52007DC0233

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u L-Bank Centrali Ewropew - L-introduzzjoni ta' l-ewro fis-Slovenja /* KUMM/2007/0233 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 4.5.2007

KUMM(2007)233 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI U L-BANK ĊENTRALI EWROPEW

L-introduzzjoni ta' l-ewro fis-Slovenja

INTRODUZZJONI

Wara li fit-2 ta' Marzu 2006 is-Slovenja kienet ressqet talba għal evalwazzjoni tal-konverġenza ibbażata fuq l-Artikolu 122(2) KE, il-Kummissjoni u l-BĊE ppreparaw ir-Rapporti ta' Konverġenza[1] rispettivi tagħhom, li jeżaminaw jekk il-pajjiż kienx irnexxilu jikseb livell għoli ta' konverġenza sostenibbli, b'mod partikolari fir-rigward tal-kriterji ta' konverġenza ta' "Maastricht" kif stipulati fit-Trattat. Wara l-proposta tal-Kummissjoni tas-16 ta' Mejju 2006, fil-11 ta' Lulju 2006 il-Kunsill iddeċieda li jħassar id-deroga tas-Slovenja. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ddeċidiet id-data ta' l-adozzjoni ta' l-ewro fis-Slovenja (l-1 ta' Jannar 2007) u r-rata ta' kambju tal-munita nazzjonali tagħha vis-à-vis l-ewro (SlT 239.640 għal kull ewro).

Wara din il-konferma tad-dħul tas-Slovenja fiż-żona ta' l-ewro, il-pajjiż intensifika u ffinalizza it-tħejjijiet prattiċi meħtieġa sabiex isseħħ il-bidla għall-ewro. Il-Pjan tas-Slovenja għall-bidla għall-Ewro huwa bbażat fuq l-hekk imsejjaħ xenarju "Big Bang"[2], fejn il-karti ta' flus u muniti ewro jibdew jintużaw fl-istess jum tad-data ta' l-adozzjoni ta' l-ewro (li fil-każ tas-Slovenja hija l-1 ta' Jannar 2007). Il-perjodu ta' ċirkolazzjoni doppja, li matulu kemm it-Tolar Sloven kif ukoll l-ewro kellhom valuta legali, beda mill-1 ta' Jannar 2007 u ntemm fl-14 ta' Jannar 2007, u wara din id-data l-ewro baqa' l-unika valuta legali.

Filwaqt li s-Slovenja gawdiet minn għadd ta' kundizzjonijiet favorevoli, ix-xogħol ta' tħejjija li wettqet f'waqtu u b'mod metikoluż għen sabiex tkun żgurata bidla b'suċċess. Din il-komunikazzjoni tippreżenta l-aspetti l-aktar importanti tal-bidla għall-ewro f'dan il-pajjiż, b'mod partikolari fir-rigward tat-tranżizzjoni tal-flus kontanti, il-konverżjoni tas-sistemi amministrattivi u finanzjarji fis-setturi pubbliċi u privati, l-iżviluppi fil-prezzijiet (u l-perċezzjonijiet dwarhom) marbuta ma' din il-bidla u l-ġudizzju ġenerali taċ-ċittadini dwar il-bidla għall-euro. Finalment, din il-Komunikazzjoni tieħu t-tagħlimiet li għandhom jitqiesu f'esperjenzi ta' bdil simili fil-futur.

Id-dħul imgħaġġel ta' l-ewro fil-ħajja ta' kuljum tas-Sloveni

Peress li pajjiżhom imiss ma' żewġ pajjiżi taż-żona ta' l-ewro (l-Italja u l-Awstrija), ħafna miċ-ċittadini Sloveni kienu diġà familjari ma' l-ewro ferm qabel ma din saret il-munita nazzjonali ta' pajjiżhom. Ir-riżultati ta' stħarriġ li sar fl-Istati Membri ġodda[3] indikaw li s-Sloveni kienu l-aktar nies familjari ma' l-ewro bħala flus kontanti, peress li 95% minnhom kienu diġà raw il-karti ta' flus ewro (kif imqabbel mal-medja ta' 77% għall-għaxar Stati Membri ġodda) u 93% kienu diġà raw il-muniti ta' l-ewro (kif imqabbel mal-medja ta' 70%). Bl-istess mod, ħafna minnhom kienu diġà użaw il-karti ta' flus ewro (80%) jew il-muniti ewro (77%). Minn ferm qabel l-1 ta' Jannar 2007, ħafna ċittadini u intrapriżi Sloveni kellhom ċerti ammonti ta' flus kontanti ewro, jew kienu fetħu kont bankarju fil-valuta ta' l-ewro.

