52007DC0578

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fir-rigward ta' l-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 998/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti ta' saħħa ta' l-annimali applikabbli għaċ-ċaqliq mhux kummerċjali ta' l-annimali tad-dar {COM(2007)572} /* KUMM/2007/0578 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 8.10.2007

KUMM(2007) 578 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

fir-rigward ta' l-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 998/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti ta' saħħa ta' l-annimali applikabbli għaċ-ċaqliq mhux kummerċjali ta' l-annimali tad-dar {COM(2007)572}

WERREJ

1. Aspetti ġenerali 4

1.1. Introduzzjoni 4

1.2. Sfond 5

1.3. Leġiżlazzjoni tal-KE dwar iċ-ċaqliq mhux kummerċjali ta' annimali domestiċi - deskrizzjoni qasira tar-reġim fis-seħħ bħalissa 5

1.3.1. Dispożizzjonijiet ġenerali 5

1.3.2. Ir-Rabja 6

1.3.2.1. Dħul fl-Istati Membri għajr għar-Renju Unit, Malta, l-Irlanda u l-Iżvezja 6

1.3.2.2. Id-dħul fir-Renju Unit, Malta, l-Irlanda u l-Iżvezja 6

1.3.3. Ekinokokkożi 7

1.3.3.1. Id-dħul fir-Renju Unit u l-Irlanda (għajr għall-annimali domestiċi ġejjin mir-Renju Unit jew l-Irlanda) 7

1.3.3.2. Regoli li japplikaw għad-dħul fl-Iżvezja, il-Finlandja u Malta: 7

1.3.4. Qurdien 7

1.3.4.1. Id-dħul fir-Renju Unit u l-Irlanda (għajr għall-annimali domestiċi ġejjin mir-Renju Unit jew l-Irlanda) 7

1.3.4.2. Dħul f'Malta 8

2. Riżultati tal-konsultazzjoni ma' l-Istati Membri dwar esperjenza miksuba s'issa bl-implimentazzjoni ta' l-Artikoli 6, 8 u 16 tar-Regolament 8

2.1. Introduzzjoni 8

2.2. Kwistjonijiet identifikati 8

2.2.1. Kummenti mill-Istati Membri għajr ir-Renju Unit, l-Irlanda, l-Iżvezja, il-Finlandja u Malta 8

2.2.2. Kummenti minn Stati Membri li żammew ir-rekwiżiti nazzjonali tagħhom 8

3. Rapporti xjentifiċi mill-konklużjonijiet ta' l-EFSA 9

3.1. Riskju ta' dħul tar-rabja fir-Renju Unit, l-Irlanda, l-Iżvezja, Malta bħala konsegwenza ta' l-abbandun tat-test seroloġiku li jkejjel l-antikorpi protettivi kontra r-rabja 9

3.1.1. Termini ta' referenza u Metodu 9

3.1.2. Elementi ewlenin tal-konklużjonijiet ta' l-EFSA 9

3.2. Riskju tad-dħul ta' l- Echinococcus fir-Renju Unit, l-Irlanda, l-Iżvezja, Malta u l-Finlandja bħala konsegwenza ta' l-abbandun ta' regoli nazzjonali 10

3.2.1. Termini ta' referenza u Metodu 10

3.2.2. Elementi ewlenin ta' l-opinjoni 11

3.3. Stima tar-riskju tad-dħul ta' "qurdien" fir-Renju Unit, l-Irlanda u Malta bħala konsegwenza ta' l-abbandun tar-regoli nazzjonali 12

3.3.1. Termini ta' referenza u Metodu 12

3.3.2. Elementi ewlenin ta' l-opinjoni 12

4. Konklużjoni Ġenerali 13

4.1. Konklużjonijiet tal-Kummissjoni mill-konsultazzjoni ma' l-Istati Membri 13

4.2. Konklużjonijiet tal-Kummissjoni mill-opinjonijiet ta' l-EFSA 13

4.2.1. Ir-Rabja 13

4.2.2. Ekinokokkożi 14

4.2.3. Qurdien 14

4.3. Għażliet disponibbli 14

4.4. Passi sussegwenti 15

5. Annessi 15

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

fir-rigward ta' l-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 998/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti ta' saħħa ta' l-annimali applikabbli għaċ-ċaqliq mhux kummerċjali ta' l-annimali tad-dar.

1. ASPETTI ġENERALI

1.1. Introduzzjoni

Ir-Regolament (KE) Nru 998/2003[1] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti ta' saħħa ta' l-annimali li japplikaw għaċ-ċaqliq mhux kummerċjali ta' l-annimali tad-dar u li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE ('ir-Regolament') kien ippubblikat fit-13 ta' Ġunju 2003 u daħal fis-seħħ fit-3 ta' Lulju 2003.

Ir-Regolament jarmonizza r-regoli ta' ċaqliq mhux kummerċjali ta' annimali tad-dar bejn l-Istati Membri u minn pajjiżi terzi ġewwa l-UE sabiex l-ivvjaġġar ta' l-annimali jkun aktar faċli.

Jippermetti madankollu lill-Irlanda, Malta, l-Iżvezja u r-Renju Unit li jżommu għal perjodu tranżizzjonali li jintemm fit-3 ta' Lulju 2008 ir-rekwiżiti nazzjonali tagħhom għar-rabja għad-dħul ta' annimali tad-dar, u l-Finlandja r-rekwiżit tat-trattament nazzjonali tagħha kontra l-parassiti qabel id-dħul fil-pajjiż, kif kienu fis-seħħ fid-data li fiha daħal fis-seħħ ir-Regolament.

Skond l-Artikolu 23 tar-Regolament, il-Kummissjoni hija meħtieġa tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, qabel l-1 ta' Frar 2007, rapport dwar il-ħtieġa li jinżamm it-test seroloġiku, u bi proposti xierqa għad-determinazzjoni tar-reġim li jrid jiġi applikat fi tmiem il-perjodu tranżizzjonali għaċ-ċaqliq bejn l-Istati Membri (Artikolu 6), id-dħul minn pajjiżi terzi (Artikolu 8) u t-trattament kontra l-parassiti qabel id-dħul (Artikolu 16).

