52007DC0266

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar il-konsegwenzi ta' l-esklużjoni tax-xufiera li jaħdmu għal rashom mill-ambitu tad-direttiva tal-Parlament ewropew u tal-Kunsill Nru 2002/15/KE tal-11 ta' Marzu 2002 dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta' ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq /* KUMM/2007/0266 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 23.5.2007

KUMM(2007) 266 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-konsegwenzi ta' l-esklużjoni tax-xufiera li jaħdmu għal rashom mill-ambitu tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 2002/15/KE tal-11 ta' Marzu 2002 dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta' ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-konsegwenzi ta' l-esklużjoni tax-xufiera li jaħdmu għal rashom mill-ambitu tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 2002/15/KE tal-11 ta' Marzu 2002 dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta' ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq

Daħla

Id-Direttiva 2002/15/KE[1] tistabbilixxi rekwiżiti minimi rigward l-organizzazzjoni tal-ħinijiet tax-xogħol, biex jissaħħu s-sikurezza u l-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli ta' trasport bit-triq, biex tittejjeb is-sikurezza fit-toroq u biex ikunu uniformi l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni. Din id-Direttiva daħlet fis-seħħ fit-23 ta' Marzu 2002, u l-Istati Membri kellhom tliet snin (sat-23 ta' Marzu 2005) biex jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva rigward il-ħaddiema mobbli. L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva jistipula li mit-23 ta' Marzu 2009 'l quddiem, id-dispożizzjonijiet tagħha għandhom japplikaw għax-xufiera li jaħdmu għal rashom, wara li l-Kummissjoni tressaq rapport lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew u l-proposta ta' leġiżlazzjoni korrispondenti bbażata fuq ir-rapport.

Bħala parti mill-ftehim ta' konċiljazzjoni finali li ntlaħaq bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill fuq din id-Direttiva, ġie konkluż li mhux aktar tard minn sentejn qabel din id-data, jiġifieri t-23 ta' Marzu 2007, il-Kummissjoni għandha tressaq rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li fih tanalizza l-konsegwenzi ta' l-esklużjoni tax-xufiera li jaħdmu għal rashom mill-ambitu tad-Direttiva f'dak li għandu x'jaqsam mas-sikurezza fit-toroq, il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni, l-istruttura tal-professjoni u aspetti soċjali. Ir-rapport għandu jqis iċ-ċirkostanzi ta' kull Stat Membru fir-rigward ta' l-istruttura ta' l-industrija tat-trasport, kif ukoll ta' l-ambjent tax-xogħol fil-professjoni tat-trasport bit-triq. Abbażi tar-rapport, il-Kummissjoni għandha tissottometti proposta (a) sabiex tistabbilixxi regoli ddettaljati għall-inklużjoni tax-xufiera li jaħdmu għal rashom u li jwettqu biss attivitajiet ta' trasport nazzjonali, u li s-sitwazzjoni partikolari tagħhom għandha tiġi meqjusa; jew (b) sabiex ix-xufiera li jaħdmu għal rashom ma jkunux inklużi fl-ambitu tad-Direttiva.

Skond l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva, il-Kummissjoni kellha wkoll tevalwa l-konsegwenzi tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar ix-xogħol ta' bil-lejl, u tirrapporta dwarhom sat-23 ta' Marzu 2007 fil-kuntest tar-rapport ta' kull sentejn attwali li għandha tipprovdi dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva.

Għaldaqstant, dan ir-rapport jaqdi diversi għanijiet: iservi biex jipprovdi ħarsa ġenerali lejn fiex waslet l-implimentazzjoni tad-Direttiva mill-Istati Membri; jindirizza l-konsegwenzi potenzjali ta' l-esklużjoni tax-xufiera li jaħdmu għal rashom mill-ambitu tad-Direttiva; u jevalwa l-konsegwenzi tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar ix-xogħol ta' bil-lejl.

F'Diċembru 2005, il-Kummissjoni qabbdet konsulenti biex janalizzaw it-tliet għanijiet ta' hawn fuq, billi jfasslu rapporti dwar kull Stat Membru u jeżaminaw fil-fond permezz ta' l-istudji u d-dejta rilevanti, intervisti diretti ma' rappreżentanti taż-żewġ naħat ta' l-industrija, ta' l-amministrazzjonijiet nazzjonali u tad-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni kkonċernati, u r-reazzjonijiet li joħorġu minn laqgħat varji ma' l-industrija rigward l-ewwel riżultati miksuba, sabiex il-konsultenti jippreżentaw il-konklużjonijiet meqjusa tagħhom dwar l-esklużjoni tax-xufiera li jaħdmu għal rashom u l-konsegwenzi tad-dispożizzjonijiet dwar ix-xogħol ta' bil-lejl. Ir-rapport finali jinsab fl-indirizz elettroniku http://ec.europa.eu/transport/road/studies/index_en.htm.

