26.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 53/40


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Xjuħija tajba fis-Soċjetà ta' l-Informazzjoni

(2008/C 53/07)

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Ewropa sabiex jagħmlu użu estensiv ta' l-opportunitajiet ta' l-ICT sabiex ilaħqu ma' l-isfidi ta' popolazzjoni li qed tixjieħ u b'hekk itejbu l-kwalità tal-ħajja ta' persuni mdaħħla fl-età, li jibqgħu integrati fil-komunitajiet lokali u jippromovu l-kompetittività lokali u reġjonali permezz tal-provvediment ta' servizzi personalizzati;

isejjaħ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex jingħataw rwol ewlieni fit-tfassil ta' programmi u attivitatijiet ta' riċerka nazzjonali u ta' l-UE li huma mmirati lejn soluzzjonijiet ta' l-ICT għax-xjuħija bħala għarfien tal-fatt li l-effetti tat-tixjiħ tal-popolazzjoni huma evidenti l-iktar fuq livell lokali u li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma l-utenti ewlenin ta' dawn is-soluzzjonijiet;

iħeġġeġ l-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex ixerrdu tagħrif dwar is-suġġett, ifasslu strateġiji dwar l-effetti tax-xjuħija u jorganizzaw il-provvediment tas-servizzi skond iċ-ċirkostanzi ġodda u, kif imsemmi fil-Pjan ta' Azzjoni, iżidu s-sħubija lokali bejn il-partijiet interessati varji;

jemmen li l-promozzjoni ta' ħajja indipendenti u monitoraġġ tas-saħħa mill-bogħod permezz ta' l-ICT għandhom itejbu l-produttività tas-servizzi soċjali u tal-kura tas-saħħa u jagħtu l-professjonisti iktar ħin biex iwettqu l-ħidmiet li jkunu tħarrġu għalihom. It-teknoloġija għandha tiġi adottata għall-ħtiġijiet ta' l-anzjani u mhux bil-kontra. M'għandhiex twassal għal iżjed iżolament u tirrispetta l-privatezza u d-dinjità tal-persuni anzjani;

jinnota l-enfasi limitata tal-Pjan ta' Azzjoni fl-eżaminar ta' l-eLearning; hemm il-ħtieġa li jiġi aċċettat il-fatt li t-tagħlim appoġġjat mit-teknoloġija għamel kontribut importanti sabiex l-anzjani jibqgħu kreattivi u attivi fis-soċjetà;

jaqbel li differenzi fil-mod kif l-Istati Membri japplikaw id-dispożizzjonijiet relatati mad-diżabilità fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi jfixklu l-aċċess għal servizzi ta' komunikazzjoni u jifframmentaw is-suq Ewropew tat-tekonoloġija.

Rapporteur

:

Is-Sur Risto KOIVISTO (FI/PSE), President tal-Kunsill Reġjonali ta' Tampere

Dokument ta' Referenza

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar Xjuħija tajba fis-Soċjetà ta' l-InformazzjoniInizjattiva ta' l-i2010: Pjan ta' Azzjoni dwar it-teknoloġiji ta' l-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (TIK) u x-Xjuħija

COM(2007) 332 finali

Rakkomandazzjonijiet ta' politika

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

huwa tal-fehma li l-Pjan ta' Azzjoni dwar xjuħija tajba fis-soċjetà ta' l-informazzjoni huwa pass importanti ħafna fl-iżvilupp tas-soċjetà ta' l-informazzjoni Ewropea. L-investiment fl-ICT jipprovdi għodda ewlenija għar-reġjuni u l-bliet fl-isforzi tagħhom sabiex jiffaċċjaw l-isfida tat-tixjiħ tal-popolazzjoni. Investiment bħal dan jista' jsaħħaħ il-kwalità tal-ħajja ta' persuni ta' età avvanzata, jappoġġja l-inklużjoni soċjali, jippermettilhom jikkontribwixxu l-esperjenza u l-ħiliet akkumulati tagħhom lejn l-iżvilupp tas-soċjetà u jistimula l-kompetittività u t-tkabbir fil-livell lokali u reġjonali permezz ta' prodotti u servizzi ġodda. F'opinjoni preċedenti dwar l-istrateġija i2010 għal soċjetà Ewropea ta' l-informazzjoni, il-Kumitat laqa' l-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet tas-soċjetà li qiegħda tixjieħ bħala waħda mit-tliet prijoritajiet ta' l-istrateġija (1).

