52007DC0781

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni fuq l-Istħarriġ tal-Progress ta’ l-2007 dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni ta’ l-UE dwar id-droga (2005-2008) /* KUMM/2007/0781 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 10.12.2007

KUMM(2007) 781 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

fuq l-Istħarriġ tal-Progress ta’ l-2007 dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ l-UE dwar id-Droga (2005-2008)

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

fuq l-Istħarriġ tal-Progress ta’ l-2007 dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ l-UE dwar id-Droga (2005-2008)

I. INTRODUZZJONI

Il-Ġnus Magħquda tistma li madwar 200 miljun persuna jieħdu jew ħadu d-droga tul din l-aħħar sena[1]. L-istima ta’ Unjoni Ewropea hija li minn 25 sa 30 miljun adult – ta’ l-età ta’ bejn il-15 u 64 sena – ħadu xi tip ta’ droga illeċita f’din l-aħħar sena[2]. Dan huwa livell storikament għoli għall-Ewropa, ukoll jekk fi snin reċenti qiegħed jistabilizza ruħu. Huwa mifhum li drogi illeċiti jirrappreżentaw it-tielet l-akbar industrija fid-dinja, wara dawk taż-żejt u l-armi.

Xejriet fl-użu tad-droga u fil-forom tagħha jinbidlu tul iż-żmien. L-eroina taħti għall-akbar sehem ta’ dipendenza mid-droga u għall-ħsara għas-saħħa relatata mad-droga. Il-kannabis tibqa’ l-aktar sustanza illeċita popolari, filwaqt li xejriet reċenti juru żieda fl-użu tal-kokaina f’diversi Stati Membri. L-użu ta’ l- ecstasy u amfetamini jidher li laħaq l-ogħla livell tiegħu u issa qiegħed jistabilizza jew jonqos bil-mod. L-użu tal-polidroga – l-użu ta’ sustanzi leċiti u illeċiti flimkien – huwa ta’ sfida dejjem tikber għall-prevenzjoni u t-trattament.

In-natura globali tal-problema teħtieġ azzjoni miftiehma f’livell Ewropew u internazzjonali jekk iż-żieda konsistenti fil-konsum u l-produzzjoni dinjija għandha titwaqqaf.

Ma hemm ebda soluzzjonijiet sempliċi għal din il-problema. L-użu tad-droga u t-traffikar iħarbtu lis-soċjetajiet permezz tal-kriminalità u l-korruzzjoni, iżda huma wkoll fattur determinanti għas-saħħa taċ-ċittadini ta’ l-UE, u mard infettiv relatat mad-droga (HIV/AIDS, epatite) huwa ta’ theddida kbira għas-saħħa pubblika fl-UE. Quddiem ir-realtà ta’ dawn il-fatti ta’ dwejjaq, kien aċċettat għal xi żmien fl-Ewropa li tweġiba effettiva għandha tħares lilhinn mit-tħassib tan-nies li huwa għal kollox ġustifikat u li huwa kkawżat mill-konsum ta’ droga. L-Unjoni Ewropea hija, għaldaqstant, impenjata lejn approċċ ibbażat fuq evidenza li jiffoka fuq analiżi kontinwa tal-problema u stima oġġettiva tat-tweġiba ta’ ordni pubbliku għaliha. L-iskop huwa li jkun hemm għarfien aħjar ta’ liema politika taħdem l-aħjar.

Dan l-approċċ ġenerali huwa rifless fl-Istrateġija Ewropea dwar id-Droga 2005-2012[3] – approvata mill-Kunsill Ewropew f’Diċembru, 2004, bħala parti mill-Programm ta’ l-Aja għal tisħiħ tal-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja fl-UE[4] – u l-Pjan ta’ Azzjoni ta’ l-UE dwar id-Droga 2005-2008[5] – approvata mill-Kunsill fit-8 ta’ Lulju, 2005.

L-istrateġija ta’ l-UE dwar id-Droga għall-2005-2012 tistabilixxi żewġ miri ġenerali:

1. L-UE timmira li tikkontribwixxi biex jintlaħaq l-ogħla livell ta’ protezzjoni għas-saħħa, benesseri u koeżjoni soċjali billi tikkumplimenta l-azzjoni ta’ Stati Membri fil-prevenzjoni u t-tnaqqis ta’ l-użu tad-droga, dipendenza u ħsarat relatati mad-droga għas-saħħa u għas-soċjetà.

2. L-UE u l-Istati Membri tagħha jimmiraw li jiżguraw livell għoli ta’ sigurtà għall-pubbliku ġenerali billi jieħdu azzjoni kontra l-produzzjoni tad-droga, it-traffikar tad-droga bejn il-fruntieri u d-devjazzjoni ta’ prekursuri, u billi jintensifikaw l-azzjoni preventiva kontra r-reati relatati mad-droga, permezz ta’ kooperazzjoni effettiva msejsa fuq approċċ konġunt.

L-Istrateġija tiddikjara li “ Sa l-aħħar ta’ l-2012 għandu jkun sar progress għall-prijoritajiet kollha fl-oqsma definiti fl-Istrateġija" .

Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar id-Droga jirrappreżenta l-implimentazzjoni prattika ta’ l-Istrateġija flimkien mal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni bħala elementi essenzjali ta’ dan il-proċess. L-Istrateġija tiddikjara li "il-Kummissjoni tkun responsabbli għall-evalwazzjoni kontinwa u ġenerali tal-Pjan ta’ Strateġija u Azzjoni bis-sostenn ta’ l-Istati Membri, l-EMCDDA (Iċ-Ċentru Ewropew ta’ Monitoraġġ ta’ Drogi u l-Vizzju tad-Droga) u l-Europol”.

