26.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 53/16


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-Istrateġija komunitarja 2007-2012 għas-saħħa u s-siġurtà fuq il-post tax-xogħol

(2008/C 53/03)

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

huwa tal-fehma li l-istrateġija msemmija hija neċessarja għall-Istati Membri minħabba li hija dokument ta' bażi għat-tfassil ta' l-istrateġiji tagħhom għall-iżvilupp fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, li għandhom impatt sostanzjali kemm fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali kif ukoll fuq l-intrapriżi u l-SMEs;

jixħet dawl fuq il-fatt li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jipprovdu ħafna impjiegi fl-Istati Membri kollha ta' l-UE u għalhekk huma l-entitajiet ideali sabiex ikunu minn ta' quddiem nett fl-ambitu ta' inizjattivi għat-titjib tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Għalhekk, hija u tagħmel it-tħejjijiet neċessarji għall-implimentazzjoni ta' l-istrateġija, il-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni partikulari lill-awtoritajiet lokali u reġjonali;

jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li, fil-qafas ta' l-istrateġija ta' Lisbona, l-Istati Membri rrikonoxxew il-kontribuzzjoni sfiqa li l-garanzija ta' kwalità u produttività fuq il-post tax-xogħol tipprovdi sabiex tippromovi t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi. Filfatt, in-nuqqas ta' ħarsien effikaċi sabiex is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol ikunu żgurati jista' jikkawża assenteiżmu minħabba inċidenti fuq il-post tax-xogħol u mard ikkaġunat mix-xogħol, u jista' jwassal ukoll għal diżabilità permanenti kkaġunata mix-xogħol. Din is-sitwazzjoni mhux biss hija diffiċli għall-individwi kkonċernati, iżda għandha impatt negattiv sinifikanti fuq l-ekonomija. L-ispejjeż ekonomiċi konsiderevoli marbuta ma' problemi tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol ixekklu t-tkabbir ekonomiku u jaffettwaw il-kompetittività ta' l-intrapriżi Ewropej;

jemmen li hemm bżonn urġenti li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri jkollhom aċċess għal sistema affidabbli u aktar moderna għall-ġbir u l-ipproċessar ta' statistika li tagħti stampa ċara ta' l-inċidenti u l-mard ikkaġunat mix-xogħol, u f'dan il-kuntest jipproponi li tibda l-ħidma fil-qasam ta' l-armonizzazzjoni ta' l-istatistika ta' l-inċidenti u l-mard ikkaġunat mix-xogħol fl-Unjoni Ewropea;

Rapporteur

:

Dr Uno SILBERG (EE/UEN-EA), President tal-Kunsill Muniċipali ta' Kose

Dokument ta' referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Intejbu l-kwalità u l-produttività fuq ix-xogħol: strateġija Komunitarja 2007-2012 għas-saħħa u s-siġurtà fuq il-post tax-xogħol

COM(2007) 62 finali

Rakkomandazzjonijiet ta' politika

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Osservazzjonijiet ġenerali

1.

jilqa' bi pjaċir l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tkompli bil-ħidma tagħha sabiex ittejjeb il-kwalità u l-produttività fuq ix-xogħol billi tfassal strateġija Komunitarja fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà għall-perojodu 2007-2012. L-inizjattiva timmira li tnaqqas in-numru ta' inċidenti fuq il-post tax-xogħol b'25 % sa l-2012 fl-UE-27 billi ttejjeb il-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema. Fl-istess ħin, din tagħti kontribuzzjoni siewja sabiex l-istrateġija għall-impjiegi u t-tkabbir ekonomiku tirnexxi;

2.

huwa tal-fehma li l-istrateġija msemmija hija neċessarja għall-Istati Membri minħabba li hija dokument ta' bażi għat-tfassil ta' l-istrateġiji tagħhom għall-iżvilupp fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, li għandhom impatt sostanzjali kemm fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali kif ukoll fuq l-intrapriżi u l-SMEs;

3.

jixħet dawl fuq il-fatt li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jipprovdu ħafna impjiegi fl-Istati Membri kollha ta' l-UE u għalhekk huma l-entitajiet ideali sabiex ikunu minn ta' quddiem nett fl-ambitu ta' inizjattivi għat-titjib tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Għalhekk, hija u tagħmel it-tħejjijiet neċessarji għall-implimentazzjoni ta' l-istrateġija, il-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni partikulari lill-awtoritajiet lokali u reġjonali;

