16.5.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
C 120/33 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Green Paper dwar żarmar aħjar tal-bastimenti
COM(2007) 269 finali
(2008/C 120/08)
Nhar it-22 ta' Mejju 2007, il-Kummissjoni Ewropea ddeċiediet, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Green Paper dwar żarmar aħjar tal-bastimenti.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-31 ta' Ottubru 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Adams.
Matul l-440 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-12 u t-13 ta' Diċembru 2007 (seduta tat-13 ta' Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni unanimament.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal azzjoni kemm fil-livell internazzjonali kif ukoll f'dak reġjonali sabiex jinbidlu, kemm jista' jkun malajr, prattiki attwali ta' żarmar ta' bastimenti li m'humiex aċċettabbli. |
1.2 |
Kif inhi strutturata preżentement l-industrija taż-żarmar tal-bastimenti, tinkludi kemm tarznari li huma sikuri u regolati tajjeb kif ukoll xtut fejn il-bastimenti jiżżarmaw bl-idejn bl-inqas livell ta' ħarsien tas-saħħa, is-sigurtà u l-ambjent. Il-parti l-kbira tal-vapuri tal-merkanzija bħalissa qegħdin itemmu ħajjithom fuq wieħed minn dawn l-ixtut fin-nofsinhar ta' l-Asja. Hemm nuqqas serju madwar id-dinja ta' faċilitajiet ta' żarmar li huma kompatibbli mal-prinċipji ta' sostenibilità ambjentali u soċjali. |
1.3 |
Il-Kumitat huwa mħasseb li din is-sitwazzjoni ser tiggrava minħabba fiż-żieda qawwija fin-numru ta' vapuri li ser jispiċċaw mis-servizz fil-ftit snin li ġejjin wara li qiegħed jispiċċa fuq livell globali l-użu tat-tat-tankers taż-żejt b'buq singolu; ix-xogħol b'lura li huwa stmat għal 15-il miljun tunellata ta' piż ta' bastimenti vojta (Light Displacement Tonnage (LDT) (1) u ż-żieda qawwija ġenerali fil-bini tal-bastimenti f'dawn l-aħħar snin. Parti mill-bastimenti żejda li jridu jitwarrbu fis-snin li ġejjin huma dovuti għall-miżuri li ttieħdu mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO), minħabba li l-UE riedet tħares l-ambjent tagħha u għalhekk ir-responsabbiltà ta' l-UE li tieħu azzjoni hija ċara. |
1.4 |
Ta' min wieħed jinnota li xi sidien tal-bastimenti ma jibbaġittjawx għall-ispejjeż tar-rimi sikur u kkontrollat ta' bastimenti li spiċċaw mis-servizz għalkemm numru kbir (2) jagħrfu l-ħtieġa għall-azzjoni u qegħdin jibdew jimplimentaw miżuri fuq bażi volontarja. |
1.5 |
Ta' min wieħed jinnota wkoll li għalkemm jeżistu dispożizzjonijiet legali fl-UE li għandhom jevitaw li l-bastimenti jagħmlu l-aħħar vjaġġ għaż-żarmar f'xi lokalità b'faċilitajiet inadegwati, dawn jistgħu jiġu evitati faċilment. Il-KESE argumenta b'mod konsistenti, l-aktar reċentement f'Marzu 2007, fl-Opinjoni tiegħu dwar il-green paper Lejn Politika Marittima ta' l-Unjoni għall-ġejjieni (3) li l-Istati Membri għandhom jirratifikaw il-konvenzjonijiet dwar is-sigurtà marittima u l-protezzjoni ambjentali u jassiguraw li dawn jiġu infurzati b'mod tajjeb. |
1.6 |
