52007DC0704




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 15.11.2007

KUMM(2007) 704 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

Komunikazzjoni dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 793/2004 dwar regoli komuni għall-allokazzjoni ta' perjodi ta' użu fl-iskeda ta' l-ajruporti tal-Komunità

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

Komunikazzjoni dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 793/2004 dwar regoli komuni għall-allokazzjoni ta' perjodi ta' użu fl-iskeda ta' l-ajruporti tal-Komunità ( Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

DAħLA

FIL-21 TA' APRIL 2004, IL-KUNSILL ADOTTA R-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) NRU 793/2004 LI JEMENDA R-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KEE) 95/93 DWAR REGOLI KOMUNI GħALL-ALLOKAZZJONI TA' PERJODI TA' UżU FL-ISKEDA ( slots ) ta' l-ajruporti tal-Komunità. L-għan tar-reviżjoni kien li r-Regolament jissaħħaħ sabiex jiżgura li l-kapaċità skarsa f'ajruporti b'konġestjoni fil-Komunità, kemm jista' jkun tiġi amministrata u użata b'mod effiċjenti. Is-sistema attwali ta' l-allokazzjoni ta' perjodi ta' użu fl-iskeda ma ġietx modifikata b'mod essenzjali.

Abbażi ta' l-Artikolu 14a (1) tar-Regolament (KEE) 95/93, kif emendat bir-Regolament (KE) 793/2004, il-Kummissjoni għandha tressaq Komunikazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-operat ta' dan ir-Regolament fi żmien tliet snin minn meta daħlet fis-seħħ. Il-Komunikazzjoni għandha tindirizza b'mod partikolari l-iffunzjonar ta' l-Artikoli 8, 8a u 10. Din il-Komunikazzjoni hija konformi ma' dan l-obbligu.

Fit-23 ta' Jannar 2007, il-Kummissjoni nediet eżerċizzju ta' konsultazzjoni biex tikseb il-kummenti tal-partijiet interessati dwar l-operat tar-Regolament (KE) 793/2004. Il-Kummissjoni rċeviet 44 kontribut minn dawn il-gruppi li ġejjin:

-L-awtoritajiet nazzjonali

-Il-korpi reġjonali u l-awtoritajiet lokali

-L-assoċjazzjonijiet u l-organizzazzjonijiet tal-partijiet prinċipali

-It-trasportaturi bl-ajru

-L-ajruporti

-Il-koordinaturi tal-perjodi ta' użu fl-iskeda

-Oħrajn (il-Eurocontrol)

Il-Kwistjonijiet Ewlenin

Mill-kontribuzzjonijiet toħroġ ċara l-istampa li ġejja:

1. L-Istati Membri kif ukoll partijiet interessati oħra jsemmu l-fatt li r-Regolament 793/2004 ilu fis-seħħ għal tliet snin biss. Dan il-perjodu relattivament qasir jagħmilha diffiċili li jiġu identifikati xejriet sodi u biex jagħmlu evalwazzjoni affidabbli dwar l-effetti.

2. It-trasportaturi bl-ajru jsemmu l-problema prinċipali u ċentrali li hemm bħalissa tan-nuqqas fil-perjodi ta' użu fl-iskeda fl-ajruporti b'konġestjoni, l-aktar in-nuqqas fil-kapaċità ta' l-ajruporti. Minflok jindirizzaw is-sintomi, bħal pereżempju n-nuqqas ta' perjodi ta' użu fl-iskeda, it-trasportaturi bl-ajru jisħqu fuq iż-żieda fil-kapaċità fiżika ta' l-ajruporti.

3. L-ajruporti jirrikonoxxu r-riżultati pożittivi tar-Regolament iżda – fid-dawl tal-kriżi fil-kapaċità li hija mistennija fis-snin li ġejjin – jsemmu wkoll il-bżonn li jkomplu jtejbu l-użu tal-kapaċità permezz ta' regoli u linji ta' gwida lokali addizzjonali. Għadd ta' ajruporti għamlu rakkomandazzjonijiet speċifiċi f'dan ir-rigward.

