52007DC0540

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - Il-bini ta' Alleanza Globali dwar it-Tibdil fil-Klima bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi fqar li qed jiżviluppaw li huma l-aktar vulnerabbli għat-tibdil fil-klima /* KUMM/2007/0540 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 18.9.2007

KUMM(2007) 540 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Il-bini ta' Alleanza Globali dwar it-Tibdil fil-Klima bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi fqar li qed jiżviluppaw li huma l-aktar vulnerabbli għat-tibdil fil-klima

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Il-bini ta' Alleanza Globali dwar it-Tibdil fil-Klima bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi fqar li qed jiżviluppaw li huma l-aktar vulnerabbli għat-tibdil fil-klima

1. INTRODUZZJONI

Data xjentifika analizzata mill-Bord Intergovernmentali dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC - Intergovernmental Panel on Climate Change)[1] tipprovdi lill-komunità internazzjonali bi tliet konklużjonijiet allarmanti: L-ewwelnett, qed iseħħ tibdil fil-klima; it-tieninett, l-aċċelerazzjoni riċenti fit-tibdil tal-klima hija riżultat ta' attività tal-bniedem li twassal għall-emissjoni ta' gassijiet b'effett serra (GHG – greenhouse gases) fl-atmosfera; u t-tieletnett, il-parti l-kbira tar-reġjuni fid-dinja, u speċjalment dawk fid-dinja li qed tiżviluppa, se jkunu dejjem aktar effettwati bit-tibdil fil-klima.

L-Unjoni Ewropea (UE) assumiet rwol ta' tmexxija fil-promozzjoni ta' azzjoni internazzjonali sabiex it-tibdil fil-klima jiġi indirizzat. F'Marzu 2007 il-Kapijiet ta' l-Istat u tal-Gvern ta' l-UE ressqu proposti għal ftehim globali u komprensiv dwar it-tibdil fil-klima għal wara l-2012 sabiex it-tisħin globali jiġi limitat għal 2°C 'il fuq mil-livelli preindustrijali, u b'impenn għal tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet GHG ta' l-UE, anke fin-nuqqas ta' ftehim internazzjonali[2]. L-UE, bħala l-akbar fornitur ta' Għajnuna għall-Iżvilupp Uffiċjali (ODA – Official Development Assistance), ħadet ukoll rwol ta' tmexxija fl-isforzi għall-iżvilupp internazzjonali, kif rifless fil-"Konsensus Ewropew"[3], fl-impenji ambizzjużi ta' l-ODA u fil-promozzjoni ta' l-effettività u l-koerenza ta' l-għajnuna. Għalkemm l-UE diġà enfasizzat ir-rabtiet qawwija bejn it-tidbil fil-klima u l-faqar fl-2003,[4] l-urġenza u l-kobor ta' l-isfida jitolbu inizjattiva aktar kollettiva li tkun ekwivalenti għar-responsabbiltà u l-impenn ta' l-Ewropa fil-ġlieda kontra l-faqar.

Tbassiriet ta' l-effetti tat-tibdil fil-klima juru li l-Pajjiżi L-Inqas Żviluppati (LCDs – Least Developed Countries) u l-Istati-Gżejjer Żgħar li qed Jiżviluppaw (SIDS – Small Island Developing States) se jkunu l-pajjiżi li jintlaqtu l-aktar malajr u bl-akbar impatt. Barra minn hekk, dawn il-pajjiżi għandhom l-inqas riżorsi sabiex jippreparaw għal dawn it-tibdiliet, u sabiex jadattaw l-istil ta' ħajja tagħhom. It-tibdil fil-klima huwa għalhekk mistenni li jdewwem aktar il-kisba ta' l-Għanijiet ta' l-Iżvilupp tal-Millenju (MDGs – Millennium Development Goals) f'ħafna minn dawn il-pajjiżi.

Din il-Komunikazzjoni tipproponi li tiġi stabbilita Alleanza Globali dwar it-Tibdil fil-Klima (GCCA – Global Climate Change Alliance) bejn l-UE u pajjiżi fqar li qed jiżviluppaw li huma l-aktar vulnerabbli għat-tibdil fil-klima, b'mod partikolari l-LDCs u l-SIDS, u tenfasizza l-għanijiet u t-tħaddim ta' l-inizjattiva[5]. L-Alleanza se tipprovdi bażi għal djalogu u skambju kif ukoll kooperazzjoni prattika sabiex tiġi indirizzata l-isfida kollettiva tal-ġlieda kontra l-faqar u t-tibdil fil-klima, b'sostenn għan-negozjati internazzjonali għal ftehim dwar it-tibdil fil-klima għal wara l-2012 u l-adozzjoni ta' azzjoni effettiva f'livell nazzjonali.

Din l-Alleanza teħtieġ li tkun sostnuta b'impenn qawwi mill-UE sabiex jiżdied l-appoġġ finanzjarju għall-miżuri ta' adattament fl-LDCs u l-SIDS, u bi sforzi ta' mitigazzjoni li jibbenefikaw lill-aġenda għat-tnaqqis tal-faqar ta' dawn il-pajjiżi. L-Alleanza se tikkostitwixxi element ewlieni ta' l-azzjoni esterna kollettiva ta' l-UE fil-qasam tat-tibdil fil-klima, u għandha tikkomplementa u ssaħħaħ djalogi u attivitajiet ta' kooperazzjoni oħra.

