52007DC0542

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - It-tieni Rapport dwar l-implimentazzjoni tar-regolament 2320/2002 dwar is-sigurtà ta' l-avjazzjoni ċivili /* KUMM/2007/0542 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 20.9.2007

KUMM(2007) 542 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

IT-TIENI RAPPORT DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAR-REGOLAMENT 2320/2002 DWAR IS-SIGURTÀ TA' L-AVJAZZJONI ĊIVILI

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

IT-TIENI RAPPORT DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAR-REGOLAMENT 2320/2002 DWAR IS-SIGURTÀ TA' L-AVJAZZJONI ĊIVILI

1. INTRODUZZJONI

It-theddida tat-terroriżmu fuq it-trasport bl-ajru għadha magħna. L-attentati li ġew imfixkla fir-Renju Unit f'Awwissu 2006, li fihom kienu se jintużaw splussivi likwidi mqiegħda fil-bagalji ta' l-idejn biex jisplodu diversi ajruplani waqt it-titjira, juru, li kieku kienu meħtieġa l-provi, li jkun perikoluż għall-Unjoni Ewropea li tistrieħ mill-isforzi tagħha fil-qasam tas-sigurtà ta' l-ajru. L-applikazzjoni korretta tal-miżuri ta' sigurtà stabbiliti fl-Unjoni permezz tar-Regolament (KE) Nru 2320/2002[1] tibqa' għan essenzjali.

F'Settembru 2005, il-Kummissjoni adottat l-ewwel rapport[2] dwar id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 2320/2002, li kopra l-perjodu bejn Frar 2004 u Ġunju 2005. Dan it-tieni rapport ikopri l-perjodu Lulju 2005 u Diċembru 2006, u huwa bbażat b'mod partikolari fuq il-konklużjonijiet ta' madwar ħamsin spezzjoni li għamlet il-Kumissjoni. Jippermetti li jsir rendikont eżawrjenti tal-qagħda tas-sigurtà fl-Unjoni Ewropea, erba' snin wara d-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni Ewropea.

Dan ir-rapport jikkonferma, partikolarment, li l-adozzjoni ta' regoli Komunitarji ppermetta t-tkabbir sinifikanti fil-livell medju tas-sigurtà fl-ajruporti ta' l-Unjoni. Il-vjaġġaturi ta' l-ajru jgawdu minn livell għoli ta' sigurtà. Is-sistema ta' l-UE wriet ruħha kapaċi li żżom u tiżviluppa regoli komuni li jiffaċilitaw l-ivvjaġġar billi jitnaqqsu l-varjazzjonijiet ta' regoli ta' sigurtà li jistgħu jkunu ta' piż żejjed bejn l-Istati Membri.

2. TAGħLIMIET LI WIEħED JISLET MILL-ISPEZZJONIJIET TAL-KUMMISSJONI FL-2005/2006

Minn Frar 2004 (il-bidu ta' l-ispezzjonijiet), il-Kummissjoni għamelt 89 spezzjoni, li minnhom 47 jikkorrispondu għal spezzjonijiet ġodda li saru bejn Lulju 2005 u Diċembru 2006 fl-UE 25 u l-Iżvizzera[3] (ara l-Anness 1). Sal-lum, l-Istati Membri kollha ġew spezzjonati bejn darbtejn u ħames darbiet, fuq il-livell ta' l-awtorità nazzjonali kompetenti għas-sigurtà ta' l-avjazzjoni ċivili, inkella fuq il-livell ta' l-ajruporti[4].

2.1. Spezzjonijiet mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti

Issa huwa possibbli li titħejja tabella eżawrjenti dwar il-modi li bihom l-Istati Membri jaqdu l-obbligi tagħhom fir-rigward tal-kontroll tal-kwalità, għaliex 1-awtoritajiet nazzjonali ta' l-Istati Membri l-ġodda li kienu għadhom ma ġewx spezzjonati fil-mument ta' l-ewwel rapport, issa ġew spezzjonati[5]. L-ewwel konklużjonijiet imħejjija fl-2005 jistgħu jiġu kkonfermati: jekk it-traspożizzjoni ta' l-obbligi regolamentari hija pjuttost sodisfaċenti, l-effikaċja tal-kontroll tal-kwalità nazzjonali mhix biżżejjed.

