27.10.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 256/108


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-flessigurtà (id-dimensjoni tal-flessibilità interna — in-negozjar kollettiv u r-rwol tad-djalogu soċjali bħala strument ta' regolamentazzjoni u r-riforma tas-swieq tax-xogħol)”

(2007/C 256/20)

B'ittra tat-13 ta' Frar 2007, il-Presidenza Portugiża talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew sabiex iħejji opinjoni dwar Il-flessigurtà (id-dimensjoni tal-flessibilità interna — in-negozjar kollettiv u r-rwol tad-djalogu soċjali bħala strument ta' regolamentazzjoni u r-riforma tas-swieq tax-xogħol.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-18 ta' Ġunju 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Janson.

Matul l-437 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-11 u t-12 ta' Lulju 2007 (seduta tal-11 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'163 vot favur, 2 voti kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Sommarju u konklużjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa' t-talba tal-Presidenza Portugiża sabiex iħejji opinjoni dwar il-flessigurtà, peress li d-dibattitu dwar il-flessigurtà s'issa kien illimitat l-iktar għaż-żieda tal-flessibilità esterna u kif din iż-żieda tista' tiġi kkumpensata permezz tat-tisħiħ tal-politiki tas-suq tax-xogħol jew permezz ta' dispożizzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Minflok, l-għan għandu jkun li jiġu enfasizzati dimensjonijiet oħra sabiex jinħolqu sitwazzjonijiet fejn jibbenefika minnhom kulħadd.

1.2

Il-KESE jixtieq jenfasizza li r-rwol ta' l-imsieħba soċjali għandu jissaħħaħ. L-imsieħba soċjali għandhom ikunu protagonisti fi kwalunkwe dibattitu dwar il-flessigurtà u għandu jkollhom rwol privileġġat fil-konsultazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni kellha għalhekk tagħmel iktar enfasi fuq il-konsultazzjoni, b'mod partikulari, ma' l-imsieħba soċjali Ewropej dwar id-definizzjoni tal-kunċett tal-flessigurtà.

1.3

It-tisħiħ tas-sistemi tar-relazzjonijiet industrijali fil-livelli Ewropej u nazzjonali huwa essenzjali f'kull diskussjoni dwar il-flessigurtà. Djalogu soċjali b'saħħtu u vitali fejn l-imsieħba soċjali jipparteċipaw b'mod attiv u jkunu jistgħu jinnegozjaw, jinfluwenzaw u jieħdu r-responsabbilità għad-definizzjoni, għall-komponenti u għall-evalwazzjoni tar-riżultati tal-flessigurtà huwa element prinċipali.

1.4

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jagħmlu sforz sabiex jorbtu d-diskussjonijiet li jistgħu jwasslu għar-riformi bbażati fuq il-kunċett tal-flessigurtà mat-tisħiħ u l-immodernizzar tar-relazzjonijiet industrijali fuq il-livelli kollha. Il-KESE b'hekk jixtieq jara konnessjoni iktar b'saħħitha bejn id-dibattitu dwar il-flessigurtà u t-tisħiħ tad-djalogu soċjali fuq il-livelli kollha, u n-negozjar kollettiv fil-livelli adattati filwaqt li tiġi rispettata d-diversità tas-sistemi differenti tar-relazzjonijiet industrijali fl-Istati Membri. Il-kunċett tal-flessigurtà għandu jtejjeb il-flessibilità u s-sigurtà b'mod bilanċjat. Il-kunċett tal-flessigurtà ma jfissirx it-tnaqqis unilaterali u illeġittimu tad-drittijiet tal-ħaddiema, idea li l-KESE ma jaċċettax.

1.5

Il-KESE jagħraf li, bir-rwol essenzjali ta' l-imsieħba soċjali fl-iżvilupp progressiv tal-politiki tal-flessigurtà fil-livell Ewropew, din id-diskussjoni ma tistax titqies bħala distinta mill-kontenut tad-djalogu soċjali Ewropew jew indipendenti mill-evoluzzjoni futura ta' l-iżvilupp tad-djalogu soċjali nnifsu.

1.6

Il-KESE jixtieq jenfasizza li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jagħtu iktar attenzjoni lill-ugwaljanza bejn is-sessi u lis-solidarjetà interġenerazzjonali fil-kuntest tal-flessigurtà. In-nisa, il-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien u ż-żgħażagħ huma ta' sikwit żvantaġġati fis-suq tax-xogħol fir-rigward ta' flessibilità u s-sigurtà, u wieħed għandu jfittex li jkun hemm aktar konverġenza għal dawn il-gruppi.

1.7

Il-KESE jixtieq li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jesploraw it-titjib ta' l-adattabilità permezz tal-flessibilità interna u jagħmluha dimensjoni vijabbli u aċċettabbli tal-flessigurtà. Il-flessibilità interna tista' taqdi rwol prinċipali sabiex jiżdiedu l-produttività, l-innovazzjoni u l-kompetittività, u b'hekk tista' tikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta' l-istrateġija ta' Lisbona. Jista' jkollha wkoll rwol importanti sabiex il-ħaddiema jkunu jistgħu jirrikonċiljaw aħjar ix-xogħol ma' attivitajiet u responsabilitajiet oħra u sabiex itejbu l-kwalità ta' l-impjieg tagħhom. Dan kollu bil-kondizzjoni fundamentali li jkun hemm qafas regolatorju li jassigura l-protezzjoni għall-impjieg u l-kura tas-saħħa, u li jipprovdi stabilità u sigurtà għall-ħaddiema. Il-ħarsien ta' l-impjieg ikkumbinat ma' servizzi effettivi ta' impjieg mill-ġdid u politiki attivi fis-suq tax-xogħol huma essenzjali għall-adattabilità u s-sigurtà tal-kumpaniji u l-impjegati.

