16.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 44/27


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ħarsien tal-konsumaturi rigward ċerti aspetti ta' timeshare, prodotti ta' btala fuq tul ta' żmien, bejgħ mill-ġdid u skambju”

COM(2007) 303 finali — 2007/0113 (COD)

(2008/C 44/06)

Nhar it-28 ta' Ġunju 2007, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-proposta għal-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ħarsien tal-konsumaturi rigward ċerti aspetti ta' timeshare, prodotti ta' btala fuq tul ta' żmien, bejgħ mill-ġdid u skambju.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-4 ta' Ottubru 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Pegado Liz.

Matul l-439 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet l-24 -25 ta' Ottubru 2007 (seduta ta' l-24 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b' 129 voti favur, 3 voti kontra u 1 astensjoni.

1.   Kontenut essenzjali ta' l-opinjoni

1.1

B'segwitu ta' l-opinjonijiet tagħha dwar il-Green Paper dwar l-acquis  (1) tal-Komunità u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-direttiva dwar il-kuntratti li jsiru mill-bogħod (2), il-KESE jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tagħmel reviżjoni tad-Direttiva 94/47/KE (3) tas-26 ta' Ottubru 1994 fil-forma proposta, li tikkunsidra l-kummenti u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat (4).

1.2

Il-KESE b'mod ġenerali jaqbel mad-direzzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni dwar l-estensjoni tal-firxa tad-direttiva, li tiddefinixxi u tiċċara n-natura tal-prodotti l-ġodda, u ssaħħaħ l-ħtiġijiet għall-informazzjoni qabel il-kuntratt u matulu, standardizzazzjoni tal-perjodu ta' rtirar u l-projbizzjoni ta' kwalunkwe pagament, tkun xi tkun ir-raġuni, matul dan il-perjodu.

1.3

Il-Kumitat jilqa' l-approċċ ibbilanċjat ta' din il-proposta, li jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jieħdu passi oħra sabiex iħarsu l-konsumaturi, skond il-prinċipji li hemm fit-Trattat. Il-KESE jqis, madankollu, li skond l-ispjega tal-Kummissjoni stess, kif tinsab fil-Green Paper dwar ir-Reviżjoni ta' l-Acquis tal-Komunità, jekk hemm xi qasam li jiġġustifika l-armonizazzjoni massima, huwa preċiżament dan, minħabba fin-natura unika ta' dan id-dritt u minħabba fid-diskrepanzi maġġuri fil-livell nazzjonali fid-disinn u l-karatteristiċi speċifiċi tan-natura legali tagħha li fiha diversi aspetti, li għandu konsegwenzi estremament diverġenti fis-sistemi legali nazzjonali differenti, speċifikament fir-rigward ta' perjodi minimi u massimi u l-annullament, l-invalidazzjoni, it-terminazzjoni u l-kanċellazzjoni tal-kuntratti.

1.4

Il-Kumitat għalhekk jiddispjaċih li minkejja li l-Kummissjoni tirrikonoxxi li ħafna mill-problemi f'dan is-settur huma ta' spiss ta' natura transkonfinali u bħala konsegwenza ma jistgħux jissolvew sew mill-Istati Membri waħidhom, minħabba fid-differenzi fil-leġislazzjoni nazzjonali, fl-aħħar mil-aħħar ma' tagħmel xejn iktar milli tindirizza numru limitat ta' aspetti marbuta ma dawn id-drittijiet. Għal darb'oħra, hemm firxa wiesgħa ta' sitwazzjonijiet li tħalliet fid-diskrezzjoni ta' l-Istati Membri u dan kważi ma jgħin xejn sabiex jissolvew il-problemi mniżżla fil-proposta.

1.5

Barra minn hekk, għalkemm il-KESE jaqbel ma' l-adozzjoni ta' sistema ta' “armonizzazzjoni minima”, huwa jqis, bi qbil ma' istituzzjonijiet oħra tal-Komunità (5), li l-livell għall-miżuri li jħarsu d-drittijiet tal-konsumaturi ġie ffissat fil-baxx wisq. L-esperjenza turi li l-maġġoranza l-kbira ta' l-Istati Membri ma użawx din il-klawsola u għal kuntrarju adottaw approċċ letterali (6). Bħala konsegwenza, ma ntlaħaqx livell adegwat ta' ħarsien tal-konsumatur u għalhekk l-KESE jappella lill-Kummissjoni, li bir-rispett dovut lejn il-prinċipju tas-sussidjarjetà, li jirregola aspetti oħtra fil-proposta li huma daqstant importanti, billi tieħu bħala premessa livell ogħla ta' ħarsien tal-konsumatur.

1.6

Il-Kumitat għalhekk jissuġġerixxi li jittejbu f'numru ta' dispożizzjonijiet li jirrigwardaw is-sitema legali li tapplika għal dawn id-drittijiet, il-kontenut tal-kuntratt prinċipali u r-relazzjoni tiegħu mal-kuntratti komplementari, b'mod speċifiku għall-kreditu mhux marbut, sabiex itejjeb u jiggarantixxi ħarsien adegwat tal-konsumatur.