Il-Pjan ta’ Azzjoni ta’ l-UE dwar id-Droga (2005-2008)

Dan huwa l-ewwel wieħed minn żewġ Pjani ta’ Azzjoni maħsuba biex jittraduċu l-miri u l-prijoritajiet globali ta’ l-Istrateġija f’azzjonijiet speċifiċi b’indikaturi identifikabbli biex jitkejjel il-progress.

L-iskop aħħari tal-Pjan huwa “li titnaqqas b’mod sinifikanti l-prevalenza ta’ l-użu tad-droga fost il-popolazzjoni u li titnaqqas il-ħsara għas-soċjetà u għas-saħħa kkawżata mill-użu ta’ drogi illeċiti u l-kummerċ tagħhom”. Jimmira li jagħmel dan billi jipprovdi qafas għal approċċ integrat u bilanċjat, maħsub biex inaqqas kemm il-provvista kif ukoll id-domanda permezz ta’ għadd ta’ azzjonijiet speċifiċi. Dawn intagħżlu abbażi tal-prinċipji li ġejjin:

- Azzjonijiet f'livell ta’ l-UE għandhom joffru valur miżjud ċar , u r-riżultati għandhom ikunu realistiċi u jistgħu jitkejlu

- Azzjonijiet għandhom ikunu ekonomikament effettivi u jikkontribwixxu direttament għal kisba ta’ mill-inqas waħda mill-miri jew prijoritajiet stabbiliti fl-Istrateġija

- L-għadd ta’ azzjonjie f’kull qasam għandu jkun immirat u realistiku.

Il-Kummissjoni hija mitluba tippreżenta lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew stħarriġ dwar il-progress dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni u proposti biex ikunu ttrattati nuqqasijiet identifikat u sfidi ġodda possibbli.

L-ewwel Stħarriġ dwar il-Progress, li jkopri l-perjodu 2005-2006, sar mill-Kummissjoni bħala abbozz mill-persunal[6] u li kien approvat mill-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu ta’ l-4 ta’ Ġunju, 2007[7].

Din il-Komunikazzjoni tiġbor fiha l-konklużjonijiet ta’ l-Istħarriġ dwar il-Progress ta’ l-2007, b’rapport dettaljat dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni fl-anness.

Il-Kummissjoni ser tagħmel evalwazzjoni finali fl-2008 u tipproponi Pjan ta’ Azzjoni ġdid. Il-Pjan ta' Azzjoni li jmiss ser ikun iggwidat minn lezzjonijiet li nkisbu mill-esperjenza tat-tliet snin l-imgħoddija.

II. METODOLOġIJA

Fit-tħejjija ta’ dan l-Istħarriġ dwar il-Progress, il-Kummissjoni kienet megħjuna mill-Istati Membri, l-EMCDDA u l-Europol. L-evalwazzjoni għall-2007, li tkopri l-perjodu bejn it-tieni nofs ta’ l-2006 u l-ewwel nofs ta’ l-2007, isegwi l-istruttura tal-kapitolu tal-Pjan ta’ Azzjoni.

Ir-responsabbiltajiet għal azzjonijiet u skadenzi huma indikati b’mod ċar fil-Pjan. Biex l-implimentazzjoni tkun segwita, il-miri li skadew jew li aktarx mhux ser jintlaħqu għandhom ikunu soġġetti għal rakkomandazzjonijiet għall-implimentazzjoni tagħhom jew ikunu indikati bħala li naqsu li jkunu implimentati. Il-Pjan ta’ Azzjoni jipprovdi sett ta’ indikaturi[8] u/jew mezzi ta’ evalwazzjoni[9] għal kull għan u azzjoni.

Dak li sar fir-rigward ta’ għanijiet u azzjonjiet li l-implimentazzjoni tagħhom waslet biex tiskadi ġie analizzat. Hemm rapporti dwar azzjonijiet li qegħdin isiru fil-preżent. Hemm konklużjoni għal kull għan fil-Pjan ta’ Azzjoni. Għal ħdax-il għan u azzjoni, l-iskadenza biex jitlestew hija l-2008 u għandhom ikunu eżaminati fl-evalwazzjoni finali tas-sena d-dieħla.

III. SEJBIET PRINċIPALI MILL-ISTħARRIġ DWAR IL-PROGRSS TA’ L-2007

Għalkemm l-Istħarriġ dwar il-Progress ta’ l-2007 juri li ħafna mill-għanijiet qed jitwettqu, ħafna azzjonijiet jeħtieġu aktar xogħol biex ikunu jaqblu mal-Pjan ta’ Azzjoni. Ġabra tal-konklużjonijiet ewlenin tar-rapport dettaljat hija mehmuża ma’ din il-Komunikazzjoni.

3.1 Koordinazzjoni

Presidenzi ta’ l-UE jippjanaw dejjem aktar l-aġenda tal-politika tagħhom dwar id-droga skond il-prijoritajiet stabbiliti fil-Pjan ta’ Azzjoni, u l-koordinazzjoni sseħħ bejn il-Presidenzi l-imgħoddija, tal-lum u tal-ġejjieni. Il-koordinazzjoni bejn il-Grupp ta’ Ħidma Orizzontali dwar id-Droga u Gruppi ta’ Ħidma oħra rilevanti tal-Kunsill tjiebet.

Ir-reazzjoni ta’ Stati Membri dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni jeħtiġilha titjieb. Suġġeriment wieħed jista’ jkun li jinħatar 'korrispondent tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar id-Droga ' f’kull delegazzjoni għall-HDG biex ikun responsabbli mill-koordinazzjoni tal-fluss ta’ informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni.