1.8

Fil-fehma tal-KESE, għandu jinstab bilanċ bejn il-flessibilità tal-ħin tax-xogħol u l-ħarsien tal-ħaddiema; l-aħjar garanzija għal dan huwa permezz ta' regolamenti stabbiliti fin-negozjar kollettiv, skond il-prattiċi nazzjonali. Negozjar bħal dan dwar il-flessibilità tal-ħin tax-xogħol jeħtieġ kuntest sod ta' drittijiet, istituzzjonijiet soċjali li jaħdmu sew u sistemi ta' sigurtà soċjali favur li huma favur l-impjieg li jappoġġjawh.

1.9

Il-flessibilità operattiva hija ugwalment kwistjoni ewlenija tan-negozjar kollettiv bejn l-imsieħba soċjali. Permezz ta' negozjar bħal dan, il-ħtiġijiet ta' l-intrapriżi u l-ħaddiema jistgħu jiġu bbilanċjati u mtejba u l-kumpens adegwat għall-ħaddiema li jtejbu l-kapaċitajiet tagħhom jista' jiġi definit.

1.10

Il-flessibilità operattiva teħtieġ titjib kontinwu ta' l-għarfien u l-ħiliet tal-ħaddiema u infrastruttura ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ li tiffunzjona sew sabiex tappoġġjaha. Filwaqt li fil-passat saru ħafna impenji għat-tagħlim tul il-ħajja, għad fadal ħafna x'jinkiseb fil-prattika.

2.   Sfond

2.1

Il-Presidenza Portugiża talbet lill-KESE sabiex iħejji opinjoni esploratorja dwar il-flessigurtà, li tinkludi kwistjonijiet bħal:

1)

id-dimensjoni tal-flessibilità interna;

2)

in-negozjar kollettiv u r-rwol tad-djalogu soċjali bħala strument ta' regolamentazzjoni u r-riforma tas-swieq tax-xogħol.

2.2

Bosta indikazzjonijiet fil-linji gwida għall-politika ta' l-impjieg (2005-2008) jistgħu jifformaw il-bażi għal diskussjoni dwar il-flessigurtà. Il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2006 talab lill-Istati Membri sabiex jagħtu attenzjoni speċjali lill-isfida prinċipali tal-“flessigurtà” (il-bilanċ bejn il-flessibilità u s-sigurtà). L-Istati Membri kienu mistednin sabiex isegwu, skond is-sitwazzjonijiet partikulari tas-swieq tax-xogħol, ir-riformi fis-suq tax-xogħol u l-politiki soċjali, u b'approċċ integrat lejn il-flessigurtà.

2.3

F'żewġ summits soċjali, b'konnessjoni mas-summits Ewropej ta' Diċembru 2006 u mbagħad ta' Marzu 2007, ġiet diskussa l-kwistjoni tal-flessigurtà.

2.4

Il-Kummissjoni stabbiliet grupp ta' ħidma espert sabiex jipproponi “mogħdijiet ta'flessigurtà”, jiġifieri sett ta' dimensjonijiet ta' flessibilità u sigurtà fil-ħajja tax-xogħol. B'din il-bażi, il-Kummissjoni ppubblikat komunikazzjoni dwar il-flessigurtà f'Ġunju 2007 li tinkludi l-preżentazzjoni ta' sett ta' prinċipji komuni. F'Diċembru 2007 għandu jiġi inkluż sett ta' prinċipji komuni fil-linji gwida ta' l-impjieg riveduti għall-2008. Il-Green Paper li timmodernizza l-liġi dwar ix-xogħol biex taffaċċa l-isfidi tas-seklu 21  (1), li r-rakkomandazzjonijiet tagħha huma ppreżentati x'imkien ieħor, inkludiet ukoll id-dimensjoni tal-flessigurtà, b'enfasi partikulari fuq il-kuntratt tax-xogħol.

2.5

Il-KESE jixtieq isemmi wkoll ix-xogħol importanti mwettaq mill-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet ta' l-Għixien u tax-Xogħol f'dan il-kuntest, li stabbiliet aspetti importanti dwar x'inhi l-flessigurtà.

3.   Dimensjonijiet ta' strateġiji tal-flessigurtà

3.1

a)

L-istrateġiji tal-flessigurtà jirreferu għal strateġiji li jipprovaw jikkumbinaw tipi varji ta' flessibilità u sigurtà tas-suq tax-xogħol b'mod bilanċjat sabiex tissaħħaħ l-adattabilità tal-ħaddiema u l-intrapriżi kif ukoll tipprovdihom bi stabilità u protezzjoni kontra r-riskji. Bħala eżempji tat-tipi ta' flessibilità u ta' sigurtà li wieħed jista' jsemmi huma:

Eżempji ta' flessibilità

Flessibilità esterna numerika

Aġġustament tal-volum ta' l-impjieg permezz ta' skambju mas-suq tax-xogħol estern; li jinvolvi t-tkeċċija, ix-xogħol temporanju, u l-kuntratti ta' perijodu fiss.

Flessibilità interna numerika

L-aġġustament temporali ta' l-ammont ta' xogħol fil-kumpaniji, li jinvolvi prattiċi bħal sigħat atipiċi u skemi tal-kontijiet tax-xogħol.

Flessibilità interna operattiva

L-organizzazzjoni fil-kumpanija permezz ta' taħriġ, multi-tasking u rotazzjoni tax-xogħol, ibbażata fuq il-ħila ta' l-impjegati li jaqdu diversi dmirijiet u attivitajiet.

Flessibilità finanzjarja

Il-varjazzjoni fil-paga bażi u addizzjonali skond il-prestazzjoni ta' l-individwu jew tal-kumpanija.

Eżempji ta' sigurtà

Sigurtà tax-xogħol

Sigurtà li tinħoloq mil-leġislazzjoni tal-protezzjoni ta' l-impjieg, eċċ., li tillimita l-ħila ta' min iħaddem li jkeċċi minn rajh.

Sigurtà ta' l-impjieg

Opportunitajiet ta' l-impjieg adegwati permezz ta' livelli għoljin tal-possibbilità ta' l-impjieg assigurat minn per eżempju t-taħriġ u l-edukazzjoni.

Sigurtà tad-dħul

Il-protezzjoni ta' livelli adegwati u stabbli ta' dħul.