Ir-rapport lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandu jkun ibbażat fuq l-esperjenza miksuba s'issa bl-implimentazzjoni ta' dawn l-Artikoli u fuq analiżi tar-riskju, wara li tkun waslet opinjoni xjentifika ta' l-Awtorità Ewropea dwar is-Sikurezza ta' l-Ikel (EFSA).

1.2. Sfond

L-istima ta' l-EFSA tar-risjku tad-dħul tar-rabja fl-Ingilterra, l-Irlanda, l-Iżvezja u Malta, bħala konsegwenza ta' l-abbandun tat-test seroloġiku li jkejjel l-antikorpi protettivi kontra r-rabja ġiet ippubblikata fit- 28 ta' Frar 2007[2].

Fir-rigward ta' l-ekinokokkożi u l-qurdien u skond l-Artikolu 16 tar-Regolament, l-Istati Membri kkonċernati ntalbu jibagħtu rapport dwar il-qagħda tagħhom f'dik li hi l-marda kkonċernata, filwaqt li jistabbilixxu r-raġunijiet għall-ħtieġa ta' garanziji addizzjonali ta' prevenzjoni kontra r-riskju tad-dħul tal-marda.

Il-Finlandja bagħtet ir-rapport tagħha fil-25 ta' Frar 2004 aġġornat fl-1 ta' Diċembru 2006, l-Iżvezja fit-22 ta' Novembru 2006, l-Irlanda fis-7 ta' Diċembru 2006 u r-Renju Unit fil-11 ta' Diċembru 2006. Sallum ebda rapport ma wasal minn Malta.

L-istima ta' l-EFSA tar-riskju tad-dħul ta' ekinokkożi fir-Renju Unit, l-Irlanda, l-Iżvezja, Malta u l-Finlandja bħala konsegwenza ta' l-abbandun tar-regoli nazzjonali ġiet adottata fit-18 ta' Jannar 2007[3].

L-istima ta' l-EFSA tar-riskju tad-dħul tal-qurdien fir-Renju Unit, l-Irlanda, u Malta bħala konsegwenza ta' l-abbandun tar-regoli nazzjonali ġiet adottata fit-18 ta' Marzu 2007[4].

Peress li xi aspetti ta' dawn iż-żewġ mandati dwar ir-riskju tad-dħul tar-"rabja" u l-"ekinokkożi" jittrattaw rispettivament kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu Veterinarju (CVMP), bħall-effikaċja tal-vaċċinazzjoni għar-rabja fl-annimali domestiċi jew tagħrif dwar prodotti mediċinali u l-bażi xjentifika għar-rakkomandazzjoni ta' skemi ta' trattament, l-Aġenzija Ewropea dwar il-Mediċini (EMEA) ġiet ikkonsultata b'mod formali mill-EFSA.

Barra minn hekk, minħabba li trid tipproduċi rapport, fl-20 ta' Ottubru 2006 il-Kummissjoni talbet lill-Istati Membri jipprovdu tagħrif dwar l-esperjenza miksuba bl-implimentazzjoni ta' l-Artikoli 6, 8 u 16 tar-Regolament.

1.3. Leġiżlazzjoni tal-KE dwar iċ-ċaqliq mhux kummerċjali ta' annimali domestiċi - deskrizzjoni qasira tar-reġim fis-seħħ bħalissa

1.3.1. Dispożizzjonijiet ġenerali

Ir-Regolament daħħal il-passaport għall-qtates, klieb u nmsa meta dawn jiċċaqalqu minn Stat Membru wieħed għall-ieħor, li jipprovdi evidenza li l-annimal ikun ġie vvaċċinat kontra r-rabja. Mikroċippa elettronika (transponder) - li se tidħol bil-mod il-mod fl-Istati Membri - se tippermetti l-identifikazzjoni faċli ta' l-annimali billi tikkonnetti l-passaport ma' l-annimal domestiku. Matul perjodu tranżizzjonali ta' 8 snin (li jintemm fl-2011), huwa permess tatwaġġ bħala marka ta' l-annimali, għajr għal xi Sati Membri li diġa issa jeħtieġu t-trasponder bħala l-unika marka obbligatorja.

Il-passaport jinħareġ minn veterinarju awtorizzat mill-awtorità kompetenti, li jiċċertifika li twettqet vaċċinazzjoni valida kontra r-rabja fuq l-annimal ikkonċernat b'vaċċin diżattivat skond ir-rakkomandazzjonijiet tal-produttur tal-vaċċin.

L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw iċ-ċaqliq ta' qtates, klieb u nmsa, li għandhom inqas minn tliet xhur u li mhumiex vaċċinati (Artikolu 52). 2).

Madankollu, ir-Regolament jippermetti lill-Finlandja, l-Irlanda, Malta, l-Iżvezja u r-Renju Unit jżommu l-miżuri ta' qabel l-adeżjoni bħat-trattament kontra l-parassiti u ttestjar tad-demm. Fil-każ ta' l-aħħar pajjiż, issir titrazzjoni ta' antikorp li jinnewtralizza r-rabja minn laboratorju approvat mill-AFSSA Nancy (Franza), li skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/258/KE ntgħażel bħala l-istitut speċifiku responsabbli mit-twaqqif tal-kriterji meħtieġa għall-istandardizzazzjoni tat-test seroloġiku biex tkun sorveljata l-effikaċja tal-vaċċini tar-rabja.

1.3.2. Ir-Rabja

1.3.2.1. Dħul fl-Istati Membri għajr għar-Renju Unit, Malta, l-Irlanda u l-Iżvezja

Mill-Istati Membri, ċerti pajjiżi Ewropej (mhux fl-UE) u pajjiżi terzi b'qagħda ta' rabja favorevoli (elenkati fl-Anness II, parti Ċ tar-Regolament): vaċċinażżjoni valida tar-rabja - Artikolu 5.

Minn pajjiżi terzi mhux elenkati fl-Anness II, parti Ċ tar-Regolament: barra minn vaċċinazzjoni valida kontra r-rabja, għandha titwettaq titrazzjoni ta' antikorp kontra r-rabja qabel iċ-ċaqliq minn laboratorju approvat fuq kampjun tad-demm mill-inqas 30 jum wara l-vaċċinazzjoni u tliet xhur qabel iċ-ċaqliq - Artikolu 8.

