15.1.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
C 10/39 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kumissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew: Il-produzzjoni sostenibbli ta' l-enerġija mill-karburanti fossili: mira ta' kważi ebda emissjonijiet mill-faħam wara l-2020”
COM (2006) 843 finali
(2008/C 10/10)
Nhar l-10 ta' Jannar 2007, il-Kummissjoni Ewropea ddeċiediet, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni mill-Kumissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew — Il-produzzjoni sostenibbli ta' l-enerġija mill-karburanti fossili: mira ta' kważi ebda emissjonijiet mill-faħam wara l-2020.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà ta' l-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-5 ta' Settembru 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Zboril.
Matul l-438 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-26 u s-27 ta' Settembru 2007 (seduta tas-27 ta' Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'135 vot favur, vot kontra u 4 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Il-KESE jilqa' favorevolment il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u jaqbel ma' l-analiżi u d-deskrizzjoni ppreżentati fid-dokument tal-Kummissjoni. Ir-risposta effettiva għar-riskji tal-bidla globali fil-klima filwaqt li fl-istess ħin tkompli tintlaqa' d-domanda għolja għall-enerġija hija sfida internazzjonali sinifikanti. |
1.2 |
L-emissjonijiet tas-CO2 minn impjanti ta' l-enerġija bbażati fuq il-faħam fl-UE jirrappreżentaw 24 % ta' l-emissjonijiet ġenerali tas-CO2 (fl-UE)..Għalhekk impjanti ta' l-enerġija bħal dawn huma l-aktar siti xierqa għall-installazzjoni tal-faċilitajiet tas-CCS (faċilitajiet għall-ġabra u l-ħażna tal-karbonju). Dan ifisser l-implimentazzjoni ta' sistemi għall-ġabra u l-ħażna tas-CO2. |
1.3 |
Wisq probabbli, fis-snin li ġejjin, il-faħam ser jibqa' jagħmel parti mit-taħlita ta' l-enerġija Ewropea. L-attribwiti partikolari tal-faħam — id-disponibbiltà, il-prezz li jista' jintlaħaq u r-rwol tiegħu fl-istabbilizzazzjoni tas-swieq ta' l-enerġija — ikomplu jassiguraw li huwa ser jibqa' s-sors ta' karburant primarju għall-produzzjoni ekonomika ta' l-elettriku. Id-distribuzzjoni tar-riservi tal-faħam mhix ugwali fid-dinja u fl-UE. It-teknoloġija bbażata fuq il-faħam għandha l-potenzjal li tnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2 b'mod sinifikanti (1). Fuq il-perijodu qasir jew medju, dan jirrikjedi oqsfa ekonomiċi u regolatorji, li jinkoraġġixxu l-investiment f'teknoloġiji l-aktar reċenti li jtejbu l-effiċjenza fil-produzzjoni ta' l-elettriku mill-faħam, sabiex b'hekk jitnaqqsu wkoll l-emissjonijiet tas-CO2. |
1.4 |
Miżuri kummerċjali, ippruvati u ekonomikament effettivi għat-tneħħija u l-iżolament tal-maġġoranza ta' l-emissjonijiet tas-CO2 minn impjanti bbażati fuq il-faħam għadhom ma jeżistux. Dan għadhu qasam teknoloġiku li għadu qed jiżviluppa. Madanakollu, il-prospetti għall-iżvilupp u l-ikkummerċjalizzar ta' teknoloġiji għal kważi ebda emissjoni mill-faħam (ZET — Zero Emission Technologies) matul is-snin li ġejjin, huma promettenti. |
1.5 |
Il-KESE jikkonferma l-fehma tiegħu li l-iskala ta' l-isfida sabiex jiġu llimitati l-emissjonijiet tfisser li s-sorsi vijabbli kollha ta' l-enerġija u t-teknoloġija għandhom jiġu żviluppati sal-potenzjal prattiku u kummerċjali tagħhom. It-transizzjoni lejn enerġija sostenibbli għandha rwol importanti għall-faħam, għall-karburanti fossili, għat-teknoloġiji nukleari u rinovabbli u għall-konservazzjoni ta' l-enerġija, fejn kull wieħed minn dawn l-aspetti ser jagħti l-kontribut tiegħu, fi żmienu u sal-limitu ddettat mill-prattiċità teknika u l-prezz li jista' jintlaħaq. |
1.6 |
Il-KESE japprezza li fuq perijodu fit-tul, wara l-2020, il-ġabra u l-ħażna tas-CO2 għandha toffri l-potenzjal għall-kisba ta' kważi ebda emissjonijiet tas-CO2 minn impjanti ta' l-enerġija bbażati fuq il-faħam. Hemm bżonn ta' madwar 350 GW ta' kapaċità ġdida għall-produzzjoni ta' l-elettriku sa l-2020, u madwar 500 GW sa l-2030. L-ispejjeż ta' dan l-investiment huma stmati għal EUR 600-800 biljun. Sabiex dan ikun jista' jseħħ hemm il-bżonn immedjat għal azzjoni kkoordinata fir-rigward tar-riċerka, l-iżvilupp u d-dimostrazzjoni. |
