52007DC0184




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 13.4.2007

KUMM(2007) 184 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

Qafas għall-istħarriġ Ewropew dwar il-kompetenzi lingwistiċi

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

Qafas għall-istħarriġ Ewropew dwar il-kompetenzi lingwistiċi

INTRODUZZJONI

Il-multilingwiżmu huwa valur ewlieni fl-Ewropa. Huwa parti minn dak li l-Ewropa jagħmilha unika u jgħin biex iżid mar-rikkezza tal-kultura u s-soċjetà tagħha. It-tagħlim tal-lingwi jipprovdi lin-nies b'possibilitajiet aħjar għall-karriera, għarfien ikbar tal-kultura tagħhom u ta' l-oħrajn u jżid il-mobilità tagħhom.

It-titjib tal-ħiliet lingwistiċi fl-Ewropa huwa wkoll għan importanti fi ħdan l-isforz biex jitjiebu l-ħiliet u l-kompetenzi tal-popolazzjoni bħala parti mill-istrateġija ta' Liżbona għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi. F'Marzu 2002 f'Barċellona, il-Kunsill Ewropew sejjaħ għal iktar azzjoni "...biex jittejbu l-ħiliet bażiċi, partikolarment bit-tagħlim ta' għallinqas żewġ lingwi barranin minn età żgħira ħafna." Sejjaħ ukoll " għat-twaqqif ta' indikatur tal-kompetenza lingwistika fl-2003 ."[1]

Għalhekk, il-Kummissjoni u l-Istati Membri qed iwettqu firxa ta' attivitajiet differenti bil-għan li jippromwovu approċċi politiċi tajba għat-tagħlim tal-lingwi fi ħdan l-istrateġija ta' l-2010 għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ[2].

Fil-Komunikazzjoni tagħha L-indikatur Ewropew tal-Kompetenza Lingwistika fl-2005[3] il-Kummissjoni ddeskriviet approċċ strateġiku dettaljat għall-ħolqien ta' Stħarriġ Ewropew dwar il-Kompetenza Lingwistika bħala mezz biex tinġabar id- data meħtieġa għall-kostruzzjoni ta' indikatur Ewropew tal-livell. Fuq din il-bażi, il-Kunsill ikkonkluda f'Mejju 2006[4] dwar għadd ta' kwistjonijiet ewlenin li jikkonċernaw l-Indikatur Ewropew tal-Kompetenza Lingwistika u saħaq li għandu jsir stħarriġ malajr kemm jista' jkun. Il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni biex twaqqaf Bord Konsultattiv għall-Indikatur Ewropew tal-Kompetenza Lingwistika (minn hawn 'il quddiem 'il-Bord') ta' esperti nazzjonali biex jagħtu pariri lill-Kummissjoni dwar it-tħejjija u l-implimentazzjoni ta' l-istħarriġ[5]. Il-ħidma tal-Bord tat kontribut importanti għall-kitba ta' din il-komunikazzjoni. Barra minn hekk, il-Kunsill talab lill-Kummissjoni biex tirrapporta lill-Kunsill dwar il-progress tax-xogħol. Din il-Komunikazzjoni timplimenta din ir-rikjesta.

Il-Kummissjoni dan l-aħħar ippreżentat Komunikazzjoni dwar qafas koerenti ta' indikaturi u punti ta' riferiment [6]biex tappoġġja b'mod ġenerali lill-istrateġija ta' l-Edukazzjoni u t-Taħriġ. Il-qafas jipproponi l-iżvilupp ta' ġabra ta' 20 indikatur ewlieni li jkopru s-setturi ewlenin. Il-ħolqien ta' indikatur għall-kompetenza lingwistika jġib miegħu sfidi partikolari.

Din il-Komunikazzjoni tiddeskrivi l-konklużjonijiet dwar il-kwistjonijiet kollha pendenti fir-rigward ta' l-iżvilupp ta' l-istħarriġ enfasizzat fil-Konklużjoni tal-Kunsill ta' Mejju 2006. Tistieden lill-Kunsill jieħu nota tal-qafas li qed jiġi propost għall-istħarriġ. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Bord u l-Istati Membri, tkun tista' timplimenta l-istħarriġ. Din il-Komunikazzjoni tipprevedi li jitwettaq stħarriġ matul l-ewwel sitt xhur ta' l-2009.

Qafas għall-istħarriġ Ewropew dwar il-kompetenzi lingwistiċi

L-istħarriġ Ewropew għandu l-għan li jipprovdi lill-Istati Membri, lil dawk li jfasslu l-politika, lill-għalliema u lill-prattikanti b' data affidabbli u komparabbli dwar il-kompetenzi f'lingwi barranin fl-Unjoni Ewropea. Din għandha tipprovdi tagħrif dwar il-kapaċitajiet multilingwistiċi taż-żgħażagħ, dwar fejn jinsabu prassi u prestazzjoni tajba, u dwar il-progress lejn l-għan tat-titjib tat-tagħlim tal-lingwi barranin.