2. Raġuni għall-azzjoni

Ir-raba' Rapport ta' Evalwazzjoni ta' l-IPCC jipprovdi analiżi reġjonali ta' l-impatti li għandhom ikunu mistennija mit-tibdil fil-klima. Fil-każ ta' l-Afrika, fejn hemm il-maġġoranza l-kbira ta' l-LDCs, ir-rapport jikkonkludi li dan huwa wieħed mill-kontinenti l-akar vulnerabbli għall-varjabbiltà u t-tibdil fil-klima minħabba stress multiplu u kapaċità baxxa ta' adattament. Diffikultajiet marbuta ma' l-ilma, l-insigurtà ta' l-ikel minħabba n-nuqqas ta' xita u d-deżertifikazzjoni, it-tlugħ fil-livell tal-baħar, riskji tas-saħħa ġodda, avvenimenti tat-temp estremi u pressjonijiet ta' migrazzjoni huma xi wħud mill-impatti previsti. Partijiet oħra tad-dinja inklużi l-Ażja, l-Amerika Latina u l-SIDS jiffaċċjaw sfidi smili. Fil-parti l-kbira tal-każi, it-tibdil fil-klima jimponi lilu nnifsu fuq dgħufijiet eżistenti. F'ħafna LDCs u SIDS, is-sigurtà ta' l-ikel u l-provvista ta' ilma sigur, pereżempju, huma diġà diffikultużi minħabba t-tnaqqis gradwali tar-riżorsi naturali. Barra minn hekk, ħafna drabi dawn ma jkunux ippreparati sewwa għad-diżastri, li f'diversi okkażjonijiet ħallew pajjiżi fi stat ta' devastazzjoni[6]. Fl-istess ħin, minħabba l-iżvilupp ekonomiku limitat tagħhom, huma l-LDCs u l-SIDS li huma l-inqas responsabbli għall-akkumulazzjoni tal-GHG fl-atmosfera, u għalhekk għat-tibdil fil-klima.

F'Ottubru 2006, ir-rapport Stern[7] enfasizza li d-dinja m'għandhiex bżonn tagħżel bejn l-impenn li jiġi evitat it-tibdil fil-klima u l-promozzjoni tat-tkabbir u l-iżvilupp. In-nuqqas ta' azzjoni fir-rigward tat-tibdil fil-klima se jkun, fuq medda ta' żmien twil, jiswa ħafna aktar għall-ekonomija globali milli jekk tittieħed azzjoni issa. Stern jelabora b'mod espliċitu l-ispiża għolja tat-tibdil fil-klima għall-pajjiżi l-aktar fqar, u jappella lill-komunità internazzjonali sabiex tgħinhom.

Fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew f'Marzu 2007, l-UE enfasizzat il-bżonn ta' bini ta' alleanza mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Il-proposti jenfasizzaw l-importanza ta' kooperazzjoni akbar bejn l-UE u l-LDCs b'mod partikolari fl-oqsam li ġejjin: l-adattament, il-monitoraġġ tat-tibdil fil-klima, is-sigurtà ta' l-ikel, it-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri, kif ukoll aċċess aħjar għall-Mekkaniżmu għall-Iżvilupp Nadif (CDM – Clean Development Mechanism). Barra minn hekk, l-UE tappella sabiex jitwaqqfu l-emissjonijiet minħabba deforestazzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u sabiex dawn jiġu rettifikati fi żmien żewġ jew tliet deċennji. Il-Laqgħa Għolja tal-G8 ta' Heiligendamm tenniet l-importanza li jitnaqqsu l-emissjonijiet mid-deforestazzjoni u l-adattament bħala oqsma ta' prijorità għall-kooperazzjoni tal-G8 ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-qasam tat-tibdil fil-klima[8].

Il-Green Paper li ġiet adottata dan l-aħħar fir-rigward ta' l-għażliet ta' azzjoni mill-UE għall-adattament għat-tibdil fil-klima fl-Ewropa[9] għandha kolonna dwar "l-integrazzjoni ta' l-adattament fl-azzjonijiet esterni ta' l-UE". Id-dokument jappella b'mod espliċitu għal djalogu u kooperazzjoni mtejba fir-rigward tat-tibdil fil-klima bejn l-UE u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw, permezz ta' bini ta' Alleanza Globali dwar it-Tibdil fil-Klima.

3. Il-Bini ta' Alleanza Globali dwar it-Tibdil fil-Klima (GCCA) bejn l-UE u Pajjiżi Fqar li qed Jiżviluppaw li huma l-Aktar Vulnerabbli għat-Tibdil fil-Klima

3.1. Għan ġenerali

Bl-inkoraġġiment ta' djalogu u kooperazzjoni effettivi fir-rigward tat-tibdil fil-klima, l-Alleanza se tgħin sabiex tassigura li pajjiżi fqar li qed jiżviluppaw li huma l-aktar vulnerabbli għat-tibdil fil-klima, b'mod partikolari l-LDCs u l-SIDS, ikabbru l-kapaċitajiet tagħhom sabiex jadattaw għall-effetti tat-tibdil fil-klima, b'għajnuna sabiex jintlaħqu l-MDGs. Fejn din tkun ta' benefiċċju għall-għanijiet ta' tnaqqis tal-faqar, l-Alleanza se tgħin ukoll lil dawn il-pajjiżi sabiex jipparteċipaw fl-isforz globali ta' mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, anke jekk, bħal fil-każ ta' l-LDCs, dawn ma jkunux meħtieġa jassumu impenji ta' tnaqqis ta' emissjonijiet taħt ftehim għal wara l-2012.

