52007DC0447

Rapport mill-Kummissjoni - It-Tieni Rapport dwar il-Progress Tal-Qafas ta' Referenza Komuni /* KUMM/2007/0447 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 25.7.2007

KUMM(2007) 447 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI

It-Tieni Rapport dwar il-Progress Tal-Qafas ta' Referenza Komuni

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI

It-Tieni Rapport dwar il-ProgressTal-Qafas ta' Referenza Komuni

1. INTRODUZZJONI

Dan ir-rapport jiġbor fil-qosor il-progress tal-ħidma fuq il-Qafas ta’ Referenza Komuni (CFR – Common Frame of Reference ) mindu ġie ppubblikat l-Ewwel Rapport dwar il-Progress fl-2005, u jissodisfa l-impenn ta’ l-għoti ta’ aġġornamenti regolari dwar din il-ħidma.

2. PRIJORITAJIET ġODDA TAL-KWISTJONIJIET MARBUTA MAL-LIġI TAL-KUNTRATTI TAL-KONSUMATUR

Fir-rapport preċedenti tagħha, il-Kummissjoni ħabbret li se tipprijoritizza l-ħidma tas-CFR dwar kwistjonijet marbuta mal-kuntratti tal-konsumaturi, sabiex tiżgura li jingħata kontribut f’waqtu lir-reviżjoni ta’ l- acquis tal-konsumatur.

Il-Kunsill tal-Kompetittività[1] segwa l-istess linja u stqarr li l-iskeda ta’ suġġetti direttament rilevanti għar-reviżjoni għandha tinbidel u dawn għandhom jiġu indirizzati fi stadju iktar bikri milli kien maħsub qabel. Fl-organizzazzjoni tal- workshops ta’ l-2006, ingħatat prijorità lis-suġġetti marbuta mal-liġi tal-kuntratti tal-konsumaturi[2]: bejgħ lill-konsumatur, tagħrif pre-kuntrattwali, termini inġusti, id-dritt għall-irtirar u d-dritt għall-kumpens għad-danni. Is-sejbiet tar-riċerkaturi dwar dawn il-kwistjonijiet u d-diskussjonijiet fil- workshops , flimkien mar-riżultati ta’ ħidma preparatorja oħra, servew bħala kontribut għall- Green Paper dwar ir-reviżjoni ta’ l- acquis tal-konsumatur li l-Kummissjoni adottat fis-7 ta’ Frar 2007.

Matul il-perjodu kopert minn dan ir-rapport, in-netwerk tar-riċerka, iffinanzjat permezz tas-Sitt Programm ta’ Qafas, issokta jressaq abbozzi għat-tħejjija tas-CFR, fi qbil mal-ftehim ta’ l-għoti.

Sabiex ikun żgurat li l-materjali marbuta ma’ l- acquis tal-konsumatur jiġu ttratati bħala prijorità, ir-riċerkaturi qablu li jaqsmuhom fi tliet kategoriji:

“ Reviżjoni ta’ l- Acquis ”: materjal dwar suġġetti tal-liġi kuntrattwali indirizzati fl- acquis dwar il-konsumatur ta’ l-UE u materjal li jista’ jiċċara, jwessa’ jew jibdel l- acquis dwar il-konsumatur ta' l-UE. Eż., fir-rigward ta’ tagħrif prekuntrattwali, dan ikkonċerna materjal dwar “dmirijiet ta’ tagħrif prekuntrattwali”.

“ Rilevanti direttament ”: materjal dwar suġġetti tal-liġi kuntrattwali ġenerali li huma direttament rilevati għall- acquis tal-konsumatur ta' l-UE, jiġifieri kunċetti ta' liġi kuntrattwali nazzjonali li huma presupposti fl- acquis ta' l-UE kif inhu bħalissa. Eż., fir-rigward tad-dritt ta’ rtirar, dan ikkonċerna materjal dwar “il-ħin ta’ konklużjoni tal-kuntratt”.

" Sfond essenzjali ”: materjal dwar suġġetti tal-liġi kuntrattwali ġenerali li jipprovdu sfond essenzjali li fuqu jeħtiġilhom jiġu stabbiliti d-dispożizzjonijiet ta’ l- acquis ta’ l-UE. Eż., fir-rigward ta’ tagħrif prekuntrattwali, dan ikkonċerna materjal dwar “il-prinċiplu ta’ fidi tajba u negozju ġust”.

Fil- workshops , il-materjali tar-“reviżjoni ta’ l- acquis ” ġew diskussi bi prijorità, u mbagħad saret diskussjoni dwar il-materjal “rilevanti direttament” jekk il-ħin ippermetta. L-iskop ta’ l-“isfond essenzjali” kien primarjament wieħed informattiv.

In-netwerk ta’ esperti tal-partijiet interessati (CFR-net), li bħalissa jikkonsisti minn 176 rappreżentant tan-negozji u l-konsumaturi u prattikanti tal-liġi mill-pajjiżi Ewropej, issokta jaħdem billi ħa sehem fil- workshops u ta l-kummenti tiegħu dwar l-abbozzi żviluppati mir-riċerkaturi.

In-netwerk ta’ esperti ta' l-Istati Membri, li jikkonsisti minn esperti tal-liġi kuntrattwali li jirrappreżentaw l-Istati Membri, iltaqa’ darbtejn.

