52007DC0474

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni - Reġjuni ewropej kompetittivi permezz tar-riċerka u l-innovazzjoni - Kontribuzzjoni lejn aktar tkabbir u impjiegi aktar u itjeb {SEC(2007)1045} /* KUMM/2007/0474 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 16.8.2007

KUMM(2007) 474 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

REĠJUNI EWROPEJ KOMPETITTIVI PERMEZZ TAR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI

Kontribuzzjoni lejn aktar tkabbir u impjiegi aktar u itjeb {SEC(2007)1045}

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

REĠJUNI EWROPEJ KOMPETITTIVI PERMEZZ TAR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI

Kontribuzzjoni lejn aktar tkabbir u impjiegi aktar u itjeb

1. DAħLA

L-isforz għall-promozzjoni ta’ l-ekonomija ta l-għarfien huwa ċentrali għat-twettiq tas-Sħubija mġedda għat-Tkabbir u l-Impjiegi, b’mod partikolari permezz tar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-innovazzjoni. Fil-livell tal-Komunità, l-Unjoni għandha tliet strumenti ewlenin ta’ appoġġ: Il-politika tal-koeżjoni ffinanzjata taħt il-Fondi Strutturali u l-Fond tal-Koeżjoni; il-Programm Kwadru ta’ Riċerka; u l-Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni. L-għan ta' din il-Komunikazzjoni hu li turi s-sinerġiji tad-disinn fl-istrumenti ta’ finanzjament tar-riċerka, l-innovazzjoni u l-politiki tal-koeżjoni Ewropej. Sabiex tiżdied l-effettività ta’ dawn it-tliet strumenti, dawn is-sinerġiji issa għandhom jinbidlu f’sinerġiji ta’ azzjoni minn awtoritajiet nazzjonali u reġjonali kif ukoll minn atturi reġjonali. Il-Komunikazzjoni tagħti ħarsa lejn is-sitwazzjoni attwali u timpenja lill-Istati Membri u reġjuni biex jagħmlu użu aktar effettiv tar- Riċerka, l-Innovazzjoni u l-politiki u strumenti ta l- Koeżjoni ta ’ l-UE.

Ir-riċerka u l-innovazzjoni huma kruċjali sabiex jiġu indirizzati kwistjonijiet maġġuri li qed tiffaċċja l-Unjoni Ewropea u sabiex jinżamm mudell ta' l-UE bbażat fuq it-tkabbir ekonomiku, ir-responsabbiltà soċjali u l-iżvilupp sostenibbli. Jeħtiġilna nżidu l-produttività u r-rati ta’ impjieg, u neqilbu għal attivitajiet ekonomiċi ta’ valur miżjud ogħla. Il-ħaddiema jeħtieġu livelli ogħla ta’ ħiliet u l-kapaċità li jadattaw għall-bidla. L-investiment fil-kapital uman huwa għalhekk kruċjali sabiex jiżdiedu l-isforzi għar-riċerka u l-innovazzjoni.

Ir-riċerka u l-innovazzjoni joffru wkoll soluzzjonijiet biex jingħeleb l-użu mhux sostenibbli ta’ riżorsi (inkluż il-konsum ta’ l-enerġija), biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima, u biex nilħqu l-isfidi tat-tibdil demografiku. F’ekonomija globali miftuħa, il-qofol tal-kompetittività qiegħed fil-kapaċità tan-negozji li joħolqu oġġetti u servizzi ta’ valur miżjud għoli. Bidla għal tkabbir ibbażat fuq l-innovazzjoni hija għalhekk il-qofol ta’ l-aġenda mġedda ta’ Liżbona, li tifforma r-risposta ta’ l-UE għall-globalizzazzjoni.