Malli l-ewro sar il-valuta legali fl-1 ta' Jannar 2007, is-sehem relattiv tagħha fiċ-ċirkolazzjoni żdied malajr kif muri fil-Grafika 1, li hija bbażata fuq ir-riżultati ta' stħarriġ telefoniku li sar kuljum fost kampjun tal-popolazzjoni Slovena u li ġie organizzat għall-Kummissjoni, li talabhom informazzjoni dwar il-flus kontanti li jġorru magħhom. Sa mill-5 ta' Jannar (filgħaxija), aktar min-nofs tan-nies mistħarrġa stqarrew li fuqhom iżommu biss karti ta' flus u muniti ewro.

Grafika 1

[pic]

Dawk li wieġbu għal dan l-istħarriġ kienu mitluba wkoll li jistqarru l-mod li bih l-aħħar li kienu ħallsu fi flus kontanti (ara l-Grafika 2). Fl-4 ta' Jannar 2007, aktar minn nofs it-totali ta' ħlasijiet fi flus kontanti saru bil-valuta ta' l-ewro. Fil-jiem ta' wara, is-sehem ta' ħlasijiet bl-ewro kompla jikber b'mod qawwi. Il-Grafika 2 tkompli turi x-xebħ fil-progress li għamel l-ewro ma' l-evoluzzjoni medja osservata fiż-żona ta' l-ewro matul l-esperjenza ta' l-ewwel dħul ta' l-ewro fl-2002.

Grafika 2

[pic]

Filwaqt li s-Slovenja gawdiet minn għadd ta' kundizzjonijiet favorevoli, it-tranżizzjoni b'suċċess mit-tolar għall-ewro żgur li għandha tiġi attribwita għall-kwalità u l-mod metikoluż li bihom il-pajjiż għamel it-tħejjijiet prattiċi meħtieġa għall-introduzzjoni ta' l-ewro, li kienu diġà nbdew bis-serjetà qabel Jannar 2005, meta ġie adottat il-pjan nazzjonali għall-bidla[4]. Din il-komunikazzjoni tkompli tanalizza l-elementi differenti li wasslu għal dan is-suċċess.

Il-bidla għall-ewro fis-Slovenja tikkonferma b'mod ċar l-esperjenza ta' l-ewwel mewġa ta' pajjiżi li daħlu fiż-żona ta' l-ewro li kienet turi li tħejjijiet proattivi u f'waqthom iwasslu għar-riżultati mixtieqa. Il-pajjiżi li jkunu ppreparati sewwa jirnexxilhom jagħmlu l-bidla f'pajjiżhom b'aktar ħeffa u b'inqas xkiel, u ċ-ċittadini jilqgħu l-bidla b'mod aktar pożittiv.

IT-TRANżIZZJONI TAL-FLUS KONTANTI FIS-SLOVENJA

It-tranżizzjoni tal-flus kontanti tikkostitwixxi l-aktar element viżibbli tat-tranżizzjoni fil-pajjiż. Kważi ċ-ċittadini u l-intrapriżi kollha huma kkonċernati direttament minn din l-operazzjoni. Is-suċċess li tikseb jiddependi ħafna mill-forniment minn kmieni (min-naħa tal-bank ċentrali nazzjonali), jiġifieri minn qabel il-jum tal-data tal-bidla għall-ewro (jum-€), ta' karti ta' flus u muniti ewro lil banek u istituzjonijiet finanzjarji oħra (" frontloading "). Min-naħa tagħhom, il-banek jippruvaw jiżguraw illi l-intrapriżi involuti f'operazzjonijiet fi flus kontanti, u b'mod partikolari l-bejjiegħa, ikunu fornuti bi flus kontanti ewro qabel il-jum-€, speċjalment sabiex jippermetilhom li jkunu jistgħu jagħtu l-bqija fl-ewro biss, u b'hekk ikun evitat ir-riċiklaġġ tal-valuta l-qadima. Filwaqt li jdaħħlu fiċ-ċirkolazzjoni l-flus kontanti bil-valuta ta' l-ewro, il-banek u l-bejjiegħa jeħtiġilhom ilaħħqu mad-dħul imgħaġġel tal-valuta l-qadima.

Operazzjonijiet ta' frontloading u sub-frontloading qabel jum-€

Il-Bank of Slovenia rċieva t-total ta' 94.5 miljun karta tal-flus mill-istokkijiet loġistiċi ta' l-Eurosystem li kellhom valur nominali ta' 2 175.0 miljun[5]. Total ta' 296.3 miljun munita bil-valuta ta' l-ewro, li kellhom valur nominali ta' 104.0 miljun kienu fornuti miz-Zekka tal-Finlandja[6].

