[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 18.10.2007 KUMM(2007) 616 finali KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI Komunikazzjoni dwar Politika Ewropea għall-Portijiet {SEC(2007)1339}{SEC(2007)1340} I. INTRODUZZJONI Aktar minn 1 200 port merkantili huma mxerrdin fuq madwar 100 000 km ta’ kosta Ewropea; għadd ta’ mijiet oħrajn jinsabu tul is-36 000 km ta’ kanali interni tagħna. Dawn huma l-punti ewlenin tat-trasferiment modali u huma ta’ interess vitali biex ikun immaniġġjat 90% tal-kummerċ internazzjonali Ewropew. Barra minn hekk u b’appoġġ għall-politika ta’ trasport ġenerali tagħna[1], huma jimmaniġġjaw 40% tal-kilometri kull tunnellata li jsiru f’kummerċ intrakomunitarju. Huma fundamentali għall-koeżjoni fl-Ewropa, bl-iżvilupp ta' servizzi għall-passiġġiera u tal-laneċ. L-iżvilupp ta’ l-industrija tal-kruċieri biddlet uħud minnhom f’ċentri fokali ta’ turiżmu għal bliet u reġjuni sħaħ. Huma essenzjali għall-iżvilupp tat-tbaħħir fil-qosor u, f’bosta każi, tat-traffiku fuq passaġġi ta’ l-ilma interni. Dawn iż-żewġ modi huma ekonomiċi, u jistgħu jieħdu post modi inqas sostenibbli fuq distanzi twal. Il-portijiet huma għajn diretta u indiretta ta’ aktar minn nofs miljun impjieg, u jiżguraw id-dinamiżmu u l-iżvilupp ta’ reġjuni sħaħ inklużi dawk l-aktar periferiċi, skond l-istrateġija ta’ Liżbona. Il-Komunikazzjoni preżenti għandha l-għan li twassal għal sistema li taħdem ta’ portijiet ta’ l-UE, kapaċi li tlaħħaq ma’ l-isfidi futuri tal-ħtiġijiet ta’ trasport fl-UE; hija tistabbilixxi pjan ta’ azzjoni għall-Kummissjoni Ewropea. Hija tkompli fuq konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet interessati fl-2006-2007, li kienet tinkludi sitt laqgħat ta’ ħidma, żewġ konferenzi kbar u laqgħat ma’ esperti mill-Istati Membri. Il-Komunikazzjoni dwar il-portijiet issegwi u timplimenta wkoll il-Komunikazzojni adotta reċentement dwar Politika Marittima Integrata[2] li tindirizza l-politiki u l-attivitajiet kollha b’rabta mal-baħar b’mod kumpellisiv bħala mezz ta’ promozzjoni tat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi b’mod sostenibbli. 1.1. Il-Kuntest Ekonomiku Fl-2005, aktar minn 3 biljun tunnellata għaddew mill-portijiet Ewropej. It-traffiku ta’ prodotti bl-ingrossa kien ilaħħaq in-nofs. Huwa jiżdied bl-istess veloċità daqs id-dipendenza tagħna mill-prodotti ta’ l-enerġija minerali u b’mod partikulari mill-gass naturali likwidu. Traffiku b’saħħtu ta’ Ro-Ro rrappreżenta 14% tat-total. Il-merkanzija ġenerali kienet inqas minn 10%. It-traffiku dejjem jikber tal-kontejners bejn wieħed u ieħor kien jirrappreżenta t-terz. Huwa aktar sinifikanti, li l-għadd totali ta’ movimenti ta’ kontejners (vojta u mimlija) fl-2005 kien ta’ 250 miljun fid-dinja kollha, b’aktar minn kwart fl-Ewropa. L-esperti jipprevedu għall-2010 żieda ta’ 50%, b’nofsha tkun trasport dirett ta’ kaxxi mimlijin, b’madwar 20% ta’ kaxxi vojta jkunu jirriflettu fluss asimmetriku, u l-bqija b’wieħed jew aktar trasferimenti portwali intermedji. Bastimenti li joperaw fuq linji diretti qed ikunu dejjem akbar, u jħottu l-merkanzija f’portijiet ta’ tranżitu b’fond għoli tal-baħar; minn hemm permezz ta’ passaġġ jew aktar ta’ feedering b’bastimenti iżgħar jiġi żgurat it-tqassim minn portijiet iżgħar eqreb id-destinatarju aħħari. Dan l-iżvilupp għandu jiġi inkoraġġit peress li jippermetti użu akbar tal-mod marittimu, diversifikazzjoni aħjar ta’ punti għall-ħatt, u t-tnaqqis ta’ konġestjoni fit-traffiku fuq l-art. Madankollu huwa fundamentali li jkun irrimarkat li 30% tal-movimenti fl-Ewropa fl-2005 twettqu fil-portijiet ta’ Rotterdam, Antwerp u Hamburg. Mill-banda l-oħra, il-kwantitajiet immaniġġjati mid-9 l-akbar portijiet fil-Mediterran ilaħħqu biss l-20% tat-total. Din id-distribuzzjoni ta’ kummerċ u ta’ traffiku intern mistennija tkun ikkonfermata miċ-ċifri għall-2006 u l-2007. L-ispejjeż u l-ħlasijiet preżenti tal-modi differenti ta’ trasport flimkien ma’ l-offerta disponibbli ta’ infrastruttura ta’ trasport xierqa jfissru fil-parti l-kbira t-tendenza preżenti tal-flussi tal-kummerċ u tat-trasport fl-Ewropa. 1.2. L-isfidi għas-Sistema Ewropea tal-Portijiet Il-portijiet iħabbtu wiċċhom ma’ l-isfidi li ġejjin: - It-talba għal trasport internazzjonali amplifikat mill-ispejjeż baxxi tiegħu u t-tkabbir iktar mgħaġġel mit-tkabbir ekonomiku; ta' min wieħed jinnota li l-investituri minn kull post u oriġini issa huma tassew mħajra mill-futur pożittiv tal-portijiet. - It-tibdil teknoloġiku kbir, determinat mill-iżvilupp tal-ġarr tal-kontejners, operazzjonijiet tal-portijiet aktar effettivi, aktar mgħaġġla, aktar siguri, u aktar nodfa, iżda li għalihom hemm bżonn minn naħa tal-portijiet u l-ibliet li jilqgħuhom, sforz ikbar ta’ adattament fl-akkwiżizzjoni u l-immaniġġjar ta’ l-art, fit-teknoloġija u f’materji soċjali. Fl-istess waqt, l-użu meħtieġ ta’ teknoloġiji ta’ l-informatika, tat-tbaħħir u t-telekomunikazzjoni għandhom bżonn ta’ adattament u taħriġ bil-għan li jibqgħu joffru prospetti ta’ produttività u ta’ impjiegi ġodda. - L-impenn li jitnaqqsu l-gassijiet li joħolqu l-effett serra u l-problemi preżenti dwar il-kwalità ta’ l-arja jitolbu tnaqqis fl-emissjonijiet li jagħmlu l-ħsara u l-effetti tal-konġestjoni fit-toroq minn kull tunnellata-kilometru ttrasportat, u għal diversifikazzjoni modali lejn il-ferrovija, it-tbaħħir intern u t-trasport marittimu. Dan iwassal għal tqassim ġeografiku aħjar tat-trasport fuq l-art u għal użu aħjar tal-kapaċitajiet eżistenti fil-portijiet. - Il-ħtieġa li jiġi żviluppat djalogu kontinwu fuq il-prestazzjoni u l-iżvilupp tal-portijiet fost il-partijiet interessati tal-portijiet u fi ħdan il-belt, ir-reġjun, u lil hinn fejn huwa neċessarju. Id-djalogu huwa ta’ importanza primarja peress li jista’ jiżgura l-aċċettazzjoni soċjali, l-effiċjenza, itejjeb l-immaġni tal-portijiet, jikseb organizzazzjoni aħjar ta’ l-ispazji għall-funzjonijiet urbani, ir-rikreazzjoni