1.7

Bħal fl-Opinjonijiet preċedenti (7), il-KESE jixtieq ukoll jenfasizza l-importanza li dawk li ser jagħmlu l-kuntratt — speċjalment konsumaturi li ma tantx huma informati — jiġu pprovduti b'informazzjoni xierqa. Għalhekk il-KESE jikkunsidra li tkun ħaġa utli li ma tiġix eskluża l-possibbiltà li l-Istati Membri jadottaw sanzjonijiet kriminali proporzjonati u disswassivi għal prattiċi li jiksru b'mod serju d-drittijiet stipulati fid-direttiva, li l-karatteristiċi bażiċi ta' dawn is-sanzjonijiet iridu jiġu definiti sew.

1.8

Għaldaqstant, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tagħmel analiżi dettaljata tat-tweġibiet li rċeviet għad-Dokument ta' Konsultazzjoni tagħha (8), b'mod partikolari fir-rigward ta' l-Istati Membri kkonsultati permezz ta' dan id-dokument li ma ġewx koperti fir-rapport (9) dwar l-applikazzjoni tad-direttiva, li kien biss dwar 15-il Stat Membru. Il-Kummissjoni għandha wkoll tanalizza b'mod iddettaljat l-Analiżi Komparattiva, li tkopri l-25-il Stat Membru (10), u tiffoka fuq id-differenzi bejn l-Istati Membri.

1.9

B'mod speċifiku, il-KESE jipproponi numru ta' emendi (11) u rakkomandazzjonijiet immirati li jtejbu l-aspetti legali tal-proposta u li jikkonsolidaw u jarmonizzaw l-ideat, il-kunċetti u l-prattiċi li diġà jinstabu f'direttivi oħra b'mod speċifiku fid-Direttiva tal-Prattiċi Kummerċjali Żleali (12). Hemm bżonn li dawn jiġu kkunsidrati sabiex tiġi promossa s-sigurtà u l-kunfidenza tal-konsumatur f'dan it-tip ta' kuntratt, li ta' spiss huwa appoġġjat minn kummerċjalizzazzjoni u kampanji ta' bejgħ agressivi (13).

2.   Kontenut essenzjali tal-proposta għal direttiva

2.1

Il-Kummissjoni tipproponi reviżjoni tad-Direttiva 94/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 1994 dwar il-protezzjoni tax-xerrejja f'dak li għandu x'jaqsam ma' ċerti aspetti tal-kuntratti li għandhom x'jaqsmu max-xiri tad-dritt għall-użu tal-proprjetà immobbli fuq bażi ta' timeshare. Il-proposta ssegwi il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-13 ta' April 2000 dwar ir-rapport tiegħu dwar l-applikazzjoni tad-direttiva (14) u r-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Parlament Ewropew fir-reżoluzzjoni tiegħu ta' l-4 ta' Lulju 2002 (15).

2.2

Mindu saret il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istateġija tal-Politika tal-Konsumaturi għall-2002-2006, (16) ġiet ippjanata reviżjoni ta' din id-direttiva li tifforma parti minn dak li hu magħruf bħala l-“acquis communautaire tal-konsumaturi” indikat fil-Green Paper dwar il-kwistjoni (17).

2.3

Filwaqt li ddur għal sitwazzjonijiet li qegħdin joħolqu problemi għall-applikazzjoni tad-direttiva, il-Kummissjoni tqis li l-iżviluppi tas-suq fis-settur ġabu ammont konsiderevoli ta' prodotti ġodda li, filwaqt li jirrigwardaw l-użu ta' akkomodazzjoni għall-ivjaġġar, ma jaqgħux fl-ambitu tad-direttiva.

2.4

Ir-rapport imfassal mill-Kummissjoni fl-1999 dwar l-Applikazzjoni tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/47/KE (18), kien diġà indika diversi nuqqasijiet fit-traspożizzjoni tad-direttiva, u l-konklużjonijiet tiegħu ġew adottati mill-Kunsill f'April 2000 (19), filwaqt li ġew elenkati numru ta' fatturi li għandhom jitqiesu fi kwalunkwe reviżjoni tad-direttiva.

2.5

L-opinjoni ta' l-2001 tal-Kumitat tal-Parlament Ewropew dwar l-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u l-Politika tal-Konsumatur (20) ukoll enfasizzat “l-aktar livell baxx aċċettabbli tal-miżuri tal-ħarsien tal-konsumatur” li tistipula d-direttiva.

2.6

Min-naħa l-oħra r-reżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-4 ta' Lulju 2002 irrakkomandat li l-Kummissjoni tadotta miżuri li jiggarantixxu livell għoli ta' ħarsien tal-konsumatur.

2.7

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni tikkunsidra li r-reviżjoni ta' din id-direttiva waħidha hija “kwistjoni urġenti”, anke minħabba “problemi li jiffaċċjaw il-konsumaturi, u b'mod partikolari b'rabta mal-bejgħ mill-ġdid u l-prodotti l-ġodda”, li huma “kkummerċjalizzati u ekonomikament simili ħafna, b'mod ġenerali għat-timeshare”, bħal “klabbs tal-btajjel bi skont u (…) kuntratti ta' bejgħ mill-ġdid”.

2.8

Fost il-ġustifikazzjonijiet ewlenin għal dan, il-Kummissjoni tenfasizza l-ħtieġa li jiġu aġġornati r-rekwiżiti għall-informazzjoni ta' qabel u waqt il-kuntratt, li jiġu standardizzati l-arranġamenti għall-projbizzjoni tad-depożiti u ħlas bil-quddiem waqt il-perjodu ta' rtirar, li jiġu armonizzati l-perjodi ta' rtirar u li tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li jiddaħħlu sanzjonijiet kriminali.