3. KWISTJONIJIET SOSTANTIVI LI ħARġU MILL- WORKSHOPS TAS-CFR

3.1. Workshops dwar il-liġi kuntrattwali ta’ l-UE

Il-kwistjonijiet ewlenin diskussi fil- workshops tal-konsumatur jinsabu rrappurtati hawn taħt. Il-Kummissjoni se tqis dawn il-kunsiderazzjonijiet matul il-proċess ta’ elaborazzjoni tas-CFR kif ukoll għall-ħidma tagħha fuq ir-reviżjoni ta’ l- acquis tal-konsumatur.

Kunċett ta’ Konsumatur u Professjonist

Il-kwistjonijiet ewlenin diskussi inkludew li ġej:

● Persuni legali: kien hemm qbil ġenerali li persuni naturali biss għandhom ikunu inklużi fid-definizzjoni ta’ konsumatur

● Tranżazzjonijiet bi skopijiet differenti: ġiet diskussa l-possibilità li jitqiesu tranżazzjonijet bi skopijiet differenti li jaqgħu parzjalment barra mill-isfera professjonali bħala tranżazzjonijiet tal-konsumaturi

● Interrelazzjoni bejn id-definizzjonijiet proposti ta’ konsumatur u professjonist: xi esperti minn partijiet interessati qiesu li d-definizzjonijiet ta’ konsumatur u professjonist għandhom jikkorrispondu għal xulxin u jkunu reċiprokament esklussivi.

Termini Inġusti

Il-kwistjonijiet diskussi inkludew li ġej:

● L-ambitu ta' l-applikazzjoni tat-test ta' l-inġustizzja: l-inklużjoni ta’ termini nnegozjati individwalment ġiet diskussa. Ma kienx hemm qbil bejn l-esperti tal-partijiet interessati dwar din il-kwistjoni

● Fir-rigward ta’ l-esklużjoni mit-test ta’ l-inġustizzja tas-suġġett ewlieni u l-adegwatezza tal-prezz, il-partijiet interessati qiesu li ma għandux ikun hemm kontroll dwar l-adegwatezza tal-prezz li jkun jinsab f’terminu ta’ kuntratt.

Tagħrif prekuntrattwali

Ġew diskussi l-kwistjonijiet li ġejjin:

● Id-dmir li jingħata tagħrif dwar prodotti u servizzi: l-esperti tal-partijiet interessati sabu r-regola ġenerali proposta li tirrikjedi li jinkixef it-tagħrif kollu rilevanti li l-parti opposta tista’ tkun teħtieġ sabiex tagħmel deċiżjoni infurmata bis-sħiħ (partikolarment tagħrif rilevanti fl-evalwazzjoni tal-kwalità u r-rendiment li għandhom ikunu mistennija) wiesgħa wisq u qiesu li tista' twassal għal inċertezza legali. Huma saħqu dwar il-possibilità li jiffokaw fuq setturi speċifiċi (eż. il-liġi kuntrattwali ta’ l-assigurazzjoni, is-servizzi finanzjarji)

● Dmir li jingħata tagħrif meta jkun qed jiġi konkluż kuntratt ma’ konsumatur li jkun jinsab fi żvantaġġ partikolari: l-esperti tal-partijiet interessati apprezzaw din id-dispożizzjoni filwaqt li ppruvaw jistqarru, f’għamla ġenerali, iċ-ċirkostanzi meta l- acquis jimponi dmirijiet ta’ tagħrif fuq negozju ma’ konsumatur. Skond dawn l-esperti, din id-dispożizzjoni għandha tintuża bħala bażi jew linja ta’ gwida komuni biex tiddefinixxi l-katalgu ta’ tagħrif ewlieni prekuntrattwali li għandu jingħata lill-konsumatur.

● Rimedji għall-ksur tad-dmirijiet ta’ l-għoti ta’ informazzjoni : l-esperti tal-partijiet interessati għamlu l-punt li l-konsegwenzi ta’ ksur ta’ obbligi għall-għoti ta’ tagħrif prekuntrattwali huma ta’ importanza kbira għall-konsumaturi. L-abbozz tar-riċerkaturi jipproponi li jittawwal il-perjodu cooling-off bħala rimedju għall-ksur tad-dmirijiet ta’ għoti ta’ tagħrif fil-kuntest ta’ kuntratti li minnhom il-konsumatur ikollu d-dritt jirtira. Il-kwistjoni tal-konklużjoni ta’ kuntratt fuq il-bażi ta’ tagħrif falz jew qarrieqi ma ġietx indirizzata speċifikament f’dan il-kuntest.

