27.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 175/14


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Is-suq intern għas-servizzi — ħtiġijiet fir-rigward tas-suq tax-xogħol u l-ħarsien tal-konsumaturi”

(2007/C 175/05)

Nhar id-29 ta' Settembru 2005 l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura, li jħejji opinjoni fuq proprja dwar: Is-suq intern għas-servizzi — ħtiġijiet fir-rigward tas-suq tax-xogħol u l-ħarsien tal-konsumaturi.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-3 ta' Mejju 2007. Ir-Rapporteur kienet is-Sinjura Alleweldt.

Matul l-436 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-30 u l-31 ta' Mejju 2007 (seduta tat-30 ta' Mejju), il-Kumitat adotta din l-opinjoni b' 110 vot favur, 2 voti kontra u 2 astenzjonijiet.

1.   Objettiv

1.1

Id-direttiva dwar is-servizzi fis-suq intern (1) għandha — fil-qafas ta' l-Istrateġija ta' Lisbona — tippromovi l-kompettitività, it-tkabbir u l-impjieg. Fl-istess ħin, din iġġenerat dibattitu intensiv dwar kif jista' jkun organizzat il-provvediment ħieles ta' servizzi. Kien u għad hemm nuqqas ta' qbil dwar l-effetti ta' dan fuq is-swieq nazzjonali tax-xogħol, il-kondizzjonijiet soċjali u l-ħtiġijiet marbutin mal-ħarsien tal-konsumatur. Fl-opinjoni tiegħu ta' Frar 2005 (2), il-KESE ta risposta dettaljata għall-proposta tal-Kummissjoni. Għalhekk, il-kwistjoni hawn m'hijiex id-dokument legali fih innifsu iżda pjuttost l-effetti fuq l-impjieg u l-interessi tal-konsumaturi li huma mistennija jekk din il-proposta dwar is-suq intern għas-servizzi tiġi implimentata.

1.2

Il-provvediment ħieles ta' servizzi huwa wieħed mill-erba' libertajiet tas-suq intern fi ħdan it-Trattat ta' l-UE u ilu li sar realtà politika. L-istrateġija tal-Kummissjoni, imfissra fid-direttiva Ewropea dwar is-servizzi, tfittex li teqred kull barriera li tista' tfixkel il-provvediment tas-servizzi. F'ċertu sens dan ma jinvolvix direttament lis-suq intern jew il-ħarsien tal-konsumatur. Madankollu, billi l-provvediment ħieles tas-servizzi għandu jiġi implimentat fuq skala dejjem ikbar, id-differenzi bejn id-diversi sistemi nazzjonali ser jispikkaw iktar u jkollhom impatt ikbar. Fl-istess ħin, hawn relattivament ftit regolamenti fuq il-livell Ewropew li jħarsu l-interessi tal-ħaddiema u l-konsumaturi. F'dawn l-oqsma jippredominaw b'mod konsiderevoli l-kondizzjonijiet legali, soċjali u tax-xogħol nazzjonali, li ta' spiss ivarjaw minn pajjiż għall-ieħor. Barra minn hekk, id-direttiva dwar is-servizzi tiddefinixxi wkoll il-validità parallela jew separata ta' ċerti miżuri nazzjonali tal-pajjiż ta' oriġini u l-pajjiż fejn qiegħed jiġi pprovdut is-servizz. L-impatt ta' dan huwa mistenni li jiċċara fil-futur.

1.3

L-istabbiltà soċjali u l-kunfidenza tal-konsumatur jiffurmaw parti importanti mill-integrazzjoni Ewropea u huma wkoll kondizzjoni għas-suċċess tas-suq intern għas-servizzi. Nuqqas kbir fid-dibattitu rigward id-direttiva ta' l-UE dwar is-servizzi huwa li ma sarux studji sinifikanti ta' l-effetti fuq il-kondizzjonijiet soċjali u tax-xogħol kif ukoll fuq l-interessi tal-konsumatur fuq il-livell nazzjonali. In-nuqqas ta' bażi statistika għall-kwantifikazzjoni tal-provvediment ta' servizzi u l-istabbiliment ta' kumpaniji transkonfinali kien wieħed mis-suġġetti ta' kritika tal-KESE. (3) Ma teżistix data affidabbli dwar il-bidliet strutturali mistennija fis-swieq tax-xogħol fl-Istati Membri. Minn banda għandna numru żgħir ta' evalwazzjonijiet ta' impatt ta' natura ġenerali ħafna u mill-banda l-oħra għandna każijiet speċifiċi li ta' spiss ikunu illegali jew semi-legali. It-tnejn li huma ma jservux għal evalwazzjoni ta' impatt oġġettiva.

1.4

Il-ħolqien tas-suq intern għas-servizzi jifforma parti importanti mill-Istrateġija ta' Lisbona. It-tkabbir potenzjali ta' dan is-settur jista' jkun ta' stimolu kbir għaż-żieda fl-impjiegi. Iż-żieda fil-kompetizzjoni li ġabet magħha l-liberalizzazzjoni tas-suq tas-servizzi ser ikollha impatt pożittiv peress li ser twassal għal firxa ta' servizzi ikbar u fi tnaqqis tal-prezzijiet. Minħabba f'hekk huwa neċessarju li l-ħarsien soċjali tal-ħaddiema jittejjeb kontinwament u li jiġi pprovdut ħarsien tal-konsumatur korrispondenti. Dan jgħodd ukoll għall-istandards attwali ta' kwalità u sigurtà fl-Istati Membri, inkluż il-ħarsien ta' l-ambjent. L-impatt fuq l-impjiegi ser ikun differenti skond is-setturi individwali u l-Istati Membri. F'dan il-kuntest, l-impatt fuq l-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju (SMEs) huwa fattur kruċjali.

1.5

L-objettiv ta' din l-opinjoni fuq inizjattiva proprja huwa li juri l-effetti ta' l-istrateġija attwali għas-suq intern tas-servizzi fuq is-swieq u l-kondizzjonijiet tax-xogħol u l-ħarsien tal-konsumatur, u li b'hekk ikun ta' użu għall-entitajiet ikkonċernati kif ukoll għall-istituzzjonijiet Ewropej. Dawn l-aspetti ma ngħatawx prijorità fl-aħħar żewġ seduti tal-KESE dwar is-suq intern għas-servizzi. (4)

1.5.1

Il-“provvediment ħieles ta' servizzi”, li skond il-leġislazzjoni Ewropea jinkludi kull transazzjoni bejn żewġ atturi ekonomiċi li jinsabu f'żewġ pajjiżi differenti ta' l-UE (5), jiġbor fih tliet gruppi tematiċi:

Tagħrif dwar l-effetti kwantitattivi fuq l-impjieg u bidliet li jolqtu lil setturi u pajjiżi u li huma mistennjia bħala riżultat ta' l-għoti ta' kuntratti 'l barra u tar-rilokazzjoni jew importazzjoni ta' servizzi speċifiċi;

Sfidi ġodda fir-rigward ta' kondizzjonijiet tax-xogħol li jinħolqu minħabba li l-mobilità tal-ħaddiema ppustjati għandha tikber malajr fil-kuntest tat-tkabbir ta' l-iskambju tas-servizzi transkonfinali;

L-interessi tal-konsumatur u l-integrazzjoni ta' dawn fl-istrateġija għas-suq intern tas-servizzi;

Ir-rwol importanti ta' l-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju (SMEs) bħala l-fornituri ewlenin ta' l-impjieg.

