52007DC0498

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Biex jinġieb 'il quddiem is-sehem sħiħ taż-żgħażagħ fl-edukazzjoni, l-impjieg u s-soċjetà {SEK(2007) 1084} {SEK(2007) 1093} /* KUMM/2007/0498 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 5.9.2007

KUMM(2007) 498 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Biex jinġieb 'il quddiem is-sehem sħiħ taż-żgħażagħ fl-edukazzjoni, l-impjieg u s-soċjetà

{SEK(2007) 1084}{SEK(2007) 1093}

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Biex jinġieb 'il quddiem is-sehem sħiħ taż-żgħażagħ fl-edukazzjoni, l-impjieg u s-soċjetà

1. DAħLA

Huwa essenżjali li ż-żgħażagħ ikollhom dak li hu meħtieġ u li jinħolqu l-kondizzjonijiet favorevoli għalihom biex jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom, biex jaħdmu u jipparteċipaw b'mod attiv fis-soċjetà għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali sod ta' l-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari fil-kuntest tal-globalizzazzjoni, l-ekonomiji bbażati fuq l-għarfien u s-soċjetajiet li dejjem qed jixjieħu fejn huwa kruċjali li kull żagħżugħ/żagħżugħa jingħata l-possibbiltà li jilħaq il-potenzjal tiegħu.

Filwaqt li l-kondizzjonijiet ġenerali għaż-żgħażagħ fl-Ewropa llum huma pożittivi – ħelsien u sigurtà, prosperità, l-istennija ta’ ħajja itwal –, hemm tħassib dejjem jiżdied li ħafna minnhom ma jistgħux jimxu 'l quddiem. Rati għoljin ta' tfal jgħixu fil-faqar, problemi ta' saħħa, tluq kmieni mill-iskola u qgħad fost għadd kbir wisq ta' żgħażagħ, juru ħtieġa ta' reviżjoni ta' l-investimenti li l-Ewropa qiegħda tagħmel biex iż-żgħażagħ tagħha[1] jkollhom bidu ta' futur aktar kmieni, saħansitra meqjus ir-rwol essenzjali tal-familji[2]. L-esklużjoni soċjali taż-żgħażagħ fiha spejjeż soċjali u ekonomiċi għolja u jeħtieġ li tiġi evitata.

L-isfidi li qed jiffaċċjaw iż-żgħażagħ illum huma kumplessi u diversi. Hemm aktar opportunitajiet ta' tagħlim u parteċipazzjoni iżda anqas mogħdijiet stabbiliti. Li jinżammu t-tkabbir u l-prosperità fl-Ewropa, filwaqt li jinġiebu 'l quddiem il-koeżjoni soċjali u l-iżvilupp sostenibbli, jiddependi fuq il-kontribut sħiħ u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ kollha, u dan aktar u aktar meta qiegħed jonqos in-numru tagħhom relattiv mal-popolazzjoni fis-sħiħ tagħha. Iż-żgħażagħ se jkollhom jerfgħu l-piż ta' l-ispiża dejjem tikber ta' popolazzjoni li qiegħda tixjieħ, u dan jitlob reazzjoni interġenerazzjonali[3].

Għalhekk jeħtieġ li jkun hemm strateġija trażversali għaż-żgħażagħ permezz ta' kooperazzjoni bejn dawk li jfasslu l-politika u l-partijiet interessati fuq il-livelli Ewropej, nazzonali, reġjonali u lokali. L-Istati Membri għandhom ir-rwol ewlieni fl-implimentazzjoni tal-politika għaż-żgħażagħ. F'dan ir-rigward diġa kkommettew ruħhom fil-Patt Ewropew għaż-Żagħżagħ li jagħtu attenzjoni speċjali liż-żgħażagħ fi ħdan l-Istrateġija ta' Liżbona[4]. L-UE jista' jkollha rwol komplementari billi toffri appoġġ finanzjarju u koordinazzjoni ta' politika. Qafas ta' politika għaż-żgħażagħ twaqqaf bil-mod il-mod bl-appoġġ tal-Parlament Ewropew u istituzzjonijiet oħra mill- White Paper dwar iż-Żgħażagħ lilhawn[5]. Koordinazzjoni aktar mill-qrib bejn dan il-qafas u strateġiji politiċi oħra li għandhom impatt fuq iż-żgħażagħ, flimkien ma' aktar enfażi fuq iż-żgħażagħ f'dawn l-istrateġiji, ikunu ta' għajnuna biex l-isfidi ffaċċjati miż-żgħażagħ jiġu indirizzati b'mod aktar effiċjenti, u dan huwa l-iskop ta' din il-Komunikazzjoni.

Barra minn hekk, sħubija qawwija bejn l-UE u ż-żgħażagħ tkun ta' benefiċċju għall-promozzjoni tas-sehem sħiħ taż-żgħażagħ fis-soċjetà. Hawn qed jiġi propost li dan jista' jkun f'sura ta' impenn mill-UE u l-Istati Membri li jiżviluppaw opportunitajiet aħjar għaż-żgħażagħ u impenn miż-żgħażagħ infushom li jkollhom rwol attiv.

2. AKTAR EDUKAZZJONI U EDUKAZZJONI AħJAR GħAż-żGħAżAGħ KOLLHA

L-edukazzjoni hija kruċjali għat-tranżizzjonijiet taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol u l-integrazzjoni b'suċċess u l-parteċipazzjoni tagħhom fis-soċjetà. Iżda, għadd sinifikanti ta’ żgħażagħ joħorġu minn sistemi edukattivi mingħajr ma jkunu kisbu l-ħiliet meħtieġa għal tranżizzjoni mingħajr xkiel lejn l-impjieg.

Kważi wieħed minn kull sitt żgħażagħ fl-UE jitlaq mill-iskola qabel iż-żmien. L-Istati Membri għandhom l-għan li jnaqqsu din iċ-ċifra għal medja ta’ 10% sa l-2010, iżda kemm dan jista’ jinkiseb huwa dubjuż. Wieħed minn kull erba’ adulti (etajiet 25-29) ma jtemmx il-livell ta’ edukazzjoni sekondarja ogħla. L-istħarriġ juri li hemm nuqqasijiet konsiderevoli fl-għarfien ta’ ħiliet bażiċi fil-kitba u fil-għadd, u dan huwa ostaklu serju għat-tkomplija tat-taħriġ vokazzjonali jew edukazzjoni ogħla. Dawn se jkollhom jiffaċċaw ġejjieni prekarju fis-soċjetà u fis-suq tax-xogħol modern[6].

L-edukazzjoni preżenti xi ftit imraqqa li l-Ewropa tipprovdi lit-tfal iż-żgħar[7] – li l-benefiċċji kbar tagħha huma stabbiliti sewwa[8] – tista’ titjieb. L-isforzi jridu jiġu mmirati fuq l-iżvilupp tal-kompetenzi ewlenin[9] minn età bikrija ħafna, u t-tfal f’zoni żvantaġġati jkunu ta’ l-ewwel u jinħoloq mekkaniżmu fl-istess waqt li jipprevjeni t-tluq kmieni mill-iskola.

