52007DC0226

Green Paper dwar is-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur fis-Suq Waħdieni /* KUMM/2007/0226 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 30.4.2007

KUMM(2007) 226 finali

GREEN PAPER

dwar is-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur fis-Suq Waħdieni

(preżentata mill-Kummissjoni)

GREEN PAPER

dwar is-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur fis-Suq Waħdieni

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

Sommarju

Il-Kummissjoni bħalissa qed tirrevedi s-suq intern sabiex tiżgura li l-politika dwaru hija tajba għas-seklu 21. Ir-rapport interim tal-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa jiddeskrivi l-istrateġija l-ġdida biex jintużaw l-istrumenti tas-suq waħdieni, u jiffoka fuq it-tibjib tal-benessri tal-konsumatur[1]. Il-Kummissjoni se tippreżenta r-rapport finali fil-Ħarifa 2007, li se jinkludi miżuri konkreti li huma ta' benefiċċju għaċ-ċittadini. Is-servizzi finanzjarji għall-konsumatur jirrapreżentaw parti importanti f'din il-ħarsa mill-ġdid.

Is-servizzi finanzjarji għall-konsumatur huma parti essenzjali mill-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini ta’ l-UE. Minkejja li f’dawn l-aħħar snin sar progress sinifikanti fil-prestazzjoni tas-suq waħdieni għas-servizzi finanzjarji, l-istudji jindikaw li l-integrazzjoni tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur għadha ma laħqitx il-potenzjal tagħha, u li f’ċerti oqsma l-kompetizzjoni għadha mhix biżżejjed.

Waqt li jibnu fuq il- White Paper tal-Kummissjoni dwar is-Servizzi Finanzjarji 2005–2010[2], ir-riżultati ta’ l-istħarriġ tas-settur riċenti tal-Kummissjoni dwar is-settur bankarju għall-konsumatur[3] u r-rapport interim dwar l-assigurazzjoni fuq il-kummerċ[4], il- Green Paper tipprova ssaħħaħ u tapprondixxi l-ftehim tagħna dwar il-problemi li jiltaqgħu magħhom il-konsumaturi u l-industrija fil-qasam tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur u biex tistabbilixxi l-għan u t-tfixxil għal aktar inizjattivi f'dan il-qasam. Ir-riżultati speċifiċi ta' din il-konsultazzjoni, li jinkludu miżuri possibbli biex jitjieb il-funzjonament tas-swieq tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur, se jkunu inkorporati fir-rapport finali tar-Reviżjoni tas-Suq Waħdieni, li se tiġi ppubblikata fil-Ħarifa.

Il- Green Paper tistipula l-għanijiet globali tal-Politika tal-Kummissjoni fil-qasam tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur, tippreżenta f'aktar detall l-azzjonijiet neċessarji biex il-benefiċċji tas-suq finanzjarju integrat ta' l-UE igawdu minnhom l-utenti u tirrikjedi rispons mill-partijiet kollha dwar id-direzzjoni li qed tittieħed.

Il-Kummissjoni temmen li l-integrazzjoni fis-swieq tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur ta’ l-UE tista’ tiġi żviluppata aktar billi:

- jiġu żviluppati benefiċċji konkreti billi jiġi żgurat li s-swieq miftuħa kkontrollati kif xieraq u l-kompetizzjoni b’saħħitha joħolqu prodotti li jilħqu l-ħtiġiet tal-konsumaturi, u li joffru l-għażla, il-valur u l-kwalità;

- tissaħħaħ il-kunfidenza tal-konsumatur billi jiġi żgurat li l-konsumaturi jkunu mħarsa kif xieraq fejn ikun meħtieġ, u li l-fornituri jkunu finanzjarjament b’saħħithom u ta’ fiduċja;

- il-konsumaturi jingħataw is-setgħa biex jieħdu deċiżjonijiet tajba għaċ-ċirkostanzi finanzjarji tagħhom. Dan huwa bbażat fuq diversi elementi, inkluż l-għarfien finanzjarju; l-għoti ta’ informazzjoni ċara, xierqa u f’waqtha; il-pariri ta’ kwalità għolja; u l-kundizzjonijiet ugwali bejn il-prodotti meqjusa li għandhom karatteristiċi simili. Il-konsumaturi li jingħataw is-setgħa jistgħu jkunu aktar kunfidenti li jsibu l-aħjar prodotti li jilħqu l-ħtiġiet tagħhom, minkejja fejn jinstab il-fornitur tas-servizzi finanzjarji.

Filwaqt li f’ċerti oqsma l-inizjattivi fuq il-livell ta’ l-UE qed jitħejjew jew huma imminenti, bħalma huma l-fondi ta’ l-investiment, il-pagamenti, l-assigurazzjoni, is-self għad-djar, il-kontijiet bankarji u l-intermedjarji ta’ kreditu, f’oqsma oħrajn, bħalma huma it-tifdil ta' l-irtirar kif ukoll l-għarfien finanzjarju, ix-xogħol għadu fi stadju aktar preliminari.

Il-Kummissjoni tikkunsidra li hemm il-ħtieġa għal attenzjoni kontinwa sabiex jiġi żgurat li ċ-ċittadini jgawdu mill-benefiċċji ta’ suq waħdieni. Fit-twettiq ta’ l-istrateġija tagħha, il-Kummissjoni se tadotta metodu miftuħ u inklussiv u se tindirizza l-problemi, se tikkunsidra l-iskala sħiħa ta’ għodod ta’ politika u, fejn ikun meħtieġ, se tieħu azzjoni mmirata.

Il-Kummissjoni tilqa’ l-kummenti ġenerali u r-rispons mill-partijiet interessati dwar il-kontenut ta’ dan id-dokument u se twieġeb għall-mistoqsijiet li hemm fih. It-tweġibiet għandhom jintbagħtu sas-16 ta’ Lulju 2007 lil markt-retail-consultation@ec.europa.eu. It-tweġibiet se jitpoġġew fuq il-websajt tal-Kummissjoni sakemm ma jiġix indikat mod ieħor.

1. Daħla

1. Bħalissa l-Kummissjoni qed tirrevedi s-suq waħdieni sabiex tiżgura li l-politiki tagħha jkunu adattati għas-seklu 21. Ir-rapport interim lill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa jagħti ħarsa lejn il-metodu l-ġdid għall-użu ta’ l-istrumenti tas-suq waħdieni, u jiffoka fuq it-tisħiħ tal-benesseri tal-konsumatur[5]. Il-Kummissjoni se tippreżenta r-rapport finali tagħha fil-Ħarifa 2007, li se jinkludi miżuri konkreti għall-benefiċċju taċ-ċittadini. Is-servizzi finanzjarji għall-konsumatur jirrappreżentaw parti importanti minn din ir-reviżjoni.

2. Waqt li tibni fuq il- White Paper tal-Kummissjoni dwar is-Servizzi Finanzjarji 2005–2010[6], fuq ir-riżultati ta’ l-istħarriġ tas-settur riċenti tal-Kummissjoni dwar is-settur bankarju ġenerali[7] u fuq ir-rapport interim dwar l-assigurazzjoni tan-negozju[8], il- Green Paper tfittex li ssaħħaħ u tkattar il-fehma tagħna dwar il-problemi li jiġu ffaċċjati mill-konsumaturi u mill-industrija fil-qasam tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur kif ukoll li tistabbilixxi l-għan ta’ u l-impedimenti għal aktar inizjattivi f’dan il-qasam. Ir-riżultati ta’ din il-konsultazzjoni se jiġu inklużi fir-Reviżjoni tas-Suq Waħdieni, li se tiġi ppubblikata fil-Ħarifa.

3. Il- Green Paper tistabbilixxi l-għanijiet ewlenin tal-politika tal-Kummissjoni fil-qasam tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur, tippreżenta lill-utenti f’aktar dettal l-azzjonijiet meħtieġa li se jġibu l-benefiċċji tas-suq finanzjarju integrat ta’ l-UE, u titlob rispons mill-partijiet interessati dwar id-direzzjoni li tkun segwita.

2. Il-Kuntest

4. F’dan il-dokument, is-servizzi finanzjarji għall-konsumatur ifissru servizzi bħalma huma l-kontijiet kurrenti, il-pagamenti, is-self personali, is-self għad-djar, it-tifdil, il-pensjonijiet, l-investiment u l-prodotti ta’ l-assigurazzjoni, meta dawn jiġu fornuti lill-konsumaturi individwali, inkluż lill-investituri għall-konsumatur. Dawn huma importanti għall-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini ta’ l-UE peress li dawn jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni sħiħa tagħhom fl-ekonomija, filwaqt li jippermettulhom jippjanaw fit-tul u jħarsuhom f’ċirkostanzi mhux previsti. Dawn jinvolvu rabtiet finanzjarji kbar. Is-self fuq id-djar huwa l-ikbar espożizzjoni finanzjarja li ħafna miċ-ċittadini ta’ l-UE jagħmlu f’ħajjithom, b’bilanċi fuq self pendenti li jlaħħqu madwar 50% tal-PGD ta’ l-UE[9]. Il-fondi ta’ l-investiment fl-Istati Membri differenti jlaħħqu bejn l-4% u t-23% ta’ l-assi finanzjarji tal-familji ta’ l-UE[10].

5. Is-servizzi finanzjarji għall-konsumatur huma importanti f’termini makro-ekonomiċi. Kull sena s-suq bankarju ġenerali (aktar min-nofs l-attività bankarja totali) jiġġenera 2% tal-PGD fi dħul gross[11]. Popolazzjoni li qed tixjieħ tagħmel aktar pressjoni fuq il-finanzi pubbliċi, u għaldaqstant iżżid il-probabbiltà fil-ħtieġa għal aktar provvedimenti ta’ irtirar privat u bbażat fuq ix-xogħol kif ukoll ta’ kopertura tas-saħħa. Dan jispjega l-importanza ekonomika li qed dejjem tikber fis-setturi tal-pensjonijiet, ta’ l-assigurazzjoni u tal-fondi ta’ l-investiment. Fi tmiem l-2004, l-investiment mill-assiguraturi primarji laħqu EUR 6 triljun, waqt li l-fondi tal-pensjonijiet privati ta’ l-UE laħqu EUR 2.5 triljun f’assi[12]. Il-fondi UCITS huma kapitalizzati b’aktar minn EUR 5.7 triljun, aktar minn 50% tal-PGD ta’ l-UE[13]. Il-poloz ta’ l-assigurazzjoni fuq il-ħajja, waħedhom, jirrappreżentaw 5% tal-PGD ta’ l-UE[14].