1.6

L-opinjoni għandha titqies bħala bidu u fl-istess ħin bħala kontribuzzjoni għar-rapport finali tal-Kummissjoni Ewropea dwar is-sorveljanza tas-suq intern (6) u għan-negozjati ta' l-IMAC (7). L-opinjoni hija bbażata fuq it-tagħrif disponibbli u fuq l-esperjenzi prattiċi u l-previżjonijiet ta' l-esperti u entitajiet ikkonċernati. Dan it-tagħrif inġabar waqt seduta li nżammet f'April 2006 fi Vjenna u permezz ta' kwestjonarju li tqassam fil-ħarifa ta' l-istess sena lil kważi 6,000 espert mis-settur ta' l-ekonomija, it-trade unions u diversi gruppi ta' interess, kif ukoll mid-dinja ta' l-akkademiċi u d-dipartimenti tal-gvern, li kollha f'daqqa pprovdew iktar minn 150 tweġiba. L-opinjoni m'hijiex maħsuba bħala studju xjentifiku u lanqas ma tista' tieħu post tali studju. L-għan tagħha huwa li tipprovdi punti ta' referenza għal problemi u żviluppi futuri li għandhom jiġu eżaminati iktar bir-reqqa fuq perijodu fit-tul mill-Osservatorju tas-Suq Uniku (SMO) tal-KESE, u li fl-istess ħin tgħin lill-istituzzjonijiet ta' l-UE u oħrajn fit-tfassil tad-deċiżjonijiet politiċi u ta' l-istudji analitiċi tagħhom.

2.   Id-dinamika ta' l-ekonomija tas-servizzi fl-UE

2.1

Il-Kummissjoni Ewropea ssostni li l-istrateġija tagħha għas-suq intern ġiet imqanqla mill-iżvilupp dgħajjef ta' l-iskambju transkonfinali tas-servizzi fl-UE. Suq intern dinamiku huwa mistenni li jsawwar tendenzi pożittivi għall-impjieg u effetti pożittivi għall-konsumaturi u l-kumpaniji. Konkretament, kif tista' tiġi spjegata din id-dinamika?

2.2

Problema li għad trid tiġi solvuta hija dik ta' kif jista' jsir studju statistiku ta' l-ekonomija tas-servizzi transkonfinali. S'issa l-EuroStat u l-entitajiet inkarigati mill-istatiktika fuq il-livell nazzjonali għadhom qed jużaw l-hekk imsejħa sistema ta' statistiċi taċ-ċirkolazzjoni tal-ħlasijiet, fi kliem ieħor l-esportazzjoni jew l-importazzjoni ta' servizzi ssir biss jekk din twassal għal transazzjoni ta' ħlas transkonfinali. Filwaqt li fl-ekonomija tas-servizzi teżisti kooperazzjoni kbira kif ukoll skambju tajjeb ta' tagħrif u esperjenzi, isiru ħafna transazzjonijiet ta' ikklerjar bejn partijiet individwali ta' kumpaniji, imsieħba ta' netwerks jew anke bejn entitajiet ekonomiċi indipendenti fil-pajjiżi rispettivi tagħhom li jinsabu biss f'rabta ta' kooperazzjoni fuq perijodu twil. Fi strutturi ta' netwerk bħal dawn, l-imsieħba rispettivi jikkalkulaw it-trasferiment ta' tagħrif, ħin u servizzi fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom bħala servizz li pprovdew lill-klijent li madankollu ma jiġġenera l-ebda transazzjoni ta' ħlas traskonfinali.

2.3

Minħabba f'hekk, fl-opinjoni tal-KESE, l-ekonomija tas-servizzi tinvolvi volum ta' skambju konsiderevolment ikbar u għandha impatt ikbar fuq is-suq intern minn dak li jissuġġerixxu l-istatistiċi. Għalhekk, il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-Unjoni Ewropea għandha twettaq servej xjentifiku bażiku sabiex tiddetermina kif il-friegħi individwali ta' l-ekonomija tas-servizzi fl-Istati Membri Ewropej jorganizzaw il-kooperazzjoni tagħhom ma' kumpaniji f'pajjiżi oħra. Fuq il-bażi ta' dan is-servej u azzjonijiet futuri għandha tinħoloq viżjoni affidabbli tad-daqs reali tas-suq tas-servizzi fl-Unjoni Ewropea. Din l-inizjattiva għandha tirċievi l-appoġġ ta' l-esperti Ewropej ta' l-istatistika li għandhom jippreparaw indiċi ta' prezzijiet għas-servizzi kollha fil-pajjiżi kollha ta' l-Unjoni.

2.4

Għall-eżempju: fuq il-bażi ta' l-informazzjoni attwalment disponibbli, il-Kummissjoni tikkalkula li s-settur tas-servizzi jifforma 56 % tal-PGD ta' l-UE u 70 % ta' l-impjieg globali, iżda 20 % biss tal-kummerċ fl-UE. Meta nqabblu dawn iċ-ċifri ma' dawk ta' l-Istati Uniti naraw li l-iżvilupp tal-produttività fl-ekonomija tas-servizzi ta' l-UE huwa ħafna iktar baxx. (8)

2.5

Din id-dgħjufija ma tinħassx fuq is-suq dinji, fejn l-UE tidher li hija l-ikbar qawwa fil-kummerċ tas-servizzi b'tendenzi ta' tkabbir konsiderevoli. Fl-2003 is-sehem ta' l-UE fis-suq globali tas-servizzi kien ta' 26 % filwaqt li dak ta' l-Istati Uniti bil-kemm kien jaqbeż l-20 %. Minkejja d-dinamika kbira tagħhom, l-imsieħba kummerċjali emerġenti, l-Indja u ċ-Ċina, flimkien ma jirrappreżentawx iktar minn 5 % ta' dan is-suq. Bejn l-1997 u l-2003 is-sehem ta' l-UE għola b'1.8 %. Dan ukoll kien l-ikbar tkabbir irreġistrat fost l-imsieħba kollha.

2.6

Id-dgħjufija tolqot lill-kummerċ fl-UE b'mod partikulari. Iżda għal darb'oħra ċ-ċifri jqarrqu. Bejn l-2000 u l-2003 l-kummerċ tas-servizzi intra-komunitarji kiber b'10.8 %; dak ta' l-imsieħba barra l-UE b'6.4 % biss. Id-dinamika fis-suq intern b'hekk kienet relattivament kbira, speċjalment meta wieħed iqis li fl-2003 l-ekonomija kienet qiegħda tbati. Barra minn hekk, kien hemm tnaqqis fil-prezz tas-servizzi.

2.7

Il-KESE jsejjaħ lill-Kummissjoni sabiex twettaq evalwazzjoni ta' impatt iktar dettaljata ta' żvilupp addizzjonali tas-suq intern għas-servizzi. Analiżi tat-tip SWOT (Strengths, Weaknesses, Opportunities, Threats) tista' tkun utli f'dan il-kuntest.