L-ewwel workshop dwar il-bejgħ lill-konsumatur

Ġew diskussi l-kwistjonijiet li ġejjin:

● Il-possibilità li l-kunċett ta’ prodotti jitwessa’ għal tipi oħra ta’ assi kif previst mill-Artikolu 1:105 ta’ l-abbozz tar-riċerkaturi[3]: bosta esperti tal-partijiet interessati stqarru li s-“softwer" u, b’mod iktar ġenerali, id-drittijiet ta' proprjetà intellettwali, għandhom jiġu koperti. Il-Kummissjoni stiednet lir-riċerkaturi biex jirriflettu għal liema prodotti tista’ tiġi estiża d-definizzjoni u liema aġġustament għandu jsir

● Kunsinna – Ħin tal-kunsinna – Rabta mat-trasferiment tar-riskju: ġiet diskussa l-possibilità li jiddaħħlu regoli dwar it-trasferiment tar-riskji. Il-pożizzjonijiet kienu diverġenti. Ġie mfakkar li din il-kwistjoni kienet diskussa b’mod intensiv fil-Kunsill waqt l-adozzjoni tad-Direttiva 1999/44/KE dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta' oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom

● Il-waqt rilevanti għall-istabbiliment tal-konformità : it-trasferiment tar-riskji ġeneralment jitqies bħala l-waqt xieraq biex tiġi evalwata l-konformità. Ir-riċerkaturi qablu li jiġi ċċarat li f’xi sitwazzjonijiet, pereżempju, ħsara kkawżata minn imballaġġ mhux adegwat, il-bejjiegħ għandu jkun responsabbli għad-difetti li joħorġu wara t-trasferiment tar-riskji, f’konformità mal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Bejgħ Internazzjonali ta’ Prodotti.

It-tieni workshop dwar il-bejgħ lill-konsumatur (rimedji)

Il- workshop indirizza r-rimedji għall-ksur ta’ kuntratt. Il-kwistjonijiet diskussi inkludew:

● Il-ġerarkija ta’ rimedji għan-nuqqas ta' konformità: xi esperti ta’ partijiet interessati ma qablux li tiġi prevista ġerarkija minn fost ir-rimedji, għaliex il-konsumatur għandu jkollu l-possibilità li jagħżel minn fost ir-rimedji u ma għandux ikollu jistenna li jiġu eżerċitati l-possibilitajiet l-oħra kollha qabel jittermina l-kuntratt. Esperti oħra tal-partijiet interessati ddefendew l-interessi tal-bejjiegħ u għażlu li tinżamm il-ġerarkija ta' rimedji kif previst fid-Direttiva 1999/44/KE dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta' oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom

● Is-sitwazzjonijiet meta tista’ sseħħ it-terminazzjoni tal-kuntratt: il-kwistjonijiet diskussi kienu: kemm għandu jkun tard it-twettiq ta’ kuntratt qabel tkun tista’ sseħħ terminazzjoni, jekk jaqbilx li tiġi ffissata data ta’ skadenza għat-twettiq, u liema sitwazzjonijiet kieku jitqiesu bħala nuqqas ta’ twettiq fundamentali għaliex id-definizzjoni ta’ dan il-kunċett deher li joħloq xi diffikultajiet.

● Il-notifika lill-bejjiegħ tad-difetti li nstabu/kellhom jinstabu mill-bejjiegħ: apparti l-kwistjonijiet ġenerali dwar ir-raġuni għaliex dan għandu jkun dmir u għaliex l-eżerċizzju ta’ rimedju għandu jiddependi fuq in-notifika, f’termini iktar konkreti ġiet diskussa l-kwistjoni tal-perjodu tan-notifika. Sentejn tqiesu bħala perjodu aċċettabbli minn xi ftit esperti iżda mhux minn oħrajn.

Id-dritt ta' l-irtirar

Ir-regoli orizzontali dwar l- eżerċizzju u l- effetti tad-dritt ta’ l-irtirar imfassla fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi dwar il-Bejgħ Bieb Bieb[4], il-Bejgħ mill-Bogħod[5] u tat- Timeshare [6] ġew diskussi. Il-kwistjonijiet ewlenin ikkonċernati:

● L-ambitu ta' l-applikazzjoni: ir-regoli proposti kieku japplikaw kull meta parti jkollha dritt statutorju li tirtira minn kuntratt. L-esperti tal-partijiet interessati indikaw li għandu jiġi ċċarat li r-regoli japplikaw biss għal tranżazzjonijiet minn negozji għal konsumaturi (B2C – Business to Consumer )

● Eżerċizzju tad-dritt ta' l-irtirar: skond ir-regola proposta, il-parti intitolata li tirtira ma għandhiex tagħti raġunijiet għall-eżerċizzju effettiv tad-dritt tagħha jew li tkun soġġetta għal rekwiżiti speċifiċi Xi esperti tal-partijiet interessati ġibdu l-attenzjoni lejn il-fatt li dikjarazzjoni mingħajr għamla ma għandhiex tkun possibbli għal raġunijiet ta’ ċarezza u ċertezza legali u li rekwiżit minimu ta' għamla għandu japplika.

● Perjodu ta' irtirar: xi esperti ta’ partijiet interessati kkuntestaw ir-raġunament wara l-introduzzjoni ta' tul uniformi wieħed applikabbli għall-perjodi kollha eżistenti ta' cooling-off u sabu l-perjodu propost ta' 14-il jum twil wisq. Xi wħud argumentaw biex iżommu d-diverġenzi eżistenti f’dan il-qasam.

● Limiti ta’ żmien għall-irtirar: il-maġġoranza ta’ l-esperti tal-partijiet interessati appoġġaw il-ħtieġa li jkun hemm limitu ta’ żmien massimu għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ l-irtirar sabiex titħares iċ-ċertezza legali fuq in-naħa tal-professjonisti.