L-istħarriġ se jiġi implimentat mill-Kummissjoni, b'konsultazzjoni mal-Bord u f'kooperazzjoni mill-qrib ma' l-Istati Membri.

Ħiliet lingwistiċi li se jiġu ttestjati

Fl-ewwel sensiela ta' ġbir ta' data , it-testijiet se jiġu żviluppati fuq tliet ħiliet lingwistiċi: komprensjoni tal-qari ; komprensjoni tas-smigħ ; u l-kitba . Il-Kummissjoni se tieħu l-inizjattiva li tiżviluppa strumenti biex tkopri r-raba' ħila, il-lingwa mitkellma , fil-ħin għall-istħarriġiet sussegwenti.

L-iskop ta’ l-indikatur huwa li jitkejlu "l-kompetenzi ġenerali fl-ilsna barranin f’kull Stat Membru" [7]. Fl-għamla aħħarija tiegħu, għandu jittestja l-erba' ħiliet lingwistiċi kollha: il-qari; is-smigħ; il-kitba; u l-lingwa mitkellma . Madankollu, huwa iktar faċli li jiġu ttestjati xi ħiliet minn oħrajn. It-testijiet tal-ħiliet produttivi orali jistgħu jirrikjedu testijiet wiċċ imb'wiċċ ma' eżaminatur u jkunu iktar kumplessi mit-testijiet għall-ħiliet riċettivi.

Il-konklużjoni tal-Kunsill ta' Mejju 2006 qalet li għal raġunijiet prattiċi jkun jaqbel, fl-ewwel sensiela ta' ġbir tad- data , li t-testijiet ikunu disponibbli fit-tliet ħiliet lingwistiċi li l-iktar jistgħu jiġu ttestjati faċilment (il-komprensjoni mis-smigħ, il-komprensjoni mill-qari u l-kitba). Il-Bord jappoġġja dan l-approċċ.

L-istħarriġ ta' l-ewwel sensiela, għalhekk, għandu jkopri dawn it-tliet ħiliet. Eventwalment, il-Kummissjoni se tieħu l-inizjattiva biex tiżgura li r-raba' ħila, il-lingwa mitkellma , tiġi inkluża f'sensiliet sussegwenti ta' l-istħarriġ.

Ilsna li se jiġu ttestjati

L-istħarriġ Ewropew f'kull Stat Membru għandu jkopri testijiet fl-ewwel u t-tieni lingwa uffiċjali Ewropea li huma l-aktar mgħallma, jiġifieri l-Ingliż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, l-Ispanjol u t-Taljan .

Il-qafas għat-testijiet se tkun disponibbli għall-pajjiżi kollha li jkunu jixtiequ jiżguraw li testijiet f'lingwi oħra għajr dawn il-ħamsa jistgħu jiġu inklużi fl-ewwel sensiela ta' l-istħarriġ bħala għażliet nazzjonali.

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Mejju 2006 irrakkomandaw li fl-ewwel sensiela ta' l-istħarriġ it-test ikun disponibbli "...f'dawk il-lingwi uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea li l-iktar huma mgħallma fl-Istati Membri, sal-punt li jipprovdu kampjun kbir biżżejjed ta' kandidati għat-test" u li "l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw huma stess liema minn dawn il-lingwi uffiċjali għandhom jiġu ttestjati"[8] . L-għadd ta' lingwi li għandhom jiġu evalwati fl-ewwel sensiela ta' l-istħarriġ għandu għalhekk jiġi limitat għall- Ingliż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, l-Ispanjol u t-Taljan li huma l-iktar lingwi uffiċjali Ewropej barranin mgħallma fl-Istati Membri[9]. L-istħarriġ f'kull Stat Membru għandu, għalhekk, ikopri l-iktar tnejn minn dawn il-lingwi li huma mgħallma b'mod wiesa'.

Madankollu, l-għodda għat-testijiet se ssir disponibbli u tista' tintuża mill-Istati Membri jekk ikunu jixtiequ jittestjaw il-kompetenza f'lingwi oħra għajr l-iktar tnejn mgħallma b'mod wiesa' f'din il-lista ta' ħamsa. Eventwalment, il-Kummissjoni se tieħu l-inizjattiva, qabel sessjonijiet sussegwenti ta' testijiet, biex tiżgura li l-istħarriġ ikopri l-lingwi uffiċjali Ewropej kollha mgħallma fl-Unjoni Ewropea.

Il-qafas ta' referenza

L-istħarriġ għandu jiġi bbażat fuq strument li jkejjel sekwenza gradwata ta' livelli dejjem ogħla ta' kompetenzi mil-livell A1 sal-livell B2 fuq il-miżien tal-Qafas Ewropew Komuni ta' Riferenza għal-Lingwi.

