52007DC0161




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 4.4.2007

KUMM(2007) 161 finali

GREEN PAPER

Iż-Żona Ewropea tar-Riċerka: Perspettivi Ġodda

{SEG(2007) 412}

GREEN PAPER

Iż-Żona Ewropea tar-Riċerka: Perspettivi Ġodda (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

Sommarju

Hekk kif qegħdin noqorbu biex jiġi rivedut l-ewwel ċiklu ta’ tliet snin ta’ l-Istrateġija mġedda ta’ Liżbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi u l-ftuħ tat-tieni ċiklu fl-2008, dan huwa żmien tajjeb biex wieħed jevalwa l-progress li sar u jiddiskuti l-orjentazzjonijiet futuri fuq waħda mill-elementi ewlenin tagħha – iż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ERA– European Research Area ) . F’dinja li qed tinbidel u kkaratterizzata mill-globalizzazzjoni aċċellerata fir-riċerka u t-teknoloġija u l-iżvilupp ta’ setgħat ġodda fix-xjenza u fit-teknoloġija – notevolment iċ-Ċina u l-Indja, iż-Żona Ewropea tar-Riċerka hija aktar minn qabel il-qofol għal soċjetà Ewropea ta’ l-Għarfien. Soċjetà bħal din hija waħda fejn ir-riċerka, l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-innovazzjoni huma għal kollox mobilizzati biex jilħqu l-ambizzjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali ta’ l-UE u l-aspettattivi taċ-ċittadini tagħha.

Il-kunċett ta’ l-ERA jiġbor flimkien: “suq intern” Ewropew għar-riċerka, fejn ir-riċerkaturi, it-teknoloġija u l-għarfien jiċċirkolaw b’mod ħieles; koordinazzjoni effettiva fuq livell Ewropew ta’ attivitajiet, ta’ programmi u ta’ politika nazzjonali u reġjonali tar-riċerka; u inizzjattivi implimentati u ffinanzjati fuq livell Ewropew. Sar xi progress minn mindu l-kunċett ġie aċċettat fil-Kunsill Ewropew ta’ Liżbona fl-2000. Iż-Żona Ewropea ta’ Riċerka saret riferenza ewlenija għall-politika tar-riċerka fl-Ewropa. Iżda, għad hemm ħafna xi jsir biex tinbena l-ERA, b’mod partikolari biex tingħeleb il-frammentazzjoni ta’ l-attivitajiet tal-programmi u tal-politika ta’ riċerka fl-Ewropa kollha kemm hi. Iż-Żona Ewropea tar-Riċerka li jeħtiġuha l-komunità xjentifika, in-negozju u ċ-ċittadini għandu jkollha dawn il-karatteristiċi li ġejjin:

- Fluss adegwat ta’ riċerkaturi kompetenti li għandhom livelli għoljin ta’ mobbiltà bejn l-istituzzjonijiet, id-dixxiplini, is-setturi u l-pajjiżi;

- Infrastrutturi tar-riċerka ta’ klassi dinjija , integrati, kollegati bejniethom u aċċessibbli għat-timijiet ta’ riċerka mill-Ewropa kollha u mid-dinja kollha, partikolarment bis-saħħa ta' ġenerazzjonijiet ġodda ta’ infrastutturi tal-komunikazzjoni elettronika;

- Istituzzjonijiet eċċellenti ta’ riċerka li huma involuti f’kooperazzjoni u sħubijiet effettivi bejn is-settur pubbliku u dak privat, li jiffurmaw il-qalba ta’ l-‘għenieqed’ tar-riċerka u ta’ l-innovazzjoni, inklużi ‘komunitajiet virtwali tar-riċerka’, speċjalizzati l-aktar f’oqsma interdixxiplinarji u li jiġbdu massa kritika ta’ riżorsi umani u finanzjarji;

- Qsim effettiv ta’ l-għarfien b’mod partikolari bejn ir-riċerka pubblika u l-industrija, kif ukoll mal-pubbliku ġenerali;

- Programmi u prioritajiet tar-riċerka koordinati tajjeb, inkluż volum sinifikanti ta’ investiment f’diversi programmi pubbliċi ta’ riċerka fuq livell Ewropew li jinvolvi prioritajiet komuni, implimentazzjoni koordinata u evalwazzjoni konġunta; u

- Żona Ewropea tar-Riċerka miftuħa beraħ għad-dinja b’enfasi speċjali fuq il-pajjiżi fil-qrib u impenn qawwi biex jiġu indirizzati sfidi globali ma’ sħab l-Ewropa.

Fuq bażi ta’ valutazzjoni tas-sitwazzjoni f’dawn l-oqsma ewlenin, din il-Green Paper tqajjem għadd ta’ mistoqsijiet dwar kif għandha tiġi approfondita u mwessgħa ż-Żona Ewropea ta’ Riċerka sabiex tikkontribwixxi bis-sħiħ għall-istrateġija mġedda ta’ Liżbona. Hija maħsuba biex tibda dibattitu istituzzjonali u pubbliku wiesa’ bl-għan li tipprepara l-inizzjattivi għall-2008.

WERREJ

1. Ħarsa ġdida lejn iż-Żona Ewropea tar-Riċerka 5

2. Il-viżjoni taż-Żona Ewropea tar-Riċerka 8

3. Nagħmlu l-ERA realtà 10

3.1. Nirrealizzaw suq uniku tax-xogħol għar-riċerkaturi 10

3.2. Niżviluppaw infrastrutturi tar-riċerka ta’ klassi dinjija 12

3.3. It-tisħiħ l-istituzzjonijiet tar-riċerka 14

3.4. It-tqassim ta’ l-għarfien 16

3.5. Nottimizzaw il-programmi u l-prioritajiet tar-riċerka 17

3.6. Ninfetħu għad-dinja: il-kooperazzjoni internazzjonali fix-xjenza u fit-teknoloġija 20

4. Inkomplu mexjin: id-dibattitu pubbliku u lil hinn minnu 22

1. ĦARSA ġDIDA LEJN Iż-ŻONA EWROPEA TAR-RIċERKA

Sa minn Marzu 2000, meta l-Kunsill Ewropew ta’ Liżbona aċċetta l-għan li tinħoloq Żona Ewropea tar-Riċerka (ERA), tnedew bosta inizzjattivi. Wasal il-waqt li jiġi vvalutat xi ntlaħaq s’issa u li ssir riflessjoni fuq dak li għad irid isir biex l-ERA ssir realtà. |

Il-globalizzazzjoni ġġib magħha opportunitajiet u sfidi għaż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ERA) | Is-sens ta’ urġenza biex l-ERA tiġi eżaminata mill-ġdid joħroġ mill-fatt li l-globalizzazzjoni tar-riċerka u t-teknoloġija qed taċċellera u s-setgħat ġodda fix-xjenza u t-teknoloġija – iċ-Ċina, l-Indja u ekonomiji oħrajn li qed jiżviluppaw – qed jiġbdu ammonti konsiderevoli u dejjem akbar ta’ investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp (R&D)[1]. Dawn l-iżviluppi jġibu opportunitajiet ġodda għall-Ewropa u d-dinja. Fl-istess ħin, iqajmu l-kwistjoni ta’ l-abbiltà ta’ l-Ewropa li żżomm il-kompetittività fl-għarfien u fl-innovazzjoni, li hija l-qalba ta’ l-Istrateġija mġedda ta’ Liżbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi. L-indirizzar ta’ din il-kwistjoni se tkun tema ewlenija għaċ-ċiklu li ġej ta’ tliet snin ta’ l-Istrateġija, li se jibda fl-2008. |

L-UE u l-Istati Membri għarfu bis-sħiħ li, flimkien ma’ edukazzjoni ta’ kwalità tajba ħafna u tagħlim tul il-ħajja u ambjent ta’ appoġġ għall-innovazzjoni, l-ERA hija essenzjali biex l-Ewropa ssir soċjetà ewlenija bbażata fuq l-għarfien u b’hekk jinħolqu l-kundizzjonijiet għall-prosperità mtawla. Il-kunċett ta’ l-ERA jinkludi tliet aspetti relatati ma’ xulxin: ‘suq intern’ Ewropew għar-riċerka, fejn ir-riċerkaturi, it-teknoloġija u l-għarfien jistgħu jiċċirkolaw b’mod ħieles; koordinazzjoni effettiva fuq livell Ewropew ta’ attivitajiet, programmi u politika nazzjonali u reġjonali ta' riċerka; u inizjattivi implimentati u ffinanzjati fuq livell Ewropew[2]. |

Sar progress fil-kreazzjoni ta’ ERA | Kif jidher fid-dokument anċillari ta’ ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni, ittieħdu ħafna azzjonijiet biex isir progress fuq dawn l-aspetti, partikolarment: |

Il-Programm ta' Qafas tar-Riċerka ta’ l-UE huwa mfassal espliċitament biex jappoġġja l-ħolqien ta’ l-ERA u l-finanzjament tiegħu żdied b’mod sostanzjali, għalkemm dan huwa inqas milli pproponiet il-Kummissjoni Ewropea fil-bidu. Inizzjattivi ġodda mibnija flimkien mas-7 Programm ta' Qafas (2007-2013), bħall-Kunsill Ewropew tar-Riċerka, se jkollhom impatt importanti fuq l-istampa ġenerali Ewropea tar-riċerka. L-Istitut Ewropew tar-Riċerka tal-futur għandu l-potenzjal li jkollu rwol sostanzjali fil-ħolqien tal-‘komunitajiet ta’ l-għarfien u l-innovazzjoni’ ta’ klassi dinjija. |

Tnedew inizjattivi biex titjieb il-koordinazzjoni ta’ l-attivitajiet u l-programmi tar-riċerka. Huma jinkludu l-Pjattaformi Ewropej tat-Teknoloġija, li permezz tagħhom l-industrija u partijiet interessati oħrajn jiżviluppaw viżjonijiet komuni fit-tul u aġendi ta’ strateġija tar-riċerka fl-oqsma ta’ interess kummerċjali, u l-iskema minn isfel ’il fuq 'ERA-Net' li tappoġġja l-koordinazzjoni ta’ programmi nazzjonali u reġjonali[3]. |

Il-koordinazzjoni tal-politika hija indirizzata permezz tal-‘metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni’ u l-użu ta’ linji gwida u rakkomandazzjonijiet volontarji. Dan qed jistimula proċess ta’ dibattitu u riformi fuq livell nazzjonali, li b'konsegwenza tiegħu l-Istati Membri kollha waqqfu miri nazzjonali ta’ l-investiment fl-R&D fil-kuntest ta’ l-għan ta’ l-investiment ta’ l-UE fl-R&D ta’ 3% tal-GDP, u ħadu miżuri biex itejbu is-sistemi tagħhom ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni[4]. |

L-UE adottat ‘strateġija ta’ innovazzjoni fuq bażi wiesgħa’, li f’Novembru 2006 ser ittejjeb il-kundizzjonijiet qafas għar-riċerka u l-innovazzjoni[5]. F’dan il-kuntest, ġie adottat qafas Komunitarju modernizzat għall-għajnuna mill-Istat għar-riċerka u l-innovazzjoni[6] u gwida għal użu aktar effettiv ta’ inċentivi fiskali għall-R&D[7] ġew addottati f’Novembru 2006 qed tiġi proposta strateġija ta’ brevet Ewropew biex jingħeleb in-nuqqas ta’ kompromess dwar il-brevett Komunitarju[8], u qed jiġu ppreparati inizzjattivi biex jiġi sostnut il-ħruġ ta’ ‘swieq mexxejja’ Ewropej f’setturi li huma intensivi fit-teknoloġija u li huma promettenti. |