4.

jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li, fil-qafas ta' l-istrateġija ta' Lisbona, l-Istati Membri rrikonoxxew il-kontribuzzjoni sfiqa li l-garanzija ta' kwalità u produttività fuq il-post tax-xogħol tipprovdi sabiex tippromovi t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi. Filfatt, in-nuqqas ta' ħarsien effikaċi sabiex is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol ikunu żgurati jista' jikkawża assenteiżmu minħabba inċidenti fuq il-post tax-xogħol u mard ikkaġunat mix-xogħol, u jista' jwassal ukoll għal diżabilità permanenti kkaġunata mix-xogħol. Din is-sitwazzjoni mhux biss hija diffiċli għall-individwi kkonċernati, iżda għandha impatt negattiv sinifikanti fuq l-ekonomija. L-ispejjeż ekonomiċi konsiderevoli marbuta ma' problemi tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol ixekklu t-tkabbir ekonomiku u jaffettwaw il-kompetittività ta' l-intrapriżi Ewropej;

5.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni tgħaqqad is-sinerġiji fil-qasam politiku bejn l-istituzzjonijiet individwali ta' l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri u l-ewwel u qabel kollox l-awtoritajiet reġjonali u lokali, bl-għan li jittejbu s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol;

6.

jemmen li hemm bżonn urġenti li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri jkollhom sistema affidabbli u aktar moderna għall-ġbir u l-ipproċessar ta' statistika li tagħti stampa ċara ta' l-inċidenti u l-mard ikkaġunat mix-xogħol u, f'dan is-sens, jirrakkomanda li tibda l-ħidma biex tiġi armonizzata l-istatistika ta' inċidenti u mard ikkaġunat mix-xogħol fl-Unjoni Ewropea;

7.

jemmen li hemm bżonn urġenti li l-Istati Membri jkollhom aċċess għal strateġija nazzjonali li tkun imsejsa fuq l-istrateġija tal-Kummissjoni u tindirizza wkoll kwistjonijiet marbuta ma' l-impjiegi, il-kuntratti ta' impjieg u l-kundizzjonijiet fuq il-post tax-xogħol;

8.

iqis li huwa meħtieġ li l-Istati Membri jkollhom skema effettiva ta' assigurazzjoni kontra l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol u l-mard ikkaġunat mix-xogħol. Minn naħa, din tipprovdi inċentiv sabiex tiżdied is-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u min-naħa l-oħra, l-inċidenti kollha fuq il-post tax-xogħol u l-każi ta' mard marbut max-xogħol ikunu jistgħu jerġgħu jiġu rreġistrati mill-ġdid;

9.

jisħaq fuq il-bżonn li tingħata attenzjoni xierqa, fil-qasam tal-ġestjoni tal-kriżijiet, lill-miżuri preventivi u li jiġi żgurat li l-prevenzjoni ma tkunx ikkunsidrata sempliċement bħala parti minn monitoraġġ. Il-ġestjoni tal-kriżijiet tinkorpora kemm miżuri preventivi (ġestjoni pro-attiva tar-riskju) kif ukoll element ta' “reazzjoni permezz ta' intervent” (ġestjoni reattiva tar-riskju), iżda t-tnejn li huma għandhom jingħataw l-istess importanza;

10.

jieħu nota ta' l-istqarrija tal-Kummissjoni li din hija strateġija għall-promozzjoni tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol mill-2007 sa l-2012, u għalhekk il-komunikazzjoni tirrappreżenta dokument ta' strateġija;

Il-proċess ta' tħejjija ta' l-istrateġija ta' żvilupp

11.

bi pjaċir jinnota li l-proċedura ta' tħejjija ta' l-istrateġija ta' żvilupp (dokument ta' strateġija) qiegħda titħejja b'konformità mar-regoli Komunitarji;

12.

jinnota diskrepanza fil-punt 5 — is-superviżjoni tas-saħħa (permezz ta' ċerti proċeduri) u l-parti “Naffaċċjaw it-tibdiliet soċjali u demografiċi” (aspetti marbuta mal-ġenerazzjonijiet). Barraminhekk, is-sottosezzjoni dwar ir-riabilitazzjoni tal-ħaddiema tuża data antika ħafna (mill-1999) li ftit li xejn għandha rilevanza għal strateġija li ser tkopri l-perijodu sa l-2012. L-istrateġija għall-2002-2006 għandha, talanqas, tittieħed bħala bażi;