L-Implimentazzjoni tad-Direttiva mill-Istati Membri

Il-biċċa l-kbira ta' l-Istati Membri ma rnexxilhomx jittrasponu d-Direttiva fil-perjodu stabbilit ta' tranżizzjoni ta' tliet snin. F'Mejju 2005, il-Kummissjoni kienet obbligata li tiftaħ proċeduri ta' ksur kontra ħdax-il Stat Membru. Minn dak iż-żmien 'l hawn, l-għadd ta' Stati Membri li mhux qegħdin jibagħtu notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni naqas għal erbgħa. Minħabba f'hekk, l-impatt tad-Direttiva f'ċerti Stati Membri jista' jiġi analizzat biss permezz ta' stimi. Rigward dawk l-Istati Membri li bagħtu notifika tal-miżuri tagħhom ta' traspożizzjoni nazjonali, il-Kummissjoni bdiet korrispondenza magħhom biex tiżgura li d-definizzjonijiet u l-limiti jirriflettu bir-reqqa d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għadha mhijiex f'qagħda li tressaq l-ewwel rapport tagħha ta' kull sentejn, li kellu joħroġ f'Marzu ta' l-2007.

Il-Konsegwenzi ta' l-esklużjoni tax-xufiera li jaħdmu għal rashom

Daħla

It-test finali tad-Direttiva huwa r-riżultat ta' kompromess delikat, u jixhed il-ftehim diffiċli ta' konċiljazzjoni li ntlaħaq bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill. L-inklużjoni tax-xufiera li jaħdmu għal rashom qabel it-23 ta' Marzu 2009 wara li jkunu ntlaħqu l-kundizzjonijiet imsemmija aktar 'il fuq kienet tikkostitwixxi tibdil mill-pożizzjoni komuni tal-Kunsill[2] fuq l-esklużjoni temporanja, sakemm tasal proposta oħra possibbli mingħand il-Kummissjoni dwar l-inklużjoni fi stadju aktar 'il quddiem. Wara dan, żewġ Stati Membri, Spanja u l-Finlandja, ippruvaw (mingħajr suċċess) jannullaw id-Direttiva quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja[3], bl-għan ewlieni li x-xufiera li jaħdmu għal rashom ikunu esklużi mill-ambitu tad-Direttiva b'mod permanenti. Fil-proposta oriġinali tagħha u matul id-dibattitu dwar id-Direttiva proposta[4], il-Kummissjoni argumentat favur l-inklużjoni tax-xufiera li jaħdmu għal rashom, għal diversi raġunijiet:

1. għall-konsistenza ma' l-ambitu tar-Regolament[5] dwar ir-regoli tal-ħinijiet tas-sewqan u tal-mistrieħ, li ma jagħmilx din id-distinzjoni bejn ix-xufiera;

2. biex tkun evitata l-frammentazzjoni possibbli ta' industrija kompetittiva ħafna minħabba n-nominazzjoni mill-ġdid ta' ħaddiema bħala xufiera li jaħdmu għal rashom (l-hekk imsejħa 'għal rashom foloz')

3. biex jiġi żgurat li l-għanijiet ta' kompetizzjoni ġusta, ta' sikurezza fit-toroq imsaħħa, u ta' titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol ikunu ġew applikati permezz tad-Direttiva, għas-settur tat-trasport bit-triq kollu kemm hu.

Madankollu, il-proposta oriġinali tal-Kummissjoni kienet imsejsa fuq definizzjoni inqas estensiva tal-ħinijiet tax-xogħol fil-każ tax-xufiera li jaħdmu għal rashom.

Fid-dawl tal-konklużjonijiet mogħtija fir-rapport tal-konsulenti, il-Kummissjoni għandha tirrifletti fuq l-impatt ta' l-inklużjoni tal-ħaddiema li jaħdmu għal rashom fl-ambitu tad-Direttiva, u għandha tikkunsidra kif jistgħu jintlaħqu l-aħjar dawn l-għanijiet oriġinali.

Is-sikurezza fit-toroq

Ma' l-ewwel daqqa t'għajn, ir-rabta li hemm bejn l-għeja minn sigħat twal ħafna ta' xogħol u bejn ir-riskju akbar għas-sikurezza fit-toroq mix-xufiera professjonali tidher ċara. Madankollu, peress li għadd kbir ta' Stati Membri m'ilhomx li implimentaw id-Direttiva, għadu kmieni wisq biex tinkiseb dejta dwar l-impatt tar-regoli l-ġodda fuq is-sikurezza fit-toroq. Barra minn hekk, il-ġabradati ( database ) tal-Kummissjoni, li tistrieħ fuq l-istatistiċi mibgħuta mill-amministrazzjonijiet nazzjonali, ma tafx tiddistingwi bejn ix-xufiera li jaħdmu għal rashom u bejn il-ħaddiema mobbli. Ta' sikwit, huwa diffiċli wkoll li tiġi identifikata r-raġuni għal inċident partikulari, għax l-għeja tista' tirriżulta mhux biss minn sigħat twal ħafna ta' xogħol iżda minn fatturi oħra wkoll.