Il-politika tal-koeżjoni ta’ l-UE u l-istrumenti finanzjarji tagħha – il-Fondi Strutturali – jagħtu priorità qawwija għall-iżvilupp ta’ kapaċitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni, b’mod partikolari f’reġjuni inqas żviluppati. Flimkien mal-priorità mogħtija fil-politika interna ta’ ħafna mill-Istati Membri, dan jista’ jgħin lill-Ewropa kollha tieħu sehem fi u tikseb il-benefiċċju sħiħ miż-Żona Ewropea tar-Riċerka. |

…iżda għad fadal ħafna xogħol bażiku xi jsir biex tingħeleb il-frammentazzjoni tal-bażi ta’ riċerka pubblika u… | Dawn l-inizzjattivi huma passi ta’ valur li fuqhom jista’ jinbena aktar progress. Iżda għad fadal ħafna xogħol ta’ preparazzjoni biex tinbena l-ERA, b’mod partikolari biex tingħeleb il-frammentazzjoni li għadha karatteristika ewlenija tal-bażi tar-riċerka pubblika Ewropea. Il-frammentazzjoni trażżan lill-Ewropa milli twettaq il-potenzjal tagħha fir-riċerka u l-innovazzjoni, bi spiża kbira għall-Ewropej bħala persuni li jħallsu t-taxxa, konsumaturi u ċittadini: |

Ir-riċerkaturi jaraw l-opportunitajiet għall-karrieri mnaqqsa minn ostakoli legali u prattiċi li jrażżnu l-mobbiltà tagħhom bejn l-istituzzjonijiet, is-setturi u l-pajjiżi. |

In-negozji spiss isibuha diffiċli jikkooperaw u jidħlu fi sħubiji ma’ istituzzjonijiet ta’ riċerka fl-Ewropa, b’mod partikolari bejn il-pajjiżi. |

Il-finanzjament nazzjonali u reġjonali (programmi, infrastruttura, fondi ewlenin ta’ l-istituzzjonijiet tar-riċerka) għadu għall-parti l-kbira mhux koordinat. Dan iwassal għal tixrid ta’ riżorsi, xogħol ripetut eċċessiv, benefiċċji mhux imsarrfa minn dak li potenzjalment seta’ jinkiseb, u nuqqas li jitwettaq ir-rwol globali li mod ieħor il-kapaċità ta’ l-Ewropa fl-R&D tippermetti, b’mod partikolari fl-indirizzar ta’ l-isfidi globali ewlenin. |

Ir-riformi mwettqa fuq livell nazzjonali spiss jonqoshom perspettiva Ewropea u koerenza transnazzjonali. |

L-Ewropej jidhru li huma konxji ta’ dawn l-ispejjeż. Skond stħarriġ reċenti, 83% iqisu li għandu jkun hemm koordinazzjoni ta’ attivitajiet ta’ riċerka bejn l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea[9]. |

…biex jinżamm u jinġibed aktar investiment fl-R&D min-negozju fl-Ewropa | Il-frammentazzjoni tar-riċerka pubblika tnaqqas l-attrazzjoni ta’ l-Ewropa għan-negozju bħala post għall-investiment fl-R&D. Is-settur kummerċjali għandu jikkontribwixxi żewġ terzi tat-3% tal-GDP tal-mira ta’ l-intensità ta’ l-R&D. Id-data reċenti tindika li l-kumpaniji bbażati fl-UE żiedu l-infiq tagħhom globali fl-R&D b’aktar minn 5% fl-2006 iżda dan għadu inqas mir-rata taż-żjieda fl-infiq fl-R&D ta’ dawk bħalhom li mhumiex ibbażati fl-UE[10]. Fil-fatt, il-kumpaniji bbażati fl-UE jinvestu aktar fl-R&D fl-Istati Uniti milli jinvestu fl-UE l-kumpaniji bbażati fl-Istati Uniti u dan il-ħruġ nett transatlantiku ta’ l-investimenti fl-R&D qed jiżdied[11]. Żjieda sostanzjali u sostnuta ta’ l-investiment fl-R&D min-negozju huwa essenzjali biex tintemm il-qagħda kurrenti ta’ l-intensità totali ta’ l-UE fl-R&D ta’ 1.9% tal-GDP[12] u biex isir progress lejn miri nazzjonali u ta’ l-UE. |

L-istħarriġ[13] jindika li meta jinvestu fl-R&D, in-negozji jfittxu primarjament: |

Kundizzjonijiet qafas favorevoli għall-kummerċjalizzazzjoni tat-teknoloġiji; |

Għadd xieraq ta’ riċerkaturi mħarrġa sew u mobbli, li jirrispondu għall-bżonnijiet ta’ l-industrija; u |

Bażi pubblika tar-riċerka eċċellenti (istituzzjonijiet u infrastrutturi tar-riċerka) bil-kooperazzjoni sħiħa ma’ l-industrija. |

Filwaqt li l-analiżi mill-UE tas-suq uniku[14] u l-inizzjattivi li jiġu mill-istrateġija wiesgħa ta’ innovazzjoni bħal dawk imsemmija hawn fuq jiffokaw fuq in-naħa tad-domanda għall-innovazzjoni, din il-Green Paper tiffoka fuq il-fatturi li jaffettwaw il-ħidma tas-sistemi tar-riċerka fl-Ewropa, bl-għan li tingħeleb il-frammentazzjoni ta’ l-isforzi u tal-politika u li jiżguraw li l-Ewropa tieħu l-vantaġġ massimu mill-globalizzazzjoni fix-xjenza u fit-teknoloġija. |

2. IL-VIżJONI TAż-ŻONA EWROPEA TAR-RIċERKA

Iż-Żona Ewropea tar-Riċerka se tpoġġi l-għarfien fl-għeruq tas-soċjetà u tillibera l-potenzjal ta’ l-għarfien ta’ l-Ewropa fid-dimensjonijiet kollha tiegħu: il-persuni, l-infrastrutturi, l-organizzazzjonijiet, il-finanzjar, iċ-ċirkolazzjoni ta’ l-għarfien u l-kooperazzjoni globali | Biex jitwaqqaf qafas għad-diskussjoni, jiġu allinjati l-isforzi u jiġi stmat il-progress li sar, huwa importanti li jiġu identifikati l-karatteristiċi ewlenin ta’ ERA li tkun kompletament fis-seħħ. Filwaqt li tibni fuq il-prinċipji ewlenin maqbula unanimament fl-2000, l-ERA għandha tinkludi: |

1. Cirkolazzjoni xierqa ta’ riċerkaturi kompetenti. Ir-riċerkaturi għandhom jiġu mqanqla minn suq ta’ ħidma uniku b’kundizzjonijiet ta’ xogħol attraenti għall-irġiel u n-nisa, li jinvolvi b’mod partikolari n-nuqqas ta’ ostakoli finanzjarji jew amministrattivi għall-mobbiltà transnazzjonali. Għandu jkun hemm ftuħ sħiħ tal-pożizzjonijiet akkademiċi tar-riċerka u programmi nazzjonali tar-riċerka madwar l-Ewropa kollha, b’inċentiva qawwija biex ir-riċerkaturi jinħatru internazzjonalment, u l-moviment faċli bejn id-dixxiplini u bejn is-settur pubbliku u dak privat – din il-mobbiltà qed issir karatteristika normali ta’ karriera ta’ riċerka li tirnexxi. |

2. Infrastrutturi tar-riċerka ta’ klassi dinjija. L-infrastrutturi ewlenin għandhom jinbnew u jiġu utilizzati fil-forma ta’ intrapriżi Ewropej msieħba. Għandhom ikunu aċċessibbli għat-timijiet ta’ riċerka minn madwar l-Ewropa u mid-dinja kollha, u r-riċerkaturi li jaħdmu fl-Ewropa għandu jkollhom aċċess għall-infrastrutturi internazzjonali u għat-tagħmir f’partijiet oħra tad-dinja. Dawn l-infrastrutturi għar-riċerka għandhom jiġu integrati, kollegati u aċċessati mill-iżvilupp konkomitanti ta’ ġenerazzjonijiet ġodda ta’ infrastrutturi tal-komunikazzjoni elettronika, kemm fl-Ewropa kif ukoll globalment. |

3. Istituzzjonijiet tar-riċerka eċċellenti. Fl-UE kollha, l-istituzzjonijiet tar-riċerka diversifikati għandhom jiġu mdaħħla sew fil-ħajja soċjali u ekonomika fejn huma bbażati, filwaqt li jikkompetu u jikkooperaw tul l-Ewropa u mad-dinja kollha. Ghandhom ikunu jistgħu jitħalltu b’mod regolari mad-dinja kummerċjali kif ukoll jaħdmu fi sħubiji pubbliċi/privati. Dawn l-isħubiji għandhom ikunu fil-qalba ta’ ‘għenieqed’ speċjalizzati – l-aktar interdixxiplinarji – li jiġbdu massa kritika ta’ riżorsi umani u finanzjarji mid-dinja kollha. Iż-Żona Ewropea tar-Riċerka għalhekk għandha tistruttura ruħha b’mod progressiv fil-forma ta’ netwerk b’saħħtu ta’ għenieqed ta’ riċerka u innovazzjoni. Il-portata tagħhom għandha tiġi amplifikata iżjed permezz ta’ ‘komunitajiet ta’ riċerka virtwali’ maħluqa billi jinġabru u jiġu integrati l-attivitajiet u r-riżorsi minn postijiet differenti fl-Ewropa u lil hinn, bl-użu ta’ għodda b’saħħithom ta’ kompjuters u ta’ komunikazzjoni. Dejjem aktar, l-għenieqed għandhom jiffurmaw u jespandu permezz ta’ din l-integrazzjoni virtwali minflok il-konċentrazzjoni ġeografika. |

4. Tqassim effettiv ta’ l-għarfien. Dan għandu jikkonsisti fi: aċċess miftuħ u faċli għall-bażi ta’ l-għarfien pubbliku; reġim sempliċi u armonizzat għad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali, inkluża sistema tal-brevetti li hija kost-effiċjenti u prinċipji komuni għat-trasferiment ta’ l-għarfien u l-kooperazzjoni bejn ir-riċerka pubblika u l-industrija; kanali ta’ komunikazzjoni innovattivi biex il-pubbliku in ġenerali jkollu aċċess għall-għarfien xjentifiku, il-mezzi biex jista’ jiddiskuti l-aġendi tar-riċerka u l-kurżità biex jitgħallem aktar dwar ix-xjenza. |