L-operazzjonijiet ta' frontloading ta' muniti ewro lil istituzzjonijiet ta' kreditu nbdew fil-25 ta' Settembru 2006, u fid-29 ta' Novembru 2006 għal dawk li huma karti ta' flus ewro. B'kollox, sa tmiem l-2006, il-banek tas-Slovenja rċivew b'kemm jiswew €772 miljun f'karti ta' flus u 250 miljun munita (li jiswew madwar €84 miljun).

Il-proċess ta' sub-frontloading lil bejjiegħa u intrapriżi oħra minn istituzzjonijiet ta' kreditu inbeda f'Diċembru 2006. Is- sub-frontloading ta' karti ta' flus euro jirrapreżenta 0.9% ta' l-ammont frontloaded totali, u 7,4% tal-valur fir-rigward tal-muniti. Dan jinkludi l-forniment ta' starter kits ippakkjati minn qabel għal klijenti professjonali li kull wieħed jiswa €201, kif ukoll l-450 000 mini-kits (li jiswew €12.52 il-wieħed), li fihom munita jew aktar ta' l-ewro minn kull denominazzjoni, li l-banek qiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku Sloven fil-15 ta' Diċembru 2006, u li kważi inbiegħu kollha. Is- sub-frontloading kellu rwol relattivament modest meta mqabbel mat-tranżizzjoni tal-flus kontanti fl-2002. Madankollu, ħafna intrapriżi u ċittadini Sloveni kienu diġà akkwistaw, jew ġa kellhom, flus kontanti ewro li kienu kisbu minn bnadi oħra.

Il-perjodu ta' ċirkolazzjoni doppja

L-awtoritajiet Sloveni iddeċidew li jqassru kemm jista' jkun il-perjodu ta' ċirkolazzjoni doppja. Il-Pjan oriġinali, adottat f'Jannar 2005, kien jaħseb għal perjodu limitat ta' gimgħa biss, iżda mbagħad, f'verżjoni oħra tal-pjan, dan kien estiż għal tul ta' gimagħtejn Dan it-tul taż-żmien kien konsiderevolment iqsar mill-perjodi ta' ċirkolazzjoni doppja applikati fl-2002, li kienu jvarjaw bejn pajjiż u ieħor u spiss kienu jtulu għal perjodi li jwasslu sa xahrejn[7].

Filwaqt li fl-2007 l-banek kummerċjali ma fetħux qabel it-3 ta' Jannar, xi wħud minnhom fetħu l-fergħat tagħhom (total ta' 52 fil-pajjiż kollu) fl-ewwel u t-tieni ta' Jannar għal operazzjonijiet ta' bdil ta' flus kontanti biss. Barra minn hekk, il-Bank of Slovenia fetaħ il- counter tiegħu stess.

Il-konverżjoni ta' l- automated teller machines (ATMs) seħħet b'pass imgħaġġel tant li żewġ terzi mill-1 500 ATM li hemm fil-pajjiż setgħu jagħtu karti ta' flus ta' l-ewro sa mill-4 ta' filgħodu ta' l-1 ta' Jannar 2007, filwaqt li sa tmiem l-istess jum aktar minn 93% minnhom kienu jaħdmu bl-ewro. Sat-3 ta' Jannar, il-konverżjoni ta' l-ATMs kollha kienet lesta. Ir-rata li biha saret il-konverżjoni ta' l-ATMs tixbah ħafna 'l dik li seħħet fl-2002.

Madankollu, in-numru baxx ta' tranżizzjonijiet permezz ta' l-ATMs fl-ewwel jiem ta' Jannar 2007, li kien ferm inqas mill-medja ta' kuljum, ivarja notevolment mill-esperjenza ta' l-ewwel mewġa ta' bdil fl-2002, meta kienu rreġistrati massimi fl-għadd ta' operazzjonijiet ta' kuljum u fit-total ta' flus kontanti li nġibdu miċ-ċittadini li daru għall-ATMs sabiex jiksbu l-ewwel karti ta' flus ewro tagħhom. Parti mir-raġuni għal din il-ħerqa tista' tkun il-kurżità tagħhom biex jaraw l-ewwel karti ta' flus ewro. Fis-Slovenja, din il-kurżita kienet kważi ineżistenti, peress li l-popolazzjoni kienet diġà familjari ħafna mal-flus kontanti ewro ferm qabel din ġiet adottata mill-pajjiż. Barra minn hekk, id- data li nġabret permezz ta' stħarriġ telefoniku li sar fis-29 ta' Diċembru 2006 (ara l-Grafika 1) ikkonfermat li parti sostanzjali tal-popolazzjoni diġà kellha flus kontanti ewro sa minn qabel il-jum-€. Il-biċċa l-kbira taċ-ċittadini u intrapriżi ma kellhom l-ebda diffikultà jiksbu flus kontanti ewro, anke minn ferm qabel il-jum-€.