jew it-turiżmu; approċċ ibbażat fuq id-djalogu mal-partijiet interessati jista’ jgħin biex tinkiseb attività sostenibbli fi ħdan il-portijiet kif ukoll opportunitajiet ta’ impjieg u kundizzjonijiet aħjar. - L-aħħar u mhux l-inqas il-ħtieġa ta’ rikonċiljazzjoni bejn l-iżvilupp u l-ġestjoni tal-portijiet mat-trasparenza, il-kompetizzjoni u b’mod ġenerali mal-ġabra ta’ regoli tal-Komunità. II. KWISTJONIJIET U TWEġIBIET 1. IL-PRESTAZZJONI TAL-PORT U L-KOLLEGAMENTI MA’ L-ART INTERNA Kumplessivament, l-akbat portijiet Ewropej jistgħu jitqiesu effiċjenti f’termini ekonomiċi; l-organizzazzjoni marittima tagħhom, il-ftuħ tagħhom, l-organizzazzjoni tal-wasliet, u l-irmiġġ tal-bastimenti (l-għajn ewlenija ta’ dħul) normalment huma ta’ min ifaħħarhom; f’bosta portijiet, madankollu, għad hemm konġestjoni, bħal nuqqas ta’ tqabbil bejn l-imħażen u l-kapaċità ta’ ħatt u tagħbija, tqassim u produzzjoni mhux sodisfaċenti tat-terminal għal kull unità ta’ żona ta’ kapaċità installata, ineffiċjenza fit-tqassim ta’ rotot u l-aċċess mill-baħar jew mill-art, ħinijiet ta’ stennija twal, u nuqqas ta’ sigurtà għat-trakkijiet, il-ferroviji u l-braken, kundizzjonijiet ta’ xogħol u produzzjoni mhux sodisfaċenti, u l-aħħar u mhux l-inqas, rekwiżiti amministrattivi eċċessivi li jiswew il-ħin u l-flus. Li jkun hemm sitwazzjoni u sit tajbin fuq il-baħar jew mal-mollijiet, u li jingħata servizz tajjeb bi prezzijiet raġonevoli għalhekk mhux biżżejjed. Fuq in-naħa ta’ l-art, kollegamenti tajbin u sostenibbli ma’ l-intern huma fundamentali għal kalkolu tal-kapaċità u l-futur ta’ port. Titjib sinifikanti f’dan il-qasam huwa neċessarju u possibli. Fil-qosor, l-ewwel alternattivi biex wieħed ilaħħaq maż-żieda fid-domanda għal kapaċità f’port għandhom ikunu: - Li jiżdiedu l-effiċjenza tal-port u r-rati ta’ produttività, f’termini ta’ produzzjoni jew movimenti għal kull ettaru ta’ spazju eżistenti fit-terminals u fir-rotot ta’ aċċess. Tagħmir ġdid għall-port u appuntamenti bil-ħin fit-terminals għat-trakkijiet, ferroviji, u braken, flimkien ma’ ġestjoni integrata tal-katina tat-trasport għallinqas mill-port mill-baħar sal-ġarr ’il ġewwa mill-kosta, bla dubju ssolvi għadd ta’ problemi. Operazzjonijiet u sistemi ta’ ġestjoni tal-merkanzija u softwer ċertament jikkontribwixxu biex titħaffef ir-rabta bejn il-modi u l-operaturi, u jikkontribwixxu biex tiżdied il-produzzjoni. - Li jkunu esplorati rotot alternattivi ta’ trasport bħala mezz biex jintlaħaq użu aktar intensiv tal-portijiet kollha eżistenti – li uħud minnhom qed joperaw taħt il-livelli tal-kapaċità – u li jkunu aktar qrib l-utenti. Is-suq juri li l-konnessjonijiet intraUE ta’ kull jum u veloċi, kemm bi tbaħħir fil-qosor jew b’servizzi ta’ feedering huma alternattiva sostenibbli għal ħafna portijiet. Dawk il-perspettivi għall-espansjoni tal-portijiet għandhom ikunu vvalutati sew qabel ma jkunu previsti żviluppi infrastrutturali ġodda. Għalhekk, l-iżviluppi għandhom jiġu diskussi mal-partijiet interessati kollha, imbagħad ippjanati u mwettqa fuq il-bażi ta’ kunsens wiesa’. Ikun tassew iktar faċli li jintlaħaq kunsens fuqhom jekk il-Pjani Ġenerali tal-portijiet ikunu regolarment aġġornati wara konsultazzjoni wiesgħa u fuq il-livelli kollha. Il-bini ta’ faċilitajiet portwali ġodda kbar jew it-tkabbir sostanzjali ta’ dawk eżistenti għandhom prinċipalment ikunu bbażati fuq valutazzjoni ekonomika soda ta’ l-effett li l-iżvilupp maħsub se jkollu fuq il-flussi tat-trasport. Dan iwassal ukoll għal distribuzzjoni aktar razzjonali tat-traffiku madwar l-Ewropa. Anke jekk din id-distribuzzjoni aħjar ma tistax tkun “infurzata” b’mezzi regolatorji, bla dubju tgħodd għat-tħassib ta’ llum dwar is-sostenibbiltà tat-trasport. Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb f’dan l-istadju li tħalli l-kwistjoni f’idejn l-awtoritajiet reġjonali u nazzjonali u f’idejn is-suq. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tivvaluta l-istatus u l-ħtiġijiet tal-kollegamenti bejn il-portijiet u l-intern u l-impatt tagħhom fuq netwerk bilanċjat tal-flussi tat-traffiku fl-okkażjoni tar-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tan-netwerk tat-trasport tranżewropew fl-2010[3]. 2. L-ESPANSJONI TAL-KAPAċITÀ FIR-RISPETT TA’ L-AMBJENT 2.1. L-iżvilupp ta’ faċilitajiet ġodda, jew it-titjib ta’ dawk eżistenti Ladarba l-valutazzjonijiet t’hawn fuq ikunu saru, il-konklużjoni tista’ tkun li żieda fil-kapaċità hija meħtieġa permezz ta’ titjib, estensjoni jew bini biex iwassal għal tkabbir tat-trasport marittimu u fuq ix-xmajjar. Din il-ħtieġa tinħass meta: - Il-portijiet jeħtieġu kemm faċilitajiet adegwati kif ukoll kollegamenti adatti ma’ l-intern. Għal raġunijiet storiċi, il-portijiet u t-tagħmir tal-portijiet sempliċiment ma kienux maħsuba u lanqas mibnija biex jakkomodaw bastimenti moderni ta’ kull tip ta’ merkanzija, inklużi l-kontejners; u wisq inqas għal volum ta’ traffiku. - Tkun ġiet pożittivament identifikata ċaqliqa modali sostenibbli ġdida ’l bogħod mill-mod ta’ trasport fuq l-art lejn il-passaġġi ta’ l-ilma interni jew tbaħħir marittimu, bħat-Toroq tal-Baħar. - Infrastruttura portwali adegwata teħtieġ li tiżgura sigurtà aħjar ta’ provvista ta’ l-enerġija u ttejjeb il-kompetittività ta’ dawk l-industriji[4]. Tista’ tinkludi wkoll alternattivi għall-provvista infrastrutturali tradizzjonali. - Ikun meħtieġ li jsir żvilupp mill-ġdid taż-żona tal-port tal-belt, u/jew isir ċaqliq ta’ l-industrija tal-port u t-traffiku intern relatat, għal raġunijiet ta’ ambjent u sigurtà, ’il bogħod miċ-ċentru tal-belt. Il-belt imbagħad tkun tista’ tippjana użu aħjar ta’ żoni partikolarment adatti għaċ-ċittadini tagħha, it-trasport tal-passiġġieri, it-turiżmu tal-kruċieri, attivitajiet kulturali jew inkella residenzjali jew attivitajiet ekonomiċi oħrajn. F’dawn il-każi l-awtoritajiet pubbliċi imbagħad jkollhom bżonn jikkunsidraw liema alternattivi għal żvilupp ulterjuri jkunu jaqdu aħjar