Rapport mill-Kummissjoni - Ir-Raba’ Rapport ta’ Progress dwar l-implimentazzjoni tal-Fond għall-Istruttura ta' Protezzjoni ta’ Chernobyl - Settembru 2007 {SEC(2007) 1701} /* KUMM/2007/0825 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 19.12.2007 KUMM(2007) 825 finali RAPPORT MILL-KUMMISSJONI Ir-Raba’ Rapport ta’ Progress dwar l-implimentazzjoni tal-Fond għall-Istruttura ta' Protezzjoni ta’ Chernobyl Settembru 2007 {SEC(2007) 1701} 1. INTRODUZZJONI L-Impjant Nukleari ta’ Chernobyl (ChNPP) jinsab 110 km ’l bogħod mit-tramuntana ta’ Kiev, u beda jinbena matul is-sebgħinijiet. Sa l-1983 kienu operattivi erba’ unitajiet li kienu jipproduċu madwar 10 fil-mija ta’ l-elettriċità ta’ l-Ukraina. Fiż-żmien ta’ l-inċident żewġ unitajiet addizzjonali kienu qegħdin jiġu mibnija. Il-belt fil-qrib ta’ Chernobyl kellha populazzjoni ta’ 12,500. Wara l-inċident tas-26 t’April 1986 xi 200,000 persuna ġew evakwati mill-viċinanza ta’ Chernobyl u Struttura ta’ Protezzjoni (kultant imsejħa ‘sarkofagu’) li tagħlaq minn kullimkien il-fdalijiet ta’ l-Unità 4 taċ-ChNPP inbniet taħt kundizzjonijiet perikolużi immens. L-Unitajiet 1, 2 u 3 (maġenb l-Unità 4) reġgħu saru operattivi u dan qajjem biża’ ta’ inċident ieħor. Il-pajjiżi tal-G7 u l-Kummissjoni Ewropea (KE) kienu minn ta’ quddiem biex jipprovdu għajnuna biex itaffu l-konsegwenzi ta’ l-inċident. Il-Memorandum ta’ Ftehim bejn il-G7, l-KE u l-Ukraina dwar l-għeluq ta’ Chernobyl[1] sas-sena 2000 jirrifletti l-impenn. Il-Kummissjoni kellha rwol prinċipali fl-implimentazzjoni tiegħu permezz tal-programm Tacis. Il-G7 (issa G8) u l-Kummissjoni reġgħu affermaw l-intenzjoni li jkomplu s-sostenn tagħhom f’bosta samits. L-Istruttura ta’ Protezzjoni ma kinitx intenzjonata li tkun soluzzjoni permanenti u, fil-fatt, saret dejjem aktar instabbli, iddeterjorat b’mod li ħalliet l-ilma tax-xita jidħol fih. Kien hemm riskju ta’ kollass minħabba movimenti siżmiċi, temp estrem jew aktar deterjorament ta’ l-istruttura. Il-possibbiltà ta’ kontaminazzjoni taż-żona tal-madwar se tippersisti sakemm il-materjal li huwa radjuattiv ħafna taħt l-Istruttura ta’ Protezzjoni ma jiġix iżolat b’mod xieraq mill-ambjent. F’Mejju 1997 grupp ta’ esperti internazzjonali mill-UE, mill-Istati Uniti, mill-Ġappun u mill-Ukraina ffinalizzaw programm multidixxiplinari ta’ amministrazzjoni tal-bini magħruf bħala l-Pjan ta’ Implimentazzjoni ta’ l-Istruttura ta’ Protezzjoni ( Shelter Implementation Plan (SIP)). Is-SIP kien jipprevedi xogħol rimedjali fuq l-Istruttura ta’ Protezzjoni intenzjonat biex jagħmilha fiżikament stabbli u mhux ta’ periklu għall-ambjent. Fl-istess sena, il-G7 u l-Kummissjoni u donaturi oħra talbu lill-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (EBRD) biex jistabbilixxi l-Fond ta’ Protezzjoni ta’ Chernobyl (CSF) biex jiffinanzja l-SIP. Fl-2007, għaxar snin wara l-ftehim dwar is-SIP bejn il-G7 u l-KE u l-Ukraina u l-bidu tiegħu, bosta mill-kompiti tiegħu kienu tlestew. L-infrastruttura u l-faċilitajiet tas-sit meħtieġa kienu nbnew u l-istabilizzazzjoni ta’ l-istruttura ta’ protezzjoni kienet ġiet ikkompletata. Grazzi għal dan, issu hu possibbli li jingħata bidu għall-kostruzzjoni ta’ Konfinament Sigur Ġdid ( New Safe Confinement (NSC)) li jirrappreżenta l-aħħar proġett kbir ta’ kostruzzjoni fuq is-sit. L-ispiża inizjali indikattiva tas-SIP (ikkalkulati fl-1997) kienet tammonta għal bejn wieħed u ieħor USD 758 miljun (USD 768 miljun inkluż is-sostenn tal-liċenzjar) u żmien ta’ kostruzzjoni ta’ seba’ snin (1998-2005). L-ewwel konferenza tad-donaturi saret fi New York f’Novembru 1997 biex jinġabru l-fondi meħtieġa. Ħamsa u għoxrin pajjiż wegħdu xi USD 400 miljun inkluż il-USD 50 miljun ta’ l-Ukraina f’kontribuzzjoni mhux fi flus. Din is-somma kienet biżżejjed biex isir ix-xogħol fuq l-ewwel kompiti tas-SIP. Il-proġett beda effettivament f’April 1998 bl-istabbiliment ta’ l-Unità ta’ Tmexxija tal-Proġett ( Project Management Unit (PMU)). Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/381/KE tal-5 ta’ Ġunju 1998 dwar il-kontribuzzjoni tal-Komunità lill-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp għall-Fond ta’ Protezzjoni ta’ Chernobyl[2] ipprovdiet bażi legali għal kontribuzzjoni tal-Komunità għas-CSF ta’ USD 100 miljun magħmula fis-samit tal-G7 ta’ l-1997 f’Denver. Din tħallset matul is-snin 1999/2000 mill-portafoll finanzjarju tat-TACIS. It-tieni konferenza tad-donaturi saret f’Lulju 2000 f’Berlin. Madwar USD 320 miljun ġew imwiegħda minn 22 pajjiż li ġabu l-ammont totali mwiegħed fiż-żewġ konferenzi qrib l-ispiża stmata ta’ USD 768 miljun. Il-Komunità wiegħdet kontribuzzjoni oħra ta’ €100 miljun li kienet ġiet approvata mid-deċiżjoni tal-Kunsill 2001/824/KE[3]. Fl-2003 l-PMU ppreżenta skeda riveduta u l-ewwel stima ta’ l-ispiża, ibbażati fuq l-ispiża attwali tal-proġetti kompluti u l-valuri kuntrattwali għall-proġetti li għadhom għaddejjin, li jammontaw għal madwar USD 1,091 miljun. L-EBRD, bħala amministratur tal-Fond, wissa li kien meħtieġ riforniment biex tinżamm l-iskeda l-ġdida. L-aħħar stima serviet bħala bażi għal wegħdiet addizzjonali mid-donaturi f’Londra f’Mejju 2005. Jekk jitqies il-qsim tal-piż storiku, il-Kummissjoni wiegħdet €49.1 miljun addizjonali, li jġib il-kontribuzzjoni totali tal-Kummissjoni s’issa għall-Fond għal xi €240 miljun. Madankollu, minħabba d-dewmien, l-eskalazzjoni u ż-żidiet fil-prezzijiet tax-xogħol u tal-materjali, żieda relattiva sinifikanti oħra għall-ewwel stima ta’ l-ispiża ġiet imxandra sussegwentement lill-Assemblea tal-Kontributuri (ara aktar 'l isfel). Skond l-Art. 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/381/KE u l-Art. 4 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/908/KE dwar il-kontribuzzjonijiet tal-Komunità lill-EBRD għall-Fond ta’ Protezzjoni ta’ Chernobyl, il-Kummissjoni għandha tissottometti rapporti ta’ progress dwar l-implimentazzjoni tiegħu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dan it-tip ta’ rapporti ġew sottomessi f’Ottubru 1999[4], f’Settembru 2001[5] u f’Diċembru 2003[6]. Ir-rapport preżenti jaġġorna lil dawk preċedenti, ibbażat prinċipalment fuq il-progress ikkomunikat lill-Assemblea tal-Kontributuri u informazzjoni oħra pprovduta mill-EBRD[7]. 2. KWISTJONIJIET POLITIċI U ISTITUZZJONALI Issemma’ spiss li ambjent istituzzjonali stabbli u tmexxija kompetenti huma essenzjali għall-implimentazzjoni ordnata u puntwali tas--SIP. Madankollu, bil-viżibbiltà politika tal-proġetti, is-somom involuti u l-aġendi differenti, id-diffikultajiet kienu inevitabbli. Barra minn hekk, l-aspetti uniċi tas-SIP kien jinħtieġ li jiġu stabbiliti proċess ta’ liċenzjar u leġiżlazzjoni speċjali. Il-bżonn ta' sjieda fil-livell superjuri ta’ l-amministrazzjoni ta’ l-Ukraina ġie rrikonoxxut fi stadju bikri ħafna. Ittieħdu miżuri prattiċi f’dan ir-rigward, l-Ukraina daħlet fi sħubija sħiħa ma’ l-Assemblea u l-Kumitat Konġunt Ukraina-EBRD ġie inkluż fir-Regoli tas-CSF. Il-Ftehim ta’ Qafas bejn l-EBRD u l-Ukraina konkluż fl-1997 u rratifikat mill-Parlament Ukranjan fl-1998, ħoloq il-bażi legali għat-tħaddim tas-CSF fl-Ukraina. Dawn l-arranġamenti stabbilixxew bażi solida, imma l-bidliet frekwenti tal-livelli tal-gvern u ta’ l-amministrazzjoni superjuri għamluha