3.2. Alleanza għal djalogu u skambju

Il-GCCA għandha tipprovdi bażi għal djalogu u skambju bejn l-UE u pajjiżi fqar li qed jiżviluppaw li huma l-aktar vulnerabbli għat-tibdil fil-klima, b'mod partikolari l-LDCs u l-SIDS, dwar strateġiji prattiċi sabiex issir l-integrazzjoni ta' strateġiji ta' l-iżvilupp u t-tibdil fil-klima. Ir-riżultati ta' dan id-djalogu u l-iskambju għandhom iservu għall-iżvilupp ta' ftehim dwar il-klima għal wara l-2012, b'sostenn għall-konverġenza ta' viżjonijiet għall-ftehim bejn l-Ewropa u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

Il-GCCA hija strettament komplementari u ta' sostenn għall-proċess li għadu għaddej fi ħdan il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC – United Nations Framework Convention on Climate Change) u l-Protokoll ta' Kyoto. L-UE temmen li t-twaqqif ta' forum għall-iskambju ta' fehmiet u esperjenzi ma' l-LCDs u l-SIDS lilhinn mill-kuntest ta' negozjati se jgħin sabiex javvanza l-implimentazzjoni tal-UNFCCC u ftehimiet relatati.

Il-parteċipazzjoni fil-GCCA hija maħsuba għal dawk il-pajjiżi li huma impenjati b'mod effettiv sabiex jieħdu miżuri b'reazzjoni għat-tibdil fil-klima. Din għandha tipprovdi opportunitajiet regolari għal laqgħat bejn l-UE u dawn il-pajjiżi bil-ħsieb ta' l-implimentazzjoni ta' l-Alleanza, bl-użu, kull meta jkun xieraq, ta' l-istrutturi ta' djalogu reġjonali eżistenti u partenarjati bħall-grupp tal-pajjiżi ta' l-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku (AKP), l-Unjoni Afrikana (UA),[10] l-SIDS u l-Laqgħa ta' l-Ażja-Ewropa (ASEM – Asia-Europe Meeting). Din se tgħin ukoll id-djalogu u l-iskambju tan-Nofsinhar man-Nofsinhar.

3.3 Alleanza għal kooperazzjoni effettiva

Aktar minn djalogu u skambju, il-GCCA se tipprovdi sostenn tekniku u finanzjarju għal miżuri ta' adattament u mitigazzjoni, u għall-integrazzjoni tat-tibdil fil-klima fl-istrateġiji ta' l-iżvilupp. Ħames oqsma ta' prijorità u azzjonijiet relatati huma proposti hawn taħt; dawn għandhom jiġu diskussi u raffinati aktar fid-djalogu tal-GCCA. L-aħħar qasam ta' prijorità, li jintegra t-tibdil fil-klima fl-isforzi għat-tnaqqis tal-faqar, huwa tat-tip trażversali, u għalhekk huwa rilevanti wkoll għall-oqsma l-oħra ta' prijorità.

1. Adattament għat-tibdil fil-klima

Għan: Sabiex il-pajjiżi li qed jiżviluppaw jiġu megħjuna jtejbu l-bażi ta' għarfien tagħhom dwar l-effetti tat-tibdil fil-klima, biex jiżviluppaw u jimplimentaw strateġiji ta' adattament. |

- Riċerka dettaljata fuq l-effetti li t-tibdil fil-klima x'aktarx ikollu fuq pajjiż jew reġjun partikolari u osservazzjoni affidabbli tal-klima huma meħtieġa għall-miżuri kollha ta' adattament. Il-konklużjonijiet għandhom jiġu tradotti f'informazzjoni prattika għall-użu ta' min jagħmel il-politika u min jieħu d-deċiżjonijiet. Ir-riċerka hija essenzjali partikolarment fis-setturi ta' l-ilma u ta' l-agrikoltura, li huma setturi sensittivi għall-klima, peress li dawn huma l-bażi għas-sigurtà ta' l-ikel, kif ukoll fuq l-effetti tat-tibdil fil-klima li jista' jkun hemm fuq l-ibħra u l-oċeani.

- Għal-LDCs, il-bżonnijiet ta' adattament huma identifikati fil-Programmi Nazzjonali ta' Azzjoni għall-Adattament (NAPAs - National Adaptation Programmes of Action). S'issa, 20 LDCs lestew dawn il-programmi,[11] u l-proċess għadu għaddej fil-maġġoranza ta' l-LDCs l-oħra, bis-sostenn finanzjarju tal-Fond għall-Pajjiżi L-inqas Żviluppati (LDCF – Least Developed Country Fund) amministrat mill-Faċilità Ambjentali Globali (GEF – Global Environmental Fund). Issa l-isfida hija dik li jiġu implimentati dawn il-programmi, filwaqt li fl-istess ħin isiru pjanijiet ta' azzjoni għall-adattament f'pajjiżi li mhumiex LDC li huma ugwalment vulnerabbli. Oqsma tipikament identifikati fin-NAPAs huma: għajnuna dwar l-ilma (eż. effiċjenza akbar ta' l-ilma), l-agrikoltura (eż. riċerka dwar il-varjetajiet li jirreżistu n-nuqqas ta' xita), is-saħħa (eż. il-prevenzjoni tal-malarja f'popolazzjonijiet esposti riċentement), il-produzzjoni u l-użu ta' enerġija sostenibbli; għajnuna li m'hijiex għal settur speċifiku eż. is-sensibilizzazzjoni, it-tixrid ta' għarfien, l-iżvilupp ta' curriculum u t-tneħħija ta' ostakli għat-trasferiment ta' teknoloġija.

