15.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 10/8


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Is-semplifikazzjoni tal-kuntest leġislattiv fis-settur tal-makkinarju”

(2008/C 10/03)

Fit-8 ta' Jannar 2007 il-Viċi-Presidenti tal-Kummissjoni Ewropea Margot Wallström u Günter Verheugen talbu lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew sabiex iħejji Opinjoni esplorativa dwar: Is-Semplifikazzjoni tal-kuntest leġislattiv fis-settur tal-makkinarju.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-18 ta' Lulju 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Iozia.

Matul l-438 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-26 u s-27 ta' Settembru 2007 (seduta tas-26 ta' Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'138 voti favur, 2 voti kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

L-industrija mekkanika Ewropea hija fl-avangwardja u għandha importanza strateġika għall-ekonomija Ewropea. Fl-2006, id-dħul iġġenerat ammonta għal diversi mijjiet ta' biljuni ta' euro minn aktar minn 130 000 ditta li jesportaw terz tal-produzzjoni tagħhom. L-industrija mekkanika u dik elettromekkanika jimpjegaw 'il fuq minn 4 miljun ħaddiem u ħaddiema fl-Unjoni, b'valur miżjud għoli u livell għoli ta' konoxxenza.

1.2

L-industrija mekkanika u elettromekkanika, iktar minn industriji oħra tista' tippermetti li jintlaħqu l-miri ta' l-Aġenda ta' Lisbona, permezz ta' l-iżvilupp tat-taħriġ tul il-ħajja kollha, ta' l-iskambju ta' l-esperjenzi u ta' prattiċi tajbin, iż-żamma ta' l-ogħla livell tal-kapaċità kompetittiva tiegħu, u l-kapaċità tagħha li tidħol fl-iswieq mondjali.

1.3

Il-Kumitat jappoġġja l-inizjattivi tal-Kummissjoni li huma intiżi li jsaħħu l-kompetittività tas-settur, li jtejbu l-qafas ġuridiku ta' riferiment, permezz ta' regolamentazzjoni li hija aħjar u aktar effettiva, li tqis ir-realtajiet tas-settur, li huwa kkaratterizzat minn għexieren ta' għeluf ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju. Ta' l-anqas għal dan is-settur, leġislazzjoni aħjar ma tfissirx nuqqas ta' leġislazzjoni, iżda li toffri qafas stabbli, ċar u implimentazzjoni tar-regolamenti li hija faċli, bl-inqas spejjeż amministrattivi possibbli.

1.4

Il-Kumitat jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu għall-fatt li l-Kummissjoni talbitu jagħmel din il-biċċa xogħol delikata li jindividwa, bl-aktar qbil wiesa' possibbli, l-oqsma fejn il-leġislazzjoni Komunitarja għandha tiġi ssemplifikata, fil-kuntest ta' l-attivitajiet li wasslu lill-korpi leġislattivi sabiex jiżviluppaw leġislazzjoni aħjar u aktar sempliċi.

1.5

Il-Kumitat jinnota li bħalissa għaddejjin diversi inizjattivi ta' leġislazzjoni li jinteressaw lis-settur: hemm bżonn li jiġu bbilanċjati l-interessi varji li hemm fin-nofs, dawk ekonomiċi, soċjali u ambjentali. Il-ħolqien tas-suq intern ma jistgħax jidħol f'kunflitt ma' kunsiderazzjonijiet oħra li jistħoqqilhom attenzjoni kbira, bħas-saħħa, is-sigurtà tal-ħaddiema, il-protezzjoni tal-konsumaturi u l-ħarsien ta' l-ambjent, fil-kuntest tal-miri ta' l-aġenda ta' Lisbona. Fl-opinjoni tal-Kumitat hemm bżonn ta' strateġija integrata u koordinata ta' l-inizjattivi differenti.

1.6

Il-Kumitat jilqa' l-proposti li hemm fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Frar 2007, li għandhom l-iskop li jimmodifikaw l-aproċċ il-ġdid u li jsaħħu r-rwol ta' l-Istati Membri fl-attivitajiet ta' sorveljanza tas-suq; dawn mhux dejjem jiddedikaw riżorsi biżżejjed għal dan l-iskop. Il-Kumitat jappella sabiex jissaħħu d-dipartimenti tal-Kummissjoni li għandhom rwol ta' koordinazzjoni, monitoraġġ, u f'xi każijiet anke ta' kontroll ta' l-amministrazzjoni ta' proċeduri ta' akkreditar, l-attivitajiet tal-korpi ta' notifika u tal-kwalità taċ-ċertifikazzjoni tagħhom. Huwa jappoġġja l-ħolqien ta' “pjattaforma ta' komunikazzjoni” bejn l-operaturi ta' l-Istati Membri, li jridu jaġixxu b'mod proporzjonat u koerenti ma' l-objettivi tad-direttivi u l-politiki Komunitarji, biex b'hekk isseħħ konverġenza gradwali tas-sistemi u l-mudelli ta' sorveljanza tas-swieq.

1.7

Il-Kumitat jappella sabiex fl-attivitajiet ta' standardizzazzjoni l-partijiet interessati kollha jkunu jistgħu jipparteċipaw sa mill-bidu fid-definizzjoni ta' l-istandands, u b'hekk tissaħħaħ il-parteċipazzjoni kemm tal-kumitati tekniċi, speċjalment fil-livell lokali kif ukoll ta' l-istimi ta' l-impatt, mingħajr ma jkun hemm dipendenza eċċessiva fuq il-konsultazzjoni bl-internet, strument utli, iżda li ma jistgħax jintuża waħdu, speċjalment f'dan il-qasam, bħala strument ta' komunikazzjoni mal-partijiet interessati.

1.8

Fejn tidħol l-istandardizzazzjoni “armonizzata”, il-Kumitat iqis li din trid tkun disponibbli bla ħlas jew bi ħlas nominali, b'mod partikolari fil-każ ta' l-intrapriżi żgħar u ta' daqs u tiġbed l-attenzjoni għat-trattament differenti bejn id-ditti li ma jiġux minn pajjiżi li l-lingwi tagħhom jintużaw fil-ħruġ ta' l-istandards (l-Ingliż, il-Franċiż u xi kultant il-Ġermaniż) u l-oħrajn li m'għandhomx għalfejn jidħlu għal spejjeż ta' traduzzjoni li kultant huma kbar.