4. Fid-dawl tal-proċess ta' l-allokazzjoni ta' perjodi ta' użu fl-iskeda, kif definit mill-ġdid mir-Regolament (KE) 793/2004, l-Istati Membri u l-partijiet interessati l-oħra kollha huma ta' l-opinjoni li kien hemm titjib sinifikanti, anke jekk huwa diffiċli li l-effett jitkejjel fit-termini ta' l-effiċjenza u l-użu ta' l-ajruporti.

5. L-obbligu ta' l-Istati Membri li jiżguraw li s-sanzjonijiet jew miżuri ekwivalenti jkunu disponibbli biex jittrattaw l-abbuż fil-perjodi ta' użu fl-iskeda għandu effett sinifikanti fuq l-imġiba tat-trasportaturi bl-ajru. Il-konformità tat-trasportaturi bl-ajru mad-diversi dispożizzjonijiet dwar l-allokazzjoni u l-użu nnifsu tal-perjodi ta' użu fl-iskeda ta' l-ajruporti tjiebet b'tali mod li, bħala riżultat tas-sempliċi eżistenza tas-sanzjonijiet, ma kienx hemm bżonn li jiġu imposti sanzjonijiet jew miżuri ekwivalenti.

6. Għalkemm il-koordinaturi ta' perjodi ta' użu fl-iskeda huma ta' l-opinjoni li r-Regolament fih titjib sinifikanti meta mqabbel mar-Regolament (KEE) 95/93 u li ħadem raġonevolment tajjeb, hemm lok għal aktar titjib, l-aktar fil-kwistjoni ta' membri ġodda, ir-regoli lokali u r-rwol u l-pożizzjoni tal-koordinatur. .

Hawn taħt issir riflessjoni dwar reazzjonijiet aktar speċifiċi għall-kwistjonijiet varji li tqajmu fid-dokument ta' konsultazzjoni tal-Kummissjoni. Fejn issir referenza għar-'Regolament', tali referenza tikkonċerna r-Regolament (KE) 793/2004 biss.

Membru ġdid

Ir-regola dwar il-membri l-ġodda tidher li għandha effett limitat fl-ajruporti Komunitarji u fuq l-aħjar użu tal-kapaċità skarsa. |

L-Istati Membri jsibuha diffiċli li jirrispondu l-mistoqsija dwar sa liema estent ir-Regolament ikkontribwixxa għall-opportunitajiet addizzjonali għal membri ġodda għax l-awtoritajiet ta' l-Istati Membri għandhom il-ħila jidentifikaw l-għadd ta' membri ġodda li joperaw f'ajruporti b'perjodi ta' użu fl-iskeda iżda ma jistgħux jgħidu jekk fin-nuqqas tar-regola tal-membri ġodda joperax l-istess għadd. Xi Stati Membri jaħsbu li d-definizzjoni ta' membru ġdid hija kkumplikata wisq għax ma tagħtix stampa ċara tal-kunċett tal-membri ġodda u għalhekk tista' twassal għal interpretazzjonijiet differenti.

Xi Stati Membri japprezzaw l-utilità tar-regola dwar il-membri l-ġodda li tippermetti lit-trasportaturi bl-ajru tagħhom jiksbu perjodi ta' użu fl-iskeda ta' l-ajruporti fi Stati Membri oħra. Ir-regola dwar il-membri l-ġodda kienet daqstant ieħor ta' użu fil-kuntest tar-relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi: ħolqot possibiltà għat-trasportaturi ta' pajjiżi terzi biex jiksbu perjodi ta' użu fl-iskeda ta' l-ajruporti b'konġestjoni fil-Komunità.