3.   L-effetti fuq l-impjieg ta' titjib fl-effiċjenza tas-suq intern għas-servizzi

3.1

L-istimi dwar l-effetti fuq l-impjieg huma marbutin mal-previżjonijiet għat-tkabbir. Waħda mill-ewwel analiżi ta' l-effetti tad-direttiva ta' l-UE dwar is-servizzi saret mill-Bureau for Economic Policy Analysis  (9) Olandiż f'Ottubru ta' l-2004. Din timxi mas-suppożizzjoni ta' l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp (OECD) li inqas ma jkun hemm regolamentazzjoni iktar ikun hemm tkabbir u xogħol. Huwa interessanti li dan l-istudju jasal għall-konklużjoni li m'humiex ir-regolamenti fihom innifishom li jistgħu jkunu ta' ostakolu, iżda l-karattru eteroġenu tar-regolamenti. Skond l-awturi ta' l-analiżi, id-direttiva dwar is-servizzi tista' tikkontribwixxi sabiex il-kummerċ jiżdied bi 15 % sa 30 % u sabiex is-sehem ta' l-investiment barrani dirett fis-settur kummerċjali jikber b'20 % sa 35 %.

3.2

Fir-rebbiegħa ta' l-2005 l-organizzazzjoni Copenhagen Economics ġiet inkarigata mill-Kummissjoni sabiex twettaq studju (10) konkret dwar l-effetti fuq l-impjieg. Skond dan l-istudju, żieda fil-konsum ta' 0.6 % tal-PGD ta' l-UE għandu joħloq madwar 600,000 postijiet tax-xogħol fil-25 Stat Membru. Il-produttività wkoll hija mistennija li tikber u s-salarji għandhom jiżdiedu b'medja ta' 0.4 %.

3.3

Il-konklużjonijiet ta' l-istudju ta' Copenhagen kienu l-oġġett ta' kontroversja, speċjalment minħabba l-fatt li huma bbażati fuq argumentazzjoni min-naħa ta' l-offerta u jiffokaw unikament fuq it-tkabbir fid-domanda u t-tbaxxija fil-prezzijiet li jirriżultaw mit-tneħħija tar-regolamenti kollha. L-istudju ma jikkunsidra l-ebda fatturi li jfixklu ż-żieda fid-domanda, per eżempju it-tnaqqis fil-kapaċità ta' akkwist jew bidliet fl-imġiba tal-konsumaturi. L-għażla tas-setturi kienet kontroversjali wkoll. Stimi oħra ta' l-effetti fuq l-impjieg m'humiex disponibbli jew inkella huma bbażati fuq l-istudju ta' Copenhagen, u b'hekk iwasslu għall-istess konklużjonijiet. (11) Sabiex tittejjeb l-effiċjenza tas-suq intern għas-servizzi huwa neċessarju li tingħata attenzjoni ikbar lill-influwenza tar-riċerka u l-innovazzjoni, iż-żieda fil-kwalifiki u l-introduzzjoni ta' teknoloġiji ta' komunikazzjoni.

3.4

Ovvjament, żieda ta' 600,000 impjieg hija ħaġa pożittiva, iżda kkumparata ma' l-istennijiet għoljin li kien hemm, tidher kemmxejn dgħajfa. (12) Aspett ħafna iktar importanti, madankollu, huwa li din iż-żieda jista' jkollha effetti differenti ħafna skond is-setturi, il-pajjiżi u d-diversi gruppi ta' ħaddiema involuti. S'issa l-ebda riżultati m'huma disponibbli. Bl-għajuna ta' l-Osservatorju tas-Suq Uniku (SMO) u bis-saħħa ta' din l-inizjattiva, il-KESE jixtieq joħloq stampa ċara ta' dawn it-tibdiliet strutturali li qegħdin jolqtu lis-suq tax-xogħol.

3.5

Il-kwestjonarju tal-KESE juri li hemm interess kbir għal dawn il-kwistjonijiet. 90 % tal-parteċipanti kkunsidraw li hawn nuqqas ta' informazzjoni dwar l-effetti fuq l-impjieg fis-suq intern għas-servizzi. Il-mistoqsijiet tagħna kkonċentraw qabel kollox fuq is-setturi li huma l-iktar milquta miż-żieda jew it-tnaqqis ta' impjiegi. 60 % antiċipaw effetti pożittivi fuq l-impjieg jew għal setturi speċifiċi. L-iktar li ssemmew kienu s-servizzi ta' l-intrapriża u l-parir legali. Oħrajn jinkludu: il-kummerċ, l-artiġjanat/l-SMEs, it-trasport, is-servizzi tas-saħħa, l-agrikultura u l-forestrija, is-servizzi industrijali, l-edukazzjoni, it-turiżmu, is-servizzi personalizzati u l-ġestjoni tal-bini u l-proprjetà. 44 % wieġbu li jipprevedu iktar telf ta' impjiegi. L-industrija ssemmiet bħala l-iktar settur tellief. Warajha ġew: is-servizzi pubbliċi, il-ġestjoni tal-bini u l-proprjetà, l-agrikultura u l-forestrija, is-servizzi rrelatati ma' l-intrapriża, l-industrija ta' l-ikel u prodotti bħat-te, l-kafé, l-alkoħol u t-tabakk, is-servizzi personalizzati, il-kummerċ/bejgħ, it-turiżmu u l-industrija tat-tessuti.

3.6

Il-mistoqsija dwar l-użu ta' dan il-proċess irriżultat fl-espressjoni ta' viżjonijiet opposti. Huwa mistenni li l-adattament għas-suq huwa fattur kruċjali u li dawk li ma jirnexillhomx jadattaw ruħhom għall-kondizzjonijiet il-ġodda tal-liberalizzazzjoni u tas-suq transkonfinali joħorġu telliefa żgur. Ix-xogħol bil-kwalifiki ser joffri opportunitajiet itjeb mix-xogħol mingħajr kwalifiki; ħaddiema żgħażagħ, speċjalizzati u flessibbli għandhom ċans itjeb mill-ħaddiema iktar imdaħħla fl-età u inqas flessibbli. L-impjiegi bi standards soċjali għoljin huma t-telliefa kontra l-impjiegi migħajr ħarsien soċjali u l-persuni li jaħdmu għal rashom, li fil-ġejjieni aktarx jiksbu rwol ikbar. Bl-istess mod, il-kwalità hija mistennija li tirbaħ kontra l-prezz, u l-istandards ta' l-aċċessibilità għall-impjieg u pajjiżi bi ħlasijiet soċjali għoljin ser imorru tajjeb ukoll. L-Istati Membri l-ġodda ser jibbenifikaw l-iktar mentri l-Istati Membri l-qodma se jgawdu l-inqas. Fornituri lokali u żgħar ser jaqgħu taħt il-pressjoni ta' kumpaniji internazzjonali. Is-sitwazzjoni fir-rigward tal-konsumatur m'hijiex ċara.