2.9

Il-partijiet ewlenin ikkonċernati ġew ikkonsultati waqt laqgħat li nżammu bejn l-2004 u l-2006.

2.10

Wara li rċeviet numru ta' ilmenti marbuta mat-timeshare partikolarment dwar prodotti ġodda bħall-klabbijiet tal-btajjel, kuntratti ta' skont għat-turisti u kuntratti ta' tpartit u bejgħ mill-ġdid, il-Kummissjoni imbagħad ippubblikat dokument ta' konsultazzjoni (21). Dawn il-kwistjonijiet ġew diskussi wkoll waqt laqgħa tal-grupp ta' ħidma permanenti ta' l-esperti ta' l-Istati Membri dwar ir-Reviżjoni ta' l-Acquis, f'Marzu 2006.

2.11

Ir-reviżjoni proposta hija inkluża fil-programm tal-Kummissjoni sabiex tissemplifika u timmodernizza l-acquis tal-Komunità (22).

2.12

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-bażi legali għal din il-proposta għandha tibqa' limitata għal Artikolu 95 tat-Trattat (kompletezza tas-suq intern) u li, b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, m'għandhiex tikkummenta dwar in-natura legali tad-drittijiet tat-timeshare, u tirrispetta l-perspettivi differenti ta' l-Istati Membri fir-rigward.

2.13

Il-Kummissjoni tenfasizza l-aspetti transkonfinali tal-problema u filfatt tqis li “Il-biċċa l-kbira ta' l-ilmenti tal-konsumaturi huma ta' tip transkonfinali”. Madankollu, hija tindirizza biss dawk l-aspetti li tikkunsidra li huma “l-aktar problematiċi, u b'hekk li jeħtieġu azzjoni Komunitarja”, u tħalli l-aspetti l-oħra kollha għal-leġislazzjoni nazzjonali. Filfatt, neħħiet kull referenza għad-drittijiet li tikkanċella jew ttemm kuntratt (li kienu koperti fid-Direttiva 94/47/KE), anke meta dawn ikunu marbuta mad-dritt ta' rtirar.

3.   Kummenti ewlenin dwar il-proposta

3.1   Ġenerali

3.1.1

Il-KESE jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni iżda jinnota li waslet tard, peress li l-problemi ġew identifikati sa mill-1999 u għalhekk is-soluzzjonijiet għalihom setgħu jinstabu żmien ilu.

3.1.2

Il-KESE jixtieq jindika wkoll li xi wħud mill-kwistjonijiet li tqajmu f'dan id-dokument kienu diġà tqajmu fl-opinjonijiet tiegħu ta' l-24 ta' Frar 1993 (23) meta d-direttiva kienet qiegħda titfassal.

3.1.3

Il-Kumitat iqis li l-bażi legali għandha tkun l-Artikolu 153 tat-Trattat aktar mill-Artikolu 95, għaliex din m'hijiex kwistjoni li tikkonċerna lis-suq uniku biss; hija wkoll kwistjoni ta' ħarsien tal-konsumatur.

3.1.4

Il-KESE jaqbel li l-ambitu tal-proposta għandu jitwessa' sabiex ikopri ċerta proprjetà mobbli, sabiex tindirizza l-iżviluppi l-ġodda li jsiru kostantement fis-suq b'mod effettiv.

3.1.5

Il-Kumitat japprova l-emendi tal-proposta għad-definizzjonijiet attwali (24), għaliex huma aktar adattati għall-prodotti l-ġodda li issa qegħdin jiġu kkummerċjalizzati fis-settur.

3.1.6

Il-KESE jappoġġja ż-żamma tal-projbizzjoni fuq kwalunkwe ħlas jew tip ta' depożitu, għaliex din il-projbizzjoni hija mezz effettiv sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta' rtirar mill-kuntratt, mingħajr ma titpoġġa fuqhom kwalunkwe pressjoni ekonomika. Huwa jqis ukoll li l-estensjoni tad-dispożizzjonijiet għal partijiet terzi tkopri b'mod sodisfaċenti kuntratti ta' tpartit u bejgħ mill-ġdid.

3.1.7

Il-Kumitat jilqa' l-estensjoni tal-perjodu ta' riflessjoni għal 14-il ġurnata, li biha jiġu standardizzati l-iskadenzi ta' dan il-proċess, għalkemm jippreferi li kieku din l-iskadenza tingħad fi ġranet ta' ħidma flok fi ġranet tal-kalendarju, kif stqarr f'opinjoni preċedenti (25). Ta' min jinnota li, meta l-Kunsill adotta d-Direttiva 97/7/KE, ħareġ stqarrija sabiex iħeġġeġ lill-Kummissjoni li tanalizza l-possibblità li jiġu armonizzati l-metodi ta' kif jiġu kkalkolati l-perjodi ta' riflessjoni inklużi fid-direttivi dwar il-protezzjoni tal-konsumatur.