Huwa magħruf li ż-żarmar ta' bastimenti li spiċċaw mis-servizz hija kwistjoni kumplessa li tirrigwarda l-kontribut importanti lejn l-impjiegi u r-riżorsi ta' materja prima li jibbenefikaw minnhom il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u li joffru żarmar bl-irħis. Fl-istess waqt, il-Kumitat jagħraf li l-faqar strutturali u problemi soċjali u legali oħra f'din iż-żona tan-nofsinhar ta' l-Asja huma marbuta ma' l-assenza jew in-nuqqas ta' implimentazzjoni ta' anke livelli minimi ta' sigurtà fuq ix-xogħol, livelli minimi fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-ħarsien ta' l-ambjent. |
Il-KESE għalhekk jirrakkomanda li:
1.7 |
Permezz ta' l-IMO, għandu jiġi stabbilit reġim internazzjonali b'saħħtu għall-identifikazzjoni, il-kontroll u r-rimi ta' bastimenti li spiċċaw mis-servizz. Dan ir-reġim għandu jkollu livell ta' kontroll ekwivalenti għal dak li hemm fil-Konvenzjoni ta' Basel: jinkorpora l-istandards kollha relevanti ta' l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO); ma jippermettix eżenzjonijiet u ma jħallix li bastimenti li spiċċaw mis-servizz bi skart perikoluż imorru f'pajjiżi li ma jkunu ikkonvenzjonati u li għandhom faċilitajiet li m'humiex adegwati. |
1.8 |
Madankollu, l-implimentazzjoni ta' ftehim ta' l-IMO bħal dan, jieħu diversi snin, u għalhekk:
|
1.9 |
Il-KESE jappoġġa bis-sħiħ l-inkoraġġiment ta' l-aħjar prattiki fir-riċiklaġġ tal-bastimenti u t-tindif minn qabel tagħhom mill-gass u l-iskart tossiku ġewwa l-UE. Impenn mill-Istati Membri li jittrattaw mal-bastimenti ta' l-istat b'dan il-mod u li jorbtu bi klawsoli ta' tmiem mis-servizz meta dawn il-bastimenti jinbigħu lil partijiet terzi huma passi kruċjali b'appoġġ għal approċċ bħal dan. It-tindif minn qabel tal-bastimenti qabel ma' jiġu esportati jipprovdi mezzi għall-akkwist ta' azzar sekondarju f'destinazzjonijiet tan-nofsinhar ta' l-Asja fejn it-talba hija kbira. Għal dan il-għan għandu jiġi żviluppat dokument ta' gwida tat-tindif minn qabel. |
1.10 |
Il-provviżjoni ta' l-assistenza finanzjarja u teknika lill-pajjiżi tan-nofsinhar ta' l-Asja sabiex itjebu l-faċilitajiet tagħhom — ta' l-anqas sabiex jikkonvertu l-operazzjonijiet li jsiru fuq ix-xtajta f'immaniġġjar li huwa kontenut għal moll jew tarzna u li jipprovdi faċilitajiet aħjar ta' sigurtà u faċilitajiet ta' l-immaniġġjar ta' l-iskart fin-naħa t'isfel tax-xmara — tnaqqas xi wħud mill-aktar problemi gravi. |
1.11 |
Il-KESE jirrikonoxxi li azzjoni effettiva fuq din il-kwistjoni tinvolvi spejjeż żejda. Jappoġġja l-indikazzjoni tal-proposti mill-Kummissjoni għal mekkaniżmi li jiżguraw li l-ibbaġittjar għal dawn l-ispejjeż isir parti mill-ispejjeż normali ta' l-operat għall-bastimenti. B'mod partikolari l-IMO u s-sidien tal-bastimenti qegħdin iħeġġu sabiex jittieħdu miżuri oħra ħalli jiġi provdut fond ta' riċiklaġġ għal kull vapur. Dan, jew jinbena matul is-snin li l-bastiment ikun fis-servizz jew inkella jiġi stabbilit bħala bond meta l-vapur jiġi varat. Diversi istituzzjonijiet finanzjarji jinsabu f'pożizzjoni tajba sabiex joħolqu u jħaddmu miżuri ta' dan it-tip. Jekk fond bħal dan m'huwiex possibbli, l-UE għandha tfittex fost il-mekkaniżmi reġjonali bħat-taxxi statali portwarji u oħrajn simili. |