6. Sar progress sinifikanti fit-triq li twassal għal suq waħdieni għas-servizzi finanzarji għall-konsumatur. Fil-preżent hemm qafas sabiex jiżgura li l-fornituri tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur ta’ l-Ewropa fl-oqsma tal-banek, ta’ l-assigurazzjoni u tat-titoli[15],għandhom integrità finanzjarja u huma ta' min joqgħod fuqhom. Dan il-qafas huwa mfassal sabiex jinkisbu diversi għanijiet ta’ politika, inkluż l-istabbiltà prudenzjali, il-kompetizzjoni, kif ukoll livell għoli ta’ ħarsien għall-konsumatur u għall-investitur. F’ċerti oqsma, bħalma huma s-servizzi ta’ l-investimenti u ta’ l-assigurazzjoni fuq il-ħajja, tpoġġew fis-seħħ regoli komprensivi sabiex jħarsu l-interessi tal-konsumaturi u ta’ l-investituri għall-konsumatur[16]. Barra minn hekk, l-introduzzjoni ta’ l-euro, flimkien ma’ l-effetti tal-Pjan ta’ Azzjoni tas-Servizzi Finanzjarji, ġabu aktar kompetizzjoni fis-swieq tas-servizzi finanzjarji Ewropej, b’mod partikolari fis-swieq bl-ingrossa.

7. L-integrazzjoni tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur tidher li għadha ma laħqitx il-potenzjal tagħha u l-kompetizzjoni f’ċerti swieq għadha mhix biżżejjed, partikolarment fl-oqsma tal-pagamenti u tal-banek għall-konsumatur[17], li tista’ ma tħallix lill-konsumaturi ta’ l-UE jieħdu vantaġġ mill-benefiċċji tas-suq waħdieni. L-indikaturi li ġejjin juru dan:

8. Attività transkonfinali modesta . Ħlief għall-UCITS, il-kummerċ transkonfinali huwa limitat u l-attività permezz ta’ stabbilimenti jew inkorporazzjonijiet transkonfinali hija aktar baxxa milli f’ħafna oqsma oħra[18]. L-istħarriġ tal-Kummissjoni tissuġġerixxi li bħalissa 1% tal-konsumaturi ta’ l-UE biss qed jixtru s-servizzi finanzjarji mid-distanza b’mod transkonfinali, waqt li 26% tal-konsumaturi jagħmlu hekk lokalment, pereżempju permezz tat-telefon jew bl-internet[19]. Fl-assigurazzjoni, it-tisħiħ ta’ l-industrija seħħ permezz ta’ inkorporazzjonijiet u stabbilimenti aktar milli bil-ftuħ ta’ fergħat u permezz ta’ servizzi transkonfinali. Il-volum tan-negozju transkonfinali huwa żgħir wisq[20], bil-kumpaniji domestiċi ta’ l-assigurazzjoni jammontaw għal aktar minn 90% tad-dħul tal-primjum totali f’bosta swieq. 50% tan-negozju sar permezz ta’ l-20 l-akbar grupp ta’ l-assigurazzjoni fl-Ewropa, li f’ħafna każijiet għandhom preżenza Ewropea wiesgħa kif ukoll preżenza globali[21].

9. Varjazzjonijiet wiesgħa fil-prezzijiet . Għalkemm il-livelli fir-rati ta’ l-interessi kkonverġew sa ċertu punt f’oqsma bħalma huma s-self fuq il-proprjetà, l-aktar minħabba l-konverġenza makro-ekonomika ġenerali u l-introduzzjoni ta’ l-euro[22], id-differenzi sostanzjali baqgħu fis-servizzi tal-pagamenti u fil-prodotti bħalma huma l-kreditu tal-konsumaturi u l-kontijiet kurrenti[23]. Pereżempju, it-trasferimenti ta’ kreditu f’euro huma b’xejn f’ċerti Stati Membri waqt li f’oħrajn jiswew aktar minn EUR 10[24]. F’ċerti setturi, bħal fl-assigurazzjoni tal-vetturi jew tad-djar, il-paraguni fil-prezz bażi tal-prodott ta’ l-assigurazzjoni huma ferm aktar diffiċli peress li l-kopertura u l-kundizzjonijiet tar-riskju lokali jvarjaw ħafna[25]. Fl-2008, il-Kummissjoni se tistudja l-varjazzjonijiet fil-prezz tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur ewlenin.

10. Id-diversità u l-għażla ristretti tal-prodott . F’ċerti Stati Membri l-prodotti ta’ self għad-djar fit-tul b’rata fissa kif ukoll ċerti prodotti aktar ġodda, bħalma huma s-self għad-djar fuq ir-rilaxx ta’ l-ekwità, jistgħu jkunu diffiċli sabiex jinkisbu, li jista’ jillimita d-domanda tal-konsumatur kif ukoll it-tkabbir tas-suq. F’erba’ Stati Membri, aktar minn kwart tal-kontijiet tat-tifdil kollha għandhom inċentivi fiskali, waqt li dawn il-prodotti huma rari f’partijiet oħra ta’ l-UE[26]. Il-problemi bit-tnaqqis fit-taxxa urew li hemm ostaklu kontra l-bejgħ transkonfinali ta’ ċerti prodotti ta’ l-assigurazzjoni tal-ħajja u ta’ pensjonijiet.

11. Varjazzjonijiet kbar fil-prestazzjoni tas-suq . Il-profitabbiltà tal-fornituri finanzjarji għall-konsumatur ivarjaw ħafna. Pereżempju, il-profitabbiltà tal-banek għall-konsumatur fil-pajjiżi Nordiċi, fi Spanja u fl-Irlanda tidher li hija ’l fuq b’mod konsistenti mill-medja ta’ l-UE, filwaqt li hija ħafna aktar baxxa fil-Ġermanja, fl-Awstrija, fl-Olanda u fil-Belġju[27].

12. Mingħajr sforzi addizzjonali, is-swieq finanzjarji għall-konsumatur Ewropej x’aktarx jibqgħu frammentati. L-oqsfa regolatorji u ta’ ħarsien tal-konsumatur differenti, il-politiki ta’ tassazzjoni differenti kif ukoll l-infrastrutturi frammentati[28] joħolqu ostakli legali u ekonomiċi għad-dħul fis-suq[29]. L-ostakli legali jistgħu jfixklu jew jikkomplikaw il-forniment ta’ ċerti prodotti jew l-aċċessibbiltà għall-infrastrutturi tas-suq, li b’hekk jillimitaw il-kompetizzjoni u jrażżnu l-innovazzjoni. L-ostakli ekonomiċi, bħalma huma l-ħtieġa sabiex jiġu adattati prodotti, mudelli ta’ negozju u strateġiji ta’ pprezzar, iżidu l-ispejjeż sabiex isir in-negozju fi Stat Membru ieħor. Dawn l-ostakli jiskoraġġixxu lil dawk li jidħlu fis-suq, jirrestrinġu l-għażla tal-konsumatur u jgħollu l-prezzijiet ’il fuq għall-konsumaturi. L-ispejjeż għoljin tal-bidla jistgħu jnaqqsu l-potenzjal tal-konsumaturi sabiex jibdlu l-fornituri fi prodotti bħalma huma l-kontijiet bankarji u l-fondi ta’ l-investiment. In-nuqqas ta’ aċċess għall-informazzjoni, jew informazzjoni mhux kompluta tista’ tfisser li l-konsumaturi ma jkunux jistgħu jagħżlu l-aħjar prodott.

13. L-imġiba u l-preferenzi tal-konsumatur jistgħu jillimitaw ukoll l-integrazzjoni tas-suq. Minkejja l-mobbiltà akbar tal-popolazzjoni u t-tkabbir fil-provvediment ta’ servizzi finanzjarji għall-konsumatur transkonfinali (inkluż permezz ta’ mezzi diretti bħalma huwa l-internet)[30], bosta konsumaturi xorta jagħżlu dawk il-prodotti li jinxtraw lokalment permezz ta’ fergħat, ta’ sussidjarji, u ta’ l-intermedjarji[31].

14. Minkejja l-fatt li bosta konsumaturi tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur x’aktarx jibqgħu ffokati fuq l-aspett domestiku u li l-konsumaturi jridu jibqgħu ħielsa li jagħżlu prodott jew servizz lokali jekk din tkun l-għażla tagħhom, il-Kummissjoni tikkunsidra li hemm il-ħtieġa għal aktar riformi sabiex is-swieq joperaw aħjar għall-konsumaturi.

3. Regolazzjoni Aħjar u s-Servizzi Finanzjarji GħALL-KONSUMATUR

15. IT-TITJIB FL-OPERAT TAS-SWIEQ TAS-SERVIZZI FINANZJARJI għall-konsumatur ta’ l-Ewropa jista’ jeħtieġ azzjoni mmirata u kkunsidrata, li tibni fuq dak li nkiseb diġà. Uħud mill-partijiet interessati li ġew ikkonsultati f’dawn l-aħħar snin indikaw li aktar kontroll f’dan il-qasam x’aktarx ma jġibx benefiċċji sinifikanti għall-konsumaturi. Madankollu, skond sorsi oħrajn, f’ċerti każijiet hemm il-ħtieġa għal metodu regolatorju. Il-bini ta’ fehma kollettiva dwar l-isfidi ta’ politika huwa meħtieġ sabiex ikunu jistgħu jitfasslu politiki li joffru benefiċċji konkreti għall-konsumatur.

16. L-inizjattivi għandhom jiġu ssuktati biss fejn ikun hemm xiehda ta’ benefiċċji ċari u konkreti għaċ-ċittadini kif ukoll raġunijiet ekonomiċi b’saħħithom. Il-politiki għandhom jiġu bbażati fuq xiehda ekonomika b’saħħitha u jiġu soġġetti għal valutazzjonijiet ta’ l-impatt dettaljati. Il-valutazzjoni tas-soluzzjonijiet adattati għandhom isiru fuq bażi ta’ każ b'każ, skond l-aspetti partikolari tas-suq u l-problemi li jkunu ġew identifikati. Il-Kummissjoni se twettaq biss inizjattivi regolatorji ġodda fis-servizzi finanzjarji għall-konsumatur, jekk ikun hemm każ ekonomiku u jekk il-fatturi, bħalma huma l-kunfidenza tal-konsumatur u l-attività transkonfinali, ikunu jistgħu jitjiebu. Ladarba l-politiki jkunu ngħataw żmien biżżejjed sabiex tiġi ppruvata l-effiċjenza tagħhom, il-Kummissjoni tevalwa l-impatt tagħhom, b’mod partikolari jekk dawn ikunux qed jipproduċu benefiċċji ġenwini u konkreti għall-konsumaturi. Fejn il-miżuri ma jkunux qed jaħdmu, il-Kummissjoni mhijiex se taħsibha darbtejn biex tissuġġerixxi li jitneħħew.