L-innovazzjoni hija indirizzata b’mod l-aktar effettiv fuq livell reġjonali, billi l-prossimità fiżika trawwem is-sħubija bejn l-atturi kemm fis-settur pubbliku kif ukoll privat. It-twaqqif ta’ ragruppament reġjonali huwa ta’ sikwit kruċjali għas-suċċess tal-promozzjoni tar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-innovazzjoni. Il-kapaċità ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fuq livell reġjonali u ta’ l-intrapriżi biex l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi jsarrfuhom f’vantaġġ kompetittiv sostenibbli hija kruċjali għal prestazzjoni ekonomika tar-reġjuni. Madankollu, il-kapaċitajiet tar-reġjuni Ewropej biex jassorbu u jiżviluppaw l-għarfien u t-teknoloġija jvarjaw b’mod konsiderevoli. Dan ifixkel il-prospetti tagħhom għat-tkabbir u aktarx li jerġa' jqawwi d-diverġenzi konsiderevoli fil-prosperità madwar l-UE, li kibru minn mindu saru t-tkabbiriet riċenti.

L-isfidi l-ġodda li għandha l-UE għandhom kumplessità akbar. Jeħtieġu taħlita aktar sofistikata u strateġika ta’ politiki Komunitarji, nazzjonali u reġjonali.

Il-prijoritajiet politiki komuni jew komplimentari tar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Politiki tal-Koeżjoni Komunitarji fil-kuntest ta' Liżbona huma:

- It-twaqqif ta’ Żona Ewropea tar-Riċerka (ERA) permezz tal-kontribuzzjoni ta’ kapaċità miżjuda ta’ l-R&D bil-promozzjoni ta’ eċċellenza Ewropea, u permezz tat-tnaqqis fid-diverġenzi strutturali;

- Prestazzjoni mtejba ta’ l-R&D u l-innovazzjoni, li għandha tikkontribwixxi għal tkabbir ekonomiku u ħolqien ta’ impjiegi, billi tistimula ambjent ekonomiku f'saħħtu, li jiffaċilita l-aċċess għal kapital ta’ riskju, li jsaħħaħ l-iżvilupp ta' ragruppamenti innovattivi, iseddaq il-kapital uman, li jappoġġa l-attivitajiet ta’ trasferiment ta’ teknoloġija speċjalment minn universitajiet u ċentri ta’ riċerka għal u bejn l-SMEs, u li tgħin lill-istituzzjonijiet pubbliċi ta' l-R&D u ta' l-għarfien biex jikkomunikaw mal-komunità lokali tan-negozju, pereżempju permezz ta’ attivitajiet tan-netwerks;

- It-tisħiħ tal-kompetittività tan-negozji u r-reġjuni Ewropej, b’mod partikolari bit-trawwim ta' intrapriżi u SMEs li jappoġġawhom, inkluż bl-użu ta' netwerk kummerċjali ta' sostenn.

- It-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika u soċjali ta’ l-Unjoni Ewropea mkabbra li tippromwovi l-iżvilupp armonjuż, ibbilanċjat u sostenibbli tal-Komunità;

- Il-promozzjoni ta’ strateġiji innovattivi nazzjonali, reġjonali u interreġjonali;

- Il-promozzjoni ta’ l-innovazzjoni u ta’ ragruppamenti innovattivi.

2. NIRRISPETTAW ID-DIFFERENZI WAQT LI NIKSBU S-SINERġIJI

Meta nħarsu lejn il-possibbiltajiet tal-ksib ta’ sinerġiji akbar bejn il-politiki, jeħtieġ li nifhmu l-punti tal-bidu u l-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull waħda minnhom. Il-Politiki tar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Koeżjoni ta’ l-UE jikkontribwixxu għall-għan komuni tal-ħolqien ta’ l-impjiegi u tat-tkabbir f’diversi modi. Waqt li l-politika tar-riċerka ta’ l-UE tiffoka fuq il-promozzjoni ta’ eċċellenza fuq livell internazzjonali, il-politika ta’ l-innovazzjoni tiffoka fuq it-tisrif ta’ l-għarfien f’opportunitajiet kummerċjali u soluzzjonijiet ġodda għall-ħtiġijiet tas-soċjetà, inkluż permezz ta’ innovazzjonijiet proċedurali u organizzazzjonali li jaffettwaw l-istrutturi, il-proċessi, u r-rabtiet ta’ l-organizzazzjonijiet. Il-politika tal-koeżjoni tiffoka fuq il-promozzjoni ta’ l-eċċellenza reġjonali. Fil-perjodu attwali ta’ pprogrammar saret sors ewlieni ta’ investiment b’appoġġ għall-Istrateġija ta’ Liżbona f’oqsma bħall-RTD u l-innovazzjoni kemm fir-reġjuni l-anqas żviluppati fejn għad trid tinħoloq il-kapaċità għal dawn l-attivitajiet, kif ukoll fir-reġjuni aktar avvanzati fejn iridu jissedqu. Għall-programmi tal-Politika tal-Koeżjoni li jkopru 2007-2013, l-Istati Membri huma obbligati li ‘jwarrbu’ bejn 60% u 75% tar-riżorsi disponibbli għall-investiment relatat ma’ Liżbona, speċjalment fl-RTD u l-innovazzjoni.[1] L-iskop għas-sinerġiji mal-politiki tar-riċerka u l-innovazzjoni għalhekk huwa akbar minn qatt qabel.