1.9

Il-Kumitat jenfasizza l-bżonn li jiġu eliminati l-ispejjeż amministrattivi mhux ġustifikati, sabiex b'hekk jitnaqqsu l-ispejjeż għas-sistema produttiva b'mod sinifikanti.

1.10

Il-Kumitat jappella lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra bis-serjetà l-bżonn li tippromovi l-istabblità ta' l-istandardizzazzjoni, u tilqa' wkoll is-suġġerimenti li joħorġu mingħand dawk li jaħdmu fil-qasam u tal-partijiet interessati prinċipali. Fejn jidħol il-qafas ġuridiku u l-bażi legali ta' riferiment, il-Kumitat jirrakkomanda lill-Kummissjoni, li qabel ma toħroġ regolament tqis jekk l-istess objettivi jistgħux jintlaħqu b'forom differenti, bħall-awto-regolamentazzjoni jew il-ko-regolamentazzjoni, sakemm ikun hemm garanzija ta' l-ogħla livell ta' trasparenza u parteċipazzjoni mill-partijiet kollha interessati u li jitqies dejjem l-iskop prinċipali tar-regolament u l-kontenut tiegħu, meta jintagħżel ir-riferiment indispensabbli għall-artikoli differenti tat-Trattat bħala bażi legali.

1.11

Il-Kumitat jappella sabiex jiġu eliminati l-ostakli tekniċi għat-twettiq tas-suq intern. Regolamenti nazzjonali u lokali li m'humiex ġustifikati joħolqu ostaklu effettiv u insormontabbli għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa tal-merkanzija.

1.12

Il-Kumitat jirrakkomanda li l-leġislazzjoni futura tiġi dejjem preċeduta minn stima ta' l-impatt ex ante, adegwata u attenta, li tikkunsidra l-grad ta' proporzjonalità, iżda wkoll ta' monitoraġġ sussegwenti, strett ħafna, sabiex jilqa' għal ħsara li jekk issir tkun irreparabbli għall-futur ta' l-intrapriżi tas-settur.

1.13

Id-djalogu soċjali settorjali Ewropew ser ikollu wkoll rwol essenzjali sabiex jidentifika l-inizjattivi komuni kollha intiżi sabiex isostnu l-iżvilupp ta' l-impjiegi u l-kompetittività tas-settur, fir-rispett tal-prinċipji irrinunċjabbli tas-sikurezza tal-ħaddiema, taċ-ċittadini u ta' l-ambjent. Il-prattiċi ta' responsabbilità soċjali ta' l-intrapriżi jistgħu jiffaċilitaw dan id-djalogu kostanti bejn l-intrapriżi u l-partijiet interessati, sabiex jiġu evitati użijiet impropji, jikbru l-kuxjenza u t-taħriġ tul il-ħajja kollha u tinħoloq relazzjoni pożittiva mar-reġjun involut u mal-konsumaturi finali.

2.   Il-kontenut tat-talba tal-Kummissjoni

2.1

Il-Kummissjoni Ewropea, fuq l-inizjattiva tal-Viċi Presidenti Wallström u Verheugen talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għal Opinjoni esploratorja li tanalizza l-koerenza globali tal-qafas regolamentari applikabbli għal settur industrijali, b'mod partikolari dak tal-makkinarju, sabiex tiġi identifikata sa fejn hi possibbli s-semplifikazzjoni. L-analiżi għandha tiffoka, barra milli fuq il-leġislazzjoni speċifika tas-settur, fuq il-qafas kollu ta' regolamentazzjoni li jolqot is-settur “makkinarju”.

2.2

Fid-dawl tal-ħsieb li jipparteċipaw il-partijiet interessati fil-proċess tas-semplifikazzjoni, b'mod partikolari fl-identifikazzjoni ta' dawk ir-regoli li joħolqu problemi partikolari, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-Kumitat għandu esperjenza vasta u notevoli u kompożizzjoni li hija verament pluralista u għalhekk huwa l-post ideali sabiex joħorġu u jiġu sintetizzati l-perspettivi ta' l-operaturi ekonomiċi u tas-soċjetà ċivili fl-Ewropa.

2.3

Fil-kuntest ta' l-esperjenza li kiseb il-Kumitat bl-Opinjonijiet numerużi tiegħu fuq leġislazzjoni aħjar u s-semplifikazzjoni (1) u l-artikolu 8 tal-Protokoll ta' kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-KESE, il-Kummissjoni tafda din il-biċċa xogħol importanti lill-Kumitat. Fil-każ li din il-ħidma tal-Kumitat tkun pożittiva u produttiva, il-Kummissjoni qiegħda tikkunsidra li ttenni din it-talba għal oqsma oħra rilevanti għall-aġenda tagħha u tal-Kumitat għal-leġislazzjoni aħjar.

2.4

Wara, il-Kummissjoni spjegat aħjar il-perspettiva tagħha, fejn iċċarat li leġislar aħjar ma jfissirx tnaqqis u li anzi, hemm bżonn li ta' l-anqas jinżamm l-istess livell ta' protezzjoni għall-ħaddiema, il-konsumaturi u l-ambjent, bil-għan li jiġi assigurat qafas ta' regolamentazzjoni li jippermetti kompetittività aħjar.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Qabel xejn, il-Kumitat jistqarr li huwa interessat ħafna li jiżvolġi r-rwol li jfittex li joħloq sinteżi bejn l-interessi differenti, sabiex joħroġ bi proposta ta' titjib u semplifikazzjoni fil-qafas normattiv u leġislattiv eżistenti. L-aħjar kultura tal-Kumitat tibbaża l-kapaċità tagħha li tinfluwenza l-proċess ta' deċiżjoni permezz tal-metodu tat-tiftix ta' l-aktar kunsens wiesgħa possibbli fost ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili li jesprimu interessi differenti. Il-fedeltà ċara għall-prinċipji u l-valuri Komunitarji, l-ekwilibriju, il-kwalità u l-element innovattiv fl-Opinjonijiet tiegħu, jirrendu l-Kumitat interlokutur importanti u b'saħħtu ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji. L-istimolu u kważi l-isfida li din it-talba mill-Kummissjoni titfa' fuq il-komponenti tal-Kumitat, filwaqt li jirnexxielu japprofitta minn din l-okkażjoni, tista' teżalta r-rwol ta' punt ta' laqgħa, diskussjoni u konfront li t-Trattati jirrikonoxxu li għandha s-soċjetà ċivili organizzata.

