52007DC0836

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Kontenut Kreattiv Onlajn fis-Suq Uniku {SEC(2007) 1710} /* KUMM/2007/0836 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 03.01.2008

KUMM(2007) 836 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar Kontenut Kreattiv Onlajn fis-Suq Uniku {SEC(2007) 1710}

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar Kontenut Kreattiv Onlajn fis-Suq Uniku

1. INTRODUZZJONI

1.1. Kontenut Kreattiv Onlajn

Id-disponibbiltà u l-użu tal- broadband , u l-possibbiltà dejjem tiżdied ta’ l-aċċess għall-kontenut u s-servizzi kreattivi kullimkien u f’kull ħin, jipprovdu opportunitajiet ġodda li joffru sfida. Għall-konsumaturi, dan ifisser modi ġodda kif wieħed jaċċessa, u saħansitra jinfluwenza l-kontenut kreattiv disponibbli fuq netwerks mad-dinja kollha, bħall-internet, kemm mid-dar kif ukoll pemezz ta’ l-użu ta’ apparat mobbli. Għall-kumpaniji, dan ifisser il-possibbiltà li joffru servizzi u kontenuti ġodda u li jiżviluppaw swieq ġodda.

Kif qed jitfaċċaw apparati, netwerks u servizzi ġodda, l-operaturi tal-kontenut u tan-netwerk, id-detenturi tad-drittijiet, il-konsumaturi, il-gvernijiet u r-regolaturi indipendenti jridu jindirizzaw dawn l-isfidi. Tweġibiet li jirnexxu huma kruċjali għat-tkabbir, l-impjiegi u l-innovazzjoni fl-Ewropa.

L-aħjar li jiġu indirizzati huwa fil-livell Ewropew billi bosta minn dawn is-servizzi ġodda jeħtieġu l-vantaġġi duppliċi ta’ l-ekonomiji fil-kobor u d-diversità kulturali li s-suq intern ta’ l-UE jipprovdi. Għalhekk, l-istrateġiji ta’ l-UE għandhom jimmiraw biex jippromwovu implimentazzjoni ta’ malajr u effiċjenti ta’ servizzi ġodda u mudelli kummerċjali relatati għall-ħolqien u ċ-ċirkolazzjoni ta’ kontenut u għarfien Ewropej onlajn. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni identifikatu bħala “kontenut kreattiv imqassam onlajn": kontenut u servizzi bħal midja awdjoviżiva onlajn (film, televixin, mużika u radju), logħob onlajn, ippubblikar onlajn, kontenut edukattiv kif ukoll bħala kontenut iġġenerat mill-utent.

Skond l-istudju dwar “Kontenut interattiv u konverġenza"[1] (li jkopri l-UE 25), sa l-2010, id-dħul minn kontenut onlajn ser jikber aktar minn erba' darbiet milli hu, minn €1.8bn fl-2005, għal €8.3bn sa l-2010, il-kontenut onlajn għandu wkoll jagħmel parti mdaqqsa mid-dħul totali f’xi setturi; madwar 20% għall-mużika u 33% għal-logħbiet elettroniċi.

Billi l-aċċess għall-internet bil-broadband qed jinfirex, in-netwerks mobbli avvanzati u d-disponibbiltà għal massa ta’ apparat diġitali qed jiżdiedu, il-kontenut jista’ jitqassam fuq suq ta’ dimensjonijiet li sa issa qatt ma rajna bħalu. Il-konsumaturi Ewropej qegħdin ikollhom aċċess dejjem akbar għal films, mużika, aħbarijiet jew logħob permezz ta’ netwerks differenti u apparati elettroniċi.

1.2. Riżultati tal-konsultazzjoni pubblika

Bil-għan li niskopru metodi oħrajn biex nappoġġaw l-iżvilupp ta’ servizzi ta' kontenut kreattiv onlajn fl-Ewropa, il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni pubblika dwar “Kontenut Onlajn fis-Suq Uniku" f’Lulju 2006. Din il-konsultazzjoni ġibdet lejha aktar minn 175 kontribuzzjoni bil-miktub minn varjetà kbira ta’ partijiet interessati[2].

Xi kontribuzzjonijiet għall-konsultazzjoni pubblika[3] jistiednu lill-Kummissjoni biex toqgħod lura u ma tintervjenix qabel il-waqt b’aktar leġiżlazzjoni f’suq li għadu qed jitwieled però qed jevolvi b’rata mgħaġġla, minħabba r-riskju ta’ effetti ħżiena. Madankollu, xi kummenti jitolbu tibdiliet speċifiċi fil-qafas ġuridiku dwar kwistjoniet bħall-liċenzjar ta’ drittijiet ta' proprjetà intellettwali, tariffi ta’ kkoppjar privat u interoperabbiltà.

Bosta kontribuzzjonijiet jitolbu lill-Kummissjoni biex tħeġġeġ il-kooperazzjoni (inkluż karti jew kodici ta’ imġiba) bejn l-industrija, id-detenturi ta’ drittijiet u l-konsumaturi dwar kwistjonijiet bħal DRMs, u Kontenut u Film Onlajn.

