15.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 10/57


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-proposta ta' Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/22/KE li tikkonċerna l-projbizzjoni ta' l-użu fl-istockfarming ta' ċerti sustanzi li jkollhom azzjoni ormonali u tireostatika u ta' beta-agonists”

COM(2007) 292 finali — 2007/0102 (COD)

(2008/C 10/15)

Nhar it-2 ta' Lulju 2007, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 152(4)(b) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-proposta ta' direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/22/KE li tikkonċerna l-projbizzjoni ta' l-użu fl-istockfarming ta' ċerti sustanzi li jkollhom azzjoni ormonali u tireostatika u ta' beta-agonists.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-6 ta' Settembru 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Jírovec.

Matul l-438 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-26 u s-27 ta' Settembru 2007 (seduta tas-26 ta' Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'152 vot favur, vot kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jieħu nota tal-miżuri proposti mill-Kummissjoni Ewropea.

1.2

Il-KESE japprova s-simplifikazzjoni u l-kjarifika tal-leġislazzjoni applikabbli kemm għall-pubbliku ġenerali kif ukoll għall-intrapriżi li jipprovdu prodotti farmaċewtiċi għall-annimali.

1.3

Il-proposta għal direttiva taħt konsiderazzjoni tirrispetta l-prinċipju ta' proporzjonalità, billi din tistabbilixxi bidliet limitati biss fuq il-bażi ta' data xjentifika u fehmiet ta' esperti l-aktar reċenti.

1.4

Id-direttiva proposta tindirizza wkoll il-kwistjoni ta' l-importazzjonijiet li ġejjin minn pajjiżi terzi ta' annimali li jipproduċu l-ikel.

1.5

Il-proposta għal direttiva ma tmurx kontra l-impenji meħuda fil-qafas tad-WTO.

1.6

In-nuqqas ta' disponibbiltà ta' l-estradjol 17 ß u d-derivattivi tiegħu li jixbhu l-esteri ser iħalli impatt insinifikanti fuq il-bdiewa u l-benessri ta' l-annimali.

1.7

M'hemmx bżonn li jiġu stabbiliti l-limiti massimi għall-preżenza tar-residwi.

1.8

Il-konsegwenzi fuq l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju ser ikunu, huma wkoll, kważi ineżistenti.

2.   L-għan tal-proposta

2.1

L-għan tal-proposta huwa li timmodifika d-Direttiva 96/22/KE tad-29 ta' April 1996, kif emendata mid-Direttiva 2003/74/KE. Id-direttiva proposta tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta' ċerti sustanzi li jingħataw lil kwalunkwe annimal, li l-laħam u l-prodotti tiegħu huma maħsuba għall-konsum mill-bniedem, għal skopijiet mhux previsti fil-punt 2 ta' l-Artikolu 4.

Lista ta' sustanzi pprojbiti:

Lista A:

sustanzi tireostatiċi.

stilbeni, derivattivi ta' l-istilbeni, l-imluħ u l-esteri tagħhom,

estradjol 17 ß u d-derivattivi tiegħu li jixbhu l-esteri.

Lista B:

sustanzi Beta-agonists.

2.2

Il-bidliet proposti huma segwenti:

a)

l-esklużjoni ta' l-annimali domestiċi mill-ambitu tal-leġislazzjoni,

b)

il-projbizzjoni sħiħa ta' l-użu ta' l-estradjol 17 ß għal annimali maħsuba għall-produzzjoni alimentari.

2.3

Il-Kummissjoni tipproponi biss bidliet limitati ħafna sabiex tkun evitata aktar tbatija għall-annimali domestiċi minħabba n-nuqqas ta' trattament xieraq disponibbli u sabiex jitqies il-parir xjentifiku u espert li jikkonċerna l-estradjol 17 ß (1).