3.7

Il-kwistjoni tal-ġejjieni ta' l-SMEs kienet problematika: fiha nnifisha żieda fl-iskambju transkonfinali ta' servizzi twassal għal żieda fix-xogħol jew għal pressjoni fuq il-prezzijiet u l-kompetittività li tagħsar lill-SMEs u tirriżulta fi tnaqqis fl-impjieg? Maġġoranza ta' żewġ terzi (66 %) kienu pożittivi fir-rigward ta' l-impjieg. Iżda 55 % wieġbu li jaħsbu li ċerti kumpaniji ser jiġu mbuttati 'l barra mis-suq. Fil-fehma tal-maġġoranza (69 %) tal-parteċipanti, il-liberalizzazzjoni tas-suq intern għas-servizzi m'għandhiex impatt dirett fuq l-iżvilupp ta' l-SMEs; dan l-iżvilupp jiddependi iktar minn fatturi oħra. Fi kliem ieħor: ippredominaw l-aspettattivi pożittivi, anke jekk b'mod ġenerali kienu pjuttost modesti. Il-fatturi kruċjali tas-suċċess jew tas-sopravivenza, skond il-parteċipanti, huma l-kwalifiki tal-ħaddiema, il-kapaċità ta' l-innovazzjoni u l-kwalità tas-servizz offrut. Jemmnu wkoll li ser tikber il-pressjoni fuq jew id-domanda għal armonizzazzjoni addizzjonali (kwalifiki fl-edukazzjoni jew fit-taħriġ, ħtiġijiet fl-ambitu tal-ġestjoni, il-prezzijiet u s-salarji, l-kontribuzzjonijiet ta' għajnuna soċjali, it-taxxi korporattivi u l-konformità ma' l-istandards fuq il-livell Ewropew u internazzjonali). Jistennew tbaxxija fl-istandards ta' l-għajnuna soċjali, tal-ħarsien tal-konsumatur u ta' l-ambjent. Jibżgħu li ser jibqgħu ukoll fuq l-ixkaffa l-ispeċjalitajiet lokali u kulturali, hekk kif il-kumpaniji l-kbar jiddominaw is-suq.

3.8

Għad-domanda dwar jekk dawk li jaħdmu għal rashom ser ikollhom iktar opportunità li jaħdmu b'mod transkonfinali, 84 % wieġbu Iva.

4.   Sfidi ġodda għall-kondizzjonijiet u t-termini ta' l-impjieg

4.1

Is-servizzi transkonfinali huma kważi dejjem marbutin mal-mobilità tal-ħaddiema. Billi s'issa l-armonizzazzjoni tal-kondizzjonijiet tax-xogħol fuq il-livell Ewropew għadha baxxa, insibu dispożizzjonijiet soċjali differenti f'suq tax-xogħol nazzjonali jew ġewwa kumpanija. Id-direttiva ta' l-UE dwar il-ħaddiema ppustjati introduċiet biss numru minimu ta' miżuri mmirati lejn it-trattament ugwali tal-ħaddiema ppustjati u l-ħaddiema lokali. Barra minn hekk, kwistjonijiet marbutin mal-liġi tax-xogħol u soċjali ġew esklużi mid-direttiva ta' l-UE. Iżda suq transkonfinali tas-servizzi ikbar mhux ser jibqa' mingħajr impatt. Minkejja d-direttiva dwar il-ħaddiema ppustjati, għad hemm numru ta' regoli ta' ftehim kollettiv li ma ġewx armonizzati. L-eżenzjoni tal-liġi tax-xogħol mid-direttiva ta' l-UE tfisser li ma nħoloq l-ebda prinċipju “tal-post tax-xogħol” għall-ħaddiema; il-formulazzjonijiet legali kienu oġġett ta' kontroversja u mhux dejjem kienu meqjusa bħala ċari. L-affarijiet għandhom isiru iktar ċari bit-traspożizzjoni għal-liġi nazzjonali. Jekk is-suq intern tas-servizzi jiġi żviluppat kif inhu xieraq, iż-żieda fil-frekwenza u aktarx fit-tul ta' l-ippustjar ser issawwar kwalità ġdida.

4.2

Madankollu, dan m'huwiex il-lok fejn għandu jsir id-dibattitu dwar it-traspożizzjoni tad-direttiva finali. Il-mistoqsija ewlenija hija pjuttost din: x'ser ikunu l-problemi l-ġodda u kif ser jiġu solvuti l-problemi attwali meta fil-futur, fil-kuntest tal-provvediment tas-servizzi, ħaddiema minn iktar minn Stat Membru wieħed ser ikunu qegħdin jaħdmu — iktar ta' spiss u forsi għal perijodi itwal — fl-istess post filwaqt li jkunu soġġetti għal kondizzjonijiet parzjalment differenti? Tali sitwazzjoni, madankollu, kapaċi ġġib magħha opportunitajiet ġodda jekk wieħed jikkunsidra l-previżjoni ta' l-istudju ta' Copenhagen fir-rigward taż-żieda fis-salarji. Huwa importanti li nispeċifikaw li l-punt hawn m'huwiex li l-partijiet involuti fis-suq u dawk responsabbli mid-deċiżjonijiet politiċi huma favur id-dumping soċjali, iżda pjuttost li nispjegaw biċ-ċar dak li qiegħed jiġri fil-prattika.

4.3

82 % wieġbu li ż-żieda fis-servizzi transkonfinali, u b'hekk fl-attività tal-ħaddiema ppustjati f'pajjiż ieħor, ser iġġib magħha bidla fil-kondizzjonijiet tax-xogħol ta' pajjiżhom. 20 % jantiċipaw li l-kondizzjonijiet tax-xogħol ser jitjiebu, kontra 17 % li jipprevedu li dawn ser imorru lura. 7 % biss jemmnu li ser tikber is-sigurtà ta' l-impjieg. 56 % antiċipaw li ser ikun hemm żieda fix-xogħol flessibbli u temporanju.

4.4

Il-kwistjoni tal-flessibilità reġgħet feġġet fir-risposti għall-mistoqsijiet miftuħin li ġew wara. Ħafna parteċipanti qalu li jistennew tnaqqis fil-forza tax-xogħol stabbli b'risq ix-xogħol part-time, ix-xogħol ta' kuntratt u l-persuni li jsostnu li qegħdin jaħdmu għal rashom mentri fil-verità m'humiex attivi. Issemmew ukoll xi stennijiet pożittivi: korsijiet tal-lingwa, prospettivi ġodda u inċentivi pożittivi għall-iżvilupp ta' ħiliet ġodda, salarji ogħla u iktar offerti ta' impjieg. Madankollu, il-biżgħat ippredominaw: kompetizzjoni ikbar, kondizzjonijiet tax-xogħol inqas tajbin, ħinijiet tax-xogħol itwal u iktar flessibbli kif ukoll żieda fil-kunflitti soċjali u l-prassi illegali u salarji iktar baxxi. Is-sistema soċjali ser tħabbat wiċċha ma' problemi ġodda. Ħaddiema b'mobilità iktar ristretta, speċjalment in-nisa, ser isibu diffikultà ikbar fil-ġejjieni u l-istrutturi familjali ser ibatu b'konsegwenza taż-żieda fil-mobilità. Għall-mistoqsija dwar l-impatt tal-liberalizzazzjoni futura tas-suq intern għas-servizzi fuq l-iżvilupp tas-salarji, 50 % wieġbu li ser jitbaxxew is-salarji, 43 % pprevedew żieda u 7 % stqarrew li jaħsbu li mhu ser ikun hemm l-ebda effett jew enfasizzaw li jiddependi mis-settur.