2.1.1. Traspożizzjoni ta' l-obbligi regolamentari fil-liġi nazzjonali

L-ispezzjonijiet ta' l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għas-sigurtà fl-avjazzjoni ċivili huma maħsuba biex jivverifikaw il-konformità tat-traspożizzjoni ta' l-obbligi tar-regolamenti komunitarji fil-liġi nazzjonali, jiġifieri li l-programm nazzjonali tas-sigurtà ta' l-avjazzjoni ċivili[6], il-programm nazzjonali tal-kontroll tal-kwalità[7], il-programmi tas-sigurtà ta' l-ajruporti u tat-trasportaturi ta' l-ajru[8], u l-programm nazzjonali ta' taħriġ[9] jkunu konformi mal-leġiżlazzjoni Ewropea. Min dan jirriżulta partikolarment li:

- Il-programmi nazzjonali tas-sigurtà fl-avjazzjoni ċivili, li xi dispożizzjonijiet minnhom kellhom xi kultant jiġu emendati, jeħtieġu li jiġu regolarment aġġornati mar-rekwiżiti Komunitarji l-ġodda li jirriżultaw mill-emendi tar-Regolament 622/2003.

- Il-kontenut kumplessiv tal-programmi nazzjonali ta' kontroll tal-kwalità huwa konformi mar-rekwiżiti ġuridiċi Komunitarji.

- Ir-rekwiżiti marbuta mal-metodoloġija komuni għall-kontrolli nazzjonali (jekk humiex għal għarrieda jew le, id-diversità tal-kontrolli, il-klassifika tar-riżultati) huma regolati tajjeb fil-maġġoranza ta' l-Istati Membri.

- Il-validazzjoni tal-programmi tas-sigurtà ta' l-ajruporti hija sodisfaċenti. il-maġġoranza tal-programmi eżaminati mill-ispetturi tal-Kummissjoni kienu soġġetti għal reviżjoni wara d-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni Ewropea.

- Il-programmi ta' sigurtà tal-kumpaniji ta' l-ajru mhux qed jiġu sorveljati b'mod uniformi mill-Istati Membri kollha, u l-prijorità qed tingħata lill-kumpaniji li l-liċenzja tagħhom tkun inħarġet mill-Istat ikkonċernat.

- L-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-programmi nazzjonali ta' taħriġ fis-sigurtà, huma kumplessivament sodisfaċenti.

2.1.2. L-effikaċja tal-kontroll tal-kwalità nazzjonali

Madankollu, l-implimentazzjoni operattiva tal-programmi nazzjonali tal-kwalità għandha għadd ta' nuqqasijiet, li kemm-il darba jitqiesu bħala gravi matul l-ispezzjonijiet; l-effikaċja tal-kontroll nazzjonali ta' kwalità, illum hija strutturalment insuffiċjenti f'madwar għaxar Stati Membri.

- F'ħafna Stati Membri, il-verifiki la huma regolari u lanqas komprensivi biżżejjed biex iwieġbu għall-isfida tas-sigurtà fuq l-art, biex iħeġġu lill-operaturi japplikaw il-proċeduri bis-sħiħ u biex jagħtu perspettiva oġġettiva u sħiħa tal-qagħda fuq livell nazzjonali. Ċerti awtoritajiet nazzjonali ma jutilizzawx il-kompetenza li tingħatalhom biex jiddiversifikaw il-metodi tal-verifiki (verifiki ta' sigurtà, spezzjonijiet, testijiet, azzjonijiet ta' segwitu).

- F'ħafna Stati Membri, id-disponibbiltà ta' spetturi nazzjonali ġeneralment mhix biżżejjed biex jitwettqu, bi frekwenza adegwata, l-kompiti ta' kontroll tal-kwalità[10]; pereżempju hemm wisq spetturi li jqattgħu il-biċċa l-kbir tal-ħin fuq il-post tax-xogħol jagħmlu xogħol ieħor, relatat pereżempju ma' kwistjonijiet regolamentari. B'hekk jirriżultaw konsegwenzi negattivi diretti f'dak li jirrigwarda l-livell ta' konformità, ta' l-għadd ta' verifiki u l-oqsma koperti kif ukoll riskju li l-awdituri jkollhom ftit esperjenza.

- it-twettiq tal-proċess ta' rettifika, jiġifieri kemm in-nuqqasijiet jiġu kkoreġuti malajr, ivarja; Fil-maġġoranza ta' l-Istati Membri, is-setgħat ta' implimentazzjoni kkonferiti lill-awtorità kompetenti ma jintużawx b'determinazzjoni suffiċjenti. F'ċerti Stati Membri, is-sanzjonijiet huma imposti biss eċċezzjonalment, anke meta ma jittieħdux azzjonijiet korrettivi. Din id-dgħufija torbot ma' l-insuffiċjenza ta' spezzjonijiet ta' segwitu fuq l-art.

Din is-sejba bilfors għandha impatt fuq il-livell ta' konformità osservat matul l-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni fl-ajruporti.