l-interess pubbliku. Imbagħad japplikaw ir-regoli tal-Komunità dwar il-ħarsien ta’ l-ambjent, bħad-Direttivi dwar il-Ħabitats[5], dwar l-Għasafar[6], ta’ Qafas dwar l-Ilma[7] u dwar l-Iskart[8]. Il-portijiet huma kemm bibien strateġiċi għall-provvisti ta’ oġġetti u enerġija (eż. LNG[9]), kif ukoll ġabriet ekonomiċi ewlenin. Huma għandhom bżonn ta’ investimenti mis-setturi pubbliċi u privati li jeħtieġu livell xieraq ta’ ċertezza legali. L-inċertezza legali kienet l-aktar imsemmija mill-partijiet interessati fir-rigward tad-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats. Il-Kummissjoni hija konxja mid-diffikultajiet li jistgħu jinqalgħu fil-mument ta’ l-implimentazzjoni ta’ dawn id-direttivi fir-rigward ta’ l-infrastrutturi ta’ port. Il-Kummissjoni diġà ppubblikat bosta dokumenti ta’ gwida biex tappoġġja lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tad-direttivi dwar l-ambjent, u liċ-ċittadini u lill-partijiet interessati biex jifhmuhom aħjar. Il-Kummissjoni se toħroġ linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Komunità dwar l-ambjent għall-iżvilupp tal-portijiet[10]. 2.2. L-iżgurar ta’ faċilitajiet ta’ skart xierqa Id-Direttiva 2000/59/KE dwar il-faċilitajiet ta’ akkoljenza fil-portijiet għandha l-għan li jitnaqqas ir-rimi ta’ skart iġġenerat mill-bastimenti u ta’ fdalijiet mill-merkanzija fil-baħar. L-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva mill-Istati Membri għad trid issir. Abbażi ta’ l-evalwazzjoni tar-rapporti ta’ implimentazzjoni ta’ l-Istati Membri, tal-valutazzjonijiet li saru mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva u tar-riżultati taż-żjajjar ta’ monitoraġġ ta’ l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA), il-Kummissjoni se tikkonsulta l-partijiet interessati dwar il-mezzi biex jitjieb il-mekkaniżmu eżistenti tad-Direttiva u l-implimentazzjoni armonizzata tagħha u tressaq proposta xierqa. 2.3. Il-ġestjoni tajba ta’ l-ilmijiet tal-wiċċ u tas-sedimenti Flimkien ma’ partijiet oħra interessati, portijiet li jinsabu tul xmajjar u estwarji għandhom ikunu attivament involuti fil-konsultazzjonijiet dwar kwistjonijiet ta’ ġestjoni ta’ baċiri ta’ xmajjar, inter alia, fil-kuntest tat-tfassil tal-pjani ta’ ġestjoni tal-baċiri tax-xmajjar kif mitluba mid-Direttiva ta’ Qafas Dwar l-Ilma (2000/60/KE). L-istess jgħodd għal portijiet marittimi tul il-kosta fir-rigward tal-kwalità ta’ l-ilmijiet kostali, tal-ġarr tas-sediment tul il-kosta u l-użu tat-toroq tul il-kosta, pereżempju fil-kuntest tal-ġestjoni integrata taż-żona kostali. Bl-istess mod, il-ħtieġa li jiġi evitat it-tniġġis tal-ħamrija għandha tkun indirizzata l-ħin kollu u b’mod partikulari meta jsir titjib jew jinbnew faċilitajiet ġodda n-naħa ta’ fuq tax-xmara, u fil-portijiet. 2.4. It-titjib ta’ l-emissjonijiet fl-arja Il-kwalità ta’ l-arja hija ta’ tħassib f’bosta mill-portijiet il-kbar. Tnaqqis sinifikanti ta’ tniġġis ta’ l-arja mill-bastimenti u mit-trasport intern minn/lejn il-portijiet huwa essenzjali għal tkabbir sostenibbli. Il-Kunsill qabel ma’ tnaqqis ta’ mill-inqas 20% tal-gassijiet serra sa l-2020. Dan jitlob tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ CO2 mit-tbaħħir. Miżuri biex jintlaħaq dan għandhom preferibbilment jikkunsidraw l-iżviluppi f’livell internazzjonali. L-IMO impenjat ruħha li tagħmel limiti ta’ emissjoni iktar iebsin fl-2008. Il-Kummissjoni se tappoġġa attivament l-isforzi internazzjonali biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gass b’effett serra mill-bastimenti, u, fin-nuqqas ta' progress f’tali sforzi, tikkunsidra alternattivi possibbli għal miżuri ta’ l-UE f’dan ir-rigward. Is-soluzzjoni tal-provvista ta’ l-elettriku mill-portijiet għall-bastimenti li jkunu fil-baċir qed tiġi kkunsidrata mill-Kummissjoni[11]. Din is-soluzzjoni għandha tiġi kkunsidrata l-ewwel għall-bastimenti fuq vjaġġi regolari bħal laneċ jew tbaħħir qasir jew bastimenti ta’ Toroq tal-Baħar (MoS). Il-Kummissjoni fi ħsiebha tressaq proposti biex tnaqqas il-livelli tat-tniġġis ta’ l-arja mill-bastimenti fil-portijiet, prattikament billi jitneħħew l-iżvantaġġi fiskali għall-elettriku mix-xatt. Il-Kummissjoni hija impenjata li tnaqqas it-tniġġis ta’ l-arja u l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mit-tbaħħir u se tikkontribwixxi biex ikunu stabbiliti miżuri bil-għan li jitnaqqsu dawn l-emissjonijiet fil-portijiet, inkluż permezz ta’ inċentivi xierqa. 3. IL-MODERNIZZAZZJONI Sistemi ġodda maħsuba għal raġunijiet ta’ sikurezza u sigurtà marittima bħal SafeSeaNet, l-AIS (identifikazzjoni awtomatika), u l-LRIT (l-Identifikazzjoni u t-Tiftix mit-Tul), flimkien ma’ telekomunikazzjonijiet moderni huma jew dalwaqt se jkunu obbligatorji; huma se jtejbu ħafna r-relazzjoni bejn il-bastiment u l-art. Din mhix ħaġa indifferenti għall-portijiet u l-amministrazzjonijiet pubbliċi tagħhom. Il-vjaġġ u l-avviċinament ta’ bastiment issa jistgħu jkunu segwiti. Il-portijiet u l-ġabra marittima b’mod ġenerali għandhom jibbenefikaw minn dan il-progress[12]. 3.1. Is-simplifikazzjoni tal-proċeduri għat-Tbaħħir fil-Qosor Il-leġiżlazzjoni ta’ l-UE tapplika s-superviżjoni tad-dwana għat-trasport marittimu bejn l-Istati Membri minħabba li l-portijiet tat-tluq u d-dħul fl-UE huma parti minn fruntiera esterna fejn jiltaqgħu prodotti minn terzi pajjiżi u prodotti rilaxxati mill-Komunità. Għaldaqstant is-superviżjoni teżisti wkoll meta l-bastiment iġorr prodotti kklirjati mill-Komunità minkejja li dawk il-bastimenti li jġorru biss dawn il-prodotti għandhom proċeduri doganali ssimplifikati. F’dawk il-każijiet huwa importanti li l-proċeduri amministrattivi jkunu sempliċi u koerenti kemm jista’ jkun. Dan mhux biss inaqqas id-dewmien, l-inċertezza ta’ l-iskedi, l-ispejjeż u jtejjeb il-fiduċja fit-tbaħħir fil-qosor, iżda joħloq ukoll opportunitajiet ġodda għall-portijiet u jwassal għall-ħolqien tat-Toroq tal-Baħar. Il-Kummissjoni pproponiet il-ħolqien ta’ ambjent