17. Waqt li tissokta bl-istrateġija tagħha dwar is-servizzi finanzjarji għall-konsumatur, il-Kummissjoni se tadotta metodu miftuħ u inklussiv sabiex tidentifika u tindirizza l-problemi, se tikkunsidra l-iskala sħiħa ta’ għodod tal-politika, li jorbtu u anke le, tippromwovi fejn xieraq inizjattivi mmexxija mis-suq jew oqsma legali ta' l-UE mhux obbligatorji bħal l-hekk imsejħin "28 reġim"[32]. Fejn ikun hemm bżonn, jitwettqu azzjoniet immirati.

4. L-Għanijiet u l-Azzjonijiet

18. Din it-taqsima tagħti ħarsa lejn l-għanijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur: il-ħolqien ta’ benefiċċji konkreti għall-konsumaturi l-aktar f’termini ta’ prezzijiet u għażla; it-tisħiħ tal-kunfidenza tal-konsumatur; u li l-konsumaturi jingħataw aktar setgħa, u tistabbilixxi kif il-Kummissjoni beħsiebha tiksibhom.

4.1. Prezzijiet aktar baxxi u aktar għażla għall-konsumaturi

19. Il-Kummissjoni hija marbuta li tneħħi l-ostakli għas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur, fejn din se twassal għal benefiċċji konkreti għall-konsumaturi fil-forma ta’ għażla aktar wiesgħa ta’ prodotti li jikkorrispondu għall-ħtiġiet tagħhom u bi prezzijiet aktar kompetittivi.

It-traħħis fil-prezzijiet b’aktar kompetizzjoni

20. Il-qafas regolatorju ta’ l-UE għandu l-għan li joħloq il-kundizzjonijiet li permezz tagħhom il-kompetizzjoni tkun tista’ tiżviluppa waqt li l-forzi tas-suq ikunu jistgħu jimbottaw il-prezzijiet ’l isfel waqt li jżomm il-kwalità tal-prodotti provduti. Il-Kummissjoni se tieħu l-azzjoni xierqa, kemm permezz ta' l-infurzar tal-liġi dwar il-kompetizzjoni jew il-politika b'saħħitha dwar il-ksur, fejn ikun jidher li hemm prattika li l-leġiżlazzjoni Komunitarja ma tiġix applikata jew rispettata. Tista' wkoll tieħu inizjattivi oħra (li jinkludu dawk leġiżlattivi, kif iġġustifikat wara analiżi ta' l-impatt sħiħ) sabiex tiżgura li s-swieq huma ġusti u li jagħtu lill-konsumaturi prodotti aħjar. L-ostakli għal-libertajiet bażiċi previsti fit-Trattat tal-KE se jiġu indirizzati sabiex jiġi żgurat li s-swieq ikunu tassew miftuħa u kompetittivi. L-istħarriġ tas-settur tal-Kummissjoni dwar is-suq tal-banek għall-konsumatur jissuġġerixxi li l-aċċess aħjar għas-suq għall-istituzzjonijiet finanzjarji stabbiliti fi Stati Membri oħra jnaqqas il-prezzijiet għall-konsumaturi[33].

21. Huwa importanti li l-konsumaturi li jkunu jixtiequ jibdlu l-fornituri ma jiġux b’xi mod iddiswadati jew imfixkla milli jagħmlu dan. Suq b’konsumaturi infurmati tajjeb u mobbli jġiegħel lill-istituzzjonijiet finanzjarji sabiex jikkompetu ħalli jattirawhom u jżommuhom.

22. L-ostakli għall-mobbiltà tal-konsumatur, bħalma huma l-miżati sabiex jingħalqu kont jew polza, informazzjoni fqira jew komplessa, l-irbit tal-prodotti u l-piż amministrattiv għoli sabiex jinbidlu l-fornituri, jeħtieġ li jiġu indirizzati.

23. Is-selliefa li ma jkollhomx aċċess għall-informazzjoni preċiża dwar is-self jistgħu jitolbu prezzijiet ogħla jew inkella jistgħu jirrifjutaw milli jipprovdu s-self lill-konsumaturi. Dan jagħmilha diffiċli għall-konsumaturi sabiex jivverifikaw l-aħjar offerti, kemm fuq bażi nazzjonali kif ukoll fuq bażi transkonfinali.

L-inizjattivi li għaddejjin u li huma ppjanati

Il-Kummissjoni se tittratta l-ostakli għall-kompetizzjoni li ġew identifikati mill-istħarriġ tas-settur dwar l- operazzjonijiet bankarji għall-konsumatur [34]. Rigward il-karti tal-ħlas, il-Kummissjoni se tapplika l-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-KE fejn l-iskemi jgħollu b’mod artifiċjali l-ispejjeż għall-konsumaturi. Qasam ta’ ħidma li qed issir bħalissa tirreferi għall-ħlasijiet ta’ l-iskambji multilaterali, li normalment jitħallsu mill-bank tan-negozjant lill-bank tad-detentur tal-karta[35]. Il-prattiki li jdgħajfu l-kompetizzjoni ta’ bejn in-netwerk x’aktarx se jiġu soġġetti għall-iskrutinju tal-kompetizzjoni[36]. Barra l-karti tal-ħlas, l-azzjoni tal-Kummissjoni għandha l-għan li tiżgura li l-aċċess għar-reġistri tal-kreditu u għas-sistemi ta’ l-iapprovazzjoni u l-ħlas tal-pagamenti ma jiġix miċħud bla bżonn.

Il-Kummissjoni se taħdem flimkien ma’ l-awtoritajiet nazzjonali dwar il-kompetizzjoni fil-qafas tal-Netwerk Ewropew dwar il-Kompetizzjoni sabiex tiddeċiedi kif l-aħjar għandha tittratta l-prattika li tirrestrinġi l-kompetizzjoni u li tnaqqas il-benesseri tal-konsumatur.

Fl-2006 il-Kummissjoni stabbiliet il- Grupp espert dwar il-mobbiltà tal-klijent b’rabta mal-kontijiet bankarji. Dan se jippubblika r-rakkomandazzjonijiet tiegħu f’Mejju 2007. Fost l-għażliet ikkunsidrati mill-grupp hemm l-iżvilupp ta’ l-arranġamenti għall-bdil tal-kontijiet bankarji (fuq livell nazzjonali u ta’ UE) kif ukoll ta’ diversi miżuri li għandhom l-għan li jżidu t-trasparenza ta’ l-informazzjoni u l-kumparabbiltà. Il-Kummissjoni se tikkunsidra bir-reqqa dawn l-għażliet u se tqis l-impatt tagħhom qabel ma tieħu d-deċiżjonijiet finali.

Waqt li tagħraf il-possibbiltajiet li qed jiżdiedu ta’ ħaddiema sabiex jaħdmu fi Stati Membri oħra ta’ l-UE, kif ukoll l-importanza li tħejji b’mod adekwat għall-irtirar, pereżempju permezz ta’ skemi ta’ pensjonijiet ibbażati fuq l-impjiegi, dan l-aħħar il-Kummissjoni pproponiet Direttiva sabiex ittejjeb il- portabbiltà tad-drittijiet għall-pensjonijiet supplementari [37].

Il- White Paper li jmiss dwar is-Self għad-Djar tagħti ħarsa lejn l-inizjattivi sabiex tiġi ffaċiltata t-trasferibbiltà ta’ l-istejjer tal-kreditu tal-konsumaturi u sabiex jiġi mtejjeb l-aċċess tas-selliefa għall- informazzjoni dwar il-kreditu . Il-Kummissjoni temmen li, peress li din il-kwistjoni tmur lil hinn mill-ipoteki, jistgħu jiġu previsti inizjattivi orizzontali sabiex jitjiebu l-aċċess u t-trasferibbiltà tad- data dwar is-self.

Iż-żjieda fl-għażla, l-kwalità u fl-innovazzjoni

24. L-innovazzjoni toħloq sfidi ġodda bħal li jiġi żgurat li l-kontroll ta’ prodotti ġodda, tal-fornituri jew tal-konsulenti finanzjarji ikun kif xieraq, li l-konsumaturi jkunu jistgħu jifhmu u jqabblu prodotti ġodda, u li jiġi garantit livell ġust bejn il-prodotti. Il-Kummissjoni tixtieq issaħħaħ l-għażla tal-konsumatur, sakemm ikun jista’ jgawdi l-konsumatur minnha. Fil-fatt, ħafna drabi l-konsumaturi jesprimu t-tħassib tagħhom li għażla vasta ta’ prodotti tista’ tfixkilhom jew tħawwadhom, waqt li tikkomplika l-għażla tagħhom tal-prodott li huwa l-aħjar għall-ħtiġiet tagħhom.

25. Il-Kummissjoni hija determinata li tiżgura li t-tneħħija ta’ l-ostakli għas-suq waħdieni fis-servizzi finanzjarji għall-konsumatur se ttejjeb, jew ta' l-anqas se żżomm, il-kwalità tal-prodotti fornuti, u li l-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażla informata. Pereżempju, id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Pagamenti qed tfittex li ttejjeb il-kwalità tal-provvediment ta’ servizzi għall-konsumaturi billi żżid il-veloċità li biha jsiru l-pagamenti[38] u billi tiffaċilita d-disponibbiltà transkonfinali kif ukoll l-użu ta’ ċerti prodotti ta’ ħlasijiet, bħalma huma d-debiti diretti. Mod ieħor kif tiġi żgurata l-kwalità għolja tas-servizz fornut lill-konsumaturi hija ċ-ċertifikazzjoni akkreditata permezz ta’ standards internazzjonali[39]. Fil-fatt, iċ-ċertifikazzjoni akkreditata tista’ tforni valutazzjoni tajba u trasparenti dwar l-aspetti differenti ta’ prestazzjoni, u sservi bħala indikatur tal-kwalità għall-konsumaturi, partikolarment f’każijiet ta’ attività transkonfinali.

26. Fl-UE hemm firxa wiesgħa ta’ prodotti bankarji, ta’ l-assigurazzjoni u tat-tifdil. Madankollu, prodott offrut lill-konsumaturi f’suq wieħed ma jistax, f’ħafna każijiet, jiġi offrut f’suq ieħor mingħajr l-adattament li jqum ħafna għar-rekwiżiti lokali. Pereżempju, ċerti prodotti, bħall-kapaċità li jiġi eżegwit debitu dirett fuq bażi transkonfinali, jistgħu ma jkunux disponibbli minħabba reġimi legali differenti. Dawn ir-rekwiżiti jistgħu jirriflettu d-drawwiet u l-ħtiġiet tal-konsumatur lokali u jkunu jinstabu fir-regoli tal-ħarsien tal-konsumatur, f’liġijiet tal-kuntratti, kif ukoll f’sistemi fiskali u legali differenti. L-għażla tista’ tkun ukoll limitata mingħajr ħtieġa b’restrizzjonijiet fuq il-fornituri u l-mezzi li permezz tagħhom il-konsumaturi jkollhom aċċess għas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur[40]. Dawn ir-restrizzjonijiet għandhom jinżammu biss jekk ikun hemm ġustifikazzjoni oġġettiva.