Is-sistemi edukattivi għandhom jipprovdu edukazzjoni effiċjenti u rilevanti f’perspettiva tul ċiklu ta’ ħajja, filwaqt li jistimulaw il-potenzjal ta’ l-individwu għall-kreattività u l-awtonomija u jevitaw li jkun hemm żbilanċ mas-suq tax-xogħol. Iż-żgħażagħ jeħtieġ li jkunu mħejjin għad-dħul fis-suq tax-xogħol iżda wkoll li jkunu jistgħu jissoktaw bl-edukazzjoni tagħhom tul ħajjithom, għall-iżvilupp personali u biex isibu għajnuna fl-adattament tagħhom għaċ-ċirkostanzi professjonali li jinbidlu. L-iżvilupp ta' ħiliet ta' komunikazzjoni fl-ilsna barranin għandu jinġieb 'il quddiem f'dan il-kuntest.

Dawn huma l-isfidi ewlenin – dejjem aktar urġenti f’ekonomija globalizzata u bbażata fuq l-għarfien – li s-sistemi edukattivi jridu jindirizzaw jekk iridu jlaħħqu mal-ħtiġijiet taż-żgħażagħ ta’ llum. Il-Programm ta’ ħidma dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2010[10] jipprovdi qafas fuq livell ta’ l-UE li jirfed il-modernizzazzjoni tas-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ ta’ l-Istati Membri. Attenzjoni politika aktar kkonċentrata fuq l-implimentazzjoni tal-politika u l-prassi tajba li ħarġu minn dan il-proċess tkun ta’ benefiċċju. Bl-investiment indirizzat lejn l-iżvilupp ta’ l-edukazzjoni tat-tfal iż-żgħar għal kulħadd u bit-titjib fil-kwalità tagħha, l-Istati Membri jistgħu jindirizzaw b’mod aktar effettiv il-problema tat-tluq mill-iskola qabel iż-żmien u l-iżvantaġġ edukattiv.

Il-Kummissjoni

- tistieden l-Istati Membri jagħtu prijorità lill-kwalità u l-kwantità ta’ investiment fl-istrateġiji nazzjonali tagħhom ta’ tagħlim tul il-ħajja lill-edukazzjoni tat-tfal iż-żgħar

- tistieden l-Istati Membri jimmodernizzaw l-edukazzjoni ogħla permezz ta’ tibdil fil-governanza, finanzjament u kurrikula

- tistieden l-Istati Membri jsaħħu l-attenzjoni fuq l-edukazzjoni u t-taħriġ fil-Programmi Nazzjonali ta' Riforma sabiex jevitaw kull żbilanċ bejn il-frott ta' l-edukazzjoni u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, pereżempju billi jiżviluppaw iktar u aħjar l-opportunitajiet ta' għoti ta' pariri liż-żgħażagħ u jibnu rabtiet aktar mill-qrib bejn l-istituzzjonijiet edukattivi u d-dinja tax-xogħol.

- tistieden l-Istati Membri jtejbu r-relevanza, l-attrattività u l-aċċessibilità għas-suq tax-xogħol ta’ l-edukazzjoni vokazzjonali u t-taħriġ sabiex iħejju aħjar iż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol, pereżempju permezz ta’ sħubiji bejn il-partijiet interessati – inklużi l-imsieħba soċjali u l-għaqdiet tas-settur

- tistieden l-Istati Membri jimplimentaw il-Qafas Ewropew dwar il-Kwalifiki li jkun ta’ appoġġ għall-mobilità ta’ l-istudenti u ħaddiema żgħażagħ u għall-validazzjoni ta’ dak li tagħlmu permezz ta’ mogħdijiet formali u mhux formali

- flimkiem ma’ l-Istati Membri, tiżviluppa l-elementi speċifiċi għaż-żgħażagħ fi ħdan l-Ewropass[11], fuq il-bażi taż-Żgħażagħpass imwassal fi ħdan il-qafas tal-Programm iż-Żgħażagħ Jaġixxu, biex tiffaċilita l-aċċess taż-żgħażagħ għall-mobilità u t-tagħlim tul il-ħajja

3. IŻ-ŻGĦAŻAGĦ U L-IMPJIEG: SFIDA GħALL-EWROPA

L-użu tal-potenzjal sħih taż-żgħażagħ huwa rekwiżit għat-tkabbir ekonomiku u l-koeżjoni soċjali tal-ġejjieni fl-UE. Is-swieq tax-xogħol jeħtieġ li jirreaġixxu b’urġenza għal dawn l-isfidi sabiex jintlaħaq il-potenzjali tal-popolazzjoni taż-żgħażagħ.

3.1. Il-qgħad fiż-żgħażagħ: riżorsa moħlija [12]

Il-qgħad fiż-żgħażagħ (etajiet 15-24) huwa ta’ tħassib kbir għall-Ewropa: illum huwa ta’ 17.4% [13]. Dan jikkostitwixxi ħela ta' kapital uman. Matul dawn l-aħħar 25 sena, ma nkiseb ebda riżultat veru fit-tnaqqis tiegħu minkejja żieda ġenerali fl-edukazzjoni. Fit-titjib ekonomiku preżenti li seħħ f'daqqa, b'7 miljuni aktar dieħlin fl-impjieg matul iċ-ċiklu ta' Liżbona 2005-2008, ir-rendiment tas-suq tax-xogħol jissokta fl-iżvilupp tiegħu anqas favorevoli għaż-żgħażagħ. Iċ-ċans li jibqgħu bla xogħol huwa aktar mid-doppju mill-adulti fl-aqwa età ta' l-impjieg. Il-qgħad fl-adulti żgħażagħ ta' sikwit jinbidel f'qgħad jew nuqqas ta' attività fit-tul (aktar minn 50% tan-nies bla xogħol huma bejn 25-29). Hemm wisq nisa żgħażagħ fost dawk li mhumiex attivi jew bla xogħol, u d-differenza bejnhom u l-irġiel tikber ma' l-età.

Il-qgħad fiż-żagħżagħ ilu żmien meqjuż bħala fenomenu temporanju fit-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għas-suq tax-xogħol. Madankollu, il-kawżi tal-problemi tal-qgħad fiż-żgħażagħ u r-riskji nvoluti jridu jitqiesu mill-ġdid fil-kuntest demografiku u ekonomiku li qed jinbidel. Il-ħiliet u l-edukazzjoni (jew in-nuqqas tagħhom) hija waħda mir-raġunijiet ewlenin, iżda it-tranżizzjonijiet diffiċli u s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol huma wkoll parti mill-problema. Id-differenzi reġjonali f'xi Stati Membri jaggravaw dawn il-problemi.