1.3.2.2. Id-dħul fir-Renju Unit, Malta, l-Irlanda u l-Iżvezja

1.3.2.2.1 Mill-Istati Membri għajr ir-Renju Unit, Malta, l-Irlanda u l-Iżvezja u l-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness II, parti Ċ tar-Regolament: Il-leġiżlazzjoni nazzjonali teħtieġ barra minn vaċċinazzjoni valida kontra r-rabja, titrazzjoni ta' antikorp imwettqa minn laboratorju approvat sitt xhur qabel il-vjaġġ fil-każ tar-Renju Unit, l-Irlanda u Malta u bejn 4 u 12-il xahar wara l-vaċċinazzjoni fil-każ ta' l-Iżvezja.

1.3.2.2.2 Minn pajjiżi terzi mhux elenkati fl-Anness II, parti Ċ tar-Regolament: tqegħid ġewwa faċilità ta' kwarantina qabel id-dħul - Artikolu 8.

1.3.2.2.3 Għad-dħul f'Malta l-15-il Stat Membru ta' l-UE biss u Ċipru, u għadd ta' pajjiżi terzi mhux ħielsa mir-rabja huma elenkati bħala pajjiżi li jikkwalifikaw għall-iskema ta' vvjaġġar ta' annimali domestiċi; l-annimali domestiċi li ġejjin minn bnadi oħra jridu jgħaddu minn kwarantina obbligatorja[5].

1.3.3. Ekinokokkożi

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali saret disponibbli lill-pubbliku mill-awtoritajiet kompetenti tal-ħames Stati Membri kkonċernati.

1.3.3.1. Id-dħul fir-Renju Unit u l-Irlanda (għajr għall-annimali domestiċi ġejjin mir-Renju Unit jew l-Irlanda)

Kull darba fi ħdan 24 sa 48 siegħa qabel iċ-ċekin mal-kumpanija ta' trasport approvata, klieb u qtates li jkunu qed jivvjaġġaw jew jirritornaw lejn ir-Renju Unit[6] jew l-Irlanda[7] jridu jiġu ttrattati minn veterinarju kontra d-duda Echinococcus multilocularis bi prodott li fih il-praziquantel, skond l-istruzzjonijiet tal-produttur.

1.3.3.2. Regoli li japplikaw għad-dħul fl-Iżvezja, il-Finlandja u Malta:

L-Iżvezja[8] teżiġi trattament kontra d-duda ( Echinococcus ) minn 1 sa 10 tijiem qabel id-dħul fil-pajjiż. Il-Finlandja[9] teżiġi ċertifikat maħruġ minn veterinarju li juri li l-annimal ingħata, mhux aktar minn 30 jum qabel il-wasla, doża xierqa ta' mediċina awtorizzata li fiha l- praziquantel.

Il-medikament mhux meħtieġ għal annimali li għandhom anqas minn tliet xhur u dawk introdotti direttament mill-Iżvezja, in-Norveġja (għajr għal Svalbard), ir-Renju Unit jew l-Irlanda, jew jekk l-annimal jirritorna lejn il-Finlandja fi żmien 24 siegħa.

Malta[10]teżiġi trattament bil- praziquantel b'ċertifikat fi żmien 24 sa 48 siegħa qabel it-tluq.

1.3.4. Qurdien

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali saret disponibbli lill-pubbliku mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri kollha kkonċernati.

1.3.4.1. Id-dħul fir-Renju Unit u l-Irlanda (għajr għall-annimali domestiċi ġejjin mir-Renju Unit jew l-Irlanda)

Qabel id-dħul jew id-dħul mill-ġdid fir-Renju Unit jew l-Irlanda, il-klieb u l-qtates jridu jiġu ttrattati minn veterinarju kontra l-qurdien fi żmien 24 sa 48 siegħa qabel iċ-ċekin.

Il-prodott kontra l-qurdien irid ikun prodott veterinarju li għandu awtorizzazzjoni għas-suq fil-pajjiż fejn jintuża u jkollu liċenzja għall-użu kontra l-qurdien. Kullar kontra l-qurdien mhux aċċettabbli.

1.3.4.2. Dħul f'Malta

Malta teżiġi trattament b'ċertfikat bil- Fiprinol fi żmien 24 sa 48 siegħa qabel il-bidu tal-vjaġġ lejn Malta.

2. RIżULTATI TAL-KONSULTAZZJONI MA' L-ISTATI MEMBRI DWAR ESPERJENZA MIKSUBA S'ISSA BL-IMPLIMENTAZZJONI TA' L-ARTIKOLI 6, 8 U 16 TAR-REGOLAMENT

2.1. Introduzzjoni

Total ta' għoxrin Stat Membru wieġbu għat-talba tal-Kummissjoni għal tagħrif marbut ma' l-Artikolu 23 tar-Regolament u bagħtu minn rapporti ddettaljati bbażati fuq stħarriġ estern sa stqarrijiet qosra.

Xi Stati Membri użaw din it-tweġiba biex iqajmu tħassib dwar kwistjonijiet mhux koperti mill-konsultazzjoni (ċaqliq kummerċjali, identifikazzjoni, annimali domestiċi iżgħar minn 3 xhur u l-ordni ta' preparazzjoni) li jridu jitqiesu fit-twettiq tal-proċess li ġej ta' reviżjoni biex jiġi ddeterminat ir-reġim li jrid jiġi applikat mill-1 ta' Jannar 2008.

2.2. Kwistjonijiet identifikati

Filwaqt li b'mod ġenerali r-Regolament jitqis bħala titjib meta mqabbel mal-qagħda preċedenti, ir-rekwiżiti addizzjonali varji li nżammu mir-Renju Unit, l-Irlanda, l-Iżvezja, il-Finlandja u Malta jibqgħu jikkawżaw konfużjoni u skumdità fost il-vjaġġaturi.

2.2.1. Kummenti mill-Istati Membri għajr ir-Renju Unit, l-Irlanda, l-Iżvezja, il-Finlandja u Malta

Mill-konsultazzjoni ma' l-Istati Membri, ħareġ dan li ġej bħala tħassib ewlieni:

- differenzi mhux ġustifikati f'miżuri ta' protezzjoni bejn Stati Membri ta' passat ta' ħelsien mir-rabja differenti;

- differenzi mingħajr raġuni f'rekwiżiti ta' saħħa u limiti ta' żmien għall-vaċċinazzjoni u trattament jikkomplikaw l-ivvjaġar ta' l-annimali mingħajr bżonn u jżidu l-ispejjeż;

- protokolli ta' vaċċinazzjoni differenti jikkomplikaw il-kontrolli veterinarji;

- ir-rekwiżiti armonizzati pprevjenu b'mod effettiv id-dħul tar-rabja fil-maġġoranza ta' l-Istati Membri.