Il-konverżjoni tan-netwerk ta' terminals ta' ħlas fil-post tal-bejgħ ( Point of Sale (POS)) intemmet fis-sigħat bikrija ta' l-1 ta' Jannar 2007. L-għadd ta' operazzjonijiet fil-POS mit-3 ta' Jannar, meta reġgħu fetħu l-ħwienet, sas-6 ta' Jannar reġa' għal livelli normali.

Id-disponibilità wiesgħa ta' flus kontanti fil-valuta ta' l-ewro, kemm qabel kif ukoll wara l-jum-€, kien ta' importanza sabiex it-tranżizzjoni tal-flus kontanti sseħħ mingħajr xkiel. Filwaqt li r-rata tat-tranżizzjoni tal-flus kontanti kienet tixbah ħafna lil dik ta' l-ewwel mewġa ta' pajjiżi li qalbu għall-ewro fl-2002, iċ-ċittadini u l-intrapriżi kellhom aktar żmien u opportunità sabiex jiksbu l-ammonti ta' flus ewro li kienu jeħtieġu.

It-tranżizzjoni tal-flus kontanti fis-Slovenja tkompli tikkonferma l-prattiċità teknika ta' perjodu qasir (ġimagħtejn) għaċ-ċirkolazzjoni doppja, li jgħin sabiex jitnaqqas il-piż minn fuq il-bejjiegħa u negozji oħra.

Il-ġbir veloċi tal-valuta storika

Il-fluss lura tat-tolar fi flus kontanti beda f'Novembru u Diċembru 2006 (mill-1 ta' Diċembru 2006, xi banek kienu offrew lill-klijenti tagħhom li jkunu jistgħu jiddepożitaw flus kontanti ewro fil-kont bankarju tagħhom bir-rata ta' kambju mingħajr ma jħallsu spejjeż bankarji). Fl-1 ta' Jannar, kienu nġabru kważi 28%[8] tal-bilanċ tal-valur totali tal-karti ta' flus tolar; Il-valur ta' muniti tolar li kien miġbur sa dan iż-żmien kien għadu negliġibbli meta mqabbel mat-total fiċ-ċirkolazzjoni[9].

Il-fluss lura tal-valuta storika kompla miexi b'pass imgħaġġel (ara l-Grafika 1): Aktar min-nofs il-bilanċ tal-valur ta' karti ta' flus tolar kien diġà nġabar sa l-4 ta' Jannar 2007 u aktar minn 80% sal-11 ta' Jannar 2007. Fl-aħħar ta' Jannar, 8.5% biss tal-karti ta' flus tolar kienu għadhom fiċ-ċirkolazzjoni. Dan jikkompara favorevolment mas-sitwazzjoni taż-żona ta' l-ewro fl-2002, peress li sa nofs Jannar kienu għadhom inġabru biss 40% tal-valuta storika u 70% sa l-aħħar ta' l-istess xahar. Il-ġbir tal-muniti tolar kien ħafna aktar gradwali (ara l-Grafika 1), peress li sa l-aħħar ta' Jannar kien għad fadal 71.5% x'jinġabru.

Grafika 3

[pic]

Il-ġbir veloċi tal-valuta storika, li fl-ewwel mewġa ta' tranżizzjoni li seħħet fl-2002 kien ikkawża problemi kbar, sar b'ħeffa mhux tas-soltu, partikolarment fir-rigward tal-karti ta' flus tolar.

Fil-banek, sa l-1 ta' Marzu 2007, kien għadu possibbli li wieħed jibdel il-flus kontanti mingħajr ma jħallas spejjeż bankarji. Minn wara din id-data, il-Bank of Slovenia ser jibqa' jibdel il-karti ta' flus tolar mingħajr ma jżomm spejjeż bankarji għal perjodu illimitat, u l-muniti tolar sa l-aħħar ta' l-2016.