4.5

Id-direttiva dwar l-ippustjar tal-ħaddiema hija biżżejjed sabiex jiġu mħarsa d-drittijiet soċjali tal-ħaddiem? 48 % wieġbu Iva, 52 % Le. Jekk il-miżuri l-ġodda huma meħtieġa, il-biċċa l-kbira tal-parteċipanti jiffavorixxu approċċ fuq il-livell Ewropew (65 %), terz jemmnu li l-problemi għandhom jiġu indirizzati fuq il-livell nazzjonali u 2 % jaħsbu li kemm miżuri Ewropej kif ukoll miżuri nazzjonali huma neċessarji. It-tweġibiet għall-mistoqisja miftuħa dwar liema problemi għandhom jingħataw prijorità jistgħu jiġu miġburin b'dan il-mod: in-nuqqas ta' armonizzazzjoni soċjali (inkluża l-aċċessibilità għat-taħriġ u s-snajja') u n-nuqqas ta' trattament ugwali li jirriżulta minn dan kienu l-iktar tweġibiet komuni. Għalhekk, uħud talbu li l-iskop tad-direttiva dwar l-ippustjar jitwessa' fir-rigward tas-setturi kkonċernati u tal-kontenut. L-applikazzjoni mhux adegwata tar-regoli ta' l-ippustjar, l-inċertezza legali, ż-żieda fil-prassi illegali u n-nuqqas ta' kontroll u prosekuzzjoni ssemmew ukoll. Fost il-kwistjonijiet l-oħra li tressqu nsibu problemi fl-oqsma tas-sigurtà u tal-ħarsien tas-saħħa fuq ix-xogħol, is-sistema ta' sigurtà soċjali u l-ġlieda kontra d-dikjarazzjonijiet foloz ta' min jaħdem għal rasu. Ġew ikkritikati l-burokrazija żejda u ostakoli oħra fuq il-livell nazzjonali kif ukoll it-tendenza lejn l-iżolazzjoni nazzjonali. Il-parteċipanti jemmnu wkoll li ser jikbru d-diffikultajiet jekk ma tingħatax biżżejjed attenzjoni lid-differenzi lingwistiċi u kulturali.

4.6

X'effetti ser iġarrbu l-kumpaniji jekk f'ċerti każijiet, fil-qafas ta' kuntratti ta' servizzi, ħaddiema barranin jitħaddmu taħt kondizzjonijiet nazzjonali differenti? 6 % ma raw l-ebda effetti partikulari u 23 % wieġbu li għadu kmieni wisq għal risposta. 24 % jipprevedu li d-differenzi fil-kondizzjonijiet tax-xogħol ser jikbru, 34 % jemmnu li ser jinbtu diffikultajiet ġodda fiż-żamma tad-dispożizzjonijiet soċjali u tax-xogħol u 13 % jaħsbu li fuq il-livell nazzjonali d-dritt tal-ħaddiema li jieħdu sehem fid-deċiżjonijiet tal-kumpanija ma jkoprix il-ħaddiema ppustjati. It-tweġiba miftuħa ta' din il-mistoqsija xerrdet id-dawl fuq xi aspetti ġodda. Problemi ġodda fir-rigward tas-salarji u tal-fibra soċjali ser jinħolqu minħabba d-differenzi fil-ħlas għall-istess xogħol jew minħabba t-tnaqqis ta' l-għajnuna soċjali volontarja tal-kumpaniji. Issemmiet ukoll l-aspettattiva li użu ikbar tal-“prassi tajba” huwa opportunità tajba sabiex jittejbu l-kondizzjonijiet u l-kwalità tax-xogħol. F'dan is-sens, hemm bżonn ta' “intelliġenza ikbar” fid-djalogu soċjali fuq il-livell tal-kumpanija. Ostakoli fil-komunikazzjoni jistgħu joħolqu problemi għall-kwalità tax-xogħol u l-ħidma f'tim u b'hekk iwasslu għal nuqqas ta' solidarjetà bejn il-ħaddiema. F'ċerti każijiet in-nuqqas ta' komunikazzjoni tista' twassal sabiex il-ħaddiema ma jkunux jafu bid-drittijiet tagħhom stess jew ma jifhmuhomx. Inugwaljanzi kbar iżżejjed jistgħu jitfgħu l-kumpanija lura (kunflitti, burokrazija, kwalità tax-xogħol) u r-rispett tad-dispożizzjonijiet legali jista' jwassal għal talbiet eċċessivi u iktar abbuż. Il-parteċipanti kkunsidraw l-liberalizzazzjoni tas-servizzi bħala opportunità sabiex jinqerdu ċerti ostakoli għat-tfittxija ta' personal ikkwalifikat.

4.7

M'huwiex faċli li wieħed jagħmel sommarju tat-tweġibiet rigward l-eżempji prattiċi, għax huma d-dettalji tagħhom li jikkontribwixxu għal fehim aħjar. Għalhekk, hawn ser ninkludu biss xi eżempji prattiċi li jxerrdu d-dawl fuq problemi li għadhom ma ssemmewx f'dan id-dokument. Issemmew regoli u proċeduri ambigwi fil-qasam ta' l-inċidenti tax-xogħol, problemi fl-ippustjar ġewwa l-istess kumpanija, il-bidla tal-kuntratti tax-xogħol, l-applikazzjoni tal-ftehim kollettiv ta' pajjiż ieħor u l-mod kif jiġu ttrattati l-immigranti ekonomiċi.

5.   L-interessi tal-konsumatur fis-suq intern għas-servizzi

5.1

Is-suq intern għas-servizzi għandu jibbenefika lill-konsumaturi wkoll. Din hija kwistjoni ta' disponibbiltà (prezz, aċċess, provvediment), kwalità, trasparenza (informazzjoni, kunfidenza) u ċertezza legali (responsabbiltà, ħarsien tal-konsumatur). Dawn l-aspetti qegħdin jiġu implimentati sewwa? Ser jiġu promossi permezz ta' l-implimentazzjoni tas-suq intern għas-servizzi jew għad hemm problemi f'dan il-qasam f'għajnejn il-konsumatur? It-tielet punt fokali tal-kwestjonarju għandu jxerred id-dawl fuq dawn l-esperjenzi prattiċi fl-ambitu tal-provvediment transkonfinali tas-servizzi min-naħa tal-konsumatur.

5.2

L-evalwazzjoni tad-direttiva ta' l-UE dwar is-servizzi min-naħa tal-konsumaturi m'hijiex ċara. Fis-seduta tal-KESE ta' April 2006 saret il-kritika li l-ħarsien tal-konsumatur kien ġie ttraskurat b'mod gravi. Madankollu, saru wkoll evalwazzjonijiet pożittivi, li enfasizzaw it-titjib ta' l-offerta. B'mod ġenerali, il-kwistjonijiet marbutin mal-ħarsien tal-konsumatur ma jingħatawx biżżejjed importanza. Wisq probabbli jirċievu iktar attenzjoni meta l-impatt tad-direttiva fuq il-livell nazzjonali jiġi kkunsidrat fid-diversi Stati Membri. Il-kunfidenza tal-konsumatur hija importanti ħafna għas-suċċess tas-suq intern għas-servizzi ta' l-UE.