1.7 |
Permezz ta' aktar effiċjenza fil-qasam ta' l-impjanti ta' l-enerġija u fl-iżvilupp ta' teknoloġiji għall-kważi ebda emissjoni, il-faħam ikun jista' jikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-miżuri preskritti għall-protezzjoni preventiva tal-klima. Minkejja l-effetti pożittivi tas-CCS, l-istrateġiji u l-objettivi ta' politika għall-enerġija m'għandhomx jibdew jiġu adottati bħala “miżuri vinkolanti” minn issa, fuq il-premessa li fil-futur, it-teknoloġiji tas-CCS ser ikunu qegħdin joperaw kullimkien. |
1.8 |
Hemm bżonn tas-simplifikazzjoni u ta' l-armonizzazzjoni gradwali tal-proċeduri ta' liċenzar, permezz tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali sabiex, sa fejn huwa possibbli, jitnaqqsu l-iskadenzi importanti għat-twettiq tal-proġetti ta' kostruzzjoni, u dan mingħajr ma tiġi kompromessa l-osservazzjoni ta' l-ogħla standards tas-sigurtà. |
1.9 |
Il-KESE jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li minkejja li l-faħam huwa l-aktar karburant importanti għall-produzzjoni ta' l-elettriku u element indispensabbli għall-produzzjoni ta' l-azzar u għall-proċessi industrijali oħra, dan ser ikollu wkoll rwol importanti fil-qadi tal-bżonnijiet futuri ta' l-enerġija, speċjalment fit-transizzjoni għall-ekonomija ta' l-idroġenu. Il-likwefazzjoni tal-faħam tippermetti li dan jiġi użat minflok iż-żejt mhux raffinat. Il-gass sintetiku jista' wkoll jiġi prodott mill-faħam. |
1.10 |
Huwa neċessarju qafas politiku u ekonomiku adattat għall-estrazzjoni tal-linjite indiġena u tal-faħam iebes. L-estrazzjoni tal-faħam u t-trasformazzjoni ta' l-enerġija jistgħu jagħtu kontribut sinifikanti għall-prosperità lokali u l-impjieg. Fid-dawl tas-sitwazzjoni soċjali ta' Istati Membri l-ġodda, huwa importanti ħafna li jinżamm il-livell attwali ta' enerġija ġġenerata (u bbażata fuq il-faħam) mill-karburanti fossili: minn 286 500 ħaddiem fl-industrija tal-qtugħ tal-faħam fl-UE, dik fl-Istati Membri l-ġodda timpjega 212 100 ħaddiem. Titjib sostanzjali tal-kundizzjonijiet ferm diffiċli tal-ħaddiema tal-minijieri, il-kapaċitajiet tagħhom, is-sigurtà fuq ix-xogħol u l-ambjent tax-xogħol għandhom ikunu l-prijoritajiet ċentrali ta' dawk li jmexxu l-minjieri fl-industrija tal-faħam ta' l-UE kollha. |
1.11 |
Il-KESE huwa wkoll tal-fehma li fir-rigward ta' l-iżvilupp tat-teknoloġiji tas-CCS u ż-żmien li fih dan jista' jitwettaq, il-pożizzjoni li ħadet il-Kummissjoni f'dan id-dokument kif ukoll l-iskadenza huma ottimisti. Il-Kummissjoni għanda tiffoka fuq miżuri ġodda li jassiguraw li fl-2015 jkunu qegħdin jitħaddmu bejn 10 u 12-il impjant ta' dimostrazzjoni, u għandha toħloq ukoll qafas serju għas-CCS li jiġbor fih ir-riskji prinċipali u fl-istess ħin ma jkunx strinġenti żżejjed. Stadju intermedjajru fil-produzzjoni ta' aktar effiċjenza huwa ferm mixtieq, u għaġla żejda u qafas regolatorju strinġenti jistgħu jkunu ta' ħsara serja għal dan il-kunċett globali hekk importanti. |
1.12 |
Il-KESE jsejjaħ ukoll għal riċerka intensiva u żvilupp fil-qasam tas-sorsi ta' l-enerġija rinnovabbli u alternattiva, li għandhom jikkontribwixxu għal taħlita sikura ta' l-enerġija fl-UE. Fl-istess waqt, is-suq integrat ta' l-enerġija ta' l-UE għandu jiddaħħal fis-seħħ mingħajr dewmien eċċessiv. |
2. Introduzzjoni
2.1 |
Il-Kumitat indirizza l-kwistjoni tal-karburanti fossili f'diversi opinjonijiet tiegħu u reċentament fl-opinjoni esploratorja tiegħu intitolata “Il-provvista ta' enerġija ta' l-UE: strateġija għall-aħjar taħlita ta' enerġija” (2) li tgħid li l-UE għandha tinvesti serjament f'teknoloġiji nodfa tal-faħam — impjanti ta' enerġija aktar effiċjenti u applikazzjonijiet kummerċjali għall-ġabra u l-ħażna tal-karbonju. L-użu tal-gass żdied u sforz għażliet politiċi qiegħed ikompli jiżdied. Huwa ovvju li jekk inkomplu miexjin fuq din it-triq ser jinqalgħu aktar problemi. Sforz l-emissjonijiet u l-prezz għoli tiegħu bħala materja prima, il-gass, bħaż-żejt, ma jistax jibqa' jissostitwixxi lill-faħam u l-anqas ma jista' jissostitwixxi l-enerġija nukleari. |
2.2 |