Madankollu, ir-regola tista' titqies bħala ristrettiva wisq: billi tagħti prijorità lill-membri ġodda fl-allokazzjoni amministrattiva ta' perjodi ta' użu fl-iskeda mill- pool , jista' jkun aktar diffiċli biex trasportaturi bl-ajru li diġà joperaw fuq skala żgħira minn ajruport b'konġestjoni, jespandu u jikkompetu ma' trasportaturi diġà stabbiliti f'rotta partikolari. Tali espansjoni tista' titqies ta' l-anqas tajba bħala metodu li jippromwovi l-kompetizzjoni daqs kemm tinkoraġġixxi membri ġodda.

Fuq nota differenti, l-esperjenza fi Stati Membri oħra turi li l-iskarsità fil-perjodi ta' użu fl-iskeda mhijix daqshekk li tipprevjeni lit-trasportaturi bl-ajru milli jidħlu fis-suq f'ajruport, iżda aktar li l-perjodi ta' użu fl-iskeda ma jittieħdux mill-membri ġodda li sempliċement juru nuqqas ta' interess.

Stat Membri wieħed ikkummenta li l-perjodi ta' użu fl-iskeda allokati skond r-regoli għall-membri ġodda, ta' spiss ma ntużawx, jew intużaw biss għal perjodu ta' żmien qasir. Jikkonkludi li l-membri l-ġodda għalhekk ma żiedux il-kompetizzjoni għat-trasportaturi diġà stabbiliti. L-Istat Membru jiffavorixxi d-dħul ta' regola lokali minflok, li kieku tagħti prijorità lit-trasportaturi bl-ajru u lis-servizzi bl-ajru fuq il-bażi ta' kriterji bħad-daqs ta' l-ajruplan li jintuża, id-destinazzjonijiet u l-frekwenzi ġodda fuq rotot b'anqas minn tliet servizzi bir-ritorn kuljum. Żewġ Stati Membri jsemmu li r-regola dwar il-membri l-ġodda ffavorixxiet l-iżvilupp ta' rotot ġodda u li ħafna perjodi ta' użu fl-iskeda ntużaw għal rotot qosra u medji.

L-ajruporti jiddikjaraw li d-dispożizzjonijiet tal-membri ġodda bilkemm kellhom effett fuq il-kompetizzjoni bejn it-trasportaturi bl-ajru, għax joħolqu preżenza negliġibbli f'ajruport, u jwasslu għal firxa ta' operazzjonijiet żgħar li ma jipprovdux kompetizzjoni effettiva fis-suq. Dan huwa enfasizzat mill-għadd relattivament żgħir ta' perjodi ta' użu fl-iskeda disponibbli fil- pool . L-applikazzjoni stretta tar-regola dwar il-membri l-ġodda tista' xxekkel l-użu effettiv tal-kapaċità skarsa. Bħala alternattiva, huwa propost li jiġu żviluppati aktar regoli lokali bħala strument biex il-kapaċità tittejjeb kemm jista' jkun. F'din l-istrateġija, l-Istati Membri jkollhom il-possibiltà li jagħżlu li jibqgħu barra mir-regola dwar il-membri l-ġodda u minflok japprovaw ir-regoli lokali.

It-trasportaturi bl-ajru josservaw li huwa diffiċli li jiġi analizzat kif jixraq l-impatt tar-regola tal-membri l-ġodda. Huma ta' l-opinjoni li l-kompetizzjoni bejn it-trasportaturi bl-ajru fl-Ewropa hija b'saħħitha biżżejjed u li l-konġestjoni fl-ajruporti ma żammitx lura lill-membri ġodda milli jisfidaw lit-trasportaturi bl-ajru stabbiliti f'ajruporti prinċipali kif ukoll f'ajruporti sekondarji. Trasportatur bl-ajru wieħed jiddikjara li fi 32 ajruporti koordinati ta' l-UE, fl-aħħar għaxar snin, it-trasportaturi li joffru servizz bi prezzijiet baxxi bdew servizzi ta' l-ajru ġodda jew żiedu l-għadd tagħhom. Dan ikollu tendenza li jtejjeb l-effettività tar-regola dwar il-membri l-ġodda. Madankollu, ġie nnutat li m'hemm l-ebda konnessjoni ċara bejn dan l-iżvilupp u r-Regolament li jmur lura għall-2004.

