|
27.10.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
C 256/88 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l- “Innovazzjoni: l-impatt fuq it-tibdiliet industrijali u r-rwol tal-BEI”
(2007/C 256/17)
Nhar is-6 ta' Lulju 2006, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja fuq l-Innovazzjoni: l-impatt fuq il-bidliet industrijali u r-rwol tal-BEI.
Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-20 ta' Ġunju 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Tóth. Il-ko-rapporteur kien is-Sur Calvet Chambon.
Matul l-437 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-11 u 12 ta' Lulju 2007 (seduta tal- 11 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'138 vot favur, vot wieħed kontra u 3 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1 |
Fl-opinjoni fuq inizjattiva proprja tiegħu, il-KESE, wara li studja r-rabtiet bejn l-innovazzjoni u l-bidliet industrijali, u bosta inizjattivi rilevanti nazzjonali u ta' l-UE, iddeċieda li janalizza u jippreżenta rakkomandazzjonijiet dwar l-aspetti tas-sistemi innovattivi li jwasslu għall-użu dirett kummerċjali tar-riżultati tar-riċerka, u li jsaħħaħ u jippromovi l-iżvilupp ta' l-industrija u l-prestazzjoni ekonomika Ewropea. |
|
1.2 |
Il-KESE jħoss li ta' min isemmi li f'bosta pajjiżi u reġjuni hemm korrelazzjoni stretta bejn l-innovazzjoni b'suċċess u t-trasparenza tas-soċjetà u tas-sistemi edukattivi. Peress li l-innovazzjoni f'dan is-seklu — u huwa tassew fattur kritiku — sseħħ mhux biss fil-ħajja ekonomika, iżda fl-oqsma kollha ta' l-attività, il-kwalità tar-riżorsi umani tista' ssir fattur b'saħħtu għat-tkabbir. Il-KESE jħoss li dan il-fattur kulma jmur ser isir iżjed kruċjali bħala katalista għall-iżvilupp, u li b'hekk l-innovazzjoni għandha fuq kollox tibni fuq il-bażi ta' edukazzjoni u taħriġ wiesgħa b'konformità mal-kriterju tat-tagħlim tul il-ħajja kollha; dan għandu jagħmel użu ta' aċċess ugwali għal bażi ta' għarfien open-source u open-content. |
|
1.3 |
Il-KESE jħoss li huwa kruċjali li l-kumpaniji jiksbu sinerġiji bejn l-innovazzjoni, il-politika tar-riżorsi umani u s-setturi ta' l-għarfien, li mhux biss jaġġixxu bħala bażi għall-innovazzjoni iżda wkoll li jagħmluh possibbli li timxi 'l quddiem. Fl-istess ħin, għandu jinstab mezz li jassigura li r-ristrutturar industrijali jadatta b'mod flessibbli għall-bidliet fl-istrutturi ta' l-impjieg, u l-kondizzjonijiet finanzjarji meħtieġa għandhom ikunu implimentati sabiex dan iseħħ. |
|
1.4 |
Il-KESE jħoss li huwa kruċjali li titqajjem kuxjenza pubblika dwar l-inizjattivi innovattivi ta' suċċess filwaqt li jsaħħu l-preżenza pubblika tagħhom u jżidu l-appoġġ. Ir-rwol innovattiv moqdi mis-soċjetà huwa ta' importanza kruċjali fil-proċess innovattiv ġenerali. L-innovazzjoni non-teknoloġika bħal mudelli ġodda ta' ġestjoni ta' l-intrapriżi, pjanar aħjar, organizzazzjoni tax-xogħol u kompetenzi imtejba huma minn ta' l-anqas importanti daqs l-innovazzjoni teknoloġika. Ġeneralment, l-innovazzjoni fir-rigward ta' l-organizzazzjoni jew l-iżvilupp organizzattiv huwa meħtieġ sabiex jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal ta' l-innovazzjoni teknoloġika. |
|
1.5 |
L-imsieħba soċjali u l-atturi u l-istituzzjonijiet tas-soċjetà ċivili organizzata diġà jaqdu rwol importanti ħafna billi jassiguraw li l-istimuli għall-immodernizzar li joħorġu mill-innovazzjoni jiġu identifikati, rinfurzati u aċċettati; aħna nissuġerixxu li dan ir-rwol jissaħħaħ, mhux ta' l-inqas fit-tfassil ta' prijoritajiet u politiki strateġiċi. |
|
1.6 |
Il-KESE huwa konvint li s-soluzzjoni għall-paradoss Ewropew — is-saħħa tagħna fir-riċerka bażika, ikkumbinata ma' dgħjufija meta niġu sabiex insarrfu s-sejbiet f'riżultati kummerċjali prattiċi — għandha tinvolvi bidla fl-enfasi: miż-żieda fl-infiq fir-riċerka u l-iżvilupp bħala persentaġġ tal-PGD għal bidliet fl-istruttura ta' dak l-infiq. Filwaqt li għandna bżonn nagħmlu iktar sforz fir-rigward ta' żieda fl-infiq, għandna nagħtu iktar attenzjoni lil approċċi ġodda. |
|
1.6.1 |
Sa ċertu punt, ir-riċerka u l-izvilupp fl-Istati Membri ta' l-UE huma ddominati min-naħa tal-provvista: il-provvista tas-sejbiet tar-riċerka u l-iżvilupp huma ogħla mid-domanda intraprenditorjali. Id-domanda għandha tiġi stimulata permezz tat-tnaqqis fir-riskju intraprenditorjali, it-tjieba fil-kondizzjonijiet għar-riċerka fis-settur privat, il-bidliet fil-klima kummerċjali, u l-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-universitajiet, l-istituzzjonijiet tar-riċerka, u l-kummerċ. |