2.2.2. Kummenti minn Stati Membri li żammew ir-rekwiżiti nazzjonali tagħhom

Ir-Regolament huwa meqjus bħala alternattiva popolari u ta' suċċess minnflok il-kwarantina u ppermetta lis-sidien ta' l-annimali domestiċi jivvjaġġaw ma' l-annimali tagħhom bl-inqas diffikultà.

Ir-Renju Unit, il-Finlandja u l-Irlanda jixtiequ li r-reġimi preżenti koperti bl-Artikolu 6, 8 jew 16 tar-Regolament jissoktaw bħala miżura permanenti. Malta ma kkummentatx. L-Iżvezja hija favur li:

- jiġi abolit l-ittestjar tad-demm għar-rabja fi ħdan l-UE u għad-dħul minn pajjiżi oħra ta' riskju baxx, jekk l-EFSA tasal għall-konklużjoni li dan jista' jsir mingħajr ma jiżdied ir-riskju li tinfirex ir-rabja u jekk issir vaċċinazzjoni orali regolari tal-volpi taħt il-kontroll ta' l-UE fl-Istati Baltiċi, il-Polonja, Is-Slovakkja, l-Ungerija, ir-Rumanija u l-Bulgarija;

- jinżamm l-obbligu ta' kwarantina nazzjonali għall-annimali domestiċi li ġejjin minn pajjiżi terzi ta' riskju għoli sakemm tiġi ppreżentata evidenza xjentifika li d-dħul mingħajr kwarantina huwa possibbli mingħajr ma jiżdied ir-riskju tar-rabja.

3. RAPPORTI XJENTIFIċI MILL-KONKLUżJONIJIET TA' L-EFSA

3.1. Riskju ta' dħul tar-rabja fir-Renju Unit, l-Irlanda, l-Iżvezja, Malta bħala konsegwenza ta' l-abbandun tat-test seroloġiku li jkejjel l-antikorpi protettivi kontra r-rabja

3.1.1. Termini ta' referenza u Metodu

Bi qbil mat-termini ta' referenza li jidhru fid-dettall fuq paġna 8 ta' l-opinjoni, l-EFSA wettqet stima kwantitattiva tar-riskju fuq il-kapaċità ta' tnaqqis ta' riskju tal-protokolli bl-applikazzjoni u mingħajr applikazzjoni ta' test seroloġiku wara l-vaċċinazzjoni. Ir-rabja tal-friefet il-lejl ġiet eskluża mill-ambitu tal-valutazzjoni tar-riskju.

3.1.2. Elementi ewlenin tal-konklużjonijiet ta' l-EFSA

Vaċċinazzjoni għar-rabja bl-użu ta' vaċċin awtorizzat applikat skond l-iskeda ta' vaċċinazzjoni approvata titqies bħala r-rekwiżit ewlieni għaċ-ċaqliq ta' l-annimali domestiċi lejn l-Istati Membri u minn wieħed għall-ieħor, sakemm tiġi stabbilita u miżmuma l-immunità protettiva.

Titrazzjoni seroloġika ta' 0.5 IU/ml ta' antikorpi newtrallizzanti mkejla f'kampjun meħud wara l-perjodu preskritt wara primo-vaċċinazzjoni b'doża waħda, titqies bħala indikattiva ta' probabilità għolja ta' protezzjoni u tintuża bħala titrazzjoni tal-limitu minimu.

Peress li din is-suppożizzjoni mhix marbuta ma' l-effikaċja ta' xi vaċċin iżda mad-definizzjoni ta' ċertu livell ta' riskju, il-punti li ġejjin jeħtieġ li jiġu indirizzati b'mod speċifiku:

- bħala funzjoni ta' ħin, il-vaċċinazzjoni ta' annimal li jkun diġà qed jinkuba r-rabja jista' jkollha effett limitat jew effett ta' xejn fuq l-iżvilupp sussegwenti tal-marda;

- ebda metodi diskriminatorji mhuma disponibbli biex tinstab infezzjoni f'annimal ħaj ivvaċċinat;

- minħabba varjazzjonijiet bijoloġiċi individwali, frazzjoni żgħira ta' annimali vvaċċinati speċjalment annimali taħt sena ("ta' rispons baxx") jistgħu ma' jilħqux it-titrazzjoni tal-limitu minimu wara doża waħda ta' vaċċinazzjoni primarja.

Mill-punti ta' hawn fuq huwa possibbli li tidentifika żewġ xenarji ta' riskju li jeħtieġu miżuri ta' taffija tar-riskju addizzjonali biex ma jkunx hemm tixrid tal-mard:

- l-annimal ġie vvaċċinat waqt li kien qed jinkuba l-marda (riskju tat-tip A), u

- annimal ta' rispons baxx jiġi infettat u jinkuba l-marda minkejja rekord ta' vaċċinazzjoni pożittiv (riskju tat-tip B).

Protokoll li jinkludi l-miżuri ta' taffija ta' riskju li ġejjin ikun l-aħjar mod li bih jiġi ttrattat ir-riskju tad-dħul tar-rabja:

- żmien ta' stennija (iż-żmien li jgħaddi bejn il-vaċċinazzjoni u ċ-ċaqliq) wara l-primo-vaċċinazzjoni b'doża waħda jippermetti li tiżviluppa marda klinika jekk l-annimal ġie infettat qabel il-primo-vaċċinazzjoni. L-istima tar-riskju ta' l-EFSA sawwret l-effett taż-żmien ta' stennija fuq il-probabilità ta' żvilupp ta' sinjali kliniċi qabel tmiem il-ħin ta' stennija, għaż-żewġ xenarji ta' riskju. Bħala eżempju, annimal għandu probabilità ta' 95.2% li jiżviluppa sinjali kliniċi qabel tmiem l-istennija ta' perjodu ta' 60 jum.