Sigurtà konġunta

Is-sigurtà ta' ħaddiem li jkun jista' jirrikonċilja x-xogħol tiegħu jew tagħha ma' responsabbilitajiet jew impenji oħra aparti minn xogħol imħallas.

b)

Is-sigurtà legali tal-kuntratt ta' impjieg trid tiġi ttrattata separatament peress li din it-tip ta' sigurtà tfisser li l-kuntratt huwa infurzabbli kontra kulħadd u fil-qrati. Dan jimplika ż-żamma tar-rabda ta' subordinazzjoni li twassal, fost affarijiet oħra, għall-konsegwenzi kollha relatati mad-dritt għall-protezzjoni soċjali (miżmuma u applikata) għall-ħaddiem.

3.2

B'segwitu għat-tmexxija tal-Kummissjoni Ewropea u ispirat minn ċertu aspetti ta' l-eżempju Daniż, id-dibattitu dwar il-flessiġurtà fil-livell Ewropew ġie llimitat l-iktar għaż-żieda tal-flessibilità esterna u kif din iż-żieda tista' tiġi kkumpensata permezz ta' tisħiħ tal-politiki tas-suq tax-xogħol jew ta' dispożizzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Il-benefiċċji u l-iżvantaġġi tal-flessibilità esterna huma kwistjoni li dwarha l-opinjonijiet tat-trade unions u ta' l-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem ta' sikwit ma jaqblux. Barraminhekk, l-OECD (2) reċentement stqarret li l-leġislazzjoni tal-protezzjoni ta' l-impjieg m'għandha l-ebda impatt sinifikanti fuq ir-rata totali ta' l-impjiegi. Barraminhekk, l-ILO uriet li hemm relazzjoni pożittiva bejn is-sigurtà ta' l-impjieg u l-produttività (ara l-Anness).

3.3

Din l-opinjoni timmira li twessa' d-dibattitu dwar il-flessigurtà bi tliet modi. L-ewwelnett, tfittex li tenfasizza li r-rwol ta' l-imsieħba soċjali f'dan id-dibattitu, u fir-riformi ġenerali tas-suq tax-xogħol, għandha tissaħħaħ. It-tieninett, il-KESE jixtieq jenfasizza li d-dibattitu dwar il-flessigurtà għandu jagħti aktar każ tad-differenzi bejn is-sessi u tal-kategorija taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol. L-ugwaljanza bejn is-sessi hija ġeneralment nieqsa mid-diskussjoni dwar il-flessigurtà. Minkejja l-fatt li żieda fil-flessibilità permezz tax-xogħol part-time hija milqugħa mill-maġġoranza tan-nisa u l-irġiel sabiex jiġi assigurat bilanċ aħjar bejn il-ħajja tax-xogħol u dik privata, in-nisa huma ta' sikwit żvantaġġati fis-suq tax-xogħol fir-rigward tal-flessibilità u s-sigurtà, u wieħed għandu jfittex li jkun hemm konverġenza 'l fuq ma' l-irġiel (3). It-tieletnett, il-KESE jikkunsidra bħala importanti li jitwessa' dan id-dibattitu permezz ta' l-esplorazzjoni ta' mezzi alternattivi sabiex jinkisbu l-adattabilità, l-iffaċilitar tat-tagħlim tul il-ħajja, it-titjib fil-produttività u t-trawwim ta' l-innovazzjoni, dimensjonijiet essenzjali tal-proċess ta' Lisbona. Dawn ukoll huma kwistjonijiet li l-KESE semma fl-opinjoni tiegħu dwar il-linji gwida ta' l-impjiegi (4). F'dan id-dawl, din l-opinjoni ma tindirizzax il-kwistjoni tal-flessibilità esterna iżda tiffoka fuq l-opportunitajiet għat-titjib ta' l-adattabilità permezz tal-flessibilità interna.

3.4

Il-flessigurtà hija ta' importanza partikulari għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) fid-dawl ta' l-importanza tagħhom f'termini ta' l-impjieg. B'konsegwenza ta' dan, il-politiki ta' l-Istati Membri fir-rigward tal-flessigurtà ser ikollhom jinkludu dispożizzjonijeit li jħarsu l-ħtiġijiet tal-SMEs u l-impjegati tagħhom.

3.5

Il-KESE jenfasizza li l-bażi tal-mudelli kollha tal-flessigurtà hija bbażata fuq sigurtà soċjali li tista' tassigura livelli għoljin ta' ħarsien soċjali, fuq teħid ta' responsabbilità min-naħa tas-servizzi pubbliċi b'mezzi suffiċjenti u fuq qafas legali stabbli għan-negozjar kollettiv u għad-djalogu soċjali. Sistemi ġenerali tas-sigurtà soċjali jistgħu jtejbu l-mobilità billi jassiguraw li l-ħaddiema ma joħorġux telliefa meta jiġu kkonfrontati b'bidliet li jolqtu l-post tax-xogħol tagħhom. Qafas stabbli għad-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv jipprovdi opportunitajiet għal imsieħba soċjali b'saħħithom sabiex jaqblu fuq kwistjonijiet prinċipali relatati mas-suq tax-xogħol.

4.   Il-flessigurtà u l-imsieħba soċjali

4.1

Il-flessigurtà tfisser id-deċiżjoni tal-bilanċ tad-drittijiet u l-obbligazzjonijiet bejn min iħaddem u l-ħaddiema. Id-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv huma strumenti kruċjali fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' kwalunkwe tip ta' riforma tas-suq tax-xogħol, inkluż il-flessigurtà. B'hekk, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jenfasizza li l-imsieħba soċjali huma protagonisti fi kwalunkwe dibattitu dwar il-flessigurtà fil-livelli kollha. L-imsieħba soċjali għandhom iktar u iktar jaqdu rwol prinċipali fid-definizzjoni tal-bilanċ bejn il-flessibilità u s-sigurtà, u b'hekk jikkontribwxxu lejn it-titjib tar-regoli tas-suq intern.

