52007DC0627




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 24.10.2007

KUMM(2007) 627 finali

KOMMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, IL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Riżultat tal-Konsultazzjoni Pubblika dwar il-Green Paper tal-Kummissjoni "L-immodernizzar tal-liġi tax-xogħol biex jintlaqgħu l-isfidi tas-seklu 21" {SEC(2007) 1373}

KOMMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, IL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Riżultat tal-Konsultazzjoni Pubblika dwar il- Green Paper tal-Kummissjoni "L-immodernizzar tal-liġi tax-xogħol biex jintlaqgħu l-isfidi tas-seklu 21"

1. DAĦLA

Bl-adozzjoni ta’ Green Paper dwar “L-immodernizzar tal-liġi tax-xogħol biex jintlaqgħu l-isfidi tas-seklu 21”[1], il-Kummissjoni nediet dibattitu pubbliku fl-UE dwar kif il-liġi tax-xogħol tista' tappoġġja l-għan ta' l-Istrateġija ta' Liżbona li jintlaħaq tkabbir ekonomiku sostenibbli b'aktar impjiegi u b'impjiegi aħjar. Il- Green Paper ħarset lejn ir-rwol li jista’ jkollhom il-liġi tax-xogħol u l-ftehimiet kollettivi fl-avvanz ta’ aġenda ta’ “flessigurtà” bħala appoġġ għal suq tax-xogħol li huwa aktar ġust, aktar sensittiv u aktar inklussiv, u li jikkontribwixxi biex l-Ewropa ssir aktar kompetittiva. Fittxet b’mod partikolari: li tidentifika l-isfidi ewlenin għall-adattament tal-liġi tax-xogħol għar-realtajiet li qed jevolvu tad-dinja tax-xogħol; li timpenja l-partijiet interessati kollha f'dibattitu miftuħ dwar kif il-liġi tax-xogħol tista' tgħin il-promozzjoni tal-flessibbiltà u s-sigurtà; li tistimula diskussjoni dwar kif ir-relazzjonijiet kuntrattwali flessibbli u ta’ min iserraħ fuqhom, flimkien mad-drittijiet, jistgħu jiffaċilitaw il-ħolqien tax-xogħol u jippromwovu t-tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol; u li tikkontribwixxi għall-aġenda ta’ Regolamentazzjoni Aħjar.

Id-dibattitu pubbliku dwar il-modernizzar tal-liġi tax-xogħol ma kienx mistenni jwitti t-triq għal qbil faċli, jew jipprovdi l-bażi għal pjan għal azzjoni leġiżlattiva. L-opinjonijiet differenti espressi matul il-konsultazzjoni, filwaqt li għamluha diffiċli li jiġu stabbiliti l-punti maġġuri ta’ qbil, ikkonfermaw il-pertinenza u ż-żmien opportun ta’ dibattitu li kien komuni għal bosta Stati Membri, iżda kien għad irid jilħaq il-livell Komunitarju.

Il-livell u l-kwalità tad-dibattitu li nħoloq mill-pubblikazzjoni tal- Green Paper jilħqu bis-sħiħ l-għanijiet tal-Kummissjoni għal dan l-eżerċizzju. Aktar minn 450 tweġiba ġew irreġistrati mill-Kummissjoni, li jinkludu l-partijiet interessati kollha - gvernijiet nazzjonali, gvernijiet reġjonali, parlamenti nazzjonali, imsieħba soċjali fil-livell ta’ l-UE u dak nazzjonali, NGOs, impriżi individwali, akkademiċi, esperti legali u individwi privati. Dawn jirriflettu l-aktar kuxjenza kbira dwar l-isfidi ppreżentati mis-suq tax-xogħol emerġenti Ewropew – li qed jitfassal minn mobbiltà tax-xogħol u attività korporattiva tranżnazzjonali li qed dejjem jiżdiedu. Id-dibattitu kiseb ukoll l-attenzjoni ta' l-opinjoni pubblika u l-interess tal-mezzi tax-xandir minħabba li bosta gvernijiet ikkonsultaw fil-livell nazzjonali ma' l-imsieħba soċjali, l-awtoritajiet pubbliċi u esperti indipendenti. Id-diskussjoni li saret f’għadd ta’ kumitati ta’ djalogu soċjali settorali ta’ l-UE kienet żvilupp partikolarment milqugħ, u rriżultat fl-adozzjoni ta' bosta pożizzjonijiet konġunti mir-rappreżentanti ta’ min iħaddem u tat-trejdjunjins[2].

L-istituzzjonijiet ta’ l-UE kkontribwixxew ukoll b’mod attiv fid-dibattitu. Il-Ministeri ta’ l-UE għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali kellhom diskussjoni preliminarja dwar il- Green Paper fil-laqgħa tal-Kunsill EPSCO fi Brussell fl-1 ta’ Diċembru 2006. Il-kwistjoni reġgħet ġiet diskussa f'laqgħa imsejħa f'Berlin fit-18 ta' Jannar 2007 taħt l-awspiċji tal-Presidenza Ġermaniża. Il-konklużjonijiet imqajma mill-Presidenza ħaddnet il-kunċett ta' “flessigurtà” bħala metodu utli iżda saħqu fuq il-valur ta’ kuntratt standard full-time u miftuħ bħala l-ġebla tax-xewka tar-relazzjonijiet ta' impjieg fl-UE, filwaqt li jkunu permessi forom oħrajn aktar flessibbli għal ħtiġijiet speċifiċi u sitwazzjonijiet individwali[3].

