|
15.1.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
C 10/22 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Pjan ta' Azzjoni għall-Effiċjenza fl-Użu ta' l-Enerġija: Inwettqu l-Potenzjal”
COM(2006) 545 finali
(2008/C 10/08)
Nhar id-19 ta' Ottubru 2006, il-Kummissjoni ddeċiediet, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Pjan ta' Azzjoni għall-Effiċjenza fl-Użu ta' l-Enerġija: Inwettqu l-Potenzjal.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà ta' l-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-5 ta' Settembru 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Iozia.
Matul l-438 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-27 ta' Settembru 2007, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'145 vot favur, vot wieħed kontra u 3 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1 |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jilqa' u jappoġġja l-miżuri proposti mill-Kummissjoni. L-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija hija l-iktar qasam importanti u primarju fejn jistgħu jitwettqu l-għanijiet imressqa fil-Politika dwar l-Enerġija għall-Ewropa (PEE) — li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra, li jiġi miġġieled it-tisħin globali, li titnaqqas id-dipendenza fuq pajjiżi barra l-UE u li titħares il-kompetittività tas-sistema Ewropea, filwaqt li l-provvista ta' enerġija tibqa' aċċessibbli finanzjarjament. |
|
1.2 |
Fid-dawl tar-rapport reċenti ta' l-IPCC (Intergovernmental Panel on Climate Change — Pjattaforma Intergovermentali dwar il-Tibdil fil-Klima), il-KESE jikkunsidra li din il-mira hija realistika, minkejja li jħoss li għandhom isiru l-isforzi kollha possibbli għat-tnaqqis fil-konsum ta' l-enerġija u li teknikament joħolqu ffrankar aċċessibbli ta' 'l fuq minn 20 %. Il-mira timxi id f'id mal-pjanijiet nazzjonali ta' azzjoni, li kollha jirriflettu kondizzjonijiet finanzjarji u tekonoloġiċi differenti, sabiex tiġi assigurata distribuzzjoni ġusta ta' l-objettivi fost l-Istati Membri fir-rigward tal-potenzjal tagħhom. Ser jenħtieġ it-twaqqif ta' miri intermedjarji, li għandhom jintlaħqu sal-2012 u l-2016 per eżempju, sabiex jistgħu jissaħħu l-miżuri jekk il-progress ikun batut wisq. |
|
1.3 |
Il-KESE jissuġġerixxi lill-Kummissjoni li jinfetaħ dibattitu speċifiku dwar “l-istili tal-ħajja” u “l-kwalità tal-ħajja”. Il-KESE jistaqsi lill-Kummissjoni jekk temminx li verament ser ikun possibbli li jiġi ppreservat l-istess stil tal-ħajja għal ġenerazzjonijiet futuri, b'żieda kemm fil-konsum kif ukoll fl-emissjonijiet. Peress li dan m'huwiex possibbli, l-isfida tista' tintlaħaq biss b'azzjoni deċiża, kuraġġuża u f'waqtha. Il-problema tinsab f'li tiġi aċċettata l-ħtieġa li jitwaqqaf l-effett ta' riperkussjoni li jirriżulta f'iffrankar ta' l-enerġija li jġib miegħu żieda immedjata fil-poter ta' akkwist taċ-ċittadin li jintuża sabiex jiffinanzja konsum addizzjonali. |
|
1.4 |
Il-KESE jissuġġerixxi li għandha tiżdied azzjoni ta' prijorità oħra: li jiġu introdotti netwerks distrettwali tat-tisħin u t-tkessiħ sabiex b'hekk jiġi evitat li tintilef 33 % ta' enerġija primarja fl-istadju ta' trasformazzjoni. |
|
1.5 |
Il-KESE jirrakkomanda li jittieħdu inizjattivi prijoritarji, bħall-ħolqien u l-iżvilupp ta' tipi ġodda ta' impjieg relatati mas-settur ta' l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija, id-disseminazzjoni ta' servizzi ta' l-enerġija ġodda, integrati, l-utilizzazzjoni tar-Riċerka u l-Iżvilupp, l-iżvilupp ta' riċiklaġġ u r-rimi ta' l-iskart urban solidu, li joffri bosta applikazzjonijiet potenzjali, u l-promozzjoni ta' inizjattivi tar-Responsabilità Soċjali Korporattiva (CSR). L-inċentivizzazzjoni ta' l-istudju ta' l-Enerġija fl-ambitu ta' l-edukazzjoni għolja u universitarja hija ta' importanza primarja. |
|
1.6 |
Ser ikun hemm bżonn ta' żieda fil-persunal tal-Kummissjoni għall-ħidma fuq l-implimentazzjoni tal-75 miżura stabbiliti fil-Pjan ta' Azzjoni, il-monitoraġġ u l-analisi ta' l-effikaċja tal-medda sħiħa ta' strumenti proposti. Il-persunal ser ikollu jissorvelja l-iżvilupp ta' dawn l-attivitajiet. Il-KESE jirrakkomanda li hemm bżonn li ssir analisi eżawrjenti u li jiġu assenjati r-riżorsi umani u finanzjarji suffiċjenti. |
|
1.7 |
Il-KESE jemmen li għandha tissaħħaħ il-ħila ta' l-UE, li fir-relazzjonijiet internazzjonali tagħha, titkellem b'vuċi waħda dwar l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija. Għal dan il-għan, huwa jirrakkomanda li l-Kummissjoni tevalwa jekk it-Trattati għandhomx bżonn li jiġu emendati sabiex tissaħħaħ ir-rappreżentazzjoni esterna konġunta, filwaqt li l-Istati Membri jibqgħu liberi li jiddeċiedu fuq l-aħjar taħlita ta' l-enerġija għall-ħtiġijiet tagħhom. |
|
1.8 |
Fir-rigward ta' politiki fiskali li jappoġġjaw l-investiment għall-kisba ta' l-objettivi tal-Pjan ta' Azzjoni, il-KESE jirrakkomanda li dawn il-politiki jqisu l-iktar gruppi vulnerabbli soċjali, il-persuni qiegħda, il-pensjonanti u l-ħaddiema. Kwalunkwe “taxxi ta' l-enerġija” jew inċentivi fiskali għandhom iħarsu lil dawn il-gruppi. |
|
1.9 |
Il-KESE jikkundanna n-nuqqas ta' koordinazzjoni adegwata tal-politiki tat-trasport u l-enerġija; dawn, flimkien mal-politiki ambjentali u industrijali, jindirizzaw tħassib kif ukoll bżonnijiet tekniċi u industrijali li huma komplementari b'mod neċessarju. Il-KESE huwa kkunċernat, u bir-raġun, li minħabba dan in-nuqqas ta' koordinazzjoni, id-dokument tal-Kummissjoni mhux ser ikun effettiv daqs kemm setgħa jkun. |
|
1.10 |
Il-bini residenzjali huwa l-qasam ewlieni ta' prijorità. Il-potenzjal għall-iffrankar huwa għoli ħafna sakemm jiġu indirizzati numru ta' punti ewlenin, bħall-ħtieġa għal tnaqqis qawwi fil-piżijiet fiskali li jinħolqu minn miżuri li jtejbu l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija, it-tneħħija tal-burokrazija (liċenzji, permessi), u l-fondi pubbliċi għall-iżvilupp tal-ħiliet u taħriġ aħjar għall-operaturi. Il-bini residenzjali li jkun ingħata ċertifikat ta' l-iffrankar ta' l-enerġija għandu jibbenefika minn ħelsien mit-taxxa jew, fejn is-sid ma jkollux dħul taxxabbli, bonus ta' l-enerġija li jista' jintuża għall-provvista ta' l-enerġija. Għandhom jiġu pprovduti tariffi preferenzjali meta l-konsum annwali jaqa' taħt ċertu livell. L-industrija tal-bini u dawk kollha li jaħdmu fiha għandhom bżonn ta' taħriġ dwar x'jista' jsir sabiex jinkisbu livelli ħafna ogħla ta' effiċjenza fil-bini u inċentivi ġodda sabiex jinkisbu dawn il-livelli. |
|
1.11 |
Il-KESE jemmen li l-finanzjament ta' l-investimenti neċessarji għandu jinqasam bejn is-setturi pubbliċi u privati. Fid-dawl tas-suċċess ta' numru ta' skemi li diġà tnedew f'xi Stati Membri, jistgħu jiġu introdotti fondi speċjali b'mod iktar imferrex, fejn tintuża parti żgħira tal-profitti mill-intrapriżi li joperaw fis-settur, filwaqt li jiġu evitati żidiet fil-prezzijiet għall-konsumaturi aħħara, jew tnaqqis fl-investimenti kbar fil-qasam tal-produzzjoni. |
|
1.12 |
Il-KESE jħoss li huwa essenzjali li jiġu involuti s-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem, tat-trade unions u ta' l-ambjent f'din l-isfida ewlenija. Huwa biss jekk ikun hemm bidla fl-imġiba kollettiva fil-livell l-iktar qrib taċ-ċittadin, flimkien ma' żieda fl-għarfien u l-kuxjenza, li ser ikun possibbli li jinkisbu riżultati viżibbli, peress li l-konsumaturi aħħara huma fil-fatt il-konsumaturi primarji ta' l-enerġija. L-użu ta' l-enerġija fil-bini residenzjali, fit-trasport privat u fl-attivitajiet tax-xogħol jiddependi direttament mill-individwi. L-edukazzjoni fl-“użu responsabbli ta' l-enerġija” hija essenzjali, mill-kindergarten 'il quddiem. Is-soċjetà kollha għandha timpenja ruħha f'dan l-isforz, li huwa u għandu jsir simbolu universali ta' soċjetà ċivilizzata ġdida. Kull Ewropew għandu jħoss li qiegħed jagħmel il-parti tiegħu f'din it-tellieqa ta' l-iffrankar, sabiex il-ġenerazzjonijiet futuri jkunu jistgħu jgawdu l-wirt naturali li bħalissa jinsab mhedded sew mit-tniġġis u mit-tibdil fil-klima. |
|
1.13 |
Il-KESE jenfasizza s-suċċessi li nkisbu mill-industrija ta' l-għodod domestiċi permezz tat-tikkettar. L-iffrankar sa 70 % fil-każ tal-friġġijiet u 60 % fil-każ tal-magni tal-ħasil juri kemm huwa effettiv dan il-metodu. Il-KESE jsejjaħ għall-użu tad-disinn “eco” sabiex dan jiġi estiż għall-bini pubbliku, id-djar residenzjali u s-setturi tat-trasport pubbliku u privat ukoll, jiġifieri dawk is-setturi b'użu għoli ħafna ta' l-enerġija ('il fuq minn 70 % ta' l-użu totali ta' l-enerġija). |
|
1.14 |
In-nuqqas ta' effiċjenza fl-istadji tal-ġenerazzjoni, it-trasmissjoni u t-tqassim jistħoqqlu iktar attenzjoni. Iktar minn terz ta' l-enerġija — 480 miljun tunnellata ta' ekwivalenza taż-żejt — hija mitlufa. Dan it-telf ta' enerġija jista' jitnaqqas minn 'il fuq minn 10 % għal 3 % ta' dawl għal kull 1 000 km permezz ta' trasmissjoni ta' vultaġġ għoli u kurrent kontinwu. Barraminhekk, it-trasmissjoni b'kurrent kontinwu tippreżenta wkoll vantaġġi f'termini ta' espożizzjoni tal-popolazzjoni għaż-żoni elettriċi u manjetiċi, u telimina l-emissjonijiet ta' sinjali elettro-manjetiċi assoċjati mat-trasmissjoni ta' kurrent li jalterna. |
|
1.15 |
Fid-dawl tar-riżultati eċċellenti li qegħdin jinkisbu fil-qasam ta' l-enerġija termali tax-xemx, il-KESE jsejjaħ lill-Kummissjoni u l-Kunsill sabiex iħeġġu u jappoġġjaw it-tixrid ta' din it-teknoloġija. |
|
1.16 |
Il-KESE japprova l-mira tal-Kummissjoni ta' żieda fl-iżvilupp ta' l-impjant CHP, minkejja li jħoss li l-adozzjoni ta' regolamenti standard għall-kejl ta' l-effiċjenza ta' dawn l-impjanti għandha titħaffef. Il-KESE jemmen li jkun utli li jsir investiment fi programmi li jqassmu t-triġenerazzjoni li tista' titmexxa mill-bijomassa. Unitajiet ta' mikroġenerazzjoni (Direttiva 2004/8/KE — unitajiet b'kapaċità installata ta' inqas minn 50 kW) għandhom jitħeġġu: għandhom jiġu inklużi fil-programmi li jipprovdu inċentivi għall-iffrankar ta' l-enerġija u t-tnaqqis ta' l-impatt fuq l-ambjent u integrati iktar faċilment fil-grids nazzjonali bħala parti mill-iżvilupp tat-tqassim tal-ġenerazzjoni. Madankollu, għandu jitprovda appoġġ għall-intrapriżi sabiex ikopru l-ispejjeż addizzjonali tal-bidla fil-grids ta' trasmissjoni attwali li ġġib magħha s-sistema. |