4.2

Fil-livell Ewropew, il-KESE jagħraf li l-Kummissjoni informat lill-imsieħba soċjali dwar il-pjanijiet tagħha fir-rigward ta' dan id-dibattitu. Madankollu, fuq dan is-suġġett, il-KESE jikkunsidra li l-Kummissjoni kellha titfa' enfasi ikbar fuq il-konsultazzjoni, b'mod partikulari, ma' l-imsieħba soċjali Ewropej dwar id-definizzjoni tal-kunċett tal-flessigurtà. Mingħajr il-parteċipazzjoni u l-impenn qawwi ta' l-imsieħba soċjali, ikun diffiċli li tiġi implimentata kwalunkwe tip ta' strateġija tal-flessigurtà.

4.3

Dwar is-sistema Daniża tal-flessigurtà (5), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew semma fl-opinjoni tiegħu li “l-imsieħba soċjali kellhom rwol prinċipali x'jaqdu fl-iżvilupp tal-flessigurtà stil Daniż, kemm fit-teħid tad-deċiżjonijiet kif ukoll fl-implimentazzjoni ta' oqsma bħall-politika tat-taħriġ u r-riformi strutturali fis-suq tax-xogħol. […] Ir-rwol ta' l-imsieħba soċjali huwa l-prodott ta' żvilupp storiku… parteċipazzjoni u kontribuzzjonijiet akbar mill-imsieħba soċjali jistgħu jsaħħu l-kapaċità tas-soċjetà sabiex tikkompeti u tadatta.”

4.4

Fl-Opinjoni tiegħu dwar il-Mudell Soċjali Ewropew (6), il-KESE enfasizza li “fir-rigward ta' l-arkitettura bażika tal-mudell soċjali Ewropew, ma jistax jiġi valorizzat iżżejjed ir-rwol fundamentali moqdi mill-imsieħba soċjali fl-oqsma tal-politika ekonomika u soċjali. F'dan il-kuntest, għandha tingħata attenzjoni lill-importanza partikulari tar-rwol regolatorju moqdi mill-assoċjazzjonijiet ta' min iħaddem u tal-ħaddiema fir-rigward tal-ftehim kollettiv u l-ftehim dwar il-pagi.”

4.5

L-aġenda tal-flessigurtà għalhekk m'għandhiex titħejja minn fuq għal isfel, jiġifieri definita mill-Kummissjoni u diskussa mill-gvernijiet ta' l-Istati Membri. L-imsieħba soċjali għandhom ikunu jistgħu jinnegozjaw, jinfluwenzaw u jieħdu responsabilità għad-definizzjoni, il-komponenti u l-evalwazzjoni tar-riżultati tal-flessigurtà. Peress li l-flessigurtà hija relatata b'mod daqshekk strett mad-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv, l-iżvilupp tad-dibattitu dwar il-flessigurtà ser jenfasizza wkoll in-nuqqasijiet li jeżistu fid-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv. Dawn in-nuqqasijiet għandhom jiġu indirizzati fl-istess ħin li l-aġenda tal-flessigurtà qiegħda titressaq 'il quddiem. Il-KESE b'hekk jixtieq jara konnessjoni iktar b'saħħitha bejn id-dibattitu dwar il-flessigurtà u t-tisħiħ tad-djalogu soċjali fil-livelli kollha, u n-negozjar kollettiv fil-livelli adattati filwaqt li tiġi rispettata d-diversità tas-sistemi differenti tar-relazzjonijiet industrijali fl-Istati Membri.

4.6

Id-djalogu soċjali fil-livell Ewropew huwa uniku fid-dinja, peress li jagħti lill-imsieħba soċjali r-rwol ta' ko-leġislaturi fil-qasam soċjali. F'dawn l-aħħar snin dan ġie żviluppat lejn djalogu soċjali iktar awtonomu. L-imsieħba soċjali għandhom id-dritt li jindirizzaw kwistjonijiet ta' tħassib komuni għall-ħidma aħjar tas-suq tax-xogħol Ewropew. Il-KESE jagħraf li, bir-rwol essenzjali ta' l-imsieħba soċjali fl-iżvilupp progressiv tal-politiki tal-flessigurtà fil-livell Ewropew, din id-diskussjoni ma tistax titqies bħala separata mill-kontenut tad-djalogu soċjali Ewropew jew mit-tkomplija ta' l-iżvilupp tad-djalogu soċjali nnifsu. L-imsieħba soċjali, fil-programm multiannwali tagħhom qablu li jesploraw aspetti ta' flessigurtà, iżda wkoll li jaħdmu lejn żvilupp ta' fehma komuni dwar l-istrumenti tad-djalogu soċjali Ewropew (7). Il-KESE żviluppa l-pożizzjoni tiegħu dwar is-suġġett fl-Opinjoni bit-titolu “Il-kapaċità għall-impjieg u l-ispirtu intraprenditorjali — ir-rwol tas-soċjetà ċivili, l-imsieħba soċjali u l-korpi lokali u reġjonali mill-perspettiva tal-ġeneru” (8).

4.7

Fl-Istati Membri hemm bosta eżempji, fil-livelli kollha, tar-rwol kruċjali li kellhom l-imsieħba soċjali fit-tijib tal-flessibilità u tas-sigurtà għal min iħaddem u l-impjegati. Ftehim kollettiv fih innifsu m'huwiex biss fattur ta' sigurtà għal min iħaddem u għall-impjegati, iżda jippermetti wkoll flessibilità negozjata. L-inklużjoni ta' aktar elementi ta' flessibilità interna, l-avvanz fill-karriera u d-drittijiet għat-tagħlim tul il-ħajja kollha qegħdin isiru iktar u iktar naturali f'ambjent dejjem iktar kompetittiv. Madankollu, fl-Istati Membri fejn id-djalogu soċjali huwa inadegwat minħabba sistemi fraġli ta' relazzjonijiet industrijali, dan ukoll jesponi lill-ħaddiema b'mod eċċessiv għall-forzi tas-suq fis-suq tax-xogħol u ta' sikwit joffri protezzjoni limitata ħafna. Għalhekk l-immodernizzar tas-sistemi tar-relazzjonijiet industrijali fl-Istati Membri għandu jimxi id f'id ma' kwalunkwe diskussjoni dwar il-flessigurtà fl-Istati Membri.