27. Id-Direttivi dwar l-assigurazzjoni jippermettu lill-assiguraturi sabiex jirreklamaw u jbigħu l-iskala sħiħa tagħhom ta’ prodotti ta’ l-assigurazzjoni fl-UE kollha, waqt li neħħew l-approvazzjoni minn qabel għat-tariffi u għall-kundizzjonijiet tal-poloz. Il-prodotti ta’ l-assigurazzjoni huma, madankollu, meħtieġa li jħarsu r-regoli nazzjonali li huma ġġustifikati bil-ħtieġa li jipproteġu l-'interess ġenerali'[41]. Dan jista’ jillimita l-għażla tal-prodotti disponibbli għall-konsumaturi waqt li jimponi aktar spejjeż fuq l-assiguraturi[42]. L-industrija ta’ l-assigurazzjoni esprimiet l-opinjoni tagħha li n-negozji għall-konsumatur huma lokali u jeħtieġu preżenza lokali b’saħħitha. Il-Kummissjoni temmen li l-azzjoni għandha tikkonċentra ruħha fuq it-tneħħija tal-protezzjoniżmu tas-suq u fuq it-tnaqqis ta’ l-ispejjeż regolatorji mhux meħtieġa billi, pereżempju, jitneħħew ir-regoli mhux ġustifikati dwar l-interess ġenerali kif ukoll l-ostakli burokratiċi bħalma huma r-rekwiżiti eċċessivi tar-rappurtar. B’reġim regolatorju korrett, li jipprovdi standard għoli ta’ ħarsien għall-konsumatur, l-opportunitajiet għall-kummerċ transkonfinali dirett jiġu sfruttati b’mod naturali, fejn u meta dan ikun jagħmel sens għall-kumpaniji u għall-konsumaturi.

L-inizjattivi li għaddejjin u li huma ppjanati

Fl- assigurazzjoni , fl-2007 il-Kummissjoni, flimkien mal-Kumitat tas-Superviżuri ta’ l-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol Ewropej (CEIOPS), qed teżamina r-regoli nazzjonali ta’ l-'interess ġenerali', filwaqt li qed tikkunsidra l-prinċipji tal-ġurisprudenza rilevanti.

L-industrija tal-pagamenti, fuq bażi awto-regolatorja, qed tfassal ir-regoli tekniċi u tan-negozju meħtieġa sabiex tagħmel iż-Żona Unika ta’ Pagamenti bl-Euro (SEPA) realtà sa mhux aktar tard mis-sena 2010. Il-Kummissjoni qed tosserva mill-qrib dan il-proċess. F’Komunikazzjoni li għad trid tiġi ppubblikata qabel tmiem l-2007, il-Kummissjoni se tevalwa l-progress u tikkunsidra aktar miżuri sabiex tiggarantixxi s-suċċess tas-SEPA għall-ġid tal-konsumaturi.

Aktar tard din is-sena, il-Kummissjoni se tippubblika White Paper dwar il-Kreditu ta' l-Ipoteki li se jkun fiha proposti li se jħaffu l-ħolqien ta’ suq integrat għas-self għad-djar. Il-kwistjonijiet indirizzati se jinkludu l-ħlas lura aktar kmieni, ir-rekwiżiti ta’ l-informazzjoni, ir-rata perċentwali annwali tal-ħlas, il-pariri, il-valutazzjoni fuq il-proprjetà, ir-reġistrazzjoni ta’ l-art u l-proċeduri ta’ preklużjoni tad-dritt ipotekarju. Fl-2008, il-Kummissjoni se tirrevedi l-oqsfa regolatorji nazzjonali li permezz tagħhom qed jitpoġġew fis-suq il-prodotti tar-rilaxx ta’ l-ekwità , kif ukoll ir-rwol tad-ditti mhux banek fis-swieq tas-self għad-djar, sabiex tevalwa jekk ikunx hemm ħtieġa għal-intervent xieraq mill-UE.

Sabiex tiġi żviluppata bażi ta’ għarfien adattat għall-inizjattivi tal-politika tal-futur, il-Kummissjoni se teżamina għaliex ġeneralment il-konsumaturi ma jixtrux servizzi finanzjarji b’mod transkonfinali u kif dawn jistgħu jiġu mħeġġa sabiex ifittxu l-aħjar prodotti li jilħqu l-ħtiġiet tagħhom minkejja l-post tal-fornitur tas-servizzi finanzjarji.

Il-popolazzjonijiet li qed jixjieħu. u l-pressjoni li qed tiżdied fuq il-finanzi pubbliċi jippreżentaw sfidi ċari għall-konsumaturi u għall-investituri, u huma suq ġdid għall-industrija finanzjarja. Il-qafas ta’ l-UE jeħtieġ jistabbilixxi pedamenti b’saħħithom li jippermettu suq kompetittiv, miftuħ u effettiv għat-tifdil fuq perjodu twil, kif ukoll għal soluzzjonijiet ta’ rtirar u pensjonijiet li jkunu jilħqu l-ħtiġiet tal-konsumaturi. Il-Kummissjoni kkummissjonat riċerka esterna li sa tmiem l-2007 għandha tirrapporta dwar l-istat preżenti u dwar l-iżvilupp tas-suq għall-mezzi tat-tifdil fit-tul sabiex tiġi identifikata l-firxa tal-prodotti li bħalissa huma disponibbli, tal-mezzi ewlenin ta’ distribuzzjoni kif ukoll ta’ l-influwenza fuq l-għażliet tal-konsumatur. Waqt li tibni fuq dan, il-Kummissjoni teżamina l-iżviluppi li qed jaffettwaw il-bejgħ tal-prodotti tat-tifdil u ta’ l-irtirar flimkien ma’ l-arranġamenti li jiggvernaw il-bejgħ u r-rakkomandazzjoni tagħhom. Minħabba n-natura tat-tifdil fit-tul u tal-pjanijiet ta’ pensjoni, hemm il-ħtieġa ta’ attenzjoni partikolari sabiex jiġi żgurat li l-konsumaturi jkunu tabilħaqq qed jiġu offruti prodotti li huma adattati għall-ħtiġiet tagħhom u li jkunu qed jinbiegħu kif xieraq. Għall-konsumaturi, dawn huma deċiżjonijiet finanzjarji kbar, li jittieħdu darba biss matul ħajjithom. Għalhekk, il-konsumaturi jridu jkunu f’pożizzjoni li jagħmlu l-għażliet tagħhom billi jkollhom għarfien sħiħ dwar il-prodott, waqt li jevalwaw b’mod korrett iċ-ċirkustanzi u l-ħtiġiet tagħhom.

Il-Kummissjoni tikkunsidra li jista' jkun hemm benefiċċji kemm għall–konsumaturi kif ukoll għall-fornituri tas-servizzi finanzjarjil, jekk is-servizzi finanzjarji simplifikati u standardizzati jkunu fuq bażi volontarja, bħalma huma l-kontijiet bankarji bażiċi , li jistgħu jiġu offrutu. Dawn ikunu anqas kumplessi minn prodotti oħrajn u jkunu jilħqu l-istandard Ewropew għall-ħarsien tal-konsumatur, per eżempju fir-rigward tal-ħtiġijiet għall-forniment ta' informazzjoni. Jistgħu għalhekk jiġu offruti b'mod transkonfinali mingħajr il-ħtieġa li jiġu modifikati biex jikkonformaw mar-regolamenti lokali. Il-Banek ma jkunux obbligati li joffruhom u jagħmlu hekk biss fejn ikun hemm każ ta' kummerċ. Il-konsumaturi jkollhom għażla akbar ta' prodotti li huma aktar faċli biex jifhmuhom. Jista' jsir aktar xogħol sabiex tiġi evalwata l-ħtieġa għal, il-flessibilità kif ukoll l-utilità ta’ dawn il-prodotti standardizzati mhux obbligatorji.

4.2. It-tisħiħ tal-kunfidenza tal-konsumatur

28. Il-konsumaturi Ewropej jeħtieġ ikollhom kunfidenza sabiex jagħmlu għażliet tajba. Madankollu, l-istħarriġ juri li l-konsumaturi Ewropej jibqgħu kkonċernati dwar ir-riskji ta’ l-attivitajiet transkonfinali u li dawn ma jkollhomx kunfidenza fil-ħarsien legali disponibbli[43]. Għalhekk, hemm il-ħtieġa għal aktar sforzi sabiex jiġi żgurat li l-konsumaturi jkunu kunfidenti li se jgawdu mill-istess drittijiet, minkejja l-post ta’ l-istituzzjoni finanzjarja u l-mod ta’ bejgħ li jintagħżel. F’dan ir-rigward hemm erba’ punti ewlenin: il-ħarsien ta’ l-interessi tal-konsumaturi, il-provvediment taċ-ċertezza legali, li jiġi żgurat l-aċċess għar-rimedji adegwati u l-promozzjoni ta’ istituzzjonijiet finanzjarji għall-konsumatur b’saħħithom u żguri.

Il-ħarsien ta’ l-interessi tal-konsumaturi

29. Livell ekwivalenti ta’ ħarsien fl-UE kollha jagħti lill-konsumaturi l-kunfidenza li wieħed jagħżel minn skala ta’ fornituri kulfejn dawn ikunu fl-Ewropa. Dan il-ħarsien tiżgura kundizzjonijiet ugwali kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-fornituri tas-servizz.

30. Tradizzjonalment, il-liġijiet ta’ l-UE fil-qasam tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur issuktaw jistabbilixxu r-regoli minimi sabiex jiġu protetti l-konsumaturi fl-Istati Membri kollha. Pereżempju, id-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni tal-Ħajja teħtieġ perjodu minimu ta’ 14-il ġurnata biex il-konsumatur jirtira mill-kuntratt[44]. Dan il-metodu mhuwiex bla problemi: f’ħafna każijiet, l-Istati Membri marru lil hinn mir-rekwiżiti minimi, u b’hekk naqqsu l-limitu ta’ kundizzjonijiet ugwali u ħolqu livelli differenti ta’ ħarsien fost il-konsumaturi Ewropej.

31. Il-proposta modifikata għad-Direttiva dwar il-Kreditu tal-konsumatur[45] li l-ambitu tagħha hu aktar ristrett minn dak tal-proposta oriġinali ta' l-2002, tfittex li tippromwovi l-iżvilupp ta’ suq waħdieni ġenwin fil-kreditu lill-konsumaturi waqt li tiżgura livell għoli ta’ ħarsien għall-konsumatur. Il-konsumaturi għandhom ikollhom aċċess għal skala aktar wiesgħa ta’ prodotti ta’ kreditu bi prezzijiet aktar kompetittivi. Il-fornituri għandhom ikunu f’pożizzjoni li jbiegħu l-prodotti ta’ kreditu lill-konsumaturi tagħhom fl-Istati Membri kollha mingħajr ma jkollhom għalfejn jadattaw il-karatteristiċi essenzjali għal leġiżlazzjonijiet nazzjonali differenti. S’issa, kien diffiċli ferm li jinstab qbil bejn l-Istati Membri dwar il-kontenut u l-livell ta’ l-armonizzazzjoni.