2.2. L-ispezzjonijiet fl-ajruporti

2.2.1. Kampjun rappreżentattiv

Minn Frar 2004, il-Kummissjoni għamlet 65 spezzjoni fl-ajruporti ta' l-Istati Membri kollha u ta' l-Iżvizzera. Dawn l-ispezzjonijiet saru f'49 ajruport differenti li bejn wieħed u ieħor jikkorrispondi għal 10% ta' madwar 500 ajruport li minnhom jgħaddi t-traffiku kummerċjali. 16 minn dawn l-ispezzjonijiet inizjali fl-ajruporti kienu soġġetti għal spezzjoni ta' segwitu bil-għan li jiġi vverifikat jekk in-nuqqasijiet li kienu ġew identifikati, susseggwentement issewwewx. Matul il-perjodu bejn Lulju 2005 u Diċembru 2006, saru 36 spezzjoni ġdida fl-ajruporti (ġeneralment f'dawk li għandhom rwol ewlieni fis-sistema ta' l-ajruporti ta' l-Istati Membri spezzjonati), u minnhom 13 kienu spezzjonijiet sussegwentement. Kollox ma kollox, dan il-kampjun huwa ċertament limitat, imma jidħol tajjeb fil-perspettiva tal-kontrolli tal-kwalità Komunitarji imposti fuq l-Istati Membri, skond ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002.

Biex tagħmel dan, il-Kummissjoni kellha madwar għaxar spetturi full time , iżda bbenefikat ukoll mill-awdituri nazzjonali li kienu disponibbli f'ċerti okkażjonijiet[11].

2.2.2. Ħarsa ġenerali lejn in-nuqqasijiet li nstabu

Ir-riżultati tat-23 spezzjonijiet inizjali ġodda li saru minn Lulju 2005 jippermettu li jiġu kkonfermati l-punti ewlenin li diġà kienu ġew identifikati fl-ewwel rapport li ressqet il-Kummissjoni. Kumplessivament, il-livell ta' sigurtà fl-Unjoni Ewropea huwa għoli. Dan huwa marbut mal-fatt li r-regoli Ewropej f'diversi oqsma huwa aktar esiġenti u aktar dettlajati minn dawk internazzjonali stabbiliti fi ħdan il-qafas ta' l-Organizzazzjoni ta' l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO)[12]. Madankollu, il-livell ta' sigurtà mhuwiex uniformi għaliex jeżistu differenzi kbar bejn l-ajruporti: l-Ewropa għalhekk mhix kompletament imħarsa mit-theddid. Il-prinċipji fundamentali bħall-ispezzjoni/filtrar ta' 100% tal-passiġġeri u tal-bagalji ta' l-idejn tagħhom, kif ukoll tal-bagalji ta' l-istiva huma applikati tajjeb.

L-ispezzjonijiet ta' l-2006 jippermettu wkoll li jiġi kkonfermat li t-titjib fil-fatt ikompli: globalment, in-nuqqasijiet li nstabu, fil-fatt naqsu b'21% u l-gravità tagħhom naqset bi 17% meta mqabbla ma' l-2004[13]. Il-miżuri madankollu mhux dejjem huma applikati f'konformità mar-regoli Ewropej u n-nuqqasijiet li jikkompromettu l-kwalità ġenerali tal-miżuri tas-sigurtà għandhom jinstabu regolarment. Għalhekk mhix kwistjoni li għandu jsir aktar, iżda li dak li jsir, għandu jsir aħjar.

- Il-proċeduri essenzjali marbuta mal-kontroll ta' l-aċċess, il-protezzjoni ta' l-ajruplani, l-ispezzjoni-filtrar tal-passiġġieri u l-protezzjoni tal-bagalji ta' l-istiva jirriżultaw b'nuqqasijiet rikorrenti ta' gravità baxxa jew medja.

- In-nuqqas ta' osservanza tar-Regoli Ewropej huwa ġeneralment aktar gravi f'dak li jirrigwarda l-ispezzjoni – filtrar ta' l-istaff, it-tiftix fuq l-ajruplani, l-iskrining tal-bagalji ta' l-idejn u tat-tagħbija. Jirriżulta pereżempju li fl-istess ajruport il-proċeduri ta' skrining ta' l-istaff u tal-passiġġieri ivarjaw, bil-metodi applikati għall-persunal ikunu anqas stretti u ma jippermettux li jinstabu sistematikament l-oġġetti pprojbiti.It-testijiet li saru matul l-ispezzjonijiet ikkonfermaw il-ħtieġa ta' armonizzazzjoni teknika tat-tagħmir ta' sigurtà, li kienet inbdiet bl-approvazzjoni taż-żewġ regolamenti (ara t-taqsima 3.1).

- Fl-aħħarnett, id-dispożizzjonijiet tar-regolamentazzjoni ftit li xejn dehru li huma preċiżi għal ċerti operaturi, u f'dan il-każ ukoll, saret regolamentazzjoni kumplimentari (ara t-taqsima 3.2).

