jaqdu hawnhekk. Għaldaqstant, għandha ssir proviżjoni għal appoġġ adattat fil-baġits tal-politika ta' l-impjieg.

1.5

Il-KESE jenfasizza li f'ħafna Stati Membri ta' l-UE l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet deskritti f'din l-opinjoni ser jeħtieġu sforzi ġodda fir-rigward tal-politika ta'- l-impjieg u li l-fondi baġitarji adattati għandhom jiġu provduti.

B'hekk, il-miżuri ta' politika attiva tas-suq tax-xogħol fil-livell nazzjonali u Ewropew ser ikollhom ftit li xejn suċċess, sakemm tingħatalhom attenzjoni adattata fl-ippjanar baġitarju ta' l-Istati Membri.

Il-KESE jinnota li f'ħafna pajjiżi hemm diskrepanzi wiesgħa bejn il-proposti għall-inizjattivi għall-politika tas-suq tax-xogħol — eż fil-qafas tal-pjanijiet tar-riforma nazzjonali — u l-fondi baġitarji (1).

Għandha tingħata konsiderazzjoni akbar fil-programmi ta' azzjoni nazzjonali lill-esperjenzi pożittivi minn pajjiżi varji u għandu jsir użu adattat ta' l-ESF 2007-2013.

1.6

B'rabta ma' dan, il-KESE f'numru ta' okkażjonijiet saħaq li dawn il-fondi baġitarji jeħtieġu kuntest markroekonomiku favorevoli, b'enfasi fuq politika ekonomika orjentata lejn it-tkabbir sabiex jingħelbu nuqqasijiet ċikliċi persistenti (2).

1.7

F'ħafna Stati Membri l-kontribuzzjonijiet soċjali li huma marbuta ma' l-ispejjeż tax-xogħol għolew tant li jistgħu jkollhom effetti negattivi fuq il-ħolqien ta' l-impjiegi. F'xi każijiet id-differenza insinfikanti bejn id-dħul wara t-taxxa u l-benefiċċji tista' titfa' dell ikrah fuq ix-xogħol. Dawn in-“nases tal-qgħad” għandhom jiġu evitati, mingħajr madankollu ma jiġu mhedda s-sistemi ta' sigurtà soċjali. B'rabta ma' dan il-KESE japprova r-rakkomandazzjoni tal-grupp ta' livell għoli dwar il-futur tal-politika soċjali f'Unjoni Ewropea mkabbra li l-bażi għall-finanzjar tas-sistemi tas-sigurtà soċjali għandha titwessa' u l-piż fiskali jitqassam b'mod iktar ġust bejn il-fatturi tal-produzzjoni sabiex l-ispejjeż ma jiġux allokati b'mod sproporzjonat fuq ix-xogħol (3).

1.8

Fir-rigward tar-reviżjoni tal-linji gwida tal-politika ta' l-impjieg fl-2008, il-KESE jikkunsidra li f'bosta mill-oqsma diskussi f'din l-opinjoni għandhom jiġu indikati aktar prijoritajiet u l-politika għandha tkun iktar ċara.

B'rabta ma' dan il-KESE jagħmel sejħa għal objettivi li jorbtu iktar fil-livell Ewropew, li jagħti lill-Istati Membri qafas ċar b'obbligazzjonijiet li m'humiex ambigwi. Il-KESE jikkunsidra li l-Kummissjoni għandha taqdi rwol ikbar fis-sorveljaza ta' l-implimentazzjoni ta' l-istrateġija ta' l-impjieg fl-Istati Membri.

Il-KESE jsejjaħ ukoll għal titjib addizzjonali ta' l-objettivi, partikularment fir-rigward ta' l-impjieg taż-żgħażagħ u tal-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ (eż. tnaqqis tal-perijodu massimu ta' sitt xhur għat-tfittxija ta' l-impjieg/postijiet tat-taħriġ li fi tmiemu ż-żgħażagħ jiġu offruti bidu ġdid), fir-rigward tal-promozzjoni ta' l-ugwaljanza, ta' l-appoġġ għall-persuni b'diżabilità u ta' l-integrazzjoni ta' l-immigranti.

B'dan il-mod, il-KESE jixtieq li l-programmi nazzjonali ta' riforma jsiru iktar ambizzjużi fil-futur fil-qasam tal-politika ta' l-impjieg u li jkun hemm titjib kwalitattiv notevoli fir-rigward ta' ħin, responsabilità, impenn ta' riżorsi u finanzjar. B'rabta ma' dan, il-KESE jipproponi li jiġu investigati modi li jiġu adottati objettivi speċifi sabiex jiġu identifikati riżorsi baġitarji adattati għal politika attiva tas-suq tax-xogħol fl-Istati Membri individwali.

Opinjoni separata tal-KESE ser tħares fid-dettall lejn l-aġġustamenti tal-linji gwida tal-politika ta' l-impjieg li ser ikunu meħtieġa mill-2009 'l quddiem (hawnhekk ġew deskritti fil-qosor).

2.   Sfond

2.1

Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-23/24 ta' Marzu il-Kunsill Ewropew talab lill-KESE, fid-dawl tas-Summit tar-Rebbiegħa ta' l-2008, sabiex ifassal rapport sommarju bħala appoġġ għas-sħubija għat-tkabbir u l-impjieg b'enfasi partikulari fuq l-impjieg tal-kategoriji ta' prijorità. Il-KESE issa qiegħed jippreżenta din l-opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar is-suġġett, li tislet mill-kompetenzi tal-kunsilli ekonomiċi u soċjali nazzjonali.

2.2

Il-KESE minn dejjem enfasizza li t-titjib fil-kompetittività u l-kisba tat-tkabbir ekonomiku sostenibbli fil-qafas ta' l-Istrateġija ta' Lisbona m'humiex għanijiet fihom innifishom, iżda li pjuttost huma intiżi li jwasslu għal tnaqqis fir-rata għolja tal-qgħad fl-UE, li jimmiraw għall-okkupazzjoni sħiħa, li jpoġġu s-skemi tas-sigurtà soċjali fuq bażi iktar stabbli u li jipprovdu l-ħarsien kontra l-esklużjoni soċjali (4).

2.3

Għalhekk l-Istrateġija ta' Lisbona kienet intiża li tagħti impetu ġdid lill-istrateġija Ewropea għall-impjieg, ħalli b'hekk tiżdied ir-rata ta' l-impjieg u l-kwalità tax-xogħol. L-Istrateġija ta' Lisbona ma mmiratx biss lejn iktar impjiegi iżda wkoll lejn impjiegi ta' kwalita ogħla. L-investiment fil-kapital uman, ir-riċerka, it-teknoloġija u l-innovazzjoni għalhekk loġikament kellhom prijorità daqstant għolja ħdejn il-miżuri tas-suq tax-xogħol u tal-politika strutturali (5).