Bħala servizz dirett lil-pubbliku ġenerali, u skond l-Artikolu 52 ESCB/ECB, il-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosystem ħadu miżuri sabiex jiżguraw li matul l-ewwel xahrejn ta' l-2007 il-karti ta' flus tolar, li jkollhom valur counter ta' mhux aktar minn €1 000 għal kwalunkwe parti/tranżizzjoni u fi kwalunkwe jum, ikunu jistgħu jinbidlu f'ewro b'valur at par f'mill-inqas post wieħed fit-territorju nazzjonali tagħhom (kienu saru arranġamenti bħal dawn fiż-żmien tat-tranżizzjoni ta' flus kontanti fl-2002).

Il-konverżjoni ta' sistemi finanzjarji amministrattivi

Madwar 2.3 miljun kont bankarju li kienu f'isem persuni privati jew entitajiet legali ġew maqlubin għal ewro b'suċċess. Fl-ewwel jiem ta' Jannar, ħafna aktar nies daru għall-ATMs sabiex jivverifikaw il-bilanċ tal-kont tagħhom fl-ewro.

Fir-rigward tal-konverżjoni ta' sistemi amministrattivi, finanzjarji, ta' kontabilità u sistemi relati oħra, ix-xenarju " Big-bang " jesiġi ferm aktar minn dak "Madrid" li kien applikat għall-ewwel mewġa ta' konverżjoni. Fil-fatt, f'dak iż-żmien, il-maġġoranza ta' amministrazzjonijiet pubbliċi u intrapriżi privati bbenefikaw minn perjodu ta' tranżizzjoni ta' tliet snin li beda fl-1999 u ntemm fl-2001 (fil-każ tal-Greċja, sena waħda) sabiex jaqilbu dawn is-sistemi għall-ewro. Peress li x-xenarju " Big-bang " ma jippermettix perjodu ta' tranżizzjoni bħal dan, l-amministrazzjonijiet u intrapriżi Sloveni kollha kienu mistennija li sal-31 ta' Diċembru 2006 joperaw esklussivament fit-tolar, u jaqilbu s-sistemi kollha tagħhom għall-ewro sa mill 1 ta' Jannar 2007.

L-intrapriżi u l-amministrazzjonijiet pubbliċi Sloveni laqgħu din l-isfida b'suċċess billi ħejjew ruħhom b'mod xieraq u f'waqtu. Skond l-informazzjoni miġbura mill-Flash Eurobarometer 201a li sar fi Frar 2007, [10]31% ta' l-intrapriżi Sloveni bdew it-tħejjijiet tagħhom fl-ewwel nofs ta' l-2006 jew qabel, filwaqt li 64% bdew wara Ġunju 2006. Aktar minn 94% tan-negozji Sloveni kkonfermaw li s-sistemi tagħhom ta' kontabilità, ħruġ ta' fatturi u tal-pagi tal-ħaddiema kienu lesti minn kollox sabiex jaqilbu għall-ewro fl-1 ta' Jannar 2007. Ma kien hemm jew ġew irrappurtati ebda problemi partikolari.

It-tranżizzjoni fis-Slovenja tikkonferma r-rilevanza tal-metodu " Big-bang " għall-pajjiżi li ser jidħlu fil-futur, b'mod partikolari għall pajjiżi ż-żgħar. Peress li l-flus kontanti fl-ewro ilhom disponibbli mill-2002, dan ix-xenarju jidher li hu l-aktar wieħed attraenti għal membri futuri taż-żona ta' l-ewro, notevolment minħabba s-sempliċità tiegħu f'dik li hija komunikazzjoni u informazzjoni.

Żviluppi tal-prezzijiet

Monitoraġġ tal-prezzijiet matul it-tranżizzjoni

Id- Dual display tal-prezzijiet inbdiet f'Marzu 2006 u b'liġi, għandha tkompli sa nofs l-2007. L-Għaqda tal-Konsumaturi Slovena kienet qiegħda timmonitorja l-prezzijiet ( PriceWatch ) filwaqt li tibbenifika minn dak li jgħid il-konsumatur, billi stiednet lill-pubbliku sabiex jirrapporta żidiet sinifikanti fil-prezzijiet, pereżempju kif jirriżulta minn taqbil bejn irċevuti u fatturi qodma (fit-tolar) u kontijijiet ġodda (fl-ewro). Kwalunkwe żidiet kbar fil-prezzijiet li jkunu kkonfermati wara verifikazzjoni jiġu rrapportati lill-pubbliku fuq bażi regolari. Din il-politika ta' rapportaġġ tgħin sabiex il-konsumaturi jinnotaw iż-żidiet fil-prezzijiet mill-ewwel u għaldaqstant tikkontribwixxi sabiex jitnaqqsu l-abbużi.