L-abbozz attwali dwar il-produzzjoni sostenibbli ta' l-enerġija mill-karburanti fossili ġie ppubblikat mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-pakkett ta' l-enerġija u l-klima, “Politika ta' l-Enerġija għall-Ewropa,” fl-10 ta' Jannar 2007. |
2.3 |
Il-partijiet l-oħra tal-pakkett jindirizzaw il-proposta għall-objettivi tal-bidla fil-klima li jinkludu t-tnaqqis ta' 30 % tal-gassijiet b'effett ta' serra għall-pajjiżi żviluppati, jew fi kwalunkwe każ ta' 20 % għall-UE biss. Il-pakkett jittratta wkoll is-suq intern għall-gass u l-elettriku, l-interkonnessjonijiet fin-netwerks ta' l-elettriku u l-gass, ir-rwol futur ta' l-enerġija nukleari fil-kuntest tal-Programm Indikattiv Nukleari. Jinkludi pjan ta' rotta għall-promozzjoni ta' enerġiji rinovabbli, b'mod partikolari l-użu tal-bijokarburanti fit-trasport u l-Pjan Strateġiku Ewropew dwar it-Teknoloġija ta' l-Enerġija. Fid-9 ta' Marzu 2007, il-Kunsill Ewropew appoġġja l-objettivi u l-kontenut politiku ewlieni tal-pakkett. |
2.4 |
Din il-Komunikazzjoni tippreżenta viżjoni globali ta' l-azzjonijiet meħtieġa għall-kontribuzzjoni kontinwa tal-karburanti fossili, b'mod partikolari tal-faħam, għas-sigurtà u għad-diversifikazzjoni tal-provvista ta' l-enerġija fl-Ewropa u fid-dinja, b'kompatibbiltà ma' l-istrateġija ta' l-iżvilupp sostenibbli u l-politika ta' l-objettivi għall-bidla fil-klima. Hija tikkunsidra l-ħidma mwettqa u l-opinjonijiet imressqa fl-2006 fi ħdan it-Tieni Programm Ewropew dwar il-Bidla fil-Klima (ECCPII), il-Grupp ta' Livell Għoli dwar il-Kompetittività, l-Enerġija u l-Ambjent (HLG), il-preparazzjonijiet għas-7 Programm Qafas għar-Riċerka (FP7) u l-Grupp għall-Ebda Emissjonijiet mill-Impjanti Teknoloġiċi ta' l-Enerġija Bbażata fuq il-Karburanti Fossili (Zero Emission Fossil Fuel Power Plant Technology Platform). |
3. Id-dokument tal-Kummissjoni
3.1 |
Fid-dokument tagħha, il-Kummisjoni tirrevedi l-pożizzjoni tal-karburanti fossili fil-produzzjoni ta' l-enerġija filwaqt li tistqarr li huma element importanti tat-taħlita ta' l-enerġija kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll f'diversi ekonomiji oħra. Il-karburanti fossili għandhom rwol importanti fil-produzzjoni ta' l-elettriku: aktar minn 50 % ta' l-elettriku fl-UE ġej mill-karburanti fossili (prinċipalment mill-faħam u mill-gass naturali), f'ċertu pajjiżi dan l-ammont jitla' għal saħansitra 80 % (fil-Polonja u fil-Greċja). Il-faħam jagħti u ser jibqa' jagħti kontribut ċentrali għas-sigurtà tal-provvista ta' l-enerġija ta' l-UE. Fost il-karburanti fossili kollha, il-faħam huwa l-karburant bl-akbar ammont ta' riservi mxerrdin globalment, l-istimi juru li r-riservi tal-linjite għandhom iservu għal madwar 130 sena oħra u dawk tal-faħam iebes għal madwar 200 sena oħra. |
3.2 |
Madanakollu, il-faħam jista' biss jibqa' jagħti kontribut siewi għas-sigurtà tal-provvista ta' l-enerġija u għall-ekonomija fl-UE u fid-dinja kollha biss permezz tat-teknoloġiji li jnaqqsu drastikament il-carbon footprint (il-marka ekoloġika) mill-proċess tal-kombustjoni. Jekk dawn it-teknoloġiji jiġu żviluppatti fuq skala suffiċjenti, ikunu jistgħu jipprovdu soluzzjonijiet għall-proċessi ta' kombustjoni ta' karburanti fossili oħra u soluzzjonijiet għall-produzzjoni ta' l-enerġija bbażata fuq il-gass. L-UE għandha tiżviluppa soluzzjonijiet teknoloġiċi għall-użu sostenibbli tal-faħam, mhux biss sabiex dan ikun jista' jibqa' jagħmel parti mit-taħlita Ewropea ta' l-enerġija, iżda wkoll sabiex jiġi assigurat li ż-żieda fl-użu globali tal-faħam hija possibbli mingħajr ħsara irrevokabbli lill-klima globali. |
3.3 |
Ġew żviluppati l'hekk imsejħa teknoloġiji nodfa tal-faħam (“Clean Coal” technologies) li qegħdin jintużaw sew fis-settur tal-produzzjoni ta' l-enerġija u li naqqsu konsiderevolment l-emissjonijiet ta' l-SO2, ta' l-NOx u tas-sustanzi f'sura ta' partikuli separati u trab minn impjanti bbażati fuq il-faħam. L-użu ta' dawn it-teknoloġiji nodfa tal-faħam wassal għal żieda kostanti fl-effiċjenza ta' l-enerġija fil-proċess tal-konverżjoni tal-faħam f'elettriku. Kisbiet bħal dawn huma passi importanti lejn l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet teknoloġiċi ġodda msejħa t-teknoloġiji sostenibbli tal-faħam (CCS) li jiġbru fihom il-kunċett tal-ġabra u l-ħażna tas-CO2 fil-produzzjoni ta' l-enerġija bbażata fuq il-faħam. |