Xi koordinaturi jargumentaw li r-regola dwar il-membri l-ġodda tista' ma tiġix mifhuma minn kulħadd fost it-trasportaturi bbażati fil-Komunità u tant anqas mit-trasportaturi minn pajjiżi terzi. Il-koordinaturi, ġeneralment ma jħossuhomx ikkwalifikati li jagħtu opinjoni dwar jekk ir-regola dwar il-membri l-ġodda qanqlitx il-kompetizzjoni fuq rotot intrakomunitarji, għax il-livelli tal-kompetizzjoni jiġu effettwati minn firxa wiesgħa ta' fatturi fl-ajruporti. Sett usa' ta' regoli għall-membri l-ġodda jista' jevita sitwazzjonijiet li fihom l-effetti ta' l-applikazzjoni stretta tar-regoli jfixklu għanijiet oħra tar-Regolament, bħall-aħjar użu mill-kapaċità skarsa.

Barra dan, koordinatur wieħed jargumenta li n-negozju sekondarju tal-perjodi ta' użu fl-iskeda kkontribwixxa aktar lejn iż-żieda fl-effiċjenza ta' l-użu mill-perjodi ta' użu fl-iskeda mir-regola dwar il-membri l-ġodda, hekk kif in-negozju rriżulta biex l-ajruplani żgħar li joperaw f'rotot qosra jiġu mibdula minn ajruplani kbar f'rotot twal.

Is-sempliċi fatt li l-membri l-ġodda huma limitati fl-ammont ta' perjodi ta' użu fl-iskeda li jista' jkollhom biex japplikaw taħt l-istatus ta' membri ġodda, jimplika li jinżammu lura milli jespandu s-servizzi tagħhom u probabbli ma jistabilixxux netwerk vijabbli u massa kritika ta' operazzjonijiet li tkun kompetittiva. Dan il-limitu jista' jirriżulta fi frammentazzjoni ta' perjodi ta' użu fl-iskeda fost ħafna operaturi żgħar u jirriżultaw fit-tisħiħ tal-pożizzjoni relattiva tat-trasportaturi diġà stabbiliti f'ajruporti ċentrali.

Ir-rwol tal-Koordinatur

Il-kwistjoni prinċipali dwar ir-rwol tal-koordinatur tirrigwarda n-newtralità u l-indipendenza funzjonali. L-evidenza tissuġġerixxi li d-dispożizzjonijiet rileventi tar-Regolament għadhom ma ġewx implimentati b'mod unit u konsistenti fl-Istati Membri kollha. |

Xi Stati Membri għaddew id-dmirijiet tal-koordinatur tal-perjodi ta' użu fl-iskeda għand l-opertatur ta' l-ajruport u jirrikonoxxu li, bħala konsegwenza, il-koordinatur mhux indipendenti f'mod funzjonali minn kwalunkwe parti waħdanija interessata meħtieġa mir-Regolament. Ħafna mill-Istati Membri sseparaw b'mod funzjonali l-koordinatur tal-perjodi ta' użu fl-iskeda minn kwalunkwe parti waħdanija interessata u jiddikjaraw li dan iwassal biex jiġu żgurati n-newtralità u l-indipendenza ta' l-azzjonijiet tagħha.

It-trasportaturi bl-ajru jiġbdu l-attenzjoni lejn il-fatt li l-indipendenza tal-koordinatur/triċi tal-perjodi ta' użu fl-iskeda, partikolarment is-separazzjoni tiegħu/tagħha, għadu mhuwiex żgurat biżżejjed fl-Istati Membri kollha. Il-Kummissjoni hija mħeġġa li bħala prijorità tiżgura li d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament jiġu applikati b'mod konsistenti fl-UE kollha. It-trasportaturi li joffru servizz bi prezzijiet baxxi huma kkonċernati li l-koordinatur tal-perjodi ta' użu fl-iskeda jista' jkollu wisq setgħat u li l-adozzjoni tal-proċedura ta' appell tista' ssewwi dan.