|
1.6.2 |
It-tjieba fil-kapaċità innovattiva u sostenibbli tal-kummerċ teħtieġ sforz koordinat fil-livelli nazzjonali, reġjonali u ta' l-UE fl-oqsma tal-finanzi, ir-riċerka u l-iżvilupp, l-industrija, it-tassazzjoni, l-edukazzjoni, il-ħarsien ambjentali, il-midja u l-komunikazzjonijiet. |
|
1.6.3 |
Aħna nħossu li huwa ta' min jikkunsidra soluzzjoni li diġà tnediet f'xi Stati Membri: kumpaniji attivi fil-qasam ta' l-iżvilupp jew fl-esternalizzazzjoni ta' l-iżvilupp lill-organizzazzjonijiet tar-riċerka jistgħu jkunu mogħtija fondi baġitarji addizzjonali mis-settur privat, fuq il-bażi ta' l-espressjonijiet ta' l-interess. |
|
1.7 |
Il-KESE jenfasizza li r-rikonoxximent u l-protezzjoni għall-proprjetà intellettwali fl-UE kulma jmur mhux qegħdin ikunu kapaċi jlaħħqu mad-domandi dejjem akbar tal-kompetizzjoni globali. Huwa importanti li nkomplu nagħrfu l-importanza tal-pubblikazzjoni ta' sejbiet xjentifiċi, u, għaldaqstant, ir-rwol ta' l-evalwazzjoni — l-importanza tas-“suq xjentifiku”; bl-istess mod, l-isfruttar kummerċjali u l-privattivi tas-sejbiet tar-riċerka, l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, u d-difiża iktar b'saħħitha ta' l-interessi Komunitarji huma kwistjonijiet li jeħtieġi attenzjoni iktar mill-qrib u miżuri komprensivi. Il-KESE jħoss li fl-istess ħin li jiżviluppaw il-liġi Komunitarja, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw l-istrumenti ta' politika adattati għall-iżvilupp ta' leġislazzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà, inkluża s-sorveljanza istituzzjonali ta' l-użu tal-privattiva, kif ukoll kooperazzjoni msaħħa fi ħdan l-UE. |
|
1.8 |
Il-KESE jemmen li sabiex niffokaw fuq l-innovazzjoni u nsaħħu l-kompetittività b'mod dinamiku u sabiex nersqu lejn l-iżvilupp sostenibbli, huwa essenzjali li nniedu funzjonijiet tal-ġestjoni għall-innovazzjoni strateġika, kif ukoll soluzzjonijiet għall-kwistjoni tat-taħriġ tar-riċerkaturi u l-ispeċjalisti tal-kummerċ f'dan il-qasam. Huwa importanti b'mod partikulari li jiġu integrati t-teknoloġiji ta' l-informazzjoni u l-komunikazzjoni fl-edukazzjoni (1), sabiex it-tagħlim elettroniku jagħti attenzjoni speċjali lit-taħriġ fil-ġestjoni ta' innovazzjoni u fuq l-iżvilupp ta' sistemi akkompanjanti ta' inċentivi u kondizzjonijiet organizzattivi. |
|
1.9 |
Fil-fehma tal-KESE, fl-interess tal-promozzjoni ta' l-innovazzjoni għandhom isiru sforzi sabiex jiġu allinjati l-prijoritajiet tal-bidliet industrijali ma' dawk tat-taħriġ u t-taħriġ addizzjonali, li jwasslu għal tweġiba għall-ħtiġijiet u l-bidliet tas-suq, inkluż fil-qasam tat-taħriġ. Huwa importanti li tiġi assigurata l-mobilità tar-riċerkaturi u l-mobilità adattata fil-ġestjoni ta' l-innovazzjoni, bl-għan li jkun hemm kooperazzjoni wiesgħa bejn il-maniġers fl-istituzzjonijiet li jittrattaw ma' l-innovazzjoni u l-partijiet korrespondenti tagħhom fix-xjenza u l-parkijiet tat-teknoloġija. |
|
1.10 |
Il-KESE jħoss li l-ġestjoni u l-istrutturi organizzazzjonali li huma kapaċi li jagħmlu t-trasferiment tat-teknoloġija iktar effettiva għandhom rwol speċjali x'jaqdu fil-promozzjoni tal-bidliet industrijali. Il-parkijiet industrijali, tax-xjenza u tat-teknoloġija u ċ-ċentri tat-teknoloġija huma għodod importanti ferm għall-provvista ta' l-għarfien u l-assistenza neċessarji flimkien mal-laboratorji rekwiżiti għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju sabiex jibdew, jistabbilixxu ruħhom, jassiguraw sehem mis-suq, u jżommu ma' l-avanzi teknoloġiċi. Il-provvista ta' l-intrapriżi bil-kondizzjonijiet rekwiżiti għall-innovazzjoni b'kontenut ta' kwalità għolja u bi prezz relattivament baxx qiegħed kulma jmur isir iktar essenzjali għall-korpi tat-trasferiment tat-teknoloġija sabiex joperaw f'netwerks, sabiex, bl-użu tat-teknoloġiji ta' l-informazzjoni u l-komunikazzjoni, ikunu jistgħu jaqdu dmirijiet loġistiċi. Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra approċċi varji għall-iżvilupp ta' strutturi bħal dawn, b'enfasi partikulari fuq il-promozzjoni ta' l-iżvilupp ta' poli (kompetittivi) ta' xjenza u teknoloġija u ċentri ta' l-għarfien. Il-poli (kompetittivi) tax-xjenza, li jħaddnu l-universitajiet, il-parkijiet tax-xjenza u tat-teknoloġija, l-inkubaturi u ċ-ċentri tat-teknoloġija, għandhom jingħataw rwol prinċipali fis-segwitu tal-prijoritajiet għall-iżvilupp ta' l-UE; barraminhekk, għandhom jittieħdu passi sabiex jiffaċilitaw it-twaqqif ta' strutturi bħal dawn. |