3.1.8

Kif ġie ddikjarat f'opinjonijiet preċedenti (26), u mingħajr preġudizzju għat-tielet paragratu ta' l-ewwel Artikolu tal-proposta, il-KESE jqis li huwa kruċjali li l-Kummissjoni tipprovdi definizzjoni aktar iddettaljata tan-natura, il-limitazzjonijiet u l-effetti tad-dritt ta' l-irtirar, terminazzjoni u kanċellazzjoni. Inkella l-approssimazzjoni tal-leġislazzjoni li qiegħda tiġi mfittxija mhux ser tintlaħaq għaliex kull Stat Membru jadotta r-regolamenti tiegħu, b'konsegwenzi li inevitabbilment huma ta' detriment għall-iżvilupp ta' relazzjonijiet trans-konfinali.

3.1.9

Peress li l-għan tad-direttiva huwa li jqarreb il-leġislazzjoni nazzjonali fuq dan it-tip ta' dritt, il-KESE jqis li, b'kuntrast mar-raba' premessa tal-proposta u minkejja d-differenzi li jeżistu bejn il-pajjiżi differenti, il-Kummissjoni għandha tagħmel iktar billi tiddetermina n-natura legali (27) ta' dawn id-drittijiet, fi kliem ieħor, jekk humiex drittijiet reali jew drittijiet marbuta mal-kreditu. Inkella, din il-proposta mhux ser tikkontribwixxi sabiex issolvi l-problemi li ġew identifikati. Għalhekk għandha telenka r-rekwiżiti bażiċi sabiex ikun hemm konformità mad-dritt u, b'mod partikolari jekk tieħu l-forma ta' dritt reali (in rem), il-konsegwenzi inevitabbli għar-reġistrazzjoni.

3.1.9.1

Il-KESE għalhekk jappella lill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi definizzjoni tan-natura legali tad-drittijiet tat-timeshare, kemm jekk dawn jiġu fis-sura ta' dritt reali jew dritt marbut ma' obbligu personali (id-dritt għal servizz), bil-konsegwenzi inevitabbli għall-applikazzjoni tal-prinċipji tar-Regolament ta' Brussel u r-Regolament ta' Ruma I. Jekk dan ma jsirx, l-armonizzazzjoni li hi tant mixtieq u l-kunfidenza tal-konsumaturi u l-kummerċjanti mhux ser tintlaħaq. Fil-fatt, fl-opinjoni li sar riferiment għaliha hawn fuq (28), il-KESE diġà ikkontribwixxa lejn din id-definizzjoni billi stqarr li l-kuntratt tat-timeshare “huwa dritt reali (in rem) jew dritt personali (in personam). M'huwiex dritt ta' kiri, peress li d-drittijiet ta' kiri ma jinkludux t-trasferiment. Id-dritt trasferit japplika għal oġġett li ma jinqasamx — appartament li ma jinqasamx — u jieħu (jew jista' jieħu) n-natura ta' dritt reali ta' proprejtà”.

3.1.10

Mingħajr preġudizzju għas-sura legali li jieħu dan id-dritt, li jkun sui ġeneris — jew filfatt, għal din l-istess raġuni — il-KESE jaqbel ma' l-identifikazzjoni ta' xi aspetti ewlenin tal-proposta: il-kopertura tal-proprjetà kemm mobbli kif ukoll immobbli, flimkien mad-dritt għall-użu ta' l-akkomodazzjoni (li jimplika waqfa tul il-lejl), bi ħlas għal “kunsiderazzjoni”, għal perijodu b'tul mill-inqas ta' sena.

3.1.11

B'żieda mal-prodotti li diġà huma elenkati f'Artikolu 2, il-Kumitat isejjaħ lill-Kummissjoni sabiex tniżżel klawsola (li tinkludi definizzjoni ta' l-aspetti ewlenin) sabiex tiffaċilita l-adattament għal kwalunkwe prodott li fil-futur (29) jista' jitqiegħed fis-suq wara li tidħol fis-seħħ id-direttiva u li ma jistax jissodisfa r-rekwiżiti li hemm fid-definizzjonijiet tal-prodotti l-ġodda.

3.1.12

Il-KESE jikkunsidra li l-possibbilità li l-konsumaturi jkollhom jirrimborżaw jew iħallsu kwalunkwe somma għaliex ikunu eżerċitaw id-dritt ta' rtirar fi żmien debitu timmina dan id-dritt b'mod ċar, li huwa bbażat fuq l-idea li l-konsumatur m'għandux għalfejn jagħti kwalunkwe raġuni sabiex iħallas kwalsijasi ammont. Għalhekk l-Artikoli 5(5) u 5(6) tal-proposta għandhom jitneħħew.

3.12.13

Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għar-referenza li saret għad-Direttiva tal-Prattiċi Kummerċjali Żleali li ġiet adottata reċentement (30), li magħha huwa jaqbel. Il-Kumitat jindika, madankollu li l-Artikoli 14 u 15 ta' din id-direttiva ma jagħmlu l-ebda referenza għad-direttiva li attwalment qiegħda fis-seħħ u l-anqas ma hemm referenza ta' din it-tip fil-proposta li issa qiegħda tiġi kkunsidrata.

3.1.14

Għalkemm huwa jaqbel mal-prinċipju ta' l-armonizzazzjoni minima, il-KESE jqis li d-direttiva proposta hija aktar restrittiva minn dik li hemm fis-seħħ attwalment, għaliex filwaqt li tipprovdi l-possibbiltà li l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri li jippermettu ħarsien akbar lid-drittijiet tal-konsumaturi, hija tagħmel hekk biss għad-dritt ta' l-irtirar (fir-rigward tal-punt tal-bidu, il-modalitajiet u l-effett ta' l-eżerċizzju ta' dan id-dritt). Madankollu, l-Artikolu 11 tad-direttiva fis-seħħ (31), jippermetti li din l-għażla tintuża b'mod aktar wiesa'. Il-KESE għalhekk isejjaħ lill-Kummissjoni sabiex iżżomm dispożizzjoni simili.