Missjoni, viżjoni u valuri bażiċi

13.

huwa sorpriż li d-dokument ta' strateġija m'huwiex ċar dwar il-missjoni u l-viżjoni segwiti. Għaldaqstant, id-dokument ma jsemmi l-ebda approċċ jew għan komuni fir-rigward ta' azzjoni Komunitarja mmirata. Barraminhekk, id-dokument jonqos li jistabbilixxi objettiv għall-istrateġija, x'qiegħed isir għal benefiċċju ta' min u x'inhu l-iskop konkret li din il-kwistjoni tiġi riżolta;

14.

iqis li huwa importanti li jiġu espressi l-valuri komuni ta' l-Istati Membri, li jifformaw il-bażi għal azzjoni komuni u għall-kisba ta' dawn l-objettivi;

L-oriġini tal-pjan ta' żvilupp strateġiku

15.

jinnota li fid-dokument ta' strateġija huwa stabbilit li l-pjan ta' żvilupp strateġiku huwa intiż li jkopri l-perijodu 2007-2012. Għalhekk, id-dokument jistabbilixxi ż-żmien meħtieġ sabiex jinkisbu l-objettivi u l-miżuri mniżżla fil-pjan ta' żvilupp, iżda l-kalendarju stabbilit m'għandux irbit ma' objettivi speċifiċi;

16.

jixtieq jirrimarka li kien ikun utli li kieku d-dokument kien jindika kemm-il darba dawn il-pjanijiet kienu ser jiġu riveduti u b'kemm reqqa (jekk, per ezempju, il-pjanijiet jibqgħu ma jiġġeddux fi żmien tliet snin, ikun hemm ir-riskju li ma jibqgħux validi);

17.

jilqa' b'sodisfazzjon il-parteċipazzjoni għolja ta' l-Istati Membri fit-tfassil tal-pjan ta' żvilupp strateġiku. Madankollu, jiddispjaċih li l-parteċipazzjoni ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tfassil ta' l-istrateġija ma ġiex iffaċilitat, għalkemm il-prossimità maċ-ċittadini hija meħtieġa f'dan il-proċess. F'dan is-sens, l-awtoritajiet lokali u reġjonali m'humiex biss dawk li jħaddmu imma wkoll l-aġenti responsabbli għall-implimentazzjoni ta' dawn il-politiki;

18.

isejjaħ sabiex id-direzzjoni strateġika li ħadet l-istrateġija Komunitarja tal-Kummmissjoni Ewropea għas-saħħa u s-sigurtà għall-perijodu 2002-2006 titkompla;

19.

jirrikonoxxi s-suċċess li kisbet l-istrateġija preċedenti sabiex tqajjem kuxjenza pubblika dwar l-importanza tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, li kien ġie enfasizzat bħala parti integrali tal-ġestjoni tal-kwalità u fattur kruċjali fil-prestazzjoni ekonomika u l-kompetittività;

20.

huwa sorpriż kif id-dokument ta' strateġija naqas li jqajjem il-kwistjoni ta' ġestjoni tal-kwalità fid-diskussjoni dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, jew saħansitra lanqas biss qajjem il-kwistjoni;

21.

jammetti li ħafna intrapriżi fl-Istati Membri ta' l-UE, inklużi intrapriżi Ewropej ewlenin, adottaw is-sistema tal-ġestjoni tal-kwalità tal-Fondazzjoni Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kwalità (EFQM), li fuqha sejsu l-attivitajiet tagħhom. Din is-sistema hija mudell sabiex tissawwar strateġija effettiva li tista' tintuża wkoll fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol;

22.

jitlob lill-Istati Membri sabiex isegwu l-prinċipji bażiċi li jsostnu s-sistema tal-ġestjoni tal-kwalità ta' l-EFQM — l-enfasi fuq il-kisba ta' riżultati, l-enfasi fuq il-klijent, is-sens ta' tmexxija u l-koerenza ta' l-objettivi, il-ġestjoni f'termini ta' proċessi u fatti, il-parteċipazzjoni u l-iżvilupp ta' l-individwi, l-iżvilupp ta' l-isħubija u r-responsabilità soċjali korporattiva — għaliex dan jikkontribwixxi għall-progress fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u jikkontribwixxi wkoll għall-armonizzazzjoni tal-qafas ġuridiku involut. L-Istati Membri għandhom ifittxu wkoll li jifhmu l-aspettativi tal-kategoriji diversi tas-soċjetà u jirreaġixxu għalihom b'mod adegwat;