L-Istħarriġ dwar Progress ta’ kull sena juri li sa ċertu punt il-politika u l-approċċ ta’ l-Istati Membri dwar id-droga qegħdin jersqu lejn xulxin . Dan jippermetti lill-UE, per eżempju, li titkellem aktar spiss b’vuċi waħda f’relazzjonijiet barranin dwar kwistjonijiet relatati mad-droga.

Ħamsa u għoxrin Stat Membru għandhom koordinatur wieħed jew korpi ta’ koordinazzjoni maħturin fil-qasam tad-droga f’livell nazzjonali. Ukoll jekk huwa diffiċli jitqies jekk dawn il-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni tad-droga humiex ‘jitħaddmu kompletament’ jew le, il-preżenza ta’ entità ta’ koordinazzjoni f’livell nazzjonali fiha nfisha hija rikonoxximent tan-natura diffiċli tad-droga bħala qasam ta’ politika u tal-ħtieġa għal approċċ bilanċjat f’dan il-qasam. Il-Presidenzi kollha ta’ HDG sejħu laqgħat tal-Koordinaturi Nazzjonali dwar id-Droga u l-aġenda tirrifletti l-Pjan ta’ Azzjoni ta’ l-UE dwar id-Droga għall-perjodu 2005-2008.

Il-ħtieġa li s-soċjetà ċivili tkun involuta fil-formulazzjoni tal-politika ta’ l-UE dwar id-droga kienet enfasizzata fl-Istrateġija ta’ l-UE dwar id-Droga għall-perjodu 2005-2012. It-Twaqqif ta’ Forum tas-Soċjetà Ċivili dwar id-Droga sa l-aħħar tas-2007 huwa r-riżultat ċar tal-proċess ta’ konsultazzjoni li nbeda fl-2006. Il-Kummissjoni hija fiduċjuża li l-Forum ser iħaffef il-komunikazzjoni effettiva mas-soċjetà ċivili.

Dwar l-integrazzjoni tal-politika dwar id-droga f’relazzjonijiet barranin, il-ftehimiet kollha bejn l-UE u pajjiżi terzi li kienu negozjati jew konklużi fl-2006 għandhom artikoli sostantivi dwar kooperazzjoni f’dak li għandu x’jaqsam mad-droga. Pajjiżi terzi għandhom jagħmlu tagħhom l- attivitajiet kollaborattivi billi jassumu responsabbiltà għall-politika tagħhom stess u għall-implimentazzjoni ta’ proġetti kollaborattivi. Din hija kundizzjoni importanti għall-implimentazzjoni tajba ta' dawn il-ftehimiet.

3.2 Tnaqqis fid-domanda

L-UE tinsab miexja ’l quddiem fl-iżvilupp ta’ tweġiba olistika u prammatika għall-ħsarat lis-soċjetà u għas-saħħa imposti mill-użu tad-droga. Hija qed tissokta twessa’ l-aħjar prattika bbażata fuq evidenza fil-prevenzjoni tad-droga, intervent bikri, trattament, rijabilitazzjoni, rijintegrazzjoni soċjali u tnaqqis tal-ħsara. L-Istati Membri kollha jaqblu mal-politika ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni ta’ l-attivitajiet tagħhom relatati mad-droga, għalkemm għad hemm il-ħtieġa ta’ żvilupp dwar metodoloġiji u l-għadd ta’ evalwazzjonijiet imwettqa.

Rapport tal-Kummissjoni wara l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar 'il-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-ħsara għas-saħħa marbuta mad-dipendenza fuq id-droga' [10] juri li t-tnaqqis tal-ħsara huwa issa parti stabbilita tajjeb ta' politika dwar id-droga fl-Istati Membri kollha ta' l-UE. Barra minn hekk, hemm bażi dejjem tikber ta’ evidenza li tappoġġja interventi għat-tnaqqis tal-ħsara. Madankollu, miżuri ta’ tnaqqis tal-ħsara għadhom lura milli jkunu applikati b’mod uniformi mal-pajjiżi ta’ l-UE.

It-trattament għas-sostituzzjoni ta’ l- opioid hija waħda mill-għażliet prinċipali ta’ trattament fl-Istati Membri ta’ l-UE u għandha l-appoġġ ta’ korp kbir u dejjem jikber ta’ evidenza ta’ riċerka li turi li tista’ tnaqqas b’mod effettiv l-użu ta’ opiate u l-imġiba ta’ riskju. Dawn il-programmi huma wkoll effettivi biex iżidu l-permanenza fit-trattament u jistgħu jgħinu biex ikunu stabbilizzati u mtejba l-kondizzjonijiet ta’ saħħa u soċjali ta’ min juża l-eroina b’mod kroniku. Hekk kif jiżviluppaw forom u xejriet ġodda fl-użu tad-droga fl-UE, il-firxa ta’ attivitajiet ta’ prevenzjoni u t-tnaqqis tal-ħsara, kif ukoll faċilitajiet u servizzi ta’ trattament u rijabilitazzjoni jeħtieġ li taġġusta għal tipi ġodda ta’ ħtiġiet tal-klijenti. Mingħajr ma jitqies il-bilanċ ta’ dawn l-elementi fil-politiki nazzjonali differenti, hemm qbil ċar li approċċ ikkoordinat u komprensiv dwar is-saħħa pubblika, inkluż it-tnaqqis tal-ħsara, huwa vitali biex titnaqqas il-firxa ta’ mard infettiv fost dawk li jużaw id-droga.

Mewt relatata mad-droga hija b’mod ċar l-iktar forma serja ta’ ħsara mid-droga għas-soċjetà u titlob monitoraġġ u azzjoni kontinwa biex jiddaħħlu u jissaħħu, b’mod partikolari, t-tnaqqis effettiv tal-ħsara u miżuri ta’ rijintegrazzjoni.