Il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni tiżviluppa l-Indikatur Ewropew tal-Kompetenza Lingwistika u qalet li "ir-riżultati tat-test se jkunu bbażati fuq il-miżien tal-Qafas Ewropew Komuni ta' Riferenza għal-Lingwi" [10] .

Il-Qafas Ewropew Komuni ta' Riferenza għal-Lingwi (QEKR) huwa linja gwida użata biex tiddeskrivi l-kisbiet ta' studenti ta' lingwi barranin. L-għan prinċipali tiegħu huwa li jipprovdi qafas għall-metodi ta' evalwazzjoni u tagħlim li jkun japplika għal-lingwi kollha fl-Ewropa. Il-QEKR jikkonsisti fi skala b'sitt livelli għal ħiliet lingwistiċi differenti maqsuma fi tliet diviżjonijiet wiesa': Utent bażiku (A1-A2), Utent indipendenti (B1-B2) u Utent profiċjenti (C1-C2).

Is-sitt livelli ta' riferenza huma aċċettati b'mod wiesa' fl-Istati Membri bħala standard għall-klassifikazzjoni tal-profiċjenza lingwistika ta' individwu. Bosta pajjiżi Ewropej diġà użaw testijiet relatati ma' l-iskali tal-QEKR għal testijiet tal-profiċjenza fil-lingwi.

Il-Bord informa lill-Kummissjoni li l-iktar livelli rilevanti ta' l-iskala fl-UE għat-testijiet tal-profiċjenza fil-lingwi fl-edukazzjoni sekondarja ta' l-ewwel livell (ISCED 2), u fl-edukazzjoni sekondarja superjuri (ISCED 3) jekk it-tieni lingwa barranija tiġi mgħallma f'dak il-livell, huma l-firxiet ta' kompetenzi minn Utent bażiku sa Utent indipendenti (il-livelli A1 sa B2). Ftit studenti biss għandhom il-kapaċità konjittiva li jitgħallmu l-lingwa f'livell ogħla minn B2 f'dik l-età u l-livell ta' skola kkonċernati. Test li jkun jikkonsisti fis-sitt livelli kollha jkun sfida konsiderevoli u jqum ħafna flus. Għalhekk, qed jiġi propost li t-testijiet għandhom jiġu żviluppati biex ikopru l-erba' livelli minn A1 sa B2 tas-QEKR.

Il-livelli varji ta' QEKR huma wiesa' u l-istudenti jieħdu ħafna żmien biex jgħaddu minn livell għall-ieħor. Id-distakk bejn il-livelli (speċjalment mil-livell A2 sa B1) jista' jkun kbir wisq għal użu prattiku ma' dawk li għadhom kemm jibdew u ma' l-istudenti żgħar. Għalhekk, għandu jiġi żviluppat strument għat-test li jippermetti li titkejjel sekwenza gradwata ta' livelli ta' kompetenzi bejn il-livelli A1 u B2. Dan għandu jipprovdi wkoll kejl iktar preċiż tal-miżuri statistikali bħall-varjanza, il-valur medju u r-rendiment medju għal kull ħila ttestjata.

Data kuntestwali li se tinġabar

Se jiġi żviluppat kwestjonarju għall-istudenti, l-għalliema, il-kapijiet ta' l-iskola u l-gvernijiet biex jiġbor informazzjoni kuntestwali li għandha tgħin fl-analiżi tal-fatturi possibbli li x'aktarx ikollhom impatt fuq il-kompetenzi lingwistiċi ta' l-istudenti.

Il-ħsieb hu li mhux biss isir stħarriġ tal-kompetenzi lingwistiċi iżda stħarriġ li għandu jkun kapaċi jipprovdi informazzjoni dwar it-tagħlim tal-lingwi, il-metodi tat-tagħlim u l-kurrikula.

L-informazzjoni kuntestwali se tgħin biex il-livell tal-kompetenzi ta' l-istudenti jiġi mqabbel mad-determinanti possibbli. Kwistjonijiet bħall-isfond soċjo-ekonomiku ta' l-istudenti u l-aspetti speċifiċi bħall-istatus tal-migranti, il-lingwa mitkellma d-dar; jekk it-tagħlim tal-lingwa barranija huwiex obbligatorju jew le; jekk l-għalliem kellux edukazzjoni formali fit-tagħlim tal-lingwi jew huwiex kelliem nattiv; l-"istreaming" ta' l-istudenti u s-sess jistgħu kollha jaffettwaw ir-riżultati u d- data dwarhom għandha tinġabar.