Il-Parlament Ewropew (PE) adotta Riżoluzzjoni fil-11 ta’ Lulju 2007[4], li twieġeb b’mod pożittiv għall- Green Paper billi tidentifika dimensjoni Komunitarja għall-kwistjonijiet dwar il-liġi tax-xogħol imqajjma fid-dokument. Ir-riżoluzzjoni tal-PE ġiet adottata minn maġġoranza kbira[5], li jirrifletti l-qbil eċċezzjonali dwar rapport li dwaru kien hemm dibattitu kbir f'kull stadju tal-proċedura.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (EESC) adotta opinjoni dwar il- Green Paper [6] , fejn esprima n-nuqqas ta' qbil mal-waqt u l-metodu tal-konsultazzjoni kif ukoll ma’ xi aspetti ta’ l-analiżi bażika.

Arranġamenti kuntrattwali flessibbli u ta’ min iserraħ fuqhom permezz ta’ liġijiet tax-xogħol moderni huma wieħed mill-erba’ komponenti ta’ politika ewlenin ta’ strateġija ta’ flessigurtà usa’ flimkien ma’ strateġiji ta’ tagħlim matul il-ħajja, politiki attivi tas-suq tax-xogħol u sistemi ta’ sigurtà soċjali moderni, kif imniżżla fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni[7] “Lejn Prinċipji Komuni ta’ Flessigurtà: Aktar impjiegi u impjiegi aħjar permezz tal-flessibbiltà u s-sigurtà” li kienet adottata fis-27 ta’ Ġunju 2007.

L-għan ta’ din il-Komunikazzjoni huwa li tippreżenta fil-forma ta’ taqsira r-riżultat tal-konsultazzjoni pubblika li nediet il- Green Paper , u li tidentifika l-kwistjonijiet ta’ politika ewlenin b’riżultat. Fil-preżentazzjoni ta’ taqsira oġġettiva ta’ l-opinjonijiet ta' dawk li wieġbu, il-Kummissjoni ma tieħu l-ebda pożizzjoni dwar kummenti partikolari jew dwar il-preċiżjoni fattwali tagħhom. Qed jinhemeż dokument ta’ ħidma mis-servizzi tal-Kummissjoni li jagħti reviżjoni aktar dettaljata tat-tweġibiet. Din il-Komunikazzjoni, flimkien mal-pubblikazzjoni tat-tweġibiet kollha riċevuti matul il-konsultazzjoni[8], hija ġġustifikata mill-ħtieġa li tkun żgurata trasparenza massima. Dan jimmarka l-konklużjoni tal-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar il-modernizzar tal-liġi tax-xogħol.

2. IL-KUNTEST TAL-POLITIKA U L-QAFAS ANALITIKU LI JGħARRAF IL- GREEN PAPER

It-twettieq tal-konsultazzjoni pubblika

Għal xi msieħba soċjali, primarjament trejdjunjins, il-konsultazzjoni kellha tkun fil-forma ta’ konsultazzjoni formali ta’ l-imsieħba soċjali ta’ l-UE fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 138 KE. Dawn qiesu t-twettieq ta’ konsultazzjoni miftuħa dwar il-liġi tax-xogħol permezz ta' Green Paper bħala li jbaxxi d-Djalogu Soċjali u r-rwol kruċjali tagħhom bħala rappreżentanti ta’ min iħaddem u l-ħaddiema. Il-PE u l-EESC esprimew ukoll riservazzjonijiet dwar ir-rikors tal-Kummissjoni għal konsultazzjoni pubblika. Madankollu, il-biċċa l-kbira ta' l-Istati Membri u l-NGOs Soċjali laqgħu b’mod pożittiv il-ftuħ tal-proċess konsultattiv.

Il-qafas analitiku mressaq fil- Green Paper

Għal għadd ta’ Stati Membri, trejdjunjins, partijiet interessati fl-NGO soċjali u akkademiċi, ir-riforma tal-liġi tax-xogħol għandha titqies mill-bidu fi ħdan il-qafas tad-drittijiet fundamentali, b'mod partikolari il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea[9]. Fl-opinjoni tagħhom, qafas tali jipprovdi l-bażi għal strateġija aktar assertiva mill-Kummissjoni għall-użu tad-dritt tagħha ta’ inizjattiva fl-interessi ta’ “Ewropa Soċjali”. Xi trejdjunjins, NGO soċjali u akkademiċi qajmu mistoqsijiet dwar l-attenzjoni li l- Green Paper tagħti lill-kontribuzzjoni li l-liġi tax-xogħol, bħala komponent ta' l-impjiegi u l-politika soċjali, tista’ tagħti għat-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività. Partijiet interessati li jħaddmu u bosta Stati Membri iżda saħqu fuq is-sinifikat ta’ qafas dwar il-liġi tax-xogħol xieraq għall-promozzjoni ta’ l-impjiegi, it-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività.

