52007DC0609




MT

Brussel 18.10.2007

KUMM(2007) 609 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-monitoraġġ ta' l-iżvilupp tas-suq ferrovjarju

{SEC(2007)1323}

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-monitoraġġ ta' l-iżvilupp tas-suq ferrovjarju

I. Daħla

1. Fl-aħħar snin, il-ferroviji fl-Unjoni Ewropea għaddew minn bidliet sinifikanti li waslu, fil-biċċa l-kbira, minħabba inizjattivi meħuda fuq livell Ewropew. Tliet pakketti ta’ miżuri, mibdija fl-2001, ġew adottati bil-għan li progressivament jiftħu s-suq tal-ferroviji u jkabbru l-armonizzazzjoni teknika u operattiva fl-oqsma ta’ l-interoperabilità u s-sigurtà ferrovjarja sabiex tinħoloq Żona Ferrovjarja Ewropea (ara l-Anness 1 [1]).

2. Deskrizzjoni dettaljata tal-qafas regolatorju u istituzzjonali stabbilit mill-ewwel wieħed minn dawn il-pakketti, flimkien ma’ analiżi ta’ l-impatt tiegħu fuq is-suq tat-trasport ferrovjarju, ingħataw fir-rapport ta’ Mejju 2006 mill-Kummissjoni [2]. Din ir-reviżjoni ulterjuri ta’ l-iżvilupp tas-suq ferrovjarju tibni fuq ir-riżultati ta’ dan ir-rapport.

3. Il-monitoraġġ kontinwu tas-suq ferrovjarju huwa meħtieġ sabiex jivvaluta l-influwenza li qed teżerċita fuq is-suq ferrovjarju l-medda sħiħa ta’ miżuri politiċi Ewropej, u biex jgħin fit-tfassil ta’ miżuri politiċi ġodda li jwieġbu għall-ħtiġijiet kurrenti u futuri tas-settur ferrovjarju.

4. Fl-2001 il-leġiżlazzjoni ferrovjarja tal-Komunità [3] diġà kienet teħtieġ li l-Kummissjoni Ewropea tagħmel monitoraġġ tal-kundizzjonijiet tekniċi u ekonomiċi tas-suq tat-trasport ferrovjarju fl-UE. Imponiet ukoll id-dmir lill-Kummissjoni li tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar, fost l-oħrajn, l-iżvilupp tas-suq intern fis-servizzi ferrovjarji, il-kundizzjonijiet ta’ qafas, il-qagħda ta’ l-infrastruttura u l-użu tad-drittijiet ta’ l-aċċess.

5. Fl-aħħarnett, il-ħtieġa li s-suq ferrovjarju jiġi mmonitorjat permezz ta’ punteġġi għall-indikaturi l-aktar rilevanti fuq is-suq intern għas-servizzi tat-trasport ferrovjarju, b’mod partikolari fuq il-ftuħ progressiv għall-kompetizzjoni nazzjonali u internazzjonali, reġgħet ġiet affermata fir-Reviżjoni Intermedja 2006 tal-White Paper dwar it-Trasport [4].

6. Il-Komunikazzjoni dwar il-monitoraġġ ta' l-iżvilupp tas-suq ferrovjarju twieġeb għal din il-ħtieġa. Tipprovdi l-ewwel analiżi statistika ta’ l-iżvilupp tas-suq ferrovjarju u tqiegħed is-sisien għar-rappurtar regolari.

II. Skema ta' Monitoraġġ tas-Suq Ferrovjarju

7. Sabiex jintlaħqu r-rekwiżiti tal-monitoraġġ, fl-2001 il-Kummissjoni waqqfet Skema ta’ Monitoraġġ tas-Suq Ferrovjarju (RMMS) li kienet tikkonsisti fil-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar aspetti tas-swieq ferrovjarji fuq il-websajt [5] tad-Direttorat-Ġenerali għall-Enerġija u t-Trasport. Din l-informazzjoni tiġi aġġornata u estiza regolarment, sabiex tħadden medda dejjem usa’ ta’ indikaturi ta’ l-iżvilupp tas-suq.

8. Il-Kummissjoni tiġi assistita fil-ħidmiet ta’ monitoraġġ tagħha minn Grupp ta' Ħidma magħmul minn esperti mill-ministeri nazzjonali u l-industrija ferrovjarja. Bejn l-2001 u l-2007, inżammu tmintax-il laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma RMMS.

9. Din ir-reviżjoni hija bbażata fuq l-analiżi mressqa mill-membri tal-Grupp ta’ Ħidma RMMS, sorsi statistiċi disponibbli lill-Kummissjoni Ewropea, studji reċenti [6] u r-rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ l-ewwel pakkett ferrovjarju (ara fuq).

10. Tiffoka partikolarment fuq:

– il-qafas regolatorju u istituzzjonali maħluq bil-għan li jiġi lliberalizzat is-suq ferrovjarju u tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-ferroviji bħala mod ta’ trasport sigur u li ma jagħmilx ħsara lil-ambjent;

– l-iżvilupp ta’ suq ferrovjarju f’termini ta’ prestazzjoni tat-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri, tqabbil intermodali u indikaturi tal-ftuħ tas-suq.