Dritt tal-konsumaturi għal rikompens għall-ħsara u r-responsabbiltà tal-produtturi

L-iktar kwistjonijiet importanti li ġew diskussi kienu li ġejjin:

● Il-kunċett ta’ responsabbiltà stretta kontra l-kunċett ta' tort: ir-reġim propost ta’ responsabbiltà stretta b’għadd ta’ raġunijiet għall-eżonerazzjoni (tort tal-vittma, tort ta’ parti terza jew force majeure ) ġie kkuntestat minn xi esperti tal-partijiet interessati, li jemmnu li għandu jkun hemm element ta’ tort bħala kundizzjoni għar-responsabbiltà tal-ħsara

● L-inklużjoni tan-nuqqas ta’ profitti futuri u telf mhux finanzjarju: il-maġġoranza ta’ l-esperti tal-partijiet interessati qablu li l-kunċett ta’ ħsara għandha tkopri t-telf effettiv kif ukoll in-nuqqas ta’ profitti futuri; dwar il-kwistjoni ta’ jekk il-kunċett ta’ kumpens ta’ ħsara għandux ikopri wkoll it-telf li mhux finanzjarju, ma ntlaħaqx konsensus

● Ir-responsabbiltà tal-produtturi: il-kwistjoni tqieset importanti għaliex illum il-biċċa l-kbira mit-tranżazzjonijiet isiru internazzjonalment u l-konsumaturi rari jkunu jgħixu fl-istess pajjiż bħall-manifattur (jew il-bejjiegħ) ta’ l-oġġetti mixtrija. Madankollu, dan iqajjem ħafna diffikultajiet legali u prattiċi. Skond l-esperti tal-partijiet interessati, il-konsumatur għandu jkun jista’ jeżerċita d-drittijiet tiegħu biss kontra l-produttur u mhux kontra kull intermedjarju fil-katina tan-negozju. Il-fatt li l-intermedjarji u l-aġenti tal-produttur li jgħixu fl-Istat Membru tal-konsumatur jistgħu jinżammu responsabbli wkoll ġie kkuntestat mill-esperti tal-partijiet interessati. Il-kwistjonijiet l-oħra li tqajmu inkludew ir-responsabbiltà għall-provi, il-limitu ta’ żmien biex jiġi eżerċitat id-dritt tal-konsumatur u r-responsabbiltà fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti użati.

3.2. Workshops dwar partijiet oħra ta' l- acquis ta' l-UE dwar il-liġi kuntrattwali

Għadd ta’ workshops li kkonċernaw acquis tal-liġi kuntrattwali li mhijiex iffukata fuq il-konsumatur saru qabel ma ttieħdet id-deċiżjoni li tingħata prijorità lill- acquis tal-konsumatur. Il-kwistjonijiet ewlenin diskussi fil- workshops tal-konsumatur jinsabu hawn taħt.

Il-liġi ta’ l-assikurazzjoni

Il-punti li ġejjin huma eżempji tal-kwistjonijiet speċifiċi li ġew diskussi:

● Dmir għall-għoti ta’ informazzjoni (applikant) : kien hemm diskussjoni dwar fejn tinsab ir-responsabbiltà fid-dmir li tingħata l-informazzjoni. Xi esperti tal-partijiet interessati ħassew li d-dmir għandu jaqa’ fuq l-assiguratur li jistaqsi l-mistoqsijiet rilevanti kollha, filwaqt li oħrajn ħassew li applikant għandu jkollu d-dmir li jagħti l-informazzjoni rilevanti kollha li ma tintalabx. L-argumenti rrappreżentaw il-bilanċ bejn kwestjonarju enormi li jinkludi kollox, u r-riskju għall-applikant li ma għandux kopertura jekk ikun nesa li jsemmi xi ħaġa li tkun titqies bħala rilevanti - it-tnejn li huma jistgħu jkunu ta’ xkiel għal nies li jridu jiksbu assigurazzjoni

● Dmir għall-għoti ta’ informazzjoni (assiguratur): l-abbozz tar-riċerkaturi rrikjeda lill-assiguratur li jiġbed l-attenzjoni lejn nuqqasijiet bejn il-kopertura mitluba mill-applikant u l-kopertura offruta. Ħafna esperti tal-partijiet interessati ħassew li dan jimponi dmir għall-għoti ta’ pariri, li seta’ jqum ħafna flus, u ma jkunx mixtieq. Idaħħal ukoll element qawwi ta’ soġġettività. Huma ppreferew dmir li l-polza tiġi spjegata, u mbagħad ikun f’idejn l-applikant li jiddeċiedi jekk hijiex adatta.

● Limiti ta’ żmien għall-invalidar : l-esperti tal-partijiet interessati ġeneralment qablu li l-limitu propost ta’ xahar għar-revoka tal-kuntratt fil-każ ta’ ksur tad-dmir għall-għoti ta’ informazzjoni kien qasir wisq, u ħassew li fil-każ ta’ ksur b’ingann ma għandu japplika ebda limitu ta’ żmien.