- L-adattament għat-tibdil fil-klima jipprovdi opportunità kbira għall-UE, l-LDCs u l-SIDS sabiex jaħdmu flimkien. Il- Green Paper tal-Kummissjoni dwar l-Adattament għandha l-għan li tistimula dibattitu dwar il-miżuri l-aktar effettivi ta' adattament li għandhom jittieħdu fl-Ewropa. L-UE se taqsam ir-riżultat ta' l-azzjoni ta' segwitu tagħha mal-pajjiżi msieħba li qed jiżviluppaw, u se tgħinhom fl-iżvilupp ta' strateġiji ugwalment komprensivi għall-adattament fi ħdan il-qafas tal-GCCA.

Oqsma proposti għal intervent ►Is-sostenn ta' l-iżvilupp ta' pjanijiet ta' azzjoni għall-adattament f'pajjiżi vulnerabbli li m'humiex LDCs, permezz ta' għajnuna teknika, sostenn ta' kapaċità u faċilitazzjoni ta' kooperazzjoni bejn min għandu interess. ►Is-sostenn ta' l-implimentazzjoni ta' pjanijiet ta' azzjoni għall-adattament fl-LDCs u fl-SIDS li huma impenjati b'mod effettiv sabiex jieħdu miżuri bħala reazzjoni għall-bdil fil-klima. ►Il-finanzjament ta' proġetti pilota għall-adattament li jiffokaw fuq is-setturi ta' l-ilma u ta' l-agrikoltura, kif ukoll fuq l-amministrazzjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali. ►Is-sostenn ta' riċerka ta' kollaborazzjoni internazzjonali dwar l-impatti tat-tibdil fil-klima f'pajjiżi u reġjuni li qed jiżviluppaw, kif ukoll fuq l-identifikazzjoni u t-tfassil ta' soluzzjonijiet innovattivi ta' adattament, eż. permezz tas-Seba' Programm ta' Qafas tar-Riċerka ta' l-UE, u l-Programm Tematiku tas-Sigurtà ta' l-Ikel. |

2. It-tnaqqis ta' l-emissjonijiet mid-deforestazzjoni

Għan: Sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet CO2 mid-deforestazzjoni f'pajjiżi li qed jiżviluppaw, billi jinħolqu inċentivi ekonomiċi għall-protezzjoni tal-foresti, filwaqt li jiġu mħarsa l-modi ta' l-għajxien u l-ekosistemi li jiddependu mill-foresti. |

- Madwar 20% ta' l-emissjonijiet CO2 globali huma kkawżati mid-deforestazzjoni. Fl-LDCs, 62% ta' l-emissjonijiet totali joriġinaw mill-bdil ta' l-użu ta' l-art, prinċipalment id-deforestazzjoni. Ir-reġjuni bl-ogħla rati ta' deforestazzjoni fid-dinja huma l-Afrika, l-Amerika Latina u l-Ażja/Paċifiku tan-Nofsinhar-Lvant[12]. Id-deforestazzjoni għandha kawżi ekonomiċi, soċjo-politiċi, demografiċi u ambjentali multipliċi: il-qtugħ tas-siġar, l-espansjoni agrikola, l-iżvilupp ta' l-infrastruttura, l-użu tal-bijomassa bħala riżorsa ewlenija ta' l-enerġija, iżda wkoll fallimenti ta' politika u fallimenti istituzzjonali, u fatturi kulturali.

- L-importanza li tittieħed azzjoni sinifikanti fil-ġlieda kontra d-deforestazzjoni hija rikonoxxuta fil-UNFCCC u l-Partijiet qed jiddiskutu l-linji ta' politika u l-istrateġiji sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet mid-deforestazzjoni fi ftehim dwar it-tibdil fil-klima għal wara l-2012. Id-diskussjonijiet huma indirizzati lejn impenji volontarji mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li jieħdu azzjoni sabiex jitnaqqsu l-livelli preżenti tagħhom ta' deforestazzjoni u jiġu ppremjati fuq il-bażi ta' emissjonjiet evitati. F'Diċembru 2007, f'Bali, il-partijiet huma mistennija jaqblu li jagħtu bidu għal attivitajiet pilota li jgħinu lill-pajjiżi jippreparaw għall-iskema futura sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet mid-deforestazzjoni.

- Il-programm ta' l-Infurzar tal-Liġi, il-Governanza u l-Kummerċ tal-Foresti (FLEGT - Forest Law Enforcement, Governance and Trade) ta' l-UE juża inċentiv qawwi – l-esportazzjoni lejn l-UE hija limitata għal injam li jkun ċertifikat li jkun inqata' skond il-liġi – sabiex jiġu indirizzati l-attivitajiet tal-qtugħ illegali tas-siġar u tiġi promossa l-amministrazzjoni sostenibbli tal-foresti, li, b'mod indirett jikkontribwixxu għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet. Fil-preżent, id-diskussjonijiet dwar il-FLEGT għadhom għaddejjin f'xi 15-il pajjiż li jipproduċu l-injam.