3.1.15

Il-Kumitat iqis li l-Kummissjoni għandha tipprovdi sistema effettiva ta' sanzjonijiet, immirati mhux biss sabiex jiskoraġġixxu prattiċi li jiksru l-obbligi li hemm fid-direttiva, iżda wkoll għal raġunijiet ta' ċertezza u sigurtà legali (32). Il-Kumitat jappoġġja l-possibbiltà li fil-qafas stabbilit mill-Kummissjoni (33), l-Istati Membri u mhux il-Kummissjoni jistgħu jdaħħlu sanzjonijiet kriminali li huma proporzjonati iżda suffiċjenti sabiex jiskoraġġixxu prattiċi abużivi partikoularment serji.

3.1.16

Il-KESE jaqbel ma' l-inklużjoni ta' klawsola ta' reviżjoni regolari — nieqsa mid-direttiva attwali — sabiex ma tiskadix malajr.

3.1.17

Għalkemm tressqu xi każijiet kontra xi Stati Membri (34) li għamlu traspożizzjoni skorretta ta' xi dispożizzjonijiet tad-direttiva, il-KESE huwa sorpriż li jinnota li l-Kummissjoni ma taġixxix, b'mod partikulari fir-rigward tan-nuqqas ta' konformità ma' l-iskadenzi għat-traspożizzjoni tad-direttiva (30 ta' April 1997). Kienu biss żewġ Stati membri (35) li ssodisfaw din l-iskadenza. Il-Kumitat għalhekk jappella lill-Kummissjoni, fejn tidħol id-direttiva l-ġdida, sabiex tkun inqas rilassata meta jkun hemm ksur daqstant flagranti fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-Komunità.

3.2   Kummenti Speċifiċi

3.2.1

Il-KESE jikkunsidra li d-definizzjoni li tingħata f'Artikolu 2(1)(g), li torbot mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 7, hija restrittiva wisq, għaliex dak li jikkaratterizza n-natura anċillari tal-kuntratti huwa l-komplementarjetà ta' bejniethom. Għalhekk hija l-komplementarjetà aktar milli s-subordinazzjoni li għandha tiġi kkunsidrata għaliex ħafna mill-kuntratti li għandhom self marbut magħhom b'mod partikulari huma taħlit estrinsiċi ta' kuntratti li minħabba fin-natura legali tagħhom, huma legalment separati u għaldaqstant ma jidħlux fid-definizzjoni li qiegħda tiġi proposta.

3.2.2

Il-Kumitat ma jaqbilx mal-mod kif inkiteb l-Artikolu 3(2), b'mod partikulari fir-rigward ta' l-informazzjoni bil-miktub, li tingħata lill-konsumatur biss jekk “jitlobha” u “fejn tkun applikabbli”. Peress li dan l-Artikolu jirrigwarda l-informazzjoni ta' qabel il-kuntratt, li fuq il-bażi tagħha il-konsumatur/triċi t/jifforma d-deċiżjoni tiegħu jew tagħha, il-KESE jqis li l-forniment ta' din l-informazzjoni bil-miktub għandu jkun obbligatorju, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tinkludi din id-dispożizzjoni.

3.2.3

Il-Kumitat jappella lill-Kummissjoni sabiex tibdel l-Artikoli 3(4) u 4(1) u paragrafi 1) ta' Anness I, f), ta' Anness III u d) ta'Anness IV b'dispożizzjonijiet simili għal dawk li hemm f'Artikolu 4 tad-direttiva attwali (36), li toffri ħarsien akbar lill-konsumaturi. Mhux biss tagħmel l-obbligu li tiġi fornuta l-informazzjoni fil-lingwa ta' l-Istat Membru tal-konsumatur; tirrikjedi wkoll traduzzjoni ċċertifikata fil-lingwa ta' l-Istat Membru li fih tinsab il-proprjetà, speċifikament minħabba kwistjonijiet marbuta ma' kwalunkwe rekwiżiti ta' reġistrazzjoni.

3.2.3.1

Filfatt, il-KESE jista' jipprevedi l-adozzjoni ġeneralizzata min-naħa tal-kummerċjanti ta' kuntratti standard li fihom il-konsumaturi huma ristretti li jikkonfermaw l-lingwa magħżula, mingħajr il-libertà li jagħmlu l-għażla tagħhom jew li jinnegozzjaw; dan jista' jfixkel b'mod serju l-interessi ekonomiċi tagħhom.

3.2.4

Il-Kumitat isejjaħ lill-Kummissjoni sabiex temenda l-mod kif inhu miktub l-Artikolu 4(2), b'mod speċifiku billi tħassar il-frażi “sakemm il-partijiet jaqblu b'mod espliċitu mod ieħor”, peress li din hija informazzjoni importanti li m'għandhiex titħalla għad-diskrezzjoni tal-partijiet ikkonċernati. L-esperjeza tal-passat uriet li l-inklużjoni ta' din il-frażi tikkawża li l-kummerċjanti b'mod unilaterali jipproponu kuntratti standard li l-konsumatur m'għandu l-ebda għażla ħlief li jaċċetta.

