52007DC0591




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 10.10.2007

KUMM(2007) 591 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Valutazzjoni mill-ġdid tal-qafas soċjali regolatorju għal impjiegi aktar u aħjar fl-UE fil-qasam tat-tbaħħir (l-ewwel fażi tal-konsultazzjoni ta' l-imsieħba soċjali f'livell tal-Komunità kif stipulat fl-Artikolu 138(2) tat-Trattat)

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Valutazzjoni mill-ġdid tal-qafas soċjali regolatorju għal impjiegi aktar u aħjar fl-UE fil-qasam tat-tbaħħir (l-ewwel fażi tal-konsultazzjoni ta' l-imsieħba soċjali f'livell tal-Komunità kif stipulat fl-Artikolu 138(2) tat-Trattat)

1. INTRODUZZJONI

Il- Green Paper "Lejn politika marittima futura għall-Unjoni"[1] semmiet il-kwistjoni ta' l-esklużjoni ta' setturi marittimi minn partijiet tal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar ix-xogħol u l-affarijiet soċjali u dwar il-valutazzjoni mill-ġdid tagħha b'koperazzjoni mill-qrib ma' l-imsieħba soċjali.

Fil-kuntest ta' azzjonijiet oħra mmirati biex isaħħu d-dimensjoni soċjali tal-qasam marittimu fl-Ewropa[2] u titħeġġaġ il-kompetittività tas-settur marittimu ta' l-UE, billi jingħata kas ta' dak li qed jitolbu l-partijiet interessati u b'mod partikulari l-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Kummissjoni tixtieq teżamina jekk il-leġiżlazzjoni attwali tal-Komunità tassigurax livelli xierqa ta' protezzjoni lil ħaddiema tat-tbaħħir u jekk it-titjib tagħhom huwiex se jagħmel is-settur marittimu ta' l-UE aktar attraenti għal min qed ifittex xogħol[3] mingħajr ma tkun imminata l-kompetittività tagħha.

Din il-Komunikazzjoni se tirrevedi l-leġiżlazzjoni pertinenti biex tidentifika l-esklużjonijiet jew id-derogi li jaffettwaw lill-ħaddiema fil-professjonijiet marittimi u d-diffikultajiet ta' interpretazzjoni ta' din il-leġiżlazzjoni. Hija se tistinka, fid-dawl tal-korp diġà estensiv ta' konvenzjonijiet u standards internazzjonali, sa fejn tista' tkun meħtieġa azzjoni biex titjieb il-protezzjoni legali għal professjonijiet marittimi fl-UE. Fl-aħħarnett, hija se tniedi konsultazzjoni fost l-imsieħba soċjali fid-dawl ta' l-Artikolu 138(2) tat-Trattat, fuq l-orjentamenti possibbli ta' l-azzjoni tal-Komunità.

L-iffukar fuq il-qafas regolatorju inevitabbilment idejjaq l-ambitu ta' l-analiżi għal dawk il-professjonijiet soġġetti għal livelli iktar baxxi ta' protezzjoni taħt il-liġi ta' l-UE, u/jew fejn instabu problemi kbar, jiġifieri ħaddiema fis-settur tat-tbaħħir u s-sajd.

L-importanza ekonomika u soċjali ta' din il-kwistjoni hija sinifikanti ħafna. Fl-2005, l-għadd totali ta' baħħara mis-27 pajjiż ta' l-UE kien stmat li jlaħħaq il-204 400[4] u l-għadd ta' sajjieda impjegati fl-UE-25 kien ta' madwar 190 000 – 195 000. Diversi kontribuzzjonijiet għall-konsultazzjoni kkonfermaw in-nuqqas ta' ħaddiema kwalifikati biex jaħdmu abbord vapuri Ewropej.

2. QAFAS INTERNAZZJONALI

Bosta setturi marittimi joperaw f'kuntest globilizzat ħafna. Il-globalizzazzjoni ekonomika li dejjem tiżdied u l-internazzjonalizzazzjoni ta' forza tax-xogħol ikkombinata ma' infurzar kultant insuffiċjenti, naqqru l-effettività ta' l-istandards internazzjonali eżistenti u affettwaw is-sikurezza marittima f'livell globali, taw kontribut għal żieda qawwija f'inugwaljanzi fil-kundizzjonijiet ta' l-għixien u x-xogħol ta' ħaddiema marittimi. L-UE qed timbotta bis-saħħa sforzi f'fora globali biex tissaħħaħ is-sistema regolatorja internazzjonali. Dan wassal biex tkun adottata b'suċċess il- Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu ta' l-ILO , 2006[5], u tal- Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd ta' l-ILO , 2007[6].

L-istandards internazzjonali ġodda introdotti minn dawn il-Konvenzjonijiet huma relevanti biex ikunu aġġornati u mlestija l-politiki interni u esterni ta' l-UE fosthom l-istandards soċjali billi huma jikkonsolidaw u jaġġornaw il-liġi internazzjonali eżistenti f'firxa wiesgħa ta' oqsma, billi jipprovdu sett komprensiv ta' regoli dwar konformità u infurzar.

L-implimentazzjoni ta' dispożizzjonijiet tal- Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu ta' l-ILO , 2006, fuq il-konformità u l-infurzar hija kruċjali għall-ħolqien ta' kundizzjonijiet ugwali fit-trasport marittimu. Għandu wkoll ikun innutat li t-tielet pakkett dwar is-sikurezza marittima jirrevedi xi regoli dwar il-kontroll fil-portijiet mill-istat biex jissaħħaħ dan il-kontroll fir-rigward ta' standards tax-xogħol, fosthom kif ikunu ttrattati lmenti mill-ekwipaġġ[7].

Il-Kunsill adotta Deċiżjoni fis-7.7.2007 li biha awtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikaw il-Konvenzjoni ta' l-2006 ta' l-ILO dwar ix-Xogħol Marittimu fl-interessi tal-Komunità Ewropea, preferebbilment qabel il-31.12.2010[8].