Barra minn hekk, kien hemm bosta sejħiet għall-appoġġ finanzjarju u bosta talbiet għal promozzjoni ta’ standards rigward l-interoperabbiltà tad-DRMs.

Il-konsultazzjoni pubblika kienet ikkumplimentata bl-istudju indipendenti msemmi hawn fuq dwar “Kontenut Interattiv u Konverġenza”. Billi kienet konsultazzjoni bbażata sew fuq dawk involuti, ipprovdiet stampa ta’ l-isfidi li jridu jiġu indirizzati sabiex jgħinu l-iżvilupp tas-servizzi ġodda tal-kontenut fl-UE.

1.3. Għanijiet ta' din il-Komunikazzjoni

Il-Kummissjoni, abbażi tar-riżultati tal-proċess tal-konsultazzjoni, u sabiex tikkumplimenta l-inizjattivi li diġà ttieħdu fil-kuntest ta' l-istrateġija i2010, beħsiebha tniedi aktar azzjonijiet biex tappoġġa l-iżvilupp ta' mudelli kummerċjali innovattivi u t-tħaddim ta’ twassil transkonfinali ta’ diversi servizzi ta’ kontenut kreattiv onlajn.

Is-suq tal-kontenut kreattiv onlajn huwa ġdid u l-iżviluppi jseħħu b’pass mgħaġġel. Dan jirrekjedi strateġija doppja biex tilħaq l-isfidi li diġà ġew identifikati li jeħtieġu li jkunu indirizzati malajr, u biex tniedi aktar diskussjonijiet fuq xi sfidi li jeżistu u tal-ġejjieni. Din il-Komunikazzjoni qiegħda għalhekk tniedi konsultazzjoni pubblika ffokata bi preparazzjoni għall-adozzjoni ta’ Rakkomandazzjoni dwar Kontenut Kreattiv Onlajn mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew, u qed toħloq pjattaforma ta’ diskussjoni u kooperazzjoni bejn dawk involuti, minn hawn ’il quddiem il-“Pjattaforma ta’ Kontenut Onlajn”, biex tibda il-ħidma fuq l-isfidi li għandna quddiemna.

Il-Komunikazzjoni tindirizza l-ewwel serje ta’ sfidi li huma kruċjali sabiex is-servizzi ta’ kontenut onlajn jaqbdu fl-Ewropa. Inizjattivi oħrajn tal-Kummissjoni bħar-reviżjoni tas-Suq Intern u r-reviżjoni ta’ l-‘acquis’ tal-konsumatur, ir-reviżjoni tad -Direttiva dwar is-Satellita u l-Cable, (93/83/KEE) [4] , ir-rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva ta’ l-2001 dwar id-Drittijiet ta’ l-Awtur (2001/29/KE)[5], il-Green Paper li bħalissa qed tiġi ppreparata mill-Kumissjoni dwar id-Drittijiet ta’ l-Awtur fl-Ekonomija ta’ l-Għarfien, ir-rapport ta’ implimentazzjoni dwar ir- Rakkomandazzjoni għat-tmexxija onlajn ta’ drittijiet tal-mużika (2005/737/KE)[6] u it-Tieni rapport ta’ evalwazzjoni fuq id-Direttiva dwar Aċċess Kondizzjonali (98/84/KE)[7] li ħiereġ dalwaqt jipprovdu aktar opportunitajiet biex nilħqu l-isfidi relatati ma' kontenut kreattiv onlajn.

2. L-ISFIDI U L-PROPOSTI

L-isfidi li tqajjem id-distribuzzjoni onlajn tal-kontenut kreattiv huma konsiderevoli, u jvarjaw minn kwistjonijiet ġuridiċi relatati ma’ liċenzjar sa sistemi attraenti tal-kontijiet jew kwistjonijiet dwar broadband u spektrum. L-aħħar punt ser jiġi ttrattat fi ħdan il-qafas tal-modernizzazzjoni tal-qafas ġuridiku għall-komunikazzjonijiet elettroniċi, filwaqt li oħrajn ser jiġu diskussi skond kif jixraq.

It-trasferiment ta’ servizzi ta’ kontenut kreattiv għall-ambjent onlajn huwa eżempju ta’ bidla sistematika maġġuri. Għal dawk li jfasslu l-politika, sabiex din il-bidla ssir bl-aħjar mod, iridu jintlaħqu tliet għanijiet relatati.

- l-iżgurar li l-kontenut Ewropew jakkwista l-potenzjal sħiħ tiegħu biex jikkontribwixxi għall-kompetittività Ewropea u biex irawwem id-disponibbiltà u ċ-ċirkolazzjoni tad-diversità enormi tal-ħolqien tal-kontenut Ewropew u tal-wirt kulturali u lingwistiku ta’ l-Ewropa;

- l-aġġornar/l-iċċarar tad-dispożizzjonijiet ġuridiċi possibbli li jxekklu bla bżonn it-tqassim onlajn ta’ kontenut kreattiv fl-UE , filwaqt li tingħaraf l-importanza tad-dritt ta’ l-awtur fil-ħolqien.