1.12 |
Iddisinjar li huwa konxju mir-riċiklaġġ, li jidentifika l-perikoli eżistenti u li kemm jista' jkun ibiddel materjali tossiċi mill-bastimenti meta jkunu qegħdin jinbnew, ikollu effett pożittiv fit-tul u l-KESE jappoġġja l-isforzi, kemm permezz ta' l-UE, l-IMO u s-sidien u l-bennejja tal-vapuri. |
2. Daħla
2.1 |
Il-kuntest ta' l-Opinjoni huwa t-trasport internazzjonali bil-baħar u t-trasport internazzjonali ta' l-iskart bil-baħar. Bejn 200 u 600 vapur jiġu żarmatikull sena u rriċiklati għall-azzar u l-materji primi l-oħra tagħhom. Ħafna minn dan ix-xogħol iseħħ fuq xtut effettwati mil-frugħ u l-mili tal-baħar fil-pajjiżi ta' l-Asja tan-nofsinhar, fejn ftit tingħata attenzjoni lis-sigurtà tal-ħaddiema u l-ħarsien ta' l-ambjent. Huwa stmat li fit-tmien snin li ġejjin xi 5.5 miljun tunnellata ta' materjal perikoluż ser jasal f'dawn l-impjanti taż-żarmar f'bastimenti li temmew is-servizz, fosthom żejt mhux maħdum, żjut, żebgħa, PVC, u asbestos. |
2.2 |
L-ebda wieħed mis-siti użati għaż-żarmar tal-bastimenti fis-sottokontinent Indjan ma għandu lqugħ kontra t-tniġġis tal-ħamrija u l-ilma, ftit minnhom għandhom faċilitajiet għar-rimi ta' l-iskart, u t-trattament ta' l-iskart rari jikkonforma ma'' l-istandards ambjentali, saħansitra dawk minimi. Minħabba fil-livell baxx tal-miżuri tas-sigurtà, hemm prevalenza ta' rati għolja ta' inċidenti u riskji tas-saħħa fuq żmien twil minħabba li l-ħaddiema jimmaniġġjaw materjal tossiku mingħajr il-protezzjoni xierqa (4). |
2.3 |
It-trasferiment tal-bastimenti fi tmiem l-użu mill-pajjiżi industrijalizzati għal dawk li qed jiżviluppaw huwa kopert bid-dritt internazzjonali dwar it-trasport ta' l-iskart bil-baħar, u l-esportazzjoni mill-Komunità Ewropea ta' bastimenti li fihom materjali perikolużi huwa pprojbit mir-Regolament tal-KE dwar Trasport ta' l-Iskart bil-Baħar. Madankollu, it-trasferiment lil sensara tal-bastimenti u l-bdil tal-bnadar jaħbi kwistjonijiet ta' proprjetà u responsabbiltà u jagħmilha diffiċli li tiġi infurzata l-leġislazzjoni eżistenti u toħloq l-okkażjoni sabiex sidien irresponsabbli jaħarbu mill-obbligi tagħhom. |
2.4 |
Parti mis-soluzzjoni hi li tiġi inkoraġġuta kapaċità akbar fl-UE. Madankollu għalkemm dan ikun pass pożittiv, li jista' jittieħed mill-bastimenti navali u ta' l-istat, m'huwiex probabbli li ser jittratta iktar minn persentaġġ żgħir mill-105 miljun tunellata ta' piż ta' bastimenti vojta li ser jiġu żarmati sa l-2020 (5). |
2.5 |
Il-green paper għalhekk qiegħda tfittex b'mod urġent mezzi sabiex b'mod li hu kost-effettiv u komprensiv jitjiebu l-livelli b'konformità mal-liġijiet attwali Ewropej u internazzjonali msemmija hawn fuq. |
3. Sintesi tal-Green Paper
3.1 |