3.2

L-opportunità għall-Kumitat li jindika minn qabel l-oqsma li fuqhom għandha ssir il-ħidma sabiex jitjieb il-qafas ta' riferiment leġislattiv jiftaħ orizzonti ġodda ta' metodu u kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet Ewropej. Huwa ovvju li kull parti interessata, kull waħda għal rasha, diġà indikat il-ħtiġijiet u x-xewqat tagħha lill-Kummissjoni. Intrapriżi li jipproduċu jew li jużaw, ħaddiema, konsumaturi, korpi ta' standardizzazzjoni u awtoritajiet pubbliċi, diġà ppreżentaw l-idejat tagħhom dwar kif għandha “titjieb” r-regolamentazzjoni eżistenti. Il-metodi ta' konsultazzjoni li ġew adottati s'issa però, ma jippermettux sintesi iddettaljata tal-pożizzjonijiet differenti, u b'hekk daqqa xi ħadd u daqqa xi ħaddieħor jibqa' jħossu li ma ġiex mismugħ biżżejjed.

3.3

Il-Kumitat jista' joħloq din is-sintesi kemm minħabba l-esperjenzi li mmaturaw fi ħdanu, kif ukoll minħabba n-netwerks ta' relazzjonijiet rilevanti li normalment il-membri tiegħu jistgħu jaqaw fuqhom sabiex jiksbu kontribuzzjonijiet bbażati fuq l-esperjenza importanti. Dwar din it-tema, il-Kumitat diġà esprima ruħu in parti, fl-Opinjoni fuq inizjattiva proprja tiegħu “It-trasformazzjonijiet industrijali fis-settur ta' l-inġinerija mekkanika (2)”.

3.4

Il-Kumitat jinnota li bħalissa għaddejjin jew hemm imħabbra diversi inizjattivi fejn tidħol r-regolamentazzjoni Komunitarja fil-qasam tal-produzzjoni industrijali u, b'mod partikolari, fis-sotto-settur tal-makkinarju. Dawn l-inizjattivi jqajmu diversi problemi kumplessi ta' natura differenti. Jidher li jkun utli li dawn il-problemi jiġu eżaminati sabiex jitqiesu l-interessi differenti li r-regolamentazzjoni Komunitarja tipproteġi: iċ-ċirkolazzjoni ħielsa tal-merkanzija, is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema, il-protezzjoni tal-konsumaturi u l-ħarsien ta' l-ambjent, il-miri ta' l-istrateġija ta' Lisbona, kemm ekonomiċi kif ukoll soċjali. Dawn ir-regolamenti joriġinaw minn strumenti leġislattivi differenti u qatt ma sar studju ta' dan it-tip. Il-Kumitat iqis li effettivament wasal il-waqt li s-suġġett sħiħ jiġi affrontat b'mod organiku u strutturali.

3.5

Fil-kamp tal-produzzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni tal-materjali industrijali, ir-regolamentazzjoni Komunitarja ġiet elaborata b'mod progressiv. B'mod ġenerali hija ppermettiet armonizzazzjoni leġislattiva li ssemplifikat b'mod konsiderevoli l-ambitu ssemplifikat li fihom joperaw l-intrapriżi, anke jekk għandu jiġi enfasizzat li dan il-proċess għadu mhux komplut.

3.6

Ir-regolamentazzjoni Komunitarja, adottata mit-tieni nofs tas-snin 80, hija bbażata fuq żewġ korpi regolamentari kbar: xi wħud jirrigwardaw is-suq, l-oħrajn il-postijiet tal-ħidma. L-implimentazzjoni effettiva ta' din ir-regolamentazzjoni tissupponi l-intervent ta' numru kbir ta' atturi differenti: korpi ta' standardizzazzjoni u ta' notifika, diżinjaturi u manufatturanti, importaturi u aġenti, dawk li huma fil-muntaġġ u l-installazzjoni, korpi pubbliċi ta' spezzjoni u ta' żamma tal-kontroll (li jinkludu d-dwana u l-ġudikatura), l-intraprendituri, il-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom, eċċ. L-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi esprimew l-interess partikolari tagħhom li jkollhom rwol prattiku u effettiv, s'issa l-parteċipazzjoni tagħhom iqisuha insuffiċjenti. Il-kooperazzjoni bejn dawn l-atturi kollha hija essenzjali daqs il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi fil-livell nazzjonali u Ewropew.

3.7

L-applikazzjoni ta' dawn ir-regoli ma tidhirx li toħloq diffikultajiet kbar, iżda minkejja din l-evalwazzjoni pożittiva fuq il-livell ġenerali, hemm xorta numru ta' diffikultajiet prattiċi.

4.   Sigurtà mtejba, iżda mhux biżżejjed

4.1

Kull sena, fl-UE, l-inċidenti fuq il-postijiet tax-xogħol jikkawżaw bejn is-6 000 u t-8 000 mewt (li minnhom 40 % għadhom taħt il-35 sena) u mijjiet ta' għeluf ta' korrimenti. Parti minn dawn l-inċidenti huma kkawżati mill-għodod tax-xogħol. F'xi każijiet, in-nuqqas ta' effikaċja tal-forma ta' protezzjoni individwali jew formazzjoni mhux adegwata huma daqstant responsabbli. Madwar kwart mill-ħaddiema ta' l-UE jiddikjaraw li jridu jużaw xi forma ta' protezzjoni individwali sabiex iħarsu saħħithom u s-sigurtà tagħhom. L-aġenti fiżiċi prinċipali li joħolqu fatturi ta' riskju fil-qasam tax-xogħol huma ġeneralment marbuta ma' l-għodod tax-xogħol: il-ħoss, il-vibrazzjonijiet, ir-raġġi jonizzanti u mhux. Fatturi ergonomiċi għandhom rwol essenzjali fil-qasam tas-saħħa u s-sikurezza fuq ix-xogħol. F'numru ta' każijiet, l-għodda tax-xogħol tista' tikkawża kuntatt ma' sustanzi kimiċi: l-effika tal-forma ta' protezzjoni individwali tista' tkun f'xi każijiet kruċjali.