- l-inkoraġġiment tar-rwol attiv ta’ l-utenti fl-għażla, it-tqassim u l-ħolqien tal-kontenut.

Abbażi tar-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika u l-istudju dwar “Kontenut interattiv u konverġenza”, il-Kummissjoni tara erba’ sfidi orizzontali ewlenin li jistħoqqilhom azzjoni fuq il-livell ta’ l-UE. id-disponibbiltà ta’ kontenut kreattiv; liċenzjar multiterritorjali għal kontenut kreattiv; interoperabbiltà u trasparenza tad-DRMs; u offerti legali u piraterija[8].

2.1. Disponibbiltà ta’ kontenut kreattiv

In-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ kontenut kreattiv għat-tqassim onlajn u n-nuqqas ta' liċenzjar attiv ta’ drittijiet fuq pjattaformi ġodda jibqgħu ostakoli ewlenin għall-iżvilupp ta’ servizzi ta’ kontenut onlajn. Billi l-kontenut onlajn huwa suq li għadu qed jitwieled, il-valur ta’ forom ġodda ta’ distribuzzjoni għadu xi kultant mhux magħruf. Dan jirriżulta f’diffikultajiet maġġuri biex jintlaħaq ftehim fuq kummerċ għall-isfruttament onlajn tal-kontenut kreattiv. Id-detenturi tad-drittijiet jibżgħu li jitilfu l-kontroll billi l-ikkoppjar illegali fl-ambjent diġitali wera li jagħmel ħafna ħsara. Filwaqt li l-offerta leġittima onlajn ta’ kontenut kreattiv titqies minn ħafna bħala wieħed mill-mezzi li jikkontrolla l-ikkoppjar illegali, xi detenturi tad-drittijiet jippreferu jipproteġu l-għejun ta’ dħul eżistenti milli jilliċenzjaw b’mod attiv id-drittijiet tagħhom fuq pjattaformi ġodda. Il-liċenzjar għal sfruttament onlajn jiġi mfixxkel ukoll b’kunflitti potenzjali ma’ drittijiet diġà mogħtija għal forom ewlenin ta’ sfruttament.

Bosta mid-diffikultajiet relatati mad-disponibbiltà tal-kontenut huma kkunsidrati marbuta ma’ swieq ġodda, u dawk involuti huma mistennija li jsibu soluzzjonijiet innovattivi u kollaborattivi biex jisfruttaw il-kontenut onlajn u jipprevjenu jew jirremedjaw il-liċenzjar f’pakkett ( bundling ), l-esklussività jew in-nuqqas ta’ użu ta’ drittijiet tal-midja[9]. Bħala tweġiba għat-talba ta’ dawk involuti, il-Kummissjoni beħsiebha żżid ir-rwol tagħha biex tiffaċilita u tħeġġeġ negozju b'vantaġġi reċiproki u ftehimiet intersettorjali fl-industrija fil-qafas tal-Pjattaforma ta’ Kontenut Onlajn il-ġdida.

L-applikazzjoni tal-liġi dwar il-kompetizzjoni tista’ f’xi każijiet tirrimedja l-abbuż relatat ma’ l-isfruttament jew liċenzjar f’pakkett ta’ drittijiet.

Kwistjoni oħra hija l-ispejjeż ta’ sikwit għoljin ta’ transazzjoni għall-approvazzjoni ta’ drittijiet. Problema akuta partikolari hija dik ta’ 'xogħlijiet orfni' – jiġifieri kotba, ritratti, materjal ta’ films u xogħlijiet oħra bi dritt ta’ l-awtur fejn huwa diffiċli jew impossibbli li d-detentur tad-drittijiet jinstab jew jiġi identifikat[10]. L-isforzi għall- identifikazzjoni u l-lokalizzazzjoni jqumu wisq u jieħdu ħafna ħin. Għalhekk, bosta drabi, xogħlijiet orfni ma jistgħux jiġu sfruttati u ma jirrendu ebda benefiċċju finanzjarju lill-awtur (mhux magħruf u li ma jinstabx) u allura mhumiex produttivi sew ekonomikament sew soċjalment.

Il-problemi li jġibu xogħlijiet orfni huma ttrattati notevolment fil-kuntest ta’ l-inizjattiva dwar il-Libreriji Diġitali i2010, li l-għan tagħha hu li tqiegħed il-wirt kulturali u xjentifiku ta’ l-Ewropa onlajn. Il-Kummissjoni ħeġġet lill-Istati Membri biex joħolqu mekkaniżmi li jiffaċilitaw b’mod notevoli l-użu ta’ xogħlijiet orfni, fir-Rakkomandazzjoni tagħha ta’ l-24 ta’ Awissu 2006 dwar id-diġitizzazzjoni u l-aċċessibbiltà onlajn ta’ materjal kulturali u l-preservazzjoni diġitali[11]. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2006[12] approvaw l-istrateġija tal-Kummissjoni u saħqu fuq il-bżonn li tkun żgurata l-effikaċja ta’ soluzzjonijiet nazzjonali għal xogħlijiet orfni f’kuntest transkonfinali. Din hija wkoll rakkomandazzjoni ewlenija fir-rapport dwar kwistjonijiet tad-dritt ta’ l-awtur tal-grupp ta’ esperti ta’ Livell għoli dwar libreriji diġitali[13]. Il-Kummissjoni ser tissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni u l-ħtieġa ta’ aktar azzjoni fil-livell Ewropew.