– il-prestazzjoni finanzjarja tas-settur, inkluża informazzjoni dwar il-kapaċità, il-progress milħuq u r-rata ta’ utilizzazzjoni ta’ l-infrastruttura ferrovjarja u dwar l-iżvilupp ta’ l-industrija tal-forniment.

11. Għandu jiġi rikonoxxut li, minħabba n-nuqqas ta’ tagħrif kwantitattiv, dan l-istħarriġ tal-kundizzjonijiet tas-suq ma jistax ikopri ċerti aspetti speċifiċi tas-swieq ferrovjarji, bħall-bażi ta’ l-attivi ta’ l-impriżi ferrovjarji (il-materjal mobbli) jew fatturi intanġibbli bħat-taħriġ tal-persunal.

III. L-Implimentazzjoni tal-Qafas Ġuridiku u Istituzzjonali

12. L-Istati Membri kollha b’netwerks ferrovjarji implimentaw formalment id-Direttivi fl-ewwel pakkett ferrovjarju (ara l-Annessi 2a u 2c). Madankollu, id-dewmien fit-traspożizzjoni ġiegħel lill-Kummissjoni tiftaħ 56 proċedura ta’ ksur, li 12 minnhom irriżultaw f’sentenzi tal-qrati (ara l-Anness 3a). Il-miżuri nazzjonali ta’ implimentazzjoni għal ċerti dispożiżżjonijiet ewlenin tal-pakkett qegħdin jiġu eżaminati bħalissa [7].

13. Billi xi Stati Membri ttrasponew parzjalment biss it-tieni pakkett ferrovjarju fil-liġi nazzjonali tagħhom (ara l-Annessi 2b u 2c), il-Kummissjoni ddikjarat 55 proċedura ta’ ksur oħra, li 18 minnhom spiċċaw irreferuti l-Qorti. Ħamsa minn dawn il-każi diġà ġew irtirati minħabba n-notifika finali tal-miżuri ta' implimentazzjoni, iżda t-13 l-oħra għadhom pendenti (ara l-Anness 3b).

14. L-istituzzjonijiet kollha rikjesti mill-ewwel pakkett ferrovjarju u t-tieni pakkett ferrovjarju diġà ġew stabbiliti fl-Istati Membri. Jinkludu kumpaniji u korpi nazzjonali inkarigati mill-allokazzjoni tal-kapċità, entitajiet responsabbli għall-ħruġ tal-liċenzji, korpi regolatorji, awtoritajiet tas-sigurtà nazzjonali, korpi ta’ investigazzjoni u korpi notifikati (ara l-Annessi 4, 5, 6 u 7).

15. Ta’ min jgħid li, fil-każ tal-korpi regolatorji, it-tagħrif dwar l-għadd tal-persunal li qed jitratta kwistjonijiet regolatorji u l-għadd ta’ lmenti ttrattati fl-2005 jitfa’ xi dubji fuq il-kapaċità amministrattiva tagħhom.

16. Analiżi fil-fond tat-traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-interoperabilità u s-sigurtà qegħda titwettaq bħalissa. Skond is-sejbiet inizjali, l-implimentazzjoni tad-Direttivi dwar is-Sigurtà u l-Interoperabilità jidhru mhux kompluti għal xi pajjiżi li ġa ttrasponewhom formalment. Barra minn hekk, id-dewmien fit-traspożiżżjoni tat-tieni pakkett ferrovjarju qed jissarraf f’nuqqas ta’ ċertezza ġuridika għall-atturi tas-suq ferrovjarju. Anki jekk l-istituzzjonijiet rikjesti minn dan il-pakkett ġa ġew stabbiliti fil-pajjiżi kkonċernati, in-nuqqas ta' bażi ġuridika għall-attivitajiet tagħhom jidher li jikkostitwixxi ostaklu serju għat-tħaddim kif suppost tas-suq ferrovjarju.

IV. Il-Prestazzjoni tas-Suq ta’ l-UE tat-Trasport Ferrovjarju

IV.1. Il-pożizzjoni tat-trasport ferrovjarju mqabbel ma’ modi oħra

17. Mill-1970 il-ferrovija rat tnaqqis kostanti fis-sehem tagħha tas-suq tat-trasport tal-merkanzija, minn 20% fl-1970 (EU-15) sa 8% fl-2003 (EU-15) u 10% għall-UE-25 fl-2005 (ibbażata fuq kilometri ta’ tunellati). Tul l-aħħar deċennju, din ix-xejra ‘l isfel ma baqgħetx tirranka, bi tnaqqis ta' 2% fil-mija biss fis-sehem tas-suq ferrovjarju bejn l-1995 u l-2005 (ara l-Anness 8a).

18. Mill-modi kollha tat-trasport fuq l-art, il-ferrovija ħadet 17.4% mis-suq tal-merkanzija ta’ l-UE fl-2005, biċ-ċifra ta’ l-Istati l-Membri l-ġodda tkun aktar minn darbtejn ogħla minn dik ta’ l-UE-15 (30.9% v. 14%) (ara l-Grafika 1 u l-Anness 8c).