mingħajr karti għad-dwana u l-kummerċ, inkluża tieqa waħda għas-sottomissjoni tad-data. Faċilitajiet moderni tat-traċċar se jkunu fundamentali biex dan ikun possibbli[13]. It-tbaħħir se jibqa’ fi żvantaġġ meta mqabbel ma' mezzi oħra tat-trasport. Bastiment li jivvjaġġa bejn żewġ portijiet ta’ l-UE huwa suġġett għal proċeduri aktar kumplessi u dewwiema minn dawk għal trakk, minħabba li għadu ma jeżistix suq intern reali għat-trasport bil-baħar fl-Ewropa. Sabiex jiġi żblukkat il-potenzjal sħiħ ta’ l-industrija Ewropea tat-tbaħħir, dan l-iżvantaġġ tat-trasport marittimu mqabbel mal-mezzi l-oħra għandu jiġi eliminat permezz ta' simplifikazzjoni tal-formalitajiet amministrattivi u doganali għal servizzi marittimi intraUE. Kif imħabbar fil-Politika Marittima Integrata ta’ l-Unjoni[14] u r-Reviżjoni ta’ Nofs it-Terminu tal- White Paper dwar il-Politika tat-Trasport[15], il-Kummissjoni se tippreżenta proposta leġiżlattiva dwar il-ħolqien ta’ Spazju Ewropew tat-Trasport Marittimu mingħajr Ostakli fl-2008. Il-Kummissjoni pproponiet il-ħolqien ta’ ambjent mingħajr karti għad-dwana u l-kummerċ, inkluża tieqa waħda għas-sottomissjoni tad-data. Kif imħabbar fil-Politika Marittima Integrata ta’ l-Unjoni u r-Reviżjoni ta’ Nofs it-Terminu tal-White Paper dwar il-Politika tat-Trasport, il-Kummissjoni se tippreżenta proposta leġiżlattiva dwar il-ħolqien ta’ Spazju Ewropew tat-Trasport Marittimu mingħajr Ostakli fl-2008. 3.2. L-iżvilupp ta’ approċċ marittimu-e Lil hinn mit-tbaħħir fil-qosor, it-trattament amministrattiv ta’ bastiment għandu bżonn jitjieb. Għandhom ikunu żviluppati twieqi uniċi minn fejn il-passaġġ tad-dokumenti u l-kontrolli jistgħu jkunu kkoordinati mill-amministrazzjonijiet rilevanti. It-titjib fil-komunikazzjonijiet bejn il-bastiment u l-art, il-kuntatti ma’ l-aħħar port u s-softwer għal-loġistika tal-port li jinvolvu lill-partijiet interessati mis-settur pubbliku u dak privat, għandhom iwasslu għall-iżvilupp ta’ sistemi integrati tal-port. Dawn għandhom itejbu r-rilaxx tal-prodotti, l-ippjanar aħjar għat-trasferiment lejn it-trasport fuq l-art, tonqos il-pressjoni fuq l-ispazju fil-port, u tkun għodda ewlenija għall-baħħara, għall-bastiment, is-servizzi tal-port u l-ippjanar. Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li fl-2009 tippubblika dokument ta’ politika dwar id-dħul ta’ dan l-“marittimu-e”. Dan l-approċċ huwa direttament marbut ma’ l-“Merkanzija-e” u l-inizjattivi għaddejjin ta’ l-“Dwana-e” u għandu jibbenefika bis-sħiħ mit-Teknoloġiji ta’ l-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT). 3.3. It-titjib fil-prestazzjoni L-innovazzjoni teknoloġika ġdida marbuta mat-tagħmir tal-port, bħal krejnijiet għall-istivar awtomatiku, krejnijiet immuntati fuq il-binarji, terminals tal-kontejners awtomatizzati, u rfigħ twin u tandem se jkollhom ukoll rwol importanti biex jagħmlu l-portijiet ta’ l-Ewropa aktar effiċjenti. Il-Programmi Kwadri tal-UE għar-Riċerka, partikolarment l-FP7, jappoġġa riċerka rilevanti u innovazzjoni fl-infrastruttura u operazzjonijiet fil-portijiet. Il-kooperazzjoni bejn il-portijiet u b’mod partikolari bejn dawk li huma qrib ta’ xulxin hija apprezzata, peress li tista’ twassal, inter alia, lejn speċjalizzazzjoni fil-merkanzija jew fit-tipi ta’ bastimenti, u l-organizzazzjoni u l-ippuljar tal-faċilitajiet ta’ trasport lejn l-intern. F’bosta każi tista’ twassal ċertament għal titjib fil-produzzjoni. Fl-aħħarnett, l-effiċjenza tal-katini ta’ trasport u ċ-ċentri tagħhom bħal m’huma l-portijiet hija kruċjali għall-prestazzjoni tal-loġistika. Diġà jeżistu indikaturi għal trasport imħallat fuq il-linji tal-ferrovija, trasport bl-ajru u tbaħħir fil-qosor. Madankollu, s’issa ma teżistix sistema komuni ta’ dawn l-indikaturi fost il-modi differenti. Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li sa tmiem l-2009 flimkien mal-partijiet interessati tiżviluppa ġabra ta’ indikaturi ġeneriċi Ewropej li jippermettu aktar speċifikazzjoni f’livell lokali. 4. IL-KUNDIZZJONIJIET INDAQS – ċAREZZA GħALL-INVESTITURI, L-OPERATURI U L-UTENTI 4.1. Ir-rwol ta’ l-awtoritajiet tal-port L-organizzazzjoni tat-tmexxija ta’ port tvarja ħafna madwar il-Komunità. F’xi Stati Membri l-portijiet huma mmexxija minn entitajiet privati li huma s-sidien ta’ l-art tal-port (jew jagħmlu użu minn drittijiet simili għal dawk ta’ sid). Dawk il-portijiet huma għal kollox negozji privati. Fil-każi l-oħra – il-maġġoranza l-kbira fl-Ewropa kontinentali – il-portijiet huma mmexxija minn entitajiet jew impriżi pubbliċi. Dawk l-entitajiet, li jistgħu jissejħu ‘awtoritajiet portwali’ (irrispettivament mill-isem li għandhom skond il-liġi nazzjonali), aktar u aktar jibbenefikaw minn livell għoli ta’ awtonomija fit-teħid tad-deċiżjonijiet operattivi kif ukoll ta’ awtonomija finanzjarja mill-awtoritajiet pubbliċi. Barra minn hekk, filwaqt li xi awtoritajiet portwali jipprovdu mmaniġġjar tal-merkanzija u/jew servizzi tekniċi-nawtiċi, oħrajn jiffukaw fuq it-tmexxija u l-iżvilupp; il-Kummissjoni m’għandhiex il-ħsieb li tintervjeni biex tarmonizza dan ix-xenarju eteroġenju. Fil-fatt, huwa fil-livell nazzjonali/lokali li jista’ jitfassal l-aħjar xenarju għal ġestjoni tal-port. Madankollu, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-ħidma importanti ta’ l-awtoritajiet tal-port tista’ tintlaħaq aħjar jekk igawdu minn livell suffiċjenti ta’ awtonomija. F’dik li hija awtonomija finanzjarja, b’mod partikolari, il-Kummissjoni tfakkar li hija pre-rekwiżit biex ikun hemm allokazzjoni effiċjenti ta’ investimenti u, fl-aħħarnett, biex il-portijiet jitħallew jiżviluppaw. 