4.2

Wieħed irid iżomm f'moħħu b'mod partikolari il-prodotti li huma ddestinati għal konsum wiesgħa minn pubbliku bla differenzjazzjoni u li żgur ma jkunx avżat dwar ir-riskji marbuta mal-makkinarju li jixtri jew jikri. Sfortunatament iseħħu ħafna inċidenti lill-konsumaturi li jagħmlu użu ħażin, u dawn l-inċidenti ma jingħaddux ma' l-istatistiċi.

5.   Kooperazzjoni xi drabi diffiċli bejn l-atturi varji

5.1

Wieħed jinnota li l-kooperazzjoni bejn l-atturi li jaġixxu fis-suq uniku tiltaqa' ma' diffikultajiet u anke ma' reżistenza kbira li l-affarijiet isiru b'mod kompletament trasparenti: min-naħa tas-settur privat sabiex jipproteġi lilu nnifsu mill-konkorrenza jew mill-miżuri dixxipplinari, u min-naħa tas-settur pubbliku minħabba l-inerzja burokratika li xi drabi hija profonda! Per eżempju huwa ovvju l-bżonn li tiżdied il-kooperazzjoni bejn l-intrapriżi li jimmanifatturaw u dawk li jużaw il-makkinarju jew il-ħtieġa li tiżdied it-trasparenza fil-mod li bih ir-rekwiżiti essenzjali tad-Direttiva ta' “L-aproċċ il-ġdid” jiġu interpretati mill-korpi ta' standardizzazzjoni, l-awtoritajiet ta' kontroll, entitajiet ta' notifika u tal-konsulenti li joffru l-appoġġ tekniku lill-intraprendituri.

5.2

Din il-problema kienet fiċ-ċentru ta' l-attenzjoni tal-Kummissjoni fl-inizjattiva reċenti tagħha ta' reviżjoni fl-“Approċċ il-Ġdid”, li ġiet annunċjata fl-14 ta' Frar 2007, taħt it-titlu Il-pakkett il-ġdid għaċ-ċirkolazzjoni tal-prodotti fis-suq intern. Dan jikkonsisti fi Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-ħtiġijiet għall-akkreditazzjoni u s-sorveljanza tas-suq dwar it-tqegħid ta' prodotti fis-suq [COM(2007) 37 fin (3)] u l-Proposta tad-Deċiżjoni tal-Parlament u tal-Kunsill dwar qafas komuni għat-tqegħid ta' prodotti fis-suq [COM(2007) 53 fin (4)]. Il-pakkett jipproponi li “jissaħħu l-istrutturi ta' sorveljanza tas-suq sabiex jeskludi l-prodotti li m'humiex sikuri, billi jneħħihom mis-suq tal-Komunità u jaġixxi kontra l-intrapriżi frodulenti. Il-korpi ta' verifika, ċertifikazzjoni u spezzjoni li huma involuti fit-testjar tal-prodotti ser ikunu soġġetti għal kontrolli aktar iebsa fil-forma ta' akkreditu, sabiex jiġi żgurat livell regolamentari komuni kemm għall-intrapriżi kif ukoll għall-korpi ta' kontroll”. (F'dan il-perijodu fl-UE joperaw madwar 1 800 korp ta' notifikazzjoni, jiġifieri laboratorji, ċentri ta' ispezzjoni u ta' ċertifikazzjoni, suġġetti privati li jirċievu akkrediti sabiex joperaw mill-amministrazzjoni pubblika. Ta' min wieħed jinnota li fost dawn il-korpi “indipendenti” hemm dawk li ħarġu direttament mill-assoċjazzjonijiet ta' l-intrapriżi ta' manifattura, u b'hekk il-kunflitt ta' l-interessi jista' jsir verament problematiku! Fi Stat Membru, per eżempju, fis-settur biss ta' l-liftijiet ġew akkreditati aktar minn 80 korp ta' notifikazzjoni.

5.2.1

Tnejn u għoxrin sena wara l-pubblikazzjoni tar-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-7 ta' Mejju 1985, li daħħal il-prinċipji ta' l-approċċ il-ġdid, il-Kummissjoni tipproponi aġġornament u tisħiħ tal-kontroll fuq is-swieq, sabiex il-marka CE issir dejjem aktar affidabbli. Il-Kumitat iqis li l-metodu ta' l-approċċ il-ġdid, li involva 25 direttiva, li minnhom 21 kellhom l-ispeċifikazzjonijiet sabiex tingħata l-marka u 4 ma kellhomx, ta riżultati tajbin, u ffavorixxa l-iżvilupp tas-suq intern, iżda fl-istess waqt, il-KESE jqis li r-reviżjoni proposta hija bżonjuża. Iridu jiżdiedu l-poteri u r-responsabbiltajiet ta' l-Istati Membri, iżda anke dawk tal-Kummissjoni, li trid issaħħaħ id-dipartimenti sabiex tkun tista' żżomm monitoraġġ kontinwu ta' l-attivitajiet ta' sorveljanza tas-swieq, tal-mod kif jiġu akkreditati l-korpi ta' notifikazzjoni, u f'xi każijiet, anke ta' l-attivitajiet tagħhom. L-organizzazzjonijiet settorjali, fil-qasam tar-riċerka tal-Kummissjoni, esprimew ruħhom fil-parti l-kbira tagħhom favur dan it-tisħiħ ta' l-awtoritajiet nazzjonali u konsegwentement Ewropej.

5.3

Il-Kumitat jilqa' din l-inizjattiva li tillimita l-element ta' diskrezzjoni u valutazzjonijiet inkonsistenti, li jostakolaw l-iżvilupp tas-suq intern, billi joħloq żvantaġġi fil-kompetizzjoni għal dawk l-operaturi li jirrispettaw il-liġijiet. It-tfixkil fil-konkorrenza ikkawżat minn sorveljanza “aljenata” hija problema mill-aktar gravi, li toħroġ wieħed mill-limiti fl-implimentazzjoni ta' l-approċċ il-ġdid. Barraminhekk is-semplifikazzjoni u ċ-ċarezza tal-qafas leġislattiv huma fundamentali speċjalment għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ta' sorveljanza tas-swieq, kemm fiż-żona UE/ŻEE kif ukoll fil-livell internazzjonali. Huwa jappoġġja l-ħolqien ta' “pjattaforma ta' komunikazzjoni” bejn l-operaturi ta' l-Istati Membri, li jridu jaġixxu b'mod proporzjonat u koerenti ma' l-objettivi tad-direttivi u l-politiki Komunitarji, sabiex b'hekk isseħħ konverġenza gradwali tas-sistemi u l-mudelli ta' sorveljanza tas-swieq. Il-parteċipazzjoni tad-dwana f'din l-attività hija ta' importanza fundamentali.