2.2. Liċenzjar multiterritorjali għall- kontenut kreattiv

Bidla oħra maġġuri fis-suq li ġejja mill-konverġenza hija l-abilità ta’ fornituri tas-servizz tal-kontenut li jilħqu udjenzi ġodda billi jagħmlu kontenut disponibbli fuq pjattaformi ġodda fil-livell Ewropew u anke globali. Bħala riżultat tat-territorjalità tad-dritt ta’ l-awtur, fornitur tas-servizzi tal-kontenut għandu jakkwista d-dritt biex jagħmel il-kontenut disponibbli f’kull Stat Membru. L-ispejjeż imġarrba jistgħu jkunu ta’ detriment għall-isfruttament ta’ maġġoranza vasta ta’ xogħlijiet kulturali Ewropej barra mis-swieq nazzjonali tagħhom.

L-ambjent onlajn jippermetti li s-servizzi tal-kontenut isiru disponibbli fis-Suq Intern. Madankollu, in-nuqqas ta’ liċenzji multiterritorjali tad-dritt ta’ l-awtur jagħmluha diffiċli biex is-servizzi onlajn jibbenifikaw totalment mill-potenzjal tas-Suq Intern.

Filwaqt li d-detenturi tad-drittijiet jridu l-ewwel japprezzaw il-benefiċċji potenzjali ta’ liċenzjar multiterritorjali, hemm ukoll il-ħtieġa ta’ titjib fil-mekkaniżmi eżistenti ta’ liċenzjar biex jippermettu l-iżvilupp ta’ mekkaniżm ta’ liċenzjar multiterritorjali, pereżempju bil-promozzjoni ta’ kompetizzjoni ġusta fis-suq ta’ l-amministrazzjoni tad-drittijiet . Ta’ min jinnota li prassi differenti tapplika għal tipi differenti ta’ kontenut.

Fis-settur tal-mużika, sabiex tiġi ffaċilitata l-introduzzjoni ta' sistema multiterritorjali ta' liċenzjar tad-dritt ta' l-awtur għas-servizzi tal-mużika onlajn, f'Ottubru 2005 il-Kummissjoni ħarġet Rakkomandazzjoni fuq l-amministrazzjoni onlajn ta' drittijiet tal-mużika . Din ir-Rakkomandazzjoni għandha l-għan li tiffaċilita l-għoti ta’ liċenżji multiterritorjali għall-użu onlajn ta' xogħlijiet mużikali billi tiddikjara d-dritt ta’ detenturi tad-drittijiet biex jafdaw it-tmexxija ta’ kwalunkwe dritt onlajn meħtieġ biex joperaw servizzi leġittimi ta’ mużika onlajn, f’ambitu territorjali ta’ l-għażla tagħhom, lil amministratur tad-drittijiet kollettivi li jagħżlu huma, irrispettivament mill-Istat Membru ta' residenza jew nazzjonalità ta’ l-amministratur tad-drittijiet kollettivi jew tad-detentur tad-drittijiet. Il-Kummissjoni stiednet dan l-aħħar dawk kollha interessati biex jibagħtu ideat u kummenti dwar l-esperjenza inizjali tagħhom ma’ din ir-Rakkomandazzjoni u, b’mod ġenerali, kif żviluppa s-settur tal-mużika onlajn minn meta ġiet adottata.

Il-kwistjoni ta’ liċenzjar multiterritorjali sar rilevanti f’setturi oħra ta’ kontenut kreattiv bħas-settur awdjoviżiv. Filwaqt li d-Direttiva l-ġdida dwar servizzi tal-midja awdjoviżiva ser tiffaċilita żvilupp transkonfinali tas-servizzi fuq talba fis-settur awdjoviżiv, bosta detenturi tad-drittijiet għadhom jagħżlu li jagħtu liċenzji għal ftit territorji nazzjonali biss, għalhekk dan iżomm lura d-disponibbiltà ta’ xogħlijiet awdjoviżivi f’katalgi ta’ vidjow fuq talba f’pajjiżi oħra. Waħda mill-kwistjonijiet li ser titqajjem fil-konsultazzjoni pubblika rigward it-tħejjija ta’ proposta għal Rakkomandazzjoni, kif ukoll bħala punt għal diskussjoni fi ħdan il-Pjattaforma ta’ Kontenut Onlajn, għandha tkun l-iżvilupp ta' sistema fejn detenturi tad-drittijiet għandhom jiġu mħeġġa jagħtu, flimkien ma' liċenzja ewlenija, it-tieni liċenzja multiterritorjali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni beħsiebha tiffinanzja studju indipendenti biex jeżamina l-konsegwenzi ekonomiċi għal xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej li jistgħu jirriżultaw minn prassi bħal din.