- l-ittestjar seroloġiku jew l-għoti tat-tieni injezzjoni ta' vaċċin minn 4 sa 6 ġimgħat wara l-ewwel vaċċinazzjoni, biex tiġi megħluba l-problema ta' l-annimali ta' rispons baxx, sakemm l-iskedi approvati ta' vaċċinazzjoni jiġu emendati biex jinkludu din l-għażla fl-awtorizzazzjoni tas-suq.

Mhemmx prinċipju ta' bażi biex jiġi inkluż żmien ta' stennija lilhinn miż-żmien li fih tkun intlaħqet immunità ta' protezzjoni għall-annimali li jkunu ġejjin minn pajjiżi b'inċidenza neġliġibbli ta' rabja fl-annimali domestiċi (inqas minn każ kull miljun annimal fis-sena). Skond l-opinjoni ta' l-EFSA, l-ogħla prevalenza ta' rabja fl-annimali domestiċi fl-2005 fi ħdan l-UE tinsab fl-Istati Balitiċi.

Ftit li xejn teżisti data ppubblikata li turi l-impatt pożittiv tat-tieni injezzjoni u s-suppożizzjoni hija bbażata l-aktar fuq pariri esperti minn laboratorji awtorizzati biex jagħmlu testijiet seroloġiċi. Għaldaqstant l-għadd ta' annimali ta' rispons baxx veru wara żewġ injezzjonijiet huwa meqjus bħala negliġibbli.

3.2. Riskju tad-dħul ta' l- Echinococcus fir-Renju Unit, l-Irlanda, l-Iżvezja, Malta u l-Finlandja bħala konsegwenza ta' l-abbandun ta' regoli nazzjonali

3.2.1. Termini ta' referenza u Metodu

Bi qbil mat-termini ta' referenza li jidhru fid-dettall fuq paġna 5 ta' l-opinjoni, l-EFSA wettqet l-istima tagħha tar-riskju fid-dawl tar-rapporti mibgħuta mill-Finlandja, l-Irlanda, ir-Renju Unit u l-Iżvezja. Dawn ir-rapporti għandhom jistabbilixxu r-raġunijiet għall-ħtieġa ta' garanziji addizzjonali għall-prevenzjoni tar-riskju tad-dħul tal-marda.

Minħabba l-qagħda epidemjoloġika fl-Istati Membri kkonċernati u l-assenza ta' tagħrif ta' sfond fil-mandat fuq liema speċji partikolari għandha titwettaq l-istima tar-riskju, l-EFSA ssuġġerit li tirrestrinġi l-istima għal E.multilocularis . Il-Kummissjoni aċċettat dan is-suġġeriment.

Minħabba nuqqas ta' programmi ta' sorveljanza armonizzata għall- E. multilocularis fl-annimali domestiċi u dawk selvaġġi fl-UE (varjetà ta' strateġiji ta' teħid ta' kampjuni u metodi ta' dijanjosi), id-disponibilità limitata ta' tagħrif dwar il-prevalenza jew l-inċidenza ta' infezzjonijiet bl- E. multilocularis fl-annimali domestiċi u fuq il-bażi tan-natura tad- data li ntbagħtet mill-Istati Membri kkonċernati, l-EFSA wettqet stima tar-riskju kwantitattiv.

Barra minn hekk, l-EFSA kkunsidrat ukoll data mir-Rapport Sommarju tal-Komunità dwar iz-Zoonożi, l-Aġenti Zoonotiċi, ir-Reżistenza Anti-mikrobika u Tifqigħat li jinġarru fl-Ikel fl-Unjoni Ewropea fl-2005[11] li huma bbażati fuq ir-rapporti annwali ta' l-Istati Membri.

3.2.2. Elementi ewlenin ta' l-opinjoni

L-istħarriġiet varji iżolati fl-annimali salvaġġi juru varjabilità kbira minn pajjż għal ieħor u anki bejn reġjuni fl-istess pajjiż. Għalhekk il-paraguni bejn is-sitwazzjonijiet epidemjoloġiċi varji huma estremament diffiċli. Din il-varjabilità għandha titqies għal kull definizzjoni ta' l-istatus (ħieles/endemiku) tal-pajjiż li jiddependi fuq għadd ta' fatturi li jridu jiġu ddefiniti.

Sallum, l-istħarriġ li sar fil-Finlandja biex jinstab l- E. multilocularis fil-klieb (l-istrateġija tat-teħid ta' kampjuni ma kinitx indikata) wera riżultati negattivi. Ir-Renju Unit, l-Irlanda, l-Iżvezja u Malta ma pprovdux tagħrif dwar is-sorveljanza fl-annimali domestiċi.

Minn għadd żgħir ta' stħarriġiet ippubblikati dwar l-infezzjoni fl-annimali domestiċi fl-Ewropa, jidher li r-rati ta' infezzjoni fil-karnivori domestiċi hija baxxa l-aktar x'aktarx minħabba espożizzjoni baxxa għall-parassita u għat-tneħħija tad-duda bħala rutina mill-animali domestiċi. Jidher li l-klieb u l-qtates huma ta' importanza sekondarja għaċ-ċiklu ta' ħajja li tipikament huwa bbażat fuq l-annimali salvaġġi. Madankollu, minħabba l-kuntatt mill-qrib dawn jistgħu jkollhom rwol fit-trażmissjoni lill-bniedem, u l-marda fil-bniedem jista' jkollu konsegwenzi serji. Ir-rwol tal-qtates bħala annimali li jilqgħu l-marda fihom b'mod finali huwa bħalissa mhux konklużiv.

Mit-tliet protokolli ta' trattament preżenti użati mir-Renju Unit, l-Irlanda, Malta, il-Finlandja u l-Iżvezja ġie konkluż li l-probabilità ta' infezzjoni mill-ġdid fil-pajjiż ta' oriġini, u l-probabilità tat-tixrid vijabbli tal-bajda fil-pajjiż ta' importazzjoni tonqos għal livell negliġibbli meta trattament xieraq bil-praziquantal jingħata bejn 24 u 48 siegħa qabel it-tluq.