Bħala konsegwenza ta' nuqqasijiet fl-edukazzjoni kwart miż-żgħażagħ jaslu fuq l-għadba tas-suq tax-xogħol mingħajr biżżejjed kwalifiki (ara il-kapitolu 2). Nofs l-impjiegi ġodda li jinħolqu fl-UE llum jeħtieġu kwalifiki ta' livell għoli, u ħafna mill-bqija mill-inqas ta' livell tan-nofs. Mhix sorpriża li r-rata ta' qgħad taż-żgħażagħ bi kwalifiki baxxi hija ogħla b'mod sinifikanti minn sħabhom stess iktar ikkwalifikati. It-tibdil fid-domanda tax-xogħol żied l-iżvantaġġ taż-żgħażagħ li mhumiex ikkwalifikati. L-ekonomiji bbażati fuq l-għarfien u s-servizz għadhom s'issa għajn ta' impjiegi li jeħtieġu kwalifiki formali għoljin, iżda l-ħtieġa ta' ħiliet u kompetenzi aktar varji hija ikbar mill-passat. F'xi pajjiżi, anki żgħażagħ bi kwalifiki għolja jsibu diffikultajiet fit-tfittxija tax-xogħol minħabba istituzzjonijiet makroekonomiċi jew tas-suq tax-xogħol li huma ta' żvantaġġ għad-dħul ta' dawk li qed ifittxu għall-ewwel darba, u żbilanċ bejn il-kwalifiki u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol.

Rati għoljin ta' nuqqas ta' attività fost iż-żgħażagħ (barra mill-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ) huma fenomenu ieħor ta' nuqqas ta' integrazzjoni fis-suq tax-xogħol u jikkoinċidu ma rati ġenerali għoljin ta' qgħad. In-nuqqas ta' attività għandha riperkussjonijiet negattivi fuq il-ħeġġa u l-kapaċità ekonomika ta' adulti żgħażagħ li jrabbu familja. Il-qgħad u n-nuqqas ta' attività tal-ġenituri huma fatturi ta' riskju qawwi għall-faqar fit-tfal (ara l-kapitolu 4).

3.2. It-titjib tat-tranżizzjonijiet taż-żgħażagħ: flessigurtà

Li wieħed isib postu fis-suq tax-xogħol huwa ta' sikwit proċess gradwali, iżda jsir problema jekk il-perjodi ta' nuqqas ta' impjieg ma jimtlewx b'attività utli; dan jagħmel ħsara lill-kapaċità ta' dak li jkun li jsib ix-xogħol. F'bosta Stati Membri, wieħed fi tliet żgħażagħ jibqa' bla xogħol sena wara li jtemm l-edukazzjoni.

Minkejja l-impenn imtenni mill-Istati Membri l-bicca l-kbira ta' l-4.6 miljun żagħżugħ bla xogħol fl-UE ma jsibux l-opportunità li jibdew mill-ġdid fi żmien 6 xhur. L-istituzzjonijiet ta' l-edukazzjoni u tas-suq tax-xogħol għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex jipprovdu liż-żgħażagħ bi gwida u pariri speċifiċi biex jagħżlu triq xierqa li twassalhom biex jikkwalifikaw għas-suq tax-xogħol[14].u b'hekk inaqqsu l-iżbilanċ bejn il-frott ta' l-edukazzjoni u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. Iż-żgħażagħ għandhom jirċievu aktar appoġġ permezz ta' riċerka speċifika għall-impjieg inklużi opportunitajiet barra mill-pajjiż. L-UE se żżid l-appoġġ tagħha għall-kooperazzjoni fost l-Istati Membri dwar il-promozzjoni tal-mobilità (pereżempju. L-inizjattiva ta' L-EURES "L-Ewwel Xogħol Tiegħek Barra).

It-twaqqif ta' rabtiet bikrija bejn l-edukazzjoni u s-suq tax-xogħol huwa essenzjali biex iż-żgħażagħ jiffamiljarizzaw ruħhom mad-dinja tax-xogħol. L-apprendistati, meta jkunu marbuta mal-kurrikulu tat-taħriġ jew ta' l-istudju, huma għodda importanti f'dan ir-rigward, iżda, l-apprendistati bi ftit paga jew bla ħlas u b'valur miżjud edukattiv limitat għandhom jiġu evitati. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-apprendistati jkunu ddefinti b'mod xieraq.

Iż-żgħażagħ jeħtieġu opportunitajiet ta' xogħol xierqa, iżda meta jsibu ftit opportunitajiet jew xejn biex juru l-kapaċitajiet tagħhom, ibagħtu bil-wisq minħabba li ma jingħatawx impjieg. Huma affettwati b'mod partikolari mid-dwaliżmu tas-suq tax-xogħol. Jistgħu jsibu ruħhom f'impjiegi b'kondizzjonijiet jew prospetti baxxi: pereżempju 4 minn 10 fil-preżent jinsabu f'impjieg temporanju; madwar kwart minnhom jaħdmu part-time u aktar minn kwart għandhom xogħol imħallas bi ftit. Impjieg bħal dan jista' jservi ta' sellum u jgħin liż-żgħażagħ jistabbilixxu rendikont ta' l-impjiegi tagħhom, iżda għal xi wħud jista' jwassal lejn ċiklu ta' impjiegi permamenti ta' kwalità baxxa[15].

Minkejja l-fatt li l-Istati Membri jagħmlu sforzi kbar biex isolvu l-qgħad fiż-żgħażagħ, l-evalwazzjonijiet tal-politika attiva dwar is-suq tax-xogħol għaż-żgħażagħ juru li r-riżultati jistgħu jkunu aħjar[16]. L-Istati Membri għandhom jindirizzaw b'mod aktar sistematiku u wiesa' l-kawżi tal-qgħad fiż-żgħażagħ fi ħdan l-Istrateġija ta' Liżbona, inkluż il-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ. L-eżerċiżzju ta' Liżbona 2006/2007 għamel għadd ta' rakkomandazzjonijiet rilevanti għall-problemi ta' l-impjieg għaż-żgħażagħ.

Il-prinċipji komuni ta' flessigurtà jipprovdu parti mill-qafas li jindirizza l-kawżi ewlenin tal-problemi tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u s-sensazzjoni ta' nuqqas ta' sigurtà[17]. Jindirizzaw fl-istess waqt il-kwistjonijiet ta' sigurtà u flessibilità. Fiċ-ċiklu ta' Liżbona li jmiss, li jibda fl-2008, l-Istati Membri huma mistiedna jistabbilixxu, skond l-isfidi rispettivi speċifiċi tagħhom u bis-sehem attiv ta' l-imsieħba soċjali, strateġiji ta' flessigurtà li jintegraw l-erba' komponenti ta' politika (arranġamenti kuntrattwali flessibbli u affidabbli, sistemi effettivi ta' tagħlim tul il-ħajja, politika attiva tas-suq tax-xogħol, sistemi moderni ta' sigurtà soċjali). L-interventi politiċi u l-miżuri ta' impjieg għandhom jiġu analizzati mill-ġdid u jitfasslu skond iċ-ċirkostanzi u l-preferenzi nazzjonali. L-Istati Membri għandhom jużaw il-Fond Soċjali Ewropew biex jipprovdu liż-żgħażagħ b'mogħdijiet ta' tranżizzjoni mill-edukazzjoni għax-xogħol, b'mod partikolari fejn huma anqas żviluppati s-sistemi ta' taħriġ vokazzjonali, u jagħmlu aktar enfażi fuq iż-żgħażagħ fl-istrateġiji politiċi strutturali bit-tir li jnaqqsu l-iżbilanċ reġjonali.