5. Programmi u prioritajiet ta’ riċerka koordinati tajjeb. Dan għandu jinkludi l-ipprogrammar, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni konġunti ta’ l-investimenti tar-riċerka pubblika fuq livell Ewropew dwar kwistjonijiet li jmorru lil hinn mill-kapaċitajiet tal-pajjiżi individwali. Il-prioritajiet komuni għandhom jiġu identifikati billi jsir ħsieb konġunt bil-quddiem, li jinvolvi lill-komunità xjentifika, lis-soċjetà u lill-industrija, u jittieħdu deċiżjonijiet u azzjonijiet konġunti. F’dawn l-oqsma u oħrajn, il-programmi nazzjonali u reġjonali tar-riċerka għandhom joffru l-kunfidenza li l-prinċipji ewlenin li jirregolaw l-applikazzjonijiet għall-finanzjament għar-riċerka huma komparabbli fl-UE kollha u jiżguraw l-ogħla livell ta’ kwalità. Flimkien għandhom jikkostitwixxu sistema sempliċi trasparenti u koerenti ta’ finanzjament tar-riċerka bbażata fuq bosta għejun pubbliċi (nazzjonali, reġjonali u Ewropej) u assoċjata ma’ għejun privati (inklużi organizzazzjonijiet filantropiċi u tas-soċjetà ċivili). |

6. Ftuħ wiesa’ taż-Żona Ewropea tar-Riċerka għad-dinja. Għandu jkun hemm enfasi speċjali fuq il-parteċipazzjoni tar-reġjuni qrib ta’ l-UE, flimkien ma’ l-iżvilupp ta’ inizzjattivi multilaterali biex jiġu indirizzati sfidi globali ma’ sħab l-UE. |

Barra minn dan, tliet kwistjonijiet ta’ tħassib importanti jitraversaw id-dimensjonijiet kollha ta’ l-ERA: |

Il-politika Ewropea dwar ir-riċerka għandu jkollha għeruq sodi fis-soċjetà Ewropea. Minbarra t-tfittxija għall-eċċellenza xjentifika, ir-riċerka Ewropea għandha tappoġġja l-avvanz u t-tixrid ta’ l-għarfien u tirfed il-politika għall-iżvilupp sostenibbli fl-oqsma tat-tħassib ewlieni pubbliku bħas-saħħa, l-enerġija u t-tibdil fil-klima[15]. Għandha tesperimenta b’modi ġodda biex tinvolvi lis-soċjetà b’mod ġenerali fid-definizzjoni, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni ta’ l-aġendi għar-riċerka u l-promozzjoni tal-progress responsabbli tax-xjenza u t-teknoloġija, fi ħdan qafas ta’ prinċipji etiċi bażiċi komuni u fuq bażi ta’ prattika miftiehma li tista’ tispira lill-bqija tad-dinja. |

Għandu jinstab il-bilanċ xieraq bejn il-kompetizzjoni u l-kooperazzjoni. Ir-riċerkaturi u l-istituzzjonijiet ta’ riċerka għandhom jingħataw stimolu minn livelli ogħla ta’ kompetizzjoni fuq livell Ewropew biex jiġu żviluppati l-ogħla kapaċitajiet ta’ klassi dinjija. Fl-istess ħin għandhom ikunu involuti f’kooperazzjoni u sħubiji aktar b’saħħithom fl-Ewropa kollha u lil hinn minnha sabiex jindirizzaw b’mod effettiv il-kwistjonijiet ta’ interess komuni. |

Għandu jinkiseb benefiċċju sħiħ mid-diversità ta’ l-Ewropa li ġiet arrikkita mill-fażijiet ta’ tkabbir reċenti. Il-pajjiżi u r-reġjuni Ewropej jistgħu jibnu fuq is-saħħiet tagħhom billi jiżviluppaw b’mod progressiv l-ispeċjalizzazzjoni f’xi oqsma. Iżda għandhom ikunu jistgħu jżommu jew jiksbu aċċess għal għarfien speċjalist ieħor u kapaċitajiet tax-xjenza u tat-teknoloġija fil-bqija ta’ l-Ewropa u d-dinja, b’mod partikolari permezz tal-mobbiltà tar-riċerkatur, it-tqassim ta’ l-għarfien u l-iżvilupp ta’ netwerks u ‘komunitajiet’ virtwali. |

Hija neċessarja azzjoni urġenti | In-natura tar-riċerka tfisser li jeżistu interdipendenzi kumplessi bejn il-karatteristiċi msemmija ta’ l-ERA u d-dimensjonijiet li jitraversawhom, kif jintwera hawn taħt. Xi karatteristiċi jdumu aktar biex jiġu stabbiliti minn oħrajn, għalhekk il-viżjoni ta’ l-ERA ma tistax tinkiseb għal kollox qabel 10 snin jew 15-il sena – madwar l-2020. Iżda, din in-natura sistematika ta’ l-ERA titlob li tittieħed azzjoni urġenti sabiex isir progress mill-aktar fis possibbli fuq il-livelli kollha – aktar u aktar minħabba l-effett qawwi ta’ lieva li jkollu dan fuq l-investiment privat dejjem akbar fir-riċerka u l-innovazzjoni u fil-promozzjoni ta’ ekonomija bbażata fuq l-għarfien fuq livell aktar kompetittiv. |

L-elementi tal-viżjoni taż-Żona Ewropea tar-Riċerka

1. Huma dawn l-elementi essenzjali li għandha tipprovdi ż-Żona Ewropea tar-Riċerka? Hemm elementi oħrajn li għandhom jitqiesu fil-viżjoni?

2. X’għandhom ikunu r-rwoli tal-politika nazzjonali, reġjonali u ta’ l-UE biex tiġi stabbilita Żona Ewropea tar-Riċerka bħal din u tieħu l-aħjar vantaġġ mid-dimensjoni Ewropea fil-kuntest tal-globalizzazzjoni u l-ispeċjalizzazzjoni nazzjonali u reġjonali?

3. Liema inizzjattivi ta’ l-UE jistgħu jillevaw bl-aħjar mod l-isforzi totali pubbliċi u privati biex tiġi realizzata l-viżjoni?

3. NAGħMLU L-ERA REALTÀ

Din it-taqsima tanalizza s-sitwazzjoni tar-riċerka Ewropa fir-rigward tas-sitt dimensjonijiet ewlenin taż-Żona Ewropea tar-Riċerka. Għal kull waħda minnhom, jitqajmu għadd ta’ mistoqsijiet biex tiġi provokata diskussjoni miftuħa fost dawk kollha li għandhom interess fir-riċerka.

3.1. Nirrealizzaw suq uniku tal-ħidma għar-riċerkaturi

Karrieri attraenti u mobbiltà bla fruntieri huma essenzjali għar-riċerkaturi … …iżda ‘l bogħod milli jkunu realtà | Sfida ewlenija għall-Ewropa hija li tħarreġ, terġa’ tħarreġ u tiġbed riċerkaturi aktar kompetenti. Barra minn dan, il-mobbiltà bla tarf tar-riċerkaturi bejn l-istituzzjonijiet, is-setturi u l-pajjiżi hija aktar importanti milli għall-professjonijiet l-oħrajn: hija essenzjali biex isir bilanċ aħjar bejn it-talba għal u l-provvista tar-riċerkaturi, b’mod partikolari minħabba l-ispeċjalizzazzjoni għolja tagħhom u n-numru relativament baxx; hija tikkostitwixxi waħda mill-mezzi l-aktar effiċjenti għat-trażmissjoni ta’ l-għarfien; u hija rekwiżit dejjem aktar importanti għall-iżvilupp ta’ l-għarfien u l-karrieri fix-xjenza. Illum, ħafna mir-riċerkaturi fl-Ewropa għadhom isibu l-opportunitajiet tagħhom imnaqqsa minħabba l-fruntieri istituzzjonali u nazzjonali, kundizzjonijiet tax-xogħol foqra u ftit li xejn prospetti għall-karriera[16]. Fil-prattika, il-pożizzjonijiet akkademiċi għadhom għall-parti l-kbira riżervati għall-impjegati nazzjonali u wkoll interni[17]. Il-kompetizzjoni trasparenti għall-ħatra ta’ impjegati hija l-eċċezzjoni minflok ir-regola. Il-mobbiltà fuq il-fruntieri jew bejn l-akkademja u l-industrija għandha t-tendenza li tiġi penalizzata minfkoll premjata. L-amministrazzjonijiet normalment ma jippermettux lir-riċerkaturi jirċievu jew iġorru s-sussidji għar-riċerka min-naħa għall-oħra tal-fruntiera. |

Huwa għalhekk li numru daqshekk kbir ta’ gradwati u detenturi ta’ dottorati Ewropej jitilqu minn karrieri ta’ riċerka jew iwettqu karrieri ta’ riċerka fejn isibu opportunitajiet aħjar – l-aktar fl-Istati Uniti. Fl-istess ħin, in-nisa għadhom mhux rappreżentati biżżejjed, b’mod partikolari f’xi oqsma tax-xjenza u l-inġinerija u f’pożizzjonijiet ta’ responsabbiltà. Id-demografiċi wkoll għandhom impatt dejjem aktar negattiv fuq is-settur tar-riċerka Ewropea, b’nuqqasijiet potenzjali ta’ riċerkaturi f’xi oqsma minħabba li jirtiraw ġenerazzjonijiet aktar anzjani u t-telf ta’ kompetenza marbut ma’ dan il-fatt. |

Hija meħtieġa ħidma fil-livelli kollha fis-setturi privati u pubbliċi | Għalhekk huwa essenzjali li jiġi stabbilit suq ta’ ħidma Ewropew uniku u miftuħ għar-riċerkaturi, li jiżgura “ċirkolazzjoni ta’ l-imħuħ” effettiva ġewwa l-Ewropa u ma’ pajjiżi sħab u li jiġbed it-talent żgħażugħ u lin-nisa lejn karrieri ta’ riċerka. Dan jeħtieġ sforzi fuq il-livelli kollha fis-settur privat u dak pubbliku u mill-amministrazzjonijiet lokali, nazzjonali u Ewropej. Is-settur privat għandu jiġi mħeġġeġ jiżviluppa u jespandi opportunitajiet għar-riċerkaturi. Fl-istess ħin, l-awtoritajiet pubbliċi u l-istituzzjonijiet tar-riċerka għandhom bżonn jaħdmu biex ineħħu l-ostakoli legali, amministrattivi u prattiċi (ez. Lingwistiċi) għall-mobbiltà ġeografika u inter-settorali, itejbu l-impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol għar-riċerkaturi, jirrikkonċijlaw il-ħajja professjonali, privata u tal-familja, u jindirizzaw kwistjonijiet ta’ sess u demografiċi. |

Sistemi voluntarji jwasslu għal progress bil-mod | L-UE ħadet bosta inizzjattivi biex tippromwovi żona Ewropea li tiġbed aktar lir-riċerkaturi[18], iżda l-progress jibqa’ ferm limitat minħabba n-natura volontarja tal-maġġor parti tagħhom u, f’xi każijiet, in-nuqqas ta’ koordinazzjoni ma’ u bejn miżuri simili nazzjonali u reġjonali. Per eżempju, il-Karta Ewropea tar-Riċerkaturi u l-Kodiċi ta’ Kondotta għar-reklutaġġ tagħhom qed jiksbu appoġġ dejjem jiżdied, iżda dan huwa proċess bil-mod u l-progress reali jseħħ biss meta l-prinċipji li qed jiġu sottoskritti jiġu segwiti mill-implimentazzjoni konkreta. |