impossibbli li tinżamm il-kontinwità tat-tmexxija, il-memorja istituzzjonali u l-istabbiltà meħtieġa. Fattur partikolari li kkawża tħassib serju kien it-trasferiment tar-responsabbiltà amministrattiva għaċ-ChNPP mill-Ministeru tal-Karburanti u l-Enerġija għall-Ministeru ta’ l-Emerġenzi fl-2005. Għalkemm din kienet kwistjoni interna ta' l-Ukraina, irriżultat fit-telf ta’ l-esperjenza u tal-memorja istituzzjonali fil-proċess, li inevitabbilment ikkawża sfrattar. Fl-2006 il-proċess ta’ l-għoti tal-kuntratti għall-NSC ħoloq kontroversja. Ir-reviżjoni ta’ l-ilmenti u d-diskussjonijiet estensivi qabel l-għoti tal-kuntratt, b’mod partikolari man-naħa Ukranjana, ikkawżaw dewmien ta’ aktar minn sena, li wassal għal żieda konsiderevoli fin-nefqa minħabba l-espejjeż ta’ l-eskalazzjoni u ta’ l-amministrazzjoni. Id-donaturi ħadu pożizzjoni soda dwar li r-Regoli tas-CSF għandhom jiġu osservati b’mod strett u li ma setax ikun hemm devjazzjoni mill-konklużjonijiet ta’ l-għoti tal-kuntratti ladarba kien ġie stabbilit li ma jkunx hemm irregolaritajiet. L-aproċċ ta’ liċenzjar għall-SIP huwa rrikonoxxut ukoll bħala essenzjali għall-implimentazzjoni ordnata tal-proġetti. Fl-2003 il-Kabinett tal-Ministri approva digriet dwar ir-reviżjonijiet u l-approvazzjonijiet regolatorji tas-SIP: l-“Ordni ta’ l-Implimentazzjoni tas-SIP”. Dan ġie segwit f’nofs l-2004 minn digriet ieħor li jissimplifika l-proċedura ta’ ċertifikazzjoni għat-tagħmir miksub taħt is-CSF. L-ambjent istituzzjonali kien wieħed mill-kawżi prinċipali tad-dewmien fil-proġetti ta’ Chernobyl. Huwa mistenni li bl-esperjenza miksuba matul is-snin u bid-deċiżjonijiet l-aktar importanti dwar is-SIP issa meħuda, it-tħaddim tal-proġetti se jkun bla xkiel fil-futur. Madankollu l-proġett ta’ l-NSC, li jirrappreżenta madwar nofs l-ispiża tas-SIP, għadu se jibda. Kwalunkwe dewmien, b’mod partikolari matul il-fażi tal-kostruzzjoni, jiġi jiswa’ ħafna, għalhekk il-partijiet kollha jinħtieġ li jibqgħu attenti biex l-impatt ta’ kwalunkwe problemi li jistgħu jinħolqu jiġi ttrattat immedjatament u mminimizzat. 3. STATUS TA’ L-IMPLIMENTAZZJONI TAS-SIP 3.1. Ftehimiet dwar għoti L-impenji finanzjarji tas-CSF huma ddeterminati minn ftehim ta’ għotja konkluż bejn il-Bank u r-riċevituri Ukraini. Ir-riċevitur jista’ jidħol f’kuntratti skond l-iskemi ta’ allokazzjoni miftehma skond il-Politika u r-Regoli tal-Ksib ta’ l-EBRD. Il-Bank jissorvelja l-konformità u jħallas il-fondi direttament lill-kuntratturi; id-Dipartiment tas-Sigurtà Nukleari tal-Bank u l-PMU tar-Riċevitur jipprovdu livell addizzjonali ta’ kontroll. S’issa, l-EBRD ikkonkluda 8 ftehimiet ta’ għoti. Fit-30 ta’ Ġunju 2007 €457 miljun kienu ġew allokati lil Ftehimiet dwar Għoti. L-Assemblea tas-17 ta’ Lulju 2007 approvat l-allokazzjoni ta’ €330 miljun lill-Ftehim dwar Għotja Nru. 8 u awtorizzat lill-Bank biex jalloka kontribuzzjonijiet ġodda lil dan il-Ftehim dwar Għotja sakemm jintlaħaq ammont ta’ €490 miljun. F’Lulju 2007 138 kuntratt, li jammontaw għal €356 miljun, kienu ġew konklużi fi ħdan is-seba’ ftehimiet dwar għoti inizjali, 86 minn dawn kienu tlestew. 