Analiżi tas-sitwazzjoni attwali

23.

huwa tal-fehma li huwa essenzjali li ssir analiżi tas-sitwazzjoni attwali sabiex ikun hemm data statistika disponibbli fir-rigward ta' l-Istati Membri individwali jew data ġenerali għall-UE kollha; għandu jitqies iż-żmien li fih tittieħed din id-data sabiex ikun possibbli li tiġi identifikata t-tendenza partikulari;

24.

jenfasizza li l-analiżi tas-sitwazzjoni attwali għandha tinkludi analiżi tad-data disponibbli u l-problemi attwali, il-possibilitajiet u r-riskji, u għandhom jinfirxu skond il-qasam;

25.

jinnota li, min-natura tagħhom stess, il-perikli u r-riskji qegħdin isiru aktar kumplessi u interdipendenti. Għalhekk huwa essenzjali li ssir analiżi tar-riskji sabiex ikun hemm valutazzjoni tal-perikli possibbli u ssir ġestjoni tar-riskji, u fl-istess waqt jitqiesu d-diversi tipi ta' riskju. Huwa importanti ħafna li jkun hemm valutazzjoni kritika tas-sitwazzjoni attwali għaliex dan huwa l-uniku mod fejn ikun possibbli li jiġu stabbiliti miri realistiċi;

26.

huwa tal-fehma li, jekk ser issir valutazzjoni realistika tal-ħsara li tista' tiġi kkawżata minn riskji potenzjali, huwa importanti ħafna li ma jitqisux biss is-sorsi ta' periklu u l-impatt tagħhom, iżda wkoll li jiġu stabbiliti l-kriterji li bihom jiġu vvalutati d-danni. Meta ssir valutazzjoni tal-ħsara, għandha ssir distinzjoni bejn l-aspetti teknoloġiċi, psikoloġiċi, soċjoloġiċi, kulturali u ekonomiċi tar-riskji involuti;

27.

jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw preċiżament kif l-informazzjoni tinġabar u tiġi kkompilata, liema huma l-partijiet responsabbli għal dawn il-miżuri u liema huma l-proċeduri ta' ħidma li għandhom ikunu segwiti. Ta' spiss, dawn l-elementi ma jiġux determinati minn dispożizzjonijiet legali dikjaratorji; fin-nuqqas ta' bażi teoretika u prattika — li tkun tista' tinftiehem tajjeb mill-partijiet kollha — m'għandniex nistennew li ser ikun hemm riżultati pożittivi;

28.

jemmen li hemm ħtieġa urġenti li l-Istati Membri jkollhom bażi metodoloġika soda għall-ġestjoni tar-riskji, li għandha, barraminhekk, titfassal skond prinċipji xjentifiċi;

29.

jenfasizza li jinħtieġ li t-tibdil taċ-ċirkustanzi u tal-fatturi jiġi ssorveljat b'mod permanenti. B'hekk, wieħed ikun jista' jżomm ruħu aġġornat u jiddefinixxi l-fatturi ta' riskju ġodda li joħorġu fid-deher;

30.

huwa tal-fehma li l-kwistjoni ta' mard ikkaġunat mix-xogħol għandu jiġi indirizzat b'aktar dettall fid-dokument ta' strateġija. Għandu jintuża approċċ ibbażat fuq livell adegwat ta' flessibilità u ċarezza meta jkunu qegħdin jiġu determinati l-kriterji għall-analiżi tal-mard marbut max-xogħol sabiex dan it-tip ta' mard ikun jista' jiġi kklassifikat billi jiġu kkunsidrati l-kawżi oriġinali tiegħu;

31.

iqis li huwa importanti ħafna li d-dijanjosi tal-mard marbut max-xogħol fl-Istati Membri m'għandhiex issir aktar diffiċli u li l-ħlas ta' kumpens għandu jsir bl-inqas mod burokratiku possibbli;

32.

iqis importanti ħafna wkoll li għandu jkun hemm sistema legali u amministrattiva effikaċi li tiżgura li l-inċidenti u l-mard ikkaġunat mix-xogħol jiġu rreġistrati kif xieraq;; u li sistema bħal din ma titfax piż żejjed fuq l-SMEs;