5.4

Fil-livell Ewropew għandu jkun hemm kooperazzjoni akbar bejn id-direzzjonijiet interessati (per eżempju, ENTR, ENV, EMPL u SANCO), li jistgħu jaħdmu flimkien sabiex joħolqu “Gwidi” għall-użu tad-Direttivi esistenti, li naturalment ma jissostitwixxux il-liġijiet, iżda jistgħu joffru kontribuzzjoni valida u jistgħu jiffrankaw ħafna flus li jintefqu f'konsulenzi bla bżonn.

5.5

Fil-każ ta' prodotti staġjunali, bħall-makkinarju tal-ġnien, hemm bżonn li jiddaħħlu proċeduri ssemplifikati u aċċellerati, sabiex ma tintilifx l-opportunità tas-suq. Għal dan il-għan il-Kumitat jissuġġerixxi l-ħolqien ta' “Istitut ta' medjazzjoni”, fejn wieħed ikun jista' jiżgura li bżonnijiet partikolari ġġustifikati jkunu jistgħu jintlaqgħu filwaqt li tibqa' tinżamm il-garanzija ta' applikazzjoni rigoruża tar-regolamenti kollha, b'mod partikolari dawk marbuta mas-sikurezza.

6.   Obbligazzjonijiet amministrattivi mhux neċessarjament ġustifikati

6.1

Prijorità oħra li ġiet imħabbra mill-Kummissjoni hija t-tnaqqis ta' l-obbligazzjonijiet amministrattivi li m'humiex utli, u li għandhom impatt qawwi fuq il-kompetittività. Il-Kumitat isegwi b'interess l-isforzi tal-Kummissjoni f'dan il-qasam, li ġew konkretizzati bil-programm ta' azzjoni ippreżentat fl-24 ta' Jannar 2007, bl-objettiv li jonqsu bi kwart l-obbligazzjonijiet amministrattivi ta' l-intrapriżi sa l-2012.

6.2

Il-Kummissjoni tista' tikkontribwixxi sabiex jiġu solvuti b'mod prattiku xi problemi ta' implimentazzjoni tad-Direttivi, per eżempju billi tiċċentralizza lejha l-komunikazzjonijiet kollha li attwalment iridu jintbagħtu lill-Istati Membri individwalment, b'diffikultajiet enormi anke sabiex sempliċement jintbagħtu fl-indirizz it-tajjeb. Dan hu il-każ tad-Direttiva 2000/14/KE dwar l-emissjonijiet tal-ħoss, li għaliha trid tintbagħat dikjarazzjoni ta' konformità lil Stat Membru u lill-Kummissjoni, jew inkella tad-Direttiva 97/68/KE, dwar l-emissjonijiet tal-muturi tal-makkinarju tax-xogħol, li għaliha l-intrapriza trid tavża, jekk qiegħda fl-iskema “flessibbli”, lill-awtoritajiet kompetenti ta' kull Stat Membru, dwar it-tip ta' approvazzjoni li rċiviet u terġa tirrapporta lilhom kull sitt xhur.

6.3

L-intrapriżi jiltaqgħu ma' diffikultajiet kbar fl-implimentazzjoni prattika tad-direttivi dwar il-ħarsien tal-ħaddiema mill-aġenti fiżiċi. B'mod partikolari dik dwar il-vibrazzjonijiet, 2002/44/KE jew dik dwar ir-riskji ta' kuntatt ma' radjazzjonijiet ottiċi mhux jonizzanti, 2006/25/KE, joffru problemi kbar speċjalment għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju. Dawn il-problemi jistgħu jirrepetu rwieħhom fl-implimentazzjoni tad-direttiva li jmiss dwar ir-radjazzjonjiet ottiċi artifiċjali. Hemm bżonn ta' gwidi dwar l-implimentazzjoni prattika, għaliex inkella dawn id-direttivi mhux ser jilħqu l-iskop tagħhom. Ovvjament, fil-każ ta' impossibbiltà effettiva ta' l-implimentazzjoni prattika, hemm bżonn li ssir riflessjoni u li jsiru l-modifiki neċessarji malajr sabiex l-intrapriżi jkunu jistgħu jirrispettaw l-obbligazzjonijiet legali tagħhom.

6.4

Fil-qasam tal-produzzjoni industrijali u b'mod partikolari fil-produzzjoni tal-makkinarju, wieħed għandu jqis l-esiġenzi differenti meta tiġi affrontata l-kwistjoni ta' l-obbligazzjonijiet amministrattivi. It-traċċabilità ta' l-atturi differenti hija essenzjali kemm għas-sigurtà fiżika ta' min juża' l-prodott kif ukoll għaċ-ċertezza legali tar-relazzjonijiet kuntrattwali li jiġu stabbiliti fuq is-suq. Għalhekk hemm bżonn li jinstabu soluzzjonijiet ekwilibrati li jżommu l-kundizzjonijiet tat-trasparenza u tat-traċċabilità, mingħajr ma jżidu spejjeż amministrattivi inutli.

7.   Ir-rwol ta' l-istandardizzazzjoni

7.1

L-istandardizzazzjoni teknika għandha rwol importanti fit-tħaddim tar-regoli Komunitarji u tippermetti li jiġu kkonkretizzati l-ħtiġijiet essenzjali ta' sigurtà li jinstabu fil-leġislazzjoni. Ir-rispett għall-istandards joħloq suppożizzjoni ta' konformità mad-direttivi. Iċ-ċertifikazzjoni, meta hemm bżonnha, min-naħa ta' korpi ta' notifika akkreditati ma tistax tinfired mill-eżistenza ta' qafas leġislattiv magħmul minn regoli.