Il-Kummissjoni qed tippjana wkoll li tippreżenta proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza u tħeġġeġ ratifika malajr mill-Istati Membri ta' l-UE tal- Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd ta' l-ILO , 2007[9].

Fis-snin riċenti l-ILO u l-IMO ħadu wkoll inizjattivi biex jitjiebu l-istandards tas-sigurtà. Fl-2003 l-ILO adottat il-Konvenzjoni Nru 185 li taġġorna id-dokument ta' l-identità tal-baħħara (ID tal-baħħara – il-Konvenzjoni Nru 108) biex ikunu faċilitati l-ġranet frank fuq l-art u t-tranżitu għall-baħħara. Il-Kunsill awtorizza lill-Istati Membri ta' l-UE biex jirratifikawha[10], u l-Kummissjoni wkoll ilha wkoll tħeġġiġhom biex jirratifikawha u jimplimentawha.

Il-Ftehim tal-KE dwar Sħubija fis-Sajd (FPA) ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw tippromwovi wkoll kundizzjonijiet tax-xogħol u ta' l-għixien diċenti billi ddaħħal klawsoli soċjali.

3. LEġIZLAZZJONI TA' L-UE DWAR KUNDIZZJONIJIET TAX-XOGħOL U TAGħRIF U KONSULTAZZJONI

Jeżistu erba' sitwazzjonijiet rigward kemm huma koperti l-baħħara u/jew is-sajjieda bil-leġiżlazzjoni ta' l-UE fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema (minn issa 'l quddiem "IK"):

- Mhux-esklużi (jiġifieri nuqqas ta' dispożizzjonijiet speċifiċi jew derogi). Fid-direttivi dwar ix-xogħol b'kuntratt fiss, ix-xogħol part-time , is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema b'kuntratt fiss jew temporanju ma' aġenzija, l-informazzjoni fuq il-kundizzjonijiet applikabbli għall-kuntratt jew relazzjoni tax-xogħol u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fil-Kumpaniji Ewropej u l-Kooperattivi Ewropej.

- Leġiżlazzjoni speċifika jew strumenti ġenerali li fihom dispożizzjonijiet speċifiċi. Fid-Direttiva dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (filwaqt li d-Direttiva ewlenija[11] teskludi l-baħħara mill-ambitu ta’ applikazzjoni tagħha, tistipula wkoll għal regolament speċifiku rigward is-sajjied) jew id-Direttiva dwar ix-xogħol taż-żgħażagħ[12] (b’possibilitajiet speċifiċi differenzjati ta’ deroga li tikkonċerna s-settur).

- Il-possibilità għall-Istati Membri li jintroduċu l-esklużjonijiet fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom meta jittrasponu d-direttivi. Fid-Direttiva tal-Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropej, id-Direttiva dwar it-tagħrif u l-konsultazzjoni u d-Direttiva dwar il-ħarsien ta’ l-impjegati f’każ ta’ falliment).

- Esklużjoni mill-ambitu ta’ applikazzjoni. Fid-Direttiva dwar is-sensji kollettivi, it-trasferimenti ta’ l-impriżi u l-għoti ta’ xogħol lill-ħaddiema.

Id-Direttivi li jaqgħu taħt dawn l-aħħar żewġ sitwazzjonijiet isejħu għal analiżi aktar dettaljata.

a) Id–Direttiva tal-Kunsill 2002/74/KE [13] – Ħarsien ta’ l-impjegati f'każ ta' falliment ta' min iħaddimhom

L-Artikolu 1(2) jippermetti lill-Istati Membri li jeskludu l-klejms minn ċerti kategoriji ta’ impjegati mill-ambitu tiegħu sa tali punt li jeżistu forom oħra ta’ garanzija li jipprovdu ħarsien xieraq għall-impjegati fil-każ ta’ falliment ta’ min iħaddimhom. Filwaqt li din id-dispożizzjonijiet ma tagħmilx referenza speċifika għall-professjonijiet tal-baħħara, l-Istati Membri jistgħu jużaw din il-possibilità li tikkonċernahom.

L-Artikolu 1(3) jippermetti lill-Istati Membri li diġà eskludew lis-sajjieda bis-sehem mil-leġiżlazzjoni nazzjonali ekwivalenti tagħhom meta d-Direttiva daħlet fis-seħħ, li jżommu tali esklużjoni.

Sitt Stati Membri biss[14] użaw il-possibilitajiet ta’ esklużjoni skond l-Artikoli 1(2) u/jew 1(3)(b) tad-Direttiva. Għandu jiġi evalwat mill-ġdid jekk l-esklużjonijiet jibqgħux iġġustifikati fil-każ ta' dawn l-Istati Membri, u jekk forom oħra ta' ħarsien permessi f'tali każi wrewx tassew li kienu ekwivalenti.

b) id-Direttiva tal-Kunsill 94/45/KE [15] – Kunsilli tax-Xogħlijiiet Ewropej

Din id-Direttiva ma tapplikax għall-ekwipaġġi tal-bastimenti tas-sajd li jaqgħu fi ħdan l-ambitu ġenerali ta’ l-applikazzjoni. Madankollu, l-Artikolu 1(5) jiddikjara "L-Istati Membri jistgħu jipprovdu illi din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għall-baħrin tal-flotot merkantili”.

Raġuni għal tali deroga[16] kienet li ġeneralment dawn l-ekwipaġġi jaħdmu ’l bogħod ħafna minn xulxin u mill-meniġment, u b’hekk jagħmluha aktar diffiċli sabiex jingħaqdu flimkien għall-konsultazzjoni.

Sitt Stati Membri għamlu użu minn din id-dispożizzjoni[17]. Fi tnejn oħra[18], l-esklużjoni saret minħabba l-fatt li teżisti leġiżlazzjoni speċifika, filwaqt li fi tliet Stati Membri oħra[19], hemm mekkaniżmi li jaddattaw il-leġiżlazzjoni implimentata għall-baħħara.