Partijiet interessati mit-trejdjunjins, għadd ta’ Stati Membri u esperti akkademiċi, wissew kontra li l-kuntratt ta’ impjieg standard u indefinit jitqies bħala bla bżonn, jew bħala ostaklu għall-ħolqien ta’ l-impjiegi. Fl-opinjoni tagħhom, il- Green Paper tista’ tiġi interpretata bħala li tesprimi preferenza għal aktar forom kuntrattwali diversi u għall-introduzzjoni ta’ liġijiet tax-xogħol aktar dgħajfa. Ħafna minn dawk li wieġbu, inklużi l-PE, EESC u l-Istati Membri, saħqu fuq l-istabbiltà u s-sigurtà offerta mill-kuntratt ta’ xogħol standard. Kuntrarju għal dan, partijiet interessati li jħaddmu, flimkien ma' xi Stati Membri, qiesu li kuntratti ta' xogħol flessibbli ma ġewx trattati b'mod biżżejjed pożittiv. Ma kien hemm l-ebda ftehim dwar l-applikazzjoni tal-kunċett ta' "ta' ġewwa'" u "ta' barra" għal swieq tax-xogħol maqsuma. Fl-opinjoni ta’ dawk li jħaddmu, l-uniċi “ta’ barra” reali huma dawk bla impjieg u “ta’ ġewwa” huma dawk kollha impjegati legalment. It-trejdjunjins jisħqu li d-divarju bejn "ta’ ġewwa” u “ta’ barra” jista' jiġi eliminat biss bit-titjib tal-ħarsien ta’ ħaddiema prekarji.

L-ambitu tal- Green Paper

Xi Stati Membri, flimkien mal-partijiet interessati fit-trejdjunjins, u bosta esperti akkademiċi kienu jippreferu ambitu usa’ għall- Green Paper - bl-integrazzjoni ta' aspetti kollettivi tal-liġi tax-xogħol, aktar milli li tiffoka fuq ir-relazzjoni ta’ impjieg individwali. Huma ta’ l-opinjoni li strateġija tali biss tista’ taqbad l-interazzjoni kumplessa bejn il-qafas regolatorju ġenerali f’kull pajjiż u r-rwol ta’ negozjar kollettiv fir-regolamentazzjoni tad-dinja tax-xogħol. Il-PE u l-EESC ħeġġu li l-modernizzar tal-liġi tax-xogħol għandu jitqies fi ħdan il-qafas ta' strateġija usa’ msejsa fuq il-flessigurtà. Il-Kummissjoni, fil-Komunikazzjoni tagħha dwar il-Flessigurtà, approvat il-ħtieġa għal strateġija integrata li tista’, fl-istess waqt, issaħħaħ il-flessibbiltà u sigurtà fis-suq tax-xogħol.

Bosta tweġibiet min-negozju, filwaqt li fakkru l-limitazzjoni tal-kompetenzi ta’ l-UE, sejħu biex ir-riforma tal-liġi tax-xogħol tkun imfittxija esklussivament fil-kuntest nazzjonali .

L-NGOs soċjali ffukaw fuq ir-rwol tal-liġi tax-xogħol li tiggarantixxi rimunerazzjoni ġusta u xierqa, b'mod partikolari permezz tal-paga minima. Fl-opinjoni tagħhom, il-liġi tax-xogħol, flimkien mas-sistemi tal-ħarsien soċjali, għandha tikkontribwixxi fil-ġlieda kontra l-faqar, u għandha tkun kompletament inklussiva fl-ambitu personali tagħha sabiex tevita li toħloq swieq tax-xogħol aktar maqsuma. Ir-riformi għandu jkollhom il-mira li jtejbu d-drittijiet għal dawk f'impjieg prekarju, mingħajr ma jnaqqsu d-drittijiet eżistenti.

Sussidjarjetà

Bosta Stati Membri, il-PE u l-EESC, il-parlamenti nazzjonali u l-imsieħba soċjali ta’ l-UE fakkru t-tqassim tar-responsabilitajiet bejn l-UE u l-Istati Membri. L-iżvilupp tal-liġi tax-xogħol fl-UE hija ġeneraliment meqjusa bħala li taqa’ taħt il-kompetenza ta’ l-Istati Membri u l-imsieħba soċjali, bir-rwol ta’ l- acquis Komunitarju jkun li jikkomplimenta l-azzjonijiet ta’ l-Istati Membri. Uħud minn dawk li wieġbu saħqu fuq l-importanza ta' standards minimi li jqisu l-forom diversi ta' prassi nazzjonali u l-ħtieġa li jżommu l-kompetittività ta’ l-ekonomija Komunitarja.