4.2. Il-Finanzjament Pubbliku – It-Trasparenza Għalkemm ma jistax jingħad li hemm kompetizzjoni bejn il-portijiet kollha f’kull każ, il-kompetizzjoni bejn uħud minnhom, u l-kompetizzjoni fil-portijiet tista’ tkun sinifikanti u teħtieġ kundizzjonijiet indaqs. F’dan ir-rigward, wieħed mill-aspetti li jrid jiġi indirizzat huwa l-finanzjament pubbliku tal-portijiet. Il-Kummissjoni se tistabbilixxi qafas legali ġenerali, kif qed jitolbu l-partijiet interessati. Iċ-ċarezza fl-iffinanzjar tkun ukoll inċentiv fl-investiment fil-portijiet. Il-Kummissjoni se tadotta linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat lill-portijiet fl-2008 Barra minn hekk, informazzjoni dwar fondi li l-awtoritajiet pubbliċi jpoġġu għad-dispożizzjoni ta’ kull port għandha tkun trasparenti. Taħt id-Direttiva 2006/111, dan l-obbligu diġà jeżisti, iżda għal dawk il-portijiet biss li d-dħul tagħhom annwali huwa ’l fuq minn EUR 40 miljun fis-sena. Peress li numru kbir ta’ portijiet – uħud huma importanti ħafna għall-Istat Membru tagħhom u anki għat-trasport Ewropew kumplessivament - huma taħt dan il-livell, dan ta’ l-aħħar m’għandux japplika aktar għas-settur tal-portijiet. Il-Kummissjoni qed tippjana li tieħu miżuri biex testendi għall-portijiet merkantili kollha d-dispożizzjonijiet dwar it-trasparenza tad-Direttiva 2006/111/KE, irrispettivament mid-dħul annwali tagħhom. Dan għandu jippermetti li jkun hemm stampa sħiħa tal-flussi finanzjarji mingħand l-awtoritajiet pubbliċi ta’ l-Istati Membri lejn il-portijiet. 4.3. Il-Konċessjonijiet fil-Portijiet F’bosta każi l-aċċess għall-art tal-port hija pre-kondizzjoni għall-għoti ta’ servizzi ta’ mmaniġġjar tal-merkanzija. Dawn is-servizzi jistgħu jkunu bbażati fuq arranġamenti legali differenti. Jistgħu jingħataw direttament mill-awtoritajiet portwali jew minn partijiet terzi, bħal konċessjonarji. S’issa m’hemm l-ebda leġiżlazzjoni sekondarja Komunitarja dwar konċessjonijiet ta’ servizzi fis-settur tal-portijiet jew faċilitajiet oħrajn ta’ terminal[16]. Il-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha dwar il-konċessjonijiet ta’ l-2000[17] enfasizzat li “dan ma jfissirx li l-konċessjonijiet mhumiex soġġetti għar-regoli u l-prinċipji tat-Trattat". B’mod partikolari, il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, meta Stati Membri jagħtu konċessjonijiet ta’ servizz, li mhumiex koperti mid-Direttiva dwar ix-xiri pubbliku, l-awtoritajiet pubbliċi huma marbutin b’obbligu ta’ trasparenza li jimplika li l-inizjattiva tagħhom hija ppubbliċizzata kif xieraq, li l-proċedura ssir bil-ħaqq u ma tkunx diskriminatorja u li tkun tista’ tiġi kkontrollata. Dan l-obbligu ta’ trasparenza jikkonsisti f’li jkun żgurat, għall-benefiċċju ta’ kull offerent potenzjali, livell ta’ pubbliċità suffiċjenti biex il-konċessjoni tkun tista’ tinfetaħ għall-kompetizzjoni u li l-imparzjalità tal-proċedura ta’ l-għażla tkun tista’ tiġi kkontrollata[18]. Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-obbligu t’hawn fuq japplika meta l-awtoritajiet ta’ Stati Membri jiddeċiedu li jafdaw lil parti terzi b’parti ta’ l-art tal-port għall-għoti ta’ servizzi ta’ mmaniġġjar ta’ merkanzija. L-obbligu tar-rispett tat-trasparenza ma jċaħħaddx lill-awtoritajiet tal-port milli jistabbilixxu kriterji ta’ l-għażla li jirrifletti l-istrateġija kummerċjali u l-politika ta’ żvilupp ta’ port partikolari li tkun il-bażi ta’ l-għoti tal-konċessjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni fissret f'Komunikazzjoni interpretattiva li l-obbligu tat-trasparenza mislut direttament mit-Trattat KE japplika biss għall-għoti ta’ kuntratt li jkollhom rabta biżżejjed ma’ l-operat tas-Suq Intern, u li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li f’każijiet individwali, minħabba ċirkostanzi speċjali, bħal fejn ikun involut interess ekonomiku tassew modest, għoti ta’ kuntratt ma jkun ta’ l-ebda interess għall-operaturi ekonomiċi li jinstabu fi Stati Membri oħra[19]. Dwar it-tul tal-konċessjonijiet, kif diġà ġie ppreċiżat fil-komunikazzjoni msemmija dwar il-konċessjonijiet, id-dewmien tagħhom għandu jiġi stabbilit biex ma tiġix limitata l-kompetizzjoni miftuħa lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex l-investiment ikun infeda u jkun hemm dħul raġonevoli fuq il-kapital investit, waqt li jinżamm riskju inerenti fl-isfruttament mill-konċessjonarju[20]. Wieħed għandu jinnota li, fejn konċessjoni tiskadi, it-tiġdid jitqies ekwivalenti għal għoti ta' konċessjoni ġdida, u għalhekk kopert bil-prinċipji stipulati hawn fuq[21]. Il-Kummissjoni tqis li dispożizzjonijiet li jistgħu jiddaħħlu fi ftehimiet ta’ konċessjonijiet li jimmiraw li jiżguraw li l-kundizzjonijiet tal-konċessjoni huma rispettati u li jħarsu l-interessi leġittimi tal-portijiet u tal-komunitajiet lokali, partikolarment rigward il-kwalità komplessiva u l-prestazzjoni tas-servizzi tal-port, huma aċċettabbli, kemm-il darba ma jiksrux ir-regoli tat-Trattat jew il-leġiżlazzjoni tal-Komunità. Hemm il-ħtieġa ta’ kjarifika dwar id-drittijiet tal-ħaddiema f’każ ta’ trasferiment ta’ attività wara proċedura ta’ għażla Jekk impriża tieħu f’idejha ċerti attivitajiet li qabel kienu jsiru minn impriża oħra, bħala konsegwenza ta’ aġġudikazzjoni ta’ konċessjoni jew ta’ kuntratt pubbliku, id-Direttiva 2001/23/KE[22] tista’ tapplika[23]. Tabilħaqq, biex "trasferiment" skond it-tifsira tad-Direttiva jseħħ, iridu jintlaħqu żewġ kundizzjonijiet: a) min iħaddem irid ikun inbidel; u b) l-entità trasferita trid tibqa’ żżomm l-identità tagħha. Iż-żamma ta’ l-identità hija identifikata kemm bit-tkomplija min-naħa ta’ min iħaddem il-ġdid ta’ l-istess attivitajiet u billi jibqgħu l-istess ħaddiema, maniġment u mudelli organizzattivi. Dawn huma, madankollu, sempliċi fatturi waħdanin f’valutazzjoni komplessiva li għandha ssir u għalhekk m’għandhomx ikunu kkkunsidrati b’mod iżolat[24]. Jekk dawk ir-rekwiżiti jintlaħqu fil-każ ta’ proċedura ta’ offerta jew tal-privatizzazzjoni ta’ servizzi fil-port, id-Direttiva 2001/23/KE għandha tapplika. 