33.

isejjaħ sabiex l-inċidenti u l-mard marbuta max-xogħol ikunu reġistrati bi preċiżjoni fl-Istati Membri kollha u sabiex jiġi introdott pjan ta' azzjoni strateġiku għat-titjib tas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol; iżda li l-miżuri li jittieħdu ma jitfgħux piż żejjed fuq l-SMEs;

34.

jemmen li huwa essenzjali li r-rispett tal-ħtiġijiet u r-regoli fir-rigward ta' l-ambjent tax-xogħol ikun issorveljat sabiex joħorġu fid-deher in-nuqqasijiet u sabiex jiġu evitati r-riskji;

35.

jirrikonoxxi li d-difetti fl-organizzazzjoni ta' l-ambjent tax-xogħol huma waħda mill-kawżi ewlenin tal-mard u l-inċidenti kkaġunati mix-xogħol. Kull ħajja umana li tintilef u kull ġurnata ta' xogħol li tintilef minħabba l-mard tirrappreżenta telf konsiderevoli għal kull Stat Membru, awtorità reġjonali jew lokali, intrapriża jew intrapriża żgħira u ta' daqs medju; l-ispejjeż totali għas-soċjetà huma però ferm ogħla;

36.

jiddispjaċih li m'hemmx referenza espliċita għall-fatt li, bażikament, tendenzi ta' mġiba li jirrispettaw is-saħħa jistgħu jitrawmu biss fejn il-kundizzjonijiet bażiċi fuq il-post tax-xogħol u fis-soċjetà jirrispettaw is-saħħa huma stess;

37.

jittama li metodi ta' analiżi, li huma rikonoxxuti b'mod ġenerali, bħal per eżempju SWOT, PEST, GAP, FFA jew CAF jintużaw meta jitfassal approċċ strateġiku komuni għall-użu ta' l-organizzazzjonijiet fid-diversi Stati Membri u li jiġi żgurat li r-riżultati jkunu objettivi, adegwati u komparabbli;

L-objettivi strateġiċi

38.

jilqa' bi pjaċir il-proposta tal-Kummissjoni skond liema l-objettiv prinċipali ta' l-istrateġija Komunitarja għandu jibqa' t-tnaqqis fin-numru ta' l-inċidenti industrijali matul il-perijodu 2007-2012; jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li matul dan il-perijodu, l-objettiv globali ta' l-Istati Membri ta' l-UE-27 għandu jkun li jkun hemm tnaqqis ta' 25 % fl-għadd ta' inċidenti industrijali, anke jekk dan l-objettiv jista' jidher wisq propagandistiku;

39.

josserva li għandu jkun hemm messaġġ ċar marbut ma' dawn l-objettivi strateġiċi. Għandu jidher biċ-ċar fiex jikkonsisti r-riżultat finali (outcome), kif ukoll dak li għandu jinkiseb u f'kemm żmien għandu jseħħ;

40.

jirrimarka li l-objettiv strateġiku għandu jissodisfa dawn il-ħtiġijiet (SMART): l-objettiv għandu jkun speċifiku (specific), miżurabbli (measurable), miftiehem (agreed), realistiku (realistic), u b'orarju preċiż (timed). Dawn il-karatteristiċi jiggarantixxu definizzjoni preċiża tal-kompiti u l-fatt li jistgħu jkunu magħduda, li jippresupponi li l-iskala tal-kejl tkun stabbilita b'mod vinkolanti;

41.

josserva li l-objettiv strateġiku għandu jissodisfa l-ħtiġijiet, li jfisser li l-objettivi għandhom ikunu marbuta ma' kalendarju preċiż sabiex il-kisba ta' l-objettivi tkun tista' tiġi ssorveljata u mkejla. Hawnhekk għandu l-oriġini tiegħu l-kunċett ta' objettivi fuq perijodu fil-qosor u fit-tul li jfisser li l-objettiv prinċipali għandu jkun maqsum f'sotto-objettivi intermedji, sabiex il-kisba tagħhom tkun tista' tiġi mkejla, issorveljata u ġestita b'aktar preċiżjoni;

42.