L-għażla li jiġu esklużi l-ekwipaġġi tal-flotot merkantili teħtieġ li tiġi eżaminata mil-ġdid, peress: (i) li l-forza tax-xogħol internazzjonalizzata ħafna teħtieġ tagħrif transnazzjonali u proċeduri ta' konsultazzjoni, (ii) il-biċċa l-kbira ta' l-Istati Membri ma jużawx din l-għażla, (iii) id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva huma flessibli (it-tagħrif u l-mekkaniżmi ta’ konsultazzjoni huma nnegozjati sabiex jiġu addattati għall-karatteristiċi tal-kumpanija).

Madankollu t-tqassim tax-xogħol speċifiku tal-baħħara dejjem jeħtieġ li jitqies. Għażla possibbli hi li tinbidel il-possibilità eżistenti ta’ esklużjoni f’awtorizzazzjoni biex jiġu addatti d-dispożizzjonijiet nazzjonali mal-qagħda speċifika ta' l-ekwipaġġi tal-flotot merkantili, b'mod partikolari l-membri ta' l-ekwipaġġi ta' distanzi twal, kif diġa jagħmlu ċerti Stati Membri.

c) Id-Direttiva 2002/14/KE [20] – Tagħrif u konsultazzjoni

Skond l-Artikolu 3(3), “ L-Istati Membri jistgħu jidderogaw minn din id-Direttiva permezz ta' disposizzjonijiet proviżorji applikabbli għall-ekwipaġġi ta' vapuri li jbaħru f'ibħra miftuħa ”.

Ir-raġunijiet mqajma mill-Istati Membri biex jiġġustifikaw l-esklużjoni kienu simili għal dawk li jikkonċernaw id-Direttiva 94/45/KE. Id-diffikultà fl-applikazzjoni tat-tagħrif u l-proċeduri ta’ konsultazzjoni fuq il-bastimenti li joperaw ’il bogħod mill-kwartieri ta’ l-impriża u l-fatt li l-kuntratti tal-baħħara huma ta' spiss qosra.

Madankollu, hawnhekk l-eskluzjoni mhijiex mingħajr kundizzjoni għaliex fil-fatt tobbliga lill-Istati Membri sabiex jistipulaw “dispożizzjonijiet partikolari”. Għalhekk ma tistax tieħu s-sura ta’ sempliċi assenza ta’ regolament jew timplika livell differenti ta' ħarsien. Tmien Stati Membri [21]għamlu użu mill-għażla taħt l-Artikolu 3(3), iżda tlieta minnhom biss[22] introduċew dispożizzjonijiet partikolari li japplikaw għall-ekwipaġġi fis-sens tad-deroga. Il-Kummissjoni se teżamina l-konformità legali ta’ tali dispożizzjonijiet partikolari f’rapport li ġej dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva.

d) Id-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE [23] – Sensji kollettivi

L-Artikolu 1(2)(c) tad-Direttiva jiddikjara li ma japplikax għall-ekwipaġġi ta’ bastimenti fuq il-baħar.

Fil-memorandum ta’ spjegazzjoni mehmuża mal-proposta tagħha għal reviżjoni tad-Direttiva 75/129/KEE[24] fl-1991, il-Kummissjoni qieset li “it-tagħrif, il-konsultazzjoni u r-rekwiżiti ta’ l-avviż stipulati f’din id-Direttiva ma huma bl-ebda mod kompatibbli man-natura speċjali tal-kuntratt ta’ impjieg jew ir-relazzjonijiet ta’ impjieg ta’ l-ekwipaġġi tal-bastimenti fuq il-baħar. L-esklużjoni tagħhom mill-ħarsien ipprovdut mid-Direttiva mhix ġustifikata, sakemm mhumiex koperti minn tipi oħra ta' garanzija li toffrilhom ħarsien ekwivalenti għal dak li jirriżulta mid-Direttiva".

Ir-referenza għal tipi oħra ta’ garanzija li toffrilhom ħarsien ekwivalenti kienet opposta tul id-diskussjonijiet fil-Kunsill.

Għalhekk, hemm raġunijiet raġjonevoli sabiex jiġu eżaminati mill-ġdid it-termini li bihom id-Direttiva tittrata l-ħarsien tad-drittijiet ta’ l-ekwipaġġi ta’ bastimenti fuq il-baħar[25].

e) Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE [26] – Trasferimenti ta’ l-impriżi

L-Artikolu 1(3) tad-Direttiva jeskludi l-bastimenti fuq il-baħar b’mod ġenerali.

La l-proposta oriġinali tal-Kummissjoni (KUMM(74) 351) u lanqas il-proposta emendata tal-25 ta’ Lulju 1975 (KUMM(75) 429) ma kien fihom referenza speċifika għall-bastimenti fuq il-baħar. Madankollu, kif adottata fl-14 ta’ Frar 1977 (id-Direttiva 77/187/KEE), id-Direttiva kien diġà fiha l-esklużjoni li dehret li kienet ġiet imqanqla minn esklużjoni simili fid-direttiva tas-sensji kollettivi.

Fl-1994, il-Kummissjoni qieset fil-proposta tagħha għal reviżjoni tad-Direttiva 77/187/KEE[27] li l-bastimenti fuq il-baħar setgħu jiġu esklużi mit-tagħrif u d-drittijiet ta’ konsultazzjoni mogħtija mid-Direttiva iżda mhux mid-dispożizzjonijiet fondamentali tagħha, jiġifieri ż-żamma tad-drittijiet ta' l-impjegati li jeżistu meta jseħħ it-trasferiment. Madankollu, din il-pożizzjoni ma ġietx aċċettata mill-Kunsill.

Għall-ewwel daqqa t’għajn, ma jidhirx li hemm raġuni speċifika sabiex tinzamm din l-esklużjoni. B’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva għall-ħarsien tad-drittijiet ta’ l-impjegati ma jidhirx li huma inkompatibbli man-natura speċjali tal-kuntratti ta’ l-impjieg jew ir-relazzjonijiet fuq il-bastimenti fuq il-baħar. Għal dak li għandu x’jaqsam mat-tagħrif u d-drittijiet tal-konsultazzjoni, l-approċċ għandu jkun konsistenti ma’ dak adottat għad-Direttivi 2002/14/KE u 98/59/KE.