Il-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill ta' Novembru 2006 kienu li l-ġestjoni taż-żarmar li hija sana mil-lat ambjentali kienet prijorità għall-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni diġà stabbiliet il-pożizzjoni tagħha fil-Green Paper dwar il-Politika Marittima ta' Ġunju 2006 (6) fejn il-politika marittima futura ta' l-UE għandha tappoġġja inizjattivi fil-livell internazzjonali sabiex jintlaħqu livelli obbligatorji minimi għar-riċiklaġġ tal-bastimenti u l-promozzjoni tat-twaqqif ta' faċilitajiet ta' riċiklaġġ nadif. |
3.2 |
Din il-Green Paper tippreżenta ideat ġodda sabiex tkompli u tintensifika d-djalogu ma' l-Istati Membri u l-partijiet interessati, tipprepara għal azzjoni futura u tistieden risposti għal serje ta' mistoqsijiet importanti li jiffukaw fuq il-problemi prinċipali. |
3.3 |
L-iskop ewlieni ta' dan l-eżerċizzju huwa l-ħarsien ta' l-ambjent u s-saħħa umana; l-objettiv huwa li ma' jġibx lura b'mod artifiċjali volumi fil-kummerċ tar-riċiklaġġ tal-bastimenti lejn l-UE, u b'hekk itellef lill-pajjiżi tan-nofs in-nhar ta' l-Asja minn fonti ta' dħul importanti u materjali li huma meħtieġa. L-objettiv finali hu li jintlaħqu soluzzjonijiet li huma globalment sostenibbli. |
3.4 |
Attwalment, teżisti l-possibbiltà tar-riċiklaġġ “ekoloġiku” tal-bastiment, jiġifieri li wieħed jikkonforma ma' l-istandards ambjentali u ta' sikurezza, biex b'kapaċità massima ta' 2 miljun tunnellata fis-sena madwar id-dinja, li tikkorrispondi għal madwar 20 % tad-domanda totali ta' l-iskrappjar prevista fi snin normali. Bosta minn dawn il-faċilitajiet — parikolarment fiċ-Ċina, imma wkoll f'uħud mill-Istati Membri ta' l-UE — isibuha diffiċli biex joperaw, minħabba li huma ma jistgħu joffru l-istess prezzijiet għall-iskrapp u għandhom spejjeż ħafna ogħla mill-kompetituri tagħhom fin-nofsinhar ta' l-Asja. Dawn il-faċilitajiet (u l-oħrajn kollha) ser ikunu taħt pressjoni dalwaqt peress li sa 1 300 tanker b'buq singolu ser jitneħħew mis-servizz sa l-2015 wara l-azzjoni li ttieħdet wara d-diżastri ta' l-Erika u l-Prestige (7). Il-preokkupazzjoni prinċipali hija li r-reklutaġġ ta' ħaddiema b'inqas ħiliet sabiex jittrattaw ma' volum li dejjem qiegħed jikber ser ikompli jbaxxi l-livelli ta' sigurtà u dawk ambjentali. Ser tintlaħaq quċċata fl-2010, meta huwa stmat li xi 800 bastiment b'buq singolu jistgħu jiġu skreppjati u għalhekk il-ħtieġa ta' azzjoni hija urġenti. |
3.5 Is-sitwazzjoni legali
Il-Konvenzjoni ta' Basel ta' l-1989 pprovdiet qafas għall-kontroll ta' l-esportazzjoni ta' skart perikoluż bejn il-konfini internazzjonali. Fl-1997 projbizzjoni assoluta (“il-projbizzjoni ta' Basel”) fuq l-esportazzjonijiet ta' skart perikoluż mill-pajjiżi ta' l-OECD lejn pajjiżi mhux fl-OECD (8) ġiet inkorporata fil-liġi ta' l-UE u torbot lill-Istati Membri. Mandankollu darba bastiment ikun telaq l-ilmijiet Ewropej ikun diffiċli ħafna li tiġi applikata l-projbizzjoni ta' l-esportazzjoni. Regoli vinkolanti oħra dwar iż-żarmar tal-bastimenti qed jiġu proposti fl-abbozz tal-Konvenzjoni li attwalment qed jiġi diskuss fi ħdan l-IMO, iżda hemm qbil li l-quċċata tal-perijodu taż-żarmar ser ikun ilu li għadda sa meta din il-Konvenzjoni tidħol fis-seħħ.