32. Is-servizzi finanzjarji qed jinbiegħu dejjem aktar permezz ta’ l-internet jew tat-telefon. Id-Direttiva dwar it-tqegħid fis-suq b’distanza ta’ servizzi finanzjarji[46] ġiet adottata fl-2002 sabiex tkattar il-kunfidenza tal-konsumatur biex juża dawn it-teknoloġiji fil-qasam tas-servizzi finanzjarji transkonfinali u sabiex tiżgura t-tħaddim bla problemi tas-suq waħdieni. L-elementi prinċipali tad-Direttiva huma r-rekwiżiti ta’ l-informazzjoni pre-kuntrattwali u d-dritt ta’ l-irtirar.

33. Is-Swieq fid-Direttiva dwar l-istrumenti finanzjarji (il-MiFID)[47] tintroduċi sett komprensiv armonizzat ta’ kundizzjonijiet ta’ l-operat li jgħoddu kemm għad-ditti ta’ l-investiment kif ukoll għall-istituzzjonijiet tal-kreditu, liema kundizzjonijiet jirregolaw ir-relazzjoni bejn dawn u l-klijenti tagħhom meta dawn joffru s-servizzi ta’ investiment. Dan il-qafas jikkonsisti f’sett ta’ regoli dwar l-imġiba tan-negozji, dwar l-aħjar eżekuzzjoni u dwar kif għandhom jiġu ttrattati l-ordnijiet tal-klijenti, kif ukoll f’dispożizzjonijiet dwar l-inċentivi u l-kunflitti ta’ interess. Qed tingħata attenzjoni speċifika lill-klijenti għall-konsumatur li għalihom ikun ġie stabbilit reġim speċifiku, li jippermetti l-obbligi fiduċjarji rinfurzati fuq id-ditta. L-għan ta’ dan il-metodu huwa li jipproteġi lill-konsumaturi billi jsaħħaħ l-imġiba responsabbli tad-ditti[48].

34. Il-konsumaturi huma mħarsa wkoll indirettament permezz ta’ l-assigurazzjoni ta’ indemnità professjonali li tiżgura li, f’każ ta’ telf finanzjarju minħabba parir negliġenti jew minħabba mġiba ħażina professjonali oħra mill-intermedjarji ta’ l-assigurazzjoni u ta’ l-investiment, dawn ikunu jistgħu jagħmlu talba għad-dannu jew għall-ħlas[49]. Rapport riċenti kkonkluda li r-rekwiżiti sabiex wieħed ikollu assigurazzjoni ta’ indemnità professjonali se jibqgħu validi, iżda se jkun meħtieġ aktar stħarriġ peress li l-leġiżlazzjoni għadha ma ġietx implimentata b’mod sħiħ fl-Istati Membri[50].

Il-provvediment taċ-ċertezza legali lill-konsumaturi

35. Il-liġi li tgħodd għall-obbligi kuntrattwali bħalissa hija regolata bil-Konvenzjoni ta’ Ruma ta’ l-1980. Fuq il-bażi ta’ din il-Konvenzjoni, il-konsumatur li jikkonkludi kuntratt għall-forniment ta’ oġġetti jew servizzi jiġi ffaċċjat b’sitwazzjoni kumplessa: il-liġi li tapplika għall-kuntratt hija, fil-prinċipju, dik magħżula mill-partijiet, li ħafna drabi, fil-prattika, tfisser il-liġi li l-fornitur jagħżel fit-termini u fil-kundizzjonijiet bażiċi. Madankollu, il-konsumatur għandu, taħt ċerti kundizzjonijiet, igawdi mill-ħarsien mogħtija bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet mandatorji tal-liġi tal-pajjiż fejn dan ikun jgħix[51]. Il-proposta għal Regolament dwar il-liġi li tapplika għall-obbligi kuntrattwali[52] se timmodifika xi ftit ir-regoli li jikkonċermaw il-liġi li tapplika għall-obbligi kuntrattwali fil-kuntratti mal-konsumaturi. Waħda mill-aktar bidliet importanti huwa l-istabbiliment tal-prinċipju li l-liġi tal-pajjiż fejn il-konsumatur ikun jgħix b’mod regolari se tkun tapplika għall-kuntratt jekk il-fornitur jissokta l-attivitajiet kummerċjali tiegħu fil-pajjiż fejn il-konsumatur ikun jgħix regolarment[53]. Dan se jipprovdi aktar ċertezza legali – u għaldaqstant, kunfidenza – għall-konsumatur li se jkun jaf li r-regoli li jaf l-aħjar se jkunu japplikaw għall-kuntratt. Il-proposta għar-Regolament li qed tiġi diskussa bħalissa fil-Parlament Ewropew bil-għan li jinstab bilanċ adegwat bejn l-interessi leġittimi tal-konsumaturi u ta' l-industrija.

Li jiġi żgurat l-aċċess għall-kumpens adegwat

36. Biex ikollhom kunfidenza meta jiġu biex jixtru s-servizzi finanzjarji transkonfinali, il-konsumaturi għandhom ikunu jafu li f’każ ta’ kwistjoni dawn għandhom ikollhom aċċess faċli għall-kumpens. Il-konsumaturi għandhom żewġ għażliet prinċipali: li jressqu l-ilment tagħhom quddiem il-qorti, jew permezz ta’ skemi alternattivi ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim (ADR) barra l-qorti, bħalma huma l-ombudsman jew il-bord ta’ l-ilmenti tal-konsumaturi. L-ADRs ma jieħdux post il-possibbiltà ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, iżda joffru alternattiva aktar faċli, irħas u aktar mgħaġġla. L-iskemi ta’ ADR jistgħu jkunu kemm inizjattivi pubbliċi kif ukoll privati. Parzjalment minħabba din id-diversità, l-istat tad-deċiżjonijiet ta’ l-ADR jistgħu jvarjaw.

37. Normalment, skema ta’ ADR fil-pajjiż ta’ fornitur tas-servizzi finanzjarji tkun tista’ tittratta l-ilmenti tal-konsumaturi. Dan jista’ jkun ikkomplikat għall-konsumaturi li jkunu involuti fi kwistjonijiet transkonfinali, peress li dawn iridu jkunu konxji mill-preżenza u mid-dettalji ta’ l-iskemi ta’ ADR barranin. Fl-2001, il-Kummissjoni nediet in-netwerk ta’ l-iskemi ta’ ADR ta’ l-UE, il-FIN-NET[54], li fih il-membri jikkooperaw permezz ta’ regoli komuni, u b’hekk titħaffef ir-riżoluzzjoni barra l-qorti ta’ l-ilmenti tal-konsumaturi fis-servizzi finanzjarji. Il-kooperazzjoni bejn il-membri tal-FIN-NET tfisser li l-konsumaturi għandhom jikkuntattjaw biss l-iskemi ta’ ADR fil-pajjiż rispettiv tagħhom. L-iskemi tal-membri jgħinu sabiex l-ilmenti jiġu ttrasferiti lill-iskema kompetenti ta’ ADR fil-pajjiż tal-fornitur tas-servizzi finanzjarji.

38. Minkejja dawn l-isforzi, f’kuntest transkonfinali t-trattament ta’ l-ilmenti tal-konsumaturi xorta waħda jista’ jibqa’ wieħed problematiku.

Il-promozzjoni ta’ istituzzjonijiet finanzjarji għall-konsumatur li jkunu b’saħħithom u żguri

39. Qafas prudenzjali b’saħħtu huwa ta’ importanza kbira. Fil-fatt, il-konsumaturi jeħtieġu li jkunu kunfidenti fis-saħħa finanzjarja ta’ l-istituzzjonijiet finanzjarji, kulfejn dawn ikunu preżenti fl-Unjoni. Il-qafas prudenzjali preżenti ta’ l-UE għandu jiġi rivedut regolarment u adattat għall-iżviluppi tas-suq u dawk finanzjarji. Il-pass li jmiss f’dan ir-rigward għandu jkun l-immodernizzar tal-qafas prudenzjali ta’ l-assigurazzjoni, bil-proposta li ġejja "Solvibilità 2".

40. Id-Direttivi Speċifiċi fil-qasam tas-servizzi ta’ l-investiment[55] u s-servizzi bankarji[56] jiżguraw li l-konsumaturi fl-UE kollha jkunu jistgħu jgawdu minn livell għoli ta’ ħarsien, jekk ifalli l-istabbiliment li fih dawn ikunu ddepożitaw jew investew flushom. Wara li tkun irrevediet il-qafas għall-iskemi ta’ garanzija għad-depożiti, il-Kummissjoni trid tiżgura li l-konsumaturi jkunu infurmati tajjeb dwar il-kopertura tad-depożiti tagħhom; li d-depożiti kollha jkunu koperti anke għall-prodotti finanzjarji l-aktar ġodda u li t-tul taż-żmien li dan jieħu sabiex il-konsumatur jiġi rimborżat ikun wieħed limitat[57].

L-inizjattivi li għaddejjin u li huma ippjanati

In-negozjati fil-Kunsill dwar il-proposta modifikata għal Direttiva dwar il-Kreditu tal-konsumatur qed jiġu ssoktati bl-għan li din tiġi adottata malajr.

L-għan ta’ l-attivitajiet transkonfinali tal-konsumaturi fis-servizzi finanzjarji b’distanza li qed dejjem jiżdiedu għadu ma ntlaħaqx[58]. Il-Kummissjoni nediet ir-reviżjoni tad- Direttiva dwar it-tqegħid fis-suq b’distanza ta’ servizzi finanzjarji [59] u nediet żewġ studji sabiex tevalwa l-impatt legali u ekonomiku tad-Direttiva. Ir-rapport tal-Kummissjoni huwa skedat għall-2008. Dan se jeżamina jekk id-Direttiva kisbitx l-għanijiet tagħha u, jekk le, għaliex. Jekk ikun meħtieġ, il-Kummissjoni se tipproponi emendi għad-Direttiva.

Il-Kummissjoni se ssegwi mill-qrib ix-xogħol li tħabbar mill-CEIOPS għall-2007 sabiex teżamina l-kooperazzjoni bejn is-superviżuri dwar kwistjonijiet li jinfluwenzaw direttament il-ħarsien tad-detenetur tal-polza ta’ l-assigurazzjoni bħalma huma t-trattament ta’ l-ilmenti transkonfinali.