2.4

F'din l-opinjoni il-KESE ser jiffoka fuq it-tendenzi tas-suq tax-xogħol Ewropew u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar dawk il-gruppi identifikati fir-rigward ta' liema l-Kunsill ripetutament sejjaħ lill-Istati Membri sabiex jipprovdu miżuri li:

jtejbu s-sitwazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol u jnaqqsu b'mod sinifikati l-qgħad fost iż-żgħażagħ;

jimplimentaw strateġija għax-xjuħija attiva sabiex isir possibbli għan-nies imdaħħla fl-età li jibqgħu jaħdmu għal żmien itwal;

jippromovu l-impjieg tan-nisa b'mod effettiv u jagħmluha possibbli li n-nisa u l-irġiel jirrikonċiljaw il-ħajja tax-xogħol u dik tal-familja;

jintegraw lill-persuni b'diżabilità u jippromovu l-impjieg tagħhom fil-perijodu fuq it-tul;

jżidu r-rata ta' l-impjieg u l-opportunitajiet fis-suq tax-xogħol għall-immigranti u l-minoritajiet etniċi.

2.5

Il-KESE ser jipproponi pakkett ta' miżuri preventivi u attivi ta' integrazzjoni (mill-ġdid) għal kull wieħed minn dawn il-gruppi identifikati li għandhom jingħataw konsiderazzjoni b'iktar attenzjoni fil-politiki tas- suq tax-xogħol u ta' l-impjieg ta' l-Istati Membri. Gruppi li huma soċjalment emarġinalizzati, li huma ta' sikwit esklużi mis-suq tax-xogħol, ser ikunu inklużi wkoll. B'żieda ma' dan, ser jiġu fformulati rakkomandazzjonijiet ta' politika, fost oħrajn sabiex ir-reviżjoni tal-linji gwida tal-politika ta' l-impjieg jitwettqu qabel is-Summit tar-Rebbiegħa ta' l-2008.

3.   Ir-rata ta' l-impjieg, l-impjiegi u l-qgħad — is-sitwazzjoni attwali (6)

3.1

Għall-ewwel darba mill-2001 'l hawn, fl-2005 u l-2006, l-impjieg fl-UE żdied u kien hemm tnaqqis moderat fir-rata tal-qgħad (minn 9,0 % fl-2004 għal 7,9 % fl-2006). Iż-żieda fir-rata tal-qgħad tan-nisa, — 0,6 % — tikkuntrasta b'mod iktar ċar ma' l-istaġnar tas-snin reċenti meta mqabbla mar-rata korrespettiva għall-irġiel. Din it-tendenza kompliet fl-2007 (7).

3.2

Huwa madankollu ta' tħassib serju li wieħed jikkunsidra:

li l-progress ta' l-objettivi intermedjarji ta' Lisbona u Stokkolma għar-rata ta' l-impjieg ma ntlaħqux fl-2005, la fir-rigward tar-rata ġenerali, 67 % (2005: 63,8 %) u lanqas għal dik tan-nisa, 57 % (2005: 56.3 %). Qiegħed isir ukoll iktar ċar li l-għanijiet għall-2010 ma jistgħux jintlaħqu f'ħafna Stati Membri jew fil-Komunità sħiħa;

minkejja li ż-żidiet fl-impjiegi full-time mill-2004 komplew jiddominaw l-impjieg madwar l-UE, ħafna mill-impjiegi li nħolqu f'dawn l-aħħar snin — partikularment għan-nisa — kienu part-time (li ntwera mit-tkabbir ħafna iktar baxx f'termini ekwivalenti fir-rigward ta' impjieg full-time — f'xi Stati Membri saħansitra waqgħu);

l-iktar żieda sinifikanti fl-impjieg f'dawn l-aħħar snin kienet fost il-ħaddiema mdaħħla fl-età. Madankollu, ir-rata ta' l-impjieg għall-persuni mdaħħla fl-età hija wkoll ħafna iktar baxxa mil-livell identifikat (għall-grupp ta' l-età 55-64, il-medja kienet biss 42,5 % fl-2005). Disa' Stati Membri biss kisbu t-targit ta' 50 % (differenza sinifikanti bejn in-nisa u l-irġiel: it-targit intlaħaq fi 17-il pajjiż għall-irġiel iżda għal nisa f'erba' biss, l-Iskandinavja u l-Estonja);

fl-2005 l-medja tal-qgħad fost iż-żgħażagħ — 18,5 % — baqgħet madwar darbtejn ogħla mir-rata ġenerali tal-qgħad;

minkejja t-titjib ġenerali f'bosta Stati Membri, partikularment f'dawk b'rati għoljin ħafna ta' qgħad, il-qgħad fil-livell Ewropew, ta' ftit inqas minn 8 %, qiegħed jippersisti fuq livell għoli u f'ċertu pajjiżi saħansitra għola;

differenzi maġġuri reġjonali fir-rati ta' l-impjieg qegħdin jippersistu f'numru ta' Stati Membri (meqjusin b'mod partikulari f'termini ekwivalenti fir-rigward ta' impjieg full-time). In-numru attwali ta' persuni li qegħdin jgħixu f'reġjuni ta' l-UE ta' 27 b'rata ta' qgħad ta' iktar minn 15 % għola notevolment bit-tkabbir;

il-qagħda tas-suq tax-xogħol ta' ċerti gruppi li huma soċjalment emarġinalizzati tibqa' waħda problematika ħafna.

Fuq dan l-isfond ta' bidliet fis-suq tax-xogħol, minkejja l-progress f'xi oqsma għad hemm ħafna xi jsir, sabiex jintlaħqu l-għanijiet ambizzjużi ta' l-Aġenda ta' Lisbona fil-qasam ta' l-impjieg.