Minkejja dan, il-ħafna dokumentazzjoni ta' riċerka li hemm fuq is-suġġett, kif ukoll ir-rapport komprensiv li sar f'isem il-Kummissjoni[6], juru li s-sigħat eċċessivi ta' xogħol, li għax-xufiera li jittrasportaw il-merkanzija jfissru element sinifikanti ta' sforz fiżiku (tagħbija u ħatt), huwa fattur ewlieni li jwassal għall-għeja u għaldaqstant ukoll għall-possibbiltà li x-xufiera jorqdu huma u jsuqu. L-għeja u l-konsegwenzi tagħha għas-sikurezza fit-toroq jistgħu jolqtu xufier sew jekk ikun ħaddiem għal rasu sew jekk ħaddiem mobbli.

Ir-rapport tal-konsulenti kkonferma li x-xufiera li jaħdmu għal rashom jaħdmu aktar sigħat mill-ħaddiema mobbli fit-trasport bit-triq, u li ż-żewġ kategoriji jaħdmu aktar sigħat minn ħaddiema ta' setturi oħra. Jekk ix-xufier li jaħdem għal rasu jiġi eskluż mir-regoli dwar il-ħinijiet ta' xogħol, il-ħinijiet ta' sewqan u ta' mistrieħ biss ikunu regolati fuq livell Komunitarju bir-Regolament (KEE) 3820/85, li se jeħodlu postu dalwaqt ir-Regolament (KE) 561/2006, il-11 ta' April 2007. Ma jkunx għad hemm limitu fuq 'xogħol ieħor', li jkollu jkompli jirreġistra fit-takografu skond ir-Regolament (KEE) 3821/85. Diversi studji[7] indikaw li għax-xufiera professjonali, is-sewqan jirrappreżenta medja ta' 66% tax-xogħol kollu tagħhom, u l-ħin li għandhom jibqgħu disponibbli 12%, li jħalli 21% mill-ħin tagħhom iddedikat għal 'xogħol ieħor', per eżempju t-tagħbija u l-ħatt. Għaldaqstant, l-esklużjoni ta' min jaħdem għal rasu kieku tfisser li ma jiġix applikat limitu ta' ħin globali kull ġimgħa fuq tali attivitajiet. Madankollu, għax-xufiera li jaħdmu għal rashom, dan il-limitu kieku jolqot biss parti mir-rutina tagħhom tax-xogħol, għax ma jiġu inklużi la l-ħin ta' 'disponibbiltà' u lanqas ix-xogħol amministrattiv ġenerali, sakemm dan ma jkunx marbut ma' l-operazzjoni speċifika ta' trasport (ara l-Artikolu 3(a)(2) tad-Direttiva 2002/15/KE). Dan in-nuqqas se jittaffa fil-ġejjieni permezz ta' diversi regoli ġodda li jiddaħħlu permezz tar-Regolament (KE) 561/2006. Dan ir-Regolament se jdaħħal limitu ta' ħin ġdid fuq is-sewqan ta' 56 siegħa – s'issa, teorikament, ix-xufiera setgħu jsuqu legalment sa 74 siegħa f'ġimgħa -, u se jistipula wkoll li x-xufiera kollha għandhom jistrieħu għal talanqas 45 siegħa wara xulxin bħala parti mill-ħin ta' mistrieħ normali tagħhom kull ġimagħtejn.

Fatturi oħrajn li jwasslu għall-għeja –l-istress, il-problemi ta' saħħa u nuqqas ta' appoġġ– kienu aktar prevalenti fost dawk li jaħdmu għal rashom. Bla dubju, tnaqqis fil-ħinijiet tax-xogħol jista' jgħin biex inaqqas l-għeja. Dan jista' jwassal, madankollu, għal livelli ogħla ta' stress, għax ix-xufier li jaħdem għal rasu jipprova jlaħħaq aktar f'inqas ħin biex ma jitlifx mill-profittabbiltà tiegħu, sitwazzjoni li min-naħa tagħha tkun tista' twassal għal aktar għeja u aktar inċidenti. Il-konsulenti jindikaw li biex tittejjeb is-sikurezza fit-toroq, miżuri b'attenzjoni għal fatturi oħra, bħal infurzar aħjar tar-regoli dwar il-ħinijiet tas-sewqan u aspetti marbutin mal-kundizzjonijiet tax-xogħol, jistgħu jkunu aktar effettivi milli jekk jitnaqqsu l-ħinijiet tax-xogħol għal min jaħdem għal rasu.