3.6 L-Ekonomija taż-żarmar tal-bastimenti
Il-parti l-kbira tal-bastimenti bħalissa qegħdin jiġu żarmati fl-Asja tan-nofsinhar minħabba fil-vantaġġi li jirriżultaw minħabba diversi fatturi ekonomiċi. L-iktar importanti fosthom huma:
— |
Rekwiżiti regolatorji laxki jew mhux infurzati fi kwistjonijiet ta' skart u ta' saħħa u sigurtà. |
— |
Spejjeż f'pagi li huma ħafna aktar baxxi. Iż-żarmar fuq ix-xtajtiet ma jippermettix l-użu ta' makkinarju tqil u għalhekk il-ħidma manwali tibqa' parti kbira mill-ispiża. |
— |
Il-provvista tal-vapuri hija irregolari u varjata. Il-vapuri għandhom it-tendenza li jitneħħew mis-servizz meta r-rati tat-trasport tal-merkanzija jkunu baxxi u l-bastimenti ivarjaw ħafna fid-disinn u l-għamla. |
— |
Is-suq għall-azzar użat u tagħmir tal-vapuri użat kważi ma jeżistix fil-pajjiżi ta' l-OECD minħabba r-rekwiżiti regolatorji. |
Fi ftit kliem, il-Kummissjoni tagħmilha ċara li s-suq fin-nofsinhar ta' l-Asja jaħdem minħabba l-esternalizzazzjoni estrema ta' l-ispejjeż li toħloq kundizzjonijiet soċjali u ambjentali li huma problematiċi ħafna.
3.7 Effetti ambjentali u soċjali
Ħafna mill-vapuri jiġu żarmati fuq xtajtiet miftuħa fejn ma jeżistux faċilitajiet ta' lqugħ, proċessar mill-ġdid u rimi. Firxa wiesgħa ta' sustanzi li jagħmlu ħsara lill-ambjent jinfiltraw fil-ħamrija, ir-ramel u l-baħar u l-ħruq taż-żebgħa u l-kisi bil-plastika jikkaġunaw it-tinġis ta' l-arja. Splużjonijiet letali jseħħu ta' spiss, ir-rati ta' l-inċidenti huma għoljin u l-miżuri tas-sigurtà jitqiesu bħala kompletament inadegwati. Il-ħaddiema huma suxxettibbli li jieħdu mard kroniku li ma jfiqx — madwar 16 % tal-ħaddiema li jimmaniġġjaw l-asbestos fit-tarznari Indjani ta' Alang nstabu li jbatu mill-asbetosite. Fil-Bangladesh aktar minn 400 ħaddiem inqatlu f'inċidenti u iktar minn 6 000 sfaw feruti gravament f'dawn l-aħħar 20 sena (9).
3.8 Is-sitwazzjoni internazzjonali tas-suq
Sa mill-2005 l-IMO, flimkien ma' l-ILO u l-UNEP (il-Programm Ambjentali tan-Nazzjonijiet Uniti, UNEP) qiegħda taħdem lejn reġim internazzjonali obbligatorju għaż-żarmar nadif ta' bastimenti. Qiegħed jiġi negozzjat abbozz ta' konvenzjoni għall-adozzjoni sa l-2009 iżda li jidħol fis-seħħ xi snin wara. Bħalissa l-abbozz ma japplikax għall-vapuri tal-gwerra u bastimenti ta' l-istat. Għadhom pendenti kwistjonijiet dwar standards esterni li m'humiex ta' l-IMO, standard ambjentali minimu għall-faċilitajiet tar-riċiklaġġ tal-bastimenti, rekwiżiti dwar ir-rappurtaġġ li jinkludu notifiki stat-għal-stat, mekkaniżmu ta' konformità. Il-Kummissjoni tissuġġerixxi li x'aktarx il-Konvenzjoni proposta mhux ser tiżgura livell ekwivalenti ta' kontroll, infurzar u ħarsien bħall-Konvenzjoni ta' Basel.
3.9 Soluzzjonijiet internazzjonali
Il-Green Paper tissuġġerixxi li l-aħjar approċċ għall-perijodu medju u twil huwa li tiġi appoġġjata l-Konvenzjoni ta' l-IMO li qiegħed isir xogħol fuqha. Preokkupazzjoni partikolari hija li l-Konvenzjoni mhix b'saħħitha biżżejjed u ser tasal tard wisq sabiex issolvi l-problema tat-tneħħija mis-servizz tat-tankers b'buq wieħed; dan ser jenħtieġ soluzzjoni intermedjarja. Il-Kummissjoni għalhekk toħroġ b'għażliet għat-titjib tal-ġestjoni Ewropea taż-żarmar tal-vapur li huma mfassla sabiex joffru appoġġ reċiproku lill-isforzi fil-livell internazzjonali — kwistjoni urġenti peress li volum enormi ta' bastimenti li temmew is-servizz ser jiġu żarmati fil-ftit snin li ġejjin.