|
1.17 |
Is-swieq tal-gass u l-elettriku għadhom m'humiex liberalizzati kompletament. L-intrapriżi li jiġġestjonaw il-monopolji tekniċi għandhom ikunu separati legalment minn dawk l-intrapriżi li joperaw f'sistema ta' kompetizzjoni ħielsa. |
|
1.18 |
Il-KESE jħoss li l-introduzzjoni ta' miters elettroniċi tista' tkun ta' benefiċċju u tipprovdi sistema ta' ġestjoni ta' tqassim remot ta' l-enerġija u tottimizza l-ġestjoni tal-piż tal-grid. Dawn il-miters huma rikonoxxuti bħala strumenti adattati li jikkonformaw mal-ħtiġijiet stabbiliti minn direttivi Ewropej dwar l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija. |
|
1.19 |
Is-settur tat-trasport ħadem ħafna sabiex jitnaqqas l-użu ta' l-enerġija u l-emissjonijiet li jniġġsu. Madankollu, iż-żieda kostanti fl-emissjonijiet tas-CO2 sforz użu aktar għoli tat-trasport privat, b'mod partikulari, iżda wkoll mill-modi l-oħra tat-trasport, issejjaħ għal sforz addizzjonali (emissjonijiet CO2 mit-trasport bit-triq għolew b'26 % bejn l-1990 u l-2004). Il-Kummissjoni qiegħda tanalizza bir-reqqa l-evalwazzjoni ta' l-impatt fir-rigward ta' l-adozzjoni tal-proċeduri tal-leġislazzjoni għall-kisba tal-mira ta' 120 g ta' CO2. Il-KESE jirrakkomanda li jiġu adottati l-miżuri kollha neċessarji għall-kisba ta' l-objettiv filwaqt li jiġi assigurat, b'mod partikulari, li dawn il-miżuri huma loġiċi u vijabbli kemm f'termini tekniċi kif ukoll ta' produzzjoni. |
|
1.20 |
Il-KESE josserva li s-sostituzzjoni fuq skala kbira ta' karburanti fossili bi bijokarburanti ser iġġib magħha r-riskju li l-produzzjoni tal-karburant ser tiġi f'kompetizzjoni mal-produzzjoni ta' l-ikel fir-rigward ta' l-allokazzjoni ta' art għammiela għal użi differenti. Il-prezz ta' l-ikel jista' mbagħad jogħla sabiex jilħaq il-prezz tal-produzzjoni ta' l-enerġija, li min-naħa tagħha timxi mal-prezzijiet tal-karburanti fossili, li effettivament ser tpoġġi lis-sewwieqa min-nord f'kompetizzjoni (1) man-nies li jbat l-ġuħ fis-sud. |
|
1.21 |
Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-inċentivi u l-istrateġiji ta' finanzjar u taxxa proposti mill-Kummissjoni, b'mod partikulari li jinvolvu l-Bank Ewropew għall-Investiment (BEI) u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ). Huwa jappoġġja wkoll passi li jżidu l-għarfien tas-settur bankarju Ewropew dwar il-bżonn li jiġi pprovdut appoġġ finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali għall-enerġija. Il-KESE jsejjaħ għall-konferenza dwar l-iffinanzjar ta' l-effiċjenza ta' l-użu ta' l-enerġija sabiex titqajjem kuxjenza fost il-partijiet interessati u s-settur bankarju Ewropew jitħeġġeġ jieħu sehem fi proġett ewlieni għall-modernizzar ta' l-ekonomija Ewropea. |
|
1.22 |
Il-KESE jappoġġja l-ħolqien tal-“Patt tas-Sindki” iżda jħoss li l-mira li jinġabru flimkien l-20 belt prinċipali Ewropea m'hijiex ambizzjuża biżżejjed. Il-mira għandha tkun ħafna ogħla u l-kompetenza lokali għandha tintuża b'mod iktar effettiv. Mod eċċellenti li jgħaqqad lill-amministraturi lokali inkarigati mill-politika tat-trasport urban ma' dawk inkarigati mill-attivitajiet fid-distrett u li għandhom impatt dirett fuq il-pubbliku, jista' jkun it-tnedija ta' portal, jew forma oħra ta' komunikazzjoni, iddedikat għall-iskambju ta' l-esperjenza bejn il-bliet ta' l-UE, fejn jgħixu 'l fuq minn 80 % tal-popolazzjoni ta' l-UE. |
|
1.23 |
Il-KESE jiddispjaċih li l-Pjan ta' Azzjoni ma jqisx ir-rwol ewlieni li għandhom jaqdu l-imsieħba soċjali u d-djalogu soċjali fil-livelli kollha fl-evalwazzjoni, il-promozzjoni u l-iżvilupp ta' politiki ta' l-iffrankar ta' l-enerġija. Il-KESE jsejjaħ lill-Kummissjoni sabiex tieħu passi sabiex tħeġġeġ l-inkorporazzjoni tal-kwistjonijiet tas-sostenibilità ambjentali fil-livelli varji ta' l-istrutturi eżistenti tad-djalogu soċjali, partikularment fid-djalogu settorjali u fil-Kunsill Ewropew għax-xogħolijiet. L-organizzazzjonijiet tat-trade unions għandhom rwol ewlieni x'jaqdu fit-titjib ta' l-għarfien u l-kuxjenza fil-livell Ewropew u nazzjonali, li jgħin fit-tixrid ta' l-aħjar prattiċi. |
|
1.24 |
Huwa importanti li l-kwistjoni ta' l-iffrankar ta' l-enerġija tmur id f'id ma' prattiċi tajbin tar-responsabilità soċjali korporattiva, partikularment fl-organizzazzjonijiet multi-nazzjonali; hemm bżonn ta' djalogu soċjali intensiv sabiex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet kollha relatati ma' l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija. |
|
1.25 |
Id-dimensjoni internazzjonali tal-kwistjoni taż-żieda fl-intensità ta' l-użu ta' l-enerġija hija enfasizzata sew mill-Kummissjoni. Il-KESE jappoġġja l-proposti għall-isħubija u t-tfassil ta' Ftehim Internazzjonali ta' Qafas. Fir-rigward tal-konferenza internazzjonali ppjanata dwar l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija, il-KESE jwissi kontra n-nuqqas ta' kunsiderazzjoni tal-bżonn li jiġu involuti pajjiżi mill-programmi ta' l-AKP, l-Euromed u l-PEV (Politika Ewropea tal-Viċinat). Il-kooperazzjoni internazzjonali hija essenzjali għall-ksib ta' żvilupp sostenibbli ta' suċċess, u għandhom isiru sforzi diplomatiċi sabiex sal-2009 jintlaħaq protokoll internazzjonali ta' wara Kyoto, permezz tal-konferenza li ser issir f'Bali din is-sena. |
2. Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni
|
2.1 |
Il-Kummissjoni ħarġet il-Komunikazzjoni bl-isem ta' Pjan ta'Azzjoni għall-Effiċjenza fl-Użu ta' l-Enerġija: Inwettqu l-Potenzjal fuq l-istruzzjonijiet tal-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2006, li approva r-rakkomandazzjonijiet imressqa fil-Green Paper dwar Strateġija Ewropea għal Enerġija Sostenibbli, Kompetittiva u Sigura. |
|
2.2 |
L-għan tal-proposti miġbura fil-qosor fil-Komunikazzjoni huwa li jinkiseb iffrankar ta' 'l fuq minn 20 % sal-2020 skond l-użu mistenni, billi nassumu ċertu rata ta' tkabbir tal-PGD u mingħajr l-ebda intervenzjoni addizzjonali. Jekk jiġi implimentat, il-pjan jista' jfisser iffrankar sa 390 miljun tunnellata ta' ekwivalenza taż-żejt kull sena u l-emissjonijiet CO2 jitnaqqsu b'780 miljun tunnellata fis-sena. Il-miżuri proposti għandhom jassiguraw tnaqqis fl-użu globali ta' 1 % fis-sena, b'rata ta' tkabbir tal-PGD ta' 2.3 % li, mill-banda l-oħra, jekk ma jkun hemm l-ebda intervenzjoni ġdida, tfisser żieda fl-użu ta' 0.5 % fis-sena. L-ispiża ta' dan l-investiment għandha tiġi kkumpensata mill-iffrankar tal-karburant annwali ta' madwar EUR 100 biljun. |
|
2.3 |
Id-dibattitu mqanqal mill-Green Paper dwar l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija intitolata “Nagħmlu Iktar b'Inqas” wassal għall-proposta ta' medda kumplessa iżda koerenti ta' 75 miżura li tkopri l-oqsma kollha tal-potenzjal ta' l-iffrankar ta' l-enerġija. Is-setturi għal azzjoni prijoritarja huma s-settur tal-bini u s-settur tat-trasport, li jikkonsma l-maġġoranza tal-prodotti taż-żejt. Madankollu, għandha tingħata daqstant attenzjoni lill-iffrankar li jista' jsir fil-produzzjoni, it-trasmissjoni u t-trasformazzjoni ta' l-enerġija u fl-industrija. |
|
2.4 |
Il-pjan tal-Kummissjoni jressaq azzjonijiet immedjati u azzjonijiet oħra fuq perijodu fit-tul li għandhom jittieħdu matul medda ta' sitt snin. Pjan ta' azzjoni addizzjonali ser ikun neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta' l-iffrankar ta' 20 % sal-2020. |
|
2.5 |
B'ħarsa lejn il-potenzjal ta' l-iffrankar, jidher li l-iffrankar huwa possibbli fis-setturi ta' l-aħħar użu, inkluż 25 % fl-industrija tal-manifattura, fejn it-tagħmir periferali bħal muturi, fannijiet u dawl joffru l-ikbar potenzjal għall-iffrankar; 26 % għat-trasport, it-tisħiħ tal-komodalità u bidla lejn modi oħra ta' trasport identifikati fil-White Paper dwar it-Trasport; u 27 % fis-settur residenzjali, minħabba l-insulazzjoni tal-ħitan u s-soqfa, titjib fid-dawl u għodod domestiċi iktar effiċjenti; filwaqt li għal bini kummerċjali titjib globali fis-sistemi tal-ġestjoni ta' l-enerġija jista' jwassal għal iffrankar sa 30 %. |
|
2.6 |
Titjib fl-intensità ta' l-użu ta' l-enerġija ta' 1.8 % jew 470 miljun tunnellata ta' ekwivalenza taż-żejt huma mistennija minħabba bidliet strutturali, l-effetti ta' politiki preċedenti u l-introduzzjoni ta' teknoloġiji ġodda. Dan ifisser li t-tnaqqis globali ta' l-intensità fl-użu ta' l-enerġija, inkluż l-20 % mistennija mill-miżuri ġodda proposti (1.5 %, jiġifieri 390 miljun tunnellata ta' ekwivalenza taż-żejt għall-perijodu 2005-2020) għandu jkun ta' 3.3 % fis-sena. B'kumpens għal rata ta' tkabbir tal-PGD stmata ta' 2.3 % fis-sena, l-iffrankar totali ta' l-enerġija għalhekk ser ikun ta' 1 % fis-sena. |
|
2.7 |
Il-Pjan ta' Azzjoni ser jipprovdi benefiċċji fil-qasam tal-protezzjoni ambjentali. It-tnaqqis fl-importazzjoni tal-karburanti fossili ser ifisser inqas dipendenza fuq pajjiżi terzi, u industrija ta' l-UE li tħalli iktar qligħ u li hija iktar kompetittiva, minħabba l-innovazzjoni teknoloġika msaħħa mill-proċessi mnedija, b'effetti pożittivi għall-impjieg. |
|
2.8 |
Il-pjan huwa mibni fuq 10 azzjonijiet ta' prijorità urġenti, u l-Kummissjoni ssejjaħ lill-Istati Membri, lill-awtoritajiet lokali u reġjonali u lill-partijiet interessati kollha sabiex jimplimentaw miżuri addizzjonali sabiex jinkisbu riżultati aħjar. Ġew stabbiliti miżuri settorjali kif ukoll orizzontali. |
|
2.9 |
Il-miżuri jiffokaw fuq il-bżonn li jiġu stabbiliti l-ħtiġijiet għal prestazzjoni dinamika ta' l-enerġija; li tittejjeb l-effiċjenza tal-kapaċità ta' ġenerazzjoni ġdida u eżistenti u li jitnaqqas it-telf mit-trasmissjoni u t-tqassim fis-settur tat-trasformazzjoni ta' l-enerġija; u li jiġi adottat approċċ olistiku għas-settur tat-trasport. |
|
2.10 |
Il-Pjan Strateġiku għat-Teknoloġija ta' l-Enerġija, li għandu jiġi adottat fl-2007, ser iwassal għal titjib fil-qasam ta' l-effiċjenza. |
|
2.11 |
Jeħtieġ li tingħata attenzjoni lis-“sinjali tal-prezzijiet” billi dawn iżidu l-kuxjenza globali. Barraminhekk, huwa essenzjali li jitniedu għodod finanzjarji adattati fil-livelli kollha, flimkien ma' politiki fiskali u ta' inċentiv ieħor għall-produtturi u l-konsumaturi. |
|
2.12 |
Hemm bżonn li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ta' effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija fuq livell globali u għalhekk ftehimiet u sħubijiet internazzjonali huma essenzjali. |