B'differenza ma' miżuri oħra għas-sikurezza fit-toroq, fejn l-infurzar attiv huwa meħtieġ u jsir jew fuq il-livell nazzjonali jew f'qafas regolatorju tal-Komunità, jidher li l-Istati Membri mhux qed jagħtu lir-regoli dwar il-ħinijiet tax-xogħol l-istess grad ta' prijorità bħall-infurzar tar-regoli Komunitarji dwar il-ħinijiet tas-sewqan u tal-mistrieħ. Minkejja l-pressjoni mingħand il-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew waqt li kienu qed jiddiskutu dik li issa hija d-Direttiva 2006/22/KE dwar il-kondizzjonijiet minimi għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 3820/85 u 3821/85 dwar il-leġiżlazzjoni soċjali li għandha x'taqsam ma' attivitajiet tat-trasport bit-triq u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 88/599/KEE[8], il-Kunsill ma aċċetta l-ebda rekwiżit minimu ta' spezzjoni sistematika tar-regoli dwar il-ħinijiet tax-xogħol. Min-naħa l-oħra, rigward il-ħinijiet tas-sewqan u tal-mistrieħ, il-Kunsill qabel ma' sensiela sħiħa ta' miżuri biex jiżguraw il-konformità, billi jittriplikaw il-livelli minimi ta' spezzjoni, jiffokaw fuq l-ispezzjonijiet ta' l-istallazzjonijiet (talanqas 50% ta' l-ispezzjonijiet kollha kull sena), u jiżviluppaw u jimplimentaw strateġija nazzjonali għall-infurzar. Għaldaqstant, fejn jidħlu l-ħinijiet tax-xogħol, l-infurzar se jistrieħ l-aktar fuq ilmenti mingħand ix-xufiera jew fuq l-investigazzjoni ta' wara l-inċidenti, b'aktarx dan ta' l-aħħar biss japplika għal dawk li jaħdmu għal rashom. Livell baxx ta' konformità jnaqqas kull effett fuq is-sikurezza fit-toroq.

Minkejja dan kollu, il-Kummissjoni għadha tal-fehma li f'dak li għandu x'jaqsam mas-sikurezza fit-toroq, tnaqqis fil-ħinijiet tax-xogħol jista' jkollu effett pożittiv fuq is-settur. Id-dokumentazzjoni ta' riċerka ġeneralment issaħħaħ din l-opinjoni. Fil-fatt, 50% ta' l-impjegati u 25% tal-partijiet involuti governattivi li ġew intervistati mill-konsulenti qalu li jaqblu ma' din il-fehma (ara r-rapport tal-konsulenti, Tabella 5.3). Fejn jidħol speċifikament l-impatt ta' l-inklużjoni, perċentwal kemmxejn ogħla f'kull kategorija ta' parti involuta (gvernijiet, min iħaddem u ħaddiema) għaraf li kieku jkollu impatt pożittiv fuq is-sikurezza fit-toroq.

L-inklużjoni ta' dawk li jaħdmu għal rashom jista' jkollha effett pożittiv fuq is-sikurezza fit-toroq, iżda huwa diffiċli biex dan l-effett jiġi kkwantifikat. Il-Kummissjoni hija konxja li fatturi oħrajn, bħall-età u partikolarment l-istress, jistgħu jikkontribwixxu għall-għeja b'mod ugwali daqs il-ħinijiet tax-xogħol, fuq kollox fost ix-xufiera li jaħdmu għal rashom. Il-Kummissjoni tagħraf ukoll li r-regoli ġodda dwar il-ħinijiet tas-sewqan u tal-mistrieħ, flimkien ma' infurzar aktar strett ta' dawn ir-regoli, jista' jkollhom rwol ekwivalenti fit-tnaqqis ta' l-għeja u ta' l-istress.

Il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u l-istruttura tal-professjoni

It-tieni għan tad-Direttiva, u raġuni importanti għall-proposta inizjali tal-Kummissjoni li x-xufiera li jaħdmu għal rashom jiddaħħlu fl-ambitu tad-Direttiva, huwa li jiġi evitat it-tagħwiġ tal-kompetizzjoni u li jiġu żgurati kundizzjonijiet indaqs għall-operaturi kollha tat-trasport bit-triq. Il-biża' tal-Kummissjoni kienet li l-esklużjoni tax-xufiera li jaħdmu għal rashom tkompli żżid il-frammentazzjoni ta' l-industrija, minħabba l-ambjent ta' kompetittività għolja li topera fiha. Il-fenomenu ta' operatur li jħeġġeġ lix-xufiera tiegħu biex isiru teknikament ħaddiema għal rashom iżda li jkomplu jaħdmu għalih b'mod esklussiv, magħrufin bħala xufiera 'għal rashom foloz', għandu mnejn isir aktar attraenti u prevalenti. B'riżultat ta' dan, tali operaturi, u s-subkuntratturi interni tagħhom, jikkompetu fuq bażi mhux ekwa.

Rigward l-istruttura tal-professjoni, wieħed mill-fatturi li jiddistingwu s-settur tat-trasport bit-triq huwa l-frammentazzjoni ta' l-industrija. 95% tal-kumpaniji tat-trasport tal-merkanzija bit-triq fl-UE huma mikro-intrapriżi b'inqas minn 10 impjegati (kumpaniji żgħar jew ta' persuna waħda). Il-kumpaniji b'aktar minn 50 impjegat jirrappreżentaw 1% biss.