3.10 Infurzar aħjar tal-leġislazzjoni ta' l-UE dwar it-trasport ta' l-iskart bil-baħar
Barra milli jkun hemm kooperazzjoni akbar bejn l-Istati Membri u gwida addizjonali dwar id-definizzjoni ta' skart u ta' faċilitajiet tar-riċiklaġġ aċċettabbli, dan jinvolvi aktar kontrolli mill-awtoritajiet tat-trasport ta' l-iskart bil-baħar u tal-portijiet fil-portijiet Ewropej, immirati għall-bastimenti li huma eqdem minn ċerta età (25 sena) jew fejn ikun hemm indikazzjonijiet li jkunu sejrin għaż-żarmar. Għandha titjieb ukoll ir-rintraċċabilità tal-vapuri li temmew is-servizz u l-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi ewlenin (bħall-Eġittu minħabba l-Kanal ta' Suez). Il-Kummissjoni tissuġġerixxi wkoll politika li tifforka fuq iż-żarmar tal-vapuri tal-gwerra u bastimenti oħra ta' l-istat.
3.11 Tisħiħ tal-kapaċità ta' l-UE għaż-żarmar tal-bastimenti
Peress li l-kapaċità attwali għaż-żarmar tal-bastimenti fl-UE u f'pajjiżi oħra ta' l-OECD (speċjalment it-Turkija) bilkemm hija biżżejjed għall-bastimenti tal-gwerra u oħrajn proprjetà ta' l-istat kollha li ser jiġu dekommissjonati tul l-10 snin li ġejjin ser ikun hemm defiċit konsiderevoli fil-kapaċità aċċettabbli ta' żarmar fil-futur qrib. Madankollu, l-faċilitajiet li jirrispettaw l-ambjent li jeżistu ma jistgħux jikkompetu ma' l-intrapriżi taż-żarmar fin-nofsinhar ta' l-Asja. Sakemm jiġu applikati miżuri internazzjonali effettivi li jwasslu biex joħolqu kompetizzjoni ġusta l-Kummissjoni tissuġġerixxi li l-miżuri jridu jiffukaw fuq il-bastimenti ta' l-istat. L-Istati Membri, li jaġixxu kif imisshom b'mod eżemplari fir-rimi tal-vapuri tal-gwerra, jkunu qegħdin jiżguraw li l-faċilitajiet li jirrispettaw l-ambjent qegħdin jintużaw. Permezz ta' l-inklużjoni ta' klawsoli dwar ir-rimi ma' tmiem is-servizz fi kwalunkwe ftehim ta' bejgħ ta' bastimenti tal-gwerra lill-pajjiżi li m'humiex fl-UE, din ir-responsabbiltà tista' tinfirex b'mod adegwat.
3.11.1 |
Għall-flotta merkantili li hi ħafna akbar hemm bżonn ta' inizjattivi sabiex iseħħu bidliet fil-prattiċi attwali fl-industrija tat-trasport bil-bastimenti. Per eżempju, kif jissemma' hawn taħt, sistema ta' finanzjar li permezz tagħha s-sidien tal-bastimenti u oħrajn jikkontribwixxu lejn iż-żarmar sikur u ambjentalment san tal-bastimenti madwar id-dinja. |
3.12 Assistenza teknika u trasferiment tat-teknoloġija u ta' l-aħjar prattiki lill-Istati li jirriċiklaw
Minkejja l-iżvantaġġi kbar soċjali u ambjentali, iż-żarmar tal-bastimenti jikkontribwixxi b'mod vitali lejn l-iżvilupp ekonomiku ta' xi pajjizi fl-Ażja tan-nofsinhar. B'hekk għandu jiġi kkunsidrat li jkun inkoraġġit it-titjib fil-faċilitajiet ta' dawn il-pajjiżi permezz ta' l-assistenza teknika u regolamentazzjoni aħjar. Madankollu, huwa rikonoxxut li l-assenza jew in-nuqqas ta' implimentazzjoni ta' regolamenti bażiċi dwar is-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u l-ħarsien ta' l-ambjent huma marbuta mal-faqar strutturali u problemi soċjali u legali oħra. Sabiex tinkiseb bidla sostenibbli, kwalunkwe assistenza trid tidħol f'qafas aktar wiesgħa.