2.3. Interoperabbiltà u trasparenza tas-sistemi ta’ Amministrazzjoni ta’ Drittijiet Diġitali (DRM)s

L-użu ta' servizzi leġittimi jeħtieġ li tissolva l-problema tal-piraterija diġitali billi tiżdied il-kooperazzjoni bejn id-diversi atturi fil-katina tal-valur u billi jiġu żviluppati offerti attraenti u mudelli kummerċjali għad-distribuzzjoni tal-kontenut diġitali. Id-DRMs jikkostitwixxu teknoloġija ta’ twettiq ewlenija f'dan ir-rigward, li jippermettu lid-detenturi tad-drittijiet jinfurzaw id-drittijiet tagħhom fl-ambjent diġitali u jiżviluppaw mudelli kummerċjali adattati għad-domanda u l-bżonnijiet tal-konsumatur. Madankollu, għal xi żmien issa, id-DRMs u l-assoċjati Miżuri Teknoloġiċi ta’ Ħarsien (TPMs) xi drabi ġew interpretati negattivament, billi t-teknoloġija kienet tintuża biss biex tirrestrinġi l-ikkoppjar u l-kompetizzjoni, u allura ma laħqitx l-istennija ta’ l-utenti inizjali u tan-negozji. Dan wassal għal sitwazzjoni fejn xi atturi fis-suq jagħżlu li jwasslu l-kontenut onlajn mingħajr ebda mekkaniżmu ta’ restrizzjoni ta’ kkoppjar. Għaldaqstant, dawn l-iżviluppi ġeneralment jikkonċernaw tip wiehed ta’ kontenut u mudell kummerċjali; jiġifieri ħlas għal kull tniżżil ta' mużika. It-teknoloġiji li jippermettu amministrazzjoni ta’ drittijiet fl-ambjent onlajn jistgħu jkunu għajnuna ewlenija biex is-settur tal-kontenut jasal għal bidla diġitali u biex jiġu żviluppati mudelli kummerċjali innovattivi – speċjalment fir-rigward ta’ kontenut ta’ valur għoli.

Il-mixja lejn ambjent imħares mid-DRM twassal għal bidla maġġuri għaċ-ċittadini u konsumaturi Ewropej. Illum l-użu mmexxi minn ftehimiet ta’ liċenzjar infurzati b’miżuri tekniċi jikkumplimenta l-użu ta’ xogħol imħares minn dritt ta’ l-awtur irregolat bil-liġi. B’riżultat ta’ dan, il-konsumaturi jridu dejjem iżjed iħabbtu wiċċhom ma’ termini kuntrattwali kumplessi meta jixtru mużika, film jew kontenut kreattiv onlajn ieħor, u mhux bilfors ikunu għal kollox konxji tar-restrizzjonijiet għall-użu applikabbli jew ta’ l-użu tad-dejta personali tagħhom. Dan jitqies illi jmur ħafna kontra l-interessi ta' l-utent, u jqiegħed f’riskju l-bilanċ eżistenti bejn id-detenturi ta’ dritt ta’ l-awtur u l-interessi ta’ l-utenti. Fl-istess ħin, filwaqt li tnieda għadd kbir ta’ servizzi ta' kontenut mħarsa mid-DRM f’dawn l-aħħar snin, dawk involuti qegħdin dejjem iżjed jitħassbu dwar in-nuqqas ta’ interoperabbiltà, standardizzazzjoni u qbil bla xkiel bejn il-pjattaformi fid-DRMS jwassal għal sitwazzjonijiet fejn xi atturi jkunu żvantaġġati. Sabiex din it-teknoloġija bħala fattur għat-twettiq ma tkunx f’riskju għall-ġejjieni, huwa kruċjali li l-kwistjoni ta’ interoperabbiltà tiġi indirizzata.

Interoperabbiltà aħjar ta’ sistemi ta’ DRM għandha ttejjeb il-livell ta’ kompetizzjoni u l-aċċettazzjoni tal-konsumatur meħtieġa għat-tqassim ta’ distribuzzjoni onlajn tal-kontenut kreattiv . Għal konsumaturi, l-interoperabiltà tad-DRM tfisser li jistgħu jagħżlu apparati differenti u li jibqgħu jużawhom ma’ servizzi different ta’ ‘niżżel biex ikun tiegħek'. Għal produtturi jew aggregaturi tal-kontenut, l-interopabbiltà tfisser li huma mhumiex marbutin ma’ għajn wieħed ta' distribuzzjoni li jikkontrolla l-aċċess għas-suq. Għal żviluppaturi ta’ apparat u tat-TIK, l-interoperabbiltà tfisser li l-prodotti tagħhom jistgħu jintużaw ma' servizzi ta’ kontenut differenti[14].