4.4. Is-servizzi tekniċinawtiċi Is-servizzi tekniċi-nawtiċi huma l-pilotaġġ, l-irmonk u l-irmiġġ. Spiss dawk is-servizzi huma marbutin mas-sikurezza fil-portijiet. Din ir-rabta hija ferm ikbar fil-każ tal-pilotaġġ u l-irmonk milli hija fil-każ ta’ l-irmiġġ. Dawn l-attivitajiet jistgħu jingħataw kemm mill-amministrazzjoni pubblika kif ukoll jistgħu jikkostitwixxu servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali. F’dan l-isfond, għandu jiġi mfakkar li skond l-Artikolu 86(2) tat-Trattat, impriżi fdati b’ħidma ta’ interess ekonomiku ġenerali huma soġġetti għar-regoli tat-Trattat dwar il-kompetizzjoni u s-suq intern sakemm l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma ċċaħħadhomx milli jwettqu b’mod effettiv il-ħidma tagħhom. F’dan il-kuntest, skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, il-mezzi użati biex tintlaħaq il-missjoni ta’ l-interess ġenerali tista’ tillimita biss il-libertajiet tas-suq intern sal-limitu meħtieġ biex ikun garantit it-twettiq tal-missjoni[25]. Fl-istat attwali tal-liġi u tal-ġurisprudenza tal-Komunità, il-prinċipju tat-Trattat dwar il-libertà ta’ l-istabbiliment japplika għas-servizzi tekniċi-nawtiċi. Monopolji legali għas-servizzi tekniċi-nawtiċi jistgħu jaqbżu fuq din il-libertà u, f’dawn il-każi, jistgħu jkunu ġġustifikati biss għaliex huma meħtieġa u proporzjonali għall-għoti tas-servizz imsemmi. F’dawk il-każi għandha ssir proċedura trasparenti għall-għażla ta’ l-operatur. Dan ir-rekwiżit ikun sodisfatt jekk tkun ngħatat pubbliċità adegwata madwar l-Ewropa kollha għall-proċedura ta’ għażla u l-imparzjalità tal-proċedura ta’ l-għażla tkun tista’ tiġi kkontrollata. M’għandhomx jingħataw drittijiet esklussivi għall-perjodi eċċessivi, filwaqt li titqies il-ħtieġa li jkun żgurat dħul raġjonevoli fuq il-kapital investit, filwaqt li jinżamm riskju inerenti fl-għoti tas-servizz. Dwar il-pilotaġġ, b’mod partikolari, il-Kummissjoni tikkunsidra li għandhom jingħataw eżenzjonijiet mill-pilotaġġ obbligatorju lill-utenti frekwenti, meta s-sikurezza tkun żgurata, minħabba li dan inaqqas l-ispejjeż tat-trasport marittimu u jsir aktar attraenti, b’mod partikolari t-tbaħħir fil-qosor. Għandha titqies l-innovazzjoni teknoloġija meta dan jiġi vvalutat. F’dan ir-rigward, il-pilotaġġ mill-bogħod, ’il quddiem jista’ jsir alternattiva ta’ valur, li għandha tkun żviluppata fil-qafas ta’ l-e-marittimu. Għandu jsir punt ieħor għall-għoti ta’ servizzi ta’ rmiġġ. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-restrizzjonijiet għall-għoti b’xejn ta’ dan is-servizz tista’ tkun iġġustifikata[26]. Għandu jiġi nnutat, madankollu, li, anki f’dan il-każ, restrizzjonijiet fl-għoti tas-servizz mhumiex neċessarjament dejjem indispensabbli. Fejn l-għoti b’xejn ta’ rmiġġ mhux f’qagħda li jimmina l-mudell tas-servizz universali – dan jista’, pereżempju, ikun il-każ f’portijiet kbar b’bosta terminals - l-aċċess b’xejn għal din l-attività għandu jkun żgurat[27]. 4.5. L-immaniġġjar tal-merkanzija L-immaniġġjar tal-merkanzija fl-aħħar snin evolva ħafna. Sar servizz ibbażat fuq l-użu ta’ teknoloġiji avvanzati u llum jinvolvi ferm inqas xogħol. Anke r-rwol tiegħu żviluppa, flimkien mar-rwol tal-portijiet, bibien fil-katina tal-loġistika u mhux biss il-punti ta’ bidu u tmiem ta’ kummerċ marittimu. L-immaniġġjar tal-merkanzija jitwettaq skond xenarji differenti madwar il-Komunità u anki fi ħdan Stat Membru wieħed. Il-ħaddiema tal-port huma spiss impjegati direttament mill-operaturi tat-terminal, filwaqt li f’xi portijiet ikunu mqabbda permezz ta’ " pools ", entitajiet responsabbli mill-ingaġġ u t-taħriġ tal-ħaddiema tal-port. Bħall-immaniġġjar tal-merkanzija b’mod ġenerali, l-arranġamenti ta’ l-ippuljar jistgħu jkunu differenti ħafna minn Stat Membru għal ieħor. Barra minn hekk, jistgħu jkunu bbażati fuq leġiżlazzjoni nazzjonali jew lokali jew irregolati għal kollox minn prattiċi lokali. Ir-regoli tat-Trattat dwar il-libertà ta’ l-istabbiliment u l-għoti tas-servizzi jistgħu japplikaw bis-sħiħ għall-attivitajiet imwettqa mill-pools. Il-pools spiss jipprovdu taħriġ tajjeb lill-ħaddiema u huma għodda effiċjenti għal min iħaddem. Madankollu, dawn l-arranġamenti m’għandhomx jintużaw biex iċaħħdu individwi kkwalifikati tajjeb jew impriżi milli jipprovdu servizzi ta’ mmaniġġjar ta’ merkanzija, jew jimponu, fuq min iħaddem, ħaddiema li m’għandux bżonn, peress li dan taħt ċerti ċirkustanzi jista’ jmur kontra r-regoli tat-Trattat dwar is-Suq Intern, u b’mod partikulari ta’ l-Artikolu 43 dwar il-libertà ta’ l-istabbiliment u l-Artikolu 49 dwar il-libertà ta’ l-għoti ta’ servizzi. 4.6. Il-ħlasijiet lill-portijiet Meta jintużaw il-portijiet, is-sidien tal-bastimenti jridu jħallsu diversi tariffi, uħud għall-użu tal-port innifsu, oħrajn għal servizzi li jingħataw mill-operaturi tat-terminal, il-piloti, l-operaturi ta’ l-irmonk, min jirmiġġa, eċċ. Twieqi waħdanin għall-kontijiet iħaffu l-operazzjonijiet ta’ l-utenti. Hawn taħt se jiġu ttrattati biss fil-qosor it-tariffi mitluba għall-użu ta’ l-infrastruttura ġenerali tal-port ("ħlasijiet dovuti lill-port"). Il-ħlasijiet lill-port u tariffi anċillari oħra possibbli llum f’ħafna każi huma pubblikament disponibbli, partikolarment bl-internet. Dan huwa fl-interess tal-portijiet stess. Il-problema hija li, għalkemm disponibbli, dawk it-tariffi xi kulltant mhumiex ċari għall-klijenti u diffiċli ħafna biex fil-prattika jiġu kkalkulati. Il-Kummissjoni tinsisti fuq il-ħtieġa ta’ aktar ċarezza fuq il-partijiet differenti li jiffurmaw il-ħlasijiet tal-portijiet, kif ukoll iktar trasparenza fir-relazzjoni tagħhom ma’ l-ispejjeż rilevanti. Kriterji qodma fil-kalkolu tat-tariffi li jiddiskriminaw kontra l-bastimenti użati għat-tbaħħir fil-qosor għandhom jingħelbu. Dan huwa minnu wkoll għas-servizzi kollha pprovduti lilhom. Il-Kummissjoni se tgħin fit-tixrid ta’ l-aqwa prassi dwar it-trasparenza fit-tariffi tal-port. It-tariffi tal-port jistgħu jkunu wkoll strument ta’ politika biex ikun inkoraġġit l-użu ta’ bastimenti li jniġġsu anqas kif diġà stabbilit fid-Direttiva 2000/59/KE, il-Kummissjoni hija favur ta’ dan l-approċċ sostenibbli. 