|
1.11 |
Il-KESE jħoss li l-objettivi li l-UE saħqet fuqhom- bħall-viżjoni ta' l-istrateġija ta' Lisbona li l-Ewropa ssir l-ekonomija l-iktar kompetittiva fid-dinja fil-ġejjieni qarib — m'humiex evidenti fid-dibattiti dwar il-baġit, u b'mod partikulari fiċ-ċifri miftehma f'dak il-baġit. Il-Kummissjoni qiegħda tagħti riżorsi sinifikanti lill-programmi tar-riċerka u l-iżvilupp iżda r-rwol u l-importanza tagħhom m'humiex qegħdin jikbru skond l-istennijiet. Sabiex dawn il-programmi jkunu jistgħu jaħdmu b'mod effettiv, l-impatt tagħhom irid jiġi multiplikat fl-Istati Membri, u jridu jiġġeneraw programmi li jqisu ċ-ċirkostanzi partikulari ta' kull pajjiż. Madankollu, dan m'huwiex qiegħed jiġri. Il-KESE jħoss li l-Kummissjoni għandha tirrevedi s-sistema tagħha għall-ġestjoni ta' l-innovazzjoni, u tipprovdi appoġġ għal koordinazzjoni iżjed effettiva ta' l-isforzi ta' l-Istati Membri, li twassal għall-effett ta' multiplikatur tar-riżorsi tar-riċerka u l-iżvilupp li jinħassu iktar bis-saħħa, partikularment fid-dawl tal-prijoritajiet ta' l-UE għall-iżvilupp. |
|
1.12 |
Fir-rigward tal-finanzi, il-KESE jilqa' l-isforzi varji mill-Bank Ewropew ta' l-Investiment (il-Grupp tal-BEI) sabiex itejjeb il-prestazzjoni ekonomika u l-kapaċità ta' l-innovazzjoni Ewropea, kemm min-naħa tal-provvista kif ukoll tad-domanda. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni li hemm element wieħed biss ta' medda ta' strumenti finanzjarji: huwa essenzjali għall-baġit ta' l-UE li jassigura li l-fondi għall-innovazzjoni jitqabbel ma' l-għanijiet ta' l-istrateġija ta' Lisbona. Barraminhekk, huma meħtieġa wkoll kontribuzzjonijiet ta' proporzjonijiet simili mill-baġits nazzjonali u reġjonali. |
|
1.13 |
Fuq il-bażi ta' l-esperjenza sal-lum, il-KESE jikkunsidra li l-attivitajiet tal-Grupp tal-BEI, ġeneralment kellhom effett ta' lieva. Għalhekk il-KESE jsejjaħ lill-Grupp tal-BEI sabiex jissorvelja b'mod kontinwu u jirrevedi l-lieva, u sabiex jikkoordina mal-Kummissjoni Ewropea flimkien ma' istituzzjonijiet oħra finanzjarji b'mod ġenerali, sabiex jimmassimizzaw l-effett ta' lieva. |
|
1.14 |
Fil-fehma tal-KESE, il-Grupp tal-BEI għandu kapaċitajiet enormi kemm bħala bank tas-settur pubbliku kif ukoll bħala provveditur tas-servizzi. Il-KESE jirrakkomanda li l-Grupp tal-BEI jespandi l-attività tiegħu bħala maniġer tar-riżorsi finanzjarji, bil-parteċipazzjoni tal-fondi privati kif ukoll tal-fondi Komunitarji. |
2. Ewropa moderna, favur l-innovazzjoni
|
2.1 |
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2006) 589, li ġiet ippubblikata fil-laqgħa informali tal-kapijiet ta' stat jew gvern ta' l-UE li nżammet taħt il-Presidenza Finlandiża fl-20 ta Ottubru 2006 f'Lahti, il-Finlandja, tikkonċerna kwistjonijiet marbuta ma' l-impatt ta' l-innovazzjoni fuq il-bidliet industrijali f'diversi modi. Skond il-komunikazzjoni, l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom ħafna assi ta' l-innovazzjoni. Iżda nsofru wkoll minn numru ta' paradossi: aħna l-Ewropej nivvintaw u ninnovaw iżda ta' sikwit ma nikkonvertux l-invenzjonijiet tagħna fi prodotti ġodda, impjiegi u privattivi; hemm ħafna start-ups żgħar, innovattivi ħafna iżda ma jikbrux faċilment f'kumpaniji kbar b'suċċess globali; barraminhekk, filwaqt li f'ċertu setturi, bħat-telekomunikazzjonijiet, l-adozzjoni ta' innovazzjonijiet (ICT) żiedu l-produttività b'mod sinifikanti, f'setturi oħra dan ma ġarax, kif juru bosta eżempji. L-innovazzjoni u l-bidliet industrijali jeħtieġu leġislazzjoni komprensiva, flessibbli dwar ir-reġistrazzjoni tal-privattiva u l-proprjetà intellettwali. Għal dan il-għan, il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-privattiv Komunitarju ta' l-1 ta' Awissu 2000 jeħtieġ li jiġi rivedut u allinjat iktar mat-tendenzi ekonomiċi li qegħdin jitbiddlu b'rata mgħaġġla (ara, b'mod partikulari, il-liċenzji obbligatorji u l-kawżi ta' l-għeluq tal-privattiv Komunitarju). B'hekk, il-proċeduri huma neċessarji għall-faċilitar ta' l-użu tal-privattivi reġistrati f'applikazzjonijiet industrijali u/jew kummerċjali u r-rikonoxximent tal-proprjetà intellettwali ta' l-innovazzjoni minn operaturi individwali — riċerkaturi, staff maniġerjali, inġiniera — jew gruppi ta' operaturi, inkluż fejn jagħmlu parti minn intrapriża u struttura amministrattvia u l-innovazzjoni hija esterna għal dik l-istruttura. |