|
2.13 |
L-implimentazzjoni rigoruża tad-direttivi u r-regolamenti eżistenti bħad-Direttiva reċenti dwar l-effiċjenza ta' l-użu aħħari ta' l-enerġija u s-servizzi ta' l-enerġija, id-Direttiva tat-Tikkettar u t-tmien Direttivi ta' implimentazzjoni tagħha, id-Direttiva dwar il-prestazzjoni ta' l-enerġija tal-bini, id-Direttiva tad-Disinn Eco, u r-Regolament tas-Stilla ta' Enerġija ser tgħin sabiex jinkisbu l-għanijiet mistennija. |
2.14 L-azzjonijiet ta' prijorità
|
2.14.1 |
It-tikkettar ta' l-għodod u t-tagħmir u l-istandards minimi għall-prestazzjoni ta' l-enerġija. L-aġġornament tad-Direttiva ta' Qafas 92/75/KE għandu jinkludi standards ġodda dinamiċi għall-għodod. Attenzjoni speċjali ser tkun iddedikata għal telf li jista' jseħħ waqt il-mod “stand-by”. Għall-ewwel ser jiġu identifikati erbatax-il-grupp ta' prodotti prijoritarji. L-għan huwa li jiġi assigurat li sa l-2010 l-maġġoranza ta' prodotti li jikkonsmaw parti sinifikanti mill-konsum globali ta' l-enerġija jkunu koperti mill-istandards minimi stabbiliti mid-Direttiva tad-Disinn Eco jew mir-rati ta' prestazzjoni/it-tikkettar. |
|
2.14.2 |
Ħtiġijiet ta' prestazzjoni tal-bini u bini b'rata baxxa ħafna ta' l-użu ta' l-enerġija (“djar passivi”). L-estensjoni ta' l-iskop tad-Direttiva dwar il-prestazzjoni ta' l-enerġija tal-bini (attwalment applikabbli għal żoni ta' 'l fuq minn 1 000m2) u l-proposta ta' l-2009 għal direttiva ġdida li tistabbilixxi ħtiġijiet minimi ta' l-UE għall-prestazzjoni ta' bini ġdid u rinnovat (kWh/m2). Ser jiġu żviluppati strateġiji flimkien mas-settur tal-bini għal bini b'livell ta' l-użu ta' l-enerġija baxx ħafna. |
|
2.14.3 |
Għal ġenerazzjoni u tqassim ta' l-enerġija aktar effiċjenti. Is-settur tat-trasformazzjoni ta' l-enerġija juża madwar terz ta' l-enerġija primarja kollha, bl-effiċjenza tat-trasformazzjoni ta' madwar 40 %. Kapaċità ġdida għall-ġenerazzjoni għandha tagħmilha possibbli li jinkiseb is-60 %. Telf fit-trasmissjoni u t-tqassim ta' l-elettriku — ta' sikwit għoli sa 10 % — jista' wkoll jitnaqqas sostanzjalment. Ħtiġijiet minimi ta' prestazzjoni ser jiġu stabbiliti għall-kapaċità ġdida ta' l-elettriku, it-tisħin u t-tkessiħ li huwa inqas minn 20 MW. L-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Promozzjoni tal-Koġenerazzjoni (CHP) (2004/8/KE) hija mistennija li ġġib magħha progress addizzjonali. Fl-aħħar, ser jiġu introdotti l-ħtiġijiet minimi għall-prestazzjoni u r-regolamenti għat-tisħin distrettwali. |
|
2.14.4 |
Karozzi b'konsum baxx ta' karburant. Sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2, fl-2007 il-Kummissjoni, jekk ikun neċessarju, ser tipproponi leġislazzjoni li tassigura li l-mira ta' 120g CO2/km tinkiseb sal-2012. L-għażla li jintuzaw strumenti fiskali b'rabta ma' l-emissjonijiet CO2 qiegħda tiġi evalwata. Is-settur tat-tajers jista' jagħti kontribuzzjoni għall-effiċjenza ta' l-enerġija (sa 5 %) bi standards għar-reżistenza ta' rrumblar u pressjoni korretta tat-tajer. Il-Kummissjoni ser toħroġ Green Paper dwar it-trasport urban sabiex tħeġġeġ l-użu tat-trasport pubbliku, u tintroduċi miżuri iktar b'saħħithom sabiex jindirizzaw il-kwistjoni, partikularment f'żoni ta' konġestjoni. |
|
2.14.5 |
L-iffaċilitar ta' finanzjament adattat għal investiment fl-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u għall-Kumpaniji tas-Servizzi ta' l-Enerġija. Il-Kummissjoni ser issejjaħ lis-settur bankarju sabiex joffri pakketti finanzjarji mmirati lejn l-iffrankar ta' l-enerġija. L-iffinanzjar Komunitajru bħall-Fondi għall-Investiment Favur l-Ambjent (Green Investment Funds) u l-Programm ta' Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni ser ikollu jappoġġja l-SMEs b'mod partikulari. |
|
2.14.6 |
Inqanqlu l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija fl-Istati Membri l-ġodda. Il-Kummissjoni ser issejjaħ għal iktar fondi għall-politika tal-koeżjoni sabiex jiġu użati għall-implimentazzjoni ta' proġetti għall-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija. |
|
2.14.7 |
Użu koerenti tat-tassazzjoni. Il-Green Paper li jmiss dwar it-tassazzjoni indiretta u reviżjoni relatata tad-Direttiva tat-Taxxa fuq l-Enerġija ser tipprovdi għall-integrazzjoni ta' kunsiderazzjonijiet ta' l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija u aspetti ambjentali. Ser jiġu evalwati l-benefiċċji ta' l-użu ta' krediti tat-taxxa bħala inċentivi kemm għall-intrapriżi kif ukoll għall-konsumaturi ta' l-għodod u t-tagħmir. |
|
2.14.8 |
Inżidu l-kuxjenza dwar l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija. Ser jitrawwem l-iżvilupp ta' ħiliet, taħriġ u informazzjoni għall-maniġers ta' l-enerġija fl-utilitajiet. L-iskejjel ser jiġu pprovduti b'materjali għat-tagħlim. |
|
2.14.9 |
Effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija fiż-żoni mibnija. Ser jinħoloq “Patt tas-Sindki” mill-Kummissjoni fl-2007, li jgħaqqad lis-sindki ta' 20 mill-ikbar u l-iktar bliet pijuniera ta' l-Ewropa għall-iskambju ta' l-aħjar prattiċi. |
|
2.14.10 |
Inrawmu l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija madwar id-dinja kollha. L-għan huwa li jiġi konkluż ftehim ta' qafas ma' l-imsieħba ewlenin fil-kummerċ u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, dwar it-titjib fl-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija fis-setturi ta' użu aħħari u fit-trasformazzjoni ta' l-enerġija. |
Konklużjonijiet
Il-Kummissjoni tikkonkludi l-Komunikazzjoni tagħha billi tħabbar li ser issir reviżjoni ta' nofs it-term fl-2009 u ssejjaħ għal appoġġ qawwi mill-Kunsill, mill-Parlament Ewropew u mill-politiċi nazzjonali, reġjonali u lokali.
3. Kummenti Ġenerali
|
3.1 |
Il-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni jieħu approċċ komprensiv lejn l-inizjattivi ta' qafas neċessarji għall-ksib tal-mira ambizzjuża, stabbilita fil-proposta, li jinltaħaq livell ta' ffrankar ta' l-enerġija ta' 20 % u li b'hekk sa l-2020, l-emissjonijiet CO2 jitnaqqsu b'780 miljun tunnellata fis-sena. Fid-dawl tar-rapport reċenti ta' l-IPCC (Intergovernmental Panel on Climate Change — Pjattaforma Intergovermentali dwar il-Bidla fil-Klima), il-KESE jikkunsidra din il-mira bħala waħda realistika, minkejja li jħoss li għandhom isiru l-isforzi kollha possibbli għat-tnaqqis fil-konsum ta' l-enerġija u li joħolqu ffrankar teknikament aċċessibbli ta' 'l fuq minn 20 %. Il-mira għandha tmur id f'id mal-pjanijiet nazzjonali ta' azzjoni, li jirriflettu l-kondizzjonijiet finanzjarji u tekonoloġiċi bażiċi differenti, sabiex jiġi assigurat it-tqassim ġust ta' l-objettivi fost l-Istati Membri skond il-potenzjal tagħhom. |
|
3.2 |
Ser ikun hemm bżonn li jitwaqqfu miri intermedjarji, li għandhom jintlaħqu sal-2012 u l-2016 per eżempju, sabiex jekk il-progress ikun wisq batut, il-miżuri jkunu jistgħu jissaħħu. Ir-reviżjoni ta' l-2009 tidher bikrija wisq sabiex isir ġudizzju kkunsidrat. Il-KESE jirrakkomanda wkoll li għandha tiġi pprovduta għażla ta' mira fuq perijodu fit-tul (2040/2050) sabiex jiġi assigurat is-segwitu ta' miri ta' l-iffrankar ta' l-enerġija. Fi ftit snin, l-investiment fil-produzzjoni ta' l-enerġija bbażata fuq il-karburanti fossili, li jammonta għal biljuni ta' Euro, ser jiskadi. Din il-kapaċità trid tiġi sostitwita kemm jista' jkun malajr u bl-ikbar effiċjenza. Din ser tkun sfida storika, li tmur kontra t-tendenzi tal-lum ta' skyscrapers ta' 120 sular mixgħula bil-lejl u bi nhar u l-użu ta' l-art għall-infrastruttura tat-trasport. L-awtoritajiet għandhom jaċċettaw mingħajr dewmien l-iskala enormi tal-problema li tinħoloq mill-ħtieġa li jiġu sostitwiti r-riżorsi ta' l-enerġija. |
|
3.3 |
Il-pjan tal-Kummissjoni għandu jnaqqas il-konsum ta' l-enerġija filwaqt li jippreserva l-istess kwalità tal-ħajja. Fuq il-bażi ta' dan l-objettiv, huwa maħsub li titnaqqas l-intensità ta' l-enerġija b'3.3 % sa l-2020, jiġifieri li tiġi kkunsidrata r-rata ta' tkabbir tal-PGD kostanti ta' 2.3 %, li tikseb tnaqqis veru fl-użu ta' l-enerġija ta' 1 % fis-sena, li huwa ekwivalenti għal tnaqqis totali ta' 14 % bejn l-2005 u l-2020. Il-KESE jissuġġerixxi lill-Kummissjoni li jinfetaħ dibattitu speċifiku dwar “l-istili tal-ħajja” u “l-kwalità tal-ħajja”. Il-kwalità mtejba tal-ħajja titkejjel, għal ħafna nies, skond in-numru ta' għodod domestiċi, it-telefons ċellulari jew in-numru ta' karozzi għal kull persuna, filwaqt li għal oħrajn din titkejjel f'termini ta' emissjonijiet tas-CO2, ta' materja fil-forma ta' partikuli separati u trab fin, il-konġestjoni tat-traffiku u l-ħin għall-ivvjaġġar u l-kwalità tas-servizzi pubbliċi. Huwa ċar li, fir-rigward ta' l-effiċjenza fl-użu u l-iffrankar ta' l-enerġija, anke bidla modesta ħafna, fis-sens l-aktar ekoloġiku tat-terminu “stili tal-ħajja”, għandha tħaffef il-ksib ta' l-għanijiet. Il-KESE jistaqsi lill-Kummissjoni jekk temminx li ser ikun verament possibbli li jiġi ppreservat l-istess stil ta' ħajja għal ġenerazzjonijiet futuri, b'żieda kemm fil-konsum kif ukoll fl-emissjonijiet. Il-problema tinsab fl-aċċettazzjoni li jinżamm l-effett tal-konsegwenzi li jirriżultaw fl-iffrankar fl-użu ta' l-enerġija li jiffinanzja konsum addizzjonali. L-organizzazzjoni mill-ġdid tas-sistema ekonomika għalhekk għandha tiġi ppjanata f'ħin propizju, li tħeġġeġ il-ħolqien ta' infrastruttura adattata u tipproponi sett adattat ta' prinċipji lill-ġenerazzjonijiet il-ġodda, per eżempju (2):
|
|
3.3.1 |
Ir-responsabilità għall-bżonnijiet ta' l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija għandha titqassam fuq il-livelli kollha, għandhom jiġu stabbiliti pjanijiet ta' azzjoni reġjonali u lokali flimkien ma' dawk nazzjonali. L-awtoritajiet reġjonali għandhom jiġu involuti f'din l-isfida ewlenija. L-iskala u l-importanza tal-Pjan ta' Azzjoni huma tassew sfida ġenwina. Ċerti aspetti ta' l-istil tal-ħajja assoċjati mal-progress fis-seklu 20 ser ikollhom jitwarrbu, u l-kunċett ta' estetika ser ikollu jinkludi element etiku ta' aċċettabilità fir-rigward ta' effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija: kif inhu l-każ għal-ġilda ta' annimali rari u prodotti ta' l-ivorju, b'hekk skyscraper bi ġnub tal-ħġieġ jew SUV ser ikollhom isiru inaċċettabbli. Dan it-tibdil profond fil-prinċipji komuni jsejjaħ għal kooperazzjoni mill-industrija privata wkoll, li għandha tieħu l-opportunità li tadatta għall-ħtieġa tal-promozzjoni ta' l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija iktar kmieni milli setgħet qabel, għall-benefiċċju tal-komunità internazzjonali, billi tuża dawn il-prinċipji ġodda fir-reklamar ukoll iktar milli tibgħat messaġġi ta' kunflitt li jfaħħru l-piż u l-poter, li m'huwiex neċessarju, bħala simboli ta' status. |