Billi d-diskussjonijiet fit-tul bejn dawk involuti ma wasslux għat-tħaddim ta’ soluzzjonijiet interoperabbli tad-DRM, hemm bżonn f’kull każ qafas stabbilit għat-trasparenza ta’ DRMs rigward interoperabbiltà, billi tiġi żgurata informazzjoni xierqa għal konsumatur fir-rigward ta’ restrizzjonijiet ta’ l-użu u interoperabbiltà. L-għoti lill-konsumaturi ta’sistema ta’ tikkettar preċiża u li tiftiehem malajr ta' interoperabbiltà u restrizzjonijiet ta' l-użu, li tippermettilhom li jagħmlu għażla infurmata għandha ttejjeb id-drittijiet ta' ċittadini u tipprovdi għal bażi soda ta' disponibbiltà usa ta' kontenut onlajn.

2.4. Offerti legali u piraterija

L-industriji ta’ rrekordjar tal-mużika u l-film esprimew il-fehma tagħhom li l-Kummissjoni għandha tkun lesta tieħu passi leġiżlattivi biex tassigura li l-interess pubbliku, bl-iżgurar ta’ livell ta’ protezzjoni tad-dejta adegwat, ikun rikonċiljat tajjeb ma' għanijiet oħra importanti ta’ politika pubblika bħall-ħtieġa li l-attivitajiet illegali jitwaqqfu u li d-drittijiet u l-libertajiet ta’ terzi persuni jitħarsu.

Il-piraterija u t-tniżżil u t-telligħ mhux awtorizzat ta’ kontenut bi dritt ta’ l-awtur huma kwistjoni ewlenija. Il-ġlieda kontra l-piraterija onlajn tinvolvi għadd ta’ elementi kumplimentari: (1) l-iżvilupp ta’ offerti legali; (2) inizjattivi edukattivi; (3) l-infurzar ta’ drittijiet legali; (4) nippruvaw intejbu l-kooperazzjoni minn Fornituri tas-Servizzi ta’ l-Internet (ISPs) biex iwaqqfu t-tixrid ta’ kontenut li jikser ir-regoli. L-idea ta’ edukazzjoni u tixrid ta’ kuxjenza dwar l-importanza ta’ dritt ta’ l-awtur għad-disponibbiltà ta’ kontenut qed tiġi appoġġata bis-sħiħ bħala għodda fil-ġlieda kontra l-piraterija.

Il-proprjetarji tal-kontenut qed isejħu għal aktar kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-piraterija. L-Anness I tal-proposta leġiżlattiva adottata riċentement għar-riforma tad-Direttiva dwar l-Awtorizzazzjoni jinkludi referenzi dwar konformità ma’ miżuri nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva dwar id-Dritt ta’ l-Awtur (2001/29/KE) u d-Direttiva fuq l-Infurzar (2004/48/KE)[15]. Saħansitra, l-Artikolu 20(6) tal-proposta leġiżlattiva għall-emenda tad-Direttiva dwar Servizz Universali jipprovdi għal obbliġu ta' l-ISPs biex jinfurmaw b'mod ċar bil-quddiem lill-abbonati dwar it-tmiem tal-kuntratt u regolarment wara dwar l-obbligi tagħhom biex jirrispettaw id-dritt ta’ l-awtur u d-drittijiet relatati[16].

Fi Franza, Memorandum ta’ Ftehim[17] bejn produtturi ta’ mużika u film, fornituri tas-servizzi ta’ l-Internet u l-Gvern kien iffirmat fit-23 ta’ Novembru 2007. Skond dan il-ftehim, Franza għandha twaqqaf awtorità ġdida ta’ l-Internet b’poteri li tissospendi jew li taqta’ l-aċċess għall-web ta’ dawk li jaqsmu l-fajls illegalment.

Huwa verament xieraq li jiġu instigati proċeduri ta’ kooperazzjoni (“kodiċi ta’ imġiba”) bejn fornituri ta’ aċċess/servizz u detenturi tad-drittijiet u konsumaturi sabiex tkun żgurata offerta onlajn wiesgħa ta’ kontenut attraenti, servizzi onlajn faċli biex jintużaw, ħarsien adegwat ta’ xogħlijiet bid-dritt ta’ l-awtur, tkabbir tal-kuxjenza/edukazzjoni dwar l-importanza tad-dritt ta’ l-awtur għad-disponibbiltà ta’ kontenut u kooperazzjoni mill-qrib biex jiġu miġġildin il-piraterija/tqassim ta’ fajls mhux awtorizzat.

3. KONKLUżJONI

Waqt il-proċess ta’ reviżjoni tad-Direttivi li jeffetwaw id-distribuzzjoni ta' kontenut, bħad-Direttiva dwar is-Satellita u l-Cable, id-Direttiva ta’ l-2001 dwar id-Dritt ta' l-Awtur u id-Direttiva dwar Aċċess Kundizzjonali għadu għaddej, din il-Komunikazzjoni tniedi proċess biex jiġu indirizzati l-isfidi idenfitikati u li l-aktar huma urġenti relatati ma’ distribuzzjoni onlajn ta’ kontenut kreattiv. Il-Kummissjoni tixtieq tindirizza l-isfidi mqajma f'dan id-dokument permezz ta' żewġ mezzi:

- It-twaqqif tal-“Pjattaforma ta’ Kontenut Onlajn”, qafas għad-diskussjoni, fil-livell Ewropew. Din il-Pjattaforma ddedikata għal kontenut speċifiku jew negozjati intersettorjali fl-industrija dwar kwistjonijiet relatati mad-distribuzzjoni onlajn ta’ kontenut kreattiv, trid tinkludi, skond l-aġenda ta’ kull laqgħa, fornituri tal-kontenut, detenturi tad-drittijiet, kumpaniji u organizzazzjonijiet mis-setturi tat-telekomunikazzjoni u teknoloġija kif ukoll il-konsumaturi. Il-mandat tal-Pjattaforma tal-Kontenut Onlajn se jinkludi l-kwistjonijiet imsemmija f’din il-Komunikazzjoni bħal: disponibbiltà ta’ kontenut, titjib fil-mekkaniżmi ta’ approvazzjoni ta’ drittijiet, żvilupp ta’ liċenzjar multiterritorjali, amministrazzjoni tad-dritt ta’ l-awtur onlajn, mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni biex iżiedu r-rispett tad-dritt ta’ l-awtur fl-ambjent onlajn. Il-ħidma tal-Pjattaforma għandha tikkontribwixxi wkoll għall-elaborazzjoni ta’ Gwida għal konsumaturi u utenti tas-servizzi tas-Soċjetà ta’ l-Informazzjoni[18].

- Riflessjoni dwar it-tħejjija għal proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Parlament u tal-Kunsill, għal Ġunju ta’ l-2008, dwar Kontenut Kreattiv Onlajn, li se tkopri dawn il-kwistjonijiet: trasparenza (tikkettar) u interoperabbiltà tad-DRMs; sostenn għal skemi innovattivi ta’ liċenzjar fil-qasam ta’ xogħlijiet awdjoviżivi; u offerti legali u piraterija. Dwar l-elementi ewlenin tal-proposta għal-ġejjieni, il-Kummissjoni tixtieq terġa tikkonsulta ma' dawk involuti interessati. Għalhekk, dawk kollha involuti huma mistennija li jieħdu pożizzjoni dwar l-elementi elenkati fl-Anness ta' din il-Komunikazzjoni sa 29/02/2008.

ANNESS

Kontenut Kreattiv Onlajn – Kwistjonijiet Regolatorji/Politiċi għall-konsultazzjoni

Amministrazzjoni ta’ Drittijiet Diġitali

1) Taqbel li t-trawwim ta’ l-adozzjoni ta’ sistemi interoperabbli ta’ DRM għandhom jappoġġaw l-iżvilupp ta’ servizzi ta’ kontenut kreattiv onlajn fis-Suq Intern? Liema huma l-ostakli ewlenin għal sistemi kompletament interoperabbli ta’ DRM? Liema prassi tidentifika bħala ideali għall-interoperabbiltà ta’ DRM ?

2) Taqbel li għandha titjieb l-informazzjoni għall-konsumatur dwar karatteristiċi ta’ interoperabbiltà u protezzjoni ta’ dejta personali ta’ sistemi ta’ DRM ? X’taħseb, fil-fehma tiegħek, li huma l-mezzi u l-proċeduri l-aktar adattati biex titjieb l-informazzjoni għall- konsumatur fir-rigward ta’ sistemi tad-DRM? Liema prassi tidentifika bħala ideali rigward tikkettar ta' prodotti diġitali u servizzi?

3) Taqbel li jekk titnaqqas il-kumplessità u tiżdied il-leġibbiltà ta’ l-utent aħħari fil-ftehimiet ta’ licenżjar (EULAs) dan iservi ta’ appoġġ għall-iżvilupp ta' servizzi ta' kontenut kreattiv onlajn fis-Suq Intern? Liema prassi tidentifika bħala ideali għall-EULAs? Tidentifika xi kwistjoni partikolari relatata ma’ EULAs li teħtieġ li tiġi indirizzata?

4) Taqbel li mekkaniżmi alternattivi għal soluzzjoni ta’ tilwim rigward l-applikazzjoni u l-amministrazzjoni ta’ sistemi ta’ DRM għandhom iżidu l-kunfidenza tal-konsumaturi fi prodotti u servizzi ġodda? Liema prassi tidentifika bħala ideali għal dan?

5) Taqbel li l-iżgurar ta' aċċess mhux diskrimantorju (pereżempju għal SMEs) għal soluzzjonijiet ta' DRM huwa meħtieġ għall- preservazzjoni u t-trawwim tal-kompetizzjoni fis-suq għad-distribuzzjoni tal-kontenut diġitali?

Liċenzjar multiterritorjali ta’ drittijiet

6) Taqbel li l-kwistjoni ta’ liċenzjar multiterritorjali ta’ drittijiet trid tiġi indirizzata permezz ta’ Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill?

7) X’taħseb, fil-fehma tiegħek, li huwa l-aktar mezz effiċjenti għat-trawwim ta’ liċenzjar multiterritorjali ta’ drittijiet fil-qasam ta’ xogħlijiet awdjoviżivi? Taqbel li mudell ta’ liċenzji onlajn ibbażati fuq id-distinzjoni bejn suq multiterritorjali primarju u dak sekondarju jista’ jiffaċilita liċenzjar multiterritorjali jew madwar l-UE għal kontenut kreattiv li tiltaqa' miegħu?