Kien hemm progress ċar fl-UE kollha dwar il-pubbliċità ta’ servizzi dwar id-droga u l-aċċess għalihom, u huwa importanti li dawn is-servizzi jissoktaw ikunu żviluppati u li jkunu żviluppati indikaturi dwar l-effikaċja ta’ trattament u ta’ miżuri għat-tnaqqis tal-ħsara.

Hemm ħtieġa ta’ standards ta’ kwalità għal servizzi u miżuri li jvarjaw minn prevenzjoni għal trattament għad-droga u t-tnaqqis tal-ħsara; madankollu, l-informazzjoni dwar id-disponibbiltà ta’ mekkaniżmi għall-assigurazzjoni ta’ kwalità fit-tnaqqis tad-domanda fl-Istati Membri hija limitata. Barra minn hekk, il-kunċett ta’ x’inhu li jikkostitwixxi eżattament 'standard' jew 'linja ta’ gwida' jvarja konsiderevolment fost l-Istati Membri. Ir-rapport dettaljat fl-anness juri li għadu meħtieġ li jsir xogħol f’ħafna aspetti għal tnaqqis tad-domanda fil-Pjan ta’ Azzjoni, u li xi azzjonijiet u indikaturi jeħtieġ li jkunu rfinuti biex ikun jista’ jitkejjel l-impatt ta’ dawk l-azzjonijiet.

Diġà teżisti varjetà wiesgħa ta’ alternattivi għall-ħabs għal dawk li jikkommettu reati minħabba l-użu tad-droga , madankollu għadu m’huwiex possibbli li ssir evalwazzjoni ta’ l-użu u/jew l-effikaċja tagħhom. Kważi l-pajjiżi kollha ta’ l-UE għandhom fis-seħħ miżuri għall-prevenzjoni tat-tixrid ta’ mard infettiv, iżda hemm vojt bejn servizzi għat-tnaqqis tal-ħsara offruti fil-komunità u fil-ħabs. Dan jeħtieġlu żvilupp ulterjuri.

Il-ħtieġa li jitjiebu l-miżuri għat-tnaqqis tal-ħsara fil-ħabsijiet kienet ikkonfermata mill-Presidenza fil-Konklużjonijiet tagħha dwar dak li sar wara r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta’ l-2003 dwar il-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-ħsara għas-saħħa marbuta mad-dipendenza fuq id-droga. Il-Kummissjoni kienet mitluba "tressaq proposta għal rakkomandazzjoni dwar droga fil-ħabs kif previst fl-Azzjoni 13.2 tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ l-UE għall-perjodu 2005-2008 [11] " .

Biex ikunu kkumplimentati attivitajiet ta’ l-Istati Membri f’dan il-qasam, il- Programm għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-Saħħa Pubblika[12] (2003-2008) ikompli’ jappoġġja firxa ta’ proġetti fil-qasam tat-tnaqqis tad-domanda għad-droga, inklużi l-prevenzjoni, it-tnaqqis tal-ħsara u t-trattament. Fondi għal dan it-tip ta’ attivitajiet ikomplu taħt it-tieni Programm ta’ Azzjoni Komunitarja għas-Saħħa Pubblika (2008-2012) u għandhom jitjiebu permezz tal- Programm Speċifiku ġdid “Prevenzjoni u Informazzjoni dwar id-Droga"[13] (2007-2013), u permezz tas- 7 Qafas ta’ Programm għal Riċerka, Żvilupp Teknoloġiku u Attivitajiet ta’ Dimostrazzjoni[14] (2007-2013).

3.3 Tnaqqis fil-provvista

Aġenziji ta’ rinfurzar tal-liġi ta’ l-UE jissoktaw ikunu attivi ħafna biex jikxfu u ma jħallux li jkun hemm il-kuntrabandu kemm ta’ droga kif ukoll ta’ prekursuri tad-droga . Fl-2006, l-għadd ta’ każijiet żdied. Il-Kummissjoni, flimkien ma’ l-Istati Membri, abbozzat dokument ta’ gwida għal operaturi li jinnegozjaw legalment ma’ prekursuri li jkunu devjati għall-produzzjoni illeċita tad-droga. Dan id-dokument jistabilixxi rakkomandazzjonijiet biex jgħinu lil negozjanti skond il-liġi jikxfu u jirrappurtaw operazzjonijiet suspettużi.

Stati Membri jikkontribwixxu għall-Fajls ta’ Ħidma ta’ Analiżi mmexxija mill-Europol għall-proġetti kurrenti tagħha ta’ COLA (kokaina), MUSTARD (eroina) u SYNERGY (droga sintetika). Fl-istess ħin, l-Europol tikkontribwixxi billi tipprovdi informazzjoni għall-investigazzjonijiet u l-operazzjonijiet ta’ l-Istati Membri. Il-Kummissjoni ma setgħetx tikkontrolla dwar l-implimentazzjoni fl-Istati Membri tar- Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-allinjament ta’ statistika dwar qbid ta’ droga u prekursuri ddevjati [15], li kienet adottata fl-2001. M’hemm ebda informazzjoni disponibbli dwar l-implimentazzjoni tagħha f’livell ta’ l-UE.

Il-kollaborazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Europol u l-Eurojust, bl-użu ta’ strumenti eżistenti, tista’ tiġi żviluppata aktar. Fil-preżent, strumenti bħal Timijiet Konġunti ta’ Investigazzjoni (JITs) u Operazzjonijiet Doganali Konġunti (JCO) jidhru li qegħdin jintużaw b’mod limitat. Fl-2005 u fl-2006, kienu implimentati biss żewġ JIT u erba’ JCO. L-Europol u l-Eurojust qegħdin jippreparaw taħriġ speċjali u manwal dwar it-twaqqif u l-użu ta’ proġetti tat-Tim Konġunt ta’ Investigazzjoni.