Il-kummerċ elettroniku

Il-punti li ġejjin huma eżempji tal-kwistjonijiet speċifiċi li ġew diskussi:

● Kuntratti mhux solliċitati : ir-riċerkaturi u l-esperti tal-partijiet interessati ddiskutew jekk il-projbizzjoni tal-provvista ta’ prodotti jew servizzi mhux solliċitati lil konsumatur, fejn din il-provvista tinvolvi domanda għall-ħlas, għandhiex tapplika wkoll għall-kuntratti B2B ( business to business ).

● Id-dritt ta' l-irtirar: l-esperti tal-partijiet interessati osservaw li d-definizzjonijiet li kien fiha d-dispożizzjoni ma kinux elaborati biżżejjed u li d-dispożizzjoni għandha terġa’ tinkiteb. Kien hemm appoġġ għal dritt ta’ rtirar għal 14-il jum. Il-proposta li l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ikun jiddependi fuq ir-rieda tal-konsumatur li jġarrab l-ispejjeż ġiet ikkuntestata; ġie diskuss jekk dan id-dritt għandux japplika wkoll għal kuntratti B2B

● Id-definizzjoni ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi “messaġġ li wasal fid-destinazzjoni, mibgħut u ttrasferit”: ir-riċerkaturi u l-esperti tal-partijiet interessati ddiskutew il-kwistjoni ta’ f’liema waqt messaġġ għandu jitqies mibgħut jew riċevut. Ġie konkluż li jinħtieġu iktar kjarifiki u li strumenti internazzjonali fil-qasam tal-kummerċ elettroniku għandhom jitqiesu.

3.3. Workshops dwar il-liġi kuntrattwali ġenerali

Il-kwistjonijiet ewlenin diskussi fil- workshops dwar il-liġi kuntrattwali ġenerali jinsabu hawn taħt. Il-Kummissjoni se tqis dawn il-kwistjonijiet matul il-proċess ta’ elaborazzjoni tas-CFR.

Kontenut u effett tal-kuntratt

Il-punti li ġejjin huma eżempji tal-kwistjonijiet speċifiċi li ġew diskussi:

● Dikjarazzjonijiet li jwasslu għal obbligi kuntrattwali: l-esperti tal-partijiet interessati esprimew il-ħtieġa li jiddefinixxu b'mod ċar meta dikjarazzjoni twassal għal obbligu kuntrattwali. Ġie diskuss jekk id-dispożizzjoni proposta, safejn tikkonċerna d-dikjazzjonijiet prekuntrattwali li jorbtu dwar il-kwalità jew l-użu ta’ prodotti jew servizzi, għandhiex tkopri biss relazzjonijiet B2C jew ir-relazzjonijiet B2B ukoll

● Termini ta’ kuntratt: in-natura u l-effett tat-termini implikati ġew diskussi. L-esperti tal-partijiet interessati ħassew li dispożizzjonijiet mhux preċiżi għandhom jiġu evitati. Ir-riċerkaturi ġibdu l-attenzjoni lejn il-fatt li f’din id-dispożizzjoni, l-ambigwità ma tkunx ta’ ħsara għax id-dispożizzjoni suppost kellha tkun regola awtomatika dwar il-kuntratti fejn ma jkun hemm ebda terminu implikat għal kuntratti speċifiċi f'leġiżlazzjoni speċifika

● Stipulazzjoni favur ta’ parti terza: il-kwistjoni ta’ l-effetti tal-kuntratt favur ta’ parti terza ġiet diskussa u ġie konkluż li jeħtieġ iktar riflessjoni dwar iċ-ċirkostanzi li fihom il-parti terza tkun tista’ sserraħ fuq l-istipolazzjoni.

L-Awtorità ta’ l-Aġenti

Ir-riċerkaturi qalu li l-abbozz dwar l-awtorità ta’ l-aġenti għandu jinkiteb mill-ġdid sabiex jirrifletti żviluppi riċenti li seħħu fl-Istati Membri u possibbilment jinkludi regoli speċifiċi dwar il-ħarsien tal-konsumatur. Għadd ta’ kwistjonijiet oħra ġew diskussi fil- workshop , partikolarment:

● L-użu tat-terminoloġija “ aġent ” u “ rappreżentant ” : l-esperti tal-partijiet interessati ġibdu l-attenzjoni lejn il-ħtieġa għal terminoloġija koerenti u li t-termini għandhom jintużaw biss kif definiti fis-CFR. Ir- riċerkaturi spjegaw li anness mas-CFR se jkun fih lista tad-definizzjonijiet tat-termini użati.

● Id-distinzjoni bejn rappreżentazzjoni diretta u indiretta : ir-riċerkaturi spjegaw li rappreżentazzjoni diretta biss tista’ torbot lill-prinċipal, għaliex huwa jaġixxi “ f'isem ” il-prinċipal, filwaqt li rappreżentant indirett jaġixxi “ minflok ” ( on behalf of ) il-prinċipal. L-idea wara r-rappreżentazzjoni indiretta tkun il-ħarsien tal-prinċipal, pereżempju f’sitwazzjonijiet fejn ir-rappreżentant isir insolventi wara li jikkonkludi affari. Xi partijiet interessati tefgħu dubji fuq l-utilità tar-regola. Ġie konkluż li jeħtieġ li jkun hemm iktar riflessjoni fuq l-interessi li jixraq li jitħarsu fil-każijiet ta' nuqqas ta' twettiq jew insolvenza min-naħa tar-rappreżentant.