4.8

Il-KESE jixtieq li, f'dan il-kuntest, jenfasizza xi eżempji ta' ftehim bejn l-imsieħba soċjali:

ftehimiet Daniżi ta' negozjar kollettiv li jintroduċu perijodi tan-notice mandatorji sabiex il-ħaddiema jkunu jistgħu jippreparaw aħjar għal xogħol ieħor;

fl-Isvezja, ftehimiet kollettivi fil-livell ta' l-industrija waqqfu fondi għat-“transizzjoni tal-karriera” iffinanzjat mis-settur tan-negozju u mmexxi b'mod konġunt mill-imsieħba soċjali. Dawn il-fondi jipprovdu lill-ħaddiema li rċevew in-notice tagħhom b'taħriġ, assistenza għat-tfittxija tax-xogħol, jew internship f'kumpaniji oħra, saħansitra waqt li jkunu għadhom impjegati formalment mill-kumpanija li qiegħda tkeċċihom;

il-ftehim tripartitiku Spanjol dwar kif għandu jiġi llimitat l-użu tal-kuntratti tax-xogħol għal perijodu fiss. Dan huwa bbażat fuq il-prinċipju li proporzjon għoli ħafna ta' xogħol għal perijodu fiss m'huwiex fl-interess komuni tax-xogħol u l-intrapriża.

Il-ftehimiet kollettivi Ġermaniżi bil-possibbilità ta' l-organizzazzjoni flessibbli tal-ħin tax-xogħol u sa ċertu punt ta' l-organizzazzjoni tax-xogħol, imfassla u implimentati bi ftehim mar-rappreżentanti tal-gruppi interessati involuti fil-kumpanija kkunċernata.

Il-KESE jikkunsidra wkoll li l-ftehimiet konklużi mill-imsieħba soċjali Ewropej dwar, per eżempju, ix-xogħol għal perijodu fiss, il-leave tal-ġenituri, ix-xogħol part-time u t-teleworking jagħmlu parti mill-kunċett tal-flessigurtà li jikkontribwixxi għas-sigurtà u l-flessibilità għall-ħaddiema u għall-impjegati.

4.9

Sabiex l-imsieħba soċjali jkunu jistgħu jinnegozjaw fuq kwistjonijiet ċentrali fis-suq tax-xogħol bil-għan li jinkiseb bilanċ li huwa soċjalment aċċettabbli bejn il-flessibilità u s-sigurtà, irid ikun hemm qafas legali nazzjonali li jħeġġeġ l-imsieħba soċjali sabiex jikkontribwixxu u jinnegozjaw b'mod effettiv fuq il-kwistjonijiet tal-flessigurtà. Ir-regolamentazzjoni tal-ħarsien ta' l-impjieg u qafas leġislattiv b'saħħtu jistgħu jagħtu lill-imsieħba soċjali possibbilitajiet sabiex jinnegozjaw ftehimiet li jippromovu l-isforzi, il-kooperazzjoni u r-rieda għat-taħriġ tal-ħaddiema, li jkollu effett pożittiv fuq l-impjieg globali u fuq l-effiċjenza ekonomika. Il-kontribuzzjoni ta' l-imsieħba soċjali tassigura li tingħata konsiderazzjoni kemm lill-interessi ta' l-intrapriża kif ukoll lill-interessi tal-ħaddiema. B'żieda ma' dan, il-ħarsien ta' l-impjieg flimkien ma' servizzi effettivi għall-impjieg mill-ġdid u politiki attivi fis-suq tax-xogħol huma essenzjali għall-adattabilità u s-sigurtà tal-kumpaniji u l-impjegati.

4.10

Il-kontribuzzjoni ta' l-imsieħba soċjali tista' tkun li jimmiraw li tiżdied il-mobilità protetta u li t-transizzjonijiet isiru vijabbli. Dawn jistgħu jgħinu fl-organizzazzjoni tal-kontroll kollettiv u negozjat ta' l-opportunitajiet u d-drittijiet tas-suq tax-xogħol. Fil-fehma tal-KESE, dan jista' jiġġieled kontra t-tendenzi lejn is-segmentazzjoni u jtejjeb l-integrazzjoni.

5.   L-ugwaljanza tas-sessi, is-solidarjetà interġenerazzjonali u l-flessigurtà

5.1

Il-flessibilità u s-sigurtà fis-suq tax-xogħol jolqtu lill-irġiel u lin-nisa b'modi differenti. In-nisa ta' sikwit jaħdmu f'impjiegi iktar prekarji u mhux żguri, ikkaratterizzati minn flessibilità eċċessiva. Il-flessibilità eċċessiva, li f'xi każijiet tista' twassal għar-riskju ta' impjiegi prekarji u mhux sikuri, għandha tiġi kkumpensata b'forma adegwata ta' sigurtà. Barraminhekk, minħabba l-persistenza tar-rwoli tradizzjonali tas-sessi, in-nisa għandhom iktar responsabilitajiet ta' kura fejn jidħlu t-tfal u l-anzjani, u jiffaċċjaw diffikultatjiet ikbar fejn jidħlu l-kumbinazzjoni ta' l-attivitajiet tax-xogħol u dawk mhux tax-xogħol. B'żieda ma' dan, minkejja l-leġislazzjoni anti-diskriminatorja, id-disparità fil-ħlas bejn is-sessi tippersisti u n-nisa huma intitolati inqas f'termini ta' sigurtà soċjali, inkluż il-pensjonijiet. B'hekk, in-nisa huma ħafna iktar ta' sikwit milquta mill-aspetti negattivi tal-flessibilità.