L-ekinokokkożi hija notifikabbli fil-bniedem f'dawk l-Istati Membri li pprovdew tagħrif, għajr fid-Danimarka, Franza, l-Olanda u r-Renju Unit. Ċipru, il-Lussemburgu, Malta u l-Polonja ma pprovdewx tagħrif dwar in-notifikabilità ta' l-ekinokokkożi fil-bniedem. Din id- data tinġabar u tiġi ppubblikata bħala r-Rapport Sommarju tal-Komunità dwar Tendenzi u Għejun ta' Zoonożi, Aġenti Zoonotiċi, Reżistenza Anti-mikrobika u Tifqigħat li jiġarru fl-Ikel fl-Unjoni Ewropea ta' l-EFSA. Izda, għas-sena 2005, il-Lussemburgu, Malta, il-Belġju, l-Estonja, il-Finlandja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja u s-Slovenja ma tawx sehemhom fir-rapport (EFSA, 2006).

Fl-annimali, is-sejba ta' l- Echinococcus hija notifikabbli f'bosta Stati Membri ħlif fir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija u r-Renju Unit, filwaqt li Ċipru, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, Lussemburgu, Malta u l-Polonja ma pprovdewx tagħrif (EFSA, 2006). In-notifikabbilità titqies meħtieġa biex turi l-assenza ta' infestazzjoni fil-popolazzjoni awtoktona tagħha ta' l-annimali jew tal-bniedem.

3.3. Stima tar-riskju tad-dħul ta' "qurdien" fir-Renju Unit, l-Irlanda u Malta bħala konsegwenza ta' l-abbandun tar-regoli nazzjonali

3.3.1. Termini ta' referenza u Metodu

Bi qbil mat-termini ta' referenza fuq paġna 4 ta' l-opinjoni, l-EFSA wettqet l-istima tagħha tar-riskju fid-dawl tar-rapporti mibgħuta mill-Irlanda u r-reviżjoni li pproduċiet id-DEFRA (Renju Unit). L-EFSA kienet tal-fehma li reviżjoni kompleta għall-qagħda f'Malta u l-Irlanda kienet meħtieġa.

L-EFSA ma indirizzatx il-qurdien u l-mard ġej mill-qurdien f'annimali tat-trobbija/agrikoltura iżda iffukat fuq qurdien li jinġarr minn annimali domestiċi. Ir-rapport janalizza d-distribuzzjoni ġeografika ta' dan il-qurdien, inkluża l-qagħda preżenti fir-Renju Unit, l-Irlanda u Malta, u r-rwol tiegħu bħala vettur għall-aġenti tal-mard li jistgħu jkun responsabbli għal mard eżotiku importanti b'impatti zoonotiċi potenzjali.

3.3.2. Elementi ewlenin ta' l-opinjoni

Mad-dinja kollha il-qurdien, flimkien mal-briegħed, huma l-aktar ektoparassiti mifruxa li jaffettwaw l-annimali domestiċi. S'issa hemm 866 speċji deskritti ta' qurdien mad-dinja kollha, li minnhom madwar 54 jaffettwaw l-annimali domestiċi. Il-qurdien jista' jiġi kklassifikat fuq il-bażi ta' l-għadd ta' speċji ta' annimali li jinfettaw. Il-bicca l-kbira tal-qurdien li jeffettwaw il-klieb u l-qtates mad-dinja kollha huma speċji ta' qurdien telotropiċi li joqgħdu fuq tliet annimali u jgħixu minn fuq karnivori żgħar, nagħaġ, ifrat jew żwiemel.

Id-distribuzzjoni ta' xi wħud ta' l-ispeċji tal-qurdien hija x'aktarx issottovalutata minħabba nuqqas ta' sorveljanza komprensiva u l-ġbir ta' kampjuni li jsir aktar ikkomplikat minħabba d-diffikultajiet li jistgħu jitfaċċaw fl-identifikazzjoni tagħhom. Xi ftit mit-tagħrif disponibbli huwa jew aneddottali jew storiku. Il-konsiderazzjonijiet ta' hawn fuq iwasslu għall-konklużjoni li l-assenza ta' evidenza ma tfissirx evidenza ta' assenza ta' qurdien f'xi zona partikolari.

L-ispeċijiet tal-qurdien li jospitaw l-annimali domestiċi (jiġifieri klieb, qtates, inmsa) u t-tixrid tagħhom ma' l-Ewropa ġew ikklassifikati. Ebda rapporti ma nstabu dwar il-preżenza u/jew distribuzzjoni ta' l-ispeċji tal-qurdien f'Malta. Ir-rapporti preżenti u l-letteratura jindikaw l-preżenza ta' speċji magħżul ta' qurdien fir-Renju Unit u l-Irlanda; mhemmx data dwar Malta.

Il-qurdien bħala parassiti ematofagi huwa magħruf li jittrażmettu li min jospitahom varjetà wiesgħa ta' patoġeni li jistgħu jġibu mard li jinġarr mill-qurdien (tick borne diseases = TBD) li jaffettwaw annimali salvaġġi u domestiċi inklużi pets u bnedmin.

Iżda xi wħud minn dawn it-TBDs mhumiex notifikabbli jew rapportabbli f'ħafna pajjiżi u għalhekk hemm nuqqas ta' data ġenerali. It-TBDs huma numerużi u huma periklu għas-saħħa tal-bniedem u l-annimal. Il-biċċa l-kbira ta' dan il-mard huwa ssottovalutat minħabba sinjali kliniċi komuni u sintomi li huma komuni ma' ħafna mard ieħor. Barra minn hekk f'ħafna minn dan il-mard teżisti l-ko-infezzjoni. Hemm nuqqas ta' miżuri dijanjostiċi affidabbli għal ħafna minn dawn it-TBDs.

Ir-rapporti pprovduti mir-Renju Unit u l-Irlanda ma jwettqux stima komprensiva biex jiddeterminaw ir-riskju tad-dħul tal-qurdien f'dawn il-pajjiżi minħabba nuqqas ta' data suffiċjenti meħtieġa. Il-valutazzjoni ta' l-effikaċja tat-trattament għall-prevenzjoni ta' l-infestazzjoni mill-qurdien teħtieġ għarfien minn qabel dwar id-distribuzzjoni tal-qurdien iżda ma tistax issir minħabba l-iskarsezza ta' data ppreżentata fir-rapporti.