3.3. Il-promozzjoni ta' l-intraprenditorija

L-Ewropa teħtieġ aktar intraprendituri. 15% biss minn dawk li jaħdmu huma sidien jew għal rashom fl-UE u ċ-ċifri jonqsu sa 4.2% fil-każ taż-żgħażagħ[18]. Iżda, aktar minn nofshom juru li jinteressahom isegwu t-triq ta' l-intraprenditorija[19]. It-trawwim fil-ksib ta' spirtu intraprenditorjali permezz ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ huwa kruċjali u għandu l-għarfien ta' kompetenza ewlenija. Il-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ u l-inizjattivi reċenti tal-Kummissjoni[20] wkoll jenfażizzaw il-ħtieġa biex il-proċessi ta' tagħlim jappoġġaw, kemm jista' jkun possibbli, l-iżvilupp tal-ħiliet ta' parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u l-fiduċja fihom infushom u l-kompetenza bħala intraprendituri.

Jeħtieġ li jinħolqu kondizzjonijiet favorevoli għall-intraprendituri żgħażagħ, billi jiġi pprovdut tagħrif, inċentivi finanzjarji u jitneħħa x-xkiel żejjed legali u amministrattiv. Hemm ukoll il-ħtieġa li jiġu indirizzati ostakli speċifiċi li jiltaqgħu magħhom in-nisa żgħażagħ fit-twaqqif u l-ġestjoni ta' negozju. Il-Kummissjoni qed tħejji proġett pilota biex ġġib 'il quddiem il-mobilità ta' l-intraprendituri żgħażagħ.

Il-Kummissjoni

- se żżid is-sorveljanza ta' l-imjieg għaż-żgħażagħ l-Istati Membri u ġġib 'il quddiem l-iskambju ta' l-aqwa prassi

- se ttejjeb l-appoġġ għall-mobilità ġeografika permezz ta' l-istrument EURES u tniedi fil-ħarifa ta' l-2007 l-inizzjattiva pilota "L-Ewwel Xogħol Tiegħek Barra" għaż-żgħażagħ ħaddiema sabiex jagħmlu l-ewwel esperjenza tagħhom ta' mobilità

- se tipproponi fl-2008 inizjattiva għal statut ta' kwalità Ewropew dwar l-apprendistati

- tistieden l-Istati Membri jagħtu aktar attenzjoni liż-żgħażagħ fil-Programmi ta' Riforma Nazzjonali u fis-sorveljanza multilaterali

- tistieden l-Istati Membri jistabbilixxu strateġiji ta' flessigurtà b'attenzjoni speċifika fuq l-objettivi ta' impjieg għaż-żgħażagħ, b'mod partikolari fid-dawl ta' l-approċċ imfassal fil-Komunikazzjoni ta' Ġunju dwar il-flessigurtà u x-xogħol li għad irid isir dwar il-flessigurtà fil-Kunsill Ewropew.

- tistieden l-Istati Membri jġibu 'l quddiem l-apprendistati b'rabta qawwija mal-kurrikulu ta' taħriġ jew studju u jiddefinixxu oqfsa xierqa biex dan isir

- tistieden l-Istati Membri jġibu 'l quddiem l-edukazzjoni intraprenditorjali bħala kompetenza ewlenija u jtejbu l-kondizzjonijiet għall-imprendituri żgħażagħ, pereżempju billi jippromwovu l-Programm ta' Innovazzjoni u Intraprenditorija fost l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-impriżi biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-finanzjament għat-twaqqif ta' l-IŻM minn intraprendituri żgħażagħ

- tħeġġeġ l-Istati Membri jużaw l-istrateġiji nazzjonali u l-fondi ta' l-UE, b'mod partikolari il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Żvilupp Reġjonali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond ta' Żvilupp Rurali jew xi fondi jew programmi rilevanti ta' l-UE, biex jappoġġjaw it-tranżizzjoni taż-żgħażagħ mill-edukazzjoni għall-impjieg u jnaqqsu l-isbilanċ reġjonali f'dan ir-rigward

4. L-UżU TAL-POTENZJAL TA' KULLħADD

Il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fl-edukazzjoni, l-impjieg u s-soċjetà hija affettwata mill-faqar, l-emarġinazzjoni soċjali, id-diskriminazzjoni u n-nuqqas ta' sanità. L-Ewropa għandha interess ġenwin kemm għal raġunijiet ekonomiċi kif ukoll soċjali li tiżgura li tfal u żgħażagħ ma jiġux esklużi.

4.1. Inklużjoni soċjali

Il-faqar fost it-tfal, li jolqot 19% tat-tfal, ġuvintur u xebbiet kollha taħt it-18, huwa tħassib ewlieni[21]. Il-benessri tat-tfal huwa meqjus li għandu effetti importanti fuq l-edukazzjoni u l-impjieg sussegwenti. Il-pajjiżi b'riskji għolja ta' faqar għat-tfal u ż-żgħażagħ tipikament għandhom livelli għolja ta' qgħad. Il-qtugħ fit-trażmissjoni tal-faqar interġenerazzjonali hija sfida ewlenija, u l-politika għandha tindirizza l-ħtiġijiet kemm tat-tfal kif ukoll tal-ġenituri b'mod komprensiv. Għandu jkun hemm aktar enfażi fuq l-edukazzjoni preprimarja u fuq l-edukazzjoni tat-tfal li jgħixu f'żoni żvantaġġati.

F'għadd ta' pajjiżi, l-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ bi sfond ta' migrazzjoni jew minn minoranzi żvantaġġati (b'mod partikolari Roma) s'issa ma seħħitx b'suċċess. Ta' sikwit minn ġenituri bi status soċjoekonomiku baxx, jirrappreżentaw porzjon kbir miż-żgħażagħ żvantaġġati, jkollhom rati ogħla ta' tluq kmieni mill-iskola u ta' sikwit b'ħiliet baxxi fil-qari. Ir-riskju ta' nuqqas ta' attività ekonomika miż-żgħażagħ ta' minoranzi etniċi f'ċerti pajjiżi hija ogħla b'terz mill-popolazzjoni taż- żgħażagħ integrati.

Il-ksib ta' l-inklużjoni soċjali u opportunitajiet indaqs hija wkoll kwistjoni ewlenija għaż-żgħażagħ b'diżabbilità. L-eliminazzjoni tax-xkiel għall-parteċipazzjoni tagħhom fl-edukazzjoni u t-taħriġ, kif ukoll għall-impenn tagħhom fil-ħajja ċivika, politika u komunitarja hija kruċjali. Għaż-żgħażagħ kollha b'anqas kapaċitajiet, il-politika attiva tas-suq tax-xogħol u l-miżuri biex jiżdid is-sehem tagħhom fit-taħriġ vokazzjonali huma strumentali għat-titjib ta' l-opportunitajiet ta' parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà.

4.2. Żbilanċ bejn is-sessi

Iż-żgħażagħ nisa jridu jgħaddu minn rati ta' qgħad ogħla mill-irġiel u ta' sikwit isibu ruhħom f'impjiegi ta' kwalità baxxa, part-time u għal żmien fiss. Minkejja li f'dawn l-aħħar għexiren ta' snin għamlu progress sostanzjali fl-edukazzjoni, il-potenzjal tagħhom huwa biss parzjalment rifless fir-rendiment tas-suq tax-xogħol, inklużi differenzi persistenti fil-paga li jiżdiedu bl-età. L-istereotipi bbażati fuq is-sess għandhom rwol ewlieni f'din is-sitwazzjoni peress li n-nisa u l-irġiel jgħaddu minn mogħdijiet edukattivi tradizzjonali, li ta' sikwit iqiegħdu lin-nisa f'xogħol inqas stmat u imħallas. In-nisa jaħdmu ħafna inqas fl-oqsma tekniċi, minkejja n-nuqqas fis-suq tax-xogħol. Iż-żgħażagħ irġiel huma rrappreżentati żżejjed fost dawk li jitilqu kmieni mill-iskola.