3.3

Dan isir iktar u iktar minnu peress li t-tendenzi fl-okkupazzjoni juru nuqqasijiet serji, li jvarjaw ħafna minn pajjiż għal ieħor u minn settur għal ieħor:

Għall-gruppi żvantaġġati, il-possibilitajiet li jidħlu fis-suq tax-xogħol ma tantx tjiebu (dan jista' jintwera, per eżempju, mir-rati għoljin b'mod persistenti fil-qgħad fuq il-perijodu t-twil, rati ta' qgħad relattivament għoljin, partikularment fost iż-żgħażagħ u persuni bla sengħa u r-rati baxxi ta' okkupazzjoni, speċjalment fost il-ħaddiema mdaħħla fl-età).

minkejja li l-impjiegi full-time għadhom il-forma predominanti ta' l-impjieg madwar l-UE, id-data tindika żieda qawwija f'tipi ta' impjieg atipiċi (mhux konvenzjonali), f'xi każijiet mingħajr livell suffiċjenti ta' protezzjoni legali u soċjali. Ġeneralment, il-proporzjon ta' kuntratti ta' impjieg b'terminu fiss qiegħed jiżdied, u dan jolqot liż-żgħażagħ b'mod sproporzjonat. Kien hemm ukoll żieda sinifikanti fix-xogħol kuntrattwali, ix-xogħol temporanju, in-nies li suppost jaħdmu għal rashom (8), l-impjieg fuq perijodu qasir u kuntratti tax-xogħol li joffru ftit benefiċċji soċjali, minkejja li s-sitwazzjoni tvarja ħafna bejn l-Istati Membri. Ġeneralment, l-insigurtà qiegħda tiżdied, partikularment fost il-gruppi żvantaġġati. Impjiegi bħal dawn jistgħu jitqiesu bħala “pont” għas-suq tax-xogħol konvenzjonali biss jekk jiġu magħżula b'mod ħieles u jekk joffru protezzjoni.

F'ħafna Stati Membri l-inċertezza fl-impjiegi żdiedet, speċjalment fost il-ħaddiema bla sengħa, dawk il jitilqu mill-iskola kmieni u n-nies mingħajr taħriġ vokazzjonali. Minħabba l-iżbilanċ bejn id-domanda u l-provvista tal-ħiliet, id-dħul fis-suq tax-xogħol u r-ritorn lejn id-dinja tax-xogħol huma partikularment diffiċli.

Persuni b'responsabilitajiet ta' kura qegħdin isibuha iktar u iktar diffiċli sabiex isibu impjieg stabbli u ta' sodisfazzjon.

Persuni b'diżabilità qegħdin ikomplu jkunu fost dawk l-iktar esklużi mis-suq tax-xogħol. Skond l-aħħar data Ewropea 40 % biss tan-nies b'diżabilità jaħdmu. Iċ-ċifri huma iktar inkwetanti meta jitqiesu n-nies b'diżabilità serja;

Hemm ukoll numru kbir ta' persuni li l-emarġinalizzazzjoni tagħhom tinbet minn kawżi bħall-vizzji, dejn eċċessiv jew in-nuqqas ta' akkomodazzjoni, u li l-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol teħtieġ miżuri soċjali speċjali.

Il-kondizzjonijiet tax-xogħol u l-opportunitajiet fis-suq tax-xogħol ta' l-immigranti u n-nies minn familji migranti f'ħafna mill-Istati Membri huma inqas favorevoli minn dawk tal-bqija tal-popolazzjoni. Attenzjoni partikulari għandha tingħata lir-Roma, li bl-adeżjoni tar-Rumanija u l-Bulgarija, saru l-ikbar minoranza fl-Ewropa u l-qagħda ta' l-impjieg tagħhom, (fejn ir-rati tal-qgħad f'xi każijiet jilħqu s-70-90 %) hija sors ta' tħassib konsiderevoli għal diversi raġunijiet. Il-KESE ser jiġi lura għas-suġġett f'opinjoni fuq inizjattiva proprja separata.

3.4

It-tkabbir tas-settur informali, b'kondizzjonijiet tax-xogħol mhux siguri u ta' sikwit b'pagi baxxi, ifisser ir-riskju li dawk il-gruppi li ma jistgħux jagħmlu t-transizzjoni għas-suq tax-xogħol regolari jkollhom jaċċettaw bil-fors xogħol fuq perijodu fit-tul fejn ma jkunux jistgħu jużaw il-ħiliet tagħhom. Din it-tendenza (li hija diffiċli li tikkwantifikaha) ma tfissirx biss inċertezza konsiderevoli għal dawk milquta iżda twassal ukoll għal telf fid-dħul mit-taxxi u hija theddida għas-sostenibilità tal-kapaċità produttiva fl-UE.

4.   Il-ħolqien ta' qafas għat-tkabbir u iktar impjiegi li jkunu ta' kwalità ogħla

4.1

Għal bosta snin il-ħsieb dominanti fit-tfassil tal-politika Ewopea kien li problemi fis-suq tax-xogħol huma strutturali fl-oriġini tagħhom. F'ħafna pajjiżi ta' l-UE l-enfasi unilaterali tal-politika dwar l-impjieg kienet fuq it-tneħħija ta' l-istandards tal-liġi tax-xogħol, li trendi l-kisba tad-drittijiet iktar diffiċli, fuq it-tnaqqis tas-servizzi soċjali, filwaqt li fl-istess ħin rendiet il-kondizzjonijiet tax-xogħol iktar flessibbli.

4.2

Miżuri ta' politika attiva tas-suq tax-xogħol, bħal, per eżempju, il-promozzjoni ta' l-okkupazzjoni, it-tneħħija tas-skarsezza tal-ħiliet u l-programmi għall-integrazzjoni ta' gruppi żvantaġġati fis-suq tax-xogħol ġew implimentati b'mod insuffiċjenti f'ħafna pajjiżi, minkejja li xi wħud minn dawn il-pajjiżi żiedu l-infiq tagħhom f'dan il-qasam sa mill-1995. Fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi li għalihom hemm data disponibbli (appoġġ attiv u passiv), l-infiq attiv fuq miżuri għas-suq tax-xogħol fil-fatt naqas f'dawn l-aħħar snin bħala proporzjon ta' l-infiq globali. Huwa importanti ħafna li r-riżorsi allokati għall-miżuri ta' politika attiva tas-suq tax-xogħol jiġu pprovduti b'tali mod li jkunu kompatibbli mad-daqs ta' l-isfidi u fl-istess ħin, l-effikaċja tal-politika tas-suq tax-xogħol tiżdied u tiffoka fuq il-pubbliku destinatarju rilevanti.