5.3

Il-parteċipanti ġew mitluba li jagħtu ordni ta' prijorità lill-kriterji msemmija f'punt 5.1 (disponibbiltà, kwalità, trasparenza u ċertezza legali): darba skond il-fehma tagħhom u darba skond kemm dawn il-kriterji huma promossi permezz tad-direttiva ta' l-UE dwar is-servizzi. Filwaqt li l-parteċipanti taw prijorità għolja lill-kwalità u liċ-ċertezza legali mill-perspettiva personali tagħhom (l-ewwel u t-tieni pożizzjoni), l-evalwazzjoni tad-direttiva dwar is-servizzi ta' l-UE turi li l-impressjoni ġenerali hija li l-prijorità qiegħda tingħata lid-disponibbiltà u li ċ-ċertezza legali qiegħda tingħata l-inqas attenzjoni. 23 % biss huma sodisfatti bl-istat attwali ta' l-implimentazzjoni ta' dawn il-kriterji, mentri 77 % jqisu li hemm bżonn ta' titjib f'dan ir-rigward.

5.4

Minkejja l-fatt li d-direttiva ta' l-UE dwar is-servizzi ma tbiddel xejn fir-rigward tal-validità tal-miżuri għall-ħarsien tal-konsumatur fil-pajjiż ta' oriġini, id-dibattitu juri li hemm il-biża' li dawn kellhom xi nuqqasijiet. 52 % qalu li jibżgħu li hemm il-perikolu li l-leġislazzjoni għall-ħarsien tal-konsumatur ser tkun mhedda fil-ġejjieni fuq il-livell nazzjonali. L-iktar li ssemmiet hija d-deterjorazzjoni ta' l-infurzar tad-drittijiet, b'mod speċjali fejn jidħlu ilmenti u talbiet ta' kumpens. Dan jaqbel ma' tweġiba oħra, fejn 76 % tal-parteċipanti kkummentaw fuq problemi fir-rigward tar-responsabbiltà u l-implimentazzjoni amministrattiva. 51 % jibżgħu li l-livell ta' ħarsien tal-konsumatur ser jitbaxxa b'mod ġenerali. Jaraw riskju partikulari għall-istandards nazzjonali għoljin ('l fuq mill-minimu ta' l-UE). Hemm riskju wkoll għar-regoli amministrattivi fl-ambitu ta' l-eżerċitar tas-snajja' — bħall-ħarsien kontra l-vantaġġ inġust u l-bażi għat-talbiet ta' kumpens — li jolqtu lill-konsumaturi direttament għax fil-futur dawn għandhom jaqgħu taħt il-prinċipju tal-pajjiż ta' oriġini. Hemm il-biża' li għad jonqsu t-termini ta' garanzija u li titbaxxa l-kwalità tas-servizzi. Oħrajn jibżgħu li jintilef id-dritt għall-informazzjoni, bħall-informazzjoni dwar il-prodotti (bi ħsara għall-ambjent, ir-responsabbiltà u t-trasparenza ġenerali), l-ittikkettjar tal-prezzijiet, l-informazzjoni dwar il-fornitur (l-integrità, il-kwalifiki, il-garanziji u s-salvagwardji meħtieġa), it-termini ta' garanzija, ir-responsabbiltà, eċċ.

5.5

Mistoqsija oħra indirizzat l-ammont ta' informazzjoni mixtieq mill-konsumatur u essenzjali għalih fir-rigward ta' servizzi transkonfinali. Fl-iktar pożizzjoni għolja nsibu l-informazzjoni dwar il-garanziji legali, il-kumpens u d-dritt għall-ilment. Warajhom jiġu l-identità/oriġini tal-fornitur, it-trasparenza tal-prezzijiet u l-informazzjoni preċiża dwar il-kwalità tas-servizz u s-sigurtà tal-prodott/garanzija. Jidher li hemm ċerta konfużjoni fir-rigward tad-dibattitu dwar il-prinċipju ta' oriġini għax ħafna nies talbu iktar informazzjoni dwar liema liġi tapplika u liema entità ta' kontroll jew ta' ilment għandha ġurisdizzjoni.

5.6

25 % tal-parteċipanti biss kellhom esperjenza mal-korpi konsultattivi ta' l-UE fir-rigward tal-ħarsien tal-konsumatur. L-impressjoni predominanti kienet pożittiva, anke jekk uħud semmew nuqqasijiet, per eżempju l-għajnuna transkonfinali għall-infurzar tad-drittijiet jew għat-tfittxija ta' imsieħba adattati fuq il-livell nazzjonali. Instemgħu wkoll ilħna kritiċi, li kkunsidraw il-proċeduri burokratiċi jew għaljin wisq u l-kooperazzjoni għall-ħarsien tal-konsumatur bħala dgħajfa wisq u mhux effettiva, speċjalment f'każijiet kumplessi. L-impressjoni ġenerali hija li l-informazzjoni dwar il-korpi konsultattivi ta' l-UE għall-konsumaturi m'hijiex qiegħda tixxerred sewwa.

5.7

Sabiex tittejjeb il-kwalità tas-servizzi, id-direttiva ta' l-UE dwar is-servizzi tirrakkomanda li jiġu applikati standards u ċertifikazzjoni volontarji. Skond 54 % tal-parteċipanti din hija proposta tajba ħafna. 46 % jiddubitaw mill-effikaċja tagħha. Dawk li huma favur l-istandards volontarji ta' kwalità jikkunsidrawhom bħala mezz effiċjenti li għandu jiġi ttestjat fuq is-suq u vvalidat mill-klijenti. Dawk li huma kritiċi jaqblu mija fil-mija li m'hemmx garanzija li dawn l-istandards jinżammu mingħajr kontroll min-naħa tal-gvern. Għaldaqstant jidher li hemm preferenza għal regolamenti leġislattivi ċari. Anke jekk il-kumpaniji onesti japplikaw l-istandards volontarji, dejjem ikun hemm kumpaniji bla etika li jinjorawhom. Iżda dan huwa preċiżament ta' importanza kbira għall-provvediment transkonfinali ta' servizzi.

5.8

Id-direttiva dwar is-servizzi tintroduċi wkoll sistema ta' sorveljanza konġunta ta' l-awtoritajiet fil-pajjiż ta' oriġini u l-pajjiż ta' destinazzjoni. Xtaqna nsiru nafu jekk dan jistimolax iktar kunfidenza min-naħa tal-konsumaturi. 82 % wieġbu Iva, 18 % jafdaw inqas. Jidher li hemm riżervi konsiderevoli dwar kif dan jista' jiġi implimentat fil-prattika.