4.7. Il-kompetizzjoni ma’ pajjiżi terzi Il-kompetizzjoni mal-portijiet ta’ l-Istati Membri minn portijiet ta’ pajjiżi terzi hija tħassib muri minn xi portijiet Ewropej. Dan huwa partikolarment il-każ ta’ xi portijiet ta’ l-UE qrib portijiet li mhumiex ta’ l-UE, kif ukoll b’rabta maċ-ċentri. Livelli iktar baxxi ta’ restrizzjonijiet ambjentali u ta’ regoli soċjali, dumping fiskali, l-iffinanzjar pubbliku għall-kollegamenti interni, prassi tariffarji diskriminatorji għall-użu ta’ kollegamenti interni, jistgħu jgħawġu l-kompetizzjoni ġusta u jheddu l-kontinwità ta’ l-attivitajiet ta’ tbaħħir internazzjonali f’partijiet differenti ta’ l-UE. Id-djalogu permanenti bejn l-UE u r-Russja dwar it-trasport huwa xempju ta’ forum li jippermetti li jiġu indirizzati kwistjonijiet bħal dawn. Ftehimiet bilaterali dwar il-kummerċ marittimu kif kien ġie konkluż maċ-Ċina jew oħrajn huwa eżempju ieħor kif dawk il-kwistjonijiet jistgħu jiġu trattati attivament. Il-kooperazzjoni ma’ dawk il-pajjiżi ġirien għandha tkun inkoraġġita u mmexxija mill-bżonn li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet armonjużi tal-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni se tagħmel inventarju tal-problemi li nstabu bil-għan li jkunu indirizzati fir-relazzjonijiet esterni tal-Komunità meta jkun hemm bżonn. 5. IT-TWAQQIF TA’ DJALOGU STRUTTURAT BEJN IL-PORTIJIET U L-IBLIET Ir-relazzjoni bejn l-ibliet u l-portijiet tagħhom tibqa’ waħda ta’ interdipendenza u għandha titmexxa b’viżjoni u ppjanar strateġiku fit-tul. Huwa għalhekk importanti kemm għall-port kif ukoll għall-belt li jsaħħu r-rabta ta’ bejniethom. Il-promozzjoni ta’ l-immaġni tal-portijiet Ewropej u l-għoti ta’ aktar aċċess pubbliku fihom huma temi li prinċipalment għandhom jitħallew f’idejn il-portijiet infushom, ir-reġjuni u l-Istati Membri. Madankollu, il-Kummissjoni se teżamina kif se tikkoopera ma’ u tkabbar il-kooperazzjoni bejn dawk l-awtoritajiet u l-partijiet interessati bil-għan li titjieb l-immaġni tal-portijiet u l-integrazzjoni ma’ l-ibliet "tagħhom". Dan jista’ jsir fil-livell ta’ ppjanar tal-belt, pereżempju f’dik li hija l-offerta ta’ trasport kollettiv – iżda anki billi jkunu organizzati festi fil-portijiet, open days, jew attivitajiet simili. Għandna nippruvaw nirrikkonċiljaw l-attività tal-port mal-kultura, mat-turiżmu marbut mal-baħar u l-iżvilupp tal-belt b’mod ġenerali. Hemm ukoll il-bżonn li tkun imħarsa l-identità marittima ta’ l-Ewropa, qasam fejn il-portijiet jista’ jkollhom rwol konsiderevoli peress li servew għal sekli sħaħ bħala punti nodali mhux biss għat-trasport iżda anki bħala post fejn iltaqgħu ċiviltajiet differenti. Dan il-proċess għandu wkoll jgħin biex il-portijiet jiġu integrati aħjar fl-ibliet u fil-ħajja fil-belt. Il-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha dwar il-politika marittima integrata pproponiet l-għażla ta’ jum marittimu Ewropew li jniedi ġimgħa ta’ avvenimenti mmirati li jżidu l-viżibbiltà u jtejbu l-immaġni tas-settur marittimu. Hija tixtieq li tipproponi wkoll open day tal-portijiet Ewropej matul dik il-ġimgħa li toffri l-okkażjoni lill-pubbliku ġenerali li jivvaluta, u jifhem aħjar ix-xogħol komunitarju tal-port. Se teżamina sorsi possibli ta’ finanzjament biex, bl-allokazzjonijiet eżistenti, jiġi appoġġat it-titjib ta’ l-integrazzjoni tal-portijiet ma’ l-ibliet. Żewġ aspetti speċifiċi marbutin mar-relazzjoni bejn il-portijiet u l-ibliet huma partikolarment rilevanti mill-prospettiva tal-Komunità: l-ambjent u s-sigurtà. Fil-fatt, waħda mir-raġunijiet għaliex il-portijiet huma spiss ikkritikati mill-komunità lokali hija l-impatt tagħhom fuq il-konġestjoni u l-ambjent. Diġà ġie indikat aktar ’il fuq li ż-żieda possibbli ta’ konġestjoni fl-inħawi qrib il-port għandha tkun ivvalutata sew meta jsir l-ippjanar ta’ l-iżvilupp tal-port u li għandhom isiru sforzi mill-portijiet u l-industrija marittima biex jitnaqqas it-tniġġis iġġenerat mill-bastimenti fil-portijiet. F’dik li hija sigurtà, il-ħarsien kontra t-terroriżmu u l-kriminalità għamel iż-żoni tal-portijiet inqas aċċessibbli milli kienu ftit tas-snin ilu, u b’hekk naqsu l-possibbiltajiet għan-nies li jkunu f’kuntatt mill-qrib max-xogħol ta’ kuljum ta’ port. . Fil-kuntest tax-xogħol kontinwu fuq is-sigurtà marittima u portwali, il-Kummissjoni tikkunsidra l-valutazzjoni ta’ l-impatt tal-miżuri ta’ sigurtà u tipprovdi gwida dwar kif issir rikonċiljazzjoni bejn il-ħtieġa għal miżuri ta’ sigurtà sodi u livell ekwu ta’ ftuħ u aċċessibbiltà fiż-żoni portwali. Ir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà marittima u portwali se tagħti l-opportunità biex issir valutazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ aċċess fil-portijiet u biex ikun eżaminat l-iżvilupp ta’ mudell Ewropew għal kards ta’ aċċess għal użi differenti. 6. IX-XOGħOL FIL-PORTIJIET 6.1. Djalogu Fil-portijiet Ewropej hemm arranġamenti differenti dwar is-servizz tal-burdnara. Il-Kummissjoni tqis li djalogu bejn il-partijiet interessati jista’ jikkontribwixxi ħafna biex il-partijiet konċernati jifhmu aħjar lil xulxin u biex ikun hemm ġestjoni tal-bidla b’suċċess. F’dan il-kuntest, id-djalogu bejn l-imsieħba soċjali jista’ jkollu rwol partikolarment b’saħħtu lejn aktar impjiegi u aħjar fis-settur tal-portijiet. Il-Kummissjoni tilqa’ kull inizjattiva li għandha l-għan li twassal għal jew tippromwovi djalogu bejn il-partijiet interessati f’livelli differenti, inklużi l-inizjattivi li diġà ttieħdu minn xi portijiet f’livell lokali li jipprovdu mudelli għall-“aqwa prassi”. L-arranġamenti reċenti konklużi bejn il-partijiet ikkonċernati kollha fil-portijiet ta’ Dunkirk u Valletta huma xempju ta’ dan. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tinkoraġġixxi djalogu soċjali strutturat f’livell Ewropew. Il-Kummissjoni se tinkoraġġixxi t-twaqqif ta’ kumitat Ewropew ta’ djalogu soċjali settorjali fil-portijiet fil-kuntest tat-tifsira tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/500/KE[28] . Jekk dan il-kumitat jitwaqqaf, il-Kummissjoni se tippromwovi kontribut attiv ta’ l-imsieħba soċjali fil-ġestjoni tal-bidla, fl-immodernizzazzjoni u aktar impjiegi u aħjar. 