Data kuntestwali bħal din se tindirizza l-kwistjonijiet dwar studenti individwali, l-iskejjel u t-tip ta' kurrikulum, l-istruttura tas-sistemi ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ u l-politika tal-gvern dwar l-edukazzjoni. Għandhom jiġu żviluppati kwestjonarji separati lil studenti, għalliema u kapijiet ta' l-iskola magħżula b'mod kawżali u lill-amministraturi ta' l-edukazzjoni. Dawn il-kwestjonarji ta' sfond se jitfasslu biex jippermettu li ssir analiżi politika fil-fond li tista' tipprovdi tweġibiet għall-kawżi u l-effetti fl-iżvilupp tal-kompetenzi lingwistiċi. Sabiex jiġi ffaċilitat it-tqabbil internazzjonali, il-kunċetti u l-klassifikazzjonijiet eżistenti għandhom jintużaw u għandhom jiġu esplorati stħarriġiet internazzjonali simili għal analiżi sekondarja multidimensjonali tar-riżultati.

Il-popolazzjoni li għandha tiġi ttestjata fl-istħarriġ

Il-"popolazzjoni sħiħa" ta' l-istħarriġ, f'termini statistikali, għandha tkun l-għadd totali ta' studenti rreġistrati fl-aħħar sena ta' l-edukazzjoni sekondarja ta' l-ewwel livell (ISCED 2), jew it-tieni sena ta' l-edukazzjoni sekondarja superjuri (ISCED 3), jekk ma tiġix mgħallma it-tieni lingwa barranija fl-edukazzjoni sekondarja ta' l-ewwel livell.

Il-"popolazzjonijiet fil-mira" huma l-istudenti, rreġistrati fi skejjel mill-popolazzjoni totali li jiġu mgħallma l-lingwa li tkun qed tiġi ttestjata.

L-istħarriġ se jirrispetta l-istandards xjentifiċi ġenerali għall-ikkampjunar li jintużaw fl-istħarriġiet internazzjonali sabiex ikun żgurat li d- data mill-istħarriġ tkun affidabbli u tkun komparabbli bejn il-pajjiżi. Id-daqs tal-kampjun għandu jqis il-ħtieġa għall-ġbir ta' informazzjoni kuntestwali sabiex jiġu analizzati u spjegati d-differenzi fir-riżultati bejn l-Istati Membri. L-istħarriġ għandu jkollu l-għan li jiżviluppa riżultati affidabbli u komparabbli bl-iċken kampjun possibbli.

Fil-konklużjonijiet tal-Kunsill[11] intqal li l-istħarriġ se jiġbor id- data minn kampjun rappreżentattiv ta' l-istudenti kollha rreġistrati fl-edukazzjoni u t-taħriġ fi tmiem l-edukazzjoni sekondarja ta' l-ewwel livell (ISCED 2). Fejn ma tkunx mgħallma t-tieni lingwa barranija qabel it-tmien ta' l-ISCED 2, il-kampjun ta' studenti għandu jinġabar minn studenti fl-edukazzjoni sekondarja superjuri (ISCED 3).

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar liema livell ta' edukazzjoni sekondarja superjuri għandhom jiġu ttestjati l-istudenti, il-Bord hu tal-parir li d- data tinġabar mill-istudenti fit-tieni sena ta' l-ISCED 3. Sa tmiem l-ISCED 3, xi studenti jkunu temmew l-edukazzjoni tagħhom jew, fil-każ ta' bosta pajjiżi, jkunu rreġistrati f'edukazzjoni fejn ma jsirx iktar tagħlim ta' lingwi barranin. Barra minn hekk, matul l-aħħar sena ta' l-edukazzjoni sekondarja superjuri, l-istudenti u l-għalliema jkunu okkupati bl-eżamijiet ta' l-aħħar u jista' jagħti l-każ li jkunu inqas disposti jikkooperaw ma' l-istħarriġ. Fl-ewwel sena ta' l-edukazzjoni sekondarja superjuri jitqies li jkun għadu kmieni wisq għaliex l-istudenti f'xi pajjiżi jirċievu biss tagħlim fit-tieni lingwa barranija matul it-tieni sena. Fuq il-bażi tal-pariri tal-Bord, l-istħarriġ għandu jiġbor data minn studenti fit-tieni sena ta' l-ISCED 3 fil-każ ta' pajjiżi fejn it-tieni lingwa barranija ma tiġix mgħallma qabel it-tmiem ta' l-ISCED 2.

Fuq parir tal-Bord, l-istħarriġ għandu jittestja biss studenti rreġistrati fi skejjel li qed jiġu mgħallma l-lingwa ttestjata.

L-età ta' l-istudenti fi tmiem l-ISCED 2 u matul it-tieni sena ta' l-ISCED 3 tvarja fost l-Istati Membri. Fi tmiem l-ISCED 2, tifrex bejn l-14 sa s-16-il sena. Is-sena ta' introduzzjoni għall-ewwel u t-tieni lingwa barranijia ukoll tvarja bejn l-Istati Membri. Għalhekk, l-età u ż-żmien li matulhom l-istudenti jkunu qed jitgħallmu lingwa barranija jkunu differenti għall-istudenti ttestjati fl-istħarriġ. Il-Bord jisħaq li dan għandu jitqies fl-analiżi tar-riżultati mill-istħarriġ.