Jitqiesu passi ulterjuri għall-portabbiltà tad-dispożizzjonijiet tas-sigurtà soċjali | Dwar il-portabbiltà tad-dispożizzjonijiet tas-sigurtà soċjali, ir-regolamenti eżistenti biex tiġi modernizzata u semplifikata l-koordinazzjoni ta’ l-iskemi tas-sigurtà soċjali huma passi fid-direzzjoni t-tajba. L-istess jgħodd għall-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar it-titjib tal-portabbiltà tad-drittijiet ta’ pensjonijiet supplimentari. Iżda s-sitwazzjoni speċifika tar-riċerkaturi, li għandhom dejjem aktar bżonn li jkunu mobbli għal partijiet kbar tal-karrieri tagħhom, tipikament permezz ta’ karigi jew ħatriet fiż-żmien medju, tippreżenta diffikultajiet serji. Dan jeħtieġ kooperazzjoni amministrattiva mtejjba bejn l-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali[19] kif ukoll li jittieħdu aktar passi. |

Jittejjbu l-edukazzjoni u t-taħriġ tar-riċerkaturi | Huwa wkoll essenzjali li tittejjeb aktar l-edukazzjoni u t-taħriġ kontinwu tar-riċerkaturi. Ir-riċerkaturi żgħażagħ li ġew imħarrġa fl-Ewropa għandhom ikunu konfidenti li l-kwalifiki tagħhom ikunu premjati mill-karrieri tagħhom. Il-programmi dottorali Ewropej u t-taħriġ ulterjuri għandhom jilħqu standards ta’ kwalità stretti, jilħqu l-bżonnijiet ta’ l-akkademja u tan-negozju, u jkunu rikonoxxuti madwar l-Ewropa. Ir-riċerkaturi kollha fuq il-livelli kollha għandhom ikunu mħarrġa f’xogħol f’bosta dixxiplini u fl-amministrazzjoni tax-Xjenza u t-Teknoloġija, inkluż it-trasferiment ta’ l-għarfien u d-djalogu mas-soċjetà. |

Nirrealizzaw suq uniku tax-xogħol għar-riċerkaturi

4. Hemm bżonn ta’ qafas Ewropew aktar effettiv biex jitjiebu b’mod sinjifikanti l-ħatra, il-ħidma u l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-mobbiltà ġeografika u intersettorjali tar-riċerkaturi, inklużi l-miżuri infurzabbli?B’mod partikolari:

5. Kif jistgħu l-prinċipji stabbiliti fil-Karta Ewropea għar-Riċerkaturi u l-Kodiċi tal-Kondotta għall-Ħatra tagħhom jiġu implimentati b’mod effettiv, sabiex tiġi żviluppata b’mod sħiħ id-dimensjoni Ewropea tal-karrieri tar-riċerka, inkluż il-ftuħ transnazzjonali tal-postijiet vojta u l-opportunitajiet ta’ fondi għar-riċerkaturi?

6. Hemm bżonn ta’ qafas Ewropew biex tiġi żgurata l-portabbiltà tad-dispożizzjonijiet tas-sigurtà soċjali għar-riċerkaturi tul l-Ewropa?

7. Kif jistgħu l-prinċipji tal-‘flessigurtà’ (eż., il-kombinazzjoni tal-flessibbiltà tas-suq tax-xogħol mas-sigurtà fl-impjiegi) jiġu applikati mas-suq tax-xogħol tar-riċerkaturi?

8. Kif nistgħu nżidu in-numru u l-kwalità tar-riċerkaturi fl-Ewropa billi niġbdu talenti żgħażagħ ta’ riċerka, niżguraw l-opportuntajiet indaqs reali għall-irġiel u n-nisa u nisfruttaw l-esperjenza u t-talenti esperti ta’ riċerkaturi li qegħdin fi tmiem il-karriera tagħhom, per eżempju fi rwoli konsultattivi u ta’ taħriġ?

9. Għandhom jiġu żviluppati strateġiji konġunti biex jiżdiedu l-koerenza u l-impatt tal-bosta skemi mmirati li jinnetwerkjaw lir-riċerkaturi Ewropej barra minn pajjiżhom kif ukoll ir-riċerkaturi barranin fl-Ewropa? B’mod simili, hemm għan biex jiżdiedu l-koerenza u l-impatt ta’ skemi Ewropej u nazzjonali għall-moblità internazzjonali tar-riċerkaturi (per eżempju, bl-iżvilupp konġunt ta’ sħubiji internazzjonali bħal ta’ Fulbright)?

10. Kif jistgħu l-bżonnijiet speċifiċi ta’ taħriġ u ta’ l-edukazzjoni tar-riċerkaturi jiġu indirizzati fl-istadji kollha tal-karriera tagħhom, l-ewwel b’kurrikuli ta’ wara l-ewwel gradwazzjoni u dottorali, li jibnu fuq il-proċess ta’ Bolonja għall-edukazzjoni ogħla?

3.2. Niżviluppaw infrastrutturi tar-riċerka ta’ klassi dinjija

Ir-riċerka eċċellenti teħtieġ varjetà ta’ infrastrutturi ta’ riċerka ta’ kwalità għolja (eż., għejun ta’ radjazzjoni għal materjali ġodda, kmamar nodfa għan-nanoteknoloġiji, banek tad-data għall-ġenomiċi u x-xjenzi soċjali, osservatorji għax-xjenzi tad-dinja). L-infrastruttura fuq livell Ewropewj tista’ tipprovdi servizz lill-komunità tar-riċerka Ewropea kollha. Minħabba l-ispejjeż għoljin ta’ bini u ħidma, jagħmel ukoll sens li ħafna minn din l-infrastruttura tiġi maqsuma. |

Nibnu fuq il-Pjan ta’ Rotta ta’ l-Infrastrutturi tar-Riċerka | Pass lejn l-ippjanar aħjar ta’ l-infrastruttura tar-riċerka fuq livell Ewropew inkiseb bil-ħolqien tal-Forum Strateġiku Ewropew dwar l-Infrastrutturi tar-Riċerka (ESFRI - European Strategic Forum on Research Infrastructures). Fl-2006, dan waqqaf ‘pjan ta’ rotta’ Ewropew għall- infrastrutturi tar-riċerka ġodda u aġġornati pan-Ewropej. Il-proritajiet immedjati għandhom ikunu: li jiġi żgurat li l-pjan ta’ rotta effettivament jinkludi l-parti l-kbira ta’ l-infrastrutturi tar-riċerka ippjanati u previsti fl-Ewropa; biex il-pjan ta’ rotta jiġi komplementat f’oqsma li għadhom mhux koperti b’mod xieraq; biex jiġu aċċettati l-proposti tagħha fuq livell politiku; u biex jiġu mobilizzati l-finanzi meħtieġa. |

Isir l-aktar possibbli mis-sorsi ta’ finanzjament | L-implimentazzjoni tal-pjan ta’ rotta ta’ l-ESFRI tqum € 14 bn tul medda ta’ 10 snin. Minkejja ż-żjieda fil-fondi allokata għall-infrastrutturi fis-7 Programm Qafas tar-riċerka u l-possibbiltajiet għall-appoġġ infrastrutturali f’reġjuni inqas żviluppati taħt programm ta’ politika ta’ koeżjoni, il-baġit ta’ l-UE mhuwiex kbir biżżejjed biex jipprovdi l-finanzjament ewlieni għall-kostruzzjoni ta’ infrastrutturi ġodda pan-Ewropej, minbarra li jappoġġja l-aċċess miftuħ għall-infrastrutturi ta’ interess Ewropej u jistimola l-iżvilupp koordinat u l-kollegament tagħhom. Il-mobilizzazzjoni ta’ għejun nazzjonali, privati u oħrajn ta’ fondi hija essenzjali. L-attrazzjoni ta’ l-investiment mill-industrija hija b’mod partikolari importanti minħabba l-livell baxx kurrenti tiegħu ta’ involviment, anki għall-infrastrutturi ta’ interess dirett. |

Tista’ tkun meħtieġa struttura legali xierqa | Diffikultà oħra għat-twaqqif ta’ forom oħrajn ta’ infrastrutturi ta’ riċerka Pan-Ewropej hija n-nuqqas ta’ struttura legali li tippermetti l-ħolqien ta’ sħubiji xierqa. |

Niżviluppaw aktar l-infrastrutturi elettroniċi fl-Ewropa u fid-dinja | Bosta proġetti infrastrutturali proposti huma ta’ skala u ambitu tali li jeħtieġu kooperazzjoni fuq livell globali. Ħafna mill-infrastrutturi kontemplati huma ta’ natura mxerrda, komposti minn bosta elementi integrati permezz ta’ infrastrutturi elettroniċi inklużi repożitorji tad-data u networks ta’ veloċità għolja bħall-GEANT u fuq it-teknoloġiji gradilja li għandhom rwol essenzjali billi jippermettu lil dawn l-elementi jaħdmu flimkien b’modi li jneħħu l-limiti tradizzjonali relatati ma’ ħin, ġeografija, dixxiplina u istituzzjonijiet. Għalhekk ikun meħtieġ li jiġi żgurat pjanar koerenti, żvilupp parallel u integrazzjoni bejn l-infrastrutturi tax-Xjenza u t-Teknoloġija Ewropej u ġenerazzjonijiet ġodda ta’ infrastrutturi elettroniċi, li għandhom ikomplu jiġu implimentati madwar l-Ewropa, inklużi r-reġjuni periferali. L-Ewropa għandha wkoll tkompli bl-estensjoni lejn kontinenti oħrajn ta’ GEANT u ta’ infrastrutturi ta’ gradilja elettronika li jikkostitwixxu elementi b’saħħithom għall-kooperazzjoni internazzjonali u l-istabbiliment ta’ sħubiji globali ta’ riċerka. |

Niżviluppaw infrastrutturi tar-riċerka ta’ klassi dinjija

11. Kif tista’ l-UE, fuq il-bażi ta’ l-identifikazzjoni tal-ħtiġiet mill-ESFRI, tiddeċiedi effettivament fuq infrastrutturi tar-riċerka pan-Ewropej u l-finanzjar tagħhom – u dawn ta’ l-aħħar li jinvolvu lill-Komunità (inklużi s-sinerġiji possibbli ma’ l-istrumenti tal-politika tal-koeżjoni ta’ l-UE), l-Istati Membru, l-industrija, l-EIB u istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn?

12. Għandu jiġi żviluppat qafas legali Ewropew biex jiffaċilita, b’mod partikolari, l-emerġenza u l-ħidma ta’ forom ġodda ta’ infrastrutturi ta’ riċerka ta’ interess pan-Ewropew, inklużi l-infrastrutturi elettroniċi? X’tibdiliet oħra fil-politika u legali huma meħtieġa biex jinkoraġġixxu s-settur privat biex jinvesti aktar fl-infrastruttura tar-riċerka?

13. Hemm bżonn li jiġu definiti prinċipji komuni u trasparenti għall-immaniġġjar ta’, u l-aċċess għal, infrastrutturi ta’ interess Ewropew?

14. Kif jista’ t-titjib kontinwu fuq żmien twil ta’ l-infrastrutturi ta’ riċerka jiġi żgurat, eż., permezz ta’ programmi ta’ xjenza u teknoloġija assoċjati magħhom u infrastrutturi elettroniċi Ewropej?