Ir-raġunijiet għal dawn in-nuqqasijiet huma diversi: il-fattur uman huwa biċ-ċar l-għerq ta' għadd ta' nuqqasijiet ta' konformità, pereżempju n-nuqqas ta' identifikazzjoni ta' oġġetti pprojbiti meta l-bagalji ta' l-idejn jgħaddu mill-magni ta' l-X-Ray. Sforz kontinwu ta' superviżjoni, ta' taħriġ u ta' titjib ta' l-għarfien dwar ir-riskju terroristiku huwa għalhekk meħtieġ. Il-ħtieġa li jsiru kontrolli tas-sigurtà differenti f'perjodu qasir ta' żmien u r-ritmu mgħaġġel ta' l-użu ta' l-ajruplani, li huma wkoll restrizzjonijiet operattivi kbar, jispjegaw ukoll l-għadd ta' nuqqasijiet. Fl-aħħarnett, ċerti nuqqasijiet huma wkoll prodott ta' l-insuffiċjenza, u saħansitra n-nuqqas totali ta' kontroll nazzjonali tal-kwalità, mid-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni Ewropea, peress li kontroll effettiv tal-kwalità jitlob kontroll fuq l-art.

2.2.3. Gravità tan-nuqqasijiet u l-applikazzjoni effettiva ta' l-Artikolu 15 tar-Regolament 1486/2003

Il-gravità tan-nuqqasijiet identifikati m'għandhiex tkun sottovalutata: disa' spezzjonijiet inizjali minn kull għaxra għadhom iwasslu għas-sejbien ta' nuqqasijiet gravi li għandhom konsegwenzi fuq il-katina tas-sigurtà. Fid-dawl tal-prinċipju tal-kontroll uniku tas-sigurtà li fuqu tissejjes l-applikazzjoni tar-Regolament 2320/2002, in-nuqqasijiet kemm-il darba jista' jkollhom impatt negattiv dirett fuq is-sigurtà ta' ajruporti oħra ta' l-Unjoni.

Huwa għalhekk li, f'konformità mar-regoli[14], il-Kummissjoni tirrikjedi li l-Istati Membri jwettqu r-rettifiki immedjati ladarba s-serjetà tagħhom tesiġi dan. Jekk dawn ir-rettifiki immedjati ma jsirux, l-Istati Membri l-oħra huma meħtieġa jieħdu miżuri ta' kumpens, kemm-il darba għaljin, fl-ajruporti tagħhom. Għal din ir-raġuni, l-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 1486/2003, ġie attivat mill-Kummissjoni għal 17-il darba mill-2004, erba' darbiet minnhom, matul il-perjodu kopert minn dan it-tieni rapport. Din l-evoluzzjoni tikkonferma r-rieda akbar ta' l-Istati Membri li jsewwu n-nuqqasijiet l-aktar serji, mill-aktar fis possibbli wara li jinstabu. Din l-evoluzzjoni tirrapreżenta kisba kbira.

2.2.4. Spezzjonijiet ta' segwitu u l-proċess tar-rettifika

Kif diġà ntqal fir-rapport ta' l-2005, huwa ta' sodisfazzjon għall-Kummissjoni li l-Istati Membri laqgħu tajjeb ir-rapporti ta' spezzjonijiet tal-Kummissjoni. Bil-għan li jsir apprezzament tal-proċess tar-rettifika tan-nuqqasijiet li nstabu matul l-ispezzjonijiet, jiġifieri l-aħħar stadju ta' l-ispezzjonijiet, il-Kummissjoni, fl-għaxar xhur koperti minn dan ir-rapport għamlet 13-il spezzjoni ta' segwitu fi 13-il Stat Membru differenti. Dawn l-ispezzjonijiet ippermettew li wieħed jikkonkludi li:

- il-livell ta' rettifika huwa ġeneralment insuffiċjenti: kemm-il darba jiġri li meta Stat Membru jħabbar li l-korrezzjonijiet li tesiġi l-Kummissjoni u li l-verifiki nazzjonali jkunu saru, tkun biss parti min-nuqqasijiet serji li filfatt tkun ġiet ikkoreġuta b'mod sodisfaċenti.

- ħafna drabi l-aktar miżuri ta' sigurtà diffiċli biex jiġu kkoreġuti huma dawk marbuta ma' l-iskrining ta' l-istaff u s-sigurtà ta' l-ajruplani;

- id-dewmien medju għar-rettifika tan-nuqqsijiet huwa twil ħafna, ftit aktar minn sena; madankollu jeżistu differenzi sostanzjali li ħafna drabi jikxfu d-dinamiżmu ta' l-awtorità nazzjonali kompetenti u ta' l-operaturi kkonċernati.