Oqsma proposti għal intervent ►Fil-perjodu li jwassal għall-2012, għajnuna sabiex jinbnew sistemi ta' rappurtaġġ u kapaċitajiet nazzjonali sabiex id-deforestazzjoni tiġi ssorveljata, l-istituzzjonijiet jiġu msaħħa, u jiġu żviluppati strateġiji nazzjonali kontra d-deforestazzjoni. ►Is-sostenn ta' mekkaniżmi esperimentali, innovattivi u bbażati fuq il-prestazzjoni sabiex ikun hemm inċentivi pożittivi għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet mid-deforestazzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. ►L-espansjoni ta' programmi bħall-inizjattiva FLEGT, li jikkontribwixxu sabiex tittejjeb l-amministrazzjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali filwaqt li jitnaqqsu l-emissjonijiet u jiġu mħarsa l-ekosistemi u l-modi ta' għajxien. |

3. Titjib fil-parteċipazzjoni fil-Mekkaniżmu ta' l-Iżvilupp Nadif

Għan: Sabiex il-pajjiżi li qed jiżviluppaw jiġu megħjuna jipparteċipaw u jibbenefikaw mis-suq globali tal-karbonju, permezz tal-Mekkaniżmu ta' l-Iżvilupp Nadif. |

- Il-Mekkaniżmu ta' l-Iżvilupp Nadif (CDM - Clean Development Mechanism) jippermetti lil kumpanniji jew pajjiżi li għandhom inaqqsu l-emissjonijiet taħt il-Protokoll ta' Kyoto li jinvestu fi proġetti tat-tnaqqis ta' emissjonijiet f'pajjiżi li qed jiżviluppaw. Dawn il-proġetti għandhom jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli. Is-CDM iwassal għal investiment għal medda twila ta' żmien sinifikanti; huwa joħloq impjiegi u dħul, jistimula t-trasferiment ta' teknoloġija u jgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex jadottaw modi ta' żvilupp baxxi fil-karbonju li huma sensittivi għall-klima. Il-proġetti CDM ikopru ħafna setturi, inklużi l-produzzjoni u l-użu ta' enerġija sostenibbli, it-trattament ta' l-iskart, ir-riforestazzjoni u l-biokarburanti.

- Id-distribuzzjoni ġeografika tal-proġetti CDM tibqa' waħda mhux uniformi. Fil-preżent il-parti l-kbira tal-proġetti jinsabu fl-Ażja u l-Amerika Ċentrali/t'Isfel [13]. Ir-raġunijiet għal dan huma multipliċi, u jinkludu l-komplessità u l-ispiża għolja tat-tranżazzjoni tar-reġistrazzjoni, iżda wkoll kapaċità istituzzjonali dgħajfa u klima fqira ta' investiment. Kemm il-bini tal-kapaċità kif ukoll is-sostenn tekniku huma meħtieġa sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni ta' l-LDCs u l-SIDS fis-CDM.

Oqsma proposti għal intervent ►Żieda fil-bini tal-kapaċità għall-parteċipazzjoni fis-CDM u l-provvista ta' sostenn tekniku għall-iżvilupp ta' proġetti li jrendu profitt. ►Esplorazzjoni ta' għażliet sabiex jintwerew proġetti u tipi ta' proġetti li huma adattati aħjar għall-kundizzjonjiet speċifiċi fl-LDCs u l-SIDS, inkluż permezz ta' l-iżvilupp ta' metodoloġiji għal dawn il-proġetti. |

4. Promozzjoni tat-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastru (DRR - Disaster Risk Reduction)

Għan: Sabiex tittejjeb il-preparazzjoni tal-pajjiżi u s-soċjetajiet li qed jiżviluppaw għal diżastri naturali marbuta mal-klima u sabiex jitnaqqsu r-riskji u jiġi limitat l-impatt tagħhom. |

- It-tibdil fil-klima huwa previst li jwassal għal aktar varjabbiltà fil-klima u żieda ta' fenomeni estremi tat-temp, bħat-tifuni, l-għargħar u n-nuqqas ta' xita kif ukoll perikli relatati, bħall-valangi, it-tiġrif ta' art u flussi ta' tajn. In-natura imprevedibbli ta' ħafna perikli titlob prijoritizzazzjoni ta' miżuri DRR effettivi fil-pajjiżi u r-reġjuni l-aktar esposti għal dawn ir-riskji. Attenzjoni speċjali għandha tingħata għal miżuri li jibbenefikaw direttament gruppi vulnerabbli tal-popolazzjoni[14].

- Il-Konferenza Dinjija dwar it-Tnaqqis ta' Diżastri ta' l-2005 fil-Ġappun wasslet għall-adozzjoni tal-Qafas ta' Azzjoni Hyogo 2005-2015: Il-bini tar-Reżistenza tan-Nazzjonijiet u l-Komunitajiet għad-Diżastri. Il-Qafas jinkludi talbiet għal aktar rikonoxximent tat-tħassib dwar it-tibdil fil-klima fi strateġiji DRR minħabba s-sinerġiji importanti bejn it-tnaqqis tar-riskju u l-adattament għat-tibdil fil-klima[15]. L-UE hija impenjata bis-sħiħ sabiex issostni l-Qafas u se tagħti definizzjoni tal-kontribuzzjoni tagħha fl-Istrateġija ta' l-UE dwar it-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastru fil-Pajjiżi li qed Jiżviluppaw li ġejja.