4.3. Aktar Saħħa

Is-saħħa hija ħtieġa fil-bini tal-kapital uman u s-sehem sħiħ. Ħafna nuqqas ta' saħħa aktar tard fil-ħajja tista' tiġi evitata minn qabel. Iżda għadd relattivament għoli u dejjem jiżdid ta' żgħażagħ diġà jsofru minn problemi ta' saħħa: pereżempju fit-tfal, wieħed minn kull ħamsa jbagħti minn piż żejjed jew obeżità, madwar 10% ta' l-imwiet fiż-żgħażagħ nisa u 25% fiż-żgħażagħ irġiel huma marbuta ma' l-alkoħol. Is-saħħa taż-żgħażagħ hija influwenzata b'mod qawwi miċ-ċirkustanzi soċjali, tal-familja u ta' l-iskola. Stat soċjoekonomiku baxx u livelli ta' edukazzjoni baxxi huma assoċjati ma' inċidenza ogħla ta' problemi ta' saħħa mentali u fiżika, abbuż ta' droga u tqala qabel iż-żmien.

Iż-żgħażagħ huma wieħed mill-gruppi ewlieni fil-mira tal-politika ta' saħħa u prevenzjoni ta' l-UE (fl-oqsma ta' l-alkoħol, l-abbuż ta' droga, it-tabakk, is-saħħa tal-konsumatur, in-nutrizzjoni u l-obeżità u l-HIV/AIDS, u dalwaqt is-saħħa mentali). Jeħtieġ aktar kollaborazzjoni intersettorjali biex tiġi indirizzata d-dimensjoni soċjali tas-saħħa u jinħolqu azzjonijiet speċifiċi biex tinġieb 'il quddiem is-saħħa taż-żgħażagħ. Il-Kummissjoni enfażizzat ukoll l-importanza tal-promozzjoni ta' nutrizzjoni aħjar u attività fiżika fost iż-żgħażagħ biex saħħithom tkun aħjar[22].

Il-Kummissjoni

- tistieden l-Istati Membri jħabirku aktar fil-ġlieda kontra l-faqar fit-tfal l-aktar billi jġibu 'l quddiem l-opportunitajiet indaqs għat-tfal u ż-żgħażagħ f'dak li huwa edukazzjoni, inkluża l-edukazzjoni pre-primarja, kif ukoll is-sehem tal-ġenituri fis-suq tax-xogħol.

- tistieden l-Istati Membri jħejju lill-għaqdiet taż-żgħażagħ u lil dawk li jaħdmu fosthom biex jiffaċċaw kwistjonijiet ta' saħħa

- se tħejji strateġija ġdida ta' saħħa fl-2007 li tagħti appoġġ lill-azzjonijiet speċifiċi għaż-żgħażagħ

- bil-qawwa tappoġġja azzjonijiet biex jitwarrbu l-istereotipi bbażati fuq is-sess fl-edukazzjoni, il-kultura u fis-suq tax-xogħol billi ġġib 'l quddiem l-integrazzjoni tas-sessi u azzjonijiet speċifiċi fil-programmi edukattivi u kulturali ta' l-UE.

5. ĊITTADINI żGħAżAGħ ATTIVI

Mill-pubblikazzjoni tal- White Paper dwar iż-Żgħażagħ, il-Kummissjoni u l-Istati Membri ħadmu fuq strateġiji politiċi biex irawwmu l-ħiliet ta' parteċipazzjoni u l-impenn attiv taż-żgħażagħ fis-soċjetà[23]. It-tfassil tal-politika għaż-żgħażagħ fi djalogu kostanti maż-żgħażagħ huwa strumentali għas-suċċess tagħhom.

5.1. Sehem iż-żgħażagħ

Sehem iż-żgħażagħ fl-istituzzjonijiet demokratiċi u fi djalogu kontinwu ma' min ifassal il-politika huwa essenzjali biex jaħdmu sewwa d-demokraziji tagħna u s-sostenibilità ta' l-istrateġiji politiċi li għandhom impatt fuq ħajjet iż-żgħażagħ.

Il-Kummissjoni dan l-aħħar[24] għamlet sejħa lill-Istati Membri biex jissoktaw bl-isforzi tagħhom biex iżidu sehem iż-żgħażagħ u jsawwru strateġiji koerenti ta' tagħrif għaż-żgħażagħ. Il-Kummissjoni nidiet ukoll djalogu ġenwin maż-żgħażagħ imsawwar mil-livell lokali sa dak Ewropew li jeħtieġ li jiġi implimentat fis-sħiħ. Is-Samit Ewropew taż-Żgħażagħ "L-Ewropa Tiegħek" organizzat f'Ruma f'Marzu 2007, il-Ġimgħa Ewropea għaż-Żgħażagħ u avvenimenti regolari tal-Presidenza Żgħażagħ huma passi pożittivi lejn djalogu strutturat bħal dan maż-żgħażagħ.

L-involviment fl-attivitajiet kulturali jista' jgħin ukoll liż-żgħażagħ jesprimu l-enerġija kreattiva tagħhom u jikkontribwixxu fit-trawwim ta' ċittadinanza attiva. Barra minn hekk, l-attivitajiet kulturali jistgħu jġibu 'l quddiem l-inklużjoni u jiffaċilitaw id-djalogu inter-ġenerazzjonali u inter-kulturali billi jsawwru rabtiet bejn l-individwi u jgħinu biex l-identità nazzjonali tiġi miżbuqa. Dan huwa l-qofol tas-Sena Ewropea dwar id-Djalogu Interkulturali fl-2008, li se tiffoka fuq iż-żgħażagħ. Huma jikkostitwixxu wkoll messaġġi ewlenin fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kultura[25].

5.2. Attivitajiet volontarji

L-attivitajiet volontarji jipprovdu esperjenza ta' tagħlim mhux formali u prezzjuża, li tippermetti liż-żgħażagħ jiksbu ħiliet u tiffaċilita t-tranżizzjoni tagħhom mill-edukazzjoni għall-impjieg. Permezz tal-volontarjat, iż-żgħażagħ jiżviluppaw valuri bħall-ftehim ta' xulxin, id-djaloġu u s-solidarjetà. Madankollu, ta' min jenfażizza li l-attivitajiet volontarji m'għandomx jissostitwixxu impjieg bi ħlas.

Iż-żgħażagħ Ewropej għandhom idea pożittiva tal-programmi li jħeġġu l-attivitajiet volontarji u 74% jemmnu li programmi bħal dawn huma mod tajjeb kif jiżdied is-sehem tagħhom fis-soċjetà. Il-Programm Iż-Żgħażagħ Jaġixxu ta' l-UE[26] jipprovdi qafas għas-Servizz Volontarju Ewropew.