Grafika 1: Is-sehem tal-ferrovija mis-swieq tat-trasport tal-merkanzja fl-UE-25, l-UE-15 u l-UE-10 (1995-2005)

(...PICT...)

(...PICT...)

Sors: Eurostat, UIC, EU Energy and Transport in Figures Statistical Pocketbook 2006, stimi tad-DĠ TREN u statistika nazzjonali.

19. Bl-istess mod, fil-każ tat-trasport tal-passiġġieri, ġie osservat tnaqqis fuq l-aħħar tliet deċennji, iżda mhux daqshekk drammatiku daqs dak għall-merkanzija. Is-sehem tal-ferrovija tas-suq totali tat-trasport tal-passiġġieri naqas minn 10.2.% fl-1970 sa 6.3% fl-2003 għall-UE-15 (f'termini ta' kilometri ta’ passiġġieri). Għall-UE-25, iċ-ċifra kienet ta' 5.8% fl-2004 (ara l-Anness 8b).

20. Jekk jitqiesu biss il-modi tat-trasport bit-triq, fl-2004 it-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija kien jgħodd 65% tas-suq ta’ l-UE. Fl-UE-15, is-sehem tas-suq tal-ferrovija żamm sod b’6% fuq l-aħħar deċennju. Bil-kontra, fl-UE-10, dan is-sehem naqas bil-kbir, minn 11.2% fl-1995 għal 7.5% fl-2004 (ara l-Grafika 2 u l-Anness 8d).

Grafika 2: Is-sehem tal-ferrovija fis-swieq tat-trasport tal-passiġġieri fuq l-art fl-UE-25, l-UE-15 u l-UE-10 (1995-2004)

(...PICT...)

(...PICT...)

Sors: Eurostat, UIC, stima DĠ TREN u statistika nazzjonali

21. L-analiżi tas-sehem relattiv tal-merkanzija bil-ferrovija fis-suq tat-trasport ma tagħtix kas tal-fatt li l-ferrovija minnha nnifisha ma tistax tipprovdi servizzi bieb-bieb fuq distanzi qosra. Konsegwentament, il-metodi kurrenti għall-valutazzjoni tal-kontribut tal-modi differenti tas-servizzi tat-trasport juru biss parti mill-istampa f’dak li għandu x’jaqsam mas-sehem tas-suq tat-trasport ferrovjarju. Il-persunal tal-Kummissjoni qed jeżamina l-fattibbiltà tal-ġbir tad-dejta skond il-prestazzjoni ta’ modi tat-trasport varji skond il-klassi tad-distanza.

22. Studju pilota li sar fl-2006 dwar il-prestazzjoni skond id-distanza tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija mill-Community of European Railways (CER) u mill-International Union of Railways (UIC) fuq grupp ta’ impriżi ferrovjarji li għandhom 20% tas-suq tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija wera li s-sehem tas-suq tal-ferrovjarju mqabbel ma’ dak tat-triq huwa bil-wisq ogħla għal distanzi itwal (> 150 km = 22%, > 300/325 km = 26% u > 500 km = 30% imqabbel ma’ 19% tat-traffiku totali). Fuq distanzi li jaqbżu l-150 km, l-ispejjeż medji tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija s-soltu huma inqas minn dawk biex tittrasportaha fuq it-triq (ara l-Anness 22e).

IV.2. Xejriet fil-volumi u l-prestazzjoni tat-trasport ferrovjarju [8]

23. Wara snin ta’ tnaqqis kostanti, il-prestazzjoni tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija waqfet tonqos fl-2003 (ara l-Grafika 3) [9]. Fl-istess sena, daħal fis-seħħ l-ewwel pass għall-ftuħ tas-suq għas-servizzi internazzjonali tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija.

Grafika 3: Ix-xejriet fil-prestazzjoni tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija fl-UE-25, l-UE-15 u l-UE 10 (1970-2005)

(...PICT...)

(...PICT...)

Sors: EU Energy and Transport in Figures Statistical Pocketbook 2006 Tabella 3.2.5, Eurostat

24. Bejn l-2000 u l-2005, l-UE rat żieda sinifikanti fir-rendiment tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija fl-Istati Membri fejn impriżi ferrovjarji mhux stabbiliti ħadu l-ogħla sehem tas-suq (ara l-Anness 9 u l-Grafika 4 fejn dawk il-pajjiżi qegħdin immarkati bħal skuri).

Grafika 4: Bidla fil-prestazzjoni tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija 2000-2005

(...PICT...)

Sors: EU Energy and Transport in Figures Statistical Pocketbook 2006, Tabella 3.2.5, Eurostat

25. Fl-2005, il-merkanzija l-aktar ittrasportata bil-ferrovija (espressa f’kilometri ta’ tunellati) kienu fjuwils minerali solidi (l-aktar ittrasportati minn impriżi ferrovjarji fl-UE-15), metalli u prodotti taż-żejt (ittrasportati partikolarment minn ferrovji fl-UE-10) (ara l-Anness 11).