Fis-segwitu ta’ koordinazzjoni mtejba bjen it-tliet politiki, jeħtieġ jitqiesu l-fatti li ġejjin:

1. Kull waħda mill-politiki għandha bażi ġuridika differenti fit-trattat ta’ l-UE. Waqt li l-għan globali – impjiegi u tkabbir – huwa l-istess, jeħtieġ li l-għanijiet jiġu definiti skond it-Trattat.

2. Minħabba l-bażi differenti tagħhom fit-Trattat, l-istrumenti ta’ riċerka u innovazzjoni jimmiraw fuq temi speċifiċi, waqt li l-istrumenti tal-politika tal-koeżjoni jimmiraw fuq żoni ġeografiċi speċifiċi. L-ewwel serje ta’ strumenti tirriżulta fi speċjalizzazzjoni tematika, waqt li t-tieni timmira lejn il-promozzjoni ta’ strateġija integrata.

3. Hemm ukoll differenzi fil-metodi ta’ l-implimentazzjoni. Is-Seba’ Programm Kwadru essenzjalment juża sejħiet kompetittivi għal proposti fuq livell Ewropew. Il-Kummissjoni hija megħjuna minn esperti indipendenti fl-evalwazzjoni tal-proposti u l-proposti jintgħażlu fuq il-kriterju ta’ l-eċċellenza. Il-Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni juża wkoll sejħiet għal proposti fuq il-livell Ewropew għall-komponenti għall-ICT u l-Enerġija Intelliġenti, waqt li l-istrumenti finanzjarji l-oħra jaħdmu permezz ta’ sejħa miftuħa permanenti għal espressjoni ta’ interess li tiġi kkunsidrata mill-Fond Ewropew għall-Investimenti (EIF) u l-Kummissjoni. Il-programmi tal-politika tal-koeżjoni huma implimentati abbażi ta’ ġestjoni maqsuma bejn l-UE u l-Istati Membri f’sistema ta’ ġestjoni fuq bosta livelli. Waqt li sikwit jużaw ukoll sejħiet għall-offerti kompetittivi, l-ambitu ta’ intervent ġeneralment huwa limitat għal reġjun (għalkemm xi programmi tal-politika tal-koeżjoni jkopru wkoll Stat Membru jew grupp ta' reġjuni). Għalhekk il-proċess ta' l-għażla huwa bbażat primarjament fuq sħubijiet reġjonali. Minħabba dawn id-differenzi, il-benfiċjarji diretti jistgħu jvarjaw ukoll.

F’dan l-isfond, fit-tfassil ta’ politiki għall-perjodu 2007-2013, il-Kummissjoni eżaminat kif it-tliet politiki Komunitarji jistgħu jikkomplimentaw lil xulxin bl-aħjar mod u kif jistgħu jingħaqdu l-ħames strumenti rilevanti, i.e. is-Seba’ Programm Kwadru għall-RTD (FP7), il-Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP) u l-istrumenti tal-Politika tal-Koeżjoni: (jiġifieri l-Fondi Strutturali; il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF) u l-Fond Soċjali Ewropew (ESF)[2]), kif ukoll il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (EAFRD). Illum l-istrumenti joffru potenzjal akbar minn qabel għal użu koordinat, kif inhu deskritt fl-Anness I. Il-fatt li t-tliet strumenti llum ikopru l-istess perjodu (2207-2013) għandu jiffaċilita wkoll l-użu koordinat tagħhom.