8) Taqbel li mudelli kummerċjali bbażati fuq l-idea ta’ bejgħ aktar ta’ numru ta’ prodotti fi kwantità anqas, kif turi t-teorija ta' distribuzzjonijiet imsejħa “ Long tail ”, jibbenifikaw minn liċenzji multiterritorjali ta’ drittijiet għal katalgi b’lura ta’ xogħlijiet (per eżempju xogħlijiet ta’ aktar minn sentejn ilu)?

Offerti legali u piraterija

9) Kif tista’ kooperazzjoni akbar u effettiva bejn dawk involuti ttejjeb ir-rispett għal dritt ta’ l-awtur fl-ambjent onlajn?

10) Taħseb li huwa ta’ min isegwi l-eżempju tal-Ftehim ta’ Memorandum adottat dan l-aħħar fi Franza?

11) Taħseb li l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ filtrazzjoni jista’ jkun mezz effettiv biex jippreveni ksur ta’ dritt ta’ l-awtur onlajn?

Jekk jogħġbok ibgħat il-kummenti tiegħek sa 29/02/2008 f’format elettroniku. Is-sottomissjonijiet kollha se jkunu ppubblikat fuq il-websajt tal-Kummissjoni jekk ma jintalabx mod ieħor. Kontribuzzjoni li trid tiġi ttrattata bħala kunfidenzjali għandha tkun immarkata hekk fl-ewwel paġna fuq nett. Jekk tixtieq iżżid ittra, jekk jogħġbok agħmilha f'dokument separat. Jekk il-kummenti tiegħek jaqbżu erba’ paġni, jekk jogħġbok ibgħat sinteżi eżekuttiva. Is-sottomissjonijiet kollha jridu jintbagħtu fl-indirizz elettroniku funzjonali ta’ l-Unità għal Politiki Awdjoviżivi u tal-Midja tad-Direttorat Ġenerali għas-Soċjetà ta' l-Informazzjoni u l-Mezzi ta' Komunikazzjoni: avpolicy@ec.europa.eu. |

[1] Studju dwar “ Kontenut Interattiv u Konverġenza, Implikazzjonijiet għas-Soċjetà ta’ l-Informazzjoni ” kkummissjonat mid-Direttur Ġenerali tas-Soċjetà ta’ l-Informazzjoni u l-Midja tal-Kummissjoni Ewropea, ippubblikat fil-25 ta’ Jannar 2007.

[2] http://ec.europa.eu/avpolicy/other_actions/content_online/contributions/index_en.htm

[3] Għal sinteżi tal-konsultazzjoni pubblika, ara d-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni dwar Kontenut Kreattiv Onlajn.

[4] ĠU L 248, 6.10.1993, p. 15.

[5] ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10.

[6] ĠU L 276, 21.10.2005, p. 54 – ĠU L 284, 27.10.2005, p. 10.

[7] ĠU L 320, 28.11.1998 p. 54.

[8] Għal kwistjonijiet oħra li tqajmu matul l-konsultazzjoni pubblika, ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar Kontenut Kreattiv Onlajn.

[9] Kontenut Interattiv u Konverġenza; Implikazzjonijiet għas-Soċjetà ta’ l-Informazzjoni, 2007, p. 13.

[10] Gowers Review of Intellectual Property, Diċembru 2006, p. 69: “Il- British Library tistima li 40% tax-xogħlijiet kollha stampati huma xogħlijiet orfni”.

[11] ĠU L 236, 31.8.2006, p. 28.

[12] ĠU C297, 7.12.2006, p. 1.

[13] Ara: http://ec.europa.eu/information_society/activities/digital_libraries/hleg/index_en.htm

[14] Sakemm id-DRMs huma forma ta’ sistema ta’ aċċess kondizzjonali, fit-tieni rapport ta’ evalwazzjoni tad-Direttiva dwar Aċċess Kondizzjonali li huwa mistenni li jsir fl-2008, il-Kummissjoni ser tevalwa kemm dik id-Direttiva ffaċilitat jew tista’ tiffaċilita l-applikazzjoni mifruxa tad-DRMs.

[15] COM(2007) 697 finali.

[16] COM (2007) 698 finali.

[17] "Accord pour le développement et la protection des œuvres et programmes culturels sur les nouveaux réseaux" – MACROBUTTON HtmlResAnchor http://www.culture.gouv.fr/culture/actualites/index-olivennes231107.htm

[18] Ara r-rapport ta’ inizjattiva ta’ Z. Roithova, membru (EPP) tal-Parlament Ewropew dwar il-kunfidenza tal-Konsumatur fl-ambjent diġitali u r-resoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta’ Ġunju 2007 dwar il-kunfidenza tal-konsumatur fl-ambjent diġitali (2006/2048(INI)) - http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+TA+P6-TA-2007-0287+0+DOC+XML+V0//EN&language=EN