Strumenti għat-testijiet

Għandhom ikunu disponibbli għall-pajjiżi fl-istħarriġ kemm testijiet ibbażati fuq il-kompjuter, permezz ta' softwer open source , kif ukoll testijiet bil-karta u l-lapes. L-istrument tat-test għandu jippermetti l-ittestjar adattiv.

Matul dawn l-aħħar snin inġabru esperjenzi internazzjonali fl-ittestjar tal-kompetenzi abbażi tal-kompjuter. DIALANG huwa test ibbażat fuq l-internet li bħalissa jmexxi testijiet dijanjostiċi f'14-il lingwa Ewropea differenti. L-istħarriġiet internazzjonali bħal PISA u TIMSS għamlu xi studji pilota permezz ta' testijiet abbażi tal-kompjuter. L-Istati Membri għandhom esperjenza fin-netwerks b'softwer open source . It-twettiq ta' l-istħarriġ permezz ta' testijiet abbażi tal-kompjuter ikun kisba Ewropea kbira.

L-istrument għat-testijiet għandu jkun disponibbli għall-pajjiżi biex jadattaw il-ħtiġijiet nazzjonali tagħhom barra mill-istħarriġ u għalhekk għandu jiġi żviluppat skond protokoll ta' softwer open source [12].

It-testijiet abbażi tal-kompjuter jirrappreżentaw sfida meta mqabbla mal-metodi tradizzjonali ta' ttestjar ibbażati fuq testijiet bil-lapes u l-karta. Il-ħiliet riċettivi bħas-smigħ u l-qari huma iktar faċli biex wieħed jimplimentahom u jwassalhom permezz tal-kompjuters milli l-ħiliet produttivi bħall-kitba. Il-Bord enfasizza bosta diffikultajiet potenzjali fl-użu ta' testijiet abbażi tal-kompjuters marbuta ma' kwistjonijiet ta' kompatibilità tas-softwer, il-veloċità disponibbli tal-konnessjoni ma' l-Internet u l-ħiliet ta' l-istudenti fir-rigward tal-kompjuter u l-ittajpjar. Fl-istess ħin hemm bosta benefiċċji marbuta ma' l-użu ta' testijiet abbażi tal-kompjuter, pereżempju, biex it-testijiet jiġu kkoreġuti u kkodifikati, kif ukoll għat-trattament statistikali tad- data li jista' jgħaġġel iktar u l-possibiltà ta' żbalji tonqos, u għalhekk huwa iktar effiċjenti . It-testijiet abbażi tal-kompjuter huma meqjusa wkoll bħala għodda aħjar għat-testijiet adattivi fejn l-għażla tal-mistoqsijiet indirizzati lill-individwi li qed jagħmlu t-test tkun adatta għal-livell speċifiku tal-kompetenzi ta' l-individwu.

L-iżvilupp ta' strumenti għat-testijiet abbażi tal-kompjuter iqum ħafna iktar flus mit-testijiet tradizzjonali fuq il-karta u l-lapes, iżda wieħed għandu jħares lejn dawn l-ispejjeż fid-dawl tal-benefiċċji ta' l-implimentazzjoni iktar effiċjenti ta' l-istħarriġ u l-bażi mtejba għall-adattament tat-test skond il-ħtiġijiet tal-pajjiżi individwali u l-iżvilupp ulterjuri tat-test għal stħarriġiet sussegwenti possibbli.

Fuq din il-bażi, l-introduzzjoni ta' testijiet abbażi tal-kompjuter tkun l-aħjar pass 'il quddiem fir-rigward ta' l-istħarriġ. Madankollu, il-Bord jenfasizza li hemm livelli differenti ta' tħejjija fil-pajjiżi kkonċernati bit-testijiet bil-kompjuters. L-istħarriġ għandu jkun ibbażat fuq mezzi alternattivi jew komplementarji ta' ttestjar abbażi ta' testijiet fuq il-kompjuters jew bil-lapes u l-karta.

L-ispejjeż għall-implimentazzjoni ta' l-istħarriġ

L-ispiża nazzjonali għall-implimentazzjoni ta' l-istħarriġ se tiddependi mill-istruttura finali ta' l-istħarriġ. L-istħarriġ għandu juża l-esperjenzi nazzjonali sabiex isib l-ekonomiji ta' l-iskala. L-ispejjeż internazzjonali se jiġu koperti mill-Unjoni Ewropea.