3.   Kuntest ġenerali

3.1

L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 96/22/KE speċifikament jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta' sustanzi elenkati fl-Anness II għall-amministrazzjoni ta' l-annimali ta' l-“ispeċijiet kollha”.

3.2

It-tqabbil tal-prezzijiet ta' prodotti li jinkludu sustanzi b'azzjoni tireostatika juri li mhuwiex ta' benefiċċju ekonomiku li dawn jintużaw għall-annimali li jipproduċu l-ikel.

3.3

L-użu illegali huwa pjuttost marbut mal-produzzjoni jew l-importazzjoni illegali ta' dawn is-sustanzi. Ma setgħu jinstabu ebda użi illegali ta' stilbeni, derivattivi ta' l-istilbeni, l-imluħ u l-esteri tagħhom matul l-aħħar ħames snin.

3.4

Id-direttiva msemmija hawn fuq ma tippermettix l-għotja ta' awtorizzazzjonijiet ta' tqegħid fis-suq għall-prodotti li fihom sustanzi għat-trattament ta' l-ipertirojdiżmu fl-annimali domestiċi.

3.5

Fl-1981, bid-Direttiva 81/602/KEE, l-UE pprojbixxiet l-użu ta' sustanzi li jkollhom azzjoni ormonali għall-istimolu ta' l-żvilupp fl-annimali ta' l-irziezet, notevolment ta' l-estradjol 17 β.

3.6

Għalkemm id-Direttiva 96/22/KE fil-bidu kellha l-għan li tipprojbixxi l-użu ta' l-estradjol 17 β u d-derivattivi tiegħu li jixbhu l-esteri għall-użi kollha, fl-aħħar mill-aħħar din sempliċiment naqqset iċ-ċirkostanzi li fihom l-estradjol 17 ß jkun jista jintuża' għal skopijiet għajr l-istimolu ta' l-iżvilupp. Dan il-prodott huwa totalment karċinoġenu billi dan jista' jikkawża kif ukoll iqajjem tumuri.

3.7

Ir-rapport ippreżentat lill-Kunsill u lill-Parlament nhar il-11 ta' Ottubru 2005 kkonkluda li, minħabba li l-użu ta' sustanzi alternattivi bħall-prostaglandini huwa mifrux ħafna, l-użu tal-prodott imsemmi hawn fuq jista' jitnaqqas għall-annimali maħsuba għall-produzzjoni alimentari.

3.8

L-annimali domestiċi milquta mill-ipertirojdiżmu jbatu minħabba n-nuqqas kontinwu ta' trattament xieraq.

4.   Kummenti

4.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jieħu nota tal-miżuri proposti mill-Kummissjoni Ewropea.

4.2

Il-bidliet proposti fir-rigward ta' l-estradjol 17 ß huma r-riżultat dirett ta' l-attivitajiet previsti mill-Artikolu 11a tad-Direttiva 2003/74/KE.

4.3

Il-bidliet proposti huma limitati ħafna u neċessarji sabiex tkun evitata aktar tbatija għall-annimali domestiċi minħabba n-nuqqas ta' trattament.

4.4

Din il-proposta tolqot lis-sidien ta' l-annimali, lill-veterinarji prattikanti, lill-industrija farmaċewtika veterinarja u lill-aġenziji ta' l-awtorizzazzjoni fl-Istati Membri.

4.5

Il-proposta tikkontribwixxi għall-assigurazzjoni ta' livell għoli ta' ħarsien tas-saħħa tal-bniedem.

4.6

Madankollu, kull awtorizzazzjoni ġdida għandha tqis il-potenzjal għal użu inkorrett u għaldaqstant, il-prodotti li x'aktarx jintużaw ħażin jistgħu jiġu rrifjutati.

Brussell, is-26 ta' Settembru 2007

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  “Prevention and Control of Animal Diseases” (Prevenzjoni u kontroll tal-mard ta' l-annimali)

(http://ec.europa.eu/food/animal/resources/publications_en.htm).