L-Għaqda tal-Konsumaturi Slovena enfasizzat ukoll li l-prezzijiet tas-servizzi bankarji żdiedu b'mod sinifikanti matul l-2006. L-Għaqda tal-Konsumaturi ssosstni li l-banek bdew jgħollu l-prezz ta' xi wħud mis-servizzi tagħhom sa mill-bidu ta' l-2006 (pereżempju, il-kummissjoni fuq ġbid ta' flus kontanti mill-ATMs). Fir-rigward ta' servizzi ta' ħlas lill-konsumaturi (ġestjoni ta' kontijiet, operazzjonijiet bankarji online , etc), bejn Marzu u Diċembru 2006, f'ċerti banek ġew innotati żidied sinifikanti fil-prezzijiet, filwaqt li xi negozji żgħar ilmentaw dwar kummissjonijiet għoljin fuq id-depożitu ta' flus kontanti.

Evoluzzjoni tal-prezzijiet minn Diċembru 2006 u sa Frar 2007

Fis-Slovenja, ir-rata annwali ta' l-HICP (Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur) għal Jannar 2007 kienet 2.8%, li hija 3.0% anqas minn dik għal Diċembru 2006. Dan wera rata ta' tnaqqis minn xahar għall-ieħor (-0.5%), kif kien il-każ f'kull Jannar ta' dawn l-aħħar snin, minħabba l-impatt tal-bejgħ staġonali. Skond ma ġie rrappurtat mill-Uffiċċju ta' l-Istatistika tar-Repubblika tas-Slovenja (SORS), it-tnaqqis f'Jannar 2007 kien kemmxejn akbar minn dak li kien osservat fl-istess xahar tas-snin ta' qabel, l-aktar minħabba ċaqliq fil-prezzijiet ta' l-enerġija. Fi Frar 2007, ir-rata ta' inflazzjoni annwali ta' l-HICP kompliet nieżla għal 2.3%.

F'Jannar 2007 is-SORS xandar l-ewwel analiżi tiegħu ta' l-impatt tat-tranżizzjoni fuq il-prezzijiet f'Diċembru ta' l-2006. Ġew osservati xi żidiet mhux tas-soltu fil-prezzijiet ta' restoranti, ħwienet tax-xorb u tal-kafè, kif ukoll żieda fil-prezzijiet fi gruppi oħrajn ta' nfiq (servizzi personali, servizzi taż-żraben, tiswija ta' tagħmir domestiku, servizzi ta' tiswija u servizzi ta' trasport). F'Diċembru 2006, l-impatt taż-żidiet mhux tas-soltu fil-preżżijiet tar-restoranti, ħwienet tax-xorb u tal-kafè kienet stmata bħala 0.12 punti perċwentali, b'impatt addizzjonali ta' 0.12 punti perċentwali mill-gruppi oħrajn ta' nfiq. Għal Jannar 2007, is-SORS ġibed l-attenzjoni għal aktar żidiet mhux tas-soltu fil-prezzijiet għall-istess xiri u magħhom żdiedu wkoll il-prezzijiet tas-servizzi tar-rikreazzjoni u ta' l-isports.

Fuq bażi ta' l-informazzjoni preliminari li rrappurtat is-SORS, l-Eurostat tikkunsidra li l-impatt totali probabbli tat-tranżizzjoni fuq l-inflazzjoni tal-prezzijiet għall-konsumatur matul u wara l-perjodu tat-tranżizzjoni jista' jitla' sa 0.3 punti perċentwali. Meta wieħed iqis it-tnaqqis għal 2.8% fir-rata ta' inflazzjoni annwali ta' l-HICP fuq l-oġġetti kollha f'Jannar 2007, u aktar tnaqqis fi Frar 2007, dan ir-riżultat juri wkoll li l-effetti tat-tranżizzjoni, għalkemm notevoli, ma jidherx li huma tant kbar li jżidu l-inflazzjoni fil-prezzijiet għall-konsumatur kif imkejjel mill-HICP fuq l-oġġetti kollha. Dawn l-osservazzjonijiet jaqblu sew ma' dak li ġara fl-ewwel pajjiżi li kienu għamlu din it-tranżizzjoni qabel[11]. L-Istitut ta' l-Analiżi u Żvilupp Makroekonomiku tas-Slovenja għamel ukoll analiżi ta' l-effett tat-tranżizzjoni fuq l-inflazzjoni. Il-konklużjoni preliminari tiegħu hi li l-effett totali fuq iċ-CPI jammonta għal 0.24 punti perċentwali.