It-trasportaturi bl-ajru reġjonali jesprimu l-opinjoni li l-użu ta' lingwa oħra apparti dik Ingliża fil-kumitat għall-koordinazzjoni tal-perjodi ta' użu fl-iskeda jfixkel il-funzjonament tiegħu. Jirrakomandaw li jekk jintalbu, jiġu pprovduti faċilitajiet ta' traduzzjoni jew li f'dawn il-kumitati jiġi adottat l-Ingliż. Trasportatur bl-ajru wieħed jissuġġerixxi li kumitat wieħed ta' koordinazzjoni għal kull koordinatur (minflok għal kull ajruport) jista' jtejjeb l-effiċjenza tal-kumitat.

Il-koordinaturi tal-perjodi ta' użu fl-iskeda jilqgħu l-fatt li r-Regolament jenfasizza l-importanza ta' l-indipendenza tal-pożizzjoni tal-koordinaturi. L-Istati Membri għamlu ħafna progress fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament għalkemm mhux il-koordinaturi kollha għandhom l-istatus kompletament indipendenti li għandhom bżonn. L-indipendenza tagħhom tista' tkompli tittejjeb kieku ma kellhomx ikomplu jserrħu fuq l-operaturi ta' l-ajruporti u t-trasportaturi bl-ajru għall-baġit tagħhom. Iżda l-koordinaturi ma jissostanzjawx bil-figuri, jew b'xi mod ieħor, li l-pożizzjoni tagħhom tkun ġiet effetwata negattivament minn dawn l-arranġamenti finanzjarji.

Ġeneralment, huwa maħsub li t-trasparenza kompleta tad-dejta ta' l-iskeda twassal għan-newtralità u l-ebda diskriminazzjoni fil-proċess ta' l-allokazzjoni tal-perjodi ta' użu fl-iskeda, għax l-evidenza tad-deċiżjonijiet tal-koordinaturi tal-perjodi ta' użu fl-iskeda se jkunu disponibbli biex jiġu eżaminati minn kulħadd. Hemm evidenza aneddotika li f'xi Stati Membri hemm problemi sinifikanti dwar it-trasparenza tad-dejta ta' l-iskedar tal-koordinaturi. Huwa nnutat li bħalissa mhux il-koordinaturi kollha fl-UE jissottomettu d-dejta tagħhom fid- database ta' l-allokazzjoni tal-perjodi ta' użu fl-iskeda li huwa aċċessibbli mingħajr ħlas għat-trasportaturi bl-ajru kollha.

Il-Proċess ta' l-allokazzjoni tal-perjodi ta' użu fl-iskeda

Il-linji gwida lokali għandhom il-potenzjal li jżidu aktar il-flessibbiltà biex jadattaw għaċ-ċirkostanzi lokali biex jippermettu li jkun hemm użu aħjar tal-perjodi ta' użu eżistenti fl-iskeda fl-ajruporti b'konġestjoni, sakemm ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament. |

L-Istati Membri huma ta' l-opinjoni li anke jekk m'hemm l-ebda definizzjoni li hija ġeneralment aċċettata ta' 'l-użu effiċjenti tal-kapaċità ta' l-ajruport', għadd ta' dispożizzjonijiet ġodda jew modifikati fir-Regolament ikkontribwixxew biex ikun hemm użu aktar effiċjenti tal-kapaċità ta' l-ajruporti. id-definizzjoni l-ġdida dwar x'jikkostitwixxi serje ta' perjodi ta' użu fl-iskeda, aktar tisħiħ tar-regola li jekk ma tużahomx titlifhom u r-regoli aktar stretti tal- force majeure .