Il-Kummissjoni se tissorvelja wkoll ir-rakkomandazzjonijiet eżistenti[60] li jistabbilixxu n-numru ta’ garanziji minimi għall- iskemi ADR . Il-proposta għal direttiva dwar ċerti aspetti ta’ medjazzjoni f’materji ċivili u kummerċjali[61], meta din tiġi adottata, se tikkompleta r-rakkomandazzjonijiet billi tiżgura relazzjoni tajba bejn il-proċess ta’ medjazzjoni u l-proċeduri ġudizzjarji.

Il-Kummissjoni hija konxja li mhux l-iskemi ta’ ADR nazzjonali kollha huma membri tal-FIN-NET u li mhux l-Istati Membri kollha ta’ l-UE għandhom skemi ta’ ADR għas-servizzi finanzjarji. Il-Kummissjoni se tikkuntattja lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti aktar tard din is-sena sabiex tiġbor l-informazzjoni dwar l-iskemi ta’ ADR nazzjonali eżistenti li mhumiex membri tal-FIN-NET u sabiex tidentifika fejn hemm il-vojt. Imbagħad din tevalwa kif il-vojt fis-sħubija fil-FIN-NET fuq livell nazzjonali jista’ jimtela.

4.3. Il-konsumaturi jingħataw aktar setgħa

41. Il-konsumaturi huma kapaċi jagħmlu l-aħjar użu mis-suq waħdieni jekk dawn ikollhom l-għarfien finanzjarju sabiex jieħdu d-deċiżjonijiet għalihom infushom, ikunu infurmati sew, jirċievu parir indipendenti ta’ kwalità għolja u jkunu jistgħu jiċċaqalqu b’mod ħieles bejn il-fornituri. Jekk b’dan il-mod il-konsumaturi jingħataw aktar responsabbiltà, dawn ikunu aktar kunfidenti sabiex ifittxu l-aħjar prodotti li jilħqu l-ħtiġiet tagħhom ikun fejn ikun il-post fejn ikun il-fornitur tas-servizzi finanzjarji. Imbagħad, dan jistimula l-kompetizzjoni waqt li jagħmel is-swieq tas-servizzi finanzjarji jaħdmu aħjar.

L-iżvilupp ta’ l-għarfien finanzjarju tal-konsumaturi

42. L-iżvilupp ta’ l-għarfien tal-konsumaturi f’materji finanzjarji qed isir dejjem aktar importanti, partikolarment minħabba l-fatt li l-individwi qed ikollhom rwol akbar fit-teħid ta’ deċiżjonijiet li qed jaffettwaw is-sigurtà finanzjarja tagħhom u minħabba l-fatt li s-swieq tal-kapital qed isiru aktar aċċessibbli għall-konsumaturi. Diversi servejs internazzjonali indikaw li l-konsumaturi għandhom livell baxx ta’ fehma dwar materji finanzjarji[62]. Hemm ukoll korrelazzjoni b’saħħitha bejn il-livelli baxxi ta’ għarfien funzjonali u l-kapaċità li wieħed jieħu deċiżjonijiet finanzjarji xierqa. Il-konsumaturi li għandhom għarfien finanzjarju fqir isibuha diffiċli biex jifhmu u li jagħmlu użu mill-informazzjoni li jirċievu meta dawn jiġu biex jixtru s-servizzi finanzjarji, peress li l-informazzjoni ġeneralment tiġi ppreparata għall-konsumaturi medji aktar milli għal dawk li jkollhom livelli aktar baxxi ta’ għarfien finanzjarju.

L-inizjattivi li għaddejjin u li huma ppjanati

Waqt li l-edukazzjoni finanzjarja hija primarjament materja għall-Istati Membri, il-Kummissjoni diġà ffinanzjat ċerti inizjattivi ta’ għarfien finanzjarju , fil-kuntest tax-xogħol tagħha dwar il-ħarsien tal-konsumatur u sabiex tiġi miġġielda l-esklużjoni soċjali[63], waqt li temmen li jista’ jsir ħafna iżjed sabiex titħeġġeġ id-dispożizzjoni ta’ l-edukazzjoni finanzjarja ta’ kwalità għolja. Ir-rwol tal-Kummissjoni jista’ jkun, pereżempju, fl-iżvilupp ta’ linji gwida, il-ġbir u l-promozzjoni ta’ l-aħjar prattiki, jew billi tindika metodi innovattivi ġodda. Waqt li tiżviluppa l-politiki tagħha lejn l-għarfien finanzjarju, il-Kummissjoni tirrikorri għar-rispons tal-parteċipanti li attendew għall-Konferenza tagħha dwar il-kapaċità finanzjarja li saret fit-28 ta’ Marzu 2007 u għar-riżultati ta’ studju dwar skemi ta’ għarfien finanzjarju fl-UE li din stess ikkummissjonat u li se jkunu disponibbli fi tmiem l-2007.

Il-forniment ta’ informazzjoni tajba fil-waqt proprju

43. L-għażla ta’ prodott ħażin jista’ jkollha konsegwenzi ħżiena fuq il-konsumaturi u fuq l-investituri għall-konsumatur, u l-aħjar tarka kontra dan huwa l-iżvelar tajjeb u informazzjoni b’saħħitha. Informazzjoni tajba tgħin lill-konsumaturi jifhmu l-karatteristiċi ewlenin ta’ prodott finanzjarju, inkluż ir-riskji, il-profitti potenzjali u l-ispejjeż. Madankollu, l-evidenza[64] tissuġġerixxi li l-informazzjoni fornuta ħafna drabi ma tkunx adegwata jew inkella tkun kumplessa wisq, li għaldaqstant ikun diffiċli biex wieħed iqabbel il-prezzijiet, il-prodotti u l-fornituri, u li wieħed jieħu deċiżjoni finanzjarja infurmata. Il-prodotti finanzjarji huma soġġetti għal rekwiżiti ta’ informazzjoni differenti u għalhekk joffru gradi differenti ta’ ħarsien. Il-Kummissjoni temmen li l-informazzjoni jeħtieġ tkun kompluta, korretta, ċara, proporzjonata, li tiftiehem u ppreżentata f’waqtha. Ir-rekwiżiti ta’ l-informazzjoni jeħtieġ ikunu wkoll konsistenti.

L-inizjattivi li għaddejjin u li huma ppjanati

Il-Kummissjoni għandha inizjattivi li għadhom għaddejjin maħsuba sabiex itejbu l-kwalità ta’ l-informazzjoni li tiġi fornuta lill-konsumaturi f’oqsma bħalma huma s-self lill-konsumaturi, is-self għad-djar, il-fondi ta’ l-investimenti (UCITS) u s-servizzi ta’ pagamenti.

L-ittestjar tal-konsumaturi se jiġi stabbilit ukoll sabiex jiġu evalwati r-rilevanza u l-utilità ta’ l-informazzjoni pre-kuntrattwali f’ċerti oqsma, bħalma huwa l-kreditu.

Fil-qasam tat-tifdil u ta’ l-investimenti fit-tul , iżda possibbilment ukoll f’oqsma oħrajn, il-metodoloġija settorjali għal-leġiżlazzjoni ħolqot sitwazzjoni fejn, minkejja li ċerti prodotti jitqiesu mill-investitur bħala li għandhom karatteristiċi simili, dawn qed jiġu soġġetti għal rekwiżiti differenti, partikolarment rigward l-iżvelar ta’ informazzjoni kemm waqt il-bejgħ kif ukoll fuq bażi kontinwa. Waqt li tissokta sabiex tiżgura li r-rekwiżiti ta’ l-informazzjoni fil-leġiżlazzjoni tas-servizzi finanzjarji ta’ l-UE jkunu xierqa u konsistenti, fl-2008 il-Kummissjoni se tniedi studju fuq setturi differenti . Dan se jibni fuq ix-xogħol tat-tliet kumitati tal-Livell 3 dwar ir-regoli ta’ l-imġiba tan-negozju (inkluż l-iżvelar) fir-rigward tal-prodotti ta’ investiment kumparabbli.

Il-provvediment ta’ pariri lill-konsumatur

44. Il-provvediment ta’ pariri huwa differenti milli tagħti l-informazzjoni. Waqt li l-informazzjoni tiddeskrivi biss il-prodott jew is-servizz, il-parir jimplika rakkomandazzjoni lill-konsumatur partikolari sabiex jagħżel prodott speċifiku. Meta jingħata parir, dan għandu jkun oġġettiv, ibbażat fuq il-profil tal-klijent, u proporzjonat mal-kumplessità tal-prodotti u r-riskji involuti. Dan huwa diġà meħtieġ mill-MiFID għall-forniment ta’ pariri dwar l-investiment (jiġifieri r-rakkomandazzjonijiet lill-klijenti għandhom ikunu adattati għaċ-ċirkostanzi personali tagħhom). Għall-prodotti, bħalma huma s-self fuq id-djar u t-tifdil għall-irtirar, li għandhom impatt sostanzjali fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-konsumatur, il-konsumaturi f’ċerti pajjiżi jistrieħu fuq parir indipendenti ta’ kwalità għolja sabiex jieħdu deċiżjonijiet xierqa.

45. Il-Kummissjoni qed tagħti attenzjoni akbar lir-rwol ta’ l-intermedjarji finanzjarji. L-infrastruttura tas-suq tal-bejgħ u tad-distribuzzjoni ma tkunx dejjem l-aqwa waħda sabiex tgħin lill-konsumaturi fl-għażla ta’ prodotti finanzjarji b’saħħithom u adattati. Pereżempju, l-intermedjazzjoni għall-pensjonijiet bħalissa tvarja fuq bażi ta’ prodott-prodott u skond il-klassifikazzjoni "tal-pilastru tal-pensjonijiet"[65], għalkemm ċerti servizzi fornew karatteristiċi ta’ ishma simili.

L-inizjattivi li għaddejjin u li huma ppjanati

Il-Kummissjoni dalwaqt se tniedi studju dwar l- intermedjarji ta’ kreditu sabiex tanalizza s-suq ta’ l-intermedjazzjoni tal-kreditu ta’ l-UE, sabiex tirrevedi l-qafas li fih joperaw l-intermedjarji u sabiex tistħarreġ kwalunkwe deteriment possibbli għall-konsumatur. Fuq il-bażi ta’ dan l-istudju, il-Kummissjoni se teżamina jekk ikunx meħtieġ li jiġi propost qafas legali Ewropew xieraq.

Id-Direttiva dwar il-Medjazzjoni fl-Assigurazzjoni [66] se tiġi riveduta sabiex jiġi żgurat li din tilħaq l-għanijiet tagħha li tipproteġi lill-konsumaturi waqt li tippromwovi s-suq waħdieni ta’ l-assigurazzjoni. Bħala l-ewwel pass, il-Kummissjoni tablet lil CEIOPS sabiex jikkunsidra l-mod kif id-Direttiva ġiet implimentata. Dan ir-rapport se jintuża fl-2008-2009 bħala l-bażi għar-reviżjoni tad-Direttiva.