15. Għandu jinħoloq forum globali dwar l-infrastrutturi tar-riċerka, li jinvolvi lil pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, fejn l-Ewropej jistgħu jitkellmu b’leħen wieħed (kif għamlu fil-proġett ITER dwar ir-riċerka dwar il-fużjoni nukleari)?

3.3. It-tisħiħ ta’ l-istituzzjonijiet tar-riċerka

L-universitajiet u l-organizzazzjonijiet tar-riċerka pubblika jwettqu aktar minn 35% tar-riċerka kollha li ssir fl-Ewropa. Huma s-sors ewlieni ta’ kemm ir-riċerka fundamentali kif ukoll ir-riċerka dwar kwistjonijiet ta’ interess pubbliku, kif ukoll provditur importanti ta’ riċerka applikata li tgħin biex tirfed ir-riċerka kummerċjali u l-innovazzjoni. It-tisħiħ ta’ l-istituzzjonijiet tar-riċerka hija kruċjali biex jingħata stimolu lill-investiment fl-R&D min-negozju fl-Ewropa. |

L-istituzzjonijiet tar-riċerka jiffaċċjaw sfidi dejjem jikbru fil-finanzjament u fl-organizzazzjoni | Iżda, il-potenzjal tagħhom mhuwiex realizzat għal kollox minħabba tixrid sinjifikanti ta’ riżorsi u attivitajiet, kollegamenti nieqsa mal-kummerċ u s-soċjetà, u riġiditajiet fil-funzjonament tagħhom[20]. Biex jitjieb ir-rwol tagħhom bħala atturi fir-riċerka f’ERA mingħajr fruntieri, għandhom jadattaw għal ambjent li qed jinbidel u jitlob dejjem aktar fejn, per eżempju, il-kompetizzjoni għall-fondi u t-talent qed tintensifika kemm fl-Ewropa u ma’ pajjiżi terzi. B’mod partikolari l-universitajiet, fl-intersezzjoni taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u ż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Ogħla, jiffaċċjaw sfidi akbar ta’ finanzjament u organizzazzjoni. |

Huma meħtieġa aktar konċentrazzjoni u speċjalizzazzjoni … | Il-parti l-kbira ta’ l-istituzzjonijiet tar-riċerka Ewropej jonqsu l-massa kritika u, fil-limiti tas-sistemi nazzjonali sub-ottimali, għandhom diffikultajiet biex jilħqu l-aspettattivi bir-riżorsi disponibbli għalihom. Filwaqt li l-kwalità medja tar-riċerka pubblika Ewropea hija tajba, f’ħafna istituzzjonijiet mhijiex qed tilħaq l-istandards ewlenin dinjin[21]. Għalhekk, gradi ta’ konċentrazzjoni u speċjalizzazzjoni huma meħtieġa biex tkun possibbli l-emerġenza ta’ kemm ċentri Ewropej ta’ eċċellenza kompetittivi fuq skala globali kif ukoll ta’ netwerk għani ta’ universitajiet u organizzazzjonijiet pubbliċi tar-riċerka madwar l-UE kollha li jeċċellaw fl-indirizzar ta’ ħtiġiet ta’ riċerka u taħriġ fuq livelli nazzjonali, reġjonali u settorali. |

…li jirrikjedu awtonomija, ġestjoni professjonali tar-riċerka u responsabbiltà … | Tibdil bħal dan jista’ jsir biss jekk l-istituzzjonijiet tar-riċerka, b’mod partikolari l-universitajiet, jingħataw l-awtonomija jippożizzjonaw ruħhom, jikkooperaw u jikkompetu fuq livelli Ewropej u internazzjonali, u jikkollegaw aħjar l-attivitajiet tagħhom ta’ riċerka mal-bżonnijiet ta’ l-industrija u s-soċjetà. Dan għandu jimxi flimkien ma’ professjonaliżmu akbar fl-immaniġġjar tar-riċerka u l-aderenza għal standards aktar trasparenti ta’ responsabbiltà. Ir-riformi li qed isiru f’ħafna pajjiżi għandhom bżonn jitlestew u jiġu estiżi għall-Ewropa kollha. |

…il-finanzjament pubbliku jiġi kollegat mal-produzzjoni u mar-rendiment … | B’mod partikolari l-għotja ta’ fondi pubbliċi għandha tħeġġeġ dan it-tibdil billi dejjem iktar tqis il-produzzjoni u l-fatturi tal-ħidma. L-isħubiji innovattivi pubbliku-privat jeħtieġu wkoll jiġu stimulate aktar u jinsab bilanċ aħjar bejn il-fondi istituzzjonali u dawk kompetittivi. Rigward dan ta’ l-aħħar, il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka jkollu rwol importanti billi jkollu timijiet mill-universitajiet u organizzazzjonijiet oħrajn tar-riċerka jikkompetu għas-sussidji biex jiffinanzjaw l-aħjar ‘riċerka fuq il-fruntieri’ fuq livell Ewropew. |

…il-kreazzjoni ta’ komunitajiet ta’ riċerka virtwali permezz tat-teknoloġiji ta’ l-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICTs)… | L-istituzzjonijiet tar-riċerka għandhom dejjem jaħdmu aktar fil-kuntest ta’ ‘komunitajiet ta’ riċerka virtwali’ Ewropej u globali li jgħaqdu l-organizzazzjonijiet pubbliċi u privati. Dan jeħtieġ esplojtazzjoni kollettiva aħjar ta’ l-opportunitajiet offruti minn infrastrutturi massivi ta’ komputers, ta’ informazzjoni u ta’ komunikazzjoni, li qed isiru fondamentali biex jiċċaqalqu l-fruntieri tar-riċerka. Il-komunitajiet ta’ riċerka virtwali jistgħu wkoll jikkostitwixxu mezz b’saħħtu biex jiżguraw l-inklużjoni ta’ riċerkaturi u studenti minn mad-dinja kollha u minn pajjiżi oħrajn. |

… u jiġu stabbiliti ċentri virtwali ta’ eċċellenza permezz ta’ sħubiji b’saħħithom u li jdumu maż-żmien | L-istituzzjonijiet tar-riċerka għandhom ukoll jiġu mħeġġa joħolqu ‘ċentri virtwali ta’ l-eċċellenza’ fil-forma ta’ sħubiji b’saħħithom u li jdumu maż-żmien bejniethom u ma’ l-industrija, li jmorru lil hinn mill-kooperazzjoni normali bbażata fuq proġett. Dan huwa l-għan tan-‘netwerks ta’ l-eċċellenza’ fil-Programm Qafas tar-riċerka. Lezzjoni mitgħallma taħt is-6 Programm Qafas huwa li l-isħubiji bħal dawn li jdumu maż-żmien huma possibbli biss bejn għadd ristrett ħafna ta’ sħab li jiġbru bejniethom volum sinjifikanti ta’ riżorsi. Għalhekk, tipikament jinvolvu timijiet ta’ riċerka kbar ħafna, jew laboratorji jew unitajiet ta’ riċerka sħaħ. |

Il-'komunitajiet ta’ l-għarfien u l-innovazzjoni’ ta’ l-Istitut Ewropew tat-Teknoloġija (EIT - European Institute of Technology) joffru qafas attraenti biex joħolqu dawn l-isħubiji. Strumenti oħrajn bħal strutturi maqsuma minn bosta istituzzjonijiet biex jinġabru l-kapaċitajiet tal-ġestjoni tar-riċerka (inkluż it-trasferiment tat-teknoloġija, il-ġbir tal-fondi u funzjonijiet ewlenin oħrajn) jistgħu jgħinu biex jinħolqu ċentri virtwali ta’ eċċellenza. |

It-tisħiħ ta’ l-istituzzjonijiet tar-riċerka

16. Kif jistgħu r-riżorsi ta’ l-istituzzjonijiet tar-riċerka Ewropej jiġu msaħħa bil-mod l-aktar kost-effettiv, sabiex ikunu jistgħu jiksbu l-eċċellenza u jikkompetu fuq skala dinjija?

17. Kif jistgħu l-atturi fir-riċerka jiġu mħeġġa aħjar biex joħolqu ċentri virtwali ta’ eċċellenza ta’ livell dinji, bħal fil-kuntest ta’ l-Istitut Ewropew tat-Teknoloġija propost, in-‘netwerks ta’ l-eċċellenza’ ta’ l-FP7 u l-inizzjattivi nazzjonali u reġjonali, u jaqsmu l-istrutturi li jiġbru l-kapaċitajiet ta’ l-immaniġġjar tar-riċerka ta’ bosta istituzzjonijiet?

18. Hemm bżonn ta’ inizzjattiva regolatorja Ewropea biex jiġi ffaċilitat il-ħolqien ta’ sħubiji pubbliċi-privati?

19. Kif jistgħu l-UE u l-Istati Membri jistimolaw bl-aħjar mod l-emerġenza ta’ komunitajiet tar-riċerka Ewropej u globali, li jisfruttaw b’mod sħiħ il-potenzjal ta’ l-infrastrutturi tal-kompjuters, ta’ l-informazzjoni u tal-komunikazzjoni?

20. Għandha tittieħed azzjoni biex jiġu żviluppati: (i) prinċipji għall-awtonomija u għall-ġestjoni tar-riċerka mill-istituzzjonijiet tar-riċerka, partikolarment l-universitajiet; (ii) kriterji konġunti għall-finanzjar u l-istima ta’ l-istituzzjonijiet tar-riċerka, b’mod partikolari l-universitajiet, u jingħata piż akbar għall-kollegamenti lil hinn mill-akkademja, kif ukoll għall-fatturi ta’ produzzjoni u rendiment?

3.4. It-tqassim ta’ l-għarfien

Il-ġenerazzjoni, it-tixrid u l-esplojtazzjoni ta’ l-għarfien huma fil-qalba tas-sistema tar-riċerka. B’mod partikolari, l-aċċess għall-għarfien iġġenerat mill-bażi tar-riċerka pubblika u l-użu tiegħu min-negozji u dawk li jagħmlu l-politika huma fil-qalba taż-Żona Ewropea tar-Riċerka, fejn l-għarfien għandu jiċċirkola mingħajr ostakoli fis-soċjetà kollha. |

Il-ftuħ ta’ l-aċċess għall-għarfien madwar l-Ewropa bl-isfruttament tal-potenzjal ta’ l-ICTs | L-għarfien ta’ klassi dinjija huwa kruċjali għar-riċerka li tirnexxi fi kwalunkwe dixxiplina tax-xjenza. L-aċċess dipendibbli, bi prezz li jista’ jintlaħaq u permanenti għal, u tixrid wiesa’ ta’, ir-riżultati tar-riċerka tax-xjenza għalhekk għandu jkun il-prinċipju li jiddefinixxi l-panorama Ewropea tar-riċerka. L-era diġitali fetħet bosta possibbiltajiet f’dan ir-rigward. L-opportunitajiet għall-progress jistgħu jidhru, b’mod partikolari fl-iżvilupp ta’ libreriji onlajn, repożitorji ta’ informazzjoni xjentifika u databases ta’ pubblikazzjonijiet u riżultati ta’ riċerka fondati pubblikament. Dawn għandhom ikunu integrati fuq livell Ewropew u kollegati ma’ databases simili f’pajjiżi terzi. B’mod partikolari s-sistema li biha tiġi ppubblikata l-informazzjoni xjentifika hija pivotali għall-validazzjoni u t-tixrid tagħha, u għalhekk għandha impatt ewlieni fuq l-eċċellenza tar-riċerka Ewropea[22]. L-Ewropa għandha tistimola l-iżvilupp ta’ ‘kontinwu’ ta’ informazzjoni xjentifika aċċessibbli u interkollegata minn data mhux ipproċessata ghall-pubblikazzjonijiet, fi ħdan u madwar komunitajiet u pajjiżi differenti. |