7.2

Flimkien, il-korpi Ewropej ta' standardizzazzjoni żvolġew ħidma utli ħafna bbażata fuq il-mandati tal-Kummissjoni. Fi kwalunkwe każ, l-iżvilupp ta' l-istandards jitlob proċedura aktar parteċipattiva li tinvolvi l-partijiet interessati u dan jiffaċilita paraguni suċċessivi, huwa fatt magħruf li llum dan qiegħed f'idejn numru strett ta' atturi. Il-parti l-kbira ta' l-industriji li jużaw il-makkinarju m'għandhomx la l-mezzi u lanqas ir-riżorsi sabiex isegwu din l-attività b'mod regolari. Il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema u tal-konsumaturi hija aktar marġinali. Sitwazzjoni bħal din tagħmilha diffiċli li wieħed iqis l-importanza ta' l-esperjenza akkwistata. Xi standards ma jindirizzawx il-preokkupazzjonijiet kollha li joħorġu f'dan il-qasam. Il-Kumitat jittama li l-parteċipazzjoni fil-kumitati tekniċi mill-partijiet interessati tiġi msaħħa, speċjalment fil-livell lokali, f'dan is-settur fejn ftit huma dawk li effettivament għandhom poter deċiżjonali. Il-Kumitat huwa ppreokkupat li l-ispejjeż li qegħdin jiżdiedu ta' l-istandardizzazzjoni jistgħu jfixklu l-kompetittività, u anke s-sikurezza, fejn, per eżempju, hemm preferenza li jittieħed ir-riskju li l-makkinarju jintuża' b'mod li m'huwiex adattat jew skond l-istandards. Xi intrapriżi żgħar u ta' daqs medju fl-Ewropa tal-lvant li jaħdmu mingħajr il-preparazzjoni xierqa jew li jagħmlu xi tibdil.

7.3

Il-Kumitat jilqa' l-inizjattivi li ġew annunċjati fil-15 ta' Marzu 2007 fil-Pjan ta' azzjoni għal standardizzazzjoni Ewropea, li fih kull Stat Membru ġie mistieden sabiex jirrapporta dwar l-istat ta' implimentazzjoni tal-miżuri li ttieħdu sabiex tiġi appoġġjata l-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati kollha fl-istandardizzazzjoni Ewropea u dik internazzjonali. Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, għandha tintegra l-osservazzjonijiet li saru fl-istandardizzazzjoni Ewropea. Il-parteċipazzjoni ta' l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju fil-proċeduri ta' standardizzazzjoni huwa essenzjali, kemm fil-livell Ewropew, kif ukoll dak nazzjonali u hemm bżonn li l-kontribuzzjoni tagħhom fil-proċessi futuri ta' standardizzazzjoni jsir effettiv.

7.4

F'ċerti każijiet, jista' jkun diffiċli għall-intraprendituri li jirrispettaw l-obbligazzjonijiet li joħorġu mill-leġislazzjoni dwar is-saħħa u s-sigurtà. L-istima ta' riskju, fil-fatt, mill-mument meta tiġi użata magna, timplika komplimentarjetà neċessarja bejn il-produttur u l-intrapriża li tużha. Jistgħu jqumu xi diffikultajiet jekk l-istandards ma jipprevedux li tingħata informazzjoni adegwata dwar ir-riskji residwi li l-intrapriża trid toqgħod attenta għalihom. Jekk l-intraprendituri m'humiex informati b'mod korrett dwar ir-riskji residwi marbuta mal-magna li qegħdin jixtru, ser ikun diffiċli għalihom li josservaw l-obbligazzjonijiet ta' l-istima tar-riskju li joħorġu mid-direttiva qafas 89/391/KEE u mid-19-il direttiva speċifika kumplementari tagħha fil-qasam tal-protezzjoni attiva u passiva tal-ħaddiema.

7.5

Id-disseminazzjoni ta' dawn l-istandards tista' tkun problematika għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju minħabba li jiswew ħafna sabiex jinxtraw; jekk l-istandardizzazzjoni twassal għal proċeduri ta' ċertifikazzjoni, l-ispejjeż amministrattivi ġeneralment huma ħafna ogħla minn dawk li jiddependu direttament fuq il-liġi.

7.6

L-istima tar-riskju li l-ispeċjalisti tal-CEN jiżviluppaw hija importanti ħafna għall-imprendituri, li jridu jżidu magħha analiżi speċifika marbuta ma' l-ambjent ta' ħidma fejn il-magna ser tiġi użata. L-ispiża għal dawn l-istandards armonizzati huwa għoli, speċjalment għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju. Il-Kumitat jirrakkomanda li tiġi eżaminata l-proposta li l-istandards “armonizzati”, li joħorġu mill-mandat li l-KE tagħti lis-CEN, ikunu disponibbli b'xejn jew bi prezz simboliku, sabiex jippermettilhom li jikkonformaw ma' l-obbligazzjonijiet leġislattivi Id-diffużjoni b'xejn fuq l-Internet, wara kollox, diġà ġiet implimentata b'suċċess min-naħa tas-settur tat-telekomunikazzjoni fejn xi standards ta' l-ETSI (European Telecommunication Standard Institute), huma accessibbli direttament minn fuq l-website.

8.   Il-promozzjoni ta' l-istabbiltà tar-regolamentazzjoni

8.1

Il-Kumitat jenfasizza li m'hemmx bżonn li kull darba jiġu mmodifikati direttivi li taw u qegħdin jagħtu riżultati tajbin. Żgur li l-ħidma u r-riżultati li wasslu għat-titjib komprensiv tad-direttiva 98/37/KE, il-famuża “direttiva tal-makkinarju”, kienu partikolarment kumplessi u, fl-aħħar, laħqu bilanċ tajjeb ħafna bejn l-interessi differenti. F'xi każijiet oħra forsi jkun aħjar jekk ma jkunx hemm eċċess tal-hekk imsejjaħ “titjib”, per eżempju bil-modifika tad-direttiva vultaġġ baxx, 73/23/KE, jew kif ġibdet l-attenzjoni l-assoċjazzjoni tal-kostrutturi tal-makkinarju, fin-nota tagħha tal-5 ta' Novembru 2004, dwar il-proposta xejn adattata tal-Kummissjoni sabiex tgħaqqad id-direttiva 87/404/ KE u d-direttiva dwar apparat ta' pressjoni 97/23.