Xi wħud mill-inizjattivi speċifiċi ġew introdotti fis-Seba’ Programm Kwadru biex iżidu l-kapaċità ta’ operaturi minn reġjuni li waqgħu lura fil-parteċipazzjoni fi proġetti ta’ kooperazzjoni, iżda ma tqiesx xieraq li jiġu proposti kriterji ta’ għażla li jirriflettu d-dimensjoni reġjonali ta’ proġett jew ir-rati differenzjati ta’ għajnuna skond l-istadju ta’ żvilupp ta’ reġjun. Bl-istess mod, waqt li l-Politika tal-Koeżjoni ma tistipulax allokazzjonijiet minimi speċifiċi għall-RTDI, jew fil-fatt għal kwalunkwe settur, kemm ir-Regolamenti kif ukoll il-Linji Gwida Strateġiċi dwar il-Koeżjoni jagħtu impetu ċar għal żieda fil-kapaċità tar-riċerka u l-innovazzjoni fir-reġjuni permezz ta’ l-iffinanzjar ta’ investiment produttiv flimkien ma’ l-għajnuna għall-bidu ta’ strateġiji għall-R&D u l-innovazzjoni abbażi ta' l-assi lokali. Iċ-ċifri indikattivi juru li l-Istati Membri “warrbu” madwar €45 miljun mill-finanzjament tal-politika tal-koeżjoni għall-investimenti fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, inkluż għall-investiment fil-kapital uman. Dan huwa aktar minn tliet darbiet l-ammont li ġie investit f’dawn l-oqsma matul il-perjodu 2000-2006.

Kif jindikaw il-Linji Gwida Strateġiċi Komunitarji, l-Istati Membri u r-reġjuni huma l-qofol ta' l-istrateġija ta’ l-appoġġ koerenti għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-innovazzjoni. Huma jevalwaw il-ħtiġijiet ta’ investiment u jiżviluppaw il-qafas ta' twassil tal-proġett. Filwaqt li, bħala prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba ta’ fondi pubbliċi, il-kofinanzjament minn żewġ sorsi Komunitarji differenti għall-istess sett ta’ nefqiet eliġibbli mhux possibbli (ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006, l-Artikolu 54(5)), il-Fondi Stutturali, l-EAFRD u fondi oħra ta' l-UE jistgħu jintużaw għal aspetti jew stadji differenti ta’, pereżempju, proġett jew programm għar-riċerka u l-innovazzjoni, sakemm dak l-aspett jew stadju kkonċernat jissodisfa l-kriterji tas-sors tal-fondi rilevanti għall-appoġġ.

Fl-istess waqt, is-sinerġija ma għandhiex tispiċċa sempliċement f’iffinanzjar komplimentari ta’ proġetti. Hija wkoll rilevanti fil-bini u l-iżvilupp tal-kapaċità għar-riċerka u l-innovazzjoni. L-iskambju ta’ għarfien imrawwem permezz ta’ l-istrumenti Komunitarji huwa wkoll forma importanti ta’ sinerġija. Barra minn hekk, kull strument Komunitarju rilevanti jista’ jappoġġa innovazzjonijiet fil-qasam soċjali. It-tliet strumenti Komunitarji kollha joffru opportunitajiet estensivi (inkluż attivitajiet ta’ previżjoni) għal skambju ta’ għarfien dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni bejn ir-reġjuni ta’ l-UE. It-trasferiment ta’ prassi tajba permezz ta’ sħubijiet interreġjonali huwa kruċjali għal titjib fil-prassi tar-riċerka u l-innovazzjoni madwar l-UE. Fil-każ tal-Politika tal-Koeżjoni, l-inizjattiva tar-Reġjuni għall-Bidla Ekonomika u l-ġbir flimkien ta’ azzjonijiet innovattivi u programmi transkonfinali fil-programmi operattivi ta’ l-ESF, għandu jkollhom rwol importanti hawnhekk, filwaqt li fis-Seba’ Programm Kwadru se jkun hemm attivitajiet dedikati bħar-'Reġjuni ta’ l-Għarfien', l-‘Isfruttar ta' Potenzjal ta' Riċerka’ u l-‘ERA-NET’. Fl-aħħarnett, is-CIP joffri possibbiltjiet oħrajn għall-iskambju ta' l-għarfien u ta' prassi tajba, b'mod partikolari fil-qasam ta' l-innovazzjoni.

