52007DC0846

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-għotja ta' deroga skond l-Artikolu 19(2) tat-Trattat tal-KE, ippreżentat b'mod konformi ma' l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 93/109/KE dwar id-dritt għall-vot u għall-kanditatura taċ-ċittadini ta' l-Unjoni fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew /* KUMM/2007/0846 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 20.12.2007

KUMM(2007) 846 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-għotja ta' deroga skond l-Artikolu 19(2) tat-Trattat tal-KE, ippreżentat b'mod konformi ma' l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 93/109/KE dwar id-dritt għall-vot u għall-kanditatura taċ-ċittadini ta' l-Unjoni fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew

RAPPORT MILL-KUMMISSJONILILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-għotja ta' deroga skond l-Artikolu 19(2) tat-Trattat tal-KE, ippreżentat b'mod konformi ma' l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 93/109/KE dwar id-dritt għall-vot u għall-kanditatura taċ-ċittadini ta' l-Unjoni fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew

1. L-GħAN TAR-RAPPORT

Id-Direttiva tal-Kunsill 93/109/KE[1] dwar arranġamenti dettaljati sabiex jiġi eżerċitat id-dritt għall-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet għal-Parlament Ewropew għaċ-ċittadini ta' l-Unjoni li joqgħodu fi Stat Membru li tiegħu ma jkunux ċittadini

L-Artikolu 14(3) tad-Direttiva jipprovdi li, tmintax-il xahar qabel kull elezzjoni fil-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni għandha tressaq lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport li fih għandha tikkonferma jekk l-għotja ta' deroga lill-Istati Membri kkonċernati skond l-Artikolu 19(2) tat-Trattat li waqqaf il-Komunità Ewropea hix meħtieġa u b'hekk tressaq it-tibdiliet li għandhom isiru.

L-elezzjonijiet li jmiss fil-Parlament Ewropew, organizzati fis-27 Stat Membru ta' l-Unjoni, ser isiru f'Ġunju 2009. Għalhekk il-Kummissjoni għandha tippreżenta r-rapport hawn fuq imsemmi f'Diċembru 2007.

L-uniku Stat Membru li talab deroga skond l-Artikolu 19(2) tat-Trattat huwa l-Gran Dukat tal-Lussemburgu. L-ebda miż-żewġ Stati Membri li ngħaqdu ma' l-Unjoni Ewropea wara l-aħħar elezzjonijiet ta' l-2004 ma talbu din id-deroga.

Ir-raġunijiet ġustifikati ta' l-għotja tad-deroga lill-Gran-Dukat tal-Lussemburgu ġew verifikati, fid-dawl ta' l-elezzjonijiet ta' l-2004, mill-Kummissjoni li fir-rapport tagħha tas-27 ta' Jannar 2003[2] kkonkludiet li r-raġunijiet huma validi u għalhekk, m'huwiex il-każ li jiġu proposti adattazzjonijiet.

L-għan ta' dan ir-rapport huwa li jiġi determinat jekk ir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-għotja tad-deroga lil-Lussemburgu għadhomx validi u, jekk mhux il-każ, biex issir proposta għal adattamenti.

2. DRITT GħAL-VOT U DRITT GħAL-KANDIDATURA FL-ELEZZJONIJIET GħALL-PARLAMENT EWROPEW

L-Artikolu 19(2) jipprovdi li kull ċittadin barrani ta' l-Unjoni[3] għandu d-dritt li jivvota u li jippreżenta ruħu bħala kandidat fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru fejn hu jew hi għandu/ha r-residenza taħt l-istess kondizzjonijiet taċ-ċittadini ta' dak l-Istat. Dan id-dritt għandu jiġi eżerċitat suġġett għal miżuri dettaljati adottati mill-Kunsill. L-arranġamenti jistgħu joħolqu derogi fejn ikunu meħtieġa minħabba problemi partikolari ta' xi Stat Membru.