4. L-ISTRUTTURA TAS-CFR – IR-RIżULTATI TAL- WORKSHOPS MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-ISTATI MEMBRI

Saru diskussjonijiet preliminari dwar l-istruttura tas-CFR f’żewġ workshops , waħda bl-esperti tal-partijiet interessati u l-oħra ma’ l-esperti ta’ l-Istati Membri. Fil- workshop ta’ l-esperti tal-partijiet interessati fid-29 ta’ Novembru 2005 kien hemm konsensus emerġenti li s-CFR għandu jkun fih is-suġġetti marbuta direttament ma’ l- acquis eżistenti ta' l-UE dwar il-liġi kuntrattwali flimkien ma’ kwistjonijiet tal-liġi kuntrattwali ġenerali li huma rilevanti għall- acquis . L-esperti tal-partijiet interessati talbu wkoll għal aktar definizzjonijiet u ġibdu l-attenzjoni lejn il-ħtieġa għal formolazzjonijiet alternattivi għal ċerti definizzjonijiet/regoli mudelli. Fl-aħħarnett, l-esperti tal-partijiet interessati qiesu li d-distinzjoni bejn il-B2B u l-B2C għandha tkun espressa b'mod iktar ċar fl-abbozz tas-CFR.

L-esperti ta' l-Istati Membri waslu għall-konklużjonijiet simili f’ workshop fid-9 ta’ Diċembru 2005, iżda b’xi differenzi. Il-biċċa l-kbira ta’ l-Istati Membri xtaqu jkopru l-liġi kuntrattwali flimkien mal-partijiet tal-liġi kuntrattwali ġenerali li huma rilevanti għall- acquis tal-konsumatur. Xi wħud xtaqu jinkludu wkoll kwistjonijiet oħra tal-liġi kuntrattwali ġenerali u oħrajn xtaqu jiffokaw esklussivament fuq l- acquis tal-konsumatur.

5. KONTRIBUT LIX-XOGħOL PREPARATORJU

5.1. Kontribut mill-Forum Ewropew ta’ Diskussjoni

L-ewwel Forum Ewropew ta’ Diskussjoni, organizzat mill-Presidenza tal-Kunsill tar-Renju Unit u l-Kummissjoni, li laqqa’ flimkien għall-ewwel darba r-riċerkaturi, is-CFR-net, in-netwerk ta’ esperti ta’ l-Istati Membri, rappreżentanti għolja tan-negozju u l-konsumaturi, kif ukoll Ministri, uffiċjali għolja, u Membri tal-Parlament Ewropew, seħħ f’Londra fis-26 ta’ Settembru 2005. Din il-konferenza kkonfermat il-ħtieġa biex il-ħidma tiġi pprijoritizzata fuq is-CFR sabiex l-ewwelnett tikkontribwixxi b’mod effiċjenti u effettiv lejn ir-reviżjoni ta’ l- acquis tal-konsumatur ta’ l-UE.

Din il-konferenza ġiet segwita bit-Tieni Forum Ewropew ta’ Diskussjoni fi Vjenna fis-26 ta’ Mejju 2006, organizzata mill-Presidenza Awstrijaka tal-Kunsill, fejn ġie mtenni l-appoġġ għall-iffokar fuq kwistjonijiet tal-konsumatur ta’ l-UE. Konsensus li s-CFR għandu wkoll ikopri suġġetti ta’ liġi kuntrattwali ġenerali ħareġ ukoll. Fit-Tielet Forum Ewropew ta’ Diskussjoni, organizzat mill-Presidenza Ġermaniża tal-Kunsill fi Stuttgart fl-1 ta’ Marzu 2007, il-Presidenza kkonkludiet li kien hemm appoġġ ġenerali għal CFR li jipprovdi lil-leġiżlaturi Ewropej b’kaxxa ta’ l-għodda li tinkludi l- acquis, u li d-deċiżjonijiet dwar il-kontenut tas-CFR huma kwistjoni importanti għal kunsiderazzjoni politika.

5.2. Kontribut minn istituzzjonijiet oħrajn

5.2.1. Il-Kunsill

Il-Kunsill tal-Kompetittività qabel ma’ l-approċċ meħud fl-Ewwel Rapport dwar il-Progress u partikolarment il-prijoritizzazzjoni tal-kwistjonijiet marbuta mar-reviżjoni ta’ l- acquis tal-konsumatur ta’ l-UE fil-konklużjonijiet tiegħu tad-29 ta’ Novembru 2005. Huwa enfasizza l-ħtieġa għall-ħidma biex tiffoka fuq kwistjonijiet prattiċi sabiex jitwasslu benefiċċji prattiċi lill-konsumaturi u n-negozji u l-ħtieġa biex tiġi rikonoxxuta d-distinzjoni bejn kuntratti bejn negozju u konsumatur u kuntratti bejn negozju u ieħor. Laqa’ wkoll ir-rassikurazzjoni tal-Kummissjoni li mhux biħsiebha tipproponi Kodiċi Ċivili Ewropew.