Ta’ min wieħed jinnota li għadd konsiderevoli ta’ Stati Membri[28], kif ukoll uħud mill-pajjiżi li għandhom l-aktar bastimenti, ma għażlux li jeskludu l-bastimenti fuq il-baħar mill-ambitu tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta d-Direttiva. Huwa għalhekk ovvju li din il-kwistjoni teħtieġ aktar attenzjoni.

f) Id-Direttiva 96/71/KE [29] – L-għoti ta’ xogħol lill-ħaddiema

L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 96/71/KE jistipula: “ din id-Direttiva ma tapplikax għall-impriżi ta' marina merkantili fejn għandhom x'jaqsmu l-baħħara ”.

Ħaddiema kollokati huma ddefiniti fid-Direttiva bħala ħaddiema li, għall-perjodu limitat iwettqu xogħol fit-territorju ta' Stat Membru barra mill-Istat li normalment jaħdmu fih. Fis-sens strett tal-kelma, il-baħħara fuq bastiment li jbaħħar fl-ibħra miftuħa m’għandhomx jitqiesu bħala kollokati “fit-territorji ta’ Stat Membru ieħor”[30].

F’rapport preċedenti dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva[31] il-Kummissjoni tirrikonoxxi li “ din l-esklużjoni titqies ġustifikata mill-biċċa l-kbira ta’ l-Istati Membri, minħabba n-natura speċifika tax-xogħol ta’ vjaġġar minn post għall-ieħor magħmul minn dan il-grupp ta’ ħaddiema u d-diffikultajiet prattiċi assoċjali mal-monitoraġġ tagħhom ”. Madankollu, “l-esklużjoni ta’ dawn l-impriżi mill-ambitu tad-Direttiva ma jeskludihomx mill-applikazzjoni tar-regoli tal-liġi internazzjonali privata (Il-Konvenzjoni ta' Ruma)"[32].

Bħala konklużjoni ta’ dan, id-definizzjoni ta’ għoti ta’ xogħol li tinstab fid-Direttiva 96/71/KE ma tidhirx applikabbli għall-baħħara. L-esklużjoni eżistenti tidher li tirrifletti din ir-realta u għalhekk hi ġġustifikata.

4. IL-LEġIżLAZZJONI TAS-SAħħA U TAS-SIGURTÀ TA’ L-UE

Il-leġiżlazzjoni ta’ l-UE tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol tapplika għas -“setturi ta' attività kollha, kemm pubbliċi u kemm privati” [33]. Għalhekk, il-ħaddiema fis-settur marittimu jibbenefikaw mill-istess livelli ta’ ħarsien bħall-ħaddiema fis-setturi l-oħra.

Minn 28 direttiva li tmexxi dan il-qasam, tnejn biss ma japplikawx għas-settur marittimu:

- Id-Direttiva tal-Kunsill 89/654/KEE tat-30 ta’ Novembru 1989 dwar il-ħtiġiet minimi ta' sigurtà u ta' saħħa fuq il-post tax-xogħol [34];

- Id-Direttiva tal-Kunsill 90/270/KEE tad-29 ta’ Mejju 1990 dwar il-ħtiġijiet minimi ta' saħħa u sigurtà għax-xogħol b'tagħmir li għandu display screen[35].

Id-Direttiva 89/654/KEE ma tapplikax għall-mezzi tat-trasport użati barra l-impriżi u/jew l-istabbiliment, jew għall-postijiet tax-xogħol ġo mezzi tat-trasport jew dgħajjes tas-sajd. Ir-raġuni għal din l-esklużjoni kienet li dawn kienu postijiet tax-xogħol partikolari, differenti mill-postijiet tax-xogħol f’bini ta’ impriżi u/jew stabbilimenti, u għalhekk m’għandhomx ikunu soġġetti għal regolament speċifiku.

Barra minn hekk, peress li hemm tendenza għal inċidenti fis-settur tas-sajd, kien jinħtieġ strument speċjali biex jittrata r-riskji speċifiċi u jippromwovi s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol tas-sajjieda. Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kunsill adotta d-Direttiva 93/103/KEE li tiddefinixxi r-rekwiżiti minimi għas-saħħa u s-sigurtà għal xogħol abbord dgħajjes tas-sajd.

Ftehim internazzjonali u konvenzjonijiet huma relevanti biex jispeċifikaw ir-rekwiżiti tas-saħħa u s-sigurtà li għandhom jiġu ssodisfatti minn bastimenti fuq il-baħar. F’dan ir-rigward, il- Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu ta’ l-ILO, 2006 u Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd ta' l-ILO , 2007 se jkunu partikolarment sinifikanti. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-Komunità tipprovdi mezzi legali effiċjenti biex tikkomplimenta dawn l-istrumenti internazzjonali fejn meħtieġ. Kodiċi internazzjonali u ftehim li jorbtu ġieli jkun fihom dispożizzjonijiet aktar stretti u/jew aktar speċifiċi mil-leġiżlazzjoni ta' l-UE dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, u l-applikazzjoni tagħhom hi stipulata espliċitament f'ċerti Direttivi. F’dawn il-każi, hu mistqarr espliċitament li d-dispożizzjonijiet tad-direttivi rilevanti japplikaw mingħajr ħsara ta’ tali ftehim u kodiċi. Fil-każ tad-Direttiva 1999/92/KE[36], is-settur ikkonċernat hu kopert bis-sħiħ minn tali ftehim internazzjonali.

Għalhekk, il-Kummissjoni impenjat ruħha fl-istrateġija Komunitarja 2007-2012 fuq is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol[37] biex tippromwovi s-saħħa u s-sigurtà fuq livell internazzjonali u biex issaħħaħ il-kooperazzjoni tagħha ma’ l-ILO, id-WHO u organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn għall-istabbiliment ta’ livelli ogħla ta’ ħarsien globali.