L-Eurostat għandha taġġorna l-konklużjonijiet tagħha dwar l-impatt tat-tranżizzjoni, hekk kif aktar informazzjoni tkun disponibbli.

Il-mod li bih intlaqa' l-bdil fil-prezzijiet

Ix-xebh ma' l-ewwel esperjenza ta tranżizzjoni jgħodd ukoll għall-mod li bih intlaqa' l-bdil fil-prezzjijiet, peress li fis-Slovenja, f'Jannar 2007 l-inflazzjoni nħasset li żdiedet ħafna, u fi Frar kompliet tiżdied bi ftit ieħor (ara l-Grafika 4), minkejja li fil-fatt f'dawn ix-xahrejn il-prezzijiet raħsu. Madankollu, f'Marzu nħass li l-inflazzjoni naqset. Għalkemm għadu kmieni wisq biex wieħed jagħmel konklużjoni, dan it-tnaqqis jista' jagħti wieħed x'jifhem li l-isforzi intensifikati ta' komunikazzjoni mill-awtoritajiet Sloveni qed ikunu effettivi.

Grafika 4

L-inflazzjoni attwali u perċepita fis-Slovenja

[pic]

Sors: Eurostat

Jekk ir-riżultati ta' Marzu jiġu kkonfermati b'aktar data , dak li jiġri fis-Slovenja jista' jkun differenti minn dak li ġara fiż-żona ta' l-ewro, fejn l-inflazzjoni perċepita telgħet f'daqqa u b'mod konsistenti għal kważi sena sħiħa wara l-introduzzjoni tal-karti ta' flus u muniti ewro fl-2002 (ara l-Grafika 5). Ħames snin wara li seħħ dan, id-differenza bejn iż-żewġ suċċessjonijiet qiegħda tonqos gradwalment iżda għadha ma ġietx eliminata.

Grafika 5

L-inflazzjoni attwali u perċepita fiż-żona ta' l-ewro

[pic]

Sors: Eurostat

L-esperjenza tat-tranżizzjoni fis-Slovenja terġa' turi illi fir-rigward ta' l-evoluzzjoni tal-prezzijiet il-perċezzjonijiet, dak li jkun mistenni li jseħħ u dak li jseħħ fir-realtà mhux neċessarjament jaqblu. Il-bidla fil-munita taffettwa l-iskala tal-valuri tan-nies u tagħti bidu għal proċess gradwali ta' aġġustament mentali li għandu rwol f'dan il-proċess. Il-mod li bih jinħassu li nbidlu l-prezzijiet jibqa' preokkupazzjoni prinċipali għal tranżizzjonijiet li għad isiru fil-futur.

Ir-reazzjoni tal-pubbliku għat-tranżizzjoni għall-ewro

Il-Flash Eurobarometer 205 tal-Kummissjoni, li kien sar lejn l-aħħar ta' Jannar 2007, jikkonferma s-sodisfazzjon tal-biċċa l-kbira (95%)[12] taċ-ċittadini Sloveni dwar il-mod effiċjenti u bla xkiel li bih saret it-tranżizzjoni. Dan ifisser riżultat eċċelenti meta mqabbel ma' l-esperjenza ta' l-ewwel mewġa ta' pajjiżi li daħlu fiż-żona ta' l-ewro, peress li kienu ftit il-pajjiżi li laħqu l-livell ta' 90%, filwaqt li l-medja kienet qrib it-80%.

Fir-rigward tat-tranżizzjoni tal-flus kontanti, 97% ma kellhomx problemi biex jaqilbu l-flus kontanti minn tolar għal ewro jew sabiex jiġbdu mill-banek il-flus kontanti f'ewro fl-ewwel ġimgħa ta' Jannar. In-nies li wieġbu għall-istħarriġ qablu wkoll dwar l-utilità tad- dual displays tal-prezzijiet (84%) u dwar l-implimentazzjoni korretta tagħhom (94%).

L-istampa hi aktar varjata fir-rigward tal-konverżjoni tal-prezzjijiet, fejn maġġoranza żgħira (56%) taħseb li din saret b'mod ġust, filwaqt li l-bqija tan-nies mistħarrġa (44%) jaħsbuha l-kontra. Minorità ta' 38% biss lesta temmen li t-"taqrib" tal-prezzijiet matul u wara il-perjodu tat-tranżizzjoni sar b'mod ġust, bi 62% jaħsbuha kontra.