Sallum, għadu ma kienx possibbli jkunu identifikati proġetti kbar f’livell ta’ Stat Membru jew ta’ l-UE li jimmiraw b’mod speċifiku r-riżorsi finanzjarji tal-kummerċ ta’ droga illeċita. Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Istati Membri jużaw kompletament il-Pjattaforma NET ta’ l-Unitajiet ta’ Intelligence Finanzjarja. Il-Kummissjoni qiegħda fil-preżent tipprepara Rapport dwar id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta’ Ottubru, 2000, dwar arranġamenti għal kooperazzjoni bejn unitajiet ta’ intelligence ta’ l-Istati Membri fir-rigward ta’ skambju ta’ informazzjoni[16]. Bl-istess mod, l-Istati Membri huma mistiedna jagħmlu użu ikbar minn programm ta’ fondi ta’ l-UE, bħall- Programm għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità’ u l-Ġlieda kontriha (2007-2013)[17] , biex ikunu investigati konnessjonijiet bejn il-produzzjoni tad-droga u l-finanzjament tat-terroriżmu.

F’termini operattivi, seba’ Stati Membri huma issa involuti f’MAOC-N, Analiżi Marittima u Ċentru Operattiv dwar in-Narkotiċi, ibbażat f’Liżbona. L-attivitajiet jinvolvu kooperazzjoni mill-qrib bejn aġenziji ta’ infurzar tal-liġi, il-ġudikatura u r-riżorsi navali u ta’ l-ajru ta’ l-Istati Membri interessati fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-kokaina mill-Atlantiku u mill-Afrika tal-Punent. MAOC-N tikkoopera ma’ aġenziji simili fl-Istati Uniti, bħall- Joint Interagency Task Force South , ibbażata fi Florida. Il-kooperazzjoni hija bbażata fuq il-loġika li l-approċċ globali u l-flessibbiltà tat-traffikanti tad-droga għandu jkun hemm kontrihom l-infurzar dinji tal-liġi.

It-tnaqqis fil-provvista huwa qasam fejn il-kejl tat-titjib f’livell ta’ l-UE jibqa’ diffiċli. Il-parti l-kbira ta’ l-azzjonijiet f’dan il-qasam titkejjel bl-użu ta’ indikaturi kwantitattivi aktar milli kwalitattivi u d- data li hija disponibbli f’livell ta’ l-UE hija ħafna drabi frammentata u huwa diffiċli li jsiru l-paraguni. Parzjalment dan jiġri minħabba n-nuqqas ta’ standards komuni għar-reġistrazzjoni u l-ġbir ta’ data , iżda wkoll minħabba li strutturi ta’ rapportaġġ jidħlu f’xulxin.

Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni ma’ l-Europol u l-EMCDDA, għandha l-ħsieb tevalwa l-kwistjoni dwar data ta’ tnaqqis ta’ provvista fl-evalwazzjoni finali tagħha għall-2008 fuq il-Pjan ta’ Azzjoni ta’ l-EU li hemm bħalissa dwar id-Droga. L-iskop huwa li jkun determinat liema huma l-ħtiġiet tal-politika eżistenti dwar l-infurzar tal-liġi fejn jidħlu definizzjoni u statistiċi problematiċi u sa fejn din id- dat qiegħda diġà jew tista’ tiġi standardizzata u ssir disponibbli f’livell ta’ l-UE.

Fl-aħħarnett, id-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iskambju ta’ informazzjoni, l-evalwazzjoni tar-riskju u l-kontroll ta’ sustanzi psikoattivi ġodda[18] kienet implimentata fl-2007. Għall-ewwel darba mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni fl-2005, saret evalwazzjoni tar-riskju dwar sustanza psikoattiva ġdida, l-istimulant 1-Benzylpiperazine (BZP). Il-proċedura ta’ evalwazzjoni laħqet il-qofol tagħha bi proposta mill-Kummissjoni biex BZP tkun skedata skond il-liġi rilevanti. Il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar din il-proposta wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew.

3.4 Kooperazzjoni internazzjonali

L-Istrateġija dwar id-Dimensjoni Barranija ta’ JHA: Libertà, Sigurtà u Ġustizzja Dinjija, tenfasizza li l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi f’dawn l-oqsma hija sforz li jieħu żmien twil ibbażat fuq il-formazzjoni ta’ l-istituzzjonijiet u ħiliet, u wieħed li jeħtieġ impenn sostnut miż-żewġ naħat. L-ewwel Rapport ta’ Progress fl-Istrateġija għall-2006 jikkonkludi li l-progress kien pożittiv u konsistenti, ukoll f’suġġetti li jinkludu d-droga.[19]

L-UE hija attur prinċipali fil-qasam tal-kooperazzjoni internazzjonali dwar droga illeċita. Hija involuta fi djalogu attiv mal-parti l-kbira tal-pajjiżi prinċipali ta’ produzzjoni u ttraffikar milqutin mill-problema tad-droga u tiżvolġi rwol importanti f’sostenn għalihom permezz ta’ assistenza finanzjarja u teknika. L-impenn ta’ l-UE li tippromwovi l- approċċ bilanċjat, fejn id-domanda għad-droga u t-tnaqqis fil-provvista jeħtieġ li jkunu indirizzati in tandem, jirrifletti l-valuri u l-prinċipji fondamentali ta’ l-Unjoni u huwa ta’ eżempju għal pajjiżi oħra mad-dinja kollha. L-approċċ bilanċjat qed ikun ukoll dejjem iktar integrat fl-artikoli relatati mad-droga tal-ftehim ta’ kooperazzjoni, assoċjazzjoni u sħubija ma’ pajjiżi terzi.