Iż-żewġ direttivi japplikaw speċifikament għas-settur marittimu:

- Id-Direttiva 92/29/KEE tal-31.3.1992 dwar ħtiġijiet minimi ta' sigurtà u ta' saħħa għal trattament mediku mtejjeb abbord bastimenti[38] ;

- Id-Direttiva 93/103/KE tat-23.11.1993 li tirrigwarda l-ħtiġijiet minimi tas-sigurtà u s-saħħa għax-xogħol abbord il-bastimenti tas-sajd[39] .

Id-Direttiva 93/103/KE tapplika biss għall-bastimenti tas-sajd ġodda (kuntratt ta’ bini magħmul wara t-23.11.1995) b’tul bejn il-perpendikulari ta’ 15-il metru jew aktar u għall-bastimenti tas-sajd eżistenti b’tul bejn il-perpendikulari ta’ 18-il metru jew aktar. Rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni prattika tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/103/KE li jipprovdi analiżi kompleta fuq l-impatt tagħha fuq il-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà tas-sajjieda Ewropej u li jidentifika l-bżonnijiet għal azzjoni hu maħsub għall-adozzjoni fl-2008.

L-esklużjoni ta’ bastimenti żgħar mid-Direttiva hi ġustifikata fuq il-bażi ta’ l-impatt ekonomiku serju, li jinkludi l-piż amministrattiv supplimentari, li l-adozzjoni tad-Direttiva jkollha għall-bastimenti ż-żgħar.

Madankollu, għad hemm il-bżonn li jiġi solvut il-livell għoli li jippersisti ta’ inċidenti fuq il-post tax-xogħol fis-sajd. B’mod partikolari, il-prassi tajbin, li jieħdu kont tan-natura speċifika tax-xogħol abbord bastimenti żgħar tas-sajd, għandhom jixxerdu u għandha tiġi pprovduta gwida tajba kemm lil min jimpjega kif ukoll lill-ħaddiema sabiex jitħeġġu prassi tax-xogħol aktar siguri.

5. MOVIMENT ħIELES TAL-ħADDIEMA U KOORDINAZZJONI TA’ L-ISKEMI TAS-SIGURTÀ SOċJALI

5.1. Il-moviment ħieles tal-ħaddiema

Il-moviment ħieles tal-ħaddiema fi ħdan l-UE hu wieħed mil-libertajiet fondamentali ggarantiti mil-liġi Komunitarja. Skond każistika stabbilita, id-dispożizzjonijiet fit-Trattat KE fuq il-moviment ħieles tal-ħaddiema huma applikabbli wkoll għat-trasport marittimu. Anke jekk l-attivitajiet huma mwettqa barra t-territorju tal-Komunità, id-dispożizzjonijiet ikomplu japplikaw għall-ħaddiem ikkonċernat dment li r-relazzjoni ta’ impjieg legali tista’ tinstab fi ħdan it-territorju tal-Komunità jew iżżomm rabta qrib biżżejjed ma’ dak it-territorju[40].

5.2. Il-koordinazzjoni ta’ sistemi tas-sigurtà soċjali

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar is-sigurtà soċjali tistipula li ħaddiema u membri tal-familji tagħhom ma jitilfux il-ħarsien ta' sigurtà soċjali tagħhom meta jiċċaqalqu ġewwa l-Komunità u tiżgura li l-prinċipji bażiċi ta’ trattament ugwali u n-nuqqas ta’ diskriminazzjoni huma rispettati mill-Istati Membri meta japplikaw ir-regoli ta' sigurtà soċjali tagħhom.

Il-leġiżlazzjoni rilevanti hija stipulata fir-Regolament 1408/71 u r-Regolament ta’ implimentazzjoni tiegħu 574/72. Dawn ir-regoli jistipulaw il-koordinazzjoni sempliċi tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali ta’ l-Istati Membri. Għall-baħħara, ir-Regolament 1408/71 fih regoli speċifiċi dwar il-leġiżlazzjoni applikabbli. Ċittadin ta’ l-UE li qed jaħdem fuq bastiment li jtajjar il-bandiera ta' Stat Membru huwa, fil-prinċipju, soġġett għal-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat. Madankollu, jekk il-persuna kkonċernata qed taħdem fuq bastiment li jtajjar il-bandiera ta' Stat Membru u ġie impjegat għal dan ix-xogħol minn impriża rreġistrata jew li l-post tan-negozju tagħha jinsab fi Stat Membru ieħor, il-persuna hija soġġetta għal-leġiżlazzjoni ta' dan ta' l-aħħar, sakemm huwa jew hija residenti f'dan l-Istat[41].

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament 1408/71 japplikaw ukoll għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi sakemm dawn huma residenti legali fit-territorju ta’ Stat Membru u huma f'qagħda li mhix limitata f'kull rigward fi Stat Membru wieħed (ara r-Regolament 859/2003).

Madankollu, ir-regoli Komunitarji jistgħu jiżguraw biss ħarsien parzjali tad-drittijiet fil-każ ta’ baħħara minħabba li: (i) dawn japplikaw biss għall-iskemi ta’ sigurtà soċjali f’pajjiżi ġewwa l-UE u l-EFTA kif ukoll l-Iżvizzera; (ii) ċittadini ta’ pajjiż terz li qed jaħdmu fuq bastiment li jtajjar il-bandiera ta' Stat Membru, iżda li mhumiex residenti legali fil-Komunità jew li mhumiex f’qagħda transkonfinali kif imfisser fir-Regolament 859/2003, mhumiex koperti minn din il-leġiżlazzjoni Komunitarja. Il-mistoqsija dwar jekk dawn humiex intitolati għall-kopertura tas-sigurtà soċjali jew le taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali li huma soġġetti għalija hija biss kwistjoni għall-Istat Membru/Istati Membri kkonċernat/i.