3.2.4.1

Għal raġunijiet ta' ċertezza u sigurtà legali, il-KESE jikkunsidra wkoll li l-Kummissjoni għadnha tiċċara/tistandardizza it-tipa ta' “ċirkustanzi lil hinn mill-kontroll tal-kummerċjant” li jiffurmaw parti integrali mill-kuntratt taħt it-termini ta' l-Artikolu 4(2).

3.2.4.2

Ukoll, fir-rigward ta' dan l-Artikolu, il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-metodu ta' komunikazzjoni ta' din l-informazzjoni, li għandha tiġi pprovduta b'mod xieraq, oġġettiv u ċar (37), u għandha tiġi stampata b'ittri ta' daqs li jagħmilha faċli li t-test jinqara (38).

3.2.5

Il-Kumitat jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tiċċara l-frażi “il-kummerċjant jiġbed l-attenzjoni tal-konsumatur b'mod espliċitu” f'Artikolu 4(3), għaliex is-sens legali speċifiku m'huwiex ċar.

3.2.6

Jekk l-Artikolu 5(1) irid jinftiehem li jipprovdi żewġ perijodi għall-eżercizzju tad-dritt ta' l-irtirar, il-KESE jappella lill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi dispożizzjoni waħda biss li tagħti lill-konsumatur d-dritt li jirtira sa 14-il ġurnata wara li jiffirma l-kuntratt finali, jekk dan jiġi preċedut minn kuntratt ieħor li jorbot, sakemm il-proprjetà ma tkunx intużat sa dak iż-żmien.

3.2.7

Kif għamel f'opinjonijiet preċedenti, il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tiddefinixxi n-natura tal-komunikazzjoni li tinforma bid-dritt ta' l-irtirar, sabiex tiżgura li ż-żewġ partijiet ikollhom il-prova li l-informazzjoni twasslet. Fil-fatt, il-kliem użat fid-direttiva attwali huwa aktar adattat (39).

3.2.8

Il-KESE jikkunsidra li t-titolu ta' l-Artikolu 8 għandu jinbidel bil-frażi “natura obbligatorja tad-drittijiet” peress li l-iskop ta' dan l-artikolu m'huwiex li jistabbilixxi n-natura imperattiva tad-direttiva iżda li jiżgura li dawk id-drittijiet ma jiġux esklużi jew ristretti, irrispettivament minn liema leġislazzjoni tapplika.

3.2.9

Fir-rigward tar-rimedju ġudizjarju u amministrattiv, il-Kumitat iqis li d-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikoli 11 u12 tad-Direttiva tal-Prattiċi Kummerċjali Żleali (40) huma aktar adattati, għaliex għandhom ambitu aktar wiesa' u huma aktar komprensivi. Għaldaqstant, il-Kumitat isejjaħ lill-Kummissjoni sabiex tibdel Artikolu 9 tal-proposta tagħha ma' regoli simili għal dawk.

3.2.10

Il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-kliem fid-diversi verżjonijiet lingwistiċi tal-proposta tagħha għaliex hemm kwistjonijiet li jenħtieġu traduzzjoni aktar attenta (41).

4.   Kwistjonijiet li m'humiex koperti mill-proposta

4.1

Il-KESE jqis li minbarra l-ommissjonijiet l-oħra li diġà ssemmew hawn fuq, il-proposta ma tagħtix każ ta' kwistjonijiet oħra li ħaqqhom li jiġu kkunsidrati f'reviżjoni tad-Direttiva.

B'mod speċifiku, dan japplika għal:

a)

is-sistema tal-piż tal-prova;

b)

il-prevenzjoni tar-riskju tan-nuqqas ta' rispett jew rispett limitat tal-kuntratt;

c)

il-ħolqien ta' restrizzjoni fl-użu tal-kuntratti tat-timeshare (akkomodazzjoni) għal bini u partijiet minn bini użati għal attivitajiet ta' turiżmu u rekreazzjoni (42), b'hekk isir kontribut għal kwalità ogħla u jiġi evitat l-użu ħażin ta' dawn il-kuntratti fis-settur tal-proprjetà;

d)

it-twaqqif ta' regoli dwar il-liċenzjar u l-awtorizzazzjoni sabiex wieħed jopera f'dan is-settur, fejn l-applikanti jridu jagħtu provi tal-kapaċità teknika u finanzjarja tagħhom;

e)

it-twaqqif ta' sistema ta' garanziji finanzjarji sabiex ikun hemm salvagwardja kontra falliment potenzjali, kif hemm fi strumenti oħra tal-Komunità (43), u mhux biss fir-rigward tal-proprjetà immobbli li għadha qiegħda tinbena;

f)

it-twaqqif ta' sistema ta' prijorità ta' reġistrazzjoni fil-pajjiż li fih ikun qiegħed jiġi kkummerċjalizzat u/jew fl-Istat Membru fejn ikun hemm il-kwartieri tal-kumpanija (44);

g)

it-twaqqif fil-livell Ewropew ta' sistema ta' ċertifikazzjoni għal kummerċjanti f'dan il-qasam u fl-istess ħin li jiżgura l-eżistenza ta' sistema ta' avviż minn kmieni bejn l-Istati Membri mmirat li jirrapporta ksur li jista' jirriżulta f'telf ta' ċertifikazzjoni u li jinforma l-konsumaturi (45);