3.2. Stabilizzazzjoni u proġetti oħra L-Istruttura ta’ Protezzjoni, li iżolat is-sorsi ta’ radjazzjoni ta’ livell għoli u difnet il-fdalijiet tar-reattur meqrud ta’ l-Unità 4, tlestiet sa l-aħħar ta’ Novembru 1986. Uħud mill-elementi strutturali tagħha ġew mgħawġa u ppreżentaw konsenturi li indikaw riskju potenzjali ta’ kollass. Sabiex jitnaqqas dan ir-riskju, ġie konkluż kuntratt f’Lulju 2004 ma’ konsorzju Ukrain-Russu (immexxi minn Atomstroyexport tar-Russja) biex jimplimenta miżuri ta’ stabilizzazzjoni. Dawn se jnaqqsu r-riskju ta’ kollass fuq l-10 sa 15-il sena li ġejjin sa liema żmien l-Istruttura ta’ Protezzjoni se tingħalaq fl-NSC u jseħħ il-ħatt ta’ l-aktar partijiet instabbli. Ix-xogħol fuq l-istabbilizzazzjoni beda f’Novembru 2004 u tlesta skond l-iskeda u skond il-baġit sal-bidu ta’ l-2007. Dan kien suċċess sinifikanti bil-kondizzjonijiet diffiċli ġewwa l-Istruttura ta’ Protezzjoni (aċċessibbiltà, fdalijiet, livelli għolja ta’ radjazzjoni u imprevedibbiltà ta’ aktar żviluppi). Ingħatat importanza kbira lill-minimizzazzjoni ta’ l-espożizzjoni ta’ l-impjegati għar-radjazzjoni; din inkisbet permezz ta’ ppjanar b’attenzjoni, taħriġ, protezzjoni u immontar tal-partijiet strutturali f’żona nadifa tas-sit tal-kostruzzjoni. L-EBRD irrapporta wkoll li progress sinifikanti nkiseb fuq il-proġetti infrastrutturali. 3.3. Konfinament Sigur Ġdid (NSC) Il-Konfinament Sigur Ġdid (NSC) huwa l-isem ta’ l-istruttura forma ta’ arkata li se tiġi mmontata f’żona sigura viċin l-Unità 4 u mbagħad mgħoddija min-naħa għall-oħra ta’ l-istruttura ta’ protezzjoni l-antika. Dan huwa intenzjonat biex jiżola l-materjal radjuattiv mill-ambjent sa mitt sena. Se jkun fih ukoll tagħmir u faċilitajiet biex, meta jkun xieraq, tiġi meqruda l-istruttura ta’ protezzjoni eżistenti u jitneħħa l-Materjal li Fih il-Karburanti (Fuel Containing Material (FCM)). L-għoti tal-kuntratti għall-NSC ħa ħafna aktar minn kemm kien antiċipat. It-tim tad-disinn lesta l-pakkett tal-kuntratt għal disinn dettaljat u kostruzzjoni sa Ġunju 2003, madankollu l-ftehim fuq il-kuntratt finali ħa sa Marzu 2004, meta l-offerti għal proposti tekniċi bdew joħorġu. Tliet proposti ġew irċevuti f’Novembru 2004. Wara kjarifikazzjoni eċċezzjonalment dettaljata tar-rekwiżiti tekniċi u regolatorji, minħabba l-impatt fuq l-iskeda u l-prezz, żewġ konsorzji (Novarka u CH2M Hill) ġew mistiedna biex jissottomettu l-proposti kummerċjali. Ir-reviżjoni u l-valutazzjoni tlestew sa Frar 2006. Il-proċess ta’ valutazzjoni sussegwenti għall-NSC kien pjuttost twil, minħabba lment dwar il-ksib u d-dubji dwar ir-riżultati minn xi uffiċjali Ukraini, u b'hekk kien meħtieġ li ssir reviżjoni oħra skond ir-Regoli tal-Fond ta’ Protezzjoni ta’ Chernobyl u l-Politika u r-Regoli tal-Ksib ta’ l-EBRD. Il-kwistjonijiet pendenti kollha ġew riżolti b’sodisfazzjon tal-partijiet ikkonċernati u l-osservaturi indipendenti kkonfermaw li n-negozjati dwar il-kuntratt qabel l-għoti tal-kuntratt twettqu kif suppost. Fl-Assemblea tas-17 ta’ Lulju 2007 id-donaturi awtorizzaw lill-Bank biex jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-Ftehim ta’ Għotja Nru. 8 għall-NSC u approvaw allokazzjoni inizjali ta’ fondi. Il-Bank u l-awtoritajiet Ukraini ffirmaw il-Ftehim ta’ Għotja fil-bidu ta’ Awissu. L-ittra ta’ għotja lil Novarka ġiet trażmessa miċ-ChNPP fid-9 ta' Awissu u l-kuntratt attwali ġie ffirmat fl-24 t’Awissu 2007. L-iskeda attwali tipprevedi t-tlestija ta’ l-NSC sa Diċembru 2011. 3.4. Saħħa, sigurtà u ambjent Pjan ta’ Azzjoni Ambjentali, stabbilit fl-1998 skond il-politika standard ta’ l-EBRD, huwa aġġornat regolarment u vverifikat perjodikament mid-Dipartiment Ambjentali tal-Bank u l-konsulenti indipendenti tiegħu. Huwa importanti li jiġi nnutat li programmi biomediċi u ta’ skrining ġew stabbiliti fl-2004 u li aktar minn tlitt elef persuna ġew iċċekkjati. B’xi 86 kuntratt komplut ma kien hemm l-ebda inċidenti radjoloġiċi jew industrijali b’konsegwenzi serji. 