Jitjieb it-trasferiment ta’ l-għarfien bejn ir-riċerka pubblika u l-industrija | It-trasferiment ta’ l-għarfien irid jitjieb sabiex l-isfruttament tar-riċerka u l-iżvilupp ta’ prodotti u servizzi ġodda jsir b’pass aktar mgħaġġel. Għal dak il-għan, l-universitajiet Ewropej u istituzzjonijiet pubbliċi oħrajn tar-riċerka għandhom jingħataw inċentivi biex jiżviluppaw l-għarfien u r-riżorsi biex jikkollaboraw b’mod effettiv man-negozju u ma’ partijiet oħrajn interessati, kemm ġewwa l-konfini kif ukoll b’mod transkonfinali[23]. Ostakoli ewlienin huma r-regoli u l-istrateġiji inkonsistenti, u spiss mhux xierqa, għall-immaniġġjar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (IPR - intellectual property rights) li jirriżultaw mill-fondi pubbliċi. Il-Kummissjoni identifikat prattika tajba u mudelli ta’ tqassim ta’ għarfien bejn il-bażi tar-riċerka pubblika u l-industrija li jservu biex jispiraw azzjoni ulterjuri fuq il-livell ta’ l-UE kif ukoll dak nazzjonali[24]. |

Jingħeleb il-falliment tas-sistemi tal-brevetti … …u jiġu indirizzati kwistjonijiet ta’ R&D speċifiċi għall-IPR | Il-brevetti għadhom eċċessivament ikkumplikati u jqumu l-flus fl-Ewropa, u l-litigazzjoni frammentata ma tipprovdix biżżejjed ċertezza legali. Minħabba li n-negozjati fuq il-brevett Komunitarju baqgħu inkonklussivi, qed jiġu eżaminati għażliet oħrajn, inkluż it-titjib tas-sistema kurrenti Ewropea dwar il-brevetti. L-għan għandu jkun li jiġu offruti brevetti Ewropej kost-effettivi, rikonoxxuti reċiprokament mas-sistemi ewlenin fid-dinja tal-brevetti u appoġġjati minn sistema ta’ litigazzjoni koerenti pan-Ewropea[25]. Barra minn dan, għadd ta’ kwistjonijiet speċifiċi għall-R&D, bħall-perjodu tranżizzjonali, reġimi ta’ proprjetà konġunta u l-eċċezzjoni tar-riċerka, għandhom ukoll jiġu indirizzati sabiex jiġi żgurat trattament konsistenti madwar l-UE. |

Naħsbu m’mod differenti dwar il-komunikazzjoni, id-diskussjoni u t-tagħlim ta’ l-għarfien dwar ix-xjenza u t-teknoloġija … …u nużawha biex insawwru l-politika | Fl-aħħar, biex issir ħidma effiċjenti u tajba b’simbjożi sħiħa mas-soċjetà Ewropea, l-ERA teħtieġ l-iżvilupp ta’ toroq ġodda u strateġiji innovattivi għall-komunikazzjoni u d-diskussjoni tax-xjenza, tar-riċerka u tat-teknoloġija, kif ukoll li l-partijiet involuti fir-riċerka isaħħu l-impenn tagħhom għall-attivitajiet ta’ edukazzjoni u taħriġ. Dan għandu jiżgura li ċ-ċittadini Ewropej ikunu infurmati tajjeb dwar il-kwistjonijiet kollha involuti, u li jirriżulta fit-tixrid ta’ l-istrateġiji tar-riċerka mmirati lejn il-bżonnijiet u l-aspirazzjonijiet tas-soċjetà u ta’ kultura u spirtu ta’ innovazzjoni tul is-soċjetà kollha. L-istrateġiji innovattivi huma meħtieġa wkoll biex titjieb id-disponibbiltà u t-teħid ta’ l-għarfien espert rilevanti fix-xjenza u fit-teknoloġija għat-tiswir ta’ politika bbażata fuq l-evidenza. |

It-tqassim ta’ l-għarfien

21. Hemm bżonn ta’ politika u prattika fuq livell ta’ l-UE biex jitjieb u jiġi żgurat l-aċċess miftuħ għal u d-disseminazzjoni ta’ data mhux proċessata u l-pubblikazzjonijiet rivisti mill-pari mir-riżultati ta’ riċerka ffinanzjata pubblikament?

22. X’għandu jikkostitwixxi Qafas Ewropew għat-tqassim tat-tagħrif bejn l-istituzzjonijiet tar-riċerka u l-industrija bbażata fuq prattika tajba u mudelli identifikati?

23. Hemm kwistjonijiet speċifiċi relatati ma’ l-R&D, bħall-perjodu tranżitorju, reġimi ta’ proprjetà konġunta u l-eċċezzjoni tar-riċerka li għandhom jitqiesu minn perspettiva Ewropea?

24. Liema kundizzjonijiet għandhom jinħalqu għall-promozzjoni ta’ strateġiji innovattivi fil-mod li huma komunikati, mgħallma, diskussi u valutati x-xjenza u t-teknoloġija mill-Ewropej, u meħuda għall-għemil tal-politika bbażata fuq l-evidenza?

3.5. Nottimizzaw il-programmi u l-prioritajiet tar-riċerka

Mill-2000, għan ewlieni taż-Żona Ewropea tar-Riċerka kien li tiżgura l-koerenza tal-programmi u l-prioritajiet tar-riċerka dwar kwistjonijiet ta’ interess Ewropew. Sar xi progress, iżda huwa inqas mill-ambizzjoni u l-potenzjali f’dan ir-rigward. |

Il-promozzjoni ta’ prinċipji komuni u ftuħ reċiproku ta’ programmi biex jiżdiedu l-effiċjenza u l-impatt tal-finanzjament pubbliku | Aktar progress jista’ jieħu l-forma ta’ prinċipji komuni għar-reviżjoni mill-pari, l-assigurazzjoni tal-kwalità u l-evalwazzjoni konġunta ta’ programmi u aġenziji Ewropej, nazzjonali u reġjonali li jgħinu fis-semplifikazzjoni u jżidu fl-effiċjenza u l-impatt ta’ finanzjament tar-riċerka fl-Ewropa. Pass ieħor ’il quddiem jista’ jkun il-ftuħ reċiproku ta’ programmi nazzjonali u reġjonali korrispondenti għall-parteċipanti minn Stati Membri oħra , b’mod partikolari fil-każ ta’ riċerka mmexxija mill-investigaturi. Dan għandu jippermetti lir-riċerkaturi li japplikaw għall-fondi fi Stat Membru ieħor, bil-mira li tittejjeb l-eċċellenza kullimkien u jżid l-effiċjenza ta’ l-allokazzjoni tal-fondi għall-aħjar riċerka fl-Ewropa, li jsaħħaħ l-impatt tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka. |

Dwar ir-riċerka mmexxija mis-soċjetà, fejn il-finanzjament tar-riċerka huwa ffokat fuq oqsma jew temi predeterminati ta’ rilevanza diretta għaċ-ċittadini, għan-negozju jew min jagħmel il-politika, ħafna kwistjonijiet huma indirizzati l-aħjar minn programm ta’ riċerka f’pajjiżi jew reġjuni individwali, b’mod partikolari biex jibnu u jespandu l-kapaċitajiet tagħhom tax-xjenza u t-teknoloġija u jirreaġixxu għall-bżonnijiet lokali. L-interazzjoni bejn dawn il-programmi tista’ tvarja minn sempliċi skambji ta’ informazzjoni għall-koordinazzjoni qrib. Iżda, xi kwistjonijiet jistgħu, kultant biss, jiġu indirizzati effettivament permezz ta’ programmi ta’ riċerka Ewropej u kultant globali, li jiġbru l-appoġġ ta’ l-UE u dak nazzjonali kif ukoll il-fondi min-negozju u filantropiċi. |

Nibnu fuq l-esperjenza biex intejjbu l-koordinazzjoni tal-programmi | Il-valur ewlieni għall-azzjonijiet li saru mill-2000 kien li jintwera l-potenzjal u l-kundizzjonijiet għas-suċċess, iżda wkoll il-limiti, tal-koordinazzjoni tal-programm[26]. |

Mill-2003, l-iskema minn isfel għal fuq ta’ l-ERA-Net kienet qed tagħti appoġġ għall-koordinazzjoni tal-programmi nazzjonali u reġjonali. Skemi oħra jappoġjaw b’mod speċifiku l-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni, bħalma huma ir-‘Reġjuni ta’ Għarfien’ taħt l-FP7 u r-‘Reġjuni għall-Bidla Ekonomika’ tal-Politika ta’ Koeżjoni. Fir-rigward ta’ ERA-Net, il-prinċipju tal-‘ġeometrija varjabbli’ għamilha aktar faċli għall-parteċipanti biex ikunu preparati sabiex jibdew l-integrazzjoni parzjali tal-programmi rispettivi tagħhom. Iżda, l-ewwel snin ta’ l-iskema wrew b’mod ċar li kundizzjoni għas-suċċess hija l-eżistenza ta’ programmi nazzjonali u reġjonali definiti u strutturati sew u baġits korrispondenti. |

Din hija wkoll il-lezzjoni ta’ l-uniku attentat li sar sa issa biex jiġu kkoordinati l-programmi nazzjonali ta’ riċerka fuq skala akbar permezz ta’ l-artikolu 169 tat-Trattat KE: l-‘Isħubija Ewropea u tal-Pajjiżi li Qegħdin Jiżviluppaw fil-Provi Kliniċi’ (EDCTP - 'European and Developing Countries Clinical Trials Partnership'). Dan il-każ juri li wkoll fejn l-Istati Membri li jipparteċipaw formalment intrabtu li jiġbru r-riżorsi fuq bażi transnazzjonali, dan huwa diffiċli ħafna fil-prattika. |

Nidentifikaw b’mod konġunt l-isfidi soċjetali maġġuri ‘l hinn mill-kapaċità nazzjonali | Saru wkoll sforzi biex jiġu identifikati konġuntament l-isfidi ewlenin jew l-opportunitajiet rilevanti għall-pajjiżi kollha jew ħafna minnhom iżda li jeħtieġu sforzi ta’ riċerka lil hinn mill-kapaċità nazzjonali individwali u fuq din il-bażi biex jiġu definiti l-aġendi wesgħin tar-riċerka. Per eżempju, il-Pjattaformi Ewropej tat-Teknoloġija mmexxija mill-industrija ddefinew il-‘viżjonijiet’ Ewropej u l-aġendi tar-riċerka fl-oqsma rispettivi tagħhom, u dawn jitqiesu fil-prioritajiet tal-Programm Qafas tar-riċerka Ewropa. F’xi pajjiżi hemm ukoll pjanijiet biex partijiet minn dawn l-aġendi tar-riċerka Ewropej jiġu tradotti fi prioritajiet nazzjonali. |