Barra minn hekk, l-ambitu materjali ta' dawn ir-regoli huwa limitat għall-iskemi ta' sigurtà soċjali stipulati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. L-eżenzjonijiet japplikaw għal skemi ta' assigurazzjoni komplimentari mhux statutorji jew skemi speċjali għal persuni li jaħdmu għal rashom[42] u ftehim kollettiv sakemm ftehim tali ma jsirx obbligatorju bil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Fis-settur marittimu u tas-sajd, il-kopertura ta’ sigurtà soċjali hija ta’ spiss parti mill-kuntratt ta’ impjieg u hija żgurata minn skema ta’ l-assigurazzjoni privata internazzjonali. Il-ħaddiema jistgħu jinvokaw biss id-dispożizzjonijiet tar-Regolament 1408/71 fejn huma koperti mill-assigurazzjoni statutorja taħt il-leġiżlazzjoni nazzjoni li huma soġġetti għaliha. Għalhekk, dawn jistgħu jiffaċċjaw nuqqasijiet fid-drittijiet ta’ sigurtà soċjali tagħhom. Dan huwa partikolarment il-każ għall-kisba ta' drittijiet ta' pensjoni.

Il- Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu ta’ l-ILO, 2006 fiha dispożizzjonijiet dwar il-livell minimu ta' ħarsien ta' sigurtà soċjali li kull Stat Membru għandu jipprovdi taħt il-liġi nazzjonali tiegħu għall-baħħara li huma normalmenti residenti fit-territorju tiegħu. Skond il- Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu ta’ l-ILO, 2006 , dan il-ħarsien m’għandux ikun anqas favorevoli minn dak imgawdi minn ħaddiema tax-xatt residenti fit-territorju tiegħu. Huma previsti dispożizzjonijiet simili għall- Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd ta' l-ILO, 2007. Ladarba jidħlu fis-seħħ, dawn se jiżguraw ċertu livell ta’ ħarsien ta’ sigurtà soċjali għal ħaddiema f’dan is-settur. Jista’ jinkiseb aktar biż-żieda ta’ l-għadda ta’ ftehim internazzjonali ma’ pajjiżi terzi li jinkludu klawżoli soċjali u klawżoli dwar it-trattament ugwali.

6. IR-RWOL TAD-DJALOGU SOċJALI

Il-kumitati settorjali għat-trasport marittimu u għas-sajd fil-baħar indirizzaw regolarment suġġetti bil-ħsieb li jtejbu is-sigurtà u l-benesseri fuq bastimenti.

Iż-żewġ kumitati għandhom impenn fit-tul għal kundizzjonijiet ta’ xogħol diċenti fil-kuntest tal-globalizzazzjoni u l-konformità ma’ strumenti leġiżlattivi internazzjoni għall-baħħara. L-imsieħba soċjali Ewropej għandhom parti attiva fl-ILO u l-IMO, u b’hekk jikkontribwixxu għal pożizzjoni Ewropea aktar b’saħħitha u huma impenjati ferm għas-segwitu u l-implimentazzjoni ta' l-istrumenti internazzjonali rilevanti.

Fis-settur tat-trasport marittimu, l-imsieħba soċjali qed jinnegozjaw bil-għan li jilħqu ftehim Ewropew li jittrasponi d-dispożizzjonijiet rilevanti tal- Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu ta' l-ILO, 2006 . Dawn in-negozjati tnedew wara l-konsultazzjoni tal-Kummissjoni ta' l-imsieħba soċjali taħt l-Artikolu 138(2) tat-Trattat, f'Ġunju 2006. Jekk jintlaħaq ftehim u l-imsieħba soċjali jitolbu dan, hija maħsuba proposta għal direttiva fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 139 ECT. B’żieda ma’ dan, tista’ titqies ukoll proposta għal direttiva dwar l-infurzar ta' dispożizzjonijiet fir-rigward ta' standards tax-xogħol marittimu fuq vapuri li jtajru l-bnadar Komunitarji u dawn kollha li jieqfu fil-portijiet Komunitarji. Strument bħal dan se jippermetti l-applikazzjoni uniformi tal- Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu ta' l-ILO, 2006 mill-Istati Membri għall-vapuri kollha, inklużi dwar li jtajru bandiera ta’ pajjiż terz wara d-dħul fis-seħħ tal- Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu ta' l-ILO, 2006 f’konformità mal-prinċipju ta’ ebda trattament favorevoli aktar meta mqabbla ma’ pajjiżi li ma rratifikawx.

L-integrazzjoni ta’ standards internazzjonali fil-liġi ta’ l-UE tippromwovi kundizzjonijiet ugwali. Il-Kummissjoni għalhekk tistieden lill-imsieħba soċjali fis-settur tas-sajd fil-baħar sabiex jeżaminaw il-possibilitajiet ta' inizjattiva konġunta biex jippromwovu l-applikazzjoni ġewwa l-UE tad-dispożizzjonijiet tal- Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd, 2007 riċenti .

7. KONKLUżJONIJIET

Il-Kummissjoni se tkompli taħdem għat-tisħiħ tar-reġim regolatorju internazzjonali, b’mod partikolari billi tippromwovi r-ratifika u l-infurzar ta' standards internazzjonali u permezz ta' ftehim internazzjonali ma' pajjiżi terzi inklużi klawżoli soċjali u klawżoli ta' trattament ugwali.

Il-Kummissjoni hija impenjata wkoll li tippromwovi l-qafas legali Komunitarju għal ħaddiema fil-professjonijiet fuq il-baħar. L-analiżi f’din il-komunikazzjoni tindika li l-esklużjoni tagħhom mill-ambitu ta’ xi direttivi tista’ ma tkunx kompletament ġustifikata sakemm dawn ma jkunux jidhru li jikkontribwixxu għall-applikazzjoni ta’ soluzzjonijiet speċifiċi, addattati aktar għall-qagħda konkreta ta’ ħaddiema tali.

Id-drittijiet ta’ ħaddiema li jaħdmu fuq il-baħar għall-ħarsien fil-każ ta’ l-falliment ta’ min iħaddimhom jew it-trasferiment ta’ impriżi huma ta’ tħassib partikolari, u hawn għandha tiġi promossa strateġija koerenti sabiex tippermettilhom li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom b’mod effettiv kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’impriżi fuq skala Komunitarja. L-esklużjonijiet eżistenti mill-ambitu tad-Direttivi fir-rigward ta’ tagħrif u konsultazzjoni wkoll jeħtieġu reviżjoni.