Ir-rapporti ta' l-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni ta' l-objettivi komuni adottati għall-attivitajiet volontarji fi ħdan il-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni (Open Method of Coordination / OMC)[27] juru li l-iskambji ta' prassi tajba, l-attivitajiet ta' tagħlim bis-saħħa ta' xulxin u l-għodda ta' valutazzjoni jġibu valur miżjud fl-iżvilupp ta' attivitajiet volontarji[28].

Ostakoli bħal diffikultajiet ta' visa u nuqqas ta' assigurazzjoni għandhom jiġu eliminati, u r-rabta ma' drittijiet għal dispożizzjonijiet ta' sigurtà soċjali, inklużi benefiċċji għall-qgħad, jeħtieġ li titjib. Il-kooperazzjoni intersettorjali bejn l-awtoritajiet differenti u oqfsa legali xierqa huma meħtieġa[29]. L-għarfien tal-ħiliet miksuba miż-żgħażagħ fil-volontarjat jikkontribwixxi għall-faċilitazzjoni tat-tranżizzjoni tagħhom mill-edukazzjoni għall-impjieg. Teżisti prassi tajba iżda jeħtieġ approċċ aktar koerenti, fuq il-bażi tar-riflessjoni preżenti mnedija fuq livell ta' l-UE[30].

5.3. Iż-żgħażagħ u l-UE: Sħubija msaħħa

L-istituzzjonijiet u l-politika għandhom rwol ewlieni fit-twessigħ ta' l-opportunitajiet biex il-ġenerazzjoni żagħżugħa tieħu sehem fis-soċjetà, iżda ż-żgħażagħ infushom jridu wkoll jiżviluppaw sens ta' responsabbiltà f'dik li hija l-edukazzjoni tagħhom, is-saħħa, l-integrazzjoni fil-ħajja professjonali u l-impenn fis-soċjetà.

L-għaqdiet taż-żgħażagħ huma riżorsa ewlenija f'dan ir-rigward. Ir-rwol tal-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ huwa importanti biex għaqdiet bħal dawn jiġu impenjati, b'mod partikolari l-Kunsilli taż-żgħażagħ nazzjonali u lokali, kif ukoll żgħażagħ b'anqas opportunitajiet fi djalogu strutturat ma' dawk li jfasslu l-politika.

L-iżvilupp ta' l-Unjoni Ewropea jitlob impenn qawwi. F'Ewrobarometru reċenti ż-żgħażagħ lissnu l-appoġġ tagħhom għall-UE, u li wieħed jibni fuq dan huwa importanti[31].

Il-Kummissjoni tipproponi li ssaħħaħ is-sħubija preżenti bejn l-Istituzzjonijiet ta' l-UE u r-rappreżentanti taż-żgħażagħ fi stqarrija li tenfażizza r-rilevanza ta' djalogu strutturat maż-żgħażagħ fil-livelli kollha u fl-oqsma koperti minn din il-Komunikazzjoni. L-aġenda trid tiġi ddefinita flimkien maż-żgħażagħ. Id-djalogu għandu jġib flimkien il-partijiet interessati rilevanti u għaqdiet taż-żgħażagħ. Għandu wkoll jinkludi żgħażagħ b'anqas opportunitajiet u dawk li mhumiex membri ta' għaqda.

Oqsma oħra ta' interess għaż-żgħażagħ, bħall-iżvilupp sostenibbli, il-ġejjieni ta' l-UE jew l-għajnuna għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, jistgħu jiġu indirizzati wkoll fil-qafas ta' din is-sħubija.

Rapport ta' l-UE dwar iż-żgħażagħ għandu jiġi abbozzat kull tliet snin flimkien maż-żgħażagħ, fuq il-bażi tat-tagħrif preżenti u li jirrapporta dwar żviluppi fl-oqsma indirizzati f'din il-komunikazzjoni. Il-ministri laqgħu tajjeb dan ir-rapport[32].

Il-Kummissjoni

Għal parteċipazzjoni:

- tistieden l-Istati Membri fi ħdan l-OMC jimplimentaw l-objettivi komuni msaħħa għas-sehem u l-informazzjoni taż-żgħażagħ u biex jimplimentaw id-djalogu strutturat

- tistieden l-Istati Membri jagħtu rwol liż-żgħażagħ fi ħdan l-attivitajiet ippjanati għas-Sena Ewropea dwar id-djalogu inter-kulturali

- f'kooperazzjoni ma' l-Istati Membri u bir-rispett dovut għall-kompetenzi tagħhom, se tistudja l-prassi nazzjonali preżenti f'dak li huwa aċċess għaż-żgħażagħ għall-kultura, bil-ħsieb li dan l-aċċess ikun iktar miftuħ

- se tuża programmi rilevanti ta' l-UE[33], f'kooperazzjoni ma' l-Istati Membri, biex iġġib 'l quddiem is-sehem taż-żgħażagħ, f'approċċ ikkoordinat

Għall-attivitajiet volontarji

- tistieden l-Istati Membri jiżviluppaw programmi, strateġiji, jesploraw titjib fl-oqfsa legali, jeliminaw ostakli u jħeġġu l-volontarjat taż-żgħażagħ b'anqas opportunitajiet

- tistieden l-Istati Membri jġibu 'l quddiem u jagħrfu l-volontarjat, fuq il-bażi ta' l-Ewropass

- tistieden l-Istati Membri jsaħħu l-OMC fuq l-attivitajiet volontarji, jidħlu għal attivitajiet ta' tagħlim bis-saħħa ta' xulxin u jiżviluppaw għodda ta' sorveljanza fuq livell Ewropew

- se tniedi konsultazzjoni u stima ta' l-impatt dwar inizjattiva ġdida fuq livell ta' l-UE biex ġġib 'l quddiem u tagħraf l-attivitajiet volontarji taż-żgħażagħ

Għal sħubija msaħħa

- tistieden l-Istituzzjonijiet Ewropej u ż-żgħażagħ isaħħu s-sħubija tagħhom fi stqarrija konġunta aktar tard din is-sena

- tistieden il-Forum Żgħażagħ Ewropej, fi ħdan id-djalogu strutturat, ilissnu t-tħassib taż-żgħażagħ b'anqas opportunitajiet u ta' dawk li mhumiex membri ta' xi għaqda

- se tfassal rapport ta' l-UE dwar iż-żgħażagħ li jrid jitħejja mill-Kummissjoni kull tliet snin

6. KONKLUżJONIJIET

Il-Komunikazzjoni preżenti hija pass ewlieni fi proċess ta' strateġija politika dwar kwistjonijiet taż-żgħażagħ li beda fl-2001 bil- White Paper dwar iż-Żgħażagħ. Hija twassal, f'kuntest ta' soċjetajiet li qiegħdin jixjieħu, messaġġ qawwi għal aktar investiment, investiment aħjar u aktar kmieni fiż-żgħażagħ għall-promozzjoni ta' l-edukazzjoni tagħhom, l-inklużjoni soċjali, is-saħħa u ċittadinanza attiva f'approċċ tul ċiklu ta' ħajja. L-investiment m'għandux ikun biss finanzjarju. L-involviment personali tal-partijiet interessati rilevanti huwa meħtieġ, bħal dawk li jfasslu l-politika, l-istituzzjonijiet tax-xogħol u edukattivi, l-impriżi, dawk li jaħdmu maż-żgħażagħ, riċerkaturi, familji u għaqdiet li jaħdmu għaż-żgħażagħ u magħhom.