Il- White Paper dwar is-Self għad-Djar tindirizza l-kwistjoni li tiżgura pariri indipendenti ta’ kwalità għolja għall-konsumaturi.

5. Konklużjoni

46. Din il- Green Paper għandha l-għan li ssaħħaħ u twessa’ l-fehma tagħna dwar il-problemi li jiġu ffaċċjati mill-konsumaturi u mill-industrija fil-qasam tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur, kif ukoll li tistabbilixxi l-għan u l-impedimenti għal aktar inizjattivi f’dan il-qasam. Il-konsultazzjoni se tibqa’ miftuħa sas-16 ta’ Lulju 2007. Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor, it-tweġibiet kollha għall-konsultazzjoni se jiġu ppubblikati fuq il-websajt tal-Kummissjoni http://ec.europa.eu/internal_market/finservices-retail/policy_en.htm.

47. Il-Kummissjoni se torganizza smiegħ, fid-19 ta' Settembru 2007, sabiex tistabbilixxi l-konklużjonijiet tal-konsultazzjoni mnedija f’din il- Green Paper u se tiddiskuti mal-partijiet interessati kollha dwar liema inizjattivi huma meħtieġa sabiex ikun hemm suq intern aktar effiċjenti għas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur.

48. Ir-riżultati ta’ dan il-proċess estensiv ta’ konsultazzjoni se jiġu inklużi fir-rapport tar-Reviżjoni dwar is-Suq Waħdieni li se jiġi ppubblikat fil-Ħarifa.

49. Inti taqbel ma’ l-għanijiet u mal-prijoritajiet stabbiliti f’dan id-dokument?

50. Hemm kwistjonijiet li mhumiex koperti f'din il-Green Paper li huma importanti għall-integrazzjoni tas-swieq finanzjarji għall-konsumatur u li l-Kummissjoni għandha titfa' l-attenzjoni tagħha fuqhom? Per eżempju l-konsumaturi fil-ħajja ta' kuljum tagħhom qed jiġu affrontati bil-ħtiġijiet jew restrizzjonijiet mill-fornituri tas-servizzi finanzjarji jew minn partijiet interessati oħrajn (min iħaddem, amministrazzjonijiet ta' sigurtà soċjali, negozji eċċ) li jillimitaw il-kapaċità tagħhom li jużaw servizzi finanzjarji transkonfinali (bħal per eżempju l-obbligu li wieħed ikollu kont bankarju jew polza ta' l-assigurazzjoni f'pajjiż wieħed speċifiku, eċċ).

51. Il-Kummissjoni wettqet diversi inizjattivi sabiex ittejjeb il-konsultazzjoni mal-konsumaturi u sabiex tiżgura s-sehem tagħhom fit-tfassil tal-politika tagħha. Għandhom jittieħdu passi oħra u, jekk iva, liema passi?

52. L-għażla tal-konsumatur qed tiġi ristretta bla bżonn minħabba restrizzjonijiet fuq il-fornituri u l-mezzi li bihom jista' jkollhom aċċess għas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur. Fl-esperjenza tiegħek liema huma dawn ir-restrizzjonijiet?

53. Dan id-dokument jippreżenta l-azzjonijiet li qed jittieħdu bħalissa sabiex l-utenti jkunu jistgħu jgawdu mill-benefiċċji tas-suq finanzjarju integrat ta’ l-UE, waqt li jitlob rispons mill-partijiet interessati dwar id-direzzjoni li qed tittieħed. Madankollu, waqt li qed tibni fuq ix-xogħol li sar s’issa, il-Kummissjoni temmen li għad hemm skop għal aktar azzjoni sabiex jiġi żgurat li s-swieq tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur Ewropej jilħqu l-potenzjal tagħhom kif ukoll sabiex jiġi żgurat li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jgawdu mill-benefiċċji ta’ suq waħdieni. Il-Kummissjoni tixtieq b’mod partikolari li tirċievi rispons dwar il-kwistjonijiet speċifiċi li ġejjin.

54. Minkejja l-isforzi, b’mod partikolari permezz tal-ħolqien tal-FIN-NET, it-trattament ta’ l-ilmenti transkonfinali tal-konsumatur fil-qasam tas-servizzi finanzjarji għadu wieħed problematiku. Il-Kummissjoni tilqa’ kwalunkwe rispons li jista’ jingħata dwar il-modi kif tista’ tiġi mtejba s-sitwazzjoni preżenti. Pereżempju, l-Istati Membri għandhom jiġu obbligati jiżguraw li l-iskemi alternattivi ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim (ADR) ikunu kif suppost? Il-fornituri għandhom jiġu obbligati li jkunu konformi ma’ l-iskema ta’ ADR? Dawn għandhom jiġu obbligati kuntrattwalment li joffru lill-klijenti tagħhom mekkaniżmi ta’ l-ADR?

55. Il-ħolqien taż- Żona Unika ta’ Pagamenti bl-Euro (SEPA) toffri sfidi u opportunitajiet għan-negozji kif ukoll għall-konsumaturi. X’jaħsbu l-partijiet interessati dwar l-impatt tas-SEPA fuq il-konsumaturi? Il-konsumaturi għandhom jiġu involuti iżjed fit-tmexxija u fil-preparazzjoni tas-SEPA?

56. Permezz tat-tnedija ta’ l-istudju tagħha dwar l-intermedjarji ta’ kreditu, aktar tard din is-sena, il-Kummissjoni tixtieq issir taf jekk il-partijiet interessati jaħsbux li l-qafas leġiżlattiv preżenti huwiex biżżejjed u jekk il-konsumaturi humiex jaffaċċjaw kwalunkwe problema partikolari meta dawn jiġu biex jittrattaw ma’ l-intermedjarji ta’ kreditu, partikolarment fuq bażi transkonfinali.

57. Il-Kummissjoni temmen li għandha rwol importanti fl-iżvilupp ta’ suq kompetittiv, miftuħ u effettiv għall-i skemi ta’ tifdil fit-tul, u għal skemi ta’ rtirar u ta’ pensjonijiet li jilħqu l-ħtiġiet tal-konsumatur. Il-partijiet interessati jaqblu u kif tista' tikkontribwixxi l-Kummissjoni? Jista’ jkun previst reġim legali mhux obbligatorju mifrux ma’ l-UE kollha ("it-28 reġim”) għat-tifdil u/jew għall-prodotti ta’ pensjonijiet tat-3 pilastru?

58. Taħseb li jista' jkun hemm benefiċċji kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-banek, jekk il-banek ikollhom l-opportunità li joffru prodott issimplifikat u standardizzat fuq bażi volontarju , li jkollu livell tajjeb taħ ħarsien tal-konsumatur, li jkun faċli biex jinftiehem, u li jista' jiġi offrut b'mod transkonfinali mingħajr il-ħtieġa li jiġi modifikat biex jikkonforma mar-regoli lokali?

59. Il-Kummissjoni temmen li jista’ jsir ħafna iżjed sabiex jitjiebu l-għarfien finanzjarju u l-kapaċità tal-konsumaturi . Miżuri possibbli jinkludu l-iżvilupp ta’ linji gwida jew il-promozzjoni ta’ l-aħjar prattiċi. Il-Kummissjoni tilqa’ kwalunkwe kontribut dwar kif din il-politika tista' tiġi żviluppata aktar fil-livell Ewropew.

60. Taħseb li kif inhuma bħalissa d-dispożizzjonijiet dwar it- tagħrif għall-konsumatur li hemm fid-direttivi dwar is-servizzi finanzjarji huma biżżejjed u konsistenti ma' xulxin? Jekk ma kienx hekk, kif tista' l-Kummissjoni tiżgura li r-rekwiżiti ta' informazzjoni jiġu stabbiliti fil-livell adegwat, waqt li tiżgrua informazzjoni tajba imma mingħajr il-ħolqien ta' tagħbija żejda? Taħseb li huwa biżżejjed li l-konsumaturi jiġu infurmati jew li jrid jiġi pprovdut ukoll il- parir ? Jekk iva, għandu jkun obbligatorju jew fuq talba?

61. Il-miżuri sabiex jitjieb l-aċċess tas-selliefa għall-informazzjoni dwar il-kreditu se jiġu diskussi fil-kuntest tal- White Paper dwar is-Self għad-Djar li ġejja. Il-Kummissjoni temmen li jista’ jsir ħafna iżjed sabiex titmexxa ’l quddiem l-aċċessibbiltà tad- data dwar il-kreditu, b’mod partikolari fuq bażi transkonfinali. Min jista’ jkollu aċċess għall-informazzjoni dwar il-kreditu tal-konsumatur? Kif tista’ titjieb it-trasferibilità transkonfinali tad- data dwar il-kreditu tal-konsumatur, waqt li jiġi żgurat b’mod partikolari li d- data mobbli dwar il-kreditu tkun qed issegwi ferm aktar lill-konsumaturi mobbli? Jista’ memorandum ta’ fehma, li jiżgura ċ-ċirkulazzjoni tad- data mingħajr problemi bejn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, ikun soluzzjoni possibbli?

62. Il-frammentazzjoni tas- swieq ta’ l-assigurazzjoni għall-konsumatur , per eżempju fil-qasam ta' l-assigurazzjoni tal-vetturi, ma tippermettix lill-konsumaturi milli jgawdu mill-benefiċċji sħaħ ta’ l-integrazzjoni ta’ l-UE f’dan il-qasam. Taħseb li jista’ jsir iżjed fuq livell ta’ UE sabiex tiġi indirizzata din il-frammentazzjoni?

63. Il-mobbiltà tal-klijent u l-kompetizzjoni huma assoċjati mill-qrib. Il-Kummissjoni tilqa’ kwalunkwe rispons dwar kif il-mobbiltà tal-klijent tista’ tiġi msaħħa. B’mod partikolari, fil-qasam tal-kontijiet bankarji, u bħala tkomplija tax-xogħol tal-Grupp Espert, il-partijiet interessati jaraw vantaġġi, pereżempju, f’li jkun hemm arranġamenti għat- tibdil ta’ kontijiet fl-UE kollha? Is-SEPA se jkollha impatt fuq il-mobbiltà tal-klijenti?

[1] KUMM(2007) 60, 22.2.2007.

[2] KUMM(2005) 629, 1.12.2005.

[3] KUMM(2007) 33, 31.1.2007 u SEG(2007) 106, 31.1.2007.

[4] "Ir-Rapport Interim dwar l-Istħarriġ tas-Settur fl-Assigurazzjoni tan-Negozju", 24.1.2007.

[5] Ara n-nota f'qiegħ il-paġna 1.

[6] Ara n-nota f'qiegħ il-paġna 2.