L-aġendi ta’ riforma nazzjonali kienu ta’ importanza kbira għal xi Stati Membri, parlamenti nazzjonali u partijiet interessati li jħaddmu. Skambju aktar strutturat ta’ esperjenza dwar żviluppi partikolari fil-liġi tax-xogħol u fl-arranġamenti kuntrattwali kien għalhekk meqjus bħala pożittiv. Xi konfederazzjonijiet nazzjonali ta’ min iħaddem sejħu għal azzjoni urġenti fil-livell nazzjonali sabiex jitnaqsu ir-regolamentazzjonijiet dwar it-tkeċċija individwali u kollettiva u jkun faċilitat rikors akbar ta’ forom ġodda ta’ kuntratti (jiġifieri alternattivi għal kuntratt ta’ impjieg standard, indefinit u full-time ). Madankollu, dawn ma rawx il-ħtieġa għal aktar inizjattivi leġiżlattivi fil-livell Komunitarju f’dan il-qasam.

L-attività fil-livell ta’ l-UE dwar kwistjonijiet ewlenin dwar id-drittijiet ta’ l-impjieg m’għandhomx ikunu biss dwar il-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni (OMC – open method of coordination ), fir-rigward ta’ partijiet interessati fit-trejdjunjins, akkademiċi u bosta Stati Membri oħrajn. It-trejdjunjins saħqu li s-swieq tax-xogħol emerġenti Ewropej ma jistgħux jibqgħu jitmexxew b'dipendenza fuq ir-regoli nazzjonali fis-sfera soċjali minħabba li r-regoli dwar is-suq intern u l-kompetizzjoni qed jingħataw preċedenza fuq id-dispożizzjonijiet tal-politika soċjali nazzjonali.

L-Aġenda ta’ Regolamentazzjoni Aħjar

Il-PE saħaq fuq l-influwenza kbira li l-liġi tax-xogħol għandha fuq l-imġiba ta' l-impriżi u kif id-deċiżjonijiet tagħhom li joħolqu aktar impjieg u impjieg aħjar jiddependu fuq dispożizzjonijiet legali stabbli, ċari u sodi. Għadd ta’ Stati Membri jaraw ir-riforma tal-kodiċi tax-xogħol tagħhom jew il-kodifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni frammentata bħala opportunità sabiex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi mingħajr ma tfixkel l-għanijiet fundamentali. L-iżvilupp ta’ l-OMC huwa meqjus ukoll bħala mezz għall-promozzjoni ta’ regolamentazzjoni aħjar fil-qasam tal-liġi tax-xogħol.

Bosta Stati Membri rrikonoxxew ir-rilevanza tar-riforma tal-liġi tax-xogħol ta' firxa ta' miżuri assoċjali ma' l-aġenda ta' Regolamentazzjoni Aħjar, bħal konsultazzjonijiet ma' partijiet interessati, stimi ta’ l-impatt, valutazzjoni ta’ l-alternattivi tar-regolamentazzjoni, simplifikazzjoni u kjarifika tal-liġijiet, kampanji edukattivi dwar il-liġi ta' l-impjieg eċċ. Filwaqt li l-Istati Membri ġeneralment qablu li regolamentazzjonijiet li jħarsu l-impjegati jridu, fil-prinċipju, japplikaw bl-istess mod għal korporazzjonijiet kbar u negozji żgħar, bosta jemmnu li hemm l-ambitu f'każi partikolari għat-tfassil tal-miżuri skond iċ-ċirkustanzi speċjali ta’ l-SMEs.

3. IT-TEMI TAL-KONSULTAZZJONI

A Suq tax-Xogħol Flessibbli u Inklussiv

L-Istati Membri qiesu li l-mezzi sabiex jintlaħaq bilanċ bejn is-sigurtà u l-flessibbiltà, il-livell li fih jista’ jiġi stabbilit u l-forma eżatta li għandu jieħu probabbilment ivarjaw minn Stat Membru għal ieħor u huma suxxettibbli għall-bidla matul iż-żmien. Madankollu, huma laqgħu skambju ta' esperjenza aktar dettaljat, li jinvolvi b'mod partikolari l-imsieħba soċjali, sabiex jkun żviluppat fehim aktar ċar ta' l-isfidi komuni li jaffettwaw ir-regolamentazzjoni ta' arranġamenti kuntrattwali.

L-NGOs soċjali saħqu fuq il-ħtieġa ta' koordinazzjoni aħjar bejn il-liġi tax-xogħol u l-politikka dwar l-impjieg fuq naħa u s-sistemi ta' ħarsien soċjali fuq in-naħa l-oħra. Il-ħarsien soċjali u d-dħul minimu għandhom jippermettu liċ-ċittadini li jagħżlu bejn l-impjieg, it-taħriġ u attività b’tifsira soċjali. Il-perjodi ta’ lif ta’ maternità, paternità jew tal-ġenituri, waqfa fil-karriera, impjieg part-time (b’mod partikolari sabiex jieħdu ħsieb persuni dipendenti) għandhom jitqiesu fil-kalkolu tad-drittijiet ta’ pensjoni u assigurazzjoni.