Azzjoni biex tkun ittrattata d-droga tiġi diskussa b’mod regolari fil-laqgħat mal-pajjiżi kandidati u potenzjali u ma’ l-imsieħba tal-Kummissjoni tal-Viċinat Ewropew. Il-pajjiżi kandidati qegħdin dejjem aktar jipparteċipaw fix-xogħol ta’ l-EMCDDA, l-Europol u l-Eurojust. Il-proġetti u l-istrutturi differenti fis-seħħ jippermettu lill-UE tappoġġja lil dawn il-pajjiżi fl-iżvilupp tal-kapaċità tagħhom li jimplimentaw l- acquis u azzjoni relatata, eż. l-iżvilupp ta’ pjani u strateġiji nazzjonali dwar azzjoni dwar id-droga.

Fl-2007, l-iżviluppi prinċipali fil-qasam ta’ kooperazzjoni internazzjonali kienu jinkludu l-ewwel laqgħa ta’ esperti fil-qasam kemm ta’ tnaqqis fid-domanda kif ukoll ta’ tnaqqis fil-provvista bħala parti mill-proċess tal-"Patt ta’ Pariġi" dwar it-traffikar fl-eroina. Kien hemm ukoll ftehim dwar l-istħarriġ tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Panama ta’ l-1999 bejn l-UE u l-Amerka Latina u l-Karibew. Id-Dikjarazzjoni tal-Port ta’ Spanja ta’ Mejju, 2007, identifikat prijoritajiet ġodda ta’ kooperazzjoni fl-oqsma ta’ tnaqqis fid-domanda u tal-provvista u oqsma oħra relatati mad-droga, bħal ħasil ta’ flus, u l-kooperazzjoni doganali, tal-pulizija u tal-ġudikatura.

Barra minn hekk, issa qed ikun hemm sħubija speċjali ma’ Cape Verde fejn il-kooperazzjoni anti-droga tirriżulta b’mod prominenti. Il-kooperazzjoni UE-Russja fil-qasam tad-droga qiegħda tagħmel progress fil-livell operattiv. Memorandum ta’ Ftehim biex tkun skambjata informazzjoni u l-aħjar prattika dwar abbuż mid-droga kien iffirmat f’Ottubru, 2007, bejn is-Servizz Federali Russu ta’ Kontroll tad-Droga u l-EMCDDA. Saru laqgħat ta’ Drug Troika ta’ l-UE mal-Balkani tal-Punent, ir-Russja, u l-Afganistan, l-Istati Uniti u, għall-ewwel darba, l-Ukraina.

Il-Grupp ta’ Dublin ta’ pajjiżi donaturi ewlenin jibqa’ strument ta’ valur għall-Istati Membri u l-Kummissjoni biex ikunu analizzati u skambjati opinjonijiet dwar problemi internazzjonali ta’ droga. Madankollu, il-presidenzi reġjonali tal-Grupp ta’ Dublin għandhom jirrappurtaw sa fejn ir-rakkomandazzjonijiet qegħdin jiġu implimentati. Fl-2007, il-grupp ta’ Dublin iltaqa’ ma’ l-Iran - l-ewwel darba li l-Grupp qatt għamel stedina għal-laqgħat tiegħu.

L-assistenza u l-ammont ta’ nfiq fuq attivitajiet relatati mad-droga u pjani ta’ azzjoni qegħdin juru xejra li qed jiżdiedu.

Sa l-aħħar ta’ l-2005, proġetti ta’ kooperazzjoni internazzjonali ta’ l-UE fil-qasam tad-droga kienu jiswew kważi € 760 miljun, biex b’hekk l-UE saret l-aktar attur b’saħħtu fl-isforz globali kontra d-droga.

S’issa, inqas minn nofs l-Istati Membri ta’ l-UE imexxu proġetti ta’ assistenza ma’ pajjiżi terzi, u l-Kummissjoni, ir-Renju Unit u l-Ġermanja jiżvolġu iktar minn 80% ta’ proġetti kurrenti f’termini ta’ valur.

Fondi ta’ l-UE għal assistenza relatata mad-droga huma kkonċentrati fl-Afganistan, u jiffurmaw kważi żewġ terzi tal-fondi esterni kollha ta’ l-UE (€ 452 miljun). L-assistenza tal-KE b’sostenn għal kontrostrateġiji narkotiċi qiegħda timmira żvilupp soċjo-ekonomiku f’għadd ta’ provinċji fit-tramuntana u l-grigal tal-pajjiż permezz ta’ żvilupp rurali, inkluż għajxien alternattiv u assistenza lis-settur tas-saħħa. Il-KE hija donatriċi prinċipali tal- Law and Order Trust Fund , ta’ l- Afghan Reconstruction Trust Fund u għal proġett ġdid ta’ l-Istat tad-Dritt li jiswa € 200 miljun, imniedi fl-2007.

Assistenza lit-tliet pajjiżi li jkabbru l- coke fir-reġjun ta’ l-Andini tifforma kważi terz tal-fondi ġenerali ta’ l-UE (€ 220 miljun). Il-bqija huwa mqassma mal-bqija tad-dinja, partikolarment fir-reġjun tal-Mediterran/il-Balkani, ix-Xlokk ta’ l-Asja, in-nofsinhar tal-Kawkażi u l-Asja Ċentrali, u jinvolvi sostenn għal żvilupp alternattiv (li jifforma madwar żewġ terzi ta’ l-assistenza kollha) segwit minn proġetti ta’ bini ta’ istituzzjonijiet, infurzar tal-liġi u tnaqqis fid-domanda.