5.2.2. Il-Parlament Ewropew

Il-Parlament Ewropew (PE) adotta riżoluzzjoni fit-23 ta’ Marzu 2006 li fiha laqa’ l-Ewwel Rapport dwar il-Progress u esprima l-appoġġ tiegħu għall-proġett CFR. Il-Parlament Ewropew enfasizza l-ħtieġa għall-ħidma tas-CFR biex issegwi linji ta’ gwida ċari stipulati mil-leġiżlazzjoni tal-KE u qies li s-CFR ikun jista’ jiġi adottat finalment wara approvazzjoni politika mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Il-Parlament Ewropew sejjaħ lill-Kummissjoni biex taġixxi f’kooperazzjoni mill-qrib kemm jista’ jkun mal-Parlament Ewropew f’kull pass li jittieħed lejn l-iżvilupp ta’ CFR u biex tikkonsulta lill-Parlament Ewropew partikolarment dwar l-abbozz ta' l-istruttura tas-CFR u qabel tieħu kwalunkwe miżura ulterjuri ta' ppjanar. Bħall-Kunsill, il-Parlament Ewropew sejjaħ lill-Kummissjoni biex tiddistingwi bejn dispożizzjonijiet legali applikabbli għas-setturi B2B u B2C u biex tifridhom sistematikament.

Fl-aħħarnett, ir-riżoluzzjoni ħabbret it-twaqqif ta’ grupp parlamentari ta’ ħidma magħmul minn membri tal-Kumitat ta’ l-Affarijiet Legali tal-Parlament Ewropew u l-Kumitat tas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur. Dan il-grupp ta’ ħidma jipprovdi forum għad-diskussjoni ta’ suġġetti indirizzati mir-riċerkaturi u l-esperti tal-partijiet interessati li l-Parlament Ewropew iqis importanti li jipprovdi gwida politika għalihom. Il-laqgħat tal-grupp ta’ ħidma jitħejjew minn tim tal-proġett li jikkonsisti minn uffiċjali tal-Parlament Ewropew. Il-Kummissjoni tieħu sehem f’dawn il-laqgħat. S’issa diġà saru bosta laqgħat. Is-suġġetti diskussi inkludew kwistjonijiet bħall-kunċett ta' konsumatur u professjonist u termini inġusti ta' kuntratt.

Bi tweġiba għar-rikjesta tal-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu li ssir dijagramma sekwenzjali li tidentifika b’mod ċar il-partijiet differenti kollha involuti fil-proċess tas-CFR, il-Kummissjoni fasslet din id-dijagramma fl-Anness.

Fis-7 ta’ Settembru 2006, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni oħra dwar il-Liġi Kuntrattwali Ewropea fejn esprima appoġġ għat-tħejjija ta' proġett CFR wiesa' li jkopri kwistjonijiet ġenerali tal-liġi kuntrattwali u mhux biss il-liġi kuntrattwali tal-konsumatur, li l-Kummissjoni għandha tissokta b’mod parallel mar-reviżjoni ta’ l- acquis .

6. KONKLUżJONIJIET

Safejn hija kkonċentrata l-liġi kuntrattwali tal-konsumatur ta’ l-UE, is-sejbiet CFR rilevanti se jiġu inkorporati fejn xieraq fir-reviżjoni ta’ l- acquis tal-liġi kuntrattwali tal-konsumatur ta’ l-UE, li dwarha l-Kummissjoni adottat Green Paper fis-7 ta’ Frar 2007. Il- Green Paper tiddeskrivi l-għażliet għal reviżjoni possibbli ta’ l- acquis tal-liġi kuntrattwali tal-konsumatur ta’ l-UE.

Skond l-idea oriġinali, is-CFR hija maħsuba li tkun “kaxxa ta’ l-għodda” jew manwal għall-Kummissjoni u l-leġiżlatur ta’ l-UE biex tintuża fir-reviżjoni ta' leġiżlazzjoni eżistenti u fit-tħejjija ta’ leġiżlazzjoni ġdida fil-qasam tal-liġi kuntrattwali. Il-qafas ta’ żmien attwali ta’ tħejjija jipprevedi li r-riċerkaturi jippreżentaw l-abbozz tas-CFR tagħhom fi tmiem l-2007. Il-Kummissjoni jeħtiġilha tagħżel bir-reqqa ħafna l-partijiet ta’ dan l-abbozz li jikkorrispondu ma’ l-għanijiet leġiżlattivi komuni. Dan il-proċess ta' għażla jeħtieġ li jsir f’konsultazzjoni ma’ l-istituzzjonijiet u l-partijiet interessati l-oħra. Il-Kummissjoni se tiżgura li l-partijiet ta’ l-abbozz tar-riċerka magħżula għas-CFR (u possibbilment modifikati) ikunu koerenti ma' xulxin u mas-segwitu tal- Green Paper . Wara li tanalizza r-riżultati tal-proċess ta’ konsultazzjoni, telabora l-abbozz tas-CFR, u twettaq stima ta’ l-impatt, il-Kummissjoni tkun tista’ tippreżenta l-istrateġija tagħha f'għamla ta’ White Paper .