3.4 |
Il-Kummissjoni temmen li teżisti possibbiltà tajba li l-vijabilità kummerċjali tat-teknoloġiji sostenibbli tal-faħam ssir realtà bejn l-10 u l-15-il sena li ġejjin. Madanakollu, dan jirrikjedi investiment industrijali kuraġġjuż f'sensiela ta' impjanti ta' dimostrazzjoni ġewwa u barra l-UE, kif ukoll inizjattivi relatati ta' politika għal perijodu relattivament twil ta' żmien li jibda minn issa u jwassal sa l-2020 jew wara. |
3.5 |
Il-Kumissjoni ser tiffaċilita dan l-iżvilupp permezz ta' żieda fil-fondi għar-Riċerka u l-Iżvilupp fil-qasam ta' l-enerġija u billi tintroduċi d-dimostrazzjoni tat-teknoloġiji sostenibbli tal-karburanti fossili fost il-prijoritajiet għas-snin 2007-2013. Pjan Strateġiku Ewropew dwar it-Teknoloġija ta' l-Enerġija ser ikun utli għall-koordinazzjoni ġenerali ta' l-isforzi fil-qasam tar-Riċerka u l-Iżvilupp u tad-dimostrazzjoni u għall-massimizzazzjoni tas-sinerġiji fil-livell Ewropew u dak nazzjonali. Il-Kummissjoni ser tiddetermina, skond ir-riżultati tal-proġetti fil-qasam tar-Riċerka u l-Iżvilupp, l-aħjar mezz ta' kif tappoġġja d-disinn, il-kostruzzjoni u t-tħaddim sa 12-il unità ta' dimostrazzjoni għat-teknoloġiji sostenibbli tal-faħam fil-produzzjoni kummerċjali ta' l-enerġija sas-sena 2015. |
3.6 |
Il-Kummissjoni ser teżamina, skond l-investimenti riċenti u ppjanati, jekk l-impjanti l-ġodda tal-karburanti fossili li nbnew u li qegħdin jinbew fl-UE, hux qegħdin jużaw l-aktar teknoloġiji effiċjenti disponibbli. Ser teżamina jekk dawn l-installazjonijiet ġodda bbażati fuq il-faħam u l-gass humiex attrezzati bl-aħħar teknoloġiji għall-ġabra u l-ħażna tal-karburanti, u jekk le, tara humiex preparati għall-użu futur ta' dawn it-teknoloġiji. Jekk dan ma jkunx il-każ, il-Kummisjoni tikkunsidra li tipproponi kemm jista' jkun malajr strumenti legalment vinkolanti fuq il-bażi ta' impatt xieraq ta' evalwazzjoni. |
3.7 |
Fl-2007, il-Kummisjoni ser teżamina r-riskji potenzjali tas-CCS u tistabbilixxi miżuri ta' liċenzar ta' l-attivitajiet tas-CCS u tal-ġestjoni adegwata tar-riskji u l-impatti identifikati. Meta jiġi żviluppat qafas ta' ġestjoni sod, dan ikun jista' jiġi adattat b'bidliet neċessarji għall-qafas regolatorju eżistenti għall-ambjent fuq livell Ewropew sabiex jiġu eliminati ostakoli għat-teknoloġiji tas-CCS. Il-Kummissjoni ser teżamina wkoll jekk għandhomx jiġu emendati l-istrumenti eżisteni (bħad-Direttiva dwar l-Evalwazzjoni ta' l-Impatt Ambjentali jew id-Direttiva dwar il-Prevenzjoni u l-Kontroll Integrati tat-Tniġġis) jew jekk għandux jiġi propost qafas regolatorju għalih. Hija ser teżamina dawk l-aspetti tal-qafas regolatorju li għandhom jiġu indirizzati preferibbilment fuq livell Ewropew u dawk li għandhom jiġu indirizzati fuq livell nazzjonali. |
3.8 |
Il-Kumissjoni tikkunsidra neċessarju qafas ċar, previdibbli u fuq perijodu fit-tul sabiex tiġi ffaċilitata t-transizzjoni mgħaġġla u mingħajr tfixkil, għall-produzzjoni ta' l-enerġija bbażata fuq is-CCS. Dan huwa neċessarju sabiex il-produtturi ta' l-enerġija jkunu jistgħu jidħlu għall-investimenti u r-riċerka meħtieġa filwaqt li jkunu jafu li l-kompetituri tagħhom qegħdin isegwu l-istess rotta. Skond l-informazzjoni disponibbli, il-Kummisjoni temmen li mis-sena 2020 'l quddiem, l-impjanti ta' l-enerġija bbażati fuq il-faħam li jkunu qegħdin jinbew, kollha jkollhom il-faċilitajiet tas-CCS. L-impjanti l-oħra għandhom isegwu progressivament l-istess approċċ. Wara li tipprova l-vijabilità kummerċjali tat-tekonoliġiji sostenibbli tal-faħam, il-Kumissjoni ser tqis l-aħjar skeda possibbli għall-installazzjoni ta' dawn it-teknoloġiji fl-impjanti ta' l-enerġija bbażati fuq il-karburanti fossili. |
3.9 |
L-istimi ta' l-ispejjeż tal-ġabra u l-ħażna suċċessiva tas-CO2 mill-produzzjoni ta' l-enerġija fuq il-livell attwali ta' żvilupp fit-teknoloġija jitilgħu għal EUR 70 kull tunnellata ta' CO2. L-użu ta' dawn it-teknoloġiji fuq skala kbira għadu jiswa wisq. Il-mudelli u l-istudji disponibbli u bbażati fuq perspettiva ta' perijodu medju jew fit-tul jestimaw li l-ispiża tas-CCS sa l-2020 ser tammonta għal madwar EUR 20-30 għal kull tunnellata ta' CO2. Skond il-mudelli, l-ispejjeż tal-produzzjoni ta' l-enerġija bbażata fuq il-faħam bis-sistemi tas-CCS mistennija li jogħlew b'10 % jew li jibqgħu fuq il-livell attwali sa l-2020 jew ftit wara. |