4.3

F'dan il-kuntest, il-KESE f'diversi okkażjonijiet semma li l-miżuri u r-riformi strutturali tas-suq tax-xogħol fl-aħħar mill-aħħar jistgħu jirnexxu biss f'ambjent makroekonomiku favorevoli, b'enfasi sabiex jingħelbu n-nuqqasijiet ċikliċi eżistenti li baqgħu jippersistu u sabiex it-tkabbir jiġi konsolidat (9). Għalhekk huwa meħtieġ impenn għal politika ekonomika espansiva, orjentata lejn it-tkabbir fuq livell nazzjonali u ta' l-UE, bil-kondizzjonijiet monetarji, fiskali u ekonomiċi adattati:

Il-Bank Ċentrali Ewropew, b'konformità mal-mandat tat-Trattat, ladarba tiġi assigurata l-istabilità tal-prezzijiet, għandu jgħin sabiex iżid it-tkabbir u l-impjieg. Rata għolja tat-tkabbir fl-impjieg tista' tinkiseb biss jekk hemm tkabbir ekonomiku b'mod stabbli b'rata ogħla minn dik tar-rata medja tat-tkabbir fil-produttività

B'hekk, per eżempju, il-flessibilità ikbar li joffri l-patt imġedded għall-istabilità u t-tkabbir għandha tintuża sabiex il-pajjiżi ta' l-UE jingħataw opportunità għal politiki kontra-ċikliċi u skop fiskali għal riformi strutturali li huma soċjalment aċċettabbli kif ukoll livell adattat ta' investiment pubbliku.

L-objettivi ta' Lisbona jiddeterminaw id-direzzjoni li fiha għandu jimxi l-investiment: żvilupp ta' l-infrastruttura tal-komunikazzjonijiet u tat-trasport, protezzjoni ta' l-ambjent, inizjattiva għar-riċerka u l-iżvilupp, kura komprensiva għat-tfal, appoġġ għall-edukazzjoni u t-taħriġ, politika attiva għas-suq tax-xogħol u kwalità ta' l-impjieg. Il-programmi tar-riforma nazzjonali għandhom jiġu ddisinjati bil-għan li jirriżultaw fi programm li jsaħħaħ it-tkabbir ekonomiku ma' l-Ewropa kollha li għalih jistgħu jikkontribwixxu l-atturi kollha fil-livell nazzjonali u ta' l-UE.

5.   Ġlieda effettiva kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ

5.1

Il-qgħad fost iż-żgħażagħ hija waħda mill-kwistjonijiet jaħarqu għall-politika tax-xogħol fl-UE. Fill-pajjiżi kollha ta' l-UE r-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ hija ogħla mir-rata globali u fil-maġġoranza tal-pajjiżi qiegħda minn ta' l-anqas id-doppju ta' dik tal-popolazzjoni ġenerali. F'xi wħud mill-Istati Membri ta' l-UE ta' 15 u f'numru ta' Stati Membri ġodda l-qagħda hija saħansitra agħar. F'bosta Stati Membri, in-nuqqas ta' sigurtà fil-qasam ta' l-impjiegi żdied, saħansitra fil-parti tas-suq li tikkonċerna impegati b'ħiliet ogħla.

5.2

Kulma jmur, id-dħul fl-impjieg huwa possibbli biss permezz ta' forom alternattivi ta' impjieg b'kondizzjonijiet okkupazzjonali u soċjali li m'humiex sikuri. Il-konfini bejn l-impjieg formali u informali qegħdin ikunu kulma jmur imċajpra/inqas ċari. Għal ċerti gruppi ta' żgħażagħ, bħal dawk bla sengħa, dawk minn familji immigranti jew dawk minn gruppi żvantaġġati tal-popolazzjoni, it-transizzjoni għal impjieg regolari qiegħda ssir iktar u iktar diffiċli. Ir-riskju li jibqgħu maqbudin fil-marġni tal-popolazzjoni attiva qiegħed jikber, partikularment meta jkun hemm taħlita ta' diversi mill-karatteristiċi msemmija hawn fuq.

5.3

L-għan huwa li sakemm huwa possibbli iż-żgħażagħ kollha jingħataw prospetti siguri għall-futur. Il-kwistjoni għandha wkoll aspetti demografiċi: il-qagħda ekonomika taż-żgħażagħ tinfluwenza bil-kbir ir-rieda tagħhom li jibdew familja. F'dan ir-rigward huwa puntpożittiv li fir-rapport tagħha tar-Rebbiegħa l-Kummissjoni Ewropea, id f'id mat-titjib fil-ħiliet, issejjaħ għat-tisħiħ tal-miżuri attivi ta' politika tas-suq tax-xogħol, u b'mod partikulari tħeġġeġ li l-appoġġ għaż-żgħażagħ li qegħdin ifittxu x-xogħol jingħata fi żmien aktar bikri u li jitneħħew il-problemi strutturali li jolqtu t-transizzjoni mit-taħriġ għall-impjieg.

5.4

Eżempji pożittivi ta' dan huma l-mudelli ppruvati li jeżistu f'xi Stati Membri (il-Ġermanja, l-Awstrija u sa ċertu punt, l-Olanda) li jikkumbinaw it-tagħlim li jkun orjentat lejn il-ħtiġijiet ta' l-intrapriżi mat-tagħlim fl-iskola. Bosta studji enfasizzaw il-kwalità ta' din is-sistema ta' “taħriġ vokazzjonali doppju” u jagħtuha rwol essenzjali fil-faċilitar tat-transizzjoni mill-iskola għax-xogħol u fit-tnaqqis tad-differenza bejn ir-rata tal-qgħad ġenerali u dik taż-żgħażagħ.

5.5

Miżuri attivi u preventivi għal taħriġ inizjali u addizzjonali li jtejbu l-opportunitajiet taż-żgħażagħ li jsibu impjieg (10):

Il-garanzija tal-kwalità mit-taħriġ inizjali sa dak vokazzjonali u t-taħriġ fuq il-post tax-xoħol sabiex il-ħaddiema jkunu jistgħu jsibu posthom fis-suq tax-xogħol bl-inqas problemi possibbli u li jibqgħu fl-impjieg, bil-parteċipazzjoni ta' l-industrija li tkun involuta u l-gvern;

appoġġ attiv minn kmieni għaż-żgħażagħ li qegħdin ifittxu postijiet f'korsijiet tat-taħriġ jew impjieg (possibilment wara erba' xhur), programmi speċjalizzati u appoġġ u taħriġ individwali għall-integrazzjoni ta' gruppi bi problemi u żgħażagħ bla xogħol fuq il-perijodu fit-tul u għal dawk li telqu kmieni mill-iskola jew minn korsijiet tat-taħriġ, eż. permezz ta' proġetti ta' l-impjieg tal-komunità u l-promozzjoni tat-taħriġ;

l-iżvilupp ta' servizz li joffri pariri dwar karrieri li jkun ġeneralment disponibbli u aċċessibbli faċilment u ta' faċilitajiet ta' informazzjoni għaż-żgħażagħ fil-livelli kollha tat-taħriġ; titjib korrespondenti fil-kwalità u r-riżorsi umani għaċ-ċentri ta' l-impjieg;