Il-faċilitar ta’ tranżizzjonijiet ta’ impjieg

Dawk li jħaddmu saħqu fuq l-impatt li t-tnaqqis tal-liġi dwar il-ħarsien ta’ l-impjieg jista’ jkollu fuq il-livelli ta’ impjieg u fuq il-prospetti ta’ impjieg f’kategoriji vulnerabbli. Fl-opinjoni tagħhom aġenda sinifikanti ta’ riforma tal-liġi tax-xogħol għandha tiffoka fuq li tagħti lill-persuni l-ħiliet li jeħtieġu sabiex jibqgħu kapaċi tul il-ħajja tax-xogħol tagħhom, aktar milli li tħares l-impjiegi individwali. It-trejdjunjins ċaħdu kwalunkwe preżunzjoni li liġi għall-ħarsien ta' l-impjieg aktar flessibbli tiffaċilità t-tranżizzjonijiet tas-suq tax-xogħol.

It-trejdjunjins u l-esperti legali sejħu għall-iżvilupp ta’ regolamentazzjonijiet ġodda sabiex jippromwovu t-tranżizzjoni minn kuntratti għal terminu ffissat u part-time għal xogħol full-time . Huma ħeġġu għal miżuri li jippromwovu mobbiltà tal-ħaddiema akbar billi jippermettu lill-ħaddiema jressqu d-drittijiet fil-każ ta' tibdil fl-impjieg. Fost dawk li jimpjegaw, UEAPME[10] talbet għal stħarriġ fil-livell nazzjonali dwar kif it-tkomplija tad-drittijiet tal-ħarsien soċjali tista’ tiffaċilita it-tranżizzjonijiet bejn l-impjieg u l-impjieg ta’ dawk li jaħdmu għal rashom.

Xi Stati Membri u partijiet interessati msieħba soċjali qiesu li kemm il-liġi tax-xogħol kif ukoll l-arranġamenti kollettivi jistgħu jikkontribwixxu għall-promozzjoni ta’ l-aċċess għat-taħriġ u għall-iffaċilitar tat-tranżizzjoni bejn il-forom kuntrattwali differenti għal mobbiltà 'il fuq matul il-ħajja tax-xogħol. BusinessEurope[11], madankollu, kellha r-riservazzjonijiet dwar kemm leġiżlazzjoni hija l-istrument xieraq sabiex tinfluwenza l-imġiba tat-tagħlim. Fl-opinjoni tagħha, l-esperjenza fl-Istati Membri li timplimenta "dritt għat-taħriġ" turi ftit impatt għall-ħaddiema li huma l-aktar fil-bżonn – u l-anqas ikkwalifikati. Uħud mill-imsieħba soċjali li wieġbu saħqu fuq l-esperjenza tagħhom fin-negozjar ta’ ftehimiet kollettivi sabiex jippromwovu l-aċċess għat-taħriġ, taħriġ kontinwu aħjar u tranżizzjonijiet bla xkiel mill-edukazzjoni u l-apprendistati għall-impjieg. L-NGOs soċjali, b'mod partikolari, saħqu fuq il-kontribuzzjoni li l-liġi tax-xogħol għandha tagħmel sabiex tiżgura l-aċċess ugwali għat-taħriġ u t-tagħlim matul il-ħajja għal kulħadd.

Inċertezza fir-rigward tat-tifsira tar-relazzjoni ta’ impjieg

Ir-rikonoxximent tal-PE tal-kumplessità tat-tifsira ta’ min huma ħaddiema u persuni impjegati għall-rashom taħt il-liġi Komunitarja qablu miegħu l-maġġoranza ta’ l-Istati Membri. Ġie rikonoxxut li din il-kumplessità żdiedet b’konsegwenza għad-dispożizzjoni ta' servizzi transkonfinali. Ħafna mill-Istati Membri xtaqu jiddependu fuq liġi nazzjonali u proċeduri legali ttestjati sew sabiex isolvu problemi tali. Flimkien ma’ bosta organizzazzjonijiet ta’ imsieħba soċjali dawn huma favur il-pożizzjoni fejn it-tifsira ta’ ħaddiema taħt bosta mid-direttivi tal-liġi tax-xogħol tibqa’ r-responsabbiltà esklussiva ta’ l-Istati Membri. Filwaqt li l-interessi ta' min iħaddem fil-livelli ta’ l-UE u dawk nazzjonali ġeneralment ċaħdu l-ħtieġa għal aktar tifsiriet nazzjonali konverġenti, l-interessi ta’ l-imsieħba soċjali fis-servizz, id-divertiment, il-mezzi tax-xandir u s-setturi tal-bejgħ qiesu li t-tifsiriet użati fl-Istati Membri differenti sabiex ifissru l-istat ta’ dawn irreferuti bħala ħaddiema freelance, każwali jew indipendenti jistgħu jiġu elenkati u spjegati sabiex jiffaċilitaw fehim aħjar ta' l-istat ta' impjieg tal-persuni kkonċernati.

Il-PE sejjaħ għal inizjattiva lejn konverġenza fit-tifsiriet nazzjonali ta’ l-istat tal-ħaddiem sabiex tkun żgurata implimentazzjoni aktar koerenti u effiċjenti fl- acquis Komunitarju. Huwa sejjaħ lill-Istati Membri sabiex jippromwovu l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni ILO 2006 dwar ir-relazzjoni ta' l-impjieg[12]. Xi Stati Membri ssuġġerixxew ukoll li r-Rakkomandazzjoni tintuża bħala bażi għal diskussjoni bejn l-Istati Membri u l-imsieħba soċjali dwar kif jistaw jitrattaw aħjar fil-livell Ewropew il-fenomenu ta’ relazzjonijiet ta' impjieg moħbi.