|
2.2 |
L-innovazzjoni jista' jkollha impatt ottimu fuq il-bidliet industrijali, sakemm ikun hemm sistema għall-istrumenti li jikkoordinaw fil-livell tal-kumpaniji, is-setturi, ir-reġjuni, l-Istati Membri, u l-UE, li tipprovdi strumenti accessibbli, faċli li jintużaw mill-intrapriżi, l-impjegati, l-istituzzjonijiet xjentifiċi u edukazzjonali, u organizzazzjonijiet interessati oħra li qegħdin jipparteċipaw f'dan il-proċess. |
|
2.3 |
Fil-livell ta' intrapriżi individwali, mexxejja pro-attivi tal-promozzjoni ta' l-innovazzjoni jinkludu, b'mod partikulari (i) il-ġestjoni strateġika ta' l-innovazzjoni, (ii) il-ġestjoni strateġika tar-riżorsi umani, (iii) l-izvilupp tal-ħiliet, (iv) l-użu ta' metodi ġodda għall-organizzazzjoni tax-xogħol, (v) ftehim dwar l-innovazzjoni fil-livell intraprenditorjali. It-transizzjoni minn organizzazzjoni ta' xogħol statika għal waħda iżjed dinamika li tiffoka iżjed fuq ir-rispett u l-iżvilupp tal-ħiliet u l-kapaċitajiet ta' ħaddiema individwali u professjonisti u tipprovdi għażla bejn taħriġ addizzjonali u/jew programmi għat-taħriġ mill-ġdid, għandha trawwem l-għarfien u l-innovazzjoni, u l-produzzjoni aktar ġeneralizzata ta' medda usa' ta' kunċetti ġodda. |
|
2.4 |
Fil-livell ta' intrapriżi individwali, mexxejja attivi tal-ġestjoni tal-bidla huma, fuq kollox, (i) evalwazzjonijiet ta' kompetenza u pjanijiet personali għall-iżvilupp tal-karriera, (ii) l-esternalizzazzjoni tas-servizzi, (iii) taħriġ addizzjonali u taħriġ mill-ġdid, u (iv) ftehim kollettiv u pjanijiet soċjali għar-ristrutturar ta' l-intrapriża. |
|
2.5 |
Il-mexxejja pro-attivi ewlenin li jistgħu jintuzaw fil-livelli settorjali u reġjonali huma (i) l-iżvilupp ta' clusters lokali tal-produzzjoni, (ii) netwerks orjentati lejn l-innovazzjoni u l-isħubiji, (iii) il-poli ta' l-innovazzjoni, il-parkijiet industrijali, tax-xjenza u t-teknoloġija, (iv) strateġiji reġjonali għall-innovazzjoni u pjanijiet ta' l-iżvilupp, flimkien ma' istituzzjonijiet sabiex jimplimentawhom u (v) ir-reġjuni ta' l-għarfien. |
|
2.6 |
Il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tissorvelja b'mod kontinwu liema huma l-oqsma l-iktar promettenti għall-innovazzjoni Ewropea. |
|
2.7 |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jenfasizza wkoll li fl-ebda settur ma tista' tiġi esklusa l-possibbilità ta' tkabbir aċċellerat fil-kapaċità innovattiva jew ta' proporzjon ogħla ta' valur miżjud. Huwa rakkomandabbli li tiġi appoġġjata kwalunkwe idea innovattiva relatata ma' metodi ġodda għall-użu ta' materjali, l-iżvilupp ta' teknoloġiji jew ta' prodotti ġodda, li jassiguraw livelli ġodda ta' kwalità u li jiġġeneraw valur miżjud. |
|
2.8 |
L-aħjar mezz għall-gvernijiet ta' l-Istati Membri sabiex jiffaċilitaw b'mod proattiv l-impatt ta' l-innovazzjoni huwa billi jikkoordinaw fil-livelli kollha ta' l-amministrazzjoni pubblika fil-politiki ta' livell nazzjonali tagħhom stess fuq l-impjieg, l-industrija, l-innovazzjoni, il-ħarsien ambjentali, l-edukazzjoni u l-kummerċ. Il-valur miżjud offrut mis-sħubija ma' l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili organizzata f'dan il-proċess huwa evidenti. Mill-ġdid fil-livell nazzjonali, tenħtieġ ukoll enfasi fuq dawn l-elementi li ġejjin: (i) ir-riċerka ta' sorsi ta' impjieg ġdid, u sistema li tbassar sabiex jiġu identifikatu, (ii) it-taħriġ vokazzjonali u l-programmi għat-taħriġ mill-ġdid, (iii) strateġija għat-tagħlim tul il-ħajja, (iv) ir-regolamentazzjoni tas-suq tax-xogħol li twassal għall-mobilità u l-izvilupp tal-ħiliet. |
|
2.9 |