Fin-nuqqas ta' dejta konkreta dwar l-impatt ta' l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva fuq il-ħaddiema mobbli, il-konsulenti ħarsu lejn xejriet fi 'raggruppamenti' ta' Stati Membri fejn l-istrutturi tas-settur tat-trasport bit-triq jidhru li jixxiebhu. Inħolqu erba' raggruppamenti ta' Stati Membri: in-Nofsinhar/il-Mediterran (ES, FR, GR, IT, PT) – ġew osservati ħafna ħaddiema għal rashom, ftit kumpaniji kbar, żieda fil-konsolidazzjoni; iċ-Ċentru/il-Punent (AT, BE, DE, IE, LU, NL, UK) – ftit ħaddiema għal rashom, ħafna kumpaniji kbar, żieda fil-konsolidazzjoni; it-Tramuntana (DK, SE, FI) – ftit ħaddiema għal rashom, ftit kumpaniji kbar, żieda fil-frammentazzjoni; u l-Istati Membri l-ġodda (BU, CY, CZ, EE, LT, LV, HU, MT, PL, RO, SL, SK) – ħafna ħaddiema għal rashom, ftit kumpaniji kbar, żieda fil-frammentazzjoni. Il-konsulenti qiesu li l-esklużjoni ta' min jaħdem għal rasu tkun xprun biex ix-xejra attwali tkompli lejn frammentazzjoni fl-aħħar żewġ raggruppamenti, filwaqt li twassal għal żieda żgħira fix-xufiera għal rashom fl-ewwel tnejn. Barra minn hekk, ma huwa mistenni l-ebda impatt fuq il-kompetizzjoni fl-industrija jekk dawk li jaħdmu għal rashom jibqgħu esklużi mill-ambitu tad-Direttiva. Kieku jżommu r-rwol attwali tagħhom bħala subkuntratturi rħas fir-raggruppament ta' Stati Membri fejn jiddominaw il-kumpaniji l-kbar, jew jikkompetu b'kundizzjonijiet indaqs ma' xufiera għal rashom oħra f'dawk ir-raggruppamenti ta' Stati Membri fejn jikkostitwixxu l-maġġoranza tas-settur tat-trasport bit-triq.

Iċ-ċirkustanzi ta' l-Istati Membri individwali rigward l-istruttura ta' l-industrija tat-trasport huma deskritti bis-sħiħ fil-Kapitolu 6.2 kif ukoll fl-Anness 3 tar-rapport tal-konsulenti.

Min-naħa l-oħra, l-inklużjoni ta' dawk li jaħdmu għal rashom fl-ambitu tad-Direttiva twassal għal żieda fil-piż finanzjarju u għal tnaqqis fil-ħinijiet tax-xogħol, u għaldaqstant, jitnaqqas sostanzjalment il-vantaġġ kompetittiv tal-ħaddiema għal rashom fl-industrija tat-trasport tal-merkanzija bit-triq. Il-kumpaniji l-kbar imbagħad ikunu jinsabu f'pożizzjoni aktar kompetittiva, għax ikunu jistgħu jlaħħqu b'sigħat imnaqqsa permezz ta' miżuri ta' effiċjenza. B'hekk ikun jista' jissaħħaħ il-proċess ta' konsolidazzjoni fl-industrija.

Madankollu, in-nuqqas ta' tibdil sinifikanti fil-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni, fejn dawk li jaħdmu għal rashom jibqgħu esklużi, xorta jħalli l-kwistjoni tal-ħaddiema għal rashom 'foloz'. Jekk id-Direttiva ma tiġix applikata għax-xufiera għal rashom, din il-kwistjoni tista' twassal ukoll għal frammentazzjoni artifiċjali fl-istruttura tal-professjoni.

Il-Kummissjoni tqis li r-regoli dwar il-ħinijiet tax-xogħol għandhom japplikaw għall-ħaddiema għal rashom 'foloz'. Tosserva li bosta Stati Membri ma ttrasponewx sew id-distinzjoni partikolari li saret bejn il-"ħaddiem mobbli" u s-"sewwieq li jaħdem għal rasu", li d-Direttiva tistabbilixxi fl-Artikolu 3(d) u (e) rispettivament. "Sewwieq li jaħdem għal rasu" hija mfissra bir-reqqa: għandu liċenzja Komunitarja jew awtorizzazzjoni oħra ta' trasportatur professjonali, jista' jaħdem għal rasu, mhuwiex marbut ma' min iħaddem b'kuntratt jew b'xi tip ieħor ta' rabta kummerċjali ġerarkika, huwa liberu biex jorganizza l-attivitajiet ta' xogħlu, id-dħul tiegħu jiddependi direttament mill-qligħ li jagħmel, jista' jikkoopera ma' ħaddiema għal rashom oħrajn, u għandu relazzjonijiet kummerċjali ma' bosta klijenti. Inkella, ix-xufier jitqies bħala ħaddiem mobbli. Il-Kummissjoni biħsiebha tiffoka fuq l-applikazzjoni korretta tad-definizzjoni tal-ħaddiema mobbli fid-Direttiva.

Il-Kummissjoni tqis ukoll li s-soluzzjoni ta' din il-kwistjoni għandha tnaqqas kemm jista' jkun il-frammentazzjoni artifiċjali fl-industrija. Tinnota wkoll li restrizzjonijiet oħrajn, bħal kriterji aktar stretti għad-dħul għall-impjieg tat-trasportatur bit-triq, jistgħu jservu ta' kontrobilanċ għal kwalunkwe pressjoni potenzjali ta' frammentazzjoni maħluqa mill-esklużjoni ta' din il-kategorija ta' xufier[9].