Fil-każ li l-proċess ta' rettifika ma jkunx sodisfaċenti (livell ta' konformità baxx wisq, dewmien tar-rettifika twil wisq) u wara li jkunu ġew eżawriti l-mezzi l-oħra, huwa xieraq li l-Kummissjoni tiftaħ proċedura ta' ksur kontra l-Istat Membru kkonċernat. Il-Kummissjoni kellha tipproċedi f'dan is-sens darbtejn, fl-2005 u l-2006, biex tinstiga lill-awtoritajiet kompetenti jużaw il-poteri eżekuttivi mogħtija lilhom mill-programm nazzjonali ta' kontroll tal-kwalità[15].

3. L-IżVILUPP REGOLAMENTARI LI SAR FL-2006

L-Artikolu 4(2) tar-Regolament 2320/2002 jipprovdi li l-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni u l-adattament tekniku ta' l-istandards bażiċi komuni stipulati fl-Anness għal dak ir-Regolament skond il-proċedura tal-komitoloġija pprovduta fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/486/KEE[16] (Proċedura tal-Kumitat Regolatorju) Il-Kummissjoni hija mgħejuna minn Kumitat ta' Rappreżentanti mill-Istati Membri stabbilit taħt l-Artikolu 9 tar-Regolament 2320/2002. Din il-proċedura tippermetti t-teħid minnufih ta' miżuri skond il-bżonn.

Dan il-Kumitat iltaqa' fi 12-il okkażjoni bejn Lulju 2005 u Diċembru 2006, biex jgħin lill-Kummissjoni fit-tħejjija ta' leġiżlazzjoni fil-qasam tas-sigurtà ta' l-avjazzjoni. Matul l-2006 u fit-twettiq ta' xogħolu, il-Kumitat ressaq opinjonijiet favorevoli dwar l-adozzjoni ta' sitt regolamenti implimentattivi mill-Kummissjoni. Bħala parti mill-proċess ta' adozzjoni, il-Parlament Ewropew ġie infurmat skond ir-rekwiżiti ta' l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE[17].

3.1. Standards għat-tipi ewlenin kollha ta' tagħmir ta' sigurtà

Żewġ regolamenti kienu parti mix-xogħol kurrenti tal-Kummissjoni biex fir-Regolament 622/2003 jiġu inklużi standards ta' rendiment għat-tipi ewlenin kollha ta' tagħmir tas-sigurtà li jintuża fl-ajruporti ta' l-UE. Rekwiżiti bħal dawn jiżguraw standard minimu għal tagħmir bħal dan li jintuża madwar l-UE u jikkontribwixxu għaltitjib fir-riżultati tat-testijiet li jsiru matul l-ispezzjonijiet.

- Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1448/2006[18], adottat fid-29 ta' Settembru 2006 u li daħal fis-seħħ fl-20 ta' Ottubru 2006 jistipula l-istandards ta' rendiment għas-sistemi ta' ditezzjoni ta' l-isplussivi (EDS) li jintużaw fl-ajruporti Komunitarji.

- Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1448/2006[19], adottat fid-29 ta' Settembru 2006 u li daħal fis-seħħ fil-5 ta' Jannar 2007, jistipula l-istandards ta' rendiment għas-sistemi fissi ta' ditezzjoni tal-metall fuq il-persuni ( walk-through metal detectors – WTMDS), li jintużaw fl-ajruporti Komunitarji.

3.2. Lakuni fil-leġiżlazzjoni eżistenti li nkixfu fl-ispezzjonijiet mill-Kummissjoni

Kienu tnejn ir-Regolamenti li ħarġu parzjalment bħala riżultat ta' l-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni, li jikxfu nuqqasijiet jew dgħufiji fil-leġiżlazzjoni eżistenti. F'dan ir-rigward, ir-rispons ta' l-ispetturi tal-Kummissjoni u l-analiżi tar-riżultati ta' l-ispezzjonijiet mill-Kummissjoni enfasizzaw il-ħtieġa għal rekwiżiti aktar preċiżi f'għadd ta' każijiet.

- Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1448/2006[20], adottat fl-10 ta' Frar u li daħal fis-seħħ fit-3 ta' Marzu 2006, huwa aktar preċiż fir-rigward ta' proċeduri ta' sigurtà għal dawk il-vetturi li jidħlu f'żoni ristretti ta' sigurtà, fl-ajruporti;

- Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 831/2006[21], adottat fit-2 ta' Ġunju 2006 u li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2007, jistipula regoli aktar armonizzati dwar is-sigurtà tat-tagħbija ttrasportata bl-ajru.