Bosta Stati Membri u msieħba soċjali huma kontra l-introduzzjoni ta’ kategorija intermedjarja terza, bħal l-hekk imsejjaħ "ħaddiem ekonomikament dipendenti”, b’żieda ma' dawk ta' ħaddiema dipendenti u ħaddiema impjegati għal rashom indipendenti. Anke fl-Istati Membri fejn kunċett tali diġà jeżisti fil-liġi nazzjonali, bħal fl-Italja, kien hemm riservazzjonijiet dwar kemm tista’ tiġi stabbilita tifsira mhux ekwivoka fil-livell Ewropew. BusinessEurope taċċetta, madankollu, li jista’ jinkiseb xi valur miżjud mill-qsim ta’ esperjenza dwar l-impatt ta' miżuri tali biex b’hekk l-Istati Membri jkunu jistgħu jitgħallmu minn xulxin. It-trejdjunjins huma favur l-iffukar mill-ġdid ta’ l-ambitu tal-liġi tax-xogħol permezz ta' riformi nazzjonali sabiex jiżdied il-ħarsien assoċjat mal-kuntratt ta' xogħol standard għall-ħaddiema kollha.

ETUC[13] issejjaħ lill-Istituzzjonijiet ta’ l-UE, flimkien ma' l-Imsieħba Soċjali fil-livell ta’ l-UE sabiex jiżviluppaw qafas ta' appoġġ legali ma' l-UE kollha, li jkun fih kombinazzjoni ta' ‘regoli tal-logħba’ ta' l-UE u ċerti standards minimi ta' l-UE sabiex jiġu stabbiliti ‘drittijiet prinċipali’ filwaqt li jkun żgurat ir-rispett għall-politiki soċjali nazzjonali u r-relazzjonijiet industrijali. L-NGOs soċjali jappoġġjaw ukoll l-idea ta' sett komuni ta' drittijiet, marbuta mat-tifsira ta' "ħaddiem” li dwarha hemm qbil komuni stabbilit taħt il-liġi Komunitarja, sabiex jiġi stabbilit il-prinċipju tal-moviment ħieles.

Relazzjonijiet bi Tliet Fergħat

L-Istati Membri u l-imsieħba soċjali tennew mill-ġdid il-pożizzjonijiet stabbiliti tagħhom dwar il-vantaġġi tad-direttiva proposta dwar xogħol ta’ aġenzija temporanju. Għadd ta’ Stati Membri sejħu għall-adozzjoni tagħha bħala prijorità għar-riforma tal-liġi tax-xogħol. It-trejdjunjins sejħu biex id-direttiva proposta tiġi adottata bħala kompliment għad-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema u d-Direttiva dwar is-Servizzi. Organizzazzjonijiet ta' min iħaddem, iżda, qiesu l-istat ta’ ħaddiema temporanji bħala li huwa mfisser b’mod suffiċjenti fil-liġi nazzjonali.

Il-PE saħaq fuq il-ħtieġa li tkun irregolata r-responsabbiltà konġunta għal impriżi prinċipali sabiex jitrattaw l-abbuż ta' l-għoti ta’ sottokuntratti u l-esternalizzazzjoni fl-interessi li jkunu żgurati kundizzjonijiet ugwali għall-kumpaniji f’suq trasparenti u kompetittiv. Xi Stati Membru huma wkoll favur li jiġi stabbilit prinċipju ta' responsabbiltà ta’ sussidjarjetà biex b’hekk tkun żgurata konformità mad-drittijiet ta’ impjieg madwar l-UE. Madankollu Stati Membri oħrajn huma sodisfatti bid-dispożizzjonijiet dwar responsabbiltà sekondarja għall-relazzjonijiet ta’ l-għoti ta’ sottokuntratti fil-liġijiet tax-xogħol nazzjonali tagħhom.

L-ETUC u l-affiljati settorali tagħha qiesu li inizjattiva Komunitarja hija meħtieġa fil-forma ta’ strument sabiex jirregola l-“katina ta’ responsabbiltà” ta’ impriżi ta’ l-utent u intermedjarji fil-każ ta’ xogħol ta’ aġenzija u l-għoti ta’ sottokuntratti. L-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem iddubitaw kemm proposta li tistabbilixxi għal prinċipju ta' responsabbiltà sussidjarja tkun effettiva. Aktar minn hekk, l-intrapriżi ta’ l-utent għandhom ikunu jistgħu jserħu fuq il-fatt li s-sottokuntratturi għandhom jissodisfaw ir-responsabbiltajiet tal-liġi tax-xogħol tagħhom.

Organizzazzjoni tal-Ħin tax-Xogħol

Il-PE sejjaħ biex l-arranġamenti tal-ħin tax-xogħol ikunu flessibbli biżżejjed biex jilħqu l-ħtiġijiet ta’ dawk li jħaddmu u l-ħaddiema u sabiex jippermettu lin-nies li jibbilanċjaw aħjar il-ħajja tax-xogħol u tal-familja tagħhom, u b'hekk iħarsu l-kompetittività u jtejbu s-sitwazzjoni ta’ l-impjieg. Għadd ta’ Stati Membri identifikaw ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol bħala prijorità ewlenija fil-livell ta’ l-UE.