5.9

Fl-aħħar, il-partċipanti ngħataw l-opportunità li jerġgħu jqajmu xi kwistjonijiet mhux solvuti fir-rigward tal-ħarsien futur tal-konsumatur fis-suq intern għas-servizzi. Għal darb'oħra, ġie espress it-tħassib dwar in-nuqqas ta' ċarezza u ċertezza legali fl-ambitu tal-ħarsien tal-konsumatur fir-rigward tal-garanzija, ir-responsabbiltà (per eżempju f'każ ta' insolvenza), talbiet marbutin mal-garanzija (nuqqas ta' armonizzazzjoni; kwistjonijiet tal-piż tal-prova) u l-infurzar ta' talbiet ta' kumpens (proċeduri twal jew ikkumplikati wisq, xewqa għal iktar armonizzazzjoni). Fit-tieni post nsibu l-garanzija ta' informazzjoni suffiċjenti fir-rigward tas-servizzi u tal-fornituri. Issemma n-nuqqas ta' standards ta' kwalità komuni u d-diffikultà li jiġu mqabbla l-ħiliet u l-kwalifiki. Il-miżuri għall-ħarsien tal-konsumatur mhux dejjem jiġu applikati sewwa u f'ċerti setturi huma nieqsa għal kollox (per eżempju fil-qasam tal-pensjonijiet privati u s-servizzi tas-saħħa). Il-kwistjonijiet soċjali reġgħu ssemmew ukoll (it-tbaxxija tas-salarju minimu, ix-xogħol illegali, il-migrazzjoni) u l-biża' li jintilfu l-istandards ambjentali u ta' sigurtà. Għandu jiġi stabbilit livell minimu għas-servizzi pubbliċi li huma ġeneralment disponibbli u li jipprovdu parteċipazzjoni pubblika. Biżgħat oħra jinkludu d-distorsjoni tal-kompetizzjoni għall-fornituri lokali (per eżempju spejjeż soċjali differenti) u l-problemi kkawżati mid-diskrepanzi fil-valuta tal-pajjiżi.

6.   Ir-riżultati l-iktar importanti

6.1

It-tweġibiet għall-kwestjonarju juru li hemm interess konsiderevoli sabiex jiġu indirizzati l-isfidi l-ġodda għas-swieq tax-xoħol, l-impjieg u l-ħarsien tal-konsumatur fis-suq intern għas-servizzi. Ġew enfasizzati bosta problemi potenzjali u fl-istess ħin bosta opportunitajiet għall-ġejjieni. It-tnejn li huma jistħoqqilhom iktar attenzjoni u għandhom jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni attwali tad-direttiva ta' l-Unjoni Ewropa dwar is-servizzi.

6.2

Problema li għad trid tiġi solvuta hija dik ta' kif jista' jsir studju statistiku ta' l-ekonomija tas-servizzi transkonfinali. Deskrizzjoni realistika hija essenzjali sabiex tiġi ddeterminata d-dinamika li tista' tissawwar. Għalhekk, il-KESE jisħaq it-talba tiegħu għal servej bażiku uniku, li għandu l-potenzjal li jsolvi l-problema darba għal dejjem.

6.3

90 % tal-parteċipanti jemmnu li t-tagħrif dwar l-effetti potenzjali fuq l-impjieg ta' l-istrateġija l-ġdida għas-suq intern għas-servizzi huwa inadegwat. 60 % minnhom jipprevedu effetti pożittivi fuq l-impjieg. 44 % jaħsbu li ser ikun hemm telf ta' impjiegi. B'mod ġenerali, in-nies jistennew li ser ikun hemm “rilokazzjoni ta' l-impjiegi”. Jista' jkun utli li jkun hemm approċċ skond is-settur u ddifferenzjat fis-sorveljanza futura tas-suq intern għas-servizzi mill-SMO, li jiffoka fuq seturi bħas-servizzi rrelatati ma' l-industrija, l-edukazzjoni, servizzi pubbliċi liberalizzati magħżula, is-servizzi personalizzati u l-artiġjanat. It-tweġibiet dwar min ser jikseb l-ikbar vantaġġi mit-tibdiliet fis-suq intern għas-servizzi huma informattivi ferm. F'dan ir-rigward huwa rrakkomandat li tingħata ħarsa iktar mill-qrib lill-kwistjoni ta' xogħol ikkwalifikat/mhux ikkwalifikat u l-opportunitajiet li għandhom ħaddiema bi flessibilità ġeografika kbira meta nxebbħuhom ma' ħaddiema b'mobilità iktar ristretta. L-ewwel każ huwa kwistjoni ta' proċess bejn l-Istati Membri kif ukoll ġewwa settur speċifiku. It-tieni każ huwa sfida għas-swieq tax-xogħol u s-sistemi ta' sigurtà soċjali.

6.4

Il-ġejjieni ta' l-SMEs huwa mistenni li jkun pożittiv, iżda l-impatt tad-direttiva ta' l-UE dwar is-servizzi m'huwiex mistenni li jkun sinifikanti. Madankollu, sfidi ġodda huma mistennija li għandhom jiġu milqugħa permezz ta' titjib fil-kwalità u l-kwalifiki tal-ħaddiema u innovazzjoni ikbar. Uħud jemmnu li l-pressjoni li tirriżulta mill-kompetizzjoni għandha tiġi indirizzata permezz ta' armonizzazzjoni tal-karatteristiċi l-ġodda tas-suq. Hemm il-biża' li l-ispeċjalitajiet lokali u kulturali ser jibqgħu fuq l-ixkaffa, hekk kif il-kumpaniji l-kbar jiddominaw is-suq.

6.5

Il-maġġoranza tal-parteċipanti jistennew bidliet fil-kondizzjonijiet tax-xogħol u ta' l-impjieg fuq il-livell nazzjonali b'konsegwenza ta' l-iżvilupp tas-suq intern għas-servizzi (82 %). Din l-istennija m'hijiex marbuta ma' nuqqas ta' familjarità mad-direttiva ta' l-UE dwar is-servizzi, iżda pjuttost man-nuqqas ta' armonizzazzjoni u influwenzi ġodda fir-rigward tas-suq. Il-biċċa l-kbira tal-parteċipanti jistennew żieda fix-xogħol temporanju u flessibli minħabba l-iżvilupp tal-kondizzjonijiet tax-xogħol. Il-benefiċċji mistennija jinkludu titjib fl-opportunitajiet tax-xogħol, fit-tagħlim tal-lingwi u fit-taħriġ b'mod ġenerali.

6.6

Id-dispożizzjonijiet attwali fir-rigward ta' l-ippustjar jaqdu rwol importanti f'dan il-kuntest. L-implimentazzjoni inadegwata tar-regoli kienet ta' sikwit ippreżentata bħala probelma. Fid-dawl ta' l-isfidi l-ġodda, nofs il-parteċipanti jemmnu li l-kondizzjonijiet attwali m'humiex biżżejjed sabiex ikun iggarantit il-ħarsien soċjali. Analiżi ddettaljata fuq il-livell tal-kumpaniji turi dan b'mod ċar. Iktar ma tikber l-isfera mhux armonizzata, iktar jikber it-trattament mhux ugwali għall-istess xogħol. Minn banda dan ġie kkunsidrat ukoll bħala opportunità, jekk il-kuntatt mal-“prattika tajba” jkun ta' stimolu għat-titjib tal-kondizzjonijiet tax-xogħol fil-pajjiż ta' l-oriġini. B'mod ġenerali jidher li kondizzjonijiet tax-xogħol mhux ugwali jew dispożizzjonijiet legali differenti f'post tax-xogħol/kumpanija jirrappreżentaw sfida għall-kumpaniji. Dan m'huwiex il-lok fejn għandha tiġi diskussa d-direttiva dwar l-ippustjar tal-ħaddiema. L-importanti huwa li wieħed jinduna li b'dan il-mod l-inugwaljanza — u b'hekk il-konflitti — ser tikber. L-UE u l-leġislaturi nazzjonali għandhom rwol x'jaqdu f'dan l-ambitu, b'mod speċjali fl-implimentazzjoni futura tad-direttiva ta' l-UE dwar is-servizzi. Din hija sfida għad-dibattitu soċjali fl-UE.