Approċċi transkonfinali innovattivi lejn il-kooperazzjoni jistgħu jaqdu rwol partikularment importanti u speċifiku bħala katalist fil-qasam ta' l-innovazzjoni u l-bidliet industrijali. Dan jinkludi l-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti (JTIs) fl-oqsma tan-nanoteknoloġija, il-mediċini innovattivi, iċ-ċelloli ta' l-idroġenu u tal-karburant, is-sistemi tal-kompjuters embedded, l-aeronawtika u t-trasport ta' l-ajru, u s-sorveljanza globali għall-ambjent u s-sigurtà. B'żieda ma' dan, is-sinifikanza tal-Pjattaformi tat-Teknoloġija Ewropea għandhom jiġu enfasizzati f'dan il-kuntest, flimkien ma' l-importanza tas-segwitu ta' l-iżvilupp tagħhom. Eżempju partikularment tajjeb huwa t-tixrid imferrex ta' l-esperjenzi tal-Pjattaforma tat-Teknoloġija ta' l-Azzar Ewropea, il-Pjattaforma għall-Faħam Nadif u l-Pjattaforma ta' l-Ilma — inizjattivi li diġà għandhom reputazzjoni soda. |
|
2.10 |
Fil-livell ta' l-istituzzjonijiet Ewropej, għandu jkun hemm l-użu koordinat, pro-attiv u l-iżvilupp ta' dawn l-elementi li ġejjin: (i) l-istrateġija ta' Lisbona, (ii) l-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli, (iii) l-Isħubija għat-Tkabbir u l-Impjieg, (iv) id-Djalogu soċjali Ewropew (settorjali u trans-settorjali), (v) Programmi Komunitarji għar-riċerka u l-iżvilupp, l-innovazzjoni, l-impjieg u t-tagħlim tul il-ħajja, (vi) il-politika reġjonali komunitarja, (vii) il-Fond Soċjali Ewropew (ESF), il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF), (viii) ic-Ċentru Ewropew tal-Monitoraġġ tal-Bidla, u (ix) sistema Ewropea li tbassar sorsi ġodda għall-ħolqien ta' l-impjieg. |
|
2.11 |
L-inizjattiva għat-twaqqif ta' Istitut Ewropew għat-Teknoloġija (EIT) (2) hija promettenti. Għandu jiġi enfasizzat f'din l-opinjoni li hija l-fażi inizjali attwali ta' l-iżvilupp tal-qafas operazzjonali ta' l-istituzzjoni li toffri l-iktar skop li jassigura li jagħmel kontribuzzjoni reali għall-iżvilupp ta' l-innovazzjoni fi prodotti u impjiegi ġodda. |
|
2.12 |
Fost l-inizjattivi mill-Kummissjoni Ewropea, ta' min isemmi b'mod partikulari l-Komunikazzjoni COM(2006) 728 finali, Lejn użu iktar effettiv ta' inċentivi tat-taxxa favur ir-riċerka u l-iżvilupp, ippubblikat fil-21 ta' Novembru 2006. |
|
2.13 |
Ta' rilevanza ugwali għall-promozzjoni tar-riċerka u l-iżvilupp ma' l-innovazzjoni hija l-inizjattiva tal-Kummissjoni dwar ir-regoli ta' l-Għajnuna mill-Istat (3). |
|
2.14 |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jaqbel li huwa importanti b'mod partikular li (i) jinħoloq rwol mexxej għall-Ewropa fit-teknoloġiji strateġiċi tal-ġejjieni, (ii) naġġixxu b'mod effettiv sabiex navvanzaw rabtiet ħafna iktar b'saħħithom bejn in-netwerks akkademiċi, tar-riċerka u tal-kummerċ, u (iii) jitjiebu l-kondizzjonijiet ġenerali. |
|
2.15 |
Fir-rigward tat-titjib tal-kondizzjonijiet ġenerali, attenzjoni speċjali għandha tingħata lill-aspetti li ġejjin: (i) is-suq uniku, (ii) l-innovazzjoni finanzjarja, u (iii) id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fis-seklu 21 u (iv) l-għajnuna għall-kummerċ Ewropew sabiex jiżviluppa rabtiet ta' kummerċ barrani u ekonomiku, u sabiex jiġi assigurat l-aċċess għas-swieq f'pajjiżi terzi. |
|
2.16 |
Barraminhekk, l-evalwazzjonijiet settorjali għandhom jitwettqu mill-iktar fis possibbli, sabiex il-kondizzjonijiet speċifiċi tas-settur jistgħu kemm jista' jkun jitjiebu; b'dan il-mod, attenzjoni speċjali għandha tingħata lill-aspetti li ġejjin: (i) fatturi relatati ma' l-SMEs, (ii) il-kontribuzzjoni ta' l-implimentazzjoni ta' l-istrateġija ta' Lisbona u (ii) in-netwerking bejn ir-reġjuni. |
3. Ir-rwol tal-Grupp tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment (BEI)
|
3.1 |
Il-KESE jenfasizza li l-medda sħiħa ta' l-istrumenti finanzjarji flimkien ma' l-użu kkoordinat ta' strumenti bħal dawn huma meħtieġa sabiex jiġi assigurat li l-effetti ta' l-innovazzjoni assoċjati mal-bidliet industrijali jirrendu l-akbar benefiċċji possibbli possibbli. Il-prodotti kollha adattati fis-swieq finanzjarji u kapitali għandhom isiru disponibbli, irrispettivament minn jekk inħalqux minn istituzzjonijiet finanzjarji konvenzjonali, gvernijiet reġjonali jew nazzjonali jew l-Unjoni Ewropea. Strumenti finanzjarji għandhom ikunu disponibbli sabiex ikopru l-proċess sħiħ ta' l-innovazzjoni, sa l-aħħar parti tiegħu, u hemm bżonn ta' fondi sabiex jiġu assigurati d-domanda/provvista (push/pull) tas-suq. Fil-kuntest tas-suġġett usa' tal-finanzi, din l-opinjoni tiffoka fuq wieħed mill-atturi prinċipali f'dan il-qasam, il-Grupp tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment, li jgħaqqad fliemkien l-istrumenti tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment (BEI) u l-Fond Ewropew ta' l-Investiment (FEI). |