Fl-2006 il-linja tal-baġit “droga” bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar, ġestita mill-Kummissjoni Ewropea, ipprovdiet iktar minn € 7.5 miljun biex tagħti appoġġ lill-kooperazzjoni fuq ir-rotot ta’ traffikar tal-kokaina minn LAC tul l-Afrika, inizjattivi ta’ sħubiji ta’ l-ibliet bejn l-UE u LAC fil-qasam ta’ tnaqqis fid-domanda tad-droga, proġett dwar qsim ta’ intelligence bejn l-UE-LAC, inizijattiva oħra ta’ tnaqqis fid-domanda fin-Nofsinhar tal-Mediterran, il-Lvant Nofsani u x-Xlokk ta’ l-Asja, u studju dwar it-tnaqqis tal-ħsara f’pajjiżi li qed jiżviluppaw.

Hemm għadd ta’ inizjattivi globali, ukoll iffinanzjati mil-linja tal-baġit tal-2006 u kollha implimentati permezz ta’ UNODC, u jimmiraw fost l-oħrajn li jagħtu fondi lis-Sistema ta’ Monitoraġġ Global Crop, li jipprovdu sostenn għall-Proċess tal-Patt ta’ Pariġi, lill-Forum tad-Droga NGO ta’ Ġnus Magħquda u li jagħtu fondi lil grupp espert biex jikkonsolida l-evalwazzjoni ta’ 10 snin ta’ UNGASS ta’ l-1988. Barra minn hekk, tingħata assistenza lil proġett ta’ l-UNESCO, li nbeda fl-2005, biex jissaħħu servizzi u l-formazzjoni ta’ ħiliet mogħtija minn NGOs f’pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-qasam tat-tnaqqis tal-ħsara.

L-UE qiegħda dejjem aktar tadotta pożizzjoni komuni fil-Kummissjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Droga Narkotika (CND) . Eżempju wieħed kien l-abbozz tar-Riżoluzzjoni ta’ l-UE dwar l-identifikazzjoni ta’ sorsi ta’ prekursuri fil-produzzjoni ta’ droga illeċita li kienet adottata fil-50 sessjoni tas-CND. L-UE, li aġixxiet bħala entità waħda, ikkosponsorjat għaxar riżoluzzjonijiet oħra tas-CND fil-qasam tad-droga.

L-UE għandha l-ħsieb tkompli dan ir-rekord pożittiv dwar koordinazzjoni billi żżomm pożizzjoni komuni fl-evalwazzjoni ta’ l-UNGASS fl-2008, u f’dak li jsir wara dan fl-2009.

Il-finanzjament mogħti lil UNODC biex ikun stabbilit grupp tax-xogħol espert dwar l-evalwazzjoni tad-Dikjarazzjoni ta’ l-UNGASS ta’ l-1988 huwa konferma ta’ l-impenn ta’ l-UE li tiżviluppa u timplimenta politika tad-droga f’livell tal-Ġnus Magħquda li tkun dejjem iżjed mgħarrfa permezz ta’ evalwazzjoni xjentifika u bbażata fuq l-aħjar evidenza disponibbli.

3.5 Informazzjoni, riċerka u evalwazzjoni

Il-ħtieġa li politika tad-droga tkun ibbażata fuq evidenza xjentifika tajba tinħass dejjem aktar minn qabel. Dan huwa rifless fix-xewqa ta’ Stati Membri li jtejbu l-kooperazzjoni ta’ l-UE fil-qasam ta’ riċerka relatata mad-droga.

Il-kontribuzzjonijiet ta’ l-Europol u l-EMCDDA lill-bażi ta’ tagħrif ta’ l-UE li tirrigwarda l-fenomenu tad-droga jkompli jkun ta’ valur kbir għal min iħejji l-politika u l-professjonisti. Fl-2006 u fl-2007 kemm l-EMCDDA kif ukoll l-Europol għamlu sensiela ta’ rapporti dwar id-domanda għad-droga u l-provvista tad-droga fl-Ewropa, u pprovdew lil min jagħmel il-politika u lill-aġenziji ta’ implimentazzjoni b’informazzjoni aġġornata dwar is-sitwazzjoni tad-droga u t-tweġibiet għaliha.

Madankollu, l-istampa ġenerali ta’ riċerka relatata mad-droga fis-27 Stat Membru tibqa’ kumplessa u frammentata, u jonqosha tagħti ħarsa ġenerali lejn ir-riċerka xjentifika u n-netwerks ta’ kooperazzjoni u oqsma potenzjali ta’ riċerka relatata mad-droga. Il-Kummissjoni tmexxi analiżi komparattiva profonda ta’ riċerka fil-qasam ta’ droga illeċita li għandha tiġi ppubblikata fl-2008.

Iċ-Ċentru ta’ Riċerka Konġunta tal-Kummissjoni (JRC) qed jagħmel aktar enfażi fuq riċerka relatata mas-sigurtà fil-programm tax-xogħol tiegħu għall-perjodu 2007-2013. Fl-2007, intlaħaq ftehim f’livell tal-Kummissjoni biex il-JRC jkun disponibbli għall-Istati Membri bħala qasam ta’ tagħrif għal netwerk potenzjali Ewropew fil-qasam ta’ profilizzazzjoni forensika ta’ droga illeċita. Dan ikun qed jibni fuq proġetti kurrenti u preċedenti b’fondi mill-Kummissjoni, f’dan il-qasam.

Inizjattivi oħra tal-Kummissjoni jinkludu l-proġett DRUID biex ikunu żviluppati kontrolli u tagħmir affidabbli ta’ droga u sewqan fit-toroq, u EURITRACK ( European Illicit Trafficking Countermeasure Kit ), proġett biex ikun żviluppat metodu mhux intrużiv u sigur biex jinstabu materjali illeċiti moħbija f’kontenituri tat-trasbord.