Oqsma proposti għal intervent ►Titjib u estensjoni ta' sistemi ta' sorveljanza, previżjoni u informazzjoni tal-klima u t-traduzzjoni ta' data miġbura f'miżuri ta' preparazzjoni effettiva, eż sistemi ta' avviż kmieni li jkunu ta' benefiċċju għall-istrateġiji DRR u linji oħra ta' politika ta' l-iżvilupp. ►Tisħiħ tal-kapaċità reġjonali għad-DRR marbut mal-klima, inkluż għal qsim ta' informazzjoni, amministrazzjoni ta' l-għarfien, avviż kmieni, u ppjanar ta' kontinġenzi. ►Identifikazzjoni ta' miżuri sabiex pajjiżi li qed jiżviluppaw li huma suxxettibbli għal diżastri jimplimentaw il-Qafas ta' Hyogo, inkluż l-indirizzar ta' fatturi ta' riskju sottostanti, il-bini ta' strateġiji ta' reżistenza u ta' qsim ta' riskji (eż. skemi ta' assigurazzjoni). |

5. Integrazzjoni tat-tibdil fil-klima fl-isforzi għat-tnaqqis tal-faqar

Għan: Sabiex il-pajjiżi li qed jiżviluppaw jiġu megħjuna jintegraw b'mod sistematiku t-tibdil fil-klima fl-istrateġiji u l-investimenti ta' l-iżvilupp, u sabiex jintegraw b'mod sistematiku t-tibdil fil-klima fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp. |

- It-tibdil fil-klima teffettwa ħafna setturi, u jeħtieġ li tkun integrata fl-isforzi għat-tnaqqis tal-faqar sabiex tiġi assigurata s-sostenibbiltà. Il-gvernijiet ta' l-LDCs u l-SIDS jeħtieġu sostenn sabiex jintegraw b'mod komprensiv it-tibdil fil-klima fil-politiki eżistenti u f'politiki ġodda. Il-portafolli ta' kooperazzjoni bejn id-donaturi ta' l-UE u l-pajjiżi msieħba għandhom ukoll jintegraw it-tħassib dwar it-tibdil fil-klima[16]. Jekk it-tibdil fil-klima ma jitqiesx, l-investimenti ta' l-iżvilupp magħmula fil-preżent jistgħu potenzjalment jikkontribwixxu għat-tisħin globali jew ikunu ppreġudikati minn bidliet fil-klima.

- Numru ta' lezzjonijiet qed jirriżultaw mill-istħarriġ attwali[17] tal-Pjan ta' Azzjoni ta' l-UE[18] dwar it-Tibdil fil-Klima u l-Iżvilupp. Il-profil ta' politika u s-sensibilizzazzjoni dwar it-tibdil fil-klima fost l-atturi ta' l-iżvilupp żdiedu drastikament. Il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri ta' l-UE qed jappoġġjaw firxa wiesgħa ta' attivitajiet marbuta mat-tibdil fil-klima f'pajjiżi msieħba. Madankollu, evalwazzjoni sistematika tar-riskju tal-klima u l-integrazzjoni tat-tibdil fil-klima fl-istrateġiji u l-progammi ta' l-iżvilupp ("protezzjoni klimatika") għadhom fi stadju bikri, kemm fil-livell tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw kif ukoll fi ħdan aġenziji ta' l-iżvilupp.

Oqsma proposti għal intervent ►Promozzjoni ta' l-integrazzjoni ta' pjanijiet ta' azzjoni għall-adattament fl-istrateġiji tat-Tnaqqis tal-Faqar u fi strateġiji oħra ta' l-iżvilupp. ►Sostenn ta' l-iżvilupp tal-kapaċità istituzzjonali fl-LDCs u fl-SIDS għall-integrazzjoni tat-tibdil fil-klima fil-politiki tagħhom. ►Eżami ta' proġetti u programmi ta' l-iżvilupp iffinanzjati mill-UE, inkluż fil-livell ta' settur jew ta' għajnuna mill-baġit, għal impatti ambjentali potenzjali u t-twettiq ta' Evalwazzjonijiet Ambjentali Strateġiċi (SEAs - Strategic Environmental Assessments). Fir-rigward tal-Kummissjoni Ewropea, konsiderazzjonijiet ta' tibdil fil-klima, kemm dwar tnaqqis kif ukoll dwar adattament, se jkunu sistematikament indirizzati fl-okkażjoni tar-reviżjoni ta' nofs iż-żmien tad-dokumenti ta' l-Istrateġiji Nazzjonali u Reġjonali u se jkunu kkunsidrati bis-sħiħ fil-preparazzjoni tad-dokumenti ta' l-Istrateġiji Nazzjonali u Reġjonali għaċ-ċiklu ta' programmar li jmiss li jibda fl-2012. |

4. il-finanzjament ta' l-alleanza globali dwar it-tibdil fil-klima

Il-Kummissjoni Ewropea hija impenjata sabiex timmobilizza riżorsi sostanzjali sabiex timplimenta l-GCCA fl-oqsma ta' prijorità proposti hawn fuq. Huwa diffiċli ħafna li jiġu stabbiliti ċifri eżatti ta' l-ispiża sabiex it-tibdil fil-klima jiġi indirizzat fl-LDCs u fl-SIDS, iżda l-ewwel stimi juru li r-riżorsi meħtieġa se jkunu maġġuri[19].