Aspetti soċjali

Bit-terminu 'aspetti soċjali', il-Kummissjoni tifhem mhux biss is-saħħa, is-sikurezza u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema mobbli u tax-xufiera għal rashom, iżda wkoll ir-remunerazzjoni u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja personali. Dawn l-aspetti kollha flimkien jikkontribwixxu għad-dehra tal-professjoni, waħda li sal-lum għadha mhix attraenti biżżejjed biex tindirizza n-nuqqas dejjem jikber ta' xufiera professjonali madwar l-Unjoni.

Iċ-ċirkustanzi ta' kull Stat Membru f'dak li għandu x'jaqsam mal-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-settur tat-trasport bit-triq huma deskritti bis-sħiħ fil-paragrafi 2.4.3 u 2.4.4 tar-rapport tal-konsulenti, kif ukoll fl-Anness 4 tiegħu.

Rigward id-dħul, il-konsulenti osservaw li għal dawk ir-raggruppamenti ta' Stati Membri fejn il-kumpaniji ż-żgħar jew ix-xufiera għal rashom jirrappreżentaw proporzjon kbir tas-settur, id-dħul jitqies li jinsab f'livell għoli, sitwazzjoni li tirrifletti s-sigħat twal li tali xufiera normalment huma mistennija li jaħdmu. Għar-raggruppament ta' Stati Membri taċ-Ċentru/il-Punent, fejn perċentwal relattivament baxx ta' xufiera għal rashom jaqdu l-aktar lill-kumpaniji l-kbar tat-trasport bħala subkuntratturi, in-norma hija livell baxx ta' dħul. L-esklużjoni tax-xufiera għal rashom mill-ambitu tad-Direttiva tippermettilhom iżommu l-livell tad-dħul tagħhom, kif ukoll il-pożizzjoni kompetittiva tagħhom fis-settur. Filwaqt li l-Direttiva ma tindirizzax il-kwistjoni tal-profittabbiltà, jidher ċar li dan huwa aspett kruċjali għall-vijabbiltà tal-professjoni ta' xufier għal rasu fil-ġejjieni. L-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva jkollha impatt inevitabbli f'dan il-qasam, u tkun tikkontribwixxi lejn professjoni inqas attraenti mil-lat finanzjarju.

Il-konsulenti kkonfermaw li l-inklużjoni tnaqqas l-ammont ta' xogħol fiżiku li għandhom jiżvolġu x-xufiera għal rashom. Dwar il-profil psiko-soċjali fis-settur, qiesu li l-impatt ta' l-inklużjoni jkun wieħed imħallat, u osservaw li d-domandi għax-xogħol ikollhom jiġu ttrattati fi skeda ta' żmien iqsar, sitwazzjoni li twassal għal telf fil-kontroll tax-xogħlijiet. Mill-istħarriġ tagħhom jidher ċar ukoll li, imqabbla ma' ħaddiema oħrajn, ix-xufiera għal rashom illum jirrappurtaw aktar problemi ta' saħħa marbutin max-xogħol, jixtiequ jaħdmu inqas sigħat, u huma inqas sodisfatti bil-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja. Madankollu, tnaqqis fil-ħinijiet tax-xogħol iwassal ukoll għal tnaqqis fid-dħul.

Mill-istħarriġ tal-konsulenti, il-Kummissjoni tosserva l-profil tax-xufier għal rasu bħala imprenditur żagħżugħ. Fid-dawl tan-nuqqas dejjem jikber ta' xufiera fis-settur, dawn ix-xufiera għandhom l-għażla li jsiru jew ħaddiem mobbli jew xufier għal rasu. Dan ta' l-aħħar joffrilhom il-possibbiltà ta' aktar kontroll fuq ix-xogħol u dħul ogħla, bil-ħtieġa li jinvestu aktar ħin u enerġija biex ix-xogħol irendi aktar qligħ.

Għalhekk, filwaqt li jista' jkun preferibbli li jibqgħu esklużi għal raġunijiet ekonomiċi, l-impatti soċjali possibbli ta' l-esklużjoni jew l-inklużjoni jidhru inqas ovvji. L-esklużjoni aktarx li ma tgħinx biex ittaffi l-problemi tas-saħħa u tas-sikurezza; min-naħa l-oħra, l-inklużjoni tista' toħloq aktar stress u aktar piż amministrattiv għal dawk li jaħdmu għal rashom, kif ukoll tnaqqis fid-dħul tagħhom.

Konklużjonijiet

Il-Kummissjoni ħadet nota tar-riżultati ta' l-istħarriġ u l-istudju estenstivi tal-konsulenti, kif ukoll tal-fehmiet espressi f'laqgħat sussegwenti ma' l-Istati Membri u mas-sħab soċjali f'Settembru 2006, meta l-ewwel riżultati ta' l-istħarriġ kienu ġew ippreżentati.