L-ajruporti jenfasizzaw il-valur miżjud potenzjali tar-Regolament li jippermetti li jiġu introdotti regoli lokali biex itejbu l-proċess ta' l-allokazzjoni tal-perjodi ta' użu fl-iskeda b'mod aktar flessibbli. Dan il-benefiċċju madankollu, bħalissa jitqies li huwa limitat, u d-dispożizzjonijiet jistgħu jissaħħu aktar billi tiżdied ir-rata ta' l-użu mill-perjodi ta' użu fl-iskeda taħt ir-regola li jekk ma tużahomx jintilfu u billi jippermettu lill-ajruporti biex jintroduċu tariffa ta' riservazzjoni għall-perjodi ta' użu fl-iskeda jservu bħala inċentiva biex it-trasportaturi bl-ajru jimpenjaw ruħhom li tassew jużaw il-perjodi ta' użu fl-iskeda allokati. It-tariffa tkun trid titħallas minn qabel għal kull perjodu ta' użu fl-iskeda allokat u tintilef meta l-perjodu ta' użu fl-iskeda ma jintużax.

It-trasportaturi bl-ajru jsemmu n-nuqqas ta' definizzjoni komuni dwar x'inhu l-użu effiċjenti tal-kapaċità ta' l-ajruporti. Joffru diversi possibiltajiet għal tali definizzjoni li tinkludi l-massimizzazzjoni ta' l-għadd ta' passiġġieri li jinġarru għal kull perjodu ta' użu fl-iskeda jew l-aħjar kontribuzzjoni biex jiġi żviluppat netwerk fi kwalunkwe ajruport. In-nuqqas ta' definizzjoni komuni jagħmilha diffiċli li jiġu analizzati l-effetti tar-Regolament rivedut. Fi kwalunkwe każ, iż-żieda fil-possibiltà li jiġu applikati linji gwida lokali hija titjib prinċipali għax hija l-potenzjal biex tiżdied il-flessibbiltà ad-hoc biex jadattaw l-allokazzjoni tal-perjodi ta' użu fl-iskeda għaċ-ċirkostanzi lokali. Għandu jiġi żgurat li tali regoli lokali jkunu kompatibbli mal-liġi Komunitarja.

Il-koordinaturi tal-perjodi ta' użu fl-iskeda josservaw li d-definizzjoni ġdida ta' x'jikkostitwixxi serje ta' perjodi ta' użu fl-iskeda u d-definizzjoni aktar stretta tal- force majeure kellhom effett pożittiv fuq l-effiċjenza ta' l-operazzjonijiet. Ir-Regolament żied l-għadd minimu tal-perjodi ta' użu fl-iskeda li jrid jiġi operat sabiex jinkisbu drittijiet storiċi biex tiġi operata serje. Dan ikkontribwixxa wkoll għat-tnaqqis fil-frammentazzjoni ta' l-iskedi fl-ajruporti, anke jekk marġinalment.

L-Infurzar

L-introduzzjoni ta' sanzjonijiet dissważivi jew miżuri ekwivalenti biex jipprevjenu l-abbuż mill-perjodi ta' użu fl-iskeda rawmu użu aħjar tal-kapaċità eżistenti. |

Stat Membru wieħed josserva li l-possibiltà li koordinatur tal-perjodi ta' użu fl-iskeda jirtira perjodu ta' użu fl-iskeda ladarba trasportatur bl-ajru ma jużahx skond ir-Regolament għandha effett qawwi ta' deterrenza u dan huwa titjib regolatorju ċar li wassal ir-Regolament.

L-ajruporti mhumiex sodisfatti bl-impatt tad-dispożizzjonijiet dwar l-infurzar li għandhom l-għan li jippromwovi l-użu xieraq ta' l-ajruporti għax, skond huma, ftit hemm interess biex jinħolqu proċeduri li jwasslu għal sanzjonijiet li jiġu applikati mill-awtoritajiet tal-Ġestjoni tat-Traffiku ta' l-Ajru. L-ajruporti jqisu li jista' jsir aktar f'dak li jirrigwarda d-definizzjoni ta' l-għodod biex jinfurzaw kif jixraq ir-Regolament. F'dan il-kuntest, jenfasizzaw il-konsistenza bejn il-perjodi ta' użu fl-iskeda u l-pjanijiet tat-titjiriet b'mod sistematiku u jgħidu li l-iżvilupp ta' l-implimentazzjoni tar-regoli jkun ta' għajnuna.