3.10 |
L-impatti potenzjalment negattivi fuq l-ambjent mill-użu sostenibbli tal-karburanti fossili u tas-CCS ġejin prinċipalment mill-possibbiltà tat-tnixxija mill-ħażna tas-CO2. Tnixxija bħal din jista' jkollha impatt lokali (fuq il-bijosfera lokali) kif ukoll globali (fuq il-klima). Ir-rapport tal-Grupp Internazzjonali dwar il-Bidla fil-Klima kkonkluda madanakollu, li l-esperjenza preżenti f'dan il-qasam turi, li minn frazzjoni ta' CO2 maħżuna f'siti magħżula bir-reqqa u mmaniġġjata sew, l-ammont ta' CO2 li jifdal wara 100 sena probabbli jabeż id-99 %. L-għażla u l-immaniġġjar ta' dawn is-siti huma fatturi importanti ħafna sabiex jitnaqqas ir-riskju. L-evalwazzjoni ta' l-impatt tal-Kummissjoni, fil-kuntest tal-qafas legali, ser tidentifika r-riskji potenzjali u ser tipproponi l-miżuri adegwati tas-sigurtà. |
3.11 |
L-użu tat-teknoloġiji sostenibbli tal-karburanti fossili u b'mod partikolari tat-teknoloġiji tas-CCS mistenni li jagħti riżultati pożittivi sinifikanti. Huwa jista' jwassal għall-eliminazzjoni sa 90 % ta' l-emissjonijiet tal-karbonju mill-impjanti ta' l-enerġija bbażati fuq il-karburanti fossili. Dan ifisser tnaqqis globali fl-emissjonijiet tas-CO2 fl-UE-27, fejn l-emissjonijiet mistennija li jonqsu b'25-30 % sas-sena 2030 meta mqabbla mas-sena 2000. F'xenarju kkaratterizzat minn użu globali dejjem jikber tar-riżorsi tal-faħam, il-parteċipazzjoni minn kmieni ta' pajjiżi terzi fl-iżvilupp u t-tħaddim tat-teknoloġiji sostenibbli tal-faħam, b'mod partikolari tas-CCS, hija essenzjali għall-iżvilupp ekonomiku sostenibbli globali u għall-indirizzar tal-bidla fil-klima. Is-suċċess tat-teknoloġiji tal-faħam sostenibbli u b'mod partikolari l-kummerċjalizzazzjoni tas-CCS fuq skala kbira għandhom joffru aċċess aħjar għall-enerġija fl-ifqar partijiet tad-dinja fejn għandhom jiġu miċħuda mill-użu ta' din l-enerġija. |
4. Kummenti ġenerali
4.1 |
Il-KESE jilqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u jaqbel ma' l-analiżi u d-deskrizzjoni ppreżentati fid-dokument tal-Kummissjoni. Ir-risposta effettiva għar-riskji tal-bidla globali fil-klima filwaqt li fl-istess ħin tkompli tintlaqa' d-domanda għolja ta' l-ekonomiji maturi għall-enerġija u t-talbiet dejjem aktar jiżdiedu ta' l-ekonomiji li qedgħin jiżviluppaw, hija sfida internazzjonali sinifikanti. |
4.2 |
L-emissjonijiet tas-CO2 minn impjanti ta' l-enerġija bbażati fuq il-faħam fl-UE jirrappreżentaw 24 % ta' l-emissjonijiet ġenerali tas-CO2 (fl-UE). L-emissjonijiet mill-produzzjoni ta' l-enerġija fl-impjanti bbażati fuq il-karburanti fossili ġejjin l-aktar mill-unitajiet kbar tal-kombustjoni, minħabba l-konsum għoli tagħhom tal-karburanti, għalhekk dawn l-impjanti ta' l-enerġija huma s-siti l-aktar xierqa għall-installazzjoni tal-faċilitajiet tas-CCS. B'faċilitajiet CCS qiegħed jitfisser l-implimentazzjoni ta' sistemi għall-ġabra u l-ħażna permanenti tas-CO2. Dawn is-sistemi jikkonsistu fi tliet stadji indipendenti:
|
4.3 |
Wisq probabbli, matul is-snin li ġejjin, il-faħam ser jibqa' jagħmel parti mit-taħlita Ewropea ta' l-enerġija. L-attribwiti partikolari tal-faħam — id-disponibbiltà, il-prezz aċċessibbli u r-rwol tiegħu fl-istabbilizzazzjoni tas-swieq ta' l-enerġija — ikomplu jassiguraw li l-faħam ser jibqa' s-sors primarju għall-produzzjoni ekonomika ta' l-elettriku. Id-distribuzzjoni tar-riservi tal-faħam mhix ugwali la fid-dinja u l-anqas fl-UE. Il-fatt li l-akbar riservi tal-faħam jinstabu fl-aktar pajjiżi avvanzati u stabbli, kemm ekonomikament kif ukoll politikament, huwa wieħed pożittiv. Ir-riservi tal-pajjiżi żviluppati fl-UE tbattlu sew sforz perijodu twil ta' attività kbira fil-minjieri. Diversi pajjiżi fl-UE għażlu għalhekk li jibdew inaqqsu bil-mod il-mod il-qtugħ tal-faħam, saħansitra anka jwaqqfuh kompletament. |
4.4 |