Il-livell ta' l-ispejjeż nazzjonali għall-istħarriġiet internazzjonali għall-ittestjar tal-ħiliet jiddependi b'mod partikolari fuq il-metodi użati għat-testijiet, id-daqs tal-kampjun, l-għadd ta' ħiliet ittestjati, u l-kwestjonarji kuntestwali li jintużaw. L-ispejjeż nazzjonali ta' dawn l-istħarriġiet ikopru partikolarment l-implimentazzjoni tat-test fl-Istati Membri, it-twaqqif u t-tmexxija ta' l-istrutturi organizzattivi ta' appoġġ, it-taħriġ tal-koordinaturi nazzjonali u ta' l-iskejjel u l-eżaminaturi, l-istampar tat-testijiet, l-ikkodifikar tar-riżultati tat-test, il-proċeduri ta' l-assikurazzjoni tal-kwalità u l-ħtiġijiet ta' traduzzjoni.

L-istruttura u l-ispejjeż ta' l-istħarriġiet internazzjonali li jittestjaw il-ħiliet ta' l-istudenti bħal PISA u TIMSS, jistgħu jintużaw bħala miżura komparabbli għall-ispejjeż ta' l-istħarriġ. Madankollu, il-Bord iqis li l-istħarriġ jista' jqum iktar flus minn stħarriġiet internazzjonali oħra għaliex se jinkludi testijiet ta' komprensjoni tas-smigħ, u minħabba li l-organizzazzjoni ta' l-istħarriġ tista' tkun iktar kumplessa peress li se jkun hemm iktar suġġetti, iktar livelli u iktar setturi involuti milli fi stħarriġiet internazzjonali oħra.

Il-Bord iddiskuta l-possibbiltà ta' l-użu ta' kompetenzi, esperjenzi u strutturi organizzattivi nazzjonali eżistenti għall-implimentazzjoni ta' l-istħarriġ u b'hekk ikunu żgurati l-ekonomiji ta' l-iskala (ara hawn taħt).

Huwa previst li l-ispejjeż internazzjonali ta' l-istħarriġ jiġu koperti mill-Unjoni Ewropea fi ħdan il-qafas tal-programm għat-tagħlim tul il-ħajja (2007-2013) fi ftehim mal-Kumitat tal-Programm. L-ispejjeż internazzjonali se jkopru l-ispejjeż marbuta ma' l-iżvilupp tat-testijiet, il-koordinament u s-segwitu tat-testijiet Pilota, l-identifikazzjoni tal-kampjun u l-metodi ta' kampjunar, l-iżvilupp u l-koordinament tal-ġabra sħiħa tat-testijiet kif ukoll l-analiżi u r-rappurtar tar-riżultati.

Id-deċiżjonijiet kollha dwar l-istħarriġ li jimplikaw xi spejjeż nazzjonali se jittieħdu f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Bord u l-Istati Membri.

L-istrutturi organizzattivi nazzjonali għall-implimentazzjoni ta' l-istħarriġ

Il-pajjiżi parteċipanti għandhom jiżguraw li l-istrutturi organizzattivi meħtieġa jkunu disponibbli għat-twettiq ta' l-istħarriġ.

L-Istati Membri għandhom jieħdu inizjattivi biex jiżguraw li l-istrutturi organizzattivi meħtieġa jkunu disponibbli għall-implimentazzjoni ta' l-istħarriġ u li r-responsabbiltajiet jiġu definiti mill-bidu nett. Il-biċċa l-kbira mill-Istati Membri għandhom esperjenzi ta' stħarriġiet nazzjonali jew ta' parteċipazzjoni fi stħarriġiet internazzjonali simili u jistgħu jutilizzaw l-esperjenzi miksuba. L-esperjenzi minn stħarriġiet bħal PISA u TIMSS jistgħu jintużaw bħala bażi għall-ippjanar ta' l-istrutturi organizzattivi nazzjonali u l-kompetenzi u l-esperjenzi meħtieġa ħafna drabi jistgħu jinsabu fost l-esperti nazzjonali b'esperjenza ta' stħarriġiet bħal dawn. Għalhekk, il-kompetenzi u l-organizzazzjoni ta' servizzi li diġà jeżistu għandhom jiġu utilizzati.

L-implimentazzjoni ta' l-istħarriġ

Il-Kummissjoni se tieħu passi biex tiżviluppa l-istħarriġ dwar il-kompetenza lingwistika. Il-ħidma teknika għandha tibda f'Marzu 2007 sabiex it-testijiet ikunu jistgħu jsiru fil-bidu ta' l-2009.

Il-Kummissjoni se tibda l-ħidma għall-iżvilupp ta' l-istrumenti għat-testijiet u biex timplimenta l-istħarriġ. Se tiddefinixxi l-metodi tal-kampjunar u l-kriterji għall-għażla ta' l-istituzzjonijiet parteċipanti u l-individwi li se jagħmlu t-test, billi tasal għal ftehim ma' l-awtoritajiet rilevanti fejn ikun meħtieġ, u billi tiżgura li l-kwalità ta' dawn il-kwistjonijiet tosserva l-istandard internazzjonali ġenerali għal stħarriġ bħal dan. Se tfassal u timplimenta l-istħarriġ, tiġbor id- data u tanalizza u tfassal ir-riżultati finali. Il-ħidma se titwettaq f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Bord u l-Istati Membri.