3.5. Immaniġġjar ta’ l-iskart radjuattiv Hija meħtieġa attenzjoni kontinwa mill-awtoritajiet Ukraini għall-problemi ta’ l-immaniġġjar ta’ l-iskart u għall-koordinazzjoni tal-proġetti internazzjonali li għandhom x’jaqsmu ma’ l-iskart radjuattiv sabiex is-SIP ma jiddewwimx aktar minn kemm hemm bżonn. Faċilitajiet ta’ buffer ġew identifikati biex isolvu l-aktar problemi urġenti (inkluż spazju addizzjonali għal ħażna ta’ l-iskart ta’ livell għoli disponibbli mill-Kumpless Industrijali ffinanzjat mit-Tacis għall-Immaniġġjar ta’ l-iskart Radjuattiv Solidu) sabiex, f’perjodu qasir, il-ħażna ta’ l-iskart ma jkollux impatt fuq il-passaġġ kritiku għat-tkomplija tas-SIP. 4. SKEDA RIVEDUTA U STIMA TA’ L-ISPIżA 4.1. Skeda L-implimentazzjoni tas-SIP bdiet fl-aħħar ta’ l-1998 bil-mobilizzazzjoni tal-PMU kif ukoll l-għoti tal-kuntratti għal Konsulent tal-Liċenzjar għar-regolatur nukleari Ukrain u l-Proġetti Bikrin li Setgħet Issir Offerta Għalihom. Minkejja d-dewmien, la l-istabbilizzazzjoni ta’ l-istruttura ta’ protezzjoni u lanqas l-implimentazzjoni tal-kompiti ta’ l-SIP ma affetwaw il-passaġġ kritiku tas-SIP, dan kien dejjem iddettat mill-attivitajiet assoċjati ma’ l-NSC. Sa nofs l-2003 il-PMU stenniet li l-ikkummissjonar ta’ l-NSC ikun jista’ jseħħ sa l-aħħar ta’ l-2008, ibbażat fuq l-approvazzjoni kemm tad-disinn tal-kunċett u kemm tad-disinn dettaljat u l-kostruzzjoni ta’ l-NSC fi żmien ħames snin, imma dewmien fil-proċess ta’ l-għoti tal-kuntratt ġiegħel lill-PMU biex tagħmel reviżjonijiet suċċessivi. Fażijiet prinċipali ta’ l-NSC Kompluti: April 2001 L-Istrateġija ta’ Konfinament Sigur (P10 Deċiżjoni Programmatika) Lulju 2001 Ix-xogħol fuq it-termini ta’ referenza tad-disinn tal-kunċett jibda Mejju-Ottubru 2002 Avviż ta’ Approvazzjoni/Għoti tal-kuntratt għad-disinn tal-kunċett Ġunju 2003 Id-disinn tal-kunċett komplut Diċembru 2003 Id-disinn tal-kunċett sottomess għar-reviżjoni regolatorja Marzu 2004 L-istediniet għal proposta għal disinn dettaljat u kostruzzjoni Lulju 2004 L-approvazzjoni tad-disinn tal-kunċett mill-Kabinett tal-Ministri Novembru 2004 Il-proposti (tekniċi) ta’ stadju 1 irċevuti Settembru 2005 Il-proposta kummerċjali mingħand żewġ konsorzji li għamlu l-offerta tagħhom Novembru 2005 Il-proposti kummerċjali riveduti Frar 2006 Il-valutazzjoni kompluta Settembru 2006 Ir-reviżjoni tal-Kumitat ta’ l-Akkwisti u tal-Kontrattazzjoni ta’ l-EBRD (PCC) tikkonferma l-valutazzjoni Diċembru 2006 sa Id-diskussjonijiet prekuntrattwali dwar l-NSC Ġunju 2007 Awissu 2007 L-għoti tal-kuntratt ta’ l-NSC Ippjanati: Diċembru 2008 It-tlestija tad-disinn dettaljat għall-NSC (16-il xahar) Diċembru 2011 It-tlestija ta’ l-NSC (kostruzzjoni 3 snin) 4.2. Stima ta’ l-ispejjeż L-ispiża inizjali indikattiva tas-SIP ġiet iddikjarata bħala USD 758 miljuni fl-1997 li magħha ġiet miżjuda s-somma waħda ta’ USD 10 miljuni għas-sostenn ta’ l-awtoritajiet regolatarji, li b’hekk ġabet it-total għal USD 768 miljuni. Din il-figura ġiet ippreżentata bħala stima ta’ l-ispiża preliminari xierqa biex issostni l-wegħdiet internazzjonali ta’ fondi. L-EBRD u l-PMU ġibdu l-attenzjoni lill-Assemblea li s-SIP kienet dokument ta’ kunċett li jipprovdi biss l-elementi prinċipali tal-proġetti. Matul l-implimentazzjoni tas-SIP l-ambitu nbidel biex tqiesu bżonnijiet ġodda jew biex jiġu eliminati kompiti li ma kienx hemm bżonnhom. Is-SIP kien assuma li l-maġġoranza tax-xogħlijiet preparatorji u infrastrutturali kienu se jkunu disponibbli imma, fil-fatt, numru minn dawn il-proġetti kellhom jiżdiedu ma’ l-ambitu. Is-SIP ma qiesx iż-żmien għall-proċess regolatorju li żied ukoll ma’ l-ispejjeż, lanqas ma inkluda kwalunkwe spejjeż assoċjati ma’ l-amministrazzjoni tal-fond. Madankollu, l-ikbar somom li żdiedu ma’ l-istima kienu l-kontinġenzi u