Terz tal-pajjiżi ta' l-UE jistgħu jiddependu fuq il-faħam indiġenu, filwaqt li ż-żewġ terzi l-oħra jiddependu l-aktar fuq l-importazzjoni tal-faħam iebes. Fl-2006, il-qtugħ tal-faħam iebes fl-UE ammonta għal 161.6 miljun tunnelata filwaqt li 235.3 miljun tunnelata oħra ġew impurtati. Il-konsum tal-linjite laħaq it-373.8 miljun tunnelata fl-istess sena. Dan l-ammont ġie kopert minn riżorsi indiġeni. Għandhom għalhekk jiġu żviluppati u adottati mezzi vijabbli għat-tnaqqis sostanzjali ta' emissjonijiet speċifiċi tas-CO2 mill-produzzjoni ta' l-enerġija bbażata fuq il-faħam. |
4.5 |
It-teknoloġija bbażata fuq il-faħam għandha l-potenzjal li tnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2 b'mod sinifikanti. (3) Fuq il-perijodu qasir jew medju, dan jirrikjedi oqsfa regolatorji għas-suq li jinkoraġġixxu l-investiment f'teknoloġiji l-aktar reċenti li jtejbu l-effiċjenza fil-produzzjoni ta' l-elettriku mill-faħam sabiex b'hekk jitnaqqsu wkoll l-emissjonijiet tas-CO2. Hemm bżonn ukoll li l-Kummissjoni, il-gvernijiet u l-industriji ta' l-Istati Membri jikkollaboraw flimkien sabiex jitħeġġu koordinazzjoni globali tar-riċerka, l-iżvilupp u d-dimostrazzjoni ta' teknoloġiji nodfa tal-faħam, bħall-ġbir u l-ħażna tal-karbonju, li jwasslu għal kważi ebda emissjonijiet tas-CO2 mill-użu tal-faħam. |
4.6 |
Miżuri kummerċjali, ippruvati u ekonomikament effettivi għat-tneħħija u l-iżolament ta' l-emissjonijiet tas-CO2 minn impjanti bbażati fuq il-faħam għadhom ma jeżistux. Dan huwa qasam teknoloġiku li għadu qed jiżviluppa. Madanakollu, il-prospetti għall-iżvilupp u l-ikkummerċjalizzar tat-teknoloġiji taż-ZETs matul is-snin li ġejjin huma promettenti. L-installazzjonijiet tas-CCS fl-impjanti ta' l-enerġija huma mistennija li jnaqqsu l-effiċjenza fil-produzzjoni ta' l-enerġija minħabba l-konsum għoli ta' l-enerġija tagħhom. L-ammont ta' effiċjenza jiddependi mit-teknoloġija użata, it-teknoloġija preferuta ta' l-OXYFUEL tirrikjedi bejn 8 u 10 % ta' l-enerġija filwaqt li teknoloġiji oħra jirrikjedu aktar. Dan ifisser li għal kull MWh ta' provvista ta' l-enerġija ser ikun hemm bżonn ta' aktar karburant u ta' aktar effiċjenza tal-produzzjoni. L-installazzjonijiet futuri tas-CCS huma mistennija li jikkunsmaw aktar enerġija sabiex jitħaddmu. |
4.7 |
Sadanittant, it-titjib fl-effiċjenza ta' l-impjanti ta' l-enerġija bbażati fuq il-faħam, kemm dawk eżistenti kif ukoll dawk ġodda, huwa mezz ekonomiku ta' kif wieħed jista' jikkontrolla l-emissjonijiet tas-CO2. L-installazzjoni ta' l-aqwa teknoloġija kummerċjali disponibbli għandha tkun prijorità ewlenija fl-ippjanar ta' numru kbir ta' impjanti bbażati fuq il-faħam li jridu jinbnew fil-perijodu ta' żmien li ġej. Huwa ferm mixtieq li dawn l-unitajiet ta' l-enerġija, fejn possibbli, jiġu ddisinjati b'tali mod li jippermettu l-installazzjoni ekonomika tat-teknoloġija tas-CCS, meta din tkun disponibbli għall-użu kummerċjali. |
4.8 |
Il-KESE jikkonferma l-fehma tiegħu li l-iskala ta' l-isfida tal-limitazzjoni ta' l-emissjonijiet tfisser li s-sorsi kollha ta' l-enerġija u t-teknoloġija potenzjalment vijabbli, għandhom jiġu żviluppati sal-potenzjal prattiku u kummerċjali tagħhom. It-transizzjoni għall-użu ta' l-enerġija sostenibbli għandha rwol importanti għall-faħam, għall-karburanti fossili, għat-teknoloġiji nukleari u rinovabbli, u għall-konservazzjoni ta' l-enerġija, fejn kull wieħed minn dawn l-aspetti ser jagħti l-kontribut tiegħu, fi żmienu u sal-limitu ddettat mill-prattiċità teknika u l-prezz li jista' jintlaħaq tiegħu. |
4.9 |
Ikunu kemm ikunu promettenti l-istennijiet raġonevoli tas-CCS, l-istrateġiji u l-objettivi ta' politika għall-enerġija m'għandhomx jibdew jiġu adottati bħala “miżuri vinkolanti” minn issa, fuq il-premessa li fil-futur, it-teknoloġiji tas-CCS ser ikunu qegħdin joperaw kullimkien. |
5. Kummenti speċifiċi
5.1 |