Finalment, 92% taċ-ċittadini Sloveni jħossu li huma infurmati sew dwar l-ewro (saħansitra 36% jikkunsidraw lilhom infushom li huma infurmati tajjeb ħafna), u 91% huma sodisfatti jew sodisfatti ħafna bl-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet nazzjonali. Dawn ir-rati għoljin ta' approvazzjoni jikkorroboraw il-livell għoli ta' sodisfazzjon għall-ammont ta' informazzjoni (99.2%) mkejjel minn stħarriġ Eurobarometer simili li sar fi Frar 2006 fost intrapriżi Sloveni.

L-opinjoni pubblika fis-Slovenja terġa' tikkonferma ir-rwol kruċjali ta' l-informazzjoni u tal-komunikazzjoni sabiex ikun żgurat proċess ta' tranżizzjoni b'suċċess.

Iċ-ċittadini u l-intrapriżi li jingħataw informazzjoni sħiħa dwar il-konsegwenzi prattiċi ta' l-ewro jħossuhom dejjem aktar kunfidenti dwar l-introduzzjoni tal-munita unika u jidher li ftit li xejn jiltaqgħu ma' diffikultajiet. Għall-kuntrarju, in-nuqqas ta' informazzjoni tipikament tnissel biża' u nuqqas ta' ftehim.

[1] COM(2006)224 tas-16 ta' Mejju 2006 u r-Rapport ta' Konverġenza ta' Mejju 2006 tal-BĊE.

[2] Il-pajjiżi li bħalissa jiffurmaw iż-Żona Ewro kienu introduċew l-ewro skond ix-xenarju "Madrid", li kien jinvolvi perjodu ta' tranżizzjoni ta' tliet snin, fejn l-ewro saret il-munita tagħhom fl-1999 (u fl-2001 għall-Greċja), filwaqt li l-karti ta' flus u muniti ewro ma bdewx jintużaw qabel l-2002.

[3] L-istħarriġ Flash Eurobarometer 191 tal-Kummissjoni, li sar f'Settembru 2006.

[4] Ara wkoll ir-Raba' Rapport tal-Kummissjoni dwar it-tħejjijiet prattiċi għat-tkabbir fil-futur taż-Żona Ewro (COM(2006)671 ta' l-10 ta' Novembru 2006).

[5] Id- data dwar il-bidla tal-flus kontanti ingħatat mill-Bank of Slovenia u mill-BĊE.

[6] Is-Slovenja ma għandhiex zekka nazzjonali u wara proċedura tas-sejħiet għall-offerti pubblika għażlet iz-zekka tal-Finlandja sabiex tforniha bil-muniti.

[7] F'disa' pajjiżi (il-Belġju, il-Greċja, Spanja, l-Italja, il-Lussemburgu, l-Olanda, l-Awstrija, il-Portugall, il-Finlandja), il-perjodu ta' ċirkolazzjoni doppja dam mill-1 ta' Jannar sat-28 ta' Frar 2002. Fl-Irlanda intemm fid-9 ta' Frar 2002 u fi Franza fis-17 ta' Frar 2002. Fil-Ġermanja, dan il-perjodu tnaqqas għal-xejn, għalkemm flus kontanti fil-valuta tad-DEM setgħu jibqgħu jintużaw sat-28 ta' Frar 2002 fuq bażi ta' dikjarazzjoni konġunta ta' għaqdiet ta' bejjiegħa u bankarji.

[8] Fil-31.12.2006, il-valur totali tal-karti ta' flus tolar fiċ-ċirkolazzjoni kien jammonta għal SlT 149 631 biljun (€622.7 miljun), li jirrappreżenta 72.1% tal-valur medju ta' karti ta' flus tolar fiċ-ċirkolazzjoni li kien hemm f'Ottubru 2006 (SlT 207 039 biljun li jikkorrispondu għal €864 miljun).

[9] Fil-31.12.2006, il-valur totali ta' muniti tolar fiċ-ċirkolazzjoni kien jammonta għal SlT 3 602 biljun (€15.0 miljun), li jirrappreżenta 96.0% tal-valur medju ta' muniti flus tolar fiċ-ċirkolazzjoni li kien hemm f'Ottubru 2006 (SlT 3 752 biljun li jikkorrispondu għal €15.7 miljun).

[10] Ara http://ec.europa.eu/public_opinion/euro_en.htm għall-Eurobarometers kollha fuq l-ewro.

[11] Stqarrija ta' l-Istampa ta' l-Eurostat 69/2003 tat-18/06/2003.

[12] Il-perċentwali f'dan il-qasam huma bbażati fuq rispondenti li jagħtu tweġiba speċifika, u ma jitqisux dawk li ma għandhomx opinjoni fuq il-kwistjoni.