3. LEJN AKTAR SINERġIJI BEJN IL-POLITIKI TAR-RIċERKA, L-INNOVAZZJONI U L-KOEżJONI

Matul il-laqgħat riċenti tal-Kunsill tal-Kompetittività, ittenniet il-ħtieġa għal żieda fis-sinerġiji bejn politiki ta’ Riċerka, ta’ Kompetittività u Reġjonali[3]. Xi wħud mill-gruppi ta' konsulenza u atturi oħrajn indirizzaw ukoll dawn il-kwistjonijiet u saħqu fuq kooperazzjoni u koordinament imtejba fil-livell nazzjonali bejn l-atturi differenti.[4] Dawn il-gruppi għamlu rakkomandazzjonijiet dwar diversi kwistjonijiet:

4. Il-valur ta’ l-iżvilupp ta’ strateġija speċifika għal awtoritajiet nazzjonali u reġjonali dwar l-użu koordinat tal-Programm Kwadru u tal-programmi għal Politika tal-Koeżjoni bħala parti mill-istrateġija ta’ l-RTDI tagħhom.

5. L-importanza li jintużaw l-opportunitajiet mogħtija mill-Politika tal-Koeżjoni u l-Programm Kwadru biex tissaħħaħ il-ġestjoni ta’ l-istrateġiji ta’ l-RTDI permezz ta’ skambju u networking .

6. Proposti għal sinerġiji effettivi f’oqsma ewlenin: it-tisħiħ u l-iżvilupp tal-kapaċità ta’ l-RTDI, l-iżvilupp ta’ l-eċċellenza, l-għotja ta' attenzjoni xierqa lid-dimensjoni ta' l-SME, it-twaqqif ta’ kooperazzjoni fuq livelli Ewropej u internazzjonali u t-tisħiħ ta’ l-isfruttament ekonomiku tar-riżultati ta’ l-R&D.

7. Il-ħtieġa ta’ komunikazzjoni u kollaborazzjoni aħjar bejn atturi nazzjonali u reġjonali involuti fit-twassil ta’ l-FP, is-CIP u l-Politika tal-Koeżjoni u tal-ħtieġa ta’ tagħrif aħjar għal benefiċjarji.

8. L-użu ta’ azzjonijiet appoġġati mill-Programm Speċifiku ta’ Kapaċitajiet tas-Seba’ Programm Kwadru biex jinfurmaw l-iżvilupp jew it-twassil ta’ azzjonijiet permezz tal-programm għall-Politika tal-Koeżjoni rilevanti tar-reġjuni parteċipanti; u l-użu wieħed wara l-ieħor ta’ programmi tal-Politika tal-Koeżjoni biex jibnu l-pedamenti għal partecipazzjoni fi Programmi Kwadru għal ġejjieni.

9. Il-ħtieġa għal sinerġiji akbar bejn il-Politika tal-Koeżjoni u s-Seba’ Programm Kwadru dwar Infrastrutturi ta’ Riċerka, u l-importanza li jinvolvu l-Istati Membri “aktar ġodda” fir-Rotta Ewropea għall-Infrastrutturi ta' Riċerka b’mod li jrendi.

4. KONKLUżJONIJIET

L-Unjoni Ewropea għandha politiki komplimentari stabbiliti biex jappoġġaw ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-intraprenditorija fir-reġjuni Ewropej u l-Istati Membri. Il-provvediment ta’ bażi ta’ riċerka u innovazzjoni eċċellenti fl-Ewropa hija prekondizzjoni għaż-żamma tal-mudell ta’ l-UE għal żvilupp sostenibbli. Il-politika tal-koeżjoni tista’ tgħin lir-reġjuni kollha biex jibnu kapaċità ta’ riċerka u innovazzjoni, li tistimula u sseddaq innovazzjonijiet fil-qasam soċjali, u biex isir skambju ta’ prassi tajba permezz ta’ kooperazzjoni interreġjonali u transkonfinali. Ladarba l-atturi reġjonali jilħqu livell suffiċjenti ta’ kapaċità biex jikkompetu b’suċċess fil-programmi kwadru Ewropej, l-RTD FP u s-CIP jkomplu “jiżviluppaw” din il-kapaċità permezz ta’ skambju kontinwu ta’ prassi tajba, stimulazzjoni ta’ strateġija multinazzjonali u l-ħidma flimkien ta' atturi f’inizjattivi konkreti għas-soluzzjoni tal-problemi. Permezz ta’ dan, il-Fondi Strutturali jistgħu jappoġġaw ħtiġijiet li qabel kienu identifikati taħt l-istrumenti ta’ l-RTDI FP u s-CIP.