6.2. It-taħriġ Bħalissa m’hemm l-ebda regoli speċifiċi tal-Komunità dwar it-taħriġ għall-ħaddiema tal-portijiet. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li t-taħriġ tal-ħaddiema tal-port sar ta’ importanza ewlenija għall-operazzjoni sigura u effiċjenti tal-portijiet. It-tagħmir tal-portijiet sar teknoloġikament avvanzat u spiss b’għodda kumplessa. Ix-xogħol fil-portijiet għalhekk żviluppa u, kif uriet il-konsultazzjoni, għandha tiġi stabbilita f’livell Komunitarju ġabra ta’ rekwiżiti komuni għat-taħriġ tal-ħaddiema tal-port. Dan għandu jtejjeb ukoll il-mobilità tal-ħaddiema tal-portijiet Ewropej permezz ta’ rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki tagħhom. F’livell Komunitarju d-Direttiva 89/391/KEE[29] (Direttiva ta’ "Qafas") tistabbilixxi r-regoli dwar is-sikurezza u s-saħħa marbutin mat-taħriġ tal-ħaddiema li japplikaw bis-sħiħ għal xogħol fil-portijiet. F’dan ir-rigward, id-Direttiva 89/391/KEE tistabbilixxi r-responsabbiltajiet ta’ min iħaddem biex jiżgura li kull ħaddiem jirċievi taħriġ dwar aspetti ta’ sikurezza u saħħa. Il-kummissjoni se tipproponi qafas li jkun rikonoxxut reċiprokament dwar it-taħriġ ta’ ħaddiema tal-port f’oqsma differenti ta’ attivitajiet portwali. 6.3. Is-Saħħa u s-Sikurezza fuq ix-Xogħol Fil-livell ta’ l-Unjoni Ewropea, ir-regoli ġenerali għall-ħarsien tas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema fuq ix-xogħol huma stabbiliti fid-Direttiva ta’ “Qafas” hawn fuq imsemmija, li ġiet supplementata b’19-il Direttiva individwali li jkopru setturi u riskji speċifiċi. Bosta minn dawn id-direttivi huma rilevanti għal xogħol fil-portijiet. Rispett totali u infurzar ta’ dawn ir-regoli huwa kruċjali biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Barra minn hekk, fi Frar 2007 il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni[30] inter alia li tinkoraġġixxi kultura ta’ prevenzjoni tar-riskju fuq ix-xogħol li kienet appoġġjata b’riżoluzzjoni tal-Kunsill[31]. Bħal kull ambjent ta’ xogħol ieħor, il-portijiet huma koperti b’din il-komunikazzjoni. Għandu jkun innutat li numru kbir ta’ inċidenti fuq ix-xogħol inklużi dawk fatali[32] għadhom iseħħu fil-portijiet. Il-Kummissjoni se timmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni fil-portijiet tar-regoli tal-Komunità dwar is-sikurezza u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol. Il-Kummissjoni se ssegwi wkoll mill-qrib il-ġbir korrett ta’ l-istatistika marbuta ma’ l-inċidenti skond il-metodoloġiji ESAW [33] u EODS [34] stabbiliti mill-Kummissjoni (EUROSTAT[35]). III. KONKLUżJONI Bħala parti mit-trasport marittimu Ewropew din il-komunikazzjoni tipprovdi qafas u għadd ta’ azzjonijiet relatati li għandhom jitwettqu, inkluż djalogu u interpretazzjonijiet wesgħin li jiċċaraw ir-regoli rilevanti tal-Komunità. Hija se tgħin biex ikunu kkonċentrati l-isforzi sabiex il-portijiet ta’ l-Ewropa jkunu jistgħu jħabbtu wiċċhom ma’ l-isfidi ta’ għada, jiġbdu investiment ġdid u jikkontribwixxu bis-sħiħ għall-iżvilupp ko-modali. Il-Kummissjoni tappella lill-partijiet kollha interessati fil-qasam pubbliku u dak privat biex jappoġġjaw dan l-approċċ u jħarsu ’l quddiem għat-tkomplija tad-djalogu biex ikun żgurat l-aktar żvilupp armonjuż tal-portijiet ta’ l-UE. [1] COM(2006)314. [2] COM(2007)575. [3] L-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) 680/2007. [4] COM(2007)1. [5] Id-Direttiva 92/43/ KEE. [6] Id-Direttiva 79/409/ KEE. [7] Id-Direttiva 2000/60/KE. [8] Id-Direttiva 99/31/KE. [9] COM(2006) 846 u SEC(2007) 1283. [10] Ara COM(2007) 575 u SEC(2007) 1278. [11] Ara COM(2007) 575. [12] Ara http://www.marnis.org [13] COM(2005)608. [14] COM(2007)575. [15] COM(2006)314. [16] L-Artikolu 18 tad-Direttiva 2004/17/KE u l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2004/18/KE. [17] Il-Komunikazzjoni interpretattiva tal-Kummissjoni dwar il-konċessjonijiet taħt il-liġi tal-Komunità (2000/C 121/02). [18] Is-Sentenza tal-Qorti tas-7 ta’ Diċembru 2000, Telaustria, Każ C-324/98, il-Punti 60 u 62, u s-Sentenza tal-Qorti tat-13 ta’ Ottubru 2005, Parking Brixen, Każ C-458/03, il-Punt 49. [19] Il-Komunikazzjoni interpretattiva tal-Kummissjoni dwar il-liġi Komunitarja applikabbli għall-għoti ta’ kuntratti mhux, jew mhux kompletament, suġġetti għad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi dwar l-Akkwist Pubbliku, C 179, 01/08/2006, p.2-7. [20] Ara l-Komunikazzjoni dwar il-konċessjonijiet (2000/C 121/02), Paragrafu 3.1.3. [21] Ara 2000/C 121/02, il-paragrafu 2.4. [22] Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE. [23] Il-punt 3.2.1.2 tal-COM(2001) 566. [24] Ta’ min ifakkar li f’każ ta’ tibdil ta’ kuntrattur il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li l-assi tanġibbli akkwistati mill-kuntrattur il-ġdid ma kienux jappartjenu lill-predeċessur tiegħu iżda ġew provduti mill-awtorità li tat il-kuntratt ma jistax jipprekludi l-eżistenza ta’ trasferiment ta’ impriża skond it-tifsira tad-Direttiva (Is-Sentenza tal-Qorti. Abler, il-Każ C-340/01 ECR I-14023). [25] Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Is-servizzi ta’ interess ġenerali fl-Ewropa, C 017, 19/01/2001 p. 4. Punt 23. [26] Sentenza tal-Qorti, Corsica Ferries, il-Każ C-266/96. [27] Ara s-Sentenza tal-Qorti, Paul Corbeau, il-Każ C-320/91. il-punti 18 u 19. [28] Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/500/KE [29] Id-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE, l-Artikolu 12. [30] COM(2007)62. [31] Ir-riżoluzzjoni tal-Kunsill 2007/C 145/01. [32] Tliet inċidenti fatali matul is-sitt xhur tal-proċess ta’ konsultazzjoni. [33] ESAW tfisser "Statistika Ewropea ta’ l-Inċidenti fuq ix-Xogħol". [34] EODS tfisser "Statistika Ewropea tal-Mard Okkupazzjonali". [35] Cf. COM(2007) 46.