l-eskalazzjoni għall-NSC li ma kinux inklużi fl-ispiża indikattiva ta’ l-1997. Xi wħud mill-elementi prinċipali ta’ l-ispiża, notevolment l-azzar, l-enerġija, l-konkos u l-ħaddiema Ukraini żdiedu b’mod qawwi mill-1997 (ħafna aktar mir-rata medja ta’ l-inflazzjoni). Fl-2003 l-PMU ppreżentat l-ewwel stima ta’ l-ispiża bbażata fuq l-ispiża attwali tal-proġetti kompluti, il-valuri kuntrattwali għall-proġetti għaddejjin u l-istimi għall-proġetti li għadhom ma bdewx, li ammontat għal USD 1,091,062,000. Ġiet ippreżentata reviżjoni lill-assemblea tad-donaturi fi Frar 2006. Għamlet aġġustamenti għall-istima preċedenti bbażati fuq il-progress u t-tlestija tas-subproġetti u qieset il-prezzijiet ikkwotati miż-żewġ entijiet li għamlu l-offerta għall-NSC. Din irriżultat li kienet ogħla b’mod sinifikanti minn dak li kien antiċipat u l-istima ta’ l-ispiża għas-SIP ittellgħet għal USD 1,204,103,000. Peress li d-dewmien fil-proċess ta’ l-għoti tal-kuntratti kellu impatt fuq il-konklużjoni tal-kuntratt għall-NSC, l-ispiża se tiżdied skond id-dispożizzjonijiet ta’ s-sejħa għall-offerti. Fl-assemblea tad-donaturi tas-17 ta’ Lulju 2007 l-PMU ppreżentat l-aħħar ‘Previżjoni ta’ l-ispiża tas-SIP’ tagħha li ammontat għal USD 1,390 miljun, żieda ta’ USD 186 miljun imqabbla ma’ l-istima preċedenti tagħha. L-aktar bidliet sinifikanti li kkawżaw din iż-żieda kienu: l-eskalazzjoni minħabba d-dewmien fl-għoti tal-kuntratt għall-NSC (USD 87.5 miljun), żieda tal-USD minħabba r-rata tal-kambju Euro-USD (USC 51.3 miljun) u żieda għall-eskalazzjoni ta’ l-NSC matul it-twettiq (USD 47.3 miljun). Il-pass importanti li jmiss fil-valutazzjoni ta’ l-ispiża se jkun it-tkomplija tad-disinn dettaljat ta’ l-NSC, li se jipprovdi preċiżjoni dwar il-kwantitajiet u l-ispiża tal-materjali meħtieġa attwalment. Dan huwa mistenni li jkun disponibbli sa l-aħħar ta’ l-2008 (xi 16-il xahar wara l-għoti tal-kuntratt). 5. ĦARSA ĠENERALI FINANZJARJA 5.1. Dħul u ħruġ Fl-aħħar ta’ Ġunju 2007 il-Bank irreġistra total ta' kontribuzzjonijiet li ammonta għal €739 miljun lis-CSF, li jikkorrispondi ma’ l-impenji magħmula permezz ta’ Ftehimiet dwar Kontribuzzjoni, donazzjonijiet u kontribuzzjonijiet 'in natura'. Il-Fond akkumula mgħax ta’ €71 miljun, li jġib it-total għal €810 miljun. Barra minn hekk hemm numru ta’ wegħdiet (il-maġġoranza magħmula fl-avveniment ta’ ġbir ta’ fondi ta’ Londra ta’ Mejju 2005) li jammontaw għal madwar €100 miljun, li għadhom iridu jiġu impenjati fi Ftehim ta’ Kontribuzzjoni u fi ħlasijiet attwali. Sat-30 ta’ Ġunju 2007, €457 miljun kienu ġew allokati taħt is-7 ftehimiet dwar għoti konklużi sa dak inhar. Il-valur totali tal-kuntratti konklużi taħt dawn il-ftehimiet dwar għoti jammonta għal €356 miljun, li minnhom €308 ġew imħallsa. L-ammont ta’ fondi li ma ġewx allokati fit-30 ta’ Ġunju 2007 kien ta' madwar €300 miljun. Dan l-ammont se jitla’ għal madwar €400 sakemm jinżammu l-wegħdiet pendenti, li għadhom iridu jiġu fformalizzati. 5.2. Il-wegħdiet il-ġodda L-istima ta’ l-ispiża ta’ l-SIP li wasslet għall-figura ta’ USD 1,091 miljun ġiet analizzata fid-dettall fl-assemblea tad-donaturi f’April 2004. Dak iż-żmien kien ċar li l-fondi mhux impenjati disponibbli taħt is-CSF ma kinux biżżejjed għall-effikaċja tal-ftehim dwar l-għotja futur għall-Konfinament Sigur Ġdid. Wara ftehim bejn id-donaturi dwar il-kontribuzzjonijiet rispettivi, avveniment biex isiru l-wegħdiet sar fl-EBRD f’Londra fit-12 ta’ Mejju 2005. Id-donaturi wiegħdu l-ekwivalenti ta’ €181.496 miljun, inklużi €49.1 miljun mill-Kummissjoni, €22 miljun mill-Ukraina u, għall-ewwel darba, €10 miljun mir-Russja. L-ewwel