[7] KUMM(2007) 33, 31.1.2007 u SEG(2007) 106, 31.1.2007.

[8] Ara n-nota f'qiegħ il-paġna 4.

[9] Hypostat 2005, Il-Federazzjoni Ewropea ta’ l-Ipoteki.

[10] SEG(2006) 1057, 26.7.2006.

[11] SEG(2007) 106, 31.1.2007, p. 7.

[12] Ara n-nota f'qiegħ il-paġna 10.

[13] Il-Ħruġ ta’ l-Istatistika ta’ Kull Tliet Xhur ta’ l-EFAMA Q3 2006.

[14] Sors: Il-Federazzjoni ta’ l-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni Ewropea (CEA).

[15] Eż. Id-Direttivi 2004/39/KE, 2006/48/KE u 2006/49/KE.

[16] Eż. Id-Direttivi 2002/83/ KE u 2004/39/KE.

[17] KUMM(2007) 33, 31.1.2007, p. 2 u p. 3.

[18] SEG(2005) 927, 1.7.2005 u SEG(2006) 1057, 26.7.2006.

[19] "L-Eurobarometer 230: L-Opinjoni Pubblika fl-Ewropa dwar is-Servizzi Finanzjarji", Awissu 2005.

[20] Skond d- data ta’ l-Eurostat, bejn l-2003 u l-2005 il-kummerċ ta’ bejn l-UE 25 fis-servizzi ta’ l-assigurazzjoni waqa’ b’14.6%.

[21] Ara n-nota 14 f’qiegħ il-paġna.

[22] SEG(2005) 927, 1.7.2005.

[23] KUMM(2007) 33, 31.1.2007, p. 3.

[24] SEG(2007) 106, 31.1.2007, p. 63.

[25] Il-profili ta’ riskju huma differenti bejn is-swieq nazzjonali kif ukoll bejn dawk reġjonali.

[26] SEG(2007) 106, 31.1.2007, p. 40.

[27] SEG(2007) 106, 31.1.2007, p. 22

[28] Eż. is-sistemi tal-pagamenti, is-sistemi tal-ħlas u tas-saldu u r-reġistri tal-kreditu.

[29] Eż. fl-assigurazzjoni, ir-rekwiżit f’ċerti Stati Membri li jinħatar rappreżentant fiskali sabiex jiżgura l-ġbir tat-taxxi fuq il-primjum fil-pajjiż tar-riskju, jagħmilha diffiċli ferm li tinbena profitabbiltà ta’ negozju minn bażi baxxa.

[30] Stħarriġ riċenti li sar fir-Renju Unit jissuġġerixxi li aktar minn 50% ta’ l-utenti ta’ l-internet jagħmlu t-tranżazzjoniet bankarji tagħhom onlajn (16.9 miljun persuna).

[31] Ara n-nota 19 f’qiegħ il-paġna.

[32] It-28 reġim huma oqsfa legali tar-regoli ta' l-UE li ma jissostitwixxux regoli nazzjonali iżda huma alternattiva fuq bażi volontarja (per eżempju l-Istatut Ewropew tal-Kumpanija).

[33] SEG(2007) 106, 31.1.2007, p. 32–33.

[34] KUMM(2007) 33, 31.1.2007, p. 4–9.

[35] Ara COMP/34.579 dwar il-MasterCard.

[36] Bħalma huwa l-hekk imsejjaħ taħlit (il-prattika tal-banek li jitolbu lin-negozji jħallsu prezz globali wieħed talli jaċċettaw l-karti ta’ tip differenti u/jew li jinħarġu minn netwerks differenti) jew il-projbizzjoni tas-soprataxxa, li ma tħallix lin-negozjanti milli jitolbu ħlasijiet addizzjonali għall-użu ta’ l-iktar mezzi għolja ta’ ħlas.

[37] KUMM(2005) 507, 20.10.2005.

[38] F’ċerti Stati Membri, il-konsumaturi jgawdu minn ħlasijiet ta’ l-“istess ġurnata”, waqt li f’oħrajn, il-pagamenti jistgħu jieħdu sa jumejn jew sa tlett ijiem, u f’każijiet transkonfinali saħansitra anke aktar.

[39] Għal aktar informazzjoni dwar iċ-ċertifikazzjoni, jekk jogħġbok ara:http://ec.europa.eu/enterprise/regulation/index_en.htm.

[40] Eż. Il-fornituri l-ġodda tas-servizzi ta’ ħlasijiet bħalma huma s-supermarkets, l-operaturi li jgħaddu l-flus jew l-operaturi tat-telefons ċellulari bħalissa ma jistgħux joffru s-servizzi tagħhom fis-suq waħdieni kollu.

[41] Il-kunċett ġenerali tajjeb huwa bbażat fuq il-ġurisprudenza estensiva u konsistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja. Ara, pereżempju, il-Komunikazzjoni Interpretattiva tal-Kummissjoni dwar il-libertà li jiġu fornuti s-servizzi u l-interess ġenerali fis-settur ta’ l-assigurazzjoni, (ĠU C 43, 6.2.2000).

[42] Ir-rekwiżiti imposti fuq il-prodotti ta’ l-assigurazzjoni għall-konsumatur fl-interess ġenerali jistgħu jiġu ġġustifikati biss jekk dawn ikunu meħtieġa sabiex jipproteġu lill-konsumaturi, jekk dawn ikunu proporzjonati u jekk dawn ma jirdoppjawx ir-rekwiżiti lokali.

[43] Ara n-nota 19 f’qiegħ il-paġna.

[44] Ara l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2002/83/KE.

[45] KUMM(2005) 483, 7.10.2005.

[46] Id-Direttiva 2002/65/KE.

[47] Id-Direttiva 2004/39/KE u l-miżuri ta' implimentazzjoni, ir-Regolament (KE) Nru 1287/2006 u d-Direttiva 2006/73/KE.

[48] Sabiex jiġi evitat li regoli addizzjonali jaffettwaw il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ugwali u li, fl-istess ħin jiġu introdotti ostakli għad-dħul fis-suq mingħajr ma jissaħħaħ il-ħarsiengħall-investitur, il-MiFID qed tintroduċi klawżola ta’ flessibbiltà, li tippermetti lill-Istati Membri sabiex iżidu ir-regoli fuq livell nazzjonali – iżda f’ċirkostanzi eċċezzjonali biss – sabiex jissaħħaħ il-ħarsien tgħall-investitur.

[49] Ara d-dispożizzjonijiet inklużi fid-Direttivi 2002/92/KE u 2006/49/KE.

[50] KUMM(2007) 178, 11.4.2007.

[51] L-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni.

[52] KUMM(2005) 650, 15.12.2005.

[53] Ċerti oqsma jibqgħu esklużi mill-applikazzjoni tar-regola proposta: id-Direttivi dwar l-assigurazzjoni tal-ħajja u mhux tal-ħajja jipprevedu għal-liġijiet speċifiċi tal-kunflitt, u għaldaqstant dawn ir-regoli speċjali se jieħdu preċedenza fuq ir-reġim ġenerali. Id-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit ma jiffurmawx parti minn din il-Konvenzjoni u mhux se jkunu koperti bir-Regolament (għalkemm ir-Renju Unit u l-Irlanda għandhom il-klawżola ta’ l-għażla).

[54] Il-FIN-NET bħalissa fih 48 membru minn 21 pajjiż taż-ŻEE.

[55] Id-Direttiva 97/9/KE.

[56] Id-Direttiva 94/19/KE.

[57] KUMM(2006) 729, 27.11.2006.

[58] Ara n-nota 19 f’qiegħ il-paġna.

[59] Id-Direttiva 2002/65/KE.

[60] Ir-Rakkomandazzjoni dwar il-prinċipji li japplikaw għall-entitajiet responsabbli għar-riżoluzzjoni ta’ l-l-ilmenti tal-konsumatur barra l-qorti, it-30 ta’ Marzu 1998, u r-Rakkomandazzjoni dwar il-prinċipji li japplikaw għall-entitajiet barra l-qorti li jkunu involuti fir-riżoluzzjoni kunsenswali ta’ l-ilmenti tal-konsumaturi, l-4 ta’ April 2001.

[61] KUMM(2004) 718, 22.10.2004.

[62] Ara, pereżempju, "Il-Kapaċità Finanzjarja fir-Renju Unit: Nistabbilixxu Linja bażi", l-Awtorità tas-Servizzi Finanzjarji tar-Renju Unit, Marzu 2006; riċerka mill-Aġenzija Nazzjonali Irlandiża dwar l-Għarfien ta’ l-Adulti, Awissu 2006 (ara http://www.nala.ie/press/pressreleases/20060914161103.html); ir-riżultati tar-riċerka ġew ippubblikati mill-grupp ta’ ħidma ta’ l-Autorité des Marchés Financiers (Franza), Ġunju 2005 (ara http://www.amf-france.org/documents/general/6080_1.pdf).

[63] Pereżempju, fl-2005–2006, il-Kummissjoni Ewropea ffinanzjat l-iżvilupp tal-programm DOLCETA, strument ta’ taħriġ onlajn li ġie mfassal sabiex jintuża mill-fornituri ta’ l-edukazzjoni għall-adulti. Fl-2006, il-Kummissjoni Ewropea ffinanzjat studju dwar inizjattivi ta’ edukazzjoni finanzjarja fl-UE kollha sabiex jiġu żviluppati u skambjati mudelli ta’ l-aħjar prattika kif ukoll strateġiji ġodda li jtejbu l-aċċess għas-servizzi finanzjarji għal dawk il-persuni li jkunu qed jesperjenzjaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali – u speċjalment għall-persuni li jkollhom id-dejn, liema studju sar minn konsorzju ta’ aġenziji li jimmaniġġjaw id-dejn. Dan ix-xogħol iffaċilita t-tqassim ta’ l-informazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet involuti.

[64] SEG(2007) 106, 31.1.2007, p. 67 u "Eurobarometer 230: L-Opinjoni Pubblika fl-Ewropa dwar is-Servizzi Finanzjarji", Awissu 2005.

[65] Il-qafas tal-pensjonijiet fl-UE is-soltu jiġi kkaratterizzat bi struttura ta’ tliet pilastri li ħafna drabi tintuża matul dibattiti u diskussjonijiet fuq livell Ewropew: Pilastru 1: is-sistemi statutarji tas-sigurtà soċjali; Pilastru 2: l-iskemi tal-pensjonijiet tax-xogħol; Pilastru 3: it-tifdil għall-pensjonijiet individwali volontarji. It-tipoloġija ta’ tliet pilastri tirrifletti l-karatteristiċi legali differenti tat-tliet pilastri, għalkemm it-testi tal-Komunità li jkopru l-pensjonijiet ma jirreferux formalment għall-pilastri.

[66] Id-Direttiva 2002/92/KE.