3.3. L-iżvilupp teknoloġiku fil-qasam tas-sigurtà ta' l-avjazzjoni

L-iżviluppi teknoloġiċi fil-qasam tas-sigurtà ta' l-avjazzjoni m'għandhomx jixxekklu mir-rekwiżiti legali tal-Komunità. Soluzzjoni regolatorja instabet fuq xewqa ta' l-industrija, bl-appoġġ sħiħ tal-Kummissjoni u ta' l-Istati Membri. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 65/2006[22] jippermetti, taħt kundizzjonijiet definiti, lill-Istati Membri jiddevjaw mill-istandards tekniċi stipulati fil-leġiżlazzjoni sabiex jiġu ppruvati teknoloġiji ġodda. Provi bħal dawn ikunu permessi għal massimu assolut ta' 30 xahar, li warajhom għandha tittieħed deċiżjoni dwar jekk it-teknoloġija l-ġdida għandhiex tiġi inkorporata fil-liġi Komunitarja bħala metodu aċċettat ta' sigurtà.

3.4. Riskju ta' splussivi likwidi

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1546/2006[23], adottat fl-4 ta' Ottubru 2006 u li daħal fis-seħħ fis-6 ta' Novembru 2006, kien ir-riżultat ta' dak li ġara fl-10 ta' Awwissu 2006 fir-Renju Unit. F'dik id-data is-servizzi ta' l-intelliġenza fir-Renju Unit kixfu pjan terroristiku li kellu jwassal għall-isplużjoni ta' diversi ajruplani fl-ajru permezz ta' splussivi likwidi magħmula domestikament minn kimika faċilment disponibbli.

Is-servizzi tal-Kummissjoni imbagħad ikkonsultaw lill-esperti tekniċi u xjentifiċi ewlenin fis-sigurtà ta' l-ajru fl-Ewropa dwar l-aħjar mod biex din it-theddida tkun indirizzata. Sar djalogu ma' l-Istati Membri u l-assoċjazzjonijiet tal-partijiet interessati li jirrappreżentaw lill-ajruporti, il-linji ta' l-ajru u l-bejjiegħa fl-ajruporti sabiex jitnaqqsu kemm jista' jkun l-effetti negattivi li kwalunwke regoli ġodda f'dan il-qasam jista' jkollhom fuq l-ivvjaġġjar bl-ajru fil-Komuntià. Punt ta' tħassib partikolari kien in-nuqqas fis-suq ta' kwalunkwe forma ta' tagħmir/teknoloġija ppruvata li tista' tanalizza malajr u preċiżament il-kontenut ta' fliexken issiġillati għall-isplussivi likwidi. Dan ir-Regolament, li jillimita l-kwantitajiet individwali tal-likiwidi li jistgħu jinġarru mill-passiġġieri għal 100 ml kull kontenitur u li jesiġi li l-għadd ta' kontenituri joqogħdu f'borża tal-plastik li tista' tiġi ssiġillata ta' daqs massimu ta' litru, għandu jkun rivedut kull 6 xhur fid-dawl ta' l-iżviluppi tekniċi, implikazzjonijiet operattivi fl-ajruporti u l-impatt fuq il-passiġieri.

Studji dwar il-ħolqien ta' database tat-tagħbija ttrasportata bl-ajru għal konsenjaturi magħrufa, l-użu tal-klieb tat-tiftix u l-kunċett tal- vjaġġaturi fdati, wkoll ġew imnedija mill-Kummissjoni sabiex isir ix-xogħol tekniku ta' preparazzjoni.

4. KWISTJONIJIET GħALL-ġEJJIENI

Fl-2007, iridu jiġu segwiti diversi toroq ta' azzjoni:

- Azzjonijiet marbuta mar-rendiment tal-kontroll tal-kwalità mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri.

Il-kontroll tal-kwalità ta' l-Istati Membri sa llum ġie identifikat bħala l-ħolqa d-dgħajfa fl-arkitettura ġenerali tas-sigurtà ta' l-avjazzjoni ċivili. It-tisħiħ tiegħu għalhekk għandu jservi ta' lieva. Partikolarment, huwa indispensabbi li l-Istati Membri jwettqu l-azzjonijiet ta' kontroll tal-kwalità li jissodisfaw l-esiġenzi Komunitarji u li jxerrdu dawn it-tagħlimiet fl-ajruporti kollha tagħhom. Dan jimplika wkoll li l-mobilizazzjoni ta' l-ispetturi meħtieġa għandha tiġi kkombinata ma' l-użu tas-setgħat ta' esekuzzjoni adegwati. Tista' wkoll titrawwem il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-verika bil-għan li ssir evalwazzjoni regolari ta' l-operaturi b'attività mifruxa ma' l-UE . Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha se ssegwi l-ispezzjonijiet u se jinfetħu l-proċeduri ta' ksur meta dan ikun meħtieġ.