26. Fl-2006, il-prestazzjoni tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija fl-UE-25 żdied bi 3.7% bħala riżultat ta’ l-Istati l-Membri “l-antiki” (żieda medja ta’ 5.7%), speċjalment fil-Finlandja, il-Lussemburgu u l-Ġermanja, li kollha rreġistraw żidiet ta’ aktar minn 10%. L-akbar żieda f’termini ta’ kilometri ta’ tunellati kienet fl-ewwel kwart ta’ l-2006 imqabbel ma’ l-istess perjodu tas-sena ta’ qabel. Fl-UE-10, ġie osservat tnaqqis kumplessiv ta’ -0.5% fil-prestazzjoni tat-trasport waqt l-2006. Madankollu, fl-Ungerija (13.3%) u fir-Repubblika Slovakka (7.35), is-suq tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija żviluppa b’mod dinamiku (ara l-Anness 10).

27. Fis-settur tal-passiġġieri, wara żieda soda fil-prestazzjoni tat-trasport ferrovjarju bejn l-1970 u l-1990, fid-deċennju ta’ wara (1990-2000), ġiet osservata żieda għolja fil-pajjiżi ta' l-UE-15 akkumpajnata minn waqgħa kbira fl-UE-10 9ara l-Grafika 5). Minn dak iż-żmien ‘l hawn, il-prestazzjoni tat-trasport tal-passiġġieri UE-10 saret stabbli, u bdiet tiżdied bil-mod iżda b’mod kostanti fl-UE-15.

Grafika 5: Ix-xejriet fil-prestazzjoni tat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri fl-UE-25, l-UE-15 u l-UE 10 (1970-2005)

(...PICT...)

(...PICT...)

Sors: EU Energy and Transport in Figures Statistical Pocketbook 2006, Table 3.3.7, Eurostat

28. Bejn l-2000 u l-2005, l-ogħla żidiet fil-prestazzjoni tat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri ġew osservati fil-Latvja (29%), l-Irlanda (29%) u l-Belġju (20%). B’kuntrast, l-akbar tnaqqis seħħ fil-Litwanja (-33%), l-Estonja (-33%), il-Bulgarija (-31%) u r-Rumanija (-31%) (ara l-Anness 9).

29. Fl-2006, sew l-UE-15 u l-UE10 wrew żidiet komparabbli fil-prestazzjoni tat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri, b’medja ta’ 3.3% għall-UE kollha. L-aktar riżultati pożittivi nkisbu waqt it-tieni kwart ta’ l-2006 meta mqabbel ma’ l-istess perjodu tas-sena ta’ qabel. L-akbar żieda fil-prestazzjoni tat-trasport tal-passiġġieri waqt l-2006 ġiet osservata fil-Latvja (10.8%), il-Lussemburgu (9.2%) u l-Iżvezja (7.3%). Il-prestazzjoni tat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri naqset fil-Litwanja (-4.3%) u l-Greċja (-1.8%) (ara l-Anness 10).

30. Fl-2005, l-ogħla sehem ta’ traffiku internazzjonali mit-traffiku totali tal-merkanzija (f’termi ta’ kilometri ta’ tunellati) ġie osservat fl-Estonja (93%), il-Latvja (88%) u r-Repubblika Slovakka (86.5%). Għat-trasport tal-passiġġieri, it-traffiku internazzjonali kellu l-akbar sehem fil-Lussemburgu (24% ta’ kilometri ta’ passiġġieri), l-Awstrija (17%) u l-Belġju (15%) (ara l-Anness 12b li jippreżenta wkoll informazzjoni dwar il-bidliet fil-prestazzjoni tat-trasport ferrovjarju tul il-perjodu 2003-2005 għas-servizzi nazzjonali u internazzjonali).

V. Il-Ftuħ Tas-Suq Ferrovjarju

31. Aktar minn 700 impriża ferrovjarja liċenzjata qed joperaw fis-suq ferrovjarju ta’ l-UE, madwar nofshom fil-Ġermanja (355), 62 fil-Polonja u 56 fir-Renju Unit. L-Anness 14 jagħti daqqa t’għajn lejn l-għadd ta’ liċenzji ferrovjarji u ċertifikati ta’ sigurtà validi skond l-Istat Membru.

32. Il-Grafika 6 turi s–sehem totali tas-suq ta’ impriżi ferrovjarji ġodda li jipprovdu servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija. F’termini ta’ kilometri ta’ tunellati, l-impriżi stabbiliti ħadu l-akbar sehem tas-suq fl-Iżvezja (32.5%), l-Estonja (30.6%), ir-Rumanija (26.7%), l-Olanda (18%), il-Polonja (16.9%) u l-Ġermanja (16.4%). Fil-każ tat-trasport tal-passiġġieri, l-impriżi l-ġodda kisbu l-akbar sehem tas-suq fl-Estonja (40%), l-Iżvezja (35.8%), u l-Latvja (10.1%).. L-Anness 13 juri d-distribuzzjoni tas-sehem tas-suq bejn il-kumpaniji individwali għall-UE-27.

Grafika 6: Is–sehem totali tas-suq ta’ impriżi ferrovjarji ġodda ta’ trasport ta’ merkanzija fl-2006.