8.2

Is-suq wera l-bżonn ta' qafas regolatorju stabbli u ċar sabiex l-investimenti jkunu jistgħu jiġu ppjanati bil-kwiet u jkunu konformi ma' regoli ċari, li ma jinbidlux kull ftit żmien. Mill-banda l-oħra r-riskju li s-“semplifikazzjoni” tista' twassal għal spejjeż amministrattivi akbar u għal żieda fl-ispejjeż għal proċeduri ta' valutazzjoni ta' konformità aktar kumplessi, teżisti fir-realtà.

8.3

Il-Kumitat, min-naħa l-oħra, fejn tidħol il-possibbiltà li jiġi użat l-artikolu 95 tat-Trattat, jifhem l-ħtiġijiet ta' l-intrapriżi produtturi, iżda jisħaq li l-qafas legali ta' riferiment li fuqu jibbaża l-ħruġ tad-direttivi jrid ikun konformi mal-prinċipji fundamentali tat-trattati, b'mod partikolari fejn tidħol il-bażi legali ta' l-istandards differenti. Huwa evidenti li l-objettiv u l-kontenut ta' l-att huma r-riferiment objettiv li bihom tiġi rrelatata l-implimentazzjoni tar-regoli differenti. Il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea, esprimiet lilha nnifisha, anke reċentement, dwar dan, b'diversi sentenzi, filwaqt li tiġi eskluża, madankollu, il-possibbilità li jista' jkun hemm bażi legali mħallta, meta r-riferimenti legali jkunu kuntrastanti jew jakkumulaw b'mod li jillimitaw id-drittijiet tal-Parlament. Mhux dejjem hu possibbli li tintlaħaq ix-xewqa ta' l-intrapriżi li fil-każ tad-disinn tal-prodotti r-referenza tkun għall-artikolu 95(3) tat-Trattat, meta objettiv ieħor ikun prevalenti, li notorjament jillimita l-poter ta' l-Istati Membri sabiex jirrinfurzaw r-regoli komunitarji, hekk kif inhu previst, per eżempju fl-artikolu 137 jew l-artikolu 175 (5). L-intrapriżi, fil-fatt, jindikaw l-ispejjeż żejda (li jitfgħu fuq l-utent finali) li jridu jiġu affrontati sabiex it-tibdil neċessarju għad-disinn u għal produzzjoni tal-makkinarju, fuq il-bażi tat-talbiet ta' kull Stat Membru. Hemm bżonn li jiġu ideati mudelli leġislattivi kumplementari li ma jisporġux, iżda li jillimitaw għall-essenzjali l-possibbiltajiet ta' l-Istati Membri li jadottaw miżuri distinti u differenti li jridu jirrispettaw il-prinċipju tar-raġonevolezza u tal-proporzjonalità.

8.4

Id-direttiva reċenti “REACH” immarkat żvilupp importanti fil-ħarsien tal-konsumaturi u tal-ħaddiema, il-Kumitat approva s-soluzzjonijiet tekniċi approvati u l-prospettiva ta' flessibilità marbuta ma' possibbiltà ta' semplifikazzjoni, iżda jindika b'ċertu preokkupazzjoni li l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju jistgħu jiltaqgħu ma' xi diffikultajiet, speċjalment jekk il-kontrolli ta' l-importazzjoni ma jkunux stretti daqs kemm titlob l-implimentazzjoni ta' din id-direttiva fundamentali. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, sabiex tosserva bir-reqqa l-modi ta' sorveljanza tas-suq ta' l-Istati Membri, li fis-settur li fuqu qegħdin nitrattaw, urew fil-passat ċerta diffikultà sabiex iwettqu r-rwol tagħhom b'mod effikaċi, anke minħabba li l-korpi ta' viġilanza li twaqqfu kienu neqsin mill-persunal. Għalhekk wieħed jista' jipprevedi, fuq il-bażi tal-prinċipju tal-preferenza lill-produzzjoni ġewwa l-Istati Membri, li l-ħidma tinqasam bejn l-awtoritajiet ta' sorveljanza, per eżempju skond il-qasam tal-prodott (valvijiet, attrezzaturi għat-tqandil u ċ-ċaqliq tal-merkanzija, pompi, kumpressuri, magni għall-industrija tal-manifattura, eċċ.).

8.5

Minkejja l-kontribuzzjoni fundamentali li s-settur ta' l-industrija mekkanika toffri lill-ekonomija Ewropea kollha kemm hi, jidher li l-Istati Membri ftit li xejn jinvestu fl-attivitajiet istituzzjonali li jiġu mgħoddija lilhom. Il-Kummissjoni tista' titlob din l-informazzjoni sabiex tqabbilha mar-riżultati prattiċi li nkisbu. Spiss il-kwalità u l-kwantità tal-kontrolli tiddependi fuq il-kapaċità/rieda individwali, iżda ħafna jiddependi fuq ir-riżorsi disponibbli.

9.   It-tneħħija ta' l-ostakli tekniċi għall-iżvilupp sħiħ tas-suq uniku

9.1

Fil-qasam tal-leġislazzjoni nazzjonali, hemm serje ta' ostakli tekniċi li joħolqu problemi kbar għall-intrapriżi. Wieħed mis-setturi milquta per eżempju, huwa dak tal-makkinarju mobbli li m'huwiex għall-użu fit-triq meta jkollu jivjaġġa fit-toroq pubbliċi. Ir-regolamenti differenti, fejn xi Stati Membri għandhom miżuri aktar stretti minn oħrajn iwassal għal bżonn li wieħed ikun armat b'diversi mudelli. Anki fit-terminoloġija hemm konfużjoni per eżempju bejn “intrapriżi” u “kumpaniji”. L-obbligazzjonijiet ta' reviżjoni previsti minn xi Stati Membri jġibu magħhom spejjeż addizzjonali, li ta' spiss huma duplikati għal kull pajjiż li jipprevedi ispezzjoni ta' korp speċifiku kemm fl-iżvilupp, kif ukoll fl-ittestjar, u fit-trasport. Il-Kumitat jittama li, b'mod partikolari fejn jidħlu l-miżuri ta' sigurtà, wieħed jasal għal armonizzazzjoni ta' l-istandards f'qasir żmien. Fejn jidħlu t-tratturi, per eżempju, barra mid-dispożizzjonijiet attwali fir-rigward ta' mirja li juru x'hemm wara u l-limiti fuq il-veloċità, hemm bżonn ta' dispożizzjonijiet dwar tekniċi speċifiċi għad-dwal ta' quddiem u ta' wara, iżda fuq kollox d-distanza għall-waqfien. Attwalment fit-toroq Ewropej qegħdin jiċċirkulaw tratturi li għandhom aktar minn 40 sena. Jekk gradwalment jonqsu l-inġenji l-qodma, jiġu ggarantiti livelli ogħla ta' sigurtà attiva u passiva.