4. KONKLUżJONI ĠENERALI

4.1. Konklużjonijiet tal-Kummissjoni mill-konsultazzjoni ma' l-Istati Membri

Il-maġġoranza ta' l-Istati Membri, ħlif għar-Renju Unit, l-Irlanda, Malta, l-Iżvezja u l-Finlandja huma favur regoli armonizzati għaċ-ċaqliq ta' l-annimali domestiċi fl-Istati Membri. Jixtiequ jnaqqsu kemm jista' jkun id-dwejjaq għan-nies li jivvjaġġaw bl-annimali domestiċi mingħajr ma jqiegħdu fil-periklu l-kontroll tal-mard ikkonċernat.

Ir-Renju Unit, l-Irlanda u l-Finlandja huma aktar favur li jinżammu r-regoli preżenti. L-Iżvezja hija lesta li tirrevedi r-regoli preżenti skond jekk ikunx hemm riżultat favorevoli mill-istima tar-riskju ta' l-EFSA.

4.2. Konklużjonijiet tal-Kummissjoni mill-opinjonijiet ta' l-EFSA

4.2.1. Ir-Rabja

Sakemm tkun ġiet stabbilita immunità protettiva u tkun inżammet permezz ta' l-għoti ta' vaċċin awtorizzat skond l-iskeda ta' vaċċinazzjoni approvata, il-vaċċinazzjoni valida għandha tkun l-uniku rekwiżit għall-annimali domestiċi biex jivvjaġġaw lejn l-Istati Membri kollha.

Sabiex jitnaqqas ir-riskju li annimali mhux protetti jiġu mċaqilqa waqt li jkunu qed jinkubaw il-marda, jeħtieġ li addizzjonalment jiġu introdotti miżuri komplementari ta' taffija tar-riskju wara l-primovaċċinazzjoni b'doża waħda, flimkien ma':

- l-implimentazzjoni ta' żmien ta' stennija biex jilħqu jiżviluppaw is-sinjali kliniċi jekk l-annimal ikun infettat qabel ma tintaħaq l-immunità protettiva;

- proċedura li tiżgura immunità protettiva jew permezz ta' test bit-titrazzjoni tal-limitu minimu ta' 0.5 IU/ml għan-netralizzazzjoni ta' l-antikorpi jew doża qawwija ta' vaċċinazzjoni oħra, soġġetta għat-tibdil fl-iskedi approvati ta' vaċċinazzjoni li jkunu parti mill-awtorizzazzjoni tal-vaċċin għas-suq.

4.2.2. Ekinokokkożi

Ir-riskju ta' l-introduzzjoni ta' l- E. multilocularis minn zoni endemiċi f'pajjiżi fejn hemm l-annimal intermedju li jospita (annimali gerriema) iżda li huma kkunsidrati ħielsa mill-marda fuq il-bażi ta' stħarriġ nazzjonali huwa aktar minn negliġibbli u jista' jitnaqqas jekk l-annimali domestiċi jiġu ttrattati qabel iċ-caqliq.

Madankollu, l-istima tar-riskju hija mfixkla min-nuqqas ta' data affidabbli minkejja l-potenzjal zoonotiku tal-marda. Peress li hemm strateġiji varji ta' sorveljanza u l-marda fil-bniedem u l-annimali mhix notifikabbli f'ħafna pajjiżi, kull valutazzjoni ta' l-epidemjoloġija tista' biss tkun approssimattiva.

Barra minn hekk ċerti pajjiżi għandhom fruntiera ma' pajjiżi affettwati u għalhekk huma aktar miftuħa għar-riskju tad-dħul ta' l- E. multilocularis miċ-ċaqliq ta' l-annimali salvaġġi bein il-fruntieri milli miċ-ċaqliq ta' annimali domestiċi infettati.

4.2.3. Qurdien

L-ispeċjijiet tal-qurdien li jgħixu fuq l-annimali domestiċi huma mifruxa sew fl-Ewropa, inklużi r-Renju Unit, l-Irlanda u probabilment Malta. Dawn jieklu minn fuq kulħadd peress li jgħixu bħala parassiti fuq medda kbira ta' mammali żgħir, annimali ta' kumpanija u ekonomiċi u l-bnedmin.

Is-sistemi ta' sorveljanza għall-ispeċijiet ta' qurdien u mard trażmess mill-qurdien huma limitati u mhux komprensivi. Id- data disponibbli fil-preżent tindika nuqqas ta' ġbir sistematiku ta' kampjuni, sfond epidemjoloġiku u miżuri effettivi ta' kontroll.

L-opinjoni ta' l-EFSA ma kkorrelatatx il-medda tad-distribuzzjoni ġeografika ta' ħafna speċjijiet ta' qurdien maċ-ċaqliq ta' klieb u qtates li żdid iżda aktar ma' l-impatti potenzjali tat-tibdil klimatiku.

L-opinjoni wriet b'mod ċar in-nuqqas ta' evidenza suffiċjenti fuq il-qagħda epidemjoloġika fir-Renju Unit, l-Irlanda u Malta biex tikkonfuta jew tilqa' l-ġustifikazzjonijiet ta' garanziji addizzjonali applikati fil-preżent minn dawn il-pajjiżi.

4.3. Għażliet disponibbli

Biex tiddeċiedi dwar il-possibilità ta' reviżjoni tar-reġim preżenti, il-Kummissjoni qiegħda bħalissa tikkonsidra l-għażliet disponibbli, li jistgħu jitqassru kif ġej:

1. L-issoktar fuq bażi permanenti tal-miżuri kondizzjonali preżenti ta' qabel id-dħul għar-Renju Unit, l-Irlanda, Malta, il-Finlandja u l-Iżvezja. Din l-għażla ma tikkunsidrax l-opinjonijiet xjentifiċi pprovduti mill-EFSA, li ma jurux xi status partikolari tal-ħames Stati Membri fir-rigward tal-mard ikkonċernat. Din l-għażla ma tneħħix il-konfużjoni u d-dwejjaq ta' ċerti passiġġieri u hija l-bogħod ħafna mill-intenzjonijiet ta' Stati Membri oħra li jiksbu l-armonizzazzjoni u s-simplifikazzjoni meta titqies il-qagħda relattivament omoġenea tas-saħħa ta' l-annimali fl-Ewropa fir-rigward tal-mard ikkonċernat.