|
3.4 |
Il-Pjan ta' Azzjoni jidentifika għaxar azzjonijiet prijoritarji, f'erba' oqsma ta' prijorità: il-konverżjoni, it-trasmissjoni u t-tqassim ta' l-enerġija; bini għall-użu residenzjali, kummerċjali u professjonali; it-trasport; u l-użu industrijali u agrikolu. Dawn l-oqsma jgħoddu għal iktar minn 90 % ta' l-użu ta' l-enerġija. Ser jittieħdu miżuri oħrajn fil-qasam tal-ftehimiet internazzjonali, sabiex jinħolqu sħubijiet dwar it-tfassil ta' l-istandards; u fil-qasam ta' l-informazzjoni, it-taħriġ u l-komunikazzjoni, fir-rigward tal-ħtieġa għall-iżvilupp ta' sinerġiji u, sa fejn huwa possibbli, is-sjieda fost il-partijiet interessati kollha. |
|
3.5 |
Il-KESE jissuġġerixxi li għandha tiżdied azzjoni addizzjonali ta' prijorità, sabiex jiġu introdotti miżuri għat-tnaqqis tal-karburanti fossili fit-tisħin u t-tkessiħ, u josserva li l-proposta ma tanalizzax il-possibbilità ta' l-introduzzjoni ta' netwerks għat-tisħin u t-tkessiħ, li tista' tevita li tintilef 33 % ta' l-enerġija primarja fl-istadju tat-trasformazzjoni. Dan il-potenzjal jista' jirdoppja jekk ikun assoċjat ma' l-użu ta' l-enerġiji rinnovabbli jew ir-rimi ta' l-iskart, li jwassal għal iffrankar sa 50.7 miljun tunnellata f'ekwivalenza taż-żejt fis-sena. Il-KESE jissuġġerixxi li, flimkien ma' l-azzjonijiet pożittivi ta' prijorità, jittieħdu inizjattivi prijoritarji tanġibbli, li jiffaċilitaw il-ħolqien u l-iżvilupp ta' tipi ġodda ta' impjieg relatati mas-settur ta' l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija, it-tixrid ta' servizzi ta' l-enerġija ġodda u integrati, il-promozzjoni ta' prodotti ġodda li jiffrankaw l-enerġija li joħolqu inqas tniġġis, it-trawwim tar-riċerka u l-iżvilupp fil-livell nazzjonali u Ewropew, b'żieda sostanzjali fil-baġits allokati, u l-utilizzazzjoni tar-riżorsi teknoloġiċi li huma disponibbli diġà. Oqsma addizzjonali għal azzjoni jistgħu jkunu l-iżvilupp ta' riċiklaġġ u r-rimi ta' l-iskart urban solidu, li għandhom ħafna applikazzjonijiet potenzjali, u l-promozzjoni ta' inizjattivi CSR u ftehimiet volontarji fl-intrapriżi, li jinvolvu lill-ħaddiema b'mod attiv u jużaw il-proċeduri ta' l-EMAS. |
|
3.6 |
Il-proposta tal-Kummissjoni tħabbar ħafna miżuri leġislattivi, bħal direttivi u regolamenti ġodda, u r-reviżjoni ta' strumenti eżistenti, sabiex l-istandards isiru iktar stretti (it-tħabbira tas-7 ta' Frar 2007 dwar il-livell massimu ta' l-emissjonijiet CO2 fl-industrija awtomotiva). Il-KESE josserva l-proposti tal-Kummissjoni u d-deċiżjonijiet tal-Kunsill tar-Rebbiegħa ta' Marzu li għadda iżda jenfasizza li, b'segwitu tat-tkabbiriet ta' Mejju 2004 u Jannar 2007, numru kbir ta' vetturi użati ddaħħlu fil-pajjiżi kkonċernati. L-influss għadu għaddej u sar iktar intensifikat. Il-KESE jħoss li ser jgħaddu ħafna snin qabel ma r-rikambju sħiħ tal-flotta ta' vetturi jinkiseb f'dawn l-Istati Membri, u li huwa inkonċepibbli li dan għandu jitwettaq bis-saħħa ta' standard vinkolanti relatat mal-flotta eżistenti. |
|
3.7 |
Id-dokument ma jikkunsidrax il-ħtieġa li jissaħħu r-responsabilitajiet u l-poteri Komunitarji sabiex jiġi assigurat li l-miri jinkisbu u jiġi ppreżentat front magħqud fil-konfront ta' l-imsieħba internazzjonali. Il-KESE jappoġġja d-dispożizzjonijiet tad-dokument tal-Kunsill Ewropew u l-adozzjoni tal-Politika ta' l-Enerġija għall-Ewropa (PEE), li tqis lill-politika ta' l-enerġija bħala waħda mill-prijoritajiet għall-ġejjieni ta' l-UE u li ssaħħaħ il-politika barranija u l-kooperazzjoni ta' l-UE. Ir-restrizzjonijiet tat-Trattati eżistenti, li jżommu t-teħid ta' deċiżjonijiet dwar il-politika ta' l-enerġija f'idejn l-Istati Membri, huma sa ċertu punt ikkumpensati minn poteri ġenwini ta' tisħiħ tar-rappreżentazzjoni fir-rigward ta' pajjiżi terzi, minkejja li l-Artikolu 174(4) jipprovdi għal kompetenza konġunta u rwol speċifiku fil-kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet internazzjonali. Huwa ċar li, iktar ma tkun tajba l-koordinazzjoni tal-politiki, iktar tkun tajba l-kapaċità ta' negozjar ta' l-UE. Il-KESE jsejjaħ lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jikkunsidraw, fejn meħtieġ, il-possibbilità li jiġu emendati t-Trattati sabiex il-Komunità jkollha iktar poteri fir-rigward ta' msieħba esterni u b'hekk tkun tista' titprovda rappreżentazzjoni magħquda. |
|
3.8 |
Id-Direttiva dwar l-effiċjenza fl-użu finali ta' l-enerġija u dwar servizzi ta' enerġija (2006/32/KE) issemmi strateġija bbażata fuq applikazzjoni usa' ta' ċertifikati bojod, u l-pjanijiet nazzjonali ta' azzjoni li ser ikollhom jiġu evalwati mill-Kummissjoni. Il-Pjan ta' Azzjoni nnifsu ser jinvolvi żieda konsiderevoli fix-xogħol għall-Kummissjoni, f'termini ta' inizjattivi leġislattivi u regolatorji u l-monitoraġġ. Il-KESE jemmen li s'issa l-esperjenza kienet inkoraġġanti, minkejja li kien hemm numru ta' problemi fit-twettiq taċ-ċertifikati bojod, minħabba, fost affarijiet oħra, differenzi fost ir-regolamenti ta' l-Istati Membri. Għal attivitajiet relatati mal-ksib ta' l-għanijiet tad-direttiva, u b'mod iktar ġenerali, sabiex il-Kummissjoni tkun tista' taħdem fuq il-kwistjoni b'mod effettiv, jenħtieġu iktar impjegati tal-Kummissjoni li jkunu assenjati għal din il-ħidma. Il-Kummissjoni tistima li hemm bżonn ta' 20 impjegat. Il-KESE jirrakkomanda li hemm bżonn li ssir analisi eżawrjenti u jittama li jiġu assenjati r-riżorsi umani u finanzjarji suffiċjenti. |
|
3.9 |
L-implimentazzjoni tal-miżuri proposti ser iġġib magħha ffrankar li jwassal għal tnaqqis fid-dħul tal-VAT li jista' jolqot lill-baġit Komunitarju, parzjalment ikkumpensat miż-żieda fl-attivitajiet il-ġodda relatati mal-politika ta' l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija. Il-KESE jsejjaħ lill-Kummissjoni sabiex tanalizza din il-possibbilità peress li din ma titqiesx fir-Rapport ta' l-Evalwazzjoni ta' l-Impatt. Il-KESE jemmen li r-riżorsi attwali ta' l-UE huma kompletament insuffiċjenti sabiex ikopru l-programmi Komunitarji kollha, li huma dejjem soġġetti għal tnaqqis fl-iffinanzjar ta' proġetti benefiċċjali ħafna, inkluż dawk bil-mira li jiffrankaw l-enerġija. Jekk tiġi introdotta “taxxa ta' l-enerġija”, din għandha tagħmel parti minn politika fiskali li tqis lill-gruppi soċjali vulnerabbli u li m'għandha l-ebda impatt negattiv fuq il-livelli attwali tas-sigurtà soċjali u s-servizzi pubbliċi. |
|
3.10 |
Il-Pjan ta' Azzjoni huwa milqut minn diffikultajiet fil-ksib ta' l-għanijiet stabbiliti fil-White Paper dwar it-Trasport. Fir-reviżjoni ta' nofs it-term, il-Kummissjoni tosserva li l-ostakli u r-reżistenza li ġiet iffaċċjata s'issa fixklu t-tisħiħ tat-trasport ferrovjarju u marittimu, li jista' jwassal għal iffrankar konsiderevoli ta' l-enerġija. Dan it-tisħiħ għandu jiġi trattat bħala prijorità assoluta, meta jiġi kkunsidrat iż-żmien meħtieġ għall-bini ta' l-infrastruttura u għall-bidla fid-drawwiet tan-nies. Hemm bżonn ta' iktar enfasi fuq it-titjib tat-trasport għall-ħaddiema, li attwalment qegħdin jiġu penalizzati bil-kbir minn politika attrezzata iktar għall-bżonn ta' qligħ finanzjarju immedjat milli għall-ħtiġijiet tat-trasport pubbliku, eż. il-prijoritizzazzjoni ta' investiment fil-konnessjonijiet (links) ta' veloċità qawwija. L-iffaċilitar ta' l-ivvjaġġar tan-nies lejn il-post tax-xogħol tagħhom mhux biss inaqqas l-użu ta' l-enerġija iżda jtejjeb b'mod konsiderevoli il-kwalità ta' ħajjithom ukoll. L-investiment pubbliku meħtieġ għat-tisħiħ tas-sistemi tat-trasport pubbliku, naturalment, issemma, fost affarijiet oħra, fil-kuntest ta' kriżi ekonomika ta' ħames snin li laqtet lill-finanzi pubbliċi ta' ħafna Stati Membri. In-nuqqas ta' tnedija ta' infrastruttura essenzjali, it-tnaqqis fil-fondi Komunitarji għal pjanijiet strateġiċi bħall-passaġġi TEN (li niżlu minn EUR 20 biljun għal EUR 7.5 biljun), u l-istrateġiji ta' l-industrija sostanzjali Ewropea tal-vetturi, wasslu sabiex dan il-pjan ma baqax vijabbli. Il-KESE dalwaqt ser jadotta opinjoni prinċipali dwar it-trasport fiż-żoni urbani, li tenfasizza t-tnaqqis sostnut fl-użu tan-netwerks tat-trasport pubbliku u jissuġġerixxi soluzzjonijiet għat-tnaqqis fin-numru ta' vetturi privati fit-triq (3). Il-KESE jikkundanna n-nuqqas ta' koordinazzjoni adegwata tal-politiki tat-trasport u l-enerġija; flimkien mal-politiki ambjentali u industrijali, dawn jindirizzaw it-tħassib u l-bżonnijiet tekniċi u industrijali li huma neċessarjament komplementari. Huwa kkonċernat, bir-raġun, li minħabba dan in-nuqqas ta' koordinazzjoni, id-dokument tal-Kummissjoni mhux ser ikun effettiv daqs kemm setgħa jkun. |
|
3.11 |
Il-problema tolqot lill-attività leġislattiva, il-komunikazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni. L-istess diffikultajiet li huma ffaċċjati fi Brussell huma ffaċċjati fil-livell nazzjonali, u s-sitwazzjoni tiħrax minħabba l-fatt li l-politiki nazzjonali għandhom ikunu kkoordinati fil-livell ta' l-UE (iktar milli l-oppost). |
|
3.12 |
Politika Ewropea ta' l-enerġija għandha tkun sostenibbli mill-gruppi soċjali kollha, sabiex ikunu trattati b'mod ugwali fir-rigward ta' l-aċċess għas-servizzi pprovduti mill-provedituri ta' l-enerġija, li jixtru għodod domestiċi iktar effiċjenti u jikru l-appartamenti. Din għandu jkollha impatt pożittiv fuq l-impjieg, u hija ċertament possibbli fil-perijodu immedjat fis-settur tad-djar. Għal kull tip ta' miżura għaż-żieda fl-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija, il-konċessjonijiet għandhom jimmiraw li jenfasizzaw il-benefiċċji għall-utent, sabiex il-ħin neċessarju għall-kumpens ta' l-ispejjeż ikun relattivament qasir u faċli li jiġi kalkolat. |
|
3.13 |