L-ajruporti jgħidu wkoll li l-koordinaturi ftit li xejn użaw is-setgħa tagħhom biex jirtiraw perjodi ta' użu fl-iskeda mingħand trasportaturi bl-ajru li ripetutament u intenzjonalment joperaw servizzi ta' l-ajru 'l barra mill-allokazzjoni fil-perjodi ta' użu fl-iskeda. Madankollu, għadu mhux ċar, jekk dan huwiex minħabba li l-koordinaturi jżommu lura milli jużaw is-setgħat tagħhom ta' infurzar jew jekk hux minħabba l-imġiba tajba tat-trasportaturi bl-ajru.

It-trasportaturi bl-ajru jilqgħu il-progress sinifikanti li sar billi jirrikjedu li jiġu applikati sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi jew miżuri ekwivalenti, bħala prevenzjoni għall-abbuż tal-mekkaniżmu tal-perjodi ta' użu fl-iskeda. L-effetti tagħhom mhumiex kwantifikati, madankollu: L-opinjoni globali hija li s-sempliċi theddida tas-sanzjonijiet għandha effett negattiv u għalhekk hija mezz effettiv biex jinkiseb l-għan li l-perjodi ta' użu fl-iskeda jridu jintużaw b'mod aktar effiċjenti. It-trasportaturi bl-ajru jenfasizzaw li aktar sanzjonijiet għandhom ikunu proporzjonati.

Trasportatur bl-ajru wieħed huwa ta' l-opinjoni li r-Regolament huwa nieqes minn prinċipji komuni dwar il-monitoraġġ u s-sanzjonijiet tal-puntwalità ta' l-użu mill-perjodi ta' użu fl-iskeda. Xi koordinaturi tal-perjodi ta' użu fl-iskeda japplikaw il-prinċipji b'mod koerenti waqt li oħrajn le, u dan irriżulta f'konfużjoni u trattament mhux ugwali bejn it-trasportaturi bl-ajru. L-istess trasportatur bl-ajru huwa tal-fehma li l-miżuri li ttieħdu mill-Istati Membri kontra l-abbuż mill-perjodi ta' użu fl-iskeda għandhom isiru pubbliċi sabiex tittejjeb it-trasparenza.

It-trasportaturi bl-ajru reġjonali jemmnu li għadd ta' ċirkostanzi lil hinn mill-kontroll tat-trasportatur bl-ajru għandu jitqies bħala force majeure meta tiġi kkalkalota l-konformità mar-regola li tgħid li jekk ma tużahomx jintilfu: il-kundizzjonijiet tat-temp li jaffettwaw l-operaturi ta' ajruplani iżgħar għandhom jiġu rikonoxxuti bħala force majeure aktar minn oħrajn; il-kanċellazzjonijiet ta' titjiriet minħabba azzjoni industrijali u strajkijiet; u dewmien kumulattiv matul ġurnata kkawżat minn problemi fil-Ġestjoni tat-Traffiku ta' l-Ajru li jirriżultaw minn kanċellazzjonijiet.

Il-koordinaturi tal-perjodi ta' użu fl-iskeda jenfasizzaw li l-koordinaturi ma użawx is-setgħat tagħhom biex jirtiraw perjodi ta' użu fl-iskeda mingħand trasportaturi bl-ajru li ripetetament u intenzjonalment joperaw servizzi ta' l-ajru 'l barra mill-ħinijiet tal-perjodi ta' użu fl-iskeda. Madankollu, l-eżistenza ta' din is-setgħa, għamlitha aktar faċli għall-koordinaturi biex jikkonvinċu lit-trasportaturi bl-ajru biex jekk ikun hemm bżonn, jibdlu l-imġiba tagħhom.