5.2

Il-KESE jenfasizza li d-dibattitu dwar il-flessigurtà għandu jkollu dimensjoni sinifikanti dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, ħaġa li s'issa kienet nieqsa mid-diskussjoni dwar il-flessigurtà. Huwa importanti li titjieb is-sitwazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol billi jiġu indirizzati l-kwistjonijiet tal-flessibilità u s-sigurtà, jiġu inklużi impjiegi iktar sikuri, permezz ta' l-inklużjoni tagħhom fis-sistemi tas-sigurtà soċjali u l-appoġġ imsaħħaħ ta' l-istituzzjonijiet sabiex jirrikonċiljaw l-attivitajiet tax-xogħol u dawk mhux tax-xogħol. Barraminhekk, it-tqassim tar-responsabbilitajiet ta' kura u tad-dar bejn l-irġiel u n-nisa għandu jagħmel parti mid-dibattitu. Il-KESE, fl-opinjoni tiegħu dwar Ir-rwol ta' l-imsieħba soċjali fir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol, tal-familja u tal-ħajja privata  (9) żviluppa iktar il-pożizzjoni tiegħu dwar dawn il-kwistjonijiet għall-Presidenza Portugiża.

5.3

Minbarra d-dimensjoni tas-sessi, il-flessigurtà għandha wkoll dimensjoni ġenerazzjonali. Ir-rata ta' l-impjieg hija iktar baxxa fost il-ħaddiema ta' età ikbar meta mqabbla mal-forza tax-xogħol ġenerali. Iż-żgħażagħ ukoll, f'ħafna Stati Membri jiffaċċjaw suq tax-xogħol li huwa inċert b'livell ta' qgħad għoli, kuntratti ta' perijodi fissi, kopertura ta' sigurtà soċjali insuffiċjenti u xogħol li għalih huma kkwalifikati żżejjed.

5.4

Il-KESE (10) ġibed l-attenzjoni li l-impjiegi għandhom ikunu ta' l-istess livell għat-taħriġ u għall-esperjenza vokazzjonali ta' kull individwu, mingħajr l-ebda diskriminazzjoni minħabba l-età, u li l-Istati Membri kollha għandhom jittrasponu u japplikaw id-direttiva dwar it-trattament indaqs fl-impjiegi u fix-xogħol (2000/78/KE). Il-KESE sejjaħ ukoll għal politika li tappoġġja impjiegi ta' kwalità għolja u li tista' tiggwida u tħarreġ ġenerazzjonijiet ta' ċittadini tul il-ħajja tax-xogħol tagħhom. Dan ifisser rwol proattiv għall-imsieħba soċjali u l-atturi ekonomiċi u soċjali kollha rilevanti fil-livelli lokali, nazzjonali u Ewropej.

5.5

L-imsieħba soċjali Ewropej ikkonkludew qafas ta' azzjoni dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi li jista' jintuża fid-dibattitu dwar il-flessigurtà wkoll. F'dan il-qafas ta' azzjoni huma identifikaw erba' prijoritajiet: l-indirizzar ta' rwoli tas-sessi, il-promozzjoni tan-nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet, is-sostenn tal-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol u l-indirizzar tad-disparità tal-ħlas bejn is-sessi.

5.6

Il-kunsiderazzjonijiet ippreżentati fil-paragrafu preċedenti, u d-djalogu bejn l-imsieħba soċjali, għandhom jagħtu l-istess importanza lill-problema tal-ħaddiema b'diżabilitajiet u ta' l-istudenti żgħażagħ.

6.   Il-flessigurtà u l-flessibilità interna

6.1

Il-flessibilità interna hija kwistjoni li ma ġietx żviluppata biżżejjed fid-dibattitu tal-flessigurtà. Il-flessibilità interna tikkonċerna l-flessibilità tal-ħin tax-xogħol u l-flessibilità operattiva u ssaħħaħ l-adattabilità. Din hija tipikament kwistjoni fejn l-imsieħba soċjali għandhom esperjenza kbira fin-negozjar ta' ftehim kollettiv b'riżultati pożittivi. Il-flessibilità interna jista' jkollha rwol prinċipali fil-promozzjoni tal-produttività, l-innovazzjoni u l-kompetittività, u b'hekk tista' tikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta' l-istrateġija ta' Lisbona. Jista' jkollha wkoll funzjoni importanti sabiex tippermetti lill-ħaddiema jirrikonċiljaw aħjar ix-xogħol ma' attivitajiet u responsabbilitajiet oħra u sabiex itejbu l-kwalità ta' l-impjieg tagħhom. Għat-tnejn li huma tista' żżid l-istabilità u ċ-ċertezza. Madankollu, il-flessibilità interna tista' ssir eċċessiva wkoll, li twassal għal kondizzjonijiet ħżiena tax-xogħol jew impjiegi prekarji, jew tfixkil fil-bilanċ bejn l-attivitajiet tax-xogħol u mhux tax-xogħol u jista' saħansitra jkollha effetti ta' ħsara fuq il-kwalità tal-prodotti u l-provvista tas-servizzi lill-konsumaturi. Għalhekk, flessibilità bħal din hija vijabbli biss meta hija riżultat ta' negozjar kollettiv u meta tieħu l-forma fil-kuntest ta' regolamenti legali li jassiguraw il-protezzjoni tax-xogħol u s-saħħa u li jipprovdu stabilità u sigurtà lill-ħaddiema. Is-segwitu ta' flessibilità interna negozjata f'kuntest legali bħal dan jikkostittwixxi approċċ vijabbli u jimmira li jassoċja titjib tal-kompetittività mat-titjib fil-kwalità tal-ħajja ta' l-impjieg u x-xogħol.

6.2   Il-flessibilità tal-ħin tax-xogħol

6.2.1

Il-flessibilità tal-ħin tax-xogħol titratta dwar it-tqassim ta' ħin normali tax-xogħol tul il-ġimgħa kif stabbilit mill-ftehimiet kollettivi u/jew mil-liġi fuq perijodu ta' żmien itwal. Jistgħu jibbenefikaw il-kumpaniji permezz ta' possibilitajiet li jaġġustaw għal varjazzjonijiet fid-domanda jew fil-persunal u li jutilizzaw kompletament l-investiment kapitali, billi jagħmlu użu mill-overtime, l-iskedi flessibbli tas-sigħat tax-xogħol tul perijodi predefiniti, xogħol bix-xiftijiet, eċċ. B'dan il-mod, il-flessibilità tal-ħin tax-xogħol tista' ssaħħaħ il-produttività u l-kompetittività.