Il-viżjonijiet u l-aġendi tar-riċerka żviluppati miċ-ċentru tal-Pjattaformi tat-Teknoloġija dwar suġġetti li jirriżltaw minn interess kummerċjali. Jistgħu jikkontribwixxu għal proċess usa’ u komplementari ta’ programmar konġunt Ewropew u nazzjonali li jinvolvi lill-partijiet interessati kollha – istituzzjonijiet tar-riċerka, il-kummerċ, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, eċċ. Dan il-proċess jippermetti lill-prioritajiet Ewropej, nazzjonali u reġjonali jkunu bbażati fuq l-identifikazzjoni sistematika ta’ sfidi soċjetali ewlenin. L-eżerċizzji ta’ previżjoni komuni u ta’ l-istima tat-teknoloġija mwettqa b’kollaborazzjoni qrib bejn l-organizzazzjonijiet nazzjonali u li jinvolvu l-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati u ċ-ċittadini jistgħu jgħinu biex tiġi strutturata u mogħnija strateġija bħal din. L-inizzjattiva reċenti biex jiġi żviluppat Pjan ta’ Teknoloġija Ewropea ta’ l-Enerġija Strateġika tista’t tkun preċedent interessanti[27]. |

Jiġu stabbiliti programmi konġunti għar-riċerka mmexxija mis-soċjetà | -Inizzjattivi tat-Teknoloġija Konġunta bbażati fuq l-artikolu 171 tat-Trattat KE jirrappreżentaw mod ġdid ta’ kif jiġu stabbiliti l-isħubiji pubbliċi-privati fuq livell Ewropew, li jiżgura l-koordinazzjoni fuq skala kbira ta’ l-isforzi tar-riċerka. Dawn l-inizzjattivi ġew proposti biex jiġu implimentati programmi ta’ riċerka li jkopru partijiet mill-aġenda tar-riċerka ta’ l-ETPs f’għadd żgħir ta’ każijiet fejn l-iskala u l-ambitu tagħhom jiġġustifikaw dan. L-ewwel inizzjattivi bħal dawn huma mistennija jinbdew fix-xhur li ġejjin. |

Fil-perspettiva fuq terminu medju, tista’ tiġi prevista strateġija ġdida biex jiġu stabbiliti u implimentati programmi konġunti għar-riċerka mmexxija mis-soċjetà, b’dawn il-karatteristiċi essenzjali biex jiġu żgurati l-iskala, l-effiċjenza u l-impatt mixtieqa tagħhom:: |

Konfigurazzjonijiet varjabbli skond il-prioritajiet, il-kompetenzi u t-tipi ta’ involvement ta’ Stati Membri interessati u partijiet oħrajn interessati; |

L-iffissar ta’ prioritajiet u programmar konġunt ibbażat fuq eżerċizzji ta’ previżjoni konġunta; |

Mekkaniżmi flessibbli tal-finanzjament, li jiġbru flimkien, kif xieraq, sussidji b’inċentivi speċifiċi ta’ taxxa biex jappoġġjaw il-parteċipazzjoni tan-negozju u strumenti oħrajn bħall-akkwist pre-kummerċjali tas-servizzi ta’ l-R&D; |

Prinċipji komuni ta’ implimentazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward ta’ reviżjoni mill-pari, standards etiċi, l-esplojtazzjoni tar-riżultati, il-kontroll tal-kwalità, ir-responsabbiltà u l-evalwazzjoni, u fejn xieraq, struttura ta’ ġestjoni konġunta. |

Nisfruttaw il-potenzjal ta’ l-organizzazzjonijiet intergovernamentali tar-riċerka | Bid-daqs tagħhom u bin-natura ta’ l-attivitajiet tagħhom, l-organizzazzjonijiet tar-riċerka intergovernamentali, bħal dawk rappreżentati fl-EIROforum[28], jgħinu biex jiżdiedu l-koerenza, il-kwalità u t-twassil ta’ l-isforzi Ewropej f’għadd ta’ oqsma ta’ riċerka. Il-koerenza bejn l-attivitajiet ta’ dawn l-organizzazzjonijiet u ma’ politika ta’ l-UE dwar ir-riċerka u politiki oħrajn hija importanti ħafna, kemm fi ħdan l-Ewropa kif ukoll fir-relazzjonijiet mal-bqija tad-dinja. F’xi każijiet, tista’ tiżdied jekk il-Komunità ssir membru ta’ dawn l-organizzazzjonijiet, u tirrappreżenta l-interess kollettiv tal-pajjiżi kollha ta’ l-UE u dawk assoċjati. Barra minn dan, l-istrutturi intergovernamentali tan-netwerkjar bħall-EUREKA u COST jistgħu jikkontribwixxu aktar għall-koerenza ta’ l-attivitajiet fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka. |

Nottimizzaw il-programmi u l-prioritajiet tar-riċerka

25. Għandhom jiġu żviluppati prinċipji komuni u jintużaw għar-reviżjoni mill-pari, l-assigurazzjoni tal-kwalità u l-evalwazzjoni konġunta tal-programmi tar-riċerka Ewropej, nazzjonali u reġjonali? Dawn il-programmi għandhom jinfetħu għall-parteċipazzjoni minn Stati Membri oħra ta’ l-UE, u kif?

26. Hemm bżonn għal prinċipji komuni għar-responsabbiltà tal-fondi tar-riċerka pubblika, li jtejjeb is-semplifikazzjoni tar-regoli u l-proċeduri u jżid l-effettività u l-effiċjenza tagħha?

27. Liema proċessi parteċipattivi għandhom bżonn jiġu implimentati sabiex l-awtoritajiet pubbliċi jidentifikaw b’mod konġunt u jiddeċiedu dwar kwistjonijiet soċjetali ewlenin li jeħtieġ ġbir ta’ riżorsi u kapaċitajiet?

28. Dwar kwistjonijiet soċjetali bħal dawn ta’ dimensjoni Ewropea u globali, kif jistgħu l-prinċipji u l-modalitajiet jitwaqqfu u jiġu ttestjati għall-programmar konġunt tar-riċerka, li jinvolvi lill-partijiet interessati kollha (istituzzjonijiet tar-riċerka, il-kummerċ, is-soċjetà ċivili, eċċ) u li jiġbor flimkien il-fondi mill-għejun ta’ l-UE, nazzjonali, reġjonali, kummerċjali u filantropiċi?

29. Il-Komunità Ewropea għandha tfittex sħubija ta’ organizzazzjonijiet intergovernamentali tar-riċerka?

3.6. Ninfetħu għad-dinja: il-kooperazzjoni internazzjonali fix-xjenza u fit-teknoloġija

Npoġġu l-kooperazzjoni internazzjonali fix-xjenza u t-teknoloġija fi rwol aktar ċentrali għall-għanijiet tal-politika esterna ewlenin ta’ l-UE | Ix-xjenza ma tagħrafx fruntieri u l-kwistjonijiet li jkollha tittrata r-riċerka huma dejjem aktar globali. L-isfida hija li jiġi żgurat li l-kooperazzjoni internazzjonali fix-xjenza u fit-teknoloġija tikkontribwixxi b’mod effettiv għall-istabbiltà, is-sigurtà u l-prosperità fid-dinja. |

Iż-Żona Ewropea tar-Riċerka għalhekk għandha għalhekk tkun miftuħa għad-dinja, u wkoll il- kooperazzjoni fix-xjenza u fit-teknoloġija mal-pajjiżi sħab għandha tiġi ġestita b’mod koerenti u mmexxi mill-politika[29]. Strateġija koerenti lejn il-kooperazzjoni internazzjonali fix-xjenza u fit-teknoloġija, taħt l-bandiera ta’ żvilupp globali sostenibbli, tista’ tgħin biex isir kollegament bejn in-nazzjonijiet u l-kontinenti. |

Tiżdied il-koordinazzjoni bejn l-UE u l-Istati Membri | Storja ta’ suċċess bħall-ITER turi li l-Ewropa jista’ jkollha r-rieda u l-kapaċità ta’ tmexxija biex tindirizza l-isfidi globali ma’ l-isħab fid-dinja kollha. F’oqsma oħrajn bħall-ambjent, l-Ewropa hija dejjem aktar involuta f’inizzjattivi globali, Iżda, b’mod ġenerali, dan l-involviment bħalissa huwa ’l bogħod milli jkun sistematiku u huwa spiss koordinat ħażin ma’ dak ta’ l-Istati Membri. B’riżultat, kemm l-Ewropa kollha kif ukoll l-Istati Membri individwali qed jitilfu ħafna mill-impatt potenzjali tagħhom fuq ix-xena globali. |

Hemm bżonn koordinazzjoni eqreb bejn l-UE u l-Istati Membri, għall-benefiċċju komuni, kif ukoll bejn il-politika tal-kooperazzjoni fix-xjenza u fit-teknoloġija u oqsma oħrajn ta’ relazzjonijiet esterni. Din il-koordinazzjoni għandha tiġi mfittxija kemm fil-fora u fl-inizzjattivi multilaterali kif ukoll fil-kooperazzjoni bilaterali ma’ pajjiżi sħab. |

Jiġi ddisinjat approċċ komuni fir-rigward ta’ … …pajjiżi ġirien… | Il-koordinazzjoni aħjar tista’ tinkiseb bl-adeżjoni għal strateġija komuni bbażata b’mod partikolari fuq l-orjentazzjonijiet stabbiliti hawn taħt. Is-sitwazzjonijiet ta’ pajjiżi sħab individwali jistgħu spiss jirrikjedu taħlita minn dawn: |

Ma’ pajjiżi ġirien, l-għan għandu jkun li tiġi stabbilita ‘ERA usa’’ mingħajr fruntieri, li tirfed u tibbenefika minn elementi oħrajn tal-Politika Ewropea tal-Viċinat. Dan għandu jfisser il-parteċipazzjoni tal-ġirien tagħha mhux biss fil-Programm Qafas tar-Riċerka ta’ l-UE[30], iżda wkoll mad-dimensjonijiet l-oħrajn taż-Żona Ewropea tar-Riċerka, bħall-koordinazzjoni tal-programmi u l-infrastrutturi tar-riċerka, l-infurzar tal-prinċipju tat-tqassim ta’ l-għarfien u l-mobbiltà bla fruntieri tar-riċerkaturi. |

… pajjiżi li qed jiżviluppaw … | Ma’ pajjiżi li qed jiżviluppaw, il-kooperazzjoni għandha tinkludi focus sinjifikanti fuq it-tisħiħ tal-kapaċità tagħhom fix-xjenza u fit-teknoloġija u fuq l-appoġġ għall-iżvilupp sostenibbli tagħhom b’konnessjoni qrib mal-politika ta’ l-iżvilupp, filwaqt li fl-istess ħin isir xogħol magħhom bħala sħab fl-inizzjattivi globali. |