Il-Komunikazzjoni tenfażizza l-ħtieġa li jitnaqqas b'mod sostanzjali l-qgħad fiż-żgħażagħ u titjieb il-kwalità ta' l-impjiegi. Iż-żgħażagħ kollha, u l-Ewropa kollha kemm hi, jeħtieġ li jkollhom il-ħiliet u l-opportunitajiet ta' xogħol produttiv għall-benessri economiku u soċjali. Għas-sehem sħiħ taż-żgħażagħ huwa ta' importanza kbira l-aċċess għal impjieg tajjeb li jeħtieġ ukoll edukazzjoni kwalitattiva u rilevanti. Il-promozzjoni tas-sehem sħiħ ta' diriġenti żgħażagħ, intraprendituri u ħaddiema hija wkoll komponent ewlieni fil-bini ta' ekonomiji ta' l-UE innovattivi, ibbażati fuq l-għarfien u kompetittivi internazzjonalment.

Il-ħidma għas-sehem sħiħ taż-żgħażagħ fis-soċjetà tista' titwettaq b'aktar suċċess permezz ta' strateġija għaż-żgħażagħ trażversali. Dan jeħtieġ kooperazzjoni intersettorjali aktar qawwija bejn l-oqsma ta' politika li għandhom impatt fuq iż-żgħażagħ u attenzjoni ikbar liż-żgħażagħ f'dawn l-oqsma. L-Istati Membri għaldaqstant huma mistiedna jieħdu għadd ta' miżuri bl-għan li jissawwru rabtiet aktar mill-qrib bejn il-proċessi preżenti, bħall-Istrateġija ta' Liżbona, l-istrateġiji għas-saħħa u metodi varji miftuħa ta' koordinazzjoni[34], sabiex jkunu jistgħu jwasslu aktar opportunitajiet u opportunitajiet aħjar liż-żgħażagħ, u jikkonċentraw fuq azzjonijiet li jkunu aktar ta' benefiċċju għall-integrazzjoni professjonali, l-inklużjoni soċjali u ċ-ċittadinanza attiva taż-żgħażagħ.

Il-Kummissjoni tipproponi għadd ta' inizjattivi ġodda li jibnu l-pontijiet bejn l-edukazzjoni u l-impjieg u jrawwmu ċittadinanza attiva fost iż-żgħażagħ. Fost dawn hemm inizjattiva dwar statut Ewropew għall-kwalità ta' l-apprendistati, inizjattiva pilota "L-Ewwel Xogħol Tiegħek Barra", strateġija ġdida għas-saħħa imminenti, stima ta' l-impatt fuq l-attivitajiet volontarji għaż-żgħażagħ u studju li jirrigwarda l-aċċess taż-żgħażagħ għall-kultura. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tipproponi l-promozzjoni ta' koordinazzjoni trażversali permezz ta' rapport ta' l-UE dwar iż-żgħażagħ kull tliet snin.

Is-sehem sħiħ taż-żgħażagħ fis-soċjetà jista' biss madankollu jkun ta' suċċess jekk iż-żgħażagħ jimpenjaw ruħhom li jaħdmu bħala msieħba għal dan l-objettiv, u għaldaqstant qed issir il-proposta tal-Kummissjoni biex iż-żgħażagħ ikunu f'qagħda li jaġixxu u għat-tisħiħ tas-sħubija preżenti bejn l-Istituzzjonijiet Ewropej u l-ġenerazzjoni żagħżugħa.

Anness Tekniku: dokumenti ta' referenza

Anness Tekniku: Lista ta' dokumenti ta' referenza (f'ordni kronoloġiku)

1. COM (2001) 681: White Paper dwar impetu ġdid għaż-Żgħażagħ Ewropej (21.11.2001)

2. Edukazzjoni u Taħriġ 2010 C 142/1: Programm ta' Xogħol Dettaljat dwar is-segwitu ta' l-għanijiet tas-sistemi ta' Edukazzjoni u taħriġ fl-Ewropa (14.06.2002)

3. Riżoluzzjoni tal-Kunsill C 168/2(2002): Riżoluzzjoni tal-Kunsill u r-rappreżentanti tal-gvernijiet ta' l-Istati Membri li jiltaqgħu fi ħdan il-Kunsill dwar il-qafas ta' Kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (27.06.2002)

4. Riżoluzzjoni tal-Kunsill Gwida: Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar it-Tisħiħ ta' Strateġiji Politiċi, Sistemi u Prassi fil-qasam tal-Gwida. (Mejju 2004) http://ec.europa.eu/education/policies/2010/doc/resolution2004_en.pdf

5. L-Impjiegi fl-Ewropa (EiE) 2004: L-Impjiegi fl-Ewropa 2004

6. Riżoluzzjoni tal-Kunsill 13996/04 (2004): Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar objettivi Komuni għal attivitajiet volontarji, 13996/04 (15.11.2004)

7. DEĊIŻJONI 2241/2004/KE: Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15.12.2004 dwar Qafas Komunitarju Waħdieni għat-trasparenza tal-kwalifiki u tal-kompetenzi (Ewropass)

8. Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ: Anness 1 għall-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew tat-22 u t-23 ta’ Marzu 2005

9. COM (2005) 206: Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar strateġiji politiċi li jirrigwardaw iż-żgħażagħ - L-indirizzar tat-tħassib taż-żgħażagħ fl-Ewropa - li timplimenta l-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ u ġġib 'il quddiem ċittadinanza attiva (30.05.2005)

10. COM (2006) 33: Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Programm ta’ Liżbona tal-Komunità: It-trawwim ta' mentalitajiet intraprenditorjali permezz ta' l-edukazzjoni u t-tagħlim (13.02.2006)

11. COM (2006) 208: Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "It-twassil ta' l-aġenda ta' modernizzazzjoni għall-universitajiet: edukazzjoni, riċerka u innovazzjoni" (10.05.2006)

12. COM (2006) 417: Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-segwitu tal- White Paper dwar impetu ġdid għaż-Żgħażagħ Ewropej: Li timplimenta l-għanijiet komuni għall-parteċipazzjoni miż-żgħażagħ u informazzjoni għalihom bil-għan li tippromwovi li jkunu ċittadini Ewropej attivi (20.07.2006)

13. COM (2006) 481: Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Effiċjenza u l-Ekwità fl-edukazzjoni Ewropea u s-sistemi ta' taħriġ (08.09.2006)

14. COM (2006) 571: Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Il-ġejjieni demografiku ta’ l-Ewropa - minn sfida għal opportunità" (12.10.2006)

15. L-Impjiegi fl-Ewropa (EiE) 2006: L-Impjiegi fl-Ewropa 2006

16. Analiżi dwar l-Osservazzjoni ta’ l-Impjieg fl-Ewropa: Ħarifa 2005 (Impjieg għaż-żgħażagħ). Il-Lussemburgu: Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, 2006. ISSN 1725-5376