Koordinatur wieħed isemmi li l-Kummissjoni nnifisha għandha responsabbiltà sinifikanti għall-monitoraġġ u l-infurzar ta' l-implimentazzjoni tar-Regolament u li l-għoli ta' l-istandards għall-koordinazzjoni fl-UE kollha għandha tingħata prijorità akbar mill-Kummissjoni. Koordinatur ieħor jissuġġerixxi li l-koordinatur għandu jingħata l-awtorità li jitlob mingħand l-awtoritajiet tal-Ġestjoni tat-Traffiku ta' l-Ajru r-rifjut ta' pjan tat-titjiriet f'każ li jkun hemm abbuż mit-trasportatur bl-ajru tal-perjodi ta' użu fl-iskeda.

Konklużjonijiet

Ir-regola dwar il-membri l-ġodda tidher li għandha effett limitat f'ajruporti Komunitarji fuq il-kompetizzjoni u fuq l-aħjar użu mill-kapaċità skarsa ta' l-ajruporti, minħabba li hemm xi evidenza li tissuġġerixxi li r-regola ma tantx hija mifhuma, u għaldaqstant tista' tirriżulta fi preżenza negliġibbli fl-ajruporti b'konġestjoni, u twassal għal firxa ta' operazzjonijiet żgħar li ma jipprovdux kompetizzjoni effettiva fis-suq.

Il-linji gwida lokali għandhom il-potenzjal li jżidu aktar il-flessibbiltà biex jadattaw għaċ-ċirkostanzi lokali biex jippermettu li jkun hemm użu aħjar tal-perjodi ta' użu eżistenti fl-iskeda fl-ajruporti b'konġestoni. Il-possibiltajiet li jintroduċu linji gwida lokali għandhom jitwessgħu, sakemm ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet fir-Regolament.

Għalkemm ir-Regolament wassal għal xi titjib fl-użu tal-kapaċità ta' l-ajruporti, mhuwiex xieraq biex jindirizza l-konġestjoni dejjem tikber fl-ajruporti Komunitarji. L-implimentazzjoni tal-miżuri stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Il-pjan ta' azzjoni għall-kapaċità l-effiċjenza u s-sikurezza ta' l-ajruporti fl-Ewropa" adottata f'Ottubru 2007 hija meħtieġa sabiex tikseb użu aktar effiċjenti tal-kapaċità skarsa ta' l-ajruporti possibbilment akkumpanjata minn strateġija aktar strutturata għal skemi ta' allokazzjoni tal-perjodi ta' użu fl-iskeda abbażi tas-suq.

Hemm tħassib dwar in-newtralità u l-indipendenza funzjonali tal-koordinatur fl-ajruporti koordinati tal-Komunità. L-evidenza tissuġġerixxi li d-dispożizzjonijiet rileventi tar-Regolament għadhom ma ġewx implimentati b'mod unit u konsistenti fl-Istati Membri kollha.

L-introduzzjoni ta' sanzjonijiet dissważivi jew miżuri ekwivalenti biex jipprevjenu l-abbuż mill-perjodi ta' użu fl-iskeda rawmu użu aħjar tal-kapaċità eżistenti.

Għalkemm ir-Regolament wassal għal għadd sinifikanti ta' titjib li għandu l-għan li jtejjeb l-użu tal-kapaċità skarsa, il-Kummissjoni issa se jkollha tikkonċentra biex tiżgura li l-għadd ta' kwistjonijiet li bihom il-partijiet prinċipali esperjenzaw diffikultajiet partikolari, jiġu implimentati kif jixraq. Barra dan, il-Kummissjoni tikkonkludi li r-Regolament eżistenti jista' jsir aħjar permezz ta' strument ta' interpretazzjoni li jiċċara l-għan ta' għadd ta' dispożizzjonijiet. Eventwalment, il-Kummissjoni tkun tista' tipprevedi reviżjoni parzjali tat-test jekk jirriżulta li dan ikun indispensabbli.