- Azzjonijiet marbuta mat-titjib tal-qafas regolatorju eżistenti.

Bil-għan li tissaħħaħ il-komplementarjetà tal-kontrolli tal-kwalità Komunitarji u nazzjonali, ikun ukoll xieraq li jiġu riveduti r-Regolamenti (KE) Nru 1486/2003 u 1217/2003. Huwa xieraq li jiġu speċifikati f'aktar dettall, l-esiġenzi marbuta mal-metodi ta' verifika nazzjonali, ir-rettifiki tan-nuqqasijiet kif ukoll dawk marbuta mal-proporzjonalità tal-kontroll tal-kwalità mas-sistema ta' l-ajruporti nazzjonali.

It-tieninett, minħabba l-importanza tal-fattur uman għall-kwalità tal-proċess ta' kontroll tas-sigurtà, il-Kummissjoni qed teżamina proposti għat-titjib tar-rekwiżiti ta' taħriġ għall-istaff ta' sigurtà.

Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni biħsieba tiżviluppa aktar ir-Regolament (KE) Nru 622/2003 fuq bażi regolari sabiex jiġu riveduti r-rekwiżiti ta' sigurtà kull meta dan ikun ġustifikat mill-iżviluppi tekniċi inkella mill-ħtieġa għal preċiżjoni addizjonali fuq livell Komunitarju.

Aktar ġenerikament, il-Kummissjoni biħsieba tivvaluta mill-ġdid il-ħtieġa kontinwa tal-firxa ta' rekwiżiti regolatorji fil-qasam tas-sigurtà ta' l-avjazzjoni abbażi ta' l-esperjenza operattiva u fuq valutazzjonijiet tar-riskju aġġornati. Inċident wieħed wara l-ieħor matul l-aħħar snin wasslu għall-ħtieġa ta' azzjoni ta' emerġenza b'risposta għat-theddid immedjat, u dawn kienu ta' pressjoni konsiderevoli fuq ir-riżorsi disponibbli għall-kontroll tas-sigurtà u fuq ir-rekwiżiti operattivi fuq il-livell ta' l-ajruporti. Huwa ċar, madankollu, li l-valutazzjoni u t-tneħħija jew id-definizzjoni mill-ġdid sussegwenti ta' xi wħud mir-rekwiżiti attwali se jeħtieġu l-adozzjoni preliminari tal-proposta tal-Kummissjoni, għal Regolament qafas ġdid, simplifikat u aktar flessibli li bħalissa għaddej mill-proċess leġiżlattiv.

Jekk jistgħu jinsabu mezzi biex jiġi estiż il-kunċett ta' sigurtà li bħalissa jinsab ikkonċentrat f'punt wieħed (fl-UE) għal pajjiżi terzi li jħaddnu l-istess ideat, permezz ta' standards għolja ta' sigurtà ekwivalenti, ikun hemm potenzjal konsiderevoli għat-tħaffif operattiv. Il-Kummissjoni qed taħdem b'mod attiv fuq dan il-kunċett u qed tistenna l-ewwel riżultati wara l-adozzjoni tar-Regolament ġdid qafas.

ANNESS 1. Spezzjonijiet tal-Kummissjoni skond l-Istati Membri fil-31/12/2006

L-Istati Membri | Għadd ta' Spezzjoniiet 2004 - 06/2005 (inklużi spezzjonijiet ta' segwitu) | Għadd ta' Spezzjoniiet 07/2005 - 12/2006 (inklużi spezzjonijiet ta' segwitu) | TOTAL spezzjonijiet 2004/2006 (inklużi spezzjonijiet ta' segwitu) |