Il-Komunità żgurat li jeżistu sinerġiji bejn l-istrumenti stabbiliti għal aktar tkabbir u impjiegi. Is-sinerġiji ta’ disinn issa għandhom jinbidlu f’sinerġiji ta’ azzjoni minn awtoritajiet nazzjonali u reġjonali kif ukoll minn oħrajn involuti. Ir-responsabbiltà li jintlaħqu dawn il-miri ambizzjużi dwar titjib fil-prassi ta’ riċerka u innovazzjoni ta’ l-UE taqa' fuq l-Istati Membri. Fil-politika tal-koeżjoni, il-Komunità għandha sors ewlieni ta’ investiment għal dan l-isforz u l-progress li qed jagħmlu l-Istati Membri mill-użu ta’ din il-politika biex tistimula r-riċerka u l-innovazzjoni fl-Unjoni Ewropea fil-perjodu 2007-2013 hija inkoraġġanti. Madankollu, il-Kummissjoni temmen li għad baqa’ aktar xi jsir fil-livelli nazzjonali u reġjonali f’termini ta’ tagħrif imtejjeb dwar u użu aħjar tagħhom.

10. Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex itejbu l-arranġamenti għall-preparazzjoni u l-użu koordinati ta’ l-istrument Komunitarji biex jappoġġaw l-RTD, l-innovazzjoni u l-koeżjoni fuq livelli nazzjonali u reġjonali, u biex, fir-rapporti dwar l-implimentazzjoni ta’ Programmi Nazzjonali għar-Riforma, jinkludu tagħrif dwar kif dawn l-arranġament jikkontribwixxu biex l-isfidi ewlenin tal-pajjiżi jiġu indirizzati. L-opportunitajiet għall-użu koordinat għandhom jiġu kkunsidrati fil-preparazzjoni ta’ strateġijia u mekkanizmi operattivi, u għall-aspetti u l-fażijiet differenti ta' proġetti ta' riċerka u innovazzjoni. Għandhom ukoll jitwaqqfu sistemi biex ikabbru l-għarfien dwar l-opportunitajiet offruti mill-Programm Kwadru, il-Programm għall-Kompetitttività u l-Innovazzjoni, u l-programmi għall-politika tal-koeżjoni fost ta’ l-atturi involuti fl-implimentazzjoni ta' dawn it-tliet strumenti Komunitarji fuq il-livelli nazzjonali u reġjonali, inklużi l-ministeri nazzjonali u reġjonali għar-riċerka u l-innovazzjoni; biex jistimulaw l-użu ta’ dawn l-istrumenti; u biex jaqsmu l-għarfien u l-aħjar prassi biex jiġu sfruttati s-sinerġiji bejn l-istrumenti u biex l-informazzjoni dwar it-tliet strumenti ssir disponibbli għal benefiċjarji potenzjali.

11. Sa tmiem l-2007, il-Kummissjoni se tipprepara gwida prattika li tħares lejn l-opportunitajiet ta’ fondi mil-lenti ta’ istituzzjoni ta’ riċerka jew ta’ kumpanija li tixtieq tuża l-fondi ta’ l-UE biex twettaq attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni. Din il-gwida ser teżamina wkoll kif jiġu stabbiliti mekkaniżmi fuq livelli nazzjonali u reġjonali biex irawmu aċċess koordinat għall-istrumenti differenti, u sejra tispjega l-Artikolu 54(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 dwar l-użu ta’ fondi minn żewġ sorsi Komunitarji differenti għall-istess sett ta’ spejjeż eliġibbli;

12. Fir-Rebbiegħa ta’ l-2009, il-Kummissjoni se tirraporta dwar il-progress miksub fuq il-livelli nazzjonali u reġjonali fl-użu koordinat ta’ l-istrumenti Komunitarji u dwar eżempji ta’ prassi tajba fuq il-livelli nazzjonali u reġjonali;