Il-faħam għandu rwol importanti fil-produzzjoni ta' l-elettriku fl-Ewropa, madanakollu 70 % ta' l-elettriku li ġej mill-faħam huwa ġġenerat minn impjanti li ilhom jeżistu 'l fuq minn 20 sena. Iż-żieda fil-konsum ta' l-enerġija kif ukoll dawk l-impjanti ta' enerġija li waslu fl-aħħar taċ-ċiklu ekonomiku tagħhom,ser joħolqu l-bżonn ta' madwar 350 GW ta' kapaċità ġdida għall-produzzjoni ta' l-elettriku sa l-2020 u madwar 500 GW sa l-2030. Fl-UE, il-kalkulazzjoni ta' l-ispiża ta' l-impjanti bbażati fuq il-faħam u s-CCS hija bbażata fuq struttura ottimista ta' l-ispejjeż ta' impjant ġdid ta' l-enerġija, b'kapaċità ta' 300 MW u li jiswa EUR 500 miljun (madwar EUR 1.7 miljun għal kull MW installat). L-installazzjoni tas-CCS f'impjant modern ta' l-enerġija mibni sa l-2020, tirrikjedi bejn EUR 0.5 u 0.7 miljun għal kull MW installat u l-ispiża ta' l-installazzjoni fil-faċilitajiet eżistenti tirrikjedi somma akbar, ta' EUR 1 miljun għal kull MW installat. Sabiex sa l-2030, 500 GW tal-kapaċità ta' l-enerġija tkun qiegħda tiġi ġġenerata permezz ta' l-aktar teknoloġiji avvanzati tas-CCS, l-ispiża mistennija tammonta għal EUR 600-800 biljun. |
5.2 |
Il-KESE japprezza li fuq perijodu fit-tul, wara l-2020, il-ġabra u l-ħażna tas-CO2 għandhom joffru potenzjal tajjeb għall-kisba ta' kważi ebda emissjonijiet tas-CO2 minn impjanti ta' l-enerġija bbażati fuq il-faħam. Sabiex dan ikun jista' jseħħ hemm il-bżonn immedjat għal azzjoni kkoordinata fir-rigward tar-riċerka, l-iżvilupp u d-dimostrazzjoni. |
5.2.1 |
Fis-snin li ġejjin, l-effiċjenza fil-kombustjoni tal-faħam, permezz ta' l-użu dejjem jikber tat-teknoloġiji moderni fl-impjanti ta' l-enerġija bbażati fuq il-faħam, tista' twassal għal tnaqqis ekonomiku fl-emissjonijiet tas-CO2. |
5.2.2 |
Dawn l-istrateġiji huma mibnija fuq soluzzjonijiet tekniċi li għad iridu jiġu ppruvati: l-użu ta' teknoloġiji moderni u effiċjenti għall-produzzjoni ta' l-elettriku bbażata fuq il-faħam jista' jwassal għal ġbir orħos tal-karbonju, dejjem jekk meta teknoloġiji bħal dawn isiru disponibbli għall-użu kummerċjali, l-unitajiet ta' l-enerġija jkunu maħsuba sabiex jippermettu din il-ġabra ekonomika tal-karbonju. |
5.2.3 |
Is-Seba' Programm Qafas jipprevedi li t-trasformazzjoni radikali tas-sistema ta' l-enerġija għal sistema li twassal għal anqas jew kważi l-ebda emissjonijiet tas-CO2 u li tkun sigura, kompetittiva u sostenibbli, tirrikjedi teknoloġiji u materjali ġodda, ta' liema r-riskji għadhom wisq għolja u l-profitt ferm inċert, sabiex il-kumpaniji privati jipprovdu l-investiment neċessarju kollu għar-riċerka, l-iżvilupp u d-dimostrazzjoni li jwasslu għall-użu tagħhom. Is-CCS u l-Faħam Nadif jagħmlu parti mill-baġit tas-Seba' Programma Qafas għall-Enerġija, li jammonta għal EUR 2350 miljun għall-perijodu 2007-2013. |
5.2.4 |
Hemm bżonn li jitfisser sew il-kunċett “capture-ready”. Implimentazzjoni b'suċċess titlob li r-regolaturi u l-industrija jaħdmu flimkien — is-swieq kummerċjali ma jistgħux iwettqu l-ħidma tagħhom mingħajr oqsfa ta' politika adegwati u stabbli. |
5.2.5 |
Il-KESE jara bżonn urġenti għal żieda fil-kapaċità ta' l-impjanti ta' l-enerġija u l-modernizzazzjoni tagħhom. Fil-kuntest taż-żieda ppjanata fid-dipendenza fuq l-enerġija impurtata, li mistennija togħla b'69 % sa l-2030, taħlita ta' enerġija diversifikata hija indispensabbli għal raġunijiet ta' sigurta fil-provvista ta' l-enerġija. L-istabbilizzazzjoni tas-sehem tal-faħam fil-produzzjoni ta' l-enerġija tista' tagħti kontribut ċentrali għas-sigurtà tal-provvista ta' l-enerġija ta' l-UE. |
5.2.6 |
Permezz ta' aktar effiċjenza fil-qasam ta' l-impjanti ta' l-enerġija u ta' l-iżvilupp ta' teknoloġiji għall-kważi ebda emissjoni, il-faħam ser jikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-miżuri preskritti għall-protezzjoni preventiva tal-klima. Fl-istabbilizzazzjoni tar-regoli dwar l-iskambju ta' l-emissjonijiet f'kull Stat Membru, għandha tingħata importanza lit-titjib fl-effiċjenza li biha jistgħu jitnaqqsu l-gassijiet b'effett serra. |
5.2.7 |
Hemm bżonn tas-simplifikazzjoni u ta' l-armonizzazzjoni gradwali tal-proċeduri ta' liċenzar, permezz tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali sabiex, sa fejn huwa possibbli, jitnaqqsu l-iskadenzi importanti għat-twettiq tal-proġetti ta' kostruzzjoni, u dan mingħajr ma tiġi kompromessa l-osservazzjoni ta' l-ogħla standards tas-sigurtà. |
5.3 |