Madankollu, suġġett ieħor jikkonċerna l-ambitu tas-CFR li jeħtieġ jiġi deċiż issa sabiex jiggwida l-ħidma futura fuq is-CFR, filwaqt li wieħed iżomm f’moħħu, partikolarment, kemm il-ħidma futura fuq is-CFR se tkopri wkoll suġġetti li jikkonċernaw oqsma oħra ta’ l- acquis ta’ l-UE dwar il-liġi kuntrattwali u kwistjonijiet rilevanti direttament tal-liġi kuntrattwali ġenerali minbarra l-liġi kuntrattwali tal-konsumatur.

Matul il-ħidma fuq is-CFR u l-proċess konsultattiv li għaddej, bosta ilħna (l-esperti tas-CFR-net, għadd ta’ Stati Membri) kienu ta’ l-idea li jiġu inklużi ċerti kwistjonijiet tal-liġi kuntrattwali ġenerali li huma rilevanti għall- acquis eżistenti ta’ l-UE dwar il-liġi kuntrattwali.

Il-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjonijiet tiegħu ta’ l-2006, diġà ġibed l-attenzjoni lejn l-importanza ta’ dan il-proġett u sejjaħ lill-Kummissjoni biex tieħu sehem kumplessiv f’din il-ħidma. Huwa sejjaħ ukoll lill-Kummissjoni biex tisfrutta l-ħidma ta’ riċerka li għaddejja bil-ħsieb li eventwalment tuża r-riżultati - mhux biss dawk strettament marbuta ma’ l- acquis ta’ l-UE dwar il-konsumatur – biex tiżviluppa sistema ta’ liġi ċivili Komunitarja. Fir-riżoluzzjoni ta' Settembru huwa tenna l-appoġġ tiegħu għat-tħejjija ta' proġett CFR wiesa' li jkopri kwistjonijiet ġenerali tal-liġi kuntrattwali li jmorru lil hinn mill-qasam tal-ħarsien tal-konsumatur, li l-Kummissjoni għandha tkompli twettaq b’mod parallel mar-reviżjoni ta’ l- acquis .

Il-Kummissjoni tqis li s-CFR huwa strument regolatorju aħjar. Huwa eżerċizzju fit-tul bil-għan li jiżgura konsistenza u kwalità tajba fil-leġiżlazzjoni ta’ l-UE fil-qasam tal-liġi kuntrattwali. Dan jintuża biex jipprovdi definizzjonijiet ċari ta’ termini legali, prinċipji fundamentali u regoli moderni koerenti tal-liġi kuntrattwali fir-reviżjoni ta’ leġiżlazzjoni settorjali eżistenti u fil-ħolqien ta' leġiżlazzjoni settorjali ġdida fejn tkun identifikata din il-ħtieġa. L-ambitu mhuwiex wieħed ta' armonizzazzjoni fuq skala kbira tal-liġi privata jew kodiċi ċivili Ewropew.

Minħabba l-interess tal-Kunsill u tal-Parlament u x-xewqa tagħhom li jiġu involuti mill-qrib, jixraq li l-Kummissjoni tkun taf il-pożizzjoni taż-żewġ istituzzjonijiet. Il-Parlament Ewropew diġà ppreżenta l-pożizzjoni tiegħu dwar is-suġġett permezz tar-riżoluzzjonijiet tiegħu. Il-Kummissjoni qed tressaq dan ir-rapport ta’ progress quddiem il-Kunsill, u issa qed titlob il-pożizzjoni tiegħu dwar il-bqija tal-ħidma fuq is-CFR, li tista’ tkopri għadd ta’ workshops marbuta ma’ partijiet oħra ta’ l- acquis ta’ l-UE dwar liġi kuntrattwali bħar-rekwiżiti ta’ l-informazzjoni, il- marketing u d-distribuzzjoni fil-leġiżlazzjoni tas-servizzi finanzjarji jew dewmien fil-ħlas ta’ flus (inkluż il-kwistjoni taż-żamma ta’ klawżoli tat-titoli), u ma’ kwistjonijiet tal-liġi kuntrattwali ġenerali bħar-rekwiżiti formali, il-validità u l-interpretazzjoni tal-kuntratt f'każ ta' frodi, żbalji u rappreżentazzoni ħażina.[pic]

[pic]

[1] Il-Kunsill tal-Kompetittività ta’ l-Unjoni Ewropea, 28/29 ta’ Novembru 2005 14155/05 (Press 287)

[2] Matul il-perjodu kopert minn dan ir-rapport, saru 11-il workshop, li ħamsa minnhom ma kellhomx speċifikament x’jaqmsu ma’ kwistjonijiet tal-konsumatur: Kontenut u effetti ta’ kuntratt, Problemi marbuta mal-kummerċ elettroniku, l-Awtorità ta’ l-aġenti, l-Istruttura tas-CFR, l-Assigurazzjoni

[3] jiġifieri sabiex jinkludi l-elettriku, it-tagħrif u d- data (inkluż is-softwer) u għamliet oħra ta' proprjetà inkorporeali.

[4] Id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE ta’ l-20 ta' Diċembru 1985, ĠU L 372, 31.12.1985, p. 31

[5] Id-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-20 ta' Mejju 1997, ĠU L 144, 4.6.1997, p. 19.

[6] Id-Direttiva 94/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 1994, ĠU L 280, 29.10.1994, p. 83.