9.2

Il-Kumitat jirrakkomanda li jiġi regolamentat l-użu tal-makkinarju tax-xogħol fuq it-toroq pubbliċi, b'mod partikolari:

li tiġi adottata proposta għall-armonizzazzjoni tal-leġislazzjoni nazzjonali attwali dwar l-użu tal-makkinarju tax-xogħol fuq it-toroq pubbliċi,

li tiġi użata l-metodoloġija ta' l-aproċċ il-ġdid,

li jkun hemm dispożizzjoni għal standards ta' riferiment li jissoponu konformità ma' l-obbligazzjonijiet,

li jinkludu dispożizzjonijiet adegwati għall-valutazzjoni tal-konformità, u għal xi sistemi (steering u brejkijiet) l-introduzzjoni ta' valutazzjoni tal-konformità li hija aktar stretta.

10.   Il-leġislazzjoni futura: parteċipazzjoni u istima ta' l-impatt

10.1

Il-Kumitat jitlob li fil-futur ikun hemm kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn ir-regolaturi u l-partijiet interessati dwar il-politiki futuri ta' regolamentazzjoni, permezz ta' djalogu effettiv, li jevita li jiddependi wisq fuq il-konsultazzjoni permezz ta' l-internet, peress li hemm bżonn li l-partijiet interessati jinteraġixxu bejniethom. Fil-fehma tal-Kumitat, dwar xi temi speċifiċi, l-konsultazzjoni kontinwa u frekwenti tippermetti li xi problemi jiġu evitati u b'hekk tiġi ggarantita kwalità aħjar ta' leġislazzjoni l-aktar standands effettivi.

10.2

Il-Kumitat iqis li huwa essenzjali l-iżvilupp ta' metodoloġija ta' stima ta' l-impatt fuq l-għażliet differenti li tkun komuni għall-istituzzjonijiet Ewropej — il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni u b'sistema xierqa ta' kontroll tal-kwalità.

10.3

Il-Kummissjoni għandha tqis dejjem jekk l-objettivi li jridu jintlaħqu għandhomx fil-fatt bżonn ta' qafas regolamentari, jew jekk humiex biżżejjed l-awto-regolamentazzjoni jew il-ko-regolamentazzjoni. Il-Kumitat iqis li bejn l-alternattivi differenti, għandha tingħażel dik li tista' tiggarantixxi l-istess objettivi bi spejjeż inqas u b'inqas piżijiet amministrattivi u li tiggarantixxi l-akbar trasparenza u l-akbar parteċipazzjoni possibbli mill-partijiet interessati.

10.4

Id-djalogu soċjali settorjali bejn il-partijiet jassumi rwol fundamentali. L-interessi komuni jistgħu iwasslu għal inizjattivi ta' żvilupp ta' formazzjoni speċifika, speċjalment fil-qasam tas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, iżda anke fit-taħriġ tul il-ħajja, li mhux biss ikabbar l-kompetenzi, iżda anke l-għarfien dwar problemi differenti ta' ġestjoni u organizzattivi marbuta ma' użu aħjar u aktar żgur tal-makkinarju. It-tema tar-responsabbilità soċjali ta' l-intrapriża, li tiżviluppa permezz ta' djalogu wiesa' li jinkludi l-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali, jista' jkollha impatt favorevoli fuq l-iżvilupp ta' kultura ta' intrapriżi siguri u produttivi, speċjalment fost l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, fejn id-diffikultajiet li jiġu mmaniġjati r-riskji huma evidentement ogħla.

10.5

Il-Kumitat iqis li għandu jinbeda proċess ta' riflessjoni li jippermetti lill-partijiet interessati kollha li jiżnu r-riżultati u l-limitazzjonijiet tar-regolamentazzjoni Komunitarja. Dan l-eżerċizzju jippermetti li tinstab direzzjoni għal żvilupp flimkien sabiex l-inizjattivi diferenti li jkunu għaddejjin ma jipproduċux soluzzjonijiet parzjali jew kuntradittorji. Id-deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni li tikkonsulta mal-partijiet interessati d-direttiva l-ġdida dwar il-makkinarju hija fid-direzzjoni t-tajba. Dawn l-inizjattivi għandhom jiżdiedu. B'mod partikolari l-Kumitat jenfasizza r-rabta li teżisti bejn l-inizjattivi differenti bħal dawk marbuta mal-programmi ta' azzjoni għat-tnaqqis ta' l-obbligazzjonijiet amministrattivi mhux meħtieġa u l-aproċċ il-ġdid (fl-14 ta' Frar 2007 il-Kummissjoni adottat il-proposta tagħha għal regolament u deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew għal qafas ta' reviżjoni ta' l-aproċċ il-ġdid, fuq il-bażi ta' konsultazzjoni pubblika dwar il-futur tas-suq intern): il-Kumitat huwa konvint li żvilupp u koordinazzjoni tajbin bejn dawn l-inizjattivi jistgħu jwasslu għal titjib reali fir-regolamentazzjoni attwali u l-implimentazzjoni konsistenti tagħha fost is-27 Stat Membru.

Brussell, is-26 ta' Settembru 2007

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  ĠU C 24, 31.1.2006 (Rapporteur: Retureau) u ĠU C 309, 6.12.2006 (Rapporteur: Cassidy).

(2)  ĠU C 267, 27.10.2005 (Rapporteur: Van Iersel).

(3)  Opinjoni INT/352, li qiegħda tiġi ppreparata (Rapporteur: Pezzini).

(4)  Opinjoni INT/353, idem 3.

(5)  C-94/03. Sentenza tal-Qorti fil-kawża tal-Kummissjoni Ewropea kontra l-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea — għażla tal-bażi legali.