Fejn jeżistu raġunijiet biżżejjed b’saħħithom sabiex jinżammu l-esklużjonijiet jew id-derogi eżistenti, għandu jitqies jekk leġiżlazzjoni ta' l-UE speċifika għas-settur tkunx l-aktar soluzzjoni xierqa sabiex tiggarantixxi l-istess livell ta’ ħarsien ta’ ħaddiema oħra taħt id-direttiva ġenerali lill-professjonijiet fuq il-baħar

F’dan il-każ, il-kundizzjonijiet legali partikolari li japplikaw fl-Istati Membri jeħtieġ li jiġu eżaminati sabiex ikun żgurat li l-professjonijiet fuq il-baħar igawdu minn livelli xierqa ta' ħarsien, b'mod partikolari fil-każi ta' esklużjonijiet kondizzjonali, li jobbligaw lill-Istati Membri li jistabbilixxu regolament aktar speċifiku jew garanziji alternattivi, biex b’hekk ikun żgurat l-istess livell ta’ ħarsien.

Kwalunkwe proposti futuri dwar l-evalwazzjoni mill-ġdid ta’ l-esklużjonijiet u/jew id-derogi applikabbli għas-setturi marittimi jitqiesu fuq il-bażi ta’ analiżi dettaljata ta’ l-impatt tagħhom fuq il-kompetittività ta’ l-industrija tal-baħar ta’ l-UE. Barra minn hekk, se jitqiesu l-istandards internazzjonali u kif dawn jirrelataw mar-regoli ta’ l-UE.

F’dan l-isfond, l-imsieħba soċjali huma mitluba jwieġbu għall-mistoqsijiet li ġejjin:

1. Taqbel ma’ l-analiżi tal-Kummissjoni tal-ġustifikazzjonijiet għall-esklużjoni u d-derogi mill-leġiżlazzjoni dwar ix-xogħol ta’ l-UE fir-rigward tal-professjonijiet fuq il-baħar?

2. It-tneħħija ta' l-esklużjonijiet li m'għadhomx iġġustifikati għandha twassal għall-inklużjoni ta’ professjonijiet fuq il-baħar fl-ambitu ġenerali ta’ l-applikazzjoni tad-direttivi rilevanti? X’għandhom ikunu l-prijoritajiet għall-azzjoni f’dan ir-rigward?

3. Fil-każ ta’ l-esklużjonijiet li inti tqis bħala ġustifikati minħabba l-partikolaritajiet tas-settur, jew għal raġunijiet oħrajn, huwa garantit l-istess livell ta' ħarsien għal professjonijiet fuq il-baħar b'mezzi oħrajn? Taħseb li tista’ tiġi garantita regolamentazzjoni speċifika fi ħdan id-direttiva rilevanti jew strument legali tal-liġi ta’ l-UE għall-professjonijiet fuq il-baħar?

4. Liema huma l-mezzi li ssib l-aktar xierqa sabiex issaħħaħ is-saħħa u s-sigurtà fuq il-bastimenti, b’mod partikolari fuq bastimenti żgħar tas-sajd?

5. Meta tqis id-diviżjoni ta’ responsabilitajiet legali bejn il-Komunità u l-Istati Membri fir-rigward tas-sigurtà soċjali, liema mezzi ta’ azzjoni taħseb li huma l-aktar xierqa sabiex jissaħħaħ il-ħarsien tas-sigurtà soċjali tal-ħaddiema fi professjonijiet fuq il-baħar?

*************

Din il-komunikazzjoni tikkostitwixxi l-ewwel fażi ta’ konsultazzjoni stipulata fl-Artikolu 138(2) tat-Trattat. Jekk, wara l-konsultazzjoni, il-Kummissjoni tqis li jkun aħjar jekk tittieħed azzjoni Komunitarja, hija se tikkonsulta ma' l-imsieħba soċjali dwar kwalunkwe proposta, kif stipulat fl-Artikolu 138(3) tat-Trattat.

[1] KUMM(2006) 275 tas-7.6.2006.

[2] Pereżempju l-Komunikazzjoni dwar il-Politika tal-Portijiet se tkun adottata fil-kuntest ta' politika marittima b'kapitlu li jitratta l-kundizzjonijiet tax-xogħol u d-djalogu soċjali fil-portijiet.

[3] Fir-Riżoluzzjoni tal-11.7.2007 (2007/2023(INI)), il-Parlament Ewropew "jitlob li l-ħaddiema kollha jkollhom aċċess għall-istess livell ta' protezzjoni u li ċerti gruppi ma jkunux esklużi b'kontumaċja mill-livell l-aktar wiesa' ta' protezzjoni, bħalma huwa ħafna drabi l-każ bħalissa għall-baħħara, ħaddiema fuq il-vapuri u ħaddiema offshore. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew "jinnota l-esklużjoni ta' sajjieda u baħħara mil-leġiżlazzjoni soċjali Ewropea fuq għadd ta' kwistjonijiet (pereżempju id-Direttiva dwar sensji kollettivi, dwar it-trasferiment ta' impriżi, dwar l-informazzjoni/konsultazzjoni u għall-għoti ta’ xogħol lill-ħaddiema fil-qafas tal-provvista ta' servizz). Irrispettivament tar-raġunijiet wara dawn l-esklużjonijiet, huwa importanti li titwaqqaf dik id-diskriminazzjoni fejn xieraq. Huwa għalhekk stieden lill-Kummissjoni biex tevalwa mill-ġdid dawn l-esklużjonijiet b'kooperazzjoni mill-qrib ma' l-imsieħba soċjali." (Para 1.7 ta' TEN/255 CESE 609/2007, 3 ta' April 2007).

[4] Bimco/ISF Manpower Studies 1995-2005.