Il-Bord argumenta li t-test għandu jseħħ fl-ewwel parti tas-sena kalendarja u mhux fil-bidu tas-sena skolastika. L-ewwel stħarriġ għandu għalhekk jiġi implimentat fil-bidu ta' l-2009.

Sabiex it-test ikun jista' jsir fil-bidu ta' l-2009, il-ħidma preparatorja għandha tibda f'Marzu 2007. Din twassal għall-iżvilupp tat-test u tat-testijiet pilota li għandhom isiru fir-rebbiegħa ta' l-2008. Fuq il-bażi ta' l-esperjenzi mit-testijiet pilota, it-testijiet sħaħ għandhom jiġu żviluppati u mwettqa mill-Istati Membri fil-bidu ta' l-2009.

Il-Bord se jkompli jiltaqa' matul il-perjodu kollu u se jkompli jaħdem mill-qrib mal-Kummissjoni fl-istadji kollha ta' l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' l-istħarriġ[13].

Konklużjoni

Il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill biex jieħu nota tal-qafas propost għall-istħarriġ kif ippreżentat f'din il-Komunikazzjoni, fir-rigward tal-punti li ġejjin:

- Il-ħiliet li se jiġu ttestjati

- Il-lingwi li se jiġu ttestjati

- Il-livelli tas-CEFR li se jintużaw

- Il-ġbir ta' informazzjoni kuntestwali

- Il-popolazzjoni fil-mira u l-popolazzjoni sħiħa li se jiġu ttestjati

- L-iżvilupp ta' l-istrumenti għat-testijiet, kemm testijiet fuq il-kompjuter kif ukoll dawk bil-karta u l-lapes

- L-implimentazzjoni ta' l-istħarriġ

Fuq dik il-bażi l-Kummissjoni tkun tista' tibda bit-tħejjijiet għall-istħarriġ. Dan se jsir f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Bord u l-Istati Membri. L-istrumenti għat-testijiet għandhom jiġu żviluppati bil-ħsieb ta' l-implimentazzjoni ta' l-istħarriġ fil-bidu ta' l-2009.

ANNESS

Lista ta' Membri tal-Bord Konsultattiv għall-Indikatur Ewropew tal-Kompetenza Lingwistika

Pajjiż | Organizzazzjoni | Titlu | Kunjom | Isem |

Il-Kunsill ta’ l-Ewropa | Is-Sur | Sheils | Joseph |

Eurydice | Is-Sa | Baidak | Nathalie |

L-Awstrija | Österreichisches Sprachen-Kompetenz-Zentrum | Is-Sur | Abuja | Gunther |

Il-Belġju (il-Komunità Fjamminga) | Id-Dipartiment Fjamming għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ – Diviżjoni Kurrikulu | Is-Sa | Raes | Nicole |

Il-Belġju (il-Komunità Ġermaniża) | għadu mhux maħtur |

Il-Belġju (il-Komunità Franċiża) | Service général de pilotage du système éducatif | Is-Sur | Woolf | Alain |

Il-Bulgarija | għadu mhux maħtur |

Ċipru | Ministeru ta' l-Edukazzjoni u l-Kultura | Is-Sa | Tofaridou | Efrosyni |

Ir-Repubblika Ċeka | Istitut għall-Informazzjoni u l-Edukazzjoni | Is-Sa | Kramplova | Iveta |

Id-Danimarka | Ministeru għall-Edukazzjoni, Unità Internazzjonali | Is-Sa | Andersen | Pernille Skou Brønner |

L-Estonja | Ċentru Nazzjonali għall-Eżamijiet u l-Kwalifiki | Is-Sa | Sõstar | Kersti |

Il-Finlandja | Bord Nazzjonali Finlandiż ta' l-Edukazzjoni | Is-Sa | Mustaparta | Anna-Kaisa |

Franza | Ministère de l'Education Nationale, de l'Enseignement Supérieur et de la Recherche | Is-Sur | Monnanteuil | François |

Il-Ġermanja | Deutsches Institut für Internationale Pädagogische Forschung (DIPF) | Is-Sur | Klieme | Eckhard |

Il-Ġermanja (sostitut) | Deutsches Institut für Internationale Pädagogische Forschung (DIPF) | Is-Sur | Hesse | Hermann-Günter |

Il-Greċja | Ministeru ta' l-Edukazzjoni Nazzjonali u l-Affarijiet Reliġjużi | Is-Sur | Papadakis | Nikolaos |

Il-Greċja | L-Unità Griega tan-Netwerk Eurydice, Ministeru ta' l-Edukazzjoni Nazzjonali u l-Affarijiet Reliġjużi | Is-Sur | Papamanolis | Nikos |