2. Estensjoni tal-perjodu tranżizzjonali għall-miżuri kondizzjonali preżenti ta' qabel id-dħul għar-Renju Unit, l-Irlanda, Malta, il-Finlandja u l-Iżvezja sakemm tiġi ppreżentata evidenza xjentifika li tgħid li t-tneħħija tal-miżuri preżenti hija possibbli mingħajr ma jiżdiedu r-riskji tad-dħul tal-mard: din l-għażla għandha tinżamm jekk jinstab li l-opinjonijiet xjentifiċi pprovvduti mill-EFSA ma jissostanzjawx biżżejjed il-modifika tal-miżuri u sakemm tinkiseb aktar evidenza xjentifika.

3. It-tneħħija tal-miżuri kondizzjonali preżenti ta' qabel id-dħul għar-Renju Unit, l-Irlanda, Malta, il-Finlandja u l-Iżvezja: din l-għażla tfisser armonizzazzjoni sħiħa tar-regoli fl-UE, iżda ma tqisx it-tħassib kollu mqajjem mir-Renju Unit, l-Irlanda, il-Finlandja, Malta u l-Iżvezja u ma tqisx l-elementi kollha li hemm fl-opinjonijiet ta' l-EFSA.

4. Aġġustament tar-regoli preżenti applikabbli għall-Istati Membri kollha, ħlif għar-Renju Unit, l-Irlanda, il-Finlandja, Malta u l-Iżvezja, bi qbil mal-konsultazzjonijiet ta' l-Istati Membri u l-opinjonijiet ta' l-EFSA, u t-tneħħija sussegwenti tal-kondizzjonijiet speċifiċi applikati minn dawn il-ħames Stati Membri tkun ta' benefiċċju għaċ-ċittadini ta' l-UE huma u jivvjaġġaw bl-annimali domestiċi tagħhom mat-territorju kollu ta' l-UE u barra mill-pajjiż filwaqt li titejjeb is-sikurezza ta' dan iċ-ċaqliq ta' annimali domestiċi.

4.4. Passi sussegwenti

Skond l-Artikolu 23 tar-Regolament, il-Kummissjoni għandha tressaq proposti xierqa għad-determinazzjoni tar-reġim li jrid jiġi applikat fi tmiem il-perjodu tranżizzjonali għall-Artikoli 6, 8, u 16 tar-Regolament.

Iżda, minħabba li l-istima xjentifika damet iktar milli kien mistenni, u żammet lura l-konklużjoni tar-rapport tal-Kummissjoni, u l-proposta mħejjija tal-Kummissjoni li temenda r-Regolament (KE) Nru 998/2003 se ġġib diskussjonijiet fi ħdan il-qafas tal-proċedura ta' ko-deċiżjoni, x'aktarx li ma tilħaqx tlesti fiż-żmien imsemmi hawn fuq.

Għaldaqstant, qabel ma tqis li tikkunsidra aktar l-għażliet identifikati ppreżentati f'dan ir-rapport, il-Kummissjoni se tressaq proposta leġiżlattiva għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 998/2003 dwar ir-rekwiżiti ta' saħħa ta' l-annimali applikabbli għaċ-ċaqliq mhux kummerċjali ta' annimali domestiċi fir-rigward ta' l-estensjoni tal-perjodu tranzizzjonali.

5. ANNESSI

5.1. Ir-Regolament (KE) Nru 998/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Mejju 2003 dwar ir-rekwiżiti ta' saħħa ta' l-annimali li japplikaw għaċ-ċaqliq mhux kummerċjali ta' l-annimali domestiċi u li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE.

http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/site/en/consleg/2003/R/02003R0998-20061025-en.pdf

http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/site/en/oj/2007/l_073/l_07320070313en00090009.pdf

5.2. Stima tar-riskju ta' dħul tar-rabja fir-Renju Unit, l-Irlanda, l-Iżvezja u Malta bħala konsegwenza ta' l-abbandun tat-test seroloġiku li jkejjel l-antikorpi protettivi kontra r-rabja (EFSA-Q-2006-014)

http://www.efsa.europa.eu/EFSA/efsa_locale-1178620753812_1178620772660.htm

5.3. Stima tar-riskju tad-dħul ta' l- Echinococcus fir-Renju Unit, l-Irlanda, l-Iżvezja, Malta u l-Finlandja bħala konsegwenza ta' l-abbandun ta' regoli nazzjonali (EFSA-Q-2006-112)

http://www.efsa.europa.eu/EFSA/efsa_locale-1178620753812_1178620772901.htm

5.4. Stima tar-riskju tad-dħul tal-qurdien fir-Renju Unit, l-Irlanda, u Malta bħala konsegwenza ta' l-abbandun ta' regoli nazzjonali (EFSA-Q-2006-326)

http://www.efsa.europa.eu/EFSA/efsa_locale-1178620753812_1178620771045.htm

[1] ĠU L 146, 13.6.2003, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1467/2006 (ĠU L 274, 5.10.2006, p. 3).

[2] http://www.efsa.europa.eu/etc/medialib/efsa/science/ahaw/ahaw_opinions/ej436_rabies.Par.0001.File.dat/ahaw op_ej436_rabies_en.pdf

[3] http://www.efsa.europa.eu/en/science/ahaw/ahaw_opinions/ej441_echinoccocus.html

[4] http://www.efsa.europa.eu/en/science/ahaw/ahaw_opinions/ej469_ticks.Par.001.File.dat/ahaw op ej469 ticks en.pdf

[5] http://www.veterinary.gov.mt/page.asp?p=6107&l=1

[6] http://www.defra.gov.uk/animalh/quarantine/pets/procedures/support-info/treatment.htm

[7] http://www.agriculture.gov.ie/index.jsp?file=pets/travel.xml

[8] http://www.sjv.se/download/18.1adbfde10e558aac1580002148/Ny+broschyr+fr%C3%A5n+3+juli+2004+OVR76ENG.pdf

[9] http://www.evira.fi/portal/en/animals_and_health/import_and_export/dogs__cats_and_ferrets/import_from_eu_countries_and_norway/

[10] http://www.veterinary.gov.mt/page.asp?n=documentation&l=1

[11] http://www.efsa.europa.eu/en/science/monitoring_zoonoses/reports/zoonoses_report_2005.html