Filwaqt li l-Kummissjoni tagħraf li l-limitazzjoni tal-ħinijiet tax-xogħol għal min jaħdem għal rasu tista' ġġib magħha ċertu titjib fis-sikurezza fit-toroq, huwa diffiċli li dan it-titjib jiġi kkwantifikat f'relazzjoni ma' fatturi oħrajn li jwasslu għall-għeja. Id-diffikultajiet li jinqalgħu fl-ispezzjonijiet, imsemmija mill-gvernijiet fl-istħarriġ tal-konsulenti, u l-atteġġament konsistenti tal-biċċa l-kbira ta' l-Istati Membri, matul id-dibattitu ta' tliet snin dwar l-infurzar permezz tad-Direttiva 2006/22/KE, favur li jiġi eskluż infurzar sistematiku tar-regoli dwar il-ħinijiet tax-xogħol mill-ambitu tagħha, fil-prattika jistgħu jagħmlu d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva ineffettivi, partikolarment fir-rigward tax-xufiera għal rashom.

F'settur frammentat ħafna, jidher li l-esklużjoni tax-xufiera għal rashom aktarx issaħħaħ ix-xejriet attwali fl-istruttura tal-professjoni, u tippermetti lix-xufiera għal rashom iżommu l-pożizzjoni kompettitiva tagħhom fl-industrija. L-indirizzar tal-kwistjoni tax-xufiera għal rashom 'foloz' għandu jservi ta' tpattija għal kwalunkwe frammentazzjoni artifiċjali.

F'dak li għandu x'jaqsam ma' l-impatt soċjali, il-Kummissjoni tagħraf li l-bilanċ tal-vantaġġi u l-inkonvenjenti globali ta' l-esklużjoni jew l-inklużjoni huwa wieħed imħallat. Żieda fis-sigħat tax-xogħol għal dawk li jaħdmu għal rashom, li d-Direttiva tagħmilha possibbli, aktarx li minnha nnifisha mhijiex ta' min wieħed jixtieqha, għax ma tkunx tfisser titjib għas-saħħa u għas-sikurezza tax-xufiera. Madankollu, l-inklużjoni tista' ġġib magħha aktar stress emozzjonali u diffikultà finanzjarja għal dawk li jaħdmu għal rashom, u tista' tkun diffiċli biex tiġi infurzata, u għaldaqstant mhux effettiva.

Tkun teħtieġ valutazzjoni ta' l-impatt oħra qabel ma toħroġ il-proposta leġiżlattiva msemmija fl-Artikolu 2.1 tad-Direttiva. Il-valutazzjoni ta' l-impatt għandha tqis ukoll diversi elementi ġodda li dehru mindu ġiet adottata d-Direttiva 2002/15/KE:

- ir-Regolament il-ġdid dwar il-ħinijiet tax-xogħol u tal-mistrieħ, id-Direttiva l-ġdida ta' infurzar u l-introduzzjoni tat-takografu diġitali reġgħu stabbilixxew il-bilanċ f'termini ta' perjodi minimi ta' mistrieħ ta' kuljum u ta' kull ġimgħa li x-xufiera għandhom dritt għalihom, il-kwantità u l-kwalità msaħħa ta' l-infurzar tas-sigħat tax-xufiera, u l-introduzzjoni ta' apparat għar-reġistrazzjoni ta' l-attivitajiet tax-xufiera li huwa aktar preċiż u sikur.

- il-Kummissjoni biħsiebha tħeġġeġ l-infurzar attiv ta' kundizzjonijiet imtejba għall-operaturi, permezz ta' proposta ġdida dwar id-dħul għall-impjieg li se tiġi addottata fl-2007. Dan għandu jgħin biex jiġi indirizzat il-fenomenu tal-ħaddiema għal rashom 'foloz'.

- il-Kummissjoni biħsiebha tiffoka fuq applikazzjoni aktar korretta u infurzabbli mill-Istati Membri tad-definizzjoni tal-ħaddiema mobbli fid-Direttiva, li tinkludi x-xufiera għal rashom foloz. Dan se jsir l-ewwel nett permezz ta' djalogu ma' l-awtoritajiet ta' l-Istati Membri u mas-sħab soċjali, biex jiżguraw allinjament korrett, iżda wkoll permezz ta' l-identifikazzjoni u t-trawwim ta' l-aħjar prattiċi ta' infurzar, u fl-aħħar permezz ta' l-użu ta' l-istrumenti legali disponibbli taħt it-Trattat, jekk il-Kummissjoni tqis li huwa xieraq.

F'din il-valutazzjoni ta' l-impatt, il-Kummissjoni se tikkunsidra wkoll l-esklużjoni sostnuta tal-ħaddiema għal rashom ġenwini mir-regoli settorjali dwar il-ħinijiet tax-xogħol, waqt li jiżguraw fl-istess ħin interpretazzjoni u implimentazzjoni stretti tad-definizzjoni tat-terminu "xufiera li jaħdmu għal rashom" miġbur fid-Direttiva, sabiex ir-regoli dwar il-ħinijiet tax-xogħol japplikaw għall-"ħaddiema għal rashom foloz".