L-arranġamenti dettaljati għall-eżerċizzju tad-dritt tal-vot u għall-kandidatura f'elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ġew stabbiliti permezz tad-Direttiva msemmija hawn fuq. L-Artikolu 3 jistipula li, kwalunkwe persuna li, fid-data ta' referenza,

hija ċittadina ta' l-Unjoni fit-tifsira ta' l-Artikolu 17 tat-Trattat, u li

m'hijiex ċittadina ta' l-Istat Membru ta' residenza iżda tissodisfa l-istess kondizzjonijiet b'rispett tad-drittijiet tal-vot u tal-kandidatura bħalma hu impost mill-liġi ta' l-Istat fuq iċ-ċittadini tiegħu stess,

għandu jkollha d-dritt li tivvota u li toħroġ bħala kandidat fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-Istat Membru tar-residenza minbarra f'każ li tiġi mċaħħda minn dawn id-drittijiet skond l-Artikoli 6 u 7. Dan it-tip ta' elettur jissejjaħ "elettur komunitarju", filwaqt li l-kandidat jissejjaħ "kandidat komunitarju".

3. ID-DEROGI TAħT L-ARTIKOLU 14 TAD-DIRETTIVA

Id-Direttiva tippermetti li ssir deroga fil-prinċipju ta' l-ugwaljanza bejn l-eletturi ċittadini ta' Stat Membru u dawk li m'għandhomx in-nazzjonalità ta' dak l-Istat meta xi problemi speċifiċi ta' dawn ta' l-aħħar jiġġustifikawh. Dan huwa l-każ meta l-proporzjon ta' ċittadini ta' l-Unjoni residenti fi Stat Membru mingħajr ma' jkollhom in-nazzjonalità u li laħqu l-età li jivvutaw huwa ħafna iktar mill-medja fil-livell ta' l-Unjoni.

Id-deroga skond l-Artikolu 14(1), l-ewwel inċiż, tgħid li jekk il-proporzjon taċ-ċittadini ta' l-Unjoni, li għandhom l-età tal-vot, li joqgħodu f'xi Stat Membru imma m'humiex ċittadini tiegħu, jaqbeż l-20% tan-numru totali taċ-ċittadini ta' l-Unjoni li joqgħodu f'dan l-Istat Membru u li għandhom l-età tal-vot, b'deroga mill-Artikoli 3, 9 u 10, dan l-Istat Membru jista':

a) jillimita d-dritt għall-vot lill-votanti tal-Komunità li ilhom joqgħodu f'dan l-Istat Membru għal perjodu minimu ta' żmien, li ma jistax jaqbeż il-ħames snin;

b) jillimita d-dritt għall-kandidatura għall-kandidati tal-Komunità li ilhom joqgħodu f'dan l-Istat Membru għal perjodu minimu ta' żmien, li ma jistax jaqbeż l-għaxar snin.

Madankollu, il-votanti tal-Komunità u ċ-ċittadini tal-Komunità li għandhom id-dritt joħorġu bħala kandidati imma li minħabba l-fatt li jkunu marru joqgħodu barra mill-Istat Membru taċ-ċittadinanza, jew minħabba t-tul taż-żmien ta' din ir-residenza, ma jkollhomx id-dritt għall-vot jew li joħorġu bħala kandidati f'dan l-Istat Membru taċ-ċittadinanza ma għandhomx jiġu soġġetti għall-kondizzjonijiet dwar it-tul taż-żmien tar-residenza msemmija fl-ewwel inċiż.

4. ID-DISPOżIZZJONIJIET DEROGATORJI IMPLIMENTATI MIL-LUSSEMBURGU

Il-Gran-Dukat tal-Lussemburgu huwa l-uniku Stat Membru li għamel użu minn deroga fuq il-bażi ta' l-Artikolu 14(1). Il-leġiżlazzjoni ta' dan l-Istat tipprevedi li biex wieħed ikun elettur fl-elezzjonijiet, għal dak li jirrigwarda ċ-ċittadini ta' Stat Membru ieħor ta' l-Unjoni, ikun residenti fil-Gran-Dukat tal-Lussemburgu mill-inqas għal ħames snin fil-mument li ssir it-talba ta' iskrizzjoni fil-lista elettorali[4]. F'dak li jirrigwarda d-dritt għall-kandidatura, sabiex wieħed jeżerċita dan id-dritt iċ-ċittadini ta' l-Unjoni li m'għandhomx iċ-ċittadinanza Lussemburgiża għandhom ikunu domiċiljati fit-territorju ta' dan l-Istat u residenti fih għal ħames snin, fil-mument tal-preżentazzjoni tal-lista tal-kandidati[5].