|
3.2 |
Il-BEI u l-FEI identifkaw it-titjib fil-prestazzjoni ekonomika Ewropea u l-innovazzjoni bħala wieħed mill-għanijiet prinċipali tiegħu. Strumenti finanzjarji adattati ser jiġu mobilizzati u żviluppati sabiex jilħqu dan il-għan li jikkontribwixxi lejn l-istrateġija ta' Lisbona u għall-Azzjoni Ewropea għat-Tkabbir. L-Inizjattiva għall-Innovazzjoni 2010 (i2i) tikkostitwixxi l-kontribuzzjoni ewlenija tal-BEI fil-proċess li jagħmel lill-Ewropa iktar innovattiva u kompetittiva, bl-objettiv tas-self ta' EUR 50 biljun għal dawn l-għaxar snin sabiex jiġu appoġġjati proġetti ta' l-investiment madwar l-Ewropa, fl-oqsma ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ, ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni (RDI); u fit-teknoloġiji ta' l-informazzjoni u l-komunikazzjoni avanzati (ICT) — inkluż is-servizzi tal-midja awdjoviżwali u s-servizzi elettroniċi u tal-kontenut. |
|
3.2.1 |
Il-fondi identifikati għal proġetti li huma diġà appoġġjati permezz ta' l-i2i mill-2000 huma stmati EUR 46 biljun sa l-aħħar ta' 2006, li jindika li l-mira ta' EUR 50 biljun sa l-2010 jista' jinqabeż. Permezz tal-Faċilità għall-Finanzi Strutturati (SFF) — li m'hijiex ristretta għall-objettivi tar-riċerka u l-iżvilupp — il-BEI espanda wkoll il-kapaċità finanzjarja tiegħu, sabiex imexxi riżorsi finanzjarji għall-quċċata tar-riċerka u l-iżvilupp u prodotti, proċessi u sistemi innovattivi. Dan jinvolvi l-appoġġ għall-individwi li jieħdu sehem f'proġetti u start-ups li jeħtieġu investiment ta' livell baxx u għalhekk self b'riskju ogħla. Sabiex jiffinanzja l-attivitajiet ta' l-investiment żviluppati mill-SMEs, il-BEI stabilixxa linji ta' kreditu b'intermedjarji finanzjarji adattati. |
|
3.2.2 |
Qegħdin jiġu żviluppati wkoll transazzjonijiet innovattivi, inklużi l-mekkaniżmi tat-tqassim tar-riskju u/jew taħlit ta' għodod ta' appoġġ nazzjonali u reġjonali mal-prodotti tal-BEI sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet speċifiċi ta' l-SMEs. Il-FEI jiffoka fuq l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) permezz ta' kapital riskjuż u garanziji. L-azzjoni tal-FEI hija komplementari għall-appoġġ għall-SMEs provduta mill-BEI. |
|
3.2.3 |
Fir-rigward ta' l-aċċess ta' l-SMEs għall-kreditu, għandu jiġi nnotat l-effett dannuż tal-Ftehim ta' Basel II. Fis-sens wiesa', dan il-ftehim jistabbilixxi l-obbligazzjonijiet speċifiċi għas-sistema bankarja, li jġiegħel lill-banek jagħtu klassifika għal kull SME li tapplika għall-kreditu. Sabiex tiġi kkalkolata din il-klassifika, l-SMEs ser ikollhom jipprovdu medda ta' informazzjoni li hija ħafna usa' f'termini ta' kwalità u kwantità. SMEs li m'għandhomx sistemi ta' l-informazzjoni għall-Ippjanar tar-Riżorsi ta' l-Intrapriża (Enterprise Resource Planning — ERP) mhux ser ikunu jistgħu jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa. Is-sistemi ERP huma għaljin ħafna u l-maġġoranza l-kbira ta' l-SMEs ma jkollhomx waħda, li għaldaqstant ifisser li huma ineliġibbli għall-kreditu b'termini favorevoli, li ser ikollu effett ta' ħsara fuq l-iżvilupp tagħhom. Il-BEI u l-Kummissjoni Ewropea huma mitluba li jibqgħu attenti u jissorveljaw il-livell ta' l-aċċess ta' l-SMEs għall-iffinanzjar li jeħtieġu u r-relazzjoni bejn dan l-aċċess u l-effetti tal-Ftehim ta' Basel II. |
|
3.3 |
L-appoġġ għall-innovazzjoni mill-Grupp BEI jeħtieġ l-iżvilupp ta' mekkaniżmi finanzjarji u prodotti ġodda, adattati għall-profil riskjuż tat-transazzjonijiet. Fl-istess ħin, sabiex jiżdied l-valur miżjud u s-sinerġiji bejn l-istrument finanzjarji komunitarji, inizjattivi konġunti ġodda bejn il-Grupp tal-BEI u l-Kummissjoni qegħdin jiġu implimentati permezz tal-ħolqien ta' sħubiji ma' programmi finanzjati mill-baġit ta' l-UE bħas-Seba' Programm ta' Qafas (FP7) u l-Programm għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP). Minkejja li inizjattivi konġunti bħal dawn m'humiex limitati għall-Faċilità għat-Tqassim tar-Riskju Finanzjarju (RSFF) li tibda fl-2007, u inizjattivi ġodda implimentati mill-FEI taħt is-CIP, huma eżempji partikularment tajbin tagħha. |
3.4 Faċilità għat-Tqassim tar-Riskju Finanzjarju (RSFF)
|
3.4.1 |