Fil-KE, il-Programm Tematiku "L-Ambjent u l-Ġestjoni Sostenibbli tar-Riżorsi Naturali, fosthom l-Enerġija" (ENRTP) huwa l-istrument ewlieni ta' twettiq għall-GCCA. €50 miljun ta' riżorsi addizzjonali ġew inklużi fl-ENRTP u ġew speċifikament riservati għall-GCCA matul il-perjodu 2008-2010. Fondi oħra ta' l-ENRTP li jistgħu jikkontribwixxu għall-għanijiet tal-GCCA jinkludu: partijiet mill-€25 miljun taħt l-intestatura tal-Pjan ta' Azzjoni ta' l-UE dwar it-Tibdil fil-Klima u l-Iżvilupp u l-Komunikazzjoni Limitazzjoni tat-Tibdil fil-Klima Globali għal 2° Celsius: Il-Mixja 'l Quddiem għall-2020 u Lilhinn [20]; u s-€70 miljun taħt l-intestatura tal-foresti.

Minbarra l-fondi ta' l-ENRTP, il-KE għandha tesplora modi ta' sostenn komplementari permezz ta' programmi ġeografiċi. Fir-rigward ta' l-Għaxar Fond Ewropew għall-Iżvilupp (EDF), minbarra r-riżorsi nazzjonali u reġjonali li jistgħu jikkontribwixxu għall-GCCA, l-ammonti indikattivi li ġejjin ġew proposti għal programmi li jkopru l-pajjiżi ta' l-AKP kollha:[21] €100 miljun għat-tibdil fil-klima u l-ambjent; €100 miljun għat-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastru. Għall-Ażja, l-Amerika Latina u reġjuni oħra koperti mill-Istrument għall-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI – Development Cooperation Instrument), se jiġu evalwati wkoll possibbiltajiet sabiex l-għanijiet tal-GCCA jiġu kkomplementati.

Jidher ċar li r-riżorsi tal-KE jistgħu jkopru biss sehem żgħir ħafna mill-ħtiġiet totali. L-Istati Membri ta' l-UE ħolqu għalihom stess il-mira ambizzjuża li jgħollu l-ODA għal 0.56% tal-PGD sa l-2010. Għall-UE, dan ifisser żieda ta' aktar minn €20 biljun. Sabiex il-GCCA issir inizjattiva attraenti u kredibbli, huwa essenzjali għall-Istati Membri li jikkontribwixxu għaliha.

Il-Kummissjoni Ewropea tappella lill-Istati Membri ta' l-UE sabiex jgħaqqdu l-isforzi tagħhom fir-rigward tal-GCCA, u sabiex jaħdmu għal arranġamenti komuni għall-implimentazzjoni. Dan l-isforz kollettiv jista' jieħu l-għamla ta' mekkaniżmu ta' finanzjament konġunt tal-GCCA amministrat mill-Kummissjoni u mmexxi b'mod li jirrifletti l-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni u l-Istati Membri. |

Spejjeż magħmula fil-qafas tal-GCCA se jkunu maħsuba sabiex isostnu u jikkomplementaw inizjattivi u fondi oħra bilaterali jew multilaterali. Fi ħdan l-UNFCCC, inħolqu diversi fondi li jiffinanzjaw proġetti marbuta mat-tibdil fil-klima[22]. Dawn jistrieħu, qabel kollox, fuq strateġija b'bażi ta' proġett għall-finanzjament ta' spejjeż inkrimentali/addizzjonali magħmula biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima. Il-GCCA hija maħsuba sabiex tibni u ssaħħaħ id-djalogu u l-kooperazzjoni eżistenti fir-rigward tat-tibdil fil-klima bejn l-UE u pajjiżi fqar li qed jiżviluppaw li huma l-aktar vulnerabbli għat-tibdil fil-klima, b'mod partikolari l-LDCs u s-SIDS, u sabiex tgħin l-integrazzjoni ta' azzjonijiet dwar it-tibdil fil-klima fl-istrateġiji u l-investimenti għall-iżvilupp nazzjonali, kif ukoll il-kooperazzjoni għall-iżvilupp. Fejn xieraq, it-tibdil fil-klima jista' jkun indirizzat b'mod komprensiv permezz ta' sostenn mill-baġit.

5. Konklużjonijiet

L-UE hija l-akbar fornitur ta' ODA fid-dinja u ressqet proposti konkreti sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet GHG bl-għan li ż-żidiet fit-temperatura jinżammu taħt iż-2°C. Il-GCCA se tissostanzja din il-viżjoni b'azzjoni kollettiva sabiex tagħmel tajjeb għat-talba leġittima ta' l-LDCs u s-SIDS li t-tibdil fil-klima ma jippreġudikax l-isforzi tagħhom għall-iżvilupp u l-ġlieda kontra l-faqar.

Permezz ta' djalogu mtejjeb sostnut minn għajnuna għall-iżvilupp sostanzjali mill-KE u l-Istati Membri, il-GCCA se tipprovdi lill-UE b'opportunità unika sabiex turi tmexxija internazzjonali u tafferma mill-ġdid il-prinċipji tal-multilateraliżmu u tar-responsabbiltà globali li jirfdu r-relazzjonijiet internazzjonali tagħha.