huwa tal-fehma li hemm bżonn urġenti li tiġi stabbilita sistema ta' indikaturi għall-Istati Membri li tikkostitwixxi l-bażi għall-valutazzjoni tas-sitwazzjoni inizjali u finali u l-effiċjenza tal-miżuri meħuda. Il-karatteristiċi prinċipali ta' l-indikaturi hima r-rilevanza, l-essenzjalità, il-kwantifikabilità u r-robustezza u l-effikaċja ta' l-ispejjeż involuti;

Miżuri għall-kisba ta' l-objettivi

43.

jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni qiegħda tipprovdi appoġġ lill-SMEs billi tuża d-dispożizzjonijiet legali eżistenti u jittama li l-qafas legali jkun kompatibbli ma' l-iżvilupp tas-suq tax-xogħol u ssemplifikat, partikularment billi tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni ta' l-SMEs;

44.

jenfasizza li għandhom jiġu ddefiniti l-istrumenti li jservu ta' appoġġ għall-miżuri ppreżentati fil-pjan ta' żvilupp strateġiku. Jinħtieġ li dawn l-istrumenti jkopru programmi, proġetti fuq skala kbira, investimenti strateġiċi u l-oqsma ta' azzjoni b'ambitu aktar wiesa' bħal per eżempju kompiti ta' rutina, li permezz tagħhom jistgħu jinkisbu l-objettivi stabbiliti;

45.

jinnota li, b'kuntrast għall-mod kif il-kwistjonijiet l-oħra ġew trattati, il-kwistjoni tat-twaqqif ta' qafas leġislattiv (is-sezzjoni 4 tad-dokument ta' strateġija) hija indirizzata f'wisq dettall. L-aspetti diversi tal-ħajja intraprenditorjali għandhom jiġu analizzati sistematikament fuq il-bażi, per eżempju, tal-prinċipju PESTLE (political, economic, social, technical, legal, environmental). L-analiżi għandha ssir mhux biss fil-qafas globali ta' l-UE iżda wkoll fil-kuntest ta' l-Istati Membri individwali; għandha tkopri l-oqsma politiċi, ekonomiċi, soċjali, tekniċi, legali u dawk marbutin mal-ħarsien ta' l-impjegati;

46.

jinkuraġġixxi t-twaqqif ta' skemi korporattivi għall-promozzjoni tas-saħħa;

Il-qafas finanzjarju u l-kalendarju

47.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li huwa assolutament neċessarju li d-dokument ta' strateġija jinkludi qafas finanzjarju u kalendarju, li jinkorporaw stima ta' l-ispiża globali għall-pjan ta' żvilupp u t-tqassim ta' l-ispejjeż fir-rigward ta' snin partikulari jew perijodi ta' zmien;

48.

jixtieq li fit-taqsima dwar l-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-miżuri għat-tnaqqis tar-riskji għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, jinħoloq dokument uniformi fir-rigward tal-qafas finanzjarju u l-kalendarju sabiex jiġi żgurat li d-data pprovduta mill-Istati Membri tkun kompatibbli u tkun tista' tiġi analizzata fl-UE kollha;

L-istruttura tal-ġestjoni

49.

josserva li l-istruttura tal-ġestjoni għas-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol għandha tinkludi deskrizzjoni li hija neċessarja fir-rigward tat-tfassil, it-tlestija, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-pjan ta' żvilupp u l-formulazzjoni tar-rapport finali fuq il-pjan ta' żvilupp. F'dan il-kuntest huwa neċessarju wkoll li jingħata rapport dwar kif ser ikunu organizzati l-kooperazzjoni, it-tqassim tax-xogħol u l-proċessi ta' feedback mal-partijiet interessati l-oħra;

50.

josserva li, sabiex jintlaħaq ftehim dwar il-koordinazzjoni, l-amministrazzjoni u l-aspetti rilevanti tal-pjan ta' żvilupp, hija neċessarja deskrizzjoni ta' l-istruttura tal-ġestjoni għas-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol, kif ukoll li jiġu infurmati l-partijiet interessati l-oħra;

51.

jiġbed l-attenzjoni għal-Linji Gwida globali ta' l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar is-sistemi ta' ġestjoni tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol (ILO-OSH) li, minħabba li t-twaqqif ta' standards internazzjonali f'dan il-qasam ġie miċħud, tfasslu fuq it-talba ta' l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni (ISO) li għandhom jiġu implimentati — kif sa ċertu punt diġà sar — mill-pajjiżi relevanti f'livell nazzjonali; dawn il-linji gwida jirriflettu l-valuri u l-għodda ta' l-ILO għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u jistipolaw il-ħtiġijiet bażiċi ta' sistema ta' ġestjoni tas-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol imfassla biex tassigura titjib fit-tul f'dan il-qasam;