Il-fondi m'għandhomx jiġu biss mill-finanzi pubbliċi: jista' jinħoloq fond billi jintuża proporzjon żgħir tal-profitti li jinġabru mis-setturi ta' l-enerġija u l-elettriku, proġett li diġà ġie pilotat f'numru ta' Stati Membri. Madankollu, dan m'għandux iwassal għal tariffi ogħla għall-utenti finali u inqas investiment strateġiku mill-intrapriżi. L-investimenti enormi li ser ikunu meħtieġa fl-industrija tal-produzzjoni sabiex tiġi sodisfata d-domanda dejjem tikber u l-ispejjeż dejjem jiżdiedu ser ikollhom, naturalment, jitqiesu, filwaqt li l-prezzijiet tar-riżorsi fossili oħra jimxu mat-tendenzi tal-prezz taż-żejt iżda l-ispejjeż tar-riċerka huma ħafna iktar baxxi, kif inhuma wkoll l-ispejjeż ta' l-industriji tat-tqassim. Għaldaqstant, dawn il-fondi għandhom iqisu d-differenzi sinifikanti fl-ispejjeż tar-riċerka. Id-divrenzjar fost l-Istati Membri jista' jiġi pprovdut skond il-leġislazzjoni differenti eżistenti f'termini ta' ħtiġijiet għall-industriji ta' l-enerġija sabiex jinvestu fir-riċerka dwar l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija u l-kontroll tal-prezzijiet. Din is-soluzzjoni tista' trendi possibbli ż-żieda fl-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija fid-djar tas-sidien ta' proprjetà żgħira mingħajr riżorsi finanzjarji, b'hekk jinbet ċirku virtuż li jista' joħloq l-impjiegi. |
|
3.14 |
Kwalunkwe ħelsien mit-taxxa, li għandu jintuża b'mod kawt ħafna, għandu jiġi implimentat b'attenzjoni adegwata għall-gruppi bl-inqas dħul, li peress li ma jħallsux taxxa, ikunu esklużi minn miżuri bl-intenzjoni li jiffaċilitaw politika ta' effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija. Jistgħu jiġu pprovduti bonuses għall-effiċjenza lil dawk li m'humiex soġġetti għal tassazzjoni diretta minħabba li d-dħul tagħhom huwa baxx wisq. |
|
3.15 |
Il-KESE jħoss li huwa essenzjali li jiġu żviluppati kampanji ta' tqajjim ta' kuxjenza fil-livell Ewropew, nazzjonali, lokali u reġjonali, b'tema waħda miftehma kull darba (eż. fit-tali xahar fl-Ewropa jista' jkun hemm enfasi fuq il-bozoz tad-dawl, fix-xahar ta' wara fuq l-iżvilupp tat-trasport pubbliku, xahar ieħor fuq tisħin/tkessiħ effiċjenti, favur l-ambjent eċċ.) Għandhom jitnedew kampanji li jxerrdu l-ideat u s-suġġerimenti, li, b'mod kostanti, iqajmu l-kuxjenza pubblika dwar din il-ħtieġa bżonjuża Huwa biss permezz ta' tqajjim ta' kuxjenza fost il-massa li ser ikun possibbli li jinkisbu riżultati tanġibbli. Id-dibattitu demokratiku, il-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-partijiet interessati kollha u r-rwol tal-gvernijiet ser ikun essenzjali għall-ġestjoni effettiva ta' l-azzjonijiet pjanati. L-Istati Membri li għandhom iktar konsulenti tekniċi fil-qasam ta' l-effiċjenza ta' l-enerġija għandhom jissorveljaw it-taħriġ għal konsulenti fl-Istati Membri l-oħra ta' l-UE, sabiex jiġi assigurat it-tixrid uniformi ta' l-għarfien meħtieġ għas-suċċess tal-Pjan ta' Azzjoni. Fl-Istati Membri ser ikunu mħeġġa l-istudji fl-Enerġija fil-livell universitarju u fl-iskejjel superjuri, li jiffavorixxu l-kollaborazzjoni interreġjonali. Il-Kummissjoni tista' taqdi rwol effettiv fil-koordinazzjoni. |
|
3.16 |
Għandha tingħata ħafna attenzjoni sabiex jinstab il-bilanċ essenzjali bejn il-bżonn li jseħħ it-titjib kollu possibbli, u l-ħila tas-sistemi ekonomiċi u produttivi li jiffaċċjaw il-bidliet għal arrieda li jġib miegħu dan it-tibdil. Hemm periklu reali li jekk l-industriji li jużaw ħafna enerġija jiġu ffaċċjati bi spejjeż li huma għoljin wisq, dawn ser jirrilokaw f'żoni b'inqas “restrizzjonijiet”. Ir-rata tat-tibdil għandha tintrabat b'mod strett mal-potenzjal għall-adattament u assorbit fl-ispejjeż. Għandhom jiġu żviluppati miżuri li jagħmluha possibbli li jiġu ffirmati kuntratti fuq perijodu twil li jagħtu garanzija fuq perijodu fit-tul, prezzijiet stabbli ta' l-enerġija bi skambju ma' impenji għal investiment fl-innovazzjoni, it-teknoloġija jew l-infrastruttura fl-oqsma tal-produzzjoni, it-trasport u d-distribuzzjoni. L-investimenti għandhom jiġu evalwati mil-lat ta' l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija. L-utilizzazzjoni ta' ftehimiet volontarji hija kkunsidrata b'mod pożittiv, iżda teħtieġ ukoll ħila ġenwina u f'waqtha ta' kontroll min-naħa ta' l-awtoritajiet reġjonali, minkejja x-xewqa li jiġu sostitwiti b'impenji vinkolanti fejn tiġi verifikata l-ineffikaċja. |
|
3.17 |
Il-miżuri identifikati għandhom dejjem iqisu l-istat tas-suq, li qiegħed isir dejjem iżjed globalizzat. Iż-żieda potenzjali fil-prezzijiet ta' l-enerġija tista' toħloq problemi kbar għas-setturi li jużaw ħafna enerġija, bħall-industriji ta' l-aluminju jew il-konkos. L-għanijiet ta' Lisbona għandhom jitqiesu dejjem u l-kompetittività tas-sistema Ewropea għandha tkun garantita b'mod konsistenti; għandha tkun tista' tiddependi fuq prezzijiet ta' l-enerġija li jikkonformaw mas-sistema globali ekonomika. Barraminhekk, l-Ewropa m'għandhiex tittollera t-theddid kostanti tar-rilokazzjoni li għadhom jistqarru l-intrapriżi. L-intrapriżi li jirrilokaw purament sabiex iżidu s-sehem tal-profitti għandhom jiġu penalizzati peress li, b'żieda mal-problemi soċjali — xi kultant estremi — li jinħolqu, li għandhom impatt ukoll fuq il-komunità, dawn ikollhom effett ta' distorsjoni fis-suq intern billi jqiegħdu prodotti fis-suq li ġew manifatturati f'pajiżi iktar tolleranti li ma jimponux l-istess restrizzjonijiet. |
4. Kummenti speċifiċi
|
4.1 |
Il-KESE mhux ser jiddiskuti kull azzjoni individwali proposta (madwar 75), għal raġunijiet ovvji, iżda jħoss li għandu jikkummenta fuq l-iktar miżuri u proposti importanti fid-dokument u l-Annessi. F'seduta tal-KESE ġew imressqa indikazzjonijiet addizzjonali li huma validi min-naħa ta' l-interventuri, li kkontribwew lejn it-titjib fl-għarfien b'kontribuzzjoni notevoli lejn ir-riflessjonijiet tal-Kumitat. |
|
4.2 |
L-ewwelnett, il-miżuri adottati s'issa għall-ħtiġijiet ta' prestazzjoni ta' enerġija dinamika għall-prodotti, il-bini, u s-servizzi ta' l-enerġija li jużaw l-enerġija, kellhom riżultati pożittivi. Il-produtturi u l-konsumaturi urew interess kbir fl-espansjoni tal-provvista u d-domanda għal prodotti ġodda u dejjem iktar effiċjenti, u urew li huma ħerqana ħafna. Il-konferma immedjata ta' l-iffrankar li jista' jinkiseb, l-edukazzjoni dejjem iktar mferrxa u t-tqajjim ta' kuxjenza dwar kwistjonijiet ambjentali jissuġġerixxu li dawn il-politiki huma prattikabbli fil-perijodu immedjat u jistgħu jiksbu r-riżultati mistennija. Id-disinn “eco” ġie milqugħ tajjeb mill-pubbliku, li qiegħed kulma jmur jagħti iktar attenzjoni lill-karatteristiċi tal-prodotti offerti. Għandha titrawwem it-tendenza li ċerti produtturi diġà qegħdin juru li tiġi enfasizzata l-effiċjenza ta' l-enerġija u li, lill-konsumaturi jingħatawlhom struzzjonijiet dettaljati dwar l-użu effiċjenti ta' l-enerġija tal-prodotti għall-bejgħ. Il-mudell Amerikan jistħoqqlu l-attenzjoni wkoll, peress li huwa alloka inċentivi speċifiċi għall-intrapriżi li jużaw d-disinn “eco”, b'riżultati inkoraġġanti. Il-KESE jemmen li l-appoġġ għan-netwerk ta' intrapriżi permezz ta' għotja ta' krediti tat-taxxa lill-intrapriżi li jiżviluppaw u jipproduċu prodotti li huma effiċjenti fl-użu ta' l-enerġija ser ikollu riżultati ta' suċċess, sakemm din is-sistema tmur id f'id ma' suq effettiv u sostantiv u ma' sorveljanza ta' prodotti simili għal dik imwettqa fis-settur tal-makkinarju. Din l-azzjoni ta' sorveljanza għandha tiġi interpretata bħala garanzija għall-produtturi għaqlin li ma jarawx qligħ mill-investiment tagħhom fl-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija u tiġi rakkomandata lill-awtorità reġjonali inkarigata. |
|
4.2.1 |
It-tikkettar huwa prattika tajba, li għandha titħeġġeġ u tiġi adottata għal kemm jista' jkun prodotti, u estiża għas-setturi awtomotivi u tal-bini mingħajr dewmien. Il-KESE jappoġġja l-proposta u jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex l-14-il prodott imsemmija jsiru soġġetti għal standards minimi ta' prestazzjoni ta' l-enerġija, b'attenzjoni partikulari għas-segmenti speċifiċi tas-suq, sabiex tiġi evitata sistema regolatorja ġdida li jkollha effett ta' distorsjoni fuq il-kompetizzjoni. Għandhom jiġu identifiakti prodotti oħra ta' użu finali li għandhom isiru soġġetti għal standards minimi. Il-KESE japprova l-prijorità mogħtija lit-tnaqqis ta' l-użu ta' l-enerġija fil-modi “stand-by” u “sleep” u jqis din l-azzjoni bħala importanti ħafna peress li tista' tnaqqas il-konsum f'dawn il-modi sa 70 % billi tnaqqas in-numru ta' għodod fl-użu. Il-KESE jħoss li l-ftehim ta' l-Istilla ta' Enerġija għandu jagħmel r-reġistrazzjoni mandatorja fl-UE (kif inhi fl-Istati Uniti) għal sejħiet b'offerta għax-xiri ta' tagħmir għall-uffiċċju u “jistenna lill-Kummissjoni li tagħti l-eżempju” (4). Ftehim ta' dan it-tip għandu jiġi negozjat ukoll ma' produtturi oħra ewlenin mill-Ażja tal-Lvant, li issa jagħmlu parti importanti mis-suq ta' l-għodod elettroniċi. |
|
4.2.2 |
Fil-qasam ta' l-għodod tad-dar, minħabba n-nuqqas ta' proċeduri rapidi għall-verifikazzjoni ta' l-eżatezza tat-tikketti u l-penalizzazzjoni ta' l-abbuż, hemm il-periklu li intrapriżi b'intenzjoni tajba jinvestu fl-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija ser jiġu penalizzati, filwaqt li prodotti li ma jikkonformawx ser jitħallew jidħlu fis-suq. Is-sostituzzjoni ta' għodod antiki tad-dar (fejn huwa stmat li fl-Ewropa għadhom qegħdin jintużaw madwar 200 miljun għodda li għandhom iktar minn 10 snin) għandha titħeġġeġ, u din iġġib magħha iktar iffrankar; għodod li m'humiex effiċjenti fl-użu ta' l-enerġija jew skaduti m'għandhomx jitħallew jidħlu fis-suq tal-prodotti użati tal-pajjiżi li għadhom qegħdin jiżviluppaw. Għandu jiġi assigurat li inizjattivi li jiffinanzjaw ix-xiri ta' l-għodod tad-dar jiġu riservati għall-prodotti li huma effiċjenti fl-użu ta' l-enerġija. |
|
4.2.2.1 |
B'rabta ma' dan, għandu jiġi enfasizzat li, filwaqt li tirrifjuta li tikkonforma mal-kodiċi volontarju ta' awtoregolamentazzjoni, l-industrija ta' l-għodod elettriċi qiegħda tiddikjara l-ħtieġa għal miżuri vinkolanti sabiex jiġi regolat is-suq. In-nuqqas ta' penali għall-produtturi u l-importaturi mingħajr skrupli li jikklassifikaw il-prodotti bħala Klassi A li ma jikkonformawx mal-miżuri stabbiliti li jiffrankaw l-enerġija, fil-prattika għen iċ-ċirkolazzjoni fis-suq ta' għodod ta' konsum enerġetiku baxx li huma foloz. In-nuqqasijiet ikkundannati mill-intrapriżi Ewropej, li qegħdin isejħu għal “regoli”, għadhom, madankollu, sors ta' tħassib fir-rigward ta' l-effikaċja tal-ftehimiet volontarji. |