Il-leġiżlazzjoni Lussemburgiża tgħid ukoll li l-votanti u l-kandidati tal-Komunità li, minħabba r-residenza tagħhom barra mill-Istat Stat Membru ta' oriġini tagħhom jew minħabba ż-żmien, m'għandhom id-dritt għall-vot jew, rispettivament, id-dritt għall-kandidatura, ma għandhomx jiġu soġġetti għall-kondizzjonijiet dwar it-tul taż-żmien tar-residenza stabbiliti fil-liġi.

5. VALUTAZZJONI TAċ-ċIRKOSTANZI FEJN TISTA' TINGħATA DEROGA

Iċ-ċirkostanzi mfissra fl-Artikolu 14(1) bħala kondizzjoni fejn tista' tingħata deroga huma li "l-proporzjon taċ-ċittadini ta' l-Unjon li laħqu l-età tal-vot u li għandhom ir-residenza tagħhom f'Stat Membru speċifiku iżda m'humiex ċittadini tiegħu jaqbeż l-20% ta' l-għadd totali ta' ċittadini ta' l-Unjoni li għandhom ir-residenza tagħhom hemmhekk u li kisbu l'età għall-vot."

It-tieni sentenza ta' l-Artikolu 14(3) tipprovdi li l-Istati Membri li jitolbu derogi taħt il-paragrafu 1 għandhom jagħtu lill-Kummissjoni t-tagħrif ta' sfond meħtieġ.

L-awtoritajiet Lussemburgiżi, b'ittra lill-Kummissjoni fis-26 ta' Ottubru, ikkomunikaw l-informazzjoni meħtieġa, li minnha jirriżulta li fl-1 ta' Jannar 2007 n-numru ta' ċittadini ta' l-Unjoni fl-età li jivvutaw u li huma residenti fil-Lussemburgu iżda li m'għandhomx iċ-ċittadinanza huwa ta' 135 400 persuna, filwaqt li n-numru totali ta' ċittadini ta' l-Unjoni, inklużi dawk ta' ċittadinanza Lussemburgiża, fl-età li jivvutaw u residenti tal-Lussemburgu huwa 357 500 persuna.

Jirriżulta li l-proporzjon ta' ċittadini barranin ta' l-Unjoni li laħqu l-età tal-vot u li għandhom ir-residenza fil-Lussumburgu kien 37.87 % ta' l-għadd totali ta' ċittadini ta' l-Unjoni, li laħqu l-età tal-vot u li jgħixu hemmhekk fl-1 ta' Jannar 2007 . Dan il-proporzjon hiuwa notevolment iktar mil-limitu stabbilit mid-Direttiva, jiġifieri 20% u li m'hemmx raġunijiet li juru li s-sitwazzjoni inbidlet minn dak iż-żmien.

6. KONKLUżJONIJIET

Il-Kummissjoni tikkonkludi li r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-għotja tad-Deroga lill-Gran-Dukat tal-Lussemburgu skond l-Artikolu 19(2) tat-Trattat u ta' l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva għadhom validi. Għalhekk il-Kummissjoni ma tikkunsidrax neċessarju li tipproponi adattamenti għad-dispożizzjonijiet ikkonċernati tal-leġiżlazzjoni Lussemburgiża.

[1] Id-Direttiva tal-Kunsill 93/109/KE tas-6 ta' Diċembru 1993 dwar arranġamenti dettaljati sabiex jiġi eżerċitat id-dritt għall-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet għal-Parlament Ewropew għaċ-ċittadini ta' l-Unjoni li joqgħodu fi Stat Membru li tiegħu ma jkunux ċittadini (ĠU L 329 tal-31.12.1993, p. 34).

[2] Ir-Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew dwar l-għotja ta' deroga skond l-Artikolu 19(2) tat-Trattat tal-KE, ippreżentat b'mod konformi ma' l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 93/109/KE dwar id-drit għall-vot u għall-kandidatura għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew - COM(2003)31 finali.

[3] Minn hawn 'il quddiem imsejħa "ċittadini barranin ta' l-Unjoni".

[4] L-Artikolu 3(5) tal-liġi elettorali emendata fit-18 ta' Frar 2003.

[5] L-Artikolu 285(4) tal-liġi elettorali emendata fit-18 ta' Frar 2003.