it-tnaqqis fid-diskrepanzi eżistenti bejn il-kwalifiki offruti u dawk tad-domanda tas-suq tax-xogħol; żieda fl-effikaċja tas-sistemi ta' l-edukazzjoni primarja (eż. it-tnaqqis fir-rata tat-tluq kmieni mill-iskola, kampanji kontra l-analfabetiżmu) u żieda fl-opportunitajiet għall-movimenti bejn it-taħriġ inizjali vokazzjonali u addizzjonali; l-eliminazzjoni gradwali ta' segregazzjoni tas-sessi fil-qasam tal-pariri dwar karrieri;

l-implimentazzjoni ta' miżuri li jassiguraw li l-impjieg fuq perijodu qasir u li m'huwiex sikur tkun biss soluzzjoni temporanja għaż-żgħażagħ.

6.   Prospetti mtejba għall-integrazzjoni ta' l-immigranti

6.1

Fil-maġġoranza tal-pajjiżi ta' l-UE kien hemm ftit kambjament fid-diskriminazzjoni kontra l-immigranti u l-familji tagħhom fis-suq tax-xogħol. Dawn għadhom qegħdin ikunu rappreżentati żżejjed f'setturi b'pagi baxxi b'kondizzjonijiet tax-xogħol ħżiena; għandhom riskju ħafna iktar għoli li jsiru qiegħda u sa ċertu punt jibqgħu maqbudin f'impjiegi bi ftit sigurtà, riskji sinifikanti għal saħħithom, sigurtà fqira u (f'xi pajjiżi) ftit li xejn regolamentazzjoni tar-rati tal-paga.

6.2

Inkwiet partikulari huwa l-punt sa fejn din il-qagħda prekarja tas-suq tax-xogħol “intirtet” minn immigranti tat-tieni ġenerazzjoni — riżultat ta' żvantaġġi kbar fl-edukazzjoni. Fil-maġġoranza ta' l-Istati Membri, żgħażagħ minn familji immigranti jagħmlu parti minn gruppi bl-ogħla livelli ta' nuqqas ta' sikurezza fl-impjieg u għandhom l-ogħla riskju li jitwarrbu u jispiċċaw fil-marġni tas-suq regolari tax-xogħol.

6.3

Il-KESE f'diversi okkażjonijiet stqarr li jikkunsidra l-immigrazzjoni tax-xogħol bħala neċessità fid-dawl tat-tendenzi demografiċi fl-UE u enfasizza l-eżempji pożittivi f'bosta Stati Membri bħal Spanja u l-Irlanda. Dan għandu, madankollu, dejjem jiġi rrikonċiljat mal-prospetti għall-politika ta' l-integrazzjoni fl-Istati Membri, b'mod partikulari fir-rigward ta' l-impjieg (11). Is-sitwazzjoni ta' l-immigrazzjoni tvarja ħafna minn Stat Membru għal ieħor, kif ivarjaw ukoll il-miżuri adottati għall-politika ta' l-integrazzjoni, eż. fis-suq tax-xogħol u l-politika ta' l-edukazzjoni. L-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikulari lis-sitwazzjoni ta' dawk li qegħdin ifittxu l-ażil, li ta' sikwit isofru minn żvantaġġi partikulari.

6.4

Prijoritajiet għat-titjib fl-integrazzjoni ta' l-immigranti:

Attenzjoni partikulari għandha tingħata lill-appoġġ individwali ta' (qabel) id-dħul fl-iskola u investiment minn kmieni f'ħiliet relatati mal-lingwi u l-vokazzjonijiet; il-prevenzjoni ta' żvantaġġi li jinħolqu matul it-tiftix ta' l-ewwel impjiegi (eż. billi jingħelbu l-barrieri tal-lingwa mill-iktar kmieni possibbli) u l-iffaċilitar tar-rikonoxximent ta' kwalifiki barranin ta' l-immigranti.

Il-mainstreaming ta' l-integrazzjoni fil-politika soċjali u l-politika tas-suq tax-xogħol (eż. permezz tat-titjib fil-ħiliet interkulturali fl-uffiċċji tal-gvern u fiċ-ċentri ta' l-impjiegi u l-offerta ta' appoġġ għall-intrapriżi, speċjalment l-SMEs); fondi Ewropej u nazzjonali adattati għall-miżuri ta' l-appoġġ għall-integrazzjoni.

It-tneħħija ta' l-ostakli istituzzjonali li jfixklu l-aċċess għas-suq tax-xogħol fl-Istati Membri (eż. it-tnaqqis taż-żmien tas-stennija għall-permessi tax-xogħol — partikularment għal dawk li qegħdin ifittxu l-ażil (12)) u l-prevenzjoni tad-dumping tal-pagi filwaqt li jissaħħu l-prospetti ta' l-integrazzjoni bħala komponent tal-politika Ewropea dwar l-immigrazzjoni (li tassigura li l-politika ta' l-immigrazzjoni ma tfixkilx l-integrazzjoni billi tħeġġeg l-immigrazzjoni temporanja, tipi ta' xogħol mhux sikuri u l-emarġinazzjoni).

It-titjib tad-data dwar il-konnessjoni bejn is-sitwazzjoni ta' ħaddiema ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni u s-segregazzjoni jew id-diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol (13).

Miżuri preventivi u sanzjonijiet kif ukoll sħubiji bejn l-imsieħba soċjali u l-awtoritajiet pubbliċi fil-livell nazzjonali sabiex jikkumbattu l-ekonomija klandestina bil-għan li jikkumbattu d-dumping soċjali u d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, partikularment fir-rigward tal-movimenti transkonfinali tal-ħaddiema.

7.   L-isfruttar ta' l-opportunijat għall-impjieg ta' ħaddiema mdaħħla fl-età

7.1

Ir-risposta ewlenija għall-isfida demografika għandha tkun politika tat-tkabbir mirata u żieda fl-okkupazzjoni. Il-potenzjal neċessarju tax-xogħol huwa disponibbli fi kwantità suffiċjenti. U madankollu, madwar l-UE, il-potenzjal ta' l-impjieg ta' ħaddiema imdaħħla fl-età għadu mhux qiegħed jiġi sfruttat biżżejjed.