[1] IPCC. Ir-raba' Rapport ta' Evalwazzjoni: Tibdil fil-Klima 2007

[2] COM (2007) 2, Limitazzjoni tat-Tibdil fil-Klima Globali għal 2°C: Il-Mixja 'l Quddiem għall-2020 u Lilhinn, 10.1.07, u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew (7224/07), 9.3.07

[3] Il-Konsensus Ewropew jistipula għanijiet u prinċipji komuni ta' l-UE għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp. Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill (14820/05), 22.11.05

[4] COM (2003) 85, Tibdil fil-Klima fil-Kuntest tal-Kooperazzjoni ta' l-Iżvilupp, 11.3.03, u l-konklużjonijiet tal-Kunsill (15164/04), Tibdil fil-Klima fil-Kuntest tal-Kooperazzjoni ta' l-Iżvilupp, 24.11.04

[5] Dokument ta' Ħidma tal-Persunal li jagħti d-dettalji ta' l-implimentazzjoni ta' l-inizjattiva huwa ppjanat għal Diċembru 2007

[6] Għal diskussjoni dettaljata dwar l-impatt tat-tibdil fil-klima f'pajjiżi fqar, ara d-Dokument Inter-Aġenzija. Il-Faqar u t-Tibdil fil-Klima, 2003

[7] N. Stern, L-Ekonomija tat-Tibdil fil-Klima, Londra, Ottubru 2006

[8] Il-komunikazzjoni tas-Summit tal-G8 ta' Heiligendamm – Tkabbir u Responsibbiltà fl-Ekonomija Dinjija, 7.6.07

[9] COM (2007) 354

[10] Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet dan l-aħħar it-twaqqif ta' Partenarjat UE-Afrika dwar it-Tibdil fil-Klima, fl-ambitu aktar wiesa' tal-GCCA. Ara COM (2007) 357

[11] Għal lista aġġornata, ara http://unfccc.int/national_reports/napa/items/2719.php

[12] FAO. Stat tal-Foresti fid-Dinja, 2007

[13] Huma biss 22 minn total ta' 766 proġett reġistrat tas-CDM li jinsabu fl-Afrika u huma biss tnejn f'LDCs, l-Uganda u t-Tanzanija. Ara http://cdm.unfccc.int/Statistics/index.html

[14] eż. nies f'faqar estrem, nisa, tfal, l-anzjani u d-diżabbli, il-minoritajiet etniċi

[15] Il-Grupp dwar il-Vulnerabbiltà u l-Adattament tar-Riżorsi (VARG - Vulnerability and Adaptation Resource Group). Konnessjoni ta' l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima ma' l-Amministrazzjoni tar-Riskju ta' Diżastru għall-Iżvilupp Sostenibbli. 11/06

[16] Dan huwa parti minn impenn aktar wiesa' ta' l-UE għall-integrazzjoni tat-tħassib ambjentali fl-azzjonijiet esterni tagħha.

[17] Il-pubblikazzjoni tar-Rapport ta' Progress hija prevista għal Settembru 2007

[18] Il-Pjan ta' Azzjoni ta' l-UE dwar it-Tibdil fil-Klima u l-Iżvilupp (2004-08) jistipula erba' oqsma strateġiċi sabiex it-tibdil fil-klima jiġi integrat fl-isforzi għat-tnaqqis tal-faqar: (i) jiġi enfasizzat il-profil tal-politika tat-tibdil fil-klima; (ii) sostenn għall-adattament; (iii) sostenn għat-tnaqqis u modi ta' żvilupp b'livell baxx ta' gassijiet b'effett serra; u (iv) żvilupp ta' kapaċità. Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill (15164/04), 24.11.04

[19] Fir-rapport tiegħu "Rapport dwar l-analiżi ta' l-investimenti u l-flussi finanzjarji eżistenti u potenzjali rilevanti għall-iżvilupp ta' reazzjoni internazzjonali effettiva u xierqa għat-tibdil fil-klima", is-Segretarjat tal-UNFCCC jikkalkula li l-investimenti u l-flussi finanzjarji addizzjonali meħtieġa għall-adattament fl-2030 jammontaw għal diversi għaxriet ta' biljuni Dollari Amerikani. Dokument ta' Ħidma ta' Djalogu 8 (2007)

[20] COM (2007) 2

[21] Id-diskussjonijiet bejn il-KE u l-pajjiżi AKP dwar l-istrateġija ta' kooperazzjoni intra-AKP għall-għaxar EDF għadhom għaddejjin.

[22] Il-Fond tal-Pajjiżi L-Inqas Żviluppati (wegħdiet April 2007: USD 115.8 miljun), il-Fond Speċjali dwar it-Tibdil fil-Klima (wegħdiet April 2007: USD 62 miljun) u l-Fond għall-Adattament, previst li jiġbor madwar USD 400 miljun sa l-2012. Sa mill-1991, il-Faċilità Ambjentali Globali impenjat madwar USD 1.98 biljun għal attivitajiet dwar it-tibdil fil-klima, bil-parti l-kbira minnhom għal attivitajiet ta' mitigazzjoni. Manwal UNFCCC, 2006, http://www.gefweb.org/.