6.2.2

Il-flessibilità tal-ħin tax-xogħol tista' titratta wkoll dwar it-tqassim tal-ħin tax-xogħol tul il-ħajja tax-xogħol ta' individwu u dwar il-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol (iżda mhux dwar it-tul tal-ġimgħa tax-xogħol regolari). Forom ta' dan it-tip ta' flessibilità tal-ħin tax-xogħol jistgħu ikunu ta' benefiċċju għall-ħaddiema permezz ta' possibbilitajiet li jorbtul-attivitatijet u r-responsabbilitajiet tax-xogħol u mhux, b'mod pożittiv, permezz ta' arranġamenti tal-flexi-time, kontijiet tat-tfaddil tal-ħin tax-xogħol, leave edukazzjonali jew tal-ġenituri, il-possibbilitajiet għal tibdil bejn xogħol full-time u part-time, eċċ.

6.2.3

Il-KESE huwa entużjast li jevita li l-flessibilità tal-ħin tax-xogħol titwessa' biss għall-benefiċċju ta' l-interessi kummerċjali, mingħajr ma titqies fl-istess ħin il-ħtieġa tal-ħaddiema għal protezzjoni (11). Barraminhekk, l-arranġamenti tal-ħin tax-xogħol għandhom tippromovi l-interessi tal-ħaddiema fil-kontroll aħjar fuq il-ħin tagħhom, tippermettilhom li jipproteġu s-saħħa u s-sigurtà, li huma vitali, u, fuq kollox, tippromovi kompatibilità aħjar bejn ix-xogħol u l-familja (12).

6.2.4

Għal dan il-għan, fil-fehma tal-KESE, għandu jiġi segwit bilanċ bejn il-flessibilità tal-ħin tax-xogħol u l-protezzjoni tal-ħaddiema, u din hija assigurata l-iktar permezz ta' regolamenti stabbiliti min-negozjar kollettiv. Filfatt, f'Opinjoni preċedenti, il-KESE stqarr li l-qafas tar-regoli fil-ftehimiet kollettivi huwa ta' importanza kruċjali għall-imsieħba soċjali, li għandhom abbundanza ta' kompetenza u esperjenza f'dawn il-kwistjonijiet (13).

6.2.5

Negozjar bħal dan dwar il-flessibilità tal-ħin tax-xogħol jeħtieġ qafas adattat għan-negozju kif ukoll kuntest sod ta' drittijiet u istituzzjonijiet soċjali li jappoġġjawh. Dawn jinkludu regoli li jipprovdu stabilità u protezzjoni għall-ħaddiema u protezzjoni soċjali għal kuntratti part-time, u li jiffaċilitaw l-iskemi tal-leave tal-ġenituri u l-iżvilupp ta' faċilitajiet għall-kura tat-tfal u ta' l-anzjani. Huwa importanti li l-leġislazzjoni tkun flessibbli u newtrali, sabiex b'hekk l-imsieħba jkunu jistgħu jsibu soluzzjonijiet adattati.

6.3   Il-flessibilità operattiva

6.3.1

Il-flessibilità operattiva tirreferi għall-użu tal-kapaċità tal-ħaddiema sabiex jaqdu dmirijiet differenti meta meħtieġ, permezz ta' rotazzjoni tax-xogħol, li jwessa' l-iskop tax-xogħol, u l-arrikkiment professjonali. Il-kumpaniji jistgħu jibbenefikaw billi jkunu jistgħu jaġġustaw it-tip ta' attivitajiet li jagħmlu l-ħaddiema, għall-varjazzjonijiet fid-domanda jew fil-persunal u sabiex jutilizzaw b'mod iktar produttiv ir-riżorsi umani u l-investimenti kapitali. Il-flessibilità operattiva tista' tkun ta' interess ukoll għall-ħaddiema minħabba li tista' ttejjeb l-opportunitajiet tagħhom għall-iżvilupp personali, it-tagħlim u l-possibbilità ta' l-impjieg, għas-sodisfazzjon tax-xogħol u t-titjib fil-pagi.

6.3.2

Il-flessibilità operattiva tista' tkun fattur ewlieni fis-segwitu ta' l-għanijiet ta' Lisbona għat-tjieba fil-produttività, l-innovazzjoni u l-kompettività. Kif uriet, per eżempju, il-fondazzjoni ta' Dublin, il-flessibilità operattiva konġunta mat-taħriġ għandha effett pożittiv fuq l-iżvilupp tal-ħiliet u ż-żamma tal-ħiliet, li mill-ġdid tinfluwenza l-produttività b'mod pożittiv (14).

6.3.3

Madankollu, il-flessibilità operattiva teħtieġ kondizzjonijiet ta' l-impjieg li huma sikuri, kondizzjonijiet tax-xogħol li huma deċenti, l-għotja tar-responsabilità lill-ħaddiema, u mezzi ta' ħidma kooperattivi. F'Opinjoni preċedenti, il-KESE żviuppa l-argument li skond dan, impjiegi sikuri, kondizzjonijiet tax-xogħol rispettużi għas-saħħa u arranġamenti tax-xogħol li jagħtu lill-ħaddiema iktar awtonomija f'xogħolhom huma fattur importanti għaż-żieda fil-produttività u b'hekk ta' l-innovazzjoni (15). Fl-istess Opinjoni, ir-rapporteur irrimarkat li l-metodi ta' ħidma innovattivi, li jinvolvu ġerarkiji li m'humiex prominenti u awtonomija ikbar, bħal xogħol ta' timijiet jew ta' gruppi, jippermettu li jiġu sfruttati l-għarfien u l-ħiliet tan-nies, filwaqt li, fl-istess ħin, jitqiesu d-domandi akbar għall-flessibilità fl-ekonomija. Kondizzjonijiet tajbin tax-xogħol u forom ta' organizzazzjoni tax-xogħol li jħeġġu l-awtorizzazzjoni u l-parteċipazzjoni huma prerekwiżiti ewlenin ukoll għat-tjieba fil-produttività tax-xogħol u t-tisħiħ fl-innovazzjoni ta' l-intrapriżi (16).