13. Biex tiffaċilita l-iffinanzjar komplimentari mill-istrumenti Komunitarji, nazzjonali u reġjonali, il-Kummissjoni se tinforma l-awtoritajiet nazzjonali/reġjonali b’mod regolari dwar organizzazzjonijiet stabbiliti fit-territorji rispettivi tagħhom li bbenefikaw mill-għotjiet ta’ l-FP7 u tas-CIP. Dan it-tagħrif ser jiġi provdut permezz ta’ l-istrutturi ta’ ġestjoni eżistenti stipulati għal kull wieħed minn dawn l-istrumenti.

Sabiex jiġu segwiti l-azzjonijiet identifikati f’din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni se tlaqqa' flimkien , f’intervalli regolari, dawk involuti kompetenti fl-oqsma ta’ riċerka, innovazzjoni u żvilupp reġjonali, kif ukoll is-servizzi kollha tal-Kummissjoni li jikkonċernaw il-kwistjoni ta’ ‘Reġjuni Ewropej Kompetittivi’, biex tipprovdi appoġġ u parir dwar miżuri rilevanti.

[1] Il-mira ta’ 60% hija għar-reġjuni l-anqas żviluppati (tal-Konverġenza) fil-waqt li l-mira ta’ 75% hija għar-reġjuni l-oħra (tal-Kompetittività). Il-miri huma obbligatorji għall-UE-15 u fakultattivi għall-UE-12. Il-Kummissjoni se tirraporta b’mod sħiħ fuq il-programmi ta’ l-Istati Membri f’Komunikazzjoni dwar “It-twassil ta’ l-Aġenda ta’ Liżbona fir-reġjuni – l-innovazzjoni u l-politika tal-koeżjoni 2007-2013” fil-Ħarifa ta’ l-2007.

[2] Il-Fond tal-Koeżjoni, bħala l-istrument l-ieħor tal-politika tal-koeżjoni, mhux konness direttament mar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku, u l-innovazzjoni (RTDI), u għalhekk mhux qed jiġi diskuss hawn.

[3] Fil-25 ta’ Ġunju 2007, il-Kunsill (tal-Kompetittività) adotta konklużjonijiet "dwar appoġġ aktar effiċjenti għar-riċerka u l-innovazzjoni: li jikkoordina l-użu tal-programm kwadru għar-riċerka u tal-fondi strutturali”. Fost oħrajn, il-konklużjonijiet jenfasizzaw l-importanza ta’ l-iżvilupp ta’ l-istrateġiji ta’ l-RTDI u tat-tisħiħ tal-ġestjoni u l-iżvilupp ta’ l-eċċellenza ta’ l-RTDI.

[4] Il-Kumitat tar-Riċerka Xjentifika u Teknika ta’ l-UE ( CREST ) adotta linji gwida dwar “ Kif isir użu aħjar u aktar koordinat tal-Programm Kwadru u tal-Fondi Strutturali biex jappoġġjaw l-R&D”; Il-Bord Ewropew Konsultattiv għar-Riċerka ( EURAB ) ta parir dwar l -"Enerġizzjoni ta ’ Trijangolu Ewropew ta ’ Għarfien dwar ir-Riċerka, l-Edukazzjoni u l-Innovazzjoni permezz tal-Fondi Strutturali”; Il-Forum Ewropew dwar Strateġija għal Infrastrutturi ta’ Riċerka ( ESFRI ) saħaq għal aktar sinerġiji fir-rigward ta’ Infrastrutturi ta’ Riċerka. L-ESFRI għandu jipproduċi analiżi ta’ l- aspetti reġjonali ta ’ Infrastrutturi panEwropej ta’ Riċerka fil-bidu ta’ l-2008. Il-kumitat ta’ l-ITRE tal-Parlament Ewropew riċentament ikkummissjona studju dwar “Sinerġiji bejn is-Seba’-Programm Kwadru għar-Riċerka ta' l-UE, il-Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni u l-Fondi Strutturali” li jisħaq fuq sinerġiji dejjem akbar bejn l-FP7, is-CIP u l-SF, waqt li jipprova jevita l-lakuni u d-dupplikazzjoni.