Il- Programm ta’ Prevenzjoni u Informazzjoni dwar id-Droga[20] (2007-2013) , jipprovdi iktar fondi għal proġetti u studji fil-qasam ta’ tnaqqis fid-domanda tad-droga u l-analiżi ta’ politika.

IV. KONKLUżJONIJIET

Ma jista’ jkun hemm ebda dubju li l-Istrateġija tad-Droga u Pjanijiet ta’ Azzjoni ta’ l-UE – bħala proċess ta’ politika u implimentazzjoni – qiegħda toħloq dinamika li qiegħda ġġib lill-Istati Membri iktar qrib xulxin.

L-Istħarriġ ta’ Progress ta’ l-2007 juri żewġ sejbiet importanti.

3. Politika dwar droga fl-Unjoni Ewropea qiegħda dejjem tingħaqad, waqt li fl-istess ħin qiegħda tirrispetta l-mudelli kulturali u politiċi individwali ta’ l-Istati Membri differenti.

4. L-approċċ ibbażat fuq evidenza adottat għall-Pjan ta’ Azzjoni jgħinna nidentifikaw oqsma fejn għandu jsir titjib.

Għalkemm għadu kmieni wisq biex tkun antiċipata l-evalwazzjoni ta’ l-2008, qegħdin joħorġu ċerti aspetti:

- il-ġbir jew it-tqassim ta’ data nazzjonali, partikolarment dwar it-tnaqqis tal-provvista u li l-ħtiġiet ta’ infurzar tal-liġi jitjiebu (dan kien ċar mill-ewwel stħarriġ annwali fl-2006);

- għandha tkun żviluppata metodoloġija biex jingħaqdu flimkien b’mod pożittiv l-azzjonijiet speċifiċi fil-Pjan ta’ Azzjoni ma’ livelli u mudelli ta’ produzzjoni, negozju u konsum tad-droga;

- għandhom ikunu allinjati tajjeb indikaturi fil-Pjan ta’ Azzjoni: xi indikaturi ma jipprovdux informazzjoni dwar l-azzjonijiet li jirreferu għalihom;

- barra minn hekk, in-nuqqas ta’ informazzjoni u data dwar l-impatt li l-azzjonijiet għandhom fuq is-sitwazzjoni tad-droga jirrifletti problema usa’ tal-kejl ta’ l-impatt ta’ l-ordni pubbliku fuq problemi soċjali speċifiċi u kumplessi. Data disponibbli mhux dejjem tipprovdi idea tajba dwar jekk ir-riżultati tal-Pjan ta’ Azzjoni kellhomx impatt fuq il-problema li jkunu qegħdin jippruvaw jindirizzaw.

Il-Kummissjoni għandha tesplora iktar dawn il-kwistjonijiet matul l-evalwazzjoni finali tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ l-UE dwar id-Droga għall-perjodu 2005-2008. Il-proposta tal-Kummissjoni għall-Pjan ta’ Azzjoni li jmiss ta’ l-UE dwar id-Droga għall-perjodu 2009-2012 tqiegħed enfażi partikolari fuq tqabbil iktar rigoruż ta’ azzjonijiet speċifiċi ma’ l-indikaturi u l-mezzi ta’ evalwazzjoni tagħhom.

L-istħarriġ ta’ kull sena tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ l-UE dwar id-Droga matul il-perjodu 2006-2007 saħħaħ il-fehma soda tal-Kummissjoni li politika tad-droga għandha tkun ibbażata fuq evidenza oġġettiva u l-aħjar waħda disponibbli biex tintlaħaq politika effettiva – u effettiva ekonomikament; li politika tad-droga għandha tirrifletti l-valuri fundamentali li fuqhom hija mibnija l-Unjoni Ewropea; u li jinħtieġ li jsir sforz biex il-politika tgħaqqad l-infurzar tal-liġi b’mod proporzjonat iżda determinat kontra l-kummerċ u l-produzzjoni illeċita ma’ prevenzjoni, tnaqqis ta’ ħsara, trattament u rijabilitazzjoni estensiva. Dan hu d-dmir li għandna lejn iċ-ċittadini ta’ l-Ewropa.

Il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-Kunsill li japprova dan l-Istħarriġ ta’ Progress.

[1] Uffiċċju tal-Ġnus Magħquda għal Drogi u Reati, 2007

[2] Ċentru Ewropew ta’ Monitoraġġ ta’ Drogi u l-Vizzju tad-Droga, 2007

[3] CORDROGUE 77, 22.11.2004

[4] COM (2005) 184 finali, 10.5.2005

[5] ĠU K168, 8.7.2005

[6] SEC (2006) 1803

[7] CORDROGUE 32, 4.6.2007

[8] Indikatur huwa mezz li permezz tiegħu il-progress jew il-kisba ta’ azzjoni jew mira tista’ titkejjel.

[9] Mezzi ta’ evalwazzjoni hija mezz li permezz tiegħu dan il-progress jew il-kisba ta’ l-implimentazzjoni ta’ azzjoni jistgħu jiġu verifikati.

[10] COM (2007) 199 finali

[11] CORDROGUE 43, 2.7.2007

[12] ĠU L 271, 09.10.2002

[13] ĠU L 257, 03.10.2007

[14] ĠU L 412/1, 30.12.2006

[15] 13618/01 STUP 29

[16] ĠU L 271, 24.10.2000

[17] ĠU L 58, 24.02.2007

[18] 2005/387/JHA, 10.5.2005

[19] Dokument tal-Kunsill 14366/3/05 REV 3; 30.11.2005

[20] ĠU L 257, 03.10.07