Il-KESE jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li minkejja li l-faħam huwa l-aktar karburant importanti għall-produzzjoni ta' l-elettriku u element indispensabbli għall-produzzjoni ta' l-azzar u għall-proċessi industrijali oħra, dan ser ikollu wkoll rwol importanti fil-qadi tal-bżonnijiet futuri ta' l-enerġija permezz tat-transizzjoni għall-ekonomija ta' l-idroġenu. Il-likwefazzjoni tal-faħam tippermetti li dan jiġi użat minflok iż-żejt mhux raffinat. Il-gass sintetiku jista' wkoll jiġi prodott mill-faħam. Eventwalment, teknoloġiji u applikazzjonijiet bħal dawn ser ikollhom rwol importanti f'taħlita ta' l-enerġija sostenibbli. L-abbozz tal-Kummissjoni ma jitrattax dawn l-aspetti importanti ta' l-użu preżenti u futur tal-faħam. |
5.4 |
Minħabba d-dibattitu attwali intens dwar l-użu tal-faħam fis-snin li ġejjin, twarrbu l-kwistjonijiet dwar l-estrazzjoni tal-faħam. Madanakollu, jibqa' neċessarju qafas politiku u ekonomiku adattat għall-estrazzjoni tal-linjite indiġena u tal-faħam iebes. L-estrazzjoni u t-trasformazzjoni ta' l-enerġija jistgħu jagħtu kontribut sinifikanti għall-prosperità lokali u l-impjieg. Meta jinħaraq il-faħam indiġenu, il-valur miżjud ta' l-estrazzjoni, tat-trasformazzjoni u tad-distribuzzjoni jibqgħu fi ħdan l-UE. Jekk jintuża ż-żejt jew il-gass, madwar 75 % tal-prezz huwa meħtieġ sabiex jiġu koperti l-ispejjeż ta' l-importazzjoni. |
5.5 |
Fid-dawl tas-sitwazzjoni soċjali ta' l-Istati Membri l-ġodda, huwa importanti ħafna li jinżamm il-livell attwali ta' enerġija ġġenerata (u bbażata fuq il-faħam) mill-karburanti fossili: minn 286,500 ħaddiem fl-industrija tal-qtugħ tal-faħam ta' l-UE, dik fl-Istati Membri l-ġodda timpjega 212,100 ħaddiem. Il-kundizzjonijiet ferm diffiċli tal-ħaddiema tal-minijieri fl-UE kollha jridu jiġu kkunsidrati b'responsabbiltà. |
5.6 |
It-tnaqqis fin-numru ta' żoni tal-qtugħ tal-faħam għal raġunijiet ta' pjanar reġjonali kif ukoll il-piż tar-regoli tal-protezzjoni ta' l-ambjent, ħafna drabi wasslu għal dewmien bla bżonn u piż miżjud fuq il-minjieri. Il-lok tar-riservi u l-mobilità fl-operat tal-minjieri fl-estrazzjoni tal-materji primi huma sfidi partikolari li jiltaqa' magħhom dan is-settur meta mqabbel ma' setturi industrijali oħra. Din is-sitwazzjoni speċifika trid titqies b'mod speċjali meta jiġi sabiex jinħoloq qafas legali għall-kwistjonijiet ambjentali bħal-leġislazzjoni dwar l-iskart, il-leġislazzjoni dwar il-protezzjoni tal-ħamrija u l-leġislazzjoni dwar l-ilma. |
5.7 |
Il-KESE huwa wkoll tal-fehma li fir-rigward ta' l-iżvilupp tat-teknoloġiji CCS u ż-żmien li fih dan jista' jitwettaq, il-pożizzjoni li ħadet il-Kummissjoni f'dan id-dokument kif ukoll l-iskadenza huma ottimisti. Anke jekk il-prinċipji huma magħrufa, soluzzjoni teknoloġika madanakollu tirrikjedi ħafna żmien u l-ebda kisba ġdida f'dan il-qasam ma tista' tpatti għax-xogħol kontinwu u intens li jrid iseħħ fl-implimentazzjoni ta' dan il-kunċett. Il-Kummissjoni għanda tiffoka fuq miżuri ġodda li jassiguraw li fl-2015 jkunu qegħdin jitħaddmu bejn 10 u 12-il impjant ta' dimostrazzjoni, u għandha toħloq ukoll qafas serju għas-CCS li jiġbor fih ir-riskji prinċipali u fl-istess ħin ma jkunx strinġenti żżejjed. Stadju intermedjarju fil-produzzjoni ta' aktar effiċjenza huwa ferm mixtieq, u għaġla żejda u qafas regolatorju strinġenti jistgħu jkunu ta' ħsara serja għal dan il-kunċett hekk importanti. |
5.8 |
Il-KESE jsejjaħ ukoll għal riċerka intensiva u żvilupp fil-qasam tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli u alternattiva, li għandhom jikkontribwixxu għal taħlita sikura ta' l-enerġija Ewropea. Fl-istess waqt, is-suq integrat ta' l-enerġija ta' l-UE għandu jiddaħħal fis-seħħ mingħajr dewmien eċċessiv. |
Brussell, is-27 ta' Settembru 2007.
Il-President
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Dimitris DIMITRIADIS
(1) IPCC, 2005: Rapport Speċjali ta' l-IPCC dwar il-Ġabra u l-Ħażna tad-Dijossidu Karboniku tħejja mill-Grupp ta' Ħidma III tal-Grupp Internazzjonali dwar il-Bidla fil-Klima [Metz, B., O. Davidson, H. C. de Coninck, M. Loos, and L. A. Meyer (eds.)]. Cambridge University Press, Cambridge, ir-Renju Unit u New York, NY, USA, 442 pp.
(2) ĠU C 318 tat-23.12.2006, pġ. 185-194.
(3) IPCC, 2005: Rapport Speċjali ta' l-IPCC dwar il-Ġabra u l-Ħażna tad-Dijossidu Karboniku tħejja mill-Grupp ta' Ħidma III tal-Grupp Internazzjonali dwar il-Bidla fil-Klima [Metz, B., O. Davidson, H. C. de Coninck, M. Loos, and L. A. Meyer (eds.)]. Cambridge University Press, Cambridge, ir-Renju Unit u New York, NY, USA, 442 pp.