(...PICT...)

(...PICT...)

*Id-dejta għal CZ, DK, FR u UK mhix disponibbli; ES uPT: dejta għall-2005; NL: dejta għall-2003;

Sors: Kwestjonarju RMMS 2007 li mtela mill-Istati Membri f’Mejju/Ġunju 2007

33. Bħala għodda għall-kejl tal-ftuħ tas-suq, l-Indiċi Herfindahl-Hirschman (HHI) [10] jistima l-grad ta’ konċentrazzjoni f’industrija u jindika l-livell tal-kompetizzjoni fis-suq rilevanti. L-indiċi jista’ jvarja minn 0 jekk hemm għadd kbir ta’ impriżi, li jindika kompetizzjoni effettiva, għal 1 fil-każ ta’ monopolju.

34. Il-Grafika 7 tippreżenta l-HHI għas-swieq tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija u tal-passiġġieri fl-Istati membri ta’ l-UE. Għall-merkanzija, l-aktar swieq miftuħa huma fl-Estonja (0.53), ir-Rumanija (0.55), il-Polonja (0.7) u l-Latvja (0.8)*. Il-monopolji għadhom eżistenti fis-swieq tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija fil-Greċja, il-Finlandja, Franza, il-Litwanja, il-Lussemburgu, il-Portugall u s-Slovenja. Ma kienx possibbli kalkolu ta’ l-HHI, fost l-oħrajn, għall-Iżvezja, l-Olanda u l-Ġermanja (li juru sehem tas-suq għoli għal impriżi ġodda tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija). Fuq in-naħa tat-trasport tal-passiġġieri, l-aktar swieq ferrovjarji miftuħa huma l-Estonja (0.48), il-Latvja (0.82), il-Polonja (0.83) u l-Portugall (0.84).

Grafika 7: Indiċi Herfindahl-Hirschmann għas-swieq ferrovjarji nazzjonali

(...PICT...)

*Id-dejta għal CZ, DE, DK, FR, IT, NL, SE uUK mhix disponibbli.

Sors: Kwestjonarju RMMS 2007 li mtela mill-Istati Membri f’Mejju/Ġunju 2007

VI. Il-Prestazzjoni ta’ l-Impriżi ferrovjarji

35. Skond studju mmexxi, taħt l-awspiċiji tal-Grupp ta’ Ħidma RMMS, mill-Community of European Railways (CER) fuq is-17-il membru tagħha [11], bejn l-1995 u l-2004 l-impjieġi fl-impriżi ferrovjarji niżlu b’mod kostanti u simultanjament telgħet il-produttività. Fl-aħħar snin, madankollu, ir-rata tat-tnaqqis fil-persunal impjegat fis-settur ferrovjarju ma baqgħetx daqshekk kbira. It-telf ta’ impjiegi fl-impriżi stabbiliti għamel tajjeb għalija parzjalment il-ħolqien tax-xogħol f’kumpaniji ferrovjarji ġodda, anki jekk għad ma hemmx informazzjoni disponibbli dwar il-kwalità tal-karigi l-ġodda [12]. L-Anness 15 juri l-għadd ta’ persunal impjegat fl-2006 mill-impriżi ferrovjarji individwali u ta’ amministraturi ta’ l-infrastruttura ta’ l-UE.

36. Barra minn hekk, l-istudju CER juri differenza netta fil-prestazzjoni ta’ l-impriżi ferrovjarji fl-UE-15 u l-UE-10. Fl-Istati Membri "l-antiki”, mill-1995, ir-relazzjoni medja bejn id-dejn u l-ekwità tal-kumpaniji ferrovjarji niżel għal taħt il-1, li jfisser li l-attiv tagħhom huwa finanjzat mill-ekwità u mhux mid-dejn. Bil-kontra, fl-UE-10, ir-relazzjoni medja bejn id-dejn u l-ekwità żdiedet sew minn madwar 0.11 għal 2.52. Il-qagħda finanzjarja dgħajfa ta’ l-impriżi ferrovjarji fl-Istati Membri “l-ġodda” hija dovuta l-aktar għal nuqqas ta' kumpens għall-provvediment tas-servizzi pubbliċi, obbligazzjonijiet persistenti tal-kumpaniji lill-Istat u investimenti ekonomikament mhux sostenibbli minn xi operaturi f’dawn l-aħħar snin.

37. Studju ieħor [13], din id-darba dwar il-prestazzjoni finanzjarja ta’ l-impriżi ferrovjarji u l-amministraturi ta’ l-infrastruttura b’fatturat annwali ta’ mill-inqas €50 miljun, immexxi fuq talba tal-Kummissjoni Ewropea, wera li fl-2004, 61% ta’ l-74 impriża ferrovjarja mistħarrġa [14] kellhom ratio ta’ vijabilità ogħla minn 1 li jfisser li l-operazzjonijiet tagħhom kienu fil-prinċipju qed jagħmlu l-qliegħ. 24% tal-kumpaniji ferrovjarji kellhom ritorn negattiv fuq l-ekwità, i.e. riżultati negattivi minn operazzjonijiet f'relazzjoni mal-kapital ta' l-ekwità ta' l-impriża. Minn għaxar amministraturi ta’ l-infrastruttura, ħamsa kellhom ratio ta’ vijabilità ogħla minn 1 u ħamsa kellhom ritorn negattiv fuq l-ekwità (ara l-Anness 16).