6.3.4

Il-Fondazzjoni ta' Dublin, madankollu, ġibdet l-attenzjoni għall-fatt li l-flessibilità operattiva tista' twassal għal iktar pressjoni u stress fix-xogħol. Għalhekk tenfasizza li huwa importanti li jinkiseb bilanċ bejn id-domandi tax-xogħol u l-kontroll tax-xogħol sabiex jiġi evitat il-burn-out fost l-impjegati (17).

6.3.5

Element bażiku ta' l-istrateġiji tal-flessibilità operattiva u l-istrateġiji tal-flessibilità ġenerali għandu jkun it-tagħlim tul il-ħajja. L-importanza tat-tagħlim tul il-ħajja għat-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema, l-opportunitajiet tal-karriera u l-produttività ġiet enfasizzata f'bosta Opinjonijiet reċenti tal-KESE (18). Il-flessibilità operattiva teħtieġ titjib kontinwu ta' l-għarfien u l-ħiliet tal-ħaddiema u infrastruttura ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ li tiffunzjona sew sabiex tappoġġjaha. Filwaqt li fil-passat saru ħafna impenji għat-tagħlim tul il-ħajja, għad fadal ħafna x'jinkiseb fil-prattika.

6.3.6

Il-flessibilità operattiva hija mill-ġdid kwistjoni ewlenija għan-negozjar kollettiv bejn l-imsieħba soċjali. Permezz ta' negozjar bħal dan, il-ħtiġijiet ta' l-intrapriżi u l-ħaddiema jistgħu jiġu bbilanċjati u mtejba u jista' jiġi definit il-kumpens adegwat għal ħiliet mtejba.

Brussell, 11 ta' Lulju 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Ara COM(2006) 708 finali. Il-Green Paper li timmodernizza l-liġi dwar ix-xogħol biex taffaċċa l-isfidi tas-seklu 21 u l-Opinjoni tal-KESE tat-30.5.2007 dwar Il-Modernizzazzjoni tal-Liġi dwar ix-Xogħol ĠU C 175, 27.7.2007.

(2)  OECD Employment Outlook 2006: Boosting Jobs and Incomes.

(3)  Xogħol li għadu għaddej “Ir-rwol ta' l-imsieħba soċjali fir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali, familjali u privata” SOC/271 (rapporteur: is-Sur Clever) u SOC/273 “Il-kapaċità għall-impjieg u l-ispirtu intraprenditorjali — ir-rwol tas-soċjetà ċivili u tal-korpi lokali u reġjonali mill-perspettiva tal-ġeneru” (rapporteur: is-Sur Pariza Castañoz).

(4)  Ara l-Opinjoni tal-KESE tal-31.5.2005 dwar “Il-Linji ta' Gwida dwar l-Impjiegi 2005-2008”rapporteur: is-Sur Malosse, ĠU C 286, 17.11.2005.

(5)  Ara l-Opinjoni tal-KESE tas-17.5.2006 dwar “Il-Flessigurtà: il-każ tad-Danimarka”rapporteur: is-Sinjura Vium, ĠU C 195, 18.8.2006.

(6)  Ara l-Opinjoni KESE tas-6.7.2006 dwar “Il-koeżjoni soċjali: insaħħu l-mudell soċjali Ewropew”rapporteur is-sur Ehnmark, ĠU Ċ 309, 16.12.2006.

(7)  Il-programm multi-annwali ta' ħidma ta' l-imsieħba soċjali għall-2006-2008 inkluda analiżi konġunta dwar l-isfidi ewlenin li qegħdin jiffaċċjaw is-swieq tax-xogħol Ewropej.

(8)  SOC 273 “Il-kapaċità għall-impjieg u l-ispirtu intraprenditorjali — ir-rwol tas-soċjetà ċivili, l-imsieħba soċjali u l-korpi lokali u reġjonali mill-perspettiva tal-ġeneru” (rapporteur: is-Sur Pariza Castaños).

(9)  Xogħol li għadu għaddej “Ir-rwol ta' l-imsieħba soċjali fir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali, familjali u privata” (rapporteur: is-Sur Clever).

(10)  Ara l-Opinjoni KESE ta' l-14.3.2007 dwar “L-impatt ekonomiku u baġitarju tal-popolazzjonijiet li qegħdin jixjieħu” ECO/186 rapporteur: is-Sinjura Florio, ĠU C 161, 13.7.2007.

(11)  Ara wkoll l-Opinjoni tal-KESE tal-11.5.2005 dwar “Id-Direttiva li temenda d-Direttiva 2003/88/KE dwar ċerti aspetti ta' l-arranġamenti tal-ħin tax-xogħol”, punt 3.4. rapporteur: is-Sinjura Engelen-Kefer, ĠU Ċ 267, 27.10.2005.

(12)  Ibid, punt 3.6.

(13)  Ara wkoll l-Opinjoni tal-KESE ta' l-1.7.2004 dwar “Id-Direttiva li temenda 93/104/KE li tkkonċerna ċerti aspetti ta' l-arranġamenti tal-ħin tax-xogħol”, punt 2.2.6. rapporteur: is-Sur Hahr, (ĠU Ċ 302, 7.12.2004).

(14)  http://eurofound.europa.eu/ewco/2004/02/NL0402NU03.htm.

(15)  Opinjoni tal-KESE tat-13 ta' Setttembru 2006 dwar “Il-kwalità tal-ħajja tax-xogħol, il-produttività u l-impjieg fil-kuntest tal-globalizzazzjoni u l-isfidi demografiċi”, rapporteur: is-Sinjura Engelen-Kefer, (ĠU Ċ 318, 23.12.2006, p.13).

(16)  Ibid, punt 1.4.

(17)  http://eurofound.europa.eu/ewco/2004/02/NL0402NU03.htm.

(18)  Opinjonijiet tal-KESE dwar “Il-Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja”rapporteur: is-Sinjura Mária Herczog. (ĠU C 195, 18.8.2006), u dwar “It-Taħriġ u l-Produttività (opinjoni esploratorja)”rapporteur: is-Sur Koryfidis, (ĠU C 120, 20.5.2005).