6.7

Din iż-żieda fil-mobilità tal-ħaddiema fil-kuntest tas-servizzi transkonfinali u d-diffikultà ikbar li l-ħaddiema jkunu jafu x'inhuma d-drittijiet tagħhom ser joħolqu domanda ikbar għas-servizzi konsultattivi. Dawn is-servizzi għandhom jiġu implimentati kullimkien fl-UE. Ta' min isemmi x-xogħol siewi tal-Euro Info Centres u l-ħolqien tal-bażi tad-data dwar il-mistoqsijiet tal-ħaddiema, li l-KESE qiegħed josserva b'attenzjoni kbira.

6.8

L-evalwazzjoni tad-direttiva ta' l-UE min-naħa tal-konsumaturi m'hijiex ċara. Kien hemm min ikkritika d-direttiva u min ta opinjoni pożittiva. L-evalwazzjoni tal-kwestjonarju turi li l-kwalità u ċ-ċertezza legali ngħataw prijorità mill-parteċipanti, iżda li dawn iqisu li d-direttiva ta' l-UE dwar is-servizzi ma tindirizzahomx biżżejjed. 23 % tal-parteċipanti biss iddikkjaraw ruħhom sodisfatti bil-livell attwali tal-ħarsien tal-konsumatur.

6.9

It-tħassib fir-rigward taċ-ċertezza u l-implimentazzjoni legali kien ċentrali. Minkejja l-fatt li d-direttiva ta' l-UE dwar is-servizzi ma tmissx il-ħarsien tal-konsumatur fuq il-livell nazzjonali, 52 % tal-parteċipanti jibżgħu li d-dispożizzjonijiet nazzjonali jinsabu fil-perikolu li jinbidlu fil-ġejjieni. Huma mixtieqa regoli ċari dwar il-ħarsien u r-responsabbiltà u l-ġestjoni rapida tat-talbiet ta' kumpens. Jidher li d-dispożizzjonijiet attwali m'humiex sodisfaċenti. L-istandards għoljin fuq il-livell nazzjonali jitqiesu bħala esposti għal riskju minħabba l-kompetizzjoni futura. Importanti wkoll hija l-garanzija ta' informazzjoni suffiċjenti fir-rigward tas-servizzi u tal-fornituri. Issemma wkoll in-nuqqas ta' standards komuni ta' kwalità (l-opinjonijiet dwar iċ-ċertifikazzjoni kienu varji) u d-diffikultà li jitqabblu l-ħiliet u l-kwalifiki. Il-miżuri għall-ħarsien tal-konsumatur mhux dejjem jiġu applikati sewwa u f'ċerti setturi huma nieqsa għal kollox (per eżempju fil-qasam tal-pensjonijiet privati u s-servizzi tas-saħħa).

6.10

Ftit għandhom esperjenza ma' l-entitajiet konsultattivi għall-konsumaturi jew il-kooperazzjoni transkonfinali. L-approċċ attwali huwa approvat mill-maġġoranza tal-parteċipanti, iżda fl-istess ħin huwa meqjus dgħajjef. Il-miżuri attwali ma jgħinux għall-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni u m'humiex sodisfaċenti f'każijiet kumplessi.

6.11

L-aspirazzjonijiet għall-ħarsien tal-konsumatur fis-suq intern għas-servizzi għandhom jaqdu rwol ikbar. L-inċertezza evidenti fir-rigward tas-sitwazzjoni legali tas-servizzi transkonfinali għandha tiġi indirizzata permezz ta' strateġija għall-informazzjoni fuq il-livell nazzjonali kif ukoll fuq il-livell Ewropew. Ix-xewqa għal infomazzjoni iktar iddettaljata dwar is-servizzi u l-fornituri m'għandhiex tiġi ssottovalutata. Dan għandu jitqies ukoll fl-implimentazzjoni tad-direttiva ta' l-UE dwar is-servizzi.

6.12

L-Osservatorju tas-Suq Uniku (SMO) tal-KESE ser jikkoopera mill-qrib mas-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Affarijiet Soċjali b'ħarsa lejn l-effett tas-suq intern għas-servizzi fuq iż-żieda fil-kummerċ bejn l-Istati Membri fil-qasam tas-servizzi kif ukoll fuq l-impjieg u l-ħarsien tal-konsumatur. Il-konklużjonijiet ta' din l-opinjoni jissuġġerixxu li jkun siewi li tittieħed ħarsa iktar mill-qrib lejn is-setturi/friegħi individwali u li għal dan il-għan għandhom jintużaw ir-riżultati tal-kwestjonarju.

Brussel, it-30 ta' Mejju 2007

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Direttiva 2006/123/EG tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern.

(2)  CESE 137/2005, punt l. ĠU C 221 tat-8 ta' Settembru 2005.

(3)  Ara CESE 137/2005, Punt 3.2., par. 1. ĠU C 221 tat-8 ta' Settembru 2005.

(4)  Fid-19 ta' Settembru 2001 il-KESE żamm seduta dwar l-istrateġija għas-suq intern tas-servizzi. F'seduta oħra fl-24 ta' Mejju 2004, fil-qafas ta' l-opinjoni dwar id-Direttiva ta' l-UE dwar is-Servizzi, indirizza sitt kwistjonijiet ewlenin, fost oħrajn ir-responsabbiltà professjonali, il-“one-stop shop” u metodi statistiċi.

(5)  Skond l-Artikolu 50 KE, servizz huwa kull attività indipendenti ekonomika fejn hemm azzjoni magħmula għar-remunerazzjoni.

(6)  Dan ir-rapport huwa mistenni li jsir matul il-Presidenza Portugiża tal-Kunsill.

(7)  Internal Market Advisory Committee.

(8)  Dawn iċ-ċifri u dawk li ġejjin huma meħudin mill-punti 3.5 u 3.6: Kummissjoni Ewropea 2004 u 2005.

(9)  The Free Movement of Services within the EU, Kox et al, CPB report 69, Ottubru 2004.

(10)  Economic Assessment of the Barriers to the Internal Market for Services, Copenhagen Economics, Jannar 2005.

(11)  Eżempju ta' dan huwa l-istudju tal-Ministeru Awstrijakk ta' l-Ekonomija u x-Xogħol: “Ħarsa fil-fond lejn l-Istrateġija ta' Lisbona: Studji dwar il-Produttività, is-Servizzi u t-Teknoloġija”, Vjenna 2006.

(12)  Kritiċi affidabbli jsostnu li anke din l-istima mhix realistika.