7.2

Ir-riskju ta' qgħad fuq il-perijodu fit-tul malajr jiżdied ma' l-età. Fl- EU ta' 25 ir-rata medja tal-qgħad fuq perijodu fit-tul fost il-ħaddiema mdaħħla fl-età (50-64) hija ta' iżjed minn 60 %. F'dan il-kuntest irid jiġi assigurat li l-ħaddiema mdaħħla fl-età ikollhom ċans ġenwin li jsibu l-impjieg u li jkunu jistgħu jaħdmu fuq perijodu itwal.

7.3

Ir-raġunijiet ewlenin għaliex ħaddiema mdaħħla fl-età jieqfu mix-xogħol kmieni huma problemi tas-saħħa kkawżati minn kondizzjonijiet diffiċli tax-xogħol, l-intensità tax-xogħol, it-tkeċċija bikrija tal-ħaddiema mdaħħla fl-età u n-nuqqas ta' opportunitajiet għal impjieg mill-ġdid. L-isforzi sabiex tiżdied ir-rata ta' l-impjieg tal-persuni mdaħħla fl-età li huma bbażati fuq bidliet fis-sistemi tal-pensjonijiet, li jfissru kondizzjonijiet u drittijiet ta' aċċess inqas favorevoli, huma 'l bogħod ħafna mir-riżultat mixtieq.

7.4

Hija biss politika konxja ta' “xjuħija attiva”, li tista' tipproduċi żieda sostenibbli fir-rata ta' l-okkupanza ta' nies imdaħħla fl-età. Mudelli li kellhom suċċess, per eżempju fl-istati Nordiċi (speċjalment fil-pakkett ta' integrazzjoni ta' miżuri adottati fil-qafas tal-programm nazzjonali ta' azzjoni għall-persuni mdaħħla fl-età) juru mod li huwa soċjalment aċċettabbli, li bil-parteċipazzjoni stretta ta' l-imsieħba soċjali, suq tax-xogħol li jopera b'rata għolja ta' stabilità fl-impjieg jista' jinħoloq għal nies imdaħħla fl-età.

7.5

Aspetti ewlenin ta' caqliqa sistematika lejn dinja ta' l-impjieg li tkun iżjed favorevoli għal nies imdaħħla fl-età (14):

Pariri komprensivi u appoġġ għal min qiegħed ifittex ix-xogħol u appoġġ proattiv għall-medjazzjoni fl-impjieg (inkluż l-impjieg issussidjat, l-appoġġ għat-twettiq ta' l-impjieg, il-proġetti soċjali tal-karità) u fejn hemm bżonn miżuri għar-riabilitazzjoni għall-integrazzjoni mill-ġdid fuq il-perijodu fit-tul; fondi adattati għall-politiki attivi fis-suq tax-xogħol u l-ippjanar fit-tul għaċ-ċentri ta' l-impjieg.

It-twaqqif ta' inċentivi li huma soċjalment aċċettabbli għall-irtirar iktar fit-tard u, fejn possibbli jew mixtieq, l-iżvilupp ta' mudelli attraenti għal transizzjoni flessibbli mill-ħajja tax-xogħol għall-irtirar fi ħdan is-sistema pubblika tal-pensjonijiet (inkluż l-iżvilupp addizzjonali ta' l-impjieg part-time għal nies imdaħħla fl-età).

Miżuri sabiex il-ħaddiema jsiru iktar kapaċi fiżikament u mentalment li jibqgħu attivi fix-xogħol għal tul ta' żmien itwal, fuq kollox billi jitnaqqsu l-pressjonijiet fuq ix-xogħol u billi l-kondizzjonijiet tax-xogħol jiġu adattati (eż. inċentivi għall-iżvilupp tal-protezzjoni tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol, it-tnedija ta' programmi azjendali għall-promozzjoni tas-saħħa li jkunu ġeneralment disponibbli, mediċina preventiva u programmi għall-protezzjoni ta' l-impjieg).

li jiġu mħeġġa ħaddiema mdaħħla fl-età sabiex isiru iktar involuti f'taħriġ addizzjonali (inizjattiva għal dawk 'il fuq minn 40 sena, inċentivi għat-titjib fil-parteċipazzjoni f'taħriġ in-house addizzjonali, partikularment għal dawk b'inqas ħiliet).

Miżuri li jżidu l-kuxjenza dwar il-ħaddiema mdaħħla fl-età (apprezzament tal-valur ta' l-esperjenza u t-trasferiment tal-ħiliet tul il-ħajja tax-xogħol lil ħaddiema iżgħar) u l-parir u l-appoġġ għall-kumpaniji, speċjalment l-SMEs, fl-ippjanar bil-quddiem tal-persunal u l-iżvilupp ta' tipi ta' organizzazzjoni ta' xogħol favur il-ħaddiema imdaħħla fl-età.

8   Titjib fl-impjieg tan-nisa

8.1

Minkejja li n-nisa avvanzaw b'mod sinifikanti tul dawn l-aħħar 30 sena f'termini ta' kwalifiki formali, in-nuqqas ta' ugwaljanza ta' l-opportunitajiet fis-suq tax-xogħol għadu mifrux. In-nisa għadhom qegħdin jaħdmu l-iktar fis-setturi tas-servizzi tradizzjonali u s-setturi industrijali li tradizzjonalment kellhom proporzjon għoli ta' ħaddiema nisa. In-nisa għandhom wisq inqas opportunitajiet sabiex jagħmlu użu mill-kwalifiki ta' l-edukazzjoni f'xogħolhom. Ir-rikonċiljazzjoni bejn il-karriera u l-familja għadha, bla ebda paragun, iktar diffiċli għan-nisa milli l-irġiel.

8.2

Il-proporzjon ta' ħaddiema part-time huwa ħafna ogħla fil-gruppi kollha ta' l-età għan-nisa milli għall-irġiel. Iż-żieda fix-xogħol part-time, li jekk jintgħażel b'mod ħieles ma jfissirx li l-pagi u l-prospetti m'għandhomx jitjiebu, hija xi ħaġa li għandha tintlaqa' u għadha fattur maġġuri fis-segmentazzjoni tas-sessi fis-suq tax-xogħol.

8.3

Kważi fl-oqsma kollha ta' l-impjieg id-differenzi kbar fid-dħul finanzjarju ta' bejn is-sessi jippersistu, indipendentement mill-qagħda tas-suq tax-xogħol. Interruzzjonijiet twal tul il-karriera minħabba obbligazzjonijiet ta' kura, għandhom impatt partikularment negattiv fuq l-opportunitajiet ta' avvanz fil-karriera, id-dħul finanzjarju u d-drittijiet soċjali. Filwaqt li l-irġiel jistgħu jistennew żidiet progressivi fil-paga li jiżdiedu bl-età, id-dħul tan-nisa għandu tendenza li jistaġna fil-gruppi ta' l-età li fihom jinterrompu l-karrieri tagħhom jew ta' sikwit jaqilbu għax-xogħol part-time sabiex irabbu t-tfal.