38. Il-kwalità tas-servizz tibqa’ pjuttost diżappuntanti, partikolarment għat-traffiku intermodali. L-istatistika dwar il-puntwalità tat-trejns internazzjonali ta’ trasport ikkumbinat -fil-kurituri Ewropej ewlenin, miġbura mill-International Union of combined Road-Rail transport companies (UIRR), turi livell baxx ta’ puntwalità f’servizzi ferrovjarji ta’ trasport ta’ merkanzija (53% tat-trejns kellhom dewmien ta’ inqas minn 30 minuta fuq il-ħin tal-wasla skedat tagħhom fl-2006) flimkien ma’ instabilità tul l-aħħar ftit snin (ara l-Anness 17).

VII. L-Infrastruttura tat-Trasport ferrovjarju: Kapaċità, finanzjament u industrija tal-provvista

39. It-tul totali tal-linji ferrovjarji fl-UE huwa ta’ madwar 215 000 km [15]. L-Istati Membri bl-itwal netwerks ferrovjarji huma l-Ġermanja (34 122 km), Franza (29 246 km) [16] u l-Polonja (22 156 km). L-iqsar netwerks huma fil-Lussemburgu (275 km) u fl-Estonja (971 km ta' netwerk pubbliku) (ara l-Anness 18). Malta u Ċipru m’għandhomx linji ferrovjarji. Il-Belġju u l-Lussemburgu għandhom l-ogħla denistà ta’ linji ferrovjarji (122 u 106 m/km² rispettivament).

40. Fl-2006, l-aktar użu intensiv tan-netwerk għat-trasport ferrovjarju (espress f’kilometri ta’ tunellati għal kull kilometru ta’ linji ferrovjarji) kien fl-Istati Baltiċi (10.8 fl-Estonja, 7.4 fil-Latvja u 7.3 fil-Litwanja). Fil-każ tat-trasport tal-passiġġieri, in-netwerk ġie użat l-aktar intensivament fl-Olanda (5.3), ir-Renju Unit (3.0) u l-Belġju (2.8) (ara l-Anness 18).

41. Fl-2006, in-netwerk Ewropew inkluda 4 919 km ta’ linji ferrovjarji ta’ veloċità għolja fl-Italja, Franza, Spanja, il-Ġermanja, il-Belġju u r-Renju Unit. Sa l-2009, 1 485 km ta’ linji ġodda li jippermettu t-trejns jivjaġġjaw b’veloċità ta’ aktar minn 250 km/h se jinbnew fuq it-territorju ta’ l-UE (ara l-Anness 19).

42. Fl-2006, in-nefqa fuq il-manutenzjoni ta’ l-infrastruttra, f’euro l-kilometru ta’ linji ferrovjarji, kienet l-ogħla fl-Olanda (446 000), il-Lussemburgu (173 000) u r-Renju Unit (108 000). It-tiġdid ta’ l-infrastruttura eżistenti kien l-aktar intensiv fir-Renju Unit (260 000), il-Lussemburgu (159 000) u l-Ġermanja (117 000). Il-kostruzzjoni ġdida użat l-aktar riżorsi għal kull kilometru ta’ linji fl-Olanda (464 000), il-Belġju (259 000), il-Lussemburgu (245 000) u l-Greċja (124 000). Ġeneralment, il-pajjiżi msemmija jippjanaw ukoll investiment qawwi għall-perjodu 2007-2010 (ara l-Anness 20).

43. Is-sistemi għaż-żamma ta' ħlasijiet għall-użu ta' l-infrastruttura ferrovjarja jvarjaw konsiderevolment bejn l-Istati Membri. Is-sehem ta’ l-ispejjeż għall-infrastruttura rkuprati mit-tariffi infrastrutturali jvarjaw minn 5% fl-Iżvezja sa 100% fl-Istati Baltiċi (ara l-Anness 22). Dan jiddependi l-aktar fuq il-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-gvernijiet għall-forniment ta’ l-infrastruttura u fuq l-effiċjenza ta’ l-amministratur ta’ l-infrastruttura. Il-kumplessità u l-intensità ta' l-uzu tan-netwerk għandhom rwol ewlieni wkoll. Fl-2006, il-kontribuzzjonijiet ta’ l-Istat għall-operat, il-manutenzjoni, it-tiġdid u l-kostruzzjoni ta’ l-infrastruttura fl-UE-25 telgħu għal madwar €14 biljun, bil-pajjiżi ta’ l-UE-10 jgħoddu għal 3.6 % ta’ din is-somma (ara l-Anness 21).