L-Ungerija | Università ELTE - Istitut Nazzjonali ta' l-Edukazzjoni Pubblika | Is-Sa | Major | Eva |

L-Ungerija | Ministeru ta' l-Edukazzjoni | Is-Sa | Kádár-Fülöp | Judit |

L-Irlanda | Ċentru għall-Istudji tal-Lingwa u l-Komunikazzjoni | Is-Sur | Little | David |

L-Italja | Direttorat-Ġenerali għall-Affarijiet Barranin, Ministeru ta' l-Edukazzjoni | Is-Sa | Di Nicuolo | Giulia |

Il-Latvja | Ministeru ta' l-Edukazzjoni u x-Xjenza | Is-Sur | Mankovs | Leonīds |

Il-Latvja | Iċ-Ċentru għall-Iżvilupp tal-Kurrikulu u l-Eżamijiet | Is-Sa | Muceniece | Gundega |

Il-Litwanja | Iċ-Ċentru għall-Iżvilupp ta' l-Edukazzjoni, Ministeru ta' l-Edukazzjoni u x-Xjenza | Is-Sa | Jariene | Raimonda |

Il-Lussemburgu | Ministère de l’Education et de la Formation professionnelle | Is-Sur | Fandel | Jean-Claude |

Malta | Ministeru għall-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Impjiegi | Is-Sur | Camilleri | George |

L-Olanda | Hesta Advies - en Vertaalbureau | Is-Sur | Molenaar | Peter |

Il-Polonja | Ministeru ta' l-Edukazzjoni Nazzjonali | Is-Sur | Poszytek | Pawel |

Il-Portugall | Faculdade de Psicologia e Ciências da Educação, Universidade de Lisboa | Is-Sa | Peralta | Helena |

Ir-Rumanija | Istitut Nazzjonali għax-Xjenzi Edukattivi | Is-Sur | Nasta | Dan Ion |

Is-Slovakkja | Istitut Nazzjonali għall-Edukazzjoni, Dipartiment tal-Lingwi Barranin | Is-Sa | De Jaegher | Darina |

Is-Slovenja | hija mistennija ħatra ġdida |

Spanja | Ministerio de Educación y Ciencia - Instituto de Evaluación (IE) | Is-Sa | Tovar Sánchez | Carmen |

L-Iżvezja | Skolverket - L-Aġenzija Nazzjonali Svediża għall-Edukazzjoni | Is-Sur | Lagergren | Tommy |

Ir-Renju Unit | Grupp għall-Analiżi Strateġika u s-Servizzi tad-Data – Dipartiment għall-Edukazzjoni u l-Ħiliet | Is-Sur | Leman | Steve |

Ir-Renju Unit (Wales) | L-Università ta' Swansea | Is-Sur | Meara | Paul |

Ir-Renju Unit (l-Iskozja) | L-Awtorità Skoċċiża għall-Kwalifiki | Is-Sur | Van Krieken | Robert |

[1] Konklużjonijiet tal-Presidenza, Barċellona, parti I, Paragrafu 43.1. Marzu 2002.

[2] Strateġija ġdida ta' Qafas għall-Multilingwiżmu, COM (2005) 596 finali

[3] L-Indikatur Ewropew tal-Kompetenza Lingwistika COM (2005) 356 finali

[4] Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 u d-19 ta' Mejju 2006 dwar l-Indikatur Ewropew tal-Kompetenza Lingwistika (2006/C 172/01)

[5] Il-Bord twaqqaf mill-Kummissjoni f'Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Ottubru 2006. Il-Bord kellu żewġ laqgħat matul l-2006.

[6] Qafas koerenti ta’ indikaturi u punti ta’ riferiment biex bihom jiġi mmonitorjat il-progress lejn l-għanijiet ta’ Liżbona fl-edukazzjoni u t-taħriġ COM (2007) 61 finali

[7] COM(2005) 356 finali

[8] Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill (2006/C 172/01)

[9] Eurostat UOE.

[10] Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill (2006/C 172/01)

[11] Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill (2006/C 172/01)

[12] Iċ-Ċentru għar-riċerka dwar it-tagħlim tul il-ħajja (CRELL/iċ-Ċentru Konġunt ta' Riċerka, Ispra) bħalissa qed iwettaq proġett ta' riċerka u żvilupp dwar għodod ta' evalwazzjoni open source ibbażati fuq il-kompjuter għall-evalwazzjoni tal-ħiliet filwaqt li jitqiesu l-inizjattivi ta' riċerka li għaddejjin f'dan il-qasam.

[13] Ir-riżorsi finanzjarji u umani ta' l-istħarriġ għall-indikatur tal-lingwa barranija diġà ġew deskritti fl-anness finanzjarju ta' COM (2005) 356 finali