… u pajjiżi industrijalizzati u ekonomiji li qed jemerġu | Ma’ pajjiżi industrijalizzati u ekonomiji li qed jemerġu, għandha tingħata priorità għall-programmi ta’ benefiċċju reċiproku, b’mod partikolari biex jiġu indirizzati l-isfidi globali. Ġew konklużi ftehimiet dwar ix-xjenza u t-teknoloġija ma’ ħafna minn dawn il-pajjiżi. Ir-rwol ta’ dawn il-ftehimiet għandu jiġi stmat b’mod kritiku, b’mod partikolari dwar ir-reċiproċità u l-kwistjoni importanti ta’ l-IPR. F’xi każijiet ġew konklużi ftehimiet aktar speċjalizzati biex titħaddan il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi, per eżempju fin-nanoteknoloġija ma’ l-Istati Uniti. Dawn għandhom jiġu stmati fir-rigward tal-kontribuzzjoni tagħhom għall-prioritajiet u l-programmi ġenerali tar-riċerka Ewropej u internazzjonali. Jistgħu jiġu promossi aktar sejħiet konġunti għall-proġetti f’dan il-kuntest. |

Nindirizzaw b’mod konġunt il-kwistjonijiet globali u l-ħtiġiet reġjonali… …b’mod partikolari fl-oqfsa multilaterali | B’mod komplementari għal dawn l-orjentzazzjonijiet wesgħin, l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jesploraw strateġiji konġunti biex jindirizzaw kwistjonijiet u bżonnijiet reġjonali għal xi partijiet tad-dinja. L-iskambji internazzjonali tar-riċerkaturi huma parti minn kwistjoni ġenerali li għandha tiġi indirizzata mal-pajjiżi sħab kollha. Fl-aħħar, għandhom jiġu preferiti l-inizzjattivi multilaterali għal dawk bilaterali sabiex tiġi promossa l-koerenza tal-prioritajiet tax-xjenza u t-teknoloġija u l-azzjonijiet fuq livell internazzjonali. Partikolarment dan jinvolvi ħidma fil-kuntest ta’ l-organizzazzjonijiet multilaterali bħall-UNESCO, l-OECD u l-G8, fi ftehimiet multilaterali bħall-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima u l-Ftehim ta’ Cotonou, u ma’ organizzazzjonijiet reġjonali bħall-Unjoni Afrikana, ASEAN u Mercosur. |

Ninfetħu għad-dinja: il-kooperazzjoni internazzjonali fix-xjenza u fit-teknoloġija

30. Kif jistgħu l-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri jaħdmu flimkien biex (i) jiddefinixxu l-prioritajiet għall-kooperazzjoni internazzjonali fix-xjenza u fit-teknoloġija b’koordinazzjoni qrib mad-dimensjonijiet l-oħrajn tar-relazzjonijiet esterni; (ii) jiżguraw l-użu koordinat u effiċjenti ta’ strumenti u riżorsi; (iii) jitkellmu b’leħen wieħed f’inizzjattivi multilaterali?

31. Kif jistgħu l-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri jaħdmu flimkien biex jesploraw il-potenzjal ta’ l-inizzjattivi għall-programmi ta’ riċerka internazzjonali fuq kwistjonijiet ta’ dimensjoni globali, li jinvolvu lill-Komunità, l-Istati Membri u pajjiżi terzi?

32. Kif għandha l-kooperazzjoni fix-xjenza u fit-teknoloġija ma’ bosta gruppi ta’ pajjiżi sħab tiġi modulata biex tiffoka fuq għanijiet speċifiċi? Għandhom jiġu esplorati l-istrateġiji reġjonali komplementari?

33. Kif jistgħu l-pajjiżi qrib jiġu integrati bl-aħjar mod fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka bħala parti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat?

34. Kif jistgħu l-ftehimiet bilaterali ta’ l-UE dwar ix-xjenza u t-teknoloġija jkunu aktar effettivi? Hemm strumenti alternattivi jew komplementarji li jistgħu jintużaw, bħal sejħiet konġunti ta’ proġetti, li jinvolvu fejn possibbli l-Istati Membri?

35. Kif jistgħu l-aġendi komuni Ewropej għall-kooperazzjoni fix-xjenza u fit-teknoloġija jiġu promossi fl-organizzazzjonijiet u l-ftehimiet internazzjonali kif ukoll ma’ l- organizzazzjonijiet reġjonali?

4. INKOMPLU MEXJIN: ID-DIBATTITU POLITIKU U LIL HINN MINNU

L-Ewropa għandha potenzjal enormi ta’ riċerka u żvilupp, li għad irid jiġi sfruttat. Il-Kummissjoni temmen li l-orjentazzjonijiet wesgħin murija hawn fuq għandhom il-potenzjal li jsaħħu b’mod konsiderevoli ż-Żona tar-Riċerka Ewropea, biex tkun xierqa u kapaċi li tindirizza l-isfidi ewlenin li tiffaċċja l-Ewropa f’dinja miftuħa u biex tikseb l-għanijiet ta’ l-istrateġija ta’ Liżbona. |

Il-Kummissjoni tniedi konsultazzjoni u dibattitu wiesgħin… | B’din il-Green Paper, il-Kummissjoni qed tniedi konsultazzjoni u dibattitu wiesgħa biex tiddiskuti u tispeċifika dawn l-orjentazzjonijiet u tistimula ideat oħrajn. Għal dan l-għan il-Kummissjoni: |

Tistieden lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni jesprimu l-fehmiet tagħhom fl-orjentazzjonijiet proposti ghad-dibattitu; |

Tistieden lill-Istati Membri jippromwovu dibattitu wiesgħa fuq livell nazzjonali u reġjonali; |

Tistieden lir-riċerkaturi u l-organizzazzjonijiet tar-riċerka, stabbilimenti ta’ l-edukazzjoni ogħla, negozji, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u liċ-ċittadini direttament, jidħlu fid-dibattitu u jirrispondu għall-konsultazzjoni pubblika mibdija b’din il-Green Paper[31]. |

…biex jgħinu fil-preparazzjoni ta’ inizzjattivi futuri | Fuq il-bażi tar-riżultati tal-konsultazzjoni u d-dibattitu, il-Kummissjoni bi ħsiebha tipproponi l-inizzjattivi fl-2008. |

Biex takkumpanja u tappoġġja d-dibattitu, u biex tikkontribwixxi għall-preparazzjoni tal-proposti, il-Kummissjoni bi ħsiebha torganizza ġrajjiet iffokati u tuża l-għarfien espert biex telabora fuq kwistjonijiet ippreżentati għad-dibattitu fil-Green Paper. |

Il-Kummissjoni wkoll se tirriforma l-Bord Konsultattiv Ewropew għar-Riċerka (EURAB - European Research Advisory Board) sabiex ittejjeb ir-rwol li għandu fir-realizzazzjoni ta’ Żona Ewropea tar-Riċerka. Parti mill-mandat tiegħu għandu jkun li jgħin lill-Kummissjoni Ewropea tiġbor ‘assemblea’ regolari tal-partijiet interessati kollha fir-Riċerka Ewropea. |

Fl-aħħar, il-Kummissjoni se tappoġġja l-iżvilupp tal-ġbir tad-data, l-analiżi, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni sabiex issaħħaħ il-bażi ta’ evidenza għall-iżvilupp taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u biex tkun tista’ tkejjel il-progress lejn ir-realizzazzjoni tagħha[32]. |

[1] Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni [SEG(2007) 412], taqsima 3.1.1.

[2] Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni, kapitlu 1.

[3] Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni, kapitlu 2.

[4] Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni, taqsima 2.2.

[5] KUMM(2006) 502, 13.9.2006.

[6] ĠU C 323, 30.12.2006, p. 1.

[7] KUMM(2006) 728, 22.11.2006.

[8] KUMM(2007) 165, 4.4.2007.

[9] Eurobarometer: L-Ewropej, ix-Xjenza u t-Teknoloġija, Ġunju 2005, http://ec.europa.eu/public_opinion.

[10] Klassifika ta’ l-2006 ta’ l-Investiment fl-R&D Industrijali ta’ l-UE, http://iri.jrc.es/research.

[11] Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni, taqsima 3.3.1.

[12] Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni, taqsima 3.3.1.

[13] Stħarriġ ta’ l-UE ta’ l-2005 dwar it-Tendenzi Kummerċjali fl-Investiment fl-R&D, http://iri.jrc.es/research.

[14] KUMM(2007) 60, 21.2.2007.

[15] Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni, taqsima 3.3.1.

[16] Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni, taqsima 3.2.3.

[17] Minkejja l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar l-aċċess tal-persuni ta’ nazzjonalità ta’ l-UE għal pożizzjonijiet fis-settur pubbliku.

[18] Per eżempju: għotjiet minn Marie Curie, il-Portal Ewropew tal-Mobilità (http://ec.europa.eu/eracareers) u n-Netwerk Ewropew taċ-Ċentri ta’ Mobilità, inizzjattiva pilota ta’ ERA-Link biex jiġu nnetwerkjati r-riċerkaturi Ewropej fl-Istati Uniti, id-direttiva u r-rakkomandazzjonijiet ta’ l-UE dwar il-'viża xjentifika', eċċ.

[19] Ara l- Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-Liġi tax-Xogħol [KUMM(2006) 708, 22.11.2006].

[20] Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni, taqsima 3.2.1.

[21] Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni, taqsima 3.3.2.

[22] Ara l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni 'L-informazzjoni xjentifika fl-era diġitali: aċċess, tixrid u preżervazzjoni,' KUMM(2007) 56, 14.2.2007.

[23] Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni, taqsima 3.2.4.

[24] Ara l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni 'Improving knowledge transfer between research institutions and industry across Europe: embracing open innovati on' ('Intejbu t-trasferiment ta' l-għarfien bejn l-istituzzjonijiet ta' riċerka u l-industrija madwar l-Ewropa: ninfetħu għall-innovazzjoni'), KUMM(2007) 182, 4.4.2007,, u d- dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjah SEG(2007) 449.

[25] Ara l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni 'Enhancing the patent system in Europe' (Intejbu s-sistema tal-brevetti fl-Ewropa) KUMM(2007) 165, 4.4.2007.

[26] Id-dokument ta’ ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni, kapitolu 2.

[27] KUMM(2007) 60, 21.12.2007.

[28] CERN, EFDA, EMBL, ESA, ESO, ESRF, ILL. Ara http://www.eiroforum.org. Ir-relazzjoni bejn l-UE u l-ESA qed tiġi diskussa fil-kuntest tal-Ftehim Qafas bejn l-UE u l-ESA ta’ l-2003 u l-iżvilupp ulterjuri tal-Politika Spazjali Ewropea.

[29] Id-dokument ta’ ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni, kapitolu 3.1.2.

[30] Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni KUMM(2006) 274 ta’ l-4.12.2006 dwar l-approċċ ġenerali biex il-Pajjiżi tal-Viċinat Ewropew ikunu jistgħu jipparteċipaw fl-aġenziji u fil-programmi Komunitarji.

[31] http://ec.europa.eu/research/era Il-konsultazzjoni pubblika se tkun miftuħa sal-31 ta' Awissu 2007.

[32] Tibni b’mod partikolari fuq is-Sistema Statistika Ewropea, li se tkun indirizzata f’Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istatistika dwar ix-Xjenza, it-teknoloġija u l-Innovazzjoni, kif ukoll dwar is-sistema ta’ informazzjoni ERAWATCH dwar il-politika nazzjonali tar-riċerka (http://cordis.europa.eu/erawatch) u dwar il-Monitoraġġ ta’ l-investiment fir-Riċerka fl-UE (http://iri.jrc.es), fil-futur.