L-RSFF (il-Faċilità għat-Tqassim tar-Riskju Finanzjarju) hija inizjattiva ġdida u innovattiva, maħluqa b'mod konġunt bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Ewropew ta' l-Investiment sabiex jitrawwem l-investiment għall-Ewropa fir-riċerka, l-iżvilupp u d-demostrazzjoni teknoloġika implimentata permezz tas-settur privat, kif ukoll l-innovazzjoni, billi jinbnew garanziji adattati għas-self għal proġetti Ewropej iktar riskjużi fil-qasam ta' l-innovazzjoni. Din l-iskema l-ġdida għandha tiffaċilita l-aċċess għall-finanzjar tad-djun għall-attivitajiet li għandhom profil ta' riskju ogħla mill-medja, fuq il-bażi ta' tqassim tar-riskju bejn il-Komunità Ewropea, il-BEI u dawk li jippromovu l-proġetti ta' l-RDI. Il-finanzjar tal-BEI provdut taħt l-RSFF ser ikun disponibbli għall-komunità Ewropea tar-riċerka fuq bażi komplementari għar-riżorsi ta' l-għoti ta' l-FP7. |
|
3.4.2 |
L-RSFF, implimentata bl-użu ta' l-istess qafas bħal dak fir-regoli BEI SFF eżistenti, ser ikollha żewġ twieqi finanzjati mill-kontribuzzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea (FP7) u l-BEI rispettivament, kull wieħed għal ammont sa EUR 1 biljun għall-perijodu 2007-2013. Ser ikun possibbli wkoll li jintużaw ir-riżorsi għall-IFfinanzjar tar-riċerka, l-iżvilupp u l-proġetti ta' wiri, filwaqt li r-riżorsi tal-BEI jistgħu jintużaw sabiex jiffinanzjaw proġetti ta' innovazzjoni. L-applikazzjoni ta' dawn iż-żewġ aspetti għall-massimu ta' EUR 2 biljun għall-finijiet tal-provvista tar-riskju, li ser iwasslu għal finanzjar iktar estensiv ta' programmi tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni b'livell ta' riskju ogħla mill-medja ifisser li l-BEI huwa mistenni li jkun jista' jappoġġja finanzjar addizzjonali ta' massimu ta' EUR 10 biljun, somma li hija kapaċi tipprovdi żieda sostanzjali. L-intenzjoni ta' l-RSFF hija li tappoġġja inizjattivi ta' riċerka Ewropea bħall-forum ta' l-Istrateġija Ewropea dwar l-Infrastrutturi tar-Riċerka (ESFR), il-Pjattaforma Ewropea tat-Teknoloġija, l-Inizjattiva Konġunta tat-Teknoloġija jew proġetti mnedija taħt l-Eureka (l-Aġenzija Ewropea għall-Koordinazzjoni tar-Riċerka). |
|
3.4.3 |
Ibbażata fuq l-idea tat-tqassim tar-riskju bejn il-Komunità, il-BEI u l-benefiċjarji, l-RSFF isservi bħala strument addizzjonali għall-finanzjar tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjonijiet, li b'hekk tiftaħ medda wiesa' ta' għażliet kemm għas-settur privat kif ukoll għall-komunità tar-riċerka u tiffinalizza l-portafoll ta' strumenti eżistenti sabiex jiffinanzjaw ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni. L-RSFF tagħmilha possibbli għall-BEI sabiex jiżviluppa prodotti finanzjarji li jikkumpensaw għan-nuqqasijiet tas-suq, b'konformità mal-bżonnijiet speċifiċi ta' settur partikulari u ta' kull min jippromovi l-proġett, li b'hekk twessgħa l-iskop ta' benefiċjarji finanzjarji potenzjali. L-RSFF ser tkun disponibbli għal entitajiet legali ta' kull qies u sjieda inklużi l-kumpaniji l-kbar, ta' daqs medju (mid-caps), SMEs, organizzazzjonijiet tar-riċerka, universitajiet, strutturi ta' kollaborazzjoni, intrapriżi konġunti jew strutturi ad hoc (Special Purpose Vehicles). Permezz ta' ftehim ta' qsim tar-riskju mas-settur bankarju, l-RSFF ser jikkontribwixxi sabiex isaħħaħ il-ħila ġenerali tal-komunità finanzjarja li tappoġġja l-attivitajiet tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, partikularment fir-rigward ta' l-SMEs. |
|
3.4.4 |
Sabiex tiġi assigurata t-tnedija mgħaġġla tal-RSFF b'massa kritika suffiċjenti fir-rigward ta' fondi, il-Kunsill tal-Kompetittività ta' Lulju 2006 għall-ewwewl iddeċieda li jalloka EUR 500 miljun għall-perijodu sar-reviżjoni ta' nofs it-term tas-7 Programm ta' Qafas. EUR 500 miljun addizzjonali jistgħu jiġu rilaxxati mill-baġit komunitarju sal-2013, fuq il-bażi ta' evalwazzjonijiet ta' nofs it-term u talbiet potenzjali għall-użu ta' l-istrumenti ġodda. Filwaqt li l-kondizzjonijiet ġenerali għall-użu tal-fondi u l-operat tal-RSFF — inklużi l-ħtiġijiet ta' l-eliġibilità, ir-regoli u t-tqassim tar-riskju bejn l-istituzzjonijiet — huma definiti taħt il-programmi speċifiċi ta' Kooperazzjoni u Kapaċità tal-FP7, miżuri dettaljati ser ikunu regolati minn ftehim bilaterali bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-BEI, li ġie ffirmat fil-5 ta' Ġunju 2007. |
3.5 Appoġġ tal-BEI għall-innovazzjoni