ħlas tal-wegħda tal-Kummissjoni (€14.4 miljun) sar fis-CSF skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ l-4 ta’ Diċembru 2006[8], ħlas ieħor (€10 miljun) se jiġi ffinanzjat mill-Istrument għall-Kooperazzjoni għas-Sigurtà Nukleari u jitħallas fl-2007. Il-bqija tal-wegħda tal-Kummissjoni se titħallas matul il-perjodu 2008-2011. Preżentement hemm biżżejjed fondi disponibbli fis-CSF biex jippermettu l-konklużjoni ta’ l-ewwel fażi tal-kuntratt għall-NSC, imma l-fondi eżistenti, flimkien mal-wegħdiet pendenti li għadhom iridu jiġu konvertiti fi Ftehim ta’ Kontribuzzjoni, mhux se jkunu biżżejjed biex ikopru l-ispiża sħiħa tal-kuntratt. Il-membri tal-G8 flimkien mal-Kummissjoni, li jirrappreżentaw il-kontributuri prinċipali għas-CSF, tennew l-impenn tagħhom għat-tkomplija tas-SIP. Dan huwa ddikjarat b’mod ċar fir-rapport tal-Grupp tas-Sikurezza Nukleari u tas-Sigurtà tal-G8 ( Nuclear Safety and Security Group – NSSG) lill-mexxejja għal-laqgħat tas-Samit tal-G8 ta’ Lulju 2007 f’St. Petersburg. Aktar reċenti, fid-dikjarazzjoni tas-Samit ta’ Heiligendamm tal-G8 f’Ġunju 2007, huwa ddikjarat illi: “…B’rikonoxximent ta’ l-inċident ta’ Chernobyl fl-1986 aħna naffermaw mill-ġdid l-impenji tagħna – taħt id-dikjarazzjonijiet tas-Samit u l-memoranda ta’ ftehim tal-G7/G8 preċedenti u permezz ta’ programmi tal-Fond ta’ Protezzjoni ta’ Chernobyl (CSF) u l-Kont tas-Sigurtà Nukleari (NSA) – biex nimpenjaw ruħna fi sforzi konġunti ma’ l-Ukraina biex nikkonvertu s-sit ta’ l-unità tar-reattur iddanneġġjat f’kondizzjonijiet siguri.) 6. SEGWITU U SOSTENN MILL-KUMMISSJONI EWROPEA Bħala l-kontributur prinċipali għas-CSF, il-Kummissjoni ssegwi mill-qrib ħafna l-iżvilupp tal-kwistjonijiet li jaffetwaw il-Fond, speċjalment dawk li jkollhom implikazzjonijiet fuq l-iskeda u implikazzjonijiet finanzjarji. Is-servizzi tal-Kummissjoni huma f’kuntatt regolari ma’ donaturi prinċipali oħra, b’mod partikolari dawk fl-UE, u l-EBRD. Il-Kummissjoni pprovdiet is-sostenn politiku tagħha kull meta kien meħtieġ, per eżempju fis-sostenn tar-Regoli tal-Fond (li jinvokaw ir-Regoli ta’ l-Akkwist tal-Bank) fis-sejħiet għall-offerti għall-NSC. Is-sostenn tal-Kummissjoni għall-proġetti ta’ Chernobyl mhuwiex limitat għas-CSF. Tacis kellu rwol prinċipali fl-implimentazzjoni tal-Memorandum ta’ Ftehim ta’ l-1995 bejn il-G7 u l-KE u l-Ukraina dwar l-għeluq ta’ Chernobyl. Il-KE s’issa impenjat ruħha għal madwar €470 miljun għal Chernobyl u għal proġetti relatati, li l-maġġoranza tagħhom kienu mill-baġit tat-Tacis. Dawn il-proġetti studjaw, eżaminaw u taffew il-konsegwenzi ta’ l-inċident ta’ Chernobyl u pprovdew għajnuna għad-dekommissjonar ta’ l-unitajiet 1, 2 u 3 ta’ l-impjant. Kontribuzzjoni saret ukoll mill-KE għall-ispejjeż addizzjonali ta’ l-enerġija sostitutiva wara l-għeluq ta’ l-aħħar unità operattiva fl-2000. Proġetti oħra indirizzaw il-konsegwenzi soċjali u reġjonali ta’ l-għeluq ta’ Chernobyl u pprovdew sostenn għar-riforma tas-settur ta’ l-enerġija fl-Ukraina. Il-Kummissjoni sostniet il-kostruzzjoni ta’ Kumpless Industrijali għall-Immaniġġjar ta’ Skart Radjuattiv Solidu ( Industrial Complex for Solid Radwaste Management – ICSRM), li qiegħed joqrob it-tkomplija, u l-proġetti taħt il-Kont tas-Sigurtà Nukleari ta’ l-EBRD. Ipprovdiet sostenn ukoll lill-Ukraina għall-organizzazzjoni tal-konferenza li mmarkat l-20 anniversarju ta’ l-inċident fl-2006. Fuq in-naħa soċjali u tas-saħħa bħalissa qiegħda ssostni l-programm CORE. Huwa previst ukoll li ser issostni proġett biex jittejbu l-kundizzjonijiet ta’ l-għejxien tat-tfal fiż-żona affetwata mill-inċident. L-aħħar żidiet