[5] Il-Konvenzjoni ta' l-2006 dwar x-Xogħol Marittimu 2006 għandha l-għan li ssir r-"raba' pilastru" tas-sistema regolatorja internazzjonali għal tbaħħir ta' kwalità, billi tikkumplimenta l-Konvenzjonijiet prinċipali ta' l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO). Hija tikkonsolida u taġġorna il-liġi internazzjonali eżistenti (68 strument), bl-eċċezzjoni tal-konvenzjoni (Nru 185) riċenti dwar id-dokument ta' identità tal-baħħara u l-konvenzjoni (Nru 71) dwar il-pensjonijiet tal-baħħara.

[6] Din il-konvenzjoni tirrevedi erba’ konvenzjonijiet eżistenti u tikkumplimentahom b'dispożizzjonijiet oħra, pereżempju, dwar is-saħħa u s-sigurtà fix-xogħol u dwar il-konformità u l-infurzar fosthom dokument ta' konformità validu, spezzjoni u kontroll kemm mill-istat fejn hi reġistrata l-bandiera tal-vapur u kemm fil-portijiet mill-istat.

[7] KUMM(2005) 588 tat-23.11.2005.

[8] ĠU L 161, 22.6.2007.

[9] Iż-żewġ konvenzjonijiet ta' l-2006 u l-2007 ta' l-ILO jaffettwaw il-kompetenzi esklussivi tal-KE.

[10] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill ta' l-14 ta' April 2005, (ĠU L 136, 30.5.2005, pp 1) Il-kodiċi ġdid tal-fruntiera tal-Komunità tal-15 ta' Marzu 2006, għandu referenza għal din il-konvenzjoni.

[11] Id-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-4.11.2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol.

[12] Id-Direttiva tal-Kunsill 94/33/KE tat-22.6.1994 dwar il-protezzjoni taż-żgħażagħ fix-xogħol; L-Istati Membri jistgħu taħt ċerti kundizzjonijietr jawtorizzaw xogħol bil-lejl u jagħmlu derogi mir-regoli fuq mistrieħ ta’ kuljum jew ta’ kull ġimgħa fir-rigward ta’ l-adolexxenti li jaħdmu pereżempju fis-settur tat-tbaħħir (l-Artikoli 9.2 u 10.4).

[13] Id-Direttiva 2002/74/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23.9.2002 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 80/987/KEE dwar l-approsimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mal-protezzjoni ta' l-impjegati f'każ ta' l-insolvenza ta' min iħaddimhom.

[14] EL, IT, HU, MT, SK, UK.

[15] Id-Direttiva tal-Kunsill 94/45/KE tat-22.09.1994 dwar l-istabbiliment ta' Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet jew proċedura fl-impriżi fuq skala Komunitarja u fil-gruppi ta' l-impriżi fuq skala Komunitarja għall-għanijiet ta' tagħrif u ta' konsultazzjoni għall-impjegati (ĠU L 254, 30.9.1994, pp. 64).

[16] Ara l-Karta ta’ Ħidma 15 tal-partit ta’ ħidma li pprepara t-traspożizzjoni tad-Direttiva 94/45/KE. Madankollu ddikjarat ukoll li “jidher li xieraq li ma jiġux esklużi l-ekwipaġġi ta’ vapuri li jagħmlu distanzi iżgħar”. L-esklużjoni ma ġietx stipulata la fil-proposta tal-Kummissjoni KUMM(94) 134 la fil-proposta emendata KUMM(94) 228 .

[17] CY, EE, EL, HU, IT, LV.

[18] LT, MT.

[19] DK, NL, UK.

[20] Id-Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11.3.2002 li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni ta' l-impjegati fil-Komunità Ewropea.

[21] CY, DE, DK, EL, FR, MT, RO, UK.

[22] DE, DK, UK.

[23] Id-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE ta' l-20.7.1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar sensji kollettivi (ĠU L 225, 12.8.1998, p. 16).

[24] KUMM(91) 292.

[25] Pereżempju ES, FR, LT, EE, CZ, SI, PL diġa ma jagħmlux użu minn din l-esklużjoni.

[26] Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat-12.3.2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet ta’ l-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU L 82, 22.3.2001, p. 16).

[27] KUMM(94) 300.

[28] AT, CZ, DE, EE, ES, HU, IT, LT, PL, PT, SE, UK.

[29] Id-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16.12.1996 dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi.

[30] L-applikazzjoni tal-liġi tal-bandiera ġeneralment tissejjes fuq il-kunċett ta’ nazzjonalità tal-bastiment (b’analoġija man-nazzjonalità ta’ l-individwi) aktar milli l-assimilazzjoni għat-territorju.

[31] SEG(2006) 439.

[32] Rapport mill-Partit ta’ Ħidma fuq it-traspożizzjoni tad-Direttiva rigward l-għoti ta’ xogħol lill-ħaddiema.

[33] L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12.6.1989 dwar l-introduzzjoni ta' miżuru sabiex jinkoraġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix- xogħol (ĠU L 183, 29.6.1989, p. 1.).

[34] ĠU L 393, 30.12.1989, p. 1 .

[35] ĠU L 156, 21.6.1990, p. 14 .

[36] Id-Direttiva 1999/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1999 dwar il-ħtiġijiet minimi għat-titjib tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema potenzjalment fir-riskju mill-atmosferi splussivi (ĠU L 23, 28.1.2000, p. 57).

[37] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Socjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Regjuni - Intejbu l-kwalità u l-produttività fuq ix-xoghol: Strateġija Komunitarja 2007-2012 fuq is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol (KUMM(2007) 62, p.14).

[38] ĠU L 113, 30.4.1992, p. 19.

[39] ĠU L 307, 13.12.1993, p. 1.

[40] Ara pereżempju l-Każ 9/88 Lopes da Veiga , ECR (1989) 2989, Par. 15.

[41] Ara l-Artikolu 13(2)(c) u l-Artikolu 14(b)(4) li ma nbidlux fir-Regolament il-ġdid 883/2004, li se jieħu post ir-Regolament 1408/71.

[42] Taħt ir-Regolament 883/2004, skemi speċjali għal persuni li jaħdmu għal rashom jitilfu l-istatus speċjali tagħhom u jkunu wkoll koperti mir-Regolament jekk isiru obbligatorji bil-leġiżlazzjoni nazzjonali.