2.

jinnota li l-komunikazzjoni u l-Pjan ta' Azzjoni jappoġġjaw ukoll il-proposti ppreżentati fl-opinjonijiet tal-Kumitat dwar, inter alia, il-ġejjieni demografika ta' l-Ewropa (2), miżuri prattiċi relatati ma' soċjetà ta' l-informazzjoni ekwitabbli (3), ir-riċerka fl-ICT (4), l-impjegar ta' ħaddiema ta' età avvanzata (5) u l-qagħda ta' persuni b'diżabilitajiet (6).

3.

jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom interess u rwol importanti fl-oqsma kollha koperti mill-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni:

Ix-xjuħija tajba fil-post tax-xogħol. L-awtoritajiet lokali u reġjonali huma impjegaturi ewlenin u l-istruttura skond l-età tal-ħaddiema tagħhom ta' spiss hija iktar diversifikata u ixjeħ minn dik fis-settur privat. Din hija raġuni għalfejn huwa essenzjali li jieħdu sehem fil-proġetti Ewropej imsemmija fil-Pjan ta' Azzjoni u li jimplimentaw ukoll miżuri simili fuq livell lokali.

Ix-xjuħija tajba fil-komunità u d-dar. L-awtoritajiet lokali u reġjonali huma l-fornituri ewlenin ta' servizzi tas-saħħa pubblika u servizzi soċjali. Filwaqt li x-xjuħija żżid id-domanda għal dawk is-servizzi u tibdel il-kontenut tagħhom, tnaqqas ukoll id-disponibilità ta' ħaddiema b'ħiliet speċjalizzati għall-forniment ta' dawn is-servizzi. It-teknoloġija ta' l-informazzjoni taqdi rwol importanti fit-tiftix ta' soluzzjonijiet għal dawn l-isfidi. Parti żgħira biss ta' dan il-potenzjal ġiet sfruttata u b'mod partikolari appoġġ għal ħajja indipendenti fid-dar, iż-żieda tal-parteċipazzjoni attiva tal-klijenti fil-kura tas-saħħa tagħhom stess u t-tisħiħ ta' l-effikaċja tal-forniment tas-servizzi huma oqsma ta' prijorità għal aktar żvilupp fil-futur.

4.

jenfasizza d-differenzi ewlenin li jeżistu bejn reġjuni fl-Ewropa u jiġbed l-attenzjoni għall-problemi li jiffaċċjaw l-awtoritajiet lokali u reġjonali, b'mod partikolari f'oqsma fejn il-migrazzjoni 'l barra taż-żgħażagħ qiegħda twassal sabiex l-età medja titla' b'rata iktar mgħaġġla minn kull post ieħor.

5.

jirrimarka li l-varjazzjoni fl-użu ta' l-Internet fl-Ewropa hija l-iktar minħabba d-differenzi relatati mal-qagħda finanzjarja, il-ħiliet u l-post ta' residenza, li m'humiex ir-riżultat dirett tax-xjuħija iżda li huma iktar evidenti fost l-anzjani. Iż-żieda fl-opportunitajiet fuq livell lokali sabiex jiġu implimentati proġetti ta' taħriġ, ta' broadband u oħrajn ta' interess ġenerali li jippromovu soċjetà ta' l-informazzjoni ekwitabbli jistgħu jgħinu sabiex itejbu wkoll il-qagħda ta' l-anzjani.

6.

jaqbel mal-Kummissjoni li s-suq ta' l-ICT għall-prodotti u s-servizzi relatati max-xjuħija għadu fis-stadji bikrija. Huwa importanti għall-kompetittività ta' l-UE li l-kumpaniji Ewropej jakkwistaw mill-iktar fis pożizzjoni fuq quddiem nett f'dan is-suq li qiegħed jikber tant malajr.

Il-ħolqien ta' kuxjenza u l-bini ta' strateġiji komuni

7.

jappoġġja l-iskambju ta' politiki u esperjenzi prattiċi, it-tkattir ta' l-aħjar prattika, it-tfassil ta' normi ta' referenza madwar ir-reġjuni u l-bliet ta' l-Istati Membri u, b'mod partikolari, il-ħolqien ta' netwerk reġjonali madwar l-Ewropa kollha li jista' jintuża sabiex iżid u jtejjeb l-opportunitajiet tar-reġjuni sabiex jieħdu sehem fi proġetti ta' kooperazzjoni. Ir-reġjuni u l-bliet diġà għandhom l-esperjenzi tagħhom x'joffru lil netwerks, b'mod speċjali fl-oqsma tat-telemediċina u s-servizzi u t-teknoloġiji li jappoġġjaw ħajja indipendenti.