Il-Belġju | 2 | 1 | 3 |

Ir-Repubblika Ċeka | 1 | 1 | 2 |

Id-Danimarka | 2 | 2 | 4 |

Il-Ġermanja | 3 | 3 | 6 |

L-Estonja | - | 2 | 2 |

Il-Greċja | 3 | 3 | 6 |

Spanja | 3 | 1 | 4 |

Franza | 3 | 3 | 6 |

L-Irlanda | 2 | 2 | 4 |

L-Italja | 2 | 3 | 5 |

Ċipru | 1 | 2 | 3 |

Il-Latvja | 1 | 2 | 3 |

Il-Litwanja | 1 | 2 | 3 |

Il-Lussemburgu | 2 | - | 2 |

L-Ungerija | 1 | 1 | 2 |

Malta | 1 | 1 | 2 |

L-Olanda | 2 | 1 | 3 |

L-Awstrija | 3 | 2 | 5 |

Il-Polonja | 1 | 3 | 4 |

Il-Portugall | 2 | 1 | 3 |

Is-Slovenja | 1 | 2 | 3 |

Is-Slovakkja | - | 2 | 2 |

Il-Finlandja | 1 | 3 | 4 |

L-Iżvezja | 2 | 1 | 3 |

Ir-Renju Unit | 2 | 2 | 4 |

L-Iżvizzera | - | 1 | 1 |

TOTAL: | 42* | 47* | 89 |

* data li ma tinkludix iż-żewġ evalwazzjonijiet tekniċi fil-Bulgarija u r-Rumanija li seħħew sussegwentement fil-kuntest tat-tħejjija għall-adeżjoni ta' dawn il-pajjiżi ma' l-Unjoni Ewropea f'Jannar 2007.

[1] Regolament (KE) Nru 2320/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2002 li jistabbilixxi regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà fl-avjazzjoni ċivili ĠU L 355, 30.12.2002, p. 1.

[2] COM (2005) 428 tat-22 Settembru 2005. L-ewwel rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament 2320/2002 dwar is-sigurtà ta' l-avjazzjoni ċivili

[3] Il-Kummissjoni għandha l-kompetenza li tagħmel spezzjonijiet fl-Iżvizzera minħabba ftehim bilaterali bejn l-UE u l-Iżvizzera. Ħdax-il spezzjoni simili għal dawk tal-Kummissjoni, saru wkoll fin-Norveġja u l-Iżlanda mill-Awtorità Superviżorja ta' l-EFTA.

[4] Il-Bulgarija u r-Rumanija, li daħlu fl-UE fl-1 ta' Jannar 2007, se jiġu spezzjonati għall-ewwel darba fl-2007.

[5] Il-Lussemburgu ma ġiex spezzjonat mill-awtorità nazzjonali kompetenti, minħabba n-nuqqas ta' programm nazzjonali għall-kontroll tal-kwalità; minħabba f'hekk infetħet proċedura ta' ksur.

[6] L-Artikolu 5(1), tar-Regolament (KE) Nru 2320/2002.

[7] L-Artikolu 5(3) u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2320/2002 u r-Regolament (KE) Nru 1217/2003 tal-Kummissjoni ta' l-4 ta' Lulju 2003 li jistabbilixxi speċifikazzjonijiet komuni għal programmi ta' kontroll ta' kwalità għas-sigurtà ta' l-avjazzjoni ċivili nazzjonali , ĠU L 169 tat-8.07.03, p.44.

[8] L-Artikolu 5(4) tar-Regolament Nru 2320/2002.

[9] L-Artikolu 5(5) tar-Regolament Nru 2320/2002.

[10] Illum, il-komunità ta' spetturi nazzjonali tas-sigurtà ta' l-ajru fis-sens wiesa' ( part time u full time ) tgħodd madwar 350 spetturi mis-servizzi ta' l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (EUR 25).

[11] Abbażi ta' l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1217/2003, madwar 70 awditur nazzjonali llum huma kkwalifikati biex jipparteċipaw fi spezzjonijiet speċifiċi tal-Kummissjoni. Għall-perjodu Lulju 2005 – Diċembru 2006, il-parteċipazzjoni ta' 58 kontrollur nazzjonali f'ispezzjonijiet inizjali setgħet b'hekk tiġi żgurata; għall-perjodu Frar 2004 – Ġunju 2005, kienu 32.

[12] Anness 17 tal-Konvenzjonii ta' Montreal.

[13] Statistika li tqis l-oqsma tas-sigurtà fuq il-livell tal-paragrafi elenkati fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 2320/2002.

[14] L-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1486/2003 tat-22 ta' Awwissu 2003 li jistabbilixxi proċeduri sabiex jitmexxew spezzjonijiet mill-Kummissjoni fil-qasam tas-sigurta' ta' l-avjazzjoni ċivili jistabbilixxi li "jekk spezzjoni turi nuqqas serju li jkun meqjus li għandhu impatt serju fuq il-livell ġenerali tas-sigurta' ta' l-avjazzjoni ċivili fil-Komunita', il-Kummissjoni għandha minnufih tinforma lill-awtoritajiet xierqa. ĠU C 213 tat-23.08.2003, p. 3.

[15] Proċeduri miftuħa kontra l-Lussemburgu u l-Finlandja

[16] ĠU L 355, 30.12.2002, p. 1.

[17] ĠU L 184, 17.7.1999, p.23

[18] ĠU L 271, 30.09.2006, p.31

[19] ĠU L 358, 16.12.2006, p.36

[20] ĠU L 40, 11.2.2006, p.3

[21] ĠU L 150, 3.6.2006, p.4

[22] ĠU L 11, 17.1.2006, p.4

[23] ĠU L 286, 17.10.2006, p.6