|
4.2.3 |
Jista' jinkiseb iffrankar konsiderevoli fis-settur tal-bini, u llum huma disponibbli wkoll materjali, metodi ta' kostruzzjoni u forom ta' tisħin alternattivi, bħalma huma l-kaldaruni li jikkondensaw, li jistgħu jiksbu ffrankar tal-karburant ta' bejn 6 % u 11 % billi jerġgħu jużaw is-sħana li normalment tixxerred. L-użu ta' l-arja kondizzjonata jista' jitnaqqas billi jitqiegħdu barrieri għax-xemx fuq il-barra tal-bini, peress li barrieri interjuri għax-xemx jipprovdu ħarsien kontra d-dawl iżda jippreservaw ħafna mill-enerġija tas-sħana. Djar passivi, per eżempju, huma djar li ma jużawx iktar minn 15 kWh għal kull metru kwadru fis-sena (sajf-xitwa) għall-konsum bażiku: tkessiħ, tisħin. Il-konsum total (suffiċjenza) u l-limitu tal-konsum bażiku għandu jiġi indikat ukoll, kalkolat bis-sħiħ (dawl, għodod domestiċi — effiċjenza+suffiċjenza), inklużi x-xuttar u l-ħasil (ix-xuttar ta' 1 kg ta' ħasil jista' juża tlieta jew erba' darbiet l-enerġija meħtieġa għal ħasla waħda. Billi l-konsum ta' l-enerġija jista' jitnaqqas b'suċċess minn medja ta' 180 kWh għal kull metru kwadru fis-sena għal madwar 15 kWh għal kull metru kwadru fis-sena, jista' jsir iffrankar sa 90 % (22 dar, raħal tad-djar passivi Wiesbaden 1997, konsum medju ta' 13.4 kWh għal kull metru kwadru fis-sena; 32 djar passivi, Kronsberg 1998, konsum medju ta' 14.9 KWh għal kull metru kwadru fis-sena). It-tnedija ta' suq Ewropew għal dan it-tip ta' prodott għandu jitħeġġeġ, sabiex dawn it-teknoloġiji jsiru disponibbli b'mod imferrex, bi prezzijiet aċċessibbli. |
|
4.2.4 |
Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għall-investiment pubbliku fl-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija f'bini soċjali u pubbliku, flimkien ma' l-użu ta' sorsi rinnovabbli, b'mod partikulari fl-Istati Membri l-ġodda fejn hemm il-potenzjal għal riżultati sostanzjali fl-iffrankar ta' l-enerġija. B'żieda ma' programmi li jarmonizzaw il-leġislazzjoni u jiżviluppaw it-taħriġ għall-ispeċjalisti, il-KESE jsejjaħ għal parti tal-Fondi strutturali sabiex jiġu identifikati għal dan il-għan. L-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej għandhom jitħeġġu sabiex jinkoraġixxu l-investiment fil-modernizzar ta' l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija fil-bini. |
|
4.2.4.1 |
Djar fil-veru sens tal-kelma passivi għandu jkollhom karatteristiċi partikulari ta' kostruzzjoni (insulazzjoni ottima fil-ħitan u l-art, kanali ta' pre-ventilazzjoni għad-dħul ta' arja friska taħt id-dar), li jrendu diffiċli u għalja l-adattar tal-bini eżistenti għal dan l-istandard. Dan jindika li wieħed għandu jiffoka fuq l-assigurazzjoni li l-biċċa l-kbira tal-bini l-ġdid, speċjalment bini pubbliku — li għalih għandhom jiddaħħlu bil-mod regoli vinkolanti — jilħqu l-istandard tad-dar passiva. Huwa ferm importanti wkoll, li s-soluzzjonijiet ta' l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija tad-djar passivi jiġu adottati konsiderevolment meta jitwettaq xogħol ta' tiswija jew manutenzjoni f'bini privat u dan jista' jiġi appoġġjat ukoll permezz ta' fondi li jistgħu jerġgħu jintużaw, b'rati ta' l-interessi baxxi. Għandu jitfakkar li l-maġġoranza tal-bini li ser ikun użat fl-2020 huwa diġà lest. Fir-rigward tal-kiri ta' proprjetà, il-kwistjoni għandha tiġi indirizzata ta' kif l-investiment qawwi fl-iffrankar ta' l-enerġija fil-bini residenzjali jista' jkun finanzjarjament vijabbli għas-sidien, peress li huma l-kerrejja li s-soltu jibbenefikaw b'mod dirett. |
|
4.2.4.2 |
Fir-Rapport dwar l-Evalwazzjoni ta' l-Impatt SEC (2006) 1175, il-Kummissjoni tikkalkola li ffrankar ta' 140 miljun tunnellata ta' ekwivalenza taż-żejt jista' jsir billi tiġi emendata d-Direttiva dwar il-prestazzjoni ta' l-enerġija tal-bini (2002/91/KE), li tbaxxi l-limiti minn 1 000 m2 għall-ħtiġijiet minimi (issaħħaħhom għall-bini pubbliku) u billi tiġi applikata l-iskema taċ-ċertifikati bojod b'mod usa'. Il-KESE huwa mħasseb li din il-mira tista' tkun ambizzjuża wisq għall-perijodu l-qasir (5). Il-KESE jemmen li l-Istati Membri għandhom jadottaw strumenti uniformi sabiex ikejlu l-impatt tar-regolamenti (eż. il-kwalità ta' l-insulazzjoni tas-sħana) u li għandu jkun obbligatorju għalihom lil jadottaw miżuri adattati għall-monitoraġġ. (Ara d-diskrepanzi bejn per eżempju, Franza, fejn hemm ftit monitoraġġ u l-Fjandri, fejn il-monitoraġġ huwa strett ħafna.) Il-Kunsill u l-Parlament għandhom jevalwaw jekk hemmx bażi legali għall-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni sabiex toħroġ regolament dwar is-suġġett minflok id-direttiva l-ġdida, sempliċement b'revoka tad-Direttiva 2002/91 wara l-2009. |
|
4.2.4.3 |
Teżi li ġiet ippubblikata reċentement (6) tenfasizza illi:
|
|
4.2.4.4 |
L-istampa li toħroġ minn din l-analisi hija li insulazzjoni ħoxna (minn ta' l-inqas 16-il ċm) dejjem ser trodd il-qligħ fuq investiment magħmul sabiex tinkiseb il-mira tad-dar passiva, speċjalment fir-rigward tal-bini konvenzjonali. Mil-lat operazzjonali, l-insulazzjoni sħiħa tal-bini hija iktar importanti minn miżuri oħra, filwaqt li analisi aggregata tal-miżuri tippermetti li jiġi ottimizzat il-Valur Nett Preżenti ta' l-investiment. |
|
4.2.5 |
Fir-rigward ta' ċertifikati bojod, l-esperjenza pożittiva tal-pajjiżi li introduċewhom ittaffiet bid-dewmien fl-innovazzjoni industrijali f'ċerti pajjiżi ta' l-UE. Fil-fatt, skema effettiva taċ-ċertifikati bojod teħtieġ miri realistiċi f'termini ta' potenzjal tekniku u ekonomiku, medda wiesa' ta' għażliet għall-ksib tal-miri (setturi, proġetti, atturi, spejjeż), garanzija ta' ħidma tas-suq adattata (struttura ta' domanda u provvista, kondizzjonijiet periferali), regoli ċari, trasparenti, non-diskriminatorji b'effett ta' semplifikazzjoni (kondizzjonijiet dwar l-aċċess għas-suq, regoli tas-suq) u penali adattati. Dawn il-prerekwiżiti tnedew fis-suq potenzjali Ewropew taċ-ċertifikati bojod? It-tixrid potenzjali, madankollu, għandu jitwettaq bil-prudenza neċessarja. |
|
4.3 |
It-telf fil-fażi tat-trasformazzjoni huwa ekwivalenti għall-konsum bażiku totali fil-bini residenzjali u l-industrija, 33 %, jiġifieri 'l fuq minn 580 miljun tunnellata f'ekwivalenza taż-żejt. Il-KESE jemmen li dan għandu jkun, b'mod ċar, qasam ewlieni ta' azzjoni. It-telf waqt it-trasmissjoni fuq distanza twila huwa fattur ewlieni. Qasam li ċertament jistħoqqlu l-iżvilupp huwa dak tal-linji ta' trasmissjoni moderni ta' vultaġġ qawwi b'kurrent kontinwu, fejn 3 % biss tad-dawl jista' jintilef għal kull 1 000 kilometru ta' grid. Apparti milli ġġib iffrankar konsiderevoli, din it-teknoloġija telimina l-effetti elettromanjetiċi tat-trasmissjoni ta' kurrent li jalterna; kif tagħmel l-emissjoni tas-sinjali elettromanjetiċi ELF assoċjati mat-trasmissjoni ta' kurrent li jalterna. It-teknoloġija attwali diġà tagħmel dan it-tip ta' trasmissjoni ekonomikament vijabbli fuq distanzi twal (ilhom jintużaw għal għexieren ta' snin fl-Isvezja, l-Istati Uniti u fil-kostruzzjoni madwar id-dinja kollha), filwaqt li għal distanzi qosra trid titqies l-ispiża ta' sistemi ta' konverżjoni ta' kurrent li jalterna b'vultaġġ baxx għall-użu lokali, li għadha għalja. Proġetti speċifiċi ta' riċerka għandhom iħeġġu l-isforzi għat-tnaqqis ta' dawn l-ispejjeż (7). |
|
4.3.1 |
Qasam ieħor li fih għandha tittieħed l-azzjoni huwa l-appoġġ għat-teknoloġija ta' l-enerġija mis-sħana tax-xemx, li tista' tiġi introdotta fil-pajjiżi ta' l-Euromed, fejn iż-żoni kbar tagħhom tad-deżert huma kontinwament esposti għar-raġġi tax-xemx. Rapport reċenti kkummissjonat mill-Ministeru għall-Ambjent tar-Repubblika Federali Ġermaniża jenfasizza r-rwol ewlieni ta' din it-teknoloġija żviluppata mir-rebbieħ Taljan tal-Premju Nobel, Rubbia, li qiegħda tiġi pilotjata attwalment fi Granada. Enel, b'kollaborazzjoni ma' Enea, reċentement nediet proġett li japplika, għall-ewwel darba fid-dinja, l-integrazzjoni ta' ċiklu konġunt ta' gass u impjant termodinamiku tas-sħana tax-xemx. Permezz ta' l-utilizzazzjoni ta' teknoloġija innovattiva u esklussiva elaborata minn Enea, Archimede jipproduċi l-enerġija elettrika mis-sħana tax-xemx b'mod kostanti. Huwa proġett li madankollu għandu karatteristiċi oħra li huma uniċi fid-dinja, li fil-fatt ser ikollu ħames brevetti ġodda, bħal per eżempju t-tidwib maħlul, il-likwidi li jipproduċu l-emissjonijiet ta' sħana li minnhom issir l-enerġija. Dawk użati s'issa setgħu jissaħnu sa 300 grad. Dawn tal-proġett Archimede jistgħu jissaħnu sa 550, l-istess temperatura tal-gass tal-fossili, li tippermetti l-integrazzjoni maċ-ċentrali tradizzjonali, u b'hekk, tikkontribwixxi sabiex tiġi garantita l-istabilità tas-sistema ta' l-enerġija. |
|
4.3.2 |
Il-KESE jirrakkomanda li l-istituzzjonijiet Ewropej jagħmlu sforzi sostanzjali f'dawn l-oqsma, billi jadottaw miżuri speċifiċi sabiex jappoġġjaw l-iżvilupp ta' enerġija mis-sħana tax-xemx. |
|
4.3.3 |
Il-ġenerazzjoni konġunta tas-sħana u l-elettriku, kemm jekk tuża s-sħana li jkun fadal mill-produzzjoni ta' l-elettriku għat-tisħin jew mill-użu ta' tas-sħana li jkun fadal (eż. fil-fran) għall-produzzjoni ta' l-elettriku, tista' twassal għal żieda enormi fl-effiċjenza fl-użu tal-karburant, minn madwar 35 % sa 70 %. L-ispejjeż addizzjonali għall-maniġers tal-grids, li jinħolqu mill-ġenerazzjoni mxerrda u tixrid attiv għandhom jitqiesu, u l-investimenti neċessarji għandhom jitħeġġu, li jirriflettu l-kondizzjonijiet bażiċi differenti fl-Istati Membri wkoll. Il-KESE jappoġġja x-xewqa tal-Kummissjoni li tiżviluppa impjant CHP ta' livell għoli ta' effiċjenza, minkejja li l-introduzzjoni ta' qafas regolatorju għall-metodi ta' kalkolu ġie pospost sa l-2010 u qegħdin jinħarġu Garanziji ta' l-Oriġinu li l-konformità tagħhom mal-ħtiġijiet minimi mhux dejjem tista' tiġi kkonfermata. Il-KESE jixtieq ikun jaf jekk huwiex possibbli li jiqsaru l-iskadenzi għall-armonizzazzjoni tal-metodi ta' kalkolu, sabiex ikun jista' jiġi żviluppat suq intern ta' l-impjant CHP: il-leġislazzjoni differenti f'pajjiżi differenti bħalissa qiegħda tfixkel dan il-għan. Kull Stat Membru għandu d-dritt li jagħżel il-metodi ta' kalkolu tiegħu stess sabiex jevalwa l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija ta' l-impjant u jġibhom f'konformità mas-sistema Komunitarja, li għandha taqbel mad-dispożizzjonijiet tad-direttiva. Madankollu, fil-prattika dan ma jseħħx u r-riżultati għall-impjant ivarjaw ħafna meta jkunu soġġetti għall-metodi ta' kalkolu ta' Stati Membri differenti. L-armonizzazzjoni hija għodda effettiva għall-ġlieda kontra l-frodi wkoll. L-isforzi ta' l-UE għandhom jissaħħu, billi r-riżultati ta' l-ewwel spezzjoni fil-21 ta' Frar ma jikkonformawx ma' l-objettivi strateġiċi, kif jista' jintwera mir-rapporti ta' evalwazzjoni mressqa mill-Istati Membri dwar il-progress li sar fl-iżvilupp ta' CHP b'ħarsa lejn żieda fil-proporzjon ta' l-elettriku prodott b'dan il-mod. |