h)

it-twaqqif fl-Annessi tar-rekwiżit li tiġi pprovduta informazzjoni jew kwalunkwe tibdil jew obbligi, sabiex jiġi evitat li l-konsumaturi jitilfu d-drittijiet tagħhom, per eżempju, fil-każ ta' esklużjoni ta' ipoteka (46);

i)

it-twaqqif f'Anness II tad-dritt tal-konsumaturi li jispezzjonaw il-proprjetà, jekk din tkun proprjetà immobbli, sabiex jiżguraw li hija konformi mal-pjanijiet tal-bini;

j)

it-twaqqif tal-ħarsien tad-data personali meta d-drittijiet jiġu trasferiti lil persuni terzi.

Brussell, l-24 ta' Ottubru 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  ĠU C 256, 27.10.2007, rapporteur: is-Sur Adams.

(2)  ĠU C 175, 27.7.2007, rapporteur: is-Sur Pegado Liz.

(3)  Id-Direttiva 94/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 1994 dwar il-protezzjoni tax-xerrejja f'dak li għandu x'jaqsam ma' ċerti aspetti tal-kuntratti li għandhom x'jaqsmu max-xiri tad-dritt għall-użu tal-propjetà immobbli fuq bażi ta' timeshare (ĠU L 280, 29.10.1994, p. 83). — Opinjoni tal-KESE ĠU C 108, 19.4.1993, p. 1.

(4)  Il-Proposta għal-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ħarsien tal-konsumaturi rigward ċerti aspetti ta' timeshare, prodotti ta' btala fuq tul ta' żmien, bejgħ mill-ġdid u skambju COM(2007) 303 finali, 7.6.2007).

(5)  Ir-rapport ta' l-1999 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/94/KE tas-26 ta' Ottubru 1994 SEC(1999) 1795 finali, u r-rapport tal-Parlament Ewropew ta' l-2002 fi RR\470922EN.doc, EP 298.410.

(6)  Id-Danimarka, il-Finlandja, l-Olanda, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, l-Isvezja, il-Ġermanja u l-Awstrija.

(7)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumita Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 1997/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-20 ta' Mejju 1997 dwar il-Protezzjoni tal-Konsumaturi fir-rigward ta' Kuntratti li jsiru mill-bogħod, ĠU C 175, 27.7.2007.

(8)  Reviżjoni tad-Dokument ta' Konsultazzjoni tad-Direttiva tat-Timeshare f':

http://ec.europa.eu/consumers/cons_int/safe_shop/timeshare/consultation_paper 010606_en-doc.

(9)  Ir-rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 94/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 1994 SEC(1999) 1795 finali.

(10)  “Comparative Analysis D. Timeshare Directive”, (94/47) imfassla minn Hans Schulte-Nölke, Andreas Borge u Sandra Fischer fil-Kompendju tad-dritt tal-konsum.

(11)  B'mod partikolari l-Artikoli 2 (1)(g), 3(2) u (4), 4(1), (2) u (3), 5(1), (5) u (6), (8) u (9) u Anness I(1), Anness III(f) u Anness IV(d).

(12)  Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Direttiva tal-Prattiċi Kummerċjali Żleali”) ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22. — Opinjoni tal-KESE ĠU C 108, 30.4.2004, p. 81.

(13)  Kif fil-fatt kien ġie ddikjarat kemm fl-Opinjoni tal-KESE dwar il-proposta għal-Direttiva tal-Kunsill dwar il-ħarsien tax-xerrejja f'kuntratti relatati ma' l-użu ta' proprjetà immobbli fuq bażi ta' timeshare, rapporteur Manuel Ataíde Ferreira (ĠU C 108, 19.4.1993, p. 1), U fl-Opinjoni tal-KESE dwar il-Pjan ta' Azzjoni tal-Komunità sabiex tassisti t-Turiżmu, rapporteur: L. Cunha, ko-rapporteur G. Frandi (ĠU C 49, 24.2.1992).

(14)  SEC(1999) 1795 finali.

(15)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-monitoraġġ tal-politika tal-Komunità dwar il-protezzjoni tax-xerrejja tad-dritt għall-użu tal-proprjetajiet immobbli fuq bażi ta' timeshare (Direttiva 94/47/KE) (doc P5_TA(2002)0369, ĠU C 271 E, 12.11.2003, p. 578).

(16)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, L-Istrateġija tal-Politika tal-Konsumatur 2002-2006. [COM(2002) 0208 finali], (ĠU C 137, 8.6.2002, p. 2). — Opinjoni tal-KESE ĠU C 95, 23.4.2003, p. 1.

(17)  COM(2006) 744 finali. Opinjoni tal-KESE ĠU C 256, 27.10.2007.

(18)  SEC(1999) 1795 finali.

(19)  Kunsill ta' l-Affarijiet tal-Konsumaturi, Lussemburgu, 13 ta' April 2000.

(20)  PE 298.410 RR\470922EN.doc.

(21)  Reviżjoni tad-Dokument ta' Konsultazzjoni tad-Direttiva tat-Timeshare f':

http://ec.europa.eu/consumers/cons_int/safe_shop/timeshare/consultation_paper 010606_en-doc.

(22)  COM(2006) 629 finali.