8.

ifakkar li dawk responsabbli għall-iżvilupp u l-ġestjoni ta' servizzi pubbliċi jeħtieġu wkoll programmi ta' żvilupp ta' ħiliet ġodda, li jinkorporaw perspettivi differenti, sabiex il-miżuri ppreżentati fil-Pjan ta' Azzjoni jkunu jistgħu jiġu implimentati.

It-tnedija ta' kundizzjonijiet li joħolqu possibilitajiet

9.

jinnota li sabiex tiżdied ir-rata ta' impjieg ta' ħaddiema imdaħħla fl-età huwa essenzjali li jiġu promossi arranġamenti ta' xogħol aktar flessibbli, bilanċ tajjeb bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, kundizzjonijiet adattati ta' saħħa u sikurezza fil-post tax-xogħol u t-tagħlim għal tul il-ħajja kollha. B'hekk il-Kumitat tar-Reġjuni jappoġġja l-fehma tal-Kummissjoni li soluzzjonijiet ta' ICT innovattivi li jappoġġjaw, per eżempju it-teleworking u t-taħriġ, huma modi ewlenin kif jistgħu jintlaħqu l-għanijiet ta' dawn it-tendenzi ġodda fil-ħajja tax-xogħol.

10.

jappoġġja l-pjan tal-Kummissjoni għar-reviżjoni ta' politiki li jippromovu kompetenzi diġitali fl-2007-2008. Prijorità waħda għandha tkun li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jirċievu l-għajnuna fl-isforzi tagħhom biex jagħmlu użu massimu tal-Fondi Strutturali u, inter alia, il-Programm ta' Tagħlim tul il-Ħajja Kollha sabiex jiġu żviluppati l-kompetenzi ta'l-anzjani u jibbenefikaw mill-esperjenza tajba miksuba permezz ta' taħriġ bejn persuni pari (peer training) fost persuni mdaħħla fl-età.

11.

jiġbed l-attenzjoni għal kif is-soċjetà ta' l-informazzjoni (b'mod partikolari t-telefons ċellulari u l-Internet) bidlet il-lingwa, il-kultura, il-midja u s-soċjetà kollha kemm hi. Għaldaqstant, il-problema ta' firda diġitali ma tikkonċernax biss l-opportunità sabiex wieħed juża l-kompjuter. Proġetti konġunti li jinvolvu l-anzjani u ż-żgħazagħ jistgħu jkunu mod wieħed kif din il-firda tkun tista' titnaqqas.

12.

jenfasizza li, minkejja problemi ta' interoperabilità u differenzi fil-forniment ta' servizzi tal-kura tas-saħħa u tal-kura fid-dar imsemmija fil-komunikazzjoni, il-potenzjal għall-iżvilupp u l-adozzjoni ta' prodotti Ewropej, per eżempju f'applikazzjonijiet intelliġenti għad-djar (smart homes applications), diġà huwa tajjeb.

13.

jikkunsidra li huwa importanti li l-partijiet interessati varji (inklużi l-anzjani nfushom u l-fornituri ta' servizzi soċjali u tal-kura tas-saħħa) ikunu jistgħu jistabbilixxu pożizzjoni komuni u b'hekk jeliminaw xkiel legali, tekniku, ta' aċċessibilità u kwalunkwe xkiel ieħor li qiegħed jostakola l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet ta' l-ICT għal xjuħija tajba.

Il-promozzjoni ta' l-adozzjoni

14.

jaqsam mal-Kummissjoni it-tħassib li bħalissa mhux qiegħed isir biżżejjed sabiex ikun żgurat li innovazzjonijiet teknoloġiċi jiġu trasformati fi prodotti prattiċi li jkunu disponibbli bi prezz aċċessibbli għal kullħadd. Ir-reġjuni u l-bliet jistgħu jgħinu sabiex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni, mhux biss billi jakkwistaw u jiżviluppaw dawn il-prodotti iżda wkoll billi jrawmu ambjent ekonomiku li jagħti lin-negozji opportunitajiet aħjar sabiex ikollhom aċċess għal swieq ikbar.