44. Id-disinn ta’ xi wħud mis-sistemi għaż-żamma tal-ħlasijiet għall-użu ta’ l-infrastruttura ferrovjarja li tippermetti, per eżempju, it-trasferimenti inkroċjati lejn it-trasport tal-passiġġieri, qed tipperikola l-kompetittività tas-servizzi ferrovjarji. Il-problema tat-trasferiment inkroċjat hija l-aktar urġenti f’xi wħud mill-Istati l-Membri “l-ġodda” fejn il-ħlasijiet għoljin għall-aċċess għal-linja huma akkumpanjati minn kwalità baxxa ta’ l-infrastruttura.

45. Il-vallur kurrenti tas-suq tal-provvista ferrovjarja fl-Ewropa tal-Punent u tal-Lvant [17] jammonta għal madwar €40 000 million (ara l-Anness 23). 75% tas-suq huwa miftuħ għall-fornituri esterni, jiġifieri mhux moqdi esklussivament mill-kapaċitajiet interni tal-ferroviji. L-aċċess għas-suq huwa l-aktar limitat fl-oqsma tas-servizzi u l-manutenzjoni (51%) u l-provvista ta’ l-infrastruttura fl-Ewropa tal-Lvant (58%). B’kuntrast, is-swieq għall-kontroll ferrovjarju u l-materjal mobbli ferrovjarju huma miftuħa għal kollox għall-fornituri esterni.

46. Fl-Ewropa tal-Lvant, is-suq għall-provvista tal-materjal mobbli ferrovjarju huwa misteni jiżviluppa dinamikament tul id-deċennju li jmiss (+8.2% fis-sena sa l-2015). Is-servizzi relatati mal-manutenzjoni ta’ l-infrastruttura juru l-akbar potenzjal ta’ tkabbir fl-Ewropa tal-Punent (2.6% kull sena fuq l-istess perjodu) (ara l-Anness 23).

VIII. Konklużjonijiet

47. Ir-rapport jiddeskrivi x-xejriet ewlenin osservati fl-aħħar ftit snin fis-suq ferrovjarju fl-UE. Il-qagħda kurrenti tar-riforma tas-settur ferrovjarju Ewropew turi riżultati mħallta. Madankollu, dan ir-rapport jikkonferma li l-isforzi biex il-ferrovija terġa’ tqum fuq tagħha permezz ta’ l-iżvilupp ta’ Żona Ferrovjarja Ewropea u ż-żieda tal-kompetizzjoni fis-suq qed jagħtu riżultati pożittivi.

48. Il-proċess tat-traspożizzjoni formali tal-leġiżlazzjoni ferrovjarja tal-Komunità huwa kważi lest. L-istituzzjonijiet meħtieġa minn dik il-leġiżlazzjoni diġà jeżistu fl-Istati Membri. Il-prestazzjoni tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija waqqaf it-triq tan-niżla tiegħu fl-2003, u minn dak iż-żmien baqa' relattivament stabbli. L-aħħar dejta (2006) turi li hemm prospetti tajbin. L-analiżi tax-xejriet fil-prestazzjoni tat-trasport ferrovjarju fuq l-aħħar sitt snin turi li l-pajjiżi bl-ogħla punteġġi għall-ftuħ tas-suq qed ikollhom prestazzjoni bil-wisq aħjar minn dawk is-swieq li huma dominati minn impriżi ferrovjarji stabbiliti. Minkejja li d-dejta maqsuma skond il-modi konvenzjonali għadha turi tnaqqis żgħir fis-sehem tal-ferrovija fis-suq tal-merkanzija, l-istimi inzjali tal-kontribuzzjoni mill-ferroviji għat-trasport tal-merkanzija fuq id-distanzi medji u twal juri potenzjal għoli għas-settur ferrovjarju f’dan il-qasam tas-suq. Il-proċess tar-riforma qiegħed ukoll joħloq opportunitajiet ta’ impjieg ġodda bil-potenzjal li jikkumbattu t-tnaqqis kostanti tal-forza tax-xogħol ta’ l-impriżi ferrovjarji. L-aħħar iżda mhux l-inqas, id-domanda kbira għall-materjal mobbli ferrovjarju mbassra fil-pajjiżi ta’ l-Ewropa tal-Lvant għad-deċennju li jmiss, qed toħloq kundizzjonijiet favorevoli għall-iżvilupp ta’ l-industrija tal-provvista ferrovjarja.

49. Min-naħa l-oħra, għadd ta’ diffikultajiet għadhom qed ixekklu l-iżvilupp tas-servizzi ferrovjarji ta’ l-UE. Il-livell ta’ l-implimentazzjoni tal-qafas regolatorju jvarja konsidervolment minn Stat Membru għall-ieħor. Xi istituzzjonijiet għandhom mhux operattivi għal kollox. Il-problemi jistgħu jkunu dovuti għal nuqqas ta’ persunal jew, sa fejn huma kkonċernati l-Awtoritajiet tas-Sigurtà nazzjonali, jistgħu jkunu kkawżati minn nuqqas ta’ bażi ġuridika għall-attivitajiet tagħhom, sakemm isseħħit-traspożizzjoni tat-tieni pakkett ferrovjarju.