(23)  ĠU C 108, 19.4.1993, p. 1.

(24)  Temenda “xerrej” għal “konsumatur”.

(25)  ĠU C 175, 27.7.2007, rapporteur: is-Sur Pegado Liz, dwar il-Protezzjoni tal-Konsumaturi fir-rigward ta' Kuntratti li jsiru mill-bogħod.

(26)  Ara n-nota f'qiegħ il-paġna preċedenti.

(27)  Sentenza tal-Qorti Suprema tal-Ġustizzja tal-Portugall, 4.3.2004.

(28)  Opinjoni tal-KESE dwar id-Direttiva 94/47/KE is-Sur Ataíde Ferreira (ĠU C 108, 19.4.1993, p. 1).

(29)  Bħal fil-każ tal-liġi Portugiża, per eżempju (Art 45(3) tal-liġi tad-digriet 180/99 ta' 22/05) li li tistqarr li: “id-drittjiet ta' l-akkomodazzjoni tat-turisti li għalihom issir referenza fl-artikolu preċedenti jinkludu b'mod speċifiku d-drittijiet ta' obbligu stipulati fil-kuntratti għall-karti u l-klabbijiet ta' skont tal-btajjel u karti tat-turisti jew oħrajn simili”.

(30)  Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2005, ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22. — Opinjoni tal-KESE ĠU C 108, 30.4.2004, p. 81).

(31)  Artikolu 11 tad-Direttiva 94/47/KE — “Din id-Direttiva ma għandhiex iżżomm lill-Istati Membri milli jadottaw jew iżommu dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli fir-rigward tal-ħarsien tax-xerrejja fil-qasam ikkonċernat, mingħajr preġudizzju għall-obbligazzjonijiet tagħhom taħt it-Trattat”.

(32)  Ir-rapport ta' l-1999 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 94/47/KE josserva firxa wiesgħa ħafna ta' sanzjonijiet fl-Istati Membri differenti għall-ksur ta' l-istess obbligu, inkluż penali finanzjarji, li l-kuntratt isir null u bla effett, estensjoni tal-perijodu ta' riflessjoni, sospiża ta' l-attività u pubbliċità marbuta eċċ.

(33)  ĠU C 256, 27.10.2007, u l-Abbozz ta' Opinjoni CESE 867/2007 fin, ir-rapporteur għat-tnejn li huma kien is-Sur Retureau, dwar miżuri kriminali fil-qasam tal-proprjetà intellettwali u l-ambjent.

(34)  Spanja, l-Isvezja, il-Lussemburgu u l-Irlanda.

(35)  Ir-Renju Unit u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

(36)  Li tiddikjara li:

“L-Istati Membri għandhom jagħmlu dispożizzjonijiet fil-leġislazzjoni tagħhom li jiżguraw li:

[…] il-kuntratt u d-dokument li għalihom issir referenza f'Artikolu 3(1) huma f'lingwa jew waħda mill-lingwi ta' l-Istat Membru li fih ix-xerrej huwa residenti jew f'lingwa jew waħda mill-lingwi ta' l-Istat Membru li tiegħu huwa ċittadin, […] skond l-għażla tax-xerrej. L-Istat Membru li fih ix-xerrej huwa residenti jista', madankollu, jirrikjedi li l-kuntratt isir fil-każijiet kollha ta' l-anqas fil-lingwa tiegħu jew lingwa […]

u — li l-bejjiegħ jipprovdi lix-xerrej bi traduzzjoni ċċertifikata tal-kuntratt fil-lingwa jew waħda mill-lingwi ta' l-Istat Membru li fih hemm il-propjetà immobbli”.

(37)  Kif intqal, per eżempju, f'Artikolu 8 tal-liġi Portugiża dwar il-ħarsien tal-Konsumatur.

(38)  Kif intqal, per eżempju, fis-sentenza tal-Qorti ta' l-Appell Lisbona, 3.5.2001.

(39)  “b'mezzi li jistgħu jiġu pprovati”.

(40)  Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2005, ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22. — Opinjoni tal-KESE ĠU C 108, 30.4.2004, p. 81).

(41)  Fil-verżjoni Portugiża, dan japplika għal Artikolu 2(b), li ma jagħmilx sens, għal Anness I(j), li huwa eżattament bil-maqlub ta' dak li suppost qiegħed jgħid u għal Artikolu 7(1), fejn il-kelma “dissolvido” għandha tinbidel għal “resovido”, għal raġunijiet ovvji, kemm fl-interess tal-preċiżazzjoni legali kif ukoll għal konsistenza mat-titolu.

(42)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar id-Direttiva 94/47/KE ĠU C 108, 19.4.1993, p. 1.

(43)  Direttiva 90/314/KEE tal-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 1990, dwar pakketti ta' vjaġġar, pakketti ta' vaganzi u pakketti ta' tours (ĠU L 158, 23.6.1990, p. 59). — Opinjoni tal-KESE ĠU C 102, 24.4.1989, p. 27.

(44)  Opinjoni tal-KESE dwar id-Direttiva 94/47/KE, ĠU C 108, 19.4.1993, p. 1.

(45)  Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36). Opinjoni tal-KESE: ĠU C 221, 8.9.2005, p. 113.

(46)  Opinjoni tal-KESE dwar id-Direttiva 94/47/KE, ĠU C 108, 19.4.1993, p. 1.