fl-ispiża, kienu kemm kienu inevitabbli, jikkawżaw tħassib. Il-Kummissjoni se tibqa’ impenjata għall-kawża ta’ Chernobyl u tippjana li tagħmel sforz addizzjonali, skond it-tqassim tal-piż storiku, imma ma tistax tiġi mistennija li tibqa’ tikkontribwixxi biex tkopri ż-żidiet kollha fl-ispiża biss mill-baġit limitat ta’ l-Istrument tas-Sigurtà Nukleari; dan ikun ta’ detriment għal proġetti ta’ sigurtà nukleari oħra. Il-kontribuzzjoni tal-Federazzjoni Russa, li reċentement saret donatriċi għall-Fond, u l-kontribuzzjoni addizzjonali ta’ l-Ukraina għenu biex jitnaqqas id-defiċit, madankollu huwa mistenni li l-Ukraina se tieħu dejjem aktar responsabbiltà tal-proġetti u tikkontribwixxi parti akbar mill-piż finanzjarju. 7. KONKLUŻJONIJIET Inkiseb progress sinifikanti fir-rigward tal-proġetti taħt il-Pjan ta’ Implimentazzjoni ta’ l-Istruttura ta’ Protezzjoni (SIP), notevolment fuq l-infrastruttura u l-istabbilizzazzjoni ta’ l-istruttura ta’ protezzjoni eżistenti, li kien komplut skond l-iskeda u skond il-baġit. Il-verifika tat-tmexxija u l-verifika ambjentali tas-SIP imwettqa fl-2007 ikkonfermaw l-adegwatezza tat-tmexxija eżistenti, kif ukoll ta’ l-arranġamenti industrijali u tas-saħħa u s-sigurtà. Madankollu l-verifika tat-tmexxija reġgħet innutat il-bżonn li jiżdied in-numru ta’ persunal Ukrain kwalifikat fl-Unità ta’ Tmexxija tal-Proġett (PMU), li tiġi sostitwita d-dipendenza fuq il-persunal tal-PMU tal-Punent u li tiġi żgurata stabbiltà fit-tul tat-tmexxija wara l-ikkummissjonar ta’ l-NSC. L-iskeda għat-tkomplija ta’ l-SIP hija bħalissa għall-aħħar ta’ l-2011. Il-passaġġ kritiku huwa ddeterminat mill-fażijiet prinċipali tal-kuntratt tal-Konfinament Sigur Ġdid (NSC). Huwa mistenni li l-analiżi u x-xogħol ta’ preparazzjoni fid-dettall se jnaqqsu r-riskju ta’ dewmien għali matul il-fażi ta' kostruzzjoni. Tmexxija tajba u kooperazzjoni tal-partijiet kollha, b’mod partikolari tal-gvern Ukrain u tar-regolaturi, se jkunu essenzjali għat-tkomplija b’suċċess tal-proġett. L-ispiża totali tas-SIP, jekk titqies l-ispiża tal-proġetti li diġà tlestew jew li huma kurrenti u l-ispiża attwali ta’ l-NSC flimkien ma’ l-eskalazzjoni, ġiet stabbilita għal USD 1,390 miljun. Jekk jitqiesu l-wegħdiet magħmula fl-2005 f’Londra, attwalment hemm biżżejjed fondi disponibbli fis-CSF biex jiġi konkluż il-kuntratt għall-NSC u jibda x-xogħol. Madankollu, skond l-aħħar stimi, il-fondi eżistenti mhumiex biżżejjed biex jitlesta l-proġett. Se jkunu meħtieġa fondi addizzjonali biex jitlestew il-proġetti ta’ Chernobyl iffinanzjati mis-CSF kif ukoll mill-Kont tas-Sigurtà Nukleari. Mill-bidunett is-SIP ma kienx iffinanzjat biżżejjed u se jkollu jibqa’ jibbaża fuq is-solidarjetà tal-komunità internazzjonali; dan qiegħed isir dejjem aktar diffiċli minħabba l-prijoritajiet li jinsabu f'kompetizzjoni ma' xulxin. Huwa mistenni li l-Ukraina tieħu rwol aktar prominenti fit-tmexxija u fl-iffinanzjar matul il-fażi ta’ kostruzzjoni prinċipali fis-sit ta’ Chernobyl li jwassal għal tmexxija Ukraina sostenibbli tal-faċilitajiet ladarba l-NSC ikun ikkummissjonat. [1] Memorandum ta’ Ftehim Bejn il-Gvernijiet tal-Pajjiżi tal-G7 u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u l-Gvern ta’ l-Ukraina dwar l-Għeluq ta’ l-Impjant Nukleari ta’ Chernobyl, magħmul f’Ottawa fl-20 ta’ Diċembru 1995. [2] ĠU L 171, 17.6.1998, p. 31 [3] ĠU L 308, 27.11.2001, p. 25 [4] COM(1999)470 tat-12.10.1999 [5] COM(2001)251 tad-29.05.2001 [6] COM(2004)481 ta' l-14.05.2004 [7] Verżjoni aktar wiesgħa ta’ dan ir-rapport flimkien ma’ l-annessi huma annessaI mad-dokument preżenti. [8] ĠU L 346, 9.12.2006, p. 28