3.13 Promozzjoni ta' l-azzjoni volontarja
Sid il-bastiment jinsab fl-aħjar pożizzjoni sabiex jiżgura li dan jintrema b'mod sikur u hemm eżempju ta' ftehimiet volontarji pożittivi bejn is-sidien tal-bastimenti Ewropej u impjanti taż-żarmar sabiex jipprovdu appoġġ għal titjib fil-faċilitajiet. Fl-immedjat, hemm ukoll xi benefiċċji fil-promozzjoni ta' kodiċi u ftehimiet volontarji, bi premijiet u ċertifikazzjoni taħt umbrella ta' responsabbiltà soċjali korporattiva (10). Prattiki ta' kontabilità li huma soċjalment responsabbli u ftehimiet volontarji jistgħu jkunu effettivi meta jiġu ddisinjati b'mod xieraq u huma l-aktar mod effiċjenti sabiex jitjiebu l-affarijiet. Madankollu, jekk wara jirriżulta li l-impenn ma jiġix segwit fil-prattika, il-leġislazzjoni tista' xorta waħda tkun meħtieġa.
3.14 Fond taż-żarmar tal-bastimenti
Qiegħed jiġi diskuss jekk għandux ikun ikkunsidrat appoġġ dirett finanzjarju lill-faċilitajiet fl-UE għaż-żarmar nadif ta l-vapuri jew lis-sidien tal-bastimenti li jibagħtu l-bastimenti tagħhom f'impjanti li jirrispettaw l-ambjent, kemm għal żarmar komplut tal-vapur jew għad-dekontaminazzjoni. Trid issir emfażi dwar l-ispiża għolja ta' dan l-appoġġ u konflitt possibbli mal-prinċipju “min iħammeġ iħallas”. Il-Green Paper għalhekk tissuġġerixxi li trid issir prattika komuni li l-prinċipju li l-ispiża tar-rimi sostenibbli fi tmiem is-servizz tingħadd ma' l-ispejjeż ta' l-operat ta' bastiment.
3.14.1 |
It-twaqqif ta' fond ta' żarmar tal-bastimenti sostenibbli bħala element obbligatorju tar-reġim il-ġdid internazzjonali dwar iż-żarmar tal-bastimenti permezz ta' l-IMO jista' jkun pass pożittiv. Jeżisti preċedent fil-fondi tat-tniġġis taż-żejt attwali taħt il-Konvenzjoni MARPOL. |
3.15 Għażliet oħra
Diversi miżuri oħra jistgħu jkunu utli sabiex jassistu għall-proċess ta' titjib fl-industrija taż-żarmar tal-vapuri fuq il-perijodi qosra u medji. Fil-qasir, dawn huma:
a) |
Leġislazzjoni ta' l-UE, b'mod partikolari dwar tankers taż-żejt b'buq singolu. |
b) |
Razzjonalizzazzjoni ta' l-għajnuniet għat-tbaħħir b'rabta maż-żarmar ekoloġiku tal-bastimenti. |
c) |
It-twaqqif ta' sistema Ewropea ta' ċertifikazzjoni għaż-żarmar ekoloġiku tal-bastimenti u premjijiet għar-riċiklaġġ ekoloġiku eżemplari. |
d) |
Intensifikazzjoni tar-riċerka internazzjonali dwar iż-żarmar tal-bastimenti. |
4. Kummenti ġenerali
4.1 |
Ħafna mir-riċiklaġġ tal-vapuri jsir b'mod li jmur kontra livelli aċċettati internazzjonalment dwar is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema u l-ħarsien ta' l-ambjent. |
4.2 |
Hija ta' importanza vitali li l-UE tiżgura li l-ħarsien marittimu u tas-sigurtà li imponiet, per eżempju għat-tankers b'buq singolu, ma twassalx sabiex il-ħsara tiġi sempliċement trasferita fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, iżda fil-fatt jiġi inidrizzat bl-implimentazzjoni sħiħa tar-Regolament dwar Trasport ta' l-Iskart bil-Baħar, li tinkorpora il-Konvenzjoni ta' Basel, inkluż l-Emenda tal-Projbizzjoni ta' Basel u l-prinċipji tagħha. |
4.3 |