L-ETUC u l-affiljati tagħha rreferew għall-pożizzjonijiet tagħhom sa mill-ewwel u t-tieni stadji ta' konsultazzjoni ta' l-imsieħba soċjali ta' l-UE dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol fl-2004. Jridu rikonoxximent ċar ta' ħin fuq sejħa li mhux attiv bħala ħin ta' xogħol, mingħajr l-ebda tgħawwiġ. BusinessEurope u bosta mill-affiljati tagħha jqisu li r-regolamentazzjoni ta’ l-UE f’dan il-qasam kienet konċeputa ħażin sa mill-forma oriġinali tagħha. Dawk li jħaddmu, madankollu, sejħu għall-adozzjoni tal-proposti sabiex tiġi riveduta d-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol biex jiġu solvuti l-problemi li nħolqu għat-trattament tas-saħħa u l-ekonomija privata bħala konsegwenza tas-sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fil-każ Simap/Jaeger. Huma jixtiequ jaraw id-dispożizzjoni ta’ opt-out miżmuma bħala mod kif tkun żgurata flessibbiltà akbar tas-suq tax-xogħol.

L-infurzar tad-drittijiet ta’ l-impjieg u l-ġlieda kontra xogħol mhux iddikjarat

Il-PE saħaq li leġiżlazzjoni tax-xogħol tkun effiċjenti, ġusta u b'saħħitha biss jekk tiġi implimentata mill-Istati Membri kollha, jekk tkun applikata b’mod ugwali fis-setturi kollha u rinfurzata fuq bażi regolari u b’mod effiċjenti. Kien hemm appoġġ ġenerali għal kooperazzjoni aħjar fil-livell ta’ l-UE u skambju aħjar ta’ tagħrif u prassi tajba. L-Istati Membri appoġġjaw azzjoni fil-livell ta' l-UE sabiex jiġġieldu x-xogħol mhux iddikjarat, fid-dawl ta' l-aspetti supranazzjonali dejjem jiżdiedu tal-problema. It-tip ta’ l-azzjoni advokata tvarja, madankollu, minn strumenti ta' dikjarazzjoni bħal riżoluzzjonijiet tal-Kunsill, għal skambji ta' prassi tajba u forom multilaterali u bilaterali ta' kooperazzjoni amministrattiva.

L-istabbiliment ta’ rabtiet kooperattivi bejn l-aġenziji rilevanti fil-livell ta’ l-UE (pereżempju l-ispettorati tax-xogħol, uffiċji tat-taxxa, korpi tas-sigurtà soċjali) ġie propost minn xi Stati Membri. L-imsieħba soċjali wrew opinjonijiet differenti, li jirrifletti d-diversità settorali tagħhom kif ukoll id-differenzi fil-mod kif l-organizzazzjoni tagħhom tgħin lill-awtoritajiet fl-infurzar tad-drittijiet ta' l-impjieg u fil-ġlieda kontra xogħol mhux iddikjarat. L-ETUC u xi federazzjonijiet settorali ta’ l-UE sejħu għall-istabbiliment ta' struttura ta' koordinazzjoni Ewropea permanenti sabiex ikun żgurat l-infurzar tal-liġi Komunitarja, filwaqt li min iħaddem raw din bħala primarjament kwistjoni għall-awtoritajiet nazzjonali. Dawk li jħaddmu semmew ukoll l-inizjattivi meħuda taħt programmi ta’ għajnuna teknika ta’ l-UE sabiex jgħinu jibnu l-kapaċità ta’ l-organizzazzjonijiet ta’ l-imsieħba soċjali fl-Istati Membri l-ġodda.

4. IL-PASSI LI JMISS

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-konsultazzjoni pubblika kisbet l-għan tagħha li toħloq dibattitu fil-livell ta’ l-UE u dak nazzjonali dwar il-ħtieġa li ttejjeb il-liġi tax-xogħol sabiex tiffaċċja l-isfidi tas-seklu 21. It-tweġibiet taw tagħrif utli dwar l-iżviluppi attwali fil-liġi tax-xogħol u s-sistemi ta’ relazzjonijiet industrijali ta’ l-Istati Membri – li ħafna minnhom jikkorrispondu għal temi indirizzati fil- Green Paper.