15.

jilqa'b'mod partikolari r-referenza speċifika fil-Pjan ta' l-Azzjoni li proġetti pilota għandhom jitmexxew ukoll minn awtoritajiet lokali u reġjonali.

16.

jappoġġja l-pjanijiet tal-Kummissjoni sabiex tinkoraġġixxi l-gvernijiet, fuq livell lokali, reġjonali u nazzjonali, biex jisfruttaw il-potenzjal ta' akkwist pubbliku innovattiv, iżda jkollu jirrimarka li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jeħtieġu li jiġu pprovduti bi proċeduri ċari dwar kif għandu jitmexxa l-akkwist innovattiv fil-kuntest tal-qafas tar-regoli ġenerali dwar l-akkwist pubbliku.

Tħejjija għall-ġejjieni

17.

jinnota li jappoġġja bis-sħiħ is-spinta sinifikanti li ngħatat lir-riċerka multi-dixxiplinarja dwar ix-xjuħija fis-7 Programm Qafas tar-Riċerka.

18.

jemmen li l-enfasi tal-Pjan ta' Azzjoni fuq ir-riċerka mqassma, il-ġbir komuni ta' riżorsi u aġendi komuni tirrifletti b'mod ċar it-talbiet preċedenti tal-Kumitat sabiex tissaħħaħ il-koordinazzjoni ta' programmi nazzjonali ta' riċerka dwar ix-xjuħija fuq livell Ewropew permezz ta' kooperazzjoni interreġjonali taħt l-iskema msaħħa ta'l-ERA-NET.

19.

jenfasizza li kooperazzjoni mill-qrib bejn riċerkaturi, kumpaniji ta' daqs differenti, it-tielet settur, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, u b'mod partikolari, persuni mdaħħla fl-età, hija prerekwiżit sabiex ir-riċerka u l-iżvilupp ikunu ta' suċċess fil-qasam ta' soluzzjonijiet ICT għax-xjuħija.

20.

ifakkar li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu joħolqu ambjent ta' riċerka innovattiva u jesploraw mezzi ġodda għal kooperazzjoni interistituzzjonali bejn is-settur pubbliku u s-settur privat u kooperazzjoni reġjonali transkonfinali. Barra minn investiment mill-awtoritajiet lokali u reġjonali, dan jesiġi wkoll appoġġ finanzjarju mill-Istati Membri u mill-UE.

Fehmiet ewlenin tal-Kumitat tar-Reġjuni

21.

jemmen li tenħtieġ iktar informazzjoni dwar id-differenzi kbar li jeżistu bejn ir-reġjuni sabiex ikunu jistgħu jitfasslu konklużjonijiet korretti u jkun żgurat li jittieħdu miżuri li huma effettivi biżżejjed.

22.

jinnota l-enfasi limitata tal-komunikazzjoni fl-eżaminar tat-tagħlim li huwa msaħħaħ minn ICT (eLearning) li tittratta l-iktar mil-lat ta' l-iżvilupp tad-dinja tax-xogħol. Fil-preparazzjoni għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni, hemm il-ħtieġa li jiġi adottat il-fatt li f'ħafna pajjiżi, persuni rtirati diġà huma grupp ta' klijenti mdaqqas fil-qasam ta' l-edukazzjoni għall-adulti pprovdut mill-awtoritajiet lokali u reġjonali u li t-tagħlim bl-appoġġ tat-teknoloġija għamel kontribut importanti sabiex jgħin lill-anzjani jibqgħu kreattivi u attivi fis-soċjetà.

23.

jirrakkomanda li s-servizzi ta' l-ICT għal persuni imdaħħla fl-età jingħataw rwol iktar prominenti fl-inizjattivi tar-Reġjuni għall-Bidla Ekonomika.

24.

isejjaħ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex jingħataw rwol ewlieni fit-tfassil ta' programmi u attivitatijiet ta' riċerka nazzjonali u ta' l-UE li huma mmirati lejn soluzzjonijiet ta' l-ICT għax-xjuħija bħala għarfien tal-fatt li l-effetti tat-tixjiħ tal-popolazzjoni huma evidenti l-iktar fuq livell lokali u li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma l-utenti ewlenin ta' dawn is-soluzzjonijiet.