50. Il-grad ta’ kompetizzjoni fis-suq ferrovjarju Ewropew għadu baxx, imma qed jiżdied b'mod kostanti hekk kif qed jimmatura l-qafas regolatorju għall-aċċess mhux diskriminatorju għall-infrastruttura u għall-ftuħ għall-kompetizzjoni tas-servizzi tal-merkanzija nazzjonali u internazzjonali. Madankollu, għad hemm ostakli sinifikanti għall-integrazzjoni tas-suq fuq livell Ewropew. Dawn huma, b’mod partikolari, in-nuqqas ta’ interoperabilità teknika sħiħa u ta’ approċċ komuni għas-sigurtà ferrovjarja bejn in-netwerks ferrovjarji nazzjonali, il-qagħda finanzjarja relattivament dgħajfa ta’ l-impriżi ferrovjarji, li hija akuta speċjalment fl-Istati l-Membri “l-ġodda”, u l-ispejjeż kbar għad-dħul fis-suq tas-settur ferrovjarju marbuta ma’ l-ispejjeż fissi għoljin ta’ l-operazzjonijiet tas-suq u spejjeż amministrattivi sinfikanti għall-aċċettazzjoni tal-materjal mobbli ferrovjarju, proċeduri ta’ liċenzjar, eċċ. Barra minn hekk, xi Stati Membri juru livell mhux suffiċjenti ta’ investiment fis-settur ferrovjarju, partikolarment fil-manutenzjoni u l-aġġornament ta’ l-infrastruttura ferrovjarja. Minħabba li sa ftit snin ilu kważi s-swieq kollha ferrovjarji fl-UE kienu għandhom iddominati minn monopolji nazzjonali, għandhom ma ġewx introdotti biżżejjed inizjattivi sabiex tiżdied konsiderevolment il-kwalità tas-servizz fis-settur ferrovjarju.

51. Il-Kummissjoni tqis li l-aġġornament regolari ta’ dan ir-rapport jippermetti l-monitoraġġ kontinwu tas-suq ferrovjarju skond dejta li tista’ titqabbel. Għadd ta’ kwistjonijiet li ma ġewx ittrattati biżżejjed f’dan ir-rapport se jitqiesu f'ħarġiet futuri. Se jkun meħtieġ appoġġ akbar mill-industrija ferrovjarja u l-awtoritajiet nazzjonali, fil-forma ta' dejta li ssir diponibbli, sabiex tkun komprensiva kemm jista' jkun l-analiżi ta' l-iżvilupp tas-suq ferrovjarju.

[1] Din il-Komunikazzjoni dwar il-monitoraġġ ta’ l-iżvilupp tas-suq ferrovjarju hija akkumpanjata minn Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li fih 23 anness.

[2] COM(2006) 189 finali, it-3 ta’ Mejju 2006.

[3] It-Taqsima Va tad-Direttiva 2001/12/KE

[4] COM(2006) 314 finali, it-22 ta’ Ġunju 2006.

[5] http://ec.europa.eu/transport/rail/market/index_en.htm.

[6] L-istudji jistgħu jinstabu fuq din il-websajt:

- http://ec.europa.eu/transport/rail/studies/index_en.htm.

[7] Dan l-eżerċizzju sejjer iqiegħed is-sisien għal, fost affarijiet oħra, ir-riformulazzjoni tad-Direttivi fl-ewwel pakkett ferrovjarju li hija ppjanata għall-2008.

[8] “Prestazzjoni tat-trasport ferrovjarju” tfisser trasport ferrovjarju espress f’kilometri t-tunnellata jew kilometri ta’ passiġġieri.

[9] Billi Ċipru u Malta m’għandhomx netwerks ferrovjarji fuq it-territorju tagħhom, ir-referenzi kollha għall-UE-10 jew Stati Membri "ġodda" fil-kapitli IVa-VII għandhom jinfthemu bħala li jeskludu dawn iż-żewġ pajjiżi.

[10] HHI huwa definit bħala s-somma ta’ l-isquare ta’ sehem is-suq għal kull impriża individwali fis-settur..

[11] CFL, CIE, CP, DB, FS, NSB, ÖBB, SNCF, VR, SBB (minbarra ATOC/EWS u ASTOC), BDZ, CFR, CD, LG, MAV, PKP u SZ.

[12] Annessi għar-Rapport COM(2006) 189 finali, it-3 ta’ Mejju 2006, p.91.

[13] Studju ECORYS: "Analysis of the financial situation of railway undertakings in the European Union", Frar 2006, http://ec.europa.eu/transport/rail/studies/index_en.htm.

[14] Inkluż impriżi ferrojarji konsolidati li jwettqu wkoll funzjonijiet ta’ amministraturi ta’ l-infrastruttura.

[15] Linji uniċi u linji doppji meħuda flimkien.

[16] Id-dejta għal Franza hija għall-2004 u dik għal pajjiżi oħra għall-2006.

[17] L-Ewropa tal-Punent – l-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, l-Olanda, ir-Renju Unit, Spanja, l-Iżvezja, l-Iżvizzera. L-Ewropa tal-Lvant = il-Polonja, ir-Repubblika Ċeka, ir-Rumanija, it-Turkija, l-Ungerija (studju UNIFE ta’ l-2007, ara l-Anness 23).

--------------------------------------------------