Id-dibattitu enfasizza kemm il-liġi tax-xogħol hija strument importanti, mhux biss fejn tidħol it-tmexxija tal-forza tax-xogħol, iżda wkoll sabiex tagħti sens ta' sigurtà lill-ħaddiema u ċ-ċittadini f'dinja li qed tinbidel b'mod mgħaġġel u b'mobbiltà għolja ta’ kapital u teknoloġija. Id-dibattitu wera wkoll kemm il-liġi tax-xogħol, is-sigurtà soċjali u s-sistemi ta’ taħriġ huma minsuġa flimkien. Permezz tal- Green Paper dwar il-liġi tax-xogħol u l-Komunikazzjoni dwar il-Flessigurtà, il-Kummissjoni nediet dibattitu miftuħ dwar kwistjonijiet li huma ta’ importanza kruċjali għall-ġejjieni tas-swieq tax-xogħol u l-koeżjoni soċjali fl-Ewropa. Il-messaġġ kien miftiehem mill-partijiet interessati ewlenin, kienu x'kienu l-opinjonijiet tagħhom dwar id-direzzjonijiet għal riforma. Il-Kummissjoni se taħdem ma’ l-Istati Membri bil-għan li tilħaq konklużjonijiet dwar prinċipji komuni ta’ flessigurtà adottati mill-Kunsill Ewropew f’Diċembru 2007[14]. Il-Kummissjoni se ssegwi wkoll l-analiżi konġunta ta' l-imsieħba soċjali dwar l-isfidi prinċipali li qed jiffaċċjaw is-swieq tax-xogħol Ewropej[15] sabiex tfassal aġendi bil-għan li tavvanza strateġija integrata għall-implimentazzjoni tal-prinċipji msejsa fuq il-flessigurtà. Dan iħeġġeġ lill-imsieħba soċjali jinvolvu ruħhom fin-negozjati, b'mod partikolari dwar it-tagħlim matul il-ħajja.

Skond dan, fl-2008 il-Kummissjoni se tieħu l-passi meħtieġa sabiex issegwi l-kwistjonijiet imqajma f'din il-Komunikazzjoni fil-kuntest usa’ ta’ “flessigurtà”. Minkejja d-differenza ta’ l-opinjonijiet tal-limitu u n-natura ta’ azzjoni ta’ l-UE, il-konsultazzjoni identifikat talba għall-kooperazzjoni aħjar, aktar ċarezza u aktar tagħrif u analiżi aħjar f'għadd ta' oqsma, bħal:

- Il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra xogħol mhux iddikjarat, speċjalment f'sitwazzjonijiet transkonfinali[16],

- Il-promozzjoni, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tat-taħriġ u tat-tagħlim matul il-ħajja sabiex tkun żgurata sigurtà ta’ impjieg matul iċ-ċiklu tal-ħajja;

- L-interazzjoni bejn il-liġi tax-xogħol u r-regoli ta’ ħarsien soċjali b’appoġġ għal tranżizzjonijiet ta’ impjieg effettivi u sistemi ta' ħarsien soċjali sostenibbli;

- Il-klarifika tan-natura tar-relazzjoni ta’ l-impjieg sabiex ikun promoss fehim akbar u tkun iffaċilitata l-kooperazzjoni madwar l-UE;

- Il-klarifika tad-drittijiet u l-obbligazzjonijiet tal-partijiet involuti fil-katini ta’ l-għoti ta' sottokuntratti, sabiex ikun evitat li l-ħaddiema jiċċaħdu mill-abbiltà tagħhom li jagħmlu użu effiċjenti tad-drittijiet tagħhom.

[1] COM (2006) 708 tat-22.11.2006.

[2] Pereżempju fis-setturi ta’ l-awdjoviżiv, wirjiet diretti u l-impjieg reġjonali u muniċipali.

[3] Konklużjonijiet tal-Presidenza, Laqgħa informali tal-Ministeri għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, Berlin, 19.1.2007.

[4] P6_TA-PROV (2007) 0339.

[5] 479 voti favur u 61 kontra, b'54 astensjonijiet.

[6] CESE 398/2007 tat-30 ta’ Mejju 2007. Adottata b’vot ta’ maġġoranza (140 favur, 82 kontra u 4 astensjonijiet). Opinjoni kuntrarja (mibgħuta mir-rappreżentanti ta’ Grupp I) ġiet annessa ma’ l-opinjoni ta' l-EESC.

[7] COM (2007) 359 tas-27.6.2007.

[8] It-tweġibiet huma ppubblikati onlajn fis-sit: http://ec.europa.eu/employment_social/labour_law/green_paper_responses_en.htm Ara wkoll l-elenkar sħiħ ta’ sottomissjonijiet fl-anness mehmuż mad-dokument tas-Servizzi SEC.

[9] Kif iddikjarat f’Nizza fis-7 ta’ Diċembru 2000, mill-presidenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni.

[10] L-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Impriżi tas-Snajja, Żgħar u ta' Daqs Medju.

[11] Il-Konfederazzjoni tan-Negozju Ewropew.

[12] Ir-Rakkomandazzjoni ILO 198 dwar ir-Relazzjoni ta’ l-Impjieg adottata fil-95 sezzjoni tal-Konferenza tax-Xogħol Internazzjonali f’Ġunju 2006.

[13] Konfederazzjoni Ewropea tat-Trejdjunjins.

[14] Il-Kunsill EPSCO huwa mistenni jadotta konklużjonijiet dwar il-flessigurtà fil-5 ta' Diċembru 2007. Il-Kunsill ECOFIN digà adotta konklużjonijiet dwar il-flessigurtà fid-9 ta’ Ottubru 2007.

[15] Ippreżentati fis-Samit Soċjali Tripartitiku Informali fit-18 ta’ Ottubru 2007.

[16] Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “L-intensifikazzjoni tal-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat” COM(2007) xxx ta' l-24.10.2007.