25.

jemmen li huwa importanti ħafna li meta ssir l-għażla tal-proġetti msemmija fil-Pjan ta' Azzjoni għall-promozzjoni ta' ħajja indipendenti u l-monitoraġġ tas-saħħa mill-bogħod jiqiesu wkoll il-kriterji li ġejjin:

l-appoġġ għal ħajja indipendenti ma għandux iwassal għal iżjed iżolament;

it-teknoloġija għandha tiġi adottata għall-ħtiġijiet ta' l-anzjani u mhux bil-kontra;

is-servizzi żviluppati għandhom jirrispettaw il-privatezza u d-dinjità tal-persuni mdaħħla fl-età;

il-proġetti għandhom ikunu kapaċi jtejbu l-produttività ta' servizzi u jagħtu iktar żmien lill-professjonisti soċjali u tal-kura tas-saħħa sabiex iwettqu l-ħidmiet li għalihom tħarrġu.

26.

jaqbel mad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li differenzi fil-mod kif l-Istati Membri japplikaw id-dispożizzjonijiet relatati mad-diżabilità fil-qafas regolatorju għal komunikazzjonijiet elettroniċi jfixklu l-aċċess għal servizzi ta' komunikazzjoni u jifframmentaw is-suq Ewropew tat-tekonoloġija, iżda fl-istess waqt jenfasizza li persuni b'diżabilitajiet ma għandhomx jitħallew jiddipendu biss fuq servizzi elettroniċi; anzi, l-enfasi għandha tkun fuq l-isfruttar tat-teknoloġija sabiex ikun hemm appoġġ għall-aċċess għal servizzi permezz ta' ħafna mezzi differenti.

27.

ifakkar li l-iżivilupp ta' l-ICT jirrappreżenta opportunità li jiltaqgħu flimkien il-ħtiġijiet ta' l-anzjani li għandhom bżonn ta' aċċess għas-servizzi informatiċi u tal-komunikazzjoni u dawk taż-żgħażagħ li għandhom bżonn ta' opportunitajiet tax-xogħol u dan jikkontribwixxi lejn id-djalogu inter-ġenerazzjonali.

28.

barra minn hekk jixtieq ifakkar li, irrispettivament minn jew flimkien ma', programmi finanzjarji ta' l-UE jew programmi oħrajn, l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom:

jistabbilixxu skemi u proġetti pilota tagħhom stess għall-iżvilupp, l-adozzjoni u l-użu ta' l-ICT għal xjuħija tajba;

jużaw l-għodod l-oħrajn disponibbli, bħal linji gwida volontarji, sabiex jippromovu l-konverżjoni ta' djar sabiex ikunu iktar adattati għal ħajja indipendenti; u

jippromovu permezz ta' mezzi oħrajn il-kooperazzjoni wiesgħa fis-servizzi soċjali, tal-kura tas-saħħa u ta' l-akkomodazzjoni fuq livell lokali u reġjonali.

29.

iħeġġeġ l-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex ixerrdu tagħrif dwar is-suġġett, ifasslu strateġiji dwar l-effetti tax-xjuħija u jorganizzaw il-provvediment tas-servizzi skond iċ-ċirkostanzi ġodda u, kif imsemmi fil-Pjan ta' Azzjoni, iżidu s-sħubija lokali bejn il-partijiet interessati varji.

30.

iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Ewropa sabiex jagħmlu użu estensiv ta' l-opportunitajiet ta' l-ICT sabiex ilaħqu ma' l-isfidi ta' popolazzjoni li qed tixjieħ u b'hekk itejbu l-kwalità tal-ħajja ta' persuni mdaħħla fl-età, li jibqgħu integrati fil-komunitajiet lokali u jippromovu l-kompetittività lokali u reġjonali permezz tal-provvediment ta' servizzi personalizzati.

Brussell, it-28 ta' Novembru 2007.

Il-President

tal-Kumitat tar-Reġjuni

Michel DELEBARRE


(1)  CdR 252/2005 fin.

(2)  CdR 341/2006 fin.

(3)  CdR 272/2006 fin, CdR 252/2005 fin, CdR 256/2004 fin, CdR 193/2004 fin, CdR 136/2002 fin u CdR 303/2000 fin.

(4)  CdR 155/2005 u CdR 150/2005 fin.

(5)  CdR 151/2004 fin.

(6)  CdR 312/2003 fin.