52.

josserva li l-prinċipji bażiċi metodoloġiċi msemmija hawn fuq huma mniżżla f'dawn id-dokumenti:

Linji gwida ta' l-ILO dwar is-sistemi ta' ġestjoni tas-saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol (ILO-OSH 2001);

53.

josserva li kull sistema effettiva fit-tul dwar il-ġestjoni tas-saħħa u s-sigurtà imfassla biex tassigura titjib kontinwu fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, jeħtieġ li jkollha l-aspetti fundamentali li ġejjin:

politika dwar is-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol;

organizzazzjoni;

ippjanar u implimentazzjoni;

evalwazzjoni;

azzjoni għal titjib;

Implimentazzjoni: rapport dwar l-implimentazzjoni, it-tlestija u l-konklużjoni tal-pjan ta' żvilupp strateġiku

54.

josserva li fis-sezzjoni dwar l-istruttura tal-pjan ta' żvilupp strateġiku hemm l-objettivi u l-miżuri li għandhom jiġu implimentati matul ħajjet il-pjan ta' azzjoni u l-ispjegazzjonijiet. Jenħtieġ li l-pjan ta' azzjoni u l-pjan ta' żvilupp jkunu komparabbli u jkollhom struttura simili;

55.

jirrakkomanda li l-pjan ta' azzjoni jitħejja f'forma ta' tabella, u jiġi indikat, fir-rigward ta' kull sottogrupp, l-objettivi, l-indikaturi u l-miżuri rispettivi li jinħtieġ li jittieħdu sabiex jinkisbu l-miri, u għandhom jiġu indikati wkoll l-attivitajiet li jridu jsiru flimkien mal-partijiet ta' implimentazzjoni, il-finanzjaturi u s-sorsi u l-istrumenti tal-finanzjament;

56.

jirrimarka li l-miżuri supplimentari għandhom jiġu introdotti f'każ li, matul l-implimentazzjoni tal-pjan ta' żvilupp strateġiku, jinħass il-bżonn li jkun hemm modifiki jew li jiġu stabbiliti regoli fir-rigward ta' l-objettivi jew il-miżuri eżistenti. Meta jittieħdu deċiżjonijiet dwar miżuri addizzjonali jew dwar it-tmiem tal-miżuri eżistenti, l-ewwel u qabel kollox għandhom jitqiesu dawn li ġejjin: l-utilità tal-miri li ġew stabbiliti, l-effikaċja tal-miżuri adottati u l-modifiki li jkunu saru jew li huma previsti fir-rigward tal-finanzjament u l-oqsma ta' azzjoni;

L-evalwazzjoni ta' l-implimentazzjoni tal-pjan ta' żvilupp strateġiku

57.

josserva li jekk l-objettivi ta' l-istrateġija ta' żvilupp jinkisbu, meta l-pjan jasal fi tmiemu jew jekk ikun ġie implimentat b'suċċess, għandu jitfassal rapport finali ta' l-istrateġija ta' żvilupp;

58.

jixtieq josserva li huwa essenzjali li dawn l-aspetti li ġejjin jiġu enfasizzati fis-sezzjoni dwar kif l-Istati Membri jittrattaw il-perijodu li fih isir ir-rapportar:

il-parametri li fuqhom huma msejsa l-indikaturi fir-rigward ta' l-objettivi strateġiċi, ie sa liema punt kien hemm progress fil-kisba ta' l-objettivi;

ir-riżultati diretti tal-miżuri;

sommarju ta' l-istrumenti użati għall-implimentazzjoni tal-pjan ta' żvilupp, flimkien ma' l-ispjegazzjonijiet;

il-modifiki — kemm dawk li diġà saru jew dawk fl-istadju ta' l-ippjanar — fil-qasam ta' attività kkonċernat.

Jenħtieġ li l-furmat u l-istruttura tar-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta' żvilupp strateġiku jkunu kompatibbli mal-pjan ta' żvilupp u l-pjan ta' azzjoni li huwa assoċjat ma' dan.

Brussell, it-28 ta' Novembru 2007.

Il-President

tal-Kumitat tar-Reġjuni

Michel DELEBARRE