8.4

Eżempji mid-Danimarka u l-Isvezja juru li l-affarijiet jistgħu jkunu differenti u li l-mainstreaming tas-sessi fil-politika tas-suq tax-xogħol jista' jkun iktar minn slogan. F'dawn il-pajjiżi d-differenzi fid-dħul huwa ħafna inqas, u r-rata ta' l-impjieg tan-nisa u d-disponibilità tal-faċilitajiet għat-tfal (speċjalment għat-tfal li għandhom inqas minn sentejn) huma ħafna ogħla minn dawk fi Stati Membri oħra. L-Olanda toffri eżempju pożittiv ieħor. Hawnhekk insibu rata għolja ta' okkupazzjoni tan-nisa flimkien ma' rata għolja ħafna ta' impjieg part-time, li fil-maġġoranza tal-każijiet jintgħazel b'mod ħieles.

8.5

Miżuri ewlenin sabiex jiġu indirizzati l-problemi li jolqtu lill-impjieg tan-nisa (15):

Miżuri sabiex jeliminaw id-diskriminazzjoni eżistenti fis-suq tax-xogħol u l-kawżi strutturali ta' differenzi bejn is-sessi fir-rigward tad-dħul finanzjarju, speċjalment il-promozzjoni ta' mezzi indipendenti ta' qligħ għan-nisa, partikularment permezz ta' mezzi li jnaqqsu x-xogħol fuq perijodu qasir li ma joffrix sikurezza u li jkun ta' tip part-time u sabiex jittejjeb l-istandard ta' xogħol part-time b'mod ġenerali (eż. l-estensjoni tad-dritt ta' xogħol part-time għall-ġenituri, bid-dritt li jirritornaw għax-xogħol full-time iżjed tard; parteċipazzjoni mtejba fil-programmi ta' taħriġ addizzjonali provdut fuq il-post tax-xogħol ).

Żvilupp qawwi fil-kura ġeneralment disponibbli u ta' tip li faċli li wieħed ikun jista' jakkwistaha, b'faċilitajiet ta' kwalità għolja għat-trabi u t-tfal ta' l-età ta' l-iskola barra mid-dar, li jagħmel possibbli li jiġu rrikonċiljati x-xogħol u l-familja; kontribuzzjonijiet għall-promozzjoni effettiva tal-qsim tal-kompiti bejn il-ġenituri (speċjalment inċentivi għaż-żieda fil-kontribut tal-missier lejn it-trobbija).

It-tneħħija tal-miżuri tal-politika tal-familja li għandhom tendenza li jiskoraġġixxu l-impjieg permezz ta' inċentivi qawwija għall-waqfien tax-xogħol jew għall-interruzzjonijiet twal tul il-karriera, bi tnaqqis fl-opportunitajiet għall-bidu ta' impjieg f'kondizzjonijiet aċċettabbli; konċessjonijiet għall-leave tal-ġenituri m'għandhomx jolqtu d-dħul finanzjarju b'mod negattiv, ifixklu l-avanz tal-karriera tal-mara jew joħolqu ostakli ġodda għat-tqassim tal-leave tal-ġenituri bejn iż-żewġ partners.

Il-miżuri tal-politika tas-suq tax-xogħol li jħeġġu lill-ġenituri sabiex jerġgħu jibdew ix-xogħol wara pawża fil-karriera (inkluż appoġġ għat-tnedija ta' intrapriżi tagħhom stess) u li jħarsu lin-nisa milli jkollhom jagħmlu xogħol li għalih huma kkwalifikati żżejjed u t-telf ta' dħul finanzjarju (eż. mudelli għat-taħriġ addizzjonali flessibbli huma disponibbli tul il-pawża fil-karriera jew impjieg li jkompli iżda b'sigħat imnaqqsa).

L-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol favur il-familja (inklużi l-opportunitajiet għall-ġenituri ta' trabi jew tfal ta' l-età ta' l-iskola sabiex jirranġaw il-ħin tax-xogħol tagħhom, il-ftehim ta' teleworking u d-drittijiet legali għall-ħin tax-xogħol varjabbli għal persuni b'obbligazzjonijiet ta' kura).

9   It-titjib fl-opportunitajiet fis-suq tax-xogħol għall-persuni b'diżabilità

9.1

Il-persuni b'diżabilità għadhom, b'mod sinifikanti, fost dawk l-aktar esklużi mis-suq tax-xogħol. Il-ħaddiema b'diżabilità għandhom iktar ċans li jkunu f'impjieg ta' paga baxxa u huma ta' sikwit iddiskriminati kontra l-aċċess għat-taħriġ u l-promozzjoni fil-karriera. Billi 15 % tal-popolazzjoni ta' l-UE ta' l-età li jistgħu jaħdmu għandhom diżabilità ta' xi tip u fid-dawl tar-rata baxxa ta' l-impjieg ta' dan il-grupp, żieda fir-rata ta' l-impjieg tal-persuni b'diżabilità tista' tikkontribwixxi bil-kbir lejn l-għanijiet ta' l-Istrateġija ta' Lisbona.

9.2

F'dan il-kuntest, il-KESE jilqa' d-dokument tal-Kummissjoni dwar “L-inklużjoni tal-kwistjonijiet relatati mad-Diżabilità fl-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjieg” (16), li huwa punt ta' bidu pożittiv għall-avanz ta' l-integrazzjoni tal-persuni b'diżabilità fis-suq tax-xogħol u jfakkar li l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol hija l-aħjar arma fil-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali. Il-KESE jfakkar li l-biċċa l-kbira tan-nies jakkwistaw diżabilità matul il-ħajja tax-xogħol tagħhom iżda ftit huma dawk li jiġu offerti l-opportunità li jirritornaw għax-xogħol b'mod adattat għad-diżabilità tagħhom. Eżempji pożittivi hawnhekk huma l-liġijiet stretti ta' kontra d-diskriminazzjoni tar-Renju Unit li jipprovdu għal mekkaniżmi sabiex jitressqu ilmenti, u l-mudell Daniż li jgħaqqad il-flessibilità tas-suq tax-xogħol ma' garanziji soċjali suffiċjenti u livell għoli ta' edukazzjoni u ta' taħriġ.