17. Rakkomandazzjoni (2006/962/KE): Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja (18.12.2006)

18. COM (2006) 857: Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "L-impjieg fiż-żoni rurali: biex tonqos id-diskrepanza" (21.12.2006)

19. SEC (2006) 1772: Dokument ta' Ħidma tas-Servizzi tal-Kummissjoni: Rapport dwar l-impjieg fiż-żoni rurali (21.12.2006)

20. SEC (2007) 329: Dokument ta' Ħidma tas-Servizzi tal-Kummissjoni: Rapport Konġunt dwar il-Ħarsien Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali. Dokument ta' appoġġ (06.03.2007)

21. BEPA April 2007: Uffiċċju tal-Konsulenti dwar il-Politika Ewropea "L-investiment fiż-żgħażagħ: strateġija ta' aċċess"http://ec.europa.eu/dgs/policy_advisers/publications/index_en.htm

22. COM (2007) 244: Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Il-promozzjoni tas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet" (10.5.2007)

23. Konklużjonijiet tal-Kunsill 8771 (2007): dwar perspettivi fil-ġejjieni għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam tal-politika għaż-żgħażagħ (25.05.2007)

24. COM (2007) 279: White Paper dwar Strateġija għall-Ewropa għal kwistjonijiet ta' saħħa marbuta man-Nutriment, il-Piż Żejjed u l-Obeżità (30.05.2007)

25. COM (2007) 359: Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Lejn prinċipji komuni ta' flessigurtà: Aktar impjiegi u impjiegi aħjar permezz tal-flessibbiltà u s-sigurtà" (27.06.2007)

26. Żgħażagħ EB 2007: "X'hemm wara ċ-ċifri - ir-riżultati ewlenin ta' l-istħarriġ ta' l-Ewrobarometru 2007 dwar iż-żgħażagħ" ta' Frar 2007, fuq http://ec.europa.eu/youth/index_en.html

27. EB Flash 192, Stħarriġ dwar l-Imprenditorija ta' l-UE (25 Stat Membru), l-Istati Uniti, l-Iżlanda u n-Norveġja: Rapport Analitiku, April 2007

28. Rapport dwar il-Progress 2007: Progress lejn l-objettivi ta' Liżbona fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ: Rapport tad-DĠ EAC 2007 ibbażat fuq indikaturi u kriterji ta' tqabbil (imminenti)

29. COM (2007) 242: Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar aġenda Ewropea għall-kultura f'dinja li qed tiġi gglobalizzata (10.05.2007)

30. COM (2007) 391: White Paper dwar l-isport: L-UE u l-isport: l-ilħuq ta' l-aspetattivi, u l-Pjan ta' Azzjoni mehmuz (11.07.2007)

31. Aġenda ta' Oslo għall-Edukazzjoni fl-Imprenditorija fl-Ewropa http://ec.europa.eu/enterprise/entrepreneurship/support_measures/training_education/doc/oslo_agenda_final.pdf

32. Ktejjeb dwar il-Gwida għall-Karriera: Gwida għall-Karriera - Ktejjeb għal dawk li jfasslu l-politika. Dokument ta' ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni u pubblikazzjoni konġunta ma' l-OECD. http://www.oecd.org/dataoecd/53/53/34060761.pdf

33. LFS: "Stħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol - Gwida għall-Utent" Ewrostat 2007

34. Alleanza Ewropea tal-Familji: imnedija mill-Istati Membri fil-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2007. Għal aktar dettalji ara http://ec.europa.eu/employment_social/families/european-alliance-for-families_en.html

35. Portal Ewropew għaż-Żgħażagħ: għajn ta' tagħrif ġenerali għaż-żgħażagħ. http://europa.eu/youth

36. Programm iż-Żgħażagħ Jaġixxu 2007-2013: il-programm il-ġdid ta' l-UE fil-qasam taż-żgħażagħ. http://ec.europa.eu/youth

[1] BEPA April 2007

[2] Alleanza Ewropea tal-Familji li tnediet fil-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa fl-2007

[3] COM(2006)571, COM(2007)244

[4] COM (2005) 206

[5] COM (2001) 681, Riżoluzzjoni tal-Kunsill C 168/2(2002)

[6] Rapport dwar il-Progress 2007

[7] Edukazzjoni preprimarja

[8] COM (2006) 481

[9] Rakkomandazzjoni (2006/962/KE): dawn huma l-komunikazzjoni f’ilsien il-pajjiż, il-komunikazzjoni f'ilsna barranin, il-kompetenza matematika u kompetenzi bażiċi fix-xjenza u t-teknoloġija, il-kompetenza diġitali, it-tagħlim ta' kif titgħallem, kompetenzi soċjali u ċiviċi, is-sens ta' inizzjattiva u intraprenditorija, u għarfien u espressjoni kulturali.

[10] C 142/1 (2002)

[11] DEĊIŻJONI 2241/2004/KE: L-Ewropass jipprovdi qafas komunitarju għat-trasparenza tal-kwalifiki u l-kompetenzi filwaqt li jtejjeb l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ sabiex il-frott tat-tagħlim tagħhom ikun aktar viżibbli

[12] Ara l-analiżi fid-dettall fl-SEC (2007) 1093 ippreżentata ma' din il-Komunikazzjoni, u l-Analiżi dwar l-Osservazzjoni ta' l-Impjieg 2005

[13] UE-27 rata ta' qgħad fiż-żgħażagħ 2006 Għal aktar dettalji dwar iċ-ċifri ara SEC (2007) 1093

[14] Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar l-Gwida ta' l-Istudent, Mejju 2004;Ktejjeb dwar il-Gwida għall-Karriera

[15] L-Impjiegi fl-Ewropa 2004 p. 178

[16] L-Impjiegi fl-Ewropa 2006 p. 139

[17] COM (2007) 359

[18] Stħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol 2006

[19] Flash EB 192, April 2007

[20] COM (2006) 33 finali. Ara wkoll l-aġenda ta' Oslo

[21] SEC (2007) 329

[22] COM(2007)391 u COM(2007)279

[23] Riżoluzzjoni tal-Kunsill C 168/2(2002)

[24] COM (2006) 417

[25] COM (2007) 242

[26] Mill-1996 sa l-2006, 30.000 żagħżugħ Ewropew ibbenefikaw minn din l-iskema

[27] Riżoluzzjoni tal-Kunsill 13996/04 ( 2004)

[28] Ara l-analiżi fid-dettall fl-SEC (2007) 1084 ippreżentata ma' din il-Komunikazzjoni

[29] Ara t-taqsima 3 tad-dokument ta' ħidma għall-impjegati dwar attivitajiet volontarji taż-żgħażagħ għal aktar tagħrif sustanzjat dwar l-ostakoli

[30] DEĊIŻJONI 2241/2004/KE

[31] Żgħażagħ EB 2007

[32] Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill 8771 (25.05.2007)

[33] Pereżempju Iż-Żgħażagħ Jaġixxu, Tagħlim tul il-Ħajja, il-programm qafas dwar il-Kompetittività u l-Innovazzjoni u l-programm aktar speċifiku dwar l-imprenditorija u l-innovazzjoni u l-programm propost ta' Azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-Saħħa 2007-2013

[34] Fl-oqsma ta' l-edukazzjoni, l-inklużjoni u ż-żgħażagħ