|
4.3.4 |
Il-COPs (koeffiċjenti ta' prestazzjoni), jiġifieri il-proporzjon bejn il-ħruġ ta' enerġija li tkessaħ u d-dħul ta' l-enerġija li ssaħħan, għal dawn l-impjanti huma partikularment notevoli. Meta mqabbla ma' COP ta' 2.0 għal unitajiet konvenzjonali, dawn l-impjanti jiksbu COP ta' 0.7-1.3 jiddependi mis-sħana użata (8). Riġeneraturi ta' l-iskart ta' l-injam diġà jinsabu fis-suq: dawn jistgħu jużaw frott (għadam, qxur) u prodotti agrikoli (tifdil ta' żebbuġ, ċifċiegħ tal-qamħirrun) għall-ipproċessar, serratura ta' l-injam u skart ieħor ta' l-iproċessar ta' l-injam, fergħat mejta, zkuk, ħliefa tal-kafè, skart tal-palm, skart industrijali u skart ta' l-imballaġġ. 100 kg ta' dan l-iskart jipproduċi 70 kW ta' enerġija elettrika kontinwa (80 fil-quċċata) u 130 kW ta' tisħin u tkessiħ. Tunnellata ta' skat ta' l-injam li jiswa Eur 70 jissostitwixxi 160 litru tad-diżil li jiswa EUR 175. |
|
4.3.5 |
Il-Kumitat huwa ferm favur it-tnedija ta' kampanja u miżuri varji sabiex jiġi limitat l-użu ta' l-imballaġġ tal-prodotti li għandu jkun jiġi riċiklat. L-enerġija użata fil-produzzjoni ta' l-imballaġġ li mbagħad jintrema hija eċċessiva, peress li l-biċċa l-kbira ta' dan l-imballaġġ m'huwiex bijodegradabbli u huwa kawża serja tat-tniġġis. |
4.4 It-tħaddim tas-suq
|
4.4.1 |
Attwalment, is-suq ta' l-enerġija m'huwiex qiegħed jutilizza l-potenzjal kollu tiegħu għall-effiċjenza u hemm bżonn ta' iktar trasparenza fl-effiċjenza ta' l-użu ta' l-enerġija ta' l-impjanti ta' l-elettriku u fit-telf tan-netwerks tat-trasmissjoni. Is-swieq tal-gass u ta' l-elettriku għadhom m'humiex liberalizzati kompletament. F'ċerti każijiet, in-nuqqas ta' trasparenza fl-istabbiliment tal-prezzijiet u fil-proċess ta' liberalizzazzjoni nnifsu huwa barriera għal politika ġenwina ta' l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija. B'rabta ma' dan, ikun adattat li jissaħħaħ il-kunċett tas-separazzjoni legali ta' l-intrapriżi li jiġġestjonaw il-monopolji tekniċi minn ma' dawk li joperaw taħt sistema ta' kompetizzjoni ħielsa, kif inhu stabbilit mid-direttivi dwar il-liberalizzazzjoni tas-swieq ta' l-elettriku u l-gass rispettivament (Direttiva 2003/54/KE u Direttiva 2003/55/KE), flimkien mal-ħtieġa iktar stretta tas-separazzjoni tas-sjieda. |
|
4.4.2 |
Il-politika ta' l-ipprezzar tas-settur għandha trawwem l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija u l-iffrankar, partikularment fir-rigward tal-karburanti fossili, u tħeġġeġ ir-riżorsi rinnovabbli. Għandha tingħata kunsiderazzjoni partikulari lill-gruppi ta' konsumaturi vulnerabbli, skond il-prinċipju li għandha tiġi ggarantita d-disponibilità ta' enerġija neċessarja għall-konsum bażiku u li madankollu jinżamm l-interess ekonomiku għall-iffrankar ta' l-enerġija: per eżempju, jista' jkun konvenjenti li jiġu ggarantiti t-tariffi soċjali għall-persuni bi dħul baxx, iżda biss sa data ta' konsum limitata, jew inkella familji bħal dawn jistgħu jingħataw appoġġ finanzjarju. |
|
4.4.3 |
Skema utli sabiex jitqanqal l-iffrankar ta' l-enerġija hija l-introduzzjoni ta' miters elettroniċi, li jipprovdu sistema ta' ġestjoni remota tat-tqassim ta' l-enerġija li tottimizza l-ġestjoni tal-piż tal-grid. Skond l-Enel (l-ikbar provveditur ta' l-elettriku fl-Italja), li pprovda lill-30 miljun klijent tiegħu b'miters elettroniċi mingħajr ħlas, l-organizzazzjoni sistematika ta' l-użu ta' l-enerġija, imqanqla mhux biss minn politika ta' l-ipprezzar immirata, twassal għall-isfruttar tal-produzzjoni, partikularment fil-ħinijiet ta' inqas konsum. Miters elettroniċi jgħinu sabiex iqajmu kuxjenza ta' l-utent finali dwar il-konsum tiegħu u jħeġġu użu iktar intelliġenti tar-riżorsi. Dan huwa rikonoxxut bħala strument ta' effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija fil-kuntest tad-direttivi “Energy Services” u “Security of Supply” . |
|
4.4.4 |
Il-mudell tal-ġenerazzjoni mqassma (jiġifieri fejn hemm ħafna produtturi differenti, xi wħud żgħar ħafna) huwa problematiku, għal diversi raġunijiet, f'termini ta' proċeduri għall-operat ta' netwerks ta' vultaġġ medju u baxx, li huma ddisinjati biss għall-fluss f'direzzjoni waħda. Hemm bżonn ta' investiment qawwi sabiex in-netwerks jikkonformaw ma' metodi ġodda ta' produzzjoni. Huwa ċar li l-produzzjoni deċentralizzata tiddetermina telf żgħir fil-fażi tat-trasmissjoni, iżda l-investimenti neċessarji huma ħafna iktar ogħla u barraminhekk jiltaqgħu ma' ħafna reżistenza mill-parti tat-territorji sabiex jiġbru saħansitra ċentrali żgħar. |
|
4.5 |
Is-settur tat-trasport għamel sforzi kbar sabiex inaqqas l-użu ta' l-enerġija u l-emissjonijiet li jniġġsu, iżda għandu raġun li jsejjaħ għal sforzi addizzjonali, peress li huwa s-settur bl-ogħla rata ta' tkabbir f'termini ta' l-użu ta' l-enerġija u huwa sors ta' gassiijiet b'effett ta' serra: l-emissjonijiet tas-CO2 mit-trasport bit-triq għolew b'26 % bejn l-1990 u l-2004. Il-fatt li l-industrija Ewropea tiddependi fuq pajjiżi terzi għall-karburant tat-trasport (li 98 % minnu huwa karburant fossilu) iżid ir-responsabilità li għandha tagħmel kontribuzzjoni ewlenija lejn l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija u fit-tnaqqis ta' l-emissjonijiet u fl-importazzjoni ta' prodotti tal-gass u taż-żejt. |
|
4.5.1 |
Il-Kummissjoni bagħtet sinjal qawwi lis-suq bid-deċiżjoni reċenti tagħha li tfassal leġislazzjoni dwar il-mira ta' 120g ta' CO2, tikkettar għat-tajers tat-triq u standards speċifiċi għar-reżistenza ta' rrumblar, u l-bidliet fil-ħtiġijiet li jiggvernaw il-karburanti, taħlit ta' petrol b'livelli għoljin ta' l-etanol, bijokarburanti, karburant b'livell baxx ta' karbonju u diżil b'kontenut baxx ferm ta' kubrit (sulphur). Bejn l-2011 u l-2020, il-provvedituri tal-karburant fl-UE ser ikollhom jiksbu tnaqqis ta' 10 % fl-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra li jipproduċu l-karburanti tagħhom meta jiġu rfinati, trasportati u użati. B'dan it-tnaqqis ser jiġu ffrankati 500 miljun tunnellata ta' emissjonijiet ta' dijossidu karboniku sal-2020. Ir-raġuni wara din id-deċiżjoni kienet il-fatt li l-emissjonijiet waqgħu minn 186 CO2 km għal 163 CO2 km, jiġifieri bi 12.4 % biss, bejn l-1995 u l-2004, b'żieda qawwija fil-medja ta' l-enerġija, fir-rigward li huwa iktar diffiċli li jitnaqqsu l-emissjonijiet. Din l-inkongruwenza tissuġġerixxi li jista' jkun utli li jiżdiedu t-taxxi fuq il-vetturi ta' lussu li m'humiex effiċjenti fl-użu ta' l-enerġija kif ġara f'ċerti Stati Membri. Il-Kummissjoni tistima li l-emissjonijiet CO2 ser jonqsu b'400 miljun tunnellata addizzjonali sa l-2020. L-ACEA, l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Manifatturi tal-Karozzi, għamlet sejħa sabiex it-tnedija tal-proċess titbiddel mill-2012 għal ta' l-inqas l-2015, u għall-parteċipazzjoni ta' l-atturi kollha, skond ir-rakkomandazzjoni tal-Grupp ta' Livell Għoli, “Cars 21”. Il-manifatturi Ewropej iħossu li, sakemm ma jmorrux id f'id ma' l-ippjanar fit-tul li jissostitwixxu l-mudelli, dawn il-miżuri ser ifissru spejjeż li m'humiex sostenibbli għall-intrapriża Ewropea. |
|
4.5.2 |
Il-KESE josserva li s-sostituzzjoni fuq skala kbira ta' karburanti fossili bi bijokarburanti ser iġġib magħha r-riskju li l-produzzjoni tal-karburant ser tiġi f'kompetizzjoni mal-produzzjoni ta' l-ikel fir-rigward ta' l-allokazzjoni ta' art għammiela għal użi differenti. Il-prezz ta' l-ikel jista' mbagħad jogħla sabiex jilħaq il-prezz tal-produzzjoni ta' l-enerġija, li min-naħa tagħha timxi mal-prezzijiet tal-karburanti fossili, li effettivament ser tpoġġi lis-sewwieqa min-nord f'kompetizzjoni (9) man-nies li jbatu l-ġuħ fis-sud. Tinħoloq problema ġenwina ta' l-etika minn dan il-użu bħala karburant fil-pajjiżi fin-naħa ta' fuq tar-riżorsi agrikoli li jistgħu jsalvaw miljuni ta' nies fin-naħa t'isfel li għadu fit-triq ta' l-iżvilupp. L-uċuħ kollha tal-qamħirrum prodotti f'Iowa jistgħu jintużaw għall-produzzjoni ta' l-etanol. Jekk nikkunsidraw li tank ta' 25 gallun ta' SUV jżomm 94.5 litru, li huwa ekwivalenti għal porzjon ta' ikel ta' persuna waħda għal sena, il-kwistjoni ssir tanġibbli u ssejjaħ għal xi tip ta' tweġiba. Il-KESE dalwaqt ser joħroġ opinjoni dwar dan is-suġġett speċifiku (10). |
|
4.5.3 |
Il-KESE jinnota, li l-Kummissjoni qiegħda kemm tħeġġeġ ftehimiet volontarji kif ukoll tħabbar miżuri mandatorji. Il-Kummissjoni stess tirrikonoxxi r-rwol ewlieni ta' l-awtoregolamentazzjoni peress li l-miri jistgħu jintlaħqu iktar malajr u b'mod iktar kost-effettiv milli bi ħtiġijiet legali. Ftehimiet volontarji jista' jkollhom vantaġġi fuq ir-regolamentazzjoni. Dawn jistgħu jiġu implimentati malajr u b'mod kost-effettiv u b'hekk iġibu progress rapidu. Huma flessibbli u jistgħu jikkonformaw ma' għażliet teknoloġiċi u tendenzi fis-suq. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni sabiex tħares b'attenzjoni lejn ir-raġunijiet għall-progress dgħajjef fir-restrizzjoni ta' l-emissjonijiet CO2 fl-industrija awtomotiva Ewropea, li hija mexxejja fir-rigward ta' l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp. Il-KESE jaqbel ma' l-istqarrija tal-Kummissjoni li standards vinkolanti mhux dejjem jippermettu li l-potenzjal tar-riċerka jiġi żviluppat bis-sħiħ u li jistgħu jfixklu l-progress fis-soluzzjonijijet li għandhom jiġu adottati. |
|
4.5.4 |