Ir-regoli dwar ix-xogħol ta' bil-lejl

Daħla

L-introduzzjoni ta' restrizzjonijiet komuni fuq il-ħinijiet tax-xogħol għal min jaħdem bil-lejl kienet oġġett ta' polemika f'ċerti Stati Membri, għax ta' sikwit it-trasport tal-merkanzija jsir bil-lejl meta jkun hemm inqas traffiku fuq it-toroq ewlenin. Il-vantaġġ ta' vjaġġi itwal matul il-lejl minħabba n-nuqqas ta' ffullar tat-traffiku jsir inqas favorevoli jekk ikun hemm restrizzjoni speċifika fuq is-sigħat tax-xogħol ta' dawk li jaħdmu bil-lejl. Madankollu, ta' min wieħed jagħraf li f'dawn il-ħinijiet, il-livell ta' l-inċidenti tat-traffiku huwa d-doppju ta' dak matul perjodi oħra[10], u li l-għeja hija fattur rilevanti.

Il-konsegwenzi tar-regoli tad-Direttiva dwar ix-xogħol ta' bil-lejl

Dawk il-ħaddiema mobbli li s-sigħat tax-xogħol tagħhom jaqgħu fil-perjodu notturn iddeterminat mill-Istat Membru jew miftiehem bejn is-sħab soċjali jistgħu jaħdmu sa 10 sigħat f'kwalunkwe perjodu ta' 24 siegħa. Il-konsulenti jindikaw li f'bosta Stati Membri, tali regoli dwar restrizzjonijiet fuq ix-xogħol ta' bil-lejl diġà jeżistu, u għaldaqstant l-impatt tad-dispożizzjonijiet ipprovduti mid-Direttiva huwa limitat. Madankollu, jindikaw ukoll li jidher ċar mid-dejta tagħhom li l-ħaddiema ta' bil-lejl diġà jaħdmu sigħat twal, u għalhekk jissuġġerixxu, minflok dawk id-dispożizzjonijiet, il-promozzjoni ta' programm dwar kif tikkontrolla l-għeja. Il-kwistjoni ta' l-infurzar tar-restrizzjonijiet attwali, bħall-infurzar tar-regoli dwar il-ħinijiet tax-xogħol in ġenerali, għandha tiġi studjata b'aktar reqqa.

Filwaqt li jidher li m'hemmx il-ħtieġa li d-dispożizzjonijiet attwali dwar ix-xogħol ta' bil-lejl ikunu emendati jew armonizzati aktar, l-element ta' l-infurzar tar-regoli ħaqqu analiżi aktar iddettaljata.

Konklużjonijiet

Filwaqt li ma jidhirx li hemm il-ħtieġa li jiġu emendati d-dispożizzjonijiet attwali, il-kwistjoni ta' l-infurzar tibqa' rilevanti. Il-Kummissjoni, f'konsultazzjoni ma' l-awtoritajiet kompetenti ta' infurzar ta' l-Istati Membri kif ukoll mas-sħab soċjali f'livell Ewropew, se tkompli tanalizza kif jiġi żgurat ir-rispett tar-regoli dwar ix-xogħol ta' bil-lejl, u kif il-konformità tista' tinkiseb bl-aħjar mod.

Sinteżi ġenerali

Il-pass li jmiss għall-Kummissjoni huwa li twettaq valutazzjoni ta' l-impatt formali, bil-għan li tfassal proposta leġiżlattiva li temenda d-Direttiva 2002/15/KE, kif mitlub fl-Artikolu 2(1) tagħha.

Il-Kummissjoni se tikkonsulta ma' l-Istati Membri u mas-sħab soċjali billi jiltaqgħu f'livell Ewropew, sabiex teżamina aktar mekkaniżmi possibbli biex jiġi żgurat ir-rispett tar-regoli dwar il-ħinijiet tax-xogħol.

[1] ĠU L 80, 23.3.2002, p. 35.

[2] ĠU C 142, 15.5.2001, p. 24.

[3] C-184/02, Ir-Renju ta' Spanja & C-223/02, ir-Repubblika tal-Finlandja, (każijiet konġunti) 24.9.2004 rec. p. I-7789.

[4] ĠU C 43, 17.2.1999, p. 4.

[5] OJ L 370, 31.12.1985, p. 1.

[6] Le lien entre la durée de travail des conducteurs routiers et la sécurité routière au sein de l ’ Union européenne , Universität-Gesamthochschule Kassel, Institut für Arbeitswissenschaft, Ġunju 1997.

[7] Ibid, p. 170, Tabella 8.21.

[8] OJ L 102, 11.4.2006, p. 35.

[9] Ara s-sommarju tal-kontribuzzjonijiet irċevuti mill-Kummissjoni bħala tweġiba għad-dokument għall-konsultazzjoni " Revision of the Community legislation on access to the road transport market and admission to the occupation of road transport operator ". Is-sit web: http://ec.europa.eu/transport/road/consultations.

[10] Il-ġabradati CARE tal-Kummissjoni Ewropea.