Lil hinn mill-assistenza teknika u finanzjarja sabiex jitjiebu l-kundizzjonijiet fil-faċilitajiet taż-żarmar tal-bastimenti fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, ser ikun hemm bżonn ta' fondi ta' rimedju għall-ħamrija u l-ilma ikkontaminati u ħsarat oħra kkawżati minn attivitajiet ta' żarmar ta' vapuri mhux ikkontrollati. Madankollu trid isir aktar enfażi li t-tip ta' problemi endemiċi għas-sitwazzjoni lokali fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, ma tistax tiġi indirizzata sempliċement billi tipprovdi żvilupp teknoliġiku biss. |
4.4 |
Il-KESE jaqbel mal-preokkupazzjoni tal-Kummissjoni dwar din il-kwistjoni u l-aproċċ tagħha, li tinvolvi l-applikazzjoni ta' firxa wiesgħa ta' taħlita ta' miżuri. Minħabba fil-ħtieġa urġenti li jitjiebu l-faċilitajiet u l-kondizzjonijiet, partikolarment fil-Bangladesh, għandha tingħata prijorità sabiex isir progress mgħaġġel ħalli jiġu identifikati l-aktar forom effettivi ta' assistenza, regolamentazzjoni u inċentivazzjoni sabiex il-proposti jkunu jistgħu jitpoġġew f'White Paper u jsiru l-istimi ta' l-impatt meħtieġa. L-industrija tat-trasport bil-vapuri tirrikonoxxi wkoll il-ħtieġa li ttejjeb l-livelli tas-saħħa u s-siġurtà fl-impjanti tar-riċiklaġġ tal-bastimenti madwar id-dinja (11) u hija pożittiva dwar ir-rwol li tistgħa taqdi l-UE f'dan u f'li tinfluwenza l-IMO. |
5. Kummenti Speċifiċi
5.1 |
Għal skopijiet ta'qosor u ċarezza, il-kummenti speċifiċi li rriżultaw mill-ħidma tal-Kumitat dwar din il-kwistjoni tqassru f'punti prattiċi ta' azzjoni u ġew ippreżentati fis-sezzjoni tal-Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet (punti 1.1 sa 1.12) fil-bidu ta' din l-Opinjoni. |
Brussell, it-13 ta' Diċembru 2007.
Il-President
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Dimitris DIMITRIADIS
(1) Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali għall-Ambjent: Ship Dismantling and Pre-cleaning of Ships (iż-żarmar u t-tindif minn qabel tal-bastimenti) rapport finali Ġunju 2007.
(2) Membri ta' l-ICS, BIMCO, ESCA, INTERTANKO, INTERCARGO, li flimkien jiffurmaw parti kbira mill-flotta dinija.
(3) ĠU C 168, 20.7.2007, p. 50.
(4) Rapport tal-Young Power in Social Action (YPSA) (2005) dwar il-ħaddiema fl-industriji ta' l-żarmar tal-bastimenti.
(5) Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali għall-Ambjent: Ship Dismantling and Pre-cleaning of Ships (iż-żarmar u t-tindif minn qabel tal-bastimenti) rapport finali Ġunju 2007.
(6) COM(2006) 275 finali, Brussell, 7.6.2006.
(7) Regolament (KE) Nru 417/2002 tal-PE u tal-Kunsill 18.2.2002 dwar l-aċċellerazzjoni tad-dħul tal-bwieq doppji jew rekwiżiti ta' disinn ekwivalenti, għal tankers b'buq singolu u li tirrevoka ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2978/94.
(8) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 259/93, 1.2.1993, dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta' vjaġġi bil-baħar ta' skart fi, għal u mill-Komunità Ewropea.
(9) Rapport tal-Young Power in Social Action (YPSA) (2005) dwar il-ħaddiema fl-industriji ta' l-żarmar tal-bastimenti.
(10) Eż. kif żviluppat minn Marisec (www.marisec.org/recycling) u l-Assoċċjazzjoni tas-Sidien tal-Bastimenti ta' l-Unjoni Ewropea.
(11) Ship Recycling — The Way Forward, (Ir-Riċiklaġġ tal-Vapuri — Il-Progress li jrid Isir) BIMCO, ECSA, INTERTANKO, INTERCARGO.