L-industrija tal-bini għandha rwol kruċjali x'taqdi fl-implimentazzjoni ta' l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija kemm fil-bini l-ġdid kif ukoll fl-adattament ta' bini eżistenti. Iżda f'bosta pajjiżi l-industrija damet ħafna sabiex tadatta għal metodi aktar effikaċi u rreżistiet l-impożizzjoni ta' standards ogħla. Hemm bżonn li jsir sforz kbir sabiex jiġu edukati mill-ġdid dawk kollha kkonċernati fl-industrija dwar il-ħtieġa u l-fattibilità ta' standards ogħla, u sabiex jiġu pperswaduti li għandhom ikunu dejjem fuq ta' quddiem nett fit-tnedija ta' standards ta' effiċjenza aħjar minflok ma jirreżistu l-bidla. Id-disinjaturi, il-maniġers u l-persuni li jaħdmu fl-artiġjanat fis-snajja kollha differenti fis-settur tal-bini għandhom bżonn ta' taħriġ ġdid dwar x'jista' jinkiseb fl-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija u inċentivi ġodda sabiex jinkisbu dawn il-livelli. |
|
4.6 |
Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-inċentivi u l-istrateġiji ta' ffinanzjar u taxxa proposti mill-Kummissjoni, b'mod partikulari li jinvolvu l-BEI u l-BERŻ. Huwa jappoġġja wkoll passi li jżidu l-kuxjenza fis-settur bankarju Ewropew tal-bżonn li jiġi pprovdut appoġġ finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali għall-enerġija. It-tneħħija tal-barrieri legali li għad baqa' għall-kumpaniji li jipprovdu soluzzjonijiet ta' effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija (ESCOs) huwa partikularment importanti għal dan il-għan. |
|
4.6.1 |
Il-KESE jsejjaħ sabiex tinżamm konferenza ddedikata għall-iffinanzjar ta' l-effiċjenza ta' l-użu ta' l-enerġija sabiex titqajjem kuxjenza fost il-partijiet interessati u sabiex is-settur bankarju Ewropew jitħeġġeġ sabiex jieħu sehem fi proġett ewlieni sabiex tiġi modernizzata l-ekonomija Ewropea. Il-banek jistgħu jieħdu sehem f'tip ta' sfida għall-millennju, bi premijiet għal dawk li jkunu adottaw l-aħjar soluzzjonijiet għall-iffinanzjar ta' l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija. |
|
4.7 |
Fil-fehma tal-KESE, kampanji sabiex titqajjem kuxjenza fost iċ-ċittadini huma essenzjali; jistgħu jiġu żviluppati minn awtoritajiet nazzjonali u lokali, manifatturi u provvedituri ta' l-enerġija. Ir-rwol ta' l-awtoritajiet reġjonali bħala mezzi tax-xandir “imparzjali” li jittrasmettu informazzjoni lill-pubbliku għandu jiġi enfasizzat. Għandha ssir pubbliċità wiesgħa tar-riżultati ta' suċċess ta' l-inizjattivi għall-iffrankar ta' l-enerġija. Ir-reklamar għandu jippromovi l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija u r-rispett għall-ambjent bħala kwalitajiet li ġenwinament jiddefinixxu l-prodotti, sabiex titħeġġeġ fehma iktar adattata ta' x'jikkostitwixxi s-simboli ta' l-istatus, li attwalment huma ta' sikwit assoċjati wisq ma' prodotti li m'humiex effiċjenti fl-użu ta' l-enerġija meta fil-fatt jintużaw. Il-KESE jappoġġja l-ħolqien tal-“Patt tas-Sindki” iżda jħoss li l-mira li jinġabru l-20 belt Ewropew ewlenin m'hijiex ambizzjuża biżżejjed. Il-mira għandha tkun ħafna ogħla u l-kompetenza lokali għandha tintuża b'mod iktar effettiv. Mod eċċellenti li jgħaqqad lill-amministraturi lokali inkarigati mill-politika tat-trasport urban ma' dawk inkarigati mill-attivitajiet fid-distretti li għandhom impatt dirett fuq il-pubbliku, ikun li jitnieda portal għall-iskambju ta' l-esperjenza bejn il-bliet ta' l-UE, fejn jgħixu 'l fuq minn 80 % tal-popolazzjoni ta' l-UE. L-għotja ta' “ċertifikati ta' muniċipalità effiċjenti fl-użu ta' l-enerġija” (l-ewwel ċertifikat ingħata lil muniċipalità żgħira Taljana: Varese Ligure) hija mingħajr dubju inċentiv ewlieni sabiex l-awtoritajiet lokali jadottaw politiki ta' effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija. Il-Kummissjoni tista' tniedi wkoll “Kompetizzjoni Ewropea ta' l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija” fost l-iskejjel Ewropej, bi premijiet għal dawk li joħorġu bl-iktar soluzzjonijiet effettivi li jikkombinaw l-iffrankar mal-kwalità. |
|
4.7.1 |
Il-KESE jiddispjaċih li l-Pjan ta' Azzjoni ma jqisx ir-rwol ewlieni li għandhom jaqdu l-imsieħba soċjali u d-djalogu soċjali fil-livelli kollha fl-evalwazzjoni, il-promozzjoni u l-iżvilupp ta' politiki ta' l-iffrankar ta' l-enerġija. Il-KESE jsejjaħ lill-Kummissjoni sabiex tieħu passi sabiex tħeġġeġ l-inkorporazzjoni tal-kwistjonijiet tas-sostenibilità ambjentali fil-livelli varji ta' l-istrutturi eżistenti tad-djalogu soċjali, partikularment fid-djalogu settorjali u fil-Kunsill għax-xogħolijiet Ewropew. Approċċ relatat max-xogħol, it-titjib fil-kwalità ta' informazzjoni pprovduta lill-impjegati u l-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema, jistgħu jaħsdu benefiċċji kbar f'termini ta' effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija, billi jitqiesu l-proċessi u t-teknoloġiji ġodda fl-industrija, il-kwistjonijiet tal-mobilità tal-ħaddiema, ir-riċiklaġġ u x-xogħol mid-dar, biex insemmu biss dawk li huma l-iktar importanti: huwa għalhekk assolutament essenzjali li r-rappreżentanti tal-ħaddiema jieħdu sehem fl-istrateġiji ta' l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija. Qasam potenzjali li jista' jiġi diskuss mill-imsieħba soċjali huwa l-ftehimiet kollettivi li, fuq il-bażi ta' sħubijiet ġenwini, iqassmu fost il-ħaddiema parti mill-iffrankar li jsir f'intrapriża. L-organizzazzjonijiet tat-trade unions għandhom rwol ewlieni x'jaqdu fit-titjib ta' l-għarfien u l-kuxjenza fil-livell Ewropew u nazzjonali, li jgħin fit-tixrid ta' l-aħjar prattiċi. |
|
4.7.2 |
Huwa importanti li l-kwistjoni ta' l-iffrankar ta' l-enerġija tmur id f'id ma' prattiċi tajbin tar-responsabilità soċjali korporattiva, partikularment fl-organizzazzjonijiet multi-nazzjonali, fejn hemm bżonn ta' djalogu soċjali iktar intensiv sabiex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet kollha relatati ma' l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija; dawn ser jgħinu sabiex isir progress fid-definizzjoni ta' strateġija Ewropea għall-użu moderat tal-karbonju, fil-kuntest li l-effetti kollha li huma ħżiena għas-saħħa, bħat-trab fin, li jikkostitwixxu emerġenza f'ħafna bliet Ewropej. It-tixrid tal-prattiċi tajbin, bħall-esklużjoni tal-karbonju mill-istamperiji, jew inizjattivi oħra, jikkontribwixxu lejn tqajjim ta' kuxjenza u mġiba pożittiva lejn il-politiki sostenibbli. |
|
4.8 |
Id-dimensjoni internazzjonali tal-kwistjoni taż-żieda fl-intensità ta' l-użu ta' l-enerġija hija enfasizzata sew mill-Kummissjoni. Il-KESE jappoġġja l-proposti għall-isħubija u t-tfassil ta' Ftehim Internazzjonali ta' Qafas. Fir-rigward tal-konferenza internazzjonali ppjanata fuq l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija, il-KESE jwissi kontra n-nuqqas ta' kunsiderazzjoni tal-bżonn li jiġu involuti pajjiżi mill-programmi ta' l-AKP, l-Euromed u l-PEV (Politika Ewropea tal-Viċinat). Il-kooperazzjoni internazzjonali hija essenzjali għall-ksib ta' żvilupp sostenibbli ta' suċċess, u għandhom isiru sforzi diplomatiċi sabiex jintlaħaq protokoll internazzjonali ġdid wara Kyoto, bil-konferenza li ser issir din is-sena f'Bali. |
|
4.9 |
L-industrija Ewropea, li qiegħda tiżviluppa teknoloġiji ewlenin fl-iffrankar ta' l-enerġija, tista', permezz tal-kooperazzjoni industrijali, tagħti assistenza konsiderevoli lil pajjiżi oħrajn fit-titjib fil-kwalità tal-produzzjoni tagħhom ta' l-elettriku, il-konsum ta' l-enerġija u l-ħolqien ta' emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra u b'hekk tgħin sabiex jitnaqqas il-konsum globali. |
Brussell, is-27 ta' Settembru 2007
Il-President
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Dimitris DIMITRIADIS
(1) Ir-raba' fattur: Nirdoppjaw il-ġid, innaqqsu bin-nofs l-użu tar-riżorsi.
(2) (Factor Four: Doubling Wealth, Halving Resource) Ernst. U von Weizsäcker, A. Lovins et al.
(3) TEN/276 — It-trasport fiż-żoni urbani u metropolitani; rapporteur: is-Sur Ribbe.
(4) Opinjoni dwar it-Tikkettar ta' l-effiċjenza enerġetika tat-tagħmir ta' l-uffiċċju rapporteur: is-Sur Voles.
(5) L-Artikolu 15 paragrafu 2 ta' din id-Direttiva jipprovdu għal perijodu ta' waqfien ta' tliet snin qabel ma tiġi applikata bis-sħiħ, f'każijiet fejn l-Istat Membru jista' jagħti prova li hemm nuqqas ta' esperti kkwalifikati u akkreditati. Dan jagħti lill-Istati Membri l-għażla mhux biss li jipposponu l-introduzzjoni ta' ċertifikati bojod, iżda wkoll li jiddifferixxu l-ispezzjonijiet fuq il-kaldaruni u pjanta ta' l-arja kondizzjonata. B'hekk ma tantx jidher li huwa possibbli li l-Kunsill ser jerġa' jiftaħ il-kwistjoni qabel l-2009 (u l-Kummissjoni nfisha tikkonfermah dan); qabel ma jidħlu fis-seħħ il-miżuri li huma mistennija li jġibu r-riżultati mixtieqa, ser ikollu jgħaddi iktar żmien sabiex tiġi adottata direttiva ġdida dwar il-kwistjoni.
(6) Paragun bejn mudelli ta' evalwazzjoni għall-istima ta' l-impatt enerġetiku u makroekonomiku ta' l-istandard Passivhaus, Giulio Scapin — Università ta' Padova — [2005-06], 30.5.2007, Tesi on line. it.
(7) Għandu jitfakkar li ħafna minn dawn it-trasformaturi fl-użu, jikkontjenu dak li huwa kkunsidrat bħala wieħed mill-iktar sostanzi ta' ħsara għall-bniedem: il-PCM (polychlorinated biphenyl), u qegħdin jitħejjew kampanji ta' sostituzzjoni u dekontaminazzjoni. (Ġie kkalkolat li, fl-Italja biss, madwar 200 000 minn 600 000 trasformatur qegħdin jintużaw jew ġew ikkontaminati mill-PCB minħabba l-kwalitajiet eċċellenti tiegħu għas-sħana, peress li fiż-żmien ta' l-użu mferrex tagħhom, il-karatteristiċi kimiċi u fiżiċi ta' ħsara immensa fil-każ ta' nar ma kienux magħrufa). Għaldaqstant m'għandhomx jiġu sostitwiti. Naturalment, il-produzzjoni lokali tfisser inqas telf waqt trasmissjoni iżda l-investiment neċessarju huwa għoli ħafna u hemm riluttanza fil-livell lokali sabiex jiġu aċċettati saħansitra impjanti żgħar ta' l-enerġija .
(8) Mill-Wikipedia: Żona speċifika ta' ġenerazzjoni konġunta hija triġenerazzjoni li, apparti milli tipproduċi l-elettriku, tuża l-enerġija mis-sħana eċċessiva mit-trasformazzjoni sabiex tipproduċi enerġija li tkessaħ, jew ilma mkessaħ għall-arja kondizzjonata jew għal proċessi industrijali wkoll. L-enerġija mis-sħana hija trasformata f'enerġija li tkessaħ permezz ta' ċiklu ta' refriġerazzjoni li jassorbi, li jaħdem billi jitbiddel l-istat ta' dik il-parti li tkessaħ u jintuża assorbent.
(9) L. Brown www.earthpolicy.org u r-Rapport ta' l-FAO 2005.
(10) TEN 286 — Progress fl-użu tal-bijokarburanti; rapporteur: Is-Sur Iozia.