9.3

Miżuri ta' prijorità għall-promozzjoni ta' l-impjieg ta' persuni b'diżabilità (17):

L-aġġustament tas-sistemi tat-taxxa u tal-benefiċċji b'tali mod li jagħmlu x-xogħol u t-transizzjonijiet għax-xogħol attraenti billi per eżempju jipprovdu l-benefiċċji relatati max-xogħol; barraminhekk, ir-ritorn għall-pensjonijiet tad-diżabilità għandu jkun possibbli wara perijodu ta' prova tax-xogħol.

L-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-appoġġ għall-programmi attivi fis-suq tax-xogħol (b'mod partikulari l-miżuri għar-riabilitazzjoni) immirati speċifikament lejn in-nies b'diżabilità kif ukoll miżuri li jiffaċilitaw it-transizzjoni minn impjieg protett għal impjieg iktar komuni (eż. l-adattament ta' l-azzjonijiet ta' l-informazzjoni u l-komunikazzjoni għall-persuni b'diżabilità li qegħdin ifittxu x-xogħol).

Il-postijiet tax-xogħol għandhom isiru iktar adattati għall-persuni b'diżabilità u għandu jkun hemm azzjonijiet ta' appoġġ pożittivi indirizzati speċifikament lejn ħaddiema li jsofru diżabilità waqt il-ħajja tax-xogħol tagħhom; perijodi ta' leave ikkumbinati ma' taħriġ addizzjonali, l-adozzjoni tad-deskrizzjoni tax-xogħol tagħhom jew assenjazzjonijiet alternattivi għandhom jiġu kkunsidrati.

Il-provvisti għal assistenza addizzjonali għall-ħaddiema b'diżabilità kif ukoll ta' servizzi ta' kura għal persuni b'diżabilità sabiex jippermettu lill-ħaddiema li għandhom membru tal-familja b'diżabilità jkomplu jaħdmu.

Brussell, 12 ta' Lulju 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Ara l-opinjoni KESE tas-17.5.2006 dwar il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-linji gwida għall-politiki ta' l-impjieg ta' l-Istati Membri, rapporteur: is-Sur Greif (ĠU C 195, 18.8.2006).

(2)  Ara r-Rapport tal-grupp ta' livell għoli dwar il-futur tal-politika soċjali f'Unjoni Ewropea mkabbra ta' Mejju 2004.

(3)  Ibid.

(4)  Ara l-opinjoni esploratorja tal-KESE tat-13.9.2006 dwar il-Kwalità tal-ħajja tax-xogħol. il-produttività u l-impjieg fil-kuntest tal-globalizzazzjoni u l-isfidi demografiċi, rapporteur: is-Sinjura Engelen-Kefer ĠU C 138, 23.12.2006.

(5)  Ara l-opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE tad-9.2.2005 dwar il-Politika ta' l-impjieg: ir-rwol tal-KESE wara t-tkabbir ta' l-UE u mil-lat tal-Proċess ta' Lisbona, rapporteur: is-Sur Greif (ĠU C 221, 8.9.2005).

(6)  Ara l-graffs varji fl-appendiċi.

(7)  Employment in Europe 2006 (L-Okkupazzjoni fl-Ewropa 2006).

(8)  Ara l-Green Paper li timmodernizza l-liġi dwar ix-xogħol biex taffaċċa l-isfidi tas-seklu 21, COM(2006) 708 finali.

(9)  Ara wkoll l-opinjoni tal-KESE tal-11.12.2003 dwar il-Linji gwida għall-politika ekonomika ġenerali 2003-2005 (Broad economic policy guidelines 2003-2005) rapporteur: is-Sur Delapina (ĠU C 80, 30.3.2004) u l-opinjoni tal-KESE tas-17.5.2006 dwar il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-linji gwida għall-politiki ta' l-impjieg ta' l-Istati Membri, (Proposal for a Council Decision on guidelines for the employment policies of the Member States), rapporteur: is-Sur Greif (ĠU C 195, 18.8.2006).

(10)  Ara wkoll l-opinjoni tal-KESE tas-26.10.2005 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill dwar il-politiki Ewropej rigward iż-żgħażagħ — L-Indirizzar tal-problemi taż-żgħażagħ fl-Ewropa — L-implimentazzjoni tal-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ u l-promozzjoni taċ-ċittadinanza attiva; rapporteur is-Sinjura van Turnhout (ĠU C 28, 3.2.2006).

(11)  Ara wkoll l-opinjoni tal-KESE ta' l-10.12.2003 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-immigrazzjoni, l-integrazzjoni u l-impjieg, rapporteur: is-Sur Pariza Castaños (ĠU C 80, 30.3.2004).

(12)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li twaqqaf l-istandards minimi għar-riċeviment ta' l-applikanti għall-ażil fl-Istati Membri, rapporteur: is-Sur Mengozzi (ĠU C 48, 21.2.2002).

(13)  Il-Eurostat bħalissa qiegħed jaħdem fuq modulu ad hoc dwar il-qagħda tax-xogħol ta' l-immigranti u d-dixxendenti immedjati tagħhom li ser jiġi implementat fil-kollezzjoni ta' data ta' 2008. L-għan huwa li jtejjeb l-l-informazzjoni dwar nies imwielda barra koperta mill-Istħarriġ Komunitarju dwar il-Forza tax-Xogħol.

(14)  Ara l-opinjoni tal-KESE ta' l-15.12.2004 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni dwar iż-żieda fl-okkupanza tal-ħaddiema ta' età ikbar u d-dewmien tal-ħruġ mis-suq tax-xogħol, rapporteur: is-Sur Dantin (ĠU C 157, 28.6.2005).

(15)  Ara l-opinjoni tal-KESE tat-13.9.2006 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni dwar Il-Pjan ta' rotta għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2006-2010, rapporteur: is-Sinjura Attard (ĠU C 318, 23.12.2006) u l-opinjoni tal-KESE tad-29.9.2005 dwar Il-faqar fost in nisa fl-Ewropa, rapporteur: is-Sinjura King (ĠU C 24, 31.1.2006).

(16)  EMCO/II/290605.

(17)  Ara l-opinjoni tal-KESE ta' l-20.4.2006 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni — Is-sitwazzjoni tal-persuni b'diżabilità fl-Unjoni Ewropea mkabbra: il-Pjan ta' Azzjoni Ewropew 2006-2007, rapporteur: is-Sur Greif (ĠU C 185, 8.8.2006) u l-opinjoni esploratorja tal-KESE tas-17.1.2007 dwar l-Opportunitajiet indaqs għall-persuni b'diżabilità, rapporteur: is-Sur Joost ĠU C 93, 27.4.2007.