|
3.5.1 |
Il-FEI jimplimenta mandati għan-nom tal-partijiet interessati tiegħu (il-BEI, il-Kummissjoni Ewropea), jew partijiet terzi (fuq livell ta' l-Istati Membri) sabiex jappoġġja l-innovazzjoni u l-finanzjar ta' l-SMEs, b'konformità ma' l-objettivi tal-Komunità. Sa l-aħħar ta' l-2006, it-total ta' transazzjonjiet ta' l-EIF ammontaw għal EUR 15-il biljun, li minnhom EUR 11.1 biljun kien għall-garanziji u EUR 3.7 biljun għal operazzjonijiet ta' intrapriża konġunta. |
|
3.5.2 |
L-istrateġija ta' Lisbona, li timmira li ssaħħaħ il-kompetittività Ewropea, hija waħda mill-mexxejja ċentrali ta' l-attivitajiet FEI (peress li l-FEI huwa l-uniku korp Ewropew li jispeċjalizza fil-finanzjar ta' l-SMEs). B'EUR 3.7 biljun investiti f'224 fond ta' kapital riskjuż, l-EIF għen sabiex jimtela l-vojt ta' l-innovazzjoni billi alloka madwar EUR 20 biljun għal SMEs b'rata mgħaġġla tat-tkabbir u start-ups (inklużi diversi stejjer ta' suċċess globali bħal Skype, Bluetooth/Cambridge Silicon Radio jew Kelkoo). Fil-konklużjonijiet tal-presidenza tiegħu, il-Kunsill Ewropew ta' Marzu 2005 irrakkomanda li l-EIF kellu jiddiversifika l-attivitajiet tiegħu lejn il-finanzjar tat-trasferiment teknoloġiku. Fl-2006, l-ewwel operati ta' trasferiment teknoloġiku ġew iffirmati għal-liċenzjar u attivitajiet spin-off. |
|
3.5.3 |
Fil-qafas tal-perspettiva finanzjarja ġdida, l-EIF qiegħed jiġġestjona l-Programm tal-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP) u huwa wieħed mill-atturi ewlenin ta' l-inizjattiva JEREMIE. Iż-żewġ programmi jimmiraw li jtejbu l-finanzi u l-inġinerija finanzjarja ta' l-SMEs. |
|
3.5.3.1 |
Is-CIP, bħala wieħed mill-istrumenti ċentrali tal-politika tal-SMEs u l-innovazzjoni ta' l-UE, jipprovdi l-kaptial riskjuż (inkluż il-fondi għall-attivitajiet tat-trasferiment teknoloġiku, netwerk ta' business angels u innovazzjoni ekoloġika) u aċċess għall-mekkaniżmi ta' garanzija għall-SMEs. |
|
3.5.3.2 |
Taħt l-inizjattiva JEREMIE (Joint European Resources for Micro to Medium Enterprises), l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali jistgħu jagħżlu li jinqdew b'riżorsi mill-ERDF fil-forma ta' strumenti finanzjarji speċifiċi mmexxija mis-suq, bħall-ekwità, il-kapital riskjuż, garanziji jew self. JEREMIE kien iddisinjat b'tali mod li jottimizza l-fondi ERDF permezz tas-self ta' riżorsi addizzjonali filwaqt li l-implimentazzjoni tiegħu hija ffaċilitata permezz ta' qafas regolatorju iktar flessibbli. Fl-2007, iż-żieda fil-kapital EIF għandha tikkumplementa r-riżorsi tas-CIP u ta' JEREMIE, u huwa stmat li sal-2013, 'l fuq minn miljun intrapriża żgħira u ta' daqs medju ser ikunu bbenefikaw mill-istrumenti finanzjarji ta' l-EIF. |
|
3.5.3.3 |
Peress li għandhom effett ta' lieva għoli (eż. EUR 1 mill-baġit Komunitarju jimmobilizza sa EUR 50 għall-SMEs permezz ta' garanziji), u rwol katalitiku b'saħħtu meta mqabbel mal-komunità finanzjarja (partikularment fil-każ ta' fondi ta' kapital riskjuż), l-istrumenti finanzjarji tal-Komunità għandhom jitqiesu bħala eżempju ta' l-aħjar prattika fil-kuntest ta' l-Aġenda ta' Lisbona. Sabiex tiġi assigurata l-adozzjoni ta' l-applikazzjonijiet teknoloġiċi taħt is-CIP, għandhom jiġu identifikati universitajiet u SMEs, b'enfasi akbar fuq proġetti tal-finanzjament, dwar pubbliċità li jassistu fl-identifikar ta' kapital intellettwali, fuq l-approvi jew l-ħruġ ta' l-approvi, fuq ftehim ta' kooperazzjoni u l-benefiċċji li jirriżultaw; b) sabiex tiġi assigurata l-implimentazzjoni b'suċċess permezz ta' JEREMIE, fuq linji simili għar-regoli għall-finanzi u l-għajnuna mill-Istat. |
|
3.5.4 |
Fl-2006 il-BEI u l-FEI iffirmaw ftehim ta' kooperazzjoni, li jwassal b'mod partikulari għal kumbinazzjonijiet ta' linji ta' kreditu u garanziji ta' l-EIF għal SMEs innovattivi. Jista jkun li transazzjonijiet bħal dawn jiġu żviluppati iktar, b'mod partikulari fil-kuntest ta' JEREMIE. |
Brussell, 11 ta' Lulju 2007.
Il-President
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Dimitris DIMITRIADIS
(1) It-tagħlim tul il-ħajja appoġġjat mill-IT u l-bidliet industrijali, CCMI/034, 21.9.2006.
(2) COM(2006) 604 finali